RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettazzjoni tal-Emendi għall-Protokoll tal-1998 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes
6.1.2016 - (08651/2015 – C8-0158/2015 – 2014/0358(NLE)) - ***
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Giovanni La Via
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettazzjoni tal-Emendi għall-Protokoll tal-1998 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes
(08651/2015 – C8-0158/2015 – 2014/0358(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08651/2015),
– wara li kkunsidra l-Emendi għall-Protokoll tal-1998 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (08651/2015 ADD 1 and ADD 2),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0158/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0001/2016),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-protokoll;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila hija maħsuba biex tipproteġi l-ambjent tal-bniedem mit-tniġġis tal-arja. Diversi studji mwettqa bejn l-1972 u l-1977 kienu wrew li s-sustanzi li jniġġsu fl-arja jistgħu jivvjaġġaw eluf ta’ kilometri qabel id-depożizzjoni. Għalhekk, jeħtieġ li l-problemi kkawżati mit-tniġġis tal-arja jiġu indirizzati fil-livell internazzjonali. Il-Konvenzjoni, li ġiet iffirmata fl-1979 u daħlet fis-seħħ fl-1983, kienet l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti f’dan il-qasam. Hija ħolqot il-qafas għall-kontroll u għat-tnaqqis tal-ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li tiġi kkawżata mit-tniġġis transkonfinali tal-arja. Il-Konvenzjoni tidentifika s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) bħala s-segretarjat tagħha. Il-Konvenzjoni hija implimentata u mmonitorjata permezz tal-Programm Kooperattiv għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tat-Trażmissjoni fuq Medda Twila ta' Sustanzi li Jniġġsu l-Arja fl-Ewropa (EMEP).
S'issa, il-Konvenzjoni ġiet estiża permezz ta' tmien protokolli li jidentifikaw miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Partijiet sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja tagħhom. L-ewwel protokoll skont il-Konvenzjoni ġie ffirmat fl-1984 u pprovda skema ta’ finanzjament għall-attivitajiet li jaqgħu taħt l-EMEP. It-tieni protokoll, li ttratta l-emissjonijiet tal-kubrit, kien l-ewwel miżura sostantiva dwar it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. It-tielet, ir-raba' u l-ħames protokolli indirizzaw l-ossidi tan-nitroġenu, il-komposti organiċi volatili (KOV) u, għal darb’ oħra, l-emissjonijiet tal-kubrit u l-flussi transkonfinali tagħhom. Fil-protokoll tal-1991 dwar il-KOV kien hemm bidla minn approċċ ta' sustanza waħda għal approċċ aktar effettiv ta' grupp ta' sustanzi. Dan l-approċċ tkompla fiż-żewġ protokolli tal-1998 dwar il-metalli tqal u dwar sustanzi niġġiesa organiċi persistenti (POPs). It-tmien protokoll, li għandu l-għan li jiġġieled l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu fil-livell ta' wiċċ l-art, huwa l-ewwel protokoll li jindirizza diversi sustanzi niġġiesa u li għandu bosta effetti, u jinkludi limiti massimi nazzjonali speċifiċi għall-emissjonijiet u impenji ta’ tnaqqis għal diversi sustanzi.
Il-Protokoll ta’ Aarhus tal-1998 rigward Materjal Organiku Persistenti li Jniġġes (il-Protokoll) għandu l-għan li jikkontrolla, inaqqas jew jelimina l-ħruġ, l-emissjonijiet u t-telf ta’ POPs. Dan jeħtieġ li l-Partijiet jeliminaw il-produzzjoni u l-użu tas-sustanzi rilevanti, jirrestrinġu l-użu tad-diklorurdifeniltrikloroetan (DDT), l-eżakloroċikloeżani (HCH) u l-poliklorobifenili (PCBs), u jnaqqsu l-emissjonijiet annwali totali tagħhom tal-idrokarburi aromatiċi poliċikliċi (PAHs), id-diossini/furani (PCDD/PCDF) u l-eżaklorobenżin (HCB) taħt il-livelli li kienu fihom fl-1990 jew f'sena alternattiva bejn l-1985 u l-1995. Il-Partijiet għandhom jiżguraw li l-operaturi tas-sorsi stazzjonarji l-kbar tal-emissjonijiet jużaw l-aħjar tekniki disponibbli (BAT), li ċerti inċineraturi tal-iskart ikunu konformi mal-valuri limitu tal-emissjonijiet mogħtija, li jittieħdu miżuri effettivi għall-kontroll tal-emissjonijiet tal-POPs minn sorsi mobbli, u li l-POPs jiġu ttrasportati u mormija b'mod li jirrispetta l-ambjent ladarba dawn isiru skart. Il-Partijiet iridu jiżviluppaw ukoll u jżommu inventarji tal-emissjonijiet għal ċerti POPs u jiġbru informazzjoni dwar il-produzzjoni u l-bejgħ tal-POPs skont il-Protokoll.
L-adeżjoni tal-Komunità għall-Protokoll ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/259/KE tad-19 ta’ Frar 2004. Il-Protokoll, li daħal fis-seħħ fit-23 ta' Ottubru 2003, ġie traspost fil-liġi tal-UE permezz ta' diversi strumenti. Il-Partijiet eżaminaw mill-ġdid il-Protokoll fir-rigward tas-suffiċjenza u l-effettività tal-obbligi tiegħu, u fl-2007 qablu dwar il-ftuħ tan-negozjati għar-reviżjoni tat-test u l-annessi tal-Protokoll. F’Diċembru 2009, il-Protokoll ġie emendat bid-Deċiżjonijiet 2009/1, 2009/2, 2009/3 u 2009/4, l-aħħar tnejn b'referenza għall-BAT.
Id-Deċiżjonijiet 2009/1 u 2009/2 iridu jiġu rratifikati mill-Partijiet. Il-Protokoll emendat jinkludi seba’ sustanzi ġodda, jaġġorna r-rekwiżiti ta’ implimentazzjoni għal diversi sustanzi, jaġġorna r-restrizzjonijiet għall-emissjonijiet tal-PCDD/PCDF minn diversi sorsi, u jżid il-PCBs mal-lista tas-sustanzi li huma affettwati mir-restrizzjonijiet tal-emissjonijiet annwali totali u mill-obbligi ta’ rappurtar. Biex jiffaċilita r-ratifika tal-Protokoll mill-Partijiet b’ekonomija fi tranżizzjoni, huwa jipprovdilhom flessibilitajiet rigward il-kalendarju għall-applikazzjoni tal-valuri limitu tal-emissjonijiet, għall-BAT, u għall-għażla tas-sena ta’ referenza għall-emissjonijiet annwali totali.
L-emendi għall-Protokoll diġà huma koperti fil-parti l-kbira mil-leġiżlazzjoni tal-UE, u se jkomplu jiġu trasposti permezz ta’ Direttiva ġdida li tistabbilixxi limiti massimi tal-emissjonijiet nazzjonali aġġornati għal ċerti sustanzi niġġiesa atmosferiċi, u tipprevedi inventarji tal-emissjonijiet nazzjonali annwali li għandhom ikopru, fost l-oħrajn, l-emissjonijiet tal-POPs, inklużi l-PAHs, il-PCDD/PCDF, l-HCBs u l-PCBs.
L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jelenka t-testi tal-emendi għall-Protokoll permezz tad-Deċiżjonijiet 2009/1 u 2009/2 fl-Annessi tiegħu. Kif spjegat hawn fuq, l-emendi huma kompletament konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. L-eżenzjonijiet speċifiċi u l-kalendarji flessibbli ta’ tranżizzjoni għall-ekonomiji fi tranżizzjoni għandhom jippermettu lill-Partijiet kollha jikkonformaw mal-Protokoll. Ir-ratifika tal-emendi se tkun pass importanti lejn livell ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mit-tniġġis transkonfinali tal-arja. Għalhekk ir-Rapporteur jilqa’ l-abbozz ta' Deċiżjoni tal-Kunsill u jipproponi li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
22.12.2015 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
59 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Buşoi, Soledad Cabezón Ruiz, Alberto Cirio, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Jean-François Jalkh, Giovanni La Via, Norbert Lins, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Damiano Zoffoli |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Androulakis, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Elena Gentile, Martin Häusling, Jan Huitema, Merja Kyllönen, Ulrike Müller, James Nicholson, Alojz Peterle, Christel Schaldemose, Jasenko Selimovic |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lucy Anderson, Beatriz Becerra Basterrechea, Michał Boni, Neena Gill, Monika Hohlmeier, Sander Loones, Helga Stevens |
||||