RAPPORT dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014
2.2.2016 - (2015/2231(INI))
Kumitat għall-Petizzjonijiet
Rapporteur: Soledad Cabezón Ruiz
PR_INI_AnnOmbud
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar ir-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014
Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fl-2014,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 11, 19, 41, 42 u 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni 94/262/KEFA, KE, Euratom tal-Parlament Ewropew tad-9 ta' Marzu 1994 rigward ir-regolamenti u l-kundizzjonijiet ġenerali li jirregolaw it-twettiq tal-obbligi tal-Ombudsman[1],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet preċedenti tiegħu dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 220(2), it-tieni u t-tielet sentenza, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0020/2016),
A. billi r-rapport annwali dwar l-attivitajiet tal-Ombudsman Ewropew fis-sena 2014 tressaq formalment lill-President tal-Parlament fis-26 ta' Mejju 2015, u l-Ombudsman, Emily O'Reilly, ippreżentat ir-rapport lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet fi Brussell fit-23 ta' Ġunju 2015;
B. billi Emily O'Reilly ġiet eletta mill-ġdid Ombudsman Ewropew mill-Parlament waqt is-sessjoni plenarja tiegħu fis-16 ta' Diċembru 2014 fi Strasburgu;
C. billi l-prijorità ewlenija tal-Ombudsman Ewropew hija li tiżgura li d-drittijiet taċ-ċittadini jiġu rispettati bis-sħiħ u li d-dritt għal amministrazzjoni tajba jirrifletti l-ogħla standards kif mistenni mill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni; billi l-Ombudsman Ewropew għandu rwol vitali li jgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE jsiru aktar miftuħa, effikaċi u favur iċ-ċittadini bl-għan li tissaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini fl-UE;
D. billi skont l-istħarriġ tal-Ewrobarometru ta' Mejju 2015, il-fiduċja taċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea hija ta' 40 % u n-nuqqas ta' fiduċja 46 %; billi l-kapaċità ta' monitoraġġ bejn l-istituzzjonijiet hija essenzjali biex jitjieb il-livell ta' sodisfazzjon fost iċ-ċittadini Ewropej;
E. billi l-Artikolu 24 tat-TFUE jistipula li "kull ċittadin tal-Unjoni jista' jressaq rikors quddiem l-Ombudsman stabbilit skont l-Artikolu 228";
F. billi l-Artikolu 228 tat-TFUE jagħti s-setgħa lill-Ombudsman Ewropew li jmexxi inkjesti dwar amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji, u l-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea li taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha; billi l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tiddikjara li "Kull persuna għandha d-dritt li dak kollu li jirrigwardaha jiġi ttrattat b'mod imparzjali u ġust u fi żmien raġonevoli mill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-organi tal-Unjoni";
G. billi l-Artikolu 43 tal-Karta jgħid li: "Kull ċittadin tal-Unjoni, u kull persuna fiżika jew ġuridika li tirrisjedi jew li jkollha l-uffiċċju rreġistrat tagħha fi Stat Membru għandu d-dritt li jirrikorri għand l-Ombudsman Ewropew f'każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet, tal-korpi jew tal-aġenziji tal-Unjoni, bl-eċċezzjoni tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea meta tkun qed taġixxi fir-rwol ġudizzjarju tagħha";
H. billi skont l-ewwel Ombudsman Ewropew, "l-amministrazzjoni ħażina tokkorri meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li jorbtu"[2]; billi dan jitlob lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni mhux biss li jirrispettaw l-obbligi legali tagħhom, iżda wkoll li jkunu orjentati li joffru servizz tajjeb u jiżguraw li l-membri tal-pubbliku jkunu ttrattati b'mod xieraq u jgawdu bis-sħiħ id-drittijiet tagħhom; billi l-kunċett ta' amministrazzjoni tajba għandu jinftiehem bħala proċess ta' titjib kontinwu li għadu għaddej;
I. billi fl-2014, 23 072 ċittadin talbu lis-servizzi tal-Ombudsman għall-għajnuna; billi 19 170 ingħataw konsulenza permezz tal-gwida interattiva tas-sit tagħha; billi fl-2014 l-Ombudsman irreġistrat 2 079 ilment, filwaqt li rċeviet 1 823 talba għal informazzjoni;
J. billi mill-għadd totali ta' 2 163 ilment ipproċessat mill-Ombudsman, 736 kienu jaqgħu taħt il-mandat tagħha u 1 427 ma kinux;
K. billi mill-2 163 ilment ipproċessat, f'1 217-il każ l-Ombudsman tat pariri lill-ilmentatur jew ittrasferiet il-każ, f'621 każ l-ilmentatur ġie infurmat li ma setgħux jingħataw pariri ulterjuri, u fi 325 minnhom infetħet inkjesta;
L. billi l-Ombudsman fetħet 342 inkjesta, li minnhom 325 kienu bbażati fuq ilmenti u 17 kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja; billi għalqet 400 inkjesta, li 13 minnhom kienu inkjesti fuq inizjattiva proprja; billi, mill-inkjesti li ngħalqu, 335 tressqu minn ċittadini individwali u 52 minn kumpaniji, assoċjazzjonijiet jew entitajiet ġuridiċi oħra;
M. billi l-Ombudsman ittrasferiet 772 ilment lil membri tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, inklużi 86 ilment ittrasferiti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, 144 lill-Kummissjoni u 524 lil istituzzjonijiet u korpi oħra; billi l-biċċa l-kbira tal-inkjesti kienu jikkonċernaw il-Kummissjoni (59,6 %), segwiti mill-aġenziji tal-UE (13,7 %), l-EPSO (9,4 %), istituzzjonijiet oħra (8,5 %), is-SEAE (3,8 %), il-Parlament (3,5 %) u l-OLAF (3,2 %);
N. billi mill-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman 21,5 % kienu jikkonċernaw talbiet għal informazzjoni u aċċess għal dokumenti, 19,3 % ir-rwol tal-Kummissjoni bħala gwardjana tat-Trattati, 19,3 % il-kompetizzjoni u proċeduri ta' selezzjoni u 16 % kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika, 11,3 % regolamenti dwar l-amministrazzjoni u l-persunal, 8,3 % l-għoti ta' offerti jew għotjiet u 6 % l-eżekuzzjoni tal-kuntratti;
O. billi mill-inkjesti li ngħalqu, 133 każ ġew solvuti mill-istituzzjoni jew ingħalqu wara li tkun intlaħqet soluzzjoni amikevoli, u f'163 każ l-Ombudsman qieset li l-ebda inkjesta ulterjuri ma kienet ġustifikata;
P. billi f'76 każ ma nstabet l-ebda amministrazzjoni ħażina; billi f'39 każ instabet amministrazzjoni ħażina, u fi 13-il każ intuża mezz ieħor biex jingħalaq il-każ; billi fil-każijiet fejn instabet amministrazzjoni ħażina l-Ombudsman esprimiet rimarki kritiċi f'27 istanza u abbozz ta' rakkomandazzjonijiet fi 12-il istanza;
Q. billi t-tul tal-inkjesti li ngħalqu fl-2014 kien bejn 3 xhur u 18-il xahar; billi ż-żmien medju biex tingħalaq inkjesta kien ta' 11-il xahar;
R. billi l-istituzzjonijiet qed jikkonformaw ma' 80 % tal-proposti tal-Ombudsman; billi għad hemm 20 % tal-proposti li ġew preżentati u li jeħtieġ li jkun hemm konformità magħhom;
S. billi l-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li fl-2014 biss irċieva 2 714-il talba, huwa parti importanti tal-funzjonament istituzzjonali tal-Unjoni Ewropea, billi jressaq il-Parlament eqreb taċ-ċittadini; billi r-relazzjoni mill-qrib bejn l-Ombudsman u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet se ttejjeb il-livell ta' kontroll demokratiku tal-attività tal-istituzzjonijiet Ewropej;
1. Japprova r-rapport annwali għall-2014 ippreżentat mill-Ombudsman Ewropew;
2. Jifraħ lil Emily O'Reilly għall-ħatra mill-ġdid tagħha bħala l-Ombudsman Ewropew u għall-ħidma eċċellenti tagħha; jappoġġja l-għan tagħha li tgħin lill-istituzzjonijiet tal-UE fl-isforz tagħhom li jipprovdu l-aħjar servizz possibbli liċ-ċittadini u r-residenti tal-Ewropa; iqis li l-enfasi tal-Ombudsman fuq it-trasparenza bħala garanzija ta' amministrazzjoni tajba kienet kruċjali;
3. Jilqa' u jagħti appoġġ sħiħ għall-fatt li l-Ombudsman qed tagħmel użu akbar mis-setgħa tagħha li tiftaħ investigazzjonijiet strateġiċi fuq inizjattiva tagħha stess; jilqa' l-ħatra, fl-uffiċċju tagħha, ta' Koordinatur tal-Investigazzjoni fuq Inizjattiva Proprja u l-introduzzjoni ta' regoli interni ġodda dwar il-whistleblowing; ifaħħar lill-Ombudsman għall-isforzi li għamlet fl-organizzazzjoni mill-ġdid tal-uffiċċju tagħha, li diġà ħolqu titjib sinifikanti fl-effiċjenza; jilqa' u jappoġġja l-approċċ tal-Ombudsman orjentat lejn il-futur u l-adozzjoni ta' strateġija għal ħames snin ġdida "Lejn l-2019", li tintroduċi approċċ aktar strateġiku biex jiġu indirizzati kwistjonijiet sistemiċi u għall-promozzjoni tal-amministrazzjoni tajba;
4. Jilqa' l-inkjesti li nbdew mill-Ombudsman fl-2014, li fihom jistgħu jiġu identifikati t-temi ewlenin li ġejjin: it-trasparenza fi ħdan l-istuzzjonijiet tal-UE, it-trasparenza fil-lobbying u l-provi kliniċi, id-drittijiet fundamentali, il-kwistjonijiet etiċi, il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fit-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, il-proġetti u l-programmi ffinanzjati mill-UE, u l-politika tal-kompetizzjoni tal-UE;
5. Ifakkar li, tul is-snin, 20-30 % tal-ilmenti kienu jikkonċernaw it-trasparenza u li l-aktar kwistjonijiet ta' trasparenza komuni li tqajmu huma ċ-ċaħda tal-istituzzjonijiet milli jagħtu aċċess għal dokumenti u/jew informazzjoni; iqis li l-ftuħ u l-aċċess għad-dokumenti huma, f'konformità mal-Artikolu 15 tat-TFUE u mal-Artikolu 42 tal-Karta, parti essenzjali mis-sistema ta' kontrolli u bilanċi istituzzjonali; jappoġġja kwalunkwe inizjattiva mill-Kummissjoni u mill-istituzzjonijiet tal-UE l-oħrajn biex jiġi żgurat aċċess ġust, rapidu u sempliċi għad-dokumentazzjoni kollha tal-UE; jinnota b'apprezzament it-trasparenza mtejba li tirriżulta mir-Reġistru Pubbliku tad-dokumenti fuq l-internet; jistieden lill-Ombudsman tinvestiga l-kwistjonijiet tat-trasparenza rigward l-aċċess tal-Parlament għad-dokumenti relevanti tal-Kummissjoni dwar il-proċeduri ta' ksur u tal-EU Pilot; iqis li jeħtieġ li jiġu identifikati u mdaħħla fis-seħħ mekkaniżmi xierqa sabiex jiġi żgurat djalogu interistituzzjonali leali;
6. Iwissi li mhux id-dispożizzjonijiet kollha relatati mal-Konvenzjoni ta' Aarhus u r-Regolamenti relatati magħha (1367/2006/KE u 1049/2001/KE) qed jiġu osservati b'mod effettiv kif xieraq; iqis li għad hemm opportunità kbira għal titjib fil-qasam tat-trasparenza min-naħa tal-Kummissjoni, b'mod partikolari dwar id-disponibilità f'termini ta' kwantità u kwalità tal-informazzjoni mogħtija liċ-ċittadini individwali u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fuq talba tagħhom għall-aċċess għad-dokumenti; jistieden lill-Ombudsman biex twettaq investigazzjoni fuq il-bażi tal-petizzjoni estensiva 0134/2012 dwar dawn il-kwistjonijiet, fid-dawl tal-identifikazzjoni u l-korrezzjoni ta' kwalunkwe amministrazzjoni ħażina possibbli li tikkonċerna l-implimentazzjoni ta' dawn ir-Regolamenti mill-istituzzjonijiet ikkonċernati tal-UE;
7. Jilqa' l-investigazzjonijiet tal-Ombudsman f'każijiet li jikkonċernaw uffiċjali għoljin tal-UE li jmorru jaħdmu mas-settur privat f'qasam relatat ("revolving door"); jinnota li l-Ombudsman investigat ilmenti minn ħames NGOs u eżaminat 54 fajl tal-Kummissjoni; iħeġġeġ lill-Ombudsman tgħin biex jiġu żviluppati, u introdotti, kriterji u mekkaniżmi ta' infurzar ċari u dettaljati sabiex jiġu identifikati, investigati u, fejn ikun possibbli, evitati kunflitti ta' interess fi kwalunkwe livell tal-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE;
8. Iqis li l-kunċett ta' kunflitt ta' interess imur lil hinn minn sempliċi kwistjoni ta' trasparenza u li l-iżgurar ta' amministrazzjoni pubblika Ewropea mingħajr kunflitt ta' interess huwa ta' tħassib ewlieni meta jkun hemm tentattiv li tinbena demokrazija vera Ewropea u li tiġi ssalvagwardjata l-fiduċja taċ-ċittadini Ewropej, fost impjegati taċ-ċivil u fi ħdan l-istituzzjonijiet; jirrakkomanda lill-Ombudsman, fl-investigazzjonijiet tagħha, biex tqis id-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti kontra l-Korruzzjoni (UNCAC), il-Linji Gwida tal-OECD "Managing Conflict of Interest in the Public Service" (Il-Ġestjoni ta' Kunflitt ta' Interess fis-Servizz Pubbliku), u r-rakkomandazzjonijiet speċifiċi ta' Transparency International;
9. Jinnota li bħala riżultat tal-inkjesti tal-Ombudsman il-Kummissjoni ppubblikat dokumenti dwar id-dħul tal-Greċja fiż-żona euro, li l-Bank Ċentrali Ewropew iddivulga ittra lill-Gvern Irlandiż dwar il-kriżi finanzjarja, u li l-Kummissjoni segwiet ir-rakkomandazzjoni tal-Ombudsman biex tirrilaxxa dokumenti dwar ir-riforma fil-Politika Komuni tas-Sajd, għalkemm dan sar wara li ntlaħaq ftehim dwar ir-riforma;
10. Jilqa' l-progress fil-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP li jinsabu għaddejjin b'segwitu għall-inkjesti tal-Ombudsman dwar it-trasparenza f'dawn il-laqgħat; jinnota li l-Kunsill minn dak iż-żmien ippubblika d-direttivi li l-UE qed tuża biex tinnegozja t-TTIP u li l-Kummissjoni ħabbret pjanijiet biex iżżid it-trasparenza fil-lobbying u twessa' l-aċċess għad-dokumenti tat-TTIP; jinnota t-tħassib taċ-ċittadini dwar it-trasparenza fin-negozjati tat-TTIP;
11. Ifakkar li l-Kumitat għall-Petizzjonijiet jirċievi bosta lmenti anonimi minn gruppi u ċittadini dwar in-nuqqas ta' trasparenza fin-negozjati tat-TTIP, u dan juri tħassib pubbliku profond dwar il-kwistjoni fil-livell Ewropew;
12. Jistaqsi jekk id-dewmien twil fit-teħid tad-deċiżjonijiet ta' xi inizjattivi leġiżlattivi fil-Kunsill, bħad-direttiva kontra d-diskriminazzjoni orizzontali li ġiet iffriżata għal aktar minn sitt snin, jew ir-ratifika tat-Trattat ta' Marrakech dwar l-eċċezzjonijiet tad-dritt tal-awtur għall-persuni b'vista batuta, jaqax taħt il-kategorija ta' amministrazzjoni ħażina, peress li dan joħloq ħafna frustrazzjoni fuq iċ-ċittadini kkonċernati fir-rigward tal-istituzzjonijiet Ewropej; iħeġġeġ lill-Kunsill u b'mod partikolari lill-minoranzi li jimblokkaw fih, biex jieħdu l-passi meħtieġa biex jindirizzaw dawn is-sitwazzjonijiet intollerabbli; jissuġġerixxi lill-Ombudsman biex tesplora din il-kwistjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tal-kompetenzi tagħha;
13. Jilqa' l-enfasi miżjuda u meħtieġa fuq it-trasparenza tal-attivitajiet tal-lobbying mill-Ombudsman u l-ħidma tagħha biex jinkiseb Reġistru dwar it-Trasparenza obbligatorju, sabiex iċ-ċittadini jkunu jistgħu jafu min qed jipprova jinfluwenza lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet tal-UE; jilqa' l-inkjesta tagħha fil-kompożizzjoni u t-trasparenza ta' gruppi ta' esperti fil-Kummissjoni, b'mod partikolari dawk li qed jagħtu konsulenza dwar il-Politika Agrikola Komuni (PAK) fejn l-UE tonfoq aktar minn terz tal-baġit tagħha; jappoġġja l-approċċ tagħha u jħeġġiġha tkompli tissorvelja t-trasparenza fil-kompożizzjoni ta' dawn il-gruppi sabiex tiggarantixxi rappreżentanza bilanċjata, u bilanċ bejn is-sessi, fil-firxa wiesgħa ta' gruppi ta' interess ekonomiċi u mhux ekonomiċi fl-oqsma kollha ta' politika;
14. Jinnota li aktar minn 7 000 istituzzjoni volontarjament irreġistraw fir-Reġistru ta' Trasparenza, u dan jirrifletti l-varjetà ta' partijiet interessati pubbliċi u privati li qed jaħdmu magħhom l-istituzzjonijiet Ewropej; japprova l-appoġġ tal-Ombudsman għall-pjan tal-Viċi President Timmermans biex jagħmel ir-Reġistru obbligatorju; jilqa' d-deċiżjoni tal-Kummissjoni tal-1 ta' Diċembru 2014 li tobbliga lill-membri kollha tal-Kummissjoni u l-persunal f'livell għoli biex jippubblikaw il-kuntatti kollha u l-laqgħat kollha mal-partijiet interessati u mal-lobbisti; jilqa' l-fatt li r-Reġistru għandu jinkludi informazzjoni dwar ir-riżorsi umani u finanzjarji disponibbli għall-organizzazzjonijiet tal-lobbying, biex jikkonformaw aktar mad-dispożizzjonijiet dwar il-ftuħ u l-governanza tajba fl-istituzzjonijiet tal-UE;
15. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tibqa' viġilanti u determinata, u tkompli tħeġġeġ lill-Kummissjoni tagħti trasparenza sħiħa lill-membri u lil-laqgħat tal-gruppi esperti, il-pjattaformi tat-teknoloġija u l-aġenziji kollha; ifakkar fil-kundizzjonijiet li fl-2012 il-Parlament Ewropew kien stabbilixxa meta neħħa l-iffriżar tal-baġits tal-gruppi ta' esperti;
16. Jinnota li l-Ombudsman fl-2014 kellha rwol ewlieni fil-qasam tat-trasparenza tad-data dwar il-provi kliniċi billi għenet fit-tiswir tal-politika dwar it-trasparenza proattiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini (EMA); jinnota li f'Ottubru 2014 l-EMA iddeċidiet li tippubblika r-rapporti dwar l-istudji kliniċi minn jeddha; iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tissorvelja kif l-EMA tagħmel id-data dwar il-provi kliniċi disponibbli u tiżgura li din tilħaq l-ogħla standards ta' trasparenza;
17. Jistieden lill-Istati Membri jkunu aktar diliġenti fil-kollaborazzjoni obbligatorja tagħhom mal-Ombudsman;
18. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tippromwovi trasparenza akbar fil-provi kliniċi, speċjalment fil-valutazzjoni tal-kwalità tar-riżultati mill-Aġenzija Ewropea għall-Mediċini; ifakkar li din il-valutazzjoni għandha tkun ibbażata fuq il-valur miżjud ta' mediċini innovattivi u l-ispiża reali tar-riċerka sabiex jiġu ffaċilitati l-mudelli ta' pprezzar u finanzjament tal-Istati Membri;
19. Jistieden lill-Ombudsman tkompli tappoġġja l-inizjattiva għal trasparenza akbar fir-R&Ż, biex ikun garantit aċċess għas-servizzi tas-saħħa fi ħdan il-kamp ta' applikazzjoni tas-setgħat tal-mandat tal-Ombudsman;
20. Jilqa' r-Regolament dwar il-Provi Kliniċi l-ġdid tal-UE li jitlob li l-informazzjoni dwar il-provi kliniċi ssir disponibbli; jinnota li l-"Jum Internazzjonali tad-Dritt għall-Informazzjoni" 2014 tal-Ombudsman ġie ddedikat għat-trasparenza tad-data dwar il-provi kliniċi;
21. Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar il-protezzjoni tad-drittijiet fundamentali fil-każijiet kollha tal-politika ta' koeżjoni tal-UE, li twaqqfet biex jinħolqu t-tkabbir u l-impjiegi, biex jiġu indirizzati t-tibdil fil-klima u d-dipendenza fuq l-enerġija, u biex jitnaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali;
22. Jinnota li Orizzont 2020 huwa t-tielet l-aktar pakkett importanti ta' investimenti tal-baġit wara l-PAK u l-Fondi Strutturali, b'baġit ta' kważi EUR 80 000 miljun, u li huwa fundamentali għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tal-futur; jistieden lill-Ombudsman biex tkompli tiggarantixxi t-trasparenza fil-proċess ta' analiżi kollu u fl-għoti ta' proġetti taħt Orizzont 2020;
23. Jistieden lill-Frontex tiżgura r-rispett għall-benesseri tal-persuni rimpatrijati matul it-titjiriet ta' ritorn u l-implimentazzjoni korretta tal-Kodiċi ta' Kondotta għal Operazzjonijiet Konġunti ta' Ritorn; jilqa' l-appell tal-Ombudsman lill-Frontex biex tistabbilixxi mekkaniżmu individwali ta' lmenti għal ksur potenzjali tad-drittijiet fundamentali; jistedinha tinvestiga din il-kwistjoni ulterjorment fl-isfond tas-sitwazzjoni attwali tan-numru dejjem jiżdied ta' refuġjati fil-fruntieri tal-UE;
24. Jilqa' l-investigazzjoni tal-Ombudsman dwar jekk l-Istituzzjonijiet tal-UE humiex qegħdin jirrispettaw l-obbligu tagħhom li jintroduċu regoli interni għall-whistleblowing; ifakkar lid-disa' istituzzjonijiet tal-UE indirizzati mill-Ombudsman, inklużi l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill, jinfurmawha dwar ir-regoli li għandhom fis-seħħ jew li għandhom l-intenzjoni li jintroduċu;
25. Ifaħħar lill-Ombudsman dwar l-investigazzjonijiet tagħha rigward id-dritt taċ-ċittadini biex jipparteċipaw fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tal-UE, u b'mod partikolari rigward il-funzjonament tal-Inizjattiva taċ-Ċittadini Ewropej (ECI); jinnota li fl-2014 stiednet lill-organizzaturi tal-ECI, l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u partijiet oħra interessati biex jipprovdu rispons dwar l-ECI bil-għan li tittejjeb; jinnota bi tħassib li rappreżentanti ta' pjattaformi promoturi jitolbu armonizzazzjoni aħjar u biex il-metodi amministrattivi għall-ġbir u r-reġistrar tal-firem jittejbu; jistenna suġġerimenti ulterjuri għat-titjib, b'mod partikolari f'dak li jikkonċerna limitazzjonijiet eżistenti tekniċi u dawk relatati mal-protezzjoni tad-data fil-proċess tal-ġbir ta' firem; jistieden lill-Ombudsman biex taqsam l-esperjenzi tagħha u tikkontribwixxi għar-reviżjoni li jmiss tar-Regolament dwar l-ECI;
26. Jilqa' r-rata ta' konformità ta' 80 % tal-istituzzjonijiet tal-UE mas-suġġerimenti tal-Ombudsman; huwa mħasseb rigward l-20 % persistenti ta' nuqqas ta' konformità; huwa konxju li s-suġġeimenti tal-Ombudsman mhumiex legalment vinkolanti; iħeġġeġ l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji biex jirreaġixxu fil-pront, b'mod effettiv u responsabbli għal rimarki kritiċi u abbozzi ta' rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman; jappoġġja l-Ombudsman f'inkjesti futuri fi ħdan il-mandat tagħha biex jiġu identifikati lakuni possibbli fit-trasparenza fl-eżekuzzjoni tal-baġit tal-UE;
27. Ifaħħar lill-Ombudsman għall-inizjattiva tagħha, li ħadet fil-preparazzjoni tal-elezzjonijiet Ewropej, biex torganizza avveniment interattiv "Your wish list for Europe" (Il-lista tax-xewqat tiegħek għall-Ewropa) bl-għan li ċ-ċittadini jkunu protagonisti fit-teħid tad-deċiżjonijiet;
28. Iħeġġeġ lill-Ombudsman tkompli tippromwovi n-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen bl-għan li tinforma liċ-ċittadini tal-UE aħjar dwar it-tqassim tar-responsabilitajiet bejn l-Ombudsman Ewropew, l-ombudsmen nazzjonali u reġjonali u l-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament; jirrikonoxxi l-kontribut importanti tan-Netwerk fit-trawwim tal-iskambju tal-aħjar prattiki u l-informazzjoni dwar il-mandati u l-kompetenzi tal-membri tiegħu; jinnota li 59,3 % tal-ilmenti proċessati fl-2014 kienu jaqgħu taħt il-mandat ta' membru tan-Netwerk; jistieden lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet biex ikun membru aktar attiv tan-Netwerk u jsaħħaħ il-kollaborazzjoni man-Netwerk dwar politiki komuni li jaqgħu fil-qasam tal-attivitajiet tal-Unjoni Ewropea; jinnota li fl-2014 l-Ombudsman ittrasferiet 86 ilment lil dan il-kumitat;
29. Iħeġġeġ lill-Ombudsman biex tinvestiga f'koordinazzjoni mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-programmi u l-proġetti finanzjati mill-Unjoni Ewropea, b'attenzjoni partikolari għall-finanzjament ta' proġetti maħsuba biex inaqqsu d-disparitajiet fl-iżvilupp;
30. Jaqbel mal-Ombudsman li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jiżguraw li s-servizzi tagħhom ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità u li tali persuni jkollhom aċċess għall-informazzjoni u l-mezzi ta' komunikazzjoni; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jiżguraw li l-ambjenti tax-xogħol ikunu miftuħa, inklużivi u aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità sabiex ikunu jistgħu jipparteċipaw b'mod effettiv u sħiħ fil-ħajja politika u pubblika;
31. Jitlob li l-baġit annwali tal-Uffiċċju tal-Ombudsman jiżdied;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni u dan ir-rapport lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman Ewropew, lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri u lill-ombudsmen tagħhom u lill-korpi kompetenti simili.
NOTA SPJEGATTIVA
Emily O'Reilly ġiet eletta mill-ġdid bħala Ombudsman Ewropew mill-Parlament Ewropew waqt is-sessjoni plenarja tiegħu tas-16 ta' Diċembru 2014 fi Strasburgu.
Fis-26 ta' Mejju 2015 Emily O'Reilly ppreżentat ir-Rapport Annwali 2014 tagħha lil Martin Schulz, il-President tal-Parlament Ewropew. Fit-23 ta' Ġunju 2015 ippreżentat ir-rapport tagħha fil-laqgħa tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament, il-kumitat responsabbli mir-relazzjonijiet mal-istituzzjoni tagħha.
Il-bażi ġuridika tal-mandat tal-Ombudsman Ewropew hija l-Artikolu 228 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE). L-Ombudsman għandu s-setgħa li jirċievi lmenti dwar każijiet ta' amministrazzjoni ħażina fl-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Unjoni Ewropea[3].
Id-dritt li wieħed jilmenta lill-Ombudsman Ewropew huwa previst fl-Artikolu 24 tat-TFUE u fl-Artikolu 43 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea. Bid-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona l-mandat tal-Ombudsman twessa' biex jinkludi l-amministrazzjoni possibbilment ħażina fil-qafas tal-Politika Estera u ta' Sigurtà Komuni (PESK), inkluża l-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK).
Id-definizzjoni tal-Ombudsman ta' amminstrazzjoni ħażina, li hija approvata mill-Parlament Ewropew u mill-Kummissjoni Ewropea, tgħid li: "L-amministrazzjoni ħażina tokkorri meta korp pubbliku ma jaġixxix skont regola jew prinċipju li huma vinkolanti għalih". Għall-istituzzjonijiet dan jimplika rispett għall-istat tad-dritt, għall-prinċipji tal-amministrazzjoni tajba u għad-drittijiet fundamentali. Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tinkludi d-dritt għal amministrazzjoni tajba bħala dritt fundamentali għaċ-ċittadini tal-UE (Artikolu 41) u l-Karta hi vinkolanti fuq l-amministrazzjonijiet tal-istituzzjonijiet tal-UE.
Fl-2014 l-Ombudsman fetħet 325 inkjesta abbażi ta' lmenti kif ukoll 17-il inkjesta fuq inizjattiva proprja u għalqet 387 inkjesta bbażati fuq ilmenti kif ukoll 13-il inkjesta fuq inizjattiva proprja. Is-sorsi ewlenin tal-ilmenti kienu ċittadini individwali (335) u kumpaniji, assoċjazzjonijiet u entitajiet ġuridiċi oħra (52).
F'dak li għandu x'jaqsam man-nazzjonalità ta' oriġini tal-ilmenti, fil-quċċata tinsab Spanja (309), segwita mill-Ġermanja (219), il-Polonja (208) u l-Belġju (147). Il-fatt li ħafna lmenti joriġinaw minn Stat Membru speċifiku ma jfissirx neċessarjament li jinfetaħ numru ta' inkjesti proporzjonalment ekwivalenti. Pereżempju, iċ-ċifri għall-2014 juru li b'rabta mal-147 ilment tal-Belġju nfetħu 50 inkjesta, filwaqt li t-309 lmenti ta' Spanja rriżultaw fil-ftuħ ta' 19-il inkjesta biss.
Mit-342 inkjesta miftuħa mill-Ombudsman, 204 (59,6 %) kienu jikkonċernaw lill-Kummissjoni Ewropea, 47 (13,7 %) l-aġenziji tal-UE, 29 (8,5 %) korpi oħra, 32 (9,4 %) l-Uffiċċju Ewropew għas-Selezzjoni tal-Persunal (EPSO), 12 (3,8 %) il-Parlament Ewropew, 13 (3,8 %) is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna u 11 (3,2 %) l-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi. Peress li l-Kummissjoni Ewropea hija l-istituzzjoni ewlenija tal-UE li d-deċiżjonijiet tagħha għandhom impatt dirett fuq iċ-ċittadini, huwa loġiku li tkun hi s-suġġett prinċipali tal-ilmenti taċ-ċittadini.
Għal dak li għandu x'jaqsam mas-suġġett tal-inkjesti li ngħalqu mill-Ombudsman, fl-ewwel post kien hemm it-talbiet għall-informazzjoni u l-aċċess għal dokumenti (86), segwiti mill-Kummissjoni bħala l-gwardjana tat-Trattati (77), il-kompetizzjonijiet u l-proċeduri ta' selezzjoni (77), kwistjonijiet istituzzjonali u ta' politika (64), ir-Regolamenti tal-Amministrazzjoni u tal-Persunal (45), l-għoti ta' offerti jew għotjiet (33), u l-eżekuzzjoni ta' kuntratti (24).
Fl-2014 l-Ombudsman ħadet azzjoni fuq 2 163 ilment li rċeviet. F'1 217-il każ, is-servizzi tal-Ombudsman taw parir jew ittrasferew il-każ (eż. lil xi membru tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen jew lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-PE), f'621 każ l-ilmentatur ġie infurmat li ma setax jingħata parir ulterjuri, u fi 325 każ infetħet inkjesta.
Meta jkun possibbli l-Ombudsman tipprova tikseb eżitu pożittiv billi taħdem lejn soluzzjoni amikevoli li tkun sodisfaċenti kemm għall-ilmentatur kif ukoll għall-istituzzjoni kkonċernata. Fl-2014 intlaħqu soluzzjonijiet amikevoli f'133 każ u f'163 każ l-Ombudsman iddeċidiet li l-ebda inkjesta oħra ma kienet ġustifikata. Jekk madankollu ma jkunx possibbli li tinstab soluzzjoni amikevoli l-Ombudsman jew tagħlaq il-każ b'rimarka kritika jew inkella tagħmel abbozz ta' rakkomandazzjoni.
Rimarka kritika ssir meta ma jkunx aktar possibbli li l-istituzzjoni telimina l-każ ta' amministrazzjoni ħażina, l-amministrazzjoni ħażina ma jkollhiex implikazzjonijiet ġenerali jew ma jkunx hemm bżonn ta' azzjoni ta' segwitu mill-Ombudsman. L-Ombudsman tista' tagħmel ukoll rimarka kritika meta tqis li abbozz ta' rakkomandazzjoni ma jkunx effettiv jew f'każijiet fejn l-istituzzjoni kkonċernata ma taċċettax abbozz ta' rakkomandazzjoni iżda l-każ ta' amministrazzjoni ħażina ma jiġġustifikax it-tfassil ta' rapport speċjali għall-Parlament.
Rimarka kritika madankollu taħdem bħala konferma għall-ilmentatur li l-ilment tiegħu kien ġustifikat u tindika b'mod ċar lill-istituzzjoni kkonċernata fejn aġixxiet ħażin, sabiex tkun tista' tevita azzjoni simili fil-futur. Fl-2014 l-Ombudsman indirizzat rimarki kritiċi lill-istituzzjonijiet f'27 każ.
Rimarka ulterjuri hija strument li l-Ombudsman tuża meta hi u tittratta każ tidentifika opportunità biex ittejjeb il-kwalità tal-amministrazzjoni. Ir-rimarki ulterjuri mill-Ombudsman mhumiex intiżi biex jikkritikaw lill-istituzzjoni kkonċernata imma għandhom jittieħdu bħala gwida u suġġeriment ta' kif l-istituzzjoni tista' ttejjeb il-kwalità tas-servizz tagħha.
Biex tinforma lill-pubbliku u biex tiżgura li l-istituzzjonijiet jitgħallmu mill-iżbalji tagħhom, kull sena fuq is-sit tagħha l-Ombudsman tippubblika studju dwar is-segwitu tal-istituzzjonijiet għar-
rimarki kritiċi tagħha u tistieden lill-istituzzjonijiet jirreaġixxu.
L-Ombudsman identifikat każijiet ta' amministrazzjoni ħażina f'39 każ li ngħalqu u ħarġet 12-il abbozz ta' rakkomandazzjoni.
Abbozz ta' rakkomandazzjoni jinħareġ f'każijiet fejn huwa possibbli għall-istituzzjoni kkonċernata li telimina każ ta' amministrazzjoni ħażina jew f'każijiet fejn l-amministrazzjoni ħażina tkun serja jew ikollha implikazzjonijiet ġenerali. Fil-każ ta' abbozz ta' rakkomandazzjoni l-istituzzjoni kkonċernata hija obbligata skont it-Trattat li tibgħat opinjoni dettaljata lill-Ombudsman fi żmien tliet xhur.
Jekk istituzzjoni tal-UE ma tweġibx b'mod sodisfaċenti għal abbozz ta' rakkomandazzjoni, l-Ombudsman tista' tikteb u tibgħat rapport speċjali lill-Parlament Ewropew. Ir-rapport speċjali huwa l-istrument li jintuża bħala l-aħħar alternattiva mill-Ombudsman u jikkostitwixxi l-aħħar pass li l-Ombudsman tieħu meta jkun qed jiġi indirizzat każ ta' lment. Minn hawn 'il quddiem huwa l-Parlament li jrid jiddeċiedi fuq passi ulterjuri, bħal, ngħidu aħna, it-tfassil ta' riżoluzzjoni. Ir-rapporti speċjali huma ppreżentati lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet, li huwa l-Kumitat responsabbli għar-relazzjonijiet mal-Ombudsman. Fl-2014, l-Ombudsman ma bagħtet l-ebda rapport speċjali lill-Parlament.
Għal dak li għandu x'jaqsam mat-temi tal-ilmenti fir-Rapport Annwali tal-Ombudsman jirriżulta li l-aċċess tal-pubbliku għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE huwa ċertament predominanti u xpruna għadd ġmielu ta' lmenti. Fl-2014, mill-inkjesti kollha li ngħalqu, 86 każ (21,5 %) kienu jiikkonċernaw l-aċċess għad-dokumenti.
L-istituzzjonijiet huma marbuta mit-Trattat li jwettqu xogħolhom bl-aktar mod miftuħ possibbli sabiex jippromwovu governanza tajba u jiżguraw il-parteċipazzjoni tas-soċjetà ċivili. L-Artikolu 15(3) tat-TFUE u l-Artikolu 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali jipprovdu dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet. Dan id-dritt huwa implimentat fir-Regolament 1049/2001.
L-Ombudsman Ewropew tikkoopera mill-qrib mal-kontropartijiet tagħha fl-Istati Membri. Din il-kooperazzjoni sseħħ fil-qafas tan-Netwerk Ewropew tal-Ombudsmen, li jinkludi ombudsmen nazzjonali u reġjonali, kumitati għall-petizzjonijiet u korpi simili tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea, il-pajjiżi kandidati għall-isħubija fl-UE, u pajjiżi oħra fiż-Żona Ekonomika Ewropea u/jew iż-żona Schengen. Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament huwa membru sħiħ tan-Netwerk.
Ilmenti li ma jaqgħux taħt il-mandat tal-Ombudsman jistgħu f'ħafna każijiet jiġu trattati minn membru tan-Netwerk, eż. minn ombudsman nazzjonali jew reġjonali. Fl-2014 l-Ombudsman trasferiet 636 ilment lil membri tan-Netwerk li minnhom 86 ġew trasferiti lill-Kumitat għall-Petizzjonijiet. Ilmenti oħra ġew trasferiti lill-Kummissjoni (144) u istituzzjonijiet u korpi oħra, inkluż SOLVIT.
In-Netwerk jorganizza seminars għall-ombudsmen nazzjonali u reġjonali sena iva u sena le. Fl-2014, l-Ombudsman Ewropew u l-Ombudsman għas-Servizzi Pubbliċi għal Wales (ir-Renju Unit) organizzaw b'mod konġunt id-9 Seminar Reġjonali tan-Netwerk, li seħħ f'Cardiff.
L-Artikolu 33(2) tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet ta' Persuni b'Diżabilità jipprevedi l-istabbiliment ta' Qafas tal-UE inkarigat mill-promozzjoni, il-protezzjoni u l-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni. L-Ombudsman Ewropew, il-Kumitat għall-Petizzjonijiet tal-Parlament u l-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali tal-Parlament, l-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, il-Kummissjoni Ewropea u l-Forum Ewropew dwar id-Diżabilità lkoll huma membri tal-Qafas.
Huwa l-kompitu tal-Ombudsman Ewropew li tipproteġi d-drittijiet tal-persuni b'diżabilità u li tiżgura li l-amministrazzjoni tal-UE tkun konxja mir-responsabilitajiet tagħha fir-rigward ta' dawn id-drittijiet. Persuni li jkunu tal-fehma li istituzzjoni tal-UE mhux qed taġixxi bi qbil mas-CRPD għandhom id-dritt li jirrikorru għand l-Ombudsman biex ifittxu rimedju. Kmieni fl-2014, espert nazzjonali sekondat ingħaqad mat-tim tal-Ombudsman biex jgħin fid-definizzjoni tal-programm ta' ħidma dwar id-diżabilità u fl-identifikazzjoni ta' modi kif jintlaħqu aħjar iċ-ċittadini u l-persunal tal-UE, bl-għan li dawn jiġu mgħarrfa dwar id-drittijiet u l-obbligi tagħhom skont is-CRPD.
L-Ombudsman tiltaqa' regolarment ukoll ma' membri u uffiċjali tal-istituzzjonijiet tal-UE biex tiddiskuti modi kif il-kwalità tal-amministrazzjoni tkun tista' tittejjeb, biex tenfasizza l-importanza ta' trattament xieraq tal-ilmenti, u tiżgura li r-rakkomandazzjonijiet u r-rapporti tagħha jsirilhom segwitu adegwat.
Il-baġit tal-Ombudsman huwa taqsima indipendenti fil-baġit tal-UE. Il-baġit tal-Ombudsman għall-2014 kien jammonta għal EUR 9 857 002 u l-pjan ta' stabbiliment tal-istituzzjoni fih 67 pożizzjoni.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
28.1.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 1 3 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Marina Albiol Guzmán, Margrete Auken, Beatriz Becerra Basterrechea, Soledad Cabezón Ruiz, Pál Csáky, Miriam Dalli, Eleonora Evi, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Goddyn, Daniel Hannan, Peter Jahr, Rikke Karlsson, Jude Kirton-Darling, Svetoslav Hristov Malinov, Notis Marias, Marlene Mizzi, Julia Pitera, Gabriele Preuß, Sofia Sakorafa, Yana Toom, Bodil Valero, Jarosław Wałęsa, Tatjana Ždanoka |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Enrique Calvet Chambon, Jérôme Lavrilleux, Gabriel Mato, Ángela Vallina, Axel Voss, Rainer Wieland |
||||
VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
25 |
+ |
|
ALDE |
Beatriz Becerra Basterrechea, Enrique Calvet Chambon, Yana Toom, |
|
ECR |
Daniel Hannan, Rikke Karlsson, Notis Marias, |
|
EFDD |
Eleonora Evi, |
|
PPE |
Pál Csáky, Peter Jahr, Jérôme Lavrilleux, Svetoslav Hristov Malinov, Gabriel Mato, Julia Pitera, Axel Voss, Jarosław Wałęsa, Rainer Wieland, |
|
S&D |
Soledad Cabezón Ruiz, Miriam Dalli, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Jude Kirton-Darling, Marlene Mizzi, Gabriele Preuß, |
|
VERTS/ALE |
Margrete Auken, Bodil Valero, Tatjana Ždanoka, |
|
1 |
- |
|
ENF |
Sylvie Goddyn, |
|
3 |
0 |
|
GUE/NGL |
Marina Albiol Guzmán, Sofia Sakorafa, Ángela Vallina |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjonijiet