RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/006 - IE/PWA International, ippreżentata mill-Irlanda)

10.12.2015 - (COM(2015)0555 – C8-0329/2015 – 2015/2295(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Victor Negrescu

Proċedura : 2015/2295(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0363/2015
Testi mressqa :
A8-0363/2015
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni, b'konformità mal-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (Applikazzjoni EGF/2015/006 - IE/PWA International, ippreżentata mill-Irlanda)

(COM(2015)0555 – C8-0329/2015 – 2015/2295(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0555 – C8-0329/2015),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[1] (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[2], u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[3] (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0363/2015),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex toffri appoġġ addizzjonali għall-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u biex tassistihom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-assistenza finanzjarja tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u titqiegħed għad-dispożizzjoni kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta’ Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni f'każ ta' kriżi, biex tiġi ffissata l-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' negozji proprji;

D.  billi l-Irlanda ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/006 IE/PWA International għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għall-109 sensji li ngħataw f'PWA International Ltd (PWAI), li topera fid-diviżjoni 33 ta' NACE Rev. 2 ("Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir")[4] fir-reġjun ta' livell 2 ta' NUTS[5] tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Irlanda, u billi hu mistenni li l-ħaddiema kollha li ngħataw is-sensja se jipparteċipaw fil-miżuri;

E.  billi l-applikazzjoni ma tissodisfax il-kriterji tradizzjonali ta' eliġibbiltà stabbiliti mir-Regolament dwar il-FEG fir-rigward tal-għadd ta' sensji u qed tittressaq skont il-kriterji ta' intervent tal-Artikolu 4(2) ta' dak ir-Regolament, li jippermetti deroga f'ċirkostanzi eċċezzjonali;

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-argumenti ppreżentati mill-Irlanda jikkwalifikaw bħala "ċirkustanzi eċċezzjonali" u li, għalhekk, l-Irlanda għandha d-dritt għal kontribuzzjoni finanzjarja ta' EUR 442 293 skont dan ir-Regolament;

2.  Jinnota li l-awtoritajiet Irlandiżi ressqu l-applikazzjoni għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG fid-19 ta' Ġunju 2015, u li l-valutazzjoni tagħha ġiet iffinalizzata mill-Kummissjoni fis-6 ta' Novembru 2015; jilqa' l-evalwazzjoni rapida li ħadet perjodu ta' anqas minn ħames xhur;

3.  Jinnota li l-kumpanija PWAI ġiet stabbilita fl-1989 f'Rathcoole, fil-kontea ta' Dublin, bħala impriża konġunta bejn United Technologies Corporation u Lufthansa Technik Airmotive Ireland.

4.  Jinnota li l-Irlanda speċjalizzat fis-settur tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju fis-snin disgħin imma, għalkemm din l-ispeċjalizzazzjoni qdietha tajjeb f'dak iż-żmien, għamlitha partikolarment vulnerabbli għat-tendenza reċenti li l-attività f'dan is-settur tiġi lokalizzata qrib iċ-ċentri ta' espansjoni tal-avjazzjoni globali, jiġifieri l-Asja, u għall-impatti negattivi tal-ftehimiet kummerċjali globali; jikkunsidra li l-eżistenza ta' żewġ applikazzjonijiet Irlandiżi oħra għall-FEG fis-settur tat-"tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir"[6] hija xhieda ta' din il-vulnerabilità; jinnota wkoll li l-attivitajiet fil-qasam tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju ntlaqtu b'mod serju fl-Ewropa, b'mod partikolari fl-Irlanda, bl-għeluq ta' SR Technics fl-2009 u l-għeluq ta' Lufthansa Technik Airmotive Ireland fl-2014 li wasslu għat-telf ta' madwar 1520 impjieg;

5.  Jinnota li għalkemm ir-rata tal-qgħad fin-nofsinhar ta' Dublin t’Isfel (11,61 %) hija biss kemmxejn ogħla mill-medja nazzjonali (10,83 %), dawn iċ-ċifri jaħbu l-eżistenza ta' roqgħat ta' żvantaġġ lokali konsiderevoli u li l-għeluq tal-kumpanija PWAI kellu impatt serju fuq l-impjiegi u fuq l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali abbażi tas-sitwazzjoni diffiċli li diġà kienet teżisti fl-inħawi, flimkien mal-effett kumulattiv ta' tliet kumpaniji ewlenin fis-settur tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju li għalqu fi żmien qasir;

6.  Jaqbel li s-sitwazzjoni diffiċli li diġà kienet teżisti fl-inħawi f’dan il-qasam, flimkien mal-effett kumulattiv ta' tliet kumpaniji ewlenin fis-settur tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju li għalqu fi żmien qasir, u l-fatt li m'għad fadal ħadd li qed jimpjega lin-nies f'dan is-settur, jistgħu jiġġustifikaw deroga mil-limitu minimu ta' 500 sensja stabbilit fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG; itenni, f'dan ir-rigward, ir-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kummissjoni biex jew tiċċara l-kriterji ta' deroga stabbiliti fl-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG, jew tnaqqas il-limitu minimu ta' 500 ħaddiem li jkunu jridu jingħataw is-sensja;

7.  Jilqa' l-fatt li, biex il-ħaddiema jingħataw assistenza rapida, l-awtoritajiet Irlandiżi ddeċidew li jibdew l-implimentazzjoni tas-servizzi personalizzati lill-ħaddiema milquta fit-22 ta' Mejju 2015, ferm qabel id-deċiżjoni dwar l-għoti tal-appoġġ tal-FEG għall-pakkett koordinat propost;

8.  Jilqa' wkoll il-fatt li 108 żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) li kienu għadhom taħt l-età ta' 25 fid-data meta tressqet l-applikazzjoni se jkollhom ukoll aċċess għal servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG;

9.  Jinnota li l-Irlanda qiegħda tippjana ħames tipi ta' miżuri għall-ħaddiema li ngħataw is-sensja koperti minn din l-applikazzjoni: (i) gwida u ppjanar u żvilupp ta' karriera, (ii) Għotjiet ta' Taħriġ tal-FEG, (iii) Programmi ta' Taħriġ u Edukazzjoni Avvanzata, (iv) Programmi ta' Edukazzjoni Ogħla, u (v) Allowances b'Limitu ta' Żmien; jirrakkomanda li dan il-programm tal-FEG isegwi programm simili għall-programm tal-FEG għall-kumpanija SR Technics li wassal għal riżultati pożittivi, bi 53,45 % mill-benefiċjarji kienu reġgħu bdew jaħdmu f'Settembru 2012, inqas minn 12-il xahar wara li spiċċa l-programm; jinnota li n-nefqa għal dawk il-miżuri se tkun eliġibbli għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG bejn it-22 ta' Mejju 2014 u d-19 ta' Ġunju 2017;

10. Jilqa' l-varjetà ta' miżuri ta' taħriġ li se jingħataw lill-benefiċjarji; jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-intraprenditorija u għal dawk li jaħdmu għal rashom se jkunu disponibbli biss għal numru limitat ta' benefiċjarji;

11. Jinnota li skont l-estimi tal-awtoritajiet, 24,81 % tal-ispejjeż se jintużaw għal allowances b'limitu ta' żmien, li huwa ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-ispejjeż kollha;

12.  Jinnota li l-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati tfassal b'konsultazzjoni mas-sħab soċjali;

13.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati appoġġati mill-FEG għandu jitfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi u l-kapaċitajiet meħtieġa fil-ġejjieni tas-suq tax-xogħol, u għandu jkun jaqbel mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli;

14.  Ifakkar fl-importanza li titjieb l-impjegabilità tal-ħaddiema kollha permezz ta' taħriġ adattat u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba tul il-karriera professjonali tal-ħaddiem; jistenna li t-taħriġ offrut fil-pakkett koordinat jiġi adattat mhux biss għall-bżonnijiet tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja, iżda anke għall-ambjent kummerċjali reali;

15.  Jieħu nota tal-fatt li l-awtoritajiet Irlandiżi kkonfermaw li l-azzjonijiet eliġibbli ma jirċevux assistenza minn strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni; itenni l-appell tiegħu lill-Kummissjoni biex tippreżenta evalwazzjoni komparattiva ta' dik id-data fir-rapporti annwali tagħha sabiex tiżgura r-rispett sħiħ tar-regolamenti eżistenti u li ma jkunx jista' jkun hemm duplikazzjoni tas-servizzi ffinanzjati mill-Unjoni;

16.  Japprezza l-proċedura mtejba stabbilita mill-Kummissjoni, b'segwitu għat-talba mill-Parlament għall-aċċelerazzjoni fir-rilaxx tal-għotjiet; jieħu nota tal-pressjoni mil-lat ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet;

17. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-politika kummerċjali jiġu eżaminati fir-rigward tal-impatt potenzjali tagħhom fuq is-suq tax-xogħol tal-UE;

18. Jiddispjaċih li l-mobilizzazzjoni tal-FEG hija proposta biss għall-108 impjegat li ngħataw is-sensja li se jibbenefikaw mill-istrument u jindika li interpretazzjoni iktar wiesgħa tal-Artikolu 4(1) tar-Regolament dwar il-FEG tista' ma tkunx xierqa;

19. Josserva li din il-proposta għandha l-għan li timmobilizza l-FEG bl-iżgħar numru propost sa issa ta' ħaddiema li ngħatatilhom is-sensja;

20. Jinnota li kważi 80 % tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja għandhom bejn it-30 u l-54 sena u għalhekk jirrappreżentaw grupp impjegabbli ħafna b'riskju aktar baxx ta' qgħad fit-tul;

21. Jindika li l-108 sensja kollha huma fis-settur ekonomiku kklassifikat bħala ''tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir'', u aktar speċifikament il-magni bil-ġett fil-qasam tal-avjazzjoni, għalhekk il-ħaddiema huma tas-sengħa u adattabbli għas-suq tax-xogħol;

22. Jenfasizza li s-sensji seħħew f'Rathcoole, li jinsab fil-viċinanza ta' Dublin, ċentru ekonomiku u industrijali fejn ġie osservat tnaqqis fil-qgħad, żieda fl-attività kummerċjali u tkabbir ekonomiku ġenerali;

23. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li kull referenza għall-applikazzjoni EGF/2009/021 IE/SR Technics hija mifruxa wisq peress li dan il-każ imur lura għall-2009;

24.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

25.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

26.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni(applikazzjoni mill-Irlanda— EGF/2015/006 IE/PWA International)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA,

Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006[7], u b'mod partikolari l-Artikolu 15(4) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[8], u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea,

Billi:

(1)  Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jipprovdi appoġġ lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lill-persuni li jaħdmu għal rashom li l-attività tagħhom tkun intemmet b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fl-andament tal-kummerċ dinji minħabba l-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi ekonomika u finanzjarja globali ġdida, u sabiex jgħinhom fl-integrazzjoni mill-ġdid tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2)  Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013[9].

(3)  Nhar id-19 ta' Ġunju 2015, l-Irlanda ppreżentat l-applikazzjoni EGF/2015/006 IE/PWA International għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG, b'segwitu għas-sensji mogħtija f'PWA International Ltd u fornitur wieħed fl-Irlanda. Din ġiet issupplimentata b'informazzjoni addizzjonali, ipprovduta skont l-Artikolu 8(3) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013. Dik l-applikazzjoni hija konformi mar-rekwiżiti għad-determinazzjoni ta' kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG skont l-Artikolu 13 ta' dan ir-Regolament.

(4)  Bi qbil mal-Artikolu 6 (2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-Irlanda ddeċidiet li tipprovdi servizzi personalizzati kofinanzjati mill-FEG anke lil 108 żagħżugħ(a) li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET).

(5)  Bi qbil mal-Artikolu 4(2) tar- Regolament (UE) Nru 1309/2013, l-applikazzjoni mill-Irlanda hija meqjusa ammissibbli peress li s-sensji għandhom impatt serju fuq l-impjiegi u l-ekonomija lokali, reġjonali jew nazzjonali.

(6)  Għaldaqstant, il-FEG għandu jiġi mobilizzat sabiex tingħata kontribuzzjoni finanzjarja li tammonta għal EUR 442 293 għall-applikazzjoni ppreżentata mill-Irlanda.

(7)  Sabiex jitnaqqas kemm jista' jkun iż-żmien li jittieħed għall-mobilizzazzjoni tal-FEG, din id-deċiżjoni għandha tapplika mid-data tal-adozzjoni tagħha,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2015, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi s-somma ta' EUR 442 293 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fil-jum tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea. Għandha tapplika minn [id-data tal-adozzjoni tagħha]*.

[10]Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

NOTA SPJEGATTIVA

I. Sfond

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex joffri assistenza addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[11] u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013[12], il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[13], sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II. L-applikazzjoni ta' PWA International u l-proposta tal-Kummissjoni

Nhar is-6 ta' Novembru, il-Kummissjoni adottat proposta għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG favur l-Irlanda bħala appoġġ għall-integrazzjoni mill-ġdid fis-suq tax-xogħol tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja f'PWA International Ltd, li topera fis-settur ekonomiku kklassifikat taħt id-diviżjoni 33 ta' NACE Rev. 2 ("Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir") kif ukoll għall-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol ta' 108 żgħażugħ(a) li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET).

Din hija s-sittax-il applikazzjoni li qed tiġi eżaminata fil-qafas tal-baġit 2015 u tirreferi għall-mobilizzazzjoni ta' ammont totali ta' EUR 442 293 mill-FEG għall-Irlanda. Tikkonċerna 108 ħaddiem(a) li ngħataw is-sensja f'PWA International. L-applikazzjoni ntbagħtet lill-Kummissjoni fid-19 ta' Ġunju 2015 u ġiet supplimentata b'informazzjoni addizzjonali sal-14 ta' Awwissu 2015. Il-Kummissjoni kkonkludiet, bi qbil mad-dispożizzjonijiet kollha applikabbli tar-Regolament dwar il-FEG, li l-applikazzjoni tissodisfa l-kundizzjonijiet għal kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG.

L-awtoritajiet Irlandiżi jistqarru li l-avveniment li wassal biex ingħataw is-sensji f'PWA International hu l-għeluq tal-kumpanija PWAI, b'segwitu għad-deċiżjoni tal-kumpanija li tikkonsolida l-operazzjonijiet tal-kumpanija fl-Amerika ta' Fuq u l-Asja bħala riżultat ta' tendenza li l-attività fis-settur tal-manutenzjoni, it-tiswija u t-tiġdid ta' makkinarju tiġi lokalizzata qrib iċ-ċentri ta' espansjoni tal-avjazzjoni globali, u tal-impatti negattivi tal-ftehimiet kummerċjali globali;

Is-servizzi personalizzati li se jiġu offruti lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja jikkonsistu f'ħames tipi ta' miżuri: (i) gwida u ppjanar u żvilupp ta' karriera, (ii) Għotjiet ta' Taħriġ taħt il-FEG, (iii) Programmi ta' Taħriġ u Edukazzjoni Avvanzata, (iv) Programmi ta' Edukazzjoni Għolja, u (v) Allowances b'Limitu ta' Żmien;

Skont il-Kummissjoni, il-miżuri deskritti jikkostitwixxu miżuri attivi fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-azzjonijiet eleġibbli stabbiliti fl-Artikolu 7 tar-Regolament dwar il-FEG. Dawn l-azzjonijiet ma jiħdux post il-miżuri passivi tal-protezzjoni soċjali.

L-awtoritajiet Irlandiżi pprovdew l-garanziji neċessarji kollha rigward dan li ġej:

–  il-prinċipji tat-trattament ugwali u tan-nondiskriminazzjoni se jiġu rispettati fl-aċċess għall-azzjonijiet proposti u l-implimentazzjoni tagħhom,

–  ir-rekwiżiti stabbiliti fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u tal-UE dwar is-sensji kollettivi ġew sodisfatti,

–  l-azzjonijiet proposti mhumiex se jirċievu appoġġ finanzjarju minn fondi jew strumenti finanzjarji oħra tal-Unjoni u mhu se jitħalla jsir l-ebda finanzjament doppju,

–  l-azzjonijiet proposti se jkunu komplementari għall-azzjonijiet ffinanzjati mill-Fondi Strutturali,

–  il-kontribuzzjoni finanzjarja mill-FEG se tkun konformi mar-regoli proċedurali u materjali tal-Unjoni dwar l-għajnuna mill-Istat.

L-Irlanda nnotifikat lill-Kummissjoni li s-sors ta' prefinanzjament nazzjonali huwa l-Ministeru tal-Finanzi Irlandiż, li se jikkofinanzja l-programm ukoll. In-nefqa se tkun koperta mill-Fond Nazzjonali għat-Taħriġ u mill-sottointestaturi ta' nefqa vvotati tad-Dipartiment tal-Edukazzjoni u l-Ħiliet u ta' dipartimenti tal-gvern rilevanti oħra.

III. Proċedura

Sabiex tattiva l-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 442 293 mir-riżerva tal-FEG (40 02 43) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 01).

Sal-lum, din hija s-sittax-il proposta għal trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2015.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

ZP/jb D(2015)55353

M. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2015/006 IE/PWA International mill-Irlanda (COM(2015)555)

Sur President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) kif ukoll il-Grupp ta' Ħidma tiegħu dwar il-FEG eżaminaw il-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ EGF/2015/006 IE/PWA International u adottaw l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma favur il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qiegħed jippreżenta xi kummenti mingħajr, madankollu, ma jqajjem dubju dwar it-trasferiment tal-pagamenti.

Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  Billi din l-applikazzjoni hija bbażata fuq l-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 (ir-Regolament dwar il-FEG) u tirrigwarda 108 ħaddiem ta' PWA International Ltd. u fornitur wieħed, li joperaw fid-diviżjoni 33 ta' NACE Rev. 2 (Tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir) fir-reġjun tan-Nofsinhar u l-Lvant tal-Irlanda matul il-perjodu ta' referenza mid-19 ta' Diċembru 2014 sad-19 ta' April 2015; billi, barra minn hekk, l-applikazzjoni tikkonċerna 108 żagħżugħ(a) li jinsabu barra mill-impjieg, l-edukazzjoni jew it-taħriġ (NEETs);

B)  Billi sabiex tiġi stabbilita rabta bejn is-sensji u t-tibdiliet strutturali kbar fix-xejriet kummerċjali dinjija minħabba l-globalizzazzjoni, l-Irlanda tisħaq li l-għeluq ta' PWAI, impriża tal-Manutenzjoni, it-Tiswija u t-Tiġdid bir-Reqqa (MRO) u impriża konġunta bejn il-United Technologies Corporation Pratt & Whitney (P&W) u s-Singapore Airlines Engineering Company (SIAEC), sar biex jissaħħu l-operazzjonijiet tal-kumpanija fl-Amerika ta' Fuq u l-Asja bi trasferiment f'fażijiet minn PWAI lejn faċilitajiet ta' tiswija oħra fi ħdan in-netwerk ta' P&W, jiġifieri P&W PSD li huma bbażati f'Arkansas (l-Istati Uniti) u Eagle Services Asia li hija bbażata f'Singapore;

C)  Billi matul l-aħħar 10 snin il-klijenti bbażati fl-Asja ammontaw għal madwar 50 % tan-negozju ta' PWAI u 40 % oħra tan-negozju ta' PWAI kien ma' klijenti bbażati fl-Istati Uniti u 10 % biss kienu klijenti Ewropej;

D)  Billi l-maġġoranza assoluta (90,74 %) tal-ħaddiema fil-mira tal-miżuri huma rġiel u 9,26 % huma nisa; billi 78,7 % tal-ħaddiema għandhom bejn it-30 u l-54 sena u 15,74 % minnhom għandhom bejn il-55 u l-64 sena;

Għaldaqstant, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar l-applikazzjoni Irlandiża:

1.  Jaqbel mal-Kummissjoni li l-kriterji ta' intervent stabbiliti fl-Artikolu 4(2) tar-Regolament (UE) Nru 1309/2013 huma ssodisfati u li għalhekk, l-Irlanda hija intitolata għal kontribuzzjoni finanzjarja skont dan ir-Regolament;

2.  Jindika li d-deroga mill-Artikolu 4(1)(a) tar-Regolament f'dan il-każ tirrigwarda għadd ta' sensji li huwa ferm aktar baxx mis-soll ta' 500 sensja; jaċċetta l-argument tal-awtoritajiet Irlandiżi dwar din id-deroga u jilqa' l-fatt li l-applikazzjoni tinkludi għadd ugwali ta' NEETs li għandhom jiġu appoġġati bil-miżuri;

3.  Jinnota li peress li s-sensji minn PWAI seħħew wara dawk minn Lufthansa Technik – li topera fl-istess settur – dawn il-ħaddiema ma setgħux ikunu parti minn applikazzjoni settorjali li tkopri s-sensji taż-żewġ impriżi flimkien; iqis għalhekk li dawn is-sensji jistgħu jiġu indirizzati biss b'din l-applikazzjoni separata;

4.  Jirrimarka li PWAI setgħet ġiet affettwata b'mod negattiv minħabba li l-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-UE u l-Korea t'Isfel ma fihx dispożizzjoni li teżenta oġġetti msewwija mid-dazji dogani mad-dħul tagħhom mill-ġdid; jiġbed l-attenzjoni dwar dispożizzjoni simili fil-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles bejn l-Istati Uniti u l-Korea, li toħloq kundizzjonijiet preferenzjali għall-kumpaniji tal-Istati Uniti, li tista' tikkontribwixxi wkoll għat-telf tas-suq ta' PWAI meta mqabbel ma' impriżi tal-Istati Uniti li joperaw fl-istess settur;

5.  Jilqa' l-varjetà ta' miżuri ta' taħriġ li se jingħataw lill-benefiċjarji; jinnota li l-miżuri ta' appoġġ għall-intraprenditorija u għal dawk li jaħdmu għal rashom se jkunu disponibbli biss għal għadd limitat ta' benefiċjarji;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li d-deċiżjonijiet tal-politika kummerċjali jiġu eżaminati fir-rigward tal-impatt potenzjali tagħhom fuq is-suq tax-xogħol tal-UE;

7.  Jinnota li skont l-estimi tal-awtoritajiet, 24,81 % tal-ispejjeż se jintużaw għal allowances b'limitu ta' żmien, li huwa ferm taħt il-limitu massimu permess ta' 35 % tal-kostijiet kollha;

8.  Ifakkar li, f'konformità mal-Artikolu 7 tar-Regolament, il-pakkett koordinat ta' servizzi personalizzati għandu jkun imfassal b'mod li jantiċipa l-perspettivi futuri tas-suq tax-xogħol u l-ħiliet meħtieġa, u għandu jkun kompatibbli mal-bidla lejn ekonomija effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u sostenibbli.

Dejjem tiegħek,

Marita ULVSKOG,

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IŻVILUPP REĠJONALI

Is-Sur Jean ARTHUIS

President

Kumitat għall-Baġits

Parlament Ewropew

Sur Arthuis,

Suġġett:  Il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

Proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) ġiet riferuta lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali għall-opinjoni tiegħu. Nifhem li huwa maħsub li se jiġi adottat rapport dwar din il-proposta fil-Kumitat għall-Baġits fl-10 ta' Diċembru 2015:

-  COM(2015)0555 tipproponi kontribuzzjoni mill-FEG li tammonta għal EUR 442 293 għal miżuri attivi fis-suq tax-xogħol bil-għan li tiffaċilita l-integrazzjoni mill-ġdid ta' 108 ħaddiem li ngħataw is-sensja fis-settur ta' attivitajiet ta' tiswija u installazzjoni ta' makkinarju u tagħmir, fin-Nofsinhar u l-Lvant tal-Irlanda.

Ir-regoli applikabbli għall-kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-FEG huma stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006.

Il-koordinaturi tal-Kumitat ivvalutaw din il-proposta u talbuni niktiblek biex nirrappurtalek li l-maġġoranza tal-membri ta' dan il-Kumitat m'għandhom l-ebda oġġezzjoni għal din il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni biex l-ammont imsemmi hawn fuq jiġi allokat kif propost mill-Kummissjoni.

Dejjem tiegħek,

Iskra MIHAYLOVA

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

10.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

6

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Richard Ashworth, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Bernd Kölmel, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Liadh Ní Riada, Jan Olbrycht, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Eleftherios Synadinos, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Monika Vana, Marco Zanni, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anneli Jäätteenmäki, Andrey Novakov, Marco Valli

  • [1]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [2]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [3]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [4]    Regolament (KE) Nru 1893/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2006 li jistabbilixxi l-klassifikazzjoni tal-istatistika ta' attivitajiet ekonomiċi tan-NACE Reviżjoni 2 u li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 3037/90 kif ukoll ċerti Regolamenti tal-KE dwar setturi speċifiċi tal-istatistika (ĠU L 393, 30.12.2006, p. 1).
  • [5]    Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 1046/2012 tat-8 ta' Novembru 2012 li jimplimenta r-Regolament (KE) Nru 1059/2003 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' klassifikazzjoni komuni ta' unitajiet territorjali għall-istatistika (NUTS), fejn tidħol it-trażmissjoni tas-serje kronoloġiċi għat-tqassim reġjonali l-ġdid (ĠU L 310, 9.11.2012, p. 34).
  • [6]  EGF/2014/016 IE/Lufthansa Technik (COM(2013)0047) u EGF/2009/021 IE/SR Technics (COM(2010)0489).
  • [7]   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [8]   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [9]   Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884);
  • [10] *  Id-data tiddaħħal mill-Parlament qabel il-pubblikazzjoni fil-ĠU.
  • [11]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [12]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.
  • [13]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.