RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettazzjoni tal-Emenda għall-Protokoll tal-1998 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila dwar Metalli Tqal
7.1.2016 - (08648/2015 – C8-0157/2015 – 2014/0359(NLE)) - ***
Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel
Rapporteur: Giovanni La Via
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-aċċettazzjoni tal-Emenda għall-Protokoll tal-1998 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila dwar Metalli Tqal
(08648/2015 – C8-0157/2015 – 2014/0359(NLE))
(Approvazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (08648/2015),
– wara li kkunsidra l-Emendi għall-Protokoll tal-1998 għall-Konvenzjoni tal-1979 dwar it-Tniġġis Transkonfinali tal-Arja fuq Distanza Twila dwar Metalli Tqal (08648/2015 ADD 1),
– wara li kkunsidra t-talba għall-approvazzjoni mressqa mill-Kunsill skont l-Artikolu 192(1) u l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0157/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet subparagrafi, l-Artikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0002/2016),
1. Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-aċċettazzjoni tal-Emendi għall-Protokoll;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Il-Konvenzjoni dwar it-Tniġġis Transkonfini tal-Arja fuq Distanza Twila hija maħsuba biex tipproteġi l-ambjent uman kontra t-tniġġis tal-arja. Bosta studji mwettqa bejn l-1972 u l-1977 kienu wrew li s-sustanzi li jniġġsu fl-arja jistgħu jivvjaġġaw eluf ta’ kilometri qabel id-depożizzjoni. Għalhekk, jeħtieġ li l-problemi kkawżati mit-tniġġiż tal-arja jiġu indirizzati fil-livell internazzjonali. Il-Konvenzjoni, li ġiet iffirmata fl-1979 u li daħlet fis-seħħ fl-1983, kienet l-ewwel strument internazzjonali legalment vinkolanti f’dan il-qasam. Hija ħolqot il-qafas għall-kontroll u għat-tnaqqis tal-ħsara għas-saħħa tal-bniedem u għall-ambjent li tiġi kkawżata mit-tniġġis transkonfinali tal-arja. Il-Konvenzjoni tidentifika s-Segretarju Eżekuttiv tal-Kummissjoni Ekonomika għall-Ewropa tan-Nazzjonijiet Uniti (UNECE) bħala s-segretarjat tagħha. Il-Konvenzjoni hija implimentata u mmonitorjata permezz tal-Programm Kooperattiv għall-Monitoraġġ u l-Evalwazzjoni tat-Trażmissjoni fuq Medda Twila ta' Sustanzi li Jniġġsu l-Arja fl-Ewropa (EMEP).
S'issa, il-Konvenzjoni ġiet estiża permezz ta' tmien protokolli li jidentifikaw miżuri speċifiċi li għandhom jittieħdu mill-Partijiet sabiex inaqqsu l-emissjonijiet tas-sustanzi li jniġġsu l-arja tagħhom. L-ewwel protokoll skont il-Konvenzjoni ġie ffirmat fl-1984 u pprovda skema ta’ finanzjament għal attivitajiet li jaqgħu taħt l-EMEP. It-tieni protokoll, li ttratta l-emissjonijiet tal-kubrit, kien l-ewwel miżura sostantiva dwar it-tnaqqis tat-tniġġis tal-arja. It-tielet, ir-raba' u l-ħames protokoll indirizzaw l-ossidi tan-nitroġenu, il-komposti organiċi volatili (KOV), u għal darb’ oħra l-emissjonijiet tal-kubrit u l-flussi transkonfinali tagħhom. Fil-protokoll tal-1991 dwar il-KOV kien hemm bidla minn approċċ ta' sustanza waħda għal approċċ aktar effettiv ta' grupp ta' sustanzi. Dan l-approċċ tkompla fiż-żewġ protokolli ta’ Aarhus tal-1998 dwar il-metalli tqal u dwar sustanzi niġġiesa organiċi persistenti (POPs). It-tmien protokoll, li għandu l-għan li jiġġieled l-aċidifikazzjoni, l-ewtrofikazzjoni u l-ożonu troposferiku, huwa l-ewwel protokoll b'bosta effetti u li jindirizza diversi sustanzi niġġiesa, u jinkludi limiti massimi nazzjonali tal-emissjonijiet speċifiċi u impenji ta’ tnaqqis għal diversi sustanzi.
Il-Protokoll ta’ Aarhus tal-1998 dwar il-Metalli Tqal (il-Protokoll) għandu l-għan li jnaqqas u jikkontrolla l-emissjonijiet antropoġeniċi fl-arja taċ-ċomb (Pb), il-kadmju (Cd) u l-merkurju (Hg). Il-Protokoll jirrikjedi li l-Partijiet inaqqsu l-emissjonijiet annwali totali tagħhom ta' dawn it-tliet metalli taħt il-livelli tagħhom tal-1990, jew sena alternattiva bejn l-1985 u 1995. Il-Protokoll għandu l-għan li jnaqqas l-emissjonijiet mis-sorsi industrijali (l-industrija tal-ħadid u l-azzar, l-industrija tal-metall nonferruż), mill-proċessi ta' kombustjoni (il-ġenerazzjoni tal-enerġija, it-trasport bit-triq), u mill-inċinerazzjoni tal-iskart. Huwa jistabbilixxi valuri ta’ limitu għal emissjonijiet minn sorsi stazzjonarji kbar speċifiċi u jirrikjedi l-użu tal-aħjar tekniki disponibbli. Il-Partijiet iridu jiżviluppaw u jżommu wkoll inventarji tal-emissjoni għall-Pb, il-Cd u l-Hg, ineħħu gradwalment il-petrol biċ-ċomb u jnaqqsu l-livelli ta' konċentrazzjoni tal-Hg fil-batteriji alkalini. Il-Protokoll jipproponi l-introduzzjoni ta’ miżuri ta’ ġestjoni għal prodotti oħra li jkun fihom il-Hg, inklużi l-istrumenti tal-kejl.
L-adeżjoni tal-Komunità għall-Protokoll ġiet approvata f’isem il-Komunità permezz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill 2001/379/KE tal-4 ta’ April 2001. Il-Protokoll, li daħal fis-seħħ fid-29 ta' Diċembru 2003, ġie traspost fid-dritt tal-UE permezz ta' diversi strumenti. Il-Partijiet eżaminaw il-Protokoll fir-rigward tas-suffiċjenza u l-effettività tal-obbligi tiegħu, u fl-2009 u l-2010 qablu dwar il-ftuħ tan-negozjati għar-reviżjoni tat-test u l-annessi tal-Protokoll. F’Diċembru 2012, il-Protokoll ġie emendat permezz tad-Deċiżjonijiet 2012/5, 2012/6 u 2012/7, l-aħħar tnejn b'referenzi għall-aħjar tekniki disponibbli.
Id-Deċiżjoni 2012/5 trid tiġi rratifikata mill-Partijiet. Il-Protokoll emendat jistabbilixxi, b’mod partikolari, valuri ta’ limitu aktar stretti għall-emissjonijiet tat-trab minn ċerti sorsi stazzjonari kbar, kif ukoll arranġamenti tranżitorji flessibbli li għandhom jibbenefikaw lil dawk il-Partijiet li se jaderixxu għall-Protokoll emendat qabel tmiem l-2019, inklużi l-pajjiżi fl-Ewropa tal-Lvant u tax-Xlokk.
L-emenda għall-Protokoll diġà hija koperta fil-parti l-kbira mil-leġiżlazzjoni tal-UE, u se tkompli tiġi trasposta permezz ta’ Direttiva ġdida li tistabbilixxi limiti massimi nazzjonali aġġornati għal ċerti sustanzi niġġiesa atmosferiċi, u tipprovdi għal inventarji tal-emissjoni nazzjonali annwali li għandhom ikopru, fost l-oħrajn, l-emissjonijiet taċ-ċomb, il-kadmju u l-merkurju.
L-abbozz ta’ Deċiżjoni tal-Kunsill jelenka t-test tal-emenda għall-Protokoll permezz tad-Deċiżjoni 2012/5 fl-Anness tiegħu. Kif spjegat hawn fuq, l-emenda hija kompletament konsistenti mal-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE. Ir-ratifika tal-emenda se tkun pass importanti lejn livell ogħla ta’ protezzjoni tas-saħħa tal-bniedem u tal-ambjent mit-tniġġis transkonfinali tal-arja. Għalhekk ir-rapporteur jilqa’ l-abbozz tad-Deċiżjoni tal-Kunsill u jipproponi li l-Parlament jagħti l-kunsens tiegħu.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI
FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
|
Data tal-adozzjoni |
22.12.2015 |
|
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
60 2 0 |
|||
|
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marco Affronte, Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Buşoi, Soledad Cabezón Ruiz, Alberto Cirio, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Jean-François Jalkh, Giovanni La Via, Norbert Lins, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Michèle Rivasi, Annie Schreijer-Pierik, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Tibor Szanyi, Damiano Zoffoli |
||||
|
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Nikos Androulakis, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Herbert Dorfmann, Luke Ming Flanagan, Elena Gentile, Martin Häusling, Jan Huitema, Merja Kyllönen, Ulrike Müller, James Nicholson, Alojz Peterle, Christel Schaldemose, Jasenko Selimovic |
||||
|
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Lucy Anderson, Beatriz Becerra Basterrechea, Michał Boni, Neena Gill, Monika Hohlmeier, Sander Loones, Helga Stevens |
||||