RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta' Ladislav Balko bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

17.3.2016 - (C8-0413/2015 – 2015/0816(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Igor Šoltes

Proċedura : 2015/0816(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0055/2016
Testi mressqa :
A8-0055/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Ladislav Balko bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0413/2015 – 2015/0816(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0413/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0055/2016),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi, waqt il-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Marzu 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat tal-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni negattiva dwar il-proposta mill-Kunsill għall-ħatra ta' Ladislav Balko bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.

ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' LADISLAV BALKO

Twieled fl-1954 fi Slepčany, is-Slovakkja.

Iggradwa fil-liġi mill-Università Comenius fi Bratislava. Sussegwentement kiseb dottorat fil-liġi u t-titolu ta' PhD u sar lettur fil-liġi finanzjarja u kummerċjali.

Fl-1990 u fl-1991 kien avukat kap fid-Dipartiment tad-Dwana tar-Repubblika Slovakka. Mill-1991 sal-1999 okkupa għadd ta' karigi maniġerjali, fosthom il-kariga ta' Deputat Direttur Ġenerali fl-ikbar bank kummerċjali Slovakk – il-Všeobecná úverová banka (VÚB).

Mill-2001 sal-2004 kien Deputat Gvernatur u membru tal-Bord tal-Bank tal-Esportazzjoni u l-Importazzjoni tar-Repubblika Slovakka, u fl-2003 kien l-Uffiċjal Kap Operattiv tal-Aġenzija Slovakka tal-Investiment u tal-Iżvilupp Kummerċjali (SARIO). Fl-2004 inħatar membru tal-Bord tal-Bank – il-korp governattiv – tal-Bank Nazzjonali tas-Slovakkja (NBS).

Minħabba l-esperjenza twila tiegħu fis-settur finanzjarju, fl-2006 Dr Balko sar konsulent fil-qasam tal-finanzi u l-investiment barrani tal-Prim Ministru tar-Repubblika Slovakka. F'din il-kapaċità huwa ffoka fuq oqsma bħalma huma l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi mill-gvern, il-baġit, il-fondi strutturali u oqsma oħra relatati. Huwa kellu wkoll rwol fl-adozzjoni tal-euro mis-Slovakkja. Dr Balko abbozza d-Dikjarazzjoni tal-Ftehim Soċjali għall-Adozzjoni u l-Użu tal-Euro fis-Slovakkja u organizza diversi konferenzi dwar dan is-suġġett. Fl-2006 laħaq Viċi President tal-Bord tad-Diretturi tal-Bank Slovakk tal-Garanzija u l-Iżvilupp (SZRB), u wara nħatar membru tal-Kunsill tal-Prezzijiet tal-gvern fl-2008.

Minbarra l-attivitajiet prattiċi tiegħu fil-qasam finanzjarju, bħala Kap tad-Dipartiment tal-Liġi Finanzjarja tal-Fakultà tal-Liġi tal-Università Comenius fi Bratislava, ta lekċers fuq il-finanzi pubbliċi, il-baġit, il-kontroll finanzjarju, it-taxxi u d-dwana, il-muniti, l-operazzjonijiet tal-kambju tal-muniti u s-swieq finanzjarji, u kiteb ħafna artikli akkademiċi u tekniċi dwar dawn is-suġġetti, kif ukoll diversi kotba għall-istudju dwar il-liġi finanzjarja.

Hu sar membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri fis-7 ta' Mejju 2010. Sat-30 ta' Jannar 2014 kien membru tal-Awla IV. Dr Balko kien responsabbli mit-twettiq tal-awditu tad-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni (DAS) fil-qasam tar-riċerka u politiki interni oħra u mill-awditu tal-prestazzjoni f'dan il-qasam. F'April 2012 sar membru supplenti tal-Awla IV fl-Awla CEAD orizzontali u, fl-1 ta' Frar 2013, sar membru supplenti tal-Awla IV fil-Kumitat Amministrattiv. Barra minn hekk, mit-12 ta' Frar 2012, kien membru tal-Kumitat ta' Awditjar Intern, li huwa ppresieda mill-24 ta' April 2013 sat-28 ta' Frar 2014.

Fl-1 ta' Frar 2014 inħatar membru tal-Awla II – Politiki strutturali, Trasport u Enerġija: huwa wkoll ir-rapporteur għall-kapitolu dwar il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali u responsabbli għat-twettiq tal-awditu tad-DAS u l-awditu tal-prestazzjoni fil-qasam tal-politika reġjonali u tal-fondi strutturali. Huwa l-membru li jirrappreżenta l-Awla II fl-Awla CEAD, u kien ukoll rapporteur għal diversi awditi tal-prestazzjoni.

ANNESS 2: SOMMARJU TA' LADISLAV BALKO DWAR L-ESPERJENZA BĦALA MEMBRU TAL-QORTI U L-OBJETTIVI GĦAL MANDAT FUTUR

Fiż-żmien li għaddejt il-QEA, esperjenzajt istituzzjoni esterna indipendenti tal-awditjar li hi tassew professjonali u li taħdem verament tajjeb, u sirt naf ħafna kollegi kwalifikati u ddedikati qalb il-Membri u l-persunal. Jien għamilt ħilti biex nagħti l-kontribut tiegħi għall-ħidma tal-QEA b'dawn il-modi:

L-ewwel, kelli, u għad għandi, il-privileġġ li nkun rapporteur ta' kapitolu vertikali tar-Rapport Annwali tal-QEA. Ftit wara li wasalt, bħala membru tal-Awla IV "Dħul, riċerka u politiki interni", sirt rapporteur għall-kapitolu tar-Rapport Annwali dwar ir-Riċerka u politiki interni oħra għall-eżerċizzji DAS tas-snin 2010, 2011 u 2012. Barra minn hekk, kont ukoll rapporteur għall-Opinjoni 6/2012 dwar il-proposta leġiżlattiva dwar ir-regoli għall-parteċipazzjoni f'Orizzont 2020, li wettqu rwol importanti fl-adozzjoni tas-simplifikazzjonijiet kuraġġużi introdotti mill-proposta. Minn Frar 2014, sirt Membru tal-Awla II "Politika strutturali, trasport u enerġija", fejn kont rapporteur għall-kapitolu dwar il-Politika reġjonali fir-Rapport Annwali fl-eżerċizzju tad-DAS 2013 u għall-kapitolu dwar il-Koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali għad-DAS 2014 kif ukoll l-eżerċizzju attwali DAS 2015.

It-tieni, kont responsabbli għal bosta awditi tal-prestazzjoni interessanti u rilevanti, u b'hekk kont rapporteur għar-rapporti speċjali li ġejjin:

4/2011 "L-awditu tal-Faċilità ta' Garanzija għall-SMEs" (Rapporteur tal-Kumitat CONT - is-Sinjura Ingeborg Gräßle);

2/2013 "Il-Kummissjoni żgurat l-implimentazzjoni effiċjenti tas-Seba' Programm Qafas għar-Riċerka?" (Rapporteur tal-Kumitat CONT - is-Sinjura Monika Panayotova);

16/2013 "Valutazzjoni tal-Awditu Uniku u d-dipendenza tal-Kummissjoni fuq ix-xogħol tal-awtoritajiet nazzjonali tal-awditjar fil-Koeżjoni" (Rapporteur tal-Kumitat CONT - is-Sur Boguslaw Liberadzki);

6/2014 "L-appoġġ mill-fondi tal-politika ta' koeżjoni għall-ġenerazzjoni ta' enerġija rinnovabbli - inkisbu riżultati tajbin?" (Rapporteur tal-Kumitat CONT - is-Sur Miroslav Poche);

14/2014 "L-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE kif jikkalkolaw, inaqqsu u jpaċu l-emissjonijiet ta' gassijiet serra tagħhom?" (Rapporteur tal-Kumitat CONT - is-Sinjura Patricija Sulin);

Fil-preżent jien responsabbli ghall-awditi ta' prestazzjoni li għaddejjin bħalissa dwar il-prestazzjoni tat-trasport ferrovjarju tal-merkanzija fl-UE, dwar is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju, u dwarit-tfassil ta' għeluq il-programmi ta' koeżjoni u tal-iżvilupp rurali tal-2007-2013.

Barra dawn il-kompiti, bħalissa jien ir-rappreżentant tal-Awla II fl-Awla orizzontali CEAD (Koordinazzjoni, Evalwazzjoni, Assigurazzjoni u Żvilupp). Minn Frar 2012, kont Membru tal-Kumitat ta' Awditjar Intern tal-QEA u, minn April 2013 sa Frar 2014, kont il-President ta' tali Kumitat.

Tul il-mandat tiegħi, kelli relazzjonijiet produttivi u kostruttivi ma' partijiet interessati importanti tal-UE, kemm fil-Parlament Ewropew mal-Membri tal-Kumitat CONT kif ukoll mal-Kummissarji Ewropej rilevanti. Sostnejt ukoll relazzjonijiet professjonali tajbin mal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar nazzjonali kif ukoll mal-Kumitat għall-Affarijiet Ewropej tal-Parlament tar-Repubblika Slovakka, prinċipalment billi żammejthom infurmati dwar il-ħidma u l-prodotti tal-QEA u billi ppreżentajtilhom regolarment ir-Rapporti Annwali tal-QEA.

Matul il-mandat tiegħi, jien akkumulajt ammont kbir ta' esperjenza u għarfien dwar il-ħidma tal-QEA u l-qafas ta' obbligu ta' rendikont li topera fiha. Inħossni motivat ħafna biex nikkontribwixxi l-għarfien u l-esperjenza kollha tiegħi permezz ta' aktar xogħol fil-QEA, fl-implimentazzjoni ta' dokumenti strateġiċi annwali u multiannwali sal-2017 u lil hinn, billi nipprovdi Rapport Annwali saħansitra iżjed orjentat lejn il-prestazzjoni u li jieħu kont tal-bżonnijiet tal-partijiet interessati ewlenin tagħna, u b'mod partikolari tal-Parlament Ewropew, kif ukoll Rapporti Speċjali rilevanti u f'waqthom li jżidu l-valur. Ninsab ħerqan ukoll biex ngħin ħalli jiġu indirizzati l-iżviluppi u l-isfidi ġodda għall-ġejjieni tal-QEA, fosthom l-implimentazzjoni b'suċċess tal-organizzazzjoni l-ġdida bbażata fuq il-kompiti u r-riformi relatati. F'dan ir-rigward, nara l-ħatra mill-ġdid possibbli tiegħi bħala element li jikkontribwixxi għall-istabbiltà u l-kontinwità tal-ħidma tal-QEA li se tilqa' fi ħdanha għadd sinifikanti ta' Membri ġodda fl-2016.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

8

16

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Karin Kadenbach, Andrey Novakov, Julia Pitera, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga