RAPPORT dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Robert Jarosław Iwaszkiewicz

28.1.2016 - (2015/2313(IMM))

Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Kostas Chrysogonos

Proċedura : 2015/2313(IMM)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0015/2016
Testi mressqa :
A8-0015/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar it-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Robert Jarosław Iwaszkiewicz

(2015/2313(IMM))

Il-Parlament Ewropew,

––  wara li kkunsidra t-talba għat-tneħħija tal-immunità ta' Robert Jarosław Iwaszkiewicz, imressqa fit-13 ta' Awwissu 2015 mill-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja b'rabta mal-proċedimenti kriminali li għandhom jitressqu mill-Ispettorat Ġenerali tat-Traffiku tat-Triq Pollakk (Ref. No CAN-PST-SCW.7421.1209083.2014.9.A.0475), u mħabbra fis-seduta plenarja fid-29 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-fatt li Robert Jarosław Iwaszkiewicz irrinunzja għad-dritt tiegħu għal seduta ta' smigħ b'konformità mal-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

–  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013[1],

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 105(2) u 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja u l-Artikoli 7b(1) u 7c(1) tal-Att tal-Polonja tad-9 ta' Mejju 1996 dwar il-prestazzjoni tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Pollakk jew tas-Senat,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 5(2) u 6(1) u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0015/2016),

A.  billi l-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja għadda talba mingħand l-Ispettorat Ġenerali tat-Traffiku tat-Triq Pollakk għat-tneħħija tal-immunità ta' Membru tal-Parlament Ewropew elett fir-rigward tal-Polonja, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, b'rabta ma' reat skont l-Artikolu 92(a) tal-Kodiċi tal-Offiżi Amministrattivi (Ġurnal ta' Liġijiet 2013, parti 482, kif emendat sussegwentement) b'rabta mal-Artikolu 20(1) tal-Att dwar it-Traffiku tat-Triq tal-20 ta' Ġunju 1997 (Ġurnal ta' Liġijiet 2012, parti 1137, kif emendat sussegwentement);

B.  billi l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jiddikjara li l-Membri tal-Parlament Ewropew għandhom igawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

C.  billi l-Artikoli 105(2) u 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jiddikjaraw li deputat jew senatur m'għandux jiġi soġġett għal responsabilità penali mingħajr il-kunsens tas-Sejm jew tas-Senat rispettivament;

D.  billi għalhekk tiġi r-responsabilità tal-Parlament Ewropew li jiddeċiedi jekk l-immunità ta' Robert Jarosław Iwaszkiewicz għandhiex titneħħa jew le;

E.  billi Robert Jarosław Iwaszkiewicz huwa akkużat li naqas milli jirrispetta l-limitu ta' veloċità f'żona fil-bini;

F.  billi l-allegata offiża m'għandhiex rabta diretta jew ovvja mal-prestazzjoni ta' Robert Jarosław Iwaszkiewicz fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

G.   billi, f'dan il-każ, il-Parlament ma sab l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li t-talba saret bl-intenzjoni li tiġi kkawżata ħsara politika lill-Membru kkonċernat;

1.  Jiddeċiedi li jneħħi l-immunità ta' Robert Jarosław Iwaszkiewicz;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtorità kompetenti tar-Repubblika tal-Polonja u lil Robert Jarosław Iwaszkiewicz.

NOTA SPJEGATTIVA

1. Sfond

Fit-13 ta' Awwissu 2015, il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja għadda lill-President tal-Parlament talba mill-Ispettorat Ġenerali tat-Traffiku tat-Triq Pollakk biex jagħti awtorizzazzjoni biex jinbdew proċedimenti kontra Membru tal-Parlament Ewropew, is-Sur Robert Jarosław Iwaszkiewicz, b'rabta mar-reat ta' veloċità tas-sewqan.

L-Ispettorat Ġenerali tat-Traffiku tat-Triq Pollakk jgħid illi nhar is-7 ta' Settembru 2014 f'12:34 fil-belt ta' Szklary, waqt li kien qed isuq Opel bin-numru ta' reġistrazzjoni DW404NA, is-Sur Iwaszkiewicz naqas milli jirrispetta l-limitu ta' veloċità f'żona fil-bini – fejn limitu ta' veloċità ta' 50 km fis-siegħa kien fis-seħħ – billi saq l-imsemmija vettura b'veloċità ta' 79 km fis-siegħa, u b'hekk eċċeda l-limitu ta' veloċità b'29 km fis-siegħa.

L-Ispettorat Ġenerali jgħid ukoll li l-vettura msemmija hawn fuq kienet proprjetà tas-Sra Małgorzata Iwaszkiewicz u ġiet irreġistrata, minn speed kamera, li kienet qed tivvjaġġa b'79 km fis-siegħa f'żona b'limitu ta' veloċità ta' 50 km fis-siegħa. B'rabta mar-reat imsemmi hawn fuq, intbagħtet taħrika lis-sid tal-vettura fit-3 ta' Ottubru 2014. B'risposta għat-taħrika, is-Sra Małgorzata Iwaszkiewicz ikkonfermat lill-Ispettorat Ġenerali Pollakk għat-Traffiku tat-Toroq li l-utent tal-vettura kien is-Sur Robert Iwaszkiewicz. B'risposta għat-taħrika mibgħuta lis-Sur Iwaszkiewicz fid-9 ta' Diċembru 2014, is-Sur Iwaszkiewicz bagħat ittra lill-Ispettorat Ġenerali għat-Traffiku tat-Toroq fit-13 ta' Jannar 2015, fejn talab li tiġi kkanċellata ċ-ċitazzjoni. Fl-aħħar nett, b'risposta għall-ittra mibgħuta lis-Sur Iwaszkiewicz fit-13 ta' Mejju 2015 fejn ġie mistoqsi jekk fil-waqt inkwistjoni huwa kienx is-sewwieq tal-vettura jew jekk irrifjutax li jgħid lil min kienet ngħatat il-vettura, is-Sur Iwaszkiewicz ikkonferma bil-miktub li huwa kien is-sewwieq tal-vettura fil-ħin inkwistjoni.

Il-fatti li bihom huwa akkużat is-Sur Iwaszkiewicz jammontaw għal offiża skont l-Artikolu 92a tal-Kodiċi tal-Offiżi Amministrattivi Pollakk flimkien mal-Artikolu 20(1) tal-Att dwar it-Traffiku tat-Triq Pollakk tal-20 ta' Ġunju 1997.

Fis-seduta plenarja fid-9 ta' Settembru 2015 il-President tal-Parlament ħabbar, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, li kien irċieva ittra mingħand il-Prosekutur Ġenerali tar-Repubblika tal-Polonja li titlob it-tneħħija tal-immunità parlamentari tas-Sur Robert Jarosław Iwaszkiewicz.

Fl-20 ta' Novembru 2015, il-President tal-Parlament irrefera din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura. Fil-11 ta' Jannar 2016, is-Sur Robert Jarosław Iwaszkiewicz irrinunzja għad-dritt tiegħu għal seduta ta' smigħ skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura.

2. Il-liġi u l-proċedura dwar l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

L-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jaqra kif ġej:

Artikolu 9

Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

a. fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

b. fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' miżura jew detenzjoni u minn proċeduri legali.

L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

L-immunità ma tistax tintalab meta membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-membri tiegħu.

Minħabba li t-tneħħija tal-immunità qed tiġi mfittxa għall-Polonja, japplika d-dritt Pollakk dwar l-immunità parlamentari skont l-Artikolu 9, l-ewwel paragrafu, punt a. L-Artikoli 105(2) u 108 tal-Kostituzzjoni tar-Repubblika tal-Polonja jiddisponu li d-Deputati u s-Senaturi m'għandhomx jiġu soġġetti għal responsabilità penali mingħajr il-kunsens tal-kamra rispettiva tagħhom. Skont l-Artikolu 7b(1) tal-Att tad-9 ta' Mejju 1996 dwar il-prestazzjoni tad-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Pollakk jew tas-Senat, mozzjoni għall-espressjoni ta' kunsens biex deputat jew senatur jitressaq għal responsabilità penali f'każ li jikkonċerna reat li ssir prosekuzzjoni tiegħu permezz ta' akkuża pubblika għandha tiġi ppreżentata permezz tal-Ministru tal-Ġustizzja mill-Prosekutur Pubbliku Ġenerali. L-Artikolu 7c(1) tal-istess att jiddikjara, imbagħad, li l-proposta għall-espressjoni ta' kunsens biex deputat jew senatur jitressaq għal responsabilità penali għandha titressaq quddiem l-iSpeaker tas-Sejm jew l-iSpeaker tas-Senat, li għandhom jgħaddu din il-proposta lill-korp kompetenti biex jeżamina l-mozzjoni skont ir-regoli ta' proċedura tas-Sejm jew tas-Senat u fl-istess ħin id-deputat jew is-senatur ikkonċernat jiġi informat dwar il-kontenut tal-proposta.

L-Artikoli 6(1) u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew jinqraw kif ġej:

Artikolu 6

Tneħħija tal-immunità

1. Fl-eżerċizzju tas-setgħat tiegħu f'dak li għandu x'jaqsam ma' privileġġi u immunitajiet, il-Parlament jaġixxi biex iħares l-integrità tiegħu bħala assemblea leġislattiva demokratika u jiżgura l-indipendenza tal-Membri tiegħu fil-qadi ta' dmirijiethom. Kull talba għat-tneħħija tal-immunità għandha tkun ivvalutata skont it-termini tal-Artikoli 7, 8 u 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea u skont il-prinċipji li hemm riferiment għalihom f'dan l-Artikolu.

(...)

Artikolu 9

Proċeduri dwar l-immunità

1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta' xi Membru, jew minn Membru jew xi ħadd li kien Membru sabiex jitħarsu l-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tkun riferuta lill-kumitat responsabbli.

Il-Membru jew l-ex-Membru jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor. It-talba ma tistax issir minn Membru ieħor mingħajr il-qbil tal-Membru kkonċernat.

2. Il-kumitat għandu jikkunsidra mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

3. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet.

4. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa.

5. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor.

Il-Membru ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.

Il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru jista' jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.

Jekk il-Membru ma jipparteċipax fis-smigħ wara dik l-istedina, jitqies li rrinunzja dak il-jedd li jkun mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f'dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet. Il-President tal-Kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba li dak li jkun ikun skużat tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, u ma jkun permess l-ebda appell fuq dan il-punt.

Jekk il-President tal-Kumitat jilqa' t-talba għal eżoneru, allura jistieden lill-Membru jinstema' f'data u ħin ġodda. Jekk il-Membru jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema', il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema' l-Membru. Ebda talba oħra għal eżoneru, jew għas-smigħ, ma tintlaqa' minn dan l-istadju 'l quddiem.

(...)

7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità in kwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.

(...)

3. Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta

Abbażi tal-fatti msemmija hawn fuq, dan il-każ jikkwalifika għall-applikazzjoni tal-Artikolu 9 tal-Protokoll (Nru 7) dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea. Skont dik id-dispożizzjoni, il-Membri jgawdu, fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom. F'dan ir-rigward, l-Artikoli 105(2) u 108 tal-Kostituzzjoni Pollakka jiddikjaraw li ma jistgħux jinbdew proċedimenti kriminali kontra Membru tas-Sejm jew tas-Senat mingħajr l-awtorizzazzjoni minn qabel tal-kamra li tagħha hu jew hi jkunu Membru. Għalhekk, hija meħtieġa deċiżjoni tal-Parlament Ewropew dwar jekk jistgħux jinbdew proċedimenti kriminali kontra s-Sur Iwaszkiewicz.

Sabiex jiġi deċiż jekk hemmx lok għat-tneħħija tal-immunità parlamentari ta' Membru, il-Parlament Ewropew japplika l-prinċipji stabbiliti sew tiegħu stess. Wieħed minn dawn il-prinċipji huwa li l-immunità normalment tiġi mneħħija meta r-reat jaqa' taħt l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 7, sakemm ma hemmx fumus persecutionis, jiġifieri suspett serju u preċiż biżżejjed li l-kwistjoni qed tiġi mressqa quddiem qorti bl-intenzjoni li tiġi kkawżata ħsara politika lill-Membru kkonċernat.

F'dan il-każ, it-talba għat-tneħħija tal-immunità tas-Sur Iwaszkiewicz tressqet bħala riżultat ta' allegat reat li jikkonsisti f'eċċess tal-limitu tal-veloċità permessa f'żona mibnija. Jidher mill-fajl li s-Sur Iwaszkiewicz ammetta fil-5 ta' Ġunju 2015 li huwa kien qed isuq il-vettura fil-ħin inkwistjoni, għalkemm qabel dan, fit-8 ta' Frar 2015, kien talab il-kanċellazzjoni taċ-ċitazzjoni għar-raġuni li r-reat seħħ filwaqt li kien qed iwettaq xogħol parlamentari - kien sejjer Brussell biex jattendi laqgħa fil-Parlament Ewropew. Miċ-ċirkostanzi tal-każ jidher li l-allegata offiża u l-prosekuzzjoni sussegwenti ċarament ma għandhom xejn x'jaqsmu mal-pożizzjoni tas-Sur Iwaszkiewicz bħala Membru tal-Parlament Ewropew u li ma hemm l-ebda evidenza ta' fumus persecutionis.

4. Konklużjoni

Abbażi tal-kunsiderazzjonijiet imsemmija hawn fuq u skont l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jneħħi l-immunità parlamentari tas-Sur Robert Jarosław Iwaszkiewicz.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

17

0

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Mady Delvaux, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Jytte Guteland, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Stefan Eck, Eleonora Evi, Sylvie Goddyn, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Gabriele Preuß

  • [1]  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, C-101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et, C-149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs Il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti tal-Prim'Istanza tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs Il-Parlament, T-42/06, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs Il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.