RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

16.11.2015 - (07192/2015 – C8‑0149/2015 – 2015/0052(NLE)) - ***

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Mariya Gabriel

Proċedura : 2015/0052(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0329/2015
Testi mressqa :
A8-0329/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir

(07192/2015 – C8‑0149/2015 – 2015/0052(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta’ deċiżjoni tal-Kunsill (07192/2015),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu dwar l-eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir (07119/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba ta' approvazzjoni ppreżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 77(2)(a) u l-Artikolu 218(6), it-tieni inċiż, punt a) v), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8-0149/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet inċiż, u l-paragrafu 2, kif ukoll l-Artikolu 108(7), tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0329/2015),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-ftehim;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u tar-Repubblika ta’ Vanuatu.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Qafas tar-relazzjonijiet u d-dispożizzjonijiet ġenerali tal-ftehim

Ir-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta’ Vanuatu huma regolati mill-Ftehim ta’ Sħubija bejn il-membri tal-grupp tal-Istati Afrikani, tal-Karibew u tal-Paċifiku minn naħa waħda u l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha min-naħa l-oħra, imsejjaħ il-"Ftehim ta’ Cotonou”.

Fil-qafas tal-emenda tar-Regolament (KE) Nru 539/2001 permezz tar-Regolament Nru 509/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, ir-Repubblika ta' Vanuatu ġiet ittrasferita lejn l-Anness II, li jistabbilixxi l-lista tal-pajjiżi terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżentati mill-obbligu ta’ viża biex jaqsmu l-fruntieri esterni tal-Istati Membri. Ir-Regolament Nru 539/2001 emendat għandu jiġi applikat fl-Istati Membri kollha, bl-eċċezzjoni tal-Irlanda u tar-Renju Unit.

Wara l-adozzjoni tal-imsemmi Regolament fil-20 ta’ Mejju 2014, il-Kunsill adotta fid-9 ta' Ottubru 2014 deċiżjoni li tawtorizza lill-Kummissjoni tiftaħ negozjati għall-konklużjoni tal-ftehim bilaterali bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Vanuatu. In-negozjati nfetħu fid-19 ta' Novembru 2014 u ġew konklużi fl-4 ta' Diċembru 2014. L-iffirmar ta’ dan il-ftehim seħħ fit-28 ta’ Mejju 2015 fi Brussell. Minn dik id-data ’l quddiem, il-ftehim għandu japplika fuq bażi proviżorja, sa meta jirċievi l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew.

Il-ftehim iffirmat jiddisponi għal vjaġġar mingħajr l-obbligu ta’ viża għaċ-ċittadini tal-Unjoni u għaċ-ċittadini tar-Repubblika ta' Vanuatu meta jivvjaġġaw lejn it-territorju tal-parti kontraenti l-oħra għal perijodu massimu ta' 90 jum fi kwalunkwe perijodu ta' 180 jum. L-eżenzjoni mill-viża tibbenefika lill-kategoriji kollha ta’ persuni (li huma detenturi ta’ passaport ordinarju, diplomatiku, ta’ servizz/uffiċjali, jew speċjali) li jivvjaġġaw għal kwalunkwe raġuni tkun xi tkun, minbarra l-eżerċizzju ta’ attività remunerata.

**

Ġustifikazzjoni tar-Rapporteur

Dan il-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża għas-soġġorni qosra jikkostitwixxi suċċess fl-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-Unjoni Ewropea u r-Repubblika ta' Vanuatu – filwaqt li jagħti sinifikat politiku qawwi fil-qafas tal-Ftehim ta’ Cotonou – kif ukoll mezz supplementari biex jissaħħu r-relazzjonijiet ekonomiċi u kulturali u biex jiġi intensifikat id-djalogu politiku dwar diversi kwistjonijiet, inklużi d-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali.

L-ekonomija ta’ Vanuatu hija ddominata mis-settur tal-agrikoltura, li jikkontribwixxi għal 19 % tal-PDG, u s-settur tas-servizzi (b'mod partikolari t-turiżmu u s-servizzi finanzjarji) li jirrappreżenta 72 % tal-PDG. L-UE qed tinnegozja attwalment Ftehim ta’ Sħubija Ekonomika komprensiv ma’ 14-il pajjiż tar-reġjun tal-Paċifiku li minnu tagħmel parti r-Repubblika ta’ Vanuatu. Attwalment, l-isferi prinċipali ta’ kooperazzjoni u ta’ għajnuna tal-Unjoni ma' Vanuatu fil-qasam tal-ekonomija huma l-iżvilupp tas-settur privat għall-ħolqien tal-impjiegi minn naħa, u l-appoġġ għall-elaborazzjoni tal-politiki ekonomiċi għall-agrikoltura u t-turiżmu min-naħa l-oħra. Fir-rigward tar-relazzjonijiet kummerċjali mal-Istati tal-Paċifiku bħalma hu Vanuatu, l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha jimportaw prinċipalment prodotti agrikoli bħalma huma ż-żejt tal-palma, il-kafè u l-prodotti tas-sajd u jesportaw tagħmir elettriku u mekkaniku. B'mod ġenerali, kemm il-kummerċ kif ukoll l-investimenti bejn l-Unjoni Ewropea u l-pajjiżi tal-Paċifiku għadhom dgħajfa fil-valur u f’termini relattivi iżda jippreżentaw potenzjal qawwi ta’ żvilupp. Ir-Rapporteur tinnota li l-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viżi jista’ b’mod partikolari jkollha effetti pożittivi fuq l-investimenti u l-iżvilupp tas-settur tat-turiżmu.

Fuq il-pjan politiku, Vanuatu huwa demokrazija parlamentari stabbli u l-aħħar elezzjonijiet fl-2012 ġew ikkwalifikati bħala ħielsa u ġusti mill-osservaturi internazzjonali. Id-drittijiet u l-libertajiet fundamentali huma protetti mill-Kostituzzjoni u huma ġeneralment rispettati fil-prattika. Id-djalogu politiku tal-Unjoni ma’ Vanuatu dwar dan is-suġġett iqiegħed l-enfasi fuq il-prevenzjoni tat-tortura, il-ġlieda kontra l-korruzzjoni, il-parteċipazzjoni politika jew anke l-iżvilupp tas-soċjetà ċivili. Dan il-ftehim se jkun jippermetti wkoll li jsir id-djalogu u li ssir kooperazzjoni fuq kwistjonijiet bħalma huma l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u l-ġlieda kontra l-vjolenza sessista.

Mil-lat tal-mobilità, il-maġġoranza prevalenti ta’ dawk li jitolbu viża Schengen huma meqjusa bħala vjaġġaturi ta’ bonafidi li ma jippreżentawx riskji u jakkwistaw għalhekk viża għal soġġorn qasir: fl-2014, minn 190 talba għal viża għal soġġorn qasir għaż-żona Schengen, ingħataw 186 li jfisser li r-rata ta’ ċaħdiet kienet kważi ta’ żero. Barra minn hekk, 36.6 % ta’ dawk li jitolbu viża jakkwistaw viżi ta’ dħul multipli, sinjal ta’ fiduċja akbar tal-konsulati tal-Istati Schengen fir-rigward tagħhom. Proporzjon żgħir ħafna ta’ ċaħdiet u l-għadd limitat ta’ talbiet huma żewġ elementi li jippermettu fl-istess ħin li jiġu evitati r-riskji ta' sigurtà u li jiġu previsti l-benefiċċji tal-eżenzjoni mill-viża.

Fl-aħħar, ir-Rapporteur tenfasizza l-vettur mhux negliġibbli li l-eżenzjoni mill-viża tikkostitwixxi għat-tqarrib tal-popli Ewropej u tal-Paċifiku. Il-ftehim ta’ eżenzjoni mill-viża jippermetti liċ-ċittadini mhux biss li jgawdu bis-sħiħ mis-sħubija AKP-UE, iżda wkoll li jipparteċipaw fiha billi jivvjaġġaw bi prezz ekonomiku u prattiku mnaqqas.

Ir-Rapporteur tfaħħar f’dan ir-rigward ir-rwol li jwettqu l-membri tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE, li kkontribwew bil-kbir għall-konklużjoni ta’ dan il-ftehim li, barra minn hekk, se jiffaċilita l-parteċipazzjoni tagħhom fil-laqgħat tal-Assemblea Parlamentari Konġunta AKP-UE.

**

Implimentazzjoni u segwitu tal-ftehim

Mil-lat tal-implimentazzjoni u s-segwitu tal-ftehim, ir-Rapporteur tistieden lill-Kummissjoni Ewropea tosserva l-iżviluppi li jistgħu jseħħu f’dak li jirrigwarda l-kriterji li fil-bidu wasslu għat-trasferiment tal-Anness I lejn l-Anness II tar-Regolament Nru 509/2014. Dawn il-kriterji jinkludu mhux biss l-immigrazzjoni klandestina, l-ordni pubbliku u s-sigurtà, iżda wkoll ir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni mal-pajjiżi terzi kkonċernati inklużi, b’mod partikolari, konsiderazzjonijiet marbuta mar-rispett tad-drittijiet tal-bniedem u tal-libertajiet fundamentali.

Barra minn hekk, ir-Rapporteur tistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Awtoritajiet ta’ Vanuatu jiżguraw ir-reċiproċità sħiħa tal-eżenzjoni mill-viża li għandha tippermetti l-ugwaljanza ta’ trattament taċ-ċittadini kollha, b’mod partikolari fost iċ-ċittadini kollha tal-Unjoni.

Ir-Rapporteur tiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li fi ħdan il-Kumitat Imħallat ta' Ġestjoni tal-Ftehim (Artikolu 6), l-Unjoni Ewropea hija rrappreżentata biss mill-Kummissjoni Ewropea. Bħala istituzzjoni direttament eletta miċ-ċittadini Ewropej u difensur tad-demokrazija, tad-drittijiet tal-bniedem u tal-prinċipji fundamentali tal-Unjoni Ewropea, il-Parlament Ewropew jista' jiġi involut fil-ħidmiet tal-Kumitat Imħallat. Ir-Rapporteur tal-Parlament Ewropew tinkoraġġixxi mill-ġdid lill-Kummissjoni Ewropea tirrevedi l-kompożizzjoni tal-kumitati mħallta ta' ġestjoni għall-ftehimiet ġejjiena.

Bl-istess mod, ir-Rapporteur tesprimi tħassib dwar il-prattika tal-iffirmar tal-ftehimiet ta’ eżenzjoni mill-viża u l-applikazzjoni proviżorja tagħhom qabel l-approvazzjoni tal-Parlament Ewropew. Ir-Rapporteur tirrimarka li din il-prattika għandha t-tendenza li tnaqqas il-marġini ta’ manuvrar tal-Parlament Ewropew u huwa ferm aktar problematiku li l-Parlament mhuwiex informat fil-ħin u l-waqt dwar il-progressjoni tan-negozjati bilaterali.

**

Dispożizzjonijiet partikolari

Fil-premessi tal-ftehim konkluż jittieħed kont tas-sitwazzjoni partikolari tar-Renju Unit u tal-Irlanda. Għalhekk ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx fil-ftehim konkluż u mhumiex suġġetti għad-dispożizzjonijiet tiegħu.

L-assoċjazzjoni stretta tan-Norveġja, tal-Iżlanda, tal-Iżvizzera u tal-Liechtenstein mal-implimentazzjoni, l-applikazzjoni u l-iżvilupp tal-acquis Schengen hija wkoll evokata f’dikjarazzjoni komuni annessa mal-ftehim. Id-dikjarazzjoni tinkoraġġixxi lill-awtoritajiet ta’ dawn il-pajjiżi jikkonkludu mill-aktar fis possibbli mar-Repubblika ta’ Vanuatu ftehimiet bilaterali ta’ eżenzjoni mill-viża għal soġġorn qasir.

Il-ftehim fih dispożizzjonijiet dwar l-applikazzjoni territorjali tiegħu: f’dak li jirrigwarda lil Franza u n-Netherlands, id-dispożizzjonijiet tal-ftehim japplikaw biss għat-territorji Ewropej ta' dawn iż-żewġ Stati Membri.

**

Fl-aħħar, ir-Rapporteur tirrakkomanda lill-membri tal-Kumitat Parlamentari “Libertajiet Ċivili, Ġustizzja u Intern” jagħtu l-appoġġ tagħhom lil dan ir-rapport u li l-Parlament Ewropew jagħti l-approvazzjoni tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Martina Anderson, Heinz K. Becker, Malin Björk, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Lorenzo Fontana, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Filiz Hyusmenova, Iliana Iotova, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Marju Lauristin, Monica Macovei, Vicky Maeijer, Roberta Metsola, Alessandra Mussolini, József Nagy, Péter Niedermüller, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Marie-Christine Vergiat, Udo Voigt, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pál Csáky, Anna Hedh, Petr Ježek, Ska Keller, Miltiadis Kyrkos, Artis Pabriks, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Salvatore Domenico Pogliese, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Barbara Spinelli, Kazimierz Michał Ujazdowski, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Eugen Freund

VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

49

+

ALDE

Nathalie Griesbeck, Filiz Hyusmenova, Petr Ježek, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Cecilia Wikström

ECR

Jussi Halla-aho, Timothy Kirkhope, Monica Macovei, Helga Stevens, Kazimierz Michał Ujazdowski, Branislav Škripek

EFDD

Laura Ferrara

ENF

 

GUE

Martina Anderson, Malin Björk, Barbara Spinelli, Marie-Christine Vergiat

PPE

Heinz K. Becker, Pál Csáky, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Mariya Gabriel, Kinga Gál, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Alessandra Mussolini, József Nagy, Artis Pabriks, Salvatore Domenico Pogliese, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Axel Voss, Tomáš Zdechovský

S&D

Francisco Assis, Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Monika Flašíková Beňová, Eugen Freund, Anna Hedh, Iliana Iotova, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Miltiadis Kyrkos, Marju Lauristin, Péter Niedermüller, Christine Revault D'Allonnes Bonnefoy, Birgit Sippel

VERTS/ALE

Eva Joly, Ska Keller, Bodil Valero

4

-

EFDD

Kristina Winberg

ENF

Vicky Maeijer, Lorenzo Fontana

NI

Udo Voigt

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet