Proċedura : 2015/2139(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0373/2015

Testi mressqa :

A8-0373/2015

Dibattiti :

PV 18/01/2016 - 17
CRE 18/01/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 19/01/2016 - 5.5
CRE 19/01/2016 - 5.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0005

RAPPORT     
PDF 592kWORD 169k
21.12.2015
PE 565.021v02-00 A8-0373/2016

dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE

(2015/2139(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

Rapporteur: Julie Ward

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE

(2015/2139(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 2, 21 u 27(3) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 167 tiegħu, kif ukoll l-Artikolu 17 tiegħu, skont liema artikolu l-Unjoni tirrispetta l-istatus li jgawdu minnu taħt id-dritt nazzjonali l-knejjes u l-assoċjazzjonijiet jew il-komunitajiet reliġjużi kif ukoll l-organizzazzjonijet filosofiċi u mhux konfessjonali u tirrikonoxxi l-identità u l-kontribut speċifiku tagħhom u żżomm djalogu miftuħ, trasparenti u regolari magħhom,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea(1), b'mod partikolari l-Artikoli 10, 11 u 22 u l-Preambolu tagħha,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Bniedem, u b'mod partikolari l-Artikolu 2 tal-Protokoll Nru 1 tagħha,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-20 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-Kultura u l-Iżvilupp",

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Millennju tan-Nazzjonijiet Uniti (2000), u b'mod partikolari l-artikoli dwar id-drittijiet tal-bniedem, id-demokrazija u l-governanza tajba,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW, 1979),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-UNESCO tal-2005 dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali (Konvenzjoni UNESCO),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem (1948), b'mod partikolari l-Artikolu 16 tagħha, u d-Dikjarazzjoni tan-NU dwar l-Eliminazzjoni tal-Forom Kollha tal-Intolleranza u d-Diskriminazzjoni abbażi tar-Reliġjon jew it-Twemmin,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni 67/179 tal-Assemblea Ġenerali tan-NU tal-20 ta' Diċembru 2012 u r-riżoluzzjoni 22/20 tal-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU tat-22 ta' Marzu 2013,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tiegħu lill-Kunsill tat-13 ta' Ġunju 2013 dwar l-abbozz ta' linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew ta' twemmin(2) u l-linji gwida tal-UE dwar il-promozzjoni u l-protezzjoni tal-libertà ta' reliġjon jew twemmin, adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fl-24 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1983/2006/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali (2008)(3),

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2008 dwar il-promozzjoni tad-diversità kulturali u tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni u tal-Istati Membri tagħha (2008/C 320/04)(4),

–  wara li kkunsidra l-Qafas Strateġiku u l-Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u d-Demokrazija (11855/2012), adottati mill-Kunsill Affarijiet Barranin fil-25 ta' Ġunju 2012,

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kunsill tal-Ewropa tas-7 ta' Mejju 2008 dwar id-Djalogu Interkulturali bit-titolu: "Living Together As Equals in Dignity" (Ngħixu Flimkien b'Dinjità Ugwali),

–  wara li kkunsidra l-aġenda Ewropea għall-kultura f'dinja li qed tiġi globalizzata (COM(2007)0242), li għandha l-għan li tippromwovi l-għarfien tad-diversità kulturali u l-valuri tal-UE, id-djalogu mas-soċjetà ċivili u l-iskambji tal-aħjar prattiki,

–  wara li kkunsidra r-riżultati u l-azzjonijiet ta' segwitu tal-Azzjoni Preparatorja għall-Kultura fir-Relazzjonijiet Esterni tal-UE, 2014,

–  wara li kkunsidra l-Protokoll dwar il-Kooperazzjoni Kulturali anness mal-mudell tal-Ftehim ta' Kummerċ Ħieles(5),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottati fil-laqgħa informali tal-ministri għall-edukazzjoni tal-UE fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi (8496/15),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjonijiet konġunti finali tat-Triju ta' Presidenzi tal-Konferenza tal-UE dwar iż-Żgħażagħ tal-2015 fil-Lussemburgu, li ħadu inkonsiderazzjoni l-konsultazzjoni tad-Djalogu Strutturat li għandha l-għan li ssaħħaħ l-awtonomija taż-żgħażagħ għall-parteċipazzjoni politika tagħhom fil-ħajja demokratika tal-Ewropa u li stiednu lill-Parlament biex jippromwovi edukazzjoni bbażata fuq il-valuri u edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza attiva,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0373/2015),

A.  billi l-UE tirrappreżenta rikkezza immensa ta' diversità kulturali, soċjali, lingwistika u reliġjuża; billi, f'dan il-kuntest, il-valuri konġunti li jgħaqqdu flimkien is-soċjetajiet tagħna, bħal-libertà, il-ġustizzja soċjali, l-ugwaljanza u n-nondiskriminazzjoni, id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem, l-istat tad-dritt, it-tolleranza u s-solidarjetà, huma kruċjali għall-futur tal-Ewropa;

B.  billi d-djalogu interkulturali mhuwiex kunċett legali, u għaldaqstant mhuwiex regolat mid-dritt nazzjonali, tal-UE jew internazzjonali, iżda huwa msejjes fuq oqfsa internazzjonali li għandhom l-għan li jipproteġu d-drittijiet tal-bniedem u d-diversità kulturali;

C.  billi d-djalogu interkulturali ġie definit b'mod tentattiv fi studji u konklużjonijiet differenti matul is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali tal-2008, bħala proċess li jinkludi skambju jew interazzjoni, li huma miftuħa u bbażati fuq ir-rispett, bejn individwi, gruppi u organizzazzjonijiet bi sfondi kulturali jew opinjonijiet dwar id-dinja differenti; billi fost l-għanijiet tiegħu hemm: li jiġi żviluppat fehim aktar profond ta' perspettivi u prattiki differenti; li tiżdied il-parteċipazzjoni u l-libertà u l-kapaċità li jsiru l-għażliet; li titrawwem l-ugwaljanza; u li jitjiebu l-proċessi kreattivi;

D.  billi huwa importanti li jingħataw il-mezzi neċessarji, b'mod speċjali dawk finanzjarji, biex jiġi pprijoritizzat il-finanzjament ta' programmi li huma mfassla biex irawmu d-djalogu interkulturali u d-djalogu bejn iċ-ċittadini bil-għan li jissaħħaħ ir-rispett reċiproku fil-kuntest ta' diversità kulturali qawwija u jiġu indirizzati r-realtajiet kumplessi tas-soċjetajiet tagħna u l-koeżistenza ta' identitajiet kulturali u twemmin differenti, kif ukoll biex jiġi enfasizzat l-kontribut tal-kulturi differenti lis-soċjetajiet u lill-wirt Ewropej, u biex il-kunflitti jiġu ġġestiti b'mod effikaċi;

E.  billi l-kisba ta' dan l-objettiv mhijiex biss kompitu tal-awtoritajiet pubbliċi u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, iżda hija responsabbiltà kondiviża tas-soċjetà kollha, inkluża firxa wiesgħa ta' partijiet interessati bħall-familja, il-midja, l-edukaturi, in-negozji, u l-mexxejja tal-komunitajiet u tal-fidi; billi, minbarra l-atturi politiċi, huwa importanti li jiġi enfasizzat ir-rwol tal-partijiet interessati l-oħrajn kollha involuti fid-djalogu interkulturali;

F.  billi artikoli speċifiċi tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea huma ta' importanza partikolari għad-djalogu interkulturali billi jippromwovu l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni, id-diversità kulturali, reliġjuża u lingwistika, il-libertà tal-espressjoni u tal-moviment, u d-drittijiet taċ-ċittadini għall-parteċipazzjoni ekonomika u politika;

G.  billi djalogu interkulturali ta' sinifikat jeħtieġ li wieħed ikollu għarfien sod tal-kultura tiegħu u ta' ħaddieħor;

H.  billi, fid-dawl tas-Sena Ewropea tal-Iżvilupp 2015, ir-rieżami tal-Għanijiet ta' Żvilupp tal-Millenju tan-NU u r-riżultati tas-Summit tan-NU tal-2015 dwar l-Iżvilupp Sostenibbli, ir-rwol tal-kultura huwa strumentali fil-kisba tal-iżvilupp sostenibbli u l-qerda tal-faqar fid-dinja; jappella wkoll għal integrazzjoni aktar espliċita tal-kultura fl-aġenda tan-NU dwar għall-iżvilupp sostenibbli għal wara l-2015;

I.  billi l-Ewropa u d-dinja qed jiffaċċjaw bosta sfidi marbuta mal-globalizzazzjoni, il-migrazzjoni, il-kunflitti reliġjużi u interkulturali u l-qawmien tar-radikaliżmu;

J.  billi, fil-kuntest tad-djalogu interkulturali, l-applikazzjoni kemm tad-drittijiet universali tal-bniedem (bħala drittijiet tal-individwu) u kemm tad-drittijiet kulturali (l-għarfien tal-identitajiet kulturali speċifiċi u multipli) hija essenzjali;

K.  billi l-iżvilupp tal-mobilità ta' tagħlim għall-istudenti u għall-għalliema u kwalunkwe forma oħra ta' skambju internazzjonali jista' jwassal għal dinja aħjar, fejn il-persuni jkunu jistgħu jiċċaqilqu b'mod liberu u jgawdu djalogu interkulturali miftuħ;

1.  Isostni li l-approċċ tal-Unjoni Ewropea għandu jieħu kont tal-ħidma eċċellenti li bdiet matul is-Sena Ewropea tad-Djalogu Interkulturali 2008 u jkompli fuqha, isaħħaħ l-iskambju ta' prattiki tajba u jippromwovi djalogu strutturat ġdid mal-partijiet interessati kollha fi kwistjonijiet interkulturali u interkonfessjonali fid-dawl tal-avvenimenti reċenti u drammatiċi kollha: il-politiċi Ewropej u nazzjonali, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, il-knejjes, l-assoċjazzjonijiet u l-komunitajiet reliġjużi u l-organizzazzjonijiet filosofiċi u mhux konfessjonali, l-organizzazzjonijiet u l-pjattaformi tas-soċjetà ċivili, il-ħaddiema fis-settur tal-isport, il-kultura u l-edukazzjoni, il-kunsilli nazzjonali u Ewropej taż-żgħażagħ, l-akkademiċi u l-midja;

2.  Iħeġġeġ lill-partijiet interessati kollha jistabbilixxu definizzjoni aġġornata, ċara, u relatata mal-politika tad-djalogu interkulturali, biex jimplimentaw jew jarmonizzaw il-metodi, il-kriterji u l-indikaturi ta' kwalità bl-għan li jiġi vvalutat l-impatt tal-programmi u l-proġetti dwar id-djalogu interkulturali, u jirriċerkaw il-metodoloġiji tar-riċerka għall-paraguni interkulturali;

3.  Jirrakkomanda li jitħeġġeġ it-trawwim ta' approċċ interkulturali, interkonfessjonali u bbażat fuq il-valuri fil-qasam edukattiv sabiex jiġu indirizzati u promossi r-rispett reċiproku, l-integrità, il-prinċipji etiċi, id-diversità kulturali, l-inklużjoni u l-koeżjoni soċjali, inkluż permezz ta' programmi ta' skambju u mobilità għal kulħadd;

4.  Jirrakkomanda li tiġi indirizzata wkoll id-diversità kulturali fl-industriji awdjoviżivi u kulturali; iħeġġeġ lil dawn l-industriji jsibu modi kreattivi biex jagħmlu pressjoni favur l-ilħiq ta' ftehim fuq pjanijiet ta' azzjoni nazzjonali, reġjonali u lokali għall-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni tal-UNESCO dwar il-Protezzjoni u l-Promozzjoni tad-Diversità tal-Espressjonijiet Kulturali;

5.  Jappella biex id-djalogu interkonfessjonali jitqies bħala komponent tad-djalogu interkulturali, prerekwiżit għal paċi, u għodda essenzjali għall-ġestjoni tal-kunflitt, b'enfasi fuq id-dinjità tal-individwu u fuq il-ħtieġa li jiġu rispettati d-drittijiet tal-bniedem madwar id-dinja, b'referenza partikolari għal-libertà tal-ħsieb, tal-kuxjenza u tar-reliġjon u d-dritt għall-ħarsien tal-minoranzi reliġjużi;

6.  Jenfasizza li djalogu interkulturali u interkonfessjonali ġenwin jinkoraġġixxi interazzjonijiet pożittivi u kooperattivi, jippromwovi l-fehim u r-rispett bejn il-kulturi, iżid id-diversità u r-rispett għad-demokrazija, il-libertà u d-drittijiet tal-bniedem kif ukoll it-tolleranza għall-valuri universali u dawk speċifiċi għal ċerti kulturi;

7.  Jenfasizza l-importanza tal-integrazzjoni u l-edukazzjoni f'waqthom tal-komunitajiet issegregati, li jġibu ruħhom b'modi li jmorru kontra l-valuri fundamentali Ewropej;

8.  Jirrakkomanda li l-UE, bħala attur globali favur il-paċi, tinkludi l-kultura u l-iskambji kulturali u t-tisħiħ tal-edukazzjoni fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u fil-politika tal-iżvilupp tagħha, bħala strumenti għat-tisħiħ ta' valuri bażiċi komuni bħall-valuri tar-rispett u l-fehim reċiproku, filwaqt li toffri għodod effikaċi għal approċċ sinifikanti u sostenibbli għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti, għall-istabbiliment tal-paċi u għall-prevenzjoni tal-kriżijiet;

9.  Iqis li, skont l-Artikolu 167(4) tat-TFUE, id-djalogu u d-diversità kulturali għandhom ikunu integrati b'mod trasversali fl-oqsma tal-politika kollha tal-UE li għandhom impatt fuq il-valuri u d-drittijiet fundamentali kondiviżi tal-UE, bħall-politika dwar iż-żgħażagħ, il-politika dwar l-edukazzjoni, il-mobilità, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, il-politiki esterni, id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, il-kummerċ u l-iżvilupp reġjonali;

10.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-ġenerazzjonijiet futuri jiġu mħarrġa u mħejjija biex isolvu l-problemi b'mod awdaċi u jindirizzaw b'mod effikaċi u innovattiv l-isfidi li ċ-ċittadini Ewropej se jħabbtu wiċċhom magħhom fil-futur billi jingħataw aċċess għal edukazzjoni ġenwina dwar iċ-ċittadinanza u billi jiġi żgurat li jkollhom il-motivazzjoni u l-impenn biex jiksbu l-kompetenzi u l-ħiliet bħall-intraprenditorija, it-tmexxija u l-bini ta' kapaċità;

11.  Jirrikonoxxi li d-djalogu interkulturali huwa għodda għall-parteċipazzjoni demokratika inklużiva u l-awtonomizzazzjoni taċ-ċittadini, b'mod partikolari f'rabta mal-ġid komuni u l-ispazji pubbliċi; isostni li, bħala tali, id-djalogu interkulturali jista' jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-titjib tad-demokrazija u l-iżvilupp ta' inklużività u sens ta' appartenenza akbar u aktar profondi;

12.  Jemmen li ż-żieda tal-investiment pubbliku f'edukazzjoni formali, mhux formali u informali li tkun inklużiva, ta' kwalità u aċċessibbli hija l-ewwel pass biex jingħataw aċċess ugwali u opportunitajiet indaqs għal kulħadd; ifakkar fil-ħtieġa li tiġi żgurata d-diversità kulturali u soċjali fil-klassijiet u f'ambjenti ta' tagħlim, inkluż fost l-edukaturi, biex jitnaqqas it-tluq bikri mill-iskola u biex titrawwem l-edukazzjoni ta' tfal żvantaġġati bl-għan li tiġi promossa l-ekwità u titrawwem il-koeżjoni soċjali fost il-ġenerazzjonijiet futuri;

13.  Jenfasizza li l-edukazzjoni formali, mhux formali u informali u l-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja mhux biss jipprovdu għarfien, ħiliet u kompetenzi, iżda għandhom ukoll jgħinu lill-istudenti jiżviluppaw valuri etiċi u ċiviċi u jsiru membri tas-soċjetà, attivi, responsabbli u b'moħħ miftuħ; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-edukazzjoni ċivika tibda sa minn età bikrija u jirrikonoxxi l-importanza ta' kooperazzjoni fost il-partijiet interessati kollha fil-qasam tal-edukazzjoni; jirrakkomanda li jiġi żviluppat is-sens ta' inizjattiva u involviment tat-tfal u ż-żgħażagħ sabiex jissaħħu r-rabtiet soċjali kif ukoll jiġi ġġenerat sens ta' appartenenza u jiġu żviluppati kodiċijiet ta' etika sabiex tiġi miġġielda d-diskriminazzjoni;

14.  Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali u jirrikonoxxi l-benefiċċju tal-bini ta' sinerġiji u sħubijiet bejn il-livelli u l-forom kollha tat-tagħlim, inkluż bejn il-ġenerazzjonijiet; jenfasizza wkoll l-importanza tal-parteċipazzjoni fl-attivitajiet tal-isports u ta' volontarjat għall-istimolu tal-iżvilupp tal-kompetenzi ċiviċi, soċjali u interkulturali, u għall-għoti ta' kontribut għall-inklużjoni soċjali ta' gruppi żvantaġġati u vulnerabbli, u taċ-ċittadini b'mod aktar ġenerali, partikolarment it-tfal, permezz tat-tagħlim tal-ispirtu ta' ħidma f'tim u r-rispett għad-diversità, biex b'hekk jiġu miġġielda fenomeni soċjali bħall-vjolenza, ir-radikaliżmu, ir-razziżmu u l-ksenofobija u jinbnew mill-ġdid il-pedamenti għal djalogu kostruttiv u paċifiku fost il-komunitajiet; ifakkar, f'dan ir-rigward, fir-rwol kruċjali tal-programmi tal-UE fl-oqsma tal-kultura, tal-midja, tal-edukazzjoni, taż-żgħażagħ u tal-isport bħala għodod biex jiġu indirizzati l-intolleranza u l-preġudizzji u jitrawwem sens ta' appartenenza komuni u rispett għad-diversità kulturali;

15.  Jenfasizza l-importanza tal-bini ta' rabtiet b'saħħithom bejn il-kultura u l-edukazzjoni sabiex jiġu żviluppati ħiliet u kompetenzi trasferibbli, jiżdiedu l-impjiegi ta' livell għoli u sikuri f'konformità mal-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO u jinkiseb livell ogħla ta' inklużjoni soċjali u ta' ċittadinanza attiva; iqis li dawn huma fost l-għanijiet ewlenin fl-implimentazzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE kif minquxin fl-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; ifakkar fil-valuri ta' CONNECT, l-uniku programm tal-UE li jippromwovi proġetti kulturali u edukattivi, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra linja ġdida ta' azzjoni pilota sabiex teżamina l-fattibbiltà preżenti ta' din l-iskema;

16.  Jappoġġa l-mobilità taż-żgħażagħ u l-għalliema kif ukoll il-forom kollha ta' kooperazzjoni bejn l-iskejjel u l-universitajiet, pereżempju l-pjattaformi edukattivi komuni, il-programmi konġunti ta' studju u l-proġetti konġunti, bħala mezz kif jitrawmu l-fehim u l-apprezzament tad-diversità kulturali u biex iż-żgħażagħ jingħataw kompetenzi u ħiliet soċjali, ċiviċi u interkulturali; huwa tal-fehma, f'dan ir-rigward, li l-esponiment tat-tfal għal kulturi oħra minn età bikrija ħafna tgħinhom jiksbu l-ħiliet għall-ħajja u l-kompetenzi bażiċi meħtieġa għall-iżvilupp personali tagħhom, l-impjegabbiltà futura tagħhom u ċ-ċittadinanza attiva tal-UE; jenfasizza li l-inklużjoni ta' żjarat skolastiċi edukattivi mmirati fl-Istati Membri differenti u l-mobilità transnazzjonali tat-tfal iż-żgħar huma wkoll għodda għall-istabbiliment tal-pedamenti tal-kulturi, l-arti, il-lingwi u l-valuri Ewropej; iħeġġeġ il-mobilità speċjalment għall-għalliema mil-livell tal-iskola primarja u dik sekondarja bl-għan li jaqsmu l-esperjenzi u jiżviluppaw l-għodod tagħhom stess biex jiffaċċjaw u jwieġbu l-isfidi soċjetali li qegħdin jevolvu; jenfasizza r-rwol u l-importanza tal-programm Erasmus+ li jrawwem kuxjenza Ewropea fost iż-żgħażagħ u joħloq sens ta' appartenenza komuni u kultura ta' djalogu interkulturali billi jiffaċilitalhom il-mobilità, kif ukoll iżidilhom l-impjegabbiltà tagħhom; iħeġġeġ b'mod partikolari miżuri ulterjuri biex jiġu ffaċilitati l-aċċess u l-integrazzjoni tal-gruppi żvantaġġati u persuni bi bżonnijiet speċjali fir-rigward tal-azzjonijiet ta' mobilità tal-Erasmus+;

17.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw programmi ta' taħriġ ta' kwalità, li jippromwovu d-diversità u jawtonomizzaw lill-edukaturi, liż-żgħażagħ u lill-ħaddiema tal-komunitajiet, kif ukoll is-servizzi tal-konsulenza fl-iskejjel u f'ambiti mhux formali u informali, kemm għat-tfal kif ukoll għall-ġenituri tagħhom, biex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet edukattivi u ta' taħriġ tat-tfal minn sfondi kulturali u soċjali differeni u biex jiġu indirizzati l-forom kollha ta' diskriminazzjoni u razziżmu, inklużi l-bullying u s-cyberbullying; jinnota li r-riżorsi edukattivi għandhom jiġu eżaminati mill-ġdid biex jitrawwem tagħlim b'perspettivi u lingwi differenti, u li l-esperjenzi u ħiliet multilingwali u interkulturali tal-għalliema għandhom jiġu vvalorizzati u promossi b'mod sistematiku f'dan il-kuntest;

18.  Jissottolinja l-importanza tal-investiment fi programmi ta' tagħlim tul il-ħajja għall-għalliema, sabiex dawn jingħataw il-kompetenzi pedagoġiċi meħtieġa dwar suġġetti bħall-migrazzjoni, l-akkulturazzjoni u l-psikoloġija soċjali, kif ukoll biex ikunu jistgħu jużaw id-diversità bħala sors rikk għat-tagħlim fil-klassijiet;

19.  Jinnota r-rwol essenzjali tal-għalliema fit-tisħiħ – f'kooperazzjoni mal-familji – tar-rabtiet soċjali, fil-ħolqien ta' sens ta' appartenenza u fl-appoġġ liż-żgħażagħ biex dawn jiżviluppaw valuri etiċi u ċiviċi;

20.  Itenni l-ħtieġa li jinħolqu ambjenti ta' tagħlim ibbażati fuq id-drittijiet u li huma sensittivi għall-ġeneru sabiex l-istudenti jitgħallmu u jiddefendu d-drittijiet tal-bniedem, inklużi d-drittijiet tan-nisa u t-tfal, il-valuri fundamentali u l-parteċipazzjoni ċivika, id-drittijiet u r-responsabbiltajiet taċ-ċittadini, id-demokrazija u l-istat tad-dritt, isiru kunfidenti fir-rigward tal-identità tagħhom, ikunu ċerti li leħinhom jinstema' u jħossuhom apprezzati mill-komunitajiet tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-kuntesti edukattivi jsaħħu l-parteċipazzjoni attiva tal-istudenti fil-governanza tal-istrutturi tat-tagħlim tagħhom;

21.  Jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni u l-internet bħala għodod għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali; jippromwovi l-użu tal-midja soċjali sabiex jissaħħaħ l-għarfien tal-valuri u l-prinċipji fundamentali komuni tal-Unjoni Ewropea fost iċ-ċittadini, u jissottolinja l-importanza tal-litteriżmu medjatiku fil-livelli kollha tal-edukazzjoni bħala għodda għall-promozzjoni tad-djalogu interkulturali fost iż-żgħażagħ; iħeġġeġ ukoll lis-SEAE u lill-kapijiet kollha tar-rappreżentanzi tal-UE biex jagħmlu l-aħjar użu tal-għodod diġitali ġodda fil-ħidma tagħhom;

22.  Jirrikonoxxi l-ħtieġa li jingħata appoġġ sostenibbli u strutturali lill-NGOs, l-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem, l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-istituzzjonijiet ta' taħriġ sabiex dawn jiġġieldu kontra l-estremiżmu permezz tal-koeżjoni u l-inklużjoni soċjali, iċ-ċittadinanza attiva u l-awtonomizzazzjoni u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ, b'mod partikoli f'inizjattivi lokali fuq skala żgħira u fil-livell ta' bażi;

23.  Jirrikonoxxi r-rwol ewlieni li l-NGOs, in-netwerks u l-pjattaformi kulturali, kif ukoll l-istituzzjonijiet imsemmija hawn fuq, jiżvolġu u għandhom ikomplu jiżvolġu fejn l-istrutturi, il-politiki jew il-programmi ta' djalogu interkulturali formali huma inqas żviluppati; iħeġġeġ aktar djalogu bejn l-UE u l-ibliet il-kbar, ir-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, bl-għan li jiġu analizzati b'mod aktar effikaċi (i) il-konnessjoni bejn il-mudelli urbani, fejn jgħixu ċ-ċittadini, u s-suċċess jew il-falliment tas-sistemi skolastiċi, (ii) il-benefiċċju tal-edukazzjoni formali u informali għat-tfal u l-familji kollha, u (iii) il-koordinament tal-istrutturi edukattivi biex jiġi promoss djalogu interkulturali effiċjenti;

24.  Jappella biex tingħata attenzjoni mill-ġdid għall-promozzjoni ta' soċjetà interkulturali u bbażata fuq is-solidarjetà, b'mod speċjali fost iż-żgħażagħ, permezz tal-implimentazzjoni tal-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini", permezz ta' finanzjament xieraq li jippermettilu jilħaq l-objettivi tiegħu li tinbena soċjetà aktar koerenti u inklużiva u titrawwem ċittadinanza attiva li tkun miftuħa għad-dinja, li tirrispetta d-diversità kulturali u li tkun ibbażata fuq il-valuri komuni tal-UE;

25.  Iħeġġeġ attivitajiet artistiċi u sportivi inklużivi, edukattivi u ta' taħriġ, għall-etajiet kollha, kif ukoll il-volontarjat, sabiex jissaħħu l-proċessi ta' soċjalizzazzjoni u l-parteċipazzjoni ta' minoranzi, gruppi żvantaġġati, komunitajiet marġinalizzati, migranti u rifuġjati, fil-ħajja kulturali u soċjali inkluż fit-tmexxija u t-teħid ta' deċiżjonijiet;

26.  Jirrikonoxxi l-importanza kemm tat-tagħlim formali, mhux formali u informali, kif ukoll tal-volontarjat, għall-promozzjoni tal-iżvilupp personali b'enfasi fuq il-ħiliet u l-kompetenzi konjittivi u mhux konjittivi, il-ħsieb kritiku, il-ħila li wieħed jittratta opinjonijiet differenti, il-litteriżmu medjatiku, il-ħiliet u l-kompetenzi interkulturali u antidiskriminatorji u t-tagħlim tal-lingwi, kif ukoll il-kompetenzi soċjali u ċiviċi li jinkludu t-tagħlim dwar il-wirt kulturali bħala għodda biex jiġu indirizzati l-isfidi kontemporanji permezz ta' interpretazzjoni sensittiva;

27.  Jafferma l-ħtieġa li, fit-trattament tal-kwistjoni tad-djalogu interkulturali u l-edukazzjoni, tinżamm perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn forom multipli ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabbiltajiet, persuni li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTI u persuni li jkunu ġejjin minn komunitajiet marġinalizzati;

28.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE jwessgħu l-analiżi tagħhom tal-forom kollha tar-radikalizzazzjoni u jniedu riflessjonijiet ġodda dwar in-natura u l-proċessi tal-estremiżmu politiku u l-vjolenza politika, billi jibdew mill-premessa li r-radikalizzazzjoni hija proċess dinamiku u relazzjonali u konsegwenza imprevista u imprevedibbli ta' serje ta' trasformazzjonijiet; jilqa' għalhekk b'sodisfazzjon id-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni bħala sforz li jrawwem id-djalogu attiv bejn il-kulturi, kif ukoll bħala solidarjetà globali u rispett reċiproku, billi tingħata attenzjoni għall-importanza tal-edukazzjoni ċivika, inkluża s-sensibilizzazzjoni tar-rwol uniku tal-għodod kulturali għat-trawwim tar-rispett reċiproku fost l-istudenti;

29.  Ifakkar fil-leġittimità u r-responsabbiltà tal-gvernijiet u l-istituzzjonijiet Ewropej, bl-appoġġ ta' servizzi ta' intelligence u aġenziji tal-infurzar tal-liġi, biex jindirizzaw attivitajiet kriminali; jinnota madankollu li, f'konformità mal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE, il-miżuri punittivi jridu dejjem jirrispettaw id-drittijiet fundamentali bħad-dritt għall-protezzjoni tad-data, il-libertà tal-espressjoni, il-preżunzjoni tal-innoċenza u r-rimedju effettiv;

30.  Jemmen li l-UE, hija u tippromwovi l-valuri fundamentali, id-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali fil-livell internazzjonali, għandha tikkundanna bil-qawwa kwalunkwe trattament inuman u degradanti u l-ksur kollu tad-drittijiet tal-bniedem sabiex tippromwovi b'mod konkret ir-rispett sħiħ għad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem;

31.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw l-implimentazzjoni sħiħa tal-istandards vinkolanti Ewropej u internazzjonali kontra d-diskriminazzjoni fid-dritt nazzjonali;

32.  Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-komunitajiet marġinalizzati, lill-migranti, lir-rifuġjati u lill-komunitajiet ospitanti kif ukoll lill-komunitajiet reliġjużi u sekulari fi proċessi ta' inklużjoni li jkunu ta' rispett u ta' awtonomizzazzjoni, filwaqt li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja kulturali u ċivika, b'mod uman, dinjituż u sostenibbli fis-sitwazzjonijiet kollha, b'mod partikolari f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza;

33.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni preparatorja dwar il-kultura fir-relazzjonijiet esterni tal-UE u r-rwol tagħha fit-tisħiħ tar-rwol tal-kultura bħala fattur strateġiku tal-iżvilupp uman, soċjali u ekonomiku, li b'hekk tikkontribwixxi għall-objettivi tal-politika esterna, u jistieden lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u lir-rappreżentanzi tal-UE madwar id-dinja kollha biex jinkludu wkoll il-kultura bħala element integrali tal-politika esterna tal-UE, biex jaħtru uffiċjal għall-kultura f'kull rappreżentanza tal-UE f'pajjiżi terzi sħab u biex joffru lill-persunal tas-SEAE taħriġ dwar id-dimensjoni kulturali tal-politika esterna; jistieden lill-Kummissjoni tintegra d-diplomazija kulturali u d-djalogu interkulturali fl-istrumenti kollha tar-relazzjonijiet esterni tal-UE u fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni ma' organizzazzjonijiet Ewropej u internazzjonali oħra, bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-aġenziji relatati tagħha, b'mod partikolari l-UNESCO, l-UNICEF u l-UNHCR, u jesiġu rappreżentanza tal-UE effikaċi u aktar b'saħħitha fi ħdan il-korpi tagħhom; jappella, barra minn hekk, għal kooperazzjoni mal-istituti kulturali nazzjonali bl-għan li titjieb l-implimentazzjoni tal-istrumenti eżistenti, bħar-raggruppamenti kulturali bbażati fuq in-netwerks tal-Istituti Nazzjonali tal-Unjoni Ewropea għall-Kultura (EUNIC), u t-tfassil ta' għodod ġodda biex jiġu ttrattati l-isfidi komuni f'dinja globalizzata;

34.  Iqis li l-kultura għandha ssir parti essenzjali mid-djalogu politiku mal-pajjiżi terzi, u jfakkar mill-ġdid fil-ħtieġa li l-kultura tiġi integrata b'mod sistematiku fi proġetti u programmi ta' żvilupp; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa li jitneħħew l-ostakoli għall-mobilità għall-artisti, l-edukaturi, l-akkademiċi u l-professjonisti tal-kultura, permezz tal-armonizzazzjoni u s-semplifikazzjoni tal-proċeduri tal-viża sabiex titħeġġeġ il-kooperazzjoni kulturali mal-partijiet kollha tad-dinja;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżviluppaw strateġiji li jirrikonoxxu d-djalogu interkulturali bħala proċess ta' komunikazzjoni interattiva fi ħdan u bejn il-kulturi, u biex jiżguraw ir-rispett reċiproku u l-opportunitajiet indaqs, jagħtu u jimplimentaw soluzzjonijiet effikaċi ħalli jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u l-kawżi tal-esklużjoni kif ukoll il-forom kollha tad-diskriminazzjoni, u jiżviluppaw fehim aktar profond ta' perspettivi u prattiki differenti; ifakkar fir-rwol ewlieni li għandha l-midja, inkluża l-midja soċjali, bħala pjattaforma potenzjali għall-propoganda estremista u bħala mezz biex jiġu miġġielda n-narrattivi ksenofobiċi, jingħelbu l-isterjotipi u l-preġudizzji u tiġi promossa t-tolleranza;

36.  Ifakkar li l-wirt kulturali jirrappreżenta d-diversità tal-espressjonijiet kulturali u għalhekk għandu jiġi protett u promoss permezz tal-adozzjoni ta' leġiżlazzjoni armonizzata u ftehimiet internazzjonali, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-UNESCO;

37.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jipprevjenu l-estremiżmu, bħal pereżempju l-ksenofobija, ir-razziżmu u forom oħra ta' diskriminazzjoni u marġinalizzazzjoni permezz ta' miżuri ta' koeżjoni komunitarja li jistgħu jikkontestaw b'suċċess l-inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali, billi jinvolvu firxa wiesgħa ta' atturi bħal dawk involuti fl-ippjanar urban, il-ħaddiema soċjali, l-assoċjazzjonijiet komunitarji u reliġjużi, il-knejjes, l-edukaturi, l-organizzazzjonijiet ta' appoġġ għall-familji u l-professjonisti tas-saħħa, bl-objettivi li jiġġieldu kontra l-estremiżmu, jiżguraw l-inklużjoni soċjali kif ukoll l-ugwaljanza formali u sostantiva, jippromwovu d-diversità u jrawmu l-koeżjoni komunitarja;

38.  Jirrakkommanda lill-UE tikkoopera biex it-tagħlim u l-iskejjel isiru aċċessibbli għat-tfal rifuġjati billi tkompli tappoġġa programmi dwar l-aċċess għall-edukazzjoni fi kriżijiet umanitarji u tiżgura l-integrazzjoni tal-istudenti migranti fl-Ewropa;

39.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jesploraw, ifasslu u jimplimentaw metodi interattivi li jiffokaw fuq il-metodi għall-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ u tat-tfal fil-livelli governattivi kollha;

40.  Jissottolinja r-rwol tal-familja fil-preservazzjoni tal-identità kulturali, it-tradizzjonijiet, l-etika u s-sistemi tal-valuri tas-soċjetà, u jenfasizza li l-introduzzjoni tat-tfal għall-kultura, il-valuri u n-normi tas-soċjetà tagħhom tibda fil-familja;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw djalogu interkulturali bħala objettiv politiku tal-UE sod u impenjat, u b'hekk jiżguraw l-appoġġ tal-UE permezz ta' miżuri ta' politika, inizjattivi u fondi differenti, inkluż id-djalogu interkulturali mal-pajjiżi terzi, speċjalment ma' stati fraġli;

42.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jipprijoritizzaw inizjattivi mmirati lejn l-appoġġ għad-diversità kulturali, id-djalogu interkulturali u l-edukazzjoni, u jisfruttaw bis-sħiħ l-istrumenti finanzjarji, il-programmi u l-inizjattivi tal-UE, bħal Erasmus+, l-Ewropa għaċ-Ċittadini, il-programmi Ewropa Kreattiva u Orizzont 2020, il-politika tal-viċinat tal-UE u strumenti tar-relazzjonijiet esterni, u entitajiet bħall-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali, għall-promozzjoni u l-appoġġ tad-djalogu interkulturali u d-diversità kulturali fi ħdan l-Ewropa u mal-pajjiżi ġirien u reġjuni oħra tad-dinja;

43.  Jenfasizza l-kontribut rikk li tagħti l-produzzjoni artistika Ewropea għad-diversità kulturali kif ukoll ir-rwol li tiżvolġi biex tifrex il-valuri tal-UE u tħeġġeġ liċ-ċittadini Ewropej jiżviluppaw il-ħsieb kritiku tagħhom;

44.  Ifakkar fir-rwol li jiżvolġi l-Premju LUX biex jippremja l-films Ewropej li jiddeskrivu l-identità Ewropea jew id-diversità kulturali Ewropea;

45.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jivvalutaw l-impatt tal-miżuri meħuda fil-kuntest ta' dan ir-rapport u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta rapport ta' monitoraġġ u ta' rieżami;

o

o    o

46.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni / Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lir-Rappreżentant Speċjali tal-UE għad-Drittijiet tal-Bniedem u lill-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-Unjoni Ewropea tinsab f’punt partikolari fl-istorja fejn il-kunċetti ta’ identità u appartenenza qed jiġu kkontestati, konfigurati mill-ġdid u difiżi, b’sentimenti qawwija minn diversità ta’ vuċijiet u minn perspettivi politiċi diverġenti.

Id-Dikjarazzjoni ta’ Pariġi tas-17 ta’ Marzu 2015 hija dikjarazzjoni qawwija, li tipprovdi elementi essenzjali u mistennija għall-Istati Membri biex jaġixxu sabiex isaħħu ir-rwol tad-djalogu interkulturali fl-edukazzjoni u fl-ambjenti ta’ tagħlim.

Dan huwa meħtieġ sabiex jiġi indirizzat b’mod adegwat it-tħassib attwali kif ukoll biex jiġu stabbiliti l-pedamenti għall-bini ta’komunitajiet futuri b'saħħithom, kunfidenti, reżiljenti, koeżi.

Il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE kienu ċari fl-approvazzjoni konġunta tagħhom tal-valur ta’ soċjetajiet pluralistiċi, tnondiskriminatorji, tolleranti u ġusti, fejn is-solidarjetà u l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel hija mħaddna bis-sħiħ biex jinkisbu l-valuri fundamentali tal-UE tad-dinjità tal-bniedem, il-libertà, id-demokrazija, l-ugwaljanza, l-istat tad-dritt u r-rispett għad-drittijiet tal-bniedem (kif minqux fl- Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea).

Għal dan il-għan it-tiswir ta’ politiki edukattivi tal-Istati Membri miftiehem f’Pariġi kien neċessità, biċ-"ċittadinanza" bħala l-mezz ewlieni biex jinkiseb suċċess f’dan l-isforz kollettiv.

Dan ir-rapport hu tentattiv biex jibni fuq il-ftehim komuni tal-Ministri tal-Edukazzjoni li hemm bżonn sforz kollettiv sabiex jipprevjenu u jindirizzaw il-marġinalizzazzjoni, l-intolleranza, ir-razziżmu u r-radikalizzazzjoni, u wkoll sabiex jinżamm qafas ta’ opportunitajiet indaqs għal kulħadd.

Ir-rapport jidentifika l-opportunitajiet flimkien mal-isfidi u jagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti għal azzjoni fil-livelli governattivi kollha kif ukoll fil-livell tal-UE, inkluż użu akbar tal-kultura fl-azzjonijiet esterni u fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp, b'rikonoxximent tar-rwol uniku li jista’ jkollha l-kultura fil-bini tal-paċi, ir-riżoluzzjoni tal-konflitti u fil-prevenzjoni tal-kriżijiet.

Id-djalogu interkulturali bħala narrattiva pożittiva

Għalkemm is-suġġett u l-għanijiet ta’ dan ir-rapport jirriflettu ansjetà li tirriżulta minn avvenimenti vjolenti u drammatiċi li l-Ewropa ffaċċjat f’dawn l-aħħar xhur u snin, u tittraduċi rieda kollettiva għal prevenzjoni tar-radikalizzazzjoni u l-estremiżmu, tadotta approċċ usa’ li jinkoraġġixxi riflessjonijiet ġodda dwar in-natura u l-proċessi ta’ vjolenza politika, bil-premessa li r-radikalizzazzjoni hu proċess dinamiku, relazzjonali u mhux previst u imprevedibbli ta’ serje ta’ avvenimenti ta’ taqlib.

Fil-qalba ta’ dan id-diskors hemm il-possibbiltà għal aktar għarfien personali tagħhom infushom li huwa l-ewwel pass biex jibdew jifhmu l-"oħrajn". Jaċċetta t-teorija interkulturali tissuġġerixxi li l-aktar li nitgħallmu dwarna nfusna meta naraw lilna nfusna riflessi f’oħrajn. L-għarfien personali hu importanti għall-fiduċja personali u għall-iżvilupp ta' ħiliet soċjali, li kollha jistgħu jgħinu l-proċess ta’ integrazzjoni kif ukoll tħejji wieħed għal ċittadinanza attiva, sakemm il-mekkaniżmi ta’ appoġġ huma f’posthom.

Id-djalogu interkulturali huwa proċess f’żewġ direzzjonijiet u ż-żewġ partijiet jibbenefikaw mill-kapaċità tagħhom li jokkuppaw il-pożizzjoni tal-ieħor. Diġà jeżistu xii eżempji tal-aħjar prattika eċċellenti ta’ skambju kulturali permezz ta’ programmi ffinanzjati mill-UE bħal Erasmus + u inizjattivi oħra mmexxija minn NGOs, kif ukoll il-Ġemellaġġ tal-Ibliet iffinanzjata mill-programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini li għandu storja twila ta’ djalogu bejn il-ġenerazzjonijiet, u ta' djalogu interkulturali.

Għandu jiġi nnutat li l-kultura mhix fissa, iżda pjuttost idea fluwidu li tinkludi diversi punti komuni ta’ referenza, inklużi l-lingwa, il-fidi, il-kodiċi ta' lbies, ikel u xorb, u l-arti tradizzjonali u u s-snajja’. Għandu jiġi rikonoxxut ukoll li l-popli migratorji jġibu magħhom ħiliet, għarfien, ideat u approċċi ġodda, intraprenditorija u prattiki kulturali li jsaħħu n-nisġa soċjali tal-komunitajiet li jsiru parti minnhom, u li l-migrazzjoni hija parti mill-wirt kulturali tagħna.

L-għeruq tal-estremiżmu vjolenti kultant jista’ jinstab fl-esklużjoni kulturali, soċjali u ekonomika tan-nies mis-soċjetajiet tagħhom. Lingwaġġ diviżiv u derogatorju li xi kultant jintużaw dwar il-komunitajiet marġinalizzati u tal-minoranzi, kif ukoll id-diskriminazzjoni li ħafna nies jesperjenzaw — speċjalment iż-żgħażagħ — jista’ joħloq aljenazzjoni li tista' twassal għal segregazzjoni ta’ ċerti gruppi fis-soċjetà. L-iffukar fuq iż-żgħażagħ u l-minoranzi fis-sempliċi kuntest tar-radikalizzazzjoni tista’ twassal ukoll għal żieda ta’ stigmatizzazzjoni. Fl-istess ħin, hemm ħtieġa dejjem akbar li tiġi promossa l-inklużjoni, il-parteċipazzjoni u ċ-ċittadinanza attiva, mhux biss fir-rigward tal-minoranzi fost iż-żgħażagħ iżda wkoll fost il-gruppi kulturali dominanti fejn fatturi aggravanti warrbuhom minn strutturi ta’ appoġġ Komunitarju li setgħu joffrulhom l-aħjar appoġġ fi żminijiet ta’ sfida.

Biex jittieħed approċċ pożittiv, huwa importanti li wieħed jifhem li narrativi divrenzjati li jirriżultaw minn djalogu interkulturali u miċ-ċelebrazzjoni tad-diversità kulturali jistgħu joħolqu empatija, jagħtu s-setgħa lill-komunitajiet marġinalizzati u jippromwovu ċittadinanza aktar attiva, peress li dan id-djalogu jindirizza wkoll l-isterjotipi, il-preġudizzji u d-diskriminazzjoni mill-maġġoranza.

Fl-istess ħin, it-trattament tal-kunċett tad-djalogu interkulturali fil-leġiżlazzjoni hija sfida li hi multi-, inter- u transdixxiplinari, min-natura tagħha u taffettwa s-soċjetajiet tagħna kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali; u billi ma hemmx kunċett legali, id-djalogu interkulturali mhuwiex regolat mid-dritt nazzjonali, Ewropew jew internazzjonali, iżda jissejjes fuq ofqsa internazzjonali immirati għall-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem u tad-diversità kulturali;

Ir-rapport għalhekk jieħu pożizzjoni pożittiva u proattiva, jara opportunità f’sitwazzjonijiet li jippreżentaw lilhom infushom, minflok ma jirreaġixxi b’mod estrem għal kultura ta’ biża. Ir-rapport jiffoka fuq il-promozzjoni tal-ħtieġa biex jerġgħu jqawwu u jsaħħu djalogu b’saħħtu bejn it-tipi kollha ta’ komunitajiet, li jwassal għal fehim aħjar u aċċettazzjoni ta’ valuri fundamentali komuni, biex b’hekk jitqiegħdu l-pedamenti għal soċjetajiet aktar inklużiv u għal soċjetajiet pluralistiċi.

It-tagħlim inklużiv u ċ-ċittadinanza attiva

Iż-żieda fil-pluraliżmu kulturali jitlob il-parteċipazzjoni fil-proċessi demokratiċi fil-livelli kollha, mhux biss fir-rigward tal-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fi strutturi istituzzjonali, iżda wkoll permezz tal-iżvilupp ta’ djalogu u kunsens bejn gruppi b’interessi oriġini u tradizzjonijiet differenti.

Għalhekk għandna bżonn inħejju ġenerazzjoni ta’ żgħażagħ motivati, impenjati u b'ħiliet, bħall-intraprenditorija, it-tmexxija, il-volontarjat u l-bini tal-kapaċità, biex ikunu kuraġġużi fis-soluzzjoni tal-problemi u biex jiżviluppaw il-kapaċità tal-ħsieb kritiku u kreattiv tagħhom biex jittrattaw opinjonijiet differenti, jakkwistaw litteriżmu medjatiku u jiżviluppaw ħiliet interkulturali, kif ukoll kompetenzi soċjali u ċiviċi li jinkludu t-tagħlim dwar il-wirt kulturali.

Hemm bżonn ta' approċċi differenti għat-taħriġ u t-tagħlim sabiex jirrispondu għal ħtiġijiet komunitarji speċifiċi minn prattika fis-snin bikrin għat-tagħlim tul il-ħajja. Għal dan l-għan, għandhom jiġu żviluppati programmi ta’ taħriġ ta’ kwalità għolja fil-qasam taċ-ċittadinanza għall-edukaturi miż-żewġ setturi statutorji u volontarji.

Fl-indirizzar tal-passat hu importanti li jiġi assigurat li l-patrimonju u l-istorja ma jintużawx bħala strument ta’ firda iżda bħala opportunità biex jindirizzaw l-isfidi kontemporanji permezz tal-interpretazzjoni sensittiva, u ta' programmi ta’ edukazzjoni mmirati.

L-edukazzjoni u t-tagħlim interkulturali f’kuntesti differenti tagħhom huma kruċjali biex jiġi żgurat progress sostenibbli fil-qasam taċ-ċittadinanza attiva. It-tagħlim huwa proċess dinamiku li jista’ jseħħ f’għadd ta’ ambjenti, li twassal għall-akkwist ta’ prattiċi tal-ħajja addizzjonali, għarfien trasferibbli u l-kompetenzi interkulturali. Għalhekk, ir-rapport jindirizza l-kwistjoni tal-edukazzjoni mhux biss immirata lejn it-tfal u ż-żgħażagħ, iżda wkoll biex jiżgura l-parteċipazzjoni tal-ġenerazzjonijiet kollha, b’mod partikolari permezz ta’ opportunitajiet ta’ tagħlim tul il-ħajja.

Id-diversità fl-istrutturi tat-tagħlim u ta' edukaturi, inkluż il-familja, il-komunità jew l-ambjent tax-xogħol, kif ukoll il-possibbiltà li tikkontesta r-relazzjonijiet tradizzjonali bejn l-għalliema u l-istudenti, għandhom jitħaddnu biex tintlaħaq il-mira ta’ tagħlim ta’ kwalità inklużiv. Huwa importanti wkoll li jiġu enfasizzati s-sinerġiji bejn it-tagħlim formali, non-formali u t-tagħlim u l-benefiċċji ta’ xogħol fil-livelli kollha b’mod koerenti, pereżempju permezz ta’ tagħlim interġenerazzjonali, tagħlim bejn il-pari, tagħlim fil-familja, tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, it-tagħlim onlajn, it-tagħlim mill-mużewijiet, tagħlim permezz tal-arti u l-isport, u t-tagħlim fil-beraħ.

F’ambjenti non-formali u informali, ġeneralment użat fil-kuntest ta’ edukazzjoni komunitarja u jaħdmu ma’ gruppi sottorappreżentati u akkademiċi ewlenin fil-provvediment tal-edukazzjoni tal-adulti, jipprovdu opportunitajiet għal promozzjoni attiva ta’ valuri komuni ta’ libertà, tolleranza u nondiskriminazzjoni, għat-tagħlim dwar id-drittijiet tal-bniedem, inkluż id-drittijiet tan-nisa u t-tfal. Il-parteċipazzjoni tal-istudenti fin-negozjati u fit-teħid tad-deċiżjonijiet fl-istrutturi tat-tagħlim infushom jgħinu biex jissaħħu l-valuri demokratiċi u tingħata s-setgħa lill-komunitajiet ta’ tagħlim biex isiru ċittadini attivi.

Ir-rapport jitfa' enfasi partikolari fuq ir-rwol tal-volontarjat, l-isport u l-arti fit-tisħiħ tal-proċessi ta' soċjalizzazzjoni u biex titħeġġeġ il-parteċipazzjoni ta’ individwi, inklużi minoranzi, komunitajiet marġinalizzati, migranti u refuġjati, b’aċċess aħjar għall-ħajja kulturali u soċjali. It-tmexxija u l-iżvilupp ta’ tagħlim ta’ ħiliet għat-teħid tad-deċiżjonijiet hu kruċjali biex jinbnew soċjetajiet reżiljenti, koeżivi u sostenibbli. Ir-rwol tad-djalogu interkulturali fl-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza għalhekk għandu jkun parti minn strateġija fit-tul għall-iżvilupp ta' komunitajiet ta' suċċess, funzjonali u ta' merħba, li jkunu kburija tal-wirt tagħhom u magħquda fid-diversità.

Konklużjoni: Lejn approċċ koerenti u integrat

L-indirizzar tal-isfidi itrattati f’dan ir-rapport jitlob li d-djalogu kulturali u d-diversità hija integrata b’mod trasversali għall-oqsma kollha ta’ politika bħalma huma t-tfal u l-politika dwar iż-żgħażagħ, l-edukazzjoni, il-mobbiltà, l-impjiegi u l-affarijiet soċjali, is-sigurtà u l-affarijiet interni kif ukoll id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi, u l-iżvilupp reġjonali. Hemm bżon ta' kooperazzjoni akbar u aktar koerenti bejn l-istrutturi ta' politika differenti, mhux biss fil-livell tal-UE iżda wkoll fil-livell nazzjonali u lokali.

Qed issir talba partikolari għall-inklużjoni tad-djalogu interkulturali fir-relazzjonijiet esterni tal-UE, inkluża fl-aġenda tal-UE għall-iżvilupp. Il-kultura għandha rwol ewlieni fil-promozzjoni tad-demokratizzazzjoni, tal-bini tal-paċi u r-rispett tad-drittijiet tal-bniedem, li hu partikolarment rilevanti għas-suġġett ta’ dan ir-rapport. L-iżvilupp ta’ rwol dinamiku għall-kultura, inkluża l-promozzjoni u l-protezzjoni tad-diversità kulturali, fix-xenarju internazzjonali bħala “soft power”, tista’ tkun ta’ benefiċċju għall-UE u l-Istati Membri tagħha fir-relazzjonijiet tagħhom mal-bqija tad-dinja.

Għandha ssir enfasi fuq ir-rwol tal-mobbiltà u tal-iskambji fil-promozzjoni tad-djalogu interkulturali. L-isfida f’dan il-qasam huwa li jiġu sfruttati bis-sħiħ l-istrumenti eżistenti u biex jiġu pprovduti wkoll opportunitajiet li jippermettu firxa aktar wiesa’ tal-parteċipanti li jinkludu individwi li jbatu minn marġinalizzazzjoni, ġeografika jew minn iżolament soċjali u minn forom oħra ta’ diskriminazzjoni.

Approċċ integrat biex jiġi ttrattat ir-rwol tad-djalogu interkulturali, id-diversità kulturali u l-edukazzjoni fil-promozzjoni tal-valuri fundamentali tal-UE, jeħtieġ ukoll li jkun hemm kooperazzjoni akbar bejn l-istituzzjonijiet internazzjonali, b’mod partikolari bejn l-UE, l-Istati Membri tagħha u l-organizzazzjonijiet internazzjonali bħan-Nazzjonijiet Uniti u l-Aġenziji relatati tagħha, b’mod partikolari l-UNESCO, l-UNICEF u l-UNHCR, għal implimentazzjoni aħjar tal-istrumenti eżistenti u t-tfassil ta’ għodod ġodda sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni f’dinja globalizzata.

Lil hinn mill-azzjoni ta’ politika u minn dawk li jfasslu l-liġijiet, ir-rapport ifakkar li għandu tingħata kunsiderazzjoni akbar lis-setgħa tas-soċjetà ċivili biex ikomplu l-iskambju interkulturali, id-djalogu bejn il-persuni, inizjattivi għall-konsolidazzjoni tal-paċi u l-parteċipazzjoni taċ-ċittadinanza, sabiex l-għoti tas-setgħa lill-komunitajiet jitqiegħed fil-qalba tal-proċess tat-tisħiħ tal-koeżjoni soċjali. Għal dan l-għan, għandu jingħata appoġġ strutturali u sostenibbli għall-NGOs, l-organizzazzjonijiet tat-tfal u taż-żgħażagħ u lill-istituzzjonijiet ta’ taħriġ, kif ukoll lill-organizzazzjonijiet rilevanti kollha u lill-inizjattivi fuq skala żgħira li jaħdmu fil-livell lokali.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

7.12.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Louise Bours, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Damian Drăghici, María Teresa Giménez Barbat, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Norbert Erdős, Santiago Fisas Ayxelà, György Hölvényi, Zdzisław Krasnodębski, Ernest Maragall, Michel Reimon, Liliana Rodrigues, Hannu Takkula

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

23

+

ALDE

María Teresa Giménez Barbat, Hannu Takkula

EFDD

Isabella Adinolfi

GUE/NGL

Nikolaos Chountis

PPE

Andrea Bocskor, Norbert Erdős, Santiago Fisas Ayxelà, György Hölvényi, Svetoslav Hristov Malinov, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Milan Zver

S&D

Silvia Costa, Damian Drăghici, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Liliana Rodrigues, Julie Ward

VERTS/ALE

Ernest Maragall, Michel Reimon

5

-

ECR

Rikke Karlsson, Zdzisław Krasnodębski, Andrew Lewer

EFDD

Louise Bours

ENF

Dominique Bilde

0

0

 

 

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

(1)

ĠU C 364, 18.12.2000, p. 1.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2013)0279.

(3)

ĠU L 412, 30.12.2006, p. 44.

(4)

ĠU C 320, 16.12.2008, p. 10.

(5)

ĠU L 127, 14.5.2011, p. 1418.

Avviż legali - Politika tal-privatezza