Proċedura : 2015/2256(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0017/2016

Testi mressqa :

A8-0017/2016

Dibattiti :

PV 24/02/2016 - 14
CRE 24/02/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 25/02/2016 - 7.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0060

RAPPORT     
PDF 729kWORD 163k
1.2.2016
PE 571.647v02-00 A8-0017/2016

dwar il-governanza tas-Suq Uniku fl-ambitu tas-Semestru Ewropew 2016

(2015/2256(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Catherine Stihler

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-governanza tas-Suq Uniku fl-ambitu tas-Semestru Ewropew 2016

(2015/2256(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2015(2),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Frar 2014 dwar il-governanza tas-Suq Uniku fil-qafas tas-Semestru Ewropew 2014(3), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-28 ta' Mejju 2014,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: implimentazzjoni tal-prijoritajiet 2014(4),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Frar 2013 b'rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar il-governanza tas-Suq Uniku(5), u r-rispons ta' segwitu tal-Kummissjoni adottat fit-8 ta' Mejju 2013,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa",

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar passi lejn l-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015)0600),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Bordijiet Nazzjonali tal-Kompetittività fiż-Żona tal-Euro (COM(2015)0601),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 – Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza (COM(2015)0690),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni dwar l-isfidi li għandhom quddiemhom l-Istati Membri fir-rigward tal-investiment (SWD(2015)0400),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' politika ta' Bruegel ta' Novembru 2015 bit-titolu "The Limitations of Policy Coordination in the Euro Area under the European Semester" (Il-limitazzjonijiet tal-koordinazzjoni tal-politika fiż-żona tal-euro fil-qafas tas-Semestru Ewropew),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' kull tliet xhur dwar iż-żona tal-euro (QREA), Vol 14, Nru 2,

–  wara li kkunsidra l-istudju tal-EPRS ta' Settembru 2014 bit-titolu "The Cost of Non-Europe in the Single Market" (il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-28 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Naġġornaw is-Suq Uniku: opportunitajiet aktar għaċ-ċittadini u għan-negozji" (COM(2015)0550) u r-rapport bit-titolu "Single Market Integration and Competitiveness in the EU and its Member States" (L-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha) (SWD(2015)0203),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-6 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Strateġija għal Suq Uniku Diġitali għall-Ewropa" (COM(2015)0192);

–  wara li kkunsidra l-edizzjoni tal-2015 tat-Tabella ta' Valutazzjoni tas-Suq Intern online,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-8 ta' Ġunju 2012 dwar l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi (COM(2012)0261), kif aġġornata f'Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (A8-0017/2016),

A.  billi l-UE qed tiffaċċja diversi sfidi kemm fuq livell globali u kemm fuq livell domestiku, bħalma huma tkabbir batut, livelli għoljin ta' qgħad u, b'mod partikolari, kompetizzjoni internazzjonali qawwija;

B.  billi s-Semestru Ewropew għandu l-għan li jżid il-koordinazzjoni tal-politiki ekonomiċi u fiskali fost l-UE 28 sabiex tiżdied l-istabbiltà, jitrawmu t-tkabbir u l-impjiegi u tissaħħaħ il-kompetittività;

C.  billi huwa kruċjali li jiġu sfruttati s-soluzzjonijiet kollha possibbli biex tingħata spinta lill-ekonomija u l-kompetittività tal-UE;

D.  billi s-Suq Uniku huwa wieħed mill-pedamenti tal-UE u hu fost l-akbar kisbiet tagħha; billi s-Semestru Ewropew, biex tassew irawwem it-tkabbir ekonomiku u jistabbilizza l-ekonomiji, jeħtieġ jinkludi wkoll is-Suq Uniku u l-politiki mmirati għall-kompletar tiegħu;

E.  billi Suq Uniku inklużiv, b'governanza msaħħa li tiffavorixxi regolamentazzjoni u kompetizzjoni aħjar, huwa strument kruċjali biex tingħata spinta lill-investiment, l-impjiegi u l-kompetittività u tiġi ppreservata l-fiduċja tas-settur kummerċjali u tal-konsumaturi;

F.  billi l-bidliet teknoloġiċi, komportamentali u dawk marbuta mas-soċjetà għandhom impatt sinifikanti fuq in-negozju u fuq l-imġiba tal-konsumaturi, u dan joħloq ħafna opportunitajiet u sfidi ekonomiċi li l-qafas tas-Suq Uniku jeħtieġ jindirizza;

G.   billi, qabelxejn, hija l-konformità mar-regoli eżistenti fi ħdan is-Semestru Ewropew u s-Suq Uniku li se tkun tista' tipprovdi viżjoni konkreta dwar l-adegwatezza jew in-nuqqasijiet tar-regoli attwali;

Is-Suq Uniku bħala għodda importanti biex tingħata spinta lill-kompetittività tal-UE u jiżdiedu l-impjiegi u t-tkabbir

1.  Itenni li s-Suq Uniku huwa wieħed mill-pedamenti tal-UE; jenfasizza li s-Semestru Ewropew, biex tassew irawwem it-tkabbir ekonomiku u jistabbilizza l-ekonomiji tal-Istati Membri, jeħtieġ jinkludi wkoll is-Suq Uniku u l-politiki mmirati għall-kompletar tiegħu;

2.  Jenfasizza li s-Suq Uniku huwa s-sinsla tal-ekonomiji tal-Istati Membri u tal-proġett ta' integrazzjoni Ewropea kollu kemm hu; jenfasizza l-benefiċċji ekonomiċi tas-Suq Uniku, bħalma huma l-istandardizzazzjoni tal-prodotti u l-integrazzjoni tas-suq, l-ekonomiji ta' skala, kompetizzjoni aktar b'saħħitha u kundizzjonijiet ekwi għal 500 miljun konsumatur fit-28 Stat Membru, vantaġġi li b'mod partikolari jippermettu lill-konsumaturi jibbenefikaw minn għażla akbar ta' prodotti u servizzi, kwalità aħjar u prezzijiet aktar baxxi;

3.  Jenfasizza l-importanza li jsir progress fis-Suq Uniku sabiex jinkiseb tkabbir ekonomiku strutturali u sostenibbli sabiex nattiraw u nrawmu l-investiment, fil-kuntest ta' regoli dwar it-trasparenza u l-effiċjenza, li jikkontribwixxi għall-ħolqien tal-impjiegi u l-promozzjoni tal-benessri fost iċ-ċittadini tal-Istati Membri; iħeġġeġ lill-Kummissjoni twettaq monitoraġġ sistematiku tal-implimentazzjoni u l-infurzar tar-regoli tas-Suq Uniku permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiżi (CSRs), b'mod partikolari f'dawk il-każijiet fejn dawn ir-regoli jagħtu kontribut sinifikanti għar-riformi strutturali;

4.  Jemmen li jeħtieġ jiġi ffaċilitat ambjent adegwat għall-inizjattiva ekonomika u għall-iżvilupp tan-negozji li jħeġġeġ il-kompetittività u l-kooperazzjoni fost l-SMEs, u b'hekk jiġi sfruttat il-potenzjal industrijali tal-innovazzjoni, ir-riċerka u t-teknoloġija;

5.  Jinnota l-ħidma li saret dan l-aħħar mis-servizzi tal-Kummissjoni b'rabta mal-identifikazzjoni u l-immappjar tal-isfidi għall-investiment u t-tfassil ta' profili ta' investiment speċifiċi għall-pajjiżi;

6.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-livell ta' implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew għall-2011-2014 kien aktar baxx minn kemm kien mistenni; jistieden lill-Kummissjoni, għaldaqstant, tipproponi mekkaniżmu li jħeġġeġ lill-pajjiżi jimplimentaw is-CSRs;

7.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ssimplifikat il-proċess il-ġdid tas-Semestru Ewropew u jifhem li l-għadd ta' CSRs naqas sabiex jiġu proposti rakkomandazzjonijiet aktar iffukati fuq il-prijoritajiet tal-pajjiżi; jinnota li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jagħti aktar attenzjoni lill-kwistjonijiet marbuta mas-Suq Uniku milli lis-CSRs;

8.  Itenni l-appell tiegħu biex fis-Semestru Ewropew jiddaħħal il-pilastru tas-Suq Uniku, b'sistema ta' monitoraġġ regolari, identifikazzjoni tal-ostakli speċifiċi għall-pajjiżi fir-rigward tas-Suq Uniku u evalwazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku kif ukoll tal-kompetittività ffukata fuq sett ta' oqsma prijoritarji fejn l-azzjoni tiġġenera l-akbar impatt f'termini ta' tkabbir u impjiegi, inkluż l-iżvilupp sostenibbli tan-negozji – li jinkludi wkoll lill-SMEs; iqis li s-sistema għandha tinkludi database ta' informazzjoni robusta, sett ta' indikaturi kwantitattivi u kwalitattivi mmirati biex ikejlu fost l-oħrajn l-effetti ekonomiċi tal-applikazzjoni tar-regoli tas-Suq Uniku, valutazzjoni komparattiva, evalwazzjoni bejn il-pari u skambju tal-aħjar prattiki;

9.  Jilqa' r-rapport tal-2015 dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività fl-UE u fl-Istati Membri tagħha; jinnota li dan ir-rapport, li jieħu post kemm ir-Rapport dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku li qabel kien jiġi anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir u kemm ir-rapport dwar il-qagħda tal-industrija Ewropea, ġie ppubblikat bħala dokument li jakkumpanja l-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku, minflok ma ġie anness mal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir kif kien isir qabel; jitlob li r-rapport jiġi żviluppat ulterjorment u li jsir parti mill-pilastru tal-governanza tas-Suq Uniku u l-bażi għal evalwazzjoni annwali tal-progress fis-Suq Uniku; iqis li r-rapport għandu jiddaħħal fit-taqsima speċifika dwar is-Suq Uniku fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir, fis-CSRs u fid-djalogu strutturat regolari dwar il-konformità magħmul mal-Istati Membri fir-rigward tas-Suq Uniku;

10.  Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tanalizza ulterjorment l-isfidi speċifiċi għall-pajjiżi fir-rigward tal-investiment, fil-qafas tas-Semestru Ewropew, b'mod partikolari fir-Rapporti tal-Pajjiżi u permezz ta' diskussjonijiet tematiċi fil-Kunsill;

11.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li ħafna mill-isfidi identifikati fir-rigward tal-investiment huma relatati mal-funzjonament tas-Suq Uniku u mat-traspożizzjoni u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda s-Suq Uniku; jitlob lill-Kummissjoni tissorvelja b'mod rigoruż il-mod kif l-Istati Membri komplew jaħdmu fuq l-isfidi u l-ostakli identifikati fir-rigward tal-investiment, tipparteċipa fi djalogu strutturat regolari dwar il-konformità mal-Istati Membri u tuża s-setgħat tagħha u tieħu azzjoni fejn xieraq sabiex tneħħi ostakli mhux ġustifikati u sproporzjonati għas-Suq Uniku;

12.  Jenfasizza li kwalunkwe proċess ta' rieżami tas-Semestru Ewropew jeħtieġ jippermetti l-involviment xieraq tal-Parlament Ewropew, tal-parlamenti nazzjonali u reġjonali u tal-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha, mhux biss biex jiżdied is-sens ta' appartenenza fil-konfront tas-Semestru Ewropew iżda wkoll biex jiżdied il-livell ta' implimentazzjoni tas-CSRs;

13.  Jenfasizza l-importanza ta' approċċ inklużiv u trasparenti li jiġġenera riformi rilevanti u meħtieġa permezz tas-Semestru Ewropew;

Il-potenzjal mhux sfruttat tas-Suq Uniku

14.  Ifakkar fil-bżonn li jitwettqu riformi ekonomiċi u soċjali adatti u ġusti, kif ukoll li jiġu indirizzati l-burokrazija żejda u l-protezzjoniżmu, sabiex jitjiebu l-produttività u l-kompetittività tal-ekonomija Ewropea;

15.  Jenfasizza li għalkemm fis-Suq Uniku m'hemmx ostakli tariffarji diretti, jeżistu għadd kbir ta' ostakli nontariffarji varji; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet tal-UE, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha jagħtu bidu għal dibattitu kostruttiv dwar din il-kwistjoni sabiex jingħelbu l-ostakli nontariffarji fl-UE;

16.  Jiddeplora l-fatt li f'diversi Stati Membri hemm nuqqasijiet sinifikanti fir-rigward tal-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar is-Servizzi, li tkopri attivitajiet li jirrappreżentaw aktar minn 45 % tal-PDG u tal-impjiegi tal-UE, fost l-oħrajn minħabba għadd sostanzjali ta' regoli u regolamenti nazzjonali li mhux dejjem ikunu fl-interess pubbliku; jiddispjaċih ukoll li l-proċedura ta' notifika mhux dejjem tiġi rispettata;

17.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-modernizzazzjoni tad-Direttiva dwar il-Kwalifiki Professjonali, li tipproponi sistema aħjar ta' rikonoxximent tal-kwalifiki li tiffavorixxi l-mobilità tal-ħaddiema; jinnota li r-regolamentazzjoni ta' professjonijiet regolati, kif ukoll ir-riżervi li jillimitaw l-eżerċizzju ta' ċerti attivitajiet, ivarjaw minn Stat Membru għal ieħor;

18.  Jilqa' favorevolment l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tikkunsidra inizjattiva għal passaport tas-servizzi u formola ta' notifika armonizzata, bil-kundizzjoni li din l-inizjattiva twassal għal trasparenza akbar fir-rigward tas-setgħat tal-fornituri tas-servizzi transkonfinali u għal tnaqqis fil-burokrazija u l-piżijiet amministrattivi; jenfasizza li kwalunkwe inizjattiva bħal din m'għandhiex twassal għall-introduzzjoni tal-prinċipju tal-pajjiż ta' oriġini; josserva, madankollu, li jkun xieraq li jingħata aktar dettall dwar il-punti prinċipali ta' din il-proposta; iqis il-passaport tas-servizzi bħala soluzzjoni temporanja maħsuba biex tintuża matul it-tranżizzjoni lejn Suq Uniku integrat għalkollox;

19.  Jenfasizza li s-suq tal-akkwist pubbliku jirrappreżenta porzjon sostanzjali tas-Suq Uniku kollu kemm hu u jikkontribwixxi b'mod sinifikanti għat-tkabbir tal-Istati Membri u tan-negozji, il-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja t-trasparenza tal-proċeduri ta' akkwist fis-settur pubbliku, il-kompetizzjoni transkonfinali u t-titjib fl-użu tar-riżorsi pubbliċi, anke permezz ta' standards soċjali u ambjentali;

20.  Ifakkar li, fl-2014, l-UE adottat riforma kbira tal-qafas tal-akkwist tal-UE, li permezz tagħha ssimplifikat il-proċeduri, għamlet ir-regoli aktar flessibbli u adattathom biex tintegrahom aħjar ma' politiki oħrajn tas-settur pubbliku;

21.  Jirrimarka li fl-Istati Membri għad hemm ineffiċjenzi sinifikanti fl-akkwist pubbliku li jillimitaw l-espansjoni u t-tkabbir transkonfinali fis-swieq domestiċi; jenfasizza l-ħtieġa ta' traspożizzjoni u implimentazzjoni xierqa u f'waqthom tal-leġiżlazzjoni li tirrigwarda l-akkwist pubbliku u l-konċessjonijiet min-naħa tal-Istati Membri; jemmen li l-implimentazzjoni korretta tal-proċedura tar-rimedji tal-2007 tiżgura li l-akkwist pubbliku jkun aktar effiċjenti, effikaċi u trasparenti.

22.  Jilqa' t-tieni programm dwar is-Soluzzjonijiet ta' Interoperabbiltà għall-Amministrazzjonijiet Pubbliċi Ewropej (ISA²), li beda fl-1 ta' Jannar 2016 u li se jappoġġja l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet diġitali interoperabbli, disponibbli għall-amministrazzjonijiet pubbliċi, in-negozji u ċ-ċittadini interessati kollha fl-Ewropa, mingħajr ħlas;

23.  Jenfasizza li l-iżvilupp u l-użu mifrux tal-amministrazzjoni elettronika fl-Istati Membri se jservu bħala għodda fundamentali li tagħmilha aktar faċli għall-imprendituri biex joperaw fis-Suq Uniku u għall-konsumaturi biex jeżerċitaw id-drittijiet tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'rabta ma' dan ta' hawn fuq, timpenja ruħha għall-iżvilupp tal-amministrazzjoni elettronika bħala prijorità ewlenija u urġenti;

24.  Jenfasizza li s-settur privat huwa mutur kruċjali għat-tkabbir sostenibbli u l-ħolqien tal-impjiegi; jirrimarka li r-regolamenti u l-prattiki nazzjonali individwali, flimkien ma' implimentazzjoni inadegwata tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku, jistgħu jirriżultaw f'ostakli u piżijiet bla bżonn u dannużi għall-imprendituri u l-konsumaturi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw applikazzjoni xierqa u infurzar aħjar tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku u strumenti kosteffiċjenti għas-soluzzjoni tat-tilwim;

25  Jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta mal-partijiet ikkonċernati sabiex jiġu identifikati s-setturi u s-swieq fejn l-applikazzjoni tal-prinċipju ta' rikonoxximent reċiproku hija insuffiċjenti jew problematika;

26.  Huwa tal-parir li t-tisħiħ tar-rwol tal-Punti ta' Kuntatt tal-Prodott eżistenti bħala punti ta' aċċess uniku għall-operaturi ekonomiċi dwar kwistjonijiet relatati mas-Suq Uniku jgħin biex tiżdied is-sensibilizzazzjoni u l-komprensjoni fir-rigward tal-leġiżlazzjoni applikabbli;

27.  Jenfasizza li kundizzjonijiet aħjar għat-trawwim ta' negozji ġodda u SMEs jistgħu jirriżultaw f'innovazzjoni aktar attiva u ħolqien ta' impjiegi, minbarra li jiġġeneraw tkabbir sostenibbli; ifakkar li għad hemm ħafna ostakli, xi wħud minnhom burokratiċi, li jfixklu l-iżvilupp tal-SMEs internament u internazzjonalment; jappella biex jiġu identifikati u eliminati l-ostakli li jimpedixxu t-tkabbir domestiku u internazzjonali;

28.  Jenfasizza li, wara l-kriżi finanzjarja, l-intensità tal-akkumulazzjoni kapitali tanġibbli u intanġibbli kienet aktar baxxa fl-UE milli fit-territorju tal-kompetituri tagħha, fatt li huwa ta' detriment għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali; jenfasizza li l-investiment, inkluż fil-qasam tal-ICT, huwa ta' importanza kbira sabiex jerġa' jkun hemm produttività u tkabbir fit-tul fl-UE; huwa tal-fehma li sabiex tinqaleb din ix-xejra negattiva, jeħtieġ jissaħħaħ is-Suq Uniku u jitnaqqsu l-ostakli għall-investiment; jesiġi li l-investiment ikun immirat lejn il-finanzjament tal-ekonomija reali u li jkomplu jittieħdu miżuri kontinwi sabiex jintlaħaq dak il-għan;

29.  Jappella biex jitneħħew minnufih ir-restrizzjonijiet territorjali mhux ġustifikati – l-hekk imsejjaħ "imblukkar ġeografiku" (geo-blocking), b'mod partikolari permezz tal-implimentazzjoni sħiħa tal-Artikolu 20 tad-Direttiva dwar is-Servizzi, u b'hekk tintemm id-diskriminazzjoni mhux ġustifikata fl-aċċess għal prodotti u servizzi kif ukoll id-diskriminazzjoni fil-prezzijiet ibbażata fuq il-post ġeografiku jew iċ-ċittadinanza;

30.  Jappella biex is-Sistema Ewropea ta' Standardizzazzjoni tissaħħaħ ħalli l-ħidma tinbeda malajr kemm jista' jkun sabiex jiżdied l-appoġġ favur il-politiki tal-UE fl-innovazzjoni diġitali, tiżdied iċ-ċibersigurtà u titjieb l-interoperabbiltà;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw u jinfurzaw ir-regoli tas-Suq Uniku b'mod xieraq u f'waqtu; jenfasizza l-importanza tal-implimentazzjoni tas-CSRs – inklużi r-riformi fis-swieq tal-prodotti u tas-servizzi nazzjonali – sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal ta' tkabbir tal-Istati Membri;

32.  Jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ iżidu l-isforzi tagħhom biex jimmodernizzaw l-amministrazzjonijiet pubbliċi tagħhom, billi jipprovdu aktar servizzi diġitali li jkunu aktar aċċessibbli għaċ-ċittadini u għan-negozji, u biex jiffaċilitaw il-kooperazzjoni transkonfinali u l-interoperabbiltà tal-amministrazzjonijiet pubbliċi;

Is-Suq Uniku fis-seklu 21

33.  Jenfasizza li l-kunċett tal-ekonomija moderna qed jinbidel b'pass mgħaġġel minħabba l-avvanzi diġitali u teknoloġiċi, kompetizzjoni internazzjonali aktar intensa u t-tibdil fix-xejriet komportamentali tal-atturi ekonomiċi u tal-konsumaturi;

34.  Jirrimarka l-fatt li l-linja bejn il-prodotti u s-servizzi qed issir dejjem aktar imċajpra; jenfasizza l-importanza dejjem akbar tas-servizzi relatati man-negozju u s-sistemi bi prodotti u servizzi integrati; jemmen li l-oqfsa regolatorji tas-Suq Uniku jeħtieġ iħaddnu dawn l-iżviluppi evoluttivi;

35.  Jilqa' l-mudelli kummerċjali ġodda tal-ekonomija kollaborattiva u jirrikonoxxi l-potenzjal innovattiv enormi li għandhom u li għandu jiġi sfruttat f'konformità mal-istandards eżistenti mil-lat ġuridiku u tal-ħarsien tal-konsumaturi kif ukoll ma' kundizzjonijiet kompetittivi ekwi; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet possibbli sabiex l-ekonomija kollaborattiva tiżviluppa u tirnexxi; jistieden lill-Kummissjoni tieħu approċċ strateġiku li jippermetti li n-negozji tal-ekonomija kollaborattiva jikkompetu ma' negozji tradizzjonali f'ambjent ġust;

36.  Jirrimarka li x-xejriet tal-investiment min-naħa tan-negozji raw bidla sinifikanti, b'żieda fid-daqs u l-importanza tal-infiq f'assi intanġibbli meta mqabbla mal-investiment f'assi tanġibbli; jenfasizza li, b'rabta ma' assi intanġibbli, 17 % biss tal-investiment tad-ditti jmur favur ir-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam xjentifiku; jistieden lil dawk responsabbli mit-tfassil tal-politika jaħdmu favur it-tneħħija tal-ostakli regolatorji li jimpedixxu t-twettiq tal-potenzjal sħiħ ta' din il-lieva ta' innovazzjoni ġdida;

37.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-Istrateġija tas-Suq Uniku, li tiddeskrivi kif diversi azzjonijiet tal-Kummissjoni (l-Unjoni tas-Swieq Kapitali, is-Suq Uniku Diġitali, l-Unjoni tal-Enerġija, eċċ.) huma ffukati fuq għan prinċipali – l-isfruttament tal-potenzjal tas-Suq Uniku tal-UE; jenfasizza li l-komunikazzjoni dwar l-Istrateġija tas-Suq Uniku tgħid li s-Suq Uniku għandu jitqies iżjed fil-proċess tas-Semestru Ewropew;

38.  Jilqa' l-Istrateġija tas-Suq Uniku Diġitali bħala l-approċċ it-tajjeb biex l-UE tadatta ruħha għall-era diġitali; jappella biex din l-istrateġija tiġi introdotta u implimentata malajr biex ikun żgurat li l-UE tirkupra ż-żmien li tilfet preċedentement meta l-adozzjoni u l-użu tat-teknoloġiji diġitali kienu batuti; iqis li dan jeħtieġ allokazzjoni ta' fondi nazzjonali u tal-UE sabiex tinħoloq l-infrastruttura meħtieġa, b'mod partikolari fiż-żoni rurali; jinnota wkoll l-importanza tal-appoġġ favur l-innovazzjoni diġitali u t-titjib fl-interoperabbiltà, u li kwistjonijiet ta' sigurtà ċibernetika għandhom jingħataw attenzjoni partikolari;

39.  Jenfasizza li servizzi ta' twassil tal-pakketti aċċessibbli, effiċjenti, ta' kwalità għolja u bi prezz raġonevoli jikkostitwixxu rekwiżit preliminari essenzjali għal kummerċ elettroniku transkonfinali li jirnexxi, għall-benefiċċju – b'mod partikolari – tal-SMEs u l-konsumaturi;

40.  Ifakkar li l-integrazzjoni tas-Suq Uniku fil-prodotti u s-servizzi hija kważi dejjem ibbażata fuq id-data, u li l-interoperabbiltà hija l-"kolla" li ttejjeb il-konnessjoni tul il-katina tal-provvista u tiżgura komunikazzjoni effikaċi bejn il-komponenti diġitali; jistieden lill-Kummissjoni tibda l-aġġornament tal-Qafas Ewropew tal-Interoperabbiltà malajr kemm jista' jkun, flimkien ma' pjan ta' standardizzazzjoni integrat li jidentifika u jiddefinixxi l-prijoritajiet ewlenin;

41.  Jenfasizza li l-investimenti privati u pubbliċi f'netwerks ta' komunikazzjoni veloċi u ultraveloċi huma rekwiżit għal kwalunkwe progress diġitali, u jridu jiġu inċentivati permezz ta' qafas regolatorju stabbli tal-UE sabiex l-atturi kollha jkunu jistgħu jagħmlu investimenti anke f'żoni rurali u remoti;

42.  Jenfasizza l-importanza li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jiġi implimentat b'suċċess sabiex l-investimenti jiġu massimizzati u l-kumpaniji innovattivi jingħataw appoġġ fl-istadji differenti tal-finanzjament tal-iżvilupp tagħhom; jenfasizza l-importanza li, f'każ ta' falliment tas-suq, jiġu sfruttati bis-sħiħ il-fondi pubbliċi li diġà huma disponibbli għal investimenti diġitali, u li jingħata lok għal sinerġiji bejn programmi tal-UE bħalma huma Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, u fondi strutturali rilevanti u strumenti oħrajn;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni tevalwa jekk l-istrateġija tal-broadband attwali għal netwerks mobbli u fissi, kif ukoll il-miri tagħha, humiex adegwati għall-esiġenzi tal-futur u jekk jissodisfawx il-kundizzjonijiet għal konnettività għolja għal kulħadd – sabiex tiġi evitata l-qasma diġitali – u għall-ħtiġijiet tal-ekonomija bbażata fuq id-data kif ukoll it-tixrid rapidu tal-5G;

44.  Jenfasizza li l-UE għandha tibni l-vantaġġ kompetittiv tagħha billi toħloq art fertili perfetta għat-twelid ta' kumpaniji innovattivi, li jeħtieġ politika industrijali moderna u infrastruttura aktar integrata li tqiegħed fuq quddiem l-adozzjoni tat-teknoloġija u ambjent regolatorju li jiffavorixxi l-innovazzjoni u l-intraprenditorija; jappella biex kwalunkwe qafas diġitali propost fil-futur ikun inklużiv, aċċessibbli u jiżgura livell għoli ta' ħarsien għall-konsumaturi;

Il-governanza tas-Suq Uniku

45.  Jenfasizza li, sabiex ikun hemm governanza u sens ta' appartenenza aktar b'saħħithom fil-livelli kollha fejn jidħol is-Suq Uniku, hemm bżonn kjarifika fit-tqassim tal-kompiti bejn dawk il-livelli u oqfsa li jagħtu inċentivi aħjar u responsabbiltà ċara għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tas-Suq Uniku biex jingħata impetu ġdid lis-Suq Uniku;

46.  Jinnota li s-sens ta' appartenenza fuq ħafna livelli fir-rigward tal-governanza effikaċi tas-Suq Uniku jista' jintlaħaq b'suċċess permezz tad-deregolamentazzjoni, minn naħa, u kultura ta' infurzar regolatorju usa', min-naħa l-oħra; jappella biex jiġi żviluppat il-kapital uman, fost l-oħrajn abbażi ta' informazzjoni aktar aċċessibbli u taħriġ xieraq biex jogħlew il-livelli ta' għarfien u ta' sensibilizzazzjoni;

47.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li r-regoli tas-Suq Uniku jiġu infurzati b'mod konsistenti min-naħa tal-Istati Membri, billi tuża l-informazzjoni disponibbli, id-data u l-istrumenti kollha għad-dispożizzjoni tagħha, u timponi l-konsegwenzi previsti mit-Trattati f'każijiet fejn l-Istati Membri jonqsu milli jirrispettaw il-politiki u l-liġijiet tal-UE;

48.  Jirrimarka l-importanza tal-monitoraġġ u l-ġbir tad-data u l-ħtieġa ta' sistema robusta u integrata; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li, f'ħafna każijiet, l-informazzjoni dwar il-konsultazzjonijiet pubbliċi tkun disponibbli f'lingwa waħda biss u dan ma jippermettix lill-partijiet interessati kollha jikkummentaw dwar kwistjonijiet u proposti importanti; iqis li d-data u l-evidenza għandhom jiġu kkunsidrati fit-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi fundamentali għall-kompletar tas-Suq Uniku, għat-tnaqqis tad-distakk bejn l-Istati Membri u għat-tisħiħ tal-governanza tas-Suq Uniku, bħal fil-prijoritizzazzjoni għall-azzjoni u l-infurzar, fl-evalwazzjoni tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività, u anke fi ħdan id-djalogu strutturat dwar il-konformità magħmul mal-Istati Membri;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ rapport annwali dwar l-ostakli għas-Suq Uniku f'diversi Stati Membri u fl-UE kollha kemm hi u biex, fis-CSRs, toħroġ rakkomandazzjonijiet iffukati fuq it-tneħħija tagħhom; jenfasizza li s-Suq Uniku għandu jkollu rwol aktar importanti fis-CSRs;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni tuża l-miżuri kollha disponibbli, inklużi l-proċeduri ta' ksur, meta jkun meħtieġ, sabiex tiżgura l-implimentazzjoni sħiħa tal-leġiżlazzjoni dwar is-Suq Uniku; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tul ta' żmien li tieħu l-proċedura ta' ksur meta jkun qed jiġi eżaminat u rimedjat ksur tar-regoli tas-Suq Uniku, u dwar l-għadd kbir ta' każijiet pendenti;

51.  Jinnota l-benefiċċji tas-SOLVIT; jitlob li s-SOLVIT jissaħħaħ, li jkun konness aħjar mas-servizzi tal-Kummissjoni, u li jkun integrat sew ma' proġetti u databases eżistenti bħaċ-CHAP u l-EU Pilot sabiex jinħolqu sinerġiji fl-informazzjoni u jkun hemm kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jitlob li l-Kummissjoni tibqa' ssegwi b'mod konsistenti l-każijiet mhux solvuti; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li s-SOLVIT jingħata l-appoġġ u l-għarfien espert meħtieġ sabiex ikun jista' jindirizza b'mod effiċjenti l-każijiet li jaslulu;

52.  Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet inkarigati mis-sorveljanza tas-suq fi ħdan is-Suq Uniku jeħtieġ jissaħħu, ikunu konnessi aħjar u jkunu mgħammra bil-persunal xieraq sabiex jiġu indirizzati l-isfidi tal-lum, b'mod partikolari dawk li jirrigwardaw il-kompetizzjoni minn madwar id-dinja; iħeġġeġ lill-awtoritajiet nazzjonali inkarigati mis-sorveljanza tas-suq jikkooperaw aktar mill-qrib u jikkondividu l-informazzjoni u l-aħjar prattiki biex jiġu indirizzati b'mod effikaċi l-forom differenti ta' kompetizzjoni inġusta fis-Suq Uniku, fosthom l-għadd kbir ta' prodotti illegali u mhux konformi li jiġġeneraw spejjeż għoljin għan-negozji li jirrispettaw ir-regoli kif ukoll riskji kbar għall-konsumaturi, b'mod partikolari dawk l-aktar vulnerabbli; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar it-tul ta' żmien li qed jieħu l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jadotta l-Pakkett dwar is-Sikurezza tal-Prodotti u s-Sorveljanza tas-Suq, li qed jipperikola s-sikurezza tal-prodotti fl-UE; jistieden lill-Kunsill jadottah minnufih;

53.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni biex jinħoloq Portal Diġitali Uniku bħala portal ċentrali aċċessibbli li jirrazzjonalizza u jissimplifika l-aċċess għall-informazzjoni u jippromwovi l-pjattaformi eżistenti ddedikati għall-utenti; jenfasizza r-rwol tal-gvernijiet nazzjonali u reġjonali fil-promozzjoni ta' dawn il-pjattaformi, billi jagħmluhom aċċessibbli u jedukaw lill-utenti tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ u tissimplifika l-għodod online tas-Suq Uniku;

54.  Jirrikonoxxi l-importanza tal-prinċipji ta' regolamentazzjoni aħjar u tal-inizjattiva REFIT, kif ukoll il-ħtieġa ta' sigurtà u prevedibbiltà mil-lat regolatorju, fit-tfassal ta' inizjattivi leġiżlattivi ġodda; jenfasizza li l-prinċipju ta' regolamentazzjoni aħjar m'għandux jippreġudika d-dritt tal-UE u tal-Istati Membri li jilleġiżlaw f'oqsma kritiċi għall-interess pubbliku bħas-saħħa u l-ambjent;

55.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

NOTA SPJEGATTIVA

"Il-mudell Ewropew huwa, qabelxejn, sistema ekonomika u soċjali bbażata fuq ir-rwol tas-suq, għaliex l-ebda kompjuter fid-dinja ma jista' jipproċessa l-informazzjoni aħjar mis-suq"

Jacques Delors

Is-Suq Uniku huwa riżorsa prezzjuża li fuqha tiddependi l-prosperità ekonomika attwali u futura tal-Unjoni Ewropea. Il-potenzjal mhux sfruttat tas-Suq Uniku, b'valur ta' madwar EUR 1 triljun, huwa kemm opportunità kif ukoll sejħa għall-azzjoni biex jiġi żgurat li s-Suq Uniku jaħdem għall-benefiċċju tagħna lkoll. Bħalissa hemm wisq ostakli għall-kummerċ madwar l-UE, u bosta Stati Membri jonqsu milli jimplimentaw id-deċiżjonijiet li jikkommettu ruħhom dwarhom. Kemm tkun b'saħħitha l-UE jiddependi minn kemm ikunu b'saħħithom il-komponenti tagħha, jiġifieri t-28 Stat Membru.

Ir-Rapporteur hi tal-opinjoni li l-koordinazzjoni tal-politiki makroekonomiċi u mikrokonomiċi, flimkien mal-koordinazzjoni tal-politiki fiskali, hija meħtieġa biex jinħoloq it-tkabbir ekonomiku strutturali mixtieq fl-Istati Membri tal-UE.

Il-potenzjal li għandhom il-miżuri tas-suq uniku biex tingħata spinta lill-impjiegi u t-tkabbir ġie rikonoxxut fil-livell tal-UE(6). Madankollu, minkejja appelli ripetuti biex jissaħħaħ is-suq uniku fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew(7), fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir(8) u fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi(9), ftit li xejn sar progress s'issa.

Sabiex jinkisbu r-riżultati fl-impjiegi, fit-tkabbir u fil-kompetittività, il-progress fir-rigward tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku fl-Istati Membri jeħtieġ ikun akkumpanjat minn governanza aħjar u trasparenza akbar fil-proċess. Ir-Rapporteur temmen li dan jista' jsir biss jekk is-Suq Uniku jiddaħħal fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

Għalhekk, anke fid-dawl ta' rapporti preċedenti tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur (Schwab, Cofferati u Gall-Pelcz) u diversi riżoluzzjonijiet tal-PE, ir-Rapporteur tappoġġja bil-qawwa l-inklużjoni ta' pilastru tas-Suq Uniku fis-Semestru Ewropew.

Fl-ewwel parti ta' dan ir-rapport, ir-Rapporteur tipproponi li l-pilastru tas-Suq Uniku jkun fih l-elementi li ġejjin:

(i)  sistema ta' monitoraġġ u evalwazzjoni regolari tal-integrazzjoni tas-Suq Uniku kif ukoll tal-kompetittività; din is-sistema, biex tkun kredibbli, jeħtieġ tkun iffukata fuq sett ta' oqsma prijoritarji fejn l-azzjoni tiġġenera l-akbar impatt f'termini ta' tkabbir u impjiegi u għandha tinkludi database robusta ta' informazzjoni kwantitattiva u kwalittativa biex jiġi vvalutat il-progress fl-Istati Membri. Il-valutazzjoni komparattiva, il-proċess ta' evalwazzjoni bejn il-pari u l-iskambju tal-aħjar prattiki għandu jkun parti mill-monitoraġġ u l-evalwazzjoni.

(ii)  Il-progress fl-integrazzjoni tas-Suq Uniku u fil-kompetittività għandhom jiġu vvalutati kull sena fl-għamla ta' rapport; ir-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività jista' jservi bħala bażi għal evalwazzjoni annwali tal-politiki mikroekonomiċi.

(iii)  Sabiex tissaħħaħ il-governanza, it-trasparenza u s-sens ta' appartenenza tal-proċess, ir-Rapporteur hija tal-fehma li dawn ir-rapporti annwali għandhom jiġu kkunsidrati sistematikament fl-evalwazzjoni ekonomika u fiskali tal-Istati Membri u jalimentaw taqsimiet speċifiċi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li jkopru s-Suq Uniku, fir-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi u

(iv)  fid-djalogu strutturat dwar il-konformità magħmul regolarment mal-Istati Membri.

(v)  Barra minn hekk, ir-Rapporteur tenfasizza li l-involviment tal-PE u approċċ inklużiv u nondiskriminatorju fil-konfront tal-Istati Membri kollha tal-UE – dawk li qegħdin fiż-żona tal-euro u dawk li mhumiex, il-parlamenti nazzjonali tal-Istati Membri u l-partijiet ikkonċernati kollha – huma kruċjali għat-trasparenza, il-governanza u s-sens ta' appartenenza, u fl-aħħar mill-aħħar, għas-suċċess tal-proċess.

Minkejja l-progress li sar f'oqsma differenti min-naħa tal-Istati Membri biex jissimplifikaw il-leġiżlazzjoni nazzjonali u jagħmluha aktar faċli għan-negozji u l-konsumaturi, għad hemm għadd ta' kwistjonijiet pendenti importanti li jostakolaw it-tisħiħ u l-integrazzjoni ulterjuri tas-Suq Uniku. Ir-Rapporteur tidentifika dawn l-ostakli ewlenin fit-tieni parti u tħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu azzjoni fuqhom kemm jista' jkun malajr.

Ir-rapport dwar il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku ppubblikat is-sena l-oħra jesplora f'dettall kbir il-kost ekonomiku ta' Suq Uniku frammentat. Ir-rapport jikkalkula li l-ikkompletar tas-Suq Uniku f'dawn l-oqsma jinvolvi gwadanji ekonomiċi li jvarjaw minn EUR 651 biljun sa EUR 1.1 triljun fis-sena, ekwivalenti għal bejn 5 % u 8.63 % tal-PDG tal-UE(10). Ir-Rapporteur tqis li hija ħasra li ilna aktar minn għoxrin sena nċaħħdu lilna nfusna minn dawn il-vantaġġi, speċjalment fil-kuntest taż-żieda kostanti fil-kompetizzjoni internazzjonali.

Dan ir-rapport jilqa' l-Istrateġija dwar is-Suq Intern għall-prodotti u s-servizzi ppubblikata mill-Kummissjoni f'Ottubru 2015 flimkien mar-rapport dwar l-integrazzjoni tas-Suq Uniku u l-kompetittività(11), u r-Rapporteur temmen li l-Kummissjoni qed tieħu l-approċċ it-tajjeb iżda tenfasizza li l-ewwel u qabel kollox huma l-infurzar u l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni tal-UE diġà eżistenti (elenkata fit-tieni parti) min-naħa tat-28 Stat Membru li jikkostitwixxu ċ-ċavetta li tiftaħ il-potenzjal sħiħ tas-Suq Uniku. Dan hu mingħajr preġudizzju għall-introduzzjoni ta' elementi u strumenti ġodda li jikkomplementaw u jsaħħu ulterjorment din il-leġiżlazzjoni.

Ir-Rapporteur temmen li n-nuqqas ta' investiment u l-pass batut tiegħu fl-UE, speċjalment fil-qasam tal-ICT, kif ukoll id-diffikultajiet li jiffaċċjaw l-SMEs biex jiksbu aċċess għall-kapital ta' riskju huwa ostaklu kritiku għat-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi madwar l-UE. Għalhekk hija tilqa' l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, ippreżentati mill-Kummissjoni, li għandhom l-għan li jappoġġjaw l-investiment fl-ekonomija reali u jiffaċilitaw l-aċċess għall-finanzjament għall-SMEs iżda temmen li jistgħu jsiru passi ulterjuri u jingħata aktar appoġġ finanzjarju lill-SMEs u lill-kumpaniji bil-għan li jingħataw appoġġ fit-tranżizzjoni diġitali tagħhom(12).

Fit-tielet parti, ir-rapport ikompli billi jindirizza ulterjorment l-effetti evoluttivi tad-diġitalizzazzjoni fuq in-negozji u l-konsumaturi. Is-Suq Uniku tas-seklu 21 huwa radikalment differenti minn dak tas-seklu 20. Dawn il-bidliet jistgħu jkunu attribwiti, fil-biċċa l-kbira tagħhom, lir-rivoluzzjoni diġitali; il-linja mċajpra bejn il-prodotti u s-servizzi u t-twelid tal-"prosumatur" – individwu b'taħlita ta' elementi ta' konsum u produzzjoni – kif ukoll it-tibdil fil-mudelli tal-ekonomija tagħna, jiġifieri l-ħolqien ta' ekonomija kollaborattiva. Ir-Rapporteur tfakkar li llum huwa stmat li, globalment, il-valur tal-ekonomiji kollaborattivi jlaħħaq l-EUR 10 biljuni, iżda sal-2025 dan mistenni jiżdied għal aktar minn EUR 250 biljun.

Ir-Rapporteur tiġbed l-attenzjoni għal paradigma ġdida fix-xejriet ta' investiment, b'żieda f'investimenti u nfiq f'assi intanġibbli – meta mqabbla ma' assi tanġibbli – min-naħa tan-negozji. Hija temmen bis-sħiħ li l-ħolqien ta' Suq Uniku Diġitali għandu l-potenzjal li jittrasformalna ħajjitna b'mod irrikonoxxibbli.

Madankollu hija tixtieq tirrimarka li għad baqa' għadd ta' ostakli li jfixklu l-ikkompletar tas-Suq Uniku Diġitali, bħalma huma l-imblukkar ġeografiku (geo-blocking), regoli differenti dwar it-twassil tal-pakketti, nuqqas ta' regoli armonizzati tal-UE dwar il-kuntratti u l-ħarsien tal-konsumatur f'dak li għandu x'jaqsam mar-regoli tal-kummerċ elettroniku transkonfinali u nuqqas ta' infrastruttura diġitali essenzjali, biex insemmu ftit minnhom. Ir-Rapporteur tilqa' l-Istrateġija tal-Kummisjoni dwar is-Suq Uniku Diġitali iżda tappella li tingħata aktar attenzjoni lit-tibdil fix-xejriet komportamentali u tas-soċjetà fir-rigward tat-teknoloġija diġitali.

Ir-rapport jenfasizza li issa l-Ewropa qed tiffaċċja għamla differenti ta' kompetizzjoni – kompetizzjoni diġitali. Minflok ma jiżviluppaw setturi industrijali b'saħħithom lokalment, l-ekonomiji emerġenti issa jistgħu jaqbżu lil ekonomiji aktar avvanzati billi jadottaw l-aħħar teknoloġiji u jġibu l-prodotti u s-servizzi minn madwar id-dinja. Huwa għalhekk li r-Rapporteur tixtieq tirrimarka għal darb'oħra li l-investimenti fl-ICT, fit-teknoloġiji diġitali u fir-riċerka u l-iżvilupp huma essenzjali jekk l-UE trid li jkollha vantaġġ kompetittiv. L-infrastruttura, l-interoperabbiltà u standards applikabbli fl-UE kollha huma essenzjali biex it-trasformazzjoni diġitali tkun tista' sseħħ b'mod ugwali fl-Ewropa kollha.

Ir-Rapporteur temmen ukoll li n-nuqqas ta' taħriġ u ħiliet diġitali meħtieġa huma parti kruċjali mill-problema li, jekk ma tiġix indirizzata, is-Suq Uniku Diġitali qatt ma jkun verament komplut. Filwaqt li l-qgħad qed ikompli jkun ferm ogħla fl-Ewropa kollha, meta mqabbel ma' qabel ir-reċessjoni, huwa kruċjali li nagħtu liċ-ċittadini tal-UE l-ħiliet u l-għarfien rilevanti biex jadattaw ruħhom għad-diġitalizzazzjoni dejjem akbar tan-negozji u l-industriji, u b'hekk ma jitħalliex jikber il-qgħad, li inkella jkun inevitabbli.

Ir-Rapporteur hi tal-fehma li l-governanza fis-Suq Uniku għadha dgħajfa (ir-raba' parti tar-rapport). Sabiex jiġi sfruttat il-potenzjal tas-Suq Uniku, l-implimentazzjoni u l-infurzar jeħtieġ jissaħħu b'mod konsiderevoli u l-ostakli u r-restrizzjonijiet sproporzjonati u mhux ġustifikati li għad fadal jeħtieġ jiġu eliminati.

Ir-Rapporteur tirrikonoxxi li l-bidla ma tistax tiġi biss minn fuq, iżda li l-atturi kollha jeħtieġ iħaddnu kultura ta' konformità tas-Suq Uniku u jaħdmu fi sħubija kooperattiva. Dan is-sens ta' appartenenza fuq ħafna livelli jeħtieġ ikollu l-appoġġ ta' taħriġ adegwat, assistenza u riżorsi dedikati u informazzjoni aċċessibbli fil-livelli kollha.

Ir-Rapporteur temmen li l-Kummissjoni għandha tieħu approċċ strateġiku fil-konfront tal-infurzar u tagħżel fost l-istrumenti kollha disponibbli, minn miżuri mhux vinkolanti, bħal notifiki ex ante u ex post tal-leġiżlazzjoni nazzjonali, proporzjonalità, valutazzjoni komparattiva, djalogu strutturat mal-Istati Membri u pressjoni mill-pari, sa proċeduri ta' ksur.

Il-monitoraġġ tal-progress fl-integrazzjoni tas-Suq Uniku, fil-ġbir tad-data dwar l-ilmenti, fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u fl-evalwazzjoni huwa ta' importanza kbira għal infurzar effikaċi. Barra minn hekk, it-tqassim tal-kompiti fil-livell Ewropew, f'dak nazzjonali u f'dak reġjonali jeħtieġ jiġi ċċarat. Il-qafas għandu jipprovdi inċentivi aħjar u responsabbiltà ċara għall-implimentazzjoni u l-infurzar tal-liġijiet tas-Suq Uniku, li huma meħtieġa biex jinbena mill-ġdid is-sens ta' appartenenza, fiduċja u kultura ta' konformità.

Ir-rapport jissuġġerixxi li l-Kummissjoni għandha tipprijoritizza fl-użu tal-proċedura ta' ksur u tiffoka fuq każijiet li jkollhom effett dissważiv qawwi filwaqt li tibni korp ta' evidenza robust. Ir-Rapporteur hija tal-fehma li bħala alternattiva għall-proċeduri ta' ksur hemm bżonn strument "aktar faċli" u aktar rapidu ta' applikazzjoni aktar ġenerali – mekkaniżmu ta' arbitraġġ extraġudizzjarju li jista' jibni fuq is-SOLVIT.

Is-sistema eżistenti ta' awtoritajiet nazzjonali ta' sorveljanza tas-suq u l-kapaċità tan-netwerk li jinforza b'mod effikaċi l-istandards tal-UE huma kkontemplati wkoll f'dan ir-rapport. Huwa jappella għal sistema aktar b'saħħitha ta' kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn l-awtoritajiet nazzjonali tas-sorveljanza, skambju aħjar tal-informazzjoni u l-aħjar prattiki u aktar azzjonijiet koordinati biex ikun hemm risposta effikaċi u rapida għall-għadd kbir ta' prodotti illegali u mhux konformi fl-UE.

Ir-Rapporteur temmen bis-sħiħ li aċċess faċli għall-informazzjoni għan-negozji u l-konsumaturi huwa prerekwiżit għal governanza tajba tas-Suq Uniku. Hija tirrikonoxxi l-ħidma tal-Kummissjoni u tal-Istati Membri fuq għadd ta' portali ta' informazzjoni ddedikati għal utenti differenti: in-negozji, iċ-ċittadini u l-konsumaturi. Hija tal-fehma li hemm bżonn portal sempliċi, aċċessibbli u faċli biex jintuża, bħall-Portal Diġitali Uniku, biex jirrazzjonalizza u jissimplifika l-aċċess għall-informazzjoni u jippromwovi pjattaformi eżistenti ddedikati għall-utenti, sakemm il-gvernijiet nazzjonali u reġjonali jagħmlu l-portal aċċessibbli pubblikament u jinfurmaw liċ-ċittadini dwar l-użu tiegħu.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

25.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

27

1

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Nicola Danti, Pascal Durand, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Liisa Jaakonsaari, Antonio López-Istúriz White, Marlene Mizzi, Robert Rochefort, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Catherine Stihler, Richard Sulík, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Biljana Borzan, Edward Czesak, Roberta Metsola, Jens Nilsson, Julia Reda, Adam Szejnfeld, Marc Tarabella

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella De Monte, Andrejs Mamikins, Ivan Štefanec

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIETFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

27

+

ALDE, ECR, PPE, S&D

Dita Charanzová, Robert Rochefort, Edward Czesak, Vicky Ford, Richard Sulík, Anneleen Van Bossuyt, Pascal Arimont, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Ildikó Gáll-Pelcz, Antonio López-Istúriz White, Roberta Metsola, Andreas Schwab, Ivan Štefanec, Adam Szejnfeld, Róża Gräfin von Thun und Hohenstein, Biljana Borzan, Nicola Danti, Isabella De Monte, Evelyne Gebhardt, Liisa Jaakonsaari, Andrejs Mamikins, Marlene Mizzi, Jens Nilsson, Olga Sehnalová, Catherine Stihler, Marc Tarabella

1

-

ENF

Mylène Troszczynski

2

0

Verts/ALE

Pascal Durand, Julia Reda

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0067.

(2)

Testi adottati, P8_TA(2015)0069.

(3)

Testi adottati, P7_TA(2014)0130.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2014)0038.

(5)

Testi adottati, P7_TA(2013)0054.

(6)

Fil-Konklużjonijiet tal-Kunsill ta' Diċembru 2013 (paragrafu 25) jingħad li "L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jidentifika oqsma fejn għadhom jeżistu sfidi importanti u fejn hu meħtieġ aktar progress. Għandha tingħata attenzjoni speċifika lit-titjib tal-funzjonament u l-flessibbiltà tas-suq uniku għall-prodotti u s-servizzi, it-titjib tal-ambjent kummerċjali, u ... Għandha tingħata prijorità għat-tisħiħ tal-kompetittività, għall-appoġġ tal-ħolqien tal-impjiegi u l-ġlieda kontra l-qgħad, b'mod partikolari l-qgħad fost iż-żgħażagħ..."

(7)

Il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tas-27 u t-28 ta' Ġunju 2013, il-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-24 u l-25 ta' Ottubru 2013 (il-paragrafi 7, 9, 19, 20 u 21), u l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013.

(8)

Ir-rapport ta' kull tliet xhur dwar iż-żona tal-euro (QREA), Vol 14, Nru 2.

(9)

Għall-2012-2013, madwar 10 % biss tas-CSRs kollha ġew implimentati kompletament jew fil-biċċa l-kbira tagħhom; Sors: Deroose u Griesse, 2014, "Are EU Member States Responding to European Semester recommendations?" (L-Istati Membri tal-UE qegħdin isegwu r-rakkomandazzjonijiet tas-Semestru Ewropew?)

(10)

L-istudju tal-EPRS "The Cost of non-Europe in the Single Market" (Il-Kost tan-Non-Ewropa fis-Suq Uniku), Settembru 2014 http://www.europarl.europa.eu/RegData/etudes/STUD/2014/510981/EPRS_STU%282014%29510981_REV1_EN.pdf

(11)

Iż-żewġ dokumenti huma disponibbli f'dan l-indirizz: http://ec.europa.eu/priorities/internal-market/index_en.htm

(12)

Fil-preżent, 41 % tal-intrapriżi għadhom jistgħu jiġu kklassifikati bħala nondiġitali – jiġifieri ma jużawx teknoloġiji diġitali u m'għandhom l-ebda strateġija diġitali – filwaqt li 2 % biss jieħdu vantaġġ sħiħ mill-opportunitajiet li toffri d-dinja diġitali (p. 3) http://ec.europa.eu/epsc/pdf/publications/strategic_note_issue_7.pdf

Avviż legali - Politika tal-privatezza