Proċedura : 2015/2325(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0024/2016

Testi mressqa :

A8-0024/2016

Dibattiti :

PV 08/03/2016 - 5
CRE 08/03/2016 - 5

Votazzjonijiet :

PV 08/03/2016 - 6.7
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0073

RAPPORT     
PDF 765kWORD 189k
10.2.2016
PE 571.702v02-00 A8-0024/2016

dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE

(2015/2325(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

Rapporteur: Mary Honeyball

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE

(2015/2325(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 u l-Artikolu 3(3), it-tieni subparagrafu, tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 78 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 23 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-1951 u l-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus ta' Rifuġjati,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU tal-1979 dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) u r-Rakkomandazzjoni Ġenerali Nru 32 tal-14 ta' Novembru 2014 tal-Kumitat CEDAW dwar id-dimensjoni relatata mal-ġeneru tal-istatus ta' rifuġjat, l-asil, iċ-ċittadinanza u l-apolidija tan-nisa,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni u l-Programm ta' Azzjoni ta' Beijing adottati mir-Raba' Konferenza Dinjija tan-Nazzjonijiet Uniti dwar in-Nisa fil-15 ta' Settembru 1995 u d-dokumenti ta' eżitu sussegwenti adottati fis-sessjonijiet speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti Beijing +5, Beijing +10, Beijing +15 u Beijing +20,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bl-isem "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-27 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015 – 2020)" (COM(2015)0285),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2015, u b'mod partikolari l-impenn espress fihom lejn id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-5 ta' April 2011 dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Kwadru tal-Kunsill 2002/629/JHA,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/29/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità, u li tissostitwixxi d-Deċiżjoni Qafas tal-Kunsill 2001/220/ĠAI,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2008/115/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2008 dwar standards u proċeduri komuni fl-Istati Membri għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament li jistabbilixxi lista komuni ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri tal-UE għall-iskopijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 862/2007 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istatistika Komunitarja dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali depożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill bl-isem "Pjan ta' Azzjoni dwar l-Ugwaljanza bejn is-Sessi 2016-2020" tas-26 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Marzu 2015 bl-isem "Implimentazzjoni tal-Politika Ewropea tal-Viċinat fl-2014" (SWD(2015)0076),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet 1325 u 1820 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti (UNSCR) dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ li tikkonċerna l-Frontex(1)

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi (A8-0024/2016),

A.  billi numru straordinarju u li dejjem qed jikber ta' rġiel, nisa u tfal qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-UE minħabba kunflitti kontinwi, instabilità reġjonali u ksur ta' drittijiet tal-bniedem, inkluż vjolenza sessista u stupru bħala armi tal-gwerra;

B.  billi hemm grad għoli ta' inugwaljanza bejn is-sessi tal-applikanti għal asil fl-Unjoni Ewropea; billi n-nisa jikkostitwixxu madwar terz tal-persuni li japplikaw għal asil; billi bejn il-bidu tal-2015 u Novembru tal-istess sena, madwar 900 000 ruħ qasmu l-Baħar Mediterran biex jilħqu x-xtut tal-Ewropa, u n-nisa u t-tfal ammontaw għal madwar 38 % tat-total; billi l-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) irrapporta li, minn Jannar 2016, in-nisa u t-tfal jikkostitwixxu 55 % ta' dawk li jaslu l-Greċja biex ifittxu asil fl-UE; billi wisq nies tilfu ħajjithom matul dawn il-vjaġġi ta' tama u ħafna minnhom kienu nisa;

C.  billi n-nisa kif ukoll il-persuni LGBTI huma soġġetti għal forom speċifiċi ta' persekuzzjoni bbażata fuq il-ġeneru, li spiss għadha mhijiex rikonoxxuta fil-proċeduri għall-asil;

D.  billi r-Riżoluzzjoni 1325 tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU dwar in-nisa, il-paċi u s-sigurtà ma laħqitx l-objettiv primarju tagħha li tħares lin-nisa u żżid sostanzjalment il-parteċipazzjoni tagħhom fil-proċessi politiċi u tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

E.  billi, skont l-UNHCR, madwar 20 000 mara u tifla minn pajjiżi ta' oriġini li jipprattikaw il-mutilazzjoni ġenitali femminili (MĠF) jfittxu asil fi Stati Membri tal-UE kull sena; billi numru kbir ta' nisa li jippreżentaw talba għal asil ikunu qed jagħmlu hekk abbażi ta' biża' mill-MĠF;

F.  billi, skont stima tal-UNHCR, 71 % tal-applikanti nisa għal asil fl-UE minn pajjiżi li jipprattikaw il-MĠF huma vittmi tal-MĠF; billi l-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem ħadet deċiżjonijiet li jwaqqfu t-tkeċċija ta' bniet f'riskju li jiġu furzati jsofru mutilazzjoni ġenitali, minħabba l-ħsara irreparabbli li probabbli ssirilhom fis-saħħa fiżika u psikoloġika tagħhom;

G.  billi n-nisa u l-bniet li jfittxu asil għandhom ħtiġijiet speċifiċi ta' protezzjoni u tħassib differenti mill-irġiel, li jirrikjedu li l-implimentazzjoni tal-politiki u proċeduri tal-asil kollha, inkluża l-valutazzjoni ta' applikazzjonijiet għal asil, ikunu sensittivi għad-differenzi bejn il-ġeneri u jkunu individwali; billi t-talbiet għal asil relatati ma' vjolenza għandhom jiġu ttrattati b'mod li jipproteġi lin-nisa minn vittimizzazzjoni sekondarja waqt il-proċess tal-asil;

H.  billi l-proċess ta' integrazzjoni u d-drittijiet tan-nisa u l-bniet jiġu mminati meta l-istatus ġuridiku tagħhom ikun dipendenti fuq il-konjuġi tagħhom;

I.  billi l-atti rilevanti li jagħmlu s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil għandhom ikunu trasposti u implimentati skont il-Konvenzjoni ta' Ġinevra dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u strumenti rilevanti oħra;

J.  billi t-trattament tan-nisa u l-bniet li qed ifittxu asil fl-Istati Membri huwa inkonsistenti, u fadal ħafna nuqqasijiet sinifikanti;

K.  billi n-nisa rifuġjati u dawk li jfittxu asil ikunu ta' spiss soġġetti għal diversi forom ta' diskriminazzjoni u huma aktar vulnerabbli għall-vjolenza sesswali u sessista fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni tagħhom; billi n-nisa u l-bniet mhux akkumpanjati, in-nisa kapijiet ta' unità domestika, in-nisa tqal, il-persuni b'diżabilità u l-anzjani huma partikolarment vulnerabbli;

L.  billi r-rifuġjati nisa mhux biss jiffaċċjaw theddid għas-sikurezza personali tagħhom (vjaġġi twal u perikolużi lejn eżilju, fastidju, indifferenza uffiċjali u, ta' sikwit, abbuż u vjolenza sesswali, anke meta jkunu laħqu post li jidher sikur u l-istigmatizzazzjoni soċjali li tirriżulta), iżda huma wkoll responsabbli għas-sigurtà fiżika, is-sigurtà soċjali u s-sopravivenza tal-familji tagħhom;

M.  billi bosta rifuġjati li waslu fl-Ewropa jgħixu f'kundizzjonijiet improvizzati f'kampijiet jew fit-toroq, u n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli;

N.  billi n-netwerks kriminali qegħdin japprofittaw ruħhom min-nuqqas ta' passaġġ sikur lejn l-UE għall-persuni li jfittxu asil u r-rifuġjati, l-instabilità reġjonali, il-kunflitt u l-vulnerabilità tan-nisa u l-bniet li jippruvaw jaħarbu, sabiex jisfruttawhom permezz tat-traffikar u l-isfruttament sesswali;

O.  billi n-nisa li huma vittmi tal-vjolenza u t-traffikar huma aktar esposti għar-riskju ta' mard trażmess sesswalment;

P.  billi l-Uffiċċju tal-UNHCR irrapporta każijiet ta' vjolenza u abbuż, inkluża vjolenza sesswali, kontra rifuġjati nisa u tfal, matul il-vjaġġ tagħhom u inkluż fiċ-ċentri ta' akkoljenza affollati fl-UE;

Q.  billi n-nisa u l-bniet li jfittxu kenn fl-UE sikwit jaħarbu minn reġimi oppressivi fir-rigward tan-nisa, li ma jirrikonoxxux l-ugwaljanza tan-nisa mal-irġiel, li jittolleraw il-vjolenza kontra n-nisa, l-abbuż u ż-żwiġijiet tat-tfal, bikrija u furzati;

R.  billi ta' spiss, iċ-ċentri ta' akkoljenza ma jkun fihom l-ebda żoni interni li jkunu xierqa għall-ommijiet li jokkupawhom u li jkollhom isostnu u jieħdu ħsieb it-tfal tagħhom; billi, barra minn hekk, il-faċilitajiet ta' assistenza legali ma jagħtux appoġġ adegwat fl-għoti ta' informazzjoni u fl-għajnuna fit-tiftix għall-membri tal-familja;

S.  billi l-ħtiġijiet l-aktar bażiċi għall-prevenzjoni ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneri, li huma kmamar tal-banju, doċoċ u arranġamenti tal-irqad separati għan-nisa, mhumiex rispettati fil-faċilitajiet ta' akkoljenza u ta' transitu madwar l-Unjoni Ewropea;

T.  billi l-bniet li qed jaħarbu l-kunflitt u l-persekuzzjoni huma f'riskju akbar ta' żwieġ tat-tfal bikri u furzat, ta' stupru u abbuż sesswali u fiżiku, u ta' prostituzzjoni;

U.  billi s-separazzjoni mill-membri tal-familja, inkluż meta jkunu detenuti, tesponi lin-nisa u t-tfal għal riskji akbar;

V.  billi r-riunifikazzjoni tal-familja, għalkemm huwa dritt bażiku tal-bniedem, hija sistematikament imdewma u saħansitra miksura, u billi n-nisa u t-tfal huma l-ewwel vittmi taċ-ċaħda u d-dewmien ta' dan id-dritt;

W.  billi n-nisa huma ta' sikwit furzati jaċċettaw xogħol mhux dikjarat f'kundizzjonijiet degradanti sabiex ikunu jistgħu joqogħdu fil-pajjiż tal-wasla tagħhom;

X.  billi l-Pjattaforma ta' Azzjoni ta' Beijing enfasizzat il-ħtieġa li tiżdied il-parteċipazzjoni tan-nisa fir-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-livelli ta' teħid ta' deċiżjonijiet u l-ħtieġa li nisa rifuġjati, spustati u migranti jiġu involuti kif jixraq f'deċiżjonijiet li jaffettwawhom;

Y.  billi l-Għan ta' Żvilupp Sostenibbli Nru 5 huwa intiż sabiex tinkiseb l-ugwaljanza bejn il-ġeneri u jitjiebu l-kundizzjonijiet tal-għajxien għan-nisa sal-2030;

1.  Jemmen li, biex tittejjeb is-sigurtà u s-sikurezza tar-rifuġjati nisa u bniet, alternattivi sikuri u legali lejn l-UE għandhom ikunu disponibbli għal dawk li qed jaħarbu l-kunflitt u l-persekuzzjoni, u li għandha titqies l-ugwaljanza bejn il-ġeneri; jenfasizza b'mod partikolari li aktar Stati Membri għandhom jipparteċipaw fi Programmi ta' Risistemazzjoni tal-UE; jemmen li l-leġiżlazzjoni u l-politiki dwar l-immigrazzjoni irregolari m'għandhomx jipprevjenu l-aċċess għall-proċeduri ta' asil tal-UE; jenfasizza li d-dritt għal asil huwa stabbilit fl-Artikolu 18 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jinfetħu immedjatament alternattivi sikuri u legali ta' asil, sabiex jiġu miġġielda n-netwerks ta' kuntrabandu kif ukoll sabiex kulma jmur in-nisa, it-tfal, l-anzjani u l-persuni b'diżabilità jkunu jistgħu ifittxu kenn bla ma jissugraw ħajjithom; huwa mħasseb ħafna dwar l-imwiet, il-pushbacks u l-ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem fil-fruntieri esterni tal-UE; iqis li r-responsabilitajiet u l-ispejjeż u l-benefiċċji jridu jinqasmu mit-28 Stat Membru kollha u mhux biss mill-pajjiżi tal-ewwel wasla; jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' solidarjetà fost l-Istati Membri;

3.  Jenfasizza l-importanza li n-nisa rifuġjati jkunu reġistrati individwalment u jingħatawlhom id-dokumenti li jiggarantixxu s-sikurezza personali tagħhom, il-libertà tal-moviment u l-aċċess għal servizzi essenzjali, kif mitlub mill-UNHCR;

4.  Jenfasizza li l-prinċipju ta' ugwaljanza bejn il-ġeneri għandu jiġi osservat fil-kumitati ta' koordinazzjoni u kull tip ieħor ta' korp li jirrappreżenta r-rifuġjati, kemm f'żoni urbani kif ukoll rurali, u fil-kampijiet tar-rifuġjati, inkluż f'żoni fejn ir-rifuġjati jiġu mibgħuta lura, sabiex jiġi żgurat li d-drittijiet tan-nisa rifuġjati u li jkunu qed ifittxu asil jiġu rispettati u li l-ħtiġijiet tagħhom jiġu ssodisfati;

5.  Itenni t-talba tiegħu lill-Istati Membri kollha u lill-Unjoni Ewropea biex jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa (il-Konvenzjoni ta' Istanbul);

6.  Jitlob lill-Istati Membri biex, f'kollaborazzjoni mal-UE, jiggarantixxu konsulenza għat-trawma u kura psikoloġika speċjalizzati għan-nisa li jkunu esperjenzaw ħsara abbażi tal-ġeneru, bl-involviment dirett ta' nisa kwalifikati li jkunu speċjalisti fil-qasam, u li jkunu disponibbli fl-istadji kollha tal-proċess tal-asil;

7.  Jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar rapporti li nisa u tfal qed jinvolvu rwieħhom f'sess għas-sopravvivenza biex iħallsu l-kuntrabandisti sabiex ikomplu l-vjaġġ tagħhom u jfittxu asil fl-UE; jenfasizza mill-ġdid li alternattivi sikuri u legali lejn l-Ewropa huma essenzjali biex din ir-realtà tiġi evitata b'mod effikaċi;

8.  Iħeġġeġ lill-UE tinkludi perspettiva sensittiva għall-ġeneri fl-istabbiliment ta' mekkaniżmu għall-ilmenti fi ħdan l-uffiċċju tal-uffiċjal tal-Frontex għad-Drittijiet Fundamentali u tindirizza ksur tad-drittijiet tal-bniedem imwettaq mill-Frontex, mill-Istati Membri u minn uffiċjali f'pajjiżi terzi waqt li jikkooperaw mal-Frontex, kif mitlub fir-riżoluzzjoni tal-Parlament tat-2 ta' Diċembru 2015 dwar ir-Rapport Speċjali tal-Ombudsman Ewropew fl-inkjesta fuq inizjattiva proprja OI/5/2012/BEH-MHZ dwar il-Frontex;

9.  Jitlob miżuri mmirati biex jiżguraw l-integrazzjoni sħiħa tan-nisa rifuġjati u li jkunu qed ifittxu asil, billi tiġi evitata kull forma ta' sfruttament, abbuż, vjolenza u traffikar;

10.  Jenfasizza li l-politiki u l-miżuri kollha tal-migrazzjoni u l-asil fl-UE għandhom iqisu l-ġeneru fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tagħhom;

Id-dimensjoni tal-ġeneri fid-determinazzjoni tal-istatus ta' rifuġjat

11.  Jitlob li, bħala parti minn riformi usa' lejn il-politika tal-migrazzjoni u l-asil, tiġi adottata ġabra komprensiva ta' linji gwida dwar il-ġeneru fl-UE kollha, li tqis bis-sħiħ id-dimensjonijiet soċjali, kulturali u politiċi tal-persekuzzjoni u tinkludi miżuri ta' akkoljenza u integrazzjoni;

12.  Jissottolinja li anke f'pajjiżi meqjusa sikuri, in-nisa jistgħu jsofru persekuzzjoni sessista, filwaqt li l-persuni LGBTI jistgħu ukoll jiġu soġġetti għal abbuż, u b'hekk ikollhom talba leġittima għall-protezzjoni; jistieden lill-Istati Membri kollha jadottaw proċeduri tal-asil u jagħmlu ħilithom biex jiżviluppaw programmi ta' taħriġ li jkunu sensittivi għall-ħtiġijiet tan-nisa b'identitajiet emarġinati multipli, inklużi nisa LGBTI; iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiġġieldu l-isterjotipi dwar l-imġiba u l-karatteristiċi ta' nisa LGBTI u biex japplikaw b'mod sħiħ il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE fir-rigward tat-talbiet għal asil tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa ta' faċilitajiet ta' akkoljenza sensittivi għal-LGBTI fl-Istati Membri kollha; jenfasizza li l-vjolenza kontra individwi LGBTI hija komuni fil-faċilitajiet ta' akkoljenza;

13.  Jenfasizza li forom ta' vjolenza bbażati fuq il-ġeneri, inklużi iżda mhux limitati għall-istupru u l-vjolenza sesswali, il-MĠF, iż-żwieġ furzat, il-vjolenza domestika, l-hekk imsejħa reati tal-unur u diskriminazzjoni abbażi tal-ġeneru approvata mill-istat, jikkostitwixxu persekuzzjoni u diskriminazzjoni bejn is-sessi u għandhom ikunu raġunijiet validi għat-tfittxija ta' asil fl-UE u li dan għandu jkun rifless f'linji gwida ġodda dwar il-ġeneri;

14.  Jistieden lill-Kummissjoni tiġbor statistiċi bir-reqqa dwar il-migrazzjoni u l-protezzjoni internazzjonali bl-għan li jiżdiedu aktar kategoriji ta' data disaggregata skont il-ġeneri, b'mod partikolari fir-rigward tal-istadji fil-proċess tal-asil wara li tkun ittieħdet deċiżjoni inizjali;

15.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżviluppa linji gwida interpretattivi dwar il-MĠF li jikkunsidraw b'mod sħiħ il-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-persekuzzjoni sessista u n-Nota ta' Gwida dwar il-MĠF u li jiddeskrivu b'mod ċar l-obbligi tal-Istati Membri, b'enfasi partikolari fuq l-identifikazzjoni u l-komunikazzjoni ma' persuni vulnerabbli li jkunu qed ifittxu asil; jenfasizza li vittmi tal-MĠF jista' jkollhom diffikultà biex jesprimu t-trawma tagħhom mill-MĠF; jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex jiżguraw li l-forom kollha ta' vjolenza kontra n-nisa, inkluża l-MĠF, ikunu jistgħu jiġu rikonoxxuti bħala forma ta' persekuzzjoni u li l-vittmi jkunu jistgħu għalhekk jibbenefikaw mill-protezzjoni offruta mill-Konvenzjoni tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati, f'konformità mal-Artikolu 60 tal-Konvenzjoni ta' Istanbul;

16.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta' asil fil-fruntieri jikkonformaw mal-Linji Gwida tal-UNHCR dwar il-Protezzjoni Internazzjonali, b'mod partikolari f'dak li jirrigwarda l-persekuzzjoni relatata mal-ġeneru;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, fid-dawl tas-sitwazzjoni deskritta, twettaq rieżami tal-finanzjament miżjud u tal-kamp ta' applikazzjoni usa' tal-Programmi Daphne u Odysseus, u tivvaluta jekk dawn il-programmi jistgħux jiġu adattati għas-sitwazzjoni attwali, sabiex jiġu protetti r-rifuġjati nisa;

18.  Jinnota l-proposta tal-Kummissjoni li tiġi stabbilita lista tal-UE komuni ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri; jitlob li jittieħdu l-passi xierqa kollha biex ikun żgurat li dan l-approċċ ikun konsistenti mal-prinċipju tan-non-refoulement u li d-drittijiet tan-nisa, tat-tfal u ta' gruppi vulnerabbli oħra ma jiġux imminati; jitlob li jiġi applikat id-divrenzjar fuq il-bażi tal-ġeneru; jemmen li kwalunkwe lista ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri m'għandhiex tirriżulta fi trattament proċedurali anqas favorevoli għan-nisa li t-talbiet tagħhom għal asil ikunu bbażati fuq biża' jew esperjenza ta' vjolenza bbażata fuq il-ġeneru; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati deċiżjonijiet mgħaġġlin li ma jqisux kif jixraq il-perikli, u anke t-theddida ta' mewt, li qed jiffaċċjaw in-nisa li jkunu sofrew vjolenza sessista jekk l-applikazzjoni tagħhom tiġi miċħuda u jkunu furzati jirritornaw lejn pajjiżhom;

19.  Jitlob approċċi aktar objettivi u sensittivi għall-ġeneri għall-valutazzjoni ta' kredibilità fl-Istati Membri kollha u taħriġ imsaħħaħ fil-valutazzjoni ta' kredibilità li jinkorpora dimensjoni tal-ġeneri għal min jieħu d-deċiżjonijiet; jenfasizza li l-valutazzjonijiet ta' kredibilità qatt ma jistgħu ikunu kompletament preċiżi u m'għandhomx jintużaw bħala l-unika bażi għal deċiżjoni tal-asil negattiva; jirrakkomanda li meta jiġu vvalutati t-talbiet għal asil min-nisa, il-profili kulturali, soċjali u psikoloġiċi inklużi l-isfond kulturali, l-edukazzjoni, it-trawma, il-biża', il-mistħija u/jew l-inugwaljanzi kulturali bejn l-irġiel u n-nisa, għandhom jiġu kkunsidrati;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu raġunijiet għal deċiżjonijiet pożittivi dwar l-asil sabiex issir disponibbli d-data meħtieġa dwar il-kunsiderazzjoni li tingħata lill-vjolenza sessista u tiġi żgurata trasparenza fil-konfront tar-raġunijiet li abbażi tagħhom ikunu ġew approvati l-applikazzjonijiet għal asil skont il-Konvenzjoni;

21.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu lin-nisa informazzjoni dwar il-proċeduri tal-asil, id-drittijiet tagħhom u s-servizzi speċifiċi disponibbli għal nisa li japplikaw għal asil; jissottolinja d-dritt tan-nisa li jippreżentaw talba għal asil indipendenti mill-konjuġi tagħhom bħala element ewlieni għall-emanċipazzjoni tan-nisa u l-prinċipju tan-non-refoulement; iħeġġeġ lill-Istati Membri jinfurmaw lin-nisa kollha bid-dritt tagħhom li jagħmlu talba indipendenti għal asil u b'hekk jippermettu lin-nisa japplikaw għall-istatus ta' rifuġjat jew ta' persuna tfittex l-asil, u li jżommu dan l-istatus, tkun xi tkun is-sitwazzjoni tal-membri l-oħrajn tal-familja tagħhom;

22.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ kemm id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu kif ukoll id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

23.  Huwa tal-fehma li għandha tittieħed azzjoni immedjata f'termini ta' għajnuna umanitarja kull meta tkun issuspettata vjolenza sessista, minħabba espożizzjoni għolja ħafna ta' gruppi vulnerabbli bħan-nisa u t-tfal għal forom ta' vjolenza fiżika u koerċizzjoni morali tul ir-rotot migratorji illegali, fejn it-tipi kollha ta' drittijiet huma miċħuda;

24.  Jenfasizza li n-nisa u l-bniet huma partikolarment vulnerabbli għall-isfruttament mill-kuntrabandisti; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jżidu l-kooperazzjoni ġudizzjarja u tal-pulizija tagħhom, inkluż mal-Europol, il-Frontex, l-Eurojust u l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO) biex jiġġieldu b'mod effettiv kontra l-kuntrabandu u t-traffikar ta' migranti;

25.  Jenfasizza l-importanza kruċjali li jingħataw indukrar tat-tfal u kura ta' persuni dipendenti matul l-iskrinjar u l-intervisti tal-asil, sabiex tiġi żgurata opportunità ġusta li ssir talba għal asil;

Il-ħtiġijiet tan-nisa fi proċeduri ta' asil

26.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri debitament jinfurmaw lin-nisa li jkunu qed ifittxu asil dwar id-drittijiet tagħhom u b'mod partikolari dwar id-dritt li jitolbu intervistatur u interpretu ta' ġeneru femminili u li jkollhom intervista personali separatament minn kwalunkwe parti terza; iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu taħriġ komprensiv u obbligatorju għall-intervistaturi u l-interpreti dwar il-vjolenza sesswali, it-trawma u l-memorja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li dawn id-drittijiet jiġu rispettati;

27.  Jinnota bi tħassib li ħafna assistenti soċjali ta' asil fl-UE mhumiex midħla tal-MĠF; jistieden lill-Istati Membri jaħdmu fuq livell nazzjonali mal-awtoritajiet tal-asil tagħhom biex jistabbilixxu proċeduri aħjar biex jappoġġjaw u jassistu n-nisa u l-bniet li jkunu sofrew jew li qegħdin f'riskju ta' MĠF;

28.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jipprovdu informazzjoni aġġornata u aċċessibbli dwar il-proċess tal-asil, drittijiet u intitolamenti speċifiċi għan-nisa li jfittxu asil;

29.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu aċċess sħiħ għad-drittijiet u għas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż aċċess għal abort sikur u jallokaw riżorsi addizzjonali għall-għoti ta' kura tas-saħħa b'urġenza;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-protezzjoni u l-assistenza tan-nisa matul il-permanenza tagħhom f'kampijiet tar-rifuġjati, fil-kontrolli fuq il-fruntieri u naturalment wara d-dħul tagħhom fl-UE;

31.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) u biex japplikaw l-Artikolu 59 tagħha,li jiddikjara b'mod ċar li l-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jissospendu l-proċedimenti ta' espulsjoni u/jew jagħtu permess ta' residenza awtonomu fl-eventwalità ta' xoljiment taż-żwieġ lil dawk il-migranti nisa li l-istatus ta' residenza tagħhom jiddependi fuq il-konjuġi tagħhom;

32.  Jitlob li n-nisa li jfittxu asil u li jkunu migranti jingħataw status legali indipendenti minn dak tar-raġel tagħhom, sabiex jiġi evitat l-isfruttament, titnaqqas il-vulnerabilità u tinkiseb ugwaljanza akbar;

33.  Jenfasizza li n-nisa u l-bniet li jkunu migranti mingħajr dokumenti għandu jkollhom aċċess sħiħ għad-drittijiet fundamentali bażiċi tagħhom u li alternattivi legali ta' migrazzjoni għandhom jiġu żviluppati;

34.  Jenfasizza l-ħtieġa għal proċeduri ta' riunifikazzjoni tal-familji li jagħtu drittijiet individwali għan-nisa u l-bniet li jkunu qed jingħaqdu mal-familji tagħhom fl-UE, biex b'hekk ma jkollhomx għalfejn jiddependu minn relazzjoni possibbilment abbużiva mal-membru tal-familja ta' ġeneru maskili għal aċċess għas-saħħa, l-edukazzjoni jew ix-xogħol;

35.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala arma tal-gwerra; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-migranti nisa u bniet abbużati fil-kunflitti, billi jiġi żgurat aċċess għall-għajnuna medika u psikoloġika;

36.  Jilqa' l-iżvilupp ta' modulu ġdid ta' taħriġ dwar il-Ġeneru, l-Identità tal-Ġeneru u l-Orjentazzjoni Sesswali mill-EASO; jitlob l-inkorporazzjoni sħiħa tal-integrazzjoni tal-ġeneri u l-ibbaġittjar tal-ġeneri fil-ħidma tal-EASO permezz ta' punti fokali dwar il-ġeneri u kollegament formali mal-Istitut Ewropew għall-Ugwaljanza bejn is-Sessi (EIGE); jitlob informazzjoni dwar il-pajjiż ta' oriġini li tinkludi s-sitwazzjoni tan-nisa, kemm legalment kif ukoll de facto, inkluża l-informazzjoni dwar il-persekuzzjoni tan-nisa, jew it-theddida tagħha, minn partijiet mhux statali;

37.  Jirrakkomanda li l-uffiċjali jadottaw attitudni proattiva b'mod partikolari lejn nisa mill-Afganistan, mill-Iraq u mis-Somalja għall-valutazzjoni tat-talbiet tagħhom għal asil, peress li għandhom riskju akbar li jispiċċaw vittmi ta' vjolenza sesswali jew vjolenza abbażi tal-ġeneru meta jirritornaw lejn il-pajjiż ta' oriġini tagħhom;

38.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jagħmlu użu sħiħ mir-Regolament ta' Dublin biex jiżguraw li l-familji jkunu jistgħu ikunu flimkien u li t-talbiet tagħhom għal asil jiġu pproċessati mill-istess awtoritajiet;

Akkoljenza u detenzjoni

39.  Jitlob għat-tmiem tad-detenzjoni kollha tat-tfal fl-UE, u jitlob li l-ġenituri jkunu jistgħu jgħixu ma' wliedhom f'faċilitajiet xierqa mfassla apposta waqt li jistennew id-deċiżjoni tagħhom rigward asil;

40.  Jissottolinja li d-detenzjoni ta' persuni li jfittxu asil għandha tiġi evitata, u tkun tista' tiġi applikata biss meta l-għan tagħha jkun leġittimu u jkun ġie determinat li hi kemm meħtieġa kif ukoll proporzjonata f'kull każ individwali, u qatt ma tista' tkun ġustifikata fil-każ ta' kwalunkwe persuna taħt l-età ta' 18-il sena; iqis li r-rispett tad-dritt li jintalab asil jimplika l-istabbiliment ta' arranġamenti ta' akkoljenza miftuħa u umani għal dawk li jfittxu asil, inkluż trattament sikur, dinjituż u kompatibbli mad-drittijiet tal-bniedem; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati alternattivi għad-detenzjoni inklużi approċċi ffukati fuq l-involviment li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' gruppi vulnerabbli;

41.  Jenfasizza li ħafna nisa li qed ifittxu asil u rifuġjati esperjenzaw vjolenza estrema u li d-detenzjoni tista' tkompli tiggrava t-trawma tagħhom; jenfasizza li d-detenzjoni ta' dawk li jfittxu asil għas-sempliċi konvenjenza amministrattiva tikser id-dritt għal-libertà kif stabbilit fl-Artikolu 6 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jitlob tmiem immedjat, fl-Istati Membri kollha, tad-detenzjoni tat-tfal, tan-nisa tqal u li qed ireddgħu u ta' vittmi ta' stupru, vjolenza sesswali u traffikar, u li jsir disponibbli appoġġ psikoloġiku xieraq;

42.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jnaqqsu l-limiti massimi tad-dewmien ta' detenzjoni qabel ir-ritorn sa taħt il-limitu stipulat fid-Direttiva dwar ir-Ritorn; jikkunsidra li d-detenzjoni fit-tul tagħmel ħsara lill-gruppi vulnerabbli b'mod sproporzjonat;

43.  Iħeġġeġ biex in-nisa li jkunu qed ifittxu asil u jkunu f'detenzjoni li jkunu ġew soġġetti għal abbuż sesswali jingħataw pariri mediċi u konsulenza, inkluż f'każijiet li jirriżultaw fi tqala, u jingħataw il-kura tas-saħħa u mentali, l-appoġġ u l-għajnuna legali meħtieġa; Jitlob lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri immedjati biex jiżguraw li l-kundizzjonijiet ta' akkoljenza, transitu u detenzjoni jkunu sikuri, umani u adegwati, b'faċilitajiet ta' akkomodazzjoni u faċilitajiet sanitarji separati għan-nisa u l-familji; jirrimarka li l-forniment ta' kits bażiċi xierqa għall-iġjene għan-nisa u t-tfajliet kollha għandu jkun prattika standard fil-programmi ta' assistenza;

44.  Jirrimarka li l-involviment tan-nisa rifuġjati direttament jew indirettament fil-ġestjoni tad-distribuzzjoni ta' oġġetti tal-ikel u mhux jiżgura li l-prodotti inkwistjoni jiġu distribwiti u kkontrollati direttament min-nisa adulti membri ta' unitajiet domestiċi, u b'hekk ikun garantit li dawn jitqassmu b'mod ġust;

45.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jgħammru ċ-ċentri ta' akkoljenza għar-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil b'żoni adatti għall-appoġġ u l-indukrar tat-tfal tagħhom;

46.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw jew isaħħu mekkaniżmi għall-monitoraġġ taċ-ċentri ta' akkoljenza ffullati fl-UE, fejn l-istandards minimi biex tittaffa l-vjolenza sessista mhux neċessarjament japplikaw, sabiex jiġi evitat li l-fastidju tan-nisa u t-tfal jitkompla wkoll fil-pajjiż tal-wasla;

47.  Jenfasizza li l-ħtiġijiet ta' persuni vulnerabbli bħal nisa vittmi tal-vjolenza u bniet, b'mod partikolari bniet mhux akkumpanjati, għandhom jingħataw prijorità fil-proċeduri ta' akkoljenza;

48.  Jenfasizza l-importanza li l-faċilitajiet ta' akkoljenza jiġu mgħammra b'assistenza legali adegwata għan-nisa sabiex jingħataw appoġġ siewi f'termini ta' informazzjoni u t-tiftix għal membri tal-familja;

49.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jieħdu miżuri għall-prevenzjoni tal-impożizzjoni ta' żwiġijiet furzati fuq in-nisa u l-bniet ladarba jkunu kisbu l-istatus ta' rifuġjati, minn irġiel li jkunu qed jittamaw li jiggarantixxu aċċess sikur għalihom infushom u li mingħajr iż-żwieġ ma jkunux intitolati għal tali aċċess;

50.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal investigazzjonijiet indipendenti dwar l-allegazzjonijiet kollha, inkluż l-abbuż sesswali u l-vjolenza sessista f'postijiet ta' detenzjoni tal-immigranti jew fuq il-fruntieri, u biex jingħata aċċess lill-ġurnalisti u lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili xierqa;

51.  Iqis li, meta n-nisa li jfittxu asil jinżammu detenuti, ikunu jinħtieġu faċilitajiet u materjali biex jintlaħqu l-ħtiġijiet ta' iġjene speċifiċi tan-nisa, l-użu ta' gwardji u gwardjani nisa għandu jiġi promoss u l-persunal kollu assenjat biex jaħdem mad-detenuti nisa għandu jirċievi taħriġ dwar il-ħtiġijiet u d-drittijiet tal-bniedem speċifiċi għall-ġeneru tan-nisa;

52.  Huwa tal-fehma li n-nisa li jkunu qed ifittxu asil u jkunu f'detenzjoni għandhom jingħataw protezzjoni, appoġġ u konsulenza immedjati, u t-talbiet tagħhom iridu jiġu investigati minn awtoritajiet kompetenti u indipendenti, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' kunfidenzjalità, inkluż fejn in-nisa jkunu qed jinżammu flimkien ma' żwieġhom/seħibhom/qraba oħra tagħhom; iqis li l-miżuri ta' protezzjoni għandhom iqisu speċifikament ir-riskji ta' ritaljazzjoni;

53.  Jistieden lill-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali biex jaħdmu flimkien mas-soċjetà ċivili u mal-organizzazzjonijiet tad-drittijiet tal-bniedem sabiex itaffu l-kundizzjoni ħażina tar-rifuġjati li jgħixu f'kundizzjonijiet improvizzati, b'mod partikolari fir-rigward ta' nisa u bniet vulnerabbli;

Inklużjoni soċjali u integrazzjoni

54.  Jistieden lill-Istati Membri jiżviluppaw u jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni fis-suq tax-xogħol tan-nisa rifuġjati u li qed ifittxu asil, inklużi l-korsijiet tal-lingwa, it-tagħlim tul il-ħajja u t-taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jiżguraw id-dritt tal-aċċess għall-edukazzjoni lir-rifuġjati bniet; jenfasizza l-importanza ta' edukazzjoni informali u mhux formali u ta' skambju kulturali fl-inklużjoni u l-emanċipazzjoni tat-tfajliet u l-bniet; jenfasizza l-importanza tat-twessigħ tal-aċċess għall-edukazzjoni għolja għar-rifuġjati nisa; jitlob proċeduri robusti u trasparenti fil-proċeduri għar-rikonoxximent ta' kwalifiki miksuba minn barra;

55.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu disponibbli finanzjament u riżorsi oħra għall-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u tad-drittijiet tal-bniedem li jagħtu l-assistenza, jippromwovu l-inklużjoni, u jimmonitorjaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati u ta' dawk li jfittxu asil fl-UE, b'mod partikolari fir-rigward tal-indirizzar tal-ostakli u l-vulnerabilitajiet li jġarrbu n-nisa u l-bniet;

56.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jagħtu lill-mexxejja nisa li ġew persegwitati fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom u li issa huma rifuġjati, garanziji li jistgħu jwettqu l-attivitajiet politiċi u soċjali tagħhom favur id-drittijiet tan-nisa u l-ugwaljanza bejn is-sessi b'mod sikur fl-UE;

57.  Jenfasizza l-importanza kritika tal-aċċessibilità, tal-indukrar tat-tfal ta' kwalità għolja u ta' kura għal dipendenti oħra biex jippermettu l-emanċipazzjoni ekonomika u soċjali tar-rifuġjati nisa;

58.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu mill-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej kif ukoll mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni biex jippromwovu l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol, b'enfasi partikolari fuq l-indukrar tat-tfal;

59.  Jitlob proċeduri aktar rapidi u effiċjenti għar-riunifikazzjoni tal-familja u l-ġbir ta' data disaggregata skont il-ġeneru dwar deċiżjonijiet relatati mar-riunifikazzjoni tal-familja; jenfasizza l-importanza tal-aċċess għall-għajnuna legali f'każijiet ta' riunifikazzjoni tal-familja;

60.  Jemmen li r-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet pożittivi ta' asil jippermetti opportunitajiet aħjar għal impjiegi, integrazzjoni u riunifikazzjoni tal-familja;

61.  Jenfasizza li l-pajjiżi ospitanti għandhom jiggarantixxu d-dritt għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità mingħajr ħlas, għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, speċjalment is-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, għal impjieg li jaqbel mal-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tar-rifuġjati nisa, u għal akkomodazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet tar-rifuġjati nisa u bniet; jenfasizza li l-politiki soċjali huma essenzjali għall-integrazzjoni;

62.  Jitlob programmi komprensivi u li jkollhom riżorsi adegwati biex jindirizzaw il-ħtiġijiet tas-saħħa mhux sodisfati fuq perjodu qasir u twil ta' rifuġjati nisa, inkluża konsulenza psikosoċjali u għat-trawma;

63.  Jenfasizza r-rwol pożittiv importanti li intrapriżi soċjali u mudelli kummerċjali alternattivi, bħal soċjetajiet mutwi u kooperattivi, jista' jkollhom sabiex ir-rifuġjati nisa jiġu emanċipati ekonomikament u integrati fis-swieq tax-xogħol, kif ukoll fl-oqsma soċjali u kulturali;

64.  Jinkoraġġixxi l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki fost l-Istati Membri dwar l-involviment ta' organizzazzjonijiet lokali bbażati fil-komunità u l-parteċipazzjoni diretta tar-rifuġjati fir-rappreżentazzjoni tal-opinjonijiet tan-nisa rifuġjati u li qed ifittxu asil ma' min ifassal il-politika;

65.  Huwa tal-fehma li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jaqdu rwol vitali fl-inklużjoni tan-nisa rifuġjati u li qed ifittxu asil, speċjalment rigward l-inklużjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lil dawk l-awtoritajiet sabiex irawwmu d-djalogu u d-dibattitu bejn nisa rifuġjati u nisa lokali;

°

°  °

66.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-UNHCR.

NOTA SPJEGATTIVA

Fl-2014, nofs il-popolazzjoni tar-refuġjati madwar id-dinja kienu nisa u bniet.(2) Storikament, il-konvenzjonijiet internazzjonali u l-politiki nazzjonali dwar l-ażil kellhom it-tendenza li jinjoraw il-pożizzjoni speċifika tan-nisa li qed ifittxu ażil u n-natura bbażata fuq is-sessi ta' sitwazzjonijiet tar-refuġjati. Il-biċċa l-kbira tas-sistemi ta' ażil ġew meqjusa mil-lenti ta' esperjenzi maskili. Minkejja l-ħolqien tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Ażil (SEKA), il-liġi, il-politika u l-prattika fl-Istati Membri jkomplu jvarjaw b'mod sinifikanti u hemm differenza notevoli fil-protezzjoni li tingħata lin-nisa li qed ifittxu ażil fl-UE.

Huwa diffiċli li jiġu ġenerati statistiċi preċiżi dwar id-diversità demografika ta' refuġjati li qed jippruvaw jidħlu fl-Ewropa. Madankollu, ir-riċerka kontemporanja kollha tissuġġerixxi li fl-UE jidħlu aktar irġiel waħedhom biex ifittxu protezzjoni internazzjonali milli nisa u tfal. Dan huwa l-aktar minħabba riżultat tal-ostakli bbażati fuq is-sessi fil-konfront tal-aċċess tal-protezzjoni li n-nisa jiffaċċjaw matul il-vjaġġi tagħhom. Diviżjonijiet tax-xogħol inugwali u tradizzjonali jfissru li n-nisa, ħafna drabi, jitħallew fil-pajjiż ta' oriġini biex jieħdu ħsieb it-tfal u l-membri anzjani tal-familja. Ħafna huma nieqsa mill-indipendenza - kemm finanzjarja kif ukoll amministrattiva - biex l-ewwel u qabel kollox jitilqu l-pajjiż ta' oriġini tagħhom.

L-għadd dejjem jikber ta' nisa li jaħarbu huwa vulnerabbli fl-istadji kollha tal-vjaġġi tagħhom; fil-pajjiżi ta' oriġini, ta' tranżitu u tad-destinazzjoni. Minbarra li hija xprun ewlieni fid-deċiżjonijiet tan-nisa li jaħarbu, il-vjolenza sessista hija fattur komuni fil-vjaġġi lejn u fl-UE.

Id-dimensjoni tal-ġeneri li tiddetermina l-istatus ta' refuġjat

Ġie argumentat li l-Parlament Ewropew kien l-ewwel korp internazzjonali li rrikonoxxa l-bżonn għal interpretazzjoni sensittiva għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi tal-Konvenzjoni tar-Refuġjati f'riżoluzzjoni tat-13 ta' April 1984(3) li wara ġiet riflessa fil-konklużjonijiet u l-linji gwida sussegwenti tal-UNHCR. Ħafna Stati Membri tal-UE adottaw il-linji gwida tagħhom dwar il-ġeneru iżda dawn mhumiex vinkolanti u l-effettività tagħhom kienet parzjali jew irregolari.

Huwa ġeneralment rikonoxxut li l-ħsara li ssir fil-konfront tan-nisa li qed ifittxu ażil hija ħafna drabi mwettqa minn partijiet mhux statali, inklużi membri tal-familja. Il-persekuzzjoni ssir meta l-istat ma jkunx jista' jew ma jkunx irid jipprovdi protezzjoni lin-nisa f'dawn il-każijiet. Bħala riżultat, il-persekuzzjoni għandha tiġi kkunsidrata kemm f'dimensjoni vertikali kif ukoll orizzontali, b'mod partikolari fil-kuntest ta' talbiet sessisti.

Ħafna Stati Membri għadhom ma ffirmawx u ma rratifikawx il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra l-vjolenza fuq in-nisa u l-vjolenza domestika ("il-Konvenzjoni ta' Istanbul"). Il-Konvenzjoni teħtieġ li l-Istati Partijiet jinterpretaw ir-raġunijiet tal-Konvenzjoni tar-Refuġjati b'mod sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi u jipprovdu kundizzjonijiet ta' akkoljenza sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, servizzi ta' appoġġ u proċeduri ta' ażil.

Il-kwalità u l-mod ta' teħid ta' deċiżjonijiet fil-proċessi ta' ażil jaffettwaw lin-nisa u lill-irġiel b'modi differenti. In-nisa huma inqas probabbli li jkollhom evidenza biex jikkorroboraw talba. Dan minħabba fatturi varji inklużi l-istatus ekonomiku, soċjali u politiku tagħhom fil-pajjiż ta' oriġini tagħhom u n-natura tal-persekuzzjoni li esperjenzaw jew il-biża'. Għaldaqstant, ix-xhieda orali għandu jkollha rwol aktar sinifikanti fl-applikazzjonijiet għall-ażil tan-nisa, b'mod partikolari fil-valutazzjonijiet ta' kredibilità.

Fejn in-nisa jkunu esperjenzaw xi trawma, huma jistgħu isibuha bi tqila jew idumu biex jiżvelaw informazzjoni rilevanti. Xi NGOs irrappurtaw kultura ta' nuqqas ta' twemmin fejn dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet jonqsu milli jqisu l-kumplessità tat-tifkiriet ta' passat ta' dannu u passat trawmatiku u jpoġġu piż tqil wisq fuq l-applikanti għall-ażil li għandhom evidenza dokumentarja limitata.

Ir-Regolament propost li jistabbilixxi lista komuni ta' pajjiżi ta' oriġini siguri tal-UE(4) jqajjem mistoqsijiet importanti dwar is-sitwazzjoni ta' nisa li japplikaw għall-ażil fl-UE. Jekk jiġi adottat, il-Kummissjoni għandha tiżgura li dan it-tibdil iqis bis-sħiħ is-sitwazzjoni tan-nisa, tal-persuni LGBTI u gruppi vulnerabbli oħra billi tipprovdi derogi speċifiċi fejn jixraq. L-ebda pajjiż ma jista' jitqies verament "sikur" għan-nisa u l-bniet jekk il-vjolenza sessista hija problema globali u endemika. Dan għandu jiġi rikonoxxut b'mod espliċitu fi kwalunkwe regola ġdida u għandu jiġi applikat id-divrenzjar fuq il-bażi tal-ġeneru.

Għandu jiġi adottat sett ġdid u komprensiv ta' linji gwida dwar il-ġeneru għall-UE bħala parti minn riformi usa' għall-politika dwar il-migrazzjoni u l-ażil.

Il-bżonnijiet tan-nisa fi proċeduri ta' ażil

Nisa li qed ifittxu ażil għandu jkollhom aċċess għal pariri legali ta' kwalità għolja mal-ewwel opportunità possibbli. It-trawma psikoloġika, il-mistħija u l-istigmatizzazzjoni li jesperjenzaw ħafna nisa bħala riżultat ta' vjolenza tista' tagħmilha diffiċli biex ir-rappreżentanti legali jakkwistaw il-fiduċja tagħhom. Huwa importanti ħafna li n-nisa jkollhom il-fiduċja biex ikunu jistgħu jiżvelaw dettalji intimi tal-esperjenzi trawmatiċi.

Talbiet għall-ażil relatati mal-ġeneru huma ħafna drabi kumplessi u bħala riżultat jistgħu jeħtieġu xogħol legali addizzjonali. Fis-snin reċenti, f'ħafna Stati Membri, l-ispiża għall-għajnuna legali ġiet imnaqqsa b'mod sinifikanti bħala parti minn programmi ta' awsterità. In-nuqqas ta' fondi jista' jiskoraġġixxi lir-rappreżentanti legali milli jressqu każijiet kumplessi relatati mal-ġeneru għall-appell u, bħala riżultat, ħafna nisa li qed ifittxu ażil m'għandhom l-ebda għażla ħlief li jissottomettu l-appelli mingħajr kwalunkwe rappreżentazzjoni legali.

Deċiżjonijiet żbaljati jistgħu jwasslu għal traġedja irriversibbli. Għaldaqstant, l-għajnuna legali hija salvagwardja importanti kontra deċiżjonijiet żbaljati. L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali enfasizzat ukoll l-ostakli li jħabbtu wiċċhom magħhom l-applikanti għall-ażil meta jaċċessaw rimedji effettivi.(5) In-nuqqas ta' assistenza legali tfisser ukoll li, ħafna drabi, refuġjati rikonoxxuti ma jkunux jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jerġgħu jingħaqdu mal-familja tagħhom.

In-nisa għandhom bżonnijiet speċifiċi fil-proċessi ta' skrinjar u fil-proċessi ta' intervisti u l-istandards għadhom ivarjaw b'mod sinifikanti fl-Istati Membri. Sabiex dan jiġi indirizzat, bħala minimu, l-Istati Membri għandhom:

•  jiggarantixxu u jirreklamaw id-dritt li jitolbu intervistatur mara u interpretu mara.

•  iwettqu taħriġ komprensiv u obbligatorju għall-intervistaturi u l-interpreti dwar il-vjolenza sesswali, it-trawma u l-memorja.

•  jipprovdu konsulenza dwar it-trawma għan-nisa li esperjenzaw ħsara bbażata fuq il-ġeneru

•  jipprovdu informazzjoni dwar il-proċess għall-ażil, id-drittijiet u l-intitolamenti speċifiċi għan-nisa li qed ifittxu ażil.

•  jipprovdu indokrar tat-tfal matul l-iskrinjar u l-intervisti għall-ażil

•  jinfurmaw lin-nisa dwar id-drittijiet tagħhom li japplikaw b'mod indipendenti għall-ażil

Hemm il-bżonn għal taħriġ aktar koordinat għall-professjonisti kollha li jistgħu jiġu f'kuntatt ma' dawk affettwati mill-Mutilazzjoni Ġenitali Femminili (MĠF) li jinkludi taħriġ dwar inizjattivi eżistenti bħall-pjattaforma web tal-għarfien dwar taħriġ komprensiv għal professjonisti.(6)

Traffikar, dħul klandestin u vjolenza sesswali

Iċ-ċaqliq sfurzat iwassal għal ħafna forom ta' sfruttament u persekuzzjoni konkomitanti bbażati fuq is-sessi , inkluż it-traffikar għal sfruttament sesswali jew sfruttament ta' ħaddiema. Nisa u bniet li qed jaħarbu kunflitti jiffaċċjaw riskju għoli ta' żwieġ tat-tfal, żwieġ prekoċi u żwieġ furzat. L-evidenza tissuġġerixxi wkoll li, f'ċertu reġjuni, is-sess għas-sopravvivenza sar munita li biha jitħallsu traffikanti bla skrupli.

Il-vjolenza sesswali ħafna drabi tintuża bħala strateġija li ċċaħħad lin-nisa u lill-bniet mid-drittijiet bażiċi tal-bniedem u dan jista' jirriżulta fi tqala furzata, mhux mixtieqa u tqala tat-tfal. Aktar minn terz tal-imwiet relatati mal-maternità madwar id-dinja jseħħu f'postijiet fi kriżi, bħal kampijiet ta' refuġjati. Dan iseħħ primarjament minħabba n-nuqqas ta' aċċess għal kura bażika ostetrika ta' emerġenza u persunal tas-saħħa mħarreġ. L-inadegwatezza jew in-nuqqas ta' għoti ta' kura tas-saħħa sesswali u riproduttiva tpoġġi miljuni ta' nisa u tfal f'riskju żejjed ta' mard u mwiet.

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri għandhom jiggarantixxu aċċess sħiħ għad-drittijiet u għas-saħħa sesswali u riproduttiva, inkluż aċċess għal abort sikur. Għandhom jiġu allokati riżorsi addizzjonali b'urġenza.

Il-problemi ta' traffikar u dħul klandestin ta' persuni huma ħafna drabi relatati u interkonnessi. Madankollu, iż-żewġ kategoriji huma distinti u jwasslu għal obbligi legali differenti. It-traffikar dejjem jinvolvi koerċizzjoni u sfruttament u jista' ma jinvolvix qsim mhux awtorizzat tal-fruntieri. Biex ikun żgurat rispons xieraq u mmirat tal-politika u tal-liġi kriminali, iż-żewġ fenomeni għandhom jiġu kkunsidrati b'mod separat.

L-użu miżjud ta' traffikanti u rotot ta' migrazzjoni mhux siguri jikkawżaw problemi speċifiċi għan-nisa. Meta n-nisa u l-familji tagħhom ma jkollhomx għażla ħlief li jieħdu r-rotot l-aktar perikolużi, jiżdied l-esponiment tagħhom għall-vjolenza u d-dipendenza fuq it-traffikanti kriminali. Fl-aħħar mill-aħħar, sabiex titjieb is-sigurtà u s-sikurezza tan-nisa refuġjati, għandhom isiru disponibbli rotot sikuri u legali lejn l-UE għal dawk li qed jaħarbu kunflitti u persekuzzjoni.

Is-sigurtà u r-rispett lejn id-drittijiet tan-nisa m'għandhomx ikunu għanijiet ta' politika konfliġġenti.

Akkoljenza u detenzjoni

In-nisa għandhom bżonnijiet speċifiċi ta' akkoljenza kif rikonoxxut fl-Artikolu 60 (3) tal-Konvenzjoni ta' Istanbul li jeħtieġ li l-partijiet:

jieħdu l-miżuri leġiżlattivi neċessarji u miżuri oħra li jiżviluppaw proċeduri ta' akkoljenza u servizzi ta' appoġġ sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi għall-applikanti għall-ażil (...)

Madankollu, taħt id-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza, in-nisa mhumiex sistematikament kunsidrati bħala kategorija ta' "persuni vulnerabbli" jew intitolati għal akkomodazzjoni mfassla apposta.

Il-pressjoni fuq is-sistemi ta' akkoljenza għall-ażil m'għandha qatt tiskuża n-nuqqas ta' protezzjoni tan-nisa mill-vjolenza u dawk in-nisa li qed ifittxu ażil m'għandhomx jesperjenzaw standards doppji; għandu jkollhom l-istess drittijiet daqs vittmi oħra ta' vjolenza sessista. Id-Direttiva dwar il-Vittmi tistipula wkoll li d-drittijiet li fiha m'għandhomx jiddependu fuq l-istatus ta' residenza tal-vittma jew iċ-ċittadinanza jew in-nazzjonalità tal-vittma.

Numru ta' kwistjonijiet oħra relatati mal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza għandhom jiġu indirizzati:

•  taħriġ marbut mal-ġeneru għall-persunal inkluż taħriġ komprensiv dwar il-vjolenza sesswali, it-traffikar u l-MĠF.

•  faċilitajiet ta' irqad u sanitarji separati għan-nisa u għall-irġiel

•  aċċess għal servizzi tas-saħħa sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi inkluża l-kura ta' qabel u wara t-twelid

•  aċċess għal konsulenza

•  indokrar tat-tfal

Id-detenzjoni għandha tintuża biss bħala l-aħħar għażla u persuni vulnerabbli m'għandhomx jiġu detenuti. Il-bżonnijiet ta' nisa tqal, nisa bi tfal żgħar u vittmi ta' vjolenza sesswali jistgħu jiġu akkomodati b'mod aktar xieraq permezz ta' alternattivi għad-detenzjoni bħall-ċediment ta' dokumenti ta' vjaġġar jew obbligi ta' rappurtar.

Inklużjoni soċjali u integrazzjoni

Ir-refuġjati nisa jiffaċċjaw numru ta' sfidi ta' integrazzjoni speċifiċi u jesperjenzaw diskriminazzjoni multipla u intersezzjonali abbażi ta' karatteristiċi li jinkludu s-sess u l-minoritajiet etniċi. Dan ipoġġihom f'riskju saħansitra ogħla ta' esklużjoni soċjali, vjolenza u faqar.

Fl-Ewropa llum, applikanti għall-ażil qed jgħixu fuq dħul li jaqa' sew taħt is-soll tal-faqar u wħud minnhom huma sfurzati li jiddependu fuq il-karità sabiex jilħqu l-bżonnijiet bażiċi tal-bniedem. Huwa ta' tħassib kbir li n-nisa tqal u l-ommijiet ġodda mhux qed jirċievu assistenza finanzjarja xierqa. Anke wara li jiġu mogħtija l-istatus ta' refuġjat, in-nisa jiltaqgħu ma' ostakli sinifikanti ħafna għall-impjieg u l-assistenza soċjali, inkluż nuqqas ta' aċċess għall-għoti ta' indokrar tat-tfal.

L-Istati Membri għandhom jagħmlu użu akbar mill-fondi ta' koeżjoni flimkien mal-Fond għall-Ażil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni biex jippromwovu l-integrazzjoni fis-swieq tax-xogħol. Il-kura tat-tfal hija kritika biex jippermettu l-parteċipazzjoni tar-refuġjati nisa fis-soċjetà u għandha tkun prijorità.

Iż-żieda tal-populiżmu u l-estremiżmu tal-lemin estrem fl-Ewropa tpoġġi r-refuġjati u l-applikanti għall-ażil nisa f'riskju ulterjuri ta' abbuż razzist, diskriminazzjoni u vjolenza. L-Istati Membri għandhom obbligu li jippromwovu ambjent sikur u li jilqa' għal dawk li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali u li jiġġieldu l-forom kollha ta' diskriminazzjoni. Dawk li jfasslu l-politika fil-livelli kollha għandhom jitkellmu dwar il-kontribuzzjonijiet pożittivi ekonomiċi, soċjali u kulturali li r-refuġjati jistgħu jagħtu.

Konklużjoni

L-atti ewlenin li jagħmlu s-SEKA, s'issa, għadhom ma tawx garanzija konsistenti u trattament sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi għan-nisa li qed ifittxu protezzjoni fl-Ewropa. Minkejja l-eżistenza ta' leġiżlazzjoni u politika mfasslin biex joperaw b'mod sensittiv għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, xorta baqa' ħafna nuqqasijiet sinifikanti. Anke fejn il-politiki huma sensittivi għall-kwistjonijiet relatati mas-sessi, dan ma jfissirx li fil-prattika jiġu implimentati b'mod effettiv.

Il-politika dwar l-ażil tal-Unjoni Ewropea għandha tkun sensittiva għall-esperjenzi tan-nisa f'kull stadju. Sabiex dawk li jfasslu l-liġijiet jifhmu bis-sħiħ kif ir-relazzjonijiet tas-setgħa bbażati fuq is-sessi jirriżultaw f'ċaqliq sfurzat u jagħtu lok għal esperjenzi u bżonnijiet ibbażati fuq sess speċifiku, in-nisa li qed ifittxu ażil u r-refuġjati għandhom jingħataw vuċi akbar.

Il-kobor tal-kriżijiet umanitarji li bħalissa qed tiffaċċja l-Ewropa huwa kawża għal tħassib kbir. F'dawn iż-żminijiet ta' kriżi, ir-relazzjonijiet inugwali bbażati fuq is-sessi jiġu amplifikati. Iżda dan iż-żmien ta' inċertezza u taqlib jippreżenta wkoll l-opportunità li l-aħjar prattika tiġi armonizzata fit-trattament tan-nisa li qed ifittxu ażil u r-refuġjati fl-Ewropa.

OPINJONI TAL-MINORANZA

dwar is-sitwazzjoni tan-nisa rifuġjati u li jfittxu l-asil fl-UE (2015/2325(INI))

Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi, Rapporteur: Mary Honeyball

Opinjoni tal-minoranza mressqa mill-MPE tal-Grupp ECR Beatrix von Storch

Angela Merkel (CDU/PPE) qed tirrovina l-UE bħal ħadd qabilha mill-1945 'l hawn. Bid-deċiżjoni solitarja tagħha bħala Kanċilliera kisret id-dritt kostituzzjonali u Ewropew u pprovokat il-kriżi tar-rifuġjati.

Ix-xewqat tagħha jinterferixxu fil-kompetenzi speċjalizzati tal-Kumitat għall-Affarijiet Interni, li jfisser piżijiet addizzjonali kunsiderevoli għall-voluntiera, l-awtoritajiet distrettwali u reġjonali, u kisru l-prinċipju tal-ugwaljanza quddiem il-liġi. Għall-bniet żgħar qed jintalbu proċeduri speċjali ta' akkoljenza iżda dawn ma japplikawx għas-subien minorenni. Ir-rifuġjati b'orjentament omosesswali għandhom jingħataw postijiet ta' akkoljenza apposta (kif għandhom jiġu mgħammra dawn, jekk jogħġbok?). Madankollu, qed tiġi miċħuda l-protezzjoni indispensabbli għall-Insara ppersegwitati, li bil-provi huma esposti għal attakki minn Musulmani fid-djar li jilqgħu lill-persuni li jitolbu asil. It-talba għal interventi ta' abort tikxef l-ipokriżija: Ovvjament, il-maġġoranza liberali tax-xellug ma tittollerax it-trabi tar-rifuġjati li għadhom ma twildux.

Mhi qed issir l-ebda distinzjoni bejn rifuġjati tal-gwerra u rifuġjati ekonomiċi. L-Istati Membri ma għandhomx id-dritt li jikkontrollaw il-fruntieri nazzjonali tagħhom stess. Dan kollu ma nistax approvah.

L-infrastruttura waslet sal-limiti tagħha fl-Istati Membri kollha. Saħansitra qed jitħejjew liġijiet biex tiġi esproprjata proprjetà privata biex tiġi ttrasformata fi djar ta' kenn għar-rifuġjati. Il-PE jista' jagħti l-għajnuna prattika tiegħu billi temporanjament joffri bħala akkomodazzjoni l-bini fi Strasburgu li mhux qed jintuża: 750 kamra singola b'sodda, doċċa u kamra tal-banju, canteens lesti biex jintużaw u swali tal-laqgħat għall-programmi edukattivi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

28.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

10

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Catherine Bearder, Malin Björk, Anna Maria Corazza Bildt, Iratxe García Pérez, Mary Honeyball, Vicky Maeijer, Angelika Mlinar, Angelika Niebler, Maria Noichl, Marijana Petir, Terry Reintke, Jordi Sebastià, Ernest Urtasun, Beatrix von Storch, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Stefan Eck, Eleonora Forenza, Ildikó Gáll-Pelcz, Constance Le Grip, Clare Moody, Julie Ward

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Pedro Silva Pereira, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Kristina Winberg

(1)

Testi adottati, P8_TA(2015)0422.

(2)

"Id-Dinja fi gwerra. Xejriet Globali UNHCR Ċaqliq sfurzat fl-2014", http://unhcr.org/556725e69.html

(3)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-13 ta' April 1984 dwar l-applikazzjoni tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra fir-rigward tal-istatus tar-refuġjati, ĠU C 127, 14.5.1984, p.137.

(4)

COM(2015) 452 finali, 9 ta' Settembru 2015.

(5)

L-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali, "Aċċess għal rimedji effettivi: Il-perspettiva tal-applikant għall-ażil" Rapport tematiku, 2011.

(6)

www.uefgm.org

Avviż legali - Politika tal-privatezza