RAPPORT dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
16.12.2015 - (2015/2140(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
Rapporteur: Werner Langen
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tal-4 ta' Ġunju 2015 dwar il-politika tal-kompetizzjoni 2014 (COM(2015)0247), u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bħala dokument ta' sostenn bl-istess data,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 101-109, 147 u 174;
– wara li kkunsidra r-regoli dwar il-kompetizzjoni, il-linji gwida u r-riżoluzzjonijiet relevanti tal-Kummissjoni,
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Marzu 2015 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE fl-2013[1], u r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE fl-2012[2] u r-rekwiżiti stabbiliti fihom mill-Parlament,
– wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni, (Dipartiment Tematiku A (Politiki Ekonomiċi u Xjentifiċi)) għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur bl-isem "Prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina tal-provvista tal-ikel bejn in-negozji" ("Unfair trading practices in the business-to-business food supply chain (UTPs)"[3],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew "Is-suq intern tat-trasport internazzjonali tal-merkanzija bit-triq: dumping soċjali u kabotaġġ"[4],
– wara li kkunsidra r-rapport ta' Mejju 2012 tan-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni (NEK) bl-isem "Rapport dwar l-infurzar tad-dritt tal-kompetizzjoni u attivitajiet ta' monitoraġġ tas-suq minn awtoritajiet Ewropej tal-kompetizzjoni fis-settur alimentari" ("Report on competition law enforcement and market monitoring activities by European competition authorities in the food sector")[5],
– wara li kkunsidra d-Direttivi tal-Kunsill 77/799/KEE u 2011/16/UE dwar il-kooperazzjoni amministrattiva fil-qasam tat-tassazzjoni,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet u l-proposti ta' azzjoni tal-Proġett tal-OECD/G20 fil-qasam tal-Erożjoni tal-Bażi u t-Trasferiment tal-Profitti,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 li tagħti bidu għal inkjesta dwar is-settur tal-kummerċ elettroniku skont l-Artikolu 17 tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1/2003 (COM(2015)3026),
– wara li kkunsidra d-Direttiva (UE) Nru 2014/104 tas-26 ta' Novembru 2014 dwar regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ġunju 2014 dwar linji gwida għall-għajnuna mill-istat għall-enerġija u l-protezzjoni ambjentali[6],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 651/2014 tas-17 ta' Ġunju 2014 li jiddikjara li ċerti kategoriji ta' għajnuna huma kompatibbli mas-suq intern skont l-Artikoli 107 u 108 tat-Trattat,
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 139/2004 tal-20 ta' Jannar 2004 dwar il-kontroll ta' konċentrazzjonijiet bejn impriżi,
– wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni ''Lejn kontroll aktar effettiv tal-fużjonijiet tal-UE'', tad-9 ta' Lulju 0449, (COM/2014/0449),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali u l-Kumitat għall-Affarijiet Legali u tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0368/2015),
A. billi l-politika tal-kompetizzjoni hija pedament tal-ekonomija tas-suq soċjali fl-Ewropa u strument essenzjali għal suq intern li jiffunzjona sew fl-Unjoni;
B. billi, fil-qasam tal-kompetizzjoni, il-vuċi tal-Unjoni Ewropea tingħata widen u hija rrispettata fix-xena internazzjonali; billi din ir-rappreżentanza esterna indipendenti u unifikata, li hija appoġġata b'setgħat definiti b'mod ċar, tippermetti li l-Unjoni teżerċita s-setgħa politika, demografiċi u ekonomika reali tagħha;
C. billi l-politika tal-kompetizzjoni hija, fiha nnifisha, għodda li tissalvagwarda d-demokrazija Ewropea, minħabba li timpedixxi l-konċentrazzjoni eċċessiva tas-setgħa ekonomika u finanzjarja f'idejn numru żgħir ħafna ta' nies;
D. billi l-Unjoni Ewropea hija stabbilita bħala ekonomija soċjali tas-suq miftuħa b'kompetizzjoni ħielsa u ġusta, li l-għan tagħha hu li żżid il-prosperità tal-konsumaturi u l-istandards tal-għajxien taċ-ċittadini kollha tal-UE, u billi l-Unjoni Ewropea qed tistabbilixxi suq intern maħsub biex iwassal għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ewropa abbażi ta' tkabbir ekonomiku bbilanċjat u stabbiltà tal-prezzijiet;
E. billi l-għan tal-applikazzjoni qawwija tal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni skont it-Trattat tal-UE huwa li jsir kontribut biex jintlaħqu l-objettivi ġenerali tal-politika ekonomika tal-UE u, fl-istess ħin, li jibbenefikawil-konsumaturi, il-ħaddiema u l-intraprendituri, u jiġu promossil-innovazzjoni u t-tkabbir, permezz tal-kontroll u r-restrizzjoni tal-prattiki kummerċjali inġusti li jirriżultaw mill-monopolji u mill-pożizzjonijiet dominanti fis-suq, b'tali mod li kull individwu jkollu possibilità ġusta ta' suċċess;
F. billi l-indipendenza tal-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni hija tal-akbar importanza;
G. billi kull sena jiġi akkumulat telf ta' EUR 181-320 biljun – madwar 3 % tal-PDG tal-UE – minħabba l-eżistenza tal-kartelli;
H. billi, f'termini ta' spejjeż tal-enerġija, is-suq uniku Ewropew għandu prestazzjoni agħar mis-suq intern tal-Istati Uniti, b'dispersjoni fil-prezzijiet ta' 31 % apparagun ta' 22 % fl-Istati Uniti;
I. billi f'bosta Stati Membri hemm kriżi finanzjarja serja li għadha qed taffettwa lill-SMEs, li jirrappreżentaw 98 % tal-impriżi tal-UE u 67 % tan-nies impjegati;
J. billi huwa stmat li l-evażjoni tat-taxxa, il-frodi tat-taxxa u r-rifuġji fiskali qed jiswew lill-kontribwenti tal-UE triljun euro kull sena fi dħul mitluf, u qed jgħawġu l-kompetizzjoni fis-suq uniku fost dawk il-kumpaniji li jħallsu t-taxxi u dawk li ma jħallsuhomx;
K. billi f'dawn l-aħħar snin, partikolarment, id-dinamiżmu fl-ekonomija diġitali u, fuq kollox, it-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni b'riżultat ta' prattiki fiskali aggressivi u politiki fiskali nazzjonali (li probabbilment qed jagħmlu ħsara konsiderevoli lis-suq intern), ġabu magħhom sfidi ġodda għall-parteċipanti tas-suq, u jirrikjedu reazzjoni immedjata u mmirata mill-Kummissjoni; billi l-koperazzjoni globali dwar l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni tgħin biex jiġu evitati l-inkonsistenzi fil-miżuri korrettiva li jittieħdu u fl-eżiti tal-miżuri ta' infurzar, u tgħin lin-negozji biex inaqqsu l-ispejjeż ta' konformità tagħhom;
L. billi, fid-dawl tal-isfidi tal-era diġitali, jeħtieġ li jiġu eżaminati mill-ġdid l-istrumenti eżistenti tad-dritt tal-kompetizzjoni;
M. billi fit-trasport internazzjonali bl-ajru, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni ġusta u r-regolamentazzjoni tal-impriżi statali huma nieqsa fir-rigward ta' linji tal-ajru minn ċerti pajjiżi terzi li joperaw lejn u mill-Ewropa u li jiddominaw ċerti rotot, u dan qed jikkawża ħsara konsiderevoli lil-linji tal-ajru Ewropej, u qed ixekkel il-konnettività tal-ajruporti ċentrali Ewropej, u b'hekk qed inaqqas l-għażla tal-konsumaturi Ewropej;
N. billi l-kompetizzjoni m'għandhiex l-istess impatt fl-Istati Membri kollha;
O. billi l-politika tal-kompetizzjoni trid tikkunsidra b'mod partikolari l-objettivi tal-iżvilupp sostenibbli u l-koeżjoni soċjali;
P. billi d-dumping soċjali huwa fattur li jgħawweġ is-suq intern, u huwa ta' ħsara kemm għad-drittijiet tal-konsumaturi kif ukoll għal dawk tal-ħaddiema;
Q. billi l-iżgurar tal-moviment liberu tal-persuni, il-prodotti, is-servizzi u l-kapital huwa l-bażi tat-tkabbir tal-Ewropa;
1. Jilqa' r-rapport mill-Kummissjoni, li jissottolinja l-importanza tal-politika tal-kompetizzjoni fl-UE, u jinnota li essenzjalment ikopri l-mandat tal-Kummissjoni preċedenti taħt il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Almunia;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex fil-ġejjieni tgħaddi d-dokument ta' ħidma settorjali lill-Parlament, bħala parti integrali mir-rapport;
3. Jilqa' l-fatt li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Vestager tixtieq taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Parlament biex tiżviluppa l-politika tal-kompetizzjoni, bħala wieħed mill-istrumenti ewlenin tal-Unjoni Ewropea, sabiex is-suq intern komuni jsir realtà, u jistieden lill-Kummissjoni biex ma timplimentax il-politika tal-kompetizzjoni interna tal-UE b'tali mod li jiġu limitati l-istrateġiji tas-suq tal-impriżi, sabiex ikunu jistgħu jikkompetu fis-swieq dinjija ma' atturi minn barra l-UE;
4. Jenfasizza li politika tal-kompetizzjoni effettiva u kredibbli m'għandhiex tkun indirizzati esklussivament lejn it-tnaqqis tal-prezzijiet għall-konsumaturi, iżda għandha wkoll tkun konxja mill-interessi strateġiċi tal-ekonomija Ewropea, bħal pereżempju: il-kapaċità ta' innovazzjoni; l-investiment; il-kompetittività u s-sostenibilità; il-kundizzjonijiet kompetittivi speċjali għall-SMEs, l-impriżi li għadhom jibdew u l-mikrointrapriżi; u l-ħtieġa li jkunu promossi standards tax-xogħol u ambjentali għoljin;
5. Jistieden lill-Kummissjoni biex ittemm id-dumping soċjali, u jenfasizza li d-deċiżjonijiet marbuta mal-politika tal-kompetizzjoni għandhom iqisu b'mod partikolari l-impatt soċjali fir-reġjuni mbiegħda jew iżolati;
6. Iqis li n-natura speċifika tal-ekonomija diġitali, li hija kkaratterizzata minn spejjeż marġinali li qed jonqsu u li qed joqorbo ż-żero u minn effetti ta' netwerk b'saħħithom, tiffavorixxi żieda fil-livell ta' konċentrazzjoni fis-swieq ewlenin; jistieden lill-Kummissjoni biex tadatta l-politika tal-kompetizzjoni tagħha għall-ispeċifiċitajiet ta' dan is-settur;
7. Jistieden lill-Kummissjoni biex tikkompleta s-suq intern f'dawk l-oqsma fejn għadu fframmentat jew mhux komplut, u biex ittemm ir-restrizzjonijiet indebiti tas-suq u t-tgħawwiġ fil-kompetizzjoni kemm jista' jkun malajr malli jiġu identifikati; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-politika tal-kompetizzjoni fl-istess ħin isaħħaħ il-koeżjoni soċjali fl-Unjoni;
8. Jenfasizza li l-prijoritizzazzjoni tal-ħidma tal-awtorità tal-kompetizzjoni u l-preżentazzjoni fir-Rapport dwar il-Kompetizzjoni tal-2014, fil-parti l-kbira huma konsistenti mal-prijoritajiet komuni; iqis madankollu li f'ċerti oqsma individwali hemm bżonn ta' azzjoni iktar determinata, fatt li għandu jiġi indirizzat bil-qawwa min-naħa tal-Kummissjoni s-sena d-dieħla; jenfasizza l-importanza tal-kooperazzjoni globali dwar l-infurzar tal-kompetizzjoni; jappoġġa l-parteċipazzjoni attiva tal-Kummissjoni fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;
9. Jenfasizza li l-kunċett stess ta' kompetizzjoni, li fuqu huwa bbażat id-dritt tal-kompetizzjoni attwali, jeħtieġ li jiġi definit mill-ġdid, b'mod partikolari l-paradigma ta' struttura-kondotta-prestazioni, sabiex ikunu jistgħy jitqiesu kif dovut il-bidliet fl-ekonomija miġjuba mid-diġitalizzazzjoni, u għalhekk jissuġġerixxi li l-Kummissjoni tistabbilixxi grupp ta' esperti ta' livell għoli biex jindirizzaw dan;
10. Jerġa' jitlob lill-Kummissjoni sabiex, hekk kif kienet għamlet fir-rigward tar-rapport annwali preċedenti, tevita l-iżvilupp ta' konċentrazzjoni tas-suq eċċessiva u l-abbuż tad-dominanza tas-suq b'rabta mal-ħolqien tas-suq uniku diġitali, peress li dan se jiżgura servizz ta' livell ogħla għall-konsumaturi u l-possibbiltà ta' prezzijiet aktar attraenti;
11. Iqis li hu fundamentali li jiġu żgurati kundizzjonijiet ġusti ta' kompetizzjoni fis-suq diġitali filwaqt li jiġi miġġieled l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti u l-ottimizzazzjoni fiskali, għanijiet li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw minnhom il-konsumaturi;
12. Jemmen li l-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa fattur importanti fl-appoġġ għat-tkabbir, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-SMEs; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jużaw l-għodod kollha disponibbli għalihom permezz tal-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku biex jippromwovu t-tkabbir fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-inizjattivi kollha marbuta mal-iżvilupp tal-gvern elettroniku; jenfasizza, barra minn hekk, li l-promozzjoni u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' governanza elettronika fl-Istati Membri kollha huma strumentali għall-monitoraġġ effiċjenti tal-każijiet ta' ksur u sabiex tiġi żgurata t-trasparenza kemm fis-settur pubbliku kif ukoll f'dak privat;
13. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku f'waqtha, partikolarment fir-rigward tat-tnedija tal-akkwist elettroniku u l-amministrazzjoni elettronika, u d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-konsiderazzjoni tal-kriterji soċjali u ambjentali u dwar it-tqassim ta' kuntratti f'lottijiet, sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-kompetizzjoni ġusta, jingħata appoġġ lill-SMEs fis-swieq tal-akkwist u tiġi żgurata l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża fl-użu tal-fondi pubbliċi;
14. Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika aktar l-isforzi tagħha għall-ftuħ ambizzjuż ta' swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku, bl-għan li telimina l-iżbilanċ eżistenti fir-rigward tal-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku bejn l-UE u sħab kummerċjali oħra, u, għal dak il-fini, tqis ir-rapport tal-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal strument tal-akkwist internazzjonali u r-reviżjoni li ġejja tagħha;
15. Jirrimarka li l-klijenti fis-suq uniku qed jinbiegħu prodotti li fihom ingredjenti li jvarjaw bejn konsenja u oħra minkejja li l-isem tal-prodott u l-ippakkjar ikunu l-istess; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, din il-prattika għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-fornituri ta' prodotti lokali u reġjonali, b'mod partikolaril-SMEs;
16. Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni tkompli tippromwovi konverġenza u kooperazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fl-UE;
17. Jilqa' l-interazzjoni qawwija bejn l-infurzar tal-kompetizzjoni u l-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali, b'mod partikolari f'azzjonijiet relatati ma' prattiki ta' mblukkar ġeografiku u ftehimiet ta' liċenzjar, bl-għan li jiġi kkompletat is-suq uniku diġitali; iqis li interazzjoni simili hija essenzjali fis-suq intern tal-enerġija biex jitneħħa x-xkiel għall-fluss transkonfinali liberu tal-enerġija u sabiex tinbena l-Unjoni tal-Enerġija;
18. Iqis li l-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet hija essenzjali mhux biss biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks, iżda anke sabiex jitħeġġu l-prezzijiet aċċessibbli u l-għażla fis-servizzi għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, biex tissalvagwardja l-kompetizzjoni f'dan is-settur, inkluż fl-allokazzjoni tal-ispettru;
19. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina bir-reqqa, il-klawsoli u l-prattiki inġusti u llegali użati mis-settur bankarju fil-kuntratti mal-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-kuntest tan-NEK, trawwem l-iskambji tal-prattiki tajbin; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tnaqqas kwalunkwe burokrazija ġġenerata bl-implimentazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni;
20. Jemmen li l-politika tal-kompetizzjoni għandu jkollha rwol importanti biex is-swieq finanzjarji jsiru iktar siguri u trasparenti għall-konsumaturi; jilqa', barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi adottati fil-qasam tal-pagamenti elettroniċi u, b'mod partikolari, l-introduzzjoni ta' limiti massimi fuq il-kummissjonijiet interbankarji għat-tranżazzjonijiet ta' pagamenti bil-kards;
21. Ifakkar lill-Kummissjoni li l-politika tal-kompetizzjoni tinvolvi wkoll ir-regolamentazzjoni tal-prezz tas-servizzi li fir-rigward tagħhom ikun diffiċli li jiġi stabbilit il-valur tas-suq, bħalma huma t-tariffi tal-ATMs;
22. Jistieden lill-Kummissjoni biex teżamina n-netwerks tal-ATMs mill-perspettiva tal-politika tal-kompetizzjoni, peress li dan jinvolvi infrastruttura ta' netwerk;
23. Jemmen li għandu jingħata iktar ħsieb fir-rigward ta' kif il-kumpaniji Ewropej iridu jiġu appoġġati peress li dawn jikkompetu fuq bażi globali ma' operazzjonijiet oħra ta' daqs simili minn partijiet differenti tad-dinja, li m'għandhomx għalfejn isegwu l-istess regoli tal-kompetizzjoni li jridu jissodisfaw l-entitajiet Ewropej f'pajjiżhom;
24. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm koerenza bejn il-politiki kummerċjali u tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-objettivi tal-politika industrijali tagħha; jindika li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni m'għandhiex ixxekkel il-ħolqien ta' esponenti industrijali Ewropej fl-ekonomija; jappella għalhekk biex il-politiki kummerċjali u tal-kompetizzjoni jippromwovu l-iżvilupp u l-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-livell dinji;
Proċeduri antitrust – każijiet ta' abbuż minn pożizzjoni dominanti
25. Jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid l-isforzi tagħha fir-rigward tal-investigazzjonijiet tal-każijiet ta' abbuż ta' pożizzjonijiet dominanti fis-suq għad-detriment tal-konsumaturi tal-UE;
26. Jinnota li l-abbużi minn pożizzjoni dominanti huma pprojbiti u jikkostitwixxu problema serja għall-kompetizzjoni;
27. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni qed taħdem b'suċċess fil-każijiet li jinvolvu ksur tar-regoli dwar il-kartelli u tista' turi li tat kontribut sinifikanti għar-realizzazzjoni tas-suq intern u r-regoli tal-kompetizzjoni ugwali;
28. Jenfasizza li l-prattiki antikompetittivi u l-monopolji jistgħu jikkostitwixxu ostakli għall-kummerċ, li jfixklu l-flussi tal-kummerċ u tal-investiment; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-interess ta' kummerċ dinji ħieles u ġust, tieħu azzjoni fil-livell internazzjonali kontra l-kartelli u l-prattiki antikompetittivi, oligopolistiċi u monopolistiċi li qed jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni;
29. Iqis li r-regoli eżistenti dwar il-multi li għandhom jiġu imposti fuq persuni ġuridiċi għal ksur għandhom jiġu ssupplementati minn b'penali konkomitanti kontra l-persuni fiżiċi responsabbli; huwa tal-fehma li l-multi għandhom ikunu għoljin biżżejjed biex jaġixxu bħala deterrent; jenfasizza l-importanza tas-suċċess tal-politika tal-informatur, li tat lok biex il-Kummissjoni tidentifika l-kartelli;
30. Iqis li ċ-ċertezza legali hija kruċjali, u jistieden lill-Kummissjoni biex tinkorpora r-regoli dwar il-multi, bħal dawk imposti fi proċedimenti tal-kartelli, fi strument leġiżlattiv;
31. Jinnota li l-mudelli tas-suq oriġinali tal-politika tal-kompetizzjoni jistgħu jkunu inadegwati għall-ekonomija diġitali u li l-użu ta' indikaturi bbażati fuq il-prezz f'dan is-settur ekonomiku dinamiku ħafna drabi ma jagħtux l-eżitu mixtieq; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq, abbażi ta' kriterji ġodda, valutazzjoni legali u ekonomika komprensiva tas-swieq li jinbidlu malajr, u l-mudelli kummerċjali effimeri użati mill-impriżi diġitali, sabiex ikun hemm fehim ċar tal-istruttura tas-suq u tat-tendenzi tas-suq, jittieħdu miżuri xierqa għall-protezzjoni tal-konsumaturi u titqies kif xieraq l-importanza tad-data u tal-istrutturi tas-suq speċifiċi tal-ekonomija diġitali; jinnota li, għall-finijiet tad-definizzjoni tas-suq rilevanti, b'mod partikolari fl-ekonomija diġitali, għandhom jiġu applikati l-kriterji ta' valutazzjoni rilevanti f'termini ta' kompetizzjoni;
32. Isostni li l-protezzjoni tal-proprjetà intellettwali hija ċentrali għall-kompetizzjoni ġusta, u jinnota b'dispjaċir li l-kumpaniji globali m'humiex lesti li jiksbu l-liċenzji meħtieġa sabiex jużaw il-privattivi Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi protezzjoni effikaċi għall-privattivi essenzjali standard, u biex twettaq sorveljanza bir-reqqa sabiex tiżgura li l-utenti jiksbu tal-privattivi jiksbu l-liċenzji bil-mod adatt;
33. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga jekk hemmx xi tip ta' relazzjoni bejn preżenza qawwija ta' politiki u ex-ministri fil-bordijiet ta' tmexxija tal-kumpaniji tal-enerġija u l-prattiki oligopolistiċi fis-settur tal-enerġija f'xi Stati Membri;
34. Joġġezzjona d-dewmien fl-investigazzjonijiet tal-kumpanija Amerikana kbira Google, u jiddispjaċih mill-fatt li dawn diġà ilhom għaddejjin għal bosta snin mingħajr ebda trasparenza u mingħajr ma jista' jintwera ebda riżultat definittiv, u dan jirrifletti l-fatt li sal-2014 il-Kummissjoni kienet qed turi eżitazzjoni biex tindika r-rieda tagħha li telimina r-restrizzjonijiet tas-suq; jinnota li, speċjalment f'dak li jikkonċerna s-swieq dinamiċi, il-proċedimenti li jieħdu daqshekk fit-tul jistgħu effettivament jammontaw għal tindif tas-suq u joħolqu inċertezza għall-partijiet kollha;
35. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq investigazzjoni bir-reqqa dwar il-prattika tal-Ġoogle li permezz tagħha s-sistema operattiva “Android” tiġi offruta biss flimkien ma' servizzi oħra tal-Google, u li biha l-manifatturi ma jistgħux jinstallaw minn qabel prodotti konkorrenti; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni biex teżamina fid-dettall il-pożizzjoni dominanti fis-suq ta' Google fil-qasam tal-prenotazzjoni diretta tal-lukandi, u biex issib soluzzjoni xierqa għal din il-problema; jappoġġa l-miżuri tal-Kummissjoni mfassla biex jinħoloq livell ikbar ta' interoperabbiltà u portabbiltà madwar is-setturi diġitali kollha u, b'hekk, jiġi evitat xenarju fejn ir-rebbieħ jieħu kollox; jenfasizza l-importanza li l-Kummissjoni tingħata l-għodod it-tajba biex iżommu stampa aġġornata tal-iżviluppi rapidi fis-suq diġitali;
36. Jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq u tikkompleta b'attenzjoni l-investigazzjonijiet pendenti l-oħra kollha dwar il-kartelli, u biex telimina kwalunkwe restrizzjoni għas-suq; jilqa' l-fatt li l-Kummissarju l-ġdid irrifjuta li jċedi għall-pressjoni politika, u jitlob li l-proċedimenti jitħaffu b'tali mod li r-riżultati jkunu jistgħu jinkisbu fi żmien sena; jilqa', għaldaqstant, id-Dikjarazzjoni ta' Oġġezzjonijiet mibgħuta mill-Kummissjoni lil Google dwar is-servizz ta' tqabbil għax-xiri tagħha; jistieden lill-Kummissjoni biex tkompli teżamina b'mod determinat it-tħassib kollu identifikat fl-investigazzjonijiet tagħha, inklużi oqsma oħra ta' tfittxija bi preġudizzju, sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għall-atturi kollha tas-suq fis-suq diġitali;
37. Jinnota li skont l-Artikolu 8 tar-Regolament dwar il-Proċedimenti tal-Kartelli, ir-Regolament (KE) Nru 1/2003, il-Kummissjoni tista' tordna miżuri interim fejn ikun hemm riskju ta' dannu serju u irreparabbli għall-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina sa fejn tali miżuri jistgħu jiġu applikati fi proċedimenti mtwala b'rabta mal-kompetizzjoni, speċjalment fis-suq diġitali;
38. Ifakkar li n-newtralità tan-netwerk (jiġifieri, il-prinċipju li skontu t-traffiku kollu tal-internet jiġi ttrattat b'mod ugwali, mingħajr diskriminazzjoni, restrizzjoni jew interferenza, b'mod indipendenti minn min jibagħtu, minn min jirċevih, mit-tip, mill-kontenut, mit-tagħmir, mis-servizz jew mill-applikazzjoni tiegħu) hija ta' importanza kbira biex jiġ żgurat li ma jkun hemm l-ebda diskriminazzjoni bejn is-servizzi tal-internet u li l-kompetizzjoni tiġi ggarantita bis-sħiħ;
39. Jenfasizza li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun ibbażata fuq l-evidenza, u jilqa' l-inkjesta settorjali tal-Kummissjoni b'rabta mal-kummerċ elettroniku dwar ostakli potenzjali għall-kummerċ transkonfinali online ta' prodotti u servizzi bħal pereżempju fis-setturi tal-prodotti elettroniċi, tal-ilbies u ż-żraben u tal-kontenut diġitali;
40. Jinnota li l-każ Google qajjem diskussjoni ġenerali dwar is-saħħa ta' pjattaformi dominanti tal-internet bħalma huma eBay, Facebook, Apple, LinkedIn, Amazon, Uber, Airbnb, eċċ., dwar l-influwenza tagħhom fis-swieq u fl-isfera pubblika, u l-ħtieġa li dawn jiġu rregolati sabiex is-swieq u l-isfera pubblika jiġu protetti; jinnota li l-għan tar-regolamentazzjoni tal-pjattaformi tal-internet għandu jkun l-iżgurar ta' protezzjoni ogħla tal-utent filwaqt li jinżammu l-inċentivi għall-innovazzjoni;
41. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvestiga d-dominanza tas-suq ta' Google fir-rigward tal-prenotazzjoni diretta tal-lukandi; jinnota li l-kumpannija qed tirsisti biex dawk li jkunu qed ifittxu lukanda jipprenotaw u jħallsu permezz ta' Google minflok ma jgħadduhom f'sit tal-ivvjaġġar jew f'sit tal-lukandi ta' parti terza; jenfasizza li dan il-pass huwa potenzjalment kontroversjali peress li jibdel lil Google f'aġenzija tal-ivvjaġġar online, jew l-ekwivalenti tagħha, li timponi tariffi fuq il-prenotazzjoni; jinnota li l-biċċa l-kbira lukandiera jippreferu l-prenotazzjonijiet diretti iktar milli permezz ta' aggregatur jew sit ta' terza parti; jenfasizza li Google tista' tuża l-pożizzjoni dominanti tagħha u, fl-istess ħin, iddgħajjef lill-kompetituri fis-swieq tal-ivvjaġġar, u b'hekk tkun ta' ħsara għall-konsumaturi;
42. Jilqa' l-emendi li għadha kif adottat il-Kummissjoni għar-Regolament (KE) Nru 773/2004 dwar it-tmexxija ta' proċeduri mill-Kummissjoni skont l-Artikoli 81 u 82 tat-Trattat tal-KE, u l-komunikazzjonijiet relatati li jirriżultaw mid-Direttiva dwar Azzjonijiet għad-Danni; iqis li hija ħassra li l-Parlament ma kienx involut fl-abbozzar tal-emendi;
43. Jinnota li l-politika tal-kompetizzjoni għandha rwol ewlieni fl-ikkompletar tas-suq uniku diġitali; huwa tal-fehma li politika tal-kompetizzjoni b'saħħitha fuq swieq li jinbidlu malajr, teħtieġ għarfien tas-suq profond; jilqa', għalhekk, il-fatt li qed titwettaq inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku fl-implimentazzjoni tal-istrateġija tas-suq uniku diġitali;
Għajnuna mill-Istat
44. Jistieden lill-Kummissjoni biex, bħala l-gwardjan tat-Trattati, tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni mill-Istati Membri tad-direttiva msemmija hawn fuq, u biex tiżgura li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu infurzata b'mod uniformi madwar l-UE; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet fil-livelli amministrattivi reġjonali u komunali biex jippromwovu b'mod attiv il-konformità mal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE u biex jispjegaw il-bażi ġuridika tagħha; jenfasizza l-importanza li l-għajnuna mill-Istat orizzontali u dik vertikali jiġu indirizzati bl-istess mod; iqis li hemm bżonn ta' azzjoni għas-sensibilizzazzjoni madwar l-Unjoni Ewropea kollha dwar il-klassifikazzjoni u l-għoti ta' għajnuna mill-Istat illegali, speċjalment meta tali deċiżjonijiet ta' għajnuna jkunu tammontaw għal miżuri antikompetittivi u protezzjonisti; huwa tal-fehma, madankollu, li r-reġjuni mbiegħda jew periferiċi u l-gżejjer għandhom jingħataw aktar spazju ta' manuvra mill-preżent fl-applikazzjoni tar-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;
45. Iqis li l-Kummissjoni, partikolarment fil-proċedimenti dwar l-għajnuna mill-Istat, għandha teżamina l-evidenza pprovduta mill-Istati Membri b'mod aktar rigoruż, u ttejjeb s-sigurtà tal-fatti, peress li regolarment ikun hemm tentattivi biex jiġu evitati l-bażi ġuridika u r-restrizzjonijiet legali, jew biex jinstabu kompromessi xi ftit jew wisq dubjużi; iqis, barra minn hekk, li tali eżamijiet għandhom ikunu msejsa fuq ir-rikonoxximent li, f'setturi strateġiċi u vitali, bħalma huma dawk tal-enerġija, it-trasport u l-kura tas-saħħa, jeħtieġ li l-istati jiżguraw is-sigurtà totali, il-kontinwità tal-provvista u l-forniment tas-servizzi liċ-ċittadini kollha tagħhom, u li jeħtieġ li jieħdu ħsieb li ma jadottawx dispożizzjonijiet legali li jkunu ta' dannu għal Stati Membri oħra jew għall-Unjoni;
46. Itenni li l-Fondi Strutturali tal-UE ma jistgħux jintużaw b'mod li jinkoraġġixxu direttament jew indirettament ir-rilokazzjoni tas-servizzi jew il-produzzjoni lejn Stat Membru ieħor, eż. permezz ta' perjodu ta' stennija għall-intrapriżi li jirċievu dawn il-fondi; jenfasizza li l-għajnuna mill-Istat kultant tkun neċessarja sabiex jiġi żgurat l-għoti ta' servizzi ta' interess ekonomiku ġenerali, inklużi l-enerġija, it-trasport u t-telekomunikazzjoni; jenfasizza li intervent mill-Istat spiss ikun l-aktar għodda ta' politika effettiva biex tiġi żgurata l-provvista ta' servizzi li huma essenzjali sabiex jitħarsu l-kundizzjonijiet ekonomiċi u soċjali f'reġjuni iżolati, imbiegħda jew periferiċi u l-gżejjer fl-Unjoni;
47. Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni fl-2014 adottat il-Linji Gwida l-ġodda dwar l-Għajnuna mill-Istat għall-ħarsien ambjentali u l-enerġija, u implimentathom bħala r-Regolament Ġenerali għal Eżenzjoni ta' Kategorija (GBER);
48. Jilqa' l-inklużjoni fil-GBER tal-għajnuna soċjali għat-trasport ta' residenti ta' reġjuni mbiegħda, fejn il-problema ta' konnettività issa hija rikonoxxuta; jenfasizza li l-konnettività tar-reġjuni gżejjer periferiċi hija wkoll essenzjali għas-sostenn u l-iżvilupp ta' livelli aċċettabbli ta' inizjattiva ekonomika u soċjali permezz taż-żamma tar-rabtiet kummerċjali vitali;
49. Jilqa' l-inkjesta attwali tal-Kummissjoni fir-rigward ta' assi u krediti ta' taxxa differita (DTA/DTCs) għall-benefiċċju tas-settur bankarju f'bosta Stati Membri; huwa tal-fehma li d-DTA/DTCs għandhom jiġu awtorizzati b'mod retroattiv skont id-dispożizzjonijiet dwar l-għajnuna mill-Istat jekk ikunu marbuta ma' kundizzjonijiet espliċiti dwar il-miri ta' finanzjament għall-ekonomija reali;
50. Ifakkar fit-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex teżamina jekk is-settur bankarju bbenefikax, sa mill-bidu tal-kriżi, minn sussidji impliċiti u għajnuna mill-Istat fil-forma ta' appoġġ ta' likwidità mhux konvenzjonali;
51. Jilqa' l-introduzzjoni ta' linji gwida ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għal finanzjament ta' riskju, li l-għan primarju tagħhom huwa li jagħmluha possibbli li jiġu promossi b'mod aktar effettiv l-SMEs, il-kumpaniji innovattivi b'kapitalizzazzjoni medja u l-impriżi li għadhom jibdew, li għandhom żvantaġġ sinifikanti fid-daqs;
52. Jikkritika l-fatt li l-mudelli fiskali li jgħawġu l-kompetizzjoni, b'mod partikolari, jistgħu jwasslu għal problemi konsiderevoli għan-negozji ta' daqs medju, kif ukoll għal għadd ta' Stati Membri li ma japplikawx tali mudelli fiskali;
53. Jilqa' l-fatt li, bħala parti mill-modernizzazzjoni tad-dritt dwar l-għajnuna mill-Istat, il-Kummissjoni qed tieħu l-inizjattiva li toħroġ linji gwida ġodda li se jagħmluha ċara x'inhu mfisser b'għajnuna mill-Istat fl-isfera fiskali, u fl-iprezzar ta' trasferiment xieraq;
54. Jitlob studju separat mill-Kummissjoni li jivvaluta jekk id-dispożizzjonijiet tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat humiex humiex ifixklu l-konsolidazzjoni u t-tisħiħ tal-kompetittività fost il-kumpaniji Ewropej vis-à-vis il-kompetituri globali tagħhom, fir-rigward tal-mekkaniżmi tal-akkwist tal-istat, kif ukoll fil-perspettiva tal-konklużjoni reċenti tas-Sħubija Trans-Paċifika (TPP);
Kontroll tal-fużjonijiet
55. Jinnota li, fil-passat, il-valutazzjonijiet tal-fużjonijiet u l-akkwiżizzjonijiet fl-ekonomija diġitali fil-biċċa l-kbira saru abbażi tal-fatturat tan-negozji inkwistjoni, u dan huwa inadegwat; jenfasizza li n-negozji b'fatturat baxx u b'telf inizjali konsiderevoli wkoll jista' jkollhom klijentela kbira , u għaldaqstant volumi kbar ta' data, u livell għoli ta' saħħa fis-suq, kif juri l-akkwist ta' Whatsapp minn Facebook, li ġie approvat mingħajr ebda kundizzjoni mill-Kummissjoni, u li ħoloq preċedent;
56. Huwa tal-fehma li f'xi setturi ekonomiċi, l-ewwel u qabel kollox dak tal-ekonomija diġitali, għandhom jiġu applikati kriterji addizzjonali, li jmorru lil hinn mill-approċċi bbażati fuq il-prezzijiet, is-sehem tas-suq, u l-fatturat, peress li l-fużjonijiet spiss ikunu jinvolvu restrizzjonijiet tas-suq;
57. Iqis li, speċjalment fl-ekonomija diġitali, u fil-kuntest tal-protezzjoni tal-konsumatur, ir-regoli ġenerali tal-kompetizzjoni għandhom jiġu aġġornati biex jibqgħu aġġornati mar-realtajiet tas-suq, u għandhom jiġu introdotti kriterji addizzjonali ġodda fil-valutazzjoni tal-fużjonijiet, bħalma huma l-prezz tax-xiri, l-ostakli possibbli għad-dħul fis-suq, l-importanza vitali tad-data u u tal-aċċess għad-data, l-ispeċifikazzjonijiet ta' pjattaforma, u l-effetti assoċjaċti tan-netwerk, kif ukoll il-kwistjoni jekk hemmx kompetizzjoni globali fis-settur inkwistjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħti kunsiderazzjoni partikolari fir-rigward tal-mudell kummerċjali għan-negozji fl-ekonomija diġitali u tal-ostakli possibbli għad-dħul fis-suq, inklużi fatturi bħalma huma l-ambitu għall-bdil bejn il-pjattaformi u l-portabbiltà tad-data;
58. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistudja l-possibbiltà li l-bejjiegħa bl-imnut indipendenti, li skont id-dritt tal-kompetizzjoni jistgħu jaħdmu flimkien permezz tal-istabbilimenti tradizzjonali tagħhom, jipprovdu wkoll offerti konġunti tal-kummerċ elettroniku;
59. Huwa tal-fehma li l-valutazzjoni żbaljata tas-setgħa fis-suq, flimkien mad-definizzjoni attwali tas-suq, ta' sikwit qed tkun detrimentali għaln-negozji Ewropej, speċjalment fi żminijiet ta' globalizzazzjoni u f'suq diġitali dinamiku; jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra aġġustament mill-ġdid fil-qafas tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet;
60. Jesprimi tħassib dwar il-fatt li ħafna drabi jiġi adottat approċċ nazzjonali ta' natura stretta fir-rigward tal-kwistjoni tad-definizzjoni tas-suq, fejn ma tiġix ikkunsidrata b'mod xieraq l-internazzjonalizzazzjoni tas-swieq, kif kien il-każ, pereżempju, tar-Regolament dwar il-Fużjonijiet;
L-għajnuna finanzjarja u t-tassazzjoni
61. Jenfasizza li –kif iddikjarat għall-ħames darba fir-rapport annwali tiegħu dwar il-kompetizzjoni – l-għajnuna temporanja mill-Istat fis-settur finanzjarju kienet meħtieġa għall-istabbilizzazzjoni tas-sistema finanzjarja globali, iżda trid titnaqqas malajr, jew titneħħa kompletament u tiġi skrutinizzata, sabiex l-Unjoni Bankarja tkun tista' tiġi kkompletata; jenfasizza l-ħtieġa urġenti kontinwa li jiġu eliminati s-sussidji – fil-forma ta' garanziji impliċiti għal istituzzjonijiet finanzjarji li huma wisq kbar biex ifallu – sabiex jinħolqu kundizzjonijiet ekwi fis-settur finanzjarju, u biex jiġu protetti l-kontribwenti, li fir-rigward tagħhom għandha tingħata attenzjoni sabiex ikun żgurat li dan ma jiġġenerax profitti mhux mistennija jew benefiċċji għal persuni fiżiċi jew ġuridiċi; jenfasizza l-importanza ta' approċċ restrittiv fir-rigward tal-għajnuna mill-Istat;
62. Jenfasizza li l-kompetizzjoni fiskali ġusta hija indispensabbli għall-integrità tas-suq intern, għall-vijabbiltà tal-finanzi pubbliċi u sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi fil-kompetizzjoni;
63. Iqis li d-differenzi sinifikanti li ġew ikkonstatati bejn l-Istati Membri fl-użu tal-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju f'dawn l-aħħar snin jistgħu jwasslu għat-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni f'dan is-settur; jistieden lill-Kummissjoni biex tiċċara r-regoli u l-proċeduri li skonthom l-għajnuna mill-Istat fis-settur finanzjarju tista' tiġi awtorizzata; huwa tal-fehma li,mhux iktar tard minn meta l-Unjoni Bankarja tiġi kkompletata, l-għajnuna mill-Istat għas-settur bankarju għandha titnaqqas, filwaqt li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li r-regolamentazzjoni ma toħloqx tgħawwiġ fil-kompetizzjoni għall-benefiċċju tal-banek il-kbar, u li jkun hemm kreditu suffiċjenti disponibbli għall-SMEs;
64. Jemmen li l-Kummissjoni għandha tqis il-possibbiltà li torbot l-għajnuna mill-Istat lill-banek mal-kundizzjonalità fuq il-kreditu għall-SMEs;
65. Jistieden lill-Kummissjoni biex tniedi pjan direzzjonali għal għajnuna mill-Istat inqas imma mmirata aħjar, bl-għan li titnaqqas l-għajnuna mill-Istat sabiex ikun hemm taxxi aktar baxxi li jistimulaw negozji ġodda u kompetizzjoni ġusta, minflok ma jiġu appoġġati l-istrutturi qodma u l-operaturi stabbiliti;
66. Jenfasizza l-fatt li meta l-għajnuna mill-Istat tintuża biex jiġu promossi s-servizzi ta' interess ġenerali, huwa l-benefiċċju għall-konsumaturi u ċ-ċittadini, u mhux għall-kumpaniji individwali jew għal entitajiet pubbliċi, li huwa kruċjali;
67. Jistieden lill-Kummissjoni biex issegwi mill-qrib il-kundizzjonijiet li għandhom jiġu proposti mill-Bank Ċentrali Ewropew għall-għoti tal-liċenzji bankarji ġodda, bl-għan li jiġi żgurat il-ħolqien ta' kundizzjonijiet ekwi mingħajr ostakoli qawwija għad-dħul fis-suq; jemmen bis-sħiħ li, minħabba l-konċentrazzjoni għolja fis-settur bankarju ta' xi Stati Membri, għadd ikbar ta' entitajiet bankarji jkun tajjeb għall-konsumaturi u l-SMEs;
68. Jenfasizza l-importanza ewlenija tad-dritt tal-UE dwar is-sussidji fil-ġlieda kontra l-evitar tat-taxxa minn impriżi multinazzjonali;
69. Jilqa' l-investigazzjoni imnedija mill-Kummissjoni fl-2014 dwar l-għajnuna mill-Istat illegali, permezz ta' kompetizzjoni fiskali inġusta, għall-benefiċċju ta' ċerti kumpaniji individwali, li ġiet stiża għat-28 pajjiż tal-UE fl-2015; jitlob, barra minn hekk, lill-Istati Membri biex fil-futur jippreżentaw lill-Kummissjoni, fi żmien xieraq u mingħajr dewmien, l-informazzjoni kollha rilevanti dwar il-prattika fiskali tagħhom, u, fl-aħħar, biex jikkonformaw mal-obbligu tagħhom li jiżvelaw lill-Kummissjoni u lill-Parlament id-dettalji ta' kwalunkwe arranġament speċjali li jista' jkollu impatt fuq Stati Membri oħra u l-SMEs;
70. Jinnota li, matul il-mandati riċenti, il-Kummissjoni fetħet biss għadd limitat ħafna ta' investigazzjonijiet f'każijiet potenzjali ta' għajnuna mill-Istat b'rabta fiskali, minkejja suspetti b'bażi soda, li sadanittant saru pubblċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tuża s-sejbiet tal-investigazzjonijiet attwali bħala l-bażi għal linji gwida aktar preċiżi u effikaċi għall-għajnuna mill-Istat b'rabta fiskali, biex tuża s-setgħat kollha tagħha skont ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex tindirizza l-prattiki fiskali dannużi u tissanzjona lill-Istati Membri u l-kumpaniji li jinstab li jkunu involuti f'tali prattiki; jistieden lill-Kummissjoni biex tispeċifika, fl-istess ħin, liema huma l-miżuri fiskali li mhumiex konsistenti mal-politika dwar l-għajnuna mill-Istat;
71. Iqis li, sabiex tiġi żgurata l-kompetizzjoni ġusta fost il-kumpaniji, b'konformità mar-Regolament tal-Kummissjoni (UE) Nru 651/2014, għandhom jiġu appoġġati l-kumpaniji li jinsabu f'reġjuni li jesperjenzaw żvantaġġi permanenti jew temporanji, u għandha tingħata aktar flessibbiltà lir-reġjuni li qed jesperjenzaw problemi ekonomiċi serji, bħar-reġjuni inklużi fl-objettivi ta' Konverġenza u ta' Kompetittività, u lir-reġjuni insulari;
72. Jiddispjaċih li mill-1991 ġewinvestigati biss għadd limitat ħafna ta' każijiet ta' għajnuna mill-Istat marbuta ma' kompetizzjoni fiskali inġusta, u dan jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat aċċess wiesa' għall-informazzjoni sabiex jingħata bidu għal aktar investigazzjonijiet dwar każijiet suspettużi; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar ir-riżorsi limitati disponibbli attwalment lis-servizzi kompetenti tal-Kummissjoni, peress li dan jista' jillimita l-kapaċità tagħhom li jimmaniġġjaw numru ferm akbar ta' każijiet;
73. Jenfasizza li l-proċedimenti tal-għajnuna mill-Istat waħidhom ma jistgħux ittemm b'mod permanenti l-kompetizzjoni fiskali inġusta li teżisti f'għadd ta' Stati Membri; sena wara r-rivelazzjonijiet ta' "LuxLeaks" għad hemm bżonn ta' riżultati konkreti ulterjuri bħall-bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva, ir-reviżjoni tad-Direttiva tal-VAT sabiex tiġi evitata l-frodi, l-obbligu għall-kumpaniji internazzjonali kbar li jirrappurtaw il-fatturat u l-profitti tagħhom skont il-kunċett ta' ''pajjiż b'pajjiż'' u li l-Istati Membri jintalbu jistabbilixxu aktar trasparenza fil-prattiki fiskali tagħhom kif ukoll fir-rekwiżiti ta' rappurtar reċiproku;
74. Huwa tal-fehma li l-prattiki fiskali użati attwalment minn ċerti Stati Membri qed jikkompromettu b'mod serju s-suq intern, li b'mod partikolari l-impriżi multinazzjonalijridu jikkontribwixxu b'mod ġust u xieraq għall-finanzi pubbliċi tal-Istati Membri, u li tinħtieġ investigazzjoni ulterjuri fil-prattiki u d-deċiżjonijiet fiskali dannużi li jwasslu għall-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa fl-Ewropa; jilqa' l-kumitat il-ġdid TAXE;
75. Jenfasizza li għandu jiġi stabbilit kumitat ta' inkjesta tal-Parlament biex jinvestiga aktar il-prattiki u d-deċiżjonijiet fiskali dannużi u mifruxa li jirriżultaw fl-erożjoni tal-bażi tat-taxxa korporattiva u l-ippjanar aggressiv tat-taxxa fl-Ewropa; jenfasizza li dan għandu, fi kwalunkwe każ, ikompli l-ħidma li għaddejja tiegħu biex jinvestiga l-kompetizzjoni fiskali żleali fl-UE;
76. Iqis li kompetizzjoni fiskali ġusta hija wieħed mill-elementi kostituttivi tas-suq intern, iżda li, minkejjal l-kompetenza primarja tal-Istati Membri, il-kompetizzjoni fiskali inġusta għandha tiġi evitata, pereżempju permezz ta' bażijiet tat-taxxa armonizzati, skambji ta' informazzjoni bejn l-awtoritajiet tat-taxxa, u l-għoti ta' dritt legali espliċitu biex il-movimenti ta' kapital jiġi kkontrollat jekk dan ikun essenzjali għall-funzjonament tajjeb tas-sistema fiskali fl-Unjoni; huwa tal-fehma li l-introduzzjoni ta' bażi komuni konsolidata tat-taxxa korporattiva (BKKTK) se tgħin biex is-sistema tkun aktar trasparenti; jemmen li l-kwistjoni tal-konsolidazzjoni tista' tiġi indirizzata aktar tard, u m'għandhiex tkun ta' ostakolu għall-introduzzjoni rapida ta' BKKTK;
77. Jenfasizza li, fi ħdan is-suq intern, dawk li jkunu għadhom kif daħlu fis-suq u l-SMEs li jkunu qed jagħmlu negozju f'pajjiż wieħed biss qed jiġu ppenalizzati fil-konfront tal-kumpaniji multinazzjonali, li jistgħu jittrasferixxu l-profitti jew jimplimentaw forom oħra ta' ppjanar aggressiv tat-taxxa permezz ta' varjetà ta' deċiżjonijiet u strumenti, disponibbli għalihom biss; jinnota bi tħassib li, taħt l-istess kundizzjonijiet, l-obbligi fiskali iktar baxxi li jirriżultaw iħallu lill-kumpaniji multinazzjonali qligħ wara t-taxxa ogħla, u joħlqu kundizzjonijiet mhux ekwi għad-detriment tal-kompetituri tagħhom fis-suq intern, li ma għandhomx rikors għal ippjanar aggressiv tat-taxxa u li jħallsu t-taxxi fil-post jew il-postijiet fejn dawn jiġġeneraw il-profitti tagħhom; jenfasizza li l-promozzjoni ta' prattiki fiskali dannużi permezz tal-ħolqien ta' kumpaniji privati Ewropej b'responsabbiltà limitata b'membru uniku, li r-regoli ta' tmexxija tagħhom ikunu jiddikjaraw espliċitament li jista' jkollhom żewġ sedi differenti – jiġifieri, uffiċċju rreġistrat f'post wieħed u kwartieri amministrattivi band' oħra – hija l-approċċ żbaljat għall-UE;
78. Jenfasizza li l-Kummissjoni għandu jkollha, ovvjament, aċċess għad-data skambjata bejn l-awtoritajiet fiskali li tkun rilevanti fil-kuntest tad-dritt tal-kompetizzjoni;
79. Jikkunsidra li l-kompetizzjoni ġusta tista' tiġi mxekkla bl-ippjanar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni biex taġġusta d-definizzjoni ta' "stabbiliment permanenti" sabiex il-kumpaniji ma jkunux jistgħu jevitaw artifiċjalment li jkollhom preżenza taxxabbli fi Stati Membri li fihom ikollhom l-attività ekonomika. jenfasizza li din id-definizzjoni għandha tindirizza wkoll is-sitwazzjoni speċifika tas-settur diġitali, sabiex jiġi żgurat li l-kumpaniji involuti f'attivitajiet kompletament dematerjalizzati, jiġu kkunsidrati li għandhom stabbiliment permanenti fi Stat Membru jekk dawn iżommu preżenza diġitali sinifikanti fl-ekonomija ta' dak il-pajjiż;
80. Jenfasizza li meta l-Kummissjoni tkun qed tittratta deċiżjonijiet dwar il-kompetizzjoni, is-suq intern irid jitqies bħala suq wieħed, u mhux bħala għadd ta' swieq lokali jew nazzjonali;
81. Iqis li, fid-dawl ta' studji li jistmaw il-valur annwali tal-frodi tat-taxxa u tal-evitar tat-taxxa sa EUR triljun (1 000 000 000 000), l-Istati Membri għandhom finalment jindirizzaw u jirrestrinġu din il-prattika; huwa tal-fehma li t-tnaqqis l-frodi tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa huwa fundamentali biex isir progress dwar il-konsolidazzjoni tal-baġits pubbliċi; jilqa' l-adozzjoni riċenti mill-ministri tal-finanzi tal-G20 ta' regoli ġodda mfassla mill-OECD dwar l-erożjoni tal-bażi u t-trasferiment tal-profitt, li se jtejbu t-trasparenza, jagħlqu l-lakuni u jillimitaw l-użu ta' rifuġji fiskali; hu tal-fehma li, minħabba l-livell ta' integrazzjoni tagħha, jeħtieġ li l-UE tmur oltre l-proposti ppreżentati fil-proġett tal-OECD dwar l-Erożjoni tal-Bażi tat-Taxxa u t-Trasferiment tal-Profitti (il-BEPS) f'termini ta' koordinament u konverġenza mmirati biex jevitaw kull forma ta' kompetizzjoni fiskali dannuża fi ħdan is-suq intern; jissottolinja, iżda, li l-approċċ tal-OECD għadu msejjes fuq regoli mhux vinkolanti u li l-azzjoni tagħha trid tkun integrata minn qafas leġiżlattiv adegwat fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-bżonnijiet tas-suq uniku, eż. fil-forma ta' direttiva kontra l-BEPS li tmur lil hinn mill-inizjattivi tal-OECD fil-qasam tal-BEPS f'setturi mhux biżżejjed koperti; jitlob valutazzjoni tal-impatt ekonomiku, finanzjarju u marbut mal-kompetizzjoni tal-evitar tat-taxxa u l-frodi fiskali;
82. Huwa tal-fehma, fid-dawl tal-prattiki fiskali inġusti użati minn xi Stati Membri, li l-politika dwar is-suq intern u l-politika tal-kompetizzjoni għandhom jimxu id f'id, fi sforz biex jiżguraw li l-profitti jiġu distribwiti b'mod ġust u li t-trasferiment tal-profitt lil ċerti Stati Membri, jew saħansitra barra mill-UE, sabiex jitnaqqsu l-obbligi tat-taxxa, isir impossibbli;
83. Jenfasizza li l-iskambju komprensiv, trasparenti u effikaċi ta' informazzjoni dwar it-taxxa huwa prerekwiżit ewlieni biex jiġi evitat l-ippjanar aggressiv tat-taxxa; jenfasizza, fl-istess ħin, li s-simplifikazzjoni tal-arranġamenti ta' taxxa fil-livell tal-Istati Membri tista' tikkontribwixxi ħafna għat-trawwim tat-trasparenza u ċ-ċarezza;
84. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissarju għall-Kompetizzjoni li tirriforma l-kontroll tal-għajnuna mill-istat fl-ispirtu ta' piż ġust tat-taxxa għal kulħadd; jistenna li, qabel din ir-riorganizzazzjoni, se jkun hemm evalwazzjoni sħiħa u mingħajr kundizzjonijiet, u jistieden lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli d-dokumenti kollha mitluba lill-Parlament u biex ineħħu l-mentalità attwali ta' ta' ostruzzjoni, li qed twaqqaf il-progress f'dan il-qasam, u f'dan ir-rigward għandu jiġi mfakkar li Stati Membri differenti jridu jirrispondu għal imperattivi politiċi differenti abbażi tal-pożizzjoni ġeografika tagħhom, id-daqs tagħhom, il-karatteristiċi fiżiċi u l-karatteristiċi l-oħrajn tagħhom, kif ukoll l-istat ta' żvilupp ekonomiku u soċjali tagħhom, u l-istat tagħhom ta' żvilupp ekonomiku u soċjali, u jitlob reviżjoni tal-linji gwida dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa biex jiġu koperti l-każijiet ta' kompetizzjoni inġusta li jmorru lil hinn minn deċiżjonijiet u t-trasferimenti tat-taxxa;
85. Jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi, fil-futur qarib, linji gwida dettaljati dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa u dwar l-ipprezzar ta' trasferiment; jenfasizza li l-linji gwida ta' dan it-tip f'oqsma ta' politika oħrajn urew li huma effikaċi ħafna biex jeliminaw u jevitaw l-introduzzjoni ta' ċerti prattiki fi Stati Membri li ma jikkonformawx mar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat; jinnota li tali linji gwida huma effikaċi biss jekk jiġu stabbiliti disposizzjonijiet preċiżi ħafna, inkluż fil-forma ta' sollijiet kwantitattivi;
86. Jistieden lill-Istati Membri biex jippubblikaw informazzjoni dwar id-deċiżjonijiet fiskali tagħhom, u biex jippreżentawha bi tqassim reġjonali, sabiex jiġi żgurat li ma jkunx hemm eċċess ta' deċiżjonijiet fiskali f'ċerti reġjuni li b'hekk joħolqu effettivament għajnuna mill-Istat għalihom;
87. Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra l-introduzzjoni ta' sanzjonijiet, kontra l-istat jew il-kumpanija involuta, għal każijiet serji ta' għajnuna illegali mill-Istat;
88. Jistieden lill-Kummissjoni biex temenda mingħajr dewmien ir-regoli attwali sabiex l-ammonti li jiġu irkuprati wara ksur tar-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat fil-qasam tat-taxxa jingħataw lura lil dawk l-Istati Membri li sofrew minn erożjoni fil-bażi tat-taxxa tagħhom, jew lill-baġit tal-UE, u mhux lill-Istat Membru li jkun ta għajnuna illegali mill-Istat fil-qasam tat-tat-taxxa, bħalma hu l-każ bħalissa, peress li din ir-regola qed tipprovdi inċentiv addizzjonali għall-evitar tat-taxxa; jistieden lill-Kummissjoni biex tagħmel użu sħiħ mis-setgħat tagħha skont ir-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni sabiex tindirizza l-prattiki fiskali dannużi;
89. Jitlob qafas leġiżlattiv tal-UE biex jiġi evitat it-tgħawwiġ tal-kompetizzjoni bl-ippjanar aggressiv tat-taxxa u l-evażjoni tat-taxxa; jirrakkomanda, bl-għan li jinħolqu kundizzjonijiet ekwi, l-introduzzjoni ta' skambju awtomatiku obbligatorju tad-deċiżjonijiet fiskali, BKKTK u garanzija li ma jitħalla l-ebda profitt joħroġ mill-UE mingħajr ma jkun intaxxat;
90. Isostni li l-kooperazzjoni internazzjonali hija essenzjali biex ikun hemm applikazzjoni effikaċi tal-prinċipji tad-dritt tal-kompetizzjoni fl-era tal-globalizzazzjoni; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni biex trawwem kooperazzjoni internazzjonali eqreb fi kwistjonijiet relatati mad-dritt tal-kompetizzjoni; jenfasizza li l-ftehimiet dwar id-dritt tal-kompetizzjoni li jippermettu li l-informazzjoni tiġi skambjata bejn l-awtoritajiet investigattivi tal-kompetizzjoni jistgħu jagħtu kontribut partikolarment effikaċi għall-kooperazzjoni internazzjonali fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni;
91. Huwa tal-fehma li s-Sħubija Trans-Atlantika ta' Kummerċ u ta' Investiment (TTIP) u l-ftehimiet internazzjonali ta' kummerċ u ta' investiment l-oħra kollha għandu jkollhom taqsima b'saħħitha dwar il-kompetizzjoni;
92. Jenfasizza li s-sħab kummerċjali għandhom jibbenefikaw minn kompetizzjoni dejjem tikber fil-qasam kummerċjali, minn investimenti fis-settur privat, inklużi investimenti fil-qafas ta' sħubiji pubbliċi-privati, kif ukoll minn prosperità akbar tal-konsumaturi;
93. Jenfasizza li l-UE għandha żżid l-isforzi tagħha biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali, biex tivvaluta fost oħrajn jekk ir-regoli tal-kompetizzjoni humiex jiġu rispettati u jekk is-sħab kummerċjali humiex jissodisfaw u jirrispettaw kompletament l-obbligi li impenjaw ruħhom għalihom;
94. Jistieden lill-Kummissjoni biex tuża l-politika kummerċjali bħala mezz biex taħdem lejn it-twaqqif ta' regoli għal politika kompetittiva fuq livell globali sabiex jiġu eliminati d-diversi ostakli persistenti għall-kummerċ; iqis li l-għan fit-tul ta' ftehim multilaterali b'rabta mar-regoli dwar il-kompetizzjoni, konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ, jikkostitwixxi l-aqwa soluzzjoni;
95. Jappoġġa l-inizjattivi tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-OECD, kif ukoll l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni dinjija fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni;
96. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;
97. Jappella għal miżuei biex jiġi żgurat li l-prodotti kollha importati minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-istandards ambjentali, tas-saħħa u soċjali applikati mill-Unjoni u mħarsa fis-suq dinji, sabiex b'hekk il-produtturi industrijali Ewropej jiġu protetti mill-kompetizzjoni żleali;
98. Jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu l-kompetizzjoni ġusta; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa aktar il-koperazzjoni, b'mod partikulari mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-ekonomiji emerġenti, u biex tiżgura li jiġu stabbiliti salvagwardji adatti;
99. Jinnota li l-aċċess ugwali għar-riżorsi, inklużi s-sorsi tal-enerġija, huwa ta' importanza vitali biex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta fis-suq dinji; jenfasizza, f'dan ir-rigward, l-importanza tal-enerġija affordabbli u sostenibbli, u tas-sigurtà tal-provvista fil-ftehimiet kummerċjali;
100. Jistieden lill-Kummissjoni biex tippubblika s-sejbiet tal-investigazzjonijiet attwali fil-prattiki kompetittivi fil-provvista tal-ikel, l-enerġija, it-trasport u s-setturi tal-midja;
101. Jilqa' l-linji gwida l-ġodda dwar l-għajnuna mill-Istat għall-kumpaniji tal-ajru u l-ajruporti fl-UE, li huma parti mill-pakkett Pakkett tal-Modernizzazzjoni tal-Għajnuna mill-Istat tal-Kummissjoni; jitlob lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi b'urġenza, fil-ftehimiet internazzjonali, sett simili ta' regoli għal-linji tal-ajru ssussidjati li joperaw minn pajjiżi terzi lejn u mill-UE, sabiex tiġi żgurata kompetizzjoni ġusta bejn it-trasportaturi tal-UE u dawk ta' pajjiżi terzi;
102. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex tippromwovi l-iskambju ta' prattiki tajba permezz tan-Netwerk Ewropew tal-Kompetizzjoni bil-ħsieb li jiġi indirizzat it-tħassib imqajjem fir-rigward tal-alleanzi bejn id-distributuri, li ħafna każijiet minnhom diġà qed jiġu investigati mill-awtoritajiet rilevanti fl-Istati Membri; jitlob li dawn id-diskussjonijiet jikkunsidraw l-interazzjonijiet bejn il-livell nazzjonali u dak Ewropew;
103. Iħeġġeġ lin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni biex jiddiskuti n-netwerk ta' alleanzi ta' xiri bl-imnut li qed jikber fil-livell nazzjonali u tal-UE;
104. Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa b'mod progressiv qafas tal-UE dwar il-kompetizzjoni biex fil-monitoraġġ tal-katina tal-provvista tal-ikel fl-Ewropa l-indikaturi tas-sistemi ta' Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) tal-Organizzazzjoni tal-Ikel u l-Agrikoltura tan-Nazzjonijiet Uniti (FAO), inklużi l-indikaturi taħt l-intestaturi ta' Ipprezzar Ġust u Kuntratti Trasparenti (S.2.1.1) u D-Dritt tal-Fornituri (S2.2.1);
105. Jitlob l-istabbiliment ta' osservatorju Ewropew tal-prezzijiet agrikoli u tal-ikel fl-oriġini u fid-destinazzjoni; jiġbed l-attenzjoni għall-indiċi Spanjol tal-prezzijiet tal-oriġini u tad-destinazzjoni IPOD bħala mudell possibbli għall-monitoraġġ tal-abbużi potenzjali minn bejjiegħa bl-imnut tal-bdiewa u l-konsumaturi;
106. Jitlob azzjoni vinkolanti fil-katina ta' provvista tal-ikel kontra l-bejjiegħa bl-imnut li jagħmlu ħsara lill-bdiewa u lill-konsumaturi;
107. Jinsab partikolarment imħasseb dwar is-sitwazzjoni fis-settur tal-ħalib, fejn il-bejjiegħa bl-imnut ilhom jimponu prezzijiet ferm inqas mill-kostijiet wara li ntemmet is-sistema tal-kwoti;
It-tisħiħ demokratiku tal-politika tal-kompetizzjoni
108. Jilqa' d-djalogu regolari bejn il-Kummissarju għall-Kompetizzjoni u l-Parlament, iżda huwa tal-fehma li d-dritt ta' konsultazzjoni dwar kwistjonijiet fundamentali ta' prinċipju mhuwiex biżżejjed;
109. Jinnota li fil-qasam tad-dritt tal-kompetizzjoni, il-Parlament huwa biss involut fil-proċess leġiżlattiv permezz tal-proċedura ta' konsultazzjoni, b'tali mod li huwa jista' jkollu ħafna inqas influwenza fuq il-leġiżlazzjoni meta mqabbel mal-Kummissjoni u l-Kunsill;
110. Jilqa' d-djalogu fuq bażi regolari li jkollha l-Kummissjoni mal-Parlament dwar kwistjonijiet b'rabta mal-kompetizzjoni; jitlob għal darb' oħra li d-direttivi u l-linji gwida leġiżlattivi bażiċi jiġu adottati fi ħdan il-proċedura ta' kodeċiżjoni; iqis li d-djalogu attwali bejn il-Parlament u l-awtorità tal-kompetizzjoni tal-UE għandu jkomplu jiġi intensifikat, b'mod partikolari, bl-għan li ssir valutazzjoni u tittieħed azzjoni fir-rigward tat-talbiet magħmula mill-Parlament fis-snin preċedenti; jemmen li l-indipendenza tad-DĠ Kompetizzjoni hija tal-akbar importanza biex ikun jista' jikseb b'suċċess l-għanijiet tiegħu. jistieden lill-Kummissjoni biex talloka mil-ġdid riżorsi finanzjarji u umani suffiċjenti lil DĠ Kompetizzjoni; jitlob b'mod partikolari s-separazzjoni stretta bejn id-dipartimenti li jfasslu l-linji gwida u dawk li huma responsabbli biex japplikaw dawk il-linji gwida f'każijiet speċifiċi;
111. Iqis li għandu jkollu setgħat ta' kodeċiżjoni fil-politika tal-kompetizzjoni; jiddispjaċih li l-Artikoli 103 u 109 TFUE jipprovdu biss għal konsultazzjoni tal-Parlament; jemmen li dan id-defiċit demokratiku ma jistax jiġi ttollerat; jipproponi li dan id-defiċit jiġi ssuperat kemm jista' jkun malajr, permezz ta' arranġamenti interistituzzjonali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni, u jiġi korrett fit-tibdil li jmiss tat-Trattat;
112. Jitlob li jingħata setgħat ta' kodeċiżjoni fil-politika tal-kompetizzjoni, speċjalment għal dak li għandu x'jaqsam ma' prinċipji fundamentali u linji gwida vinkolanti, u jiddispjaċih li fl-aħħar emendi tat-Trattat dan il-qasam ta' politika tal-Unjoni ma ġiex imsaħħaħ fid-dimensjoni demokratika tiegħu; jistieden lill-Kummissjoni biex tressaq proposti għal emenda korrispondenti fit-Trattati sabiex l-kamp ta' applikazzjoni tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja jiġi estiż sabiex ikopri wkoll id-dritt tal-kompetizzjoni;
113. Jistieden lill-Kummissjoni biex tinvolvi iżjed lill-Parlament fl-investigazzjonijiet settorjali speċifiċi, filwaqt li tiġi żgurata l-kunfidenzjalità ta' ċerta informazzjoni ppreżentata mill-partijiet ikkonċernati; jitlob li r-regolamenti tal-Kunsill fil-futur ikunu bbażati fuq l-Artikolu 114 TFUE, li jittratta l-funzjonament tas-suq intern, sabiex ikunu jistgħu jiġu adottati skont il-proċedura ta' kodeċiżjoni, jekk l-emenda mixtieqa tat-Trattat mhijiex mistennija dalwaqt; jenfasizza li l-ħidma fuq id-Direttiva dwar il-Pretensjonijiet għad-Danni tista' tipprovdi mudell għall-kooperazzjoni interistituzzjonali futura fi kwistjonijiet relatati mal-kompetizzjoni; jistieden lill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni biex tkompli d-djalogu li nbeda mal-kumitati rilevanti tal-Parlament u mal-Grupp ta' Ħidma dwar il-Kompetizzjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji tal-Parlament;
114. Huwa tal-fehma li l-Kummissjoni xorta għandha tagħmel u tippubblika fil-pront valutazzjoni orjentata lejn ir-riżultati u speċifika tal-proposti differenti tal-Parlament għall-iżvilupp ulterjuri tal-politika tal-kompetizzjoni;
115. Jenfasizza li fil-ħidma futura tiegħu, id-DĠ Kompetizzjoni tal-Kummissjoni għandu jieħu kont xieraq tal-pożizzjonijiet adottati mill-Parlament fir-rapporti preċedenti dwar il-politika tal-kompetizzjoni;
116. Iqis li għandhom jinżammu l-forom kollha ta' djalogu li s'issa ġew ippruvati u ttestjati;
117. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni.
NOTA SPJEGATTIVA
Bażi ġuridika
It-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jinkludi fl-Artikoli 101-109 regoli vinkolanti għall-kompetizzjoni fis-suq intern komuni, li huwa bbażat fuq ekonomija miftuħa b'kompetizzjoni libera.
B'mod korrispondenti huma projbiti ftehimiet u arranġamenti bejn l-impriżi li jillimitaw il-kompetizzjoni, li jistgħu jaffettwaw ħażin il-kummerċ bejn l-Istati Membri u li jwasslu għal sfruttament abbużiv minn pożizzjoni tas-suq dominanti. L-akkwiżizzjoni fuq dimensjoni komunitarja u l-għaqdiet bejn l-impriżi li jwasslu jew jistgħu jwasslu għal konċentrazzjoni estensiva tas-suq jiġu kkontrollati mill-Kummissjoni Ewropea u f'każijiet speċifiċi jistgħu jiġu suġġetti għal kundizzjonijiet jew saħansitra jiġu pprojbiti.
L-għajnuna mill-istat favur impriżi jew prodotti partikolari u individwali li twassal għal tgħawwiġ fil-kompetizzjoni fi ħdan is-suq intern ġeneralment hija pprojbita ħlief għal xi ftit eċċezzjonijiet, madankollu tista' tiġi aċċettata mill-Kummissjoni taħt ċerti kundizzjonijiet u f'kull każ trid tiġi nnotifikata lill-Kummissjoni biex tiġi eżaminata.
Id-dispożizzjonijiet dwar il-kompetizzjoni japplikaw ukoll għal impriżi pubbliċi, servizzi pubbliċi u servizzi ta’ interess ġenerali. Ir-regoli tal-kompetizzjoni (tal-Kummissjoni) jistgħu jiġu sospiżi biss jekk ikun hemm riskju li l-għan ta' dawn is-servizzi partikolari ma jkunx se jinkiseb. L-għan fundamentali tar-regoli tal-kompetizzjoni komunitarji huwa li l-kompetizzjoni tiġi protetta minn falsifikazzjonijiet. Madankollu l-kompetizzjoni effikaċi mhijiex għan fiha nnifisha, iżda hija kundizzjoni għar-realizzazzjoni ta’ suq intern ħieles u dinamiku.
Ir-regoli tal-kompetizzjoni ġew ippruvati fil-prattika amministrattiva tal-Kummissjoni, li testendi għal bosta snin, u ssaħħew u żviluppaw ulterjorment fil-ġurisprudenza tal-qrati Ewropej, u għalhekk illum b'mod ġenerali għandhom jitqiesu li huma rikonoxxuti u stabbli.
Ir-rapport 2014
Fir-rapport tal-2014 dwar il-politika tal-kompetizzjoni, il-Kummissjoni tenfasizza li għall-Ewropa din is-sena kienet ''sena ta' bidu ġdid'', minħabba li l-President Juncker fid-deskrizzjoni tal-kompiti għall-Kummissjoni l-ġdida enfasizza li anke l-politika tal-kompetizzjoni tista' tikkontribwixxi b'mod proporzjonat sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-aġenda għall-impjiegi u t-tkabbir, jiġifieri fost l-oħrajn fl-oqsma bħas-suq uniku diġitali, il-politika tal-enerġija, is-servizzi finanzjarji, il-politika industrijali u l-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa.
Ir-rapport tal-2014 dwar il-kompetizzjoni mressaq mill-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Vestager jitratta madankollu fil-maġġorparti tiegħu il-mandat tal-Kummissjoni preċedenti u b'mod partikolari l-mandat tal-eks Kummissarju għall-Kompetizzjoni Almunia. L-orjentazzjoni l-ġdida tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE tista' għalhekk tidħol fis-seħħ minn Novembru 2014 u b'hekk toħloq l-aspettattiva li, minbarra l-iżvilupp ulterjuri kontinwu tal-politika tal-kompetizzjoni, jiġu stabbiliti prijoritajiet ġodda għall-futur.
S'issa fil-qasam tal-liġi tal-kompetizzjoni, il-Parlament Ewropew ġeneralment huwa involut biss fil-proċedura ta' konsultazzjoni. Għalhekk l-influwenza tiegħu meta mqabbla ma' dik tal-Kummissjoni u anke tal-Kunsill, sfortunatament hija limitata.
Għaldaqstant il-Parlament fil-passat talab b'mod ripetut li l-proċedura leġiżlattiva ordinarja skont it-Trattat ta' Lisbona tiġi introdotta wkoll għal-liġi tal-kompetizzjoni. Dan jidher li huwa meħtieġ minħabba li, fil-fehma tar-rapporteur, il-Kummissjoni, bħala awtorità tal-kompetizzjoni b'setgħat fl-infurzar, ma tistax tistabbilixxi l-qafas ġuridiku fil-forma ta' linji gwida u fl-istess ħin tkun responsabbli minn hemm 'il quddiem għall-implimentazzjoni tal-linji gwida proprji tagħha u tkun tista' timponi wkoll multi estensivi.
Fin-nuqqas ta’ kodeċiżjoni, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rapport annwali tal-Kummissjoni dwar il-kompetizzjoni hija waħda mill-indikaturi ewlenin għall-kontroll tal-eżekuttiv f'dan il-qasam ta' kompetenza Ewropew tant importanti.
Għal xi snin, partikolarment mindu ġie adottat it-Trattat ta' Lisbona, ir-riżoluzzjoni tal-Parlament m'għadhiex madankollu sempliċi reazzjoni għar-riżultati li kisbet il-Kummissjoni mill-perjodu ta' rappurtar preċedenti, iżda sservi wkoll ta' gwida għall-Kummissjoni fi kwistjonijiet ewlenin attwali tal-liġi tal-kompetizzjoni u l-applikazzjoni tagħha.
Għal żmien twil kien hemm ftehim garantit ukoll mill-Kummissarju l-ġdid Vestager, li l-membru responsabbli tal-Kummissjoni jkun preżenti fuq bażi regolari fil-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, jispjega l-punti ta' prijorità politiċi attwali fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni u jiddiskuti deċiżjonijiet individwali mal-membri.
Sfortunatament fis-snin li għaddew wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, il-valutazzjoni pubblika fuq bażi regolari min-naħa tal-Kummissjoni dwar il-proposti tal-Parlament saret inadegwata jew saħansitra ineżistenti. Għalhekk wieħed mill-appelli għall-futur huwa li l-Kummissjoni, apparti r-rapport annwali tagħha dwar il-kompetizzjoni b'rabta ma' xogħolha u l-prijoritajiet tagħha, wara l-adozzjoni tar-riżoluzzjoni tal-Parlament tagħti l-opinjoni tagħha bil-miktub u oralment u fi żmien raġonevoli dwar il-proposti individwali, li l-Parlament ġeneralment jadotta b'maġġoranza kbira.
Fil-fehma tar-rapporteur, il-kompiti tal-Kummissjoni għandhom jinkludu fil-futur it-tisħiħ tal-informazzjoni, il-kontroll konsistenti u s-sorveljanza preventiva ta' għajnuniet mill-istat mhux permessi, li jgħawwġu l-kompetizzjoni minn impriżi u Stati Membri individwali jew sottodiviżjonijiet ta' dawk l-Istati Membri. Sfortunatament ċerti Stati Membri ma jeħdux il-projbizzjoni fuq l-għajnuna skont l-Artikolu 107 tat-TFUE bis-serjetà, jew inkella mhijiex ivvalutata u rikonoxxuta biżżejjed bħala liġi superjuri. Billi l-Artikolu 107(2) jinkludi lista eżawrjenti tal-każijiet li huma kompatibbli mas-suq intern u awtomatikament permessi, il-Kummissjoni għandha titfa ħarsitha iżjed fuq il-bosta vjolazzjonijiet u diverġenzi varji, li saru prattika komuni fil-politika fiskali.
Rigward il-kwistjoni importanti tad-delimitazzjoni tas-suq rilevanti, il-Kummissjoni fil-passat uriet inċertezza, partikolarment fil-qasam tal-ekonomija diġitali, u tabilħaqq anke fil-kwistjoni dwar meta jkun hemm pożizzjoni dominanti tas-suq u mġiba abbużiva, kif ukoll fil-kontroll tal-fużjonijiet. Dan huwa dovut għall-istruttura, li spiss tkun partikolari, tas-suq fl-ekonomija diġitali, li hija kkaratterizzata minn swieq bilaterali, effetti tan-netwerk u offerti mingħajr ħlas. Fil-valutazzjoni tal-kompetizzjoni l-Kummissjoni għandha tiffoka aktar fuq il-mudell tan-negozju rispettiv tal-impriża, u mhux biss fuq ftit indikaturi bħall-prezzijiet u l-fatturat, li jiżvelaw ftit li xejn dwar is-saħħa tas-suq reali.
Meta ''impriża żgħira'' ta' 50 impjegat biss tittieħed minn ġgant tal-internet għal 19-il biljun dollaru Amerikan u l-Kummissjoni tiġġudika dan fuq il-kriterji attwali tal-fatturat, il-''prezzijiet'' miksuba, is-sehem tas-suq u fatturi rilevanti oħra, hawn għandna valutazzjoni sproporzjonata ta' kostellazzjonijiet tas-suq futuri, li tista' tagħmel ħsara kbira lill-kompetizzjoni.
Uħud mill-każijiet li ġew approvati fl-2014, li huma elenkati individwalment fir-rapport tal-kompetizzjoni, jaqgħu taħt din il-kategorija. Għaldaqstant, il-Kummissjoni hija mħeġġa tutilizza mingħajr dewmien kriterji ġodda għall-ekonomija diġitali u fid-definizzjoni tas-suq rilevanti żżomm f'moħħha wkoll li l-impriżi li joperaw madwar l-Ewropa, anke fix-xena internazzjonali fi żminijiet ta’ globalizzazzjoni, jaf ikollhom livell ta' informazzjoni relattivament baxx dwar l-istruttura tas-suq u għalhekk m'għandux jiġi kkonsultat biss is-suq Ewropew iżda għal xi żmien anke s-suq dinji fir-rigward ta' ċerti setturi.
F'każ li jiġi realizzat verament l-għan dikjarat tal-Kummissjoni, jiġifieri li jiġu promossi u ffaċilitati l-mexxejja tas-suq globali Ewropej fl-industrija, l-ekonomija diġitali u f'oqsma intensivi fir-riċerka, huwa meħtieġ li l-kriterji speċifiċi għas-settur jiġu applikati wkoll fil-livell globali.
Problema oħra hija l-kontroll tal-Istati Membri fil-proċeduri ta' għajnuna mill-istat. F'xi każijiet konkreti fil-passat, minkejja struzzjonijiet korrispondenti, il-Kummissjoni aċċettat data mogħtija minn awtoritajiet nazzjonali kompetenti mingħajr ma eżaminatha, jew ftit li xejn investigat għajnuna u fatti pubblikament rilevanti. Nixtieq insemmi għajnuna mill-istat tal-2014 għal ajruporti ta' skala żgħira madwar l-Ewropa, kif ukoll il-każ ta’ għajnuna mill-istat għan-''Nürburgring'' mill-Ġermanja, fejn l-oġġezzjonijiet tal-partijiet interessati ma ġewx eżaminati b'mod xieraq.
Il-perjodu twil li matulu, pereżempju, kienet investigata l-kumpanija Google, juri wkoll li l-Kummissjoni għadha ma pproduċietx kunċett ċar għall-evalwazzjoni ta' vjolazzjonijiet fil-kompetizzjoni fil-qasam tal-ekonomija diġitali. Għaldaqstant fl-abbozz ta' rapport ingħatat prijorità lil dawn iż-żewġ oqsma.
Prijorità oħra, li għaliha l-Kummissarju Almunia u l-Kummissarju Vestager kienu taw bidu għal investigazzjonijiet minħabba għajnuna mill-istat illegali f'erba' każijiet u f'każ wieħed rispettivament, hija l-kompetizzjoni fiskali inġusta bejn l-Istati Membri. Il-fatt li l-impriżi jużaw il-possibilitajiet ġuridiċi kollha biex iħallsu l-inqas taxxi possibbli, juri biss naħa waħda tal-munita u dan huwa komprensibbli. Madankollu l-kompetizzjoni inġusta mill-Istati Membri, partikolarment min-naħa ta' Stati Membri iżgħar, tgħawweġ is-suq intern tal-Unjoni bil-kbir. Anke fejn ma jkunx hemm dubju dwar il-kompetenza nazzjonali fil-qasam tal-leġiżlazzjoni fiskali, il-vjolazzjonijiet tal-kompetizzjoni jfixklu bil-kbir u jmorru kontra l-effetti pożittivi tas-suq intern. Il-Kummissjoni għalhekk għandha tikkonkludi mingħajr dewmien u bl-aktar mod estensiv possibbli l-proċeduri mibdija fl-2014 kontra diversi impriżi internazzjonali kbar, u dan fir-rigward ta' tnaqqis kbir fit-taxxa li bbenefikaw minnu fil-Lussemburgu, in-Netherlands, l-Irlanda, ir-Renju Unit u l-Belġju, jekk din trid taġixxi b'mod kredibbli kontra prattiki fiskali inġusti fl-Istati Membri.
Il-fatt li l-Kummissarju għall-Kompetizzjoni Vestager fil-bidu tal-2015 talbet dokumentazzjoni mill-Istati Membri kollha dwar deċiżjonijiet fiskali preliminari u s'issa xi Stati Membri baqgħu jkaxkru saqajhom, juri li hemm bżonn li l-evalwazzjoni tal-politika tal-kompetizzjoni b'rabta ma' prattiki fiskali inġusti mill-Istati Membri ssir aktar stretta u li jkun hemm obbligu ġuridiku għar-rappurtar f'waqtu ta' prattiki fiskali kritiċi.
Barra minn hekk, sabiex il-kompetizzjoni fis-suq intern ma tiġix imfixkla bil-kbir, hemm bżonn iżjed speċifikazzjonijiet ġuridiċi, li bħalissa qed jiġu diskussi fil-kumitat speċjali tal-Parlament Ewropew u li għandhom jiġu adottati fix-xhur li ġejjin. Meta fi Stat Membru jiġu awtorizzati aktar minn 350 ''regolamentazzjoni speċjali'' għal impriżi internazzjonali kbar mill-Ewropa u barra mill-Ewropa, dan jikkostitwixxi żvantaġġ serju fil-kompetizzjoni, partikolarment għaċ-ċittadini li jħallsu t-taxxa u għall-impriżi żgħar u ta' daqs medju li ma jiksbu l-ebda possibbiltà ta' trattament speċjali u li (jkollhom) iħallsu t-taxxi tagħhom. Għalhekk, il-kompitu tal-Kummissjoni matul l-2015 se jkun li tikkonkludi l-proċeduri tal-kompetizzjoni kontra kompetizzjoni fiskali inġusta u b'hekk tiċċara l-limiti ġuridiċi Ewropej għall-kompetizzjoni fiskali inġusta għall-Istati Membri.
Konklużjoni
Ir-rapport dwar il-kompetizzjoni tal-2014 juri b'mod ġenerali li l-Kummissjoni u l-awtorità tal-kompetizzjoni b'total ta' 1000 membru tal-persunal, hija l-iktar awtorità b'saħħitha fl-Ewropa biex tinforza l-kompetizzjoni fis-suq intern. Il-multi imposti li jammontaw għal biljuni ta' euro għall-iffissar illegali tal-prezzijiet, fil-futur għandhom jiġu kkumplimentati b'mod effikaċi b'penali indirizzati lil min hu responsabbli għat-tmexxija tal-impriża u l-maniġers, biex b'hekk din l-imġiba tiġi evitata b'aktar effikaċja.
Il-Parlament qed jittama li permezz tal-Kummissarju Vestager il-politika tal-kompetizzjoni tal-UE se tiżgura r-rwol prominenti tagħha fl-infurzar tal-ekonomija tas-suq u l-kompetizzjoni fl-Ewropa, tiġi promossa internazzjonalment u mhux tissarraf f'ammont eżaġerat ta' eċċezzjonijiet settorjali u nazzjonali u limiti ta' eżenzjoni inkontrollabbli.
20.11.2015
OPINJONI tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar ir-rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
Rapporteur għal opinjoni: Adam Szejnfeld
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li s-sħab kummerċjali għandhom jibbenefikaw minn kompetizzjoni dejjem tikber fil-qasam kummerċjali, minn investimenti fis-settur privat, inklużi investimenti fil-qafas ta' sħubiji pubbliċi-privati, kif ukoll minn prosperità akbar tal-konsumaturi;
2. Jissottolinja li prattiki antikompetittivi u monopolji jistgħu jikkostitwixxu ostakli għall-kummerċ, li jfixklu l-flussi tal-kummerċ u tal-investiment; jistieden lill-Kummissjoni, fl-interess ta' kummerċ dinji ħieles u ġust, tieħu azzjoni fil-livell internazzjonali kontra kartelli u prattiki antikompetittivi, oligopolistiċi u monopolistiċi li qed jagħmlu ħsara lill-kompetizzjoni;
3. Jistieden lill-Kummissjoni tintensifika aktar l-isforzi tagħha għall-ftuħ ambizzjuż ta' swieq internazzjonali tal-akkwist pubbliku, bil-għan li telimina l-iżbilanċ li jeżisti rigward il-livell ta' ftuħ tas-swieq tal-akkwist pubbliku bejn l-UE u sħab kummerċjali oħra, u għal dan il-fini tqis ir-rapport tal-Parlament dwar il-proposta tal-Kummissjoni għal strument tal-akkwist internazzjonali u r-reviżjoni li ġejja tiegħu;
4. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li jkun hemm koerenza bejn il-politiki kummerċjali u tal-kompetizzjoni tal-Unjoni u l-objettivi tal-politika industrijali tagħha; jindika li l-politika tal-kompetizzjoni tal-Unjoni m'għandhiex ixxekkel il-ħolqien ta' esponenti industrijali Ewropej fl-ekonomija; jappella għalhekk li l-politiki kummerċjali u tal-kompetizzjoni jippromwovu l-iżvilupp u l-kompetittività tal-industrija Ewropea fil-livell dinji;
5. Jenfasizza li l-Unjoni Ewropea għandha żżid l-isforzi tagħha biex tissorvelja l-implimentazzjoni ta' ftehimiet kummerċjali, biex tivvaluta fost oħrajn jekk ir-regoli dwar il-kompetizzjoni humiex jiġu rispettati u jekk is-sħab kummerċjali humiex jissodisfaw u jirrispettaw kompletament l-obbligi li impenjaw ruħhom għalihom;
6. Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-politika kummerċjali bħala mezz biex taħdem lejn it-twaqqif ta' regoli għal politika kompetittiva fil-livell dinji biex jiġu eliminati d-diversi ostakli persistenti għall-kummerċ; iqis li l-għan fit-tul ta' ftehim multilaterali b'rabta mar-regoli dwar il-kompetizzjoni, konkluż fil-qafas tal-Organizzazzjoni Dinjija tal-Kummerċ jikkostitwixxi l-aqwa soluzzjoni;
7. Jappoġġja inizjattivi tal-politika tal-kompetizzjoni tal-Konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Kummerċ u l-Iżvilupp (UNCTAD) u l-OECD, kif ukoll l-isforzi tagħhom biex itejbu l-kooperazzjoni dinjija fil-qasam tal-politika tal-kompetizzjoni;
8. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri jipparteċipaw b'mod attiv fin-Netwerk Internazzjonali dwar il-Kompetizzjoni;
9. Jappella sabiex il-prodotti kollha importati minn pajjiżi terzi jkunu konformi mal-istandards ambjentali, tas-saħħa u soċjali applikati mill-Unjoni u difiżi fis-suq dinji, biex b'hekk il-produtturi industrijali Ewropej jiġu protetti minn kompetizzjoni żleali;
10. Jistieden lill-Kummissjoni tappoġġja lill-pajjiżi fil-fażi tal-iżvilupp fl-isforzi tagħhom biex jippromwovu kompetizzjoni ġusta, jiżviluppaw aktar il-kooperazzjoni, b'mod partikolari mal-awtoritajiet tal-kompetizzjoni tal-ekonomiji emerġenti, u tiżgura li jiġu stabbiliti s-salvagwardji adegwati
11. Jinnota li l-aċċess ugwali għar-riżorsi, inklużi s-sorsi tal-enerġija, huwa ta' importanza fundamentali għal kompetizzjoni ġusta fis-suq dinji; jenfasizza f'dan ir-rigward l-importanza li l-ftehimiet kummerċjali jipprevedu enerġija sostenibbli u aċċessibli mil-lat finanzjarju u sigurtà tal-provvista;
12. Jenfasizza li l-intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, inklużi negozji ġodda innovattivi, għandhom assolutament jirċievu appoġġ u aċċess għall-fondi sabiex ikunu jistgħu jsiru aktar kompetittivi fis-suq globali; jindika li t-tkabbir tal-SME jaqdi rwol importanti fl-iżvilupp ekonomiku ġenerali, joħloq l-impjiegi u l-investiment u b'hekk jiżgura kompetizzjoni ġusta;
13. Jenfasizza l-fatt li l-aċċess għan-netwerks u l-infrastruttura diġitali huwa importanti biex titrawwem il-kompetizzjoni, u jindika li aktar kompetizzjoni ssarraf f'aktar għażla u prezzijiet orħos għall-konsumaturi, speċjalment fil-qasam tat-telekomunikazzjonijiet.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
19.11.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
30 3 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Maria Arena, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Karoline Graswander-Hainz, Ska Keller, Gabrielius Landsbergis, David Martin, Emmanuel Maurel, Alessia Maria Mosca, Franck Proust, Viviane Reding, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Klaus Buchner, Nicola Danti, Edouard Ferrand, Agnes Jongerius, Seán Kelly, Fernando Ruas, Marita Ulvskog, Jarosław Wałęsa |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Beatriz Becerra Basterrechea, Edward Czesak, Rosa D’Amato, Dario Tamburrano, Janusz Wojciechowski |
||||
10.11.2015
OPINJONI tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur
għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji
dwar ir-Rapport Annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE
Rapporteur għal opinjoni: Sergio Gaetano Cofferati
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Iqis li suq uniku trasparenti u kompetittiv huwa element fundamentali għat-tkabbir u biex l-ekonomija tirpilja b'mod effettiv, u għaldaqstant iqis li, billi tiżgura kundizzjonijiet indaqs, il-politika tal-kompetizzjoni tkun strument importanti għall-ħarsien tal-jeddijiet u l-benefiċċji tal-konsumaturi, iċ-ċittadini, l-impriżi - partikolarment l-SMEs - u l-ħaddiema fil-qafas ta' ekonomija soċjali tas-suq; jinnota li l-imġiba u l-ħtiġijiet tal-konsumaturi u l-impriżi tal-UE qed jinbidlu l-ħin kollu f'ambjent definit mill-mudell ekonomiku diġitali;
2. Iqis li d-dritt tal-UE dwar il-kompetizzjoni kif ukoll l-awtoritajiet għandhom jiżguraw kundizzjonijiet indaqs, għażla libera u diversità ta' prodotti u servizzi ta' kwalità għolja bi prezzijiet kompetittivi u għandhom jiżguraw ukoll li l-impriżi jkollhom inċentiv biex jinvestu u jinnovaw, billi tingħatalhom opportunità ekwa biex jippromwovu l-karatteristiċi attraenti tal-prodotti tagħhom; fir-rigward tas-settur tal-ikel, jistieden lill-UE u lill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jkomplu bil-ħidma tagħhom fuq l-impatt tat-tikketti privati fuq l-għażla tal-konsumaturi u l-innovazzjoni;
3. Iqis li l-politika tal-kompetizzjoni għandha tkun kapaċi toħloq ambjent li jippromwovi l-intraprenditorija u l-iżvilupp tal-SMEs, li huma l-muturi tat-tkabbir u l-impjiegi; iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li l-imġiba antikompetittiva ma xxekkilx b'mod spoporzjonat lil impriżi iżgħar u l-istartups fl-isforzi tagħhom biex jespandu u jinnovaw; itenni li l-isforzi biex tkun preservata l-kompetizzjoni ġusta jtejbu l-għażla għall-konsumaturi u jiżviluppaw ambjent li fih l-SMEs u l-mikrointrapriżi jistgħu jkunu aktar innovattivi u kreattivi;
4. Jissottolinja li r-regoli tal-UE dwar l-għajnuna mill-Istat għandhom jimxu mal-objettiv tal-ekwità u tal-koeżjoni soċjali u jkunu orjentati lejn il-ksib tal-objettivi tal-istrateġija Ewropa 2020; iqis importanti, għalhekk, li l-għajnuna mill-Istat għandha tintuża għal investiment fl-ekonomija reali u biex tinkiseb il-konċentrazzjoni tar-riżorsi f'setturi fundamentali bħalma huma r-riċerka u l-innovazzjoni, id-diġitalizzazzjoni, l-iżvilupp infrastrutturali, b'mod partikolari proġetti transkonfinali, kif ukoll miżuri biex jintlaħqu l-objettivi klimatiċi u enerġetiċi b'perspettiva fit-tul;
5. Hu tal-fehma li infurzar effettiv u aġġornament tal-politika tal-kompetizzjoni huma meħtieġa sabiex jingħelbu l-isfid tas-suq uniku diġitali, settur li għaddej minn evoluzzjoni mgħaġġla u li jitlob għarfien b'saħħtu tas-suq u reattività rapida; jenfasizza, għalhekk, l-importanza ta' applikazjzoni effettiva u rapida tad-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE, li tiġi ssuperata l-frammentazzjoni attwali, u li jkunu identifikati u mneħħija l-ostakli għal aċċess għas-suq, filwaqt li tiżdied il-fiduċja tal-konsumaturi u tan-negozji fl-ambjent diġitali u fil-faċilitazzjoni tal-innovazzjoni u d-dinamiżmu tagħha; ifakkar li suq uniku diġitali ġenwin jiġġenera tkabbir f'setturi ġodda u joħloq impjiegi ta' kwalità għolja;
6. Jenfasizza li l-UE trid timplimenta politika tal-kompetizzjoni effettiva sabiex tiggarantixxi livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur u tippermetti li l-konsumaturi jkunu jistgħu jibbenefikaw mis-suq uniku diġitali; jinnota ċ-ċentralità tal-konsumaturi fis-suq uniku diġitali, u l-fatt li l-infiq tal-konsumaturi jgħodd għal madwar 56 % tal-PDG tal-UE;
7. Jistieden lill-Kummissjoni tistudja l-possibbiltà li l-bejjiegħa bl-imnut indipendenti, li d-dritt tal-kompetizzjoni jippermettilhom jaħdmu flimkien permezz tal-istabbiliment tradizzjonali tagħhom, jipprovdu wkoll offerti konġunti ta' kummerċ elettroniku;
8. Jenfasizza li l-interoperabbiltà tikkontribwixxi għall-kompetizzjoni ġusta u għandha titħeġġeġ u tiġi żviluppata;
9. Iqis li l-pożizzjonijiet dominanti abbużivi ġġenerati mill-vantaġġ ta' min jidħol l-ewwel u l-effetti tan-netwerk fis-settur diġitali huma kwistjoni kruċjali u għandhom ikunu soġġetti għal monitoraġġ akbar;
10. Iqis li hu fundamentali li jkunu ggarantiti kundizzjonijiet ġusti fis-suq diġitali u li jiġu miġġielda l-abbuż tal-pożizzjonijiet dominanti u l-ottimizzazzjoni fiskali, objettivi li fl-aħħar mill-aħħar jibbenefikaw minnhom il-konsumaturi; iqis importanti, b'mod partikolari, ftuħ u trasparenza akbar fis-suq tat-tiftix onlajn, tal-kummerċ elettroniku u tal-pubbliċità kif ukoll li titjieb il-kompetittività tiegħu, u jqis li hu neċessarju li jkun żgurat il-prinċipju tan-newtralità tal-web, jiġifieri aċċess miftuħ u nondiskriminatorju għall-internet, filwaqt li tiġi projbita kwalunkwe diskriminazzjoni, bħala prerekwiżit għall-kompetizzjoni ġusta u l-koeżjoni tas-suq għall-benefiċċju tal-konsumaturi u l-impriżi;
11. Jemmen li l-kundizzjoni prinċipali biex titkompla l-Unjoni tal-Enerġija Ewropea hija suq intern tal-enerġija li jiffunzjona tajjeb u li jkun jiddependi fuq l-infurzar effettiv u persistenti tar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni; iqis li hu importanti li l-Kummissjoni tkompli tiffoka fuq is-suq tal-enerġija u żżid l-attenzjoni li tiddedika għalih, peress li l-enerġija tirrappreżenta nefqa sinifikanti għall-familji u l-impriżi fl-UE, bl-għan li jinkisbu integrazzjoni aħjar u prezzijiet aktar aċċessibbli f'dan is-settur;
12. Jilqa' t-tnedija ta' investigazzjonijiet, kif ukoll ta' multi imposti fil-konfront ta' operaturi li kisru r-regoli tal-kompetizzjoni, u jistieden lill-Kummissjoni tkompli bl-isforzi tagħha biex tippromwovi kultura ta' kompetizzjoni li tikkontribwixxi direttament għall-funzjonament aħjar tas-swieq fl-interess tal-konsumaturi u l-impriżi;
13. Jilqa' t-tnedija tal-inkjesta settorjali dwar il-kummerċ elettroniku biex jiġu eżaminati l-ostakli li jista' jkun hemm għall-kompetizzjoni fis-swieq tal-UE; jenfasizza li kummerċ elettroniku li jiffunzjona bla xkiel mhuwiex biss importanti għat-tkabbir ekonomiku iżda jfisser ukoll spejjeż aktar baxxi għat-tranżazzjonijiet, prezzijiet aktar baxxi u għażla aktar wiesgħa għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza jekk hemmx il-ħtieġa li jiġu introdotti bidliet fir-regoli eżistenti tad-dritt tal-kompetizzjoni, pereżempju r-Regolament ta' Eżenzjoni ta' Kategorija, sabiex jiġi indirizzat l-imblukkar ġeografiku mhux ġustifikat, inklużi r-rerouting mhux mixtieq u d-diskriminazzjoni inġusta fil-prezzijiet abbażi tal-pożizzjoni ġeografika;
14. Iqis li hu fundamentali li d-Direttiva 2014/104/UE dwar ċerti regoli li jirregolaw l-azzjonijiet għad-danni skont il-liġi nazzjonali għall-ksur tad-dispożizzjonijiet tal-liġi tal-kompetizzjoni tal-Istati Membri u tal-Unjoni Ewropea tiġi implimentata fil-ħin xieraq u b'mod korrett; jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-implimentazzjoni tad-Direttiva min-naħa tal-Istati Membri u tiżgura li d-dispożizzjonijiet tagħha jkunu applikati b'mod konsistenti fl-UE kollha; jenfasizza li l-aċċess għall-ġustizzja, li jista' jinkludi wkoll id-disponibbiltà ta' rimedju kollettiv, huwa essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-UE dwar il-kompetizzjoni;
15. Jemmen li l-iżvilupp tal-gvern elettroniku huwa fattur importanti fl-appoġġ għat-tkabbir, inkluż fir-rigward tal-parteċipazzjoni tal-SMEs; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri biex jużaw l-għodod kollha disponibbli għalihom mil-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku biex jippromwovu t-tkabbir fl-UE, u jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġja l-inizjattivi kollha marbuta mal-iżvilupp tal-gvern elettroniku; jenfasizza, barra minn hekk, li l-promozzjoni u l-implimentazzjoni tas-sistemi ta' governanza elettronika fl-Istati Membri kollha huma strumentali għall-monitoraġġ effiċjenti ta' każijiet ta' ksur u biex tiġi żgurata t-trasparenza kemm fis-settur pubbliku kif ukoll fis-settur privat;
16. Jirrimarka li fis-suq uniku qed jinbiegħu prodotti lill-konsumaturi b'ingredjenti differenti iżda bl-istess marka u fl-istess imballaġġ; jistieden lill-Kummissjoni tiddetermina jekk, fil-kuntest tal-politika tal-kompetizzjoni tal-UE, din il-prattika għandhiex riperkussjonijiet negattivi għall-fornituri ta' prodotti lokali u reġjonali, b'mod partikolari intrapriżi żgħar u ta' daqs medju;
17. Jemmen li l-politika tal-kompetizzjoni għandu jkollha rwol importanti biex is-swieq finanzjarji jsiru aktar siguri u trasparenti għall-konsumaturi; jilqa', barra minn hekk, il-miżuri leġiżlattivi adottati fil-qasam tal-pagamenti elettroniċi u b'mod partikolari l-introduzzjoni ta' limiti massimi fuq il-kummissjonijiet interbankarji għat-tranżazzjonijiet ta' pagamenti bil-kards;
18. Iqis li hu essenzjali li l-Kummissjoni tkompli tippromwovi konverġenza u kooperazzjoni aħjar fost l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali fl-UE;
19. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jimplimentaw il-leġiżlazzjoni l-ġdida dwar l-akkwist pubbliku f'waqtha, partikolarment fir-rigward tal-varar tal-akkwist elettroniku u tal-amministrazzjoni elettronika u d-dispożizzjonijiet il-ġodda dwar il-konsiderazzjoni tal-kriterji soċjali u ambjentali u dwar it-tqassim ta' kuntratti f'lottijiet, sabiex tingħata spinta lill-innovazzjoni u lill-kompetizzjoni ġusta, jingħata appoġġ lill-SMEs fis-swieq tal-akkwist u tiġi żgurata l-aktar soluzzjoni ekonomikament vantaġġuża fl-użu tal-fondi pubbliċi;
20. Jaqbel li, meta n-negozjanti jiddeċiedu li jfornu oġġetti u servizzi lil ċerti Stati Membri biss, l-għażla tal-konsumaturi tkun aktar limitata u l-prezzijiet ikunu ogħla minħabba l-livelli aktar baxxi ta' kompetizzjoni fis-suq intern; jistieden lill-Kummissjoni teqred kull forma ta' diskriminazzjoni abbażi tan-nazzjonalità jew tal-post ta' residenza;
21. Iqis li suq uniku ġenwin jista' biss jiffunzjona b'mod effiċjenti f'kuntest fiskali aktar trasparenti, koordinat u kooperattiv li jiżgura kompetizzjoni ġusta fost l-impriżi differenti; jiddeplora l-fatt li l-kompetizzjoni fiskali bejn l-Istati Membri ħolqot għamla ta' kompetizzjoni mhux ugwali fis-suq uniku li tqiegħed lill-SMEs fi żvantaġġ fil-konfront ta' impriżi multinazzjonali kbar;
22. Jilqa' l-interazzjoni qawwija bejn l-infurzar tal-kompetizzjoni u l-istrateġija dwar is-suq uniku diġitali, b'mod partikolari f'azzjonijiet relatati ma' prattiki ta' mblukkar ġeografiku u ftehimiet ta' liċenzjar, bil-għan li jiġi kkompletat is-suq uniku diġitali; iqis li interazzjoni simili hija essenzjali fis-suq intern tal-enerġija biex jitneħħa x-xkiel għall-fluss transkonfinali liberu tal-enerġija u biex tinbena l-Unjoni tal-Enerġija;
23. Iħeġġeġ lin-Netwerk Ewropew għall-Kompetizzjoni jiddiskuti n-netwerk ta' alleanzi ta' xiri bl-imnut li qed jikber fil-livell nazzjonali u tal-UE;
24. Jenfasizza r-rabta li teżisti bejn il-politika tal-kompetizzjoni u l-ħarsien tal-konsumatur; jiġbed l-attenzjoni għat-tabelli ta' valutazzjoni tas-swieq tal-konsumatur u għall-konklużjonijiet tagħhom;
25. Iqis li l-kompetizzjoni fis-settur tat-telekomunikazzjonijiet hija essenzjali mhux biss biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u l-investiment fin-netwerks, iżda anke għal prezzijiet aċċessibbli u għażla fis-servizzi għall-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tissalvagwardja l-kompetizzjoni f'dan is-settur, inkluż fl-allokazzjoni tal-ispettru;
26. Iqis li l-awtoritajiet tal-kompetizzjoni nazzjonali jeħtieġ jagħmlu użu sħiħ mill-għodod eżistenti u jinfurzaw id-dritt tal-kompetizzjoni fir-rigward ta' prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza l-ħtieġa li dawn jikkooperaw ma' xulxin sabiex jiżguraw il-kosteffikaċja, it-trasparenza, id-diversità u l-għażla għall-konsumatur.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
10.11.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
29 3 8 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Dita Charanzová, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Antanas Guoga, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Jiří Maštálka, Marlene Mizzi, Margot Parker, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Catherine Stihler, Richard Sulík, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Mihai Ţurcanu, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Andi Cristea, Emma McClarkin, Dariusz Rosati, Adam Szejnfeld, Kerstin Westphal, Theodoros Zagorakis |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Jonás Fernández, Edouard Ferrand, Hannu Takkula |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
7.12.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
40 6 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Burkhard Balz, Udo Bullmann, Fabio De Masi, Anneliese Dodds, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Brian Hayes, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Othmar Karas, Philippe Lamberts, Werner Langen, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Notis Marias, Luděk Niedermayer, Stanisław Ożóg, Pirkko Ruohonen-Lerner, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Ernest Urtasun, Marco Valli, Cora van Nieuwenhuizen, Jakob von Weizsäcker, Marco Zanni |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Lara Comi, Pilar del Castillo Vera, Isabella De Monte, Eva Kaili, Rina Ronja Kari, Thomas Mann, Eva Paunova, Michel Reimon, Tibor Szanyi, Nils Torvalds, Beatrix von Storch |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Martina Dlabajová, Jude Kirton-Darling, Verónica Lope Fontagné, Andrejs Mamikins, Adam Szejnfeld, Pavel Telička, Daniele Viotti |
||||
- [1] Testi adottati, P8_TA(2015)0051.
- [2] Testi adottati, P7_TA(2013)0576.
- [3] http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2015/563438/IPOL_STU(2015)563438_EN.pdf.
- [4] http://www.eesc.europa.eu/?i=portal.en.ten-opinions.36372.
- [5] http://ec.europa.eu/competition/ecn/food_report_en.pdf.
- [6] ĠU C 200, 28.6.2014, pp. 1–55.