RAPPORT     
PDF 718kWORD 179k
17.3.2016
PE 577.063v02-00 A8-0058/2016

dwar il-ħatra proposta ta' Anthony Abela bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0024/2016 – 2016/0803(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Igor Šoltes

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Anthony Abela bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0024/2016 – 2016/0803(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0024/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0058/2016),

A.  billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi, waqt il-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Marzu 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat tal-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni negattiva dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Anthony Abela bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.

ANNESS 1: CURRICULUM VITAE TA' Anthony Abela

Karriera politika

2008-2016:

 

Deputat Mexxej (l-Affarijiet tal-Partit), il-Partit Laburista

Attivitajiet u responsabbiltajiet prinċipali

 

Deputat Mexxej (l-Affarijiet tal-Partit), il-Partit Laburista Barra mir-responsabbiltajiet ġenerali ta' tmexxija u ġestjoni tal-affarijiet interni tal-Partit, huwa kien ukoll responsabbli mill-monitoraġġ ta' 65 każin politiku tal-Partit Laburista. Huwa stabbilixxa wkoll standards ta' governanza tajba għad-39 kunsill lokali tal-Partit Laburista, u vverifika l-konformità ma' dawn l-istandards. Matul il-kariga tiegħu, il-Partit Laburista għadda minn bidliet radikali fil-livelli kollha ta' organizzazzjoni.

 

Sa mill-2013 jipprovdi konsulenza lill-Prim Ministru dwar kwistjonijiet politiċi, soċjali u ġuridiċi. Jipprovdi wkoll assistenza legali lill-Ministeru tal-Affarijiet Soċjali u tal-Familja. Kellu rwol attiv fl-introduzzjoni ta' liġi intiża li tipproteġi persuni vulnerabbli minn abbuż. Kien involut fl-abbozzar ta' Att dwar il-Protezzjoni ta' Informatur, it-tneħħija tal-preskrizzjoni fil-każ ta' abbuż ta' poter u atti ta' korruzzjoni minn uffiċjali pubbliċi u l-liġi dwar il-finanzjament ta' partiti politiċi.

1996-1998

 

Membru tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi

Attivitajiet u responsabbiltajiet prinċipali

 

Korp ġudizzjarju indipendenti, il-Kummissjoni dwar l-Impjiegi tinsab imwaqqfa fil-Kostituzzjoni u tiddeċiedi dwar kwistjonijiet relatati mad-diskriminazzjoni politika fil-qasam tar-relazzjonijiet industrijali.

1993-1997

 

Viċi Sindku tal-Ħamrun

Attivitajiet u responsabbiltajiet prinċipali

 

Elett Viċi Sindku tal-Ħamrun, belt kbira f'Malta, u kien responsabbli għall-infurzar tal-liġi u l-ġestjoni tal-uffiċċju għall-ilmenti miċ-ċittadini. Introduċa l-ewwel liġijiet lokali u stabbilixxa l-ewwel tribunal lokali.

1989

 

Kofundatur tal-Partit Alternattiva Demokratika - il-Partit tal-Ħodor

Attivitajiet u responsabbiltajiet prinċipali

 

Kofundatur tal-Alternattiva Demokratika, il-partit tal-Ħodor, favur kwistjonijiet ambjentali, l-ugwaljanza tal-ġeneri, it-trasparenza politika u sistema elettorali ġusta permezz tal-introduzzjoni ta' kwota nazzjonali li tippermetti li l-partiti politiċi ż-żgħar ikunu rappreżentati fil-Parlament fuq il-linji tal-mudell Ġermaniż. Ħadem favur l-introduzzjoni ta' Att dwar l-Informaturi, Att dwar il-Libertà tal-Informazzjoni, it-tneħħija tal-preskrizzjoni fil-każ ta' abbuż ta' poter u atti ta' korruzzjoni minn uffiċjali pubbliċi u l-ħtieġa ta' liġi dwar il-finanzjament ta' partiti politiċi.

1988-1989

 

Elett fil-kariga ta' President tal-Partit Laburista.

Attivitajiet u responsabbiltajiet prinċipali

 

Dott. Abela okkupa l-kariga ta' President tal-Partit Laburista bejn l-1988 u l-1989.

1987

 

Ikkontesta l-Elezzjoni Nazzjonali bħala kandidat tal-Partit Laburista.

Attivitajiet u responsabbiltajiet prinċipali

 

Ikkontesta l-Elezzjoni Ġenerali ta' Malta għall-ewwel darba fl-1987

1981-1989

 

Membru tal-Eżekuttiv Nazzjonali tal-Partit Laburista

Attivitajiet u responsabbiltajiet prinċipali

 

Matul dan il-perjodu huwa impenja ruħu favur drittijiet ċivili usa', fost l-oħrajn, id-dritt għad-divorzju, l-awtokritika politika u t-trasparenza politika.

Esperjenza ta' xogħol ieħor

Mill-1984 -

 

Avukat

Isem u indirizz tal-impjegatur

 

Jaħdem għal rasu

Responsabbiltajiet prinċipali:

 

Mill-1984 'il quddiem, huwa eżerċita b'mod kontinwu l-professjoni tiegħu ta' avukat u huwa membru tal-avukatura. Ħadem f'diversi oqsma ġuridiċi, l-aktar id-dritt tal-familja, kwistjonijiet kostituzzjonali, id-dritt amministrativ, ir-regolamentazzjoni dwar l-akkwist pubbliku u kawżi ċivili u kummerċjali. Kien involut f'każijiet fejn kiseb l-adozzjoni ta' deċiżjonijiet mingħajr preċedent dwar il-protezzjoni tal-azzjonisti b'minoranza f'kawżi li jikkonċernaw akkwiżizzjonijiet, kawżi kostituzzjonali li biddlu l-liġi għal dak li jikkonċerna l-liġi dwar il-kera, ir-reġimi matrimonjali, id-drittijiet ċivili u l-liġijiet elettorali.

Mill-1983 -

 

Kittieb ta' rubrika

Isem u indirizz tal-impjegatur

 

L-Orizzont u Kullhadd (gazzetta ta' nhar ta' Ħadd)

Responsabbiltajiet prinċipali:

 

Mis-sena 1983 kittieb ta' rubrika regolari f'gazzetti ta' kull ġimgħa u ta' kuljum bl-ilsien Malti. Jikteb l-aktar dwar aspetti soċjali u politiċi. Bħalissa huwa wkoll l-editur tal-gazzetta ta' nhar ta' Ħadd.

Edukazzjoni u taħriġ

• Dati (minn – sa)

 

1979-1984

Istituzzjoni

 

L-Università ta ' Malta

Titlu tal-kwalifika konferita

 

Dottorat fil-Liġi (LL.D.)

Teżi

 

"Il-Filosofija tad-dritt"

Dati (minn – sa)

 

1979 – 1983

Istituzzjoni

 

L-Università ta ' Malta

Titlu tal-kwalifika konferita

 

Diploma ta' Nutar Pubbliku

Lingwi

Lingwa materna

 

Il-Malti

Lingwi oħrajn

 

L-Ingliż

It-Taljan

Il-Franċiż

Ħiliet fil-qari

 

Eċċellenti

Eċċellenti

Tajjeb

Ħiliet fil-kitba

 

Eċċellenti

Eċċellenti

Tajjeb

Ħiliet orali

 

Eċċellenti

Eċċellenti

Tajjeb

ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Anthony Abela GĦALL-KWESTJONARJU

Esperjenza professjonali

1.  Jekk jogħġbok elenka l-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, sew jekk hija fil-pjanifikazzjoni baġitarja, fl-implimentazzjoni jew fil-ġestjoni tal-baġit, jew fil-kontroll jew l-awditjar tal-baġit.

Bħala avukat iffukajt fuq id-difiża tad-drittijiet taċ-ċittadini ta' Malta fl-aspetti kollha tal-liġi u fl-isferi tad-drittijiet ċivili. Għalhekk, kien inevitabbli li, matul il-karriera professjonali tiegħi, kien hemm diversi drabi fejn kelli nittratta aspetti differenti tal-finanzi pubbliċi fil-kuntest ta' governanza tajba, bil-ħsieb speċifiku li niddefendi l-interessi taċ-ċittadini. Dawn l-aspetti kienu jirrigwardaw, pereżempju, evalwazzjonijiet żbaljati jew rifużjonijiet ta' taxxa fuq l-introjtu mhux dovuta, ksur ta' regoli tal-akkwist pubbliku, in-nuqqas ta' kundizzjonijiet ugwali fl-għoti ta' kuntratti pubbliċi, talbiet sabiex l-awtoritajiet pubbliċi jinżammu responsabbli meta jkunu kisru r-regolamentazzjoni finanzjarja u l-applikazzjoni ta' prinċipji tal-etika tax-xogħol u l-prinċipji ta' ġestjoni soda fil-liġijiet dwar il-kumpaniji matul l-eżerċizzju tal-attività, ir-riċevitura jew l-istralċ tal-kumpaniji kummerċjali.

Mill-1993 sal-1997 kont ukoll Viċi Sindku tal-Kunsill Lokali tal-Hamrun, li hija belt kbira f'Malta, u fl-ambitu tar-responsabbiltajiet tiegħi, fost kompiti oħra, kelli nikkontrolla li r-regolamenti dwar l-akkwist pubbliku kienu qed jiġu applikati u rispettati. Jien fassalt l-ewwel liġijiet lokali u mmaniġġjajt u organizzajt l-ewwel seduti tat-Tribunali Lokali. Ili mill-2008 nokkupa l-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, bħalissa fil-gvern, u kelli nimmonitorja d-dħul u l-infiq kemm tal-Organizzazzjoni Ċentrali kif ukoll ta' iktar minn sittin każin politiku. Il-Partit Laburista huwa l-uniku partit kbir li jippubblika l-kontijiet tiegħu u darba fis-sena l-Membri tal-Partit għandhom l-opportunità li jispezzjonaw il-kotba u jinformaw ruħhom dwar l-istat finanzjarju tal-Partit. Kont ukoll responsabbli għall-ġestjoni tajba u korretta ta' 39 Kunsill Lokali tal-Partit Laburista u żgurajt ir-rispett u l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' governanza tajba u r-regolamenti finanzjarji u dawk dwar l-akkwist pubbliku.

2.  X'inhuma l-iktar riżultati sinifikanti li ksibt tul il-ħajja professjonali tiegħek?

Matul it-33 sena bħala avukat, ipprattikajt mingħajr interruzzjonijiet quddiem il-Qrati ta' Malta. Jiena speċjalizzajt fil-litigazzjoni fl-oqsma kollha tal-liġi. F'ħafna każijiet li fihom kont konsulent legali ksibt deċiżjonijiet mingħajr preċedent.

Irrappreżentajt numru ta' azzjonisti b'minoranza f'Mid-Med Bank Plc, u ksibt inġunzjoni kontra l-gvern u HSBC Plc ta' akkwiżizzjoni minn din tal-aħħar li kienet se tiddeprezza konsiderevolment l-interessi ta' ekwità tal-azzjonisti b'minoranza. Jiena wkoll ġegħilt lill-Gvern jaħtar membri fit-Tribunal tal-Borża sabiex nikseb dikjarazzjoni li s-sospensjoni tan-negozjar tal-azzjonijiet fil-Borża ma kinitx raġonevoli, kienet oppressiva u bi ksur tat-trasparenza ta' drittijiet ta' ekwità tal-azzjonisti b'minoranza. Il-membri tat-Tribunal inħatru u nkisbet dikjarazzjoni favorevoli.

Kawża oħra kienet tikkonċerna l-eżerċizzju tal-"actio popolaris" kostituzzjonali, l-ewwel li qatt intuża fil-qrati Maltin. F'dan il-każ, jiena bdejt proċeduri biex nannulla liġi li ma kinitx talloka ħin ta' xandir fuq it-TV tal-Istat lill-partiti politiċi li ma kinux irrappreżentati fil-Parlament. Sostnejt li l-liġi inkwistjoni tmur kontra l-Kostituzzjoni u hija diskriminatorja u l-Qorti Kostituzzjonali ordnat lix-Xandir tal-Istat biex jirrikonoxxi d-dritt għal aċċess għal biżżejjed ħin ta' xandir lill-partiti politiċi kollha, b'mod partikolari matul il-kampanji elettorali.

F'każ ieħor, il-Qrati ddikjaraw li l-Kummissarju tal-Pulizija kien qed jaġixxi ultra vires, jiġifieri lil hinn mill-awtorità statutorja tiegħu u kiser ir-reġim regolatorju finanzjarju, meta talab garanzija bankarja sabiex tinħareġ liċenzja għas-servizz ta' vetturi bix-xufier. Bis-saħħa ta' din id-deċiżjoni, ħafna oħrajn ibbenefikaw u l-liġijiet kienu nbidlu b'mod li l-proċedura kollha kienet ġiet issimplifikata u saret aktar ġusta.

Minbarra dawn it-tliet każijiet, jien kont preżenti, bħala avukat, f'deċiżjonijiet ġudizzjarji li biddlu għadd ta' liġijiet, f'konformità mar-rispett għad-drittijiet taċ-ċittadini bħal pereżempju liġijiet dwar il-kera, drittijiet tal-familja u l-proċess dovut tal-liġi fil-qasam kriminali.

3.  X'esperjenza professjonali għandek ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet internazzjonali, multikulturali u multilingwi bbażati barra pajjiżek?

Matul iż-żmien tiegħi bħala avukat kont konsulent legali f'diversi każijiet li kienu jinvolvu ċittadini ta' pajjiżi terzi. Ħafna minn dawn il-każijiet ikkonċernaw immigranti li kienu qed ifittxu ażil jew viża ta' residenti, kemm quddiem il-qrati ordinarji kif ukoll quddiem il-bord ta' evalwazzjoni taċ-ċittadinanza. Oħrajn ikkonċernaw kwistjonijiet ta' kumpaniji li kienu l-proprjetà ta' ċittadini Maltin u ċittadini ta' pajjiżi terzi b'mod konġunt jew kienu ġestiti b'mod konġunt minn ċittadini Maltin u ċittadini ta' pajjiżi terzi.

Fl-1982 qattajt għadd ta' xhur f'Calcutta (l-Indja), fejn wettaqt attività ta' volontarjat għall-kura tal-fqar u dawk nieqsa minn kollox. Matul dan il-perjodu ħdimt ukoll fi sptar fejn kienu jieħdu ħsieb il-pazjenti milquta mil-lebbra. Fl-1983, għal numru ta' xhur, ħdimt fil-missjoni ta' Malta fi New York biex nipprovdi għajnuna legali. Dan kien matul it-38 sessjoni tal-Assemblea Ġenerali. Matul iż-żjara tiegħi fi New York, attendejt għadd ta' fora u sessjonijiet b'rabta mal-ġlieda kontra l-mibegħda razzjali u l-integrazzjoni fis-soċjetà ta' denominazzjonijiet multikulturali u ċaqliq ta' nies. Attendejt ukoll għadd ta' seminars barra minn Malta, fost l-oħrajn f'Magill University, il-Kanada, dwar id-diverġenzi fil-kunċetti ġuridiċi. F'dik l-okkażjoni kont interlokutur bejn studenti tal-Common Law u dawk tal-Liġi Ċivili, peress li s-sistema ġuridika Maltija hija taħlita ta' dawn iż-żewġ sistemi. Is-sena li għaddiet ħadt sehem f'sett ta' workshops, organizzati minn Eversheds, dwar il-limitazzjonijiet tal-fruntieri bil-parteċipazzjoni ta' esperti legali minn madwar id-dinja kollha. Matul dawn l-aħħar tliet snin, kont ukoll membru ta' delegazzjoni intiża li tippromwovi d-djalogu bejn l-Italja u Malta dwar kwistjonijiet ta' interess komuni tar-riżorsi naturali fl-ilmijiet ta' madwar iż-żewġ pajjiżi.

Kemm matul il-kariga tiegħi bħala wieħed mill-kofundaturi tal-Alternattiva Demokratika (Il-Partit tal-Ħodor) u bħala Deputat Mexxej tal-Partit Laburista, ħadt sehem f'numru ta' konferenzi u seminars Ewropej. Bħala deputat mexxej tal-Partit Laburista, ġejt inkarigat b'mod regolari li nirċievi rappreżentanti u delegazzjonijiet minn partiti Ewropej oħra u li naħdem flimkien magħhom. Kont ukoll kap ta' delegazzjonijiet tal-partit lejn pajjiżi li mhumiex fl-UE. Matul dan il-perjodu, jien anke attendejt Konferenzi Ġenerali ta-Partiti Laburisti u Soċjalisti barra mill-pajjiż.

Ovvjament nitkellem bil-Malti, il-lingwa materna tiegħi li hija lingwa semitika b'affinità lingwistika kbira mal-lingwa Għarbija. Għandi għarfien eċċellenti tal-Ingliż u t-Taljan, anki fil-livell tal-kitba. Għandi għarfien tajjeb tal-Franċiż.

4.  Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet amministrattivi li kont twettaq preċedentement, jekk tapplika proċedura ta' dan it-tip?

Bħala avukat li jaħdem għal rasu, il-proċedura ta' għoti ta' kwittanza qatt ma applikat għalija. Għall-attivitajiet pubbliċi kollha, dejjem ingħatajt kwittanza mingħajr kwalunkwe kumment jew riżerva.

5.  Liema mill-pożizzjonjiet professjonali preċedenti tiegħek kienu r-riżultat ta' ħatra politika?

Mill-1996 sal-1999 kont Membru tal-Kummissjoni dwar l-Impjiegi ta' Malta, korp ġudizzjarju indipendenti mwaqqaf taħt il-kostituzzjoni. Dan huwa magħmul minn ħames membri, li tlieta minnhom jinħatru mill-President tar-Repubblika wara li jikkonsulta mal-Prim Ministru. Jien kont wieħed minn dawk it-tliet Membri li nħatru. Bħalissa jiena wkoll konsulent tal-Prim Ministru dwar kwistjonijiet soċjali.

6.  X'inhuma l-iktar tliet deċiżjonijiet importanti li kont involut fihom fil-ħajja professjonali tiegħek?

L-ewwel deċiżjoni importanti kienet meta bdejt nipprattika bħala avukat fl-1984. Ġejt offrut impjieg fis-settur privat, offerta li, għal avukat li għadu kemm beda jeżerċita l-professjoni legali tiegħu, kienet pjuttost attraenti. Minflok, iddeċidejt li naħdem għal rasi. Ir-raġuni għal din id-deċiżjoni kienet il-biża' li nitlef l-indipendenza personali u professjonali tiegħi. Konsegwentement stabbilejt l-uffiċju legali tiegħi stess. Huwa uffiċċju żgħir iżda ta' suċċess fil-qasam tal-litigazzjoni.

It-tieni deċiżjoni kienet meta ddeċidejt li ma nibqax fi ħdan il-Partit Laburista fl-1989. Minħabba numru ta' żviluppi mhux mixtieqa fi ħdan il-Partit, jien ħassejt li l-integrità u l-prinċipji politiċi kienu jkunu kompromessi kieku bqajt. Irriżenjajt mill-post ta' President tal-Partit flimkien mal-Whip Parlamentari wara li kont appellajt għal riforma tal-Partit u dan l-appell ġie injorat. Meta ħadt din id-deċiżjoni, jiena rriskjajt li nippreġudika l-professjoni tiegħi.

It-tielet deċiżjoni importanti kienet li nikkontesta u niġi elett għall-kariga ta' Deputat Mexxej tal-Partit Laburista fl-2008. Din il-kariga teħtieġ sigħat twal ta' xogħol u tensjoni kbira, speċjalment meta l-elezzjonijiet ikunu viċin. F'Malta l-elezzjonijiet huma partiġġjani ħafna. Irnexxieli nwettaq il-funzjonijiet ta' din il-kariga u neżerċita l-professjoni tiegħi fl-istess ħin. Jien minn dejjem kont kapaċi naqla' l-għajxien tiegħi mill-professjoni legali tiegħi waqt li l-kariga ta' Deputat Mexxej fil-każ tiegħi minn dejjem kienet totalment mingħajr remunerazzjoni.

Indipendenza

7.  It-Trattat jistipula li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jridu jkunu "kompletament indipendenti" fil-qadi ta' dmirijiethom. Kieku inti kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Jien se naġixxi b'imparzjalità, oġġettività u integrità assoluta.  Jien ġejt imħarreġ sabiex nirrispetta b'mod sħiħ u nosserva l-istat tad-dritt u tgħallimt nimxi mal-prinċipju tal-kolleġġjalità fil-proċess deċiżjonali u nevita jew nuri kwalunkwe kunflitt ta' interess li jista' jkolli.

8.  Inti jew qrabatek intimi (ġenituri, aħwa, sieħeb/sieħba legali u tfal) għandek jew għandhom xi parteċipazzjoni tan-negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Le, xejn affattu.

9.  Lest tiżvela l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u impenji oħra li jista' jkollok lill-President tal-Qorti, u li tagħmilhom pubbliċi?

Iva, mingħajr ebda riżerva.

10.  Inti involut f'xi proċedimenti legali kurrenti? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Iva għandi numru ta' proċedimenti ċivili kontra tiegħi fil-kapaċità tiegħi ta' editur. Għandu jiġi indikat b'mod ċar li dawn mhumiex kontra tiegħi bħala persuna privata, iżda kontra tiegħi fil-kapaċità tiegħi bħala rappreżentant legali tal-gazzetta ta' kull nhar ta' Ħadd li hija proprjetà tal-Partit Laburista. F'Malta, il-proċeduri ta' libell, bħal f'ħafna pajjiżi oħra, huma għal finijiet ta' legalità biss diretti kontra l-editur bħala l-konvenut u peress li jiena rreġistrat bħala l-editur tal-Gazzetta mar-Reġistratur tal-Istampa, niġi inevitabbilment iċċitat bħala konvenut. Dawn jikkonsistu f'kawżi ċivili ta' natura ċivili biss. Għalhekk bħala l-editur irreġistrat legalment ta' gazzetta ta' nhar ta' Ħadd, bl-isem ta' "Kulhadd", li hija l-gazzetta uffiċjali tal-Partit Laburista, jien ġejt iċċitat f'din il-kapaċità biss.

11.  Għandek xi rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika, u, jekk iva, f'liema livell? Okkupajt xi pożizzjoni politika f'dawn l-aħħar 18-il xahar? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Iva, s'issa kont id-Deputat Mexxej (responsabbli għal affarijiet tal-Partit) tal-Partit Laburista. Din kienet pożizzjoni mhux remunerattiva. Matul il-mandat tiegħi, għall-ewwel darba fl-istorja ta' Partit Laburista, introduċejt dispożizzjoni leġizlattiva li tipprevedi li d-detentur ta' din il-kariga ma jistax jikkontesta fl-elezzjonijiet lokali kif ukoll f'dawk tal-Parlament Ewropew. Jien kont responsabbli mill-ġestjoni tal-Partit għal dak li jirrigwarda r-rwoli u l-funzjonijiet importanti tiegħu, bħalma huma l-għażla tal-kandidati elettorali, l-iżgurar ta' governanza tajba ta' Kunsilli Lokali, sezzjonijiet politiċi fi ħdan l-istrutturi tal-partit nazzjonali , avvenimenti nazzjonali u s-sorveljanza tat-tħaddim ġenerali tal-partit.

12.  Tirtira minn kull kariga uffiċjali li kont elett għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b'responsabbiltajiet f'partit politiku jekk tinħatar Membru tal-Qorti?

Iva. Jien diġà ħabbart dik id-deċiżjoni lill-partit u l-partit diġà jinsab fil-proċess li jaħtar is-suċċessur tiegħi.

13.  Kieku kif titratta irregolarità maġġuri jew saħansitra każ ta' frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvu persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

Il-frodi, il-korruzzjoni u l-irregolaritajiet gravi ma jafux fruntieri jew nazzjonalità. Jekk persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħi jkunu involuti f'atti bħal dawn, naġixxi bl-aktar mod inflessibbli u nirrapporta l-kwistjoni lill-awtoritajiet kompetenti b'mod konformi mal-obbligi tiegħi bħala Awditur tal-Qorti tal-Awdituri.

Qadi ta' dmirijiet

14.  X'għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku? Il-QEA b'liema mod tista' tgħin fl-infurzar ta' din il-kultura?

L-element fundamentali huwa sempliċement kultura ta' governanza tajba, li madankollu mhuwiex daqstant sempliċi li titwettaq fid-dinja reali. It-tliet prinċipji bażiċi tagħha huma t-trasparenza, ir-responsabbiltà u l-għarfien ta' sens kbir ta' dover lejn il-pubbliku. Biex jinkiseb dan, hemm bżonn ta' ġestjoni korretta u soda tal-finanzi pubbliċi li tista' tiġi suġġetta għall-iskrutinju tal-pubbliku. Barra minn hekk, trid tkun ibbażata fuq titjib perċettibbli u kostanti tal-kwalità tar-riżultati u s-servizzi li ċ-ċittadini ġustament jistennew mis-Servizz Pubbliku, peress li dawn huma ffinanzjati mill-kontribwenti.

Reġim regolatorju ċar tar-regoli finanzjarji huwa essenzjali wkoll sabiex jiggarantixxi li s-Servizz Pubbliku jopera skont il-prinċipji ta' governanza tajba, li r-riżultati u s-servizzi tiegħu jintużaw tajjeb mill-benefiċjarji tiegħu u li l-għanijiet maqbula tal-politiki jintlaħqu. Ir-responsabbiltà u t-trasparenza m'għandhomx jintużaw minflok xulxin, minkejja li ma jistax ikun hemm responsabbiltà mingħajr trasparenza. Fl-istadji kollha, il-ftuħ u t-trasparenza għandhom jiġu sostnuti matul l-istadji kollha tal-proċess meta l-awtoritajiet ikunu qed jinżammu responsabbli. Li tagħmel żball huwa uman, u meta tħalli n-nies taf bl-iżbalji tiegħek stess dan inissel fiduċja. U ħafna aħjar li tħalli l-pubbliku isiru jaf bl-iżbalji, milli meta l-pubbliku jsir jaf, pereżempju permezz tal-midja, li inti pprovajt taħblihom. 

Barra minn hekk, il-finanzjament għandu jkun dirett lejn it-twettiq tal-prijoritajiet reali fi ħdan il-qafas finanzjarju prestabbilit. Jirriżulta li deċiżjonijiet mijopiċi intiżi biex jinkisbu vantaġġi politiċi fuq perjodu qasir huma l-kawża prinċipali ta' nfiq pubbliku kontestabbli, u li fit-tul ikunu negattiv ħafna għal dawk li jagħmluhom. Għalhekk aġent estern b'saħħtu li jesponi fi żmien debitu dawn it-tip ta' deċiżjonijiet huwa essenzjali għal kultura ta' ġestjoni finanzjarja soda fis-servizz pubbliku. F'dan ir-rigward, il-kosteffettività u l-massimizzazzjoni tal-użu tal-aqwa riżorsi umani huma essenzjali għal ġestjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe sistema ta' nfiq.  F'dinja fejn l-isfiduċja tal-pubbliku fl-istituzzjonijiet finanzjarji kibret wara sensiela ta' kriżijiet finanzjarji fuq livell globali, it-trawwim ta' fiduċja akbar fis-settur pubbliku sar sine qua non għal funzjonament tajjeb tal-Istituzzjonijiet li jirregolaw iċ-ċittadini. Il-QEA hija l-istrument adatt biex iwettaq din il-ħidma fi ħdan l-istrutturi istituzzjonali f'diversi livelli tal-UE u tar-relazzjoni tiegħu mal-Istati Membri.

Madankollu, hemm ukoll dimensjoni politika għall-kwistjoni li hija essenzjali għall-istabbiltà ekonomika kollha kemm hi: il-leġittimità demokratika. In-nuqqas ta' ġestjoni finanzjarja soda twassal għall-perċezzjoni li l-istituzzjonijiet demokratiċi mhumiex qed jaħdmu sew, kemm jekk huma eletti direttament, bħall-Parlament Ewropew, u kemm jekk huma rappreżentattivi b'mod indirett, bħall-Kummissjoni jew il-Kunsill. Sensazzjoni ġenerali ta' skuntentizza ekonomika kienet dik li ħabbret il-miġja ta' formazzjonijiet politiċi u movimenti mhux demokratiċi. Ġestjoni ħażina tal-flus tal-kontribwenti tpoġġi f'dubju s-sistema demokratika fit-totalità tagħha. Hemm dik li nsejħilha perċezzjoni negattiva mifruxa ma' kullimkien b'mod indiskriminat li l-finanzi fl-Istituzzjonijiet kollha mhumiex qed jiġu ġestiti tajjeb. In-nies ma jiddistingwixxux bejn dik l-Istituzzjonijiet li mhix tiffunzjona sew u dawk li qed jiffunzjonaw sew. Iċ-ċittadini jqiegħdu l-Istituzzjonijiet f'borma waħda, kemm dawk tal-Istati Membri kif ukoll dawk tal-Unjoni Ewropea, minkejja li Istituzzjonijiet oħra jistgħu jkunu qed jaħdmu sew.

F'dan il-kuntest, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha pożizzjoni unika. Bħala korp ta' awditjar estern, il-Qorti tikkonferixxi fiduċja fl-istituzzjonijiet demokratiċi tal-Unjoni Ewropea. Ġiet deskritta bħala l-"kuxjenza ta' integrità" tal-Unjoni Ewropea. Il-Qorti Ewropea tal-Awdituri diġà qed tagħti r-risposta t-tajba għad-domanda perenni "Qui custodiet ipsos custodet?" (Min se jgħasses il-gwardjani tagħna?) bil-ħidma imprezzabbli li hija wettqet minn meta twaqqfet fl-1977. Bil-corpus tar-rapporti annwali tagħha, ir-rapporti speċifiċi, ir-rapporti speċjali, l-opinjonijiet u l-esperjenza akkumulata tul l-erbgħin sena ta' eżistenza tagħha, hija f'pożizzjoni li tagħti parir u gwida, u li tiftaħ għajnejn dawk responsabbli mill-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Jekk l-atturi u l-partijiet interessati kollha jagħtu attenzjoni għal dak li tgħid il-Qorti u li għandha tgħid, il-katina kumplessa tal-infiq tal-baġit bla dubju tittejjeb minn fuq s'isfel.

15.  Skont it-Trattat, il-Qorti għandha l-obbligu li tassisti lill-Parlament huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku inti kif tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu) biex issaħħaħ sew is-sorveljanza pubblika fuq l-infiq ġenerali kif ukoll il-kosteffettività ta' dak l-infiq?

Ir-Rapport Annwali tal-Awditjar dwar l-implimentazzjoni tal-baġit flimkien mat-tant mistennija dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni, huwa ppreżentat mill-Qorti tal-Awdituri u jibqa' l-qofol ta' assistenza lill-Parlament fl-iskrutinju tal-prestazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-infiq tal-baġit qabel ma jagħti l-kwittanza lill-Kummissjoni. Huwa jagħti lill-Parlament l-għodda xierqa biex jeżamina l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-grad ta' adeżjoni mar-reġim regolatorju, b'mod partikolari mar-Regolament Finanzjarju.

L-għan ewlieni tad-DAS hu li l-partijiet interessati, l-iktar il-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri iżda wkoll iċ-ċittadini tal-UE inġenerali, jiġu pprovduti b'evalwazzjoni u opinjoni dwar il-mod li bih ikunu ntefqu l-flus tal-UE. L-osservazzjonijiet li l-Qorti tagħmel vis-a-vis l-legalità tat-tranżazzjonijiet f'sena baġitarja partikolari jservu bħala mezz xieraq sabiex fil-futur jiġu evitati l-iżbalji. F'dan ir-rigward, fis-sejbiet tal-Qorti l-Parlament isib l-għodda adatta biex jagħmel pressjoni fuq il-Kummissjoni sabiex teżerċita aktar attenzjoni u tevita żbalji fil-futur.

L-ebda istituzzjoni oħra mhija f'pożizzjoni aqwa biex tipprovdi lill-Parlament, u b'mod partikolari lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu, b'informazzjoni u opinjonijiet inestimabbli dwar ir-riżultati miksuba mill-politiki tal-Unjoni. B'dan il-mod, il-Parlament se jkun f'pożizzjoni aħjar biex itejjeb il-prestazzjoni u l-effikaċja ta' operazzjonijiet iffinanzjati mill-komunità, isaħħaħ il-proċess tal-valutazzjoni komparattiva u jevalwa l-effett tal-politiki tal-Unjoni fuq l-Istati Membri. Issa li hemm Membru tal-Qorti responsabbli għall-Istituzzjonijiet, is-Sur Ville Itala, sar aktar possibbli li jkun hemm kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Qorti u l-Parlament u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu. Kuntatt kostanti bejn it-tnejn se jkun ta' benefiċċju għaż-żewġ istituzzjonijiet u se jsaħħaħhom.

Qed nirreferi għar-Rapport Internazzjonali ta' Evalwazzjoni bejn il-Pari tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri tal-2014 fejn saru numru ta' suġġerimenti għaqlija għat-titjib tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit). Dan jissuġġerixxi li l-Membri tal-QEA responsabbli għal kull rapport speċjali jippreparaw u jsegwu d-diskussjonijiet dwar ir-Rapporti Speċjali mill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit. Fost suġġerimenti oħra, jiddikjara wkoll li l-QEA għandha tqis li tagħmel l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tagħha s-suġġett ta' diskussjoni parlamentari lil hinn mill-proċedura ta' kwittanza.

16.  X'valur miżjud taħseb li jġib miegħu l-awditjar tal-prestazzjonijiet, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-amministrazzjoni? Ħafna ċittadini tal-UE huma taħt l-impressjoni li dawn ma għandhomx valur tajjeb għal flus li huma qed iħallsu permezz tat-taxxi lill-UE.

Huwa stmat li kull ċittadin tal-UE jikkontribwixxi bejn wieħed u ieħor bejn EUR 280 u EUR 300 għall-baġit tal-UE fis-sena. Kif qal awtur, l-impressjoni ġenerali hija li, minn naħa, li "l-fondi Ewropej jiġu mix-xejn u li, għaldaqstant, jikkostitwixxu tip ta' 'manna' li wieħed jista' jieħu vantaġġ minnha". Min-naħa l-oħra, li "s-sistema ta' Brussell hija meqjusa bħala ħofra burokratika mostruża li fiha l-flus jitberbqu mingħajr kontroll". Għalkemm it-tliet stadji ta' awditjar validu, jiġifieri il-Finanza, il-Konformità u l-Prestazzjoni, jistgħu jikkontribwixxu għal fehim ġenerali aħjar tal-funzjonament tal-Unjoni Ewropea fil-qasam tal-infiq tal-baġit, l-awditjar tal-prestazzjoni kiseb importanza kbira biex ineħħi l-impressjonijiet negattivi dwar l-UE.

L-awditjar tal-prestazzjoni jikkontribwixxi b'mod attiv biex jiġi stabbilit jekk il-politiki t-tajba hux qed jiġu segwiti sabiex jintlaħqu l-objettivi ġusti. Huwa f'dan il-kuntest li t-tliet Ejiet jsibu l-applikazzjoni tagħhom: ekonomija, effiċjenza u effikaċja f'kif l-entitajiet ikunu qed jiffunzjonaw fi ħdan l-istrutturi tal-UE. L-awditjar tal-prestazzjoni jipprovdi l-aħjar mekkaniżmu biex jiġu deliberati l-prattiki attwali u jiġu identifikati n-nuqqasijiet tagħhom, u għalhekk jifforma l-bażi għal titjib b'mod aktar razzjonali u organiku. Dan se jservi bħala mezz biex l-interventi meħtieġa jsiru mhux bħala ġestjoni tal-kriżijiet, iżda b'mod aktar ordnat u sistematiku.

Iżda l-kwistjoni ma tispiċċax hawn. Is-suċċess ta' bidla ma jinsabx fil-proposta li twassal għal dik il-bidla, iżda fis-segwitu tal-effetti ta' dik il-bidla. Għalhekk l-istabbiliment ta' mekkaniżmu ta' segwitu huwa sine qua non għal kwalunkwe bidla li tirnexxi. Għarfien dwar kif il-bidliet affettwaw il-partijiet interessati se jkomplu jtejbu l-ġestjoni tan-nefqa pubblika. L-awditjar tal-prestazzjoni fih biżżejjed informazzjoni li tista' twassal għal dan il-mekkaniżmu.

Dimensjoni ta' awditjar tal-prestazzjoni, li s'issa għadha xi ftit sottovalutata, hija l-valur didattiku tiegħu. Lill-partijiet interessati kollha tipprovdilhom sejbiet empiriċi u materjal akkumulat matul l-istadji differenti tal-awditjar tal-prestazzjoni mill-Qorti. Fi kliem ieħor, il-partijiet interessati kollha jistgħu jitgħallmu minn ir-riżultat finali ta' awditjar tal-prestazzjoni. Jekk ikunux kollha jew biss xi wħud minnhom li jieħdu vantaġġ minn din l-opportunità hija kwistjoni oħra.

17.  Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward l-awditjar tal-baġit tal-UE?

Il-prinċipji ġenerali biex jintlaħaq dan l-għan huma diġà stabbiliti fl-Artikolu 287(3) tat-Trattat. Fis-sempliċità tiegħu, dan l-Artikolu jesiġi li (1) fl-Istati Membri l-awditu għandu jitwettaq flimkien ma' korpi nazzjonali tal-awditjar u (2) li dawn il-korpi għandhom jikkooperaw mal-Qorti tal-Awdituri u viċi versa, fi spirtu ta' fiduċja filwaqt li jżommu l-indipendenza tagħhom.

Għal dan l-għan, kemm EUROSAI kif ukoll il-kumitat ta' kuntatt tagħha jistgħu jservu bħala fora eċċellenti u bħala opportunità reali biex tiġi promossa sinerġija effikaċi bejn iż-żewġ istituzzjonijiet ta' awditjar bl-għan li jittejbu l-metodi għal monitoraġġ aħjar tal-aġenti li jimplimentaw il-baġit. Għal dan l-għan, il-fluss ta' informazzjoni kostanti, miksub permezz ta' dawn il-laqgħat, mill-Qorti tal-Awdituri lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, se jżomm dan tal-aħħar aġġornat dwar l-iżvilupp bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar, se jippermetti lill-Parlament jagħti r-reazzjonijiet tiegħu u feedback kostruttiv kull meta dan ikun meħtieġ. B'dan il-mod, wieħed ikun qed jirfed l-analiżi tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

L-interazzjoni tripartitika bejn il-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Parlament (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) u l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar, u dan fid-dawl tal-fatt li kważi 80 % tal-baġit tal-UE jidħol fl-ambitu tal-ġestjoni kondiviża, tappella għal aktar fehim dwar kif taħdem din ir-relazzjoni kumplessa, u b'mod partikolari r-rwol tal-kontrolli u l-bilanċi. Għal dan l-għan, inizjattivi ad hoc bħal konferenzi u fora bil-parteċipazzjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, fejn il-partijiet interessati kollha jkollhom l-opportunità li jiltaqgħu u jiskambjaw ideat, irawmu ambjent aktar b'saħħtu fil-qasam tal-kooperazzjoni bejn il-Qorti, il-Kumitat u l-Istati Membri. Inizjattivi bħal dawn se jipprovdu wkoll l-opportunità li jiġu diskussi l-metodi ta' segwitu sabiex jiġu implimentati l-proposti u r-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti.

Minħabba n-natura konsultattiva tagħha, il-Qorti Ewropea tal-Awdituri inevitabbilment għandha bżonn l-għajnuna ta' istituzzjonijiet oħra jekk trid tkun effettiva. F'dan ir-rigward il-Qorti Ewropea tal-Awdituri għandha titqies bħala alleat Istituzzjonali naturali tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, peress li t-tnejn li huma jikkondividu l-ambitu: dak ta' tfittix għal metodi ta' kontroll biex jiġi ssorveljat l-infiq tal-baġit, u jiġi vverifikat li teżisti sistema soda ta' ġestjoni finanzjarja fil-livelli u fl-istadji kollha ta' nfiq tal-baġit.

Madankollu, sabiex jiġu żgurati ir-rispett reċiproku u l-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament, huwa essenzjali li l-indipendenza tal-Qorti tkun garantita. Iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom bżonn xulxin, iżda l-ebda waħda minnhom ma tiddependi fuq l-oħra.

18.  Kieku inti kif tiżviluppa iktar ir-rapportar tal-QEA biex il-Parlament Ewropew jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea?

Apparti minn numru ta' rapporti ppreżentati matul is-sena, wieħed mill-aktar dokumenti importanti li jipprovdi informazzjoni vitali lill-Parlament Ewropew biex janalizza u jevalwa r-responsabbiltà tal-Kummissjoni fl-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE, huwa - mingħajr l-iċken dubju - ir-Rapport Annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE. Ir-Rapporti Annwali fihom informazzjoni ta' siwi inestimabbli dwar kif l-Istati Membri joperaw fl-implimentazzjoni tas-sehem tagħhom tal-baġit fil-kuntest, fost affarijiet oħra, ta' sistema ta' ġestjoni kondiviża mal-Kummissjoni.

Waqt it-tħejjija tar-rapporti annwali tal-attività, id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni prinċipalment joqogħdu fuq is-sorsi ta' informazzjoni pprovduti mill-Istati Membri. Meta l-Qorti tal-Awdituri tanalizza l-affidabbiltà tal-informazzjoni akkwistata, ċerti ineżattezzi dejjem joħorġu fir-rapport. L-għeruq tal-problemi huma fil-biċċa l-kbira tort tal-Istati Membri li jipprovdu informazzjoni ineżatta lill-Kummissjoni.

Ir-rapporti tal-Qorti tal-Awdituri jitfgħu dawl fuq is-sistemi interni ta' awditjar tal-Istati Membri, il-mod kif jaħdmu l-istituzzjonijiet nazzjonali tal-awditjar estern, il-mod ta' superviżjoni ta' attivitajiet iffinanzjati mill-UE amministrati minn aġenti nazzjonali, il-mekkaniżmu tal-ġbir tad-dejta tagħhom u s-sistema ġenerali tagħhom ta' governanza tajba. L-informazzjoni akkwistata mill-QEA matul it-tfassil tar-Rapport Annwali tagħha kif ukoll rapporti oħra, ma tikkostitwixxix biss materjal prezzjuż li jgħin biex jiġu identifikati n-nuqqasijiet ta' kwalunkwe sistema ta' ġestjoni finanzjarja fi Stat Membru, iżda wkoll jgħin biex il-Parlament isaħħaħ il-fehim tiegħu ta' kif il-Kummissjoni, fil-kuntest ta' ġestjoni kondiviża, qed taħdem. Fid-dawl ta' dan, laqgħat frekwenti, formali jew le, bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament Ewropew għandhom jitħeġġu. S'issa huma jorganizzaw laqgħa annwali waħda.

Kuntatti frekwenti bejn dawn iż-żewġ istituzzjonijiet għandhom jipprovdu tweġibiet għall-mistoqsijiet dwar għaliex il-Qorti tal-Awdituri fir-Rapport tal-Awditjar Annwali tal-2014 tagħha ħasset il-ħtieġa li twiddeb l-Istati Membri peress li naqsu "li jużaw l-informazzjoni disponibbli għalihom". Li kieku għamlu dan "setgħu jevitaw jew jidentifikaw u jikkoreġu l-iżbalji qabel ma saru żbalji relatati." Minkejja li l-Istati Membri kellhom tal-għodod istituzzjonali xierqa sabiex jevitaw żbalji fil-ġestjoni tal-fondi, fil-mument tal-ħlas jew ir-rifużjonijiet lill-benefiċjarji, huma naqsu milli jużaw dawn l-għodod. Huwa importanti li l-Parlament ikun jaf għaliex dawn in-nuqqasijiet qed jerġgħu jitfaċċaw f'kull Rapport Annwali.

Konsegwentement, il-Qorti tal-Awdituri tagħmel tajjeb li tkompli tesponi n-nuqqasijiet kemm fir-rigward tal-Kummissjoni kif ukoll tal-Istati Membri. Il-Qorti għandha b'mod konsistenti tispjega fid-dettall lill-Parlament, x'inhuma dawn in-nuqqasijiet u fiex jikkonsistu. Il-Qorti għandha tipprovdi wkoll il-mod ta' kif dawn jistgħu jiġu indirizzati biex ma jerġgħux iseħħu fil-futur. F'dan ir-rigward, il-Parlament għandu rwol importanti mhux biss rigward tal-kwittanza tal-Kummissjoni, iżda wkoll li jippermetti li kull Membru tal-Parlament jista' jinsisti mal-gvern tiegħu li r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA għall-evitar ta' żbalji futuri għandhom jiġu strettament osservati. L-indirizzar tal-problema mill-għeruq tagħha huwa l-aħjar mod biex tiġi evitata tensjoni bejn id-diversi livelli tal-qafas istituzzjonali tal-UE, jitnaqqsu l-iżbalji u jiġi żgurat li l-fondi kollha jkunu laħqu d-destinazzjoni korretta tagħhom u għalhekk qed jagħtu valur tajjeb tal-flus liċ-ċittadini tal-UE kemm bħala benefiċjarji netti kif ukoll bħala kontribwenti netti tal-Istati Membri.

Il-laqgħa annwali bejn il-Qorti u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit għalhekk hija avveniment pożittiv. Din hija waħda mill-fora adatti fejn il-qorti tista' tgħarraf lill-Kumitat direttament dwar in-nuqqasijiet u d-dgħjufijiet tas-sistema li ripetutament tikkontribwixxi għal marġini ogħla ta' żbalji lil hinn mil-livell limitu ta' materjalità. F'din il-laqgħa, il-Qorti tista' tispjega aktar dwar jekk il-miri u l-għanijiet ta' finanzjament humiex qed jintlaħqu u jekk le tispjega r-raġuni għal dan. Dawn il-laqgħat jistgħu jiġu ttrasformati f'tip ta' sessjoni ta' informazzjoni.

Mistoqsijiet oħra

19.  Tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?

Meta nnominani bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri, il-Prim Ministru ta' Malta wera li għandu fiduċja kbira fija li nirrispetta u niddefendi l-prinċipji ta' indipendenza, integrità u unur li jirregolaw il-ħidma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri.

Inħoss li huwa dmiri li nikseb l-istess fiduċja mill-Parlament Ewropew u l-Kumitat għall-Kontroll tagħha sabiex inkun f'pożizzjoni li nirrispetta u niddefendi dawn il-prinċipji li huma essenzjali għall-kredibbiltà u r-reputazzjoni tal-Qorti tal-Awdituri u li jiffurmaw il-bażi għal kooperazzjoni effettiva u leali mal-Parlament Ewropew.

Jekk il-Parlament isib oġġezzjoni maġġuri f'dawn il-punti fir-rigward tan-nomina tiegħi għall-Qorti tal-Awdituri, jien nħossni obbligat li nirtira l-kandidatura tiegħi.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

9

17

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Karin Kadenbach, Andrey Novakov, Julia Pitera, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga

Avviż legali - Politika tal-privatezza