RAPPORT dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Eurojust tal-Memorandum ta' Qbil bejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern u l-Eurojust

7.12.2015 - (11595/2015 – C8‑0303/2015 – 2015/0811(CNS)) - *

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Kostas Chrysogonos

Proċedura : 2015/0811(CNS)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0353/2015
Testi mressqa :
A8-0353/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' Deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Eurojust tal-Memorandum ta' Qbil bejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern u l-Eurojust

(11595/2015 – C8‑0303/2015 – 2015/0811(CNS))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (11595/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 36) dwar id-dispożizzjonijiet transitorji, skont liema artikolu l-Parlament ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0303/2015),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2002/187/ĠAI tat-28 ta' Frar 2002 li tistabbilixxi l-Eurojust bil-għan li tiġi msaħħa l-ġlieda kontra l-kriminalità serja[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 26(2) tagħha,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tas-16 ta’ April 2015[2],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta’ Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0353/2015),

1.  Japprova l-abbozz tal-Kunsill;

2.  Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;

3.  Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tiegħu lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

L-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni inkwistjoni jifformalizza l-konklużjoni tal-Eurojust tal-Memorandum ta' Qbil bejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern u l-Eurojust (UASI), li għalih il-Kumitat għall-Affarijiet Legali huwa responsabbli taħt l-Anness VI tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament, u l-Eurojust.

L-iskop tal-Memorandum ta' Qbil (MtQ) huwa li titrawwem kooperazzjoni bejn l-Eurojust u l-UASI bi qbil mal-mandati rispettivi tagħhom.

Dispożizzjoni li għandha tingħata attenzjoni b'mod partikolari hija l-Artikolu 3(5) tal-MtQ, fejn "skambju ta' informazzjoni jew esperjenza previsti f'dan il-MtQ m'għandhomx jinkludu t-trażmissjoni ta' informazzjoni operazzjonali inkluża data rigward persuna identifikata jew identifikabbli". Din il-kjarifika ġiet milqugħa pożittivament mill-Korp Konġunt ta' Sorveljanza tal-Eurojust. Ir-Rapporteur jappoġġa bis-sħiħ dan l-approċċ u jistieden lill-Kunsill biex ikun viġilanti b'rabta mal-implimentazzjoni fil-prattika tal-garanzija ta' protezzjoni tad-data, li tinsab fl-Artikolu 3(5) tal-MtQ.

Dispożizzjoni interessanti oħra hija l-Artikolu 6 dwar is-soluzzjoni għat-tilwim. Skont l-ewwel paragrafu tiegħu, it-tilwim b'rabta mal-interpretazzjoni jew l-applikazzjoni tal-MtQ għandu jiġi solvut "permezz ta' konsultazzjonijiet u negozjati bejn rappreżentanti" tal-Eurjojust u l-UASI, u b’hekk tiġi eskluża l-arbitraġġ ta' kwalunkwe parti terza. Dan huwa konformi mal-parti l-kbira tal-ftehimiet l-oħra ta' dan it-tip[3].

Mill-banda l-oħra, il-paragrafu 2 tal-istess dispożizzjoni jistabbilixxi li f'każ ta' nuqqas serju ta' konformità mad-dispożizzjonijiet tal-MtQ, jew jekk l-Eurojust jew l-UASI ikunu tal-fehma li jista' seħħ tali nuqqas fil-futur qarib, kwalunkwe wieħed minnhom jista' jissospendi l-applikazzjoni tal-MtQ temporanjament, sakemm iseħħu l-konsultazzjonijiet u n-negozjati msemmija fl-ewwel paragrafu. Din is-sospensjoni mhijiex tas-soltu, meta mqabbla ma' ftehimiet oħra konklużi mill-Eurojust.

Madankollu, jidher li l-Eurojust u l-UASI ftehmu li jikkonkludu l-MtQ minħabba li, skont il-kliem użat fil-Premessa 6, huma kienu "jixtiequ u lesti li jiżviluppaw kooperazzjoni strateġika li tista' tgħinhom jilħqu l-objettivi rispettivi tagħhom". Minn dan, jista' jiġi dedott li l-Eurojust u l-UASI jirrikonoxxu li t-termini tal-MtQ, inkluż l-Artikolu 6 tiegħu, jikkontribwixxu għal prestazzjoni mtejba tal-kompiti tagħhom. Minn dan, joħroġ li l-MtQ huwa fl-interess komuni tal-Eurojust u tal-UASI u għandu jiġi approvat bħala tali mill-Kunsill.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Memorandum ta’ Qbil bejn l-Uffiċċju għall-Armonizzazzjoni fis-Suq Intern u l-Eurojust

Referenzi

11595/2015 – C8-0303/2015 – 2015/0811(CNS)

Data meta ġie kkonsultat il-PE

8.10.2015

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

JURI

14.10.2015

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

ITRE

14.10.2015

IMCO

14.10.2015

CULT

14.10.2015

LIBE

14.10.2015

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

ITRE

10.11.2015

IMCO

10.11.2015

CULT

4.11.2015

LIBE

26.10.2015

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Kostas Chrysogonos

23.10.2015

 

 

 

Data tal-adozzjoni

3.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

2

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Laura Ferrara, Enrico Gasbarra, Mary Honeyball, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, József Szájer, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Jytte Guteland, Heidi Hautala, Stefano Maullu, Rainer Wieland, Kosma Złotowski

Data tat-tressiq

7.12.2015

  • [1]  ĠU L 63, 6.3.2002, p. 1.
  • [2]  Sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-16 ta' April 2015 fil-Kawżi Magħquda C-317/13 u C-679/13, Parlament vs Kunsill, ECLI:EU:C:2015:223, u fil-Kawża C-540/13, Parlament vs Kunsill, ECLI:EU:C:2015:224.
  • [3]  Ara pereżempju l-Artikolu 9 tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA) u l-Eurojust, l-Artikolu 9 tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kooperazzjoni bejn il-Frontex u l-Eurojust, u l-Artikolu 7 tal-Memorandum ta' Qbil dwar il-Kooperazzjoni bejn l-Eurojust u ċ-Ċentru Ewropew għall-Monitoraġġ tad-Droga u d-Dipendenza fuq id-Droga (EMCDDA). Eċċezzjoni tista' tinsab fl-Artikolu 21 tal-Ftehim bejn l-Eurojust u l-Europol fejn huwa previst l-arbitraġġ ta’ Kumitat ad hoc.