RAPPORT dwar It-tagħlim tal-UE fl-iskejjel
3.2.2016 - (2015/2138(INI))
Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Damian Drăghici
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar It-tagħlim tal-UE fl-iskejjel
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 165 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport u li jħassar id-Deċiżjonijiet Nru 1719/2006/KE, Nru 1720/2006/KE u Nru 1298/2008/KE[1],
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 1093/2012/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-21 ta' Novembru 2012 dwar is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini (2012)[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 390/2014 tal-14 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-programm "L-Ewropa għaċ-Ċittadini" għall-perjodu 2014-2020[3],
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja[4],
– wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni dwar il-Promozzjoni taċ-Ċittadinanza u l-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni (id-"Dikjarazzjoni ta' Pariġi") dwar il-laqgħa informali tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar il-qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET 2020")[5],
– wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kummissjoni tas-26 ta' Awwissu 2015 bit-titolu "Abbozz ta' Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ ("ET 2020")" (COM(2015)0408),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni ta' Implementazzjoni tal-Kummissjoni tal-14 ta' Settembru 2015 dwar l-adozzjoni tal-programm annwali ta' xogħol tal-2016 għall-implementazzjoni ta' "Erasmus+": the Union Programme for Education, Training, Youth and Sport" (il-Programm tal-Unjoni għall-Edukazzjoni, it-Taħriġ, iż-Żgħażagħ u l-Isport) (C(2015)6151),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 u tad-29 ta' Novembru 2012 dwar punt ta' riferiment għall-mobbiltà fit-tagħlim[6],
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Settembru 2015 bit-titolu "L-Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implementazzjoni tal-qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (mill-2010 sal-2018)" (COM(2015)0429),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' April 2009 intitolata "Strateġija tal-UE għaż-Żgħażagħ: Investiment u Responsabbilizzazzjoni – Metodu miftuħ u mġedded ta' koordinazzjoni biex jindirizza l-isfidi u l-opportunitajiet għaż-żgħażagħ" (COM(2009)0200),
– wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)[7],
– wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali[8],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar l-edukazzjoni u l-politika fl-istennija għall-1993[9],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Settembru 2006 dwar inizjattivi biex jiġu kkumplimentati l-kurrikuli tal-iskejjel li jipprovdu miżuri għal appoġġ xierqa biex tiġi inkluża d-dimensjoni Ewropea[10],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu dwar it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni tal-għalliema[11];
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0021/2016),
A. billi l-edukazzjoni hi dritt fundamentali tal-bniedem u beni pubbliku li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd b'mod ugwali;
B. billi r-rwol prinċipali tal-edukazzjoni hu li tifforma ċittadini kompletament konxji u għalhekk imur lil hinn mill-kisba tal-miri ekonomiċi tal-UE u tal-istrateġiji nazzjonali;
C. billi l-objettivi tal-edukazzjoni jinkludu t-tħejjija tal-individwi għall-ħajja u għaċ-ċittadinanza attiva f'soċjetajiet kulma jmur aktar komplessi, eżiġenti, multikulturali u integrati;
D. billi, skont stħarriġ tal-Ewrobarometru tal-2014 dwar opinjonijiet, 44 % taċ-ċittadini tal-Unjoni Ewropea jħossu li ma tantx jifhmu kif taħdem l-UE u 52 % tal-Ewropej jemmnu li l-vuċi tagħhom ma tgħoddx fl-UE[12];
E. billi 42.61 % biss taċ-ċittadini tal-UE u 27.8 % biss ta' dawk ta' età bejn it-18 u l-24 ivvotaw fl-aħħar elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, u dan jirrappreżenta l-inqas numru ta' nies li ħarġu jivvutaw mill-1979 'l hawn[13];
F. billi għarfien insuffiċjenti dwar l-UE u konsapevolezza fqira tal-valur miżjud konkret tagħha jistgħu jikkontribwixxu għall-perċezzjoni ta' defiċit demokratiku u Ewroxettiċiżmu mifrux mal-Istati Membri u l-pajjiżi kandidati; billi d-defiċit demokratiku jeħtieġ li jkun indirizzat biex jindirizza d-distakk li kulma jmur qed jikber bejn il-vuċi iċ-ċittadini Ewropej u l-istituzzjonijiet tal-UE;
G. billi, skont l-iSpecial Eurobarometer 437 tal-2015, maġġoranza vasta ta' Ewropej jaqblu li l-lezzjonijiet u l-materjal fl-iskola għandhom jinkludu informazzjoni dwar id-diversità f'termini ta' reliġjon jew twemmin, oriġini etnika, orjentament sesswali u identità tal-ġeneru[14];
H. billi ż-żieda fil-kuxjenza dwar il-benefiċċji tal-politiki Ewropej, bħalma hu l-moviment liberu tal-persuni u tas-servizzi fl-Unjoni u l-programmi ta' mobilità tal-UE jistgħu jgħinu fil-ħolqien ta' sens ta' appartenenza għall-UE, spirtu komunitarju u aċċettazzjoni ta' soċjetajiet multikulturali u multinazzjonali;
I. billi s-sistemi ta' edukazzjoni u l-kurrikula ta' suċċess, flimkien ma' influwenza u parteċipazzjoni akbar tal-Ewropej fil-proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-politika tal-UE jistgħu joħolqu interess akbar fl-affarijiet tal-UE u sens ta' komprensjoni u appartenenza filwaqt li jikkontribwixxu fit-trattament tad-diviżjonijiet soċjali, tas-segregazzjoni kulturali u s-sens ta' privazzjoni;
J. billi l-maġġoranza tal-Istati Membri integraw it-tagħlim dwar l-UE fil-kurrikuli tagħhom u fil-programi tat-taħriġ tal-għalliema; billi d-disparitajiet bejn l-Istati Membri u fi ħdanhom għadhom jeżistu;
K. billi f'xi Stati Membri, filwaqt li s-suġġetti tal-UE huma mgħallma b'mod ġenerali f'livelli edukattivi differenti u f'suġġetti varji ta' edukazzjoni obbligatorja, jikkostitwixxu primarjament parti żgħira tal-kurrikulu li għalliem partikolari jkollu jgħallem;
L. billi l-għarfien u l-ħiliet tal-għalliema u persunal edukattiv ieħor dwar suġġetti tal-UE jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati u aġġornati permezz ta' taħriġ inizjali u kontinwu, u billi, f'dan ir-rigward, l-istituzzjonijiet edukattivi u l-għalliema jeħtieġu assistenza effettiva li tkun imfassla għalihom u li tkun rilevanti għall-ħtiġijiet partikolari tagħhom;
M. billi skont "Learning Europe at school" (It-Tagħlim tal-Ewropa fl-iskejjel), studju magħmul minn ICF CHK għad-DĠ Edukazzjoni u Kultura[15], huma primarjament l-istituzzjonijiet u l-għaqdiet barra mill-edukazzjoni ogħla li huma involuti fit-tagħlim tal-għalliema fuq materji tal-UE;
N. billi l-Erasmus Impact Study ppreżentat mill-Kummissjoni fl-2014 juri l-impatt pożittiv li għandha l-mobilità fl-edukazzjoni u fl-internazzjonalizzazzjoni tal-istudji, mhux biss fuq il-kurrikula u l-impjegabilità, iżda wkoll f'termini ta' għarfien dwar l-Ewropa, l-iżvilupp ta' sens ta' ċittadinanza Ewropea u atteġġjament pożittiv lejn l-Ewropa u l-votazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej;
Dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni
1. Jissottolinja l-importanza dejjem tiżdied ta' dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni mad-dixxiplini, il-livelli u l-forom ta' edukazzjoni kollha differenti, filwaqt li jisħaq dwar il-ħtieġa li jinftiehem b'mod wiesa' u profond il-kunċett li jqis in-natura komplessa, dinamika u moltepliċi tiegħu, fid-dawl tal-fatt li t-tagħlim dwar l-UE fl-iskejjel huwa komponent kruċjali;
2. Jenfasizza li dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni hija kruċjali biex tgħin liċ-ċittadini jifhmu aħjar l-UE, u fl-istess ħin iħossu rabta magħha, u li din tista' tapprofondixxi r-rwol tal-valuri stabbiliti fl-Artikolu 2 tat-TUE u ssaħħaħ il-vuċi tal-Unjoni f'dinja interdipendenti;
3. Jenfasizza il-ħtieġa tal-komprensjoni u l-promozzjoni tal-attakkament għall-valuri fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jinnota li l-għarfien u l-komprensjoni tal-istorja u l-valuri komuni tal-UE u l-Istati Membri tagħha huma essenzjali għall-komprensjoni reċiproka, l-għajxien paċifiku flimkien, it-tolleranza u s-solidarjetà, kif ukoll għall-komprensjoni tal-prinċipji ċentrali tal-Unjoni Ewropea;
4. Jindika li l-UE għandha tkun aktar viżibbli, u integrata aħjar, fil-materjali tat-tagħlim u fl-attivitajiet extrakurrikulari, meta jitqies l-impatt tagħha fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tagħha; iqis li l-kontenut relatat b'mod espliċitu mal-UE jista' jżid valur sostanzjali lill-kurrikuli tal-iskejjel u sabiex l-istudenti jiżviluppaw u jikbru mill-aspett tal-personalità tagħhom;
5. Jenfasizza l-ħtieġa tal-użu ta' metodi attivi u parteċipattivi ta' tagħlim, imfassla apposta għall-età, il-livelli, il-ħtiġijiet u interessi tal-istudenti, u għall-isfruttament sħiħ tal-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni u l-mezzi tax-xandir, inkluża l-midja soċjali;
6. Jissottolinja l-fatt li d-dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni għandha tippermetti lill-istudenti mhux biss li jiksbu l-għarfien u jiżviluppaw sens ta' appartenenza u ħiliet ta' ċittadinanza Ewropea, iżda wkoll jingaġġaw f'riflessjoni kritika tal-UE, inkluż permezz tat-tagħlim dwar il-valuri fundamentali tal-UE, imsejsin fuq l-istat tad-dritt u d-drittijiet tal-bniedem, il-governanza u l-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, u kif dawn jinfluwenzaw lill-Istati Membru tagħhom u l-parteċipazzjoni demokratika; iħeġġeġ l-użu tal-attività ta' simulazzjoni tal-Parlament Ewropew taż-Żgħażagħ, sabiex it-tfal u l-istudenti jkunu megħjuna jifhmu l-proċessi Ewropej u tiżdied is-sensibilizzazzjoni tagħhom dwar il-kwestjonijiet Ewropej;
7. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-UE ssawret mill-Istati Membri tagħha, bl-istorja u l-kultura unika tagħhom, u li l-iżvilupp tal-Unjoni tibqa' marbuta b'mod indissolubbli mal-Istati Membri tagħha; jissottolinja, fl-istess waqt, il-kontribut ta' kulturi differenti għas-soċjetajiet u l-wirt Ewropej;
8. Jinnota li l-impatt tal-UE fuq l-Istati Membri hu kunsiderevoli, u li t-tagħlim dwar l-UE fl-iskejjel għandu jirrifletti kemm ir-rwol tal-Istati Membri fl-iżvilupp tal-UE kemm l-influwenza tal-UE fuq l-iżviluppi nazzjonali;
9. Jinnota li l-Istati Membri u l-UE għandhom imexxu bl-eżempju lill-atturi kollha involuti fit-tagħlim tal-UE fl-iskejjel, billi jipprattikaw il-valuri ċentrali Ewropej tal-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà Ewropea u internazzjonali;
10. Ifakkar fil-ħtieġa li jkunu żgurati, imsaħħin u mwessgħin opportunitajiet inizjali u kontinwi, professjonali u ta' żvilupp tul il-ħajja għall-għalliema u l-edukaturi, sabiex jingħataw l-appoġġ u r-riżorsi biex ikunu jistgħu jinkorporaw dimensjoni tal-UE fit-tagħlim tagħhom, b'mod partikolari fir-rigward tal-edukazzjoni dwar l-istorja u ċ-ċittadinanza, kif ukoll għall-implementazzjoni tal-istrateġiji ċċentrati fuq l-istudenti u biex jadattaw il-metodi tagħhom ta' tagħlim għall-ħtiġiet tal-istudenti;
11. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi u jitħeġġu l-kompetenzi multilingwali u interkulturali tal-edukaturi, kif ukoll l-opportunitajiet ta' mobilità, tagħlim bejn il-pari u skambji tal-aħjar prattiki fost l-għalliema, pereżempju permezz tal-organizzazzjoni ta' seminars fil-livell Ewropew;
12. Jissottolinja r-rwol tal-universitajiet fit-tħejjija u t-taħriġ ta' għalliema u edukaturi ikkwalifikati sew u mmotivati; jitlob li jkun hemm inkoraġġiment u appoġġ għall-azzjonijiet tal-Istati Membri fl-isforzi tagħhom li jagħtu possibilitajiet għal korsijiet speċjalizzati ta' kwalifika fl-universitajiet, miftuħin u aċċessibbli għal studenti miktubin kif ukoll għal għalliema u edukaturi eżerċenti;
13. Jenfasizza l-importanza u l-potenzjal ta' approċċ Ewropew għat-tagħlim tal-istorja, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu l-kompetenza tal-Istati Membri f'dan il-qasam, peress li xi ġrajjiet storiċi kienu determinanti fit-tiswir tal-ideal u l-valuri Ewropej; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw l-għaqdiet storiċi u ċ-ċentri għar-riċerka storika, sabiex ikun evidenzjat il-valur tal-kontribut xjentifiku tagħhom għall-istorja Ewropea u r-rwol tagħhom biex l-għalliema fl-iskejjel jinżammu aġġornati;
14. Jistieden lid-Dar tal-Istorja Ewropea tiżviluppa, b'mod speċjali għall-istudenti u għall-għalliema fil-livelli kollha tal-edukazzjoni, programmi, strumenti u attivitajiet speċifiċi li jikkostruwixxu narrattiva raġunata tal-integrazzjoni Ewropea u l-valuri bażiċi tagħha;
15. Jitlob li jkun hemm tiġdid u tisħiħ taċ-ċittadinanza tal-UE u edukazzjoni ċivika fl-Istati Membri kemm attwali u kif ukoll futuri, bil-għan li l-istudenti jingħataw l-għodda meħtieġa, permezz ta' mezzi li huma xierqa għall-età tagħhom, bl-għarfien, il-valuri, il-ħiliet u l-kompetenzi rilevanti, li jagħtuhom il-kapaċità li jaħsbu b'mod kritiku u jiffurmaw opinjonijiet infurmati tajjeb u bbilanċjati, jeżerċitaw id-drittijiet demokratiċi u r-responsabbiltajiet tagħhom, inkluż id-dritt għall-vot, li jgħożżu d-diversità, jinkoraġġixxu d-djalogu interkulturali u interreliġjuż u jkunu ċittadini attivi u responsabbli;
16. Jinnota li ż-żieda fil-parteċipazzjoni tal-istudenti u l-ġenituri fil-goveranza tal-iskejjel tista' tikkontribwixxi għat-trattament tad-diskriminazzjoni u t-tisħiħ tad-demokrazija u ċ-ċittadinanza parteċipattivi sostennibbli, għat-tkattir tal-fiduċja u tal-kooperazzjoni bejn l-atturi varji; jistieden lill-istituzzjonijiet edukattivi jintroduċu u jwessgħu l-ambitu tal-governanza demokratika, anki permezz tal-għoti ta' aktar piż lill-vuċi tar-rappreżentanzi studenteski, billi d-demokrazija wieħed irid jitgħallimha u jesperjenzaha;
17. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu msaħħa l-motivazzjoni u l-opportunitajiet tal-għalliema u l-istudenti biex jitgħallmu aktar dwar l-UE permezz tal-esperjenza personali tagħhom stess, bħalma huma ż-żjarat mal-iskola f'pajjiżi oħra, żjarat fl-istituzzjonijiet Ewropej, kuntatti ma' uffiċjali tal-UE, opportunitajiet ta' traineeship għall-istudenti fi ħdan l-istituzzjonijiet tal-UE, u permezz tal-edukazzjoni medjatika, bħalma hu l-Portal taż-Żgħażagħ Ewropej, billi jsir użu sħiħ tat-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u r-riżorsi edukattivi miftuħa;
18. Jappella biex isir użu sħiħ tal-opportunitajiet offruti mit-teknoloġiji diġitali biex ikompli jiġi żviluppat it-tagħlim transkonfinali, permezz ta' korsijiet diġitali u vidjokonferenzi, bil-għan li l-istudenti jiġu megħjuna jiskopru perspettivi u approċċi oħra rigward id-dixxiplini tagħhom;
19. Jenfasizza li t-tagħlim tal-lingwi barranin jista' jaqdi rwol kruċjali biex tikber is-sensibilizzazzjoni interkulturali u biex iċ-ċittadini jingħataw il-ħiliet meħtieġa biex jgħixu u jaħdmu f'dinja li kulma jmur hija aktar kumplessa u globalizzata;
20. Jissottolinja r-rwol kruċjali tat-tagħlim mhux formali u informali, inkluż ix-xogħol taż-żgħażagħ, inkluż il-volontarjat, it-tagħlim interġenerazzjonali, tal-familja u tal-adulti, kif ukoll l-isport bħala strument pedagoġiku, fl-iżvilupp tal-ħiliet, il-kompetenzi u l-imġiba soċjali u ċiviċi, u l-formazzjoni ta' ċittadini Ewropej responsabbli u attivi; jissottolinja l-ħtieġa li jkunu rikonoxxuti u vvalidati tali kompetenzi fi ħdan it-tagħlim formali u li jinħolqu rabtiet eqreb bejn it-tagħlim formali, mhux formali u informali;
21. Jitlob li jiġi adottat approċċ interkulturali għall-politika tal-edukazzjoni li tkun kapaċi ġġib l-integrazzjoni ġenwina ta' studenti immigranti fl-iskejjel abbażi tal-għarfien reċiproku tal-kulturi differenti u l-kostruzzjoni ta' valuri komuni kondiviżi;
Ir-rwol tal-Unjoni
22. Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni tkompli bl-appoġġ tagħha għall-isforzi li tiżviluppa u tippromwovi dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni kif ukoll il-mobilità tal-atturi edukattivi, u li xxerred attivament l-informazzjoni – inkluża l-informazzjoni dwar opportunitajiet rilevanti ta' finanzjament u studji u rapporti disponibbli – fost il-partijiet ikkonċernati ewlenin u ċ-ċittadini; jinkoraġġixxi, f'dan ir-rigward, użu aħjar tat-teknoloġiji ta' komunikazzjoni u l-midja ġodda, inkuża l-midja soċjali;
23. Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi qafas komuni, u biex tħejji linji gwida b'eżempji konkreti, għat-tagħlim dwar l-UE, sabiex trawwem ħsieb oġġettiv u kritiku dwar il-benefiċċji tal-Unjoni Ewropea għaċ-ċittadini tagħha, filwaqt li tiġi rispettata l-kompetenza tal-Istati Membri fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ;
24. Jitlob lill-Kummissjoni tħeġġeġ aktar riċerka sabiex jiġi vverifikat kif l-UE bħalissa qed tiġi mgħallma fl-iskejjel madwar l-Ewropa, kif tidher fil-kurrikuli u l-eżamijiet, u jekk (a) l-għalliema u l-edukaturi għandhomx aċċess suffiċjenti għal programmi u azzjonijiet rilevanti tal-UE għall-iżvilupp professjonali, it-tagħlim tul il-ħajja u pjattaformi għall-iskambju tal-aħjar prattiki, u jekk (b) azzjonijiet iffinanzjati biex jinkorporaw tagħlim effiċjenti fl-iskejjel dwar l-UE fl-aħħar mill-aħħar għandhomx impatt fuq l-iskejjel;
25. Jistieden lill-Kummissjoni tinkoraġġixxi, tappoġġja u tiffaċilita n-netwerks li jippromwovu t-tagħlim dwar l-UE u li huma involuti fih f'livell nazzjonali, reġjonali u lokali, kif ukoll skambji tal-aħjar prattiki bejn dawn in-netwerks fil-livell tal- Unjoni, u biex tidentifika l-oqsma fejn għandu jsir titjib;
26. Jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri kif ukoll il-pajjiżi kandidati, rigward id-dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni u l-ġlieda kontra d-diskriminazzjoni u l-preġudizzju f'xenarji edukattivi, inkluż permezz ta' evalwazzjoni ta' materjal pedagoġiku u politiki kontra l-bullying u d-diskriminazzjoni;
27. Jissottolinja r-rwol ewlieni ta' Erasmus+, Ewropa għaċ-Ċittadini u Ewropa Kreatttiva fil-promozzjoni tal-edukazzjoni u t-taħriġ, il-ħiliet lingwistiċi, iċ-ċittadinanza attiva, is-sensibilizzazzjoni kulturali, il-komprensjoni interkulturali u kompetenzi siewja ewlenin u trasversali oħrajn; jenfasizza l-importanza ta' dawn il-programmi fit-tisħiħ taċ-ċittadinanza Ewropea u l-bżonn li jkun hemm aktar appoġġ finanzjarju adegwat għal dawn il-programmi, attenzjoni akbar fuq l-eżiti kwalitattivi tagħhom u aċċess usa' għall-mobilità, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali lill- għalliema u edukaturi oħra, liż-żgħażagħ bi sfond soċjoekonomiku differenti, kif ukoll lill-gruppi vulnerabbli u żvantaġġjati, u lill-persuni bi bżonnijiet speċjali;
28. Ifakkar fil-firxa wiesgħa ta' azzjonijiet li joffri l-programm Erasmus+, kif ukoll il-popolarità u r-rikonoxximent tiegħu mill-pubbliku ġenerali, b'mod partikolari fir-rigward tal-mobilità tal-istudenti bħala parti mill-istudji tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqajmu kuxjenza dwar dawk il-partijiet tal-programm Erasmus+ li mhumiex daqshekk magħrufa, bħalma hu s-Servizz Volontarju Ewropew;
29. Jilqa' l-Programm ta' Ħidma tal-2016 tal-Kummissjoni għall-implementazzjoni tal-programm Eramus+ u l-impenn tagħha għal azzjonijiet konkreti bħala segwitu għad-Dikjarazzjoni ta' Pariġi, b'mod partikolari dawk immirati biex iżidu l-impatt ta' Erasmus+ fuq it-trawwim ta' ċittadinanza attiva u demokratika, id-djalogu interkulturali, l-inklużjoni soċjali u s-solidarjetà, inkluż appoġġ aktar qawwi għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fir-rwol ewlieni tagħhom fl-edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza;
30. Jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb l-aspetti pedagoġiċi u l-kapaċità ta' rispons għall-ħtiġijiet tal-iskejjel, ta' proġetti ffinanzjati permezz ta' proġetti Jean Monnet, billi tiżgura li l-iskejjel ikunu jistgħu japplikaw direttament, u billi tipprovdi finanzjament għal perjodu itwal ta' żmien, bħal tliet snin, f'konformità mal-mod kif il-Moduli Jean Monnet huma ffinanzjati; jistieden lill-Kummissjoni tagħmel disponibbli l-azzjoni tal-Moduli Jean Monnet għall-istituzzjonijiet ta' taħriġ għall-għalliema biex tinkoraġġixxi tali istituzzjonijiet jinkorporawhom fil-programmi tagħhom;
31. Jinnota li l-Unjoni bħalissa għaddejja minn kriżi fil-leġittimità demokratika tagħha, mhux biss minħabba l-fatt li l-Ewropej m'għandhomx għarfien suffiċjenti dwar il-mekkaniżmi tal-UE, iżda wkoll minħabba l-fatt li l-vuċijiet tagħhom huma bogħod mill-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet; jenfasizza li, sabiex dan jerġa' jinkiseb, l-Unjoni għandha twaqqaf id-degradazzjoni tal-istrutturi demokratiċi tagħha u tistabbilixxi mill-ġdid ir-rabta maċ-ċittadini tagħha;
32. Jistieden lill-Kummissjoni timplimenta l-programm l-Ewropa għaċ-Ċittadini b'mod effiċjenti sabiex tissodisfa l-objettivi ta' soċjetà demokratiku u aktar inklużiva, u b'hekk tissaħħaħ il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;
33. Jistieden lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib l-impatt tal-programmi kollha tal-UE dwar l-iżvilupp tas-sens ta' ċittadinanza u parteċipazzjoni ċivika tal-parteċipanti;
34. Jitlob lill-Kummissjoni tiżviluppa ulterjorment, u tippromwovi bl-aktar mod wiesa', il-pjattaformi virtwali ta' eTwinning, EPALE, u l-iSchool Education Gateway, u tkompli tappoġġja u tiżviluppa pjattaformi diġitali oħra bħalma huma t-Teachers' Corner, sabiex tiffaċilita l-aċċess għal materjali pedagoġiċi ta' kwalità għolja, faċli biex jintużaw u moderni, li huma relevanti għat-tagħlim tal-UE u li jkunu disponibbli bil-lingwi kollha tal-UE;
35. Jitlob lill-Kummissjoni tiffaċilita rieżami kritiku tal-materjal attwalment disponibbli fuq il-pjattaforma tat-Teachers' Corner minn edukaturi li attwalment jinsabu jgħallmu u akkademiċi speċjalizzati fl-istudji tal-UE biex jiġu żgurati l-kwalità u l-adegwatezza;
36. Jenfasizza r-rwol li jaqdu l-uffiċċji ta' informazzjoni tal-Istituzzjonijiet Ewropej u jilqa' l-impenn tagħhom fit-tisħiħ tar-relazzjonijiet mal-Istati Membri, mal-istituzzjonijiet edukattivi nazzjonali, reġjonali u lokali, u ma' organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ u l-midja, bil-għan li jqarrbuhom aktar lejn xulxin u biex jiżguraw li ż-żgħażagħ jifhmu r-rwol li għandhom l-istituzzjonijiet fil-ħajja ta' kuljum tagħhom;
37 Jitlob li jsir dibattitu miftuħ u konġunt bejn il-Kummissjoni u l-bliet, kif ukoll l-awtoritajiet lokali u reġjonali, rigward ir-rabta bejn is-sistemi tal-iskola u l-mudelli urbani, bħala mod kif jiġu mifhuma l-effetti ta' approċċi differenti lejn ir-relazzjonijiet interkulturali fl-Ewropa llum;
38. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi t-tagħlim tal-UE fl-iskejjel bħala rakkomandazzjoni li għandha ssir malajr kemm jista' jkun fil-proċessi ta' negozjar ma' pajjiżi kandidati għal sħubija fl-UE;
Ir-rwol tal-Istati Membri
39. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jappoġġjaw, jirrevedu u jaġġornaw is-sistemi edukattivi tagħhom – u l-forom kollha ta' kontenut ta' kurrikuli marbutin mal-UE fil-livelli kollha tal-edukazzjoni – inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali – bl-iskop li tissaħħaħ id-dimensjoni tal-UE b'kollaborazzjoni mill-qrib mal-atturi relevanti kollha fil-livell tal-UE u fil-livell nazzjonali, filwaqt li jiġu inkuraġġiti bil-qawwa r-reġjuni u l-awtoritajiet lokali, b'mod partikolari meta huma jkollhom kompetenzi diretti fis-sistemi edukattivi;
40. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jappoġġjaw il-possibilitajiet kollha tal-għoti ta' aktar informazzjoni dwar l-UE lill-istudenti kif ukoll lill-għalliema u l-edukaturi l-oħrajn permezz ta' tagħlim formali, mhux formali u informali, u biex jisfruttaw bis-sħiħ u jikkomplementaw l-istrumenti finanzjarji, il-programmi u l-inizjattivi tal-UE f'dan ir-rigward;
41. Jitlob lill-Istati Membri jieħdu aktar azzjoni biex jippromwovu edukazzjoni u valuri taċ-ċittadinanza interkulturali, nondiskriminatorji u inklussivi fil-kurrikuli skolastiċi u universitarji;
42. Jistieden lill-Istati Membri jżidu l-investiment fl-edukazzjoni ta' kwalità, anke permezz ta' sħubija akbar mas-settur privat, u biex jippromwovu opportunitajiet ugwali għal kulħadd, u jipprovdu lill-istituzzjonijiet edukattivi u ta' taħriġ, kif ukoll l-għalliema u lil edukaturi oħra, bl-appoġġ meħtieġ biex jagħtuhom is-setgħa li jintroduċu u kontinwament jiżviluppaw dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni minn età bikrija li tmur lil hinn mill-klassi;
43. Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw aċċess ugwali u inklussiv għal edukazzjoni formali u mhux formali innovattiva u ta' kwalità għolja għall-istudenti kollha, kif ukoll opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri jadottaw il-proposta tal-2008 għal direttiva dwar l-implimentazzjoni tal-prinċipju tat-trattament ugwali bejn il-persuni irrispettivament mir-reliġjon jew it-twemmin, id-diżabilità, l-età jew l-orjentament sesswali, li tipproteġi kontra d-diskriminazzjoni abbażi ta' dawn ir-raġunijiet fl-edukazzjoni;
44. Jistieden lill-Istati Membri jinvolvu lill-migranti, lir-rifuġjati u lill-komunitajiet tal-fidi fi proċessi ta' bini ta' ċittadinanza li jkunu rispettużi u li jagħtu s-setgħa, filwaqt li jiżguraw il-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja ċivika u kulturali;
45. Jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw taħriġ ta' kwalità għolja dwar suġġetti tal-UE lill-għalliema, lil persunal edukattiv ieħor, lill-mexxejja taż-żgħażagħ u lit-trainers, anke billi jippermettulhom iqattgħu parti mill-formazzjoni tagħhom fi Stat Membru ieħor, u billi jiżguraw ir-rikonoxximent tal-kompetenzi tagħhom li jgħallmu dwar l-UE, pereżempju permezz tal-ħolqien u l-promozzjoni ta' unur ta' "Ewro-għalliem";
46. Iqis li l-Istati Membri, fi djalogu u kooperazzjoni ma' atturi tal-edukazzjoni, għandhom ifittxu opportunitajiet biex jiskambjaw ideat u eżempji ta' prattiki tajba fl-integrazzjoni ta' dimensjoni tal-UE fil-programmi edukattivi tagħhom, sabiex, inter alia, jagħtu spinta lill-għarfien taż-żgħażagħ u l-komprensjoni tal-proċess tal-bini ta' ċittadinanza tal-UE u l-istituzzjonijiet tal-UE, u b'hekk jippermettulhom li jaraw l-Unjoni bħala parti integrali tal-ambjent fejn jgħixu, li jistgħu jsawru u li huma mistennija li jsawru huma;
47. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikonoxxu u jappoġġjaw lis-sħab soċjali u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, b'mod partikolari l-organizzazzjonijiet taż-żgħażagħ, fit-tentattivi biex jonqos id-distakk bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u ċ-ċittadini Ewropej b'mod strutturali u sostenibbli, bil-promozzjoni u t-tisħiħ tal-għodod parteċipattivi u favur demokrazija diretta;
48. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.
NOTA SPJEGATTIVA
Fil-preżent, l-Unjoni Ewropea (UE) qed tħabbat wiċċha ma' sfidi mingħajr preċedent. Matul il-ftit snin li għaddew, l-UE għaddiet minn kriżi ekonomika u finanzjarja maġġuri. L-effetti soċjali u politiċi ta' din il-kriżi daħħlu dubji fl-istituzzjonijiet u fil-valur komuni tal-Unjoni, inkluża n-nozzjoni ta' identità Ewropea.
F'dan il-kuntest, it-titjib tad-djalogu dwar l-UE fl-iskejjel, l-għaqdiet u fl-ispazji pubbliċi tagħna jidher aktar kruċjali minn qatt qabel biex tiġi ripristinata l-fiduċja taċ-ċittadini fil-merti u fin-neċessità tal-proċess ta' integrazzjoni Ewropea.
Bħalisas, iċ-ċittadini għandhom tagħrif limitat dwar l-UE u dwar kif jaħdmu l-istituzzjonijiet tagħha, b'44% taċ-ċittadini ma jaqblu mad-dikjarazzjoni "Nifhem kif taħdem l-UE" fi stħarriġ tal-opinjonijiet li sar mill-Eurobarometer fir-Rebbiegħa 2014[16]. F'dawn iċ-ċirkostanzi, mhux ta' għaġeb li ċ-ċittadini jħossuhom imbegħdin jew saħansitra tturrufnati mill-proġett politiku Ewropew, saru aktar Ewroxettiċi, u jaraw id-defiċit demokratiku fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet tal-Unjoni.
Din is-sitwazzjoni tista' tkun rimedjata jekk iċ-ċittadini jkollhom tagħrif aħjar u jkunu mħeġġin jinġaggaw ruħhom u jieħdu interess attiv fil-proġġett ta' unifikazzjoni Ewropea. Mod ċentrali kif dan isir hu billi titjieb id-dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni skolastika li tista' tgħin fit-tegħlib tal-Ewroxettiċiżmu u tħejji liċ-ċittadini jgħixu u jaħdmu f'dinja li kulma jmur hi aktar komplessa u globalizzata. Il-qagħda fl-Istati Membri kwantu għall-kontenut marbut mal-UE fl-edukazzjoni skolastika bl-ebda mod ma hi uniformi u teħtieġ aktar inizjattivi fil-livelli kollha – Ewropew, nazzjonali u lokali.
Il-kunċett ta' "dimensjoni Ewropea" fl-edukazzjoni
Fil-bidu tal-integrazzjoni Ewropea, l-edukazzjoni kellha biss rwol marġinali. L-ewwel azzjoni sostanzjali f'livell ta' Unjoni fil-qasam tal-edukazzjoni seħħet fl-1976, meta ġie addottat l-ewwel programm fil-qasam tal-edukazzjoni[17]. Kellu l-mira li jnaqqas l-effetti negattivi tal-migrazzjoni fuq l-opportunitajiet edukattivi u l-eżiti tal-ħaddiema minn Stati Membri oħrajn u wliedhom, u ttrattat ir-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki.
Il-bażi ġuridika għall-azzjoni fil-qasam tal-politika tal-edukazzjoni saret biss bit-Trattat ta' Maastricht fl-1992. Fl-Artikolu 149 - il-lum l-Artikolu 165 TFUE - it-Trattat ta' Maastricht iddisponi li l-Unjoni tista' tinkoraġġixxi l-koperazzjoni bejn l-Istati Membri, u tappoġġa u tissupplementa l-azzjoni tagħhom, filwaqt li l-Istati Membri jkunu responsabbli biss mill-kontenut tat-tagħlim u l-organizzazzjoni tas-sistemi edukativi u d-diversità kulturali u lingwistika tagħhom. L-armonizzazzjoni tal-liġijiet u r-regolamenti tal-Istati Membri hija eskluża b’mod espliċitu.
L-azzjoni tal-Unjoni tista' tinkludi, inter alia, l-iżvilupp ta' dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni f'sens wiesa' tal-kelma, inkluż it-tagħlim u t-tixrid tal-ilsna tal-Istati Membri, u azzjonijiet għall-promozzjoni tal-mobilità tal-istudenti u tal-għalliema kif ukoll il-koperazzjoni bejn l-istabbilimenti edukattivi. L-Unjoni tista' wkoll trawwem l-iskambju ta' informazzjoni dwar is-sistemi edukattivi u l-aqwa prattiki tal-Istati Membri, tħeġġeġ l-iskambji taż-żgħażagħ, l-ingaġġ ċiviku u l-parteċipazzjoni taż-żgħażagħ fil-ħajja demokratika tal-Ewropa.
Sa mill-programm ta' azzjoni tal-1976, bosta riżoluzzjonijiet u programmi ġew adottati għalbiex jintlaħqu l-iskopijiet tal-politika edukattiva tal-UE li tinsab fid-dritt primarju tal-UE. Bl-introduzzjoni tal-Erasmus+, li ilu fis-seħħ mill-1 ta' Jannar 2014, l-inizjattivi kollha tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni ġew flimkien taħt l-umbrella ta' dan il-programm unifikat.
Filwaqt li l-kunċett ta' dimensjoni Ewropea fl-edukazzjoni hi altament kumplessa, dan ir-rapport jiffoka fuq aspett wieħed, għad li kruċjali: "It-tagħlim tal-UE fl-iskejjel" li jista' jsir riferiment għalih bħala "Dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni". Din l-għażla hi msejsa fuq it-twemmin li l-edukazzjoni skolastika għandha tarma lill-allievi b'fehim solidu dwar kif taħdem l-UE u tippermettilhom jirriflettu b'mod kritiku dwar kwestjonijiet Ewropej – inklużi l-valuri li fuqhom hi msejsa l-integrazzjoni Ewropea – u kif dawn jinfluwenzaw lil pajjiżhom u lill-attivitajiet tagħhom, filwaqt li jħejjuhom ħalli jgħixu u jaħdmu bħala ċittadini attivi f'Ewropa li kulma jmur hi aktar integrata u dinja aktar globalizzata.
Dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni
L-idea ta' dimensjoni tal-UE fl-edukazzjoni għandha żewġ aspetti essenzjali li huma marbutin ma' xulxin. L-ewwel u l-aktar ovvju hu marbut mal-ksib tal-għarfien dwar il-ġografija, l-istorja u l-kultura tal-UE, u dwar l-UE nnifisha, inkluż kif jaħdmu l-funzjonijiet tagħha. It-tieni – imsejjes fuq il-preżunt li l-leġittimità u l-istabilità ta' sistema politika demokratika huma bbażati l-aktar fuq l-involviment ċiviku – jista' jinftiehem largament bħala "edukazzjoni dwar iċ-ċittadinanza".
B'dan amment u meta jitqies il-fatt tal-għarfien limitat dwar l-UE fost bosta ċittadini, l-UE għandha tkun aktar viżibbli fil-kotba tal-iskola, u t-tagħlim dwar l-UE għandu jirrifletti r-relazzjoni intrikata bejn l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha: l-UE ssawret mill-Istati Membri tagħha bil-kulturi u l-istorja uniċi tagħhom, u l-iżvilupp tagħha jibqa' marbut b'mod li ma jinħallx mal-Istati Membri. Viċi versa, l-impatt tal-UE fuq l-Istati Membri hu kbir. Għaldaqstant, it-tagħlim dwar l-UE fl-iskejjel għandu jirrifletti kemm ir-rwol tal-Istati Membri fl-iżvilupp tal-UE kemm l-influwenza tal-UE fl-iżviluppi nazzjonali. F'dan il-kuntest, l-istorja bħala suġġett tal-iskola għandha rwol importanti fl-iżvilupp ta' kuxjenza riflessiva tal-passat u "kultura tal-memorja" kritika; wieħed imsejjes fuq il-valuri Ewropej u kkaratterizzat minn tentattiv li ssir ġustizzja mal-moltepliċità tal-memorji storiċi eżistenti - u filfatt l-istorja nnifisha - fl-Ewropa.
Meta wieħed jgħaddi għad-diversità, l-edukazzjoni taċ-ċittadinanza, bħala t-tieni aspett tad-dimensjoni tal-UE, essenzjalment għandha l-mira li tippermetti liż-żgħażagħ jiksbu l-ħiliet li jeħtieġu biex jgħixu u jingaġġaw attivament f'soċjetajiet demokratiċi pluralistiċi u jsemmgħu t-tħassib tagħhom. L-elementi essenzjali li għandhom jiġu mgħallmin għalhekk jinkludu t-tolleranza, il-kuxjenza u l-fehim lejn kulturi oħrajn kif ukoll il-valuri demokratiċi u l-jeddijiet tal-bniedem. Dawn l-għodod tal-ingaġġ ċiviku u taċ-ċittadinanza demokratika attiva japplikaw lil hinn mill-fruntieri tal-Ewropa u huma ta' rilevanza kruċjali f'kuntest internazzjonali wkoll.
Filwaqt li l-"edukazzjoni taċ-ċittadinanza" mifhuma b'dan il-mod tista' tiġi implementata f'suġġetti iżolati, ma għandux jiġi injorat il-fatt li approċċ trans-kurrikulari jista' jkun aktar utli għalbiex ikun żgurat li l-allievi jaddottaw atteġġjamenti u valuri li joqogħdu għall-għajxien u l-ħidma flimkien ma' oħrajn ġejjin minn sfondi kulturali u reliġjużi differenti. Inoltre, l-istituzzjonijiet edukattivi għandhom jadottaw strutturi ta' governanza demokratika li takkumpanja l-kontenut kurrikulari ħalli d-demokrazija tkun tista' tiġi mgħallma u tingħex fl-iskejjel ukoll.
L-istatus quo u t-triq ’il quddiem
Il-maġġoranza tal-Istati Membri progressivament integraw dimensjoni tal-UE fil-kurrikuli tagħhom u fit-taħriġ tal-għalliema, imma għad fadal divarji bejn u fi ħdan l-Istati Membri. Jista' jsir ġafna aktar, ngħidu aħna, f'dak li għandu x'jaqsam mal-kurrikuli, mat-tagħlim tal-għalliem, mal-kobta tal-iskola u mal-metodi tat-tagħlim.
Kwantu għal dimensjoni tal-UE, il-kurrikuli nazzjonali ta' spiss huma frammentati, mhux progressivi, ġeneriċi wisq u neqsin kemm mill-konsistenza kemm mill-komplimentarjetà mas-suġġetti l-oħrajn mgħallmin, u b'hekk ikun diffiċli għall-alliev li jibni xbiha komprensiva tal-UE. Minħabba fl-impatt tagħha fuq il-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini, l-UE għandha tkun aktar viżibbli fil-materjali tat-tagħlim, fil-livelli kollha u fil-forom kollha tal-edukazzjoni. F'dan is-sens, għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-edukazzjoni vokazzjonali u lis-settur tat-taħriġ. It-taħriġ tal-għalliema – inizjali u taħriġ in-service – jeħtieġ li jipprepara sistematikament lill-edukaturi għalbiex jgħallmu dwar l-UE u l-valuri li fuqhom hi mibnija, kemm fit-teorija kemm fil-prattika. Il-kotba tal-iskola għandhom jiggarantixxu kopertura usa' tas-suġġetti marbutin mal-UE u fl-istess waqt ikunu adattati aħjar għall-gruppi partikolari tal-etajieta, billi jittieħdu inkunsiderazzjoni l-interessi tal-istudenti. Il-metodi tat-tagħlim użati fil-klassijiet għandhom jagħtu lill-istudenti r-responsabilità għat-tagħlim tagħhom stess, bl-użu ta' metodi interattivi u stimuli esterni u eżempji ta' kif l-UE hi rilevanti għall-ħajja ta' kuljum tal-istudenti.
F'livell Ewropew, il-possibilitajiet eżistenti offerti mill-programmi tal-UE fil-qasam tal-edukazzjoni u tal-kultura għandhom ikunu sfruttati fis-sħiħ għall-promozzjoni tal-ħiliet lingwistiċi, iċ-ċittadinanza attiva, il-kuxjenza kulturali u l-fehim interkulturali. L-appoġġ finanzjarju kontinwat u aċċess usa' għal opportunitajiet ta' mobilità li jagħtu dawn il-programmi huma kruċjali biex ikun żgurat effett pożittiv fuq is-sens li jkollhom il-parteċipanti ta' ċittadinanza u parteċipazzjoni ċivika.
Il-Kummissjoni għandha tiżgura li l-istakeholders ewlenin ikunu konxji mill-użu tal-opportunitajiet relevanti ta' finanzjament mogħtijin minn dawn il-programmi u inkoraġġiti jużawhom. Barra minn hekk, il-pjattaformi bħalma huma l-eTwinning, l-iSchool Education Gateway (SEG) u l-EPALE għat-tagħlim tal-adulti jistgħu jintużaw għall-iżvilupp u l-iskambju ta' materjali tat-tagħlim u għall-proġetti marbutin mal-UE u mal-istituzzjonijiet tagħha kif ukoll għall-edukazzjoni taċ-ċittadini.
Ir-retikolati nazzjonali u Ewropej eżistenti involuti fit-tagħlim dwar l-UE u li jippromwovuh f'livell differenti għandhom ikunu kemm jista' jkun imrawmin bħalma għandhom ikunu l-iskambji bejn dawn ir-retikolati.
Fil-livell nazzjonali, l-Istati Membri jeħtieġ li jiżguraw ir-rilevanza kontinwata tal-kurrikuli tagħhom u tas-sistemi edukattivi tagħhom inġenerali, inklużi l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali. Dawn is-sistemi kellhom ikunu regolarment aġġornati minħabba fl-isfidi ġodda mis-soċjetà u mit-teknoloġij ħalli jgħinu lill-allievi jiksbu l-ħiliet u l-kompetenzi li jkunu jeħtieġu fis-soċjetajiet tal-lum li javvanzaw b'ħeffa u huma interkonnessi.
L-istabbilimenti edukattivi jirrispekkjaw is-soċjetajiet kumplessi tagħna u jirrappreżentaw komunitajiet ta' nies minn sfondi diversi li jgħixu u jitgħallmu flimkien. Jitlob lill-Istati Membri għandhom għalhekk jieħdu aktar azzjoni ħalli jippromwovu l-edukazzjoni u l-valuri taċ-ċittadinanza multikulturali, non-diskriminatorji u inklussivi fil-kurrikuli skolastiċi u universitarji. Dawn il-valuri jeħtieġ li jippermeaw il-kurrikuli f'mod orizzontali. Biex jinkiseb l-objettiv ambizzjuż tat-tagħlim tal-valuri, l-iskejjel jeħtieġ li jirċievu appoġġ korrespondenti, kemm finanzjarju kemm ta' xort'oħra.
Fl-aħħar nett, Istati Membri għadhom ukoll jirrikonoxxu u jiffaċilitaw ir-rwol tal-imsieħba soċjali u tal-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili biex inaqqsu d-divarju bejn l-UE u ċ-ċittadini tagħha.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
25.1.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
23 4 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Isabella Adinolfi, Andrea Bocskor, Louise Bours, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Mircea Diaconu, Damian Drăghici, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Eider Gardiazabal Rubial, Dietmar Köster, Zdzisław Krasnodębski, Ernest Maragall, Algirdas Saudargas |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Gabriel Mato, Jaromír Štětina |
||||
VOTAZZJONI FINALI B’SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI
23 |
+ |
|
ALDE |
Mircea Diaconu, María Teresa Giménez Barbat, Yana Toom |
|
EFDD |
Isabella Adinolfi |
|
PPE |
Andrea Bocskor, Svetoslav Hristov Malinov, Gabriel Mato, Stefano Maullu, Jaromír Štětina, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver |
|
S&D |
Silvia Costa, Damian Drăghici, Eider Gardiazabal Rubial, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Dietmar Köster, Luigi Morgano, Julie Ward |
|
Verts/ALE |
Ernest Maragall, Helga Trüpel |
|
4 |
- |
|
ECR |
Rikke Karlsson, Zdzisław Krasnodębski, Andrew Lewer |
|
EFDD |
Louise Bours |
|
1 |
0 |
|
GUE/NGL |
Nikolaos Chountis |
|
Tifsira tas-simboli użati:
+ : favur
- : kontra
0 : astensjoni
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
- [2] ĠU L 325, 23.11.2012, p. 1.
- [3] ĠU L 115 17.4.2014, p. 3.
- [4] ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
- [5] ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
- [6] ĠU C 372, 20.12.2011, p. 31.
- [7] ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
- [8] ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
- [9] ĠU C 150, 15.6.1992, p. 366.
- [10] ĠU C 306 E, 15.12.2006, p. 100.
- [11] ĠU C 8 E, 14.1.2010, p. 12.
- [12] Standard Eurobarometer 81, Spring 2014: "Public opinion in the European Union" (http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb/eb81/eb81_publ_en.pdf), p. 117 u 131.
- [13] http://www.eprs.sso.ep.parl.union.eu/lis/lisrep/13-EPRS-publications/2015/COMM_STUD_558351_UpdateReview-EN.pdf, p. 43-45.
- [14] Special Eurobarometer 437, 2015: ‘Discrimination in the EU in 2015’ (http://ec.europa.eu/COMMFrontOffice/PublicOpinion/index.cfm/ResultDoc/download/DocumentKy/68004), p. 100.
- [15] http://www.eupika.mfdps.si/Files/Learning%20Europe%20at%20School%20final%20report.pdf.
- [16] http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/eb/eb81/eb81_publ_en.pdf, p. 117.
- [17] ĠU C 38, 19.2.1976, p. 1.