Proċedura : 2015/2108(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0330/2015

Testi mressqa :

A8-0330/2015

Dibattiti :

PV 14/12/2015 - 12
CRE 14/12/2015 - 12

Votazzjonijiet :

PV 15/12/2015 - 4.22
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2015)0445

RAPPORT     
PDF 208kWORD 139k
17.11.2015
PE 557.414v02-00 A8-0330/2015

dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020

(2015/2108(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Peter Eriksson

ERRATA/ADDENDA
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020

(2015/2108(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020" (COM(2015)0082),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-15-16 ta' Marzu 2002,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-20-21 ta' Marzu 2014,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-23-24 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-"Pjan tal-Iżvilupp tan-Netwerk għal Għaxar Snin 2014" tal-ENTSO-E,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Madrid tas-Summit fuq l-Interkonnessjonijiet tal-Enerġija bejn Spanja, Franza, il-Portugall, il-Kummissjoni Ewropea u l-BEI tal-4 ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) (ir-Regolament Nru 1316/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0330/2015),

Il-benefiċċji tal-interkonnessjoni

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni u l-istrateġija tal-Kummissjoni bħala pass pożittiv biex tintlaħaq il-mira ta' 10 % ta' interkonnessjoni tal-elettriku u jitjieb il-funzjonament tas-suq intern tal-elettriku fl-UE;

2.  Jirrikonoxxi li l-enerġija rinnovabbli, iż-żieda fl-effiċjenza enerġetika u taħlita sostenibbli ta' enerġija li jwasslu għall-iffrankar tal-enerġija u suq intern tal-enerġija li jippermetti fluss liberu tal-enerġija huma mezz importanti għal sistema tal-enerġija stabbli, sigura, indipendenti, inklussiva, trasparenti u kompetittiva għall-UE, li jiġġenera impjiegi ta' kwalità u ġid fi ħdan ekonomija sostenibbli orjentata lejn il-futur; jissottolinja l-fatt li grad ogħla ta' interkonnettività tal-elettriku, grilji intelliġenti u disinn ġdid għas-suq huma meħtieġa għall-iżvilupp ta' sistema bħal din; jemmen li l-ħolqien ta' sistema bħal din u t-tmiem tal-gżejjer tal-enerġija għandhom ikunu prijorità politika ewlenija għall-Unjoni tal-Enerġija;

3.  Jirrikonoxxi li interkonnessjoni tal-elettriku hija waħda mill-prekundizzjonijiet ewlenin għat-tlestija tas-suq intern tal-elettriku integrat, li, jekk tkun iddisinjata tajjeb, se tgħin biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi tagħna, inkluż l-għan tal-UE li tkun il-mexxej fl-enerġija rinnovabbli, u ttejjeb il-pożizzjoni ġeopolitika tal-UE permezz ta' aktar sigurtà u indipendenza tal-enerġija, kif ukoll tnaqqas l-iżolament fil-qasam tal-enerġija u l-possibbiltà ta' perturbazzjonijiet fis-sistema tal-enerġija; jenfasizza li l-interkonnetturi tal-elettriku jeħtieġ li jiġu wkoll indirizzati, ippjanati u mibnija permezz ta' kooperazzjoni reġjonali koordinata u b'saħħitha li tirrispetta l-kompetenzi tal-awtoritajiet nazzjonali biex tiġi ddeterminata t-taħlita tal-enerġija filwaqt li jiġu rrispettati l-għanijiet fit-tul tal-UE dwar il-klima u l-enerġija;

4.  Jissottolinja l-fatt li l-benefiċċji ta' żieda sostanzjali fl-interkonnettività tan-netwerk Ewropew jmorru lil hinn mid-dimensjonijiet ekonomiċi u ġeopolitiċi; dan huwa prinċipju strateġiku li għandu jwassal għal netwerk aktar reżiljenti u robust, imħejji aħjar biex jindirizza kull tip ta' alterazzjoni u interruzzjoni; u jippermetti s-sehem dejjem jikber tal-enerġija minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli biex jitħallat b'mod effiċjenti man-netwerk Ewropew;

5.  Ifakkar li peress li l-ICT għandhom rwol li dejjem qiegħed jikber fin-netwerks tal-elettriku, is-sigurtà tas-sistema tal-elettriku hija aktar vulnerabbli fir-rigward tat-theddid ċibernetiku; jitlob lill-Kummissjoni tevalwa r-riskji tas-sigurtà tas-sistema tal-elettriku u, jekk meħtieġ, tifformula pjan biex dawn jiġu miġġielda;

6.  Jenfasizza li suq intern tal-elettriku kompletament integrat jiffaċilita l-kummerċ tal-elettriku u s-servizzi ta' bbilanċjar, u jżid is-sigurtà u jnaqqas il-volatilità tal-prezzijiet tal-elettriku għall-benefiċċju taċ-ċittadini u tal-kompetittività tal-industrija u tal-kummerċ tal-Ewropa f'ekonomija globali, peress li huwa stmat li EUR 12-40 biljun jistgħu jiġu ffrankati kull sena sal-2030 minn konsumaturi Ewropej;

7.  Jinnota li, skont in-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Elettriku (ENTSO-E), investimenti fil-proġetti meħtieġa ta' interkonnessjoni ta' sinifikat pan-Ewropew jistgħu jistgħu jilħqu sa EUR 150 biljun sal-2030, u jinnota b'interess li, permezz ta' investiment bħal dan fl-interkonnettività, il-prezzijiet tal-elettriku jistgħu jitnaqqsu b'minimu ta' EUR 2 /MWh, u li dawn l-investimenti jippermettu lill-Ewropa tkopri sehem kbir tal-karga elettrika tagħha minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli; ifakkar li s-suq intern tal-elettriku għandu jkun ta' benefiċċju għall-konsumaturi kollha tal-UE; jitlob li l-istituzzjonijiet rilevanti jimmonitorjaw li l-unitajiet domestiċi, l-SMEs u konsumaturi bl-imnut oħra jiksbu benefiċċju reali, li m'għandux jibqa' limitat għal prezzijiet bl-ingrossa biss;

8.  Jenfasizza li t-tneħħija gradwali tal-prezzijiet tal-enerġija regolati għall-konsumaturi għandha tikkunsidra l-livell reali tal-kompetizzjoni fis-suq; jinnota, barra minn hekk, li l-Istrateġija tal-UE dwar l-Enerġija għandha tassigura li l-konsumaturi jkollhom aċċess għal prezzijiet tal-enerġija affordabbli, siguri u sostenibbli;

Il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika

9.  Jirrikonoxxi l-mira ta' 10 % — li trid tintlaħaq sal-2020 — bħala mira ta' valur u pass importanti fid-direzzjoni t-tajba; jiddispjaċih li tnax-il Stat Membru, prinċipalment fil-periferija tal-UE, għadhom taħt il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku u għalhekk jinsabu fil-biċċa l-kbira tagħhom iżolati mis-suq intern tal-elettriku; jenfasizza, għalhekk, li għandu jsir iżjed biex jiġu mgħejjuna dawk l-Istati Membri li l-livell baxx ta' konnettività tagħhom ifixkel it-tlestija tas-suq intern tal-elettriku, biex tintlaħaq il-mira; jikkunsidra, madankollu, li, waħedha, il-mira ta' 10 % mhux dejjem tirrifletti s-sitwazzjoni tas-suq u ma ġietx stabbilita fuq il-bażi ta' evidenza xjentifika; ifakkar li l-mira ta' 10 % ġiet stabbilita l-ewwel fl-2002 fuq il-bażi ta' kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku installata li kienet teżisti dak iż-żmien; jirrikonoxxi li, għalkemm il-mira ta' 10 % hija importanti, la tiddeskrivi l-kwantità tal-elettriku li għaddej bejn il-pajjiżi u lanqas il-kwalità, bħal dak li għandu x'jaqsam mad-disponibbiltà tal-interkonnessjoni eżistenti tal-infrastruttura jew tal-infrastruttura nazzjonali eżistenti bejn l-interkonnetturi; jemmen, għalhekk, li mira unika għall-interkonnessjoni bbażata fuq il-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku installata, fiha nnifisha, mhix xierqa għall-Istati Membri kollha; huwa għalhekk konvint li hemm il-ħtieġa fuq terminu medju, u ċertament fl-orizzont 2030, li jkun hemm qbil dwar miri għall-interkonnessjoni komplementari, ambizzjużi u bbażati fuq l-evidenza, maqbula bejn ir-reġjuni; iqis li miri bħal dawn għandhom jiġu stabbiliti fuq il-bażi ta' varjetà ta' parametri; jitlob lill-Kummissjoni tniedi, mill-aktar fis possibbli, id-diskussjoni teknika dwar it-tali parametri; jenfasizza li, flimkien mal-mira kwantitattiva, aċċess miftuħ u d-disponibbiltà tal-interkonnetturi huma wkoll imperattivi biex jitneħħew l-ostakoli li fadal għall-funzjonament tas-suq Ewropew tal-elettriku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u lir-regolaturi nazzjonali biex jiżguraw it-trasparenza u l-monitoraġġ mill-qrib tal-aċċessibbiltà tal-interkonnetturi b'tali mod li jiġu evitati l-punti ta' konġestjoni li jfixklu l-funzjonament tas-suq tal-elettriku biex tiġi żgurata operazzjoni sigura tas-sistemi tal-elettriku;

10.  Josserva li l-kapaċità limitata tat-trażmissjoni, pereżempju, fiż-żona tal-operazzjoni tal-Pol tat-Tramuntana tagħti lok għal differenzi fil-prezzijiet reġjonali, minkejja l-fatt li l-mira tal-interkonnessjoni bejn il-pajjiżi tinqabeż b'marġni sinifikanti;

Approċċ olistiku

11.  Jinnota li l-konġestjoni frekwenti tan-netwerks ta' trażmissjoni jistgħu jkunu marbuta ma' linji transfruntiera, iżda jista' jkunu r-riżultat ta' grilji interni dgħajfa, skaduti u disponibbiltà limitata fin-netwerks nazzjonali; jenfasizza li t-tisħiħ tal-grilji nazzjonali huwa essenzjali jekk l-interkonnessjonijiet se jintużaw f'kapaċità sħiħa; jinsisti li għandu jittieħed approċċ olistiku meta tiġi vvalutata l-ħtieġa għal tisħiħ jew estensjoni tal-konnessjonijiet transfruntiera u nazzjonali, bil-għan li jsir l-aħjar użu possibbli ta' linji ta' interkonnessjoni eżistenti u l-kapaċità ta' infrastruttura nazzjonali eżistenti;

12.  Jenfasizza r-rwol tal-Kummissjoni taħt it-tielet pakkett dwar l-enerġija bħala gwardjan ta' suq tal-elettriku disassoċjat u aċċessibbli u faċilitatur ta' sistema tal-enerġija deċentralizzata, li fih l-Istati Membri għandhom jippermettu lil fornituri iżgħar, b'mod partikolari prosumaturi li jużaw sorsi ta' enerġija rinnovabbli biex ikollhom aċċess għall-grilja skont ir-regoli ġusti tas-suq u skont l-aħjar prattika għall-awtokonsum;

13.  Jinnota li x-xenarju tal-enerġija tagħna qed isir iżjed deċentralizzat minħabba l-importanza dejjem tikber tal-prosumaturi tal-enerġija; jinnota, għalhekk, l-importanza ta' grilja intelliġenti ddisinjata tajjeb għat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni; jenfasizza r-rwol dejjem jikber u kruċjali tal-operaturi tas-sistema ta' distribuzzjoni (DSOs) bħala faċilitaturi tas-suq, peress li l-maġġoranza kbira ta' installazzjonijiet tal-enerġija rinnovabbli huma konnessi man-netwerks tad-distribuzzjoni; jenfasizza f'dan ir-rigward li, meta nippruvaw insolvu l-punt ta' konġestjoni fil-grilja, hija meħtieġa valutazzjoni bir-reqqa biex jiġi ddefinit liema kombinazzjoni ta' azzjonijiet - inkluż il-bini ta' linji ġodda tat-trażmissjoni, l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti lokali, u l-integrazzjoni tal-effiċjenza u l-flessibbiltà fis-sistema - hija l-iżjed ottimali, meta titqies is-sitwazzjoni speċifika;

14.  Jenfasizza li l-benefiċċji ta' żieda fil-livell ta' interkonnessjoni ma jistgħux jitwettqu mingħajr livell għoli ta' akkoppjament tas-suq u trażmissjoni tal-operaturi tas-sistema (TSOs); jistieden lill-Kummissjoni tagħmel l-isforzi kollha biex tevita li jiġi stabbilit akkoppjament fil-livell ta' gruppi tal-Istati Membri u biex tippromwovi l-akkoppjament fil-livell tal-UE li jinkludi l-Istati Membri kollha u l-ġirien, b'mod partikolari l-pajjiżi li jipparteċipaw fil-Politika Ewropea tal-Viċinat (PEV);

15.  Ifakkar li l-proġetti ta' interess komuni (PCIs) huma evalwati mill-Gruppi Reġjonali, stabbiliti mill-Kummissjoni u jikkonsistu minn rappreżentanti tal-Istati Membri, l-awtoritajiet regolatorji nazzjonali (ANR), l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni tal-elettriku u l-promoturi tal-proġetti, l-ENTSO-E, l-ACER, il-Kummissjoni u partijiet interessati ewlenin oħra;

16.  Jenfasizza l-fatt li l-lista tal-PCIs trid tiġi żviluppata b'mod aktar trasparenti u responsabbli; jinnota li l-ENTSO-E, it-TSOs u l-promoturi tal-proġetti għandhom ir-rwol predominanti fl-iżvilupp ta' metodoloġija ta' analiżi kostijiet-benefiċċji armonizzata, fil-preparazzjoni tal-pjan tal-iżvilupp tan-netwerk għal għaxar snin u l-kodiċijiet tan-netwerk, u fl-evalwazzjoni tal-ispejjeż u l-benefiċċji ta' kull proġett; ifakkar il-ħtieġa li jiġu pprovduti valutazzjonijiet sħaħ, inklużi impatti ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jitlob, f'dan il-kuntest, lill-Kummissjoni tiżgura li dawn il-valutazzjonijiet jitwettqu minn esperti kkwalifikati li huma kompletament indipendenti mill-promoturi tal-proġetti; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi ottimizzat il-proċess globali billi jiġi promoss iżjed involviment tal-Parlament u partijiet interessati oħra, inklużi rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jistieden lill-Kummissjoni, lill-ACER u lir-regolaturi nazzjonali biex jaqdu rwol aktar proattiv ħalli jiġi żgurat proċess konsultattiv aktar newtrali, trasparenti, traċċabbli u inklussiv; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta s-sitwazzjonijiet li fihom l-użu tal-aħjar teknoloġija disponibbli (BAT) jista' jiġi stabbilit bħala parametru sinifikanti għall-għoti ta' fondi tal-UE għal proġetti;

17.   Jistieden lill-Kummissjoni tispjega aħjar il-proċess ta' klassifikazzjoni għall-PCIs; ifakkar li sabiex jiġu kkunsidrati, il-PCIs għandhom jiġu inklużi fil-pjanijiet tal-iżvilupp tan-netwerk fuq għaxar snin tal-ENTSO-E iżda li d-deċiżjoni finali għall-finanzjament hija tal-Kummissjoni abbażi tal-kriterji ta' valutazzjoni tagħha stess għall-għażla tal-proġetti; jitlob lill-Kummissjoni biex b'mod espliċitu tikkunsidra dawn il-kriterji;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrapporta kull sena lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-PCIs u dwar il-progress biex tintlaħaq il-mira ta' 10 %, bħala parti mir-rendikont komprensiv ta' kull sena previst fil-Qafas Strateġiku għall-Unjoni tal-Enerġija;

Il-proċess tal-għoti tal-permessi

19.  Jenfasizza li l-proċedura twila tal-għoti tal-permessi hija sfida ewlenija għal linji ġodda b'vultaġġ għoli fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw proċessi aktar imħaffa filwaqt li jżommu livell adegwat ta' garanziji għall-interess pubbliku, inklużi konsultazzjonijiet pubbliċi effikaċi;

20.  Ifakkar li l-proġetti dwar il-lista tal-PCIs jibbenefikaw minn trattament regolatorju preferenzjali, ippjanar rapidu, limitu ta' żmien vinkolanti ta' tliet snin u nofs għall-għoti ta' permess u proċeduri tal-valutazzjoni ambjentali aktar imħaffa, u jistgħu wkoll ikunu eliġibbli għal finanzjament addizzjonali taħt il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jitlob lill-Kummissjoni tagħmel valutazzjoni dwar kif dan l-ippjanar rapidu jiġi implimentat u jkun hemm konformità miegħu fl-Istati Membri kollha;

21.  Jirrikonoxxi li l-għarfien pubbliku u l-appoġġ huma essenzjali biex jiżguraw implimentazzjoni rapida ta' proġetti ta' interkonnetturi; jirrikonoxxi li l-proċessi trasparenti u inklużivi, u l-ogħla standards ambjentali, ma għandhomx jiddgħajfu waqt il-bini ta' linji ġodda tal-enerġija; jistieden lill-promoturi tal-proġetti biex jużaw il-BAT għal interkonnetturi ġodda bil-għan li titjieb il-koerenza bejn l-investimenti tal-proġett fil-grilji, is-sostenibbiltà ambjentali u l-aċċettazzjoni lokali;

22.  Jenfasizza li l-implimentazzjoni ta' approċċ ta' "punt uniku ta' servizz" ("one-stop shop") tikkontribwixxi biex jitqassru l-proċeduri tal-għoti tal-permessi; ifakkar li r-Regolament TEN-E jeħtieġ li kull Stat Membru jaħtar Awtorità Nazzjonali Kompetenti responsabbli għall-iffaċilitar, it-tqassir u l-koordinazzjoni tal-proċess tal-permess fil-livell nazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, l-evalwazzjoni tal-approċċ ta' "punt uniku ta' servizz" mill-Kummissjoni li għandha titwettaq fl-2017, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni, f'dan il-qafas, tivvaluta l-potenzjal ta' "punt uniku ta' servizz" uniku fil-livell tal-UE;

Ir-rwol tal-ACER

23.  Jinnota n-nuqqas ta' persunal u n-nuqqas ta' riżorsi tal-ACER; jitlob lill-awtoritajiet baġitarji tal-UE biex jipprovdu lill-aġenzija bir-riżorsi meħtieġa, b'mod partikolari b'persunal tagħha suffiċjenti, sabiex l-aġenzija tkun tista' twettaq il-kompiti mogħtija lilha permezz tal-leġiżlazzjoni b'mod adegwat u f'waqtu; jitlob li jissaħħaħ ir-rwol tal-ACER, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam l-ENTSO-E u fir-rigward tat-titjib fil-koordinazzjoni u l-arbitraġġ fost l-ARN kif ukoll il-koordinazzjoni ta' kwistjonijiet regolatorji transfruntiera;

24.  Jenfasizza l-importanza ta' persunal ikkwalifikat ta' regolaturi nazzjonali tal-enerġija, bil-kompetenza esperta meħtieġa u speċjalizzazzjoni u indipendenza; jistieden lill-Kummissjoni twettaq verifika indipendenti sa mhux aktar tard mill-aħħar tal-2016 dwar ir-riżorsi disponibbli għar-regolaturi nazzjonali tal-enerġija u l-grad ta' indipendenza miksuba minnhom, inkluża l-identifikazzjoni ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif tista' tittejjeb is-sitwazzjoni;

25.  Jinnota li għad hemm nuqqas ta' trasparenza fir-rigward tal-kalkolu tal-kapaċitajiet transfruntiera disponibbli fis-suq u l-frekwenza, il-kobor u r-raġunijiet ta' tnaqqis fuq l-interkonnetturi; jiddubita, f'dan il-kuntest, li l-biċċa l-kbira tat-tnaqqis sinifikanti jiġi indirizzat bis-sħiħ; jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi lill-ACER bil-kompetenzi adegwati u s-setgħat biex tiġbor l-informazzjoni meħtieġa dwar kull kapaċità individwali ta' trażmissjoni transfruntiera sabiex jiġi permess lill-ACER tissodisfa r-responsabbiltajiet tagħha ta' monitoraġġ b'mod effikaċi; jitlob biex informazzjoni bħal din tkun fornuta lill-ACER, flimkien mal-informazzjoni kuntestwali neċessarja dwar id-disinn u l-funzjonament tan-netwerk nazzjonali; jilqa', f'dan ir-rigward, il-konklużjoni mħaffa tal-kodiċijiet tan-netwerk għall-elettriku; jinnota l-intenzjonijiet tal-Kummissjoni li tespandi l-mandat, l-ambitu u l-poteri tal-ACER, u r-riflessjonijiet tagħha dwar x'jista' dan jinvolvi, kif ippreżentat mill-komunikazzjoni riċenti tagħha "Inwasslu Patt Ġdid għall-Konsumaturi tal-Enerġija"; jistieden lill-Kummissjoni tressaq 'il quddiem suġġerimenti konkreti f'dan ir-rigward, biex issostni t-twettiq ta' suq intern tal-enerġija reali; jinnota li kwalunkwe responsabbiltà ġdida assenjata lill-ACER għandha tkun appoġġjata b'riżorsi adegwati;

L-istrumenti finanzjarji

26.  Jinnota l-istima tal-Kummissjoni li hemm bżonn finanzjament ta' EUR 35 biljun biex tintlaħaq il-mira ta' 10 % sal-2020 fl-Istati Membri kollha; ifakkar li, skont ir-Regolament tas-CEF (Nru 1316/2013), il-parti l-kbira tal-għajnuna finanzjarja fil-pakkett tal-enerġija tas-CEF għandha tkun disponibbli għal proġetti tal-elettriku u jinsisti li l-Kummissjoni għandha tagħti kunsiderazzjoni xierqa lil dak il-fatt; jappoġġa r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li s-CEF għandu jkun ikkonċentrat fuq ftit proġetti ewlenin; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni speċjali għal proġetti li jindirizzaw l-iżjed lakuni sinifikanti fis-suq integrat tal-elettriku tal-UE u n-nuqqas ta' interkonnettività suffiċjenti; iqis li għandu jitkompla jkun disponibbli finanzjament adegwat mill-UE anke wara l-2020 biex tiġi appoġġata l-kostruzzjoni ta' proġetti ta' konnessjoni tal-elettriku mhux kummerċjalment vijabbli meħtieġa biex jiżguraw il-funzjonament tas-suq intern tal-enerġija u s-sigurtà tal-operazzjoni tas-sistemi tal-elettriku; jenfasizza l-importanza tal-BEI fl-appoġġ lill-investituri fi proġetti ta' infrastruttura tal-elettriku kummerċjalment vijabbli; jinnota t-twaqqif tal-FEIS, u jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tiżgura li l-fond jiġbed l-investimenti fl-interkonnessjoni tal-elettriku b'mod effikaċi;

27.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, biex: 1) tħeġġeġ investimenti bl-aħjar teknoloġija disponibbli, li tista' tkun aktar għalja imma toffri ħafna vantaġġi finanzjarji fiċ-ċiklu tal-ħajja kif ukoll iffrankar ta' ħin u vantaġġi tat-tmexxija teknoloġika fuq terminu twil; 2) twettaq reviżjoni tar-regoli ta' finanzjament bil-għan li jiġu ssimplifikati l-mekkaniżmi eżistenti; u 3) issaħħaħ inċentivi għal aktar investimenti fil-grilja billi, inter alia, tinkoraġġixxi profitti magħmula mill-kera tal-konġestjoni tat-trażmissjoni biex jiġu investiti mill-ġdid f'infrastrutturi u teknoloġiji li jsaħħu n-netwerks, inklużi interkonnetturi addizzjonali;

Kooperazzjoni reġjonali

Ir-reġjun Baltiku

28.  Jinnota li l-interkonnetturi ppjanati huma mistennija jippermettu lill-Istati Baltiċi jilħqu l-għan ta' 10 % sal-aħħar tal-2015; huwa mħasseb li n-netwerks tal-Istati Baltiċi għadhom sinkronizzati ma', u dipendenti fuq, is-sistema tal-elettriku Russa, li huwa ostaklu għal suq tal-elettriku Ewropew verament integrat u li jiffunzjona tajjeb; jitlob li jkun hemm sinkronizzazzjoni rapida tan-netwerks tal-elettriku tal-Istati Baltiċi man-Netwerk Kontinentali Ewropew sabiex tiġi żgurata integrazzjoni sħiħa tas-suq intern tal-elettriku, aktar sigurtà fil-provvista tal-elettriku u l-operazzjoni sigura tas-sistema; jitlob lill-Istati Membri kkonċernati jieħdu l-passi meħtieġa biex jibdew, u lill-ENTSO-E biex iniedi, proċedura formali għall-estensjoni tan-Netwerk Kontinentali Ewropew sinkroniku lejn l-Istati Baltiċi; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa u timmonitorja l-implimentazzjoni ta' dan il-proġett; jenfasizza s-suq tal-elettriku komuni Nordiku bħala l-aħjar prattika għal kooperazzjoni fost l-Istati Membri biex jinħoloq u jiġi żviluppat is-suq intern tal-elettriku; jirrikonoxxi l-importanza ta' interkonnettività ogħla bejn il-Polonja u s-suq tal-elettriku Nordiku bil-għan li l-Polonja tilħaq il-mira tagħha ta' 10 %; jilqa' b'sodisfazzjon l-iffirmar tal-Memorandum ta' Qbil dwar Pjan imsaħħaħ ta' Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP); jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali permezz tal-BEMIP għandha tkompli u li s-solidarjetà bejn l-Istati Membri fl-implimentazzjoni tal-PCIs hija msaħħa aktar;

Ir-Reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana

29.  Jirrikonoxxi li r-riħ lil hinn mill-kosta fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana għandu l-potenzjal li jiġġenera madwar 8 % tal-provvista tal-enerġija tal-Ewropa sal-2030; jinnota wkoll li l-koordinazzjoni tal-ippjanar u l-bini ta' infrastruttura tal-grilja lil hinn mill-kosta reġjonali, l-aċċess għas-suq u l-kondiviżjoni tar-riservi fir-reġjun tal-Baħar tat-Tramuntana jistgħu jwasslu għal iffrankar fl-ispejjeż ta' EUR 5-13-il biljun kull sena sal-2030 permezz ta' suq reġjonali integrat aħjar; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri rilevanti biex japprovaw dawn il-potenzjali meta jiżviluppaw l-istruttura ta' governanza għall-2030 u l-ippjanar sussegwenti; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu appoġġ politiku qawwi u japprovaw il-Grilja Lil Hinn mill-Kosta fil-Baħar tat-Tramuntana bħala pass ewlieni fil-bini ta' Unjoni tal-Enerġija effikaċi; iħeġġeġ lill-Presidenzi tal-Kunsill tal-UE li ġejjin biex iħejju u jaqblu dwar qafas legali matul il-Presidenza Olandiża 2016 f'forma ta' Ftehim Intergovernattiv bejn l-Istati Membri rilevanti li jiddefinixxi strateġija komuni tal-elettriku fl-Ibħra tat-Tramuntana;

L-Ewropa tal-Punent Ċentrali

30.  Jenfasizza li s-suq tal-elettriku kondiviż bejn l-Awstrija u l-Ġermanja qed ikompli l- implimentazzjoni ta' suq Ewropew tal-enerġija integrat; jirrikonoxxi li ż-żona tal-offerti komuni - li ġiet introdotta fl-2002 - tfisser li l-istess prezzijiet tal-elettriku bl-ingrossa f'dawn iż-żewġ pajjiżi huma l-istess, u tiżgura l-kummerċ tal-elettriku illimitat u s-sigurtà tal-provvista ta' kważi 100 %; jinnota li ż-żona tal-offerti Awstrijaka-Ġermaniża hija l-unika żona relattivament kbira fl-Ewropa kondiviża bejn żewġ pajjiżi; jinnota li żoni tal-offerti akbar għandhom il-karatteristiċi meħtieġa ta' suq tal-elettriku li jiffunzjona tajjeb u likwidu, li jkunu kkwalifikati biex inaqqsu l-ispejjeż tal-kummerċ, jipprovdu sinjali tal-prezzijiet reżiljenti għal deċiżjonijiet ta' investiment u jrawmu aktar kompetizzjoni; jitlob li jkun hemm żvilupp rapidu ta' grilji biex tiġi permessa l-integrazzjoni tal-enerġija rinnovabbli fis-suq tal-elettriku, u tiġi ggarantita l-istabbiltà tal-grilja, b'mod speċjali fin-Nofsinhar tal-Ġermanja; jitlob għaż-żamma ta' dan il-mudell ta' suċċess u t-tkabbir ulterjuri taż-żona tal-offerti.

L-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk

31.  Jenfasizza li l-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk (CSEE) hija mogħnija b'potenzjal kbir - u l-biċċa kbira minnu mhux sfruttat - f'termini ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jinnota li l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni dwar l-ippjanar fit-tul u l-bini ta' infrastruttura tal-grilja reġjonali fl-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk għandhom imorru lil hinn mill-UE biex jinkludu pajjiżi tal-Balkani tal-Punent li mhumiex fl-UE u lit-Turkija; jitlob għat-twaqqif ta' pjattaforma ġdida fejn il-partijiet interessati ewlenin kollha fir-reġjun jistgħu jiddiskutu u jipprovdu appoġġ politiku lill-proġetti konġunti mfassla sabiex jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal tal-elettriku tar-reġjun; jirrikonoxxi li l-Grupp ta' Livell Għoli dwar il-Konnettività tal-Gass fl-Ewropa Ċentrali tal-Lvant u n-Nofsinhar tal-UE, stabbilit fi Frar 2015, jista' jsir pjattaforma ta' dan it-tip, sakemm il-mandat tiegħu jiġi estiż biex jinkludi l-qasam tal-elettriku u l-involviment ta' pajjiżi li mhumiex fl-UE tas-CSEE; jirrikonoxxi li l-pjattaforma tippermetti lill-Kummissjoni tipprovdi tmexxija u appoġġ politiku;

32.  Jinnota li d-dipendenza għolja tal-Ewropa Ċentrali u tax-Xlokk fuq l-importazzjonijiet tal-enerġija tfisser li huwa vitali li tiżdied il-kapaċità ta' ġenerazzjoni tal-elettriku transfruntiera, li għandha tgħin biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista tar-reġjun u, fuq terminu twil, tgħin biex jitnaqqsu l-kontijiet tad-dawl tan-nies;

33.  Jirrakkomanda li l-Kummissjoni tivvaluta bir-reqqa l-prospetti ta' interkonnessjonijiet tal-elettriku ġodda fir-reġjun tal-Mediterran u bejn is-swieq tal-Ewropa tan-Nofsinhar u tal-Afrika ta' Fuq fid-dawl ta' żieda fis-sigurtà tal-provvista u l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli fiż-żewġ reġjuni;

Il-Peniżola Iberika

34  Jenfasizza l-importanza ta' żieda sinifikanti fl-interkonnessjonijiet bejn Spanja u Franza biex jiġu appoġġati l-enerġiji rinnovabbli fir-reġjun u biex il-Peniżola Iberika tkun tista' tipparteċipa bis-sħiħ fis-suq intern tal-elettriku; iqis id-Dikjarazzjoni ta' Madrid, iffirmata fl-4 ta' Marzu 2015, u l-istabbiliment ta' Grupp ta' Livell Għoli dwar l-Interkonnessjonijiet għall-Ewropa tal-Lbiċ, bħala passi importanti biex tiżdied l-interkonnettività tar-reġjun; jirrikonoxxi li l-kapaċità tal-interkonnessjoni attwali bejn il-Peniżola Iberika u l-Ewropa kontinentali hija baxxa wisq, u li l-proġetti inklużi fil-lista attwali tal-PCIs mhumiex biżżejjed biex tinkiseb il-mira tal-interkonnessjoni fl-2020; jistieden lill-pajjiżi tar-reġjun biex jappoġġaw l-iżvilupp tal-potenzjal konsiderevoli ta' enerġija rinnovabbli tagħhom u biex jiffaċilitaw l-aċċess tas-settur għas-suq Ewropew integrat;

35.  Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex twettaq studju tal-benefiċċji tal-interkonnessjoni tal-Peniżola Iberika ma' Franza, ir-Renju Unit, l-Italja u l-pajjiżi tax-xatt tan-Nofsinhar tal-Mediterran;

Lil hinn mill-2020

36.  Jinnota li s-sistema tal-enerġija tal-Ewropa evolviet mill-2002, meta kienet stabbilita oriġinarjament il-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni tal-elettriku - b'mod partikolari, sorsi ta' enerġija rinnovabbli ġew żviluppati madwar il-kontinent; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li l-mira ta' 15 % ibbażata fuq il-kapaċità installata għall-2030, ma għandhiex tibqa waħedha, u li għandha tiġi vvalutata bir-reqqa u fid-dettall biex ikun żgurat li hija adatta għall-iskop tagħha u li hija pertinenti u fattibbli; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, biex tivvaluta l-iffissar ta' miri reġjonali, komplementari u ssib punti ta' riferiment kwantitattivi u kwalitattivi aħjar, bħal flussi kummerċjali, l-ogħla flussi u l-punti ta' konġestjoni, li jenfasizzaw kemm l-interkonnessjoni hija meħtieġa;

37.  Jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb mira futura ta' interkonnessjoni tal-elettriku abbażi tal-għanijiet dwar il-klima fuq terminu twil tal-UE, u tas-sistema tal-enerġija sostenibbli li l-UE qed tfittex; jinnota, f'dan il-kuntest, li l-grad ta' interkonnessjoni meħtieġ se jiddependi fuq diversi parametri, li jinkludu: a) l-applikazzjoni tal-politika nazzjonali u tal-UE tal-prinċipju ta' "l-ewwel l-effiċjenza fl-enerġija" u aktar miżuri ta' rispons fuq in-naħa tad-domanda; b) l-iżvilupp ta' elettriku deċentralizzat ibbażat fuq enerġija rinnovabbli u l-grilji intelliġenti korrelatati c) deċiżjonijiet nazzjonali dwar it-taħlita tal-enerġija, b'kont meħud tal-miri dwar il-klima fuq terminu twil u tal-enerġija tal-UE; d) l-iżvilupp ta' teknoloġiji tal-ħażna tal-enerġija — inkluż fuq livell muniċipali u tad-dar; e) l-użu tal-aħjar teknoloġiji disponibbli fejn xieraq; f) ir-rikonoxximent ta' persuni bħala "prosumaturi" fis-sistema tal-enerġija; u g) il-ħolqien ta' inċentivi ċari għal investimenti fil-grilji;

38.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

56

3

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Philippe De Backer, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Juan Carlos Girauta Vidal, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Ernest Maragall, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Nadine Morano, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Miguel Urbán Crespo, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Anna Záborská, Flavio Zanonato

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Soledad Cabezón Ruiz, David Coburn, Ian Duncan, Cornelia Ernst, Jude Kirton-Darling, Werner Langen, Olle Ludvigsson, Marian-Jean Marinescu, Clare Moody, Massimiliano Salini

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Edward Czesak, Jonás Fernández

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

56

+

ALDE

Philippe De Backer, Fredrick Federley, Juan Carlos Girauta Vidal, Kaja Kallas, Angelika Mlinar, Morten Helveg Petersen

ECR

Ian Duncan, Ashley Fox, Evžen Tošenovský

EFDD

Isabella Adinolfi, Dario Tamburrano

ENF

Barbara Kappel, Jean-Luc Schaffhauser

GUE/NGL

Cornelia Ernst, Neoklis Sylikiotis, Miguel Urbán Crespo

PPE

Bendt Bendtsen, Jerzy Buzek, Christian Ehler, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Werner Langen, Janusz Lewandowski, Marian-Jean Marinescu, Nadine Morano, Angelika Niebler, Herbert Reul, Paul Rübig, Massimiliano Salini, Algirdas Saudargas, Antonio Tajani, Vladimir Urutchev, Henna Virkkunen, Adina-Ioana Vălean, Anna Záborská, Pilar del Castillo Vera

S&D

Zigmantas Balčytis, Adam Gierek, Theresa Griffin, Jude Kirton-Darling, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Olle Ludvigsson, Edouard Martin, Clare Moody, Dan Nica, Miroslav Poche, Patrizia Toia, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Flavio Zanonato

Verts/ALE

Reinhard Bütikofer, Peter Eriksson, Ernest Maragall, Michel Reimon, Claude Turmes

3

-

ECR

Edward Czesak, Marek Józef Gróbarczyk, Hans-Olaf Henkel

5

0

EFDD

David Coburn, Roger Helmer

GUE/NGL

Paloma López Bermejo

S&D

Soledad Cabezón Ruiz, Jonás Fernández

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

Avviż legali - Politika tal-privatezza