Proċedura : 2013/0016(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0056/2016

Testi mressqa :

A8-0056/2016

Dibattiti :

PV 28/04/2016 - 3
CRE 28/04/2016 - 3

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.9
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0145

RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI     ***II
PDF 671kWORD 95k
17.3.2016
PE 575.332v02-00 A8-0056/2016

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ferrovjarja (tfassil mill-ġdid)

(10580/1/2015 – C8-0417/2015 – 2013/0016(COD))

Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

Rapporteur: Michael Cramer

EMENDI
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari għall-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar is-sikurezza ferrovjarja (tfassil mill-ġdid)

(10580/1/2015 – C8-0417/2015 – 2013/0016(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10580/1/2015 – C8-0417/2015),

–  wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Litwan, is-Senat Rumen u l-Parlament Żvediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità, fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013(1),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-8 ta' Ottubru 2013(2),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari(3) dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0031),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0056/2016),

1.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;

2.  Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;

3.  Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

5.  Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

6.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA

Stqarrija tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni

Il-Kummissjoni tfakkar li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tagħhom tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, li l-informazzjoni li l-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali "għandha tkun ċara u preċiża" sabiex tiffaċilita l-kisba tal-inkarigu tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. F'dan il-każ partikolari, id-dokumenti ta' spjegazzjoni setgħu kienu utli għal dan il-għan. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li t-test finali ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar dan.

NOTA SPJEGATTIVA

Il-qafas legali għas-sikurezza ferrovjarja

Sabiex jitmexxew l-isforzi biex jiġi stabbilit suq uniku għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju, jeħtieġ li jiġi stabbilit qafas regolatorju komuni għas-sikurezza ferrovjarja. L-Istati Membri s'issa żviluppaw ir-regoli u l-istandards tas-sikurezza tagħhom l-aktar fuq linji nazzjonali, ibbażati fuq kunċetti tekniċi u operattivi nazzjonali. Fl-istess ħin, id-differenzi fil-prinċipji, l-approċċ u l-kultura għamluha diffiċli biex ikunu megħluba d-diffikultajiet tekniċi u biex ikunu stabbiliti operazzjonijiet tat-trasport internazzjonali.

Id-Direttiva 2004/49/KE dwar is-Sikurezza Ferrovjarja tal-Komunità kienet tirrappreżenta titjib kbir għall-istabbiliment ta’ qafas regolatorju komuni għas-sikurezza ferrovjarja. Id-Direttiva stabbiliet qafas għall-armonizzazzjoni tal-kontenut tar-regoli ta' sikurezza, iċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza tal-impriżi ferrovjarji, il-kompiti u r-rwoli tal-awtoritajiet ta' sikurezza u l-investigazzjoni tal-aċċidenti, biex tiskoraġġixxi lill-Istati Membri milli jkomplu jiżviluppaw fuq linji nazzjonali r-regoli ta' sikurezza u l-istandards tagħhom skont kunċetti tekniċi u operattivi nazzjonali. Madankollu, iċ-ċertifikazzjoni tas-sikurezza kellha tibqa' ssir fuq il-livell nazzjonali. L-iżvilupp u l-implimentazzjoni taċ-ċertifikat ta' sikurezza tal-UE kienu dejjem għan għal perjodu ta’ żmien twil.

L-għan ewlieni tal-proposta tal-Kummissjoni biex tiġi riveduta d-Direttiva 2004/49/KE kien il-migrazzjoni lejn ċertifikat uniku ta' sikurezza tal-Unjoni li jissostitwixxi s-sistema attwali magħmula minn żewġ partijiet (Parti A/B).

Il-kisbiet ewlenin tal-Parlament Ewropew:

L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea (ERA) se twettaq rwol ewlieni fil-ħruġ ta’ ċertifikati ta' sikurezza għall-impriżi ferrovjarji. L-ERA se tkun kompetenti biex toħroġ ċertifikati ta' sikurezza għall-impriżi ferrovjarji li joperaw f’aktar minn Stat Membru wieħed. Impriża ferrovjarja li tkun qed topera fi Stat Membru wieħed, tista’ tagħżel li tkun iċċertifikata jew mill-ERA jew mill-awtorità nazzjonali ta' sikurezza.

Kultura ta’ sikurezza mtejba u rappurtar tal-okkorrenzi f’impriżi ferrovjarji u amministraturi tal-infrastruttura. Din se tinkoraġġixxi lill-persunal jirrapporta dwar inċidenti taħt kondizzjonijiet ta’ kunfidenzjalità u tippermetti li l-industrija ferrovjarja tislet tagħlimiet u ttejjeb il-prattiki tax-xogħol. Barra minn hekk, se jkun hemm programmi ta’ taħriġ għall-persunal, inklużi arranġamenti dwar is-saħħa fiżika u psikoloġika.

L-Istati Membri se jkunu obbligati li jimmonitorjaw il-konformità tas-sewwieqa tal-ferroviji mar-regoli dwar ix-xogħol, is-sewqan u l-perjodi ta’ mistrieħ.

L-ERA tista’ tistabbilixxi għodda għall-iskambju ta’ informazzjoni dwar riskji ta’ sikurezza fost il-partijiet rilevanti. Dan se jiffaċilita aktar l-iskambju transkonfinali ta’ informazzjoni f’każ li jkun hemm riskju għas-sikurezza, pereżempju, jekk l-istess tip ta’ vettura ferrovjarja (rolling stock) tintuża f’aktar minn Stat Membru wieħed.

Politika ta’ informazzjoni aħjar fir-rigward tal-qraba tal-vittmi u koordinazzjoni mtejba tas-servizzi ta’ emerġenza.

L-ERA se toffri assistenza teknika lill-korpi investigattivi , flimkien ma' segretarjat għall-kooperazzjoni tal-korpi investigattivi. Il-korpi investigattivi għandhom jagħmlu “reviżjonijiet bejn il-pari” bil-għan li tiġi mmonitorjata l-effettività u l-indipendenza tagħhom. Madankollu, peress li l-ERA toħroġ awtorizzazzjonijiet, ma tistax tkun involuta direttament f'investigazzjoni minħabba kunflitti potenzjali ta’ interess."

Negozjati

Wara l-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari fil-Kumitat TRAN fis-26 ta’ Frar 2014 u d-deċiżjoni biex tiftaħ negozjati, fit-13 ta’ Ottubru 2014, negozjati informali bil-għan li jintlaħaq ftehim bikri fit-tieni qari twettqu taħt il-Presidenza Latvjana u Taljana tal-Kunsill. It-tim ta' negozjati tal-Parlament u dak tal-Kunsill laħqu ftehim dwar il-fajl fis-17 ta' Ġunju 2015. It-test li ħareġ min-negozjati ġie approvat mill-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu fl-10 ta’ Novembru 2015. Abbażi tal-approvazzjoni tal-Kumitat, fl-ittra tiegħu lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, il-President tal-Kumitat intrabat li jirrakkomanda lill-plenarja biex tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi. Wara l-verifika ġuridika-lingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tikkonferma l-ftehim fl-10 ta' Diċembru 2015.

Rakkomandazzjoni:

Billi l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija konformi mal-ftehim milħuq fit-trilogi, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jirrakkomanda li japprova mingħajr emendi l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari.

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Is-sikurezza ferrovjarja (tfassil mill-ġdid)

Referenzi

10580/1/2015 – C8-0417/2015 – 2013/0016(COD)

Data tal-1 qari tal-PE - Numru P

26.2.2014                     T7-0150/2014

Proposta tal-Kummissjoni

COM(2013)0031 - C7-0028/2013

Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari

4.2.2016

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

TRAN

4.2.2016

 

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Michael Cramer

16.7.2014

 

 

 

Eżami fil-kumitat

16.2.2016

 

 

 

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

37

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Keith Taylor, Pavel Telička, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Francisco Assis, Rosa D’Amato, Karoline Graswander-Hainz, Werner Kuhn, Franck Proust

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Mylène Troszczynski

Data tat-tressiq

17.3.2016

(1)

  ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.

(2)

  ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.

(3)

  Testi adottati, P7_TA(2014)0150.

Avviż legali - Politika tal-privatezza