RAPPORT dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2017, Taqsima III – Il-Kummissjoni
23.2.2016 - (2016/2004(BUD))
Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: Jens Geier
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-linji gwida ġenerali għat-tħejjija tal-baġit 2017, Taqsima III – Il-Kummissjoni
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,
– wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[1],
– wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[2],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tiegħu tal-25 ta' Novembru 2015 dwar l-abbozz konġunt ta' baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, approvat mill-Kumitat ta' Konċiljazzjoni fil-qafas tal-proċedura baġitarja[4],
– wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016 u ż-żewġ dikjarazzjonijiet konġunti relatati maqbula bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni u li huma annessi miegħu,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni konġunta dwar pjan ta' pagament 2015–2016 li ntlaħaq ftehim dwaru fid-19 ta' Mejju 2015,
– wara li kkunsidra t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni (il-ħarifa 2015)[5],
– wara li kkunsidra l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 tal-Kummissjoni[6],
– wara li kkunsidra t-Titolu II, Kapitolu 8, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0036/2016),
A. billi l-baġit 2017 għandu jwitti t-triq lejn it-tkabbir ekonomiku u l-ħolqien tal-impjiegi, fil-kuntest ta' rkupru ekonomiku fraġli f'periklu minħabba s-sitwazzjoni fi swieq globali emerġenti u t-tensjonijiet ġeopolitiċi kontinwi;
B. billi l-baġit 2017 se jiġi affettwat mill-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati li qed jevolvu;
C. billi l-baġit 2017 se jikkoinċidi mar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);
D. billi l-bilanċ bejn id-domanda interna u l-kummerċ estern sa ċertu punt jagħmel lill-UE ekonomikament dipendenti fuq l-iżviluppi globali;
Rimarki ġenerali
1. Jirrimarka li l-baġit tal-Unjoni wera li huwa riżorsa kruċjali fl-indirizzar ta' kriżijiet riċenti u biex jirrispondi għal ħtiġijiet li ma kinux neċessarjament antiċipati matul in-negozjati tal-QFP 2014-2020, bħalma huma l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), il-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati jew it-tensjonijiet ġeopolitiċi fil-viċinat tal-Ewropa li jikkawżaw għadd ta' sfidi serji u emerġenzi, filwaqt li fi ħdan l-UE, il-pass tal-irkupru ekonomiku u l-investiment huwa taħt il-potenzjal u għad hemm nuqqas ta' investiment;
2. Jissottolinja li l-kapaċità limitata tal-baġit tal-Unjoni li jindirizza dawn il-kriżijiet f'dan l-istadju ġejja prinċipalment mill-użu ta' kull mezz disponibbli miftiehem fin-negozjati tal-QFP, u b'mod partikolari mill-użu ta' strumenti speċjali bħall-istrument ta' flessibbiltà; ifakkar fir-rwol deċiżiv tal-Parlament fit-tfassil ta' dawn l-istrumenti matul in-negozjati dwar il-QFP; jenfasizza, madankollu, li jekk il-kriżijiet ikomplu jmorru għall-agħar anke l-attivazzjoni sħiħa tad-dispożizzjonijiet eżistenti dwar il-flessibbiltà mhijiex se tkun biżżejjed biex tindirizza l-problema; iħeġġeġ lill-Kunsill f'dan il-kuntest, jikkunsidra mill-ġdid il-pożizzjoni tiegħu dwar il-kwistjoni tal-ibbaġitjar tal-istrumenti speċjali tal-QFP sabiex jittaffew ir-restrizzjonijiet li huma ta' piż fuq il-baġit tal-Unjoni; itenni f'dan ir-rigward il-pożizzjoni tiegħu, li ilu jħaddan, li l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-istrumenti speċjali (l-istrument ta' flessibbiltà, il-Fond ta' Solidarjetà tal-UE, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni u r-Riżerva ta' Għajnuna f'Emerġenza) għandhom jiġu kkalkulati lil hinn mil-limiti massimi tal-QFP, kif jiġri fil-każ tal-impenji; jistenna li din il-kwistjoni tiġi solvuta fil-kuntest tar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP;
Ibbaġitjar li jqis it-tbassir ekonomiku u li jkun konsistenti mas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika
3. Jirrimarka t-Tbassir Ekonomiku Ewropew tal-Kummissjoni (il-ħarifa 2015), li jindika rkupru modest, minkejja li jibqa' taħt il-potenzjal tat-tkabbir tal-UE; jenfasizza, madankollu, li dan l-irkupru għandu jiġi kkonsolidat billi jissaħħu l-elementi fundamentali tat-tkabbir sabiex tingħata spinta lill-ħolqien tax-xogħol u r-ritorn għal livell massimu ta' impjiegi; jinnota li l-qgħad fit-tul u dak fit-tul ħafna, speċjalment fl-aktar reġjuni foqra tal-Unjoni u fost iż-żgħażagħ, xorta għadu f'livelli inkwetanti, u l-UE qed issib diffikultajiet fir-rigward tar-ristrutturar industrijali; jirrimarka li jippersistu d-differenzi f'termini ta' żvilupp ekonomiku bejn ir-reġjuni Ewropej u l-Istati Membri, u jiġbed l-attenzjoni lejn id-differenza bejn l-ifqar Ewropej u dawk l-aktar sinjuri; jirrimarka, barra minn hekk, li qed jitfaċċaw sfidi ġodda, bħalma huma r-riskju li jitnaqqas ir-ritmu tal-ekonomiji ta' swieq emerġenti u l-kummerċ globali, bi pressjoni partikolari li ġejja mill-volatilità fuq is-swieq Ċiniżi, il-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-migranti u tar-refuġjati, u t-tensjonijiet ġeopolitiċi persistenti;
4. Jieħu nota, barra minn hekk, tal-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2016 tal-Kummissjoni; jemmen bis-sħiħ li l-għoti ta' spinta lill-investiment, inkluż permezz ta' żieda koordinata aħjar fl-investiment pubbliku u privat b'enfasi fuq il-miri tal-Ewropa 2020, huwa reazzjoni ta' politika xierqa bil-għan li jkun hemm politika ekonomika aktar bilanċjata; jemmen li dawn iż-żewġ elementi għandhom jiġu kkunsidrati fit-tħejjija tal-abbozz tal-baġit għall-2017 billi dawn għandhom jgħinu fl-identifikazzjoni ta' prijoritajiet fi ħdan kuntest ekonomiku; jitlob, konsegwentement, li jkun hemm iktar sinerġiji bejn id-dimensjoni tal-Unjoni tas-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika u l-baġit tal-Unjoni, li huwa wkoll il-pedament għal żona tal-euro stabbli;
5. Jilqa', f'dan il-kuntest, l-isforzi tal-Kummissjoni biex issaħħaħ l-użu tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej b'appoġġ għall-prijoritajiet ewlenin enfasizzati fir-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż; jieħu nota tal-proposta tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment tal-Programm ta' Appoġġ għal Riformi Strutturali, u jħeġġeġ lill-Kummissjoni tiżgura li l-finanzjament se jintuża bil-ħsieb li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali f'konformità mal-Artikolu 174 TFUE;
6. Jiddispjaċih li f'dawn l-aħħar snin il-baġit tal-Unjoni kien vittma kollaterali tal-imġiba qarrieqa tal-Istati Membri, li wasslithom biex iqisu l-kontribut tagħhom għall-baġit tal-Unjoni bħala piż u sabiex jitrattawh bħala element varjabbli ta' aġġustament; jitlob, f'dan il-kuntest, għal aktar flessibbiltà rigward l-infiq li sar mill-Istati Membri f'oqsma speċifiċi, bħal investimenti fil-qafas tal-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-ġlieda kontra l-qgħad, il-faqar u l-inugwaljanza, anke fid-dawl tal-bżonn li jiġu trattati theddidiet emerġenti għas-sigurtà u l-kriżi tal-migranti u tar-refuġjati; jissottolinja li l-baġit tal-UE, bħala baġit ta' investiment, jista' jġib valur miżjud partikolarment qawwi billi jagħti spinta lit-tkabbir, lill-kompetittività u lill-ħolqien tal-impjiegi fl-Istati Membri; jiġbed l-attenzjoni għall-bżonn li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-Unjoni ma jiġux trattati bħala element varjabbli ta' aġġustament soġġett għal kundizzjonijiet makroekonomiċi; itenni wkoll il-valur miżjud tal-baġit tal-Unjoni f'termini ta' sinerġiji u ekonomiji ta' skala; jenfasizza s-sitwazzjoni partikolari ta' reġjuni iżolati u periferiċi, u jqis li l-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE m'għandhomx jitqiesu fil-kalkolu tad-defiċits strutturali tagħhom;
7. Jinnota u jiddispjaċih li l-evitar tat-taxxa korporattiva kkawża telf kbir ta' dħul mit-taxxa għall-Istati Membri, u għalhekk tnaqqis fil-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-baġit tal-UE; iqis, barra minn hekk, li tali kompetizzjoni tat-taxxa inġusta f'xi każijiet tfisser li jkun hemm trasferiment tal-PDG minn Stat Membru għall-ieħor u trasferiment tal-ING għal rifuġji fiskali barra mill-UE, biex b'hekk jitnaqqsu l-kontribuzzjonijiet aggregati tal-Istati Membri għall-baġit tal-UE;
Negħlbu l-kriżijiet
8. Jenfasizza l-fatt li l-Unjoni kellha tħabbat wiċċha ma' diversi kriżijiet f'dawn l-aħħar snin li għalihom għandha tinstab soluzzjoni olistika; jirrimarka li l-kriżi tar-refuġjati, kemm fl-Unjoni kif ukoll fil-pajjiżi ġirien, li tirriżulta mill-kunflitt Sirjan għadha ma ġietx solvuta; jirrimarka li din il-kriżi eskalat fl-2015 u kompliet fl-2016, b'żieda enormi f'daqqa waħda fl-għadd ta' refuġjati u migranti li jaħarbu lejn l-Unjoni biex ifittxu asil; jisħaq li dan kompla jħalli impatt fuq il-kriżi interna; jissottolinja li l-baġit tal-Unjoni pprovda rispons immedjat għall-kriżi u għandu jiġi rivedut b'mod li jiżdied konsiderevolment sabiex jiffinanzja b'mod effettiv l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE li għandhom jiġġestixxu din il-kriżi, u għandu jservi bħala parti minn soluzzjoni Ewropea sabiex fil-ġejjieni tingħeleb din l-emerġenza;
9. Jissottolinja li l-baġit 2017 se jintlaqat minn sfidi ta' sigurtà interna u esterna, li jistgħu wkoll jieħdu l-forma ta' theddid terroristiku jew estremiżmu, u mill-implimentazzjoni tal-aġenda kondiviża bejn l-Unjoni u l-Istati Membri intiża li tiżgura żona tal-UE ta' libertà, sigurtà u ġustizzja; jisħaq, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-istrumenti baġitarji tal-UE, bħalma huma l-Fond għas-Sigurtà Interna, sabiex jiġu indirizzati l-isfidi l-iktar kruċjali u tissaħħaħ il-kooperazzjoni operattiva transfruntiera;
10. Jilqa' l-adozzjoni tal-FEIS, li se jservi bħala wieħed mill-għodod ewlenin għat-titjib tal-investimenti fil-livell tal-UE u se jikkontribwixxi biex jiġi stimulat il-ħolqien tal-impjiegi; jinnota b'sodisfazzjon li diġà ġew approvati għadd sinifikanti ta' proġetti u operazzjonijiet tal-FEI u jistgħu jiġu identifikati s-sinerġiji bejn il-FEIS u l-Orizzont 2020; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita b'mod attiv is-sinerġiji bejn il-fondi differenti tal-UE u tistabbilixxi sistema ta' traċċar biex tidentifika każijiet ta' kombinazzjoni ta' finanzjament tal-UE; jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi applikata it-tabella ta' valutazzjoni kif xieraq; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-entitajiet privati jagħmlu użu sħiħ mir-riżorsi finanzjarji disponibbli permezz tal-FEIS; ifakkar li l-baġit tal-Unjoni jipprovdi l-bażi ta' dan il-pjan ta' investiment billi jagħmel disponibbli t-EUR 8 biljun meħtieġa f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament biex jiġi mgħammar il-fond ta' garanzija tal-FEIS, li minnhom total ta' EUR 3.38 biljun diġà ġew mobilizzati fil-baġits tal-2015 u tal-2016; ifakkar li l-Marġini Globali għall-Impenji ġie użat bis-sħiħ għal dan il-għan fl-2016, u jirrimarka li, skont id-dikjarazzjoni finanzjarja leġiżlattiva tal-FEIS, il-Kummissjoni tipprevedi sitwazzjoni simili għall-abbozz tal-baġit għall-2017; itenni l-impenn tiegħu li jsaħħaħ l-Orizzont 2020 u l-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa permezz tal-proċedura baġitarja annwali, sabiex jikkumpensa kemm jista' jkun għat-tnaqqis li ntlaħaq qbil dwaru matul in-negozjati tal-FEIS;
11. Jenfasizza l-importanza ta' Orizzont 2020, COSME, il-programmi ta' finanzjament tal-SMEs, Erasmus+ u l-programmi u l-politiki li jappoġġjaw l-iżvilupp ta' ambjent favur l-innovazzjoni u jikkontribwixxu għas-suċċess tal-Ewropa 2020; jirrimarka b'sodisfazzjon ir-rati għolja ta' assorbiment għall-programmi Orizzont 2020, iżda jinsab imħasseb dwar ir-rata ta' suċċess medja baxxa b'mod inkwetanti ta' finanzjament tal-proġetti, li tħalli bosta proġetti eċċellenti mhux finanzjati; jistieden lill-Istati Membri jesploraw il-possibbiltajiet li jieħdu f'idejhom dawk il-proġetti ta' Orizzont 2020 li rċevew valutazzjoni pożittiva iżda ma jistgħux jiġu kofinanzjati minħabba nuqqas ta' fondi baġitarji; ifakkar fir-rwol importanti tal-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju bħala s-sinsla tal-ekonomija Ewropea; jissottolinja li l-baġit tal-UE għandu jkompli jiffaċilita l-aċċess tal-SMEs għas-swieq u l-finanzjament permezz ta' programmi eżistenti bħal COSME; itenni li l-ġejjieni tal-Unjoni huwa marbut mas-setgħa tagħha ta' innovazzjoni f'setturi strateġiċi ewlenin sabiex tintlaħaq il-kompetittività Ewropea fl-ekonomija globali;
12. Iqis l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ (YEI), b'mod partikolari, bħala kontribut fundamentali għall-objettiv prijoritarju tal-Unjoni għall-impjiegi u t-tkabbir; itenni l-impenn tiegħu li jitkompla l-finanzjament għal dan il-programm bl-għan li jiġi amplifikat u b'hekk joffri lil għadd akbar ta' żgħażagħ, inklużi l-migranti żgħażagħ li deħlin fl-UE, il-prospett li effettivament jidħlu fis-suq tax-xogħol billi jirċievu offerta ta' impjieg ta' kwalità tajba, edukazzjoni kontinwa jew apprendistat; jiddispjaċih li matul in-negozjati dwar il-baġit tal-UE għall-2016 ma ġie allokat l-ebda impenn ġdid biex ikompli jiffinanzja l-YEI, filwaqt li l-qgħad fost iż-żgħażagħ għadu bl-ogħla rati fl-UE; ifakkar li dan l-objettiv għandu jiġi kkunsidrat flimkien mal-ħtieġa li tiġi promossa l-mobbiltà fost iż-żgħażagħ, kif appoġġjat mill-Programm Erasmus+; jenfasizza l-importanza tad-dikjarazzjoni konġunta tat-tliet istituzzjonijiet (il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni) dwar il-baġit għall-2016 li tiddikjara li "t-tnaqqis tal-qgħad fost iż-żgħażagħ jibqa' prijorità politika għolja u kondiviża", u li għal dan il-għan it-tliet istituzzjonijiet "jaffermaw mill-ġdid id-determinazzjoni tagħhom li jagħmlu l-aħjar użu possibbli tar-riżorsi baġitarji disponibbli biex dan jiġi indirizzat, u b’mod partikolari l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ"; jirrimarka li minkejja d-dewmien inizjali fl-implimentazzjoni ta' din l-inizjattiva u d-dewmien kontinwu fil-ħatra ta' awtoritajiet għal programmi operattivi tal-YEI f'bosta Stati Membri, iċ-ċifri tal-implimentazzjoni attwali jindikaw kapaċità ta' assorbiment sħiħa; jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta l-evalwazzjoni tagħha tal-YEI sa mhux aktar tard minn tmiem April 2016, u f'kull każ fil-ħin għall-inklużjoni ta' estensjoni tal-programm fil-baġit tal-UE għall-2017; jenfasizza li soluzzjoni permanenti għall-finanzjament tal-YEI permezz ta' approprjazzjonijiet ta' impenn ġodda sal-2020 se tkun parti mir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP; jissottolinja, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-proviżjon tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) fir-rigward ta' appoġġ għal żgħażagħ b'età sa 25 sena li jinsabu barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs), bl-istess għadd ta' ħaddiema li jirċievu appoġġ f'reġjuni b'rati tal-qgħad għolja fost iż-żgħażagħ;
13. Jenfasizza li skont ir-rapport riċenti minn Save the Children, 27 miljun tifel u tifla huma attwalment fir-riskju tal-faqar fl-UE; ifakkar fir-rapport tal-Parlament favur it-twaqqif ta' garanzija għat-tfal biex toħroġhom minn sitwazzjonijiet ta' faqar, tipprovdi ambjent adatt għall-iżvilupp personali tagħhom, u jiġi evitat li dawn jispiċċaw sfruttati u soċjalment esklużi[7]; jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi ta' dawk l-Istati Membri li reċentement adottaw strateġiji għat-tnaqqis tal-faqar tat-tfal bl-għan li jitnaqqsu l-livelli tal-faqar globali, inkluż għat-tfal u ż-żgħażagħ; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-Istati Membri jirrispettaw il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-prinċipji tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; iqis l-edukazzjoni, l-indukrar tat-tfal, is-servizzi tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u s-sigurtà bħala ħtiġijiet bażiċi li t-tfal kollha Ewropej għandhom id-dritt għalihom, inklużi dawk li jivvjaġġaw lejn l-Ewropa fost ir-refuġjati u l-migranti;
14. Ifakkar fl-importanza tal-aġenziji Ewropej li jiżguraw l-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni Ewropea u b'hekk jintlaħqu l-objettivi ta' politika tal-UE relatati mal-kompetittività, it-tkabbir u l-impieg min-naħa waħda, u l-ġestjoni tal-kriżijiet attwali tal-migrazzjoni u tar-refuġjati min-naħa l-oħra; jinsisti, għaldaqstant, li se jiġu provduti riżorsi finanzjarji u umani adegwati kemm għan-nefqa amministrattiva kif ukoll għal dik operattiva li tippermetti lill-aġenziji jissodisfaw il-kompiti assenjati lilhom u jagħtu l-aħjar riżultati possibbli; ifakkar, fir-rigward tal-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, fiż-żidiet fil-persunal u l-approprjazzjonijiet għall-Aġenziji fil-qasam tal-Ġustizzja u l-Intern fil-baġits tal-2015 u l-2016; jissottolinja, madankollu, li se jkunu meħtieġa aktar żidiet fil-baġit 2017 sabiex dawn l-aġenziji jkunu jistgħu jkampaw maż-żieda fix-xogħol u l-kompiti addizzjonali tagħhom; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni tipprovdi informazzjoni aġġornata u konsolidata u strateġija għal żmien medju u fit-tul fir-rigward ta' dawk l-aġenziji;
15. Jinsab imħasseb dwar il-persistenza tal-inugwaljanzi soċjoekonomiċi u d-diffikultajiet biex jintlaħaq l-għan tal-UE ta' konverġenza soċjoekonomika; jenfasizza li l-baġit tal-Unjoni għandu jippromwovi politiki ta' konverġenza, integrazzjoni u koeżjoni, ibbażati fuq is-salvagwardja u l-promozzjoni tal-intraprenditorija, il-ħolqien ta' impjiegi deċenti, ta' kwalità u stabbli, l-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u l-protezzjoni tal-ambjent billi jibqa' jsegwi l-miri tiegħu skont l-istrateġija Ewropa 2020 għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-implimentazzjoni ta' approprjazzjonijiet ta' pagament li kienet aktar baxxa milli mistenni għall-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn;
16. Jirrikonoxxi l-importanza tal-programmi tal-ħalib għall-iskejjel u tal-frott għall-iskejjel, u jissuġġerixxi li jiġi analizzat sa liema punt tkun possibbli żieda fil-finanzjament tagħhom; ifakkar fid-diversi kriżijiet f'dawn l-aħħar snin, fosthom il-kriżi agrikola speċjalment minħabba l-effetti tal-embargo Russu; iħeġġeġ li ssir aktar ħidma sabiex l-agrikoltura tal-UE ssir aktar reżiljenti għat-tibdil fil-klima filwaqt li b'mod ġenerali jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' gass b'effett ta' serra u tiġi żgurata l-vijabbiltà ekonomika tas-settur;
17. Jirrikonoxxi li minkejja l-mobilizzazzjoni ta' mezzi baġitarji sinifikanti mqassma tul l-2015 u l-2016 sabiex jiġu indirizzati l-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati, għadha ma nstabitx soluzzjoni, kemm internament fi ħdan l-Unjoni jew esternament fil-pajjiżi ta' oriġini tar-refuġjati; jisħaq, madankollu, li m'hemmx biżżejjed mezzi baġitarji u li jinħtieġu mezzi finanzjarji addizzjonali sostanzjali biex jindirizzaw din il-kriżi, peress li ż-żieda fl-għadd ta' refuġjati u migranti ma tistax titqies bħala fenomenu temporanju; jenfasizza li għandhom jinstabu soluzzjonijiet aktar fit-tul, mhux biss fil-proċedura baġitarja annwali, iżda anke fir-reviżjoni interim li jmiss tal-QFP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippreżenta pjan politiku u finanzjarju fuq perjodu medju u twil sabiex jittratta l-kriżi tal-migrazzjoni u l-impatt tagħha fuq il-baġit 2017; jirrimarka li l-miżuri kollha ffinanzjati mill-UE għandhom jitqiesu bħala investimenti biex jindirizzaw l-isfidi tar-refuġjati u l-migrazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-fenomenu tal-migrazzjoni permezz tat-titjib fil-kundizzjonijiet tal-għajxien, partikolarment permezz ta' edukazzjoni aħjar u servizzi mediċi kif ukoll appoġġ imsaħħaħ għal investimenti fl-infrastruttura fil-pajjiżi tal-oriġini tal-migranti jew pajjiżi fejn dawn l-ewwel ifittxu kenn; jisħaq li l-finanzjament tal-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati m'għandux idgħajjef jew ixekkel l-implimentazzjoni ta' politiki importanti oħra tal-UE;
18. Jenfasizza l-importanza ta' żieda fil-finanzjament favur skemi ta' risistemazzjoni, proċeduri ta' rilokazzjoni u operazzjonijiet ta' ritorn, b'mod partikolari taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, sabiex tinkiseb politika Ewropea effettiva dwar l-asil u l-migrazzjoni filwaqt li tiġi evitata u mnaqqsa l-migrazzjoni irregolari; jissottolinja l-ħtieġa li jinħolqu possibbiltajiet fi ħdan il-baġit tal-UE sabiex jiġu żviluppati żoni ta' risistemazzjoni u żoni sikuri fil-kontinent Afrikan u fil-Lvant Nofsani, f'kooperazzjoni mal-Unjoni Afrikana, il-Lega Għarbija u l-UNHCR;
19. Jirrimarka t-twaqqif tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-Unjoni b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana u tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabbiltà u biex jiġu indirizzati l-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni irregolari u l-ispustament ta' persuni fl-Afrika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrispettaw il-wegħdiet tagħhom u jqabblu l-kontribuzzjoni tal-UE għal dawn il-fondi, li tammonta għal EUR 2.3 biljun; jinsab ferm imħasseb dwar il-livell baxx ta' kontribuzzjonijiet finanzjarji mill-Istati Membri; jisħaq li se jinħtieġu aktar sforzi finanzjarji sabiex tingħata għajnuna umanitarja matul ir-rotot tranżitorji u biex jiġu ġestiti l-isfidi kkawżati mill-għadd dejjem qed jikber ta' refuġjati; jirrimarka li n-nuqqas ta' fondi adegwati għall-għajnuna umanitarja, inklużi miżuri għas-saħħa u l-edukazzjoni fil-kampijiet, ħeġġeġ aktar refuġjati jibdew il-vjaġġ riskjuż lejn l-UE; ifakkar li l-fondi msemmija hawn fuq inħolqu b'reazzjoni għan-nuqqas ta' flessibbiltà u finanzjament fil-baġit tal-UE; jinsisti li l-azzjonijiet meħuda biex tiġi indirizzata l-problema tal-migrazzjoni u tar-refuġjati m'għandhomx ikunu a skapitu tal-politiki tal-iżvilupp tal-UE f'oqsma oħra u li regoli ta' responsabbiltà għall-azzjonijiet kollha tal-UE f'dan il-qasam għandhom jiġu segwiti;
20. Jissottolinja li l-Istati Membri reġgħu kkonfermaw l-impenn tagħhom, fil-laqgħa informali fit-23 ta' Settembru 2015 tal-Kapijiet ta' Stat jew Gvern tal-UE li saret biex jiddiskutu l-migrazzjoni, il-Kunsill Ewropew tal-15 ta' Ottubru 2015, u s-summit tal-Belt Valletta tal-11 u t-12 ta' Novembru 2015; jagħti l-akbar importanza lid-dikjarazzjonijiet pubbliċi tal-Kunsill dwar ir-rispons għall-kriżijiet tal-migrazzjoni u tar-refuġjati mingħajr preċedent; jistenna li l-Kunsill jissodisfa l-aspettattivi li qajmu d-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tiegħu stess, partikolarment relatati mal-kontribuzzjonijiet tal-Istati Membri li jaqblu mal-appoġġ baġitarju tal-UE għall-Fondi Fiduċjarji tal-Madad u l-Afrika, filwaqt li jimplimenta wkoll bis-sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni dwar il-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija; jirrikonoxxi li xi Stati Membri jikkontribwixxu wkoll permezz ta' skemi oħra ta' għajnuna umanitarja, bħal pereżempju l-Programm Dinji tal-Ikel u l-UNHCR;
21. Jilqa' l-prinċipju u l-objettivi tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija li għandha tiġi allokata EUR 3 biljun, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jissodisfaw l-impenji politiċi tagħhom u jipprovdu appoġġ finanzjarju adatt fil-pakkett tal-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija; huwa ferm determinat li japplika l-mezzi ta' pressjoni politiċi u istituzzjonali kollha sabiex jiġi żgurat li l-Istati Membri jwettqu l-impenn tagħhom rigward il-kontribuzzjonijiet tagħhom għall-Fond Fiduċjarju Reġjonali għas-Sirja, il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika u l-Faċilità għar-Refuġjati fit-Turkija; jistenna li l-Kummissjoni tispjega kif il-kontribuzzjoni tal-Unjoni għandha tkun disponibbli fi ħdan il-limiti massimi rispettivi tal-baġit tal-Unjoni għall-2016 u l-2017; jikkritika l-fatt li l-Kunsill u l-Kummissjoni eskludew lill-Parlament mid-deliberazzjonijiet dwar it-twaqqif tal-faċilità u l-mobilizzazzjoni tal-kontribuzzjoni tal-Unjoni, hekk kif indikat mill-Kummissjoni hekk kif ħabbret l-intenzjoni tagħha li tiffinanzja l-kontribuzzjoni tal-Unjoni permezz ta' riallokazzjoni mill-baġit tal-Unjoni adottat dan l-aħħar għall-2016 u li jiġu deċiżi minn qabel il-marġini baġitarji tal-2017; jissottolinja, barra minn hekk, il-ħtieġa li jiżdied l-impatt fuq l-infiq estern tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tfassal proposti dwar kif is-sinerġiji bejn l-istrumenti tal-UE għall-fondi esterni jistgħu jissaħħu u jsiru aktar koerenti fl-approċċ strateġiku tagħhom; iqis li dawn il-fondi fiduċjarji, kif ukoll il-Faċilità għar-Refuġjati, la huma fi ħdan u lanqas barra l-baġit tal-UE u għaldaqstant neqsin mir-responsabbiltà meħtieġa u l-proċess demokratiku preskritti mill-metodu Komunitarju, u għalhekk għandu l-intenzjoni li jsegwi mill-qrib it-twaqqif tal-fondi u l-faċilità u l-implimentazzjoni tagħhom; jissottolinja li l-azzjonijiet ta' hawn fuq huma ksur ċar tad-drittijiet tal-Parlament bħala fergħa tal-awtorità baġitarja;
22. Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li s-sitwazzjoni ġeopolitika fil-Viċinat tal-Lvant hija fraġli, u jistieden lill-UE tipprovdi appoġġ imsaħħaħ lill-pajjiżi li bħalissa qegħdin jimplimentaw il-Ftehimiet ta' Assoċjazzjoni, sabiex tavvanza r-riformi u tiżgura l-approfondiment tar-relazzjonijiet bejn l-UE u l-pajjiżi rispettivi.
Pagamenti
23. Ifakkar li fil-baġits għall-2015 u l-2016 il-Kummissjoni f'ħafna każijiet kienet naqset milli titlob approprjazzjonijiet ta' pagament addizzjonali għal għadd ta' reazzjonijiet li kellha għall-kriżijiet (l-għoti minn qabel ta' EUR 2 biljun għall-Greċja, l-ewwel inizjattivi fil-qasam tal-migrazzjoni), u minflok marret lura għar-riallokazzjoni ta' riżorsi li diġà jeżistu; jenfasizza li dan żied il-piż fuq l-approprjazzjonijiet ta' pagament fl-2016 u lil hinn, b'hekk potenzjalment joħloq mill-ġdid sitwazzjoni fejn l-approprjazzjonijiet jistgħu ma jkunux biżżejjed biex jissodisfaw il-ħtiġijiet attwali ta' programmi finanzjarji bejn l-intestaturi u jaffettwa direttament lil dawk responsabbli mill-proġett u liċ-ċittadini; jinsab imħasseb li din is-sitwazzjoni, flimkien mad-dewmien biex tibda l-implimentazzjoni tal-programmi taħt ġestjoni konġunta, tista' toħloq mill-ġdid il-kundizzjonijiet li fi tmiem l-aħħar QFP wasslu għal livell bla preċedent ta' impenji pendenti u livell mhux sostenibbli ta' talbiet ta' pagament pendenti b'lura; ifakkar fil-pożizzjoni tiegħu li ilu jħaddan li l-ħtiġijiet ta' pagament mhux previsti għandhom jiġu ffinanzjati permezz ta' approprjazzjonijiet ġodda;
24. Jitlob għall-implimentazzjoni sħiħa tad-dikjarazzjonijiet konġunti dwar il-pagamenti li kien hemm qbil dwarhom bejn il-Parlament, il-Kunsill u l-Kummissjoni fl-2015 u l-2016; ifakkar fl-impenn meħud li matul din is-sena jiġu organizzati mill-inqas tliet laqgħat interistituzzjonali dwar il-pagamenti, sabiex jiġu vvalutati l-implimentazzjoni ta' pagamenti u t-tbassir rivedut; jirrimarka li l-Kummissjoni ħabbret ammont pendenti ta' EUR 8.2 biljun fi tmiem l-2015, li jirrappreżenta kważi nofs dak li kienet antiċipat oriġinarjament; beħsiebu jqajjem din il-kwistjoni waqt l-ewwel laqgħa interistituzzjonali dwar il-pagamenti f’Marzu 2016, sabiex jiġu determinati l-kawżi ta' din id-differenza u l-impatt possibbli fit-tul fuq previżjonijiet ta' pagamenti; jistenna li matul il-qari tiegħu tal-baġit tal-Unjoni għall-2017 il-Kunsill se jinkludi u jirrispetta bis-sħiħ l-ammonti kkonfermati fil-laqgħa ta' April 2016; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tipprovdi lill-Parlament u lill-Kunsill, kif maqbul fid-dikjarazzjoni konġunta adottata fil-qafas tal-proċedura baġitarja għall-2016, bi previżjonijiet fuq żmien itwal għall-evoluzzjoni mistennija tal-pagamenti sa tmiem il-QFP 2014-2020, sabiex tevita pagamenti b'lura fit-tieni nofs tal-QFP;
25. Jenfasizza li l-implimentazzjoni tal-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej mistennija tilħaq livell ta' ritmu normali fl-2017, u jwissi kontra sottobbaġitjar ta' approprjazzjonijiet ta' pagament biex ikun hemm qbil ma' din iż-żieda fil-livell ta' assorbiment; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi l-pagamenti fuq il-livelli meħtieġa fl-abbozz ta' baġit tagħha; jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-adozzjoni tardiva tal-programmi operattivi u dwar ir-riskju ta' akkumulazzjoni ġdida ta' kontijiet mhux imħallsa matul it-tieni nofs tal-QFP; iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex taħdem b'mod attiv mal-Istati Membri u jħeġġiġhom jagħmlu kull sforz biex jiżguraw il-ħatra rapida tal-awtoritajiet tal-programm, li n-nuqqas tagħhom kien il-kawża ewlenija tad-dewmien attwali; jilqa' d-disponibbiltà tal-Kummissjoni li tikkollabora mill-qrib mal-Istati Membri fuq talba, b'mod partikolari fir-rigward tal-aġġustament, kif xieraq, tal-programmi operattivi biex ikun hemm sinerġija aktar b'saħħitha bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej u l-isfidi domestiċi marbuta mal-kriżi tar-refuġjati;
Kwistjonijiet oħra ta' rilevanza partikolari
26. Ifakkar fl-importanza tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi, li għandha tirfed il-politiki tal-Unjoni bħala prinċipju orizzontali; jistieden lill-Kummissjoni tpoġġi l-prinċipju tal-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-prattika waqt it-tħejjija tal-abbozz ta' baġit għall-2017, kif xieraq;
27. Jilqa' l-ftehim li ntlaħaq fit-12 ta' Diċembru 2015 f'Pariġi mill-196 parti għall-Konvenzjoni Qafas tan-NU dwar it-Tibdil fil-Klima dwar ftehim universali, vinkolanti, dinamiku u differenzjat biex tiġi affaċċata l-isfida tat-tibdil fil-klima; jiddispjaċih, madankollu, dwar il-fatt li ma hemm l-ebda ċarezza dwar kif il-pajjiżi donaturi se jilħqu l-mira ta' USD 100 biljun kull sena biex jappoġġjaw lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw, jew b'mod partikolari dwar kif se jaqblu dwar metodoloġija komuni biex jiġi kkontabilizzat il-finanzjament b'rabta mal-klima; jinnota li din il-kwistjoni għandha tkun solvuta qabel il-COP 22 f'Marrakesh, u jistenna li l-Kummissjoni tipprovdi qafas regolatorju konsolidat tal-UE li jkun jikkonforma bis-sħiħ mal-impenji kollha magħmula f'Pariġi u tantiċipa tali finanzjament fl-abbozz ta' baġit tagħha għall-2017; ifakkar li l-UE qablet li mill-inqas 20 % tal-baġit tagħha għall-2014-2020, jiġifieri EUR 180 biljun, għandu jintuża għal azzjonijiet marbutin mal-klima u li jinħtieġ li l-baġit tal-UE jiġi adattat għall-klima; jitlob lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-infiq tal-UE fuq infrastruttura effiċjenti sostenibbli u mezzi ta' trasport sostenibbli; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timplimenta b'mod rapidu l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Novembru 2015 rigward il-klima u l-fondi tal-politika ta' koeżjoni;
28. Jilqa' b'sodisfazzjon l-isforzi tal-Kummissjoni biex tiżviluppa l-istrateġija "Baġit tal-UE ffukat fuq ir-Riżultati"; jistieden lill-Kummissjoni turi progress fil-qasam tas-simplifikazzjoni tal-finanzjament tal-UE, speċjalment rigward it-tnaqqis tal-piż tal-implimentazzjoni u l-ġestjoni ta' proġetti ffinanzjati mill-UE; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari għall-prestazzjoni ta' strumenti finanzjarji li jistgħu jilħqu l-gruppi ta' mira importanti, bħal SMEs, intrapriżi u mikrointrapriżi innovattivi taħt il-programmi ta' finanzjament tal-Unjoni; jemmen, barra minn hekk, li, apparti l-istituzzjonijiet tal-Unjoni, l-Istati Membri għandhom ukoll responsabbiltà konsiderevoli, minħabba l-fatt li 80 % tal-baġit jaqa' taħt "ġestjoni konġunta"; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jagħmlu ħilithom sabiex jiggarantixxu ġestjoni finanzjarja tajba u t-tnaqqis tal-iżbalji, u biex jevitaw kwalunkwe dewmien fl-implimentazzjoni tal-programmi taħt ir-responsabbiltà tagħhom; jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar konċentrazzjoni fuq l-iżvilupp ta' indikaturi xierqa ta' eżiti kwantitattivi u kwalitattivi sabiex titkejjel il-prestazzjoni u tiżviluppa stampa reali li turi l-effett tan-nefqa tal-UE fl-ekonomija reali; jistieden lill-Istati Membri kollha jippromwovu u jimplimentaw miżuri konkreti biex jiġġieldu b'mod attiv kontra l-korruzzjoni fl-akkwisti pubbliċi u s-sejħiet għall-offerti;
29. Itenni l-appoġġ tiegħu għall-programm ITER internazzjonali ta' riċerka u inġinerija u jimpenja ruħu li jiżgura l-finanzjament xieraq għalih; jinsab imħasseb, madankollu dwar il-fatt li fir-rigward ta' dan il-programm jistgħu jinħolqu aktar dewmien u spejjeż addizzjonali kif ukoll dwar ir-riperkussjonijiet potenzjali relatati għall-baġit tal-Unjoni; jiddispjaċih, għalhekk, li ma kienx f'qagħda li jivvaluta l-livell tal-approprjazzjonijiet għall-ITER tal-2016 fir-rigward tal-pjan u l-kalendarju ta' pagament aġġornati; jistenna li dan il-pjan rivedut jiġi inkluż fit-tħejjija tal-abbozz ta' baġit għall-2017; jappella biex ikun hemm mekkaniżmu ta' responsabbiltà xieraq li joffri stampa ċara tal-ammont f'riżorsi finanzjarji previsti għall-proġett internazzjonali u se jevalwa l-effiċjenza tal-użu tagħhom;
30. Ifakkar li l-ftehim finali dwar il-QFP 2014-2020, kif stipulat fl-Artikolu 2 tar-Regolament QFP, jinkludi proposta għal rieżami obbligatorju tal-QFP 2014-2020, akkumpanjat minn proposta leġiżlattiva għal reviżjoni tal-QFP sa tmiem l-2016; jenfasizza li l-iskop tar-rieżami/reviżjoni huwa li jivvaluta l-funzjonament kwalitattiv u kwantitattiv tal-QFP u jindirizza n-nuqqasijiet sistemiċi tal-baġit tal-Unjoni, kif ukoll biex jiżgura li l-Unjoni tingħata riżorsi suffiċjenti ħalli tindirizza b’mod effikaċi kriżijiet interni u esterni u tiffinanzja prijoritajiet politiċi li qed jevolvu għat-tieni nofs tal-QFP attwali; jenfasizza li l-Kunsill għandu jilħaq l-aspettattivi li tqajmu mid-dikjarazzjonijiet u d-deċiżjonijiet tal-Kunsill Ewropew; jissottolinja f'dan ir-rigward li l-Kunsill għandu jassumi r-responsabbiltà biex jiżgura li l-approprjazzjonijiet meħtieġa jsiru disponibbli sabiex jirrispondu għall-finanzjament ta’ kompiti ġodda u ċirkostanzi mhux previsti, inkluż permezz ta' reviżjoni 'l fuq tal-limiti massimi tal-QFP; beħsiebu jieħu approċċ konsistenti fin-negozjati dwar il-baġit 2017 u r-reviżjoni tal-QFP; jesprimi d-dubji serji tiegħu dwar jekk il-kriżijiet inkwistjoni jistgħux jiġu ffinanzjati bir-restrizzjonijiet tal-QFP attwali; jenfasizza barra minn hekk li r-reviżjoni tal-QFP fl-2016 hija opportunità biex il-Qafas jadatta l-mezzi tiegħu u jestendi l-flessibbiltà fih;
31. Itenni l-pożizzjoni tiegħu favur ir-riforma profonda meħtieġa tas-sistema tar-riżorsi proprji tal-Unjoni, u jagħti l-ogħla importanza politika lill-ħidma tal-Grupp ta' Livell Għoli dwar ir-Riżorsi Proprji maħluq bħala parti mill-ftehim QFP 2014-2020; jistenna li l-Kummissjoni u l-Kunsill jinkludu r-riżultat finali, li huwa mistenni sa tmiem l-2016, inkluż kwalunkwe kandidat ġdid għar-riżorsi proprji; ifakkar li l-idea prinċipali tar-riforma tar-riżorsi proprji hija li trendi l-aspett tad-dħul tal-baġit tal-Unjoni aktar awtonomu kif ukoll aktar stabbli, eħfef, aktar ġust, aktar sostenibbli u aktar prevedibbli filwaqt li tnaqqas ukoll il-piż ta' nfiq eċċessiv mill-baġits nazzjonali u ttejjeb it-trasparenza u l-viżibbiltà għaċ-ċittadini mingħajr ma jiżdied il-piż globali tat-taxxa fuq iċ-ċittadini; jemmen li sabiex il-baġit tal-UE jsir kompletament indipendenti, għandhom jiġu stabbiliti riżorsi proprji ġenwini;
32. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti Ewropea tal-Awdituri.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
18.2.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
25 6 4 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Jean Arthuis, Richard Ashworth, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Ingeborg Gräßle, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Younous Omarjee, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Monika Vana, Daniele Viotti, Marco Zanni, Auke Zijlstra |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Xabier Benito Ziluaga, Andrey Novakov, Pavel Poc, Nils Torvalds, Tomáš Zdechovský |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Birgit Collin-Langen, Nathan Gill, Dietmar Köster |
||||
- [1] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
- [2] ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
- [3] ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2015)0407.
- [5] http://ec.europa.eu/economy_finance/publications/eeip/pdf/ip011_en.pdf
- [6] http://ec.europa.eu/europe2020/pdf/2016/ags2016_annual_growth_survey_mt.pdf
- [7] Testi adottati, P8_TA(2015)0401.