Proċedura : 2015/2221(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0033/2016

Testi mressqa :

A8-0033/2016

Dibattiti :

PV 10/03/2016 - 3
CRE 10/03/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 10/03/2016 - 7.11
CRE 10/03/2016 - 7.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0093

RAPPORT     
PDF 650kWORD 163k
19.2.2016
PE 569.634v01-00 A8-0033/2016

dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2015

(2015/2221(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

Rapporteur: Roberto Gualtieri

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-Unjoni Bankarja – Rapport Annwali 2015

(2015/2221(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 1024/2013 tal-15 ta' Ottubru 2013, li jikkonferixxi kompiti speċifiċi lill-Bank Ċentrali Ewropew fir-rigward ta' politiki relatati mas-superviżjoni prudenzjali ta' istituzzjonijiet ta' kreditu(1) (Regolament tal-MSU),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bank Ċentrali Ewropew dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-BĊE fil-qafas tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku(2),

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-BĊE dwar l-attivitajiet superviżorji 2014 ta' Marzu 2015(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 468/2014 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-16 ta' April 2014 li jistabbilixxi qafas għal kooperazzjoni fi ħdan il-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku bejn il-Bank Ċentrali Ewropew u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u ma' awtoritajiet nazzjonali nominati (Regolament Qafas tal-MSU)(4),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Settembru 2014 dwar l-implimentazzjoni ta' separazzjoni bejn il-funzjonijiet ta' politika monetarja u ta' superviżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE/2014/39)(5),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Bank Ċentrali Ewropew tal-4 ta' Frar 2014 li tidentifika l-istituzzjonijiet ta' kreditu li huma suġġetti għall-evalwazzjoni komprensiva (BĊE/2014/3)(6),

–  wara li kkunsidra x-xogħol reċenti tal-Kumitat ta' Basel, b'mod speċjali r-Reviżjonijiet tal-Approċċ Standardizzat għar-riskju ta' kreditu u r-Reviżjoni tal-kejl tar-riskju operazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-valutazzjoni komprensiva mwettqa mill-Bank Ċentrali Ewropew bejn Novembru 2013 u Ottubru 2014(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/534 tal-Bank Ċentrali Ewropew tas-17 ta' Marzu 2015 dwar ir-rapportar ta' informazzjoni finanzjarja superviżorja(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 806/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Lulju 2014 li jistabbilixxi regoli uniformi u proċedura uniformi għar-riżoluzzjoni tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u ċerti ditti tal-investiment fil-qafas ta' Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni u Fond Uniku għar-Riżoluzzjoni u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1093/2010(9) (Regolament SRM),

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali bejn il-Parlament Ewropew u l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni dwar il-modalitajiet prattiċi tal-eżerċizju tar-responsabbiltà demokratika u tas-superviżjoni tal-eżerċizju tal-kompiti mogħtija lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni fil-qafas tal-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/49/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 dwar skemi ta' garanzija tad-depożiti(10),

–  wara li kkunsidra r-Rapport dwar Nikkompletaw l-Unjoni Ekonomika u Monetarja tal-Ewropa ("Ir-Rapport tal-Ħames Presidenti"),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni Ewropea li tirreferi lir-Repubblika Ċeka, il-Lussemburgu, in-Netherlands, il-Polonja, ir-Rumanija u l-Iżvezja lill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea minħabba li naqsu milli jimplimentaw id-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni ta' Banek (2014/59/UE),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-Kunsill dwar l-Unjoni Bankarja u l-arranġamenti ta' finanzjament tranżitorju għall-Fond Uniku ta' Riżoluzzjoni tat-8 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar analiżi u sfidi tar-Regolament tal-UE dwar is-Servizzi Finanzjarji: l-impatt u t-triq 'il quddiem lejn qafas tal-UE aktar effiċjenti u effikaċi għal Regolamentazzjoni Finanzjarja u Unjoni tas-Swieq Kapitali(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar ir-rieżami tal-qafas ta' governanza ekonomika: analiżi u sfidi(12),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku dwar it-trattament regolatorju ta' skoperturi sovrani ta' Marzu 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 bit-titolu "Lejn it-tlestija tal-Unjoni Bankarja" (COM(2015)0587),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni tal-24 ta' Novembru 2015 għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (UE) 806/2014 sabiex tiġi stabbilita Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (COM(2015)0586),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0033/2016),

A.  billi l-Unjoni Bankarja (UB) hija komponent indispensabbli ta' unjoni monetarja u sies fundamentali fil-bini ta' unjoni ekonomika u monetarja ġenwina (UEM) u billi hija miftuħa għall-parteċipazzjoni tal-Istati Membri li l-munita tagħhom mhijiex l-euro;

B.  billi l-UB hija strumentali biex tiġi żgurata stabbiltà u tinkiseb lura l-fiduċja fil-banek taż-żona tal-euro, tissaħħaħ l-integrazzjoni finanzjarja u jitnaqqas ir-riskju fis-sistema bankarja Ewropea u l-periklu morali, filwaqt li tikkontribwixxi biex tinqata' r-rabta bejn is-sovrani u l-banek u titħeġġeġ il-kondiviżjoni tar-riskju fl-unjoni monetarja;

C.  billi l-UB għandha rwol ewlieni fil-finanzjament ta' investimenti u, għaldaqstant, fir-trawwim tat-tkabbir u l-ħolqien ta' impjiegi fl-UE;

D.  billi f'UB, Ġabra Unika ta' Regoli għandha tiġi kkomplementata b'Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU), Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM) u livell għoli u uniformi ta' protezzjoni tad-depożiti u b'garanzija ta' kontinġenza fiskali effiċjenti fil-livell tal-UE;

E.  billi l-MSU huwa l-ewwel pilastru tal-UB u għandu l-għan li jiżgura superviżjoni uniformi u omoġena tal-banek tal-Istati Membri parteċipanti, joħloq kundizzjonijiet ekwi fis-suq bankarju, u jikkontribwixxi għas-sikurezza u s-solidità tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja filwaqt li jirrispetta d-diversità tal-banek u l-mudelli kummerċjali tagħhom;

F.  billi fil-kuntest tal-attivitajiet superviżorji tiegħu, il-Bank Ċentrali Ewropew (BĊE) sa issa ma kkunsidrax il-prinċipju ta' proporzjonalità b'mod suffiċjenti;

G.  billi l-SRM huwa t-tieni pilastru tal-UB u għandu l-għan li jiżgura regoli u proċeduri uniformi u proċess ta' teħid ta' deċiżjonijiet komuni għar-riżoluzzjoni ordnata ta' banek li qed ifallu b'impatt minimu fuq il-bqija tas-sistema finanzjarja, l-ekonomija reali, iċ-ċittadini ordinarji, u l-finanzi pubbliċi fl-Ewropa kollha;

H.  billi t-tielet pilastru tal-UB s'issa jikkonsisti f'approssimazzjoni ta' SGD, u kien biss reċentement li l-Kummissjoni ressqet proposta għal Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti mmirata biex tiżgura gradwalment livell unifikat ta' protezzjoni tad-depożiti li se tkun suġġetta għad-deċiżjoni tal-koleġiżlaturi permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

I.  billi r-Regolament tal-MSU u r-Regolament SRM jitolbu li korpi ġodda maħluqa skont l-MSU – b'mod partikolari l-Bord Superviżorju tal-BĊE – u l-SRM – b'mod partikolari l-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni – jikkonformaw mal-prinċipji tat-traparenza u tar-responsabbiltà fir-rigward tat-twettiq tal-kompiti tagħhom; billi dawn il-korpi għandhom ikunu eżempji ewlenin f'dan ir-rigward kif ukoll f'termini ta' kompetenza teknika u integrità;

Mekkaniżmu Superviżorju Uniku (MSU)

1.  Jilqa' l-istabbiliment tal-MSU, li kien ta' suċċess sa mill-ħolqien tiegħu kemm mil-lat operattiv kif ukoll f'termini ta' kwalità superviżorja, u jikkunsidrah kisba notevoli, fid-dawl tal-kumplessità tal-proġett u l-perjodu ta' żmien ferm qasir disponibbli;

2.  Iħeġġeġ li jkun hemm rappreżentanza wiesgħa fl-UB permezz tal-involviment u l-parteċipazzjoni futuri tal-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti tal-Istati Membri mhux parteċipanti skont ir-regoli u l-proċeduri legali stabbiliti kif ukoll permezz ta' kooperazzjoni msaħħa ma' pajjiżi terzi lil hinn mill-UE; jafferma mill-ġdid li koordinazzjoni aktar mill-qrib bejn l-Awtoritajiet Nazzjonali Kompetenti fl-UE u fil-livell internazzjonali hija essenzjali biex jiġu żgurati r-regolamentazzjoni u s-superviżjoni effettivi tal-banek importanti b'mod sistematiku;

3.  Jilqa' b'mod partikolari, b'rabta mal-istruttura operattiva:

(a)  il-proċess ta' reklutaġġ, li rriżulta f'taħlita tajba ta' kompetenzi, kulturi u ġeneri, u li għalhekk jikkontribwixxi għan-natura sopranazzjonali tal-MSU, u l-programm ta' attività ta' taħriġ bir-reqqa għall-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs) u l-persunal tal-BĊE; jirrimarka li, madankollu, hemm lok għal titjib fil-prattiki kuntrattwali tal-BĊE, speċjalment fir-rigward ta' għadd ta' kuntratti fuq terminu qasir, ta' kontrolli fuq is-siegħat ta' ħidma tal-persunal, it-trasparenza tal-proċess ta' reklutaġġ u r-rieda ta' negozjati mal-unions; jinnota li l-BĊE ħabbar li ħatar l-ewwel Direttur Amminstrattiv biex jieħu ħsieb is-servizzi amministrattivi kollha, is-servizzi tal-IT u r-riżorsi umani;

(b)  l-abbozzar, abbażi tal-aħjar prattiki nazzjonali, tal-Manwal ta' Superviżjoni li jistabbilixxi l-proċessi, il-proċeduri u l-metodi komuni għat-twettiq ta' proċess ta' rieżami superviżorju fiż-żona tal-euro;

(c)  it-twaqqif tal-infrastruttura tal-IT u tal-għodod analitiċi ta' appoġġ; jenfasizza l-importanza ta' sistemi tal-IT b'saħħithom u li jiffunzjonaw tajjeb li jikkorrispondu għall-ħtiġijiet tal-funzjonijiet superviżorji tal-MSU; iħeġġeġ il-koordinazzjoni bejn l-MSU u l-awtoritajiet ta' superviżjoni nazzjonali sabiex jintlaħqu l-ħtiġijiet tad-data permezz ta' applikazzjoni unika;

(d)  it-twaqqif tat-Timijiet Superviżorji Konġunti (TSK) u d-djalogu li huma stabbilew mal-istituzzjonijiet ta' kreditu taħt sorveljanza;

(e)  il-proċessi mfassla għat-twettiq tal-proċeduri komuni (l-awtorizzazzjoni tal-parteċipazzjonijiet kwalifikanti, tal-liċenzar, tal-għoti tal-passaporti, u l-valutazzjonijiet ta' kompetenza u idoneità);

4.  Jinnota li parti sinifikanti ħafna tax-xogħol regolarment tiġi ddedikata għall-proċeduri amministrattivi meħtieġa mir-Regolament dwar l-MSU, li mhux dejjem ikunu proporzjonati, u jinsab lest li jikkunsidra proposti mmirati biex inaqqsu l-piż operazzjonali minn fuq l-istrutturi fil-livelli kollha u jtejbu l-effikaċja tas-superviżjoni tal-MSU, jiġifieri billi jissimplifikaw il-proċeduri amministrattivi jew billi jiddelegaw ċerti deċiżjonijiet dwar kwistjonijiet amministrattivi speċifiċi b'linji gwida u limiti ċari;

5.   Jinnota b'sodisfazzjon li r-regoli dwar l-etika tal-BĊE ġew riveduti u jenfasizza l-importanza ta' regoli effettivi dwar il-kunflitt ta' interess u salvagwardji kontra influwenza mhux dovuta tal-industrija finanzjarja fuq il-persunal kif ukoll il-membri tal-korpi governattivi;

6.  Jemmen li filwaqt li l-livell ta' effikaċja miksub mit-TSK f'inqas minn sena huwa wieħed notevoli, jistgħu jsiru sforzi favur titjib ulterjuri, inkluż bl-involviment iktar effikaċi tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet;

7.  Jieħu nota tar-rimarki magħmula minn entitajiet taħt superviżjoni dwar il-ħtieġa ta' ppjanar bikri tal-azzjonijiet superviżorji, sabiex tiżdied il-kwalità tagħhom u tiġi evitata l-konsegwenza mhux intenzjonata li jiġu affettwati l-attivitajiet kummerċjali tal-banek, u jqis li hemm lok bil-kbir għal titjib f'dan ir-rigward;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu evitati rekwiżiti ta' rapportar doppju u mezzi ta' rappurtar multipli, u b'mod aktar ġenerali piż amministrattiv bla bżonn fuq l-istituzzjonijiet ta' kreditu, b'mod partikolari l-banek iżgħar, kif ukoll li jiġi żgurat ir-rispett għall-prinċipju ta' proporzjonalità; jitlob li tiżdied l-effikaċja tal-ġbir ta' data, li għandu josserva l-prinċipju ta' "darba biss" kif ukoll li jiġu eżaminati l-utilità, l-applikabbiltà u l-proporzjonalità tiegħu;

9.   Jistieden lill-BĊE jiżgura li l-ħolqien ta' bażi tad-data komprensiva dwar ir-riskju tal-kreditu (Analytical Credit Dataset, AnaCredit) jagħti attenzjoni partikolari lill-prinċipju tal-proporzjonalità u lill-ħtieġa li jiġu evitati spejjeż amministrattivi għolja b'mod sproporzjonat, partikolarment għal istituzzjonijiet iżgħar; jitlob, f'dan il-kuntest, biex il-limiti ta' rappurtar relevanti jiġu stabbiliti f'livell adegwat;

10.  Jenfasizza l-importanza ta' interazzjoni mill-qrib bejn id-Direttorati Ġenerali (DĠ) tal-BĊE responsabbli mis-superviżjoni mikroprudenzjali diretta u indiretta u d-DĠ responsabbli mis-superviżjoni orizzontali u s-servizzi ta' għarfien espert, u jenfasizza r-rwol ta' dan tal-aħħar biex itejjeb il-komprensjoni, fost l-entitajiet sorveljati, ta' approċċ superviżorju komuni li jservi ta' bażi għall-miżuri mikroprudenzjali individwali konkreti; jenfasizza l-importanza ta' separazzjoni organizzattiva sħiħa bejn il-persunal tal-MSU u l-persunal li jipprovdi s-servizzi meħtieġa għal finijiet ta' politika monetarja indipendenti;

11.  Jitlob rieżami sistematiku ta' valutazzjonijiet komprensivi tal-istituzzjonijiet taħt superviżjoni tal-BĊE, kif ukoll titjib xieraq fil-metodoloġija fid-dawl tal-lezzjonijiet li nsiltu, fil-każijiet kollha meta istituzzjoni titqies bħala soda skont il-valutazzjoni u sussegwentement jispiċċa jkollha problemi, kif ukoll meta istituzzjoni titqies sottokapitalizzata fuq il-bażi ta' xenarju ta' test tal-istress li jirriżulta mhux realistiku b'mod sinifikanti; jenfasizza l-limitazzjonijiet tal-metodoloġija tat-test tal-istress attwali li tevalwa l-esponiment għal pajjiż terz fuq il-bażi ta' valutazzjoni interna tal-banek;

12.  Jilqa' l-fatt li l-BĊE qed jaħdem fuq tisħiħ fil-qafas tal-ittestjar ġenerali tal-istress sabiex jintegra karatteristiċi dinamiċi aktar realistiċi fil-qafas tal-mudell tal-ittestjar tal-istress, iżid komponent adegwat tat-test tal-istress tal-likwidità, u jintegra effetti ta' kontaġju fi ħdan is-sistema bankarja kif ukoll l-interazzjoni f'żewġ direzzjonijiet mal-ekonomija reali u s-settur tax-shadow banking f'qafas usa';

13.  Iqis li l-valutazzjoni komprensiva mwettqa qabel it-tnedija tal-MSU hija pass fundamentali biex tinkiseb lura l-fiduċja mitlufa matul is-snin tal-kriżi u tissaħħaħ ir-reżiljenza tas-sistema bankarja taż-żona tal-euro billi titjieb il-kapitalizzazzjoni tagħha u tiżdied it-trasparenza; iqis li l-Proċess ta' Rieżami u Evalwazzjoni Superviżorji (SREP) u valutazzjonijiet komprensivi futuri tal-karti tal-bilanċ ta' bank jikkostitwixxu għodda meħtieġa biex jiġu identifikati banek li għandhom isaħħu l-kapitalizzazzjoni tagħhom u jnaqqsu l-ingranaġġ;

14.  Jenfasizza l-fatt li l-irkupru ekonomiku qed iseħħ imma, partikolarment minħabba livell insuffiċjenti ta' riformi strutturali, konverġenza u investiment kif ukoll dipendenza eċċessiva fuq fatturi esterni, għadu fraġli u limitat, filwaqt li l-inflazzjoni għadha taħt il-mira; jinnota f'dan il-kuntest li filwaqt li seta' jiġi osservat titjib tanġibbli fil-passat reċenti, id-dinamika tal-kreditu tibqa' kkontrollata f'ħafna ġuriżdizzjonijiet u numru kbir ta' self mhux produttiv għadu jirrappreżenta piż fuq il-karti tal-bilanċ ta' ħafna banek Ewropej, u b'hekk qed jillimita l-kapaċità tagħhom li jiffinanzjaw l-ekonomija;

15.  Ifakkar li l-kapaċità li jitħassar jew jinbiegħ is-self mhux produttiv hija ta' importanza vitali, għaliex tillibera kapital biex jiġi ffinanzjat self ġdid partikolarment lill-SMEs; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi indirizzata l-kwistjoni tas-self mhux produttiv fil-livell Ewropew, prinċipalment billi jiġi ffaċilitat it-twaqqif ta' kumpaniji maniġerjali tal-assi f'dawk il-pajjiżi fejn dan huwa meqjus bħala neċessarju, kif kien il-każ fi Spanja u fl-Irlanda;

16.  Jissottolinja li l-koordinazzjoni effikaċi bejn il-politiki makroprudenzjali u mikroprudenzjali hija kruċjali, u jenfasizza l-fatt li l-MSU huwa parti sħiħa mill-qafas makroprudenzjali tal-UE u ngħata responsabbiltajiet makroprudenzjali rilevanti, flimkien mal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-Kunsill Governattiv tal-BĊE; jenfasizza l-ħtieġa li jissaħħaħ ir-rwol tal-Bord Ewropew dwar ir-Riskju Sistemiku (BERS) sabiex jikkumplimenta s-setgħat tal-awtoritajiet nazzjonali kompetenti u l-MSU permezz ta' awtorità makroprudenzjali u transsettorjali madwar l-UE kollha, biex jiġi żgurat li l-makroriskji jiġu indirizzati fl-interess ġenerali Ewropew; iqis li l-politika makroprudenzjali għandha tpoġġi aktar enfasi fuq il-prevenzjoni ta' fluttwazzjonijiet kbar fiċ-ċiklu finanzjarju; ifakkar li l-BERS għandu jindirizza l-interkonnettività tas-swieq finanzjarji u kwalunkwe riskju sistemiku ieħor li jaffettwa l-istabbiltà tas-swieq finanzjarji;

17.  Jaqbel mal-opinjonijiet espressi minn membri tal-persunal superjuri tal-BĊE, jiġifieri li l-politika makroprudenzjali għandha tpoġġi aktar enfasi fuq il-prevenzjoni ta' fluttwazzjonijiet kbar fiċ-ċiklu finanzjarju, pjuttost milli sempliċement iżżid ir-reżiljenza għax-xokkijiet meta dawn iseħħu; jilqa' r-riċerka magħmula mill-BĊE fid-definizzjoni ta' stabbiltà finanzjarja u jħeġġeġ l-iżvilupp ta' għodod bħall-indiċi tar-riskju sistemiku diskuss fir-Rieżami tal-Istabbiltà Finanzjarja ta' Novembru 2015 għall-monitoraġġ tar-riskju sistemiku bħala parti minn manwal effettiv biex jiġi ġestit;

18.  Jinnota li r-Riforma Strutturali Bankarja, li nħolqot biex tnaqqas ir-riskju sistemiku u tindirizza l-kwistjoni ta' istituzzjonijiet "kbar wisq biex ifallu", għad trid tiġi implimentata; iħeġġeġ ftethim leġiżlattiv rapidu;

19.  Jinnota li s-settur tal-assigurazzjoni qed isir dejjem aktar involut fis-servizzi finanzjarji, u jenfasizza l-importanza ta' kundizzjonijiet ekwi sabiex jiġi evitat l-arbitraġġ regolatorju ta' regoli prudenzjali u ta' protezzjoni tal-konsumaturi;

20.  Jemmen li l-impetu madwar id-dinja kollha favur iktar kapital tal-banek u ta' kwalità aħjar u banek b'inqas ingranaġġ huwa kundizzjoni meħtieġa għal sistema bankarja soda li kapaċi tappoġġa l-ekonomija, u sabiex tiġi evitata kwalunkwe repetizzjoni tas-salvataġġi enormi esperjenzati matul il-kriżi; jenfasizza, madankollu, li l-iżvilupp ta' politiki regolatorji, superviżorji u oħrajn li għandhom x'jaqsmu mas-settur finanzjarju fil-livell globali (il-Bord għall-Istabilità Finanzjarja (FSB), il-Kumitat ta' Basel dwar is-Superviżjoni Bankarja (BCBS), eċċ) ma għandux jimmira għal mudell partikolari ta' finanzjament li jintuża f'parti waħda tad-dinja;

21.  Jinnota li żieda fir-rekwiżiti kapitali lil hinn minn ċertu limitu jista' fi żmien qasir joħloq konsegwenzi mhux intenzjonati, li jillimita l-kapaċità tas-self tal-banek, u li għalhekk dan ir-riskju għandu jiġi kkunsidrat meta jiġi ddeterminat il-livell ta' kapital; jenfasizza li l-interdipendenza bejn ir-rekwiżiti ta' kapital u l-provvista ta' kreditu mhijiex waħda lineari;

22.   Jistieden lill-Kummissjoni, flimkien mal-Awtoritajiet Superviżorji Ewropej (ASE), twettaq valutazzjoni komprensiva tar-rekwiżiti ta' kapital integrati fil-leġiżlazzjoni attwali u futura, b'mod partikolari bl-għan li jiġu analizzati l-konsegwenzi tagħhom fir-rigward tal-kundizzjonijiet ta' finanzjament tal-SMEs u b'mod aktar ġenerali tal-ekonomija reali, filwaqt li jitqies il-bilanċ bejn l-impatt fuq perjodu qasir u fit-tul tar-rekwiżiti ta' kapital u l-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-istabbiltà finanzjarja;

23.  Ifakkar fl-importanza tal-għodod bħall-"Fattur ta' Sostenn lill-SMEs"; jissuġġerixxi li l-inizjattivi għat-titjib tal-finanzjament tal-SMEs għandhom jiġu estiżi għan-negozji ġodda, l-intrapriżi mikro u l-kumpaniji b'kapitalizzazzjoni medja;

24.   Iqis l-istabbilizzazzjoni tal-qafas regolatorju u superviżorju bħala element importanti biex terġa' tinkiseb il-fiduċja tal-investituri, tiġi evitata l-inċertezza dwar l-azzjonijiet regolatorji u superviżorji, u biex jiġu appoġġati t-tkabbir u l-istabbiltà finanzjarja; jitlob tnaqqis fil-kumplessità tar-regolamentazzjoni eżistenti fuq perjodu qasir u l-istabbiliment fuq perjodu medju ta' ġabra integrata Ewropea ta' regoli dwar ir-regolamentazzjoni finanzjarja u d-drittijiet tal-konsumaturi, li tieħu post il-leġiżlazzjoni attwali kumplessa, oneruża u iżolata;

25.  Jilqa' l-iżvilupp ta' metodoloġija komuni għaċ-ċiklu tal-2015 tas-SREP; jieħu nota tal-fatt li, parzjalment b'konsegwenza tal-bidu rapidu tal-MSU, ħafna aspetti ta' din il-metodoloġija ġew finalizzati biss meta ċ-ċiklu tas-SREP kien diġà beda, u jqis li sabiex jissaħħu r-robustezza tar-riżultati u l-konsistenza bejn il-profili ta' riskju tal-banek u l-livelli kapitali tagħhom, il-proċess li jwassal għall-approvazzjoni tal-istandards superviżorji komuni għall-valutazzjoni tar-riskju jista' jibbenefika minn irfinar ulterjuri; jilqa' r-rieda tal-MSU li jaħdem fuq il-governanza tal-banek u b'mod partikolari fuq il-ġestjoni tar-riskju, l-aptit għar-riskju u r-riskju ċibernetiku;

26.  Iqis li l-kalkolu ta' Ammont Massimu Distribwibbli (AMD) għal kull bank individwali, f'konformità mal-Artikolu 141(6) tad-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti ta' Kapital (CRD), huwa għodda importanti għall-kisba mill-ġdid ta' kapital, bħala alternattiva għal karti tal-bilanċ dejjem jiċkienu; jenfasizza li n-nuqqas ta' ċarezza tal-leġiżlazzjoni dwar il-ġerarkija bejn it-tieni pilastru u l-bafers kapitali fir-rigward tas-soll tal-AMD u fir-rigward ta' miżuri oħra ta' sanzjonijiet ma għandux iwaqqaf lill-MSU milli juża marġni ta' flessibbiltà sabiex jiġu evitati soluzzjonijiet li jkunu riġidi wisq u li jistgħu jaffettwaw b'mod negattiv is-suq tal-bonds AT1 u l-kundizzjonijiet ekwi ma' ġurisdizzjonijiet oħra;

27.  Jenfasizza li l-għażliet nazzjonali u d-diskrezzjoni attribwiti lill-Istati Membri jipprevjenu l-MSU milli jiżviluppa approċċ superviżorju koerenti uniku fiż-żona tal-euro sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi, u jemmen li l-omoġenizzazzjoni ta' prattiki u standards għandha timxi id f'id mat-tlestija taż-żewġ pilastri l-oħrajn tal-Unjoni Bankarja; jilqa' f'dan ir-rigward il-pubblikazzjoni mill-BĊE ta' abbozz ta' regolament li għandu l-għan li jneħħi madwar 35 alternattiva u diskrezzjoni nazzjonali taħt il-qafas regolatorju bankarju tal-UE, kif ukoll abbozz ta' gwida biex jgħin lit-tim superviżorju konġunt jieħu deċiżjonijiet b'mod iktar konsistenti fl-oqsma koperti mill-għażliet u d-diskrezzjonijiet l-oħrajn identifikati; iqis li tali implimentazzjoni unika tirrikjedi approċċ gradwali u għandu jkollha l-għan li tindirizza s-segmentazzjonijiet u l-ostakli eżistenti kollha; jinsab lest li jikkoopera fil-livell leġiżlattiv sabiex l-armonizzazzjoni superviżorja u regolatorja tkompli titjieb; jenfasizza l-bżonn li jiġu eżaminati mill-ġdid l-alternattivi u d-diskrezzjonijiet nazzjonali sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet indaqs madwar l-Unjoni Bankarja, inkluż bejn istituzzjonijiet konglomerati u mhux konglomerati li għandhom ishma f'impriżi tal-assigurazzjoni;

28.  Ifakkar li l-applikazzjoni ta' miżuri ta' valur ġust għal qligħ u telf mhux realizzat fuq skoperturi għal gvernijiet ċentrali klassifikati bħala ''disponibbli għall-bejgħ'', mhux biss issaħħaħ ir-rabta bejn il-banek u s-sovrani, iżda tista' twassal ukoll għal volatilità tal-fondi proprji; jistieden lill-BĊE jżomm in-nonapplikazzjoni ta' dan il-kejl sa ma jiġi applikat l-IFRS 9;

29.  Jenfasizza l-fatt li kemm ir-Regolament (UE) Nru 575/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar ir-rekwiżiti prudenzjali għall-istituzzjonijiet ta' kreditu u d-ditti tal-investiment, u kemm id-Direttiva dwar ir-Rekwiżiti Kapitali (id-Direttiva 2013/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar l-aċċess għall-attività tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u s-superviżjoni prudenzjali tal-istituzzjonijiet ta' kreditu u tad-ditti tal-investiment), magħrufa b'mod kollettiv bħala "CRR/CRDIV", ġew adottati mill-koleġiżlaturi qabel it-twaqqif tal-Mekkaniżmu Superviżorju Uniku; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal adattament tekniku tas-CRR/CRDIV sabiex tallinjaha mal-qafas tal-Unjoni Bankarja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tuża regolamenti (applikabbli b'mod dirett u għal kulħadd fl-UE kollha) bħala għodda leġiżlattiva biex tiżgura implimentazzjoni armonizzata fl-UE u l-Unjoni Bankarja, pjuttost milli direttivi;

30.  Jenfasizza l-importanza tal-ħidma li saret dwar l-omoġenizzazzjoni tal-kalkolu tal-assi peżati bir-riskju, li hija ċentrali għall-fini ta' komparabbiltà, u dwar ir-rieżami ta' mudelli interni għall-kalkolu tar-rekwiżiti ta' kapital tal-banek; iqis li l-progress f'dan il-qasam huwa kruċjali għall-portafolli biex tinżamm l-effikaċja u l-kredibbiltà tas-superviżjoni bankarja fiż-żona tal-euro sabiex tiġi promossa l-aħjar prattika f'mudelli ta' riskju tas-suq u tal-kreditu;

31.  Jilqa' l-adozzjoni mill-MSU ta' ħames prijoritajiet ta' livell għoli biex jiggwidaw is-superviżjoni tiegħu matul l-2016; jenfasizza li l-MSU għandu jħares lil hinn mir-riskju ta' kreditu għall-forom kollha ta' riskju tal-banek, inkluż ir-riskju mhux finanzjarju; jenfasizza li huma meħtieġa passi ulterjuri sabiex jissaħħu l-iskrutinju superviżorju tal-portafolli finanzjarji tal-banek, speċjalment l-assi finanzjarji ta' livell 3, inklużi d-derivattivi; jenfasizza l-ħtieġa li jitnaqqsu l-interkonnessjonijiet bejn is-settur bankarju regolat u s-settur tax-shadow banking, mhux l-inqas permezz ta' limitazzjoni tal-iskopertura rispettiva għar-riskju tal-kreditu;

32.  Iqis li għandha tingħata aktar attenzjoni liż-żieda fl-iskoperturi fil-forma ta' elementi li ma jidhrux fuq il-karta tal-bilanċ, b'mod partikolari għall-banek ta' importanza sistematika fil-livell globali (G-SIBs); jenfasizza f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li ssir viġilanza dwar l-iżvilupp tas-settur tax-shadow banking;

33.  Jinnota l-ħidma tal-BCBS u l-BERS dwar skoperturi sovrani ta' banek u intermedjarji finanzjarji oħra; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jivvalutaw b'attenzjoni u bir-reqqa l-possibbiltà ta' tibdil fuq perjodu ta' żmien medju fil-qafas regolatorju preżenti, mingħajr ma jitnaqqsu l-fondi disponibbli għall-Istati Membri, mingħajr ma jinħoloq tgħawwiġ mhux intenzjonat fis-suq u l-kompetizzjoni u mingħajr ma tiġi affettwata l-istabbiltà finanzjarja, u bħala parti minn sforz koordinat fuq livell globali; jenfasizza li biex ikun hemm tnaqqis tar-riskju komprensiv, għandhom jittieħdu miżuri paralleli fost oħrajn biex jitnaqqas l-esponiment ta' assi ta' livell 2 u 3 u biex tiġi żgurata konverġenza sħiħa tas-sistemi interni bbażati fuq il-klassifikazzjoni (IRB) għall-kejl tar-riskju tal-kreditu;

34.  Jenfasizza li l-MSU u l-SRM jikkostitwixxu pass fid-direzzjoni lejn suq komuni għas-servizzi bankarji, u jagħmlu l-konsolidazzjoni transfruntiera iktar attraenti; jemmen li l-introduzzjoni ta' stabbiltà finanzjarja u valutazzjoni tar-riżolvibbiltà fid-Direttiva dwar il-Parteċipazzjoni Kwalifikanti hija meħtieġa biex jiġu evitati problemi ġodda kbar wisq biex ifallu li jistgħu jinħolqu minħabba għadd ogħla ta' fużjonijiet u akkwiżizzjonijiet;

35.  Jenfasizza r-rwol importanti li kellu l-MSU matul il-kriżi Griega fil-monitoraġġ tal-kundizzjoni tas-settur bankarju tal-pajjiż, fit-twettiq ta' valutazzjoni komprensiva tal-istituzzjonijiet Griegi sinifikanti u fil-kontribut li ta biex jiġu determinati l-ħtiġijiet ta' rikapitalizzazzjoni; jinnota li l-ħtiġijiet ta' rikapitalizzazzjoni tal-banek Griegi kif ivvalutati mill-MSU jvarjaw minn EUR 4.4 biljuni f'xenarju bażi għal EUR 14.4 biljuni fl-aktar xenarju riskjuż, filwaqt li l-bafer previst taħt il-Programm kien ilaħħaq il-EUR 25 biljun; jitlob kjarifika fir-rigward tar-rwol ta' konsulenzi finanzjarji, li spiss kienu ingaġġati mingħajr offerta pubblika u żvolġew rwol fis-salvataġġi kollha taż-żona tal-euro billi pprovdew għarfien espert lit-trojka ta' mutwanti internazzjonali; jitlob iktar trasparenza u responsabbiltà fil-proċess ta' ingaġġ biex jiġu evitati kunflitti ta' interess potenzjali, li jinħolqu minn rabtiet ma' fondi ta' investiment u fornituri oħrajn ta' servizzi finanzjarji; jitlob lill-BĊE jiddefinixxi mill-ġdid ir-rwol tiegħu fir-rigward ta' programmi ta' għajnuna bħala wieħed ta' ''osservatur silenzjuż''; jenfasizza li assistenza ta' likwidità f'emerġenza (ELA) hija strument essenzjali biex tiġi salvagwardjata l-istabbiltà tas-sistema finanzjarja billi tipprevjeni li l-kriżijiet ta' likwidità jinbidlu fi kriżijiet ta' solvenza; jinnota li r-responsabbiltà tad-disponibbiltà tagħha għadha ma ġietx ittrasferita għalkollox għal-livell taż-żona tal-euro; jilqa' l-kummenti li saru mill-President Draghi lill-Kumitat tal-Parlament għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji li jindikaw reviżjoni diliġenti tar-reġim tal-ELA fid-dawl tal- ''Ewropizzazzjoni'' tas-superviżjoni bankarja;

36.  Jemmen li l-istrateġija ta' superviżjoni tal-BĊE, filwaqt li jiġi evitat kwalunkwe divrenzjar skont il-linji nazzjonali, għandha tirrifletti u tissalvagwardja l-pluraliżmu u d-diversità tal-mudelli bankarji madwar l-UE, inklużi banek mutwi, tat-tfaddil u kooperattivi awtentiċi u b'saħħithom, u għandha tkun konformi mal-prinċipju tal-proporzjonalità;

37.  Iqis li t-trasparenza fir-rigward tal-atturi tas-suq u l-pubbliku, inkluż dwar suġġetti sensittivi bħal miri tal-kapital bħala riżultat taċ-ċiklu tas-SREP, prattiki superviżorji u rekwiżiti oħrajn, hija essenzjali biex ikun hemm kundizzjonijiet ekwi bejn l-entitajiet taħt superviżjoni, kompetizzjoni ġusta fis-suq bankarju u biex jiġu evitati sitwazzjonijiet li fihom l-inċertezza regolatorja tinfluwenza b'mod negattiv l-istrateġija tan-negozju tal-banek; jissottolinja li t-trasparenza kemm tas-superviżuri kif ukoll tal-entitajiet taħt superviżjoni hija wkoll prerekwiżit għar-responsabbiltà, peress li din tippermetti li l-Parlament u l-pubbliku jkunu infurmati dwar kwistjonijiet ta' politika ewlenin u biex tiġi vvalutata l-konsistenza mar-regoli u l-prattiki superviżorji; jitlob iktar trasparenza rigward id-deċiżjonijiet u l-ġustifikazzjonijiet tal-pilastru 2;

38.  Jenfasizza f'dan ir-rigward, li l-pubblikazzjoni ta' lista ta' Mistoqsijiet Frekwenti dwar is-SREP tista' tkun għodda utli;

39.  Jilqa' l-mod effiċjenti u miftuħ li bih il-BĊE s'issa ssodisfa l-obbligi tiegħu ta' responsabbiltà lejn il-Parlament, u jistieden lill-BĊE jkompli jimpenja ruħu bis-sħiħ f'dan ir-rigward u biex ikompli jikkontribwixxi għat-titjib fil-kapaċità tal-Parlament li jevalwa l-politiki u l-attivitajiet tal-MSU; iqis b'mod favorevoli r-rieda tal-President tal-BĊE li jkompli jikkoopera mal-Parlament fir-rigward tar-rwol tal-BĊE fi kwistjonijiet bankarji, b'mod partikulari fil-qafas ta' korpi li jistabbilixxu l-istandards globali, b'mod partikolari l-FSB;

40.  Ifakkar li l-awditu pubbliku jikkostitwixxi parti integrali mill-mekkaniżmi biex tiġi żgurata l-akkontabilità tal-istituzzjonijiet lejn iċ-ċittadini; jinnota, għaldaqstant, bi ftit tħassib id-dikjarazzjoni ppubblikata f'Ġunju li għadda mill-Kumitat ta' Kuntatt tal-Kapijiet tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar tal-Unjoni Ewropea u l-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA), li twissi kontra l-ħolqien ta' lakuni fl-awditi minħabba t-trasferiment tal-kompiti superviżorji mill-awtoritajiet nazzjonali lill-MSU f'kuntest fejn il-mandat tal-awditu tal-QEA fuq il-BĊE li jaġixxi bħala superviżur huwa inqas komprensiv minn dak tal-istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditu fuq is-superviżuri nazzjonali; jirrakkomanda, għaldaqstant, li jitqies it-tisħiħ tal-mandat tal-awditu tal-QEA;

41.  Jissottolinja l-importanza li jkun hemm kooperazzjoni mal-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni (BUR), mal-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) u ma' awtoritajiet oħra fi ħdan is-Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja, filwaqt li jiġu rrispettati bis-sħiħ id-diviżjoni tar-rwoli u tal-kompetenzi, u s-separazzjoni bejn ir-regolamentazzjoni u s-superviżjoni sabiex jingħata kontribut ħalli tiġi żgurata l-konformità mal-istruttura ta' kontrokontrolli tal-UE; jenfasizza b'mod partikolari li l-EBA, bil-mandat espliċitu tagħha ta' protezzjoni tal-konsumatur, trid tinforza u ttejjeb il-qafas tal-protezzjoni tal-konsumatur għas-servizzi bankarji, li jikkumplimenta s-superviżjoni prudenzjali tal-MSU, u fl-Unjoni b'mod ġenerali;

42.  Jilqa' l-kredibbiltà tal-MSU fix-xena internazzjonali; iqis li huwa fundamentali li l-MSU jkun involut b'mod xieraq fit-tfassil tal-istandards regolatorji globali, b'mod partikolari l-orjentazzjonijiet innegozjati fi ħdan l-FSB u l-BCBS;

Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni (SRM)

43.  Jilqa' t-twaqqif effiċjenti tal-BUR u l-istabbiliment tal-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali (NRAs) fl-Istati Membri;

44.  Jenfasizza l-importanza li tiġi stabbilita kooperazzjoni effiċjenti bejn il-BUR u l-awtoritajiet ta' riżoluzzjoni nazzjonali għall-funzjonament bla xkiel tal-SRM; iqis il-Gruppi ta' Riżoluzzjoni Interna (IRTs), bħala ekwivalenti għall-MSU u t-TSK, bħala bażi tajba biex tiġi organizzata l-kooperazzjoni fi ħdan l-SRM;

45.  Jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta' memorandum ta' qbil (MtQ) dwar il-kooperazzjoni reċiproka u l-iskambju ta' data bejn il-BUR u l-BĊE bħala superviżur uniku, sabiex tiżdied l-effiċjenza u jiġi evitat ir-rappurtar doppju għall-banek, filwaqt li l-BUR jitħalla jkollu aċċess għad-data tal-MSU meħtieġa sabiex iwettaq il-mandat istituzzjonali tiegħu; jenfasizza l-importanza ta' kooperazzjoni mingħajr xkiel bejn l-SRM u l-awtoritajiet nazzjonali kompetenti (NCAs);

46.  Jissottolinja d-diskrepanza bejn il-banek taħt superviżjoni diretta mill-MSU u l-banek taħt ir-responsabbiltà diretta tal-BUR (inklużi gruppi transfruntiera oħrajn) u l-konsegwenzi potenzjali tagħha f'termini tal-aċċess tal-BUR għall-informazzjoni;

47.  Jitlob biex jinħolqu arranġamenti speċifiċi fi ħdan il-Kummissjoni u bejn il-BUR u l-Kummissjoni sabiex jiġu definiti proċeduri effiċjenti għat-teħid ta' deċiżjonijiet f'każ ta' riżoluzzjoni;

48.  Jinkoraġġixxi l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni bejn il-BUR u l-NRAs ta' Stati Membri mhux parteċipanti u ta' pajjiżi terzi favur kooperazzjoni reċiproka effikaċi u skambju ta' informazzjoni;

49.  Jilqa' t-tħejjija mill-BUR ta' manwali dwar l-attivitajiet ta' riżoluzzjoni, b'konformità mal-istandards rilevanti tal-EBA, li għandhom l-għan li jippromwovu approċċ konsistenti, effikaċi u proporzjonat għall-kompiti ta' riżoluzzjoni fi ħdan l-SRM;

50.  Jitlob li jkun hemm progress f'waqtu fit-tfassil ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni u fl-istabbiliment ta' rekwiżit minimu għal fondi proprji u obbligazzjonijiet eliġibbli (MREL) għal istituzzjonijiet fl-ambitu tal-SRM, sabiex tkun tista' tiġi żgurata riżoluzzjoni ordnata tal-banek inadempjenti b'impatt minimu fuq l-ekonomija reali u fuq il-finanzi pubbliċi; jistieden lill-Kummissjoni biex tadotta malajr kemm jista' jkun l-istandard tekniku regolatorju dwar il-MREL, bi standard vinkolanti għoli ta' mill-inqas 8 % ta' MREL għall-banek kollha tal-BUR, f'konformità mad-Direttiva dwar l-Irkupru u r-Riżoluzzjoni tal-Banek (BRRD (id-Direttiva 2014/59/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-15 ta' Mejju 2014)(13) u tnaqqas il-possibbiltà ta' telf tad-depożiti mhux koperti tal-SMEs; jieħu nota tal-ħidma li għaddejja dwar l-implimentazzjoni tal-Kapaċità ta' Assorbiment ta' Telf Totali (TLAC) u jistieden lill-Kummissjoni tiżgura konsistenza mal-MREL;

51.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, fid-dawl tal-esperjenza u fil-qafas tar-rieżami tar-Regolament Nru 806/2014, jekk il-BUR u l-NRAs humiex mgħammra b'biżżejjed setgħat ta' intervent bikri u b'biżżejjed strumenti ta' intervent bikri biex jipprevjenu l-emoraġġija tal-banek;

52.  Jenfasizza li, skont ir-regolamentazzjoni tal-SRM, il-Bord għandu jagħti attenzjoni xierqa, bħala kwistjoni ta' prijorità, għall-istabbiliment ta' pjanijiet ta' riżoluzzjoni ta' istituzzjonijiet importanti b'mod sistematiku, jivvaluta r-riżolvibbiltà tagħhom u jieħu l-azzjoni kollha meħtieġa biex jindirizza jew jelimina l-impedimenti kollha għar-riżolvibbiltà tagħhom; ikompli jenfasizza li l-Bord għandu s-setgħa li jirrikjedi tibdil fl-istruttura u l-organizzazzjoni ta' istituzzjonijiet jew gruppi bl-għan li jittieħdu miżuri li huma meħtieġa u proporzjonati biex jitnaqqsu jew jiġu eliminati l-impedimenti materjali għall-applikazzjoni tal-għodod ta' riżoluzzjoni u tiġi żgurata r-riżolvibbiltà tal-entitajiet ikkonċernati;

53.  Jieħu nota tar-rwol doppju tal-membri tal-Bord, li fl-istess ħin huma membri ta' korp eżekuttiv bi rwoli ta' teħid ta' deċiżjonijiet u maniġers anzjani responsabbli f'dik il-kapaċità lejn il-President, u jqis li għandha ssir evalwazzjoni ta' din l-istruttura qabel ma jispiċċa l-mandat attwali;

54.  Jistieden lil dawk l-Istati Membri li għadhom m'għamlux dan sabiex ilestu t-traspożizzjoni tal-BRRD, u jenfasizza l-importanza ta' implimentazzjoni sħiħa u infurzar tad-dispożizzjonijiet tagħha;

55.  Jilqa' r-ratifika mill-Istati Membri tal-Ftehim Intergovernattiv dwar it-trasferiment u l-mutwalizzazzjoni tal-kontribuzzjonijiet lejn fond uniku ta' riżoluzzjoni (SRF), li jippermetti lill-SRM isir operazzjonali b'mod sħiħ, inkluż l-użu tal-istrument ta' rikapitalizzazzjoni interna, mill-1 ta' Jannar 2016, skont l-iskeda ppjanata; jilqa' t-twaqqif ta' proċeduri ta' kalkolu u ta' ġbir għal kontribuzzjonijiet ex ante tal-SRF permezz tal-BUR; jiddispjaċih dwar id-deċiżjoni li l-SRF jitwaqqaf permezz ta' ftehim intergovernattiv (IGA) minflok permezz tad-dritt tal-Unjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex malajr kemm jista' jkun tieħu il-passi meħtieġa għal integrazzjoni rapida tal-IGA fil-qafas tad-dritt tal-UE, kif previst fl-Artikolu 16 tal-Ftehim u fir-Rapport tal-Ħames Presidenti;

56.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposti biex tkompli tnaqqas ir-riskji ġuridiċi taħt il-prinċipju li l-ebda kreditur ma jmur agħar;

57.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru l-kontribuzzjonijiet relatati mal-BRRD u l-SRM b'mod sħiħ, effikaċi u f'waqtu fil-livell nazzjonali sabiex jittrasferuhom lejn l-SRF skont il-ftehim mal-IGA;

58.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħmel rieżami bir-reqqa tal-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet tal-SRF previsti fil-premessa 27 tar-Regolament Delegat (UE) Nru 2015/63, u filwaqt li tagħmel dan, tagħmel rieżami b'mod partikolari l-adegwatezza tal-fattur ta' riskju sabiex tiżgura li l-profil ta' riskju ta' istituzzjonijiet inqas kumplessi jiġu riflessi b'mod xieraq;

59.  Jirrakkomanda, għall-finijiet ta' ġestjoni b'suċċess ta' kriżi bankarja fil-futur, valutazzjoni bir-reqqa tad-diversi għażliet għad-dispożizzjoni tal-Bord abbażi tal-leġiżlazzjoni tal-UE (għodod differenti ta' riżoluzzjoni bħala alternattiva għal-likwidazzjoni tal-bank), billi titqies l-importanza tas-salvagwardja tal-istabbiltà finanzjarja u ż-żamma tal-fiduċja fis-sistema bankarja;

60.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diskrepanza fiż-żmien bejn ir-regoli dwar il-qsim tal-piżijiet u dawk dwar ir-rikapitalizzazzjoni interna sħiħa, li affettwaw b'mod retroattiv il-possibbiltà effettiva ta' riskju tal-istrumenti ta' dejn maħruġa qabel id-dispożizzjonijiet ġuridiċi tal-aħħar, u d-definizzjoni u l-implimentazzjoni ta' regoli xierqa ta' protezzjoni tal-investiment; jistieden lill-BUR iwettaq valutazzjoni bir-reqqa tal-perjodu tranżitorju u biex ikun żgurat li, b'konformità mar-rekwiżiti tal-leġiżlazzjoni, ir-regoli l-ġodda jiġu implimentati bil-proporzjonalità u bil-ġustizzja meħtieġa; jitlob lill-Kummissjoni u lill-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq (AETS) jiggarantixxu protezzjoni xierqa tal-investitur;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa li, b'konsegwenza tal-eżistenza tal-kompartimenti nazzjonali fl-SRF, jiġi stabbilit b'rapidità mekkaniżmu adegwat ta' finanzjament tranżitorju sabiex jipprovdi lill-fond, jekk ikun meħtieġ, b'riżorsi suffiċjenti fil-perjodu qabel it-tlestija tiegħu u jiggarantixxi s-separazzjoni effettiva bejn il-banek u l-istati; ifakkar li l-Grupp tal-Euro u l-ministri tal-ECOFIN identifikaw, fid-dikjarazzjoni tagħhom tat-18 ta' Diċembru 2013, il-possibbiltà li jsir rikors jew għas-sorsi nazzjonali, appoġġjati minn imposti bankarji, jew għall-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà (MES);

62.  Jilqa', madankollu, il-ftehim li nltaħaq fil-kisba ta' finanzjament tranżitorju pubbliku biex jgħin ħalli tiġi żgurata d-disponibbiltà ta' fondi biex ikun hemm azzjoni ta' riżoluzzjoni konkreta permezz tar-riżorsi nazzjonali;

63.  Ifakkar fid-dikjarazzjoni tal-ECOFIN tat-8 ta' Diċembru 2015 u l-impenn li ttieħed fiha biex tikkunsidra, wara t-tlestija tar-ratifika tal-IGA, it-traspożizzjoni sħiħa tal-BRRD u l-istabbiliment ta' arranġamenti ta' finanzjament tranżitorju kif ukoll it-triq 'il quddiem u ż-żmien sabiex tiġi żviluppata garanzija ta' kontinġenza li tiffaċilita s-self mill-SRF, li tkun operattiva bis-sħiħ sa mhux aktar tard mit-tmiem il-perjodu tranżitorju; jenfasizza, madankollu, li garanzija ta' kontinġenza fiskali se tintuża biss bħala l-aħħar alternattiva fil-każ li miżuri prudenzjali oħra biex tissaħħaħ is-superviżjoni u l-ġestjoni tal-kriżi ma jkunux kapaċi jeliminaw ir-riskju; ifakkar li din il-garanzija ta' kontinġenza għandha tkun fiskalment newtrali fuq terminu medju, u jissottolinja l-importanza li jiġi evitat il-periklu morali; jenfasizza li s-settur bankarju għandu jibqa' responsabbli għall-pagament lura minn imposti bankarji fl-Istati Membri parteċipanti kollha, inklużi dawk ex post;

It-tielet pilastru:

64.  Ifakkar li, flimkien mal-MSU u l-SRM, il-kapaċità li toffri livell uniformi u għoli ta' protezzjoni ta' depożiti, irrispettivament mill-post tagħhom, għandha tiġi żgurata b'mod effikaċji f'Unjoni Bankarja (BU), u b'hekk tikkontribwixxi ġenwinament għall-waqfien taċ-ċirkwit tal-banek sovrani, tiġi restawrata l-fiduċja tad-depożitanti, b'tali mod li jinħolqu kondizzjonijiet ekwi u tissaħħaħ l-istabbiltà finanzjarja; iqis li kwalunkwe sistema ta' protezzjoni ta' depożiti trid dejjem tevita l-introduzzjoni ta' kull periklu morali, filwaqt li tiżugra li min jieħu r-riskju jibqa' responsabbli għat-teħid ta' riskju tiegħu;

65.  Jilqa' l-pakkett tal-Kummissjoni propost fl-24 ta' Novembru 2015 dwar il-qsim tar-riskju u t-tnaqqis tar-riskju fil-BU; jieħu nota tal-approċċ gradwali minn riassigurazzjoni ta' Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (SGD) nazzjonali għal skema ta' koassigurazzjoni u, fl-aħħar nett, għall-parteċipazzjoni sħiħa ta' SGD nazzjonali fl-istat stabbli u l-approċċ ibbażat fuq ir-riskju għall-kalkolu tal-kontribuzzjonijiet; jistenna bil-ħerqa li jimpenja ruħu fin-negozjati leġiżlattivi abbażi tal-pożizzjoni li hi adottata;

66.  Jinnota li l-ħolqien ta' Skema Ewropea ta' Assigurazzjoni tad-Depożiti (EDIS) jeħtieġ l-implimentazzjoni ta' ġabra unika ta' regoli kif ukoll l-ewwel u t-tieni pilastri tal-BU, u t-traspożizzjoni tal-BRRD u d-Direttiva dwar Skemi ta' Garanzija tad-Depożiti (DGSD) mill-Istati Membri kollha parteċipanti u miżuri ulterjuri biex jinkiseb tnaqqis sostanzjali ta' riskji fis-sistema bankarja Ewropea; jenfasizza li l-applikazzjoni tal-għodda tar-rikapitalizzazzjoni interna tintroduċi mekkaniżmu sistemiku ta' evitar tar-riskji, u b'hekk jitnaqqsu l-biżgħat ta' periklu morali li jista' jiġi indott mill-mutwalizzazzjoni progressiva tal-iskemi ta' garanzija; jenfasizza l-impenn tal-Kummissjoni biex tkompli tnaqqas ir-riskji u tiżgura kundizzjonijiet ekwi fil-BU;

67.  Jinnota li skema ta' garanzija tad-depożiti li tiffunzjona tajjeb u li hija ffinanzjata permezz ta' kontribuzzjonijiet mis-settur finanzjarju hija waħda mill-modi ppruvati biex jiġu evitati s-salvataġġi tal-banek bil-flus tal-kontribwenti;

68.  Ifakkar li r-rwol tal-Kummissjoni huwa li tiggarantixxi kondizzjonijiet ekwi fl-Unjoni Ewropea kollha u li għandha tevita kwalunkwe frammentazzjoni fi ħdan is-suq intern;

69.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Bank Ċentrali Ewropew u lill-Bord Uniku ta' Riżoluzzjoni.

OPINJONI TAL-MINORANZA

skont l-Artikolu 56(3) tar-Regoli ta' Proċedura

Beatrix von Storch

Ir-rapport annwali tal-Unjoni Bankarja ma aċċettajtux.

Fir-rigward tal-mekkaniżmu Superviżorju Uniku, ir-rapport ipinġi stampa sabiħa wisq. Għad irid jgħaddi ħafna żmien sakemm is-superviżjoni tkun f'pożizzjoni li tiffunzjona b'mod effettiv. Il-fatt li wieħed jaħseb li s-superviżjoni diġà hija f'pożizzjoni li tirrikonoxxi l-problemi persistenti tan-nuqqas ta' kapital ta' istituzzjonijiet ta' kreditu individwali jew saħansitra ta' sistemi bankarji nazzjonali sħaħ imur lil hinn sew mir-realtà.

Fil-qasam tal-likwidazzjoni ċertament li sar progress. F'dan ir-rigward bdew jiġu ffurmati bordijiet u istituzzjonijiet. Fl-istess ħin għadna bogħod ħafna milli napplikaw likwidazzjoni tal-banek b'mod uniformi fl-UE u mingħajr ma ninvolvu lill-kontribwenti tat-taxxi. Fuq kollox, hawnekk huwa deċiżiv il-fatt li ċ-ċirku vizzjuż tas-solvenza tal-istati u l-banek sa issa għadu ma tkissirx. Ir-rapport jagħmel allużjoni biss għall-fatt li l-ippeżar null għas-self tal-istat għandu jiġi abolit urġentement.

Fl-aħħar nett, ir-rapport jasserixxi li d-depożiti jistgħu jiġu protetti madwar l-Ewropa kollha b'mod uniformi u f'livell għoli. Dawn huma biss xewqat. Teżisti biss jew protezzjoni parzjalment għolja jew inkella waħda uniformi mal-Ewropa kollha. Is-soċjalizzazzjoni ppjanata tal-garanzija tar-riskju se tbaxxi l-livell ta' protezzjoni f'ċerti pajjiżi. Pajjiżi oħra se jipprofittaw minn dan. Dan jirriżulta f'ridistribuzzjoni u ma jikkontrobwixxix biex jagħmel id-depożiti aktar sikuri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

15.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

16

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Diane James, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Werner Langen, Sander Loones, Bernd Lucke, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Notis Marias, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Costas Mavrides, Bernard Monot, Stanisław Ożóg, Sirpa Pietikäinen, Pirkko Ruohonen-Lerner, Molly Scott Cato, Peter Simon, Paul Tang, Ramon Tremosa i Balcells, Marco Valli, Tom Vandenkendelaere, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni, Sotirios Zarianopoulos

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Mady Delvaux, Bas Eickhout, Marian Harkin, Ramón Jáuregui Atondo, Rina Ronja Kari, Thomas Mann, Eva Paunova, Michel Reimon, Antonio Tajani, Beatrix von Storch

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Andrey Kovatchev, Adam Szejnfeld

(1)

ĠU L 287, 29.10.2013, p. 63.

(2)

ĠU L 320, 30.11.2013, p. 1.

(3)

https://www.bankingsupervision.europa.eu/ecb/pub/pdf/ssmar2014.en.pdf.

(4)

ĠU L 141, 14.5.2014, p. 1.

(5)

ĠU L 300, 18.10.2014, p. 57.

(6)

ĠU L 69, 8.3.2014, p. 107.

(7)

https://www.bankingsupervision.europa.eu/banking/comprehensive/2014/html/index.en.html.

(8)

ĠU L 86, 31.3.2015, p. 13.

(9)

ĠU L 225, 30.7.2014, p. 1.

(10)

ĠU L 173, 12.6.2014, p. 149.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2016)0006.

(12)

Testi adottati, P8_TA(2015)0238.

(13)

ĠU L 173,12.6.2014, p. 190.

Avviż legali - Politika tal-privatezza