RAPPORT dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress
17.11.2015 - (2015/2042(INI))
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Sven Schulze
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta’ Mikrofinanzjament Progress
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea Mikrofinanzjament Progress – 2013 (COM(2014)0639),
– wara li kkunsidra l-Evalwazzjoni Interim tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress tal-5 ta' Mejju 2015[1],
– wara li kkunsidra ir-rapport bl-isem "Study on imperfections in the area of microfinance and options how to address them through an EU financial instrument" (Studju dwar l-imperfezzjonijiet fil-qasam tal-mikrofinanzjament u opzjonijiet kif għandhom jiġu indirizzati permezz ta' strument finanzjarju tal-UE)[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1296/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar Programm tal-Unjoni Ewropea għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali ("EaSI") (ir-Regolament EaSI) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-impjiegi u l-inklużjoni soċjali[3] ("il-Faċilità") (id-"Deċiżjoni").
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 283/2010/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Marzu 2010 li tistabbilixxi Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress għall-Impjiegi u l-Inklużjoni Soċjali[4],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Marzu 2009 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar inizjattiva Ewropea għall-iżvilupp ta' mikrokreditu bħala appoġġ għat-tkabbir u l-impjiegi[5],
– wara li kkunsidra l-analiżi fil-fond tas-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew ta' Mejju 2015 intitolat "European Progress Microfinance Facility – Interim evaluation" (il-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – evalwazzjoni ta' nofs it-terminu)[6],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0331/2015),
A. billi l-mikrofinanzjament jikkontribwixxi biex jintlaħqu l-objettivi tal-Istrateġija Ewropa 2020; billi l-mikrofinanzjament jista' jgħin lin-nies joħorġu mill-faqar u l-qgħad, jagħtihom dinjità u jsaħħaħ il-koeżjoni fil-komunitajiet billi jtejjeb l-inklużjoni soċjali u jnaqqas id-diverġenzi soċjali;
B. billi l-għan ta' din il-Faċilità huwa li jiżdied l-aċċess għall-mikrofinanzjament, kif ukoll id-disponibbiltà tiegħu għall-persuni li tilfu l-impjieg tagħhom jew li qegħdin fir-riskju li jitilfuh jew li għandhom diffikultajiet biex jidħlu jew jidħlu lura fis-suq tax-xogħol, kif ukoll persuni li qed iħabbtu wiċċhom mat-theddida tal-esklużjoni soċjali jew persuni vulnerabbli li jinsabu f'pożizzjoni żvantaġġata fir-rigward tal-aċċess għas-suq tal-kreditu konvenzjonali u li jixtiequ jibdew jew ikomplu jiżviluppaw il-mikrointrapriżi tagħhom, inkluż l-impjieg indipendenti; billi l-għan ta' din il-Faċilità huwa wkoll li jiżied l-aċċess għall-mikrofinanzjament u d-disponibbiltà tiegħu għall-mikrointrapriżi u l-ekonomiija soċjali;
C. billi l-għan tal-Faċilità hu li ttejjeb il-kapaċità tal-intermedjarji sabiex jiżdied in-numru ta' operazzjonijiet potenzjali, sabiex jiġu ġġenerati l-impjiegi bil-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità, kif ukoll it-tkabbir u l-inklużjoni soċjali f'komunitajiet lokali;
D. billi s-sitwazzjoni finanzjarja tan-nisa li jisselfu tidher li hija agħar minn dik tal-irġiel b'sehem ogħla tan-nisa li huma qiegħda jew fir-riskju ta' faqar[7]; billi l-proporzjon bejn l-imprendituri nisa u rġiel li jibbenefikaw mill-Faċilità huwa biss 36:64 u dan għadu insuffiċjenti f'termini ta' bilanċ ugwali bejn is-sessi;
E. billi l-marġinalizzazzjoni u d-diskriminazzjoni multipla li jsofru ċerti gruppi ta' nisa qed jiggravaw aktar l-iżvantaġġ ekonomiku u d-diffikultà tagħhom li jaċċedu għal finanzjament; billi l-inklużjoni tan-nisa li jsofru minn esklużjoni għandha tkun prijorità;
F. billi għadd dejjem jiżdied ta' nisa li jipparteċipaw fis-suq tax-xogħol qed ikun ukoll is-sors primarju ta' għajxien għall-familji tagħhom; billi r-rata ta' ġenituri waħedhom hija ogħla għan-nisa milli għall-irġiel; billi l-mikrofinanzjament għandu jkun ta' benefiċċju għal numru dejjem ikbar ta' nisa;
G. billi l-ekonomija soċjali tinkludi l-kooperattivi, l-impriżi mutwi, l-assoċjazzjonijiet mingħajr skop ta' qligħ, il-fondazzjonijiet u l-intrapriżi soċjali li jikkontribwixxu biex jiżdiedu l-impjiegi fl-Unjoni, il-koeżjoni soċjali, l-iżvilupp reġjonali u rurali, il-protezzjoni ambjentali, il-protezzjoni tal-konsumaturi, l-iżvilupp agrikolu u tal-pajjiżi terzi, u l-politiki ta' sigurtà soċjali;
H. billi, bħala riżultat tal-kriżi ekonomika u finanzjarja, żdiedu kemm il-livelli tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, kif ukoll il-qgħad fit-tul, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-inugwaljanzi soċjali;
I. billi l-Faċilità ttejjeb il-kundizzjonijiet li permezz tagħhom min jissellef jista' jikseb self u tagħmel il-finanzjament disponibbli għal individwi li kieku ma jkunux eliġibbli; billi l-intermedjarji tal-mikrofinanzjament (MFIs) ibbenefikaw mill-Faċilità fi 22 Stat Membru; billi l-għan ġenerali tal-Faċilità huwa li toħroġ 46 000 mikroself sal-2020, li jirrappreżentaw ammont ta' madwar EUR 500 miljun;
J. billi hu stmat li r-rata ta' ħlas lura minn min jissellef hija ta' 95 %; billi l-Faċilità għenet lil individwi jidħlu jew jidħlu mill-ġdid fis-suq tax-xogħol, jew jiftħu n-negozji tagħhom stess u għenet lil persuni li jaħdmu għal rashom jippreservaw jew jespandu l-mikrointrapriżi tagħhom f'termini ta' impjiegi miżmuma, impjiegi ġodda u l-fatturat iġġenerat; billi l-Faċilità laħqet żoni Ewropej remoti u ġġenerat l-attività ekonomika;
K. billi għadu diffiċli jiġi evalwat kemm qed jintlaħqu l-minoranzi peress li l-biċċa l-kbira tal-MFIs mhumiex involuti speċifikament f'attività biex jintlaħqu aktar il-minoranzi; billi dawk li jirċievu mikrokreditu mhux neċessarjament iqisu lilhom infushom bħala grupp emarġinat jew jibżgħu li jiġu ddiskriminati jekk l-isfond etniku tagħhom jiġi żvelat;
L. billi 60 % tal-individwi li għalihom hija disponibbli d-data kienu qiegħda jew mhux attivi meta ssottomettew l-applikazzjoni tagħhom għal mikrokreditu; billi 84 % tar-riċevituri kienu fil-grupp ta' età ta' 25 - 54 sena u billi 36 % tal-imprendituri rreġistrati megħjuna mis-self kienu nisa;
M. billi din il-Faċilità għandha tiġi vvalutata fuq bażi kwalitattiva u mhux biss fuq bażi kwantitattiva; billi, għalkemm huwa aktar faċli li tivvaluta din il-Faċilità f'termini ta' effiċjenza ekonomika, l-effikaċja tagħha bħala mezz biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali għandha tiġi wkoll ivvalutata, kif għandhom jiġu vvalutati l-kwalità u l-effett indirett tal-impjiegi maħluqa;
N. billi l-proporzjon fil-mira ta' 40:60 bejn l-imprendituri nisa u rġiel kważi ntlaħaq, u billi huwa b'mod sinifikattiv ogħla mill-medja tal-Unjoni;
O. billi l-użu tal-Faċilità kien l-aktar qawwi fl-Istati Membri tan-Nofsinhar u tal-Lvant;
P. billi s-servizzi ta' żvilupp tan-negozju bħat-taħriġ u l-mentoring huma kruċjali għas-suċċess u l-vijabbiltà ta' mikrointrapriża;
Q. billi l-assenza ta' finanzjament ta' intrapriżi fl-ekonomija soċjali ġie identifikat bħala nuqqas tal-Faċilità;
R. billi hemm indikazzjonijiet li l-mikrofinanzjament jista' jkun wieħed mill-elementi ta' appoġġ lin-negozji biex minn ekonomija moħbija jiksbu status ta' attività ekonomika ddikjarata;
S. billi livell ogħla ta' żvelar pubbliku ta' data marbuta mal-għoti ta' mikrokreditu mill-MFIs huwa l-aħjar mod biex jiġi promoss użu aħjar tal-finanzjament pubbliku; billi livell ogħla ta' żvelar pubbliku ta' data jiffaċilita t-tqabbil tar-rendiment tal-MFIs;
T. billi hemm il-potenzjal għal sinerġiji bejn il-Faċilità u l-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) u fondi oħra tal-UE, u b'hekk jiġu evitati sovrapożizzjonijiet mhux mixtieqa;
U. billi l-Artikolu 6 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi li l-"baġit għandu jkun stabbilit u implimentat f'konformità mal-prinċipji tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba li titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti, u t-trasparenza";
V. billi l-Faċilità tibbenefika mill-finanzjamenti tal-UE u mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Bank Ewropew tal-Investiment, it-tnejn li huma ġestiti mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI); billi tipprevedi wkoll finanzjamenti supplimentari minn investituri privati;
W. billi tali strument għadu mhux magħruf wisq mill-benefiċjarji potenzjali, kif juru l-volumi ta' mikrokreditu mogħtija li huma inqas mill-għan stabbilit;
X. billi dan l-istrument għadu relattivament mhux magħruf mal-benefiċjarji possibbli tiegħu, kif jixhed il-volum ta' mikrokreditu mogħti, li hu inqas minn dak iffissat, b'mod partikolari fl-Italja, kif stabbilit fir-Rapport Speċjali Nru 8/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "L-appoġġ finanzjarju tal-UE qed jindirizza l-ħtiġijiet ta' mikroimprendituri b'mod adegwat?";
Inżidu l-aċċess għall-mikrofinanzjament
1. Jenfasizza l-importanza ta' strument finanzjarju bħall-Faċilità fi żminijiet ta' kriżi finanzjarja biex jinħolqu impriżi ġodda, jiġu promossi impjiegi ġodda u jiġi assigurat li persuni diżokkupati, persuni żvantaġġati u l-mikrointrapriżi jkollhom aċċess għall-finanzjament, filwaqt li jittaffa r-riskju għal MFIs;
2. Josserva li l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi kien inqas minn dak inizjalment mistenni, minkejja l-fatt li bosta benefiċjarji kienu jkunu kompletament esklużi mis-suq tal-kreditu li kieku ma kienx għall-mikrokreditu; jemmen li dan l-impatt inqas minn dak mistenni fuq il-ħolqien tal-impjiegi jista' jiġi parzjalment spjegat mill-fatt li l-Faċilità ġiet implimentata fl-istess ħin hekk kif l-ekonomija kienet għaddejja minn kriżi ekonomika kbira li laqtet kemm is-suq tal-kreditu, kif ukoll iċ-ċifri tal-impjiegi; jinnota, madankollu, li l-Faċilità kkontribwiet b'mod sostanzjali għaż-żamma tal-impjiegi; iqis li dan se jiġi indirizzat mill-istrument EaSI l-ġdid li ser ikun aktar flessibbli;
3. Jiddispjaċih bin-numru għoli ta' applikazzjonijiet rifjutati għal mikrofinanzjament (kważi 2 000 applikazzjoni ġew irrifjutati, parzjalment abbażi ta' insolvenza tal-persuni u tal-impriżi) u d-distakk li għadu sinifikanti fis-suq tal-mikrofinanzjament, minkejja ż-żieda fin-numru tal-benefiċjarji tal-mikrokreditu; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju aktar dettaljat dwar ir-raġunijiet wara dawn ir-rifjuti u li jinstabu modi biex dawn jiġu solvuti;
4. Jissottolinja l-importanza tal-Faċilità, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, fir-rwol tagħha li tippermetti lill-persuni qiegħda jew żvantaġġati jkollhom aċċess għall-finanzjament; jenfasizza li fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tal-asil b'mod partikolari, il-mikrofinanzjament jista' jservi ta' appoġġ fundamentali għar-rifuġjati u għall-migranti li qegħdin jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE;
5. Jistieden lill-Istati Membri biex jistabbilixxu punti ta' kuntatt ħalli jippromwovu l-għarfien dwar il-Faċilità fost il-benefiċjarji potenzjali u ċ-ċittadini b'mod ġenerali;
6. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkapitalizzaw fuq l-esperjenza miksuba sa issa, iżidu l-għarfien b'mod partikolari fir-reġjuni l-aktar imbiegħda u fi ħdan il-komunitajiet, b'mod speċjali f'dawk bi sfond ta' minoranza jew fi ħdan organizzazzjonijiet għall-persuni b'diżabbiltajiet dwar l-eżistenza tal-Faċilità, il-benefiċċji tagħha u l-modi li permezz tagħhom jista' jkun hemm aċċess għaliha;
7. Jinnota li fl-2013, l-azzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità kienu jinkludu self prijoritarju u garanziji; jinnota li, barra minn hekk, uħud mill-MFIs jirċievu kemm garanzija kif ukoll self, iżda dawn iż-żewġ strumenti dejjem ikopru portafolji differenti;
8. Jitlob li l-Faċilità tqis il-valur miżjud tal-proġetti f'reġjuni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħalma huma r-reġjuni b'densità ta' popolazzjoni skarsa u f'reġjuni li jkunu għaddejjin minn proċess ta' depopolazzjoni, peress li dan mhux biss ser jistimola l-ħolqien tal-impjiegi, iżda jgħin ukoll biex jinżammu l-livelli tal-popolazzjoni;
9. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-FEI jagħmlu operattiv l-assi tal-Mikrofinanzjament u l-Intraprenditorija Soċjali (MF/SE) tal-EaSI malajr kemm jista' jkun sabiex jiġi żgurat aċċess għall-flus għall-benefiċjarji; jistenna li l-EaSI se jindirizza b'suċċess in-nuqqasijiet tal-Faċilità;
10. Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta l-adegwatezza tad-definizzjoni attwali ta' mikrokreditu bil-ħsieb li tiżgura li l-istrumenti finanzjarji futuri jissodisfaw il-bżonnijiet tas-suq u ta' benefiċjarji u l-miri definiti fl-Artikolu 2 tad-Deċiżjoni;
11. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiġbru u jivvalutaw data dwar il-karatteristiċi ta' mikrointrapriżi, il-ħtiġijiet tagħhom u r-rati ta' sopravivenza tagħhom, u biex jipproponu aġġustamenti għar-Regolament EaSI, jekk meħtieġ, matul ir-reviżjoni ta' nofs it-terminu; jilqa' l-fatt li l-bilanċ u l-flussi ġodda disponibbli fi tmiem il-Faċilità se jiddaħħlu fil-baġit tal-assi MF/SE tal-EaSI, u b'hekk jiżdied l-għadd ta' garanziji u strumenti ffinanzjati li se jiġu offruti lil min jissellef mikrokrediti;
12. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-seba' strumenti finanzjarji kollha tal-Faċilità li ġew eżaminati s'issa attiraw finanzjament privat addizzjonali; jesprimi tħassib, madankollu, li skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri, fejn jidħlu l-garanziji, il-valuri fil-mira għall-koeffiċjenti ta' lieva nkisbu f'każ wieħed biss minn sebgħa, u f'żewġ każijiet ma ntlaħqux;
13. Jilqa' ż-żieda fil-flessibilità tal-programm il-ġdid fl-ambtu tal-EaSI b'reazzjoni għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-fondi bejn l-assi tal-Programm; jistieden lill-Kummissjoni tevita l-finanzjament doppju permezz tal-iżvilupp ta' sinerġiji ċari u trasparenti bejn l-EaSI u l-programmi u l-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura aktar reklamar u informazzjoni dwar il-Faċilità u l-modalitajiet ta' aċċess għaliha;
15. Jistieden lill-Kummissjoni tkabbar il-kamp ta' applikazzjoni ġeografiku tal-Faċilità, sabiex tilħaq kull Stat Membru; jenfasizza l-ħtieġa li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni settorjali tal-Faċilità, lil hinn mis-setturi agrikoli u kummerċjali;
Nilħqu l-gruppi fil-mira u r-rappurtar tal-impatt soċjali
16. Jiddeplora l-fatt li, minħabba n-nuqqas ta' rappurtar soċjali definit sew, l-impatt soċjali tal-Faċilità ma ġiex imkejjel b'mod aktar preċiż f'termini ta' ħolqien ta' impjiegi, ta' sostenibbiltà tan-negozji u tal-ilħuq ta' gruppi ta' minoranza; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex taderixxi mal-istandards tal-kejl soċjali tal-prestazzjoni b'mod empiriku sabiex jiġi żgurat l-ogħla impatt soċjali, ukoll fir-rigward tal-miri ta' Ewropa 2020 u biex jiġi vvalutat jekk id-definizzjoni ta' gruppi fil-mira, inklużi persuni b'diżabilità, ikunx meħtieġ li tiġi ċċarata aktar;
17. Jinnota li l-Faċilità bdiet topera bħala proġett pilota; jinnota li, barra minn hekk, ġew identifikati dgħufijiet f'termini ta' kapaċità ta' involviment ta' gruppi vulnerabbli bħall-migranti u l-persuni b'diżabilità; jemmen madankollu li t-tagħlimiet li ttieħdu ġew ikkunsidrati u li xi wħud min-nuqqasijiet diġà ġew indirizzati fl-Istrument EaSI; jilqa' l-fatt li l-valutazzjoni strateġika tal-għanijiet kienet żviluppata f'konformità mal-objettivi ta' Ewropa 2020;
18. Jistieden lill-FEI jikkoopera ma' MFIs, u jesiġi li dawn japplikaw il-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta' Mikrokreditu u jistieden lill-FEI jipprijoritizza dawk l-MFIs li wrew l-abbiltà u r-rieda tagħhom li jikkooperaw ma' organizzazzjonijiet li jipprovdu aktar appoġġ lil benefiċjarji finali; jistieden ukoll lill-FEI jinforza d-dispożizzjonijiet fi ftehimiet mal-MFIs li jitolbu kooperazzjoni aktar mill-qrib ma' organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw gruppi vulnerabbli sabiex jintlaħqu l-gruppi fil-mira b'mod aktar effettiv;
19. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb il-metodi li bihom tevalwa l-vijabbiltà tan-negozji u l-impatt fi ħdan il-komunità tagħhom wara l-ħlas lura tal-mikrokreditu;
20. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jtejbu r-rappurtar dwar il-benefiċjarji u l-MFIs, filwaqt li jirrikonoxxu l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ sabiex ma jkunx hemm piż żejjed fuq l-MFIs; jenfasizza li l-informazzjoni li tkun meħtieġa għal rapport xieraq biex ikunu jistgħu jiksbu self għandhom jipprovduha kemm l-MFIs kif ukoll min jissellef mikrokrediti;
21. Iqis deplorevoli l-fatt li l-informazzjoni dwar l-użu ta' self u garanziji relatati mal-Faċilità hija frammentarja u inkompleta u ma fihiex informazzjoni dettaljata dwar l-istatus tal-impjieg għall-benefiċjarji finali, minkejja li l-Qorti tal-Awdituri waslet għall-konklużjoni li r-rappurtar kien konformi mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni;
22. Jistieden lill-FEI jiżgura li l-MFIs jagħmlu pubblika d-data dwar l-għadd u l-ammont ta' mikrokrediti pprovduti u dwar it-tipi ta' benefiċjarji finali;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa f'termini ta' aċċess għall-mikrofinanzjament, u biex fil-futur tipprevedi l-istess proporzjon immirat bejn l-imprendituri nisa u rġiel; jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jħeġġu lill-MFIs jimplimentaw strateġiji speċifiċi li jkollhom lin-nisa fil-mira tagħhom u jappoġġaw l-intraprenditorija tan-nisa, inkluż permezz ta' kooperazzjoni ma' assoċjazzjonijiet u organizzazzjonijiet rilevanti fil-qasam;
24. Jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jippromwovu aktar il-viżibbiltà u l-informazzjoni rigward il-possibiltajiet ta' finanzjament skont din il-Faċilità, inkluż permezz ta' kampanji ta' sensibilizzazzjoni, skambju tal-aħjar prattiki fost l-imprendituri nisa, workshops u taħriġ li jimmiraw b'mod speċifiku lin-nisa bil-għan li jintlaħaq bilanċ aħjar bejn is-sessi fl-aċċess għall-mikrofinanzjament;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-benefiċċji tal-mikrofinanzjament għan-nisa, inkluż il-ħolqien ta' impjiegi sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambji ta' opinjonijiet u l-kondiviżjoni tal-prattiki tajba bejn l-imprendituri nisa;
26. Jirrikonoxxi l-importanza tal-proporzjon immirat bejn l-imprendituri nisa u rġiel; jemmen, madankollu, li s-suċċess tal-Faċilità m'għandux jitkejjel biss minn miri ġenerali iżda mill-ħila tal-Faċilità li tippermetti lill-imprendituri mikro u lill-impriżi żgħar u ta' daqs medju jibdew il-proġetti tagħhom u jikkontribwixxu għat-tkabbir ekonomiku u l-koeżjoni soċjali;
27. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiffoka l-isforzi tagħha biex ittejjeb l-aċċess għall-mikrofinanzjament għall-klijenti potenzjalment esklużi, bħall-migranti, ir-refuġjati, in-nies qiegħda għal perjodi twal, iż-żgħażagħ, il-persuni bi dħul baxx, il-ħaddiema b'ħiliet baxxi u l-persuni b'diżabbiltajiet, li attwalment mhumiex qed jibbenefikaw biżżejjed mill-Faċilità;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tqis lir-refuġjati u lill-persuni li qed ifittxu l-asil bħala grupp fil-mira;
29. Jistieden lill-Kummissjoni tkattar l-inizjattivi u l-finanzjament disponibbli għall-għoti ta' mikrokreditu lill-istart-ups immexxija minn żgħażagħ, sabiex tiġi appoġġata l-imprenditorija taż-żgħażagħ u l-innovazzjoni teknoloġika, xjentifika u soċjali għolja fi żmien ta' kriżi ekonomika u fi żmien ta' diffikultajiet biex jinkiseb aċċess għall-kreditu; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-burokrazija żejda imposta fuq l-imprendituri sabiex jiksbu aċċess għall-fondi disponibbli għalihom mill-Unjoni;
Nappoġġaw l-ekonomija soċjali
30. Jiddispjaċih li l-Faċilità ma ffinanzjatx numru sinifikanti ta' intrapriżi soċjali; jilqa' l-fatt għaldaqstant li persentaġġ speċifiku tal-baġit tal-EaSI huwa ddedikat għall-finanzjament ta' intrapriżi soċjali;
31. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib dan l-element ġdid u tinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiskambjaw data, għarfien u l-aħjar prattiki f'dan ir-rigward, waqt li jiġi żgurat rappurtar adatt mill-MFIs, u li dawn jiġu motivati biex isostnu proġetti b'impatt soċjali għoli fost il-klijenti potenzjali tagħhom;
32. Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa, u jekk hemm bżonn teżamina mill-ġdid, il-limitu stipulat għas-self lil intrapriżi soċjali taħt l-EaSI, sabiex dawn jingħatawlhom il-mezzi neċessarji u adegwati li jippermettu l-iżvilupp ta' benefiċċju għalihom u jiġu ssodisfati l-bżonnijiet tas-suq;
33. Jenfasizza l-importanza li tiġi inkorporata perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi fi programmi ta' finanzjament; jemmen li l-valutazzjoni tal-impatt fir-rigward tas-sessi u l-ibbaġitjar tal-perspettiva tal-ġeneri huma utli fl-evalwazzjoni u t-titjib tal-impatt fuq in-nisa tal-prijoritajiet ta' finanzjament, tal-allokament ta' riżorsi finanzjarji u tal-ispeċifikazzjonijiet għal programmi ta' finanzjament; jenfasizza l-ħtieġa li tinġabar u tiġi analizzata b'mod ġenerali data diżaggregata mill-perspettiva tal-ġeneri;
Servizzi ta' mentoring u taħriġ u komplementarjetà ma' strumenti oħrajn
34. Jilqa' l-possibbiltà taħt l-EaSI li jiġi ffinanzjat il-bini tal-kapaċità ta' MFIs u ta' għajnuna teknika għall-MFIs bil-ħsieb li jitjiebu l-professjonalizzazzjoni tagħhom, il-forniment ta' servizz, u l-ġbir u l-ipproċessar tad-data sabiex jingħata spunt aħjar dwar il-Faċilità; jipproponi, għalhekk, il-ħolqien ta' sit web fejn ikunu possibbli l-preżentazzjoni u l-konsultazzjoni ta' proġetti u ta' database Komunitarja li tinkludi informazzjoni ta' kreditu u eventwalment il-possibbiltà li jiġu rrapportati ostakli possibbli (anke u fuq kollox burokratiċi);
35. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni torbot il-Faċilità mat-taħriġ bażiku ta' intraprenditorija sabiex b'hekk jiġu żgurati l-vijabbiltà ekonomika tan-negozji u l-għan tas-self;
36. Jinnota li 44 % tal-imprendituri kollha appoġġati mill-Faċilità ffunzjonaw għal inqas minn sena, filwaqt li 56 % baqgħu jiffunzjonaw fis-sena ta' wara; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tevalwa l-vijabbiltà ta' mikroimpriżi ffinanzjati permezz tal-Faċilità; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' impjiegi sostenibbli permezz ta' gwida u taħriġ adegwati ffinanzjati fl-ambitu tal-EaSI sabiex jiġi żgurat impatt dejjiemi;
37. Jiddeplora l-fatt li servizzi ta' żvilupp kummerċjali, inklużi l-mentoring u t-taħriġ, ma jistgħux jiġu direttament iffinanzjati taħt l-EaSI, u jistieden lill-Kummissjoni tinvestiga modi ta' finanzjament futuri bi strumenti adegwati ġodda bi sħubija ma' fondi nazzjonali jew tal-Unjoni;
38. Jinnota li l-FSE għandu jipprovdi finanzjament ewlieni għall-ħolqien ta' impriżi, ta' mikrofinanza sostenibbli u ta' imprenditorija soċjali, flimkien ma' programmi ta' mentoring u taħriġ; jiddispjaċih li dawn l-għodod mhumiex iffinanzjati direttament mill-EaSI;
39. Jirrakkomanda li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jiżviluppaw il-kooperazzjoni strateġika tagħhom mal-organizzazzjonijiet u l-istituzzjonijiet lokali u reġjonali rigward l-EaSI, l-FSE u programmi nazzjonali oħra possibbli, filwaqt li jippromwovu l-kooperazzjoni tagħhom mal-MFIs u r-riċevituri finali, sabiex titjieb l-għajnuna mogħtija lil min jissellef mikrokrediti f'termini ta' taħriġ, mentoring u appoġġ ġenerali għal aktar vijabilità tan-negozju;
40. Jilqa' l-possibbiltà li jintużaw il-fondi mill-FSE għall-assi MF/SE tal-EaSI, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jinfurmaw aħjar lill-MFIs dwar din il-possibbiltà skont l-Artikolu 38 tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni[8];
41. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-FEIS ikun disponibbli biex jiffinanzja l-mikrointrapriżi;
L-intermedjarji tal-mikrofinanzjament
42. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkoordina l-appoġġ tal-FSE u l-EaSi sabiex tittejjeb il-komplementarjetà bejn iż-żewġ programmi, fir-rigward tal-Faċilitajiet ta' Mikrofinanzjament, b'iffukar fost affarijiet oħra fuq il-kooperazzjoni bejn l-MFIs u ċ-ċentri ta' appoġġ tan-negozji kkofinanzjati mill-FSE;
43. Jilqa' l-proċess ta' għażla tal-intermedjarji tal-mikrokreditu li hu f'konformità mar-regoli u mal-proċeduri tal-FEI, u jtenni t-talba tal-Parlament li tali intermedjarji għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-għoti responsabbli ta' self u tal-evitar ta' insolvenza ta' persuni u impriżi;
44. Jirrakkomanda li l-ftehimiet bejn l-MFIs u l-FEI jkollhom proċedura ta' aċċess għall-istrument iktar sempliċi u jkunu iktar flessibbli u iktar faċli biex jinftiehmu, biex b'hekk l-MFIs iżgħar ikunu jistgħu jagħmlu użu sħiħ tal-istrumenti ta' finanzjament u tal-faċilitajiet tal-FEI malajr;
45. Jiddeplora l-fatt li numru sinifikanti ta' applikazzjonijiet għall-Faċilità ma kinux tlestew u ma setgħux jiġu approvati mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal dan ir-riżultat negattiv (eż. nuqqas ta' informazzjoni jew aċċessibilità jew piż burokratiku li jeħtieġ semplifikazzjoni); jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex issolvi l-problema;
46. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tingħata aktar pubbliċità u informazzjoni dwar il-Faċilità u dwar il-mod ta' aċċess għaliha, minbarra li tissemplifika l-proċedura u tagħmel aktar flessibbli u eħfef biex jinftiehmu l-ftehimiet bejn l-intermedjarji tal-mikrofinanzjament u l-FEI, li jwassal biex l-intermedjarji iżgħar jiksbu aċċess aktar rapidu għas-suq;
47. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jivvalutaw kif ixerrdu aħjar il-benefiċċji tal-Faċilità lil pubbliku inġenerali, lil hinn mir-rekwiżiti eżistenti imposti fuq l-MFIs;
48. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-MFIs u l-organizzazzjonijiet involuti fir-rappreżentanza tal-interessi tal-benefiċjarji, lil hinn mir-reklamar ta' prodotti jew l-iskoperta ta' klijenti ġodda;
49. Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw is-settur ta' mikrofinanzjament sabiex dan ikun jista' jespandi, għaliex dan hu meħtieġ biex jintlaħqu l-objettivi ta' Ewropa 2020 u jistedinhom jagħmlu użu mill-Faċilità, billi jinvestigaw il-possibbiltajiet li għandhom l-intermedjarji mhux bankarji biex jidħlu fis-suq tal-mikrokreditu mingħajr ma jkunu jiddependu fuq bank imsieħeb;
50. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-djalogu tagħha mal-atturi ta' mikrofinanzjament (MFIs, banek u istituzzjonijiet mhux bankarji, netwerks bħan-Netwerk Ewropew tal-Mikrofinanzi) kif ukoll mal-partijiet interessati li attwalment mhumiex inklużi fir-rigward tal-aċċessibilità, l-użu u t-tfassil tal-prodotti li jridu jiġu offruti fil-qafas ta' programmi ffinanzjati mill-Unjoni;
51. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jiffaċilitaw l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-MFIs minn Stati Membri differenti;
52. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-FEI jiżguraw li l-assi tal-MF/SE tal-EaSI jippromwovu iktar it-tixrid u l-integrazzjoni tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Provvista ta' Mikrokreditu f'kuntratti ma' MFIs;
53. Iqis li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress – 2013 huwa ġeneriku ħafna u fih nuqqas ta' dettalji fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu;
54. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Faċilità u l-istrument tal-EaSI jkomplu jikkontribwixxu għall-valur miżjud tal-UE u l-viżibbiltà tagħha;
°
° °
55. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
L-isfond
L-għoti ta’ mikrokrediti oriġina mill-Asja t’Isfel u l-Amerika Latina, fejn l-ewwel inizjattivi ta’ mikrokreditu dehru aktar minn erbgħin sena ilu - inizjattivi li minn dak iż-żmien 'l hawn fil-maġġorparti tagħhom, operaw tajjeb ħafna.
L-effetti pożittivi fuq l-ekonomija lokali, li ntlaħqu permezz tal-għoti ta’ mikrokrediti fil-pajjiżi li qegħdin jiżviluppaw għall-ġlieda kontra l-faqar, ispiraw lill-UE għall-ħolqien tal-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament Progress fl-2010, b'valur totali ta' EUR 205 miljun, u dan sabiex anke fl-Ewropa l-persuni soċjalment u finanzjarjament żvantaġġjati jkollhom l-opportunità jiggarantixxu ħajja deċenti.
Attwalment il-faċilità Progress hija disponibbli biss fi 22 mit-28 Stat Membru. Dan huwa dovut għal-livelli differenti ta’ żvilupp tal-ekonomiji Ewropej, kif ukoll għad-differenzi fl-interessi tas-suq u l-kundizzjonijiet regolatorji.
L-aħħar li l-Kummissjoni Ewropea eżaminat is-sitwazzjoni tal-faċilità Progress kien f’rapport ta' implimentazzjoni tal-2013, u barra minn hekk fasslet rapport interim dwar din il-faċilità, li se tibqa' operattiva sal-2016.
Il-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament Progress għandha dimensjoni soċjopolitika u tissimplifika l-aċċess għall-mikrokrediti biex jitwaqqfu jew jiġu promossi intrapriżi żgħar. Din ma tiffinanzjax lill-mikroimprendituri nfushom, iżda tippermetti lill-fornituri ta’ mikrokrediti, l-hekk imsejħa intermedjarji li qed jipparteċipaw fil-programm fl-UE, jikkonċedu iktar self permezz ta’ affidabbiltà kreditizja mtejba bis-saħħa tal-possibilità ta’ finanzjament mill-ġdid offruta mill-faċilità Progress.
Il-faċilità Progress hija importanti u effettiva għall-ilħuq tal-miri tal-UE fil-qasam tal-impjiegi u dak soċjali fil-qafas tal-Istrateġija UE 2020. Dan għaliex permezz ta’ kumpaniji ġodda jistgħu jinħolqu għadd sinifikanti ta’ impjiegi ġodda. Kważi 85 % ta’ dawn l-impjiegi jinħolqu fil-mikrointrapriżi.
Korrispondentement teżisti domanda għolja għall-mikrokrediti, li ġejja mingħand persuni li mhumiex f’qagħda jiksbu self mis-settur bankarju tradizzjonali, u dan għaliex għal dan is-settur huma meqjusa bħala kategorija bi spejjeż intensivi projbittivi.
Il-faċilità Progress tgħin sabiex wieħed (jerġa') jidħol fis-suq tax-xogħol, li jiġi sfruttat il-potenzjal imprenditorjali, li jinkisbu ħiliet ġodda permezz ta’ taħriġ u mentoring, u jippermetti lin-nies ikunu responsabbli għal ħajjithom u jgħixu b’mod dinjituż.
Skont id-definizzjoni tal-UE li għadha tapplika sa issa (u dubjuża), mikrokreditu mogħti lil mikrointrapriża ma jisboqx il-EUR 25 000 (impriża li tħaddem inqas minn 10 persuni u li l-qligħ annwali tagħha u/jew it-total tal-karta tal-bilanċ ma jisboqx EUR 2 miljuni, (l-Artikolu 2 tal-EaSI (Programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali)).
Gruppi fil-mira
Il-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament Progress hija l-ewwel u qabel kollox strument soċjopolitiku; il-funzjoni tagħha bħala strument ekonomiku hija biss waħda sekondarja. Din tikkonċentra fuq gruppi fil-mira li fil-qasam ekonomiku ma kinux ingħataw biżżejjed attenzjoni: persuni qiegħda (għal żmien twil), dawk li jirċievu għajnuna soċjali, immigranti, persuni li jagħmlu parti
minn minoranzi etniċi, persuni li huma attivi fl-ekonomija informali jew li jgħixu
f’żoni rurali żvantaġġjati, u n-nisa.
Karatteristiċi speċifiċi tal-Faċilità ta’ Mikrofinanzjament Progress
Għall-banek, il-mikrokrediti lil individwi li jagħmlu parti mill-gruppi fil-mira deskritti hawn fuq jirrappreżentaw tranżazzjonijiet individwalment riskjużi u jinvolvu ħafna spejjeż, partikolarment ukoll minħabba li barra s-self innifsu, ikun hemm bżonn ta’ pariri li jinvolvi bosta membri tal-persunal, dwar il-proġett ta’ negozju u l-implimentazzjoni tiegħu (mentoring u taħriġ). Dan kollu jagħmel il-mikrokrediti għaljin u ta’ marġni baxx, u għaldaqstant mhumiex attraenti biex jiġu kummerċjalizzati.
Dan ifisser li l-attività tal-mikrokreditu hija dejjem differenti mill-attività bankarja tradizzjonali,
hekk kif din permezz tal-ħolqien ta’ inklużjoni soċjali, taqdi kompitu soċjali. L-għoti ta’ mikrokrediti huwa utli mil-lat ekonomiku u soċjali, hekk kif l-appoġġ finanzjarju biex tintlaħaq l-indipendenza huwa inqas għali għall-istituzzjonijiet tal-istat mill-ispiża fuq il-benefiċċji soċjali għall-qgħad, u barra minn hekk iservi wkoll bħala l-punt tat-tluq għall-intraprenditorija.
Is-sitwazzjoni tal-faċilità Progress f’nofs il-perjodu operattiv
B’mod ġenerali, il-faċilità Progress tista’ titqies li kienet ta’ suċċess; permezz ta' disponibilità finanzjarja adegwata, saħansitra setgħet tintlaħaq domanda sostanzjalment ogħla. Ingħataw 13 252 mikrokreditu b’valur ta’ EUR 124,6 miljun, ftit inqas mill-mira ta’ EUR 142,4 miljun.
Qed jintlaħqu ħafna, jekk mhux kull grupp li hemm fil-mira.
Il-proporzjon fil-mira ta’ 40:60 bejn l-imprendituri nisa u rġiel kważi ntlaħaq (37 % tal-benefiċjarji huma imprendituri nisa), għalkemm mhux l-intermedjarji kollha nedew programmi speċjali għat-twaqqif ta’ intrapriżi min-nisa. Dan jirrappreżenta proporzjon kunsiderevolment ogħla ta’ imprendituri nisa meta mqabbel mal-medja rreġistrata fl-UE. Madankollu għandu jitfittex li tintlaħaq kwota bilanċjata.
Skont rapport interim, 17 % ta’ dawk intervistati ma kienx irnexxielhom jiksbu kreditu konvenzjonali minn bank. 68 % ta’ dawk intervistati qalu li kienet l-ewwel darba li ppruvaw jieħdu self, u 56 % oħra assumew li ma kienx se jirnexxielhom jiksbu self b’kundizzjonijiet simili minn x’imkien ieħor. 43 % ta’ dawk intervistati jinsabu, skont informazzjoni mogħtija minnhom, taħt il-linja nazzjonali rispettiva tal-faqar - rata kunsiderevolment ogħla mill-medja tal-UE (18,2 %). 17 % jgħidu li saħansitra m’għandhomx mezzi - rata għolja kważi d-doppju mill-medja tal-popolazzjoni tal-UE.
Għaldaqstant il-faċilità Progress tnaqqas b'mod effettiv is-soll biex ikun jista' jinkiseb kreditu.
L-effikaċja tal-faċilità Progress hija inqas ċara fir-rigward ta’ gruppi żvantaġġjati tal-popolazzjoni u l-ekonomija soċjali. Minn naħa, dan jista’ jiġi attribwit għall-fatt li, minħabba biża ta’ diskriminazzjoni, ħafna mill-persuni li jeħtieġu self ma jiddeskrivux lilhom infushom li jagħmlu parti minn minoranza (etnika). Min-naħa l-oħra, indikaturi u obbligi ta’ rappurtar inadegwati jew mhux żviluppati biżżejjed jistgħu jwasslu għal ġbir ta’ data mhux sodisfaċenti.
L-effikaċja fl-ekonomija soċjali hija baxxa, peress li minn naħa, ħafna intermedjarji ma ppreżentawx programmi speċifiċi għal dan it-tip ta’ ekonomija, filwaqt li min-naħa l-oħra, l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali ħafna drabi jkollhom bżonn aktar flus minn kemm huwa possibbli skont id-definizzjoni ta’ mikrokreditu. Din l-omissjoni tidher li ġiet rikonoxxuta taħt l-EaSI: L-Artikolu 26(c) jipprovdi wkoll aċċess finanzjarju aħjar għall-intrapriżi soċjali. Hawnhekk ta’ min jiġi vverifikat jekk il-limitu massimu previst f’dan l-Artikolu jakkomodax il-ħtiġijiet tas-suq.
Is-sostenibbiltà tal-impjiegi li jinħolqu għadha diffiċli tiġi vvalutata, hekk kif ħafna mill-krediti mogħtija mill-faċilità Progress ilhom inqas minn sena. Madankollu huwa importanti li tinħoloq il-possibilità li r-riżultati tal-mikrointrapriżi fis-suq jibqgħu jinżammu taħt osservazzjoni, anke wara tmiem is-self tagħhom.
L-allokazzjoni ta’ fondi tal-FSE għall-istrument tal-EaSI fil-qafas tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni
Il-possibilità li l-fondi tal-FSE jiġu attribwiti għall-istrument tal-EaSI hija ta’ importanza partikolari. Skont l-Artikolu 38(1a) tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni huwa possibbli li l-awtoritajiet tal-FSE jitħallew jallokaw partijiet tal-mezzi finanzjarji tal-FSE lil strumenti finanzjarji oħra tal-UE bħall-EaSI. Il-mezzi finanzjarji reġjonali mill-FSE attribwiti pereżempju lill-EaSI mbagħad ikollhom jintnefqu fl-istess reġjun.
Il-kumpartiment speċifiku għall-FSE fil-qafas tal-EaSI jrid jirrispetta l-parametri ġenerali tal-EaSI (pereżempju l-effett ta’ ingranaġġ minimu), iżda jista’ jżid ukoll xi kundizzjonijiet speċifiċi (pereżempju grupp speċifiku fil-mira, ngħidu aħna żgħażagħ li jissellfu mikrokrediti, in-nisa u l-persuni b’diżabilità).
Dan il-ftehim ikun jinkludi r-regoli ġenerali tal-istrumenti finanzjarji tal-EaSI, kif ukoll ir-regoli li japplikaw speċifikament għall-qasam magħżul. Dawn ir-regoli speċifiċi jistgħu jiżguraw pereżempju, li l-garanziji u s-self jintużaw għall-benefiċċju tal-persuni jew l-intrapriżi tal-pajjiż jew ir-reġjun kopert mill-programm operazzjonali u, possibilment ikollhom fil-mira popolazzjonijiet speċifiċi bħaż-żgħażagħ. (“kontribuzzjoni riżervata”).
Il-vantaġġ ta’ dan ma jkunx biss li l-entità fdata (il-FEI) tkun diġà ntgħażlet mill-Kummissjoni, iżda wkoll li jkunu determinati tista’ tgħid il-parametri kollha tal-istrumenti finanzjarji.
L-Istati Membri li jieħdu din l-għażla jonqsilhom il-piż amministrattiv tagħhom, hekk kif il-ġestjoni u l-kontroll tal-fondi jkunu responsabilità tal-FEI.
Għaldaqstant l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom jistgħu jgħaqqdu l-kapaċità finanzjarja meta jħalltu r-riżorsi tal-UE u dawk nazzjonali, u jistgħu japprofittaw mill-għarfien espert tal-FEI fil-ġestjoni tal-istrumenti finanzjarji.
Il-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-mikrointrapriżi
Il-pożizzjoni ġenerali fost il-fazzjonijiet kollha tal-Kumitat EMPL kienet li l-fondi tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (EFSI) ikunu disponibbli anke għall-mikrointrapriżi. Din il-pożizzjoni qed tiġi mtennija għal darb’oħra.
Konklużjoni
Il-mikrokrediti ma joperawx biss fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw iżda anke fl-Ewropa. Madankollu, fostna huma kkunsidrati primarjament bħala strument soċjopolitiku, li jagħti opportunità lill-persuni li jinsabu f’sitwazzjoni soċjali diffiċli.
Għall-promozzjoni tal-SMEs u ta’ ideat innovattivi, jeżistu possibilitajiet oħra. Id-definizzjoni tal-UE ta’ mikrokreditu ta’ min tiġi riveduta, u għandha tiġi adattata għar-realtajiet tal-lum. Dan jgħodd ukoll għall-ammont massimu ta’ self, li jista’ ma jkunx suffiċjenti fil-pajjiżi kollha tal-UE. Il-possibbiltà li anke istituzzjonijiet mhux bankarji jkunu jistgħu jagħtu mikrokrediti, għandha tiġi estiża għall-Istati Membri kollha. L-assistenza esperta fl-iżvilupp ta’ pjan ta’ negozju u l-verifika u l-akkumpanjament sabiex tiġi realizzata l-idea ta’ negozju (taħriġ u mentoring) għandhom ikunu jistgħu jiġu appoġġjati finanzjarjament taħt l-EaSI.
B’mod ġenerali huwa rakkomandat li jitkompla l-programm Progress, u dan b’kunsiderazzjoni tat-titjib fil-qafas tal-EaSI u l-proposti li saru f’dan ir-rapport.
20.10.2015
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kontrol taL-Baġit
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress - 2013
Rapporteur għal opinjoni: Inés Ayala Sender
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
A. billi l-Artikolu 6 tar-Regolament Finanzjarju jistabbilixxi li l-"baġit għandu jkun stabbilit u implimentat f'konformità mal-prinċipji tal-unità, il-preċiżjoni baġitarja, l-annwalità, l-ekwilibriju, l-unità tal-kontijiet, l-universalità, l-ispeċifikazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja tajba li titlob kontroll intern effettiv u effiċjenti, u t-trasparenza";
B. billi l-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress ("il-Faċilità") tibbenefika mill-finanzjamenti tal-UE u mill-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Bank Ewropew tal-Investiment, it-tnejn li huma ġestiti mill-Fond Ewropew tal-Investiment (FEI); tipprevedi wkoll finanzjamenti supplimentari minn investituti privati;
C. billi l-Faċilità twaqqfet bil-għan li ssostni t-tkabbir u l-impjiegi u tiġġieled l-esklużjoni soċjali u finanzjarja;
D. billi l-impriżi soċjali jtejbu l-qagħda tal-gruppi l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà f'termini ta' impjiegi u inklużjoni soċjali u jeħtieġu aċċess aħjar għall-finanzjamenti;
E. billi dan l-istrument għadu relattivament mhux magħruf mal-benefiċjarji potenzjali tiegħu, kif jixhed il-volum ta' mikroself mogħti, li hu inqas minn dak iffissat, b'mod partikolari fl-Italja, kif stabbilit fir-Rapport Speċjali Nru 8/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri intitolat "L-appoġġ finanzjarju tal-UE qed jindirizza l-ħtiġijiet ta' mikroimprendituri b'mod adegwat?";
F. billi din il-Faċilità għandha tiġi vvalutata fuq bażi kwalitattiva u mhux biss fuq bażi kwantitattiva; billi, għalkemm huwa aktar faċli li tivvaluta din il-Faċilità f'termini ta' effiċjenza ekonomika, l-effikaċja tagħha bħala mezz biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali għandha tiġi vvalutata wkoll, kif għandhom jiġu vvalutati wkoll il-kwalità u l-effett indirett tal-impjiegi maħluqa;
1. Jinnota li fl-2013, l-azzjonijiet iffinanzjati fl-ambitu tal-Faċilità kienu jinkludu self prijoritarju u garanziji; jinnota li, barra minn hekk, uħud mill-intermedjarji jirċievu kemm garanzija kif ukoll self, iżda dawn iż-żewġ strumenti dejjem ikopru portafolji differenti;
2. Jinnota li l-Faċilità ilha topera bħala proġett pilota mis-sena 2010; jinnota li, barra minn hekk, ġew identifikati dgħufijiet f'termini ta' kapaċità ta' involviment ta' gruppi vulnerabbli bħall-migranti u l-persuni b'diżabilità; jemmen madankollu li t-tagħlimiet tqisu u li xi wħud min-nuqqasijiet diġà ġew indirizzati fl-Istrument għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) il-ġdid; Jilqa' l-fatt li l-valutazzjoni strateġika tal-għanijiet kienet żviluppata f'konformità mal-objettivi ta' Ewropa 2020;
3. Jilqa' l-fatt li riżorsi baġitarji ulterjuri ġew allokati lill-EaSI għall-mikrofinanzjament;
4. Jissottolinja li l-kopertura ġeografika tal-Faċilità fi ħdan l-UE għadha limitata, billi hija estiża biss għal 22 (dalwaqt 23) minn 28 Stat Membru; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel sforzi akbar biex tiżgura kopertura ġeografika sħiħa u tidentifika u tanalizza r-raġunijiet għala ċerti Stati Membri mhumiex qed jiġu koperti mill-istrument; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-pubbliku ġenerali b'informazzjoni suffiċjenti dwar il-possibbiltajiet għal finanzjament permezz ta' dan l-istrument;
5. Jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-settur tal-mikrofinanza fl-UE; jilqa' l-approċċ xprunat mid-domanda li topera bih il-Faċilità, li tindirizza l-ħtiġijiet tal-mikroimprendituri u tattira l-finanzjament privat; jirrakkomanda, madankollu, li l-ħtiġijiet tal-benefiċjarji ikunu soġġetti għal valutazzjoni ulterjuri;
6. Jitlob li l-Faċilità tqis il-valur miżjud tal-proġetti f'reġjuni bi żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti, bħalma huma r-reġjuni b'densità ta' popolazzjoni skarsa u f'reġjuni li jkunu għaddejjin minn proċess ta' depopolazzjoni, peress li dan mhux biss ser jistimola l-ħolqien tal-impjiegi, iżda jgħin ukoll biex jinżammu l-livelli tal-popolazzjoni;
7. Jilqa' l-proċess ta' selezzjoni tal-intermedjarji tal-mikrokreditu li hu f'konformità mar-regoli u mal-proċeduri tal-FEI, u jtenni t-talba tal-Parlament li tali intermedjarji għandhom jirrispettaw il-prinċipji tal-għoti responsabbli ta' self u tal-evitar ta' insolvenza ta' persuni fiżiċi u ġuridiċi;
8. Jiddispjaċih li l-impatt soċjali u fuq l-impjiegi tal-Faċilità ġie vvalutat b'mod inadegwat, partikolarment fir-rigward tad-data dwar l-imprenditorija tal-anzjani u l-appoġġ favur il-minoranzi; jistieden lill-Kummissjoni tirrikjedi li l-istituzzjonijiet intermedjarji jikkooperaw b'mod espliċitu mal-assoċjazzjonijiet li jirrappreżentaw il-minoranzi bil-għan li jinvolvu attivament fil-programm lill-gruppi vulnerabbli, bħan-nisa u l-gruppi minoritarji; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tibda valutazzjoni fil-fond tal-impatt li tanalizza il-Faċilità u l-programm suċċessur tiegħu fl-assi tal-mikrofinanzjament u l-imprenditorija soċjali (MF/SE) tal-EaSI;
9. Jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li s-seba' strumenti finanzjarji kollha tal-Faċilità li ġew eżaminati s'issa attiraw finanzjament privat addizzjonali; jesprimi tħassib, madankollu, li skont ir-rapport tal-Qorti tal-Awdituri, fejn jidħlu l-garanziji, il-valuri fil-mira għall-koeffiċjenti ta' lieva nkisbu b'mod preċiż f'każ wieħed biss minn sebgħa, u f'żewġ każijiet ma ntlaħqux;
10. Huwa tal-fehma li hemm bżonn li r-rata ta' sopravivenza tal-proġetti ffinanzjati mill-Faċilità ssir pubblika u titqies fl-aġġornament tal-Kodiċi Ewropew tal-Imġiba Tajba għall-Għoti ta' Mikrokreditu; jistieden lill-Kummissjoni titlob obbligatorjament informazzjoni dwar ir-rata ta' sopravivenza meta tingħata l-għajnuna; jenfasizza li din l-informazzjoni tkun xierqa għall-valutazzjoni futura tar-riżultati;
11. Iqis li s-suċċess ta' dawn il-proġetti ma jistax jitkejjel biss f'termini taż-żamma u l-ħolqien tal-impjiegi u li l-aspett soċjali tagħhom għandu jiġu kkunsidrat ukoll;
12. Jinnota li 44 % tal-imprendituri kollha appoġġati mill-Faċilità eżistew għal inqas minn sena, filwaqt li 56 % baqgħu jeżistu fis-sena ta' wara; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tevalwa l-vijabbiltà ta' mikroimpriżi ffinanzjati permezz tal-Faċilità; jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi l-iżvilupp ta' impjiegi sostenibbli permezz ta' gwida u taħriġ adegwati ffinanzjati fl-ambitu tal-istrument EaSI l-ġdid sabiex jiġi żgurat impatt dejjiemi;
13. Jilqa' ż-żieda fil-flessibilità tal-programm il-ġdid fl-ambtu tal-EaSI b'reazzjoni għall-ħtiġijiet li qed jinbidlu fir-rigward tar-riallokazzjoni tal-fondi bejn l-assi tal-Programm; jistieden lill-Kummissjoni tevita l-finanzjament doppju permezz tal-iżvilupp ta' sinerġiji ċari u trasparenti bejn l-EaSI u l-programmi u l-inizjattivi l-oħra tal-Unjoni;
14. Jinnota li l-FSE għandu jipprovdi finanzjament ewlieni għall-ħolqien ta' impriżi,ta' mikrofinanza sostenibbli u ta' imprenditorija soċjali, flimkien ma' programmi ta' mentoring u taħriġ; jiddispjaċih li dawn l-għodod mhumiex ffinanzjati direttament mill-EaSI;
15. Josserva li l-impatt fuq il-ħolqien tal-impjiegi kien inqas minn dak inizjalment mistenni, minkejja l-fatt li bosta benefiċjarji kienu jkunu kompletament esklużi mis-suq tal-kreditu li kieku ma kienx għall-mikrokreditu; jemmen li dan l-impatt inqas minn dak mistenni fuq il-ħolqien tal-impjiegi jista' jiġi parzjalment spjegat mill-fatt li l-Faċilità ġiet implimentata fl-istess ħin hekk kif l-ekonomija kienet għaddejja minn kriżi ekonomika kbira li laqtet kemm is-suq tal-kreditu, kif ukoll iċ-ċifri tal-impjiegi; jinnota, madankollu, li l-Faċilità kkontribwiet b'mod sostanzjali għaż-żamma tal-impjiegi; iqis li dan se jiġu indirizzati mill-istrument EaSI l-ġdid li ser ikun aktar flessibbli;
16. Jiddispjaċih bin-numru għoli ta' applikazzjonijiet rifjutati għal mikrofinanzjament (kważi 2 000 applikazzjoni ġew irrifjutati, parzjalment abbażi ta' insolvenza tal- persuni u tal-impriżi) u d-distakk li għadu sinifikanti fis-suq tal-mikrofinanza, minkejja ż-żieda fin-numru ta' tal-benefiċjarji tal-mikrokreditu; jistieden lill-Kummissjoni twettaq studju aktar dettaljat dwar ir-raġunijiet wara dawn ir-rifjuti u li jinstabu modi biex dawn jiġu solvuti;
17. Jissottolinja l-importanza tal-Faċilità, speċjalment fi żminijiet ta' kriżi, billi sservi biex tħalli lill-persuni qiegħda jew żvantaġġati jkollhom aċċess għall-finanzjament; jenfasizza li fil-kuntest tal-kriżi attwali tal-migrazzjoni u tal-asil b'mod partikolari, il-mikrofinanzjament jista' jforni appoġġ fundamentali għar-rifuġjati u għall-migranti li qegħdin jidħlu fis-suq tax-xogħol tal-UE;
18. Jistieden lill-Kummissjoni tqis lir-rifuġjati u lill-persuni jfittxu l-asil bħala grupp fil-mira;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tkattar l-inizjattivi u l-finanzjament disponibbli għall-għoti ta' mikrokreditu lill-istart-ups immexxija minn żgħażagħ, sabiex tiġi appoġġata l-imprenditorija taż-żgħażagħ u innovazzjoni teknoloġika, xjentifika u soċjali għolja fi żmien ta' kriżi ekonomika u fi żmien ta' diffikultajiet biex jinkiseb aċċess għall-kreditu; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li l-Istati Membri jagħmlu ħilithom biex inaqqsu l-burokrazija żejda imposta fuq l-imprendituri sabiex jiksbu aċċess għall-fondi disponibbli għalihom mill-UE;
20. Jistieden lill-Kummissjoni żżid il-baġit tal-istrument InnovFin, previsti mill-programm Orizzont 2020, u b'mod partikolari mir-riżorsi disponibbli lill-prodott ta' mikrofinanzjament "Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs InnovFin";
21. Iqis deplorevoli l-fatt li l-informazzjoni dwar l-użu ta' self u garanziji relatati mal-Faċilità hija frammentarja u inkompleta u ma fihiex informazzjoni dettaljata dwar l-istatus tal-impjieg għall-benefiċjarji finali, minkejja li l-Qorti tal-Awdituri waslet għall-konklużjoni li r-rappurtar kien konformi mar-rekwiżiti tad-Deċiżjoni li tistabbilixxi l-EPMF;
22. Jilqa' l-komponent tal-innovazzjoni soċjali tal-programm EaSI u partikolarment il-promozzjoni tal-impriżi tal-ekonomija soċjali;
23. Jiddeplora l-fatt li numru sinifikanti ta' applikazzjonijiet għall-Faċilità ma kinux tlestew u ma setgħux jiġu approvati mill-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni tivvaluta r-raġunijiet għal dan ir-riżultat negattiv (eż. nuqqas ta' informazzjoni, aċċessibilità jew piż burokratiku li jeħtieġ semplifikazzjoni); jistieden lill-Kummissjoni taġixxi malajr biex issolvi l-problema.
24. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li tingħata aktar pubbliċità u informazzjoni dwar il-Faċilità u dwar il-mod ta' aċċess għalih, minbarra li tissemplifika l-proċedura u tagħmel aktar flessibbli u eħfef biex jinftiehmu l-ftehimiet bejn l-intermedjarji tal-mikrofinanza u l-FEI, li jwassal biex l-intermedjarji iżgħar jiksbu aċċess aktar rapidu għas-suq;
25. Iqis li r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament għall-Progress - 2013 huwa ġeneriku ħafna u jbati minn nuqqas ta' dettalji fir-rigward tal-implimentazzjoni tiegħu;
26. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-Faċilità u l-istrument tal-EaSI jkomplu jikkontribwixxu għall-valur miżjud tal-UE u l-viżibbiltà tagħha.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
19.10.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
24 0 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Ashworth, Gerben-Jan Gerbrandy, Brian Hayes, Karin Kadenbach, Barbara Kappel, Marian-Jean Marinescu, Julia Pitera, Patricija Šulin, Marco Zanni |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Andrejs Mamikins |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
10.11.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
49 2 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Thomas Händel, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Kostadinka Kuneva, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Dominique Martin, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská, Inês Cristina Zuber |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Tim Aker, Georges Bach, Amjad Bashir, Lynn Boylan, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, António Marinho e Pinto, Edouard Martin, Joachim Schuster, Michaela Šojdrová, Ivo Vajgl, Flavio Zanonato |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Sorin Moisă |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
49 |
+ |
|
ALDE ECR EFDD ENF GUE/NGL PPE
S&D
Verts/ALE |
Enrique Calvet Chambon, António Marinho e Pinto, Yana Toom, Ulla Tørnæs, Ivo Vajgl, Renate Weber Amjad Bashir, Arne Gericke, Zdzisław Krasnodębski, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská Laura Agea, Tiziana Beghin Mara Bizzotto Lynn Boylan, Tania González Peñas, Thomas Händel, Kostadinka Kuneva, Inês Cristina Zuber Georges Bach, David Casa, Danuta Jazłowiecka, Dieter-Lebrecht Koch, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Anne Sander, Sven Schulze, Romana Tomc, Michaela Šojdrová Guillaume Balas, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Edouard Martin, Sorin Moisă, Joachim Schuster, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog, Flavio Zanonato Tatjana Ždanoka |
|
2 |
- |
|
EFDD ENF |
Tim Aker Dominique Martin |
|
1 |
0 |
|
NI |
Lampros Fountoulis |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet
- [1] http://ec.europa.eu/social/main.jsp?catId=738&langId=fr&pubId=7760
- [2] http://bookshop.europa.eu/fr/study-on-imperfections-in-the-area-of-microfinance-and-options-how-to-address-them-through-an-eu-financial-instrument-pbKE0214424/?CatalogCategoryID=ZjsKABstHnIAAAEjH5EY4e5L
- [3] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 238.
- [4] ĠU L 87, 7.4.2010, p. 2.
- [5] ĠU C 117 E, 6.5.2010, p. 85.
- [6] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/IDAN/2015/547555/EPRS_IDA(2015)547555_EN.pdf
- [7] Evalwazzjoni ta' nofs it-terminu tal-Faċilità Ewropea ta' Mikrofinanzjament Progress
- [8] Ir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill
tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006, ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.