RAPPORT dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
15.12.2015 - (2015/2088(INI))
Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur: Marek Plura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat[1],
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar it-twaqqif ta' Garanzija għaż-Żgħażagħ,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2013 dwar Garanzija għaż-Żgħażagħ[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 dwar "L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?"[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014[4],
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja[5],
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships, u wara li kkunsidra l-mistoqsija bil-miktub tal-Parlament Ewropew tat-2 ta' Lulju 2015 dwar ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar Qafas ta' Kwalità għat-Traineeships,
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' April 2015 dwar it-tisħiħ tal-politika ta' kooperazzjoni transettorjali biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-isfidi soċjoekonomiċi li qed jiffaċċjaw iż-żgħażagħ[6],
– wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità,
– wara li kkunsidra l-"Lista ta' Kwistjonijiet b'rabta mar-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea" tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità[7],
– wara li kkunsidra n-nota ta' tgħarrif taċ-Cedefop ta' Ġunju 2013 bit-titolu: "Toroq għall-irkupru: tliet xenarji tal-ħiliet u tas-suq tax-xogħol għall-2025".
– wara li kkunsidra n-nota ta' tgħarrif taċ-Cedefop ta' Marzu 2014 bit-titolu "Nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet: aktar milli tara l-għajn",
– wara li kkunsidra l-istudju taċ-Cedefop ta' Novembru 2014 bit-titolu "L-isfida tal-validazzjoni: kemm hi qrib l-Ewropa li tirrikonoxxi t-tagħlim kollu?",
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Is-sitt rapport dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali: investiment għat-tkabbir u l-impjiegi" (COM(2014)0473),
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Strateġija Ewropea tad-Diżabilità (2010-2020) - Impenn mill-Ġdid għal Ewropa Mingħajr Ostakoli" (COM(2010)0636),
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni ta' April 2015 bit-titolu "Pilotaġġ ta' sħubijiet realistiċi għall-Garanzija għaż-Żgħażagħ - Rapport sommarju tal-kisbiet ewlenin u t-tagħlimiet miksuba mill-Azzjoni Preparatorja dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew",
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tal-2015 bit-titolu "Intraprenditorija għaż-żgħażagħ fl-Ewropa: valuri, attitudnijiet, politiki",
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1081/2006, u b'mod partikolari l-Kapitolu IV tiegħu dwar "l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ"[8],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0366/2015),
A. billi fil-preżent 4.5 miljun żagħżugħ u żagħżugħa ta' bejn il-15 u l-24 sena jinsabu qiegħda fl-Unjoni Ewropea u billi aktar minn 7 miljun żagħżugħ Ewropew ta' bejn il-15 u l-24 sena la qed jaħdmu, la qed jistudjaw u lanqas qed jagħmlu korsijiet ta' taħriġ;
B. billi r-rata tal-qgħad madwar l-Unjoni kienet ta' 9.9 % fl-aħħar tal-2014, u billi r-rata tal-qgħad għaż-żgħażagħ kienet aktar mid-doppju ta' din iċ-ċifra, preċiżament 21.4 %;
C. billi ż-żgħażagħ intlaqtu b'mod speċjali mill-kriżi;
D. billi nuqqas ta' ħiliet rilevanti għal xogħol disponibbli u nuqqas ta' tlaqqigħ tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma fatturi importanti li jikkawżaw il-qgħad fost iż-żgħażagħ; billi, minkejja li għandhom livell ta' edukazzjoni ogħla u għandhom aktar ħiliet minn ġenerazzjonijiet preċedenti, iż-żgħażagħ għadhom qed jiffaċċjaw ostakli strutturali sinifikanti biex jiksbu impjieg ta' kwalità li jirrispetta l-istandards tal-UE u nazzjonali; billi mingħajr ħolqien tax-xogħol effiċjenti u sostenibbli fl-Ewropa, il-kriżi tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ma tistax tiġi solvuta;
E. billi d-dewmien fl-aċċess għas-suq tax-xogħol u l-perjodi twal ta' qgħad għandhom impatti negattivi fuq il-prospetti ta' karriera, paga, saħħa u mobilità soċjali;
F. billi ż-żgħażagħ huma ta' valur għall-ekonomija Ewropea u billi għandhom jimpenjaw ruħhom biex jipprovdu l-ħiliet mitluba mis-suq tax-xogħol, filwaqt li jantiċipaw il-ħtiġijiet tal-ġejjieni;
G. billi ż-żgħażagħ jiġu integrati fi tliet gruppi ewlenin - l-istudenti, il-ħaddiema u dawk qiegħda - u billi għandhom jiġu adottati approċċi politiċi distinti għal kull wieħed minn dawn il-gruppi sabiex jiġi żgurat li l-membri tal-grupp huma integrati fis-suq tax-xogħol, li jfisser li l-istudenti żgħażagħ irid ikollhom il-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol, il-ħaddiema żgħażagħ iridu jaġġornaw il-ħiliet u t-taħriġ tagħhom tul il-karriera tagħhom u, fir-rigward taż-żgħażagħ qiegħda, id-distinzjoni trid tqis il-fatt li dawn jistgħu jkunu qed ifittxu impjieg b'mod attiv jew ikunu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs);
H. billi għandhom isiru l-isforzi kollha sabiex jiġi żgurat li s-sistemi edukattivi jippreparaw lill-istudenti għar-realizzazzjoni professjonali b'mod adegwat u biex tkun iggarantita kooperazzjoni mill-qrib bejn ir-rappreżentanti tas-settur tal-edukazzjoni, is-servizzi soċjali fejn xieraq, l-impjegaturi u l-istudenti;
I. billi l-ippjanar tat-taħriġ u tal-edukazzjoni jitjieb b'mod sinifikanti meta l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u taż-żgħażagħ jiġu inklużi fil-proċessi tat-teħid tad-deċiżjonijiet u jilħaq aħjar il-ħtiġijiet tas-soċjetà, tas-suq tax-xogħol u tal-ħiliet meħtieġa;
J. billi l-persuni li huma żvantaġġati, diskriminati u vulnerabbli ħafna drabi huma esklużi mill-possibbiltà li jiżviluppaw it-talenti, l-abbiltajiet u l-ħiliet tagħhom meta d-dimensjoni soċjali ma tiġix meqjusa fil-politiki dwar l-edukazzjoni, l-impjieg u fil-politiki soċjali; billi għandhom jiġu allokati biżżejjed riżorsi finanzjarji lis-settur tal-edukazzjoni;
K. billi l-implimentazzjoni ta' politiki effikaċi dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-ħiliet bl-appoġġ tal-impjegaturi, tal-aġenziji tal-impjieg u ta' partijiet interessati oħrajn jistgħu jgħinu jnaqqsu l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
L. billi jinħtieġ taħriġ xieraq għal dawk li jirreklutaw, għall-maniġers tar-riżorsi umani, għas-servizzi ta' impjiegi, għall-impjegaturi u għas-settur tal-edukazzjoni;
M. billi l-kriżi finanzjarja tal-2008 ħolqot problemi addizzjonali fl-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, peress li l-qgħad fost iż-żgħażagħ huwa aktar sensittiv għall-kundizzjonijiet ekonomiċi mill-qgħad globali, peress li dawn ġeneralment ikollhom inqas esperjenza;
N. billi l-impriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju huma wieħed mill-ikbar ġeneraturi ta' impjiegi fl-UE, li jirrappreżentaw konsiderevolment aktar minn 80 % tal-impjiegi kollha u kienu minn ta' quddiem f'ħafna setturi "ekoloġiċi", iżda jistgħu jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet partikolari biex jantiċipaw il-ħiliet meħtieġa u fit-twettiq tal-potenzjal għall-impjiegi;
O. billi l-intraprenditorija taż-żgħażagħ tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ u permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ tista' tixpruna l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ;
P. billi s-suċċess tal-iskemi ta' internships u apprendistati jvarja minn parti għall-oħra tal-Unjoni, skont il-karatteristiċi tagħhom;
Q. billi l-Garanzija għaż-Żgħażagħ, meta tiġi implimentata b'mod effikaċi, tikkostitwixxi approċċ komprensiv li jgħin liż-żgħażagħ jagħmlu t-tranżizzjoni għas-suq tax-xogħol jew għal edukazzjoni ta' kwalità għolja b'suċċess, kif muri mill-kisbiet tal-Azzjoni Preparatorja dwar il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-Parlament Ewropew;
R. billi, sabiex jinkisbu riżultati effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, huwa indispensabbli li jiġu vvalutati l-ħtiġijiet reali tal-impjiegi taż-żgħażagħ u l-oqsma veri li joffru opportunitajiet ta' xogħol futuri, bħal pereżempju l-ekonomija soċjali u l-ekonomija ekoloġika, dan kollu flimkien ma' monitoraġġ kostanti u bir-reqqa mhux biss tal-proġetti kkonċernati iżda wkoll tal-aġenziji li jipprovduhom, u l-ħruġ ta' rapporti regolari dwar l-istat ta' progress ta' din il-miżura kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
S. billi l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ hija għodda essenzjali għat-twassil ta' appoġġ immirat lejn iż-żgħażagħ li huma barra min-NEETs;
Kooperazzjoni, parteċipazzjoni, sħubiji
1. Jinnota li l-iżvilupp tal-ħiliet individwali u t-tixrid tat-tagħrif u tal-ħiliet huma wieħed mill-elementi ewlenin tal-politiki tal-impjieg u soċjali integrati u li jistgħu jippermettu l-istabbiliment tat-tkabbir fit-tul, l-ixprunar tal-kompetittività tal-Ewropa, il-ġlieda kontra l-qgħad u l-bini ta' soċjetà Ewropea aktar inklużiva, jekk il-politiki għall-iżvilupp tal-ħiliet jirrikonoxxu l-ħtiġijiet u l-ħiliet fuq bosta saffi taż-żgħażagħ qiegħda; ifakkar li l-iżvilupp tal-ħiliet se jibqa' mingħajr effett jekk il-ħolqien tal-impjiegi u l-protezzjoni xierqa ta' sigurtà soċjali ma jiġux indirizzati b'mod parallel;
2. Jenfasizza li "spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment" hija prijorità essenzjali tal-Kummissjoni u li, fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2015, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu inizjattivi prattiċi biex tippromwovi l-integrazzjoni u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol, u b'mod partikolari miżuri biex tagħti appoġġ lill-Istati Membri sabiex idaħħlu ż-żgħażagħ fix-xogħol; itenni li l-Parlament ippropona regolarment soluzzjonijiet differenti li jenfasizzaw li l-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu fost l-ogħla prijoritajiet politiċi għall-UE;
3. Ifakkar li l-involviment taż-żgħażagħ, tal-partijiet interessati, tal-organizzazzjonijiet u tas-sħab soċjali fl-ixprunar tal-żvilupp, l-implimentazzjoni, il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni ta' inizjattivi rilevanti mmirati lejn l-appoġġ għall-impjieg taż-żgħażagħ fil-livell tal-UE, nazzjonali u lokali huwa tal-ogħla importanza;
4. Jirrimarka li, min-naħa waħda, hemm 24 miljun persuna qiegħda fl-Ewropa, inkluż 7.5 miljun żagħżugħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u min-naħa l-oħra hemm 2 miljun post vakanti fl-UE; jinnota li hemm ħafna żgħażagħ qiegħda kwalifikati żżejjed li l-ħiliet tagħhom ma jaqblux mad-domanda tas-suq tax-xogħol; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jinbnew sħubijiet bejn l-awtoritajiet lokali, is-servizzi tal-edukazzjoni u tal-impjiegi - kemm dawk ewlenin kif ukoll dawk speċjalizzati - u s-sħab soċjali u l-komunità tan-negozji biex jappoġġjaw il-ħolqien, l-implimentazzjoni u l-monitoraġġ tal-istrateġiji tal-impjiegi sostenibbli fuq terminu qasir u twil, inklużivi u ta' kwalità u pjanijiet ta' azzjoni; jappella għall-kooperazzjoni u interazzjoni mill-qrib u strutturali bejn l-edukazzjoni fl-iskola u vokazzjonali, l-amministrazzjoni pubblika, in-negozju, is-soċjetà ċivili, speċjalment l-organizzazzjonijiet tal-istudenti u taż-żgħażagħ, bil-ħsieb li l-ħiliet jitqabblu aħjar mal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, inkluż permezz ta' opzjonijiet tat-tieni possibbiltà, sabiex tiġi massimizzata l-kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ; jenfasizza li dan it-titjib fil-kooperazzjoni huwa kruċjali wkoll għal implimentazzjoni effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ;
5. Jilqa' l-għodod għall-iżvilupp tal-ħiliet u t-tbassir ta' ħtiġijiet ta' ħiliet proposti mill-Kummissjoni; jenfasizza l-fatt li l-iżvilupp tal-ħiliet għandu jħeġġeġ l-iżvilupp tal-ħiliet STEM, li fl-ekonomija huma utli b'mod wiesa'; jenfasizza, madankollu, li huma meħtieġa azzjoni u investiment aktar ambizzjużi; jemmen li, sabiex jiġu previsti l-ħtiġijiet ta' ħiliet futuri, il-partijiet interessati kollha tas-suq tax-xogħol iridu jkunu involuti b'mod qawwi fil-livelli kollha;
6. Jistieden lill-Istati Membri, il-gvernijiet reġjonali u l-awtoritajiet lokali jadottaw u jimplimentaw, flimkien mas-sħab soċjali u l-fornituri tat-taħriġ, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-istrateġiji ta' antiċipazzjoni bl-għan tat-titjib tal-ħiliet ġeneriċi, settorjali u speċifiċi għall-okkupazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, l-importanza ta' sħubijiet u ta' fiduċja bejn l-istituzzjonijiet edukattivi, in-negozji, is-sħab soċjali u l-awtoritajiet;
7. Jenfasizza r-rwol li għandhom l-istituzzjoniijet ta' edukazzjoni għolja fl-iżvilupp tal-għarfien u l-kompetenzi li jeħtieġu l-gradwati sabiex jagħmlu suċċess fis-suq tax-xogħol;
8. Jenfasizza r-rwol essenzjali ta' għalliema u persunal tat-taħriġ li jkunu kompetenti fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola, speċjalment fiż-żoni sottożviluppati, u biex itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jenfasizza li l-għalliema għandhom bżonn li jkunu appoġġjati aħjar mill-iskejjel, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, il-komunitajiet lokali u l-politiki edukattivi, pereżempju permezz ta' taħriġ aktar effiċjenti u aġġornat f'ħiliet ġodda, bħalma huma l-ħiliet intraprenditorjali u tal-ICT, il-promozzjoni tat-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki, u aċċess aktar faċli għal opportunitajiet ta' taħriġ u t-titjib tas-sistemi ta' ETV kontinwi; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja għall-għalliema; jopponi bis-saħħa kwalunkwe tnaqqis fil-baġits tal-edukazzjoni, speċjalment meta dawn ikunu kombinati ma' tnaqqis fil-boroż ta' studju u fl-għotjiet u maż-żieda tat-tariffi edukattivi;
9. Jinkoraġġixxi l-integrazzjoni ta' metodi ġodda ta' tagħlim u taħriġ, żviluppati mill-għalliema bħala rispons għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-klassi;
10. Jenfasizza li l-fornituri tal-edukazzjoni u t-taħriġ u l-kumpaniji għandhom jaħdmu flimkien biex ifasslu kwalifiki li jirriflettu b'mod preċiż il-ħiliet attwali li l-gradwati jkunu kisbu matul ħajjithom;
11. Jenfasizza l-importanza li jiġu involuti impjegaturi żgħażagħ innovattivi fid-djalogu li għaddej bejn l-istituzzjonijiet edukattivi u l-impjegaturi fi sforz sabiex jitfasslu aħjar l-edukazzjoni u t-taħriġ speċjalizzat għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; jilqa' u jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' konsulenza maħsuba biex iħejju liż-żgħażagħ għall-impjiegi futuri;
12. Jenfasizza l-importanza tal-kapaċità amministrattiva u tal-aġenziji tal-impjieg li jiffunzjonaw; jitlob għat-tisħiħ tal-prinċipju tas-sħubija bejn l-awtoritajiet pubbliċi u s-soċjetà ċivili kif ukoll għall-provvediment tat-taħriġ rilevanti lill-awtoritajiet lokali u reġjonali u partijiet interessati oħra sabiex jiġi żgurat l-użu tal-fondi Ewropej b'mod aktar effikaċi u strateġiku; jitlob ukoll li l-gvernijiet ikunu aktar ambizzjużi u jagħmlu sforzi fl-antiċipazzjoni tal-ħtiġijiet taż-żgħażagħ, tal-kumpaniji u tas-soċjetà ċivili kif ukoll l-entitajiet edukattivi u tat-taħriġ, billi jimplimentaw b'aktar ħeffa l-programmi operattivi għall-impjieg u billi jimmonitorjaw il-progress miksub;
13. Jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni transettorjali mill-qrib, b'mod partikolari bejn is-servizzi ta' impjieg u tal-edukazzjoni;
14. Ifakkar li l-politiki għandhom jiffukaw fuq l-għoti ta' għajnuna lin-NEETs, inklużi dawk li m'għadhomx involuti, biex ikomplu l-edukazzjoni tagħhom jew jintegraw fis-swieq tax-xogħol;
15. Jinnota li l-fondi Ewropej, jekk użati b'mod aktar effiċjenti u strateġiku, jistgħu jirrappreżentaw strument straordinarju għat-tkabbir u l-iżvilupp tal-universitajiet u tan-negozji; jitlob li jintużaw aktar riżorsi ekonomiċi għat-tixrid ta' informazzjoni dwar l-istrumenti ta' finanzjament Ewropej, kif ukoll biex fl-universitajiet u fin-negozji jiżdiedu l-għarfien u l-ħiliet meħtieġa għat-tiftix ta' fondi, għall-istudju u għall-ġestjoni tal-proġetti ta' finanzjament;
16. Jenfasizza li, biex tiġi żgurata l-kwalità tal-użu tal-fondi tal-UE, huwa importanti ħafna li tiġi implimentata sistema ta' superviżjoni u monitoraġġ tal-użu ta' dawn ir-riżorsi;
17. Jitlob li jkun hemm premju tal-UE għall-aħjar proġetti fil-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ, li jistgħu jkunu marbuta mal-konkors pan-Ewropew "Premju Ewropew taż-Żgħażagħ" u mal-Premju Ewropew "Għall-impjieg taż-żgħażagħ fl-Ekonomija Soċjali"; jistieden lill-Kummissjoni tagħti viżibbiltà lil dawn l-inizjattivi sabiex tqajjem is-sensibilizzazzjoni u toqrob lejn il-ħtiġijiet taċ-ċittadini; jenfasizza, madankollu, il-ħtieġa għal responsabbiltà baġitarja u jitlob, għaldaqstant, biex dawn l-inizjattivi jiġu ffinanzjati mill-baġit eżistenti;
18. Jitlob Strateġija tal-Ħiliet Ewropea li tkun tħares 'il quddiem u tkun orjentata lejn ir-riżultati biex tiggwida l-istrateġiji tal-ħiliet nazzjonali u tintegrahom fil-Pjanijiet Nazzjonali dwar l-Impjiegi filwaqt li tipprovdi qafas komprensiv għall-pjanijiet ta' azzjoni settorjali proposti fil-pakkett tal-impjiegi;
19. Jistieden lill-Istati Membri jaġixxu, kemm jista' jkun malajr, fuq ir-rakkommandazzjonijiet relatati mal-edukazzjoni u mas-suq tax-xogħol u speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew u rakkomandazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni;
20. Jirrimarka li, biex jitnaqqsu r-riskji ta' tluq bikri mill-iskola, huwa indispensabbli li mmorru lil hinn mill-politiki ta' awsterità;
L-SMEs u l-intraprenditorija
21. Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-intrapriżi, inklużi l-SMEs, l-atturi tal-ekonomija soċjali u ta' solidarjetà u l-mikrointrapriżi fit-taħriġ tal-ħiliet fuq ix-xogħol u fil-ħolqien ta' impjiegi għaż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li ż-żgħażagħ jiġu pprovduti b'edukazzjoni li tippreparahom għall-intrapenditorija bl-aktar mod wiesa'; jinkoraġġixxi l-inklużjoni fil-kurrikuli tal-iżvilupp f'ambjent sikur tal-ħiliet vokazzjonali meħtieġa fil-bidu u fil-ġestjoni tan-negozji kif ukoll fit-trawwim tal-kompetenza intraprenditorjali trażversali, il-ħiliet u t-tagħrif, li jiġu mwassla b'mod effikaċi permezz ta' esperjenzi attwali u reali; jissuġġerixxi li l-intraprenditorija tista' tiġi mgħallma fuq firxa ta' diversi suġġetti jew bħala suġġett separat u jenfasizza l-ħtieġa għal aċċess għal traineeships ta' kwalità għolja u ta' taħriġ professjonali tul u wara l-istadju universitarju tal-edukazzjoni; jenfasizza li l-kisba ta' ħiliet demokratiċi u ta' xogħol f'tim, li wieħed jitgħallem jerfa' r-responsabbiltà u li jiġu analizzati sitwazzjonijiet, huma parti mit-tagħlim tul il-ħajja li jappoġġja ċittadinanza attiva; jiġbed l-attenzjoni għall-opportunitajiet u l-vantaġġi li jkun hemm aktar nies (pereżempju imprendituri żgħażagħ ta' suċċess, NGOs li l-għan tagħhom huwa li jippromwovu l-intraprenditorija) involuti fl-għoti ta' edukazzjoni dwar l-intraprenditorija;
22. Ifakkar li l-appoġġ lill-intraprenditorija, fehim tal-ekonomija u t-trawwim ta' sens ta' responsabbiltà u inizjattiva huma fatturi importanti fil-promozzjoni ta' approċċ attiv lejn il-karriera tal-individwu; jemmen li hija r-responsabbiltà tal-korpi pubbliċi, il-qasam tal-edukazzjoni, in-negozji u s-soċjetà ċivili, li jippromwovu l-intraprenditorija; itenni l-ħtieġa li tiġi żviluppata l-mobilità bejn in-negozji; itenni r-rwol tal-istituzzjonijiet finanzjarji fin-negozji ġodda u l-aċċess għall-iffinanzjar u jitlob għal investiment, żvilupp tal-ħiliet u tbassir fis-setturi emerġenti u potenzjali, inklużi teknoloġiji nodfa u impjiegi ekoloġiċi, billi dawn għandhom potenzjal kbir biex joħolqu impjiegi ta' kwalità;
23. Jenfasizza li l-ħiliet intraprenditorjali jistgħu jinkisbu wkoll permezz ta' programmi ta' żvilupp tal-ħiliet organizzati barra mis-sistema tal-edukazzjoni ġenerali u li dawn il-programmi jistgħu jinkludu attivitajiet ta' coaching u mentoring mogħtija minn għalliema bl-esperjenza, imprendituri u esperti fil-qasam tan-negozju li jiffaċilitaw mhux biss l-għoti ta' għarfien, pariri u informazzjoni prezzjużi dwar in-negozju lil imprendituri potenzjali, iżda wkoll jippermettu li dawn tal-aħħar jiżviluppaw netwerks prezzjużi ta' kuntatti ma' intrapriżi eżistenti u ma' imprendituri li kieku setgħu jieħdu żmien twil biex jitwettqu;
24. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ffaċilitati r-rekwiżiti amministrattivi u finanzjarji eżistenti għall-bidu u l-ġestjoni tan-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-proċeduri, aċċess aktar faċli għal kreditu, kapital ta' riskju u mikrofinanzjament għal negozji li jkunu għadhom kemm fetħu, aċċess garantit għall-internet b'veloċità għolja, pariri multidixxiplinari mfassla apposta, l-introduzzjoni ta' miżuri ta' inċentivi għall-imprendituri li jimpjegaw liż-żgħażagħ qiegħda meta dan ikun possibbli; jenfasizza l-importanza tal-mikrofinanzjament u l-programm tal-UE għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI), kif ukoll il-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, biex jinkisbu dawn l-għanijiet; jenfasizza l-ħtieġa għall-ħolqien ta' punti uniċi ta' servizz biex jittrattaw il-proċeduri amministrattivi rilevanti kollha marbuta mat-twaqqif u l-amministrazzjoni ta' negozju; ifakkar li r-rekwiżiti amministrattivi kollha għandhom jieħdu kont tar-rispett lejn id-drittijiet tal-ħaddiema;
25. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jieħdu sehem fil-programm Erasmus għall-Imprendituri Żgħażagħ u jippromovuh fost iż-żgħażagħ li jixtiequ jidħlu għal proġetti intraprenditorjali, sabiex dawn ikunu jistgħu jiksbu esperjenza barra minn pajjiżhom u jiksbu ħiliet ġodda li jgħinuhom iwettqu l-pjanijiet intraprenditorjali tagħhom;
26. Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-iktar setturi intraprenditorjali u li jikbru malajr, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħidma f'tim u l-inġenjożità fl-użu tar-riżorsi; jirrikonoxxi li s-setturi tal-arti u tal-midja għandhom appell partikolari għaż-żgħażagħ;
27. Ifakkar fil-ġid ta' impjiegi marbutin ma' ħiliet tradizzjonali, li ta' spiss ma jistgħux jiġu rilokati xi mkien ieħor, li, barra minn hekk, jgħinu biex jistimulaw l-ekonomiji lokali u huma ta' interess kulturali; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżguraw, għalhekk, li s-snajja' u l-professjonijiet b'elementi tradizzjonali u kulturali jiġu ppreservati u jiġu mgħoddija b'mod effikaċi lill-ġenerazzjonijiet iżgħar permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi speċjalizzati;
28. Jitlob għall-ħolqien ta' kundizzjonijiet favorevoli għall-ekonomija soċjali bil-għan li jiġu kombinati l-ħolqien tal-impjiegi għaż-żgħażagħ u l-iżvilupp tal-kapital soċjali; jappella għall-inklużjoni aħjar tal-intrapriżi soċjali u tal-ekonomija tas-solidarjetà fil-pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali u Ewropej għall-impjieg, l-iżvilupp tal-ħiliet u l-integrazzjoni soċjali bil-għan li jinfetaħ u jiġi sfruttat bis-sħiħ il-potenzjal ta' ħolqien ta' impjieg tagħhom u l-kontribut tagħhom għall-ilħuq tal-miri tal-Istrateġija UE 2020;
29. Ifakkar li l-impjegaturi u l-imprendituri għandhom rwol importanti fit-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u f'li jipprovdu apprendistati u li dan għandu jiġi appoġġjat u żviluppat aktar;
30. Jirrimarka li l-politiki għall-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ jeħtieġu ppjanar fuq żmien medju u fit-tul; jenfasizza li l-politiki għall-promozzjoni tal-intraprenditorija għandhom iqisu l-ħtiġijiet differenti ta' kull Stat Membru;
31. Jitlob appoġġ effikaċi ta' proġetti intraprenditorjali soċjalment responsabbli, ekoloġiċi u sostenibbli kif ukoll il-promozzjoni ta' mudelli alternattivi sostenibbli bħal kooperattivi, li jkunu bbażati fuq proċess ta' deċiżjonijiet demokratiċi u li jippruvaw ikollhom impatt fuq il-komunità lokali;
Ħiliet għall-impjegabbiltà
32. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jittejbu l-kwalifiki u l-motivazzjoni tal-konsulenti li jaħdmu fl-aġenziji tal-impjiegi pubbliċi, sabiex ikunu jistgħu jirrispondu b'mod proattiv għall-ħtiġijiet tal-persuni żgħażagħ li qed ifittxu impjieg, jgħinuhom jiksbu kwalifiki addizzjonali u jidentifikaw il-ħiliet li għandhom bżonn għas-suq tax-xogħol;
33. Ifakkar li gwida u appoġġ edukattivi ta' kwalità tajba u mfassla apposta fl-istadji kollha tal-edukazzjoni u tat-taħriġ huma meħtieġa u jistgħu jnaqqsu r-riskju ta' tluq bikri mill-iskola kif ukoll jgħinu biex jingħelbu d-diffikultajiet fl-aċċess għas-suq tax-xogħol; jenfasizza li din il-gwida dwar il-karriera għandha tkun ankrata fil-kurrikuli u trid tiġi pprovduta f'kooperazzjoni mal-atturi ekonomiċi u l-aġenziji tal-impjieg; ifakkar li t-tagħlim tal-lingwi u l-litteriżmu diġitali huma fundamentali;
34. Jirrimarka dwar in-nuqqas ta' gwida għall-karrieri ta' kwalità għolja fl-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li titjieb il-kwalità ta' gwida għall-karrieri fl-iskejjel u li jingħata taħriġ professjonali kontinwu għall-konsulenti tal-karrieri sabiex ikunu kkwalifikati sew biex jgħinu lill-istudenti jagħżlu karriera xierqa;
35. Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw l-aħjar prattiki fis-sistema ta' gwida għal karriera fl-iskejjel fejn l-istudenti jiġu mmonitorjati minn stadju bikri tal-iskola sal-ewwel passi fis-suq tax-xogħol;
36. Jenfasizza l-importanza ta' monitoraġġ regolari tal-ħtiġijiet tal-ħiliet futuri u jħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Istati Membri u l-partijiet interessati rilevanti kollha biex jaqsmu prattiki tajba f'dan ir-rigward u jiżviluppaw iżjed l-għodod ta' monitoraġġ u tbassir;
37. Jilqa' t-trasformazzjoni tas-sit elettroniku eżistenti tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE, li jipprovdi punt ta' aċċess ċentrali aktar komprensiv u faċli għall-utent għall-informazzjoni u l-għarfien dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet fl-okkupazzjonijiet u s-setturi fl-UE u li jgħin lil dawk li jfasslu l-politika, l-esperti, l-aġenziji tal-impjiegi, il-konsulenti tal-karrieri u l-individwi sabiex jieħdu deċiżjonijiet aħjar u aktar infurmati;
38. Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu skambju tal-prattiki tajba fl-edukazzjoni vokazzjonali u fl-iżvilupp tat-taħriġ permezz tal-ħiliet, fejn b'hekk jiġi żgurat aktar aċċess għas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ, u jirrevedu l-programmi ta' taħriġ b'tali mod li jantiċipaw il-ħtiġijiet tas-suq fejn meħtieġ; jenfasizza l-importanza ta' kodifikazzjoni u ħiliet elettroniċi prattiċi u intraprenditorjali bħala indispensabbli għall-iżvilupp professjonali fis-seklu 21; jindika l-importanza tal-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni dwar l-Intraprenditorija 2020 u l-istrateġija tal-Ħiliet Elettroniċi tal-UE; ifakkar li l-gwida tul il-ħajja dwar l-iżvilupp tal-karriera professjonali għandha tkun disponibbli tul il-ħajja tax-xogħol kollha biex iżżomm u tiżviluppa l-ħiliet u l-għarfien tal-individwu;
39. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġjaw il-possibbiltajiet ta' mobilità professjonali fost iż-żgħażagħ li qed jagħmlu apprendistat, biex ikunu jistgħu jiżviluppaw il-ħiliet tagħhom permezz ta' kuntatt ma' sistemi oħra ta' taħriġ u tipi oħra ta' negozji, iżda wkoll biex jagħtuhom l-opportunità li jipprattikaw lingwa barranija, li se jgħinuhom jidħlu b'mod permanenti fis-suq tax-xogħol;
40. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' "ħiliet personali", li jagħmlu aktar faċli n-negozjar b'suċċess fis-suq tax-xogħol u l-iżvilupp ta' karriera professjonali, u li huma komplement essenzjali għall-għarfien u l-esperjenza professjonali;
41. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi promoss it-tagħlim mhux formali u informali, li jinkludi l-volontarjat, u li huwa riżorsa imprezzabbli fl-għajnuna għaż-żgħażagħ li jiksbu l-ħiliet meħtieġa għall-ħajja tax-xogħol;
42. Ifakkar li t-tagħlim mhux formali u informali huwa kruċjali għall-iżvilupp tal-ħiliet personali bħal ħiliet fil-komunikazzjoni u fit-teħid ta' deċiżjonijiet; jitlob, għaldaqstant, għal investiment f'opportunitajiet inklużivi għal tagħlim mhux formali u informali u għar-rikonoxximent tal-impatt u l-valur tal-esperjenza, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba;
43. Iħeġġeġ l-istabbiliment ta' sistema ta' taħriġ u ta' studji, li tadotta approċċi innovattivi iżda aċċessibbli, u li tiffoka fuq l-iżvilupp tal-ħiliet bażiċi kif ukoll il-kapaċitajiet intellettwali u tekniċi;
44. Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata aktar l-għodda EURES, speċjalment fiż-żoni tal-fruntieri, biex iż-żgħażagħ ikunu inkoraġġuti jieħdu interess f'offerti ta' xogħol, traineeships jew apprendistati barra mill-pajjiż, u jkunu appoġġjati fil-proġetti ta' mobilità tagħhom billi jiġu pprovduti b'assistenza u pariri fil-proġetti tagħhom;
45. Ifakkar li l-politiki dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet m'għandux ikollhom l-għan uniku li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq, iżda wkoll li jipprovdu lill-individwi bil-kompetenzi trażversali meħtieġa sabiex jiżviluppaw bħala ċittadini attivi u responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw il-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ jikkostitwixxu dritt fundamentali u li għandhom valur qawwi fihom infushom;
46. Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni olistika, pereżempju fil-forma ta' edukazzjoni ċivika, li għandha tkun parti integrali mill-flussi kollha tal-edukazzjoni u tista' tgħin biex tipprepara liż-żgħażagħ fit-tranżizzjoni għall-ħajja tax-xogħol;
47. Jenfasizza l-importanza tal-bini tal-kapaċità tal-istudenti li jitgħallmu u l-ħtieġa li jiġu pprovduti bi strateġiji tat-tagħlim effikaċi; jenfasizza li t-tagħlim dwar kif titgħallem jiffaċilita l-kisba tal-għarfien, il-ħiliet, l-attitudnijiet u l-aptitudnijiet li jippermettu lill-individwi jistabbilixxu, jippjanaw u jilħqu l-objettivi tat-tagħlim tagħhom stess u jsiru persuni li jitgħallmu awtonomi li jkunu kapaċi jiffaċċjaw it-tibdil intensiv fis-suq tax-xogħol;
48. Jenfasizza li l-prattika ta' sport tipprovdi lill-parteċipanti b'opportunitajiet biex jiżviluppaw firxa wiesgħa ta' ħiliet trażversali li jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom kif ukoll tgħinhom biex jirnexxu bħala mexxejja u biex jilħqu l-għanijiet tagħhom; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rabta bejn l-isports, l-impjegabbiltà, l-edukazzjoni u t-taħriġ;
49. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tnaqqis fil-punteġġi osservati fl-aħħar stħarriġ tal-PISA (Programm għall-Valutazzjoni Internazzjonali tal-Istudenti) f'xi Stati Membri tal-Unjoni Ewropea; jistieden lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità għolja lill-edukazzjoni sabiex jintlaħqu l-miri tal-Istrateġija Ewropa 2020;
50. Jenfasizza li t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol u l-apprendistati formattivi ta' kwalità għolja, imsaħħa bi sħubiji bejn l-iskejjel, l-istituzzjonijiet ta' taħriġ u l-kumpaniji, huma modi kif jista' jittejjeb l-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, u użu aħjar ta' dawn l-opportunitajiet jista', permezz tat-titjib tal-orjentazzjoni għall-karriera, ikabbar l-għadd ta' kandidati potenzjali għall-postijiet battala u jttejjeb ukoll l-istat ta' tħejjija tagħhom għax-xogħol; jinnota s-suċċess ta' dawn il-miżuri f'xi Stati Membri; jissuġġerixxi li l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam tista' tikkontribwixxi għat-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ; jenfasizza li persuni f'taħriġ li huma żvantaġġati jeħtieġu appoġġ speċjali, bħal pereżempju tagħlim addizzjonali u korsijiet ta' rimedju, u assistenza għan-negozji fl-isforz tagħhom biex jegħlbu l-kompiti amministrattivi u organizzazzjonali;
51. Jenfasizza l-valur ta' apprendistati ta' kwalità għolja fis-setturi kollha tal-impjieg u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jħeġġu lin-nisa biex jidħlu f'apprendistati u okkupazzjonijiet li tradizzjonalment huma ddominati mill-irġiel;
52. Jenfasizza li tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni għall-impjieg għandha tiġi promossa billi l-edukazzjoni teoretika tiġi marbuta ma' taħriġ prattiku u l-ħiliet ta' impjegabbiltà jiġu integrati fil-kurrikulu akkademiku ewlieni, u jiġu provduti internships ta' kwalità għolja kif stipulat fil-Karta Ewropea tal-Kwalità tal-Internships u l-Apprendistati kif ukoll permezz tar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba matul edukazzjoni formali u mhux formali, jew waqt l-esperjenzi ta' volontarjat; jenfasizza li l-internships/traineeships ta' kwalità għolja dejjem għandu jkollhom riżultati ċari ta' tagħlim u li l-apprendisti ma għandhomx jiġu sfruttati;
53. Ifakkar li t-traineeships u l-apprendistati ta' kwalità għolja li jirriflettu l-ħtiġijiet attwali għandhom iwasslu għall-impjieg u li t-traineeships għandhom jippreparaw lill-apprendistati għal xogħol, u jikkundanna kwalunkwe abbuż inklużi t-traineeships foloz li jxekklu l-akkwist mill-ħaddiema tad-drittijiet tas-sigurtà soċjali; jenfasizza li t-traineeships għandhom iwasslu għal aktar ħiliet u impjegabbiltà; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri dissważivi biex jipprevjenu l-abbuzi tal-istatus tat-traineeships u jintensifikaw il-kampanji ta' informazzjoni dwar id-drittijiet tal-apprendistati;
54. Jilqa' l-Qafas tal-Kwalità għat-Traineeships u l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati; jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni timmonitorja mill-qrib l-implimentazzjoni tagħhom fl-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati tippromwovi l-aċċess għall-apprendistati għaż-żgħażagħ billi titlob għat-tneħħija tal-ostakoli bħat-tariffi tal-edukazzjoni għall-apprendisti;
55. Ifakkar, fir-rigward tal-kompetenzi tal-Istati Membri f'dan il-qasam, li l-mudell duwali tal-edukazzjoni u l-kisba ta' ħiliet prattiċi, soċjali u ta' komunikazzjoni huma ta' importanza kbira; jenfasizza li l-ħiliet soċjetali u ta' komunikazzjoni jistgħu jgħinu fil-kunfidenza taż-żgħażagħ u jagħmluha aktar faċli għalihom biex jidħlu fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li l-mudell duwali jrid jiġi mmirat lejn il-kuntest soċjali, ekonomiku u kulturali ta' kull pajjiż u m'għandux jitqies bħala l-unika sistema korretta tal-ETV; jitlob, għaldaqstant, għar-rikonoxximent u t-tisħiħ tat-tagħlim duwali fil-livelli kollha;
56. Jitlob għat-titjib fil-kooperazzjoni bejn l-istituzzjonijiet tal-edukazzjoni - kemm fil-livell vokazzjonali kif ukoll f'dak ta' livell ogħla - u l-imprendituri fl-iżvilupp ta' kurrikuli aġġustati għall-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;
57. Ifakkar il-vantaġġi ta' approċċ flessibbli ffukat fuq l-istudenti għall-edukazzjoni li jagħmilha possibbli li tinbidel jew li tiġi adattata d-direzzjoni ta' studju konformi mal-ħtiġijiet tal-istudenti u ma torbothomx mal-għażla inizjali tagħhom;
58. Iwissi lill-Istati Membri kontra t-tixrid fit-tipi ta' kuntratti offruti liż-żgħażagħ; jitlob li ssir aktar riflessjoni f'dan ir-rigward sabiex tiżdied l-effikaċja;
59. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-attraenza tal-programmi u tal-istudji STEM sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti f'dan il-qasam; jenfasizza, madankollu, li l-umanitajiet u l-għarfien umanistiku ġenerali huma indispensabbli biex isir użu effikaċi tal-opportunitajiet imressqa mid-dixxiplini STEM u għalhekk għandhom jingħataw appoġġ effikaċi fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħhom u għandhom rwol espliċitu fl-iżvilupp tal-kurrikuli; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu approċċ transsettorjali bejn oqsma differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet edukattivi, bħall-programmi konġunti li jinvolvu l-arti, ix-xjenza, l-ICT, l-inġinerija, in-negozju u oqsma rilevanti oħrajn;
60. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex b'urġenza jinkorporaw teknoloġiji ġodda fil-proċess tat-tagħlim, u jintensifikaw u jtejbu t-taħriġ fl-ICT u fil-ħiliet diġitali fil-livelli kollha u fit-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż għall-persunal tat-tagħlim, sabiex jiġu pprovduti lawrji u kurrikuli iktar allinjati b'mod diġitali u biex iż-żgħażagħ jiġu motivati jistudjaw l-ICT u jsegwu karrieri relatati; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena bażi teknoloġika aħjar fl-iskejjel u fl-universitajiet u biex tiġi pprovduta l-infrastruttura meħtieġa; jenfasizza, barra minn hekk, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-riżorsi edukattivi miftuħa (OERs), li jiżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u jtejbu l-impjegabbiltà billi jappoġġjaw il-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja; ifakkar fil-ħtieġa li l-bniet u n-nisa żgħażagħ jiġu inkoraġġuti jsegwu l-istudji fl-ICT;
61. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati miżuri biex iħeġġu lill-bniet jinvolvu ruħhom f'suġġetti STEM u li jiġu stabbiliti gwidi għall-karrieri ta' kwalità biex jiġu appoġġjati fl-issoktar tal-karrieri professjonali tagħhom f'dan il-qasam billi n-nisa, fil-parti l-kbira tagħhom, għadhom mhux rappreżentati biżżejjed fi professjonijiet relatati ma' STEM, u jikkostitwixxu biss 24 % tal-professjonijiet fl-oqsma tax-xjenza u l-inġinerija u billi l-okkupazzjonijiet STEM huma mal-ewwel 20 fil-lista ta' postijiet battala konċentrati fl-Istati Membri;
62. Jirrimarka li, minkejja r-rati għoljin ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'uħud mill-Istati Membri u ta' postijiet ta' impjiegi battala f'oħrajn, il-mobilità intra-UE għadha baxxa; ifakkar, għaldaqstant, l-importanza tal-mobilità tal-ħaddiema għal suq tax-xogħol kompetittiv, u jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-ostakoli lingwistiċi u kulturali li aktarx irażżnuha, billi jipprovdu korsijiet lingwistiċi speċifiċi għas-settur u taħriġ dwar il-komunikazzjoni interkulturali għall-persuni qiegħda;
63. Jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqas ta' ħiliet u t-tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet billi jiġu promossi u faċilitati l-mobilità ta' min jitgħallem, kif ukoll ir-rikonoxximent transfruntier tal-kwalifiki, permezz ta' użu aħjar tal-għodod u programmi kollha tal-UE, bħall-Erasmus+, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, is-CV tal-Europass, il-Pass tal-Ħiliet Intraprenditorjali, il-EURES, l-Alleanzi tal-Għarfien, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta' Krediti, l-Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) u s-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET); jenfasizza l-importanza tal-ESCO, li tidentifika u tikkategorizza l-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f'25 lingwa Ewropea; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tat-trasferibbiltà adegwata tad-drittijiet soċjali fi ħdan l-Unjoni u jtenni l-importanza tal-Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew u l-EURES f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu korsijiet ta' taħriġ b'mod partikolari f'setturi fejn hemm diskrepanzi partikolari bejn il-provvista u d-domanda;
64. Jinkoraġġixxi l-użu mill-aħjar tal-finanzjamenti eżistenti tal-UE bħall-programm Erasmus+ fl-istimolu tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi trażversali fost iż-żgħażagħ sabiex il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE jiġi indirizzat b'mod aktar effikaċi;
65. Jindika l-Erasmus+ bħala strument ewlieni għall-iżgurar tal-kwalità tal-ETV madwar l-UE u jħeġġeġ l-iskambji internazzjonali għal skopijiet ta' taħriġ professjonali;
66. Ifakkar li l-implimentazzjoni effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ tista' tgħin ukoll biex ittejjeb l-opportunitajiet tas-suq tax-xogħol għaż-żgħażagħ billi jingħelbu d-defiċits edukattivi u billi tipprovdi l-ħiliet rilevanti għall-ħtiġijiet ta' suq tax-xogħol u ekonomija sostenibbli, u tista' toffri esperjenza ta' xogħol ta' valur u tiffaċilita l-istabbiliment ta' negozji ta' suċċess; jirrimarka li, għal dak il-għan, l-ivvalutar tal-ħtiġijiet reali tal-impjiegi taż-żgħażagħ u tal-oqsma veri ta' żvilupp tax-xogħol huwa indispensabbli, bħal pereżempju l-ekonomija soċjali u l-ekonomija ekoloġika, dan kollu flimkien ma' monitoraġġ kostanti u bir-reqqa mhux biss tal-proġetti kkonċernati iżda wkoll tal-aġenziji li jipprovduhom, u l-ħruġ ta' rapporti perjodiċi dwar l-istat ta' progress ta' dawn il-miżuri kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ;
67. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ssimplifikati l-miżuri amministrattivi għall-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-urġenza li jitneħħa kull ostaklu burokratiku li jista' jillimita l-effikaċja tagħha;
68. Jilqa' d-deċiżjoni reċenti mill-koleġiżlaturi tal-UE dwar iż-żieda fil-prefinanzjament għall-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ, li timmira sabiex twitti l-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva importanti għar-reġjuni u l-istati li qed jiffaċċjaw diffikultajiet finanzjarji; jistieden lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jużaw il-fondi disponibbli biex iwettqu t-titjib meħtieġ u joħolqu soluzzjonijiet sostenibbli minflok ad hoc; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw malajr u b'mod effikaċi l-Programmi Operattivi tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;
Opportunitajiet indaqs
69. Jenfasizza li l-iżvilupp tal-ħiliet, jekk imwettaq bħala kunċett integrat, jista' jsir mekkaniżmu li jwassal għal u jippromwovi opportunitajiet indaqs għall-persuni minn gruppi żvantaġġati, inklużi minoranzi żvantaġġati, b'mod partikolari għat-tfal u ż-żgħażagħ minn familji milquta mill-faqar, dawk li ilhom qiegħda għal żmien twil, l-immigranti żvantaġġati u persuni b'diżabilitajiet; jenfasizza li l-prevenzjoni u l-appoġġ tul il-ħajja u l-għoti ta' pariri fl-aktar stadju bikri possibbli għall-gruppi żvantaġġati huma ta' importanza kbira biex tiġi pprovduta forza tax-xogħol produttiva u b'ħiliet għoljin għas-suq tax-xogħol; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu pprovduti appoġġ u żvilupp tal-ħiliet permezz ta' taħriġ għall-impjegaturi, dawk li jagħmlu r-reklutaġġ u l-maniġers tar-riżorsi umani, biex jingħata appoġġ lill-inklużjoni ta' gruppi żvantaġġati fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li, biex ikun hemm inklużjoni ta' dawk l-aktar żvantaġġati, irid jiġi provdut taħriġ xieraq lill-impjegaturi, lit-timijiet tar-riżorsi umani u lill-għalliema, sabiex l-aktar żvantaġġati fis-soċjetà jiġu appoġġjati bl-aħjar mod possibbli biex b'hekk l-integrazzjoni tagħhom tkun kemm jista' jkun effikaċi; itenni l-importanza tal-aċċess universali għall-edukazzjoni għal kulħadd;
70. Jenfasizza li l-iżvilupp tal-ħiliet ta' netwerking huwa importanti ħafna għaż-żgħażagħ kollha, iżda b'mod partikolari għal dawk b'esperjenza tax-xogħol limitata u dawk li ġejjin minn gruppi mhux rappreżentati biżżejjed u żvantaġġati; jisħaq li t-tagħlim tan-netwerking jista' jkun strateġija għall-faċilitazzjoni tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-karrieri u l-esplorazzjoni;
71. Jinnota li, waqt li n-nisa jirrappreżentaw il-parti l-kbira (60 %) tal-gradwati universitarji fl-Unjoni Ewropea, ir-rata ta' impjieg u t-trajettorji ta' promozzjoni tagħhom ma jirriflettux il-potenzjal sħiħ tagħhom; jenfasizza li l-kisba ta' tkabbir ekonomiku inklużiv u fit-tul tiddependi fuq li jitnaqqas id-distakk bejn dak li n-nisa jiksbu fl-edukazzjoni tagħhom u l-pożizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol, primarjament billi tingħeleb is-segregazzjoni orizzontali u vertikali;
72. Jenfasizza l-ħtieġa li l-aġenziji tal-impjiegi jagħmlu aktar biex jiżguraw li l-persuni b'diżabilità ma jinżammux fiżikament milli jaċċessaw is-servizzi tagħhom, skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità;
73. Jistieden lill-Istati Membri u l-Kummissjoni Ewropea jippromwovu l-aħjar prattiki u jappoġġjaw l-inklużjoni taż-żgħażagħ b'diżabilitajiet fl-edukazzjoni, inklużi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja, u l-impjieg, permezz ta' miżuri bħal investimenti f'inizjattivi ta' intraprenditorija soċjali li jappoġġjaw lil dawn iż-żgħażagħ, jew inċentivi finanzjarji għall-organizzazzjonijiet li jirreklutawhom;
74. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li l-persuni b'diżabilità jkollhom aċċess għal appoġġ u għotjiet finanzjarji, li għandhom ikunu parti integrali mill-programmi informattivi u edukattivi maħsuba biex jippromwovu l-intraprenditorija;
Ġenerazzjoni ġdida, opportunitajiet ġodda, sfidi ġodda
75. Jinnota li ż-żgħażagħ, imrobbija f'era ta' progress teknoloġiku mgħaġġel għandhom mhux biss potenzjal, talenti u ħiliet iżda wkoll valuri u prijoritajiet li huma differenti minn dawk ta' ġenerazzjonijiet preċedenti, u għalhekk huwa utli li tkun enfasizzata l-ħtieġa għal programmi u inizjattivi li jegħlbu d-distakk bejn il-ġenerazzjonijiet; jinnota li dan jgħin ukoll fil-fehim tal-assi tal-ġenerazzjoni żagħżugħa, bħall-multitasking, il-kreattività, il-mobilità, ir-rieda għall-bidla u, fuq kollox, ħidma f'tim; jenfasizza li s-sistemi edukattivi u ta' taħriġ għandhom ikunu flessibbli biżżejjed biex jippermettu l-iżvilupp sħiħ tal-ħiliet u t-talenti taż-żgħażagħ; jenfasizza, barra minn hekk, li l-persunal tas-servizzi tar-reklutaġġ u tal-impjiegi għandhom ikunu mħarrġa sew u mgħammra b'ħiliet li jagħtuhom fehim aħjar tal-ġenerazzjoni l-ġdida; jinnota wkoll li mhux iż-żgħażagħ kollha awtomatikament għandhom il-ħiliet u l-kompetenzi biex jissodisfaw id-domandi diġitali u jtenni, għaldaqstant, li l-għoti ta' aċċess u taħriġ ugwali lil kulħadd għat-tagħmir diġitali huwa aktar importanti minn qabel;
76. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Illum il-ġurnata, livell għoli u allarmanti ta' qgħad fost iż-żgħażagħ huwa wieħed mill-aktar problemi ta' sfida fl-UE, bi kważi 5 miljun żagħżugħ bla xogħol. Fl-istess ħin hemm 2 miljun post vakanti. Din is-sitwazzjoni tikkawża theddida serja għall-koeżjoni soċjali u l-iżvilupp ekonomiku tal-UE.
Fid-diskussjoni ta' din is-sitwazzjoni, għandhom jiġu kkunsidrati l-fatturi li ġejjin: il-globalizzazzjoni, il-bidliet demografiċi, il-kriżi ekonomika, teknoloġiji ġodda u bidliet fl-organizzazzjoni tax-xogħol.
Il-ħolqien ta' negozju u l-impjieg indipendenti jikkostitwixxu wkoll opportunità għall-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol.
L-iżvilupp tal-ħiliet bħala proċess multidimensjonali jeħtieġ approċċ olistiku u pass lil hinn mis-"sajlos" ta' politiki settorjali.
Minħabba l-bidliet fis-suq tax-xogħol hemm bżonn ta' sistemi ta' edukazzjoni aktar flessibbli li jippermettu l-ikkumplimentar u l-iżvilupp tal-għarfien u l-ħiliet fl-istadji kollha tal-karriera professjonali.
Hemm żewġ dimensjonijiet ta' ħiliet li jippermettu d-dħul fis-suq tax-xogħol u li wieħed jibqa' impjegat: il-kompetenzi ewlenin (adattabilità, tagħlim dwar kif titgħallem, inizjattiva u intraprenditorija, komunikazzjoni) u l-ħiliet speċifiċi relatati mal-karigi jew l-impjiegi partikolari.
Fl-istess ħin jeħtieġ li jkun hemm rabta (anke finanzjarja) bejn l-istituzzjonijiet li jipprovdu edukazzjoni ogħla u s-settur tal-ekonomija (l-industrija, is-servizzi).
Minħabba d-differenzi fis-swieq tax-xogħol tal-Istati Membri, hemm ukoll il-ħtieġa li jiġi ddeterminat liema livell ta' governanza għandu l-għodod l-aktar effikaċi fl-identifikazzjoni u d-deskrizzjoni tal-ħiliet meħtieġa.
19.10.2015
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
għall-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
dwar politiki dwar il-ħiliet għall-ġlieda kontra l-qgħad fost iż-żgħażagħ
Rapporteur għal opinjoni: Zdzisław Krasnodębski
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni jistieden lill-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li "spinta ġdida għall-impjiegi, it-tkabbir u l-investiment" hija prijorità essenzjali tal-Kummissjoni u li fil-Programm ta' Ħidma tagħha għall-2015, il-Kummissjoni impenjat ruħha li tieħu inizjattivi prattiċi biex tiġi promossa l-integrazzjoni u l-impjegabbiltà fis-suq tax-xogħol, u b'mod partikolari miżuri biex l-Istati Membri jingħataw l-appoġġ sabiex idaħħlu ż-żgħażagħ fix-xogħol; itenni li l-Parlament ippropona regolarment soluzzjonijiet differenti li jenfasizzaw li l-impjiegi għaż-żgħażagħ, l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom ikunu fost l-ogħla prijoritajiet politiċi għall-UE;
2. Iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw riformi strutturali urġenti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, iżda b’mod partikolari fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV), inklużi apprendistati u internships li jinkludu komponent qawwi ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, biex jgħinu liż-żgħażagħ jakkwistaw il-ħiliet meħtieġa biex jirnexxilhom jidħlu fis-suq tax-xogħol u b’hekk jiffaċilitaw it-tranżizzjoni mill-iskola għax-xogħol, biex tittejjeb l-impjegabbiltà u l-ħiliet tal-ħajja taż-żgħażagħ, u biex jingħata kontribut għall-kompetittività tal-ekonomija tal-UE; jenfasizza, f’dan il-kuntest, li l-isfruttament tal-potenzjal ta’ tagħlim reċiproku u esplorazzjoni li tirnexxi tal-aħjar prattiki huwa possibbli biss jekk il-vantaġġi partikolari ta’ kull sistema nazzjonali rispettiva jiġu kkunsidrati bis-sħiħ;
3. Jenfasizza l-fatt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu ta' livell allarmanti ħafna fl-UE u mod partikolari f'ċerti Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri u l-UE sabiex itemmu din is-sitwazzjoni billi jistabbilixxu b'mod immedjat miżuri ta' protezzjoni soċjali biex jilqgħu kontra l-effetti ekonomiċi u soċjali tal-qgħad;
4. Ifakkar li l-politiki dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet m'għandux ikollhom l-għan uniku li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq, iżda wkoll li jipprovdu lill-individwi bil-kompetenzi trasversali meħtieġa sabiex jiżviluppaw bħala ċittadini attivi u responsabbli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrispettaw il-fatt li l-edukazzjoni u t-taħriġ jikkostitwixxu dritt fundamentali u li għandhom valur qawwi fihom infushom;
5. Ifakkar il-ħtieġa li jiġu promossi l-objettivi tal-kurrikulu tal-edukazzjoni formali u mhux formali kif ukoll it-tagħlim tul il-ħajja, immirati lejn l-istudenti kollha, inklużi moduli teoretiċi u prattiċi (bħal proġetti intraprenditorjali tal-istudenti li jistgħu jinkludu proġetti ta' intrapriża soċjali li jaħdmu mal-komunitajiet lokali);
6. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadottaw politiki fit-tul permezz ta' investiment effettiv, kooperazzjoni miżjuda u sħubijiet strateġiċi sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni, il-kompetittività u l-eċċellenza fl-ETV;
7. Jindika l-Erasmus+ bħala strument ewlieni għall-iżgurar tal-kwalità tal-ETV madwar l-UE u jħeġġeġ l-iskambji internazzjonali għal skopijiet ta' taħriġ professjonali;
8. Jenfasizza l-importanza li terġa’ tingħata l-ħajja lil u tiġi promossa l-ETV u li tiżdied l-attraenza tagħha għaż-żgħażagħ sabiex ma tkunx ikkunsidrata bħala inferjuri għal tipi oħra ta’ edukazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu introdotti jew żviluppati aktar is-sistemi tal-EVT doppji jew elementi tal-EVT u t-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, sabiex jiġi ffaċilitat il-ksib tal-għerf, l-għarfien, l-impjegabbiltà ewlenija u ħiliet u kompetenzi speċifiċi għall-impjieg; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiġu żgurati kontroll tal-kwalità u gwida mill-istituzzjonijiet pubbliċi fuq il-kontenut ġenerali, l-objettivi ta' tagħlim, l-implimentazzjoni, il-valutazzjoni u l-proċedura ta’ ċertifikazzjoni tal-ETV, minbarra r-rikonoxximent u l-ekwivalenza tal-kwalifiki; jenfasizza li l-iskambju tal-aħjar prattiki relatati ma' sistemi ta' edukazzjoni doppji jista' jikkontribwixxi għal tibdil strutturali fis-suq tax-xogħol u jwassal għal livelli ogħla ta' impjiegi fost iż-żgħażagħ; jenfasizza l-vantaġġi tat-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol, li huwa ta' għajnuna kbira għaż-żgħażagħ fil-bidu tal-karrieri tagħhom waqt li jkunu qed ifittxu li jidħlu fis-suq tax-xogħol;
9. Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' "ħiliet personali", li jagħmlu aktar faċli n-negozjar ta' suċċess fis-suq tax-xogħol u l-iżvilupp ta' karriera professjonali, u li huma komplement essenzjali għall-għarfien u l-esperjenza personali;
10. Ifakkar li attwalment hemm żewġ miljun impjiegi vakanti fl-UE u jenfasizza l-importanza li jiġu indirizzati n-nuqqas ta’ ħiliet u t-tlaqqigħ ħażin tal-ħiliet billi jiġu promossi u faċilitati l-mobilità ta’ min jitgħallem, kif ukoll ir-rikonoxximent transkonfinali tal-kwalifiki, permezz ta’ użu aħjar tal-għodod u programmi kollha tal-UE, bħall-Erasmus+, il-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, il-Passaport Ewropew tal-Ħiliet, il-Garanzija għaż-Żgħażagħ, is-CV tal-Europass, il-Pass tal-Ħiliet Intraprenditorjali, il-EURES, l-Alleanzi tal-Għarfien, l-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, is-Sistema Ewropea għat-Trasferiment ta’ Krediti, l-Assigurazzjoni Ewropea tal-Kwalità fl-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET) u s-Sistema Ewropea ta’ Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET); jenfasizza l-importanza tal-ESCO, li tidentifika u tikkategorizza l-ħiliet, il-kompetenzi u l-kwalifiki rilevanti għas-suq tax-xogħol tal-UE u l-edukazzjoni u t-taħriġ, f'25 lingwa Ewropea; jenfasizza f'dan il-kuntest l-importanza tat-trasferibbiltà adegwata tad-drittijiet soċjali fi ħdan l-Unjoni u jtenni l-importanza tal-Erasmus+, il-Fond Soċjali Ewropew u l-EURES f'dan ir-rigward; jistieden lill-Istati Membri jippromwovu korsijiet ta’ taħriġ b’mod partikolari f’setturi fejn hemm diskrepanzi partikolari bejn il-provvista u d-domanda;
11. Jilqa’ t-trasformazzjoni tas-sit web eżistenti tal-Panorama tal-Ħiliet tal-UE, li jipprovdi punt ta’ aċċess ċentrali aktar komprensiv u faċli għall-utent għall-informazzjoni u l-għarfien dwar il-ħtiġijiet tal-ħiliet fl-okkupazzjonijiet u s-setturi fl-UE u li jgħin lil dawk li jfasslu l-politika, l-esperti, l-aġenziji tal-impjiegi, il-konsulenti tal-karrieri kif ukoll l-individwi sabiex jieħdu deċiżjonijiet aħjar u aktar infurmati;
12. Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tal-ħiliet bażiċi ġenerali bħall-ICT, il-matematika, il-ħsieb kritiku, il-lingwi barranin, il-mobilità eċċ., li jippermettu liż-żgħażagħ jadattaw faċilment għall-ambjent soċjali u ekonomiku li qed jinbidel;
13. Jenfasizza l-importanza tal-bini tal-kapaċitàtal-istudenti li jitgħallmu u l-ħtieġa li jiġu pprovduti bi strateġiji tat-tagħlim effettivi; jenfasizza li t-tagħlim dwar kif titgħallem jiffaċilita l-kisba tal-għarfien, il-ħiliet, l-atitudnijiet u l-aptitudnijiet li jippermettu lill-individwi jistabbilixxu, jippjanaw u jilħqu l-objettivi tat-tagħlim tagħhom stess u jsiru persuni li jitgħallmu awtonomi li huma kapaċi jiffaċċjaw it-tibdil intensiv fis-suq tax-xogħol;
14. Jenfasizza li l-iżvilupp tal-ħiliet ta' netwerking huwa importanti ħafna għaż-żgħażagħ kollha, iżda b'mod partikolari għal dawk b'esperjenza tax-xogħol limitata u dawk li ġejjin minn gruppi mhux rappreżentati biżżejjed u żvantaġġati; jisħaq li t-tagħlim tan-netwerking jista' jkun strateġija għall-faċilitazzjoni tal-impjiegi, l-iżvilupp tal-karrieri u l-esplorazzjoni;
15. Jinnota l-evoluzzjoni kostanti tas-suq tax-xogħol u jisħaq fuq l-importanza li d-domandi tas-suq tax-xogħol jintlaħqu bi kwalifiki u ħiliet xierqa, billi jiġu riveduti u żviluppati l-kurrikuli eżistenti u billi jiġu indirizzati l-bidliet teknoloġiċi, soċjali, kulturali u ambjentali b'kooperazzjoni mill-qrib ma' min iħaddem, l-organizzazzjonijiet professjonali, il-komunitajiet tan-negozju, dawk li jfasslu l-politika, l-awtoritajiet lokali, is-servizzi tal-edukazzjoni u tal-impjiegi, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-partijiet konċernati rilevanti kollha; jirrimarka, barra minn hekk, li huwa meħtieġ f’dan il-kuntest li tiġi pprovduta u żviluppata gwida ta' kwalità dwar il-karriera tul il-ħajja, li tinvolvi wkoll lill-familji, biex tgħin lill-istudenti futuri u liż-żgħażagħ biex jagħmlu l-għażliet it-tajba dwar il-qasam tal-istudju tagħhom u jagħmlu għażliet aħjar rigward l-edukazzjoni u l-karrieri professjonali tagħhom, filwaqt li jitqiesu l-preferenzi ta' xogħol tagħhom u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol; ifakkar, madankollu, li l-politiki tal-edukazzjoni u l-ħiliet m'għandhomx ikollhom l-għan uniku li jissodisfaw il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, iżda wkoll li jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u t-tkabbir taż-żgħażagħ sabiex dawn isiru proattivi u ċittadini responsabbli; jisħaq, għalhekk, dwar il-ħtieġa ta’ edukazzjoni ċivika, kemm formali kif ukoll mhux formali, fis-sistema edukattiva kollha;
16. Jenfasizza l-importanza tal-internships bħala parti mill-kurrikuli tal-edukazzjoni sekondarja u għolja għall-ksib tal-esperjenza tax-xogħol u l-ħiliet trasversali; jenfasizza l-importanza ta' programmi ta' mentoraġġ li jorbtu l-istudenti ma' professjonisti jew ħaddiema żgħażagħ u jagħtu aċċess għan-netwerks lill-istudenti u fehim ċar tal-proċess ta' ħidma; jinkoraġġixxi lill-kumpaniji, għalhekk, biex jistabbilixxu konnessjonijiet u sħubijiet dejjiema mal-istituzzjonijiet ta' tagħlim biex jiffaċilitaw l-aċċess tal-istudenti għad-dinja tal-impjieg u sabiex il-ħiliet mgħallma dejjem jikkorrispondu għall-bżonnijiet reali tad-dinja tax-xogħol; jirrimarka, madankollu, li filwaqt li għal studenti, it-traineeships huma opportunità ta’ tagħlim, in-negozji għandhom iwettqu r-rwol tagħhom ta’ mentoraġġ u taħriġ, filwaqt li jitqiesu r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni dwar id-dispożizzjoni ta’ traineeship ta’ kwalità għolja bħala mezz li jtejjeb l-opportunitajiet taż-żgħażagħ li jsibu xogħol;
17. Jistieden ukoll lill-Istati Membri jaġixxu kemm jista’ jkun malajr fuq ir-rakkommandazzjonijiet relatati mas-suq tax-xogħol u speċifiċi għall-pajjiż fis-Semestru Ewropew u rakkomandazzjonijiet oħra tal-Kummissjoni;
18. Jenfasizza r-rwol li għandhom l-istituzzjoniijet ta' edukazzjoni għolja fl-iżvilupp tal-għarfien u l-kompetenzi li jeħtieġu l-gradwati sabiex jagħmlu suċċess fis-suq tax-xogħol;
19. Jenfasizza l-importanza ta' approċċ olistiku għall-ħiliet; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu pprovduti direzzjonijiet multipli fi ħdan is-sistema edukattiva u approċċi edukattivi flessibbli li jistgħu jiġu personalizzati u aġġustati għall-ħtiġijiet tal-individwi; jitlob li programmi ta' tagħlim ibbażati fuq ix-xogħol li jiġu żviluppati jkunu fit-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, kif ukoll kurrikuli prattiċi, skedi flessibbli u metodi ta' struzzjoni inqas formali;
20. Jenfasizza l-ħtieġa għal edukazzjoni u taħriġ fuq bażi wiesgħa li jipprovdu ħiliet ta' livell għoli bażiċi u portabbli, ħiliet intraprenditorjali, u soluzzjoni tal-problemi, ħiliet fit-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni (ICT) u fil-lingwi, li jippermettu lill-individwi sabiex jiksbu u japplikaw b'mod kostanti l-għarfien ġdid u jiffaċilitaw l-adattament tagħhom għall-bidliet fid-dinja tax-xogħol;
21. Jenfasizza l-ħtieġa li jinkludu elementi ta’ tagħlim intraprenditorjali fil-livelli kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, billi jrawmu spirtu intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ fi stadju bikri u billi jiżviluppaw ħiliet trasversali marbuta mal-intraprenditorija, bħalma huma l-kreattività, il-ħsieb kritiku, l-empatija, il-ħidma f’tim u sens ta’ inizjattiva taż-żgħażagħ, jikkontribwixxu għall-iżvilupp personali u professjonali taż-żgħażagħ u jiffaċilitaw it-tranżizzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; Iħeġġeġ, f’dan ir-rigward, djalogu attiv u kooperazzjoni bejn l-universitajiet u n-negozji mmirati lejn l-iżvilupp ta' programmi edukattivi li jipprovdu liż-żgħażagħ bil-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa, u li jiffaċilitaw u jħeġġu l-parteċipazzjoni ta' intraprendituri fil-proċess edukattiv; iqis, madankollu, li l-edukazzjoni intraprenditorjali għandha tinkludi dimensjoni soċjali u tindirizza suġġetti bħall-kummerċ ġust, l-intrapriżi soċjali u mudelli ta’ negozju alternattivi bħall-kooperattivi sabiex isir sforz biex tinkiseb ekonomija aktar soċjali, inklużiva u sostenibbli;
22. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex b'urġenza jinkorporaw it-teknoloġiji ġodda fil-proċess tat-tagħlim, u jintensifikaw u jtejbu l-ħiliet diġitali u t-taħriġ tal-ICT fil-livelli kollha u t-tipi kollha tal-edukazzjoni u t-taħriġ, inkluż il-persunal tat-tagħlim, sabiex jiġu pprovduti lawrji u kurrikuli iktar allinjati diġitalment u biex iż-żgħażagħ jiġu motivati jistudjaw l-ICT u jsegwu karrieri relatati; jenfasizza l-ħtieġa li tinbena bażi teknoloġika aħjar fl-iskejjel u l-universitajiet u biex tiġi pprovduta l-infrastruttura meħtieġa; jenfasizza, barra minn hekk, f'dan ir-rigward, l-importanza tar-riżorsi edukattivi miftuħin (OERs) li jiżguraw l-aċċess għall-edukazzjoni għal kulħadd u jtejbu l-impjegabbiltà billi jappoġġjaw il-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja; ifakkar fil-ħtieġa li l-bniet u n-nisa żgħażagħ jiġu inkoraġġiti jsegwu l-istudji fl-ICT;
23. Iħeġġeġ l-użu ottimu tal-finanzjamenti eżistenti tal-UE bħall-programm Erasmus+ fl-istimolu tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi trasversali fost iż-żgħażagħ sabiex il-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE jiġi indirizzat b’mod aktar effettiv;
24. Jenfasizza li l-litteriżmu fl-ICT għandu jsir parti integrali mill-proċess edukattiv, billi jiġi integrat fil-kurrikulu fil-livelli kollha tal-istudji; jenfasizza li l-għoti ta’ ħiliet fl-ICT liż-żgħażagħ ikunu ta' benefiċċju kemm għall-ħajja tax-xogħol kif ukoll għall-ħajja privata tagħhom billi dawn jipprovduhom bil-ħiliet tekniċi, il-fiduċja u l-flessibilità li jeħtieġu sabiex jadattaw tul ħajjithom;
25. Jistieden lill-Istati Membri biex iħeġġu l-bniet u n-nisa żgħażagħ biex isegwu s-suġġetti tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) u biex iżidu r-rappreżentanza tan-nisa fl-oqsma STEM;
26. Jinnota li n-nuqqas ta' ħiliet fil-lingwi huwa ostakolu ewlieni għall-kompetittività taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol tal-UE, u jenfasizza li l-Istati Membri għandhom il-ħtieġa jipprovdu liż-żgħażagħ minn età bikrija ħafna b'ħiliet varji fil-komunikazzjoni u l-lingwa sabiex jindirizzaw il-problemi kkawżati min-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet attwali;
27. Jenfasizza l-importanza elementari tal-edukazzjoni mhux formali u tal-opportunitajiet li jista' joffri t-tagħlim tul il-ħajja, bħall-ksib ta' kwalifiki ewlenin li jistgħu jkunu paralleli jew isegwu l-edukazzjoni skolastika, sabiex tkun evitata l-esklużjoni jew biex ikun ipprovdut kumpens, sabiex hekk il-bnedmin jingħataw iktar possibbiltajiet għall-iżvilupp personali, soċjali u professjonali li huwa korrispondenti mal-ħiliet tagħhom;
28. Jenfasizza r-rwol essenzjali ta' għalliema u persunal tat-taħriġ li jkunu kompetenti u joffru appoġġ biex inaqqsu t-tluq bikri mill-iskola, speċjalment fiż-żoni sottożviluppati, u biex itejbu l-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jenfasizza li l-għalliema għandhom bżonn li jkunu appoġġjati aħjar mill-iskejjel, l-istituzzjonijiet tat-taħriġ, il-komunitajiet lokali u l-politiki edukattivi, pereżempju permezz ta’ taħriġ aktar effiċjenti u aġġornat f’ħiliet ġodda, bħalma huma l-ħiliet intraprenditorjali u tal-ICT, il-promozzjoni tat-tagħlim bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki, u aċċess aktar faċli għal opportunitajiet ta’ taħriġ u t-titjib tas-sistemi ta’ ETV kontinwa; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-investiment fl-iżvilupp tat-tagħlim tul il-ħajja għall-għalliema; jopponi bis-saħħa kwalunkwe tnaqqis fil-baġits tal-edukazzjoni, speċjalment meta dawn ikunu kombinati ma' tnaqqis fil-boroż ta' studju u fl-għotjiet u maż-żieda tat-tariffi edukattivi;
29. Iħeġġeġ l-integrazzjoni ta' metodi ġodda ta' tagħlim u taħriġ, żviluppati mill-għalliema bħala rispons għall-ħtiġijiet speċifiċi tal-klassi;
30. Jitlob Strateġija tal-Ħiliet Ewropea li tkun tħares ’il quddiem u tkun orjentata lejn ir-riżultati biex tiggwida l-istrateġiji tal-ħiliet nazzjonali u tintegrahom fil-Pjanijiet għall-Impjiegi Nazzjonali filwaqt li tipprovdi qafas komprensiv għall-pjanijiet ta' azzjoni settorjali proposti fil-Pakkett tal-Impjiegi;
31. Jinnota li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ għandhom rwol importanti fl-iżvilupp tal-edukazzjoni u t-taħriġ għaż-żgħażagħ qiegħda bla sengħa u bi ftit kwalifiki, iżda jenfasizza li hemm il-ħtieġa għal finanzjament aħjar u implimentazzjoni xierqa u rapida ta' dawn l-iskemi, segwiti minn monitoraġġ xieraq tas-sitwazzjoni f'kull Stat Membru;
32. Jenfasizza l-ħtieġa għal approċċ individwali għall-iżvilupp tal-karriera u l-edukazzjoni u t-taħriġ tul il-ħajja, u jemmen li l-gwida u l-konsulenza li jindirizzaw il-ħtiġijiet individwali u jiffukaw fuq il-valutazzjoni u l-espansjoni tal-ħiliet individwali għandhom ikunu element ewlieni tal-politiki dwar l-edukazzjoni u l-ħiliet minn stadju bikri;
33. Jemmen li l-edukazzjoni mhux formali, partikolarment kif żviluppata fl-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, trawwem il-kreattività, sens ta' inizjattiva u l-awtoresponsabbiltà, u tista' żżid l-opportunitajiet taż-żgħażagħ fis-suq tax-xogħol u tikkontribwixxi b'mod pożittiv għas-suċċess tal-ETV; jitlob, għalhekk, lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[9] bħala mezz kif jiġu rikonoxxuti l-kompetenzi miksuba permezz tal-edukazzjoni mhux formali, partikolarment fis-settur tal-voluntiera u taż-żgħażagħ, u jappoġġja l-implimentazzjoni tal-politiki dwar it-tagħlim tul il-ħajja;
34. Ifakkar li l-industriji kreattivi huma fost l-iktar setturi intraprenditorjali u li jikbru malajr, u li l-edukazzjoni kreattiva tiżviluppa ħiliet trasferibbli bħall-ħsieb kreattiv, is-soluzzjoni tal-problemi, il-ħidma f'tim u r-riżorsi; jirrikonoxxi li s-setturi tal-arti u l-midja għandhom appell partikolari għaż-żgħażagħ;
35. Jenfasizza li l-politiki tas-suq tax-xogħol b'mod ġenerali, u t-tlaqqigħ tal-ħiliet fir-rigward tal-politiki tal-ETV b'mod speċifiku, għandhom l-għan li joħolqu u jippromwovu impjiegi ta' kwalità għolja u sikuri, f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO; jinnota li dawn il-politiki għandhom jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra l-fenomeni tal-impjieg prekarju, il-kuntratti ta' żero sigħat u l-apprendistati mingħajr ħlas;
36. Jinnota r-rwol importanti tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, it-trejdjunjins u d-djalogu soċjali fil-formulazzjoni tal-politiki ETV;
37. Jistieden lill-Istati Membri sabiex jidderieġu l-investimenti fl-edukazzjoni inklużiva li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà bl-għan li jiġi żgurat aċċess indaqs u opportunitajiet għal kulħadd, inklużi żgħażagħ minn sfondi soċjoekonomiċi differenti, kif ukoll gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati;
38. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-attraenza tal-programmi STEM sabiex jiġu indirizzati n-nuqqasijiet eżistenti f'dan il-qasam; jenfasizza, madankollu, li l-umanitajiet u l-għarfien umanistiku ġenerali huma indispensabbli biex isir użu effettiv tal-opportunitajiet ippreżentati mid-dixxiplini STEM u għalhekk għandhom jingħataw appoġġ effettiv fi ħdan l-istituzzjonijiet tagħhom u għandhom rwol espliċitu fl-iżvilupp tal-kurrikuli; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu approċċ transsettorjali bejn oqsma differenti fi ħdan l-istituzzjonijiet edukattivi, bħall-programmi konġunti li jinvolvu l-arti, ix-xjenza, l-ICT, l-inġinerija, in-negozju u oqsma rilevanti oħrajn;
39. Ifakkar fil-ġid ta’ impjiegi marbutin ma’ ħiliet tradizzjonali, li ta’ spiss ma jistgħux jiġu rilokati xi mkien ieħor, li, barra minn hekk, jgħinu biex jistimulaw l-ekonomiji lokali u huma ta’ interess kulturali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw, għalhekk, li s-snajja' u l-professjonijiet b'elementi tradizzjonali u kulturali jiġu ppreżervati u jiġu mgħoddija b’mod effettiv lill-ġenerazzjonijiet iżgħar permezz tal-implimentazzjoni ta' programmi speċjalizzati;
40. Jenfasizza r-rwol u l-importanza tat-tagħlim mhux formali u informali fl-impjegabbiltà taż-żgħażagħ; jenfasizza l-importanza tal-involviment f’organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, il-volontarjat u l-isport fil-livell lokali biex iż-żgħażagħ ikattru spirtu intraprenditorjali u sett ta' kompetenzi konjittivi u nonkonjittivi u ħiliet trasversali, u jistieden lill-Istati Membri biex jiffaċilitaw l-involviment taż-żgħażagħ f’dawn l-attivitajiet extrakurrikulari li jikkumplimentaw l-edukazzjoni formali;
41. Jenfasizza li l-prattika ta' sport tipprovdi lill-parteċipanti b’opportunitajiet biex jiżviluppaw firxa wiesgħa ta’ ħiliet trasversali li jtejbu l-impjegabbiltà tagħhom kif ukoll tgħinhom biex jirnexxu bħala mexxejja u biex jilħqu l-għanijiet tagħhom; jenfasizza, barra minn hekk, ir-rabta bejn l-isports, l-impjegabbiltà, l-edukazzjoni u t-taħriġ.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
15.10.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
22 5 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Mary Honeyball, Marc Joulaud, Zdzisław Krasnodębski, Ernest Maragall, António Marinho e Pinto, Algirdas Saudargas |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
John Stuart Agnew |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
3.12.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
49 1 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Zdzisław Krasnodębski, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Heinz K. Becker, Lynn Boylan, Mircea Diaconu, Tania González Peñas, Miapetra Kumpula-Natri, Paloma López Bermejo, Monika Vana |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Dita Charanzová, Diane James, Martina Michels, Estefanía Torres Martínez |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
49 |
+ |
|
PPE:
S&D:
ECR: ALDE: GUE/NGL: Verts/ALE: EFDD: ENF: |
Heinz K. Becker, David Casa, Danuta Jazłowiecka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Elena Gentile, Agnes Jongerius, Jan Keller, Miapetra Kumpula-Natri, Javi López, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog Arne Gericke, Zdzisław Krasnodębski, Anthea McIntyre, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská Enrique Calvet Chambon, Dita Charanzová, Mircea Diaconu, Marian Harkin, Yana Toom Lynn Boylan, Tania González Peñas, Martina Michels, Estefanía Torres Martínez Jean Lambert, Monika Vana, Tatjana Ždanoka Laura Agea, Tiziana Beghin Mara Bizzotto |
|
1 |
- |
|
EFDD: |
Diane James |
|
3 |
0 |
|
GUE/NGL: ENF: |
Paloma López Bermejo Dominique Martin, Joëlle Mélin |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet
- [1] ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0016.
- [3] Testi adottati, P7_TA(2014)0394.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2014)0038.
- [5] ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
- [6] ĠU C 88, 27.3.2014, p. 1.
- [7] CRPD/C/EU/Q/1
- [8] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.
- [9] ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.