RAPPORT dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016

22.2.2016 - (2015/2330(INI))

Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali
Rapporteur għal opinjoni: Sofia Ribeiro


Proċedura : 2015/2330(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0031/2016
Testi mressqa :
A8-0031/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016  

(2015/2330(INI))

Il-Parlament Ewropew,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 5 TUE u l-Artikolu 9 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

  wara li kkunsidra l-Artikoli 145, 148, 152 u 153(5) TFUE,

-  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 TFUE,

  wara li kkunsidra l-Artikolu 349 TFUE, li jiddefinixxi status speċifiku għar-reġjuni ultraperiferiċi,

  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 1999/70/KE tat-28 ta' Ġunju 1999 dwar il-ftehim qafas dwar xogħol għal żmien fiss konkluż mill-ETUC, mill-UNICE u mis-CEEP,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari t-Titolu IV (Solidarjetà) tagħha,

  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltà,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Stħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 - Tisħiħ tal-irkupru u trawwim tal-konverġenza" (COM(2015)0690),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija 2016" (COM(2015)0691),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal rakkomandazzjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2015 dwar il-politika ekonomika taż-żona tal-euro (COM(2015)0692),

–  wara li kkunsidra l-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi mill-Kummissjoni u l-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2015 li jakkumpanja l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni fuq l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2016 (COM(2015)0700),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-21 ta' Ottubru 2015 dwar passi lejn l-ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja (COM(2015)0600),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal deċiżjoni tal-Kunsill tat-2 ta' Marzu 2015 dwar il-linji gwida tal-politiki tal-Istati Membri għall-impjiegi (COM(2015)0098), u r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament tat-8 ta' Lulju 2015 dwarha[1],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Jannar 2015 bit-titolu "L-aħjar użu tal-flessibbiltà fir-regoli eżistenti tal-Patt tal-Istabbiltà u Tkabbir" (COM(2015)0012),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa" (COM(2014)0903),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-4 ta' April 2014 dwar Sistemi tas-Saħħa Effettivi, Aċċessibbli u Reżiljenti (COM(2014)0215),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-2 ta' Ottubru 2013 bit-titolu "It-tisħiħ tad-dimensjoni soċjali tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja" (COM(2013)0690),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "Lejn Investiment Soċjali għat-Tkabbir u l-Koeżjoni – inkluża l-implimentazzjoni tal-Fond Soċjali Ewropew 2014-2020" (COM(2013)0083),

  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Frar 2013 bit-titolu "L-Investiment fit-Tfal: Niksru ċ-Ċiklu tal-Iżvantaġġ) (C(2013)778),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-18 ta' April 2012 bit-titolu "Lejn irkupru li jwassal għall-ħolqien abbundanti ta' impjiegi" (COM(2012)0173),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Inizjattiva għall-Opportunitajiet taż-Żgħażagħ" (COM(2011)0933),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2010 bit-titolu "Il-Pjattaforma Ewropea kontra l-Faqar u l-Esklużjoni Soċjali: Qafas Ewropew għall-koeżjoni soċjali u territorjali" (COM(2010)0758), u r-riżoluzzjoni tal-Parlament tal-15 ta' Novembru 2011 dwarha[2],

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-3 ta' Marzu 2010 bit-titolu "Ewropa 2020: Strateġija għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklussiv" (COM(2010)2020),

  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni dwar l-Istrateġija għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2010-2015 u l-impenn strateġiku sussegwenti għall-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel 2016-2019, li jirreferu speċifikament għall-impjieg u l-indipendenza ekonomika tan-nisa,

  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni 2008/867/KE tat-3 ta' Ottubru 2008 dwar l-inklużjoni attiva tan-nies esklużi mis-suq tax-xogħol,

  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Ħames Presidenti tat-22 ta' Ġunju 2015 bit-titolu "L-Ikkompletar tal-Unjoni Ekonomika u Monetarja",

  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-ekonomija soċjali bħala mutur ewlieni għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali fl-Ewropa (13414/15/SOC 614 EMPL 404),

  wara li kkunsidra r-rapport tal-2014 tal-Kumitat għall-Protezzjoni Soċjali bit-titolu "Protezzjoni soċjali adegwata għal ħtiġijiet ta' kura fit-tul f'soċjetà li qed tixjieħ",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Novembru 2015 dwar it-tnaqqis tal-inugwaljanzi b'enfasi speċjali fuq il-faqar fost it-tfal[3],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' Ottubru 2015 dwar il-politika ta' koeżjoni u r-rieżami tal-istrateġija Ewropa 2020[4],

–  wara li kkunsidra l-Mistoqsija għal Tweġiba Orali O-000121/2015 - B8-1102/2015 lill-Kunsill u r-riżoluzzjoni relatata tiegħu tad-29 ta' Ottubru 2015 dwar rakkomandazzjoni tal-Kunsill dwar l-integrazzjoni tal-persuni qiegħda fit-tul fis-suq tax-xogħol[5],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar "L-Intraprenditorija Soċjali u l-Innovazzjoni Soċjali fil-ġlieda kontra l-qgħad"[6],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-8 ta' Lulju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-linji gwida tal-politika tal-Istati Membri għall-impjiegi[7],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2015 bit-titolu "Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika: Aspetti Soċjali u tal-Impjieg fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir 2015"[8],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-25 ta' Novembru 2014 dwar impjiegi u aspetti soċjali tal-istrateġija Ewropa 2020[9],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Lulju 2014 dwar l-impjieg taż-żgħażagħ[10],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' April 2014 bit-titolu "L-Unjoni Ewropea kif tista' tikkontribwixxi għall-ħolqien ta' ambjent ospitabbli biex l-intrapriżi, in-negozji u n-negozji ġodda joħolqu l-impjiegi?"[11],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-16 ta' Jannar 2014 dwar Strateġija tal-UE għall-Persuni Mingħajr Dar[12],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Frar 2009 dwar l-Ekonomija Soċjali[13],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tat-2 ta' Frar 2016 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-istabbiliment ta' Pjattaforma Ewropea biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni fil-prevenzjoni u l-iskoraġġiment ta' xogħol mhux iddikjarat[14],

  wara li kkunsidra l-osservazzjonijiet konklużivi tar-rapport tal-Kumitat tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità dwar ir-rapport inizjali tal-Unjoni Ewropea (Settembru 2015),

  wara li kkunsidra r-Rapport Speċjali Nru 3/2015 tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri bit-titolu "Il-Garanzija għaż-Żgħażagħ tal-UE: ittieħdu l-ewwel passi iżda hemm riskji fil-ġejjieni għall-implimentazzjoni"[15],

  wara li kkunsidra l-pubblikazzjoni tal-Eurostat ta' April 2015 dwar il-qgħad fir-reġjuni tal-Unjoni Ewropea,

  wara li kkunsidra l-eżami trimestrali dwar l-Impjiegi u s-Sitwazzjoni Soċjali fl-UE ta' Marzu 2015[16],

  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-OECD tad-9 ta' Diċembru 2014 "Tendenzi fl-Inugwaljanza tal-Introjtu u l-Impatt tagħha fuq it-Tkabbir Ekonomiku",

  wara li kkunsidra l-ħames edizzjoni u s-sitt edizzjoni tal-Istħarriġ Ewropew dwar il-Kundizzjonijiet tax-Xogħol (2010 u 2015)[17],

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-16 ta' Frar 2016 dwar ir-rwol tas-sħab soċjali fil-proċess tas-Semestru Ewropew,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Eurofound tas-17 ta' Ġunju 2014 dwar "Changes to wage-setting mechanisms in the context of the crisis and the EU's new economic governance regime",

  wara li kkunsidra d-dibattitu mar-rappreżentanti tal-parlamenti nazzjonali dwar il-prijoritajiet tas-Semestru Ewropew tal-2016,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0031/2016),

A.   billi r-rata tal-qgħad ilha tonqos bil-mod mit-tieni nofs tal-2013, iżda mhux b'mod sinifikanti biżżejjed biex trażżan il-qgħad u l-faqar, minkejja ċerti politiki makroekonomiċi ta' appoġġ u riformi strutturali; billi madankollu r-rata tal-qgħad għadha għolja wisq f'ħafna Stati Membri, u attwalment tolqot 9.9 % taċ-ċittadini attivi, jiġifieri 23 miljun Ewropew, li madwar nofshom huma qiegħda fit-tul, b'ċifra ta' aktar minn 10 % fiż-żona tal-euro, u dan kollu għadu ogħla miċ-ċifri tal-2008; billi dan jenfasizza li huwa essenzjali li jitqiesu ċ-ċirkostanzi makroekonomiċi speċifiċi u l-ħtieġa għal aktar riformi strutturali li jkunu soċjalment ġusti, u li l-impatt soċjali tagħhom għandu jiġi vvalutat qabel ma jidħlu fis-seħħ;

B.   billi l-irkupru ekonomiku issa daħal fit-tielet sena tiegħu, bi previżjoni ta' żieda ta' 2 % għall-UE28 fl-2016 u ta' 1.8 % fiż-żona tal-euro, iżda għadu irregolari fost u fi ħdan l-Istati Membri u parzjalment jitmexxa minn fatturi temporanji, bħat-tnaqqis kontinwu fil-prezzijiet tal-enerġija, li jikkontribwixxi għaż-żieda fil-kapaċità ta' nfiq, f'każijiet fejn dan ikollu impatt fuq l-ekonomija reali; billi dan juri li l-UE tista' tagħmel iktar biex issaħħaħ l-irkupru ekonomiku u soċjali, sabiex b'hekk ikun aktar sostenibbli fuq terminu ta' żmien medju, speċjalment fis-sitwazzjoni attwali ta' inċertezza fl-ekonomija globali;

C.   billi l-konsolidazzjoni fiskali fl-UE28 qed titjieb, bi tnaqqis tad-defiċit tal-baġit ġenerali minn 4,5 % fl-2011 għal 2,5 % fl-2015;

D.  billi, kif iddikjarat mill-Kummissjoni Ewropea[18], id-diverġenzi rigward l-impjiegi u d-diverġenzi soċjali fi ħdan u fost l-Istati Membri għadhom qed jippersistu u l-iżviluppi soċjali għadhom juru diverġenza ulterjuri madwar l-UE li qed ixxekkel it-tkabbir, l-impjiegi u l-koeżjoni; billi s-soċjetajiet li huma kkaratterizzati minn livell għoli ta' ugwaljanza u investiment fin-nies għandhom prestazzjoni aħjar fir-rigward tar-reżiljenza tat-tkabbir u tal-impjiegi.

E.   billi r-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fil-livell tal-UE hija ta' 22.6 %, u fl-2014 il-proporzjon taż-żgħażagħ li ma kinux fl-edukazzjoni, f'impjieg jew f'taħriġ (NEETs) kien ta' 12.3 %, u b'hekk dan il-grupp jinsab f'riskju ta' esklużjoni mis-suq tax-xogħol, u dan iwassal għal telf ta' ħiliet u kapital uman; billi dan jikkontribwixxi għal nuqqas ta' awtonomija individwali u jipperikola l-integrazzjoni soċjali; billi r-responsabilità primarja għall-indirizzar tal-qgħad fost iż-żgħażagħ tinsab f'idejn l-Istati Membri f'termini tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-oqfsa regolatorji tas-suq tax-xogħol, is-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ u l-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

F. billi fl-2014, ir-rata tal-impjieg fl-UE-28 żdiedet b'0.8 % filwaqt li dik fiż-żona tal-euro żdiedet b'0.4 %, u billi hemm differenzi konsiderevoli bejn il-prestazzjonijiet tal-Istati Membri, fejn ħamsa minnhom naqqsu r-rati tal-impjieg tagħhom mill-inqas b'ħames punti perċentwali bejn l-2009 u l-2014; billi fl-2014 in-numru ta' persuni li jaħdmu għal rashom żdied b'madwar l-istess rata bħall-impjieg u mill-2013 iż-żieda fl-għadd totali ta' impjiegi kienet prinċipalment xprunata minn żieda fil-kuntratti temporanji, għalkemm dan ivarja ħafna fost l-Istati Membri; billi l-livell tal-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tiegħu jvarjaw bejn il-pajjiżi Ewropej; billi ħafna żgħażagħ jew japplikaw għal studji postuniversitarji addizzjonali fi sforz li jevitaw il-qgħad jew inkella jitilqu minn pajjiżhom biex ifittxu impjieg fi Stati Membri oħra; billi dawn iż-żewġ każijiet mhumiex inklużi fl-statistika nazzjonali dwar il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

G.  billi r-rata tal-impjieg tan-nisa (63.5 % f'Mejju 2015) għadha ferm taħt il-mira ewlenija ta' 75 % tal-Ewropa 2020, u r-rata ta' impjieg part-time tan-nisa għadha għolja, b'32.2 % apparagun tar-rata ta' 8.8 % għall-irġiel, anki jekk wieħed jikkunsidra l-bżonnijiet u l-għażliet ħielsa individwali; billi, iż-żieda fil-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol tista' tgħin biex jitnaqqsu dawn id-differenzi u biex jiġi indirizzat ir-riskju akbar ta' faqar u esklużjoni soċjali tan-nisa;

H.  billi t-telf ta' kapital uman minħabba l-qgħad huwa kbir u billi l-kost totali tal-qgħad fost iż-żgħażagħ ġie stmat li jammonta għal EUR 153 biljun kull sena[19]; billi, apparti l-effetti finanzjarji u soċjali tagħhom, il-qgħad, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul jaffettwaw b'mod negattiv il-konverġenza soċjali u finalment jispiċċaw biex ixekklu t-tkabbir ekonomiku sostenibbli;

I.   billi fl-2014 madwar 5 % tal-forza tax-xogħol fl-UE28 kienu ilhom qiegħda għal aktar minn sena, u 3.1 % għal aktar minn sentejn; billi nofs il-ħaddiema ta' bejn l-età ta' 55 u 65 biss għandhom xogħol u l-qgħad fit-tul huwa partikolarment prevalenti fost dawk iktar żgħażagħ u dawk akbar fl-età; billi d-diskriminazzjoni kontra l-persuni li jkunu qiegħda fit-tul u jkunu qed ifittxu xogħol sfortunatament hija komuni ħafna; billi tali prattiki huma bbażati fuq l-istigma psikoloġika assoċjata mal-qgħad, u l-impjegaturi jistgħu jipperċepixxu l-applikanti mdaħħla fiż-żmien mingħajr impjieg bħala inqas kompetenti u inqas impjegabbli minn individwi impjegati; billi hemm ħtieġa li l-impjegaturi jħarrġu l-maniġers tar-riżorsi umani biex jegħlbu l-preġudizzji possibbli kontra l-ħaddiema qiegħda u l-ħaddiema ikbar fl-età u biex jiffukaw fuq il-kwalifiki u l-esperjenza iktar milli fuq l-istatus tal-impjieg attwali;

J.   billi madwar 20 % taċ-ċittadini attivi fl-UE għandhom biss ħiliet bażiċi u 40 % tal-popolazzjoni tal-UE tista' titqies li m'għandhiex biżżejjed ħiliet diġitali; billi, minkejja d-diffikultajiet iffaċċati minn ħafna nies, inklużi ż-żgħażagħ, sabiex jidħlu fis-suq tax-xogħol, hemm madwar 2 miljun post tax-xogħol vakanti fl-UE, li minnhom madwar 900 000 huma fis-settur diġitali, u 39 % tal-kumpaniji għad għandhom diffikultajiet biex isibu persunal bil-ħiliet meħtieġa, għalkemm ir-riċerka turi li l-kumpaniji li ma jistgħux isibu ħaddiema bil-ħiliet meħtieġa ħafna drabi jkunu dawk li ma jkunux lesti joffru kuntratti fit-tul; billi, fl-2012, wieħed minn kull tliet Ewropej la kienu kwalifikati żżejjed u lanqas mhux kwalifikati biżżejjed għal xogħolhom; billi l-livelli edukattivi baxxi u d-disparità bejn l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol huma fost il-kawżi ewlenin għalfejn iż-żgħażagħ isiru NEETs, u dan jaffettwa t-tkabbir b'mod negattiv; billi huwa essenzjali li jiġu identifikati l-għeruq tal-problema tat-tluq bikri mill-iskola u jagħti pariri lill-Istati Membri biex jirkupraw l-infiq fl-edukazzjoni f'livelli li jippermettu li jintlaħqu l-għanijiet tal-Ewropa 2020;

K.  billi x-xogħol mhux iddikjarat iċaħħad lill-ħaddiema mid-drittijiet soċjali u tax-xogħol tagħhom, irawwem id-dumping soċjali, u għandu implikazzjonijiet baġitarji serji minħabba li jwassal għal telf ta' dħul mit-taxxa u mill-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali, u dan jipproduċi effetti negattivi fuq l-impjieg, il-produttività u l-kwalità tax-xogħol, l-iżvilupp tal-ħiliet u t-tagħlim tul il-ħajja, u jmur ukoll kontra sistema effiċjenti u effettiva tad-drittijiet tal-pensjoni, inter alia peress li jżid id-distakk fil-pensjonijiet, u jaffettwa wkoll l-aċċess għall-kura tas-saħħa f'xi Stati Membri; billi hemm il-ħtieġa għal aktar sforzi biex ix-xogħol mhux iddikjarat jinbidel f'xogħol iddikjarat;

L.   billi għalkemm forom atipiċi jew mhux standard tal-impjieg fihom infushom ma jikkostitwixxux xogħol prekarju, huwa aktar probabbli li jinsabu fejn il-kuntratti ta' din in-natura japplikaw, għalkemm dawn il-kuntratti jammontaw għal minoranza tar-relazzjonijiet tal-impjieg eżistenti[20]; billi n-nuqqas ta' sigurtà huwa element ieħor ta' prekarjetà, li jinkludi l-inċertezza tax-xogħol, id-dħul insuffiċjenti, in-nuqqas ta' protezzjoni kontra s-sensji, u tul mhux magħruf tal-impjieg; billi kien hemm żieda inkwetanti ta' kuntratti ta' dan it-tip f'ċerti Stati Membri; billi sabiex jiġi evitat l-użu mhux xieraq ta' tali kuntratti, irid jiġi implimentat mekkaniżmu ta' spezzjoni tax-xogħol effiċjenti u effettiv fil-livell nazzjonali; billi huwa importanti li jiġu stimulati l-impjiegi ta' kwalità li jipprovdu dħul u sigurtà ekonomika adegwati għall-familji;

M.   billi waħda mill-ħames miri tal-Ewropa 2020 għandha l-għan li tnaqqas mill-inqas b'20 miljun in-numru ta' persuni fqar u f'esklużjoni soċjali jew f'riskju ta' dan; billi kważi 123 miljun persuna fl-UE huma f'din is-sitwazzjoni; billi fl-2013, 26.5 miljun tifel u tifla fl-UE28 kienu fir-riskju li jispiċċaw f'faqar jew esklużjoni soċjali; billi n-numru ta' Ewropej li jinsabu f'riskju ta' faqar żdied fil-perjodu 2009-2012, iżda s-sitwazzjoni saret iktar stabbli apparagun tan-numri fl-2013 u fl-2014; billi l-problema ta' persuni mingħajr dar żdiedet f'ħafna Stati Membri; billi 32.2 miljun persuna b'diżabilità ta' età iktar minn 16-il sena fl-2012 kienu f'riskju ta' faqar u esklużjoni soċjali; billi l-miri tal-Ewropa 2020 għadhom ma ntlaħqux u għalhekk hemm bżonn ta' rieżami immedjat tal-istrateġija;

N.   billi l-proporzjon tal-popolazzjoni tal-UE li għandhom aktar minn 65 sena apparagun tan-numru ta' persuni li għandhom bejn 15 u 64 sena huwa pproġettat li jiżdied minn 27.8 % għal 50.1 % sal-2060, filwaqt li l-proporzjon tad-dipendenza ekonomika totali13 mistenni li jistabbilizza għal iktar minn 120 % sa nofs id-deċennju li jmiss u mbagħad jiżdied għal aktar minn 140 % sal-2060; billi dawn il-fatturi, kif ukoll bidliet demografiċi oħra, bħat-tixjiħ tal-popolazzjoni, id-densità tal-popolazzjoni jew it-tixrid tal-popolazzjoni, jenfasizzaw il-ħtieġa li l-awtoritajiet pubbliċi jintroduċu politiki komprensivi u soċjalment responsabbli bl-għan li tiżdied ir-rata tat-twelid, jiġu ffaċilitati rati għoljin ta' impjiegi ta' kwalità, u tiġi promossa s-suffiċjenza fis-sistemi tas-sigurtà soċjali u t-tixjiħ attiv, jiġu introdotti riformi soċjalment responsabbli fis-suq tax-xogħol u fis-sistemi tal-irtirar u jiġu żgurati s-suffiċjenza u l-adegwatezza tal-ewwel pilastru tal-pensjonijiet fuq perjodu ta' żmien qasir, medju u twil;

O.   billi d-diskrepanza fil-pensjonijiet bejn is-sessi fl-UE għadha sostanzjali, b'40 %, u dan jirrifletti d-differenzi bejn in-nisa u l-irġiel fir-rigward tax-xogħol part-time u full-time, kif ukoll id-differenza bejn il-pagi tal-irġiel u n-nisa u l-karrieri aktar qosra tan-nisa;

P.   billi n-numru li qiegħed jiżdied ta' persuni anzjani dipendenti għandu u se jkollu impatt dejjem akbar fuq is-sistemi tas-saħħa u tal-kura fit-tul, u l-bżonn ta' riżorsi tal-kura formali u informali; billi s-sistemi tas-sigurtà soċjali attwali ma jikkunsidrawx biżżejjed is-sitwazzjoni tal-persuni li jipprovdu kura informali, li jikkostitwixxu riżorsa kbira għas-soċjetà;

Q.   billi d-dejn pubbliku u privat għadu għoli wisq f'bosta Stati Membri, u dan ixekkel is-saħħa tal-ekonomiji tal-UE; billi r-rati baxxi ta' imgħax fiż-żona tal-euro jistgħu jintużaw sabiex ikabbru l-marġni ta' azzjoni tal-Istati Membri; billi huwa neċessarju li jsir dibattitu fid-dettall dwar l-indirizzar tad-dejn fl-UE;

R.   billi, fid-dawl tat-tendenza attwali, f'dawn l-10 snin sa 15-il sena li ġejjin, 90 % tat-tkabbir dinji se jiġi minn barra l-UE; jemmen, għalhekk, li jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati u promossi strateġiji favur tkabbir reali u ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri; billi huwa essenzjali li jiġu implimentati politiki industrijali u tas-suq innovattivi sabiex tiżdied il-kompetittività intra-UE u dik globali u b'hekk tingħata għajnuna biex jinkisbu opportunitajiet ta' impjiegi sostenibbli u soċjalment inklużivi;

S.   billi 20 % tal-infiq tal-Fond Soċjali Ewropew għandu jintuża biex jindirizza l-faqar u l-esklużjoni soċjali fl-Istati Membri;

T.   billi l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) diġà approva 69 proġett fi 18-il pajjiż, u ffirma 56 operazzjoni (b'finanzjament totali taħt dan il-fond li jammonta għal madwar EUR 1.4 biljun), u dan mistenni li jirriżulta f'aktar minn EUR 22 biljun f'investiment u li jinvolvi madwar 71 000 SME; billi hemm bżonn ta' aktar sforz biex jiġi żgurat li jiġi pprovdut finanzjament għal infrastruttura soċjali bħall-kura tat-tfal, bl-għan li jiġu ssodisfati l-impenji ta' Barċellona li ilhom għaddejin għal żmien twil; billi dawn il-proġetti fil-biċċa l-kbira jinvolvu skemi infrastrutturali kbar, filwaqt li l-SMEs u l-mikrointrapriżi normalment jiġu esklużi minn dawn il-fondi minkejja l-importanza tagħhom bħala s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u ġeneratur ta' impjiegi ta' kwalità;

U.  billi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali jinkludu 2 miljun negozju (10 % tat-total tal-UE) li jimpjegaw aktar minn 14-il miljun persuna, li jirrappreżenta madwar 6.5 % tal-ħaddiema fl-UE;

V.  billi r-reġjuni ultraperiferiċi qed jiffaċċaw diffikultajiet kbar relatati mal-karatteristiċi speċifiċi tagħhom li jillimitaw il-potenzjal tagħhom għat-tkabbir; billi r-rati tal-qgħad f'dawk ir-reġjuni jvarjaw bejn 15 % u 32.4 %;

W.   billi attwalment hemm 6.9 miljun ċittadin tal-UE li jeżerċitaw id-dritt fundamentali tagħhom għall-moviment liberu u li jgħixu u jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE; billi hemm aktar minn 1.1 miljun ħaddiem transkonfinali jew tal-fruntiera; billi l-moviment liberu tal-persuni huwa fundamentali għat-tisħiħ tal-konverġenza bejn il-pajjiżi Ewropej;

X.   billi l-għadd li dejjem qed jiżdied ta' refuġjati fl-Ewropa jeżiġi solidarjetà u sforzi aktar ibbilanċjati u msaħħa mill-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali f'termini ta' miżuri ta' integrazzjoni, bħal pereżempju l-għajnuna soċjali b'konformità mal-leġiżlazzjoni rilevanti tal-UE dwar l-ażil u azzjonijiet u strateġiji fuq terminu medju sa twil għall-ilqugħ u l-integrazzjoni tar-refuġjati fis-soċjetà;

Investiment fin-nies

1.   Jenfasizza li l-ħtieġa li jsir investiment fl-iżviluppi soċjali mhijiex biss mezz biex jiġi ggarantit li jistgħu jinkisbu żvilupp ekonomiku sostenibbli inklużiv u konverġenza, iżda trid tkun ukoll mira speċifika fiha nnifisha; jenfasizza, għalhekk, l-importanza tal-indikaturi tal-kwalità tal-impjieg, tal-faqar u tal-inugwaljanza; jilqa' t-talba tal-Kummissjoni għal investiment fis-servizzi bħall-appoġġ għall-akkomdazzjoni, il-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal, u s-servizzi ta' riabilitazzjoni; jenfasizza li l-koeżjoni ekonomika u soċjali għandha tibqa' l-objettiv primarju tal-politiki kollha tal-UE u li għandhom isiru aktar sforzi biex issir evalwazzjoni aktar kumplessa u oġġettiva bbażata fuq id-diversità u karatteristiċi tal-Istati Membri;

2.   Jilqa' l-fatt li l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-Kummissjoni (SAT) jenfasizza l-ħtieġa li tingħata aktar attenzjoni lill-ġustizzja soċjali fil-kuntest tal-programmi nazzjonali l-ġodda ta' stabilità u riforma, biż-żieda ta' tliet indikaturi tal-impjieg (ir-rata tal-attività, il-qgħad fost iż-żgħażagħ u l-qgħad fit-tul) fil-proċedura ta' żbilanċ makroekonomiku; iħeġġeġ sabiex dawn l-indikaturi jkunu fuq bażi verament ekwa mal-indikaturi eżistenti, biex b'hekk ikunu jistgħu jikkawżaw analiżi profonda fl-Istati Membri rilevanti u jiggarantixxu li l-iżbilanċi interni tagħhom jiġu vvalutati ulterjorment, filwaqt li jiġu proposti u mmonitorjati riformi ekonomiċi u soċjali;

3.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-azzjoni tal-Kummissjoni fil-kuntest tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir li poġġiet il-ġustizzja soċjali fil-qalba tal-irkupru ekonomiku Ewropew; jenfasizza l-kisbiet ta' konverġenza tal-UE permezz tal-ħolqien ta' UEM u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jieħdu azzjoni sabiex jagħtu spinta 'l fuq lill-konverġenza soċjali fl-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tiddefinixxi u tikkwantifika l-kunċett tagħha ta' ġustizzja soċjali, b'kunsiderazzjoni kemm tal-politiki tal-impjieg kif ukoll dawk soċjali, li għandha tinkiseb permezz tas-SAT 2016 u s-Semestru Ewropew.

4.  Ifakkar li l-impjieg ta' kwalità u inklużiv jikkostitwixxi pilastru essenzjali għall-ġustizzja soċjali, u jippromwovu d-dinjità tal-bniedem għal kulħadd; jemmen li f'dan is-sens il-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità u l-ġenerazzjoni tat-tkabbir għandhom ikunu fil-qofol tal-politiki tal-Istat Membru u tal-UE, speċjalment għaż-żgħażagħ u għall-"Ġenerazzjoni 55+", bħala mezz biex jinbnew ekonomiji soċjali aktar sostenibbli fl-UE; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jiżviluppaw aktar il-politiki dwar l-impjieg taż-żgħażagħ billi jqabblu dawk il-politiki mal-bżonnijiet reali tas-suq tax-xogħol;

5.   Jistieden lill-Kummissjoni biex trawwem, fil-livell tal-Istati Membri, forom ta' kooperazzjoni li jinvolvu lill-gvernijiet, l-intrapriżi, inklużi l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, l-istituzzjonijiet edukattivi, is-servizzi individwalizzati, is-soċjetà ċivili u s-sħab soċjali, fuq il-bażi tal-iskambju tal-aħjar prattiki u bl-għan li jkun hemm tlaqqigħ aħjar tas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri biex jiġi miġġieled in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, u jingħata appoġġ għal aċċess għall-impjieg u ż-żamma tiegħu fis-suq tax-xogħol miftuħ għall-persuni kollha fl-Ewropa, b'mod partikolari permezz ta' taħriġ doppju; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex ifasslu bir-reqqa u jagħmlu evalwazzjoni ex ante tar-riformi strutturali kollha fis-sistemi edukattivi nazzjonali, b'kooperazzjoni mas-sħab soċjali, sabiex jiġi żgurat li l-edukazzjoni tipprovdi l-għodod xierqa liċ-ċittadini; jistieden lill-Istati Membri biex jinkludu l-kultura tal-intraprenditorija u l-prinċipji tal-ekonomija soċjali fil-programmi edukattivi u ta' taħriġ tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi, fil-livell ta' Stati Membru, strateġija tal-investiment usa' għaċ-ċiklu sħiħ ta' edukazzjoni u taħriġ, li tkopri s-setturi kollha tat-tagħlim tul il-ħajja, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, u t-tagħlim formali u mhux formali;

6.   Jinnota li minkejja li l-isforzi fl-edukazzjoni huma ffukati primarjament fuq il-parti żagħżugħa tal-forza tax-xogħol, bosta Stati Membri jeħtieġu enfasi usa' fuq l-edukazzjoni tal-forza tax-xogħol, inkluża l-edukazzjoni għall-adulti u l-opportunitajiet ta' taħriġ vokazzjonali; jenfasizza li jekk ikun hemm investiment insuffiċjenti fl-edukazzjoni, speċjalment fil-ħiliet diġitali, dan joħloq theddida għall-pożizzjoni kompetittiva tal-Ewropa u għall-impjegabbiltà tal-forza tax-xogħol tagħha; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri biex jipprijoritizzaw edukazzjoni wiesgħa fil-ħiliet diġitali; jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi, fil-livell ta' Stat Membru, strateġija tal-investiment usa' għaċ-ċiklu sħiħ ta' edukazzjoni u taħriġ, li tkopri s-setturi kollha tat-tagħlim tul il-ħajja, it-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol u t-tagħlim fuq il-post tax-xogħol, it-tagħlim doppju u t-tagħlim formali u mhux formali filwaqt li tittieħed inkunsiderazzjoni l-ħtieġa li titjieb l-edukazzjoni għall-adulti b'reazzjoni għat-tibdil demografiku b'mod li s-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ tal-Istati Membri jiġu adattati aħjar għall-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri sabiex jappoġġaw l-apprendistati u sabiex jagħmlu użu sħiħ mill-fondi tal-Erasmus+ li huma disponibbli għall-apprendisti sabiex jiġu ggarantiti l-kwalità u l-attraenza ta' dan it-tip ta' taħriġ;

7.   Jenfasizza l-ħtieġa li jsir investiment fin-nies minn kmieni kemm jista' jkun fiċ-ċiklu tal-ħajja sabiex titnaqqas l-inugwaljanza u titrawwem l-inklużjoni soċjali minn età żgħira; jitlob, għalhekk, aċċess għal servizzi ta' edukazzjoni u kura bikrija tat-tfal li jkunu ta' kwalità, inklużivi u affordabbli (ECEC) għat-tfal kollha fl-Istati Membri kollha;

8.   Ifakkar fl-importanza tal-ħiliet u l-kompetenzi miksuba f'ambjenti ta' tagħlim mhux formali u informali f'termini ta' titjib tal-impjegabbiltà taż-żgħażagħ u l-persuni li jkunu qattgħu żmien barra mis-suq tax-xogħol biex jassumu responsabbiltajiet ta' għoti ta' kura; jenfasizza, għalhekk, l-importanza li tinħoloq sistema ta' validazzjoni għal forom ta' għarfien u esperjenza mhux formali u informali, speċjalment dawk miksuba permezz ta' attivitajiet ta' volontarjat; huwa tal-fehma li ċ-ċertifikazzjoni koerenti u r-rikonoxximent reċiproku tal-kwalifiki se jikkontribwixxu biex jitnaqqas id-distakk bejn in-nuqqas ta' ħiliet fis-suq tax-xogħol Ewropew u ż-żgħażagħ li qed ifittxu impjieg; jinsisti dwar l-implimentazzjoni tal-approċċ qafas ta' tagħlim tul il-ħajja favur mogħdija edukattiva flessibbli li tirrikonoxxi t-tagħlim formali, iżda wkoll it-tagħlim mhux formali u informali biex jitrawmu l-ekwità u l-koeżjoni soċjali u jkun hemm il-possibbiltà ta' opportunitajiet ta' impjieg għall-gruppi aktar vulnerabbli;

9.   Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni għat-tisħiħ tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali, u jenfasizza l-importanza tagħha għat-tranżizzjonijiet mill-iskola għax-xogħol; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ ma ġietx implimentata b'mod effettiv f'ħafna Stati Membri; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu ggarantiti forom xierqa ta' kollaborazzjoni bejn is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u privati fil-livell lokali, nazzjonali u Ewropew u s-servizzi ta' appoġġ soċjali, inklużi s-servizzi ta' appoġġ standard u dawk individwalizzati; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-Garanzija għaż-Żgħażagħ tilħaq liż-żgħażagħ li qed jiffaċċaw esklużjonijiet multipli u faqar estrem; fid-dawl ta' dan, jistieden lill-Kummissjoni biex tikkunsidra rieżami mmirat tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-istrumenti ta' finanzjament tagħha, inkluża l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ;jemmen li l-Kummissjoni jista' jkollha rwol biex tiffoka l-attenzjoni tal-Istati Membri fuq il-ħtieġa għal azzjoni u biex tiffaċilita l-iskambju tal-aħjar prattiki dwar l-aħjar mod kif jista' jiġi miġġieled il-qgħad fost iż-żgħażagħ;

10.   Jilqa' l-inizjattiva tal-Kummissjoni favur approċċ individwalizzat għal dawk qiegħda fit-tul, iżda jinsab imħasseb dwar is-sitwazzjoni mwiegħra ta' aktar minn 12-il miljun ruħ li huma qiegħda fl-Ewropa; iqis li tali approċċ se jeħtieġ sforz akbar f'termini ta' riżorsi umani, li jeħtieġ li l-parteċipanti bil-livell edukattiv meħtieġ ikunu jistgħu jorjentaw lill-persuni qiegħda dwar kif jegħlbu nuqqasijiet possibbli fl-edukazzjoni jew fit-taħriġ; jitlob għal appoġġ adegwat għal persuni li qed ifittxu impjieg fil-forma ta' għoti ta' servizz integrat u aċċess għal edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità għolja sabiex jingħelbu d-distakki possibbli; jenfasizza li l-proċessi ta' rikwalifikazzjoni professjonali jeħtieġu riżorsi finanzjarji xierqa li jridu jkunu diretti lejn individwi qiegħda ta' kull età, u li sabiex il-politiki tal-impjiegi attivi jkunu effiċjenti, dawn iridu jinkludu rekwiżiti kemm għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-impjegaturi kif ukoll għal dawk qiegħda fit-tul;

11.  Ifakkar li l-integrazzjoni ta' individwi qiegħda fit-tul hija kruċjali għall-awtokunfidenza, il-benesseri u l-iżvilupp futur tagħhom u hija kruċjali għall-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali u tikkontribwixxi biex tiżgura s-sostenibbiltà tas-sistemi tas-sigurtà soċjali nazzjonali; iqis li huwa meħtieġ li titqies is-sitwazzjoni soċjali ta' dawn iċ-ċittadini u l-ħtiġijiet tagħhom; jenfasizza, madankollu, li 12.7 % tal-persuni ta' età li jaħdmu qed ibatu l-faqar fost dawk li jaħdmu (fuq ċifri tal-2014, żieda minn 11 % fl-2009), u għalhekk huwa meħtieġ approċċ integrat ta' inklużjoni attiva u ta' investiment soċjali; jistieden lill-Kummissjoni biex timpenja lill-Istati Membri fi strateġiji u azzjonijiet biex inaqqsu l-faqar u l-esklużjoni soċjali f'konformità mal-istrateġija tal-Ewropa 2020; jitlob lill-Kummissjoni tappoġġa l-isforzi biex jinħolqu opportunitajiet inklussivi għal tagħlim tul il-ħajja għall-ħaddiema u għal dawk li qegħdin ifittxu x-xogħol fl-etajiet kollha u biex, mill-aktar fis possibbli, tieħu miżuri li jtejbu l-aċċess għall-finanzjament mill-UE u jiġu mobilizzati riżorsi addizzjonali meta dan ikun possibbli, kif ġara fil-każ tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ.

12. Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġi żgurat li l-isforzi tal-UE fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, jindirizzaw b'mod attiv in-numri dejjem jikbru ta' persuni bla dar, li attwalment mhumiex koperti mill-indikaturi użati biex ikejlu l-mira tat-tnaqqis tal-faqar tal-UE iżda li jirrappreżentaw realtà soċjali allarmanti li taffettwa mill-inqas 4 miljun ruħ kull sena[21].

13.   Jenfasizza l-ħtieġa għal rispons rapidu u effettiv għall-ħtiġijiet ta' nies qiegħda li għandhom 'il fuq minn 55 sena; jistieden kemm lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Istati Membri biex jappoġġaw soluzzjonijiet flessibbli tal-impjiegi għal dan il-grupp (inklużi impjiegi part-time u temporanji) li jissodisfaw il-ħtiġijiet speċifiċi tagħhom, u b'hekk jiġi żgurat li ma joħorġux mid-dinja tax-xogħol qabel iż-żmien; jenfasizza r-rwol importanti ta' ħaddiema aktar anzjani fuq il-post tax-xogħol li jgħaddu l-għarfien u l-esperjenza tagħhom lill-ħaddiema żgħażagħ, pereżempju billi jiġu involuti fil-proċessi ta' taħriġ fil-post tax-xogħol, u b'hekk jiżguraw li l-ħaddiema ta' età 'l fuq minn 55 sena ma jispiċċawx bla xogħol.

Riformi strutturali b'mod soċjali u responsabbli

14.   Jinnota li l-UE kollha kemm hi u ħafna mill-Istati Membri tagħha għadhom ibatu minn problemi strutturali li jeħtieġu li jiġu indirizzati b'mod urġenti; huwa mħasseb dwar l-impatt soċjali ta' dawk il-politiki ta' aġġustament fiskali li jiffokaw fuq it-tnaqqis fl-infiq, u jenfasizza li l-politiki ekonomiċi għandhom jiggarantixxu konformità mal-Artikolu 9 TFUE; jirrimarka dwar il-ħtieġa li titkompla tingħata prijorità lill-investiment pubbliku u privat u lir-riformi strutturali soċjalment u ekonomikament ibbilanċjati li jnaqqsu l-inugwaljanzi, u li jiġu promossi tkabbir sostenibbli u konsolidazzjoni fiskali responsabbli (filwaqt li titqies is-sostenibbiltà tad-dejn, iċ-ċiklu ekonomiku u d-distakk tal-investiment), inklużi politiki ta' dħul permezz tal-ġlieda kontra l-evażjoni tat-taxxa u l-evitar tat-taxxa, biex b'hekk tissaħħaħ it-triq lejn aktar koeżjoni u konverġenza soċjali 'l fuq; iqis li dawn il-politiki jippromwovu ambjent favorevoli għan-negozju u s-servizzi pubbliċi bl-għan li jinħolqu impjiegi ta' kwalità u progress soċjali u jitrawmu investimenti li jwasslu għal redditi kemm soċjali kif ukoll ekonomiċi; jenfasizza li dawk il-prijoritajiet se jinkisbu biss jekk investiment adegwat fil-kapital uman u fit-tagħlim tul il-ħajja jkun prijoritizzat bħala strateġija komuni; jinsisti fuq l-involviment tas-sħab soċjali fir-rigward tar-riformi strutturali u l-politiki tas-suq tax-xogħol;

15. Jenfasizza li riformi soċjalment responsabbli jridu jkunu bbażati fuq is-solidarjetà, l-integrazzjoni, il-ġustizzja soċjali u d-distribuzzjoni ġusta tal-ġid - mudell li jiżgura l-ugwaljanza u l-protezzjoni soċjali, jipproteġi lill-gruppi vulnerabbli u jtejjeb l-istandards tal-għajxien għaċ-ċittadini kollha;

16.   Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa u protetta l-ekonomija tas-suq soċjali, li tipprovdi qafas li fih il-kompetittività u l-istandards soċjali għoljin jikkontribwixxu għall-ġustizzja soċjali u l-ġustizzja soċjali tistimula l-kompetittività; jenfasizza, barra minn hekk, il-ħtieġa li jinstab bilanċ bejn il-kunsiderazzjonijiet ekonomiċi u l-ħtieġa li jiġu żgurati konsolidazzjoni fiskali effiċjenti, ekonomija sostenibbli, koeżjoni soċjali reali u protezzjoni soċjali akbar; jistieden lill-Kummissjoni testendi l-approċċ tagħha għall-insolvenza u l-falliment tan-negozju[22] u biex itejjeb l-iskemi ta' ristrutturar tad-dejn u tat-tieni opportunità;

17.   Jenfasizza li l-SAT għandu jivvaluta b'mod aktar konsistenti l-evoluzzjoni tal-inugwaljanza fl-Ewropa permezz ta' indikaturi ekonomiċi, bħal pereżempju l-indiċi Gini u Palma;

18.   Jistieden lill-Istati Membri biex jipparteċipaw b'mod attiv fil-Pjattaforma tax-Xogħol mhux Iddikjarat u biex isegwu l-iskambju tagħhom tal-aħjar prattiki b'azzjonijiet konkreti biex jiġi ttrattat ix-xogħol mhux iddikjarat, il-kumpanniji tal-isem u l-impjiegi indipendenti fittizji, peress li dawn jipperikolaw kemm il-kwalità tax-xogħol kif ukoll l-aċċess tal-ħaddiema għal sistemi ta' protezzjoni soċjali u tal-finanzi pubbliċi nazzjonali, li jwasslu għal kompetizzjoni inġusta bejn l-intrapriżi Ewropej; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-isforzi tagħhom biex jibdlu x-xogħol mhux iddikjarat f'xogħol iddikjarat u jgħammru b'mod adegwat l-ispezzjonijiet tax-xogħol, kif ukoll biex isaħħu l-mekkaniżmi tal-ispezzjoni tax-xogħol u jfasslu miżuri li jippermettu lill-ħaddiema jagħmlu l-bidla minn ekonomija informali għal waħda formali, sabiex ikollhom aċċess għal reġimi ta' protezzjoni tal-impjiegi; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jimplimentaw rati tat-taxxa relatati mal-grad ta' stabilità u kwalità tad-diversi forom tar-relazzjoni tal-impjieg, bħala wieħed mill-inċentivi għal kuntratti stabbli;

19.   Iqis li d-dispersjoni tal-pagi żżid l-inugwaljanzi u tippreġudika l-produttività u l-kompetittività tal-kumpaniji; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimplimentaw miżuri biex titejjeb il-kwalità tal-impjiegi sabiex inaqqsu s-segmentazzjoni tas-suq tax-xogħol flimkien ma' miżuri li jgħollu l-pagi minimi għal livell adegwat b'mod konformi mal-prinċipju tas-sussidjarjetà u li jsaħħu n-negozjar kollettiv u l-pożizzjoni tal-ħaddiema f'sistemi tal-formazzjoni tal-pagi sabiex titnaqqas id-dispersjoni tal-pagi; jemmen li dan kollu għandu jsir bl-għan li tiġi appoġġata d-domanda aggregata u l-irkupru ekonomiku, billi jitnaqqsu l-inugwaljanzi fil-pagi u jiġi miġġieled il-faqar fost dawk li jaħdmu;

20. Jikkunsidra li l-flessigurtà meqjusa bir-reqqa tikkontribwixxi għall-evitar tal-frammentazzjoni tax-xogħol u tippromwovi ż-żamma ta' impjiegi sostenibbli ta' kwalità iżda huwa mħasseb li l-flessigurtà ma ġietx applikata b'mod adegwat f'għadd ta' Stati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn xieraq, biex jiżguraw li d-drittijiet tax-xogħol u l-istandards tas-sigurtà soċjali jitħarsu meta jiġi applikat il-mudell tal-flessigurtà; jistieden lill-Istati Membri biex jimmodernizzaw il-leġiżlazzjoni tal-protezzjoni tal-impjiegi tagħhom sabiex jippromwovu aktar stabbiltà fix-xogħol u s-sigurtà fit-tranżizzjonijiet bejn ix-xogħlijiet u anki permezz ta' kooperazzjoni ikbar u aħjar bejn is-servizzi tal-impjiegi pubbliċi u privati fejn ikun applikabbli, kif ukoll l-aċċess tal-impjegati għas-sigurtà soċjali u d-drittijiet tal-benessri; Diversi Stati Membri wettqu riformi, b'effetti pożittivi viżibbli, pereżempju b'żieda fir-rati tal-impjieg, iżda jiddispjaċih li f'xi każijiet, ir-riformi tax-xogħol iffavorixxew il-flessibilità għad-detriment tas-sigurtà, li rriżulta fil-prekarjetà u nuqqas ta' protezzjoni tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni biex iżżid il-monitoraġġ tal-prattika abbużiva tal-kuntratti suċċessivi għal żmien fiss kif ukoll kuntratti atipiċi suċċessivi oħrajn, fis-setturi kemm privati kif ukoll pubbliċi;

21.   Jistieden lill-Istati Membri biex iqisu l-evoluzzjoni totali tal-pagi tal-ħaddiema tas-servizz pubbliku kif ukoll id-dħul minimu fejn applikabbli, mingħajr preġudizzju għal tkabbir fil-produttività u b'mod sostenibbli u stabbli b'mod li ma jipperikolax il-kompetenzi tagħhom stess;

22. Jilqa' b'sodisfazzjon l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar l-investiment fil-kapital uman bil-ħsieb li jiġu restawrati l-livelli tal-impjiegi u t-tkabbir sostenibbli, imma huwa mħasseb serjament dwar il-fatt li n-nefqa pubblika fuq l-edukazzjoni rreġistrat tnaqqis ta' 3.2 %[23] mill-2010, bi tnaqqis fi ħdax-il Stat Membru fl-aktar sena reċenti li għaliha jeżistu ċifri (2013); jenfasizza li, sabiex ikunu effettivi, ir-riformi għandhom jiffokaw fuq il-curricula tal-iskejjel u fuq is-settur pubbliku;

23.   Jenfasizza l-importanza ta' politiki attivi tas-suq tax-xogħol fil-kuntest attwali; jistieden lill-Istati Membri biex iżidu l-kopertura u l-effikaċja tal-politiki attivi tas-suq tax-xogħol;

24.   Jinnota li jeħtieġ li titħaddan il-bidla lejn l-ekonomija diġitali fil-kuntest tat-titjib tal-ħiliet u t-taħriġ kif ukoll fir-rigward ta' forom ġodda ta' impjiegi;

25.   Jitlob lill-Istati Membri biex gradwalment iċaqilqu l-piż tat-taxxa minn fuq ix-xogħol lejn sorsi oħra b'mod li ma jfixkilx la l-aktar gruppi vulnerabbli fis-soċjetà, speċjalment ħaddiema b'pagi baxxi, u lanqas il-kompetittività ġenerali, filwaqt li tiġi żgurata wkoll is-sostenibbiltà fit-tul tas-sistemi tal-pensjoni pubbliċi u l-finanzjament adegwat tas-sigurtà soċjali u s-sistemi ta' protezzjoni soċjali; jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jimplimentaw ir-regoli fiskali li jrawmu inċentivi għall-intraprenditorija u l-ħolqien tal-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ u wkoll għall-"Ġenerazzjoni 55+", sabiex tintuża l-esperjenza professjonali ta' dawk il-ħaddiema u jiġi żgurat it-trasferiment tal-għarfien tagħhom u tingħata spinta lill-proġetti ta' riċerka u ta' innovazzjoni fi ħdan l-intrapriżi Ewropej; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex inaqqsu l-piżijiet amministrattivi sabiex jippromwovu l-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ;

26.  Jitlob li s-Semestru Ewropew u s-SAT jivvalutaw l-importanza tal-politiki marbuta mad-dħul, inklużi l-pensjonijiet, l-indikaturi tad-dħul u l-politika fiskali, sabiex tiġi ggarantita l-koeżjoni soċjali u jitreġġgħu lura x-xejriet ta' inugwaljanza;

27.   Jistieden lill-Istati Membri biex jivvalutaw u jżidu l-investiment fis-sistemi attwali tagħhom ta' protezzjoni soċjali, sabiex tiġi ggarantita l-eżekuzzjoni tagħhom fit-trattament u l-prevenzjoni tal-faqar u l-inugwaljanza filwaqt li jiżguraw is-sostenibbiltà tagħhom quddiem l-isfidi demografiċi, ekonomiċi u soċjali ġodda mistennija, u biex tittejjeb ir-reżiljenza tal-ekonomiji tal-Istati Membri fi żminijiet ta' kriżi; jenfasizza li, is-sistemi tal-protezzjoni soċjali ta' kwalità għolja u l-investiment soċjali huma ta' importanza kbira jekk l-Ewropa trid iżżomm il-vantaġġ kompetittiv ewlieni tagħha - f'termini ta' ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet u kumpaniji produttivi;

28.  Skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, l-Istati Membri għandhom iżommu responsabbiltà sħiħa għall-organizzazzjoni tas-sistemi tagħhom tal-pensjoni kif ukoll għal deċiżjonijiet dwar ir-rwol ta' kull wieħed minn dawn it-tliet pilastri tas-sistema ta' rtirar fl-Istati Membri individwali; iqis li l-iskemi tal-pensjonijiet għandhom jipprovdu garanzija kontra l-faqar fl-età anzjana u li għal din ir-raġuni huwa meħtieġ li jiġu implimentati politiki li jiggarantixxu livell sod, sostenibbli u adegwat tal-pensjonijiet tal-ewwel pilastru;

29. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jsaħħu l-isforzi tagħhom biex jeqirdu d-differenza fil-pagi bejn il-ġeneri u li jieħdu miżuri iktar attivi biex tissaħħaħ il-parteċipazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni, fejn xieraq skont il-prinċipju ta' sussidjarjetà bl-għajnuna tas-sħab soċjali, biex jippromwovu linji politiċi favur il-familja li jtejbu l-kura ta' dipendenti oħra kif ukoll il-kapaċità tal-ġenituri bħall-dispożizzjonijiet adegwati ta' liv tal-maternità u tal-paternità u l-aċċess għal servizzi ta' kura tat-tfal affordabbli sabiex jiġu żgurati l-benessri tat-tfal, li jippermettu lil dawk b'responsabbiltajiet li jipprovdu kura li jkollhom aċċess ugwali għas-suq tax-xogħol sabiex jinkiseb bilanċ aħjar bejn ix-xogħol u l-ħajja privata, li hija ta' importanza partikolari għall-integrazzjoni tan-nisa fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jeżaminaw il-persistenza ta' rati baxxi ta' twelid fl-UE u biex jikkunsidraw l-applikazzjoni ta' divrenzjar fiskali aktar favorevoli skont l-għadd ta' tfal f'unità domestika; jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu lill-familji b'għajnuna, mhux biss permezz ta' appoġġ finanzjarju, iżda wkoll fil-forma ta' servizzi;

30.  Jinnota li popolazzjoni b'densità baxxa jew popolazzjoni mxerrda ħafna tirriżulta fi spiża ogħla b'mod sinifikanti għall-forniment ta' servizzi pubbliċi bħall-kura tas-saħħa jew l-edukazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-kawżi u l-konsegwenzi tagħhom fil-kuntest tal-analiżi tal-effetti tat-tibdil demografiku u l-impatt tiegħu fuq is-sostenibbiltà tal-finanzi pubbliċi;

31.  Jenfasizza l-fatt li, sabiex ikun effettiv, il-FEIS għandu jkun iffukat fuq il-ħolqien ta' investimenti ġodda f'oqsma fejn l-interess tal-investitur huwa limitat pjuttost milli fuq is-sostituzzjoni ta' investimenti li kienu jsiru band'oħra jew fuq investimenti li jrendu profitti kbar u li kienu se jseħħu fi kwalunkwe każ; itenni t-talba tiegħu dwar l-importanza tal-investimenti fil-kapital uman u investimenti soċjali oħra, bħal fil-kura tas-saħħa, il-kura tat-tfal jew l-akkomodazzjoni affordabbli u dwar il-ħtieġa tal-implimentazzjoni effettiva tal-Pakkett ta' Investiment Soċjali;

32. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jinvolvu l-livelli kollha ta' gvern u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fl-identifikazzjoni tal-ostakli għall-investimenti, filwaqt li jiffokaw kemm fuq ir-reġjuni u s-setturi l-iktar fil-bżonn kif ukoll fuq id-disponibilità ta' strumenti adegwati li jlaqqgħu flimkien il-finanzjament pubbliku u dak privat;

It-tisħiħ tat-tkabbir sostenibbli billi jerġa' jitnieda l-investiment

33.   Jenfasizza l-ħtieġa tal-promozzjoni tat-tkabbir sostenibbli u inklużiv li jwassal għall-ħolqien ta' aktar xogħlijiet u xogħlijiet aħjar u prospetti tanġibbli għal kulħadd, inkluż għaż-żgħażagħ, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi interni u esterni li qed tiffaċċa l-UE; jinnota li għandha tingħata aktar attenzjoni biex jiġu adattati l-impjiegi eżistenti, inkluż l-impjieg ta' gruppi vulnerabbli, għas-suq tax-xogħol li qed jinbidel malajr u għas-setturi ġodda emerġenti, bl-għan li tiġi żgurata s-sostenibbiltà tiegħu;

34.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffukaw fuq intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, bħala element fundamentali għall-iżvilupp sostenibbli u inklużiv u għall-ħolqien tax-xogħol, u biex jistabbilizzaw id-differenzi fir-rati ta' impjieg indipendenti bejn in-nisa u l-irġiel; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jimplimentaw skemi tat-taxxa marbuta ma' mudell kummerċjali sostenibbli li jiffavorixxu start-ups innovattivi u l-faċilitazzjoni tal-ħolqien tax-xogħol mill-SMEs, biex jimmonitorjaw l-impatt ta' inċentivi tat-taxxa fuq l-iżvilupp sostenibbli, u biex jiżviluppaw mekkaniżmi li jistgħu jgħinu tali intrapriżi jiksbu jew jaħdmu f'dimensjoni internazzjonali; jenfasizza għalhekk, il-ħtieġa li jiġu implimentati politiki komprensivi fil-livell tal-UE sabiex l-Istati Membri jkunu jistgħu jiffaċċaw l-isfidi fir-rigward tal-kompetituri tagħhom barra mill-UE;

35.   Jistieden lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, biex tieħu passi biex tipprovdi informazzjoni aħjar dwar il-fondi u l-programmi Ewropej kollha li għandhom il-potenzjal li jagħtu spinta lill-intraprenditorija, l-investiment u l-aċċess għall-finanzjament, bħall-Erasmus għall-Intraprendituri, in-netwerk tas-Servizzi Ewropej tax-Xogħol (EURES), il-programm għall-Kompetittività tal-Intrapriżi u l-Intrapriżi Żgħar u Medji (COSME), il-programm għall-Impjiegi u l-Innovazzjoni Soċjali (EaSI) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); ifakkar fl-importanza tal-prinċipju ta' sħubija, ta' approċċ minn isfel għal fuq u ta' allokazzjoni adegwata tar-riżorsi;

36.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tevalwa l-programmi kollha msemmija hawn fuq, b'mod olistiku, sabiex jiġu evitati l-kunflitti bejn il-miri u d-domandi u biex tnaqqas il-burokrazija; iqis li reviżjoni bħal din għandha tinkludi analiżi tal-implimentazzjoni ta' kull Stat Membru, u b'hekk tiġi żgurata ugwaljanza akbar f'termini ta' aċċess għall-fondi;

37.Il-Fond Soċjali Ewropew għandu jiddedika aktar riżorsi għall-finanzjament tal-parteċipazzjoni tal-ħaddiema qiegħda f'programmi ta' taħriġ fl-Istati Membri tal-UE kif ukoll f'programmi fil-pajjiż tal-oriġini tagħhom, biex b'hekk tkun iffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol Ewropew magħżul minnhom u tissaħħaħ iċ-ċittadinanza Ewropea;

38.  Jistieden lill-Istati Membri biex jiżviluppaw politiki li jagħtu spinta lill-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, minn età bikrija, billi jipprovdi opportunitajiet ta' internat u żjarat fil-kumpaniji;

39. Jistieden lill-Istati Membri biex, bl-għan li tingħata spinta lill-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ, jappoġġaw l-assoċjazzjonijiet u l-inizjattivi li jgħinu lill-intraprendituri żgħażagħ fl-iżvilupp ta' proġetti innovattivi billi jipprovdulhom appoġġ amministrattiv, legali jew organizzattiv;

40.   Jirrimarka li l-intrapriżi tal-ekonomija soċjali, inklużi dawk li jipprovdu s-servizzi soċjali, jiffaċċaw problemi saħansitra aktar mill-intrapriżi tradizzjonali biex jiksbu finanzjament pubbliku u privat, minħabba, fost fatturi oħra, in-nuqqas ta' tagħrif dwar is-sitwazzjoni attwali min-naħa tal-maniġers intermedjarji finanzjarji; jenfasizza l-ħtieġa li tali intrapriżi jingħataw aktar appoġġ, speċjalment fir-rigward tal-aċċess għal forom differenti ta' finanzjament, inklużi l-fondi Ewropej; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jitnaqqsu l-piżijiet amministrattivi biex jiġu appoġġati l-intrapriżi soċjali; jenfasizza l-ħtieġa li jingħataw qafas ġuridiku, pereżempju permezz ta' status Ewropew għas-soċjetajiet kooperattivi, l-assoċjazzjonijiet, il-fondazzjonijiet u s-soċjetajiet mutwi, filwaqt li tiġi rikonoxxuta l-azzjoni tagħhom fl-UE u tiġi evitata l-kompetizzjoni inġusta; jistieden lill-Kummissjoni biex tappoġġa l-investiment fl-ekonomija soċjali, u jilqa' l-fatt li parti mill-fondi għall-programm EaSI huma maħsuba biex jgħinu sabiex jiġi pprovdut aċċess għall-finanzi għall-intrapriżi tal-ekonomija soċjali u solidali;

41.  Jenfasizza l-valur soċjali u ekonomiku għoli tal-investiment fil-protezzjoni soċjali, inklużi s-servizzi soċjali; jiddikjara li tali investiment soċjali għandu jingħata iktar flessibbiltà fi ħdan il-Proċedura ta' Żbilanċ Makroekonomiku, biex b'hekk l-Istati Membri jiġu mħeġġa jinvestu fis-servizzi soċjali għal żvilupp ekonomiku u soċjali pożittiv;

Użu aħjar tal-fondi Ewropej biex irawmu l-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali

42. Jilqa' l-istabbiliment tal-FEIS fl-ewwel sena tal-implimentazzjoni tiegħu u r-rwol tiegħu li jappoġġa l-aħjar proġetti fil-livell Ewropew; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li l-FEIS jippermetti konverġenza ekonomika u soċjali aħjar tal-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom fi ħdan l-UE u li l-Istati Membri kollha jagħmlu użu mill-possibbiltà li jaċċessaw dan il-fond b'mod konformi mal-objettivi tal-politika ta' koeżjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex twettaq monitoraġġ u tikkontrolla l-investimenti taħt il-FEIS; jemmen li għandu jiġi ppubblikat rapport biex jivverifika u jkejjel l-impatt ekonomiku u soċjali tal-investiment ikkonċernat f'termini reali;

43.   Jirrimarka li l-prijoritajiet tal-investiment għandhom ikunu orjentati lejn proġetti infrastrutturali fejn dawn ikunu meħtieġa b'mod ċar sabiex ikunu żgurati koeżjoni ikbar, ġustizzja soċjali jew l-iżvilupp tal-kapital uman jew biex jitjieb it-tkabbir inklużiv sostenibbli; jistieden lill-Kummissjoni biex titlob kemm preżentazzjoni minn qabel tar-riżultati soċjali u ekonomiċi mistennija ta' kwalunkwe proġett tal-investiment iffinanzjat mill-UE, kif ukoll biex tinkludi l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni sussegwenti; jenfassizza l-ħtieġa li jiġi evitat l-impatt negattiv fuq l-ambjent li dawn il-proġetti jistgħu jikkawżaw;

44.   Jenfasizza, b'kont meħud tad-diffikultajiet tal-Istati Membri fl-użu sħiħ tal-fondi Ewropej, li l-UE għandha tiggarantixxi kemm użu xieraq u aħjar tal-investimenti tagħha, li għandhom jiġu mqabbla mal-prijoritajiet u l-valuri fundamentali tagħha kif deskritt fit-Trattati u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, kif ukoll il-ġestjoni effiċjenti tar-riżorsi tagħha, u għandha taqta' l-piżijiet amministrattivi u tnaqqas l-ostakli fir-rigward tal-aċċess, tal-implimentazzjoni u tal-evalwazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat li l-intrapriżi kollha jkollhom opportunitajiet indaqs għall-aċċess għall-finanzjament; jitlob lill-Kummissjoni biex tiżgura monitoraġġ mill-qrib tal-użu tal-fondi tal-UE;

45. Jilqa' t-talba tal-Kummisjoni lill-Istati Membri biex iżidu l-investiment soċjali tagħhom sabiex tingħata spinta lill-koeżjoni ekonomika, territorjali u soċjali Ewropea, speċjalment fil-kura tas-saħħa u l-kura fit-tul (formali u informali) kif ukoll fis-servizzi soċjali, fil-kura tat-tfal, fl-appoġġ tal-akkomodazzjoni u s-servizzi tar-riabilitazzjoni; jistieden lill-intrapriżi u l-benefiċjarji oħra eliġibbli kollha biex jagħmlu użu aħjar tal-mekkaniżmi tal-investiment ipprovduti mill-fondi Ewropej u proġetti li għandhom applikazzjoni diretta; jistdieden barra minn hekk lill-Kummissjoni biex twettaq monitoraġġ dwar jekk ir-rakkomandazzjonijiet tal-UE humiex qed jiġu implimentati b'mod xieraq mill-Istati Membri;

46.  Jinnota li dawk li jagħtu l-kura b'mod formali u speċjalment dawk li jagħtu l-kura b'mod informali jirrappreżentaw pilastru importanti biex jiġu indirizzati d-domandi dejjem ikbar relatati mal-futur tas-sistemi tal-kura fl-Ewropa; jenfasizza l-ħtieġa tat-titjib tal-protezzjoni soċjali għall-membri tal-familja responsabbli mill-kura, li spiss ikollhom inaqqsu l-impjieg imħallas tagħhom sabiex jipprovdu kura bla ħlas u konsegwentement jitilfu d-drittijiet tas-sigurtà soċjali;

47.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex ittejjeb l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b'appoġġ tal-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-pajjiż (CSRs), u jinnota l-proposta tal-Kummissjoni lill-Istati Membri dwar il-finanzjament għall-assistenza teknika; jenfasizza li dawn il-fondi m'għandhomx jintużaw biss biex jimplimentaw is-CSRs, peress li dan jista' potenzjalment iwassal biex jitħallew barra oqsma oħra importanti ta' investiment;

48.   Jaqbel dwar il-ħtieġa li jiġi żviluppat proċess ta' konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq sabiex titrawwem il-koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali fi ħdan u bejn l-Istati Membri u r-reġjuni tagħhom, iżda jinnota li dan għandu jitqies bħala għan ta' proġett komuni li fih għandhom rwol ewlieni d-djalogu soċjali u l-involviment tal-partijiet kollha kkonċernati; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-politika soċjali taqa' taħt il-kompetenza kondiviża bejn l-UE u l-Istati Membri u li r-rwol tal-UE f'dan il-qasam huwa limitat għal azzjoni li tappoġġa u tikkumplimenta l-attivitajiet tal-Istati Membri f'konformità mal-Artikolu 153 TFUE u f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà;

49.  Jitlob li jiġu indirizzati l-inugwaljanzi ekonomiċi li jaġixxu ta' ostaklu għat-tkabbir ekonomiku fit-tul; jenfasizza li l-qasma bejn l-ifqar reġjuni u l-bqija tal-UE qed tikber u jitlob sforzi mmirati urġenti kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali għall-promozzjoni tal-koeżjoni u t-tkabbir f'dawk ir-reġjuni; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħtu spinta lill-investimenti strateġiċi sabiex tiżdied il-kompetittività fir-rigward tal-Artikolu 174 TFUE, b'mod partikolari f'dawk ir-reġjuni li jbatu minn żvantaġġi naturali jew demografiċi gravi u permanenti;

50.  Jistieden lill-Kummissjoni biex ittejjeb l-applikazzjoni tal-Artikolu 349 TFUE sabiex tagħmel ir-reġjuni ultraperiferiċi aktar integrati fl-Ewropa tar-Reġjuni, filwaqt li tiddistingwi politiki tal-UE sabiex tiggarantixxi l-ekwità bejn ir-reġjuni u tippromwovi l-konverġenza 'l fuq; jenfasizza li huwa neċessarju li tinżamm l-attenzjoni speċjali mogħtija lir-reġjuni ultraperiferiċi, mhux biss f'termini ta' allokazzjoni ta' fondi iżda wkoll fid-dawl tal-impatt li l-politiki Ewropej jista' jkollhom fuq il-livelli ta' impjieg u s-sitwazzjoni soċjali tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni biex tiżgura li d-deċiżjonijiet Ewropej u l-allokazzjonijiet tal-fondi jkunu akkumpanjati b'monitoraġġ xieraq, sabiex ikun hemm titjib sinifikanti wkoll fil-benessri taċ-ċittadini tar-reġjuni ultraperiferiċi;

51. Jistieden lill-Kummissjoni biex, fil-qafas tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP), tistudja l-possibbiltà li jiżdied il-finanzjament tal-FSE sabiex tiġi żgurata l-adegwatezza tal-objettivi tiegħu u tikkunsidra l-isfidi l-ġodda li ġew inkorporati, bħall-qgħad fit-tul jew l-integrazzjoni tar-refuġjati; jappella wkoll għall-istabbiliment ta' programm speċifiku, fi ħdan il-QFP kif miftiehem, għal dawk is-sottoreġjuni tal-UE li r-rati ta' qgħad tagħhom jaqbżu t-30 %;

L-inklużjoni soċjali bħala opportunità għas-soċjetà

52.   Jilqa' t-tiġdid tal-linji gwida integrati tal-istrateġija Ewropa 2020; jenfasizza li l-pertinenza tal-istrateġija Ewropa 2020 kibret minn mindu nħolqot, u jistieden lill-Istati Membri biex isaħħu l-implimentazzjoni tagħha fil-prattika; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iwettqu monitoraġġ aktar mill-qrib tal-implimentazzjoni nazzjonali u globali tagħha; iqis neċessarju li jibdew jipproġettaw xenarju post-Ewropa 2020 marbut mal-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli;

53.   Jinsab imħasseb dwar il-fatt li l-impjieg, fih innifsu, m'għadux garanzija kontra l-faqar jew l-aħjar għodda biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali, bi 12.7 % ta' nies fl-età li jaħdmu jbatu minn faqar fost dawk li jaħdmu fl-2014, żieda minn 11 % fl-2009; jistieden lill-Kummissjoni biex tipproponi strateġija integrata tal-UE kontra l-faqar, sabiex tiġi indirizzata l-multidimensjonalità tal-faqar għall-gruppi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, u tippromwovi integrazzjoni attiva, ibbażata fuq id-dritt għal protezzjoni soċjali xierqa; f'dan ir-rigward, itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tipproponi inizjattiva li tippromwovi l-introduzzjoni ta' dħul minimu fl-Istati Membri mingħajr ma tikser il-prinċipju tas-sussidjarjetà;

54.   Jistieden lill-Istati Membri biex jimplimentaw u jimmonitorjaw forom aktar effettivi, effiċjenti u inklużivi tas-sistemi tal-protezzjoni soċjali u ta' appoġġ tad-dħul, sabiex jiġi żgurat li dawn is-sistemi joffru standard adegwat ta' għajxien għall-persuni qiegħda u dawk fir-riskju tal-faqar u l-esklużjoni soċjali, filwaqt li jiggarantixxu li tali mekkaniżmi ma jipperpetwawx id-dipendenza soċjali u jiżguraw aċċess għall-edukazzjoni, taħriġ u opportunitajiet ta' dħul fis-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiskambjaw l-aħjar prattiki dwar l-effiċjenza ta' dħul minimu biex jitnaqqsu l-inugwaljanza u l-esklużjoni soċjali fl-Ewropa;

55.   Iħeġġeġ lill-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri meħtieġa għall-inklużjoni soċjali tar-refuġjati, il-migranti li jirrisjedu legalment fl-UE u dawk li jfittxu l-asil, skont il-leġiżlazzjoni rilevanti dwar l-asil; jinnota madankollu, li tali miżuri jistgħu jkunu effettivi biss jekk ikunu kondiviżi u jiġu implimentati mill-Istati Membri kollha; iqis li tali approċċ se jeħtieġ allokazzjoni ta' fondi adegwata u fis-sitwazzjoni preżenti hekk fraġli, ma jistgħux jiġu pprovduti biss mill-Istati Membri; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-finanzjament meħtieġ biex jiġi żviluppat approċċ olistiku għall-migrazzjoni, bħala parti mir-rieżami ta' nofs il-perjodu tal-QFP; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jieħdu miżuri xierqa biex ir-refuġjati jiġu megħjuna jistabbilixxu ruħhom u jintegraw, kif ukoll sabiex jiżguraw li s-servizzi pubbliċi jkollhom riżorsi biżżejjed u li jkun hemm antiċipazzjoni bikrija tal-ħtiġijiet sabiex tiġi ffaċilitata t-tranżizzjoni tagħhom għas-suq tax-xogħol, inklużi mekkaniżmi għar-rikonoxximent ta' ħiliet u kompetenzi; l-awtoritajiet lokali u s-sħab soċjali għandhom jaqdu rwol importanti biex tkun iffaċilitata integrazzjoni effettiva tal-migranti fis-suq tax-xogħol u jiġi pprevenut l-abbuż tax-xogħol;

56.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri sabiex jittrasponu bis-sħiħ fil-leġiżlazzjoni nazzjonali u biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet kollha inklużi fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni aġġornata; jiddeplora l-fatt li l-Kummissjoni kellha tadotta 40 deċiżjoni ta' ksur kontra varji Stati Membri, inklużi Avviż ta' Tqegħid fil-Mora lil 19-il Stat Membru talli ma ħadux il-miżuri neċessarji sabiex jittrasponu d-Direttiva dwar il-Kondizzjonijiet ta' Akkoljenza; jappoġġa lill-Kummissjoni fl-isforzi tagħha biex issaħħaħ l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni;

57.  Ifakkar lill-Istati Membri, fid-dawl tat-tixjiħ taċ-ċittadini Ewropej u r-rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ f'ċerti partijiet tal-UE, dwar ir-riskju soċjali involut fin-nuqqas li jkunu ggarantiti s-sostenibbiltà, is-sigurtà, l-adegwatezza u l-effikaċja tas-sistemi ta' sigurtà soċjali tul l-għexieren ta' snin li ġejjin; għalhekk, iħeġġeġ lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji li jiżguraw li aktar nies ikunu jistgħu jibqgħu attivi fis-soċjetà;

58.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jaħdmu flimkien fuq it-tneħħija tal-ostakli għal mobilità tax-xogħol ġusta, peress li l-moviment liberu huwa dritt fundamentali fl-UE, u biex jaġixxu fuq naħa waħda biex tiżdied ir-rata tal-impjiegi u, min-naħa l-oħra, biex jiġi żgurat li l-ħaddiema mobbli tal-UE jkunu trattati bl-istess mod bħall-ħaddiema nazzjonali u li ma jiġux abbużati jew diskriminati, u li d-drittijiet tal-impjieg u dawk soċjali tagħhom jkunu ggarantiti;

59.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw il-mobilità fi ħdan l-UE tal-forza tax-xogħol fl-Unjoni kollha, bħala mezz biex jinħolqu opportunitajiet kemm għall-ħaddiema kif ukoll għall-intrapriżi; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw u jippromwovu l-għodod Ewropej disponibbli biex jiffaċilitaw din il-mobbiltà tax-xogħol, speċjalment in-netwerk Ewropew tal-impjiegi EURES; fil-każ ta' reġjuni transkonfinali fejn il-mobilità tal-impjiegi hija verament għolja, jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw sħubijiet transfruntieri EURES biex il-ħaddiema jiġu megħjuna fil-pjanijiet tagħhom ta' mobilità;

60.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tiżviluppa pjan konkret dwar kif is-Semestru Ewropew se jintuża biex jiġu implimentati l-prinċipji tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabilità;

61.  Jiddikjara li d-djalogu soċjali huwa strument ewlieni għat-titjib tal-kundizzjonijiet tax-xogħol, u li sabiex jiġu żgurati l-aħjar kundizzjonijiet possibbli għad-djalogu bejn is-sħab soċjali, il-prekundizzjonijiet neċessarji f'dan il-kuntest huma l-eżistenza ta' trade unions b'saħħithom, il-parteċipazzjoni tal-impjegati fil-kwistjonijiet tal-kumpanija u t-tisħiħ tal-ftehimiet kollettivi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu l-kwalità tad-djalogu soċjali anki fil-livell Ewropew filwaqt li jiġu żgurati konsultazzjonijiet f'waqthom u sinifikanti tas-sħab soċjali, u li jippermettu l-analiżi meħtieġa u l-integrazzjoni tal-proposti fil-proċessi ta' teħid ta' deċiżjonijiet;

62.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex isaħħu l-isforzi tagħhom sabiex jindirizzaw id-dumping soċjali u tal-pagi fl-UE, li jikkawżaw ħsara sinifikanti lill-ħaddiema affettwati u lis-sistemi tal-protezzjoni soċjali tal-Istati Membri; jitlob, barra minn hekk, li s-sħab soċjali jiġu inklużi fil-livelli kollha f'dawn l-isforzi;

Koordinazzjoni aħjar tas-Semestru Ewropew

63.   Jilqa' r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni fuq iż-żona tal-euro, li tikkonsolida l-analiżi konġunta u d-definizzjoni ta' strateġiji tad-dimensjonijiet soċjali u ekonomiċi tal-Istati Membri skont l-UEM, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li dawn il-kriterji jiġu rikonċiljati; madankollu, iwissi dwar il-possibbiltà tal-iżvilupp ta' politika tal-UE fuq żewġ livelli;

64.   Jemmen li r-rakkomandazzjoni taż-żona tal-euro għandha tkun il-punt tat-tluq biex tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali f'dak li jirrigwarda:

(a) mekkaniżmi msaħħa ta' responsabbiltà demokratika kemm fil-livell tal-UE kif ukoll f'dak nazzjonali, inkluż ftehim interistituzzjonali mal-Parlament Ewropew, u li jiżguraw li l-parlamenti nazzjonali kollha taż-żona tal-euro jkollhom il-kundizzjonijiet biex isegwu kull pass tal-proċess tas-Semestru Ewropew;

(b) dimensjoni soċjali ffukata fuq il-preservazzjoni tal-ekonomija soċjali tas-suq Ewropew, li tipprovdi livelli bażiċi ta' pagi aħjar fil-forma ta', fejn applikabbli u f'konformità mal-prinċipju tas-sussidjarjetà, pagi minimi ffissati f'livelli xierqa u bl-involviment tas-sħab soċjali.

(c) laqgħat konġunti bejn il-Kunsill EPSCO u l-Kunsill ECOFIN, sabiex jiġu promossi politiki soċjoekonomiċi kkoordinati bl-għan li tissaħħaħ il-kompetittività fl-Ewropa u biex tingħata spinta sostenibbli lit-tkabbir u l-impjiegi ta' kwalità;

(d) laqgħat tal-Ministri tax-Xogħol u l-Ministri għall-Affarijiet Soċjali taż-Żona Euro sabiex jintegraw aħjar id-dimensjoni soċjali tagħha u jindirizzaw b'mod adegwat l-iżbilanċi soċjali;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, mill-aktar fis possibbli, proposta li tistabbilixxi pilastru dwar id-drittijiet soċjali, li kapaċi tiżgura kundizzjonijiet ekwi madwar l-UE, bħala parti mill-isforzi favur suq tax-xogħol ġust u tassew pan-Ewropew kif ukoll li tkun mezz biex titrawwem konverġenza ekonomika u soċjali 'l fuq sabiex jiġu indirizzati d-disparitajiet ekonomiċi u soċjali li jeżistu fi ħdan u bejn l-Istati Membri;

66.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi monitoraġġ adegwat u segwitu tal-implimentazzjoni tas-CSRs u biex tiżgura li jkun hemm attenzjoni adegwata fir-rigward tal-kwistjonjiet marbuta mal-impjiegi u l-inklużjoni soċjali;

67. Jitlob li jkun hemm rwol aktar b'saħħtu għall-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, inklużiv u sostenibbli, u għall-miri tagħha, b'mod partikolari l-miri soċjali li għandhom jiġu riflessi b'mod ugwali fl-istrumenti kollha tas-Semestru, inklużi s-CSRs;

68.   Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni ddistingwiet b'mod ċar fażi Ewropea u nazzjonali fir-rigward tas-Semestru Ewropew; jenfasizza l-ħtieġa għal koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-istituzzjonijiet Ewropej fid-disinn, l-implimentazzjoni u l-evalwazzjoni tal-istrateġija Ewropea għat-tkabbir sostebibbli u inklużiv; jistieden lill-Kummissjoni biex tistabbilixxi aġenda ċara f'dan ir-rigward, li tinvolvi wkoll is-sħab soċjali, il-parlamenti nazzjonal, u l-partijiet l-oħra rilevanti mis-soċjetà ċivili, u biex jiġi żgurat li l-Kunsill Ewropew tar-Rebbiegħa jibqa' l-perjodu ta' żmien prinċipali fejn jiġu ddefiniti l-prijoritajiet ta' politika abbażi tal-kontributi mill-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kunsill; jemmen li l-Kummissjoni tista' twettaq monitoraġġ u rappurtar fir-rigward ta' jekk ġewx implimentati s-suġġerimenti għall-implimentazzjoni ta' ċerti CSRs fuq bażi ta' konsultazzjoni mas-sħab soċjali;

69.   Jemmen li, sabiex ikun hemm qbil mal-politiki Ewropej u nazzjonali dwar it-tkabbir u tiġi ggarantita l-adegwatezza tagħhom fil-prattika, huwa kruċjali li jissaħħaħ ir-rwol tas-sħab soċjali kemm fil-livell Ewropew kif ukoll f'dak nazzjonali; jenfasizza li, sabiex isir progress fil-konverġenza 'l fuq u fil-bilanċ tal-kompetittività u l-ekwità, id-djalogu soċjali għandu jiġi segwit fil-fażijiet kollha tas-Semestru; f'dan ir-rigward, jilqa' l-isforzi tal-Kummissjoni biex tniedi mill-ġdid id-djalogu soċjali u l-approċċ simplifikat introdott permezz tas-SAT għall-2015; jirrimarka, madankollu, li f'ħafna Stati Membri, is-sitwazzjoni għadha dgħajfa fil-livell nazzjonali;

70.   Jemmen li l-Kummissjoni tista' ssaħħaħ ir-rwol tal-Uffiċjali tas-Semestru Ewropew billi tiddefinixxi aħjar l-objettivi u l-funzjonijiet tagħhom;

71.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI

FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

17.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

38

9

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Thomas Händel, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Tania González Peñas, Sergio Gutiérrez Prieto, António Marinho e Pinto, Tamás Meszerics, Neoklis Sylikiotis, Ivo Vajgl

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

38

+

ALDE Group

NI

PPE Group

 

S&D Group

 

 

 

Verts/ALE Group

 

Enrique Calvet Chambon, Marian Harkin, António Marinho e Pinto, Ivo Vajgl, Renate Weber

Lampros Fountoulis,

David Casa, Danuta Jazłowiecka, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Ádám Kósa, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Elisabeth Morin-Chartier, Marek Plura, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Romana Tomc,

Guillaume Balas, Brando Benifei, Vilija Blinkevičiūtė, Ole Christensen, Elena Gentile, Sergio Gutiérrez Prieto, Agnes Jongerius, Jan Keller, Javi López, Emilian Pavel, Maria João Rodrigues, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Marita Ulvskog,

 

Jean Lambert, Tamás Meszerics, Tatjana Ždanoka,

 

9

-

EFDD Group

ENF Group

GUE/NGL Group

 

Jane Collins,

Mara Bizzotto, Dominique Martin, Joëlle Mélin,

Tania González Peñas, Thomas Händel, Patrick Le Hyaric, João Pimenta Lopes, Neoklis Sylikiotis,

 

8

0

ALDE Group

ECR Group

EFDD Group

 

Martina Dlabajová,

Amjad Bashir, Arne Gericke, Czesław Hoc, Ulrike Trebesius, Jana Žitňanská,

Laura Agea, Tiziana Beghin,

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet