Proċedura : 2015/2106(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0360/2015

Testi mressqa :

A8-0360/2015

Dibattiti :

PV 18/01/2016 - 18
CRE 18/01/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2016 - 5.6
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0006

RAPPORT     
PDF 676kWORD 203k
9.12.2015
PE 564.921v02-00 A8-0360/2015

dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(2015/2106(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Burkhard Balz

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(2015/2106(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni bit-titolu 'Nibnu Unjoni tas-Swieq Kapitali' (COM(2015)0063) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tad-9 ta' Lulju 2015 dwarha(1),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-25 ta' Frar 2009 tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar is-Superviżjoni Finanzjarja fl-UE, ippresedut minn Jacques de Larosière,

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja dwar l-impatt u r-responsabbiltà tas-superviżjoni bankarja ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Riflessjonijiet inizjali dwar l-ostakli għall-iżvilupp ta' swieq kapitali profondi u integrati tal-UE' (SWD(2015)0013),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar Unjoni tas-Swieq Kapitali, adottati mill-Kunsill Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji fid-19 ta' Ġunju 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu 'Pjan ta' Investiment għall-Ewropa' (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-rapport informali tal-ECON(2) bit-titolu 'It-tisħiħ tal-Koerenza tal-Leġiżlazzjoni tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji', adottat fil-Kumitat fit-30 ta' Jannar 2014,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Mejju 2014 bit-titolu 'Settur finanzjarju riformat għall-Ewropa' (COM(2014)0279),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni bit-titolu 'Rieżami Ekonomiku tal-Aġenda tar-Regolamentazzjoni Finanzjarja' (SWD(2014)0158),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar ir-Rieżami tas-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF)(3),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar il-missjoni u l-organizzazzjoni tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) (COM(2014)0508),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni dwar l-operat tal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE) u s-Sistema Ewropea tas-Superviżuri Finanzjarji (SESF) (COM(2014)0509),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-finanzjament fit-tul tal-ekonomija Ewropea(4),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Marzu 2014 dwar il-Finanzjament fit-Tul tal-Ekonomija Ewropea (COM(2014)0168),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu 'Regolamentazzjoni aħjar għal riżultati aħjar – Aġenda tal-UE' (COM(2015)0215),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-19 ta' Mejju 2015 bit-titolu 'Proposta għal Ftehim Interistituzzjonali dwar ir-Regolamentazzjoni Aħjar' (COM(2015)0216),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar it-trattament regolatorju ta' skoperturi sovrani ta' Marzu 2015(5),

–  wara li kkunsidra r-rapport finali tal-Kummissjoni Parlamentari għall-Istandards Bankarji tar-Renju Unit 'Changing banking for good',

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0360/2015),

A.  billi l-kriżi finanzjarja tal-2007-2008 u l-impatt negattiv mifrux tagħha kienu kkawżati, inter alia, minn nuqqas ta' applikazzjoni ta' regolamentazzjoni xierqa u ta' kwalità għolja tas-servizzi finanzjarji għal swieq u prodotti dejjem aktar kumplessi; billi f'dawn l-aħħar snin ġiet varata aġenda ta' riforma ambizzjuża għas-settur finanzjarju tal-UE biex issaħħaħ ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni finanzjarji, terġa' tinġieb l-istabbiltà finanzjarja u biex is-sistema finanzjarja ssir aktar reżiljenti għal xokkijiet u tindirizza aħjar il-ħtiġijiet tal-investituri u l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-ekonomija reali; billi, filwaqt li l-prospetti għat-tkabbir fl-Ewropa tjiebu, l-irkupru sħiħ għadu ma nkisibx;

B.  billi seħħew, u għadhom qed iseħħu, bidliet profondi fis-setturi finanzjarji kollha, fosthom dawk bankarji, tal-assigurazzjoni, tas-swieq tat-titoli, tal-fondi ta' investiment u tal-infrastruttura tas-suq finanzjarju;

C.  billi t-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tar-riforma regolatorja finanzjarja għadhom għaddejjin u għadhom ma tlestewx, b'għadd ta' riformi importanti li għad iridu jitwettqu u b'ħafna atti delegati u ta' implimentazzjoni b'mod partikolari li għad iridu jiġu finalizzati; billi s-sitwazzjoni fis-settur bankarju u f'dak tal-assigurazzjoni u fis-swieq finanzjarji hija kkaratterizzata minn bidliet u innovazzjonijiet kontinwi, u dan ifisser li tinħtieġ evalwazzjoni permanenti tar-regolamenti li jirregolaw dawn is-setturi bl-għan li jiġu żgurati l-proporzjonalità u l-effikaċja u konsegwentement l-adattament kontinwu ta' dawk ir-regolamenti;

D.  billi s-suq kapitali fl-Unjoni għadu fframmentat; billi l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (USK) potenzjalment toffri qafas siewi biex jiġi ssalvagwardjat l-aċċess ugwali għall-finanzjament għall-SMEs fl-UE kollha u biex jiġu promossi ċentri innovattivi għal finanzjament ibbażat fuq is-suq; billi nuqqasijiet speċifiċi ta' kreditu għall-SMEs u l-mikrointrapriżi jirriżultaw ukoll minn instabilità ekonomika u nuqqas ta' soluzzjonijiet immirati għall-ekonomija reali; billi l-kuntest ibbażat fuq is-swieq kapitali fl-Istati Uniti spiss jiġi ċċitat, iżda fundamentalment huwa differenti mill-kuntest tal-UE bbażat fuq l-ibbankjar, u la għandu jiġi kkupjat u lanqas jintuża bħala mudell; billi l-USK hija possibbiltà biex jissaħħu s-swieq kapitali fl-UE bħala komplement għall-finanzjament ibbażat fuq l-ibbankjar; billi fl-Istati Uniti, wara l-kriżi finanzjarja, is-self mill-banek lill-korporazzjonijiet żviluppa b'mod aktar b'saħħtu mill-finanzjament ibbażat fuq is-swieq kapitali;

Analiżi u sfidi għall-qafas attwali

1.  Jinnota li l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Settur finanzjarju riformat għall-Ewropa' tipprovdi l-ewwel analiżi tar-riformi fis-settur finanzjarju iżda ma tipprovdix valutazzjoni sħiħa u analiżi kwantitattiva tal-effetti globali u l-interazzjoni tal-miżuri individwali;

2.  Jilqa' l-Pakkett tal-Investiment tal-Kummissjoni, inkluża l-USK; jissottolinja l-ħtieġa għal finanzjament mhux bankarju komplementari ta' kumpaniji u, barra minn hekk, li prinċipju fundamentali għall-bini ta' USK irid ikun li ssir enfasi akbar fuq l-utenti aħħarin tas-swieq kapitali, i.e. il-kumpaniji u l-investituri; jenfasizza li qafas ta' servizzi finanzjarji effiċjenti u effikaċi li jiżgura l-istabbiltà finanzjarja huwa prerekwiżit sabiex jiżdied l-investiment (fit-tul) u biex jitħeġġeġ it-tkabbir f'ekonomija Ewropea kompetittiva; jissottolinja r-rabta bejn l-istabbiltà ekonomika u finanzjarja; jenfasizza wkoll li politiki ekonomiċi affidabbli, riformi strutturali effikaċi u politiki baġitarji sodi jwittu t-triq għall-potenzjal ta' saħħa u ta' tkabbir tal-ekonomija reali fl-Istati Membri u fl-UE; jirrikonoxxi r-rwol importanti li jista' jkollhom is-swieq kapitali fl-indirizzar tal-ħtiġijiet finanzjarji tal-ekonomiji tal-Istati Membri;

3.  Jirrikonoxxi l-fatt li l-kriżi finanzjarja u tad-dejn li għaddejja wasslet għal konsegwenzi negattivi mingħajr preċedent, b'mod partikolari għall-ekonomija reali u l-flus tal-kontribwenti; jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, ir-regolamentazzjoni finanzjarja miftiehma bejn l-istituzzjonijiet Ewropej f'dawn l-aħħar ħames snin, li saħħet l-arkitettura finanzjarja tal-Ewropa għal kriżijiet futuri; jilqa' l-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni dwar l-USK; jilqa' l-inklużjoni tal-Kummissjoni ta' livell effettiv ta' ħarsien tal-konsumaturi u tal-investituri bħala wieħed mill-prinċipji li jsostnu l-USK;

4.  Jirrikonoxxi l-kisbiet tar-regolamentazzjoni finanzjarja b'reazzjoni għar-ramifikazzjonijiet tal-kriżi finanzjarja; jinnota t-tħassib dwar iż-żieda fil-kumplessità, riflessa fl-ammont, id-dettall u l-għadd akbar ta' livelli ta' regolamentazzjoni u superviżjoni b'rekwiżiti fil-livell internazzjonali, Ewropew u nazzjonali; jinnota li regolamentazzjoni kumplessa tirrifletti wkoll swieq finanzjarji kumplessi, inklużi l-istrumenti finanzjarji, l-infrastruttura tas-suq u l-istituzzjonijiet; jissottolinja l-fatt li regolamentazzjoni kumplessa żżejjed u prekundizzjonijiet aktar stretti jistgħu jaffettwaw l-investimenti b'mod negattiv; jemmen li l-kumplessità tar-regolamentazzjoni trid tiġi indirizzata wkoll fir-rigward tal-applikazzjoni tagħha għall-utenti aħħarin mhux finanzjarji ta' prodotti finanzjarji; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni regolatorja internazzjonali f'qafas globali b'kooperazzjoni mtejba u responsabbiltà akbar;

5.  Jinnota li USK soda u robusta trid tirrikonoxxi l-interdipendenzi ma' setturi finanzjarji oħra, tesplora sorsi ta' finanzjament addizzjonali bbażati fuq is-suq għall-ekonomija reali u tkun ibbażata l-ewwel u qabel kollox fuq strutturi eżistenti stabbiliti sew; jenfasizza l-ħtieġa ta' approċċ olistiku għar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji tal-UE fejn l-USK tikkontribwixxi għall-ikkomplementar tal-finanzjament bankarju; jitlob li l-USK tirrifletti l-perspettiva tal-konsumaturi u l-investituri, minbarra l-orjentazzjoni tagħha lejn il-finanzjament ta' kumpaniji; għal dan il-fini, il-Kummissjoni għandha taħdem mill-qrib mal-BERS, l-ASE u l-Awtoritajiet Kompetenti Nazzjonali biex issolvi kwalunkwe nuqqas ta' qbil fl-approċċ li jista' joħloq ir-riskju li jiġu mminati l-objettivi tal-USK; jitlob lill-Kummissjoni tuża prattiki tajbin li jiffunzjonaw sew sabiex tiżviluppa suq kapitali għall-Unjoni kollha;

6.  Iqis li l-leġiżlazzjoni mhux dejjem tkun l-aktar reazzjoni politika xierqa u li approċċi mhux leġiżlattivi u bbażati fuq is-suq għandhom jitqiesu kif jistħoqq;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni tadotta approċċ integrat fl-USK u tagħti attenzjoni lil aġendi politiċi oħra, bħall-iżvilupp ta' suq uniku diġitali u riformi kontinwi fil-qasam tad-dritt tal-kumpaniji u l-governanza korporattiva; jemmen ukoll li l-Kummissjoni għandha tieħu kont tal-aħħar żviluppi teknoloġiċi; iqajjem tħassib, f'dan ir-rigward, dwar theddid għaċ-ċibersigurtà u jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li din tkun dimensjoni integrata tal-istrateġija tal-UE;

8.  Jemmen li regolamentazzjoni effikaċi u effiċjenti tas-servizzi finanzjarji tal-UE għandha tkun koerenti, konsistenti (anke fuq bażi transsettorjali), proporzjonata, mhux duplikattiva u ħielsa minn kumplessità superfluwa biex jiġu evitati l-inċertezza tad-dritt, l-arbitraġġ regolatorju u spejjeż għolja ta' tranżazzjonijiet; jemmen, barra minn hekk, li għandha tippermetti li l-intermedjarji jaqdu r-rwol tagħhom fl-għoti tal-fondi lill-ekonomija reali, biex b'hekk tiffaċilita l-finanzjament tagħha, taqdi lil min ifaddal u lill-investituri u tindirizza b'mod effettiv ir-riskji għall-istabbiltà finanzjarja u għall-kontribwent, sabiex tevita li jerġgħu jseħħu kriżijiet finanzjarji u taġixxi bħala tarka kontra riskji sistemiċi; iqis li għandha tappoġġa l-approfondiment tas-suq uniku u tiffoka fuq miri tanġibbli li jistgħu jintlaħqu aħjar fil-livell Ewropew, filwaqt li tħalli spazju għal finanzjament innovattiv b'enfasi lokali;

9.  Jesprimi tħassib dwar il-problemi persistenti li jikkonċernaw il-kodiċijiet IBAN, li għadhom ma jitqisux validi biex isiru debiti diretti minn kontijiet bankarji domiċiljati fi Stati Membri għajr dak tal-benefiċjarju;

10.  Jissottolinja l-ħtieġa ta' analiżi tal-qafas tas-servizzi finanzjarji bl-użu ta' approċċ kemm kwantitattiv kif ukoll kwalitattiv; jinnota li qed isiru eżerċizzji simili f'ġurisdizzjonijiet oħra, b'mod partikolari fl-Istati Uniti; jenfasizza li din l-analiżi għandha tikkontribwixxi għall-bini ta' swieq finanzjarji li jiffunzjonaw aħjar li jaqdu l-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-ekonomija reali, anke billi jiġu indirizzati l-lakuni, id-distakki l-inkonsistenzi, l-inkoerenza u l-isproporzjonalità, m'għandhiex tikkomprometti l-kisbiet leġiżlattivi miksuba s'issa, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu t-talbiet li saru fi klawsoli ta' rieżami kif adottati f'kull att leġiżlattiv speċifiku, u mingħajr ma jiġu antiċipati r-riżultati m'għandhomx jitqiesu bħala eżerċizzju li jwassal għal deregolamentazzjoni;

11.  Jemmen li suq uniku għas-servizzi finanzjarji jgħin lill-impriżi, iżda fl-aħħar mill-aħħar irid ikun ta' benefiċċju għall-konsumaturi u l-investituri; jinsisti li bosta barrieri u ostakli għall-aċċess, il-kummerċjalizzazzjoni u l-investiment transfruntieri jridu jiġu analizzati, indirizzati u megħluba filwaqt li jinżamm l-ogħla livell ta' ħarsien tal-investituri; ifakkar li anqas barrieri għall-flussi ta' kapital jistgħu jitqiesu b'mod sigur li jtejbu l-prospetti fit-tul ta' tkabbir biss jekk l-inċentivi ġenerali għall-kumpaniji jiġu stabbiliti sew; jikkunsidra wkoll l-importanza ta' ekosistema lokali żviluppata sew li tippermetti lil kumpaniji iżgħar jattiraw kapital għat-tkabbir;

12.  Jemmen li l-ħarsien tal-konsumatur ma jfissirx neċessarjament volumi kbar ta' informazzjoni u li l-enfasi għandha pjuttost tkun fuq il-kwalità u l-intelliġibilità tal-informazzjoni li tippermetti teħid xieraq ta' deċiżjonijiet – l-informazzjoni trid tkun rilevanti, eżatta, komparabbli, faċli għall-utent, affidabbli u f'waqtha; huwa preokkupat li l-multipliċità u l-kumplessità ta' informazzjoni għall-konsumatur fl-aħħar mill-aħħar jistgħu ma jaqdux il-bżonnijiet reali tal-konsumatur; isostni l-ħtieġa li jintlaħaq bilanċ biex il-konsumaturi jingħataw l-informazzjoni li jeħtieġu biex jagħmlu għażliet infurmati, u biex jifhmu r-riskji involuti, mingħajr ma jintefa' piż bla bżonn fuq l-impriżi, b'mod speċjali l-SMEs; iħeġġeġ id-diġitalizzazzjoni ulterjuri tal-informazzjoni; jenfasizza li l-konsulenti u l-impjegati finanzjarji li jipprovdu pariri lill-konsumatur f'istituzzjonijiet finanzjarji għandhom jingħataw it-taħriġ u l-ħin meħtieġ biex ikunu jistgħu jaqdu lill-klijenti b'mod eżatt; jinnota l-importanza ta' setgħat superviżorji effettivi biex wieħed ikun jista' jintervjeni fil-kummerċjalizzazzjoni ta' prodotti meta jkun meħtieġ; jirrimarka dwar il-ħtieġa ta' inizjattiva Ewropea għal aktar edukazzjoni finanzjarja u edukazzjoni finanzjarja aħjar sa mhux aktar tard minn tmiem l-2016, filwaqt li jittieħed kont tal-ħtiġijiet speċifiċi ta' kull Stat Membru, anke biex ikun żgurat għarfien sħiħ tal-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' investimenti fis-swieq kapitali; jissottolinja wkoll li l-edukazzjoni finanzjarja għandha tkun immirata lejn l-SMEs, u tgħallimhom kif jużaw is-swieq kapitali; jemmen fil-benefiċċju ta' aktar trasparenza sabiex il-kumpaniji, l-investituri u l-konsumaturi jkunu jistgħu jifhmu l-kostijiet u l-benefiċċji komparattivi ta' servizzi differenti pprovduti minn parteċipanti fis-suq, iżda jinnota wkoll li aktar trasparenza trid timxi id f'id ma' valur miżjud għall-klijenti jew is-superviżuri kompetenti u trid tkun immirata lejn l-użu prattiku tal-informazzjoni u d-data;

13.  Jenfasizza l-benefiċċji tad-diversifikazzjoni tal-assi, kemm f'termini ta' klassijiet ta' assi kif ukoll f'termini ta' oriġini tal-assi, li tippermetti diversifikazzjoni aħjar tar-riskji u t-tlaqqigħ aħjar tal-ħtiġijiet tal-investituri; jenfasizza li l-għan tar-regolamentazzjoni prudenzjali mhuwiex li tiffavorixxi ċerti klassijiet ta' assi; jappella għal approċċ ibbażat fuq ir-riskju għar-regolamentazzjoni, bl-istess regoli applikati għall-istess riskji, u li jkun komplementat b'miżuri standardizzati oħra; jemmen li kategorizzazzjoni aktar granulari tal-klassijiet ta' assi hija xierqa, b'mod partikolari bl-istabbiliment ta' kategoriji bħall-infrastruttura; jirrikonoxxi li proġetti infrastrutturali mhumiex inqas riskjużi per se u jappella għal regolamentazzjoni prudenzjali xierqa; jappoġġa aktar riċerka dwar ir-riskji u l-benefiċċji tal-infrastruttura, inkluż l-iżvelar tal-metodoloġija applikata, biex ikunu jistgħu jinsiltu konklużjonijiet ibbażati fuq l-evidenza;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' konsistenza fl-approċċ ibbażat fuq ir-riskju, u b'hekk anke ta' tnaqqis fl-opportunitajiet għal arbitraġġ regolatorju; jenfasizza l-ħtieġa li tinqata' r-rabta bejn is-sovrani u l-banek fil-livell nazzjonali permezz ta' implimentazzjoni nazzjonali sħiħa u konsistenti tad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD) kif ukoll tad-dispożizzjonijiet tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (MUR) u l-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni (FUR); jieħu nota tal-kontributi tal-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS) u l-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) dwar l-esponiment tad-dejn sovran tal-banek, li jinkludu konsiderazzjoni bir-reqqa tal-passi li jmiss; jenfasizza li l-politiki għandhom iqisu b'mod espliċitu l-interazzjonijiet bejn ir-riskju individwali u dak endoġenu, b'mod partikolari meta l-istituzzjonijiet finanzjarji jużaw l-istess mudelli tar-riskju standard approvati mir-regolaturi;

15.  Jinnota l-konsegwenzi mhux intenzjonati possibbli ta' rekwiżiti multipli ta' kapital, likwidità u lieva fuq it-trasformazzjoni tal-maturità, l-għoti ta' finanzjament fit-tul u l-ġenerazzjoni tas-swieq u l-likwidità, filwaqt li jfakkar li r-rekwiżiti ġew stabbiliti b'reazzjoni għall-kriżi finanzjarja; huwa mħasseb li l-isproporzjonalità tar-rekwiżiti tista' tipperikola l-mudell kummerċjali ta' banek żgħar u medji u għalhekk ikollhom konsegwenzi mhux intenzjonati għall-istruttura tal-industrija finanzjarja; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mas-superviżuri, tanalizza dawn il-konsegwenzi għas-settur bankarju u dak tal-assigurazzjoni u komplementarjetajiet possibbli bħala kwistjoni ta' prijorità;

16.  Jesprimi tħassib dwar l-interazzjoni bejn il-leġiżlazzjoni tas-swieq u r-rekwiżiti tal-kapital meta entitajiet ġodda jkunu ġew inklużi fil-kamp ta' applikazzjoni bħala entitajiet regolati fir-rieżami tad-Direttiva dwar is-Swieq tal-Istrumenti Finanzjarji (MiFID) iżda r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital ma jkunx ġie kkalibrat biex jirrifletti tipi aktar differenti ta' ditti;

17.  Jesprimi tħassib li eżenzjonijiet validi fir-Regolament dwar l-Infrastruttura tas-Suq Ewropew (EMIR) għall-kumpaniji mhux finanzjarji ġew parzjalment eliminati fid-Direttiva u r-Regolament dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital rigward l-applikazzjoni tal-imposta tal-Aġġustament tal-Valwazzjoni tal-Kreditu (CVA); jistieden lill-Kummissjoni twettaq aħjar ir-rwol tagħha li tiżgura konsistenza fl-approċċ u r-riżultati ta' politika fi proposti leġiżlattivi differenti;

18.  Iqis li d-dispożizzjonijiet speċjalizzati fir-regolamentazzjoni eżistenti għall-kumpaniji mhux finanzjarji għandhom jiġu estiżi u jsiru aktar proporzjonati sabiex jiġi limitat il-piż amministrattiv u ma jitnaqqasx il-kapital disponibbli għall-ekonomija għal investiment futur; jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tirrieżamina l-EMIR, twieġeb għad-diffikultajiet fl-applikazzjoni ta' reġimi kumplessi billi tissemplifika l-proċeduri, iżda tkompli tirrikonoxxi l-għan tal-eżenzjoni sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji mhux finanzjarji ma jiġux mgħobbija b'leġiżlazzjoni mmirata għall-parteċipanti fis-swieq finanzjarji;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tirrieżamina l-EMIR, teżamina l-effett li t-tnaqqis tal-kwalità tal-kollateral aċċettat mill-kontropartijiet ċentrali (CCPs) jista' jkollu fuq ir-reżiljenza tas-CCPs u tqis jekk ċerti parteċipanti fis-swieq bħal fondi tal-pensjoni għandhomx ikunu eżenti b'mod permanenti mill-ikklerjar ċentrali jekk il-parteċipazzjoni tagħhom tnaqqas l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja ġenerali minħabba l-aċċettazzjoni ta' kollateral alternattiv mhux fi flus kontanti;

20.  Huwa preokkupat dwar in-nuqqas ta' prodotti ta' investiment u tfaddil kosteffiċjenti u adatt skont ir-riskju (fit-tul) għall-konsumatur li huma disponibbli u attraenti; itenni l-ħtieġa għal diversità fl-għażliet tal-investituri u l-konsumaturi, billi l-fiduċja tal-investituri hija kruċjali għal aktar investiment; jenfasizza li għandu jitħeġġeġ ambjent li jistimola l-innovazzjoni tal-prodotti finanzjarji, li joħloq aktar diversità u benefiċċji għall-ekonomija reali u jipprovdi inċentivi mtejba għal investimenti, u li jista' jikkontribwixxi wkoll għall-għoti ta' pensjonijiet adegwati, sikuri u sostenibbli, bħal, pereżempju, l-iżvilupp ta' Prodott tal-Pensjoni Pan-Ewropew (PEPP), b'disinn sempliċi u trasparenti; jistieden lill-ASE janalizzaw u jirrapportaw, f'konformità mal-mandat tagħhom, dwar tendenzi tal-konsumaturi, b'mod partikolari fir-rigward ta' prodotti għall-konsumatur;

21.  Jilqa' d-diversità tal-mudelli kummerċjali; jitlob li din id-diversità tiġi riflessa fir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni filwaqt li jitqiesu bis-sħiħ in-natura, id-daqs, il-livell ta' riskju u l-kumplessità tal-entitajiet taħt kunsiderazzjoni, sakemm il-prinċipji tal-kompetizzjoni ġusta u s-superviżjoni effettiva jiġu ssodisfati; ifakkar li d-diversità fil-mezzi ta' finanzjament tikkostitwixxi vantaġġ;

22.  Jemmen li USK ta' suċċess għandha tippermetti lill-kumpaniji tal-UE tad-daqsijiet kollha u fi stadji differenti ta' tkabbir ikollhom aċċess għas-swieq kapitali tal-UE b'mod faċli għall-utent, effiċjenti u bi spejjeż baxxi; jemmen li r-regolamentazzjoni m'għandhiex tikkomplika l-elenkar u m'għandhiex twaqqaf lill-kumpaniji mhux elenkati milli jiġu elenkati; jenfasizza l-ħtieġa ta' reġim regolatorju armonizzat fis-suq primarju sabiex jiġi ffaċilitat il-ġbir ta' fondi filwaqt li jiġu żgurati livelli xierqa ta' protezzjoni għall-investituri; jissottolinja l-potenzjal ta' finanzjament innovattiv ibbażat fuq is-suq, b'mod partikolari l-opportunitajiet ta' teknoloġiji finanzjarji, inklużi l-finanzjament kollettiv u s-self bejn il-pari, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ssemplifikati r-rekwiżiti regolatorji rispettivi; jitlob lill-Kummissjoni tagħti spazju għall-ħolqien ta' dawn il-mudelli ġodda u tesplorahom u tippromwovihom, filwaqt li tingħata prijorità lid-dimensjoni transfruntiera tagħhom u jiġi żgurat it-tnaqqis ta' ostakli għad-dħul fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni tappoġġa lil dawk l-Istati Membri b'setturi ta' swieq kapitali li qed jiżviluppaw permezz tas-Servizz ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali tagħha;

23.  Jappella għal tqassim xieraq u lineari tal-kompetenzi bejn il-livell tal-UE u dak nazzjonali, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li s-superviżuri nazzjonali għandhom iktar għarfien dwar il-karatteristiċi tas-suq lokali; jenfasizza li l-effikaċja tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), kundizzjonijiet ekwi u trasparenza għandhom jiġu żgurati u li l-kunflitti ta' interess bejn l-awtoritajiet superviżorji u l-entitajiet taħt superviżjoni għandhom jiġu evitati; huwa preokkupat dwar l-effett ta' approċċ superviżorju "wieħed tajjeb għal kulħadd" fuq entitajiet li huma iżgħar u primarjament attivi f'livell nazzjonali fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU);

24.  Jinnota l-kisbiet fl-istabbiliment ta' unjoni bankarja u jenfasizza r-rwol kruċjali tagħha fl-indirizzar tal-interdipendenzi bejn ir-riskji sovrani u dawk bankarji u t-tnaqqis tar-riskji sistemiċi permezz ta' azzjoni konġunta; jieħu nota tat-tlestija fi stadji tal-unjoni bankarja; jenfasizza li l-implimentazzjoni sħiħa u f'waqtha tal-leġiżlazzjoni eżistenti hija meħtieġa; jinnota d-diskussjonijiet dwar Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (SEAD), li dwarha l-Parlament jagħti l-fehma tiegħu bħala koleġiżlatur; jenfasizza l-għan li jiġi evitat il-periklu morali, filwaqt li jiġi żgurat li l-prinċipju tar-responsabbiltà jibqa' prinċipju ta' gwida; jikkritika s-sensibbiltà baxxa għar-riskji fil-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet lill-FUR; jirrikonoxxi l-isforzi biex jiġi konkluż ir-Regolament dwar ir-Riforma Strutturali tal-Banek;

25.  Jissottolinja l-ħtieġa li tiġi implimentata u infurzata l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni adottata qabel ma tingħata kwlaunkwe kunsiderazzjoni lil reviżjoni sostanzjali ta' din il-leġiżlazzjoni; jenfasizza li t-traspożizzjoni rapida fil-liġi nazzjonali tad-Direttiva 2014/59/UE u l-finanzjament adegwat u l-effikaċja tal-MUR għandhom ikunu ta' importanza kbira, u għalhekk jinsisti li l-implimentazzjoni sħiħa ta' dawn il-miżuri trid tiġi kkompletata fil-qafas leġiżlattiv xieraq; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza fundamentali li jinqatgħu l-konnessjonijiet reċiproċi diretti bejn il-baġits nazzjonali u r-riskji bankarji, li jikkostitwixxu theddida kbira għall-istabbiltà finanzjarja; jinnota li, minħabba n-nuqqas ta' regoli biex jiġu ttrattati l-istati li, minħabba djun kbar, jitilfu l-aċċess għas-swieq finanzjarji, ħafna drabi jittieħdu passi tard wisq, u dan jista' jkollu effett negattiv fuq l-istabbiltà finanzjarja;

26.  Itenni l-ħtieġa għal kundizzjonijiet ekwi fl-UE, anke fir-rigward tal-banek taħt is-superviżjoni tal-MSU u l-banek ta' Stati Membri mhux parteċipanti, u jinkoraġġixxi l-inklużjoni sħiħa tal-Istati Membri li mhumiex fiż-żona tal-euro fl-Unjoni Bankarja, filwaqt li jirrikonoxxi li ċerti elementi attwalment iwasslu għal parteċipazzjoni volontarja; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li s-suq uniku jkompli jiġi żviluppat, filwaqt li tirrikonoxxi l-ispeċifiċitajiet nazzjonali; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tipprova tikseb approċċ sod, f'termini ta' regolamentazzjoni u superviżjoni, għas-sistema bankarja "parallela" bl-għan li jitnaqqsu r-riskji sistemiċi u li tittejjeb it-trasparenza; jilqa' l-passi ewlenin miksuba fir-regolamentazzjoni Ewropea dwar l-assigurazzjoni bl-applikazzjoni ta' Solvenza II, mill-1 ta' Jannar 2016, li għandha tiġi vvalutata u possibbilment żviluppata aktar, filwaqt li jitqies il-qafas internazzjonali għal assiguraturi globali sistemikament importanti;

27.  Jirrikonoxxi d-dipendenza tradizzjonali tal-SMEs fuq il-finanzjament tal-banek minħabba n-natura speċifika, il-profili ta' riskju differenti u l-varjetà tagħhom madwar l-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni biex, f'kooperazzjoni mal-ASE, il-BĊE u l-awtoritajiet nazzjonali, tivvaluta jekk il-finanzjament tal-SMEs huwiex biżżejjed, tanalizza l-ostakli għal, u l-benefiċċji ta', id-diversifikazzjoni tal-kanali ta' finanzjament u kif wieħed jagħmilha possibbli li l-banek u l-istituzzjonijiet mhux bankarji jżidu l-finanzjament tal-SMEs, biex titwessa' l-għażla tal-kumpaniji bejn metodi differenti ta' finanzjament għal stadji differenti tal-iżvilupp tagħhom; ifakkar fl-importanza ta' għodod bħalma huma l-'Fattur ta' Sostenn lill-SMEs'; jissuġġerixxi li l-inizjattivi biex jitjieb il-finanzjament tal-SMEs għandhom jiġu estiżi għal negozji li għadhom kif jiftħu, mikrointrapriżi u kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; jenfasizza l-potenzjal ta' ċentri innovattivi u fil-biċċa l-kbira mhux sfruttati għall-finanzjament tal-SMEs, inkluż is-self bejn il-pari, il-finanzjament kollettiv u l-pjazzament privat, u jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu ssemplifikati r-rekwiżiti regolatorji rispettivi;

28  Jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni rapida tal-miżuri diġà adottati li jakkumpanjaw l-objettivi tal-USK; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu użu attiv tal-kategorija tas-Suq tat-Tkabbir tal-SMEs f'regolamentazzjoni futura dwar is-servizzi finanzjarji;

29.  Jemmen li l-kumpaniji għandu jkollhom aċċess għal għażla xierqa ta' tipi tas-suq fl-UE skont id-daqs, il-kumplessità u l-ambizzjonijiet ta' ġbir ta' fondi tagħhom, u jenfasizza l-ħtieġa għal swieq kapitali Ewropej aktar profondi u aktar integrati li jkunu separati minn, iżda kompatibbli, mas-swieq lokali reġjonali ta' importanza kritika;

30.  Jilqa' r-rieżami li se jsir dalwaqt tad-Direttiva dwar il-Prospetti; jenfasizza li r-rieżami għandu jkun immirat lejn it-tnaqqis tal-ispejjeż u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri għall-SMEs, filwaqt li jintlaħaq bilanċ ġust f'termini tal-protezzjoni tal-investitur;

31.  Jirrikonoxxi l-isforzi li għaddejjin biex jiġi stabbilit suq tat-titolizzazzjoni aktar trasparenti, jiġu żgurati standards għoljin għall-proċess, ċertezza tad-dritt u komparabbiltà fost l-istrumenti ta' titolizzazzjoni kollha; jenfasizza l-bżonn li jiġi stabbilit repożitorju tad-data; jenfasizza li rekwiżiti stretti għal assi ta' kwalità għolja sottostanti u kalibrazzjonijiet skont il-profil tar-riskju reali u l-għarfien tar-riskju tal-parteċipanti kollha fis-swieq tat-titolizzazzjoni huma meħtieġa, filwaqt li jitqiesu l-livell ta' riskju ta' titolizzazzjoni, b'mod partikolari titolizzazzjoni sintetika, kif intwera matul il-kriżi, u filwaqt li jingħarfu d-diversi esperjenzi fl-UE u fl-Istati Uniti; jinsisti li r-rekwiżiti ta' ritenzjoni m'għandhomx jitbaxxew sabiex jiġi evitat il-periklu morali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi kkunsidrata ċ-ċertifikazzjoni indipendenti tal-konformità ma' kriterji ta' kwalifika; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni bir-reqqa tar-riskji u l-benefiċċji ta' titolizzazzjoni għall-SMEs, l-investituri u l-istabbiltà finanzjarja u l-kummerċjabilità ta' strumenti ta' titolizzazzjoni bħala kwistjoni ta' prijorità, u tirrapporta lill-Parlament;

32.  Jemmen li approċċ immirat lejn standardizzazzjoni akbar tal-prodotti u l-proċeduri jista' jnaqqas il-kumplessità iżda jista' jintensifika wkoll ir-riskji ta' konċentrazzjoni; huwa preokkupat dwar il-periklu li l-parteċipanti tas-suq jistgħu jimxu fl-istess direzzjoni f'każ ta' stress tas-suq, u jappella għal salvagwardji u superviżjoni xierqa fil-livell kompetenti fir-rigward tal-iżvilupp ta' suq tat-titolizzazzjoni ta' kwalità;

33.  Jissottolinja l-ħtieġa li jiġu semplifikati l-kontenut u l-frekwenza tar-rekwiżiti ta' rapportar u l-oqsma ta' rapportar, anke billi l-entitajiet jingħataw punt ta' kuntatt wieħed, sabiex tiġi evitata kwalunkwe duplikazzjoni ta' rekwiżiti u mezzi ta' rapportar; jistieden lill-Kummissjoni, lill-ASE u lill-MSU biex jeżaminaw liema data hija fil-fatt meħtieġa, biex jallinjaw il-mudelli u biex jipprovdu semplifikazzjonijiet u, għall-SMEs, eżenzjonijiet; jissottolinja l-fatt li d-data tar-rapportar għandha użu għas-superviżuri jekk jistgħu jsiru mistoqsijiet dwarha u tkun konsistenti internazzjonalment; iqis li huwa meħtieġ li jiġi applikat approċċ proporzjonat fl-iżvilupp tas-Sett tad-Data Analitiku tal-Kreditu (AnaCredit); jemmen li l-iskop u l-livell tal-granularità għandhom jiġu vvalutati ulterjorment fir-rigward tal-ispejjeż u l-benefiċċji tagħha;

34.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-superviżuri biex jindirizzaw l-interazzjoni bejn l-Istandards Internazzjonali tar-Rapportar Finanzjarju (IFRS) u r-rekwiżiti prudenzjali, billi aktar koerenza tkun ta' benefiċċju kemm għall-ekonomija kif ukoll għas-superviżur prudenzjali, u biex jirrieżaminaw l-impatt tal-kontabilità fiskali fuq il-fondi proprji; jappoġġa l-isforzi biex tiġi armonizzata d-definizzjoni ta' self improduttiv;

35.  Jitlob għal tnaqqis konsiderevoli fid-distorsjoni tad-dejn imqabbel mal-ekwità sabiex jittejbu r-reżiljenza ekonomika u l-allokazzjoni ta' kapital, u biex tissaħħaħ l-USK, biex b'hekk l-ekwità tkun aktar attraenti għall-emittenti u l-investituri; jissottolinja l-fatt li taxxa fuq it-tranżazzjonijiet taffettwa l-likwidità tas-suq, speċjalment fuq perjodu qasir ta' żmien, filwaqt li tikkontribwixxi wkoll biex tiġi limitata l-ispekulazzjoni eċċessiva;

36.  Jenfasizza li, minbarra r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni, l-isforzi lejn bidla kulturali fis-settur finanzjarju għandhom jissaħħu aktar; jistieden lill-atturi kollha fis-settur finanzjarju, inklużi l-banek, l-istituzzjonijiet mhux bankarji, il-banek ċentrali nazzjonali u l-BĊE, biex jaħdmu lejn bidla kulturali u kultura ta' konformità fi ħdan l-organizzazzjonijiet tagħhom li tqiegħed l-interessi tal-konsumaturi l-ewwel, tiżgura sistema ta' responsabbiltà għal maniġers ewlenin responsabbli u orjentazzjoni fuq perjodu itwal ta' żmien tal-parteċipanti fis-swieq finanzjarji, u tikkontribwixxi għad-diversità tas-sorsi ta' finanzjament; jenfasizza l-benefiċċji ta' approċċ ta' sħubija fit-tul għall-finanzjament ta' settur bankarju Ewropew diversifikat bi rwol importanti ta' "relationship banking" għall-konsumaturi u l-intrapriżi mikro, żgħar u medji, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam it-tnaqqis ta' asimmetriji fl-informazzjoni, bis-saħħa wkoll ta' strumenti disponibbli permezz ta' teknoloġiji diġitali ġodda;

37.  Jitlob li jiġu promossi fornituri ta' klassifikazzjoni addizzjonali bil-ħsieb li tiżdied il-kompetizzjoni f'suq konċentrat ħafna; ifakkar li l-Kummissjoni għandha tippubblika rapport dwar l-adegwatezza u l-fattibbiltà ta' appoġġ għal Aġenzija Ewropea tal-Klassifikazzjoni Pubblika għad-dejn sovran u/jew Fondazzjoni Ewropea tal-Klassifikazzjoni tal-Kreditu għall-klassifikazzjonijiet tal-kreditu l-oħra kollha sa tmiem l-2016; jikkritika l-livell għoli tal-ispejjeż imġarrba mill-SMEs meta jiksbu klassifikazzjoni tal-kreditu esterna; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi studjat aktar kif l-SMEs jistgħu jiġu kklassifikati b'mod komparabbli u affordabbli, inkluż l-approċċ ta' bażi ta' klassifikazzjoni interna avvanzata (AIRBA); jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tnaqqas l-asimmetriji fl-informazzjoni;

38.  Jappella għal enfasi akbar fit-tfassil tal-politiki fuq il-kompetittività globali tas-setturi finanzjarji tal-UE, filwaqt li tiġi evitata ġirja lejn l-iktar livell baxx u mingħajr ħsara għall-istabbiltà finanzjarja u l-ħarsien tal-konsumatur; jissottolinja li USK fl-UE kollha trid titqies fil-kuntest tat-titjib tal-kompetittività tal-impriżi Ewropej u l-ekonomija tal-UE; jenfasizza li settur finanzjarju effettiv huwa kundizzjoni meħtieġa għall-allokazzjoni effiċjenti tal-kapital u, għalhekk, għat-tkabbir;

39.  Jissottolinja l-importanza tal-qafas internazzjonali fir-rigward tal-kamp ta' applikazzjoni, il-metodoloġiji u l-implikazzjonijiet tiegħu għall-qafas tal-UE; jistieden lill-Istati Membri, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-ASE biex jissemplifikaw il-pożizzjoni tal-UE, bl-għan li tiżdied l-influwenza tagħha u tiġi promossa l-leġiżlazzjoni li adottat permezz ta' proċess demokratiku; jenfasizza l-ħtieġa li tinkiseb il-konsistenza ta' regolamentazzjoni ġdida, kemm mal-acquis Ewropew kif ukoll mal-gwida internazzjonali, u implimentazzjoni proporzjonata, anke fil-kamp ta' applikazzjoni, biex jiġu evitati diverġenzi u duplikazzjoni mhux meħtieġa fil-leġiżlazzjoni; jemmen li dawn huma prerekwiżiti biex jintlaħqu l-għanijiet ġenerali tal-promozzjoni tal-istabbiltà globali fit-tul, iż-żamma tal-Ewropa bħala post attraenti għal investituri internazzjonali l-evitar ta' impatti negattivi mhux meħtieġa fuq il-kompetittività tas-setturi finanzjarji tal-UE; ifakkar fil-prinċipju tal-kooperazzjoni sinċiera bejn l-Unjoni u l-Istati Membri, imsemmija fl-Artikolu 4(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea; jemmen li l-ASE għandhom ikunu involuti fid-diskussjonijiet dwar il-prinċipji regolatorji globali fi ħdan il-korpi internazzjonali għall-istabbiliment tal-istandards; jenfasizza li d-djalogu regolatorju mal-Istati Uniti għandu jissaħħaħ ulterjorment; itenni, f'dan il-kuntest, li kwistjonijiet regolatorji tas-servizzi finanzjarji għandhom jiġu inklużi f'negozjati internazzjonali meta jkun xieraq;

40.  Jissottolinja li deċiżjonijiet ta' ekwivalenza huma meħtieġa biex jiġu indirizzati ostakli fir-rigward tal-aċċess għas-suq u l-oqfsa regolatorji rispettivi, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li tali deċiżjonijiet unilaterali jridu jkunu ta' benefiċċju għall-impriżi u l-konsumaturi Ewropej, u li l-ekwivalenza ma' ġurisdizzjonijiet oħra għandha l-potenzjal li żżid l-influssi tal-kapital u tattira aktar investiment fl-Ewropa; jissottolinja l-ħtieġa ta' evoluzzjoni lejn sistema konsistenti u koerenti ta' rikonoxximent sensibbli tal-istandards ugwali jew simili ta' xulxin;

41.  Jitlob lill-Kummissjoni tipproponi pjan konsistenti, koerenti, trasparenti u qafas prattiku għal proċeduri u deċiżjonijiet dwar l-ekwivalenza ta' pajjiżi terzi, b'kont meħud ta' analiżi bbażata fuq ir-riżultati u ta' standards jew ftehimiet internazzjonali; jitlob li d-deċiżjonijiet ta' ekwivalenza kollha jiġu adottati permezz ta' atti delegati; iqis li l-ASE għandu jkollhom rwol xieraq fl-allinjament ta' valutazzjonijiet ta' pajjiżi terzi għal deċiżjonijiet ta' ekwivalenza;

Regolamentazzjoni aħjar tas-servizzi finanzjarji tal-UE

42.  Jemmen li regolamentazzjoni finanzjarja aħjar tinkludi qafas robust u tibda billi l-Istati Membri japplikaw l-acquis attwali; jenfasizza li implimentazzjoni effettiva, effiċjenti u konsistenti tal-leġiżlazzjoni hija kruċjali u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi rapporti regolari lill-Parlament dwar l-istat tat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni, u fejn applikabbli, il-proċeduri ta' ksur mressqa kontra Stati Membri; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurzaw il-leġiżlazzjoni b'mod xieraq; iqis li regolamentazzjoni żejda ("gold-plating") ma tiffaċilitax il-funzjonament tas-suq intern u l-kompetizzjoni; iqis li l-attrazzjoni ta' impriżi permezz tal-użu diskrezzjonali ta' standards aktar baxxi lanqas ma tiffaċilita l-funzjonament tas-suq intern; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta analiżi u rapport bir-reqqa tal-miżuri kollha ta' regolamentazzjoni żejda meħuda mill-Istati Membri fil-qasam tal-leġiżlazzjoni finanzjarja u biex tissottomettihom lill-Parlament sa tmiem l-2016;

43.  Jistieden lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom biex jirrispettaw l-iskadenzi stipulati għat-traspożizzjoni tad-direttivi billi, minbarra li huma rekwiżiti ġuridiċi, huma fundamentali biex jiġi evitat id-dewmien fl-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni, kif ukoll l-applikazzjoni parzjali jew mhux indaqs tagħha madwar l-Unjoni, li tista' tirriżulta f'nuqqas ta' kundizzjonijiet ekwi għall-atturi differenti involuti u f'tipi oħrajn ta' distorsjonijiet;

44.  Jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni transsettorjali u ta' kwalità aħjar fl-abbozzi u l-proċessi ta' abbozzar tal-Kummissjoni jew tal-ASE, li jinkludu t-twaqqit, il-prijoritizzazzjoni u l-evitar ta' trikkib; jenfasizza li dan għandu jevita kwalunkwe duplikazzjoni tal-att bażiku fl-atti delegati, iżda jevita wkoll li d-deċiżjonijiet politiċi li għandhom jiġu riżolti fi ħdan l-att bażiku qed jitħallew għall-atti delegati;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni tippermetti l-involviment bikri tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, anke fil-livell tal-gruppi ta' esperti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura parteċipazzjoni bilanċjata fil-konsultazzjonijiet billi tirrifletti d-diversità tal-partijiet ikkonċernati, u billi tiffaċilita u tipprovdi kundizzjonijiet aħjar għall-parteċipazzjoni tal-partijiet ikkonċernati żgħar li jirrappreżentaw l-impriżi, il-konsumaturi u s-soċjetà ċivili, inkluż il-mod kif il-konsultazzjonijiet jiġu organizzati u kif isiru l-mistoqsijiet;

46.  Jilqa' l-objettivi tal-aġenda għal regolamentazzjoni aħjar; jirrikonoxxi l-ħtieġa ġenerali li tiġi eżaminata l-idoneità tar-regolamentazzjoni llum u fil-futur; madankollu, din l-idoneità ma tistax tiġi diżaggregata mill-funzjonament tas-settur finanzjarju kollu; jissottolinja r-rwol tar-REFIT biex tinkiseb regolamentazzjoni effiċjenti u effikaċi tas-servizzi finanzjarji u li tqis kif xieraq il-prinċipju tal-proporzjonalità kif ukoll biex jiġi appoġġat l-eżerċizzju ta' rendikont; jitlob li l-Parlament ikollu rwol akbar fid-deċiżjonijiet u fil-valutazzjonijiet intrinsiċi għar-REFIT; ifakkar li l-enfasi għandha tkun fuq it-titjib tar-regolamentazzjoni, mhux fuq id-deregolamentazzjoni; jenfasizza li l-iżgurar tat-trasparenza, is-sempliċità, l-aċċessibilità u l-korrettezza fis-suq intern kollu għandu jkunu parti mill-aġenda dwar ir-regolamentazzjoni aħjar għall-konsumaturi; jenfasizza wkoll li l-UE m'għandhiex toħloq piż ta' konformità mhux mixtieq fl-ispinta biex tikseb armonizzazzjoni akbar taħt il-USK;

47.  Jemmen li l-ASE u l-MSU għandhom rwol kruċjali biex jintlaħqu l-għanijiet ta' regolamentazzjoni u superviżjoni aħjar; jenfasizza r-rwol tal-ASE u l-MSU fl-iżgurar ta' koerenza u konsistenza bejn biċċiet differenti ta' leġiżlazzjoni, fit-tnaqqis tal-inċertezza u l-arbitraġġ regolatorju u fit-tħeġġiġ ta' kooperazzjoni ta' benefiċċju reċiproku bejn il-parteċipanti fis-suq; jenfasizza li l-ASE u l-MSU jridu jiġu ffinanzjati b'mod adegwat u jkollhom persunal biżżejjed biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti mogħtija lilhom mill-koleġiżlaturi;

48.  Jenfasizza li r-reviżjoni tar-regolamenti dwar l-ASE għandha tirrifletti d-dispożizzjonijiet ta' responsabbiltà u trasparenza għal skrutinju msaħħaħ mill-Parlament, kif stabbilit fir-regolamenti dwar l-MSU u l-MUR, u trid issaħħaħ l-indipendenza tal-ASE mill-Kummissjoni; iqis li huwa neċessarju li jiġu esplorati possibilitajiet biex tiġi ffaċilitata parteċipazzjoni akbar tal-ASE f'livell konsultattiv matul il-fażi ta' livell 1 filwaqt li jiġu rispettati l-prerogattivi tal-koleġiżlaturi;

49.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu rispettati l-interazzjoni, il-konsistenza u l-koerenza bejn l-atti bażiċi u l-atti delegati u ta' implimentazzjoni; jerġa' jenfasizza li d-deċiżjonijiet politiċi jridu jsiru mill-koleġiżlaturi fi ħdan l-att bażiku, u m'għandhomx jitħallew għall-atti delegati, li huma maħsuba "sabiex jissupplimentaw jew jemendaw ċerti elementi mhux essenzjali tal-att leġislattiv" (l-Artikolu 290 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea); jinsisti li l-Kummissjoni u l-ASE, meta jabbozzaw atti delegati u ta' implimentazzjoni u linji gwida, iżommu mas-setgħat li ġew ikkonferiti lilhom stabbiliti fl-atti bażiċi u jirrispettaw il-ftehim tal-koleġiżlaturi; jiddispjaċih li fil-passat l-awtoritajiet superviżorji, fl-abbozzar ta' atti ta' implimentazzjoni, mhux dejjem żammew mal-mandat stabbilit mil-leġiżlaturi Ewropej; jiddeplora l-fatt li l-koordinazzjoni bejn il-Kummissjoni (atti delegati) u l-ASE (standards tekniċi) mhijiex suffiċjenti u għalhekk tista' taffettwa b'mod negattiv il-kwalità tal-konformità, b'mod partikolari meta r-rekwiżiti dettaljati ma jiġux adottati sa ftit żmien biss qabel l-iskadenza tal-implimentazzjoni tal-att bażiku;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tissepara għalkollox kemm l-atti delegati kif ukoll l-atti ta' implimentazzjoni u tevita "package approaches" sabiex tippermetti l-adozzjoni f'waqtha ta' dawk l-atti;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel kwalunkwe emenda li saret għall-abbozzi ta' standards tekniċi regolatorji (STR) u standards tekniċi ta' implimentazzjoni (STI), imressqa mill-ASE, trasparenti għall-koleġiżlaturi u l-partijiet ikkonċernati;

52.  Jenfasizza li rieżami ġuridiku bikri mill-Kummissjoni la għandu jnaqqas it-trasparenza tal-proċess vis-à-vis l-Parlament u lanqas id-dritt tal-Parlament li jiġi kkonsultat; jitlob li matul il-proċess ta' abbozzar, l-ASE jipprovdu proattivament lill-Parlament, regolarment, b'mod komprensiv u mingħajr dewmien, abbozzi provviżorji u informazzjoni interim dwar il-progress tal-ħidma u jikkonsultaw lill-Parlament dwar dan;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jirrispettaw b'mod sħiħ l-iskadenzi għas-sottomissjoni stabbiliti mill-koleġiżlaturi u jagħtu minnufih lill-koleġiżlaturi spjegazzjoni meta jkun mistenni li skadenza se tinqabeż;

54.  Ifakkar lill-ASE li l-istandards tekniċi, il-linji gwida u r-rakkomandazzjonijiet huma marbuta bil-prinċipju tal-proporzjonalità; jistieden lill-ASE jadottaw approċċ prudenti fir-rigward tal-portata u l-għadd tal-linji gwida, b'mod partikolari meta dawn ma jkunux espliċitament previsti fl-att bażiku; jinnota li approċċ restrittiv bħal dan huwa meħtieġ ukoll minħabba r-riżorsi limitati tal-ASE u l-ħtieġa li jipprijoritizzaw il-kompiti tagħhom, fejn il-limiti prattiċi ta' superviżjoni effettiva m'għandhomx jiġu stabbiliti minn limitazzjonijiet baġitarji, u jitlob li riżorsi adegwati jiġu ggarantiti għall-ASE sabiex ikunu jistgħu jwettqu superviżjoni affidabbli, indipendenti u effettiva fit-twettiq tal-mandat tagħhom;

55.   Jistieden lill-ASE jużaw id-dritt tagħhom li jitolbu informazzjoni dwar kif l-atti bażiċi jiġu applikati mill-Istati Membri u jwettqu evalwazzjonijiet bejn il-pari aktar regolarment dwar l-awtoritajiet kompetenti nazzjonali bl-għan li tittejjeb il-konverġenza superviżorja fl-Istati Membri kollha;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-ASE jippubblikaw regolarment verżjonijiet konsolidati ta' regolamenti tal-UE dwar is-servizzi finanzjarji fil-websites tagħhom, inkluż sommarju li jista' jiġi aċċessat u mifhum mill-impriżi, il-konsumaturi, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u oħrajn; jemmen li l-ħolqien ta' reġistru komuni li jinkludi referenzi għall-implimentazzjoni nazzjonali jkun għażla li ta' min wieħed jikkunsidraha;

It-triq 'il quddiem

57.   Jistieden lill-Kummissjoni u l-ASE jwettqu regolarment (tal-inqas darba fis-sena) kontrolli ta' koerenza u konsistenza, anke fuq bażi transsettorjali u fuq kull abbozz ta' att leġiżlattiv, u fuq l-implimentazzjoni ta' leġiżlazzjoni adottata, inklużi l-STR u l-STI, u jiddedikaw riżorsi għal din l-attività;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni u l-ASE jwettqu regolarment (tal-inqas darba fis-sena) kontrolli ta' proporzjonalità u effikaċja, b'mod partikolari fir-rigward tar-rekwiżiti applikabbli għal parteċipanti fis-suq żgħar u medji, u fuq kull abbozz ta' att leġiżlattiv, u jiddedikaw riżorsi għal din l-attività; jistieden lill-Kummissjoni tippubblika Green Paper li tesplora approċċi ġodda għall-promozzjoni tal-proporzjonalità fir-regolamentazzjoni finanzjarja;

59.  Jenfasizza li l-impatt ta' miżuri leġiżlattivi individwali jvarja mill-impatt kumulattiv tagħhom; jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni biex, b'kooperazzjoni mal-ASE, l-MSU u l-BERS, twettaq valutazzjoni kwalitattiva u kwantitattiva komprensiva kull ħames snin tal-impatt kumulattiv tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji tal-UE fis-swieq finanzjarji u l-parteċipanti tagħha fil-livell tal-UE u tal-Istati Membri sabiex jidentifikaw nuqqasijiet u lakuni, jivvalutaw il-prestazzjoni, l-effikaċja u l-effiċjenza tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji u jiżguraw li ma tkunx qed tostakola l-kompetizzjoni ġusta u l-iżvilupp tal-ekonomija, u jirrapportaw lura lill-Parlament; jenfasizza l-importanza tat-twettiq ta' valutazzjonijiet tal-impatt dettaljati u analiżijiet kostijiet-benefiċċji għal kwalunkwe leġiżlazzjoni tal-futur sabiex jintwera l-valur miżjud tal-leġiżlazzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja li l-valutazzjonijiet tal-impatt u l-analiżijiet kostijiet-benefiċċji għandhom jinkludu evalwazzjonijiet bir-reqqa tal-impatt tal-miżuri tal-Livell-2, li jiffurmaw parti sinifikanti mill-qafas regolatorju finanzjarju tal-UE; ifakkar li l-kwantifikazzjoni tal-impatt ta' miżuri leġiżlattivi tista' tkun diffiċli, b'mod partikolari minħabba li l-benefiċċji tagħhom huma diffiċli biex jitkejlu, iżda l-metodi għall-kwantifikazzjoni għandhom jibqgħu jintużaw;

60.  Jistieden lis-servizzi tal-Kummissjoni jikkompletaw l-ewwel valutazzjoni sal-aħħar tal-2016 u jirrapportaw dwar l-impatt ġenerali u, f'kapitoli separati, filwaqt li joqogħdu wkoll fuq riċerka indipendenti, dwar dan li ġej:

  - l-effetti fuq is-setturi finanzjarji differenti, inkluża diżaggregazzjoni differenzjata xierqa tal-parteċipanti fis-suq skont id-daqs, il-kumplessità u l-mudell kummerċjali, u fuq entitajiet mhux finanzjarji,

  - distakki u lakuni possibbli, filwaqt li jitqies l-iżvilupp possibbli ta' theddid u riskji ġodda kif ukoll ta' trikkib u konsegwenzi mhux intenzjonati,

  - l-effetti ekonomiċi attwali u mistennija, kif ukoll il-kompetittività tas-settur finanzjarju Ewropew fid-dinja,

  - il-possibilitajiet ta' benefiċċju għall-ekonomija reali, inklużi l-SMEs, il-konsumaturi u l-impjiegi,

  - il-ħtieġa li jittejbu aktar mezzi ta' finanzjament eżistenti u li jiġu estiżi mezzi ta' finanzjament komplementari, inkluż l-effett fuq l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;

  - l-effetti fuq id-domanda u l-provvista ta' finanzjament fit-tul,

  - l-effetti fuq l-allokazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-assi u r-riskji, u fuq l-iżvilupp ta' proporzjonijiet tal-kapital ta' Grad 1 tal-ekwità għall-assi totali fl-istituzzjonijiet finanzjarji,

  - l-effikaċja u l-adegwatezza tal-qafas għal investituri fil-livell tal-konsumatur, investituri istituzzjonali u konsumaturi u klijenti, inkluż il-qafas dwar it-trasparenza,

- l-effikaċja tat-tneħħija tal-ostakli għas-suq uniku, tal-limitazzjoni tal-arbitraġġ regolatorju u tat-tħeġġiġ tal-kompetizzjoni,

- l-effett globali fuq l-istabbiltà finanzjarja u l-periklu morali, inkluża valutazzjoni tal-kostijiet u r-riskji possibbli tan-nuqqas ta' regolamentazzjoni, filwaqt li titqies l-implimentazzjoni effettiva tar-rakkomandazzjonijiet tal-G20, u l-livell ta' interkonnettività bejn ditti finanzjarji,

- l-impatt fuq l-istabbiltà finanzjarja tal-kontabilità abbażi tal-valur ġust tal-IFRS meta mqabbla mal-kontabilità prudenzjali,

- l-effikaċja u l-adegwatezza tal-qafas tas-superviżjoni makroprudenzjali fl-UE,

- il-kapaċità tal-ASE li jwettqu l-kompiti li ngħatawlhom skont il-qafas leġiżlattiv attwali u dwar il-passi li jistgħu jinħtieġu biex jitjieb il-qafas, speċjalment il-finanzjament tal-ASE fil-futur qrib,

  - l-interdipendenzi ma' standards internazzjonali u l-effetti fuq il-kompetittività globali tal-impriżi Ewropej, filwaqt li jitqies paragun bejn l-UE u ġurisdizzjonijiet ewlenin oħra f'termini ta' regolamentazzjoni eżistenti u sa liema punt tiġi implimentata;

61.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta r-riżultati tagħha lill-Parlament u lill-Kunsill u tissuġġerixxi miżuri meta xieraq;

°

°  °

62.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-kriżi finanzjarja u tad-dejn li tfaċċat fl-2007/2008 kienet teħtieġ azzjoni komprensiva mil-leġiżlaturi Ewropej u minn min jistabbilixxi l-istandards internazzjonali. Minn dak iż-żmien 'l hawn ġew varati bosta inizjattivi leġiżlattivi fil-qasam tas-servizzi finanzjarji tal-UE biex jerġa' jkun hemm stabbiltà finanzjarja, biex jissaħħaħ il-ħarsien tal-konsumatur u biex jiġu implimentati t-tagħlimiet mill-kriżi. Ħafna biċċiet ta' leġiżlazzjoni diġà ġew ikkompletati b'suċċess b'dati ta' implimentazzjoni u applikazzjoni li diġà ġew issodisfati jew li dalwaqt se jiġu ssodisfati.

Dan ir-rapport fuq inizjattiva proprja huwa l-ewwel pass biex jittieħed kont ta' din il-ħidma leġiżlattiva, biex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet osservati fit-tfassil ta' liġijiet dwar is-servizzi finanzjarji u biex jiġu mleħħna l-preokkupazzjonijiet li nqalgħu b'mod partikolari mill-fatt li l-impatt tal-miżuri leġiżlattivi individwali u l-interazzjonijiet tagħhom ma ġewx analizzati biżżejjed u l-impatt akkumulat tal-leġiżlazzjoni ġenerali sal-lum għadu ma ġiex evalwat għalkollox.

Inizjattivi ġodda importanti tal-Kummissjoni, bħall-Pakkett tal-Investiment u l-Unjoni tas-Swieq Kapitali jiksbu riżultati aħjar meta jkunu mibnija fuq ir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji eżistenti li taħdem b'mod effikaċi u effiċjenti. Għalhekk, ir-Rapporteur jemmen li valutazzjoni tal-impatt bir-reqqa tal-qafas tas-servizzi finanzjarji huwa meħtieġ u li din għandha tiġi ripetuta regolarment. Is-servizzi tal-Kummissjoni għandhom jiġu fdati b'dan il-kompitu sabiex isir l-aħjar użu possibbli tal-esperjenza tagħhom f'konsultazzjonijiet mal-partijiet ikkonċernati u tal-kuntatt tagħhom mal-aġenziji superviżorji i.e. l-AEAPX, l-ABE u l-AETS kif ukoll il-BERS u l-MSU. Il-Kummissjoni għandha tippreżenta l-valutazzjoni tagħha liż-żewġ koleġiżlaturi u tissuġġerixxi titjib, meta jkun xieraq.

Ir-Rapporteur preokkupat dwar inkonsistenzi u inkoerenza potenzjali fil-leġiżlazzjoni preżenti u biħsiebu jagħti segwitu lill-inizjattiva informali li l-Kumitat diġà ħa fil-bidu tal-2014. Barra minn hekk, ir-Rapporteur jixtieq jissottolinja l-obbligu li jittieħed kont tal-proporzjonalità fil-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji li jistħoqqilha ferm aktar attenzjoni anke fir-rigward tal-inizjattivi politiċi preżenti dwar l-SMEs u l-finanzjament tal-SMEs. Il-valutazzjoni tal-impatt akkumulata kif ukoll kontrolli obbligatorji tal-konsistenza u l-proporzjonalità fuq bażi regolari għandhom jiżguraw li l-applikazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar is-servizzi finanzjarji tkun anqas kumplessa, faċli biex tinftiehem u allinjata aħjar mal-ħtiġijiet tal-entitajiet żgħar u medji. Fir-rigward tal-għanijiet tal-Unjoni tas-Swieq Kapitali, għandu jiġi vvalutat ukoll kif il-leġiżlazzjoni preżenti dwar is-servizzi finanzjarji tinteraġixxi mal-possibbiltajiet tal-atturi tas-servizzi finanzjarji għall-benefiċċju tal-ekonomija reali. Dan għandu jinkludi evalwazzjoni bir-reqqa ta' kif jaħdmu s-sorsi ta' finanzjament eżistenti għall-ekonomija reali, kif dawn jistgħu jiġu estiżi u kkomplementati b'sorsi addizzjonali.

Ir-Rapporteur jemmen li l-leġiżlazzjoni preżenti teħtieġ implimentazzjoni sħiħa u infurzar qawwi fl-Istati Membri. Iqis li huwa importanti li l-istabbiltà finanzjarja u l-ħarsien tal-klijent jibqgħu l-prijoritajiet tal-leġiżlaturi u għandu jingħata iktar piż lill-applikazzjoni ta' approċċ konsistenti bbażat fuq ir-riskju. Barra minn hekk, ir-Rapporteur jidentifika l-kompetittività globali tal-leġiżlazzjoni tal-UE u tas-setturi finanzjarji tal-UE bħala sfida essenzjali fir-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji. Huwa jemmen li l-leġiżlaturi Ewropej iridu jqisu aktar l-interdipendenzi mal-istandards internazzjonali. L-ewwel valutazzjoni tal-impatt akkumulata għandha tintuża għal eżami mmirat tal-qafas ġenerali tas-servizzi finanzjarji, filwaqt li tiġi evitata reviżjoni wiesgħa tal-leġiżlazzjoni reċenti.

Ir-Rapporteur jirrimarka li l-kwalità tar-regolamentazzjoni tas-servizzi finanzjarji tiddependi wkoll fuq il-koordinazzjoni, it-twaqqit u t-trasparenza fil-proċess leġiżlattiv. Għaldaqstant, dan ir-rapport jiġbor talbiet biex dan il-proċess ikompli jittejjeb u anke biex jiġu indirizzati r-rwol essenzjali u r-responsabbiltà tal-ASE u l-MSU f'dan ir-rigward.

14.10.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: L-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali

(2015/2106(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Janusz Lewandowski

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-ftuħ tal-konsultazzjoni dwar l-Unjoni tas-Swieq Kapitali (CMU), u jenfasizza l-ħtieġa li jridu jittieħdu lezzjonijiet mill-kriżi sabiex tissaħħaħ l-istabbiltà tas-suq u jiġu ffaċilitati l-finanzjament mhux bankarju u l-investiment fl-ekonomija reali kif ukoll jiġi żgurat tkabbir sostenibbli fit-tul; jemmen li din l-inizjattiva, tista' tkun għodda importanti biex terġa' ġġib lill-Ewropa fuq saqajha għal tkabbir ekonomiku sostenibbli u soċjalment u ambjentalment ibbilanċjat, billi jitwessa' l-aċċess għal iffinanzjar u jitħeġġeġ aktar investiment;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa li jittieħed kont tal-kuntest dinji usa', b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam maż-żmien u s-sustanza ta' proposti leġiżlattivi biex tiġi mħarsa u msaħħa l-kompetittività internazzjonali tas-settur finanzjarju tal-UE, tittejjeb il-klima tal-investiment u jiġu attirati flussi ta' kapital lejn l-UE, kif ukoll biex jiġi żgurat li jkun hemm aċċess reċiproku għas-swieq finanzjarji internazzjonali; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Kummissjoni u l-korpi internazzjonali tal-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB) u l-Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Kummissjonijiet tat-Titoli (IOSCO);

3.  Jenfasizza li l-għan tar-Regolament dwar is-Servizzi Finanzjarji tal-UE għandu jkun li jservi l-ekonomija reali; jemmen, għal din ir-raġuni, li r-Regolament għandu jkun koerenti u proporzjonat;

4.  Jirrimarka li l-ekonomija reali għadha tiddependi ħafna fuq il-banek, li jagħmilha vulnerabbli għal restrizzjoni tas-self mill-banek; jemmen li għandhom jinsabu sorsi alternattivi ta' finanzjament, b'mod partikolari billi jsir użu mill-kapital ta' riskju;

5.  Jilqa' d-diversifikazzjoni tal-mezzi ta' finanzjament previsti, li għandhom ikunu komplimentari għal dawk eżistenti, għandu jippromwovu l-istrumenti li wrew l-utilità tagħhom u għandhom iqisu l-ispeċifiċità ta' fondi li jkunu meħtieġa fi stadji ta' żvilupp differenti minn negozji innovattivi bħal negozji ġodda; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi, b'mod partikolari għall-SMEs, u jħeġġeġ l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà, proporzjonalità, koerenza, effikaċja u prattiċità fil-leġiżlazzjoni tal-UE, fl-interessi ta' swieq kapitali, trasparenti, effiċjenti, likwidi u kost-effettivi;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kumplessità tar-regolament, li f'ħafna postijiet għandu diversi livelli b'riżultati diverġenti u kontradittorji; jistieden lill-Kummissjoni twettaq valutazzjoni approfondita tal-kostijiet tal-konformità tar-Regolament dwar is-Servizzi Finanzjarji, b'mod partikolari għall-SMEs u n-negozju ġodda, bl-għan li fejn xieraq jitnaqqsu dawk il-kostijiet;

7.  Jenfasizza r-rwol importanti tal-banek bħala intermedjarji fis-swieq kapitali; jenfasizza li l-intermedjazzjoni finanzjarja hija ta' importanza ewlenija għall-valutazzjoni xierqa tar-riskji u l-ħtiġijiet ta' investituri potenzjali;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jiffavorixxi l-investiment u jneħħi l-ostakli li joħolqu diżinċentivi għall-investimenti fit-tul, bħal pereżempju r-rekwiżiti ta' kapital li jiskoraġġixxu l-investimenti fit-tul fl-infrastruttura;

9.  Iqis li s-CMU għandha tiżgura wkoll, permezz tat-tneħħija tar-restrizzjonijiet u l-ostakoli li qed jaffettwaw l-użu possibbli ta' strumenti finanzjarji bħal bonds jew stokks, li n-negozji jkunu jistgħu jagħżlu bejn tipi differenti ta' finanzjament;

10.  Ifakkar li n-nuqqas ta' informazzjoni dwar is-sitwazzjoni finanzjarja tal-SMEs joħloq wieħed mill-akbar ostakli għall-investiment f'din it-tip ta' kumpanija; jitlob lill-Kummissjoni twettaq riflessjoni profonda dwar il-modi u l-mezzi li jtejbu l-aċċess tal-investituri għal data trasparenti u kumparabbli dwar l-SMEs; jemmen li l-iżvilupp ta' database dedikata, fuq bażi volontarja, għall-ġbir ta' informazzjoni finanzjarja dwar l-SMEs u n-negozji ġodda, tista' tkun għodda utli biex tiġi pprovduta l-informazzjoni lill-investituri;

11.  Jilqa' t-tnedija ta' konsultazzjonijiet dwar ir-reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Prospett u l-isforzi li qed isiru biex jitneħħew ostakli regolatorji għal aċċess għat-titolizzazzjoni; jitlob it-tiġdid tas-suq tat-titolizzazzjoni billi tiġi evitata definizzjoni wisq preskrittiva u dettaljata ta' titolizzazzjonijiet sempliċi, trasparenti u standardizzati (STS); japprova l-proposta tal-Kummissjoni għall-kumpilazzjoni ta' reġistru ta' "titolizzazzjonijiet ta' kwalità għolja"; jenfasizza, b'mod partikolari, il-ħtieġa li jinfetħu s-swieq finanzjarji u jitwessgħu l-għażliet ta' finanzjament disponibbli għall-SMEs u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja; f'dan ir-rigward jitlob li tiġi studjata l-possibilità li jinħolqu "SME ta' riferiment" biex il-banek ikunu jistgħu jqabblu u jagħtu prezz lill-kreditu; jitlob li jkun hemm titjib fl-aċċess għal finanzjament fit-tul u għall-iżvilupp ta' suq tal-kollokamenti privati pan-Ewropew li jippromwovi l-kapital ta' riskju, kif ukoll strumenti alternattivi bħal self bejn il-pari u finanzjament kollettiv; jitlob lill-Kummissjoni tinkludi l-kunċett ta' "Skala tal-Finanzjament" fi ħdan is-CMU, biex tiġi indirizzata d-diversità tal-ħtiġijiet ta' finanzjament tal-kumpaniji matul il-fażijiet tal-iżvilupp tagħhom;

12.  Jemmen li l-aċċess għall-finanzi, partikolarment għall-SMEs, huwa ta' importanza ewlenija għat-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi; jirrimarka li l-banek bi profitt kif ukoll is-swieq kapitali effiċjenti jikkostitwixxu prekondizzjoni għall-aċċess għall-finanzi;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu inkonsiderazzjoni l-ispeċifiċitajiet ta' swieq individwali u tissuġġerixxi tibdil biss f'dawk l-oqsma li jeħtieġu intervent sabiex jiġu eliminati l-ostakoli eżistenti; jemmen li l-inizjattiva tal-Unjoni dwar is-Swieq Kapitali għandu jkollha fil-qalba tagħha approċċ minn isfel għal fuq u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki nazzjonali, it-tisħiħ ta' swieq tal-kapital lokali u tal-ekosistemi lokali, flimkien ma' armonizzazzjoni leġiżlattiva li tkun segwita biss fejn meħtieġ, u miżuri biex jiġu evitati l-konsegwenzi negattivi ta' 'regolamentazzjoni żejda' (gold-plating);

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tqis l-istrutturi ekonomiċi u kulturali differenti tal-SMEs fost l-Istati Membri fl-inizjattivi ta' politika tagħha għall-implimentazzjoni ta' CMU;

15.  Jinnota li l-ekwità privata u l-kapital ta' riskju joffru alternattivi interessanti għall-finanzjament, b'mod partikolari għan-negozji ġodda; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa strumenti addizzjonali li jibnu fuq l-esperjenza miksuba mill-Fondi Ewropej ta' Kapital ta' Riskju u l-Fondi ta' Intraprenditorija Soċjali Ewropej;

16.  Jenfasizza l-importanza ta' valutazzjonijiet tal-impatt komprensivi u trażversali, u jistieden lill-Kummissjoni twettaq konsultazzjonijiet dettaljati dwar kwistjonijiet ta' tħassib għall-partijiet interessati kollha u tiżgura l-koerenza tal-atti delegati u ta' implimentazzjoni;

17.  Iqis li l-leġiżlazzjoni mhux dejjem tkun l-aktar reazzjoni politika xierqa u li l-approċċi nonleġiżlattivi u bbażati fuq is-suq għandhom jitqiesu kif jistħoqq.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

13.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

50

8

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Nicolas Bay, David Borrelli, Jerzy Buzek, Philippe De Backer, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Ashley Fox, Theresa Griffin, Marek Józef Gróbarczyk, András Gyürk, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Miapetra Kumpula-Natri, Janusz Lewandowski, Ernest Maragall, Edouard Martin, Dan Nica, Angelika Niebler, Miroslav Poche, Miloslav Ransdorf, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Michał Boni, David Coburn, Cornelia Ernst, Francesc Gambús, Gunnar Hökmark, Benedek Jávor, Jude Kirton-Darling, Constanze Krehl, Olle Ludvigsson, Notis Marias, Marian-Jean Marinescu, Dominique Riquet, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Sofia Sakorafa, Massimiliano Salini, Theodor Dumitru Stolojan, Pavel Telička, Cora van Nieuwenhuizen

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

1.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

48

5

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Pervenche Berès, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Markus Ferber, Jonás Fernández, Sven Giegold, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Petr Ježek, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Costas Mavrides, Bernard Monot, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Renato Soru, Theodor Dumitru Stolojan, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Cora van Nieuwenhuizen, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni, Sotirios Zarianopoulos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Matt Carthy, Philippe De Backer, Ashley Fox, Doru-Claudian Frunzulică, Ildikó Gáll-Pelcz, Marian Harkin, Barbara Kappel, Verónica Lope Fontagné, Paloma López Bermejo, Thomas Mann, Alessia Maria Mosca, Michel Reimon, Maria João Rodrigues

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anneleen Van Bossuyt, Igor Šoltes

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0268.

(2)

http://www.europarl.europa.eu/document/activities/cont/201402/20140210ATT79138/20140210ATT79138EN.pdf.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0202.

(4)

Testi adottati, P7_TA(2014)0161.

(5)

http://www.esrb.europa.eu/pub/pdf/other/esrbreportregulatorytreatmentsovereignexposures032015.en.pdf?29664e3495a886d806863aac942fcdae.

Avviż legali - Politika tal-privatezza