RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/005 - FI/Computer Programming, ippreżentata mill-Finlandja)

10.12.2015 - (COM(2015)0553 – C8-0332/2015 – 2015/2298(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Marco Zanni

Proċedura : 2015/2298(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0362/2015
Testi mressqa :
A8-0362/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/005 - FI/Computer Programming, ippreżentata mill-Finlandja)

(COM(2015)0553 – C8-0332/2015 – 2015/2298(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0553 – C8-0332/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0362/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

D.  billi l-Finlandja ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/005 FI/Computer Programming għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-1 603 sensji f'69 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 62 tan-NACE Reviżjoni 2 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati)[4] f'bosta reġjuni tal-livell NUTS[5] 2 li jkopru l-Finlandja kollha, u billi huwa mistenni li se jipparteċipaw mal-1 200 ħaddiem f'dawn il-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni tissodisfa l-kriterji ta' eleġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kundizzjonijiet stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament dwar il-FEG huma sodisfatti, u li għalhekk il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 2 623 200 skont dan ir-Regolament, li tirrappreżenta 60 % tal-kost totali ta' EUR 4 372 000 għall-1 603 ħaddiema li ngħataw is-sensja;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Finlandiżi ppreżentaw l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fit-12 ta' Ġunju 2015, u li l-valutazzjoni tagħha tlestliet mill-Kummissjoni fis-6 ta' Novembru 2015 u ġiet notifikata lill-Parlament dakinhar stess; jilqa' l-evalwazzjoni rapida li ħadet perjodu ta' anqas minn ħames xhur;

3.  Jinnota li f'dawn l-aħħar snin, id-distribuzzjoni ta' impjiegi fis-settur tal-ICT bejn l-Unjoni u ekonomiji oħra żviluppat b'detriment għall-Unjoni u jissottolinja li filwaqt li fl-2008 l-industrija tat-teknoloġija kienet timpjega total ta' 326 000 persuna fil-Finlandja, in-numru ta' persuni impjegati minn dawn il-kumpaniji fl-2014 kien ta' 276 000, li jfisser li l-għadd ta' ħaddiema naqas b'madwar 3 % (10 000 impjegat) fis-sena; jirrimarka li l-avvenimenti li wasslu għal dawn is-sensji huma l-iżviluppi li affettwaw lill-kumpanija Nokia f'dawn l-aħħar snin, li kellhom impatt kbir fuq is-settur tal-ICT fil-Finlandja; billi l-iżvilupp u t-tfassil ta' sistemi operattivi għat-telefons ċellulari Nokia kienu jimpjegaw eluf ta' Finlandiżi, filwaqt li issa dawn il-funzjonijiet ġew trasferiti lejn pajjiżi barra mill-Ewropa; jirrimarka li dawn is-sensji se jaggravaw aktar is-sitwazzjoni tal-qgħad fis-settur tal-ICT fir-reġjuni milquta minn rata għolja ta' qgħad;

4.   Jinnota li s-sensji fis-settur tal-ICT qegħdin jaffettwaw b'mod partikolari lir-reġjun ta' Oulu fl-Ostrobothnia tat-Tramuntana fejn is-settur tal-ICT kien is-sinsla tal-ekonomija għal bosta snin; jiddispjaċih li fir-rebbiegħa tal-2015, kien hemm madwar 1 500 persuna qiegħda li qed ifittxu impjieg fis-settur tal-ICT fl-Ostrobothnia tat-Tramuntana u li f'ħafna każijiet il-perjodu tal-qgħad qiegħed jitwal, fejn terz tal-persuni qiegħda li għandhom lawrja ta' edukazzjoni għolja ilhom mingħajr impjieg għal aktar minn sena;

5.  Jinnota li, sal-lum, NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 62 (''Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati'') kien is-suġġett ta' applikazzjoni oħra tal-FEG, li kienet ibbażata wkoll fuq il-kriżi finanzjarja u ekonomika globali[6]; jinnota li filwaqt li l-volum ta' dan il-qasam kien qed jiżdied fil-livell dinji, dan naqas fl-Ewropa hekk kif in-negozji u s-servizzi ttieħdu lejn iċ-Ċina, l-Indja, it-Tajwan u postijiet oħra barra l-Ewropa.

6.  Jilqa' l-fatt li, sabiex il-ħaddiema jingħataw assistenza malajr, l-awtoritajiet Finlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fl-1 ta' Awwissu 2014, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-appoġġ mill-FEG għall-pakkett koordinat propost, u li, għalhekk, dawn is-servizzi li diġà bdew jingħataw għandhom ikunu eliġibbli għall-appoġġ mill-FEG;

7.  Jinnota li l-Finlandja qiegħda tippjana seba' tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) miżuri ta' kowċing u miżuri oħra ta' tħejjija, (ii) servizzi tal-impjieg u tan-negozju, (iii) taħriġ, (iv) sussidju tal-paga, (v) għotja għal negozji ġodda, (vi) direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda, u (vii) provvedimenti għall-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr;

8.   Jilqa' l-miżuri li jappoġġaw l-intraprenditorjat, fil-forma ta' għotjiet għal negozji ġodda u miżuri ta' direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda; iqis li dawn il-miżuri jkunu aktar utli jekk jingħataw f'forma kombinata lill-parteċipanti;

9.   Jilqa' b'mod partikolari l-miżuri proposti li għandhom l-għan li joħolqu negozji ġodda u li se jrawmu l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda;

10. Jirrimarka li s-sussidju tal-pagi preferibbilment għandu jingħata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja biss meta l-impjiegi offruti lill-parteċipanti jikkonformaw ma' rekwiżiti ta' kwalità xierqa f'termini ta' livell ta' ħiliet u t-tul taż-żmien tal-kuntratt; jappella li għandu jkun hemm enfasi fuq it-tqabbil bejn il-ħiliet tal-persuna li qed tfittex impjieg u l-kariga sussidjata, meta ssir id-deċiżjoni dwar l-għoti tas-sussidju tal-pagi u jiġi determinat il-perċentwal tal-ispejjeż tal-pagi li għandhom jiġu koperti;

11. Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi pproponew varjetà kbira ta' miżuri lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

12.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali u l-awtoritajiet reġjonali;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġati mill-FEG għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

14.  Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabbiltà tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

15. Ifakkar li l-għan tal-miżuri ffinanzjati għandu jkun li jitjiebu l-opportunitajiet għal min qed ifittex impjieg sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu impjegati fis-suq tax-xogħol;

16. Jinnota li skont l-istimi tal-awtoritajiet 18,31 % tal-kostijiet se jintużaw għal benefiċċji u inċentivi, li huwa ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-kostijiet kollha;

17.  Jitlob lill-Kummissjoni tkompli tispeċifika fi proposti futuri, f'liema setturi huwa probabbli li l-ħaddiema jsibu impjieg u jekk it-taħriġ offrut huwiex allinjat mal-prospetti ekonomiċi futuri u l-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol fir-reġjuni milqutin mis-sensji;

18. Jistenna li l-Kummissjoni tissorvelja u tevalwa l-użu tal-flus mogħtija u li tuża din l-informazzjoni f’applikazzjonijiet futuri biex tkompli torjenta l-użu tal-FEG b'mod li jkun allinjat mal-prinċipji ta' bbaġitjar abbażi tal-prestazzjoni;

19.  Jieħu nota tal-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

20.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jieħu nota tal-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

21.  Jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-pubbliku jkollu aċċess għad-dokumenti kollha relatati ma' każijiet tal-FEG;

22.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

23.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

24.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (applikazzjoni mill-Finlandja — EGF/2015/005 FI/Computer Programming)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[8], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[9].

(3)  Fit-12 ta' Ġunju 2015, il-Finlandja ppreżentat applikazzjoni EGF/2015/005 FI/Computer programming għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, wara sensji fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-Diviżjoni 2 tan-NACE Reviżjoni 2 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati) fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Finlandja tal-Punent (FI19), Helsinki-Uusimaa (FI1B), il-Finlandja tan-Nofsinhar (FI1C) u l-Finlandja tat-Tramuntana u tal-Lvant (FI1D) fil-Finlandja. Din kienet supplementata b'informazzjoni addizzjonali provduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, kif stipulat fl-Artikolu 13 tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013.

(4)  Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mmobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 2 623 200 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Finlandja.

(5)  Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien li jittieħed biex jiġi mmobilizzat il-FEG, din id-deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mmobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 2 623 200 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha][10].

Magħmul fi,

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex joffri assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[11] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013[12], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[13], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni, għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' Computer Programming u l-proposta tal-Kummissjoni

Fis-6 ta' Novembru 2015, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur il-Finlandja biex tappoġġa l-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol ta' ħaddiema li ngħataw is-sensja f'69 intrapriża li joperaw fid-Diviżjoni 62 tan-NACE Rev. 2 (''Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati'')[14] f'diversi reġjuni tal-livell NUTS[15] 2 madwar il-Finlandja kollha.

Din hija s-sbatax-il applikazzjoni li se tiġi eżaminata taħt il-baġit 2015 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 2 623 200 mill-FEG għall-Finlandja. Tikkonċerna 1 200 ħaddiem mill-1 603 ħaddiema li ngħataw is-sensja. L-applikazzjoni ġiet ippreżentata lill-Kummissjoni fit-12 ta' Ġunju 2015 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-21 ta' Awwissu 2015. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Finlandiżi jiddikjaraw li l-iżviluppi li affettwaw il-kumpanija Nokia f'dawn l-aħħar snin wasslu għal dawn is-sensji, żviluppi li kellhom impatt kbir fuq is-settur tal-ICT fil-Finlandja. L-iżvilupp u t-tfassil ta' sistemi operattivi għat-telefons ċellulari Nokia kienu jimpjegaw eluf ta' Finlandiżi, filwaqt li issa dawn il-funzjonijiet ġew trasferiti lejn pajjiżi barra mill-Ewropa.

Is-servizzi personalizzati li jridu jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'seba' tipi ta' miżuri: (i) miżuri ta' kowċing u miżuri oħra ta' tħejjija, (ii) servizzi tal-impjieg u tan-negozju, (iii) taħriġ, (iv) sussidju tal-paga, (v) għotjiet għal negozji ġodda, (vi) id-direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda, u (vii) provvedimenti għall-ivjaġġar, l-akkomodazzjoni u l-ġarr.

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri passivi tal-protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Finlandiżi pprovdew il-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

–  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–  ġew sodisfatti r-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi,

–  l-intrapriżi li taw is-sensji, li komplew bl-attivitajiet tagħhom wara s-sensji, ikkonformaw mal-obbligi ġuridiċi tagħhom li jirregolaw is-sensji u pprovdew għall-ħaddiema tagħhom kif xieraq,

–  l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

–  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet ffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

Il-Finlandja nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sorsi ta' prefinanzjament jew kofinanzjament nazzjonali primarjament ġejjin mill-partita tas-servizzi pubbliċi tal-impjiegi fil-fergħa amministrattiva tal-Ministeru tal-Impjiegi u tal-Ekonomija. Xi servizzi se jiġu ffinanzjati wkoll min-nefqa operazzjonali taċ-Ċentri għall-Iżvilupp Ekonomiku, it-Trasport u l-Ambjent (Ċentri ELY) u l-Uffiċċji TE. Il-kompiti ta' appoġġ tekniku se jiġu ffinanzjati min-nefqa operazzjonali tal-Ministeru tal-Impjiegi u l-Ekonomija u ċ-Ċentri ELY.

III. Proċedura

Sabiex timmobilizza l-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 2 623 200 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija s-sbatax-il proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/jb D(2015)55347

M. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2015/005 FI/Computer Programming, il-Finlandja (COM(2015)553)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2015/005 FI/Computer Programming u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u tirrigwarda 1 603 ħaddiema li ngħataw is-sensja f'69 impriża li joperaw fis-settur tal-ekonomija kklassifikat taħt NACE Reviżjoni 2 Diviżjoni 62 (Programmar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati); billi s-sensji li saru mill-impriżi kkonċernati jinsabu fir-reġjuni tal-livell NUTS 2 tal-Finlandja tal-Punent, ta' Ħelsinki-Uusimaa, tal-Finlandja tan-Nofsinhar, u tal-Finlandja tat-Tramuntana u tal-Lvant, matul il-perjodu ta' referenza bejn it-30 ta' Lulju 2014 u t-30 ta' April 2015;

B)  Billi sabiex tiġi stabbilita r-rabta bejn is-sensji u l-bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, il-Finlandja ġabet l-argument li f'dawn l-aħħar snin id-distribuzzjoni ta' impjiegi fis-settur tal-ICT bejn l-UE u ekonomiji oħra żviluppa għad-detriment tal-UE;

C)  Billi, filwaqt li l-volum ta' dan il-qasam kien qed jiżdied fil-livell dinji, dan naqas fl-Ewropa hekk kif in-negozji u s-servizzi ttieħdu lejn iċ-Ċina, l-Indja, it-Tajwan u postijiet oħra barra l-Ewropa.

D)  Billi 55 % tal-ħaddiema kkonċernati mill-miżuri huma rġiel u 45 % huma nisa; billi 78 % tal-ħaddiema għandhom bejn 30 u 54 sena u 12 % minnhom għandhom bejn 55 u 64 sena;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Finlandiża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(1)(b) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma sodisfatti u li għalhekk, il-Finlandja hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li skont l-istimi tal-awtoritajiet 18,31 % tal-kostijiet se jintużaw għal benefiċċji u inċentivi, li huwa ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-kostijiet kollha;

3.  Jilqa' l-fatt li l-awtoritajiet Finlandiżi pproponew varjetà kbira ta' miżuri lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

4.  Jilqa' l-miżuri li jappoġġaw l-intraprenditorjat, f'forom ta' għotjiet għal negozji ġodda u miżuri ta' direzzjoni lejn l-intraprenditorija u servizzi għal intraprendituri ġodda; iqis li dawn il-miżuri jkunu aktar utli jekk jingħataw f'forma kombinata lill-parteċipanti;

5.  Jirrimarka li s-sussidju tal-pagi preferibbilment għandu jingħata lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja meta l-impjiegi offruti lill-parteċipanti jikkonformaw ma' rekwiżiti ta' kwalità xierqa f'termini ta' livell ta' ħiliet u t-tul taż-żmien tal-kuntratt; jappella li għandu jkun hemm enfasi fuq it-tqabbil bejn il-ħiliet tal-persuna li qed tfittex impjieg u l-kariga sussidjata, meta ssir id-deċiżjoni dwar l-għoti tas-sussidju tal-pagi u jiġi determinat il-perċentwal tal-ispejjeż tal-pagi li għandhom jiġu koperti;

6.  Ifakkar li l-għan tal-miżuri ffinanzjati għandu jkun li jitjiebu l-opportunitajiet għal min qed ifittex impjieg sabiex dawn ikunu jistgħu jiġu impjegati fis-suq tax-xogħol;

7.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-kapaċitajiet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Sur Arthuis,

Suġġett:  Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li huwa maħsub li se jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fl-10 ta' Diċembru 2015:

-  COM(2015)0553 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG li tammonta għal EUR 2 623 200 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bl-għan li tiffaċilita r-riintegrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 1 603 ħaddiema li ngħataw is-sensja fis-settur tal-ipprogrammar tal-kompjuter, konsulenza u attivitajiet relatati, fir-reġjuni tal-Finlandja tal-Punent, ta' Ħelsinki-Uusimaa, tal-Finlandja tan-Nofsinhar, tal-Finlandja tat-Tramuntana u tal-Lvant, fil-Finlandja.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrappurtalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Eleftherios Synadinos, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Monika Vana, Marco Zanni, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Mercedes Bresso, Anneli Jäätteenmäki, Andrey Novakov, Marco Valli

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]    Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
  • [5]    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
  • [6]   EGF/2011/016 IT/Agile (COM(2013)0120)
  • [7]   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [8]   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [9]   Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884);
  • [10]   Id-data tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
  • [11]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [12]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [13]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [14]    Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
  • [15]    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).