RAPPORT dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV — approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja

4.3.2016 - (2015/2257(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Ernest Maragall
Rapporteur għall-opinjoni (*):
Enrique Calvet Chambon, Kumitat għall-Impjieg u l-Affarijiet Soċjali
(*) Kumitati assoċjati - Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura


Proċedura : 2015/2257(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0049/2016
Testi mressqa :
A8-0049/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV — approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja

(2015/2257(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), b'mod partikolari l-Artikoli 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Kopenħagen tat-30 ta' Novembru 2002 dwar il-kooperazzjoni msaħħa fl-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali Ewropew,

  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' qafas Ewropew ta' referenza ta' assigurazzjoni tal-kwalità għal edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (“ET 2020”)[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tal-Kunsill tas-27 ta' Novembru 2009 dwar qafas imġedded għall-kooperazzjoni Ewropea fil-qasam taż-żgħażagħ (2010-2018)[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1288/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi "Erasmus+": il-Programm tal-Unjoni għall-edukazzjoni, taħriġ, żgħażagħ u sport[3],

  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2012/C 398/01)[4],

  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 2241/2004/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar qafas Komunitarju waħdieni għat-trasparenza tal-kwalifiki u tal-kompetenzi (Europass)[5],

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-28 ta' Ġunju 2011 bit-titolu ‘Żgħażagħ f'Moviment' – il-promozzjoni tal-mobilità fit-tagħlim taż-żgħażagħ[6],

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim ta' matul il-ħajja[7],

  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-6 ta' Lulju 2010 dwar il-promozzjoni tal-aċċess taż-żgħażagħ għas-suq tax-xogħol, it-tisħiħ tal-istatus ta' min jitħarreġ, tal-internship u l-apprendistat[8],

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja (EQF-LLL)[9],

–  wara li kkunsidra l-istrumenti differenti għar-rikonoxximent tal-kompetenzi, bħalma huma l-Qafas Ewropew taċ-Ċertifikazzjonijiet (CEC), is-Sistema Ewropea tat-Trasferiment ta' Krediti (ECTS), is-Sistema Ewropea ta' Krediti għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET) u l-Qafas Ewropew ta' Ħiliet/Kompetenzi, Kwalifiki u Okkupazzjonijiet (ESCO),

–   wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-20 ta' Novembru 2012 bit-titolu “Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar” (COM(2012)0669),

  wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta' Jannar 2014 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tar-Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew ta' Referenza ta' Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali,

  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali tat-22 ta' Ġunju 2015 dwar sett ġdid ta' riżultati fuq perjodu medju ta' żmien fil-qasam tal-ETV għall-perjodu 2015-2020,

  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi dwar il-promozzjoni taċ-ċittadinanza u tal-valuri komuni tal-libertà, it-tolleranza u n-nondiskriminazzjoni permezz tal-edukazzjoni, adottata fil-laqgħa informali tal-ministri tal-edukazzjoni tal-Unjoni fis-17 ta' Marzu 2015 f'Pariġi (8496/15),

  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (A8-0049/2016),

A.   billi l-mobilità tat-tagħlim u l-mobilità fit-taħriġ huma importanti għall-iżvilupp personali, l-inklużjoni soċjali taż-żgħażagħ, id-djalogu interkulturali, it-tolleranza, l-abilità li jaħdmu f'ambjent multikulturali, u ċ-ċittadinanza attiva, u intwera biċ-ċar il-potenzjal tagħhom li jikkontribwixxu għal edukazzjoni ta' kwalità għolja u għall-impjegabilità;

B.  billi l-mobilità tat-tagħlim u l-mobilità fit-taħriġ għandhom jissaħħu ulterjorment fil-kuntest ta' programmi tal-UE attwali kif ukoll suċċessivi fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ, l-impjiegi u l-politika ta' koeżjoni;

C.   billi fl-2002 il-Ministri tal-UE responsabbli mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) varaw il-“Proċess ta' Kopenħagen” bil-għan li tissaħħaħ il-kooperazzjoni Ewropea f'dan il-qasam biex jiġu mtejba l-prestazzjoni, il-kwalità u l-attraenza tal-ETV fl-Ewropa;

D.   billi l-proċess ta' Kopenħagen hu msejjes fuq prijoritajiet miftehima b'mod reċiproku li jiġu rieżaminati perjodikament, u jfittex fost il-miri tiegħu li jiffaċilita l-mobilità u jippromwovi l-użu ta' opportunitajiet differenti ta' taħriġ vokazzjonali fi ħdan il-kuntest ta' tagħlim tul il-ħajja;

E.  billi, skont l-Eurostat, il-qgħad fl-UE laħaq l-10.2 % fl-2014 minkejja li hemm irkupru bil-mod; billi madwar l-UE, il-qgħad fost iż-żgħażagħ attwalment huwa ta' 22.1 %, filwaqt li 51 % biss tal-grupp ta' età ta' bejn il-55 u l-64 sena għandhom xogħol, u d-disparità bejn is-sessi fir-rata tal-impjieg ta' ħaddiema kbar fl-età hija ta' 13.6 punti perċentwali;

F.   billi t-tagħlim mhux formali u informali u t-taħriġ vokazzjonali għandhom kontribut importanti x'jagħtu fl-indirizzar ta' sfidi attwali fit-tagħlim tul il-ħajja, bħalma huma l-ħruġ bikri mill-iskola, numru inaċċettabbli ta' żgħażagħ barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEET) u n-nuqqas ta' ħiliet u d-diskrepanzi fit-tlaqqigħ tagħhom;

G.  billi l-persistenza tan-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol tintwera mir-rata għolja ta' postijiet tax-xogħol battala reġistrata fil-Previżjonijiet Ekonomiċi għall-Ħarifa 2015 tal-Kummissjoni Ewropea;

H.   billi l-ħiliet lingwistiċi huma aktar baxxi fl-ETV u jeħtieġu spinta speċifika;

I.   billi hemm il-bżonn li jiġi mtenni l-impenn politiku ta' appoġġ għall-azzjoni tal-UE fl-oqsma tat-tagħlim tul il-ħajja u l-ETV, partikolarment permezz ta' attivitajiet ta' mobilità li jiffokaw fuq l-iżvilupp ta' kompetenzi trasversali bħall-adattabilità, il-kurżità u tagħlim dwar kif titgħallem, u l-ħiliet interpersonali u ċiviċi;

J.   billi l-aħħar żviluppi soċjoekonomiċi enfasizzaw il-ħtieġa li t-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u l-ETV mhux biss ikunu aktar effiċjenti, iżda wkoll aktar aċċessibbli u inklużivi fir-rigward ta' gruppi żvantaġġati u persuni bi bżonnijiet speċjali; billi aċċessibilità usa' għall-edukazzjoni ma għandhiex tiġi implimentata bi ħsara għall-kwalità tal-edukazzjoni;

K.   billi l-appoġġ finanzjarju kontinwu għall-miżuri u attivitajiet ta' mobilità relatati mat-tagħlim tul il-ħajja u l-għarfien tal-EVT huma kruċjali, speċjalment fil-perjodu attwali ta' kriżi ekonomika;

L.  billi l-livell reġjonali u lokali huwa kruċjali biex jiġu appoġġati inizjattivi li jesploraw modi ġodda ta' mobilità sabiex jiżguraw l-effikaċja, it-trasparenza u l-kwalità ta' fondi u programmi ddedikati għall-ETV; billi l-mobilità fl-ETV taż-żgħażagħ u l-apprendistati promossa fil-livell reġjonali u lokali għandha tkun ikkoordinata fi proċess wiesa' ta' governanza demokratika u parteċipatorja immirata biex tindirizza l-iktar kwistjonijiet soċjo-ekonomiċi u ambjentali rilevanti, bil-parteċipazzjoni ta' intrapriżi mikro, żgħar u ta' daqs medju, il-komunitajiet lokali u s-sħab soċjali;

M.   billi l-intraprendituri, il-kmamar tal-kummerċ u tal-industrija u l-korpi professjonali ekwivalenti għall-artiġjanat u l-bdiewa, kif ukoll it-trejdjunjins u sħab soċjali oħra rilevanti, għandhom ikunu involuti b'mod attiv fit-tfassil, l-organizzazzjoni, it-twassil u l-finanzjament tal-ETV, inkluża l-mobilità; billi fir-rigward tad-disinn tal-ETV, dimensjoni soċjali għandha tiġi indirizzata biex tinkludi oqsma bħalma huma l-kummerċ ġust, l-intraprenditorija soċjali u l-mudelli tan-negozju alternattivi bħall-kooperattivi, u għandha tkun organizzata mal-imsieħba rilevanti f'dawn l-oqsma;

N.   billi l-mobilità taż-żgħażagħ għandha tiġi mħeġġa biex tissaħaħ l-impjegabilità tagħhom, m'għandhiex tkun l-unika soluzzjoni prevista għall-impjieg taż-żgħażagħ;

Evalwazzjoni tar-riżultati u identifikazzjoni tal-isfidi ewlenin

1.   Jemmen li l-edukazzjoni hi dritt fundamentali tal-bniedem u tirrappreżenta ġid pubbliku li għandu jkun aċċessibbli b'mod indaqs għal kulħadd; jitlob lill-UE u lill-Istati Membri jindirizzaw il-limiti soċjoekonomiċi kollha li ma jippermettux aċċess ugwali għall-opportunitajiet kollha tal-ETV, inkluża l-mobilità; jagħraf li r-rwol u r-riżultati ta' programmi u inizjattivi eżistenti għall-mobilità fil-ETV għandhom jittejbu f'termini ta' aċċessibilità, trasparenza u inklużività, sabiex jiġi promoss approċċ personalizzat għall-edukazzjoni, jonqos it-tluq kmieni mill-iskola, u jiggarantixxu aċċess ugwali għall-azzjonijiet ta' mobilità Erasmus+ għall-gruppi żvantaġġati u dawk bi bżonnijiet speċjali; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa ta' firxa diversifikata, flessibbli u mfassla apposta ta' għażliet ta' mobilità għat-taħriġ, kif ukoll iż-żamma ta' perspettiva tal-ġeneri, għall-persuni li jkunu ġejjin minn sfond ta' immigrazzjoni jew familji ekonomikament żvantaġġati , studenti li ġejjin minn reġjuni remoti, persuni b'diżabilità u dawk bi ħtiġijiet speċifiċi oħra;

2.   Jafferma l-ħtieġa, fit-trattament tal-kwistjoni tal-mobilità u l-edukazzjoni, li tinżamm perspettiva ta' ugwaljanza bejn is-sessi u jittieħed kont tal-ħtiġijiet tal-persuni li jbatu minn forom multipli ta' diskriminazzjoni, inklużi l-persuni b'diżabilità, persuni li jidentifikaw ruħhom bħala LGBTI u persuni li jiġu minn komunitajiet emarġinati; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, aktar miżuri li jiffaċilitaw l-aċċess għal persuni minn gruppi żvantaġġati jew bi bżonnijiet speċjali għal azzjonijiet ta' mobilità tal-Erasmus+;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati ewlenin biex iżidu l-viżibilità tal-programmi tal-ETV sabiex jitneħħew l-ostakoli kulturali u jiġu indirizzati l-problemi ta' nuqqas ta' motivazzjoni, in-nuqqas ta' predispożizzjoni proattiva u n-nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi, partikolarment f'dawk l-oqsma li huma l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ; jemmen li għandu jiġi żgurat li dawn il-programmi jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha mingħajr diskriminazzjoni; jitlob li jitqiegħdu fil-mira l-gruppi li jinsabu f'riskju ta' qgħad, bħalma huma l-persuni b'diżabilità; jitlob li l-aċċess għall-ETV u l-kwalifiki jiġi ffaċilitat permezz tal-promozzjoni tal-adattabilità fil-mogħdijiet tal-apprendistat u l-aġġustabilità tal-arranġamenti, kif ukoll permezz ta' opportunitajiet ta' taħriġ għall-gruppi b'nuqqas ta' ħiliet bażiċi u għall-impjegati bi kwalifiki ta' livell intermedju jew baxx; ifakkar li l-bilanċ bejn is-sessi fl-aċċess għal tali esperjenzi għandu jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-promozzjoni effiċjenti tal-programmi ta' mobilità tal-ETV fost in-nisa; iqis, f'dan ir-rigward, li għandhom jiġu stabbiliti miri ambizzjużi u li l-progress għandu jiġi mmonitorjat;

4.  Jenfasizza d-disparità ta' bejn is-sessi fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fl-impjiegi fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) madwar l-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ lejn il-programm Erasmus+ u biex jużaw dan il-mekkaniżmu bħala opportunità ewlenija għall-iżvilupp tal-ħiliet fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika bil-għan li tissaħħaħ l-abilità tan-nisa li jibdew karriera fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u b'hekk titnaqqas id-disparità fil-ħiliet f'dan il-qasam;

5.  Jenfasizza l-importanza ta' spazju komuni Ewropew għall-edukazzjoni bbażat fuq komponent qawwi ta' mobilità – li jinkludi mhux biss l-edukazzjoni għolja iżda anki l-ETV – li se jikkontribwixxi għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' identità Ewropea u ċittadinanza aktar b'saħħithom;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu kull sforz sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropea għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020; jemmen li l-mobilità għandha tieħu kont tal-aspett tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi (ETVK), billi dan huwa fundamentali għat-titjib u l-aġġornament tal-ħiliet u l-ispeċjalizzazzjonijiet; jenfasizza li t-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma ta' importanza ewlenija għall-kisba ta' prospetti tax-xogħol aħjar għall-dawk qiegħda fit-tul;

7.  Jemmen li l-kooperazzjoni msemmija hawn fuq għandha tirriżulta f'rieżami tar-rekwiżiti bil-għan li tiġi żgurata r-rilevanza tagħhom fir-rigward tat-tul ta' żmien, il-kontenut, il-kompetenzi u l-eżiti tat-tagħlim, filwaqt li tiġi kkombinata l-mobilità kemm għaċ-ċentri tat-taħriġ kif ukoll fuq il-post tax-xogħol u anke billi tingħata prijorità lill-perjodi ta' esperjenza itwal (pereżempju ta' sitt xhur) fuq l-ekwivalenti tagħhom b'iqsar tul ta' żmien;

8.  Jinnota li r-riżorsi Ewropej allokati lill-programmi Erasmus+ u ETV mhumiex proporzjonati mal-għadd jew il-ħtiġijiet ta' dawk li potenzjalment jistgħu jibbenifikaw mill-mobilità offruta b'dawn l-iskemi, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri jippromwovu ftehimiet bilaterali biex jissupplementaw l-attivitajiet tal-Erasmus+ u tal-programmi Ewropej tal-ETV, biex b'hekk tiżdied il-mobilità taż-żgħażagħ Ewropej;

9.   Jirrikonoxxi r-rwol importanti u r-riżultati ta' programmi u inizjattivi eżistenti għall-mobilità, bħalma huma l-Azzjoni Ewlenija 1 fl-Erasmus +, l-Europass, is-Sistema Ewropea ta' Kredits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET), u l-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (EQF); jistieden lill-Kummissjoni toħloq 'E-card tal-istudenti Ewropej' li tagħti l-istatus ta' student f'kuntest ta' mobilità u li toffri aċċess għal servizzi;

10.   Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri, kif ukoll lill-aġenziji tal-UE bħaċ-CEDEFOP, jieħdu azzjoni biex itejbu l-programmi ta' mobilità ETV sabiex dawn jagħtu valur miżjud lill-parteċipanti kollha f'termini ta' kwalifiki, rikonoxximent u kontenut, u biex jiġi żgurat li jiġu introdotti standards ta' kwalità għall-apprendistati;

11.   Jindika li l-inizjattivi tal-mobilità jikkontribwixxu għat-titjib mhux biss tal-valuri ċiviċi tal-istudenti u s-sens ta' appartenenza tagħhom għall-Ewropa, iżda wkoll il-ħiliet akkademiċi tagħhom u l-prospetti ta' impjiegi, u b'mod aktar speċifiku dawk il-ħiliet marbuta mal-kapaċità ta' soluzzjoni ta' problemi, l-ippjanar u l-istrutturar, il-kapaċità li jaġixxu u jadattaw ruħhom fid-dawl ta' sitwazzjonijiet ġodda, l-intraprenditorija, it-tmexxija u t-teħid ta' deċiżjonijiet, ħiliet ta' responsabilità soċjali, l-għarfien ta' lingwi barranin, il-ħiliet ta' komunikazzjoni u ta' ħidma f'tim, kif ukoll dawk relatati ma' ħiliet personali li għandhom impatt fuq l-impjegabilità, bħall-fiduċja, il-motivazzjoni, il-kurżità, il-ħsieb kritiku u kreattiv, l-inizjattiva u l-assertività;

12.   Jinsisti fuq il-ħtieġa li tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni tal-mobilità f'Erasmus+, billi tittieħed azzjoni biex tiżdied ir-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet, jiġi semplifikat it-tfassil u l-użu ta' għodod elettroniċi għall-ġestjoni tal-mobilità, filwaqt li titqajjem kuxjenza tal-valur ta' programmi ta' mobilità fl-istabbilimenti kollha tal-edukazzjoni ġenerali u vokazzjonali tal-Unjoni, u billi jiġu provduti informazzjoni u taħriġ iktar immirati għall-benefiċjarji u l-intermedjarji tal-programmi u tal-azzjonijiet, inkluż il-personal tal-iskejjel u tal-kulleġġi; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, tal-kontribuzzjoni magħmula minn EuropeanSchoolNet; jitlob lill-Kummissjoni tnaqqas il-piżijiet amministrattivi attwali eċċessivi u kumplessi żżejjed, kemm għall-applikanti kif ukoll għall-kumpaniji li jibagħtu u jospitaw u l-istituzzjonijiet involuti fil-proġetti Erasmus+, billi tiffaċilita u tissemplifika l-proċessi għall-applikazzjoni, ir-reġistrazzjoni u r-rappurtar, u l-proġetti nnifishom; jindika, barra minn hekk, li l-burokrazija żejda fl-iskejjel u l-kulleġġi kkonċernati taġixxi bħala ostakolu għall-implimentazzjoni sempliċi tal-programm;

13.   Jitlob lill-Kummissjoni tistabbilixxi skemi mmirati biex tnaqqas l-ostakli lingwistiċi u kulturali għall-organizzazzjoni ta' programmi ta' mobilità; iqis li dawn l-iskemi għandhom ikunu kapaċi li jevalwaw il-progress tal-implimentazzjoni; jenfasizza li skemi ta' azzjoni għandhom, b'mod partikolari, jappoġġaw it-tagħlim ta' elementi bażiċi tal-lingwa tal-pajjiż ospitanti; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali biex jeżaminaw il-bżonnijiet speċifiċi ta' tagħlim tal-għalliema u ta' min iħarreġ fis-settur tal-ETV, biex jiġi mħeġġeġ u jingħata appoġġ lill-qsim tal-aħjar prattika, u biex jingħatawlhom aktar opportunitajiet ta' żvilupp professjonali; jenfasizza l-importanza ta' tfassil ta' mudell ta' taħriġ bażiku li jista' jipprovdi informazzjoni dwar il-karatteristiċi ewlenin tan-negozju u l-kultura tax-xogħol tal-pajjiż ta' destinazzjoni, kif ukoll tal-promozzjoni u l-provvista ta' programmi speċifiċi għat-taħriġ ta' persunal tat-tagħlim fil-kuntest tal-ġestjoni tal-mobilità miċ-ċentri ta' taħriġ;

14.  Jirrimarka li l-impjiegi marbuta mal-ETV għandhom il-flessibilità meħtieġa biex jitwettqu kullimkien, u li, għalhekk, il-mobilità fil-kuntest tal-ETV hija għodda importanti fil-ġlieda kontra l-qgħad, li ssaħħaħ l-impjegabilità, tgħin biex titnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u tiffaċilita t-tlaqqigħ tal-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, filwaqt li tipprovdi ħiliet u esperjenza unika tat-tip meħtieġ għall-kompetittività fis-swieq tax-xogħol tal-lum fl-UE; iqis li Erasmus+ jgħin fl-iżvilupp ta' ħiliet professjonali speċifiċi u kompetenzi trasversali u trasferibbli bħall-intraprenditorija, kif ukoll għat-twessigħ tal-opportunitajiet għall-involviment tas-settur tal-produzzjoni, u b'hekk jikkostitwixxi għodda effikaċi għas-suq tax-xogħol;

15.   Jenfasizza s-sinifikat u l-importanza tar-rikonoxxibilità ta' marki u logos marbutin mal-Erasmus+ u s-sottoprogrammi tiegħu; iqis li dawn il-marki għandhom jintużaw b'mod partikolari għal publikazzjonijiet u fuljetti informattivi tal-Erasmus+;

16.  Jesprimi tħassib li Erasmus+ huwa perċepit miż-żgħażagħ prinċipalment bħala programm għall-istudenti fl-edukazzjoni għolja; jirrakkomanda, għaldaqstant, li tingħata iktar viżibilità fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali tal-oqsma differenti u tas-sottoprogrammi relatati ma' kull qasam, fosthom l-edukazzjoni fil-livell tal-iskola (Comenius), l-edukazzjoni għolja (Erasmus), l-edukazzjoni internazzjonali għolja (Erasmus Mundus), l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u l-edukazzjoni tal-adulti (Grundtvig), kif ukoll iż-żgħażagħ (Youth in Action) u l-isport;

17.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-korpi pubbliċi tal-impjieg jippubbliċizzaw u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-programm Erasmus+ u għodod oħra mmirati lejn il-promozzjoni tal-mobilità fil-qasam tal-ETV, b'mod partikolari fost l-SMEs; jemmen li l-massimizzazzjoni tal-effikaċità ta' dawn l-għodod se tippermetti li aktar persuni jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet, b'tali mod li l-għan ta' mobilità jkun jista' jinkiseb;

18.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-industrija u s-servizzi fis-setturi kemm pubbliċi kif ukoll privati, inkluż is-settur tal-produzzjoni (b'mod partikulari l-SMEs u l-mikrointrapriżi), jiġu kkonsultati u/jew involuti fl-ippjanar, fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-appoġġ għall-programmi ta' mobilità tal-ETV ta' kwalità; iqis li l-għażla tal-programm għandha tieħu kont tal-opportunitajiet ta' xogħol man-negozji u l-organizzazzjonijiet ospitanti; jemmen li sħubija flessibbli u kostruttiva bbażata fuq id-djalogu, il-kooperazzjoni u l-aħjar prattika li tinvovi l-partijiet ikkonċernati kollha se tiżgura s-suċċess u l-valur miżjud tal-ETV; huwa tal-fehma li huwa meħtieġ ukoll l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki bejn l-intrapriżi u ċ-ċentri ta' taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni żżomm kont tad-domanda u l-provvista fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-UE, kif ukoll tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali, sabiex ikun hemm tlaqqigħ mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; iqis li dan inaqqas id-distakk bejn, fuq naħa waħda, it-taħriġ offrut u dak li fil-fatt ikun qed jistenna liż-żgħażagħ fl-ambjent tan-negozju, u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet tas-suq fis-setturi ta' valur miżjud (eż. l-ekonomiji ekoloġiċi u diġitali, l-enerġija, id-difiża, is-settur tal-kura u r-riabilitazzjoni tal-akkomodazzjonijiet);

19.  Jenfasizza l-aspetti prinċipali li għandhom jitqiesu fit-tfassil ta' azzjonijiet ta' mobilità u fil-valutazzjoni tal-implimentazzjoni tagħhom, jiġifieri: il-kapaċità ekonomika tal-istudenti li jieħdu sehem fil-mobilità; ir-rikonoxximent tal-istudji, kompetenzi u kwalifiki, u l-kontenut tat-taħriġ bejn il-pajjiżi, kemm permezz ta' krediti kif ukoll ċertifikati; il-livell ta' għarfien tal-lingwi; l-organizzazzjoni tal-kurrikuli jew studji; il-valur prattiku ta' krediti u eżaminijiet tal-istudenti darba li dawn ikunu rritornaw lejn l-università tal-oriġini tagħhom; aspetti legali; informazzjoni jew motivazzjoni biex jitlestew l-istudji; l-attivitajiet ta' gwida u ta' pariri matul il-perjodu ta' mobilità; u s-sitwazzjoni personali tal-istudenti; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni ttejjeb l-indikaturi u l-kriterji ta' valutazzjoni sabiex tkun tista' tiġi monitorjata l-effikaċja tal-programmi tal-UE fuq bażi aktar regolari u jku possibbli t-titjib neċessarju;

20.  Jindika, li attwalment, 1 % biss taż-żgħażagħ fi skemi ta' taħriġ relatati max-xogħol, inkluż l-apprendisti, huma nvoluti fi skemi ta' mobiltà matul it-taħriġ tagħhom; jindika l-bżonn essenzjali biex jinħolqu l-kondizzjonijiet għal mobilità akbar tal-apprendistat fi ħdan l-UE, sabiex l-apprendisti jingħataw l-istess opportunitajiet bħal studenti ta' edukazzjoni għolja; jinkoraġġixxi għalhekk definizzjoni mill-UE ta' statut tal-"Apprendist Ewropew"; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li apprendistati u skemi ta' taħriġ formattiv jibqgħu opportunitajiet ta' taħriġ li ma jintużawx bħala għajn ta' impjieg prekarju, ma jissostitwixxux pożizzjonijiet professjonali full-time, u jiggarantixxu kundizzjonijiet ta' xogħol dinjitużi u d-drittijiet tal-istudenti, inkluż l-appoġġ finanzjarju u d-drittijiet relatati mar-remunerazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tanalizza l-implikazzjonijiet tal-istatut imsemmi hawn fuq, timmonitorja l-implimentazzjoni ta' miżuri relatati, twassal lill-partijiet interessati relatati kollha, inklużi dawk tal-Alleanza Ewropea għall-Apprendistati, biex isegwu r-rakkomandazzjonijiet tagħha bil-ħsieb li jitjiebu l-kundizzjonijiet, il-kwalità u d-disponibilità ta' apprendistati fl-UE, u biex tqis din il-kwistjoni bħala prijorità strateġika;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, u lill-Istati Membri biex japprovaw, proposta għal skema ta' apprendistat tal-UE li tiggarantixxi sett ta' drittijiet għall-apprendisti u għall-istudenti tal-ETV; jenfasizza r-rwol pożittiv li l-"anzjani" jistgħu jaqdu fl-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ bl-għan li jiġi massimizzat l-iskambju interġenerazzjonali permezz ta' traineeships u mentoring, kif ukoll sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim ibbażat fuq l-esperjenza f'timijiet transġenerazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-apprentistati u t-traineeships taħt l-Erasmus+ ma jintużawx ħażin billi jiġu ttrasformati fi strument biex jitnaqqas il-kost lavorattiv;

22.  Iqis b'mod pożittiv it-tnedija tal-proġetti pilota, kif ukoll "il-qafas Ewropew għall-mobilità tal-apprendisti" approvat reċentement bħala bażi għat-titjib fil-programm Erasmus+ bl-għan li jkun hemm mobilità ikbar u aħjar tal-ETV b'perjodu ta' żmien twil; iħeġġeġ il-ħolqien ta' qafas għal inizjattivi fit-tul minflok azzjonijiet iffukati esklużivament fuq il-proġetti, bl-għan li tiġi stabbilita sistema permanenti u sostenibbli u għalkollox operattiva li tkun prevedibbli u li tħeġġeġ il-moviment liberu tal-ħiliet madwar l-Ewropa kollha;

23.   Jinnota li t-tluq bikri mill-iskola huwa wieħed mill-aktar problemi speċifiċi li jiffaċċjaw gruppi ta' mobilità mmirati, u li għażliet vokazzjonali mtejba jwasslu għal inqas persuni li jitilqu qabel iż-żmien mill-edukazzjoni u t-taħriġ; jenfasizza għalhekk l-importanza li r-riżultati tas-sistemi edukattivi jista' jkollhom fit-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskola u biex l-istudenti jingħataw ħiliet trasversali bi eventwalment jgħinuhom biex jiksbu kwalifiki kompatibbli mat-talbiet tas-suq tax-xogħol;

24.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata għajnuna liż-żgħażagħ biex jegħlbu d-diffikultajiet tagħhom fit-taħriġ vokazzjonali permezz ta' ċerti miżuri komplimentari u ta' akkumpanjament, bħat-tisħiħ tan-natura tal-grupp tal-iskemi tal-mobilità, mentoring u akkumpanjament aħjar mill-istituzzjonijiet ta' oriġini u dawk ospitanti, qabel u waqt il-mobilità tagħhom, it-titjib tal-aċċess għal informazzjoni ta' kwalità għolja dwar opportunitajiet ETV, filwaqt li tiġi offruta gwida speċjalizzata u attivitajiet u għodod ta' għoti ta' pariri, u l-finanzjament tal-appoġġ lingwistiku għall-parteċipanti kollha mingħajr restrizzjonijiet ta' lingwi;

25.  Jirrimarka li hemm numru ta' fatturi li jkollhom impatt fuq l-aspettattivi taż-żgħażagħ li jiġu mħarrġa fis-sistemi tal-ETV li jistgħu jiġu identifikati, b'mod partikolari fatturi soċjoekonomiċi, it-tipoloġija tal-familja u nuqqas ta' għodda ta' gwida (u tuturi) ladarba jkunu lestew l-edukazzjoni sekondarja obbligatorja jew matul korsijiet ta' taħriġ vokazzjonali;

26.   Jenfasizza r-rwol ewlieni tal-mobilità tat-tagħlim u t-taħriġ fl-indirizzar tal-isfidi soċjali u kulturali, bl-għan li jiġu massimizzati l-opportunitajiet taż-żgħażagħ biex tiġi żviluppata skema ta' azzjoni tagħhom fis-soċjetà; ifakkar li l-UE ffokat l-isforzi tagħha, partikolarment permezz tal-istrateġija Ewropa 2020, fuq iż-żieda tal-kompetittività tal-ekonomija tagħha, il-ġenerazzjoni ta' impjiegi u li fl-aħħar mill-aħħar it-tisħiħ tal-kapaċità tagħha li tikkompeti globalment fit-tielet deċennju ta' dan is-seklu; jenfasizza, f'dan il-kuntest, ir-rwol iportanti tar-riċerka, l-innovazzjoni, is-soċjetà diġitali u s-sostenibilità tal-enerġija, bħala strumenti li jipprovdu valur addizzjonali akbar;

27.  Jenfasizza r-rwol tal-UE u l-Istati Membri fl-iżvilupp u t-tħeġġiġ ta' sistema tal-ETV ta' kwalità għolja u organizzata tajjeb permezz tal-implimentazzjoni ta' approċċ olistiku li jibbilanċja l-edukazzjoni teoretika ffukata fuq il-professjoni kkonċernata, taħriġ prattiku u ġenerali, l-edukazzjoni formali, informali u mhux formali; jitlob lill-Istati Membri biex jintroduċu approċċ ta' 'edukazzjoni doppja' fis-sistemi tal-iskola sekondarja għolja tagħhom, jew biex isaħħu s-sistemi eżistenti permezz ta' apprendistati u esperjenzi prattiċi ta' xogħol, biex b'hekk tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni sostenibbli tal-istudenti tal-ETV fis-suq tax-xogħol u tiżdied il-parteċipazzjoni tagħhom fi programmi transnazzjonali ta' mobilità; ifakkar li, b'mod ġenerali, it-titjib tal-kwalità tal-ETV b'kooperazzjoni ma' msieħba soċjali u servizzi pubbliċi tal-impjiegi, huwa mezz biex tiġi indirizzata l-inklużjoni soċjali, biex tiżdied il-parteċipazzjoni fl-edukazzjoni terzjarja, tiġi promossa u faċilitata l-integrazzjoni ta' suċċess tal-istudenti fis-suq tax-xogħol, li għandu jħaffef il-mobilità fil-proċess ta' tagħlim tul il-ħajja;

28.  Jitlob li l-kwistjonijiet marbuta mas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE), fir-rigward tal-assigurazzjoni għall-parteċipanti, l-approvazzjoni, il-ġestjoni tal-bażi tad-data u l-appoġġ għall-voluntiera, jiġu indirizzati b'manjiera mmirata, bl-għan li ma jkunx hemm tnaqqis fil-parteċipazzjoni;

29.  Jiddeplora l-fatt li t-tagħlim mhux formali tilef il-viżibiltà u s-sehem tal-baġit fil-programm Erasmus+ attwali; jenfasizza l-importanza tat-tagħlim mhux formali fil-livell Ewropew, speċjalment permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-volontarjat mill-anzjani; jitlob li t-tagħlim mhux formali u informali jingħataw post ċar u viżibbli fil-programm Erasmus+; jemmen, barra minn hekk, li għandu jkun hemm il-possibbiltà li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet fir-rigward ta' proġetti fuq skala kbira ta' edukazzjoni għall-adulti li jkunu rregolati mill-istess prinċipji bħal dawk tal-alleanzi tal-ħiliet settorjali jew tal-alleanzi tal-għarfien;

30.   Jappoġġa l-iżvilupp ta' teknoloġiji moderni u infrastrutturi fit-tisħiħ u l-immodernizzae tas-sistemi edukattivi vokazzjonali biex jitjieb l-aċċess għall-, u l-kwalità tal-, mobilità; iqis li, sabiex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet, għandha ssir enfasi akbar fuq l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' ħiliet professjonali u akkademiċi, it-tagħlim u l-pjattaformi tat-tagħlim diġitali u t-teknoloġiji tal-ħajja, it-teknoloġiji innovattivi għat-titjib tal-wirt kulturali, u t-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni; jemmen bil-qawwa li l-UE u l-Istati Membri għandhom joffru strateġija effikaċi mmirata biex jitqabblu l-opportunitajiet ta' impjieg tal-ekonomija ċirkolari u s-sitemi tal-ETV attwali u futuri;

31.  Jinnota li bħalissa għaddejjin minn tranżizzjoni lejn ekonomija aktar diġitalizzata u qed isseħħ ridefinizzjoni tal-impjiegi u l-ħiliet; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu id f'id mas-settur privat sabiex joħolqu strateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet u programmi tal-ETV għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema;

Aċċess: titjib fl-għażliet tal-mobilità għal żgħażagħ f'taħriġ vokazzjonali

32.   Jinkoraġġixxi l-ħolqien ta' qafas, fuq il-linji tal-programm Leonardo da Vinci preċedenti, li għandu jissejjaħ fit-talbiet dedikati għall-Erasmus+, li jidentifika b'mod ċar u preċiż kemm jista' jkun l-għażliet ta' ta' mobilità għaż-żgħażagħ fl-ETV, prinċipalment permezz ta' kampanji fuq bosta pjattaformi mill-awtoritajiet pubbliċi, b'parteċipazzjoni koordinata tal-partijiet interessati kollha li jkollhom rwol attiv fi, u jinfluwenzaw l-ETV;

33.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jappoġġaw il-programmi ta' mobilità, filwaqt li jitqiesu l-ostakli finanzjarji potenzjali; jagħti parir li tiġi studjata l-kwistjoni tal-viżibilità usa' dwar kif il-kumpaniji jikkumplimentaw l-allowance allokata jew il-possibilità li jiġu provduti tipi oħra ta' għajnuna; iqis li l-komplementarjetà bejn il-Fond Soċjali Ewropew (FSE) u l-Erasmus+ għandha tiġi żgurata u mmonitorjata bl-għan li jinkisbu eżiti ta' suċċess;

34.   Jitlob li jkun hemm sinerġiji aħjar bejn il-politiki u l-istrumenti tal-UE li għandhom impatt fuq il-mobilità u l-edukazzjoni, u partikolarment għall-miżuri komplementari bejn il-FSE u Erasmus+, u għal koordinazzjoni akbar imtejba tal-azzjonijiet kollha fil-livelli kollha (nazzjonali, reġjonali u lokali fl-ippjanar);

35.   Itenni l-bżonn ta' miżuri li jiżguraw il-koordinament, il-kumplimentarjetà u l-konsistenza bejn il-Fondi Strutturali inkluż l-FSE u programmi bħall-Erasmus+ fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

36.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu kkumpensati l-ostakoli li jirriżultaw minn status soċjoekonomiku aktar baxx ta' studenti fl-ETV permezz ta' miżuri bħal żieda possibbli fl-ammonti ta' għotjiet individwali mill-Kummissjoni, jew żieda fil-kontribuzzjonijiet li saru mill-Istati Membri u l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali, istituzzjonijiet jew NGOs intermedji, finanzjati mill-baġits tagħhom stess jew permezz ta' skemi ta' sħubija li jinvolvu negozji, fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet li jikkollaboraw f'sistema ta' kwalifika u taħriġ vokazzjonali fir-reġjun jew territorju tagħhom;

Mill-mobilità għall-impjegabilità: il-validazzjoni u r-rikonoxximent tar-riżultati tat-tagħlim, ħiliet u kompetenzi

37.   Jenfasizza li l-kisba ta' ideat differenti u kreattivi ġodda barra mill-pajjiż tista' tagħti motivazzjoni u spinta lill-intraprenditorija u l-kreattività; jenfasizza li l-opportunitajiet offruti mill-mobilità tat-tagħlim u t-taħriġ, bħall-bini ta' netwerks internazzjonali, jista' jkollhom ukoll effetti pożittivi fuq l-impjegabilità, il-kooperazzjoni transnazzjonali u l-kompetittività tal-Ewropa;

38.  Iqis li l-miżuri attwali u futuri biex jiġi indirizzat in-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet għandhom jiffaċilitaw l-involviment ta' min iħaddem, in-negozji u l-komunitajiet lokali, u jkunu konnessi aħjar mat-tbassir dwar l-iżviluppi tas-suq tax-xogħol u tal-ħtiġijiet tal-ħiliet fil-ġejjieni;

39.   Jenfasizza li hemm rabta pożittiva bejn il-mobilità tat-tagħlim u l-mobilità futura u l-qligħ peress li l-UE u l-programmi ta' mobilità internazzjonali jsaħħu l-impjegabilità tal-parteċipanti barra l-pajjiż, kif skopra ċ-Ċentru Konġunt ta' Riċerka tal-Kummissjoni fl-2013; jenfasizza li l-apprendistati u t-traineeships barra mill-pajjiż itejbu l-ħiliet lingwistiċi tal-parteċipanti (f'79 % tal-każijiet, skont l-Ewrobarometru fl-2013[10];

40.   Jissottolinja l-importanza ta' programmi ta' mobilità għat-taħriġ mill-ġdid għall-persuni qiegħda ta' kull età jew għall-persuni mhedda minn miżuri ta' ristrutturar;

41.  Jiġbed l-attenzjoni għad-diversità u l-iżvilupp mhux uniformi ta' sistemi ta' validazzjoni u għarfien bejn l-Istati Membri, minkejja konverġenza dejjem akbar f'dawn l-aħħar għaxar snin; jenfasizza l-ħtieġa li tiżdied il-kompatibilità bejn is-sistemi ta' edukazzjoni u ta' taħriġ biex tiġi ffaċilitata l-validazzjoni u r-rikonoxximent ta' ħiliet u kompetenzi li jinkisbu f'kumpaniji jew ċentri ta' taħriġ fi Stati Membri differenti, kif ukoll li tiżdied l-attraenza tal-programm Erasmus+; jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-implimentazzjoni tal-QEK[11] u jneħħu l-ostakli; iħeġġeġ id-definizzjoni ta' standard Ewropew li jkun aċċettabbli u jkun jista' jiġi implimentat fil-livelli kollha (nazzjonali, reġjonali u lokali);

42.  Jinkoraġġixxi aktar miżuri biex jiġu promossi r-rikonoxximent u l-validazzjoni ta' riżultati ta' tagħlim, inklużi dawk żviluppati permezz tat-tagħlim mhux formali u informali, partikolarment permezz ta' użu aħjar tal-għodod eżistenti bħall-Europass u l-ECVET;

43.  Ifakkar li kien hemm titjib importanti grazzi għall-QEK, fir-rigward tar-rikonoxximent tad-diplomi, il-kredits, iċ-ċertifikati ta' ħiliet, l-akkreditazzjonijiet tal-kompetenza u l-ksib ta' speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-ETV; jitlob li jiġu stabbiliti miri speċifiċi, fosthom l-implimentazzjoni ta' sistema operazzjonali sħiħa ta' trasferimenti u r-rikonoxximent ta' kredits, li għandu jkun ibbażat fuq l-ECVET; iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kwalifiki tal-ETV konġunti li jistgħu jiżguraw ir-rikonoxximent internazzjonali tal-kwalifiki;

44.  Huwa favur it-tfassil ta' Green Paper dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-mobilità vokazzjonali u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi fl-Ewropa, li tiġi abbozzata b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha; ifakkar li r-rakkomandazzjonijiet attwali li jikkonċernaw l-ETV jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ; jinnota li n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kompetenzi għandu impatt negattiv fuq il-mira ta' rati ta' impjieg tal-Ewropa 2020, u jxekkel il-moviment liberu kif minqux fit-Trattati;

45.  Jappoġġa mobilità ikbar fl-impjiegi, l-edukazzjoni, l-apprendistati u t-traineeships fil-kuntest tal-Iskema Ewropea tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ, sabiex jittejbu l-ħiliet taż-żgħażagħ u titnaqqas id-diskrepanza ġeografika fit-tlaqqigħ tal-ħiliet fl-UE;

46.  Jenfasizza l-importanza tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-appoġġ għall-apprendistati, it-traineeships, l-ETV, il-kollokamenti tax-xogħol u l-edukazzjoni ulterjuri li twassal għal kwalifika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jiġi allokat finanzjament adegwat għal dawn il-programmi għall-perjodu sħiħ ta' programmazzjoni 2014-2020;

47.   Iħeġġeġ li s-sit elettroniku EU Skills Panorama jiġi tradott għall-lingwi uffiċjali kollha tal-UE sabiex din issir sors ta' informazzjoni aċċessibbli għal kulħadd għall-ħiliet kollha meħtieġa madwar l-Ewropa;

48.   Jinnota l-progress li sar lejn l-iżgurar ta' ETV ta' kwalità għolja f'diversi Stati Membri, b'appoġġ tal-Qafas Ewropew ta' Referenza tal-Assigurazzjoni tal-Kwalità għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (EQAVET); u jinkoraġġixxi lil dawk l-Istati Membri li attwalment qegħdin fil-proċess li jiżviluppaw approċċ nazzjonali lejn assigurazzjoni tal-kwalità f'konformità mal-EQAVET; jenfasizzu li l-Istati Membri għandhom iżidu l-isforzi b'mod partikolari biex jiġi żgurat li l-arranġamenti tal-assigurazzjoni tal-kwalità jqisu aktar l-eżiti tat-tagħlim u jistgħu jittrattaw t-tagħlim mhux formali u t-tagħlim imsejjes fuq ix-xogħol kemm f'kuntesti formali kif ukoll dawk mhux formali, kif adatt għall-kuntest nazzjonali;

49.   Jenfasizza li l-programmi ta' apprendistat għandhom jitwettqu taħt il-gwida ta' superviżur kompetenti;

Lejn programmi ta' mobilità aktar effiċjenti, aċċessibbli u inklużivi

50.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, anke f'kollaborazzjoni mas-CEDEFOP, jiċċaraw u jsaħħu r-rwol tal-istituzzjonijiet intermedjarji, kemm territorjali u settorjali, involuti fil-preparazzjoni, il-ġestjoni u s-segwitu ta' mobilità, filwaqt li jitlob li jipprattikaw l-ogħla standards ta' trasparenza, u jgħinu fil-ħolqien ta' istituzzjonijiet bħal dawn fil-livell nazzjonali, reġjonali u lokali;

51.  Jenfasizza l-ħtieġa li tali istituzzjonijiet intermedjarji jkollhom riżorsi baġitarji u umani adegwati li jippermettu l-organizzazzjoni tal-mobilità u strutturi ta' ġestjoni biex jiggarantixxu l-involviment tan-netwerk ta' skejjel ta' taħriġ vokazzjonali, u jkollhom is-setgħa u l-kapaċità li jistabbilixxu alleanzi operattivi u ftehimiet ma' sħab potenzjali, kemm lokalment kif ukoll fl-Istati Membri parteċipanti fil-programmi ta' mobilità;

52.   Jenfasizza l-bżonn ta' protezzjoni ġuridika tal-minuri barra mill-pajjiż;

53.   Jenfasizza li l-azzjonijiet ta' mobilità u/jew is-servizzi adattati għall-bżonnijiet ta' min iħarreġ, it-tuturi u tal-intraprendituri għandhom jitħeġġu u jiġu enfasizzati fi ħdan l-ERASMUS+;

54.   Jinnota li skemi ta' kofinanzjament koerenti, komplimentari u koordinati tajjeb fil-livell Ewropew, nazzjonali, reġjonali u lokali huma meħtieġa sabiex jippermetti liċ-ċentri ta' taħriġ ikopru l-firxa sħiħa ta' spejjez u biex jippjanaw u jimplimentaw azzjonijiet permanenti;

55.   Jilqa' l-fatt li l-Erasmus+ kabbar b'mod sinifikanti n-numru ta' benefiċjarji tal-programmi ETV fost dawk iż-żgħażagħ li ma jmorrux l-Università jew il-kulleġġ;

56.   Jappoġġa l-miżuri kollha ta' akkumpanjament neċessarji l-ewwel nett biex jassistu u jinkoraġġixxu lill-apprendisti li jixtiequ jipparteċipaw fi programmi ta' mobilità u aktar tard biex jgħinuhom jikkomunikaw aħjar il-ħiliet miksuba permezz tal-mobilità, u jiżviluppaw l-awtoassertività tagħhom sabiex irendu l-għarfien u r-rikkezza talesperjenza tagħhom viżibbli u utli;

57.   Iqis li l-eżiti tat-tagħlim ta' apprendistat għandhom jiġu mfassla u diskussi mal-apprendist skont il-prinċipji ECVET qabel ma dan jibda t-taħriġ ta' apprendist, u li r-riżultati għandhom jitniżżlu fis-Suppliment taċ-Ċertifikat wara t-tlestija tat-taħriġ;

58.  Jenfasizza l-importanza ta' taħriġ tal-għalliema ta' kwalità u tal-monitoraġġ, il-valutazzjoni u l-assigurazzjoni tal-kwalità f'dan il-qasam, kif ukoll il-ħtieġa li jitħeġġu l-inklużività u t-tolleranza fil-programmi ta' mobilità;

59.   Jisħaq dwar il-ħtieġa ta' kollokazzjonijiet ta' kwalità li jistgħu jippermettu lill-istudenti jiksbu l-ħiliet professjonali mixtieqa, flimkien mal-enfasizzar tal-ħtieġa, fil-livelli kollha, għal komunikazzjoni tajba fil-konfront tal-intraprendituri li jinġiebu abbord bil-għan ta' aktar rikonoxximent tal-esperjenza miksuba minn żgħażagħ li jieħdu vantaġġ mill-iskemi ta' mobilità;

60.  Jappoġġa l-miżuri kollha bi qbil mal-objettivi Erasmus+ meħuda minn imprendituri, NGOS jew is-soċjetà ċivili biex jiżviluppaw skemi ta' mobilità għaż-żgħażagħ jew apprendisti jew minn fergħa ta' attività jew f'interazzjoni ma' korpi li jirrappreżentaw lill-industriji, bħal pereżempju, kmamar tal-kummerċ u tal-industrija. minbarra netwerks Ewropej bħall-Eurochambres u t-trejdjunjins rilevanti; jitlob ir-rikonoxximent tar-rwol tal-Kmamar tas-Snajja b'Ħiliet u ċ-ċentri ta' taħriġ tagħhom b'appoġġ għall-mobilità u għal kumpaniji żgħar ħafna; jemmen li l-miżuri kollha meħuda biex ittejbu l-iskemi ETV għandhom jiffokaw ukoll fuq oqsma li jippromwovu l-enerġija mingħajr karbonju u l-mobilità sostenibbli;

61.  Jirrakkomanda li l-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu fuq strateġiji konġunti mmirati lejn it-titjib jew tar-ritorn jew tal-mobilità tal-apprendisti u dawk li jkunu qed jitħarrġu fl-edukazzjoni vokazzjonali lejn partijiet oħra tal-Ewropa, filwaqt li jirrispettaw il-preferenzi tagħhom, bil-għan li l-għarfien u l-esperjenza miksuba "barra l-pajjiż" jiġu ddirezzjonati lejn it-tnaqqis tal-iżbilanċi u t-tisħiħ tal-koeżjoni fiż-żoni tal-oriġini tagħhom stess li jkunu neqsin mill-ħiliet jew xi mkien ieħor fl-Ewropa;

62.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu u jimplimentaw b'mod effettiv netwerk Ewropew ta' workshops u inkubaturi, billi huma kruċjali għall-promozzjoni tal-alleanzi tal-għarfien fost l-iskejjel, l-universitajiet u l-intrapriżi, u l-promozzjoni tal-aċċess għat-taħriġ, l-esperjenza, il-korsijiet ta' aġġornament għall-għalliema u l-letturi, apprendistati u t-tnedija ta' kumpaniji;

63.   Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġaw u jsaħħu n-Netwerk Ewropew ta' Ċentri tax-Xjenza (ECSITE), li jgħaqqad flimkien iċ-ċentri tax-xjenza bħala postijiet li jipprovdu aċċess għall-kultura xjentifika;

64.  Jitlob li jitwaqqaf mekkaniżmu ta' punt uniku għall-ġbir ta' data u l-għodod ta' komunikazzjoni sabiex tiġi pprovduta soluzzjoni konvenjenti u servizz effiċjenti għal dawk li qegħdin ifittxu informazzjoni u appoġġ fir-rigward tad-diversi programmi eżistenti ta' mobilità fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u dak lokali;

65.  Jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi statistika aġġornata u twettaq valutazzjonijiet u/jew studji rigward l-Erasmus+ u programmi oħra ta' mobilità tal-ETV, fejn ikun fattibbli, sabiex jitkejjel l-impatt tagħhom fit-tlaqqigħ tal-esperjenza tax-xogħol mal-impjiegi fir-rigward tar-rata ta' reklutaġġ, u anki biex jiġi eżaminat għalfejn xi Stati Membri qed jiġġeneraw aktar applikazzjonijiet għal xogħol tal-ETV u esperjenzi ta' tagħlim barra mill-pajjiż u jitfassal pjan għall-involviment ikbar tagħhom; jemmen li l-istatistika u l-valutazzjonijiet li jirriżultaw għandhom jiġu inklużi u kkunsidrati fir-rieżami ta' nofs it-term tal-Erasmus+;

66.   Jilqa' l-konklużjonijiet miftiehma mill-Ministri inkarigati mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali f'Riga fit-22 ta' Ġunju 2015, fejn ipproponew ġabra ġdida ta' riżultati fuq perjodu medju fil-qasam tal-ETV għall-perjodu 2015-2020, u jitlob għall-implimentazzjoni f'waqtha u bir-reqqa tagħhom;

67.   Jenfasizza l-importanza li jiġu promossi l-gwandanji derivati mill-mobilità f'termini ta' impjegabilità u ħiliet miksuba, sabiex tintwera l-utilità reali tagħhom u biex titnaqqas il-perċezzjoni li ż-żmien huwa mitluf fuq it-taħriġ li jiddependi a priori purament fuq il-kompetenzi nazzjonali;

68.   Iħeġġeġ it-titjib tal-promozzjoni u tal-viżibilità għaż-żgħażagħ u l-intrapriżi ta' pjattaformi bħalma hi d-Drop'pin@EURES, li għandhom l-għan li jiffaċilitaw il-mobilità taż-żgħażagħ f'termini ta' apprendistati, internati, programmi ta' taħriġ u korsijiet tal-lingwa permezz tat-tagħlim elettroniku;

69.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jippromwovu l-firxa sħiħa ta' opportunitajiet ippreżentati mill-programm Erasmus+ il-ġdid, li jipprovdi liż-żgħażagħ mhux biss opportunitajiet biex jistudjaw barra minn pajjiżhom, iżda wkoll opportunitajiet għall-apprendistati u l-kollokamenti tax-xogħol;

70.  Iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' livell minimu ta' kwoti, aġġustati skont il-varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet ta' għajxien, il-prezzijiet u l-ispejjeż fost l-Istati Membri; jappoġġa l-idea li l-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri li jippermettu l-appoġġ meħtieġ u ta' benefiċċju fejn ikun rilevanti, pereżempju għall-akkomodazzjoni u t-trasport, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-minorenni, kif ukoll għat-tħejjija tal-istudenti qabel l-esperjenza internazzjonali tagħhom, pereżempju permezz ta' gwida tal-karrieri, it-tagħlim tal-lingwi u l-komunikazzjoni bejn il-kulturi;

71.  Jitlob rieżami/reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), abbażi ta' kriterji, fosthom il-valutazzjoni minn qabel tal-effikaċja tal-miżuri kontra l-qgħad, b'inqas finanzjament għad-dispożizzjonijiet inqas effikaċi; iqis li tali approċċ huwa partikolarment importanti fi żminijiet ta' kriżi, bħal fil-preżent, ikkaratterizzati minn żbilanċi inaċċettabbli;

o

o o

72.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-adozzjoni ta’ Erasmus + b’sostituzzjoni tad-diversi programmi preċedenti kienet tfisser pass sinifikanti ’l quddiem għall-kunċett ta’ mobilità madwar iż-żona Ewropea ta’ edukazzjoni għolja.

Għandu jitqies ukoll madankollu li l-mobilità hija inqas prevalenti fit-taħriġ vokazzjonali (edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali, l-ETV). Il-programm Leonardo preċedenti kien kopra b’suċċess perjodu tal-ewwel fażi ta' skambji u stabbiliment ta’ studju u ta' ħidma simultanji f’pajjiżi oħra barra dak tar-residenza.

Iżda l-għaqda f’kunċett uniku, Erasmus +, minn naħa waħda, u l-effetti tal-kriżi ekonomika mill- 2008, min-naħa l-oħra, urew b'mod ċar nuqqas strutturali fil-programmi dwar il-mobilità b'rabta mar-rabta bejn it-taħriġ u x-xogħol.

F’dan il-qasam jidher b’mod ċar kif id-differenzi fid-disinn akkademiku u kurrikulari, ta' organizzazzjoni u ġestjoni ta’ ċentri edukattivi, ta’ rabtiet bejn is-sistema edukattiva u d-dinja tan-negozju, iżidu l-kumplessità, l-ispejjeż u d-diffikultajiet operazzjonali għall-iżvilupp tal-mobilità bejn il-pajjiżi u r-reġjuni Ewropej.

B’mod aktar speċifiku, jidher li hemm diffikultà ovvja biex jitlestew sa livell suffiċjenti il-proċessi ta’ rikonoxximent u ta' akkreditazzjoni ta’ studji u prattiki tax-xogħol bejn il-pajjiżi. Il-Programmi Europass u ECVET, eċċellenti fid-disinn tagħhom, mhux dejjem huma aċċettabli fir-reżistenza għall-approvazzjoni u l-implimentazzjoni gradwali tagħhom.

Ir-realtajiet ekonomiċi u soċjali tad-diversi Stati Membri jippreżentaw ukoll dijanjożi ta’ riattivazzjoni urġenti ta’ dan it-tip ta’ edukazzjoni professjonali madwar l-Ewropa. Id-data dwar żbilanċ radikali fir-rati tal-qgħad bejn id-diversi reġjuni Ewropej tikkostitwixxi fiha nnifisha ħtieġa għal rispons adegwat u multiplu.

Għandna reġjuni b’rati reali qrib iż-żero, filwaqt li f’żoni oħrajn naraw il-konsolidazzjoni anomala ta’ rati ta’ qgħad ta’ aktar minn 40 % fost il-popolazzjoni żagħżugħa li, f’ħafna każijiet, ma setgħetx tlesti l-edukazzjoni sekondarja u t-taħriġ vokazzjonali tagħha.

L-iżviluppi varji tal-ekonomiji rispettivi u l-karatteristiċi tal-mudelli ta' produzzjoni ta’ kull pajjiż, fil-biċċa l-kbira jispjegaw din id-differenza inaċċettabbli, iżda fl-istess ħin jenfasizzaw l-assurdità ta' Stati Membri tal-UE, inkluż fiż-żona tal-euro, li qed jesperjenzaw diffikultajiet mal-ewwel daqqa t’għajn opposti u kontradittorji.

F’xi każijiet qed naraw b’mod espliċitu insuffiċjenza ta’ żgħażagħ imħarrġa biex jissodisfaw il-ħtiġijiet ta’ ekonomija produttiva speċifika, filwaqt li f'każijiet oħra, jidhru sitwazzjonijiet ta' deterjorament soċjali serju minħabba l-inabbiltà li jiġi offrut impjieg lil eluf ta’ żgħażagħ li għadhom kif ħarġu mingħajr suċċess mis-sistema edukattiva ta' pajjiżhom.

Jidher ċar għalhekk li offerta reali u ambizzjuża ta’ skemi ta’ mobilità mmirati lejn kulħadd tifforma parti integrali minn kwalunkwe strateġija globali ta' rkupru ekonomiku u ta' tnaqqis fir-rati tal-qgħad fost iż-żgħażagħ, li huma kompletament inaċċettabbli għall-Ewropa kollha kemm hi u għal kull pajjiż b’mod partikolari.

Dan kollu juri, b’żieda dejjem ikbar fil-livell ta’ urġenza, ix-xewqa li tiġi provduta aktar ambizzjoni kwantitattiva u kwalitattiva lil xi linji tax-xogħol attwali mmirati minn Erasmus+.

Bl-istess mod, huwa meħtieġ li jiġi aċċelerat it-twettiq tal-proċessi ta’ rikonoxximent, akkreditazzjoni u evalwazzjoni tal-kwalità li għandhom iservu bħala qafas ta’ referenza komuni għall-Istati Membri kollha. Huwa biss jekk ikollna dan il-qasam komuni li nistgħu naspiraw li nifformulaw u nimplimentaw programmi ta’ mobilità li s-sistemi edukattivi jistgħu jipprovdu u l-ekonomija ta’ produzzjoni għandha takkomoda fl-interess tagħha stess.

Iżda filwaqt li jinbena dan il-qafas komuni Ewropew, nistgħu nimplimentaw politiki mfassla biex jegħlbu wħud mid-diffikultajiet li s-sejbiet diġà disponibbli ċċaraw u, f’xi aspetti, ikkwantifikaw.

L-ewwel konstatazzjoni hija li l-istrateġiji l-ġodda li għandhom jiġu definiti u implimentati għandu jkollhom żewġ rekwiżiti obbligatorji:

  għandhom jiġu kondiviżi b’mod sħiħ fl-implimentazzjoni tagħhom permezz tas-sistemi edukattivi u ta' produzzjoni ta’ kull pajjiż.

  għandhom ikunu kapaċi joffru flessibilità massima biex jadattaw għal realtajiet differenti ħafna, filwaqt li jirnexxielhom jipproduċu ċerti elementi komuni biex jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-aktar operabilità effiċjenti għas-servizz tal-mobilità maħsub bħala għodda utli tal-impjegabbiltà u l-inklużjoni soċjali.

It-tieni nett, għandha ssir referenza għall-karatteristiċi speċifiċi ħafna li jiddefinixxu grupp ta’ referenza u li jitqajmu f’termini ta’ kumplessità akbar jew diffikultà oġġettiva biex jingħelbu.

Fil-fatt, jekk inqisu l-fatturi soċjoekonomiċi, ix-xejriet familjari u suxxettibilità kbira jew żgħira sabiex tiġi indirizzata b’suċċess il-kontinwità fir-rigward fl-istadji bikrin tal-edukazzjoni, għandna nassumu li l-mobilità Ewropea għal dawn l-istudenti ma tkunx naturali u spontanja daqs kemm tkun fil-każ ta’ studji universitarji.

Fl-istess ħin, f'dan il-qasam tat-taħriġ vokazzjonali, għadha ma tingħatax l-importanza dovuta lill-benefiċċji assoċjati b'mod naturali ma’ mobilità Ewropea għall-edukazzjoni għolja: appoġġ finanzjarju sabiex jingħelbu l-limitazzjonijiet, ir-rikonoxximent reċiproku tal-istudji, diplomi u esperjenza, għarfien adegwat tat-tieni u t-tielet lingwa, organizzazzjoni tal-kurrikuli u studji rispettivi, l-aspetti legali ta’ kollokament f’impjieg.

F’dan ir-rigward għandu jiġi enfasizzat ukoll li diġà huma rikonoxxuti l-effetti pożittivi tal-mobilità fuq l-impjegabbiltà.

Inklużi f’dan il-kunċett l-akkwist tal-valuri ta’ ċittadinanza u ta’ appartenenza Ewropej, imma speċjalment dawk li huma direttament relatati ma’ xogħol stabbli u ta’ kwalità: kapaċità ta’ soluzzjoni ta’ problemi, organizzazzjoni u ppjanar ta' attivitajiet, azzjoni meta jiġu ffaċċjati sitwazzjonijiet ġodda jew mhux previsti, teħid ta’ deċiżjonijiet...

U oħrajn aktar individwali bħall-fiduċja fihom infushom, l-intraprenditorija, il-kurżità innovattiva jew l-assertività tal-persunal.

Fl-aħħar nett, wara analiżi ta’ sitwazzjonijiet differenti li joħolqu sfidi li jeħtieġu rispons urġenti, jeħtieġ li nqisu n-nuqqas ovvju dovut għall-fenomenu li qed jidher f’xi pajjiżi definit bħala abbandun bikri jew qabel il-waqt (“tluq bikri mill-iskejjel”) tal-edukazzjoni sekondarja jew professjonali.

Hawnhekk ukoll, il-mobilità Ewropea toffri firxa wiesgħa ta’ rispons possibbli bl-għan tat-tneħħija gradwali ta’ din id-deċiżjoni personali li tirriżulta fi żvantaġġ serju kemm soċjali kif ukoll produttivi.

Jekk inżidu ma’ dawn ir-riflessjonijiet inizjali l-kunsiderazzjonijiet li tipprovdilna l-Istrateġija Ewropa 2020 fi ħdan it-tifsira ta’ insegwiment ta’ livelli ogħla tal-ħolqien tal-impjiegi u l-kompetittività globali, għandna ġustifikazzjoni ampja sabiex nippruvaw nidentifikaw l-objettivi, il-linji ta’ azzjoni għall-Unjoni Ewropea u għal kull pajjiż, politiki konkreti biex jiġu żviluppati mill-Kummissjoni Ewropea u bidliet jew titjib li għandu jsir fil-programm Erasmus+.

1.  Li jitwessgħu u jitjiebu l-possibilitajiet ta’ mobilità għall-istudenti tat-Taħriġ Vokazzjonali. Billi nibdew mill-ħolqien ta’ qafas ta’ referenza li jipprevedi b'mod sempliċi u ċar l-għażliet disponibbli: offerta akkademika, loaklizzazzjoni, settur professjonali, offerta ta’ prattika professjonali, negozji, tul ta’ żmien, ċertifikazzjoni għas-suġġetti mmirati, eċċ...

2.  Adozzjoni ta' miżuri komplementari u kondiviżi bejn il-Fond Soċjali Ewropew u Erasmus+, sabiex jissaħħu u jiġu kkoordinati, billi jiġu evitati sovrapożizzjonijiet jew duplikazzjonijiet fl-użu tar-riżorsi Ewropej u permezz ta’ responsabbiltà xierqa fil-livelli nazzjonali, reġjonali u lokali.

3.  Jiġi definit il-metodu għaż-żieda ta’ riżorsi finanzjarji meħtieġa biex jikkumpensaw għall-kumplessitajiet u d-diffikultajiet speċifiċi tal-partijiet interessati ta' dawn il-programmi Ewropej. Billi titqies, naturalment, parteċipazzjoni u sforzi korrispondenti għal kull parti interessata: L-amministrazzjoni edukattiva, kumpaniji, istituzzjonijiet għall-ġestjoni u l-intermedjar, familji u studenti, fondazzjonijiet u organizzazzjonijiet soċjali, ...

4.  Jiġu stabbiliti programmi mmirati lejn it-tneħħija tal-ostakli u l-ħolqien ta’ l-iktar kundizzjonijiet adatti għas-suċċess ta’ inizjattivi ta’ mobilità: tnaqqis ta’ ostakoli lingwistiċi, fehim tad-diversi kuntesti kulturali u kundizzjonijiet soċjoekonomiċi produttivi...

5.  Jintlaħaq qbil dwar objettivi konkreti u kalendarju għall-programmi Europass, ECVET u EQAVET li għandhom jipprovdu elementi ta’ assigurazzjoni u fiduċja reċiproka bejn l-Ewropa kollha ugwalment essenzjali biex jintlaħqu l-objettivi ambizzjużi segwiti.

6.  Jiġi indirizzat b’mod suffiċjentement ċar l-element prinċipali għad-definizzjoni ta’ aġenti intermedjarji sabiex jiġu involuti fi rwoli u responsabbiltajiet operattivi ġodda sabiex tkun assigurata l-mobilità, li llum huma biss parzjalment koperti. Dan huwa l-qasam fejn jidher b’mod aktar ċar in-nuqqas relattiv ta’ Taħriġ Vokazzjonali b’mod ġenerali meta mqabbel mal-kapaċitajiet inkontestabbli żviluppati min-netwerk tal-Universitajiet Ewropej li jiggarantixxu l-aħjar eżitu fir-relazzjonijiet bilaterali tagħhom.

Għalhekk id-definizzjoni ta’ aġenziji jew konsorzji fil-livell reġjonali u ta' kompożizzjoni mħallta edukattivi u intraprenditorjali ser tkun l-aħjar reazzjoni operazzjonali.

7.  Il-ftuħ tat-triq li mill-mobilità se twassal għall-impjegabilità. L-ewwel ġlieda hija dik biex jinkiseb ir-rikonoxximent tal-istudji, iżda wkoll dik il-kapaċitajiet miksuba u l-esperjenza professjonali akkreditata, inklużi dawk miksuba f’pajjiżi oħra permezz ta’ programmi ta’ mobilità

8  Jiġu adattati s-sistemi ta’ edukazzjoni rispettivi biex jindirizzaw il-problema tad-distakk bejn il-ħiliet mitluba u dawk attwalment disponibbli (“nuqqas ta’ tlaqqigħ tal-ħiliet”).

9.  Tingħata attenzjoni partikolari lit-tħejjija u l-mobilità tal-għalliema involuti fil-proċess tat-taħriġ vokazzjonali, bi programmi ta’ skambju maħsuba speċifikament għalihom bi jew mingħajr funzjoni ta' akkumpanjament tutorjali ta' gruppi jew studenti.

10.  Xogħol fil-formazzjoni ta’ raggruppamenti intraprenditorjali ta’ natura settorjali jew territorjali li jiddeċiedu li jinvolvu ruħhom fil-ġestjoni diretta tal-mobilità bħala persuni li jospitaw il-parteċipanti għal apprendistati jew bħala persuni li joffru apprendistati maħsuba għal dan l-għan ta' formazzjoni.

Dan id-dekalogu ta' objettivi għall-azzjoni politika jinkludi lill-atturi kollha tar-relazzjoni bejn it-taħriġ u l-impjieg iżda jimplika tmexxija espliċita min-naħa tal-Kummissjoni Ewropea u l-aġenziji speċjalizzati fis-settur, bi prijorità għal CEDEFOP li għandu jkollu rwol akbar u responsabbiltà definiti u rrispettati minn kulħadd.

13.1.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni

dwar Erasmus+ u għodod oħra biex titħeġġeġ il-mobbiltà fl-ETV - approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja

(2015/2257(INI))

Rapporteur għal opinjoni (*): Enrique Calvet Chambon

(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi, skont l-Eurostat, il-qgħad laħaq l-10.2 % fl-2014 minkejja li hemm irkupru kajman; billi madwar l-UE, il-qgħad fost iż-żgħażagħ attwalment huwa ta' 22.1 %, b'51 % biss tal-grupp ta' età bejn 55 u 64 sena li għandhom xogħol, filwaqt li d-disparità bejn is-sessi fir-rata tal-impjieg ta' ħaddiema kbar fl-età hija ta' 13.6 punti perċentwali;

B.  billi n-nuqqas ta' tlaqqigħ tal-ħiliet fis-suq tax-xogħol għadu jippersisti, kif muri mir-rata għolja ta' postijiet tax-xogħol battala fil-Previżjonijiet Ekonomiċi għall-Ħarifa 2015 tal-Kummissjoni Ewropea;

1.  Jirrimarka li l-Erasmus u programmi ta' mobilità oħra b'rabta mal-edukazzjoni u t-taħriġ ikkontribwixxew għall-integrazzjoni Ewropea, saħħew il-kunċett taċ-ċittadinanza, iffaċilitaw l-iżvilupp personali u l-ħsieb kritiku tal-istudenti u żiedu t-tagħlim ta' lingwi ġodda; jenfasizza li dawn il-programmi kellhom impatt indirett fuq l-impjieg, u jemmen li l-Erasmus+ m'għandux inaqqas dawk il-kisbiet iżda, pjuttost, għandu jamplifikahom, b'mod partikolari billi jħejji liż-żgħażagħ għax-xogħol;

2.  Jenfasizza li l-għadd ta' perjodi ta' studju mitmuma barra mill-pajjiż permezz tal-iskema Erasmus żdied b'mod kostanti mill-2008, minkejja l-kriżi ekonomika, finanzjarja u soċjali; jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li, fl-istess ħin, l-għadd ta' kollokazzjonijiet tax-xogħol barra mill-pajjiż żdied b'mod esponenzjali; jikkonkludi li l-kollokazzjonijiet tax-xogħol huma ovvjament ikkunsidrati miż-żgħażagħ bħala opportunità eċċellenti biex itejbu l-impjegabilità tagħhom; jirrakkomanda lill-Kummissjoni u lill-aġenziji, l-organizzaturi u l-istituzzjonijiet nazzjonali, biex iqisu dan l-iżvilupp[12];

3.  Jirrimarka li l-impjiegi marbuta mal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (ETV) għandhom il-flessibilità meħtieġa biex jitwettqu kullimkien, u li, għalhekk, il-mobilità fil-kuntest tal-ETV hija waħda mill-għodod importanti fil-ġlieda kontra l-qgħad, li ssaħħaħ l-impjegabbiltà, tnaqqas id-diskrepanza fil-ħiliet u tiffaċilita t-tlaqqigħ tal-impjiegi, speċjalment għaż-żgħażagħ, filwaqt li tipprovdi ħiliet u esperjenza unika tat-tip meħtieġ sabiex wieħed ikun kompetittiv fis-swieq tax-xogħol tal-lum fi ħdan l-UE; iqis li Erasmus+ iwassal għall-iżvilupp ta' ħiliet professjonali speċifiċi u kompetenzi trasversali u trasferibbli bħall-intraprenditorija, kif ukoll għat-twessigħ tal-opportunitajiet għall-involviment tas-settur tal-produzzjoni, u b'hekk jikkostitwixxi għodda effikaċi għas-suq tax-xogħol; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri biex jippromwovu l-firxa sħiħa ta' opportunitajiet ippreżentati mill-programm Erasmus+ il-ġdid, li jipprovdi liż-żgħażagħ mhux biss b'opportunitajiet biex jistudjaw barra minn pajjiżhom, iżda wkoll b'opportunitajiet għall-apprendistati u l-kollokamenti tax-xogħol;

4.  Iħeġġeġ il-promozzjoni u l-valorizzazzjoni tal-korsijiet paralleli ta' xogħol u studju, u t-tisħiħ tat-taħriġ vokazzjonali għal min qed ifittex l-impjieg u għal dawk li għandhom impjieg, b'attenzjoni partikolari fir-rigward tal-gruppi ta' persuni li m'għandhomx biżżejjed kwalifiki;

5.  Iqis li l-programmi ta' mobilità għandhom primarjament iservu bħala għodda għall-arrikkiment tal-kurrikulu ta' individwu meta jkun hemm nuqqas ta' opportunitajiet edukattivi speċifiċi fl-istituzzjoni fil-pajjiż tal-oriġini jew fil-pajjiż tal-oriġini nnifsu; jemmen, għaldaqstant, li l-valur miżjud ta' tali esperjenza għandu jkun fattur importanti fl-għażla tal-istituzzjoni ospitanti, filwaqt li l-parteċipanti fil-programmi ta' mobilità għandhom jingħataw pariri u jkunu ggwidati mill-istituzzjoni mittenti dwar l-għażla tagħhom tal-opportunitajiet edukattivi/esperjenza professjonali; iqis li l-verifika tal-adegwatezza tal-programmi ta' mobilità hija meħtieġa wkoll fuq bażi ex post;

6.  Jitlob promozzjoni aħjar tal-programmi ta' mobilità għal livelli avvanzati tal-edukazzjoni għolja, sabiex jintlaħqu l-objettivi ta' internazzjonalizzazzjoni tal-universitajiet u ċ-ċentri ta' riċerka Ewropej;

7.  Jesprimi tħassib li Erasmus+ huwa perċepit miż-żgħażagħ prinċipalment bħala programm għall-istudenti fl-edukazzjoni għolja; jirrakkomanda, għaldaqstant, li tingħata iktar viżibilità fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali tal-oqsma differenti u tas-sottoprogrammi relatati ma' kull qasam, fosthom l-edukazzjoni fil-livell tal-iskola (Comenius), l-edukazzjoni għolja (Erasmus), l-edukazzjoni internazzjonali għolja (Erasmus Mundus), l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali (Leonardo da Vinci) u l-edukazzjoni tal-adulti (Grundtvig), kif ukoll iż-żgħażagħ (Youth in Action) u l-isport;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-partijiet ikkonċernati ewlenin biex iżidu l-viżibilità tal-programmi tal-ETV sabiex jitneħħew l-ostakoli kulturali u jiġu indirizzati n-nuqqas ta' motivazzjoni, in-nuqqas ta' predispożizzjoni proattiva u n-nuqqas ta' ħiliet lingwistiċi, partikolarment f'dawk l-oqsma li huma l-aktar milquta mill-qgħad fost iż-żgħażagħ; jemmen li għandu jiġi żgurat li dawn il-programmi jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini kollha mingħajr diskriminazzjoni; jitlob li jiġu mmirati l-gruppi f'riskju ta' qgħad, bħalma huma l-persuni b'diżabilità; jitlob li l-aċċess għall-ETV u l-kwalifiki jiġi ffaċilitat permezz tal-promozzjoni tal-adattabilità fil-mogħdijiet tal-apprendistat u l-aġġustabilità tal-arranġamenti, kif ukoll permezz ta' opportunitajiet ta' taħriġ għal gruppi b'nuqqas ta' ħiliet bażiċi u għal impjegati bi kwalifiki ta' livell intermedju jew baxx; ifakkar li l-bilanċ bejn is-sessi fl-aċċess għal tali esperjenzi għandu jiġi kkunsidrat, fil-kuntest tal-promozzjoni effiċjenti tal-programmi ta' mobilità tal-ETV fost in-nisa; iqis, f'dan ir-rigward, li għandhom jiġu stabbiliti miri ambizzjużi u li l-progress għandu jiġi mmonitorjat;

9.  Jenfasizza d-disparità bejn is-sessi fl-edukazzjoni, fil-ħiliet u fl-impjiegi fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika (STEM) madwar l-UE, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jimpenjaw ruħhom bis-sħiħ lejn il-programm Erasmus+ u biex jużaw dan il-mekkaniżmu bħala opportunità ewlenija għall-iżvilupp tal-ħiliet fix-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika bl-għan li tissaħħaħ l-abilità tan-nisa li jibdew karriera fil-qasam tax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija u l-matematika u b'hekk titnaqqas id-disparità fil-ħiliet f'dan il-qasam;

10.  Ifakkar li l-persuni b'diżabilità għandhom rekwiżiti speċjali, u għaldaqstant jeħtieġu appoġġ xieraq sabiex jaċċedu għall-programmi ta' boroż ta' studju tal-Erasmus+; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni biex tintroduċi miżuri ulterjuri mmirati biex jiżguraw l-aċċess mingħajr xkiel u nondiskriminatorju tal-persuni b'diżabilità għall-programmi ta' boroż ta' studju kollha fil-qafas tal-Erasmus+;

11.  Jistieden lill-Istati Membri biex jipprovdu taħriġ xieraq u jiżguraw l-iżvilupp professjonali kontinwu tal-għalliema u ta' dawk li jmexxu l-edukazzjoni fl-ETV bl-għan li jgħinuhom jużaw l-aktar metodi ta' tagħlim adegwati permezz tal-esperjenzi fil-prattika u l-ħajja reali;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jipprovdu riżorsi finanzjarji suffiċjenti sabiex jappoġġaw il-programmi ta' mobilità, filwaqt li jitqiesu l-ostakli finanzjarji potenzjali; jemmen li viżibilità usa' dwar kif il-kumpaniji jikkomplementaw il-kwoti allokati jew il-possibbiltà li jiġu pprovduti tipi oħra ta' għajnuna għandhom jiġu eżaminati; iqis li l-komplementarjetà bejn il-Fond Soċjali Ewropew u l-Erasmus+ għandha tiġi żgurata u mmonitorjata bl-għan li jinkisbu eżiti ta' suċċess; iħeġġeġ l-introduzzjoni ta' livell minimu ta' kwoti, aġġustati skont il-varjazzjonijiet fil-kundizzjonijiet ta' għajxien, il-prezzijiet u l-ispejjeż fost l-Istati Membri; jappoġġa l-idea li l-Istati Membri għandhom jintroduċu miżuri li jippermettu l-appoġġ meħtieġ u ta' benefiċċju fejn ikun rilevanti, pereżempju għall-akkomodazzjoni u t-trasport, filwaqt li tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-minorenni, kif ukoll għat-tħejjija tal-istudenti qabel l-esperjenza internazzjonali tagħhom, pereżempju permezz ta' gwida tal-karrieri, it-tagħlim tal-lingwi u l-komunikazzjoni bejn il-kulturi;

13.  Jiġbed l-attenzjoni għall-bosta żvantaġġi li għadhom qed iħabbtu wiċċhom magħhom dawk li jużaw id-dritt tagħhom għall-mobilità f'dak li jikkonċerna s-sigurtà soċjali jew ir-rikonoxximent tal-kompetenzi, u jenfasizza li l-mobilità fil-qafas tal-Erasmus+ trid timmira li tegħleb dawn l-iżvantaġġi;

14.  Jitlob li l-kwistjonijiet marbuta mas-Servizz Volontarju Ewropew (SVE), fir-rigward tal-assigurazzjoni għall-parteċipanti, l-approvazzjoni, il-ġestjoni tal-bażi tad-data u l-appoġġ għall-voluntiera, jiġu indirizzati b'manjiera mmirata, bl-għan li ma jkunx hemm tnaqqis fil-parteċipazzjoni;

15.  Jinnota li għad hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar l-arranġamenti għar-rikonoxximent u dan ifisser li huma mbegħda wisq mill-utent u diffiċli biex jintużaw u jinfthiemu;

16.  Jenfasizza l-importanza ta' spazju komuni Ewropew għall-edukazzjoni bbażat fuq komponent qawwi ta' mobilità - li jinkludi mhux biss l-edukazzjoni għolja iżda anki l-ETV - li se jikkontribwixxi għall-ħolqien u l-iżvilupp ta' identità Ewropea u ċittadinanza aktar b'saħħithom;

17.  Ifakkar li kien hemm titjib importanti grazzi għall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki, fir-rigward tar-rikonoxximent tad-diplomi, il-credits, iċ-ċertifikati ta' ħiliet, l-akkreditazzjonijiet tal-kompetenza u l-ksib ta' speċjalizzazzjoni fil-kuntest tal-ETV; jitlob l-istabbiliment ta' miri speċifiċi, fosthom l-implimentazzjoni ta' sistema kompletament operazzjonali tat-trasferimenti u r-rikonoxximent tal-credits, li tkun ibbażata fuq is-Sistema Ewropea ta' Credits għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ Vokazzjonali (ECVET); iħeġġeġ l-iżvilupp ta' kwalifiki tal-ETV konġunti li jistgħu jiżguraw ir-rikonoxximent internazzjonali tal-kwalifiki;

18.  Huwa favur it-tfassil ta' Green Paper dwar l-edukazzjoni, it-taħriġ u l-mobilità vokazzjonali u r-rikonoxximent tal-ħiliet u l-kompetenzi fl-Ewropa, li tiġi abbozzata b'kooperazzjoni mill-qrib mal-partijiet ikkonċernati ewlenin kollha; ifakkar li r-rakkomandazzjonijiet attwali li jikkonċernaw l-ETV jeħtieġ li jiġu implimentati bis-sħiħ; jinnota li n-nuqqas ta' rikonoxximent tal-kompetenzi għandu impatt negattiv fuq il-mira ta' rati ta' impjieg tal-Ewropa 2020, u jxekkel il-moviment liberu kif minqux fit-Trattati;

19.  Jenfasizza l-importanza ewlenija tar-rikonoxximent madwar l-Istati Membri tal-kisbiet, il-ħiliet u l-kompetenzi miksuba minn min ikun qed jitgħallem; jemmen li l-programmi ta' mobilità tal-UE għandhom impatt dirett fuq it-tagħlim mhux formali u informali tal-benefiċjarji, u fl-aħħar mill-aħħar itejbu l-impjegabilità tagħhom u l-kapaċità tagħhom li jadattaw ruħhom għas-suq tax-xogħol; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jintensifikaw l-isforzi tagħhom biex jiżguraw ir-rikonoxximent tat-tagħlim informali u mhux formali permezz ta' proċeduri ta' validazzjoni tal-ħiliet;

20.  Jiddeplora l-fatt li t-tagħlim mhux formali tilef il-viżibiltà u s-sehem tal-baġit fil-programm Erasmus+ attwali; jenfasizza l-importanza tat-tagħlim mhux formali fil-livell Ewropew, speċjalment permezz tal-ħidma fost iż-żgħażagħ u l-volontarjat mill-anzjani; jitlob li t-tagħlim mhux formali u informali jingħataw post ċar u viżibbli fil-programm Erasmus+; jemmen, barra minn hekk, li għandu jkun hemm il-possibbiltà li jiġu ppreżentati applikazzjonijiet fir-rigward ta' proġetti fuq skala kbira ta' edukazzjoni għall-adulti li jkunu rregolati mill-istess prinċipji bħal dawk tal-alleanzi tal-ħiliet settorjali jew tal-alleanzi tal-għarfien;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri sabiex jagħmlu kull sforz sabiex jinkisbu l-għanijiet tal-Istrateġija Ewropea għall-Edukazzjoni u t-Taħriġ 2020; jemmen li l-mobilità għandha tieħu kont tal-aspett tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali kontinwi (ETVK), billi dan huwa fundamentali għat-titjib u l-aġġornament tal-ħiliet u l-ispeċjalizzazzjonijiet; jenfasizza li t-tagħlim tul il-ħajja u l-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali huma ta' importanza ewlenija għall-kisba ta' prospetti tax-xogħol aħjar għall-dawk qiegħda fit-tul;

22.  Jistieden lill-Istati Membri biex itejbu l-implimentazzjoni tal-programmi ta' mobilità tal-ETV u jneħħu l-ostakli li fadal, u, permezz ta' ħidma flimkien mal-Kummissjoni u l-aġenziji eżekuttivi nazzjonali u Ewropej, kif ukoll mal-partijiet ikkonċernati ewlenin, ikomplu bil-kooperazzjoni tagħhom bl-għan li jtejbu l-programmi ta' mobilità tal-ETV; jemmen li din il-kooperazzjoni għandha tirriżulta f'reviżjoni tar-rekwiżiti bl-għan li tiġi żgurata r-rilevanza tagħhom fir-rigward tat-tul ta' żmien, il-kontenut, il-kompetenzi u l-eżiti tat-tagħlim, filwaqt li tiġi kkombinata il-mobilità kemm għaċ-ċentri tat-taħriġ kif ukoll fuq il-post tax-xogħol u anke billi tingħata prijorità lill-perjodi ta' esperjenza itwal (pereżempju ta' sitt xhur) fuq l-ekwivalenti tagħhom b'iqsar tul ta' żmien;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex itejbu kemm il-kwalità kif ukoll il-provvista tal-apprendistati ħalli kull student irreġistrat fl-ETV ikollu post ta' apprendistat garantit, sabiex b'hekk jiġi żgurat ETV ta' kwalità li realment itejjeb l-eżiti tas-suq tax-xogħol u jipprovdi liż-żgħażagħ b'ħiliet u kompetenzi għall-ħajja;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta, u lill-Istati Membri biex japprovaw, proposta għal skema ta' apprendistat tal-UE li tiggarantixxi sett ta' drittijiet għall-apprendisti u għall-istudenti tal-ETV; jenfasizza r-rwol pożittiv li l-"anzjani" jistgħu jaqdu fl-edukazzjoni u t-taħriġ taż-żgħażagħ bl-għan li jiġi massimizzat l-iskambju interġenerazzjonali permezz ta' traineeships u mentoring, kif ukoll sabiex jiġi ffaċilitat it-tagħlim ibbażat fuq l-esperjenza f'timijiet transġenerazzjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jadottaw miżuri konkreti sabiex jiżguraw li l-apprentistati u t-traineeships taħt l-Erasmus+ ma jintużawx ħażin billi jiġu ttrasformati fi strument biex jitnaqqas il-kost lavorattiv;

25.  Jirrakkomanda li l-partijiet ikkonċernati kollha jaħdmu fuq strateġiji konġunti mmirati lejn it-titjib tar-ritorn jew il-mobilità tal-apprendisti u dawk li jkunu qed jitħarrġu fl-edukazzjoni vokazzjonali lejn partijiet oħra tal-Ewropa, filwaqt li jirrispettaw il-preferenzi tagħhom, bl-għan li l-għarfien u l-esperjenza miksuba "barra l-pajjiż" jiġu ddirezzjonati lejn it-titjib tal-iżbilanċi u t-tisħiħ tal-koeżjoni fiż-żoni tal-oriġini tagħhom stess li jkunu neqsin mill-ħiliet jew xi mkien ieħor fl-Ewropa;

26.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li l-industrija u s-servizzi fis-setturi kemm pubbliċi kif ukoll privati, inkluż is-settur tal-produzzjoni (b'mod partikulari l-SMEs u l-mikrointrapriżi), jiġu kkonsultati u/jew involuti fl-ippjanar, fit-tfassil, fl-implimentazzjoni u fl-appoġġ għall-programmi ta' mobilità tal-ETV ta' kwalità; iqis li l-għażla tal-programm għandha tieħu kont tal-opportunitajiet ta' xogħol man-negozji u l-organizzazzjonijiet ospitanti; jemmen li sħubija flessibbli u kostruttiva bbażata fuq id-djalogu, il-kooperazzjoni u l-aħjar prattika bejn il-partijiet ikkonċernati kollha se tiżgura s-suċċess u l-valur miżjud tal-ETV; huwa tal-fehma li huwa meħtieġ ukoll l-iskambju tal-għarfien u l-aħjar prattiki bejn l-intrapriżi u ċ-ċentri ta' taħriġ; jistieden lill-Kummissjoni żżomm kont tad-domanda u l-provvista fis-suq tax-xogħol fi ħdan l-UE, kif ukoll tal-mobilità ġeografika u okkupazzjonali, sabiex ikun hemm tlaqqigħ mal-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol; iqis li dan inaqqas id-distakk bejn, fuq naħa waħda, it-taħriġ offrut u dak li fil-fatt ikun qed jistenna liż-żgħażagħ fl-ambjent tan-negozju, u, min-naħa l-oħra, il-bżonnijiet tas-suq fis-setturi ta' valur miżjud (eż. l-ekonomiji ekoloġiċi u diġitali, l-enerġija, id-difiża, is-settur tal-kura u r-riabilitazzjoni tal-akkomodazzjonijiet);

27.  Jinnota li, fil-klima ekonomika attwali, ikkaratterizzata kif inhi minn rata għolja ta' qgħad fost iż-żgħażagħ u minn disparità bejn id-domanda u l-provvista b'rabta mal-ħiliet, il-programmi ta' mobilità fl-oqsma tal-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali jridu jitfasslu aktar bir-reqqa skont ir-rekwiżiti speċifiċi tas-suq tax-xogħol;

28.  Jinnota li bħalissa għaddejjin minn tranżizzjoni lejn ekonomija aktar diġitalizzata u qed isseħħ ridefinizzjoni tal-impjiegi u l-ħiliet; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jaħdmu id f'id mas-settur privat sabiex joħolqu strateġiji għall-iżvilupp tal-ħiliet u programmi tal-ETV għat-taħriġ mill-ġdid tal-ħaddiema;

29.  Jenfasizza r-riżultati pożittivi li ntlaħqu mill-programm Erasmus preċedenti għall-imprendituri żgħażagħ, kif ukoll ir-rwol tal-ETV fil-promozzjoni tal-ispirtu intraprenditorjali fost iż-żgħażagħ Ewropej; jittama, għalhekk, li l-inizjattivi tal-UE li jappoġġaw l-intraprenditorija taż-żgħażagħ u l-ħolqien ta' impriżi ġodda innovattivi se jiġu msaħħa;

30.  Jappoġġa l-programm Erasmus tal-Kummissjoni għall-imprendituri żgħażagħ, li jagħti lill-imprendituri tal-futur l-opportunità li jitgħallmu taħt l-istruzzjoni ta' imprendituri b'esperjenza li jmexxu negozji żgħar fil-pajjiżi parteċipanti; jenfasizza n-natura vantaġġjuża ta' tali skambji għall-partijiet kollha involuti, skambji li jippermettu lill-imprendituri ġodda jiksbu l-ħiliet essenzjali biex imexxu negozju b'suċċess filwaqt li lill-imprendituri b'esperjenza jtihom il-benefiċċju ta' perspettiva ġdida fuq in-negozju tagħhom u jippermettilhom jespandu n-netwerks professjonali tagħhom u jidħlu fi swieq ġodda;

31.  Jilqa' l-għodod żviluppati mill-Kummissjoni, bħall-Qafas Ewropew tal-Kwalifiki (QEK), l-Europass, l-Eures, u l-Pjattaforma għall-Opportunitajiet ta' Tagħlim u Kwalifiki madwar l-Ewropa (Ploteus), li joffru informazzjoni dwar l-ETV u l-mobbiltà, iżda jiddispjaċih mill-fatt li dawn l-għodod mhumiex użati jew magħrufa biżżejjed; jstieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-korpi pubbliċi tal-impjieg biex jippubbliċizzaw u jqajmu sensibilizzazzjoni dwar il-programm Erasmus+ u għodod oħra mmirati lejn il-promozzjoni tal-mobilità fil-qasam tal-ETV, b'mod partikolari fost l-SMEs; jemmen li l-massimizzazzjoni tal-effikaċità ta' dawn l-għodod se tippermetti li aktar persuni jibbenefikaw minn dawn l-opportunitajiet, b'tali mod li l-għan ta' mobilità jkun jista' jinkiseb; iqis li l-konsultazzjoni u/jew l-involviment tas-settur tal-produzzjoni fit-tfassil u l-aġġornar ta' dawn l-għodod joħolqu valur miżjud u jiffaċilitaw ir-reazzjoni għad-domanda tas-suq tax-xogħol; jinnota li huma meħtieġa sforzi akbar min-naħa tal-Kummissjoni bl-għan li titnaqqas il-burokrazija, kemm għall-applikanti kif ukoll għall-istituzzjonijiet u l-kumpaniji ospitanti, u jinsisti li aktar trasparenza, sempliċità u ċarezza fl-implimentazzjoni tal-programmi se jgħinu biex jiġu solvuti l-problemi tal-passat relatati mal-ħlasijiet; jistieden lill-korpi responsabbli biex jinvestigaw u jindirizzaw kwalunkwe nuqqas f'dan ir-rigward, fejn xieraq u malajr kemm jista' jkun;

32.  Jilqa' l-arranġamenti mtejba għall-aċċess għad-dokumenti relatati mal-programm fil-lingwi uffiċjali kollha tal-UE; jinnota li l-kwalità tat-traduzzjoni għandha tiġi mtejba sabiex jiġu evitati l-ambigwità u l-ideat żbaljati fost il-parteċipanti;

33.  Iqis li l-mobilità fil-ETV tħeġġeġ il-mobilità okkupazzjonali u mhux dik akkademika biss. jistieden lill-Kummissjoni biex tippromwovi din il-mobilità okkupazzjonali permezz ta' mekkaniżmi ta' aġġustament okkupazzjonali u appoġġ lingwistiku, b'tali mod li jkun żgurat li l-esperjenzi f'pajjiżi oħra jkunu ta' suċċess u mmexxija tajjeb; jenfasizza l-fatt li fil-ħajja tax-xogħol, il-ħiliet tajbin fil-lingwi barranin huma essenzjali, u jilqa' l-fatt li dawn il-ħiliet tal-parteċipanti fil-proġetti Erasmus+ se jiġu msaħħa permezz ta' korsijiet tal-lingwa u testijiet tal-lingwa standardizzati onlajn (eż. permezz tal-portal OLS);

34.  Jenfasizza l-fatt li hemm 20 sħubija transkonfinali tal-EURES, li jgħinu kważi 600 000 ħaddiem f'reġjuni tal-fruntiera li jgħixu fil-pajjiżi nattivi tagħhom u jaħdmu f'pajjiż ieħor, u li dawn is-sħubijiet jgħinu lil dawk il-ħaddiema biex jittrattaw il-kwistjonijiet amministrattivi, legali u organizzattivi, li jaffettwaw it-tfittxija tax-xogħol u r-reklutaġġ transkonfinali; jisħaq fuq l-importanza ta' dawn is-sħubijiet biex il-mobilità tiġi mħeġġa fir-reġjuni transkonfinali; iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jappoġġaw dawn is-sħubijiet u jippromwovuhom aktar, speċjalment fost iż-żgħażagħ;

35.  Iqis b'mod pożittiv it-tnedija tal-proġetti pilota, kif ukoll "il-qafas Ewropew għall-mobilità tal-apprendisti" approvat reċentement bħala bażi għat-titjib fil-programm Erasmus+ bl-għan li jkun hemm mobilità ikbar u aħjar tal-ETV b'perjodu ta' żmien twil; iħeġġeġ il-ħolqien ta' qafas għal inizjattivi fit-tul minflok azzjonijiet iffukati esklużivament fuq il-proġetti, bl-għan li tiġi stabbilita sistema permanenti u sostenibbli u għalkollox operattiva li tkun prevedibbli u li tħeġġeġ il-moviment liberu tal-ħiliet madwar l-Ewropa kollha;

36.  Jinnota li l-"qafas Ewropew għall-mobilità tal-apprendisti" jista' jaġixxi bħala "passaġġ" speċifiku sabiex jittaffa l-qgħad fost iż-żgħażagħ billi jiffaċilita t-tranżizzjoni bla xkiel mill-edukazzjoni u t-taħriġ għas-suq tax-xogħol u; jitlob li jinħolqu opportunitajiet aħjar għall-istudenti tal-ETV biex dawn jingħataw kollokamenti ta' xogħol f'pajjiżi ġirien, pereżempju permezz tal-finanzjament tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar ta' studenti li jibqgħu jgħixu f'pajjiżhom;

37.  Jenfasizza l-importanza tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ fl-appoġġ għall-apprendistati, it-traineeships, l-ETV, il-kollokamenti tax-xogħol u l-edukazzjoni ulterjuri li twassal għal kwalifika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jiżguraw li jiġi allokat finanzjament adegwat għal dawn il-programmi għall-perjodu sħiħ ta' programmazzjoni 2014-2020;

38.  Jinnota li r-riżorsi Ewropej allokati lill-programmi Erasmus+ u ETV mhumiex proporzjonati mal-għadd jew il-ħtiġijiet ta' dawk li potenzjalment jistgħu jibbenifikaw mill-mobilità offruta b'dawn l-iskemi, u għaldaqstant jistieden lill-Istati Membri biex jippromwovu ftehimiet bilaterali biex jissupplementaw l-attivitajiet tal-Erasmus+ u tal-programmi Ewropej tal-ETV, biex b'hekk tiżdied il-mobilità taż-żgħażagħ Ewropej;

39.  Jitlob rieżami/reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali (QFP), abbażi ta' kriterji, fosthom il-valutazzjoni minn qabel tal-effikaċja tal-miżuri kontra l-qgħad, b'inqas finanzjament għad-dispożizzjonijiet inqas effikaċi; iqis li tali approċċ huwa partikolarment importanti fi żminijiet ta' kriżi, bħal fil-preżent, ikkaratterizzati minn żbilanċi inaċċettabbli;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi statistika aġġornata u biex twettaq valutazzjonijiet u/jew studji rigward l-Erasmus+ u programmi oħra ta' mobilità tal-ETV, fejn ikun fattibbli, sabiex jitkejjel l-impatt tagħhom fit-tlaqqigħ tal-esperjenza tax-xogħol mal-impjiegi fir-rigward tar-rata ta' reklutaġġ, u anki biex teżamina għalfejn xi Stati Membri qed jiġġeneraw aktar applikazzjonijiet għal xogħol tal-ETV u esperjenzi ta' tagħlim barra mill-pajjiż, u tfassal pjan għall-involviment ikbar tagħhom; jemmen li l-istatistika u l-valutazzjonijiet li jirriżultaw għandhom jiġu inklużi u kkunsidrati fit-tfassil tar-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Erasmus+.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

11.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

47

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Tiziana Beghin, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Thomas Mann, Anthea McIntyre, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, Georgi Pirinski, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Jutta Steinruck, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Ulla Tørnæs, Marita Ulvskog, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Georges Bach, Sergio Gutiérrez Prieto, Krzysztof Hetman, Zdzisław Krasnodębski, Miapetra Kumpula-Natri, Csaba Sógor, Neoklis Sylikiotis, Flavio Zanonato, Gabriele Zimmer

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

María Teresa Giménez Barbat, Angelika Mlinar

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

17.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Angel Dzhambazki, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Rikke Karlsson, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Curzio Maltese, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ilhan Kyuchyuk, Ernest Maragall, Marlene Mizzi, Elisabeth Morin-Chartier, Paul Nuttall, Hannu Takkula

  • [1]  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
  • [2]  ĠU C 311, 19.12.2009, p. 1.
  • [3]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 50.
  • [4]  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
  • [5]  ĠU L 390, 31.12.2004, p. 6.
  • [6]  ĠU C 199, 7.7.2011, p. 1.
  • [7]  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
  • [8]  ĠU C 351 E, 2.12.2011, p. 29.
  • [9]  ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1.
  • [10]  http://ec.europa.eu/public_opinion/flash/fl_378_en.pdf
  • [11]  Ara: Rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2008 dwar l-istabbiliment ta' Qafas Ewropew tal-Kwalifiki għat-tagħlim tul il-ħajja, ĠU C 111, 6.5.2008, p. 1–7
  • [12]  Ara: l-istudju: "Student and staff mobility in times of crisis" ("Il-mobilità tal-istudenti u tal-persunal fi żminijiet ta' kriżi"), DAAD (German Academic Exchange Service), Diċembru 2014, iffinanzjat mill-Kummissjoni.