Proċedura : 2015/0814(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0059/2016

Testi mressqa :

A8-0059/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/04/2016 - 11.5
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0115

RAPPORT     
PDF 722kWORD 192k
17.3.2016
PE 576.857v02-00 A8-0059/2016

dwar il-ħatra proposta ta' Mihails Kozlovs bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0411/2015 – 2015/0814(NLE))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Igor Šoltes

PR_NLE_art108

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-ħatra proposta ta' Mihails Kozlovs bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri

(C8-0411/2015 – 2015/0814(NLE))

(Konsultazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0411/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0059/2016),

A.  billi l-Kumitat tal-Parlament għall-Kontroll tal-Baġit evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;

B.  billi waqt il-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Marzu 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

1.  Jagħti opinjoni favorevoli dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Mihails Kozlovs bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-awditjar tal-Istati Membri.

ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ ta' Mihails Kozlovs

Professjonist indipendenti, kwalifikat u motivat, b'aktar minn 15-il sena esperjenza profonda fil-qasam tat-tfassil tal-politika ekonomika fil-livell nazzjonali u tal-UE, il-baġit tal-UE, il-finanzi pubbliċi, l-amministrazzjoni pubblika, ir-relazzjonijiet istituzzjonali, l-attivitajiet bankarji għall-iżvilupp, id-diplomazija, ir-rappreżentazzjoni, il-komunikazzjoni kif ukoll il-ġestjoni ta' riżorsi umani, ta' tibdil u ta' proġetti, b'netwerk għani ta' kuntatti fil-livelli kollha fl-istituzzjonijiet tal-UE, flimkien mal-ksib ta' MBA eżekuttiv ta' prestiġju.

ESPERJENZA PROFESSJONALI

Viċi Direttur (Ekonomija, Finanzi, Baġit tal-UE - ECOFIN), Konsulent

Ministeru tal-Finanzi tal-Latvja u r-Rappreżentanza Permanenti tal-Latvja għall-UE

Minn April 2012

Brussell

•  Konsulenza lill-Prim Ministru, lill-Ministru tal-Finanzi, lir-Rappreżentant Permanenti.

•  Tmexxija ta' negozjati ta' livell għoli u kumplessi mal-partijiet interessati dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) u l-assistenza finanzjarja lill-Ukrajna.

•  Tfassil ta' aġenda strateġika u tħejjija sostanzjali ta' laqgħat ta' kull xahar tal-Ministri tal-Finanzi tal-UE (ECOFIN).

•  Kontribut għat-tfassil u l-implimentazzjoni tal-istrateġija għall-adeżjoni tal-Latvja għall-euro.

Konsulent għad-Direttur tal-Bord Eżekuttiv (rappreżentant tal-Finlandja, in-Norveġja u l-Latvja)

Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp

Ottubru 2010 – April 2012

Londra

•  Evalwazzjoni ta' proposti politiki strateġiċi u operattivi fir-rigward tal-objettivi tal-Bord. Ħidma fil-kumitati tal-Bord għall-Baġit u għall-Affarijiet Amministrattivi u għall-Politiki Finanzjarji u Operazzjonali.

•  Evalwazzjoni tal-prestazzjoni u l-valur miżjud tal-proġetti tal-Bank fir-rigward tal-mandat tiegħu. Ħidma fil-Kumitat tal-Awditjar

•  Analiżi sħiħa tal-proġetti ta' investiment.

Konsulent (ekonomija, finanzi, baġit tal-UE, tassazzjoni)

Rappreżentanza Permanenti tal-Latvja għall-UE

Mejju 2003 – Ottubru 2010

Brussell

•  Konsulenza politika u proċedurali diretta, ex-ante u fuq il-post, lid-delegazzjoni nazzjonali għall-Kunsill Ewropew, għall-Kunsill ECOFIN, għall-Kumitat Ekonomiku u Finanzjarju u għall-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti dwar il-fajls tal-ECOFIN.

Direttur, Dipartiment għall-Integrazzjoni Ewropea, Ministeru tal-Finanzi, Riga

Kap tal-Unità, Unità għall-integrazzjoni mal-UE, Ministeru tal-Finanzi, Riga

Jannar 2002 – Mejju 2003

Frar 2001 – Jannar 2002

Trainee

Kummissjoni Ewropea, id-Direttorat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji

Jannar 2000 – April 2000

Brussell

Diversi pożizzjonijiet fil-livell ta' dħul fis-setturi privati u pubbliċi, u fil-qasam akkademiku

Ġunju 1996 – Diċembru 1999

EDUKAZZJONI

MBA Eżekuttiv, City University London, Cass Business School, Londra.

Gradwat b'distinzjoni

2011-2014

 

Masters fix-Xjenzi Soċjali fl-Università tal-Latvja.

Ekonomija, ekonomija internazzjonali, amministrazzjoni tal-intrapriżi, kontabbiltà

 

1997-1999

 

Baċellerat fix-Xjenzi Soċjali fl-Università Teknika ta' Riga.

Ekonomija, ekonomija internazzjonali, amministrazzjoni tal-intrapriżi, kontabbiltà

 

1994-1997

 

Korsijiet tal-Eirofakultāte (Eurofaculty) fl-Università tal-Latvja

Korsijiet personalizzati bi speċjalizzazzjoni fl-ekonomija, il-finanzi u l-liġi

 

 

1996 - 1997

ĦILIET LINGWISTIĊI

Ingliż – fluwenti

Franċiż – għarfien tajjeb fil-livell ta' ħidma

Ġermaniż – għarfien passiv

Latvjan u Russu – lingwi materni

KISBIET, RIKONOXXIMENTI

Rikonoxximent ta' mertu mill-Kabinett tal-Ministri tar-Repubblika tal-Latvja, Novembru 2015.

Rikonoxximent ta' mertu mill-Prim Ministru għall-kontribut personali 1) għas-suċċess tal-Presidenza Latvjana tal-UE fl-2015, u 2) għall-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja fl-2014.

Kongratulazzjoni personali waqt is-sessjoni pubblika tal-ECOFIN mill-Viċi President tal-Kummissjoni Katainen u mill-President Hoyer għal kontribut ewlieni għat-twaqqif tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, Ġunju 2015.

Rikonoxximent ta' mertu mill-Ministru tal-Affarijiet Barranin: għal kontribut għall-introduzzjoni tal-euro fil-Latvja, 2014.

Medalja tal-unur mill-Ministru tal-Finanzi: rappreżentazzjoni u promozzjoni eċċellenti tal-interessi Latvjani fl-UE fl-qasam tal-ekonomija u tal-finanzi, 2008.

Sports: Ex ċampjin Latvjan fl-iskijjar tal-ilma.

PUBBLIKAZZJONIJIET

Kozlovs M, "Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS): il-proċess tan-negozjati"; Interessi Latvjani fl-UE, Novembru 2015 (bil-Latvjan)

ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' Mihails Kozlovs GĦALL-KWESTJONARJU

Esperjenza professjonali

1.  Jekk jogħġbok elenka l-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, sew jekk hija fil-pjanifikazzjoni baġitarja, fl-implimentazzjoni jew fil-ġestjoni tal-baġit, jew fil-kontroll jew l-awditjar tal-baġit.

Sa mill-kisba tal-lawrija ta' Masters fl-1999, jiena bdejt nibni l-esperjenza professjonali tiegħi fil-finanzi pubbliċi, l-ekonomija, il-politika fiskali u l-ġestjoni finanzjarja fl-amministrazzjoni pubblika fil-Latvja (il-Ministeru tal-Finanzi) kif ukoll fl-ambjent internazzjonali fi Brussell (ir-Rappreżentanza Permanenti tal-Latvja għall-UE) u f'Londra (il-Bank Ewropew għar-Rikostruzzjoni u l-Iżvilupp). Bħala parti minn pjan għall-iżvilupp tul il-ħajja personali tiegħi, fl-2014 jien gradwajt b'distinzjoni fi programm ta' MBA Eżekuttiv mill-Cass Business School (City University London).

Matul is-snin jiena ksibt l-esperjenza professjonali fil-qasam tal-finanzi pubbliċi tal-Unjoni Ewropea (UE) fis-sens wiesa'. L-ewwel inkarigu sinifikattiv tiegħi kien relatat ma' negozjati tal-adeżjoni f'għaxar (minn wieħed u tletin) kapitolu ta' negozjar relatati mal-unjoni ekonomika u monetarja, is-swieq finanzjarji, u d-dispożizzjonijiet finanzjarji u baġitarji. Meta wieħed iqabbel l-istandards ta' governanza, ġestjoni u kontroll finanzjarju, awditjar intern u estern fil-Latvja issa u qabel, ninsab kuntent li jiena ffaċilitajt il-proċess tat-trasferiment ta' għarfien u l-bini tal-kapaċità.

Meta wasalt Brussell fl-2003 eżatt wara l-iffirmar tat-Trattat tal-Adeżjoni fost wieħed mill-ewwel konsulenti li jirrappreżentaw l-interessi nazzjonali fl-UE, jiena ffukajt fuq żewġ gruppi ta' kompiti. L-ewwel, dwar kwistjonijiet sostanzjali fir-rigward tal-politiki ekonomiċi, finanzjarji, fiskali u tat-tassazzjoni, kif ukoll dwar il-baġit tal-UE, u t-tieni, dwar il-bini ta' kapaċità biex l-interessi nazzjonali tagħna f'dawn l-oqsma jiġu rrappreżentati aħjar. Filwaqt li għaraft mill-ewwel l-importanza tal-finanzjament tal-baġit tal-UE għall-iżvilupp ekonomiku tal-Latvja, jiena tajt parir lill-maniġment biex isaħħaħ il-kapaċità amministrattiva tagħna fil-qasam tal-ġestjoni tal-baġit tal-UE kemm fil-Ministeru tal-Finanzi kif ukoll fi Brussell.

Matul is-snin li segwew jiena ksibt għarfien teoretiku fil-fond u esperjenza prattika diretta tal-funzjonament tal-istituzzjonijiet tal-UE u dwar diversi tipi ta' teħid ta' deċiżjonijiet u kwistjonijiet relatati. Din l-esperjenza meħuda minn fuq il-post fl-affarijiet tal-UE tatni sens ta' sodizza biex naħdem b'mod effiċjenti fl-ambjent politikament kumpless u dinamiku tal-UE, peress li jiena ħdimt għal u ma' għadd ta' istituzzjonijiet tal-UE f'inkarigi varji u f'livelli differenti. L-għarfien tal-funzjonament tal-UE huwa importanti peress li jipprovdi stampa ċara tas-sitwazzjoni attwali, tal-problemi potenzjali u tas-soluzzjonijiet possibbli. Dan l-għarfien huwa utli għall-Qorti tal-Awdituri u għar-rwol li hija għandha l-kompitu li twettaq.

Mis-segwitu tiegħi tal-ħidma tal-Kumitat Finanzjarju u Ekonomiku u l-parteċipazzjoni tiegħi fil-ħidma tiegħu bħala parti mid-delegazzjoni Latvjana sa mill-2003, jien tgħallimt kif l-Artikoli tat-Trattat dwar is-sorveljanza ekonomika u fiskali multilaterali jiġu implimentati fil-prattika. Wara segwew l-ewwel riforma tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir (2005), il-kriżi finanzjarja u ekonomika, il-mekkaniżmi l-ġodda ta' koordinament finanzjarju u ta' politika fiż-żona tal-euro (bħall-Patt Fiskali, il-Mekkaniżmu Ewropew ta' Stabbiltà, u l-hekk imsejħa pakketti ta' leġiżlazzjoni "two-pack"u "six-pack"), u l-Unjoni Bankarja. Matul dawn is-snin jien kont membru tad-delegazzjoni Latvjana għall-Kunsill tal-Ministri għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji (ECOFIN) fejn dawn il-kwistjonijiet ġew diskussi u deċiżi, f'bosta każijiet, flimkien mal-Parlament Ewropew. Issa, l-isfida li jmiss hija li naħdem lejn Unjoni Ekonomika u Monetarja ġenwina, li fost affarijiet oħra għandha tiżgura l-leġittimità u r-responsabbiltà demokratika.

Għalhekk nixtieq nenfasizza l-esperjenza tiegħi fil-qasam ta' sorveljanza ekonomika u fiskali multilateri u fis-settur finanzjarju fejn f'ambjenti ta' wara l-kriżi, konna xhieda ta' żviluppi ewlenin b'implikazzjonijiet ta' portata kbira li, f'ċerti każijiet, huma ta' sfida għat-twettiq tal-kompiti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri (QEA) li jirriżultaw mit-Trattat. Dan huwa rrikonoxxut fil-ħidma reċenti tal-Qorti, bħall-analiżijiet panoramiċi(1). Nittama li t-tagħrif u l-esperjenza tiegħi fil-qasam jistgħu jkunu utli għall-Qorti biex tindirizza wħud mill-isfidi.

Meta kont naħdem għall-Bord Eżekuttiv tal-BERŻ, istituzzjoni finanzjarja internazzjonali, kelli opportunità eċċellenti biex nidħol aktar fil-fond fil-kwistjonijiet ta' awditjar u ta' valutazzjoni tal-impatt. Ipparteċipajt fuq bażi regolari fil-ħidma tal-Kumitat tal-Awditjar tal-Bord. Dan il-Kumitat jissorvelja l-integrità tad-dikjarazzjonijiet finanzjarji tal-Bank u l-kontabbiltà, ir-rappurtar finanzjarju u l-politiki u l-prattiki tad-divulgazzjoni tiegħu, is-solidità tas-sistemi ta' kontroll intern tal-Bank u l-implimentazzjoni effikaċi tagħhom, il-prestazzjoni tal-konformità tal-Bank, l-awditjar intern, il-funzjonijiet ta' valutazzjoni u ġestjoni tar-riskju, u l-indipendenza, il-kwalifiki u l-prestazzjoni tal-awditur estern tal-Bank.

Bħala parti minn din il-ħidma, dejjem kont interessat jekk l-investiment u l-attività ta' politika proposti u implimentati mill-persunal tal-BERŻ fil-lista ta' pajjiżi li fihom jopera l-BERŻ użawx il-kapital tal-azzjonisti b'mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi, skont il-mandat tal-BERŻ u jekk il-BERŻ irnexxilux jilħaq l-impatt u l-valur miżjud mixtieqa u meħtieġa fil-pajjiżi fejn huwa jopera.

L-esperjenza tiegħi fuq il-Bord tal-BERŻ wasslitni biex napprezza l-ħtieġa li mhux biss titwettaq valutazzjoni ta' kwalità għolja tal-governanza korporattiva, il-ġestjoni finanzjarja u s-sistemi ta' kontroll u awditjar intern, iżda wkoll li r-rapporti jitlestew fil-ħin, jiġu stabbiliti prijoritajiet ċari, jitħejjew rakkomandazzjonijiet ambizzjużi u tiġi ffaċilitata l-implimentazzjoni. Jien dejjem ħassejt li l-indipendenza tal-funzjonijiet ta' awditjar u evalwazzjoni ma timplikax iżolament. L-awdituri għandhom ikunu indipendenti, iżda fl-istess ħin ikunu involuti u jikkontribwixxu bil-konklużjonijiet r-rakkomandazzjonijiet indipendenti tagħhom għal prestazzjoni aħjar.

Għalhekk matul il-karriera professjonali tiegħi żviluppajt ħiliet importanti bħal għarfien wiesa' u fehim dettaljat tal-affarijiet tal-UE, li jmorru lil hinn minn sempliċiment kwistjonijiet ekonomiċi u finanzjarji, l-abbiltà li nidentifika r-rabtiet bejn l-iżviluppi f'oqsma ta' politika differenti, fehim profond tal-ħidma tal-istituzzjonijiet tal-UE u r-rwol tagħhom fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet kif ukoll fehim ċar tal-governanza tal-baġit tal-UE. Ninnota li minkejja l-ħidma bla heda tal-istituzzjonijiet li rriżultat f'titjib gradwali tal-governanza tal-baġit tal-UE, inklużi l-prestazzjoni u l-valur miżjud, in-nuqqasijiet għadhom jippersistu. Dan jirrigwarda l-kumplessità tal-leġiżlazzjoni, l-ippjanar f'livelli varji, l-implimentazzjoni, u s-sistemi ta' kontroll, kif ukoll responsabbiltajiet mhux ċari u xi kultant, sfortunatament, fatturi politiċi.

Barra minn hekk, l-iskarsezza tar-riżorsi finanzjarji fil-baġit tal-UE u l-isfidi ġodda li jinqalgħu l-ħin kollu jiddeterminaw il-ħtieġa li jiġu identifikati modi biex isir aktar b'inqas. Matul il-Presidenza Latvjana reċenti tal-Kunsill tal-UE, kelli l-pjaċir li nippresiedi grupp ta' ħidma ad hoc dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS) kif ukoll kont kopresident ta' għadd ta' trilogi politiċi mal-Parlament Ewropew. F'dawn in-negozjati rnexxielna f'ħin qasir naslu għal soluzzjoni ta' kompromess, li fost affarijiet oħra, issaħħaħ l-arranġamenti tal-awditjar tal-FEIS. Issa l-isfida hija li jiġi definit l-approċċ ta' awditjar għall-attivitajiet imwettqa skont ir-Regolament dwar il-FEIS u għall-garanzija pprovduta mill-baġit tal-UE lill-BEI u lill-FEI. Jiena nixtieq nikkontribwixxi għal dan id-dibattitu bħala Membru eventwali tal-Qorti.

B'mod ġenerali, l-esperjenza tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE kien eżami reali għalija u għat-tim tiegħi tal-ECOFIN fi Brussell. Jiena organizzajt, mexxejt, u wettaqt b'suċċess, il-proċess kumpless ta' tħejjija, kif muri mill-prestazzjoni tajba ħafna tal-Presidenza tagħna fil-qasam tal-ECOFIN. Jiena urejt l-għarfien tiegħi f'dan il-qasam ta' politika, jiġifieri, billi fhimt id-dettalji ta' għadd kbir ta' fajls, indirizzajt kwistjonijiet proċedurali u bnejt netwerks. Issa ninsab ħerqan li nuża dawn il-ħiliet għall-benefiċċju tal-Qorti.

Ninsab ċert li wara li l-Kumitat jaqra din it-taqsima tal-kwestjonarju, se jinnota li jiena ili niżviluppa l-karriera professjonali tiegħi bl-objettiv li nsir professjonist bi sfond teoretiku wiesa' kif ukoll bi sfond prattiku għani. Nemmen li s-saħħa tal-Qorti bħala korp kolleġġjali mhijiex biss fid-diversità nazzjonali tagħha, iżda prinċipalment fil-varjetà tal-esperjenza professjonali tal-Membri tagħha.

2.  X'inhuma l-aktar riżultati sinifikanti li ksibt tul il-ħajja professjonali tiegħek?

Nemmen li l-karriera professjonali tiegħi issa tinsab f'punt ta' żvolta, peress li l-Presidenza tal-Kunsill tal-UE rrappreżentat pass importanti li wasslet għall-għeluq taċ-ċiklu sħiħ li wieħed jista' jesperjenza fl-affarijiet tal-UE mill-perspettiva ta' Stat Membru: in-negozjati tal-adeżjoni, l-adeżjoni mal-UE, il-bini tal-kapaċità, l-introduzzjoni tal-euro, u finalment, il-Presidenza tal-UE.

Jiena kkontribwejt ħafna għal dawn il-proġetti importanti għall-pajjiżi. Il-Kabinett tal-Ministri tal-Latvja, żewġ Prim Ministri u Ministri tal-Finanzi rrikonoxxew ir-rwol tiegħi permezz tal-premijiet tagħhom. Nemmen li dan il-kontribut sinifikanti u rikonoxxut huwa l-aktar kisba sinifikanti fil-karriera professjonali tiegħi.

L-aktar punt ewlieni reċenti kien it-tnedija u t-tlestija f'inqas minn sitt xhur ta' ħidma tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, proġett strateġiku kemm għall-Parlament Ewropew kif ukoll għall-Kunsill. Kisba oħra u fl-istess ħin eżempju ta' kooperazzjoni tajba mal-Parlament Ewropew hija l-qbil tal-akbar pakkett ta' assistenza makrofinanzjarja għall-Ukrajna, li sar wieħed mir-riżultati ewlenin tas-Summit dwar is-Sħubija tal-Lvant ta' Riga, fejn il-ftehim ġie ffirmat.

It-tħejjija tal-Presidenza tal-Kunsill tal-UE f'wieħed mill-aktar oqsma ta' politika kumplessi (ECOFIN) kienet waħda mill-aktar sfidi reċenti għal-Latvja u għalija personalment. Il-prestazzjoni eċċellenti tal-Presidenza Latvjana fil-qasam tal-ECOFIN hija, fil-biċċa l-kbira tagħha, ir-riżultat ta' xogħol ta' kwalità tat-tim tiegħi fi Brussell f'kooperazzjoni mill-qrib ma' kollegi f'Riga.

L-aħħar eżempju, iżda ċertament mhux l-inqas, li nixtieq insemmi huwa l-kontribut tiegħi għall-proċess tan-negozjati tal-adeżjoni fil-kapaċità tiegħi ta' Direttur tad-Dipartiment għall-Integrazzjoni mal-UE, tal-Ministeru tal-Finanzi, fir-rigward tal-kapitolu ta' negozjar dwar il-baġit tal-UE u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE, fejn jiena ffaċilitajt it-tixrid ta' għarfien dwar il-baġit tal-UE, il-governanza korporattiva, il-ġestjoni tar-riskju, il-kontroll intern, u l-awditjar intern u estern, li rrappreżentaw kwistjonijiet ġodda għal-Latvja fil-bidu tal-millennju l-ġdid.

Issa, l-għan tiegħi huwa li nkompli naħdem għat-tisħiħ tal-proġett tal-Unjoni Ewropea, li jiena nappoġġa bis-sħiħ. Li nsir Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, li r-rwol tagħha fit-tfassil tal-baġits annwali u pluriennali tal-UE għandu jiżdied, grazzi għal aktar enfasi fuq ir-riżultati b'inqas riżorsi disponibbli, hija opportunità eċċellenti għalija li noffri l-esperjenza tiegħi għas-servizz tal-Unjoni Ewropea.

3.  X'esperjenza professjonali għandek ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet internazzjonali, multikulturali u multilingwi bbażati 'l barra minn pajjiżek?

Fil-fatt, jiena ksibt l-aktar parti sinifikanti tal-esperjenza professjoni tiegħi lil hinn mil-Latvja. L-ewwel nett, fil-bidu tal-karriera tiegħi jien qattajt tlett xhur eċitanti bħala trainee mal-Kummissjoni Ewropea (DĠ-ECFIN).

Matul il-"perjodu ta' Brussell" tal-karriera professjonali tiegħi bħala Konsulent tal-ECOFIN u aktar tard bħala Viċi Direttur-Kap tal-Unità tal-ECOFIN fir-Rappreżentanza Permanenti għall-UE, jiena ħdimt f'ambjent ta' xogħol varju ħafna, ħdimt fuq bażi regolari u bi pjaċir ma' kollegi minn Stati Membri oħra, mal-Parlament Ewropew, mal-Kummissjoni Ewropea, mal-BEI u ma' rappreżentanti tas-settur.

L-esperjenza tiegħi fuq il-Bord tad-Diretturi tal-BERŻ introduċietni għal dimensjoni globali permezz ta' kooperazzjoni regolari mal-azzjonisti tal-BERŻ mhux Ewropej. Fuq kollox, l-interazzjoni mal-hekk imsejħa azzjonisti barranin tal-Bank għenitni nifhem ħafna aħjar il-perċezzjonijiet tagħhom dwarna, l-Ewropej, u dwar il-mod kif naħsbu, nieħdu deċiżjonijiet eċċ.

L-ambjent multikulturali u multinazzjonali huwa dak fejn jien inħossni verament awtonomizzat u fejn, permezz tal-apprezzament tiegħi ta' kuntesti differenti, nista' niżgura l-kisba tal-objettivi. L-istorja tal-Ewropa hija waħda kumplessa ferm iżda nemmen li d-diversità għandha tkun is-sors ta' sinerġiji b'saħħithom b'appoġġ għall-proġett Ewropew.

4.  Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet amministrattivi li kont twettaq preċedentement, jekk tapplika proċedura ta' dan it-tip?

Il-proċedura ta' kwittanza ma tapplikax għad-dmirijiet maniġerjali li wettaqt preċedentement.

5.  Liema mill-pożizzjonjiet professjonali preċedenti tiegħek kienu r-riżultat ta' ħatra politika?

L-ebda. Il-pożizzjonijiet professjonali kollha tiegħi kienu riżultat ta' mertu jew ta' deċiżjonijiet ta' ġestjoni bbażati fuq evalwazzjoni oġġettiva.

6.  X'inhuma l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li kont involut fihom fil-ħajja professjonali tiegħek?

Ninsab kuntent li ili niżviluppa l-karriera professjonali tiegħi fi żminijiet meta l-poplu Latvjan kollettivament u kull ċittadin fuq bażi individwali kellu jirrifletti b'mod serju u jagħmel deċiżjonijiet importanti li jiddeterminaw il-ġejjieni ta' pajjiżna. Bla dubju, ħadna l-aħjar deċiżjonijiet li b'mod irriversibbli rritornaw lill-pajjiżna lill-familja Ewropea, u ninsab kburi li jiena għext dan il-perjodu kontroversjali ta' tranżizzjoni u li kkontribwejt għal uħud minn dawn id-deċiżjonijiet ewlenin.

L-ewwel nett, nixtieq insemmi hawnhekk, deċiżjonijiet li jwasslu għall-għeluq tal-kapitolu tan-negozjati tal-adeżjoni dwar il-baġit tal-UE u l-protezzjoni tal-interessi finanzjarji tal-UE. Fil-bidu tal-karriera tiegħi fil-Ministeru tal-Finanzi jien kont responsabbli għal tħejjijiet biex nidħlu fis-sistema tar-riżorsi proprji tal-UE u nagħtu segwitu għal u nirrappurtaw dwar l-iżvilupp tal-governanza, il-ġestjoni finanzjarja u ta' kontroll, is-sistemi ta' awditjar intern u estern. Jiena kkoordinajt u ffaċilitajt ukoll segwitu komprensiv għar-rakkomandazzjonijiet tal-Kumissjoni sabiex jiġi żgurat li mal-adeżjoni mal-UE s-sistemi tagħna jkunu lesti li jimplimentaw il-fondi tal-UE. Jiena nqis li dan il-perjodu huwa parti importanti ħafna tal-karriera tiegħi.

It-tieni, nemmen li jiena kelli rwol importanti fil-proċess li l-objettiv ewlieni tiegħu kien li napplikaw għal sħubija fiż-żona tal-euro u nintroduċu l-munita unika Ewropea mill-1 ta' Jannar 2014. It-triq biex jinkiseb dan l-objettiv kienet twila, f'bosta drabi l-Latvja weħlet, u ngħaqadna maż-żona tal-euro f'punt meta hija kienet tinsab f'inċertezzi. Issa, wara ftit snin ta' sħubija fiż-żona tal-euro, ftit li xejn osservaturi jiddubitaw din l-għażla.

It-tielet, l-ekonomisti, l-akkademiċi u l-pubbliku jidhru li jaqblu li l-għoti ta' spinta lill-investiment fl-Ewropa huwa l-kompitu ta' prijorità urġenti għal dawk li jfasslu l-politika fil-livell Ewropew u nazzjonali. Ninsab ċert li d-deċiżjoni ta' kompromess dwar il-karatteristiċi prinċipali tal-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, li jiena u t-tim tiegħi wasalna għaliha flimkien mat-tim tan-negozjar tal-Parlament Ewropew u l-Viċi Presidenti tal-Kummissjoni Georgieva u Katainen fis-siegħat bikrin tat-28 ta' Mejju 2015 wara tlettax-il siegħa ta' trilogu politiku, tirrappreżenta deċiżjoni importanti ferm fil-karriera professjonali tiegħi. Kif diġà semmejt qabel, waħda mill-affarijiet li rnexxilna ntejbu fir-rigward tal-proposta tal-Kummissjoni kienet id-dispożizzjoni dwar l-awditjar estern.

Ninsab kuntent li l-Kummissjoni u l-Bank Ewropew tal-Investiment diġà kisbu riżultati tajbin fl-implimentazzjoni tal-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa, li huwa ggarantit mill-baġit tal-UE. Nittama li l-implimentazzjoni ta' suċċess tal-pjan se twassal għal kontribut siewi għad-dibattitu dwar il-futur tal-baġit tal-UE. Innotajat li l-Qorti tal-Awdituri kienet mistiedna u hija lesta li tagħti l-kontribut tagħha għal dawn ir-riflessjonijiet; Nittama li l-esperjenza tiegħi tista' tkun ta' għajnuna għall-Qorti.

Indipendenza

7.  It-Trattat jipprevedi li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jridu jkunu "kompletament indipendenti" fil-qadi ta' dmirijiethom. Kieku inti kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Għalkemm il-professjoni tal-awditjar b'mod ġenerali hija relattivament żagħżugħa, mill-inqas ċertament iżgħar meta mqabbla ma' dik tal-funzjoni tal-gvern, mhuwiex b'kumbinazzjoni li l-kunċett tal-indipendenza ta' dawk li jwettqu l-awditjar jew li huma responsabbli għal dan ilu li ġie minqux fl-ewwel Standard Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (ISSAI 1). Il-linji gwida dwar l-etika huma żviluppati fl-ISSAI 30. Jiena naqbel li l-prinċipji tal-indipendenza u l-etika jirrappreżentaw prerekwiżit għall-funzjonament tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar.

L-indipendenza tal-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri hija stabbilita b'mod inekwivoku fit-Trattat li jipprevali li "[...], il-membri tagħha għandhom jaqdu dmirijiethom f' indipendenza sħiħa, fl-interess ġenerali tal-Unjoni" (l-Artikolu 285) u li "... għandhom joffru kull garanzija ta' indipendenza" (l-Artikolu 286(1)).

Dawn il-prinċipji kruċjali huma kkjarifikati aktar fil-Linji Gwida dwar l-Etika u l-Kodiċi ta' Kondotta għall-Membri tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, kif ukoll fir-regoli ta' Proċedura u fir-regoli ta' Implimentazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura.

Nixtieq nesprimi l-impenn sħiħ tiegħi lejn il-prinċipju ta' indipendenza peress li dan huwa prerekwiżit għall-Qorti tal-Awdituri u għall-Membri tagħha sabiex iwettqu d-dmirijiet tagħhom skont it-Trattat. Barra minn hekk, il-fiduċja taċ-ċittadin lejn il-Qorti tiddependi fuq l-osservanza rigoruża tal-prinċipju ta' indipendenza fil-prattika.

Minbarra d-divulgazzjoni sħiħa tal-attivitajiet finanzjarji u esterni kif ukoll l-obbligu ta' rappurtar, li Membru ma jfittix u lanqas jieħu struzzjonijiet mill-gvern nazzjonali tiegħu jew minn kwalunkwe parti oħra, huwa, fil-fehma tiegħi, ta' importanza ewlenija. Il-prinċipju ta' indipendenza huwa fil-qalba tal-awditjar, għalhekk għandu jintwera kemm fit-twettiq tad-dmirijiet ta' kuljum kif ukoll fit-teħid ta' deċiżjonijiet strateġiċi. Dan huwa importanti mhux biss għad-dehra u r-reputazzjoni tal-Qorti versu l-klijenti ewlenin tagħha, iċ-ċittadini tal-UE, u fid-dinja esterna, iżda wkoll fost il-Membri tal-Qorti stess. Dawn huma l-kunċetti ewlenin li, fil-fehma tiegħi, jinkorporaw l-indipendenza u li jien se nsegwi fit-twettiq tad-dmirijiet prospettivi tiegħi.

Nemmen li x-xogħol tiegħi minn dejjem kien immexxi minn dawn il-prinċipji. Pereżempju, matul dawn l-aħħar tnax-il sena jiena tajt pariri lil diversi Prim Ministri, Ministri tal-Finanzi u segretarji tal-Istat minn pożizzjonijiet differenti tal-ispettru politiku. Il-parir tiegħi ġie rikonoxxut u apprezzat minħabba l-kwalità u, fuq kollox, l-imparzjalità u l-oġġettività tiegħu. Fit-twettiq tad-dmirijiet professjonali tiegħi, il-konformiżmu qatt ma kien għażla. Minflok, jien dejjem ippreferejt li nippreżenta l-fatti kif inhuma u nasal għal konklużjonijiet oġġettivi, anki jekk kienu inkonvenjenti, mhux popolari u kontra l-perspettiva ġenerali.

Jien qatt ma kont involut ma' dawk li jirċievu fondi tal-UE jew aġixxejt f'isem benefiċjarju.

Fl-aħħar nett, fil-Latvja l-għażla tal-membri prospettivi tal-Qorti twettqet permezz ta' kompetizzjoni miftuħa, li tinvolvi diversi stadji.

8.  Inti jew qrabatek intimi (ġenituri, aħwa, sieħeb/sieħba legali u tfal) għandek jew għandhom xi parteċipazzjoni tan-negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek?

Le, ma naf bl-ebda tali fatt li jista' jkun ta' kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħi.

9.  Lest tiddivulga l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u impenji oħra li jista' jkollok lill-President tal-Qorti, u li tagħmilhom pubbliċi?

Iva, jien lest li nissodisfa l-obbligi tad-divulgazzjoni kollha applikabbli għal Membru tal-Qorti.

10.  Inti involut f'xi proċedimenti ġuridiċi attwali? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Kif intqal fit-tweġiba għall-Mistoqsija 7, fil-Latvja l-għażla tal-membri prospettivi tal-Qorti tal-Awdituri ssir permezz ta' kompetizzjoni miftuħa, li tinvolvi diversi stadji sabiex tiġi żgurata proċedura trasparenti u imparzjali.

Din id-darba l-proċedura tnediet b'deċiżjoni tal-Kabinet tal-Ministri (il-Gvern) li tat bidu għall-proċess ta' għażla u stabbiliet Kumitat tal-Għażla. Il-proċess stess imbagħad kien jikkonsisti f'pubblikazzjoni ta' avviż ta' kompetizzjoni fil-Ġurnal Uffiċjali Latvjan, lista finali tal-kandidati għall-intervista mill-Kumitat tal-Għażla, intervisti mill-Kumitat tal-Ġħażla lill-kandidati li jinsabu fuq il-lista finali, deċiżjoni mill-Kumitat tal-Għażla dwar l-aħjar kandidat, u, fl-aħħar nett, jiġi approvat il-kandidat mill-Gvern u tingħata struzzjoni biex il-kandidat jiġi notifikat lis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill. B'hekk il-proċess tnieda mill-Gvern f'Awwissu 2015 u ntemm fid-19 ta' Novembru 2015 meta l-Kabinett tal-Ministri ħa d-deċiżjoni finali tiegħu. Sussegwentement, is-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill ġie notifikat bid-deċiżjoni.

Sabiex tiġi żgurata trasparenza sħiħa, nixtieq niżvela lill-Parlament Ewropew li wieħed mill-applikanti li ma ntgħażilx għall-approvazzjoni mill-Gvern fetaħ kawża quddiem il-qorti amministrattiva fil-5 ta' Jannar 2016. Din il-persuna, ir-rikorrenti, talbet lill-Qorti Amministrattiva tissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Gvern li jinnomina l-kandidatura tiegħi għall-ħatra bħala Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, billi kkontestat il-legalità tagħha. Ir-Repubblika tal-Latvja, irrappreżentata mill-Kabinett tal-Ministri tar-Repubblika tal-Latvja u mill-Ministeru tal-Finanzi, li l-Kabinett tal-Ministri tah il-mandat biex jorganizza proċess ta' għażla miftuħ, hija l-konvenuta f'din il-kawża.

Il-Qorti Amministrattiva ddeċidiet li tagħtini l-istatus ta' terza persuna fil-kawża amministrattiva minħabba li kkunsidrat li d-drittijiet tiegħi jistgħu jiġu affettwati bl-eżitu tal-proċedimenti. B'hekk bid-deċiżjoni tal-Qorti Amministrattiva u indipendentement mix-xewqat tiegħi, kont involut f'din il-kawża amministrattiva mnedija minn applikant ieħor li l-kandidatura tiegħu ma ntgħażlitx.

Il-konvenut approva s-sottomissjoni ta' spjegazzjoni tiegħu lill-Qorti Amministrattiva fil-laqgħa tal-Kabinett tal-Ministri fit-12 ta' Jannar 2016 fejn il-konvenut effettivament ikkonferma d-deċiżjoni inizjali tiegħu dwar il-kandidat magħżul.

Fis-27 ta' Jannar 2016, il-Qorti Amministrattiva ddeċidiet li tirrifjuta kompletament it-talba biex tissospendi l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni tal-Gvern li jinnomina l-kandidatura tiegħi għall-ħatra mill-Kunsill tal-Ministri tal-UE li hija soġġetta għal konsultazzjoni mal-Parlament Ewropew. Il-Qorti kkonkludiet ukoll li d-deċiżjoni tal-Gvern hija prima facie legali u li l-liġi applikabbli ġiet rispettata bis-sħiħ.

11.  Għandek xi rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika, u, jekk iva, f'liema livell? Okkupajt xi pożizzjoni politika f'dawn l-aħħar 18-il xahar? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.

Le, ma għandi l-ebda rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika. Barra minn hekk, qatt ma kelli pożizzjoni politika. Minix u qatt ma kont membru ta' kwalunkwe partit politiku.

12.  Tirriżenja minn kull kariga uffiċjali li kont elett għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b'responsabbiltajiet f'partit politiku jekk tinħatar Membru tal-Qorti?

Mhux applikabbli, peress li jiena m'għandi l-ebda kariga eletta u m'għandi ebda funzjoni attiva fl-ebda partit politiku.

13.  Kieku kif titratta irregolarità maġġuri jew saħansitra każ ta' frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?

Irregolaritajiet kbar, frodi u korruzzjoni huma ta' theddida serja għall-funzjonament korrett ta' soċjetà demokratika. Dawn iwasslu għal allokazzjoni ħażina tar-riżorsi, periklu morali, telf ta' opportunitajiet u inċentivi ħżiena. L-eżitu l-aktar perikoluż huwa n-nuqqas ta' fiduċja dejjem jikber taċ-ċittadini li jista' jwassal għal sentiment li ma jista' jsir xejn, aċċettazzjoni gradwali u, fl-aħħar nett, li dawn jittieħdu bħala fatt u jiġu adottati metodi simili. Filwaqt li dawn ix-xejriet huma ta' detriment għall-iżvilupp b'saħħtu ta' kull nazzjon, il-proġett Ewropew huwa partikolarment vulnerabbli għaliex in-nies bir-raġun jistennew li korpi internazzjonali u supranazzjonali huma ħielsa minn dawn it-tipi ta' mġiba illegali.

Jiena naħseb li, fit-twettiq ta' dmirijietu, l-ebda Membru tal-Qorti mhuwa protett milli jiffaċċja każ ta' irregolarità kbira, frodi jew korruzzjoni li jinvolvu persuni fl-Istat Membru ta' oriġini tiegħu. Jekk niltaqa' ma' każ bħal dan, l-ewwel nivvaluta malajr l-informazzjoni disponibbli kollha bl-għan li niddetermina l-aħjar mod ta' azzjoni li se tgħin biex jiġi żgurat li din l-informazzjoni tasal għand l-awtoritajiet kompetenti tal-Istat Membru malajr kemm jista' jkun. Jekk l-interessi finanzjarji tal-UE jkunu involuti, jien niddiskuti l-kwistjoni mas-servizzi u mal-Membru tal-Qorti responsabbli għar-relazzjonijiet mal-OLAF u mbagħad niżgura li s-suspett ta' frodi jiġi rrappurtat lill-OLAF mingħajr dewmien. Jien niddiskuti wkoll il-kwistjoni mal-President tal-Qorti.

Nemmen ukoll li tali każijiet jeħtieġilhom analiżi serja sabiex jinftiehmu r-raġunijiet u jsir sforz biex jiġu evitati każijiet simili. B'mod ġenerali, azzjonijiet preventivi sistematiċi wrew li huma aktar effikaċi peress li jnaqqsu l-okkorrenza ta' irregolaritajiet kbar, frodi u korruzzjoni, u b'hekk isaħħu l-fiduċja taċ-ċittadini.

Qadi ta' dmirijiet

14.  X'għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku? Il-QEA b'liema mod tista' tgħin fl-infurzar ta' din il-kultura?

Il-funzjoni tad-distribuzzjoni mill-ġdid hija karatteristika ewlenija ta' kwalunkwe gvern. Iċ-ċittadini jagħtu l-kunsens tagħhom għal ġbir ta' ċertu sehem tar-riżorsi fl-ekonomija, pereżempju permezz tat-tassazzjoni, abbażi tal-aspettattiva leġittima li l-fondi se jintużaw bl-aħjar mod possibbli għall-benefiċċju tas-soċjetà sħiħa, pereżempju biex jingħataw beni komuni u jiġu rettifikati fallimenti tas-suq. Il-kunċett ta' "l-aħjar mod possibbli" huwa importanti u l-interpretazzjoni tiegħu, sfortunatament, tvarja

Id-dritt tal-UE, jiġifieri r-Regolament Finanzjarju li huwa konsistenti mal-istandards internazzjonali, jipprevedi li l-baġit tal-UE jintuża skont il-prinċipju tal-ġestjoni finanzjarja tajba. L-għan huwa li jipprovdi assigurazzjoni lill-kontribwenti ċittadini tal-UE li l-mod kif jintużaw ir-riżorsi tagħhom jimmassimizza l-impatt pożittiv fuq il-proġett Ewropew. Peress li m'għadniex ngħixu fil-"perjodu ta' abbundanza", il-prinċipji ta' ġestjoni finanzjarja tajba huma importanti aktar minn qatt qabel. Il-ħtieġa li l-flus pubbliċi jintefqu b'mod intelliġenti, li jiksbu r-riżultati mixtieqa huwa ta' importanza kbira jekk l-UE trid terġa' tikseb u ssaħħaħ il-fiduċja taċ-ċittadini tagħha.

Għalhekk, il-prinċipju ta' ġestjoni finanzjarja tajba jfisser ukoll li l-approprjazzjonijiet jintużaw b'mod ekonomiku, effiċjenti u effikaċi. It-tliet "E" huma elementi prinċipali tal-ġestjoni finanzjarja tajba li għandhom jiġu rrispettati fi kwalunkwe servizz pubbliku.

Sabiex tiġi promossa kultura ta' ġestjoni finanzjarja tajba fl-UE jew fi kwalunkwe servizz pubbliku ieħor, il-fattur ewlieni huwa li tiġi żgurata ġestjoni responsabbli tal-fondi pubbliċi fdati lilhom. Fi żmien fejn ir-riżorsi pubbliċi huma skarsi, il-flus pubbliċi għandhom jintefqu mhux biss f'konformità mar-regoli, li hija kundizzjoni sine qua non, iżda wkoll sabiex jinkisbu r-riżultati, l-outputs u, iktar importanti, l-eżiti mistennija.

Minbarra r-responsabbiltà, inqis dawn li ġejjin bħala karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' ġestjoni finanzjarja tajba: objettivi ċari, sistema ta' governanza effikaċi u kultura ta' prestazzjoni, sistemi ta' kontroll intern effikaċi, indikaturi tal-prestazzjoni sistematiċi, monitoraġġ affidabbli, u rappurtar trasparenti. U fl-aħħar, iżda mhux l-inqas – l-enfasi tiġi orjentata mhux fuq il-kisba tar-riżultati u mhux fuq "l-użu tal-flus".

L-esperjenza ta' pajjiżi stess tista' tintuża bħala eżempju hawnhekk. Wara l-kriżi finanzjarja u ekonomika, naqas il-finanzjament lill-amministrazzjoni pubblika filwaqt li ġie żgurat li l-prestazzjoni tas-settur pubbliku ma jiġix affettwat jew li saħansitra jitjieb.

F'dan il-kuntest, napprezza s-sejħa b'saħħitha tal-QEA fil-qafas tal-proċedura ta' kwittanza tal-2013 u l-2014 biex l-enfasi tiġi orjentata mhux biss fuq l-infiq tal-flus iżda li jkun hemm investiment intelliġenti. Nemmen li jeħtieġ li dan jittieħed bis-serjetà minn dawk li jfasslu l-politika kif ukoll jiġu segwiti bi pjan ta' azzjoni. Ċertament, din il-bidla ma tistax isseħħ mil-lejl għan-nhar, speċjalment jekk l-uniku riżultat trażversali li ma jintefqux ir-riżorsi allokati matul il-perjodu finanzjarju attwali irrispettivament minn x'inhi r-raġuni, huwa inqas riżorsi għall-perjodu finanzjarju li jmiss. Għalhekk, l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri għandhom jaħdmu flimkien biex jiffaċilitaw il-bidla fil-kultura.

Il-QEA għandha rwol importanti fil-proċess li tiġi promossa kultura ta' ġestjoni finanzjarja tajba. Hija tipprovdi rapporti ta' awditjar indipendenti lil dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet, bħall-Parlament Ewropew, sabiex jintużaw fil-proċeduri tal-għoti tal-kwittanza lill-maniġment (il-Kummissjoni). F'dawn l-aħħar ftit snin nemmen li l-QEA poġġiet aktar enfasi fil-ħidma tagħha biex tirrapporta dwar ġestjoni finanzjarja tajba (awditjar tal-prestazzjoni). Il-Kummissjoni attwali tal-UE taħt it-tmexxija tal-Viċi President Georgieva qiegħda tistinka biex tiżviluppa baġitjar abbażi tal-prestazzjoni . L-ispinta b'saħħitha mill-Parlament Ewropew, il-Qorti tal-Awdituri u l-Kummissjoni hija żvilupp pożittiv li għandha tiġi segwita.

15.  Skont it-Trattat, il-Qorti għandha l-obbligu li tassisti lill-Parlament huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku inti kif tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu) biex issaħaħ sew is-sorveljanza pubblika fuq l-infiq ġenerali kif ukoll il-kosteffettività ta' dak l-infiq?

Ir-rekwiżit tat-Trattat li tassisti lill-Parlament Ewropew huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit huwa element importanti ħafna tal-kompiti tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri. Hekk kif l-isfidi tal-eżerċizzju tas-setgħa ta' kontroll jevolvu maż-żmien, hekk ukoll għandha tevolvi r-relazzjonijiet ta' ħidma bejn il-Parlament Ewropew u l-QEA. Għalhekk huwa proċess repetittiv b'mod kostanti intiż li jsegwi jew, aħjar, jantiċipa s-sitwazzjoni u jibqa' 'l quddiem.

Nemmen li l-punt tat-tluq għal titjib li jissodisfa dan ir-rekwiżit huwa ftehim dettaljat tal-ħtiġijiet tal-Parlament. Dan ifisser djalogu regolari u bir-reqqa fejn iż-żewġ naħat jistgħu jippreżentaw il-fehmiet tagħhom. Ninnota li f'dawn l-aħħar snin diġà ttieħdu passi pożittivi (eż. laqgħat regolari bejn il-QEA u l-Kumitat CONT, il-ħolqien ta' kariga ta' Membru tal-QEA għar-relazzjonijiet istituzzjonali, il-QEA tinvolvi lill-Konferenza tal-Presidenti tal-Kumitati qabel il-programm ta' ħidma annwali tal-QEA).

Il-preżenza tal-Membru tal-QEA responsabbli mir-rapport, kull meta ir-rapport tiegħu/tagħha jiġi diskuss fil-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (CONT) huwa element evidenti tal-assistenza lill-PE. Għandu jkun ukoll evidenti li l-QEA ssegwi l-konklużjonijiet tal-Kumitat CONT jew tal-PE magħmula f'dan il-kuntest.

Innutajt ukoll li wħud mir-rapporti speċjali tal-QEA tressqu quddiem il-kumitati tal-Parlament Ewropew għall-politika settorjali. Nemmen li din il-prattika tista' testendi l-użu u l-valur miżjud tal-ħidma tal-QEA u b'hekk twassal biex il-Parlament jiġi assistit aħjar. Fl-aħħar mill-aħħar, din il-kooperazzjoni għandha twassal għal xogħol leġiżlattiv li jirrifletti l-konklużjonijiet u r-rakkomandazzjonijiet tal-QEA.

Nemmen li l-kombinament tar-rekwiżiti tat-Trattat li l-QEA tkun awditur indipendenti u tassisti lill-Parlament Ewropew (u l-Kunsill) hija ta' importanza kbira. Jekk il-QEA ma jirnexxilix f'dan tal-aħħar, ikun hemm ir-riskju li hija tipproduċi rapporti tal-awditjar tal-aqwa kwalità li – minħabba s-suġġett u/jew il-ħin – huma ta' ftit rilevanza għall-partijiet interessati tagħha. Li tkun indipendenti jeħtieġ li jkun kompatibbli mal-fatt li tkun rilevanti. Bħala l-gwardjan tal-finanzi tal-UE, il-QEA hija parti importanti tal-ekosistema ta' ġestjoni finanzjarja tal-UE li għandha tenfasizza r-rwol tagħha ta' sieħba imparzjali u rispettata.

Wara li segwejt b'mod regolari id-diskussjonijiet tax-xogħlijiet tal-Qorti fiż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja, jiena nħoss li hemm lok għal, fl-ewwel każ, kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Parlament u l-Kunsill fl-eżerċizzju ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE u, fit-tieni lok, għal ħidma aktar koordinata li tanalizza r-rapporti speċjali u l-analiżijiet panoramiċi tal-QEA. Bl-istess mod, il-ħidma tal-Qorti għandha tidher aktar ta' spiss u b'mod prominenti fuq l-aġenda tal-Kunsill.

Barra minn hekk, nixtieq insemmi żewġ punti speċifiċi, fejn nispera li, it-titjib jista' jwassal għal użu aħjar tar-rapporti tal-QEA: il-puntwalità u l-komunikazzjoni.

Matul il-Presidenza Latvjana, ir-Regolament Finanzjarju ġie emendat b'mod li r-rapporti speċjali għandhom jiġu adottati fi żmien tlettax-il xahar. Il-Qorti għandha tagħmel ħilitha biex tirrispetta din id-dispożizzjoni u b'hekk ittejjeb il-puntwalità ta' dawn ir-rapporti. Madankollu, jien napprezza wkoll il-piż tar-responsabbiltà meta l-QEA, bħala l-awditur estern tal-UE, tagħmel konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet, kif ukoll ninsab konxju tad-diffikultà tal-kompromess bejn iż-żmien u l-kwalità.

Dwar il-komunikazzjoni, ninsab kuntent li l-istrateġija għat-titjib tal-affarijiet pubbliċi hija waħda mill-pilastri tal-programm ta' riforma tal-QEA. Informazzjoni komprensiva dwar ir-rwol u l-attivitajiet tal-Qorti kif ukoll dwar is-sejbiet u r-rakkomandazzjonijiet tagħha għandhom isaħħu it-trasparenza u s-segwitu pubbliku.

Nemmen li dawn iż-żewġ elementi huma importanti, peress li fl-aħħar mill-aħħar, il-valur miżjud u l-impatt tal-ħidma tal-QEA jiddependu fuq l-użu tas-sejbiet tagħha mill-partijiet interessati.

Fl-aħħar nett, b'rispett sħiħ tar-rwol indipendenti tal-Qorti, jeħtieġ li jiġi kkunsidrat involviment aktar mill-qrib, jiġifieri permezz ta' opinjonijiet ġuridiċi, fil-proċess leġiżlattiv dwar kwalunkwe att ġuridiku b'impatt finanzjarju sostanzjali. Il-ħidma dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi u dwar ir-Regolament Finanzjarju taħt il-Presidenza Latvjana wriet il-valur miżjud tal-kontribut tal-Qorti. Ovvjament, l-approċċ fih innifsu mhuwiex ġdid, iżda l-użu tiegħu jista' jiġi ġeneralizzat.

16.  X'valur miżjud taħseb li jġib miegħu l-awditjar tal-prestazzjonijiet, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-amministrazzjoni?

Il-manwal tal-Qorti għall-Awditu tal-Prestazzjoni jagħti d-definizzjoni li ġejja: "Awditu tal-prestazzjoni huwa eżami indipendenti, oġġettiv u affidabbli ta' jekk impriżi, sistemi, operazzjonijiet, programmi, attivitajiet jew organizzazzjonijiet humiex qed joperaw skont il-prinċipji tal-ekonomija, l-effiċjenza u l-effettività, u jekk hemmx lok għal titjib".

L-interpretazzjoni tiegħi ta' din id-definizzjoni hija li l-valur miżjud tal-awditu tal-prestazzjoni huwa l-ogħla meta jkun hemm konklużjonijiet u rakkomandazzjonijiet ċari u, fuq kollox, meta l-awditu jwassal għal titjib tal-funzjonament tal-entitajiet u s-sistemi awditjati. Pereżempju, anke jekk ir-rata ta' żball fl-implimentazzjoni tal-Intestatura 5 – Amministrazzjoni - tal-baġit tal-UE mhijiex materjali, il-kwistjoni valida għaċ-ċittadini tista' tkun jekk dawn għandhomx l-aħjar servizz pubbliku tal-UE għal madwar disa' biljuni ta' euro kull sena. Bi pjaċir ninnota li din is-sena l-Parlament Ewropew u l-Kunsill taw l-appoġġ tagħhom għall-estensjoni tal-awditu tal-prestazzjoni għal intestaturi oħra tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali .

Filwaqt li l-eżitu prinċipali tal-awditu tal-prestazzjoni huwa rapport ta' awditjar li jivvaluta jekk dawk li huma fdati bl-implimentazzjoni tal-fondi pubbliċi laħqux l-objettivi msemmija, fl-istess ħin, l-awdituri jiksbu wkoll ħafna informazzjoni prezzjuża dwar il-funzjonament tas-sistema ta' governanza u l-proċeduri ta' ġestjoni. Għalhekk, sabiex jiżdied il-valur tal-awditi tal-prestazzjoni, l-awdituri għandhom jiġu mħeġġa jenfasizzaw in-nuqqasijiet fil-proċeduri ta' ġestjoni u jissuġġerixxu titjib fir-rapporti ta' awditjar kif ukoll fil-komunikazzjoni lill-entità awditjata.

Il-QEA ddikjarat fir-rapport tal-attività tagħha li meta tagħżel it-temi għall-awditjar tal-prestazzjoni, hija tikkunsidra l-potenzjal għall-QEA li żżid il-valur permezz tal-awditu. L-element ta' valur miżjud huwa għalhekk inkorporat fil-proċedura sa mill-bidu nett.

Il-kwistjoni dwar kif jiġi żgurat li s-sejbiet jiġu inkorporati fil-proċeduri ta' ġestjoni hija ta' importanza kbira. Għalhekk, is-segwitu huwa importanti. Għandna nistinkaw li niksbuh meta r-rapport u s-sejbiet jiġu ppubblikati,

-  l-ewwel, dawk li jieħdu d-deċiżjonijiet fl-ogħla livell għandhom jqisu s-sejbiet u, jekk meħtieġ, jallinjaw aħjar il-baġit mal-prijoritajiet strateġiċi (fit-tul),

-  it-tieni, il-leġiżlaturi għandhom jiżguraw li l-iskemi ta' nfiq huma ċari dwar ir-riżultati li għandhom jintlaħqu,

-  it-tielet, fir-rigward tal-proċeduri ta' ġestjoni, il-maniġers għandhom jiżguraw li l-flus ma jintefqux biss skont ir-regoli iżda jiksbu wkoll ir-riżultati meħtieġa.

Fl-aħħar nett, nixtieq insemmi wkoll li l-valur miżjud tal-awditu tal-prestazzjoni jista' jitjieb skont kif muri mill-QEA fir-Rapport Annwali tagħha tal-2014. Dan l-eżerċizzju pilota ġdid fejn kwistjonijiet relatati mal-prestazzjoni huma vvalutati fil-kuntest tal-awditu tal-konformità, hija inizjattiva tajba ferm. Ċertament għandha titkompla u tiġi estiża wkoll għal oqsma oħra tal-baġit tal-UE, flimkien ma' ppjanar bir-reqqa tal-ammont ta' riżorsi allokati għall-awditi tal-konformità, finanzjarji u tal-prestazzjoni kif ukoll għal xogħlijiet oħra tal-QEA.

17.  Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward l-awditjar tal-baġit tal-UE?

Minħabba l-mod kif il-baġit tal-EU jiġi implimentat, kooperazzjoni u skambju ta' esperjenza u informazzjoni aktar mill-qrib għandhom jiddeterminaw l-interazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit).

Fir-rigward tal-QEA u l-istituzzjonijiet supremi tal-awditjar nazzjonali l-Artikolu 287(3) tat-Trattat jipprovdi għal żewġ prinċipji importanti.

L-ewwel nett, huwa jipprevedi li "... fl-Istati Membri l-verifika għandha sseħħ bi ftehim ma' organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika...". Din id-dispożizzjoni tistabbilixxi opportunitajiet kważi illimitati biex tiġi żviluppata iktar kooperazzjoni li tista' tiġi esplorata kemm b'mod bilaterali kif ukoll multilaterali.

It-tieni, huwa jipprevedi li "...l-Qorti ta' l-Awdituri u l-organizzazzjonijiet nazzjonali tal-verifika tal-Istati Membri għandhom jikkoperaw fi spirtu ta' fiduċja waqt li jippreservaw l-indipendenza tagħhom". Nemmen li l-EUROSAI u l-Kumitat ta' Kuntatt tiegħu jipprovdu pjattaforma tajba biex tissaħħaħ l-interazzjoni reċiproka u jiġu żviluppati proġetti komuni.

Nemmen li l-forniment ta' informazzjoni regolari lill-Parlament Ewropew dwar il-modalitajiet, il-progress u l-ostakli għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn il-Qorti tal-Awdituri u l-istituzzjonijiet tal-awditjar nazzjonali, u feedback kostruttiv mill-Parlament Ewropew jista' fl-aħħar mill-aħħar iwassal għal analiżi aħjar tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

18.  Kieku inti kif tiżviluppa aktar ir-rappurtar tal-QEA biex il-Parlament Ewropew jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummissjoni Ewropea?

Ir-riżultat ewlieni tal-Qorti tal-Awdituri għaż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja kif imnaqqax fit-Trattat, huwa r-Rapport Annwali tagħha dwar l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE li jwassal għar-Rakkomandazzjoni mill-Kunsill lill-Parlament Ewropew dwar il-kwittanza lill-Kummissjoni Ewropea fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE kif ukoll għad-deċiżjoni tal-Parlament dwar il-kwittanza. Ir-Rapport Annwali huwa l-bażi għal dibattiti fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill, għalhekk il-profondità u l-firxa tal-informazzjoni mogħtija mill-Qorti tal-Awdituri huma indispensabbli.

Peress li madwar 80 % tal-baġit tal-UE huwa implimentat permezz tal-ġestjoni kondiviża, il-kompletezza, il-kwalità u l-puntwalità tal-informazzjoni pprovduta mill-Istati Membri jiddeterminaw ħafna l-kwalità tal-analiżi sussegwenti u, eventwalment, il-kwalità tal-assigurazzjonijiet mogħtija mill-Kummissjoni.

Kif kien il-każ f'dawn l-aħħar ftit snin u kif ġie indikat fir-rapporti annwali tal-Qorti, id-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni – meta jħejju r-rapporti annwali tal-attività – jużaw l-informazzjoni, bħal rapporti ta' kontroll, mogħtija mill-Istati Membri (pereżempju, fil-qasam tal-politika ta' koeżjoni, l-awtoritajiet tal-awditjar tal-Istati Membri). Ir-rapporti annwali rikorrenti tal-QEA jenfasizzaw li hemm xi nuqqasijiet (inkluża l-akkuratezza) fil-ħidma tal-awtoritajiet tal-awditjar li l-verifikazzjoni mill-Kummissjoni bħalissa ma tistax tevita.

Ir-rappurtar tal-QEA għandu jkompli jenfasizza n-nuqqasijiet, sew jekk fl-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri jew fil-verifiki mill-Kummissjoni. Il-Qorti għandha tispjega, b'mod ċar u dettaljat kemm jista' jkun, x'inhuma n-nuqqasijiet u kif dawn għandhom jiġu rettifikati.

Fil-fehma tiegħi, l-Istati Membri għandhom ikunu jistgħu jagħtu informazzjoni sħiħa, rilevanti u f'waqtha dwar is-sistema ta' governanza, il-ġestjoni finanzjarja u s-sistemi ta' kontroll intern u ta' awditjar intern tagħhom. Fejn jeżistu nuqqasijiet, il-Kummissjoni għandha taħdem f'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri biex tiżgura l-informazzjoni kollha meħtieġa sabiex tkun tista' tagħmel valutazzjoni informata tas-sistemi tal-Istati Membri għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.

Napprezza l-merti tad-dibattitu dwar l-ispejjeż u l-benefiċċji fir-rigward tal-għoti ta' informazzjoni, iżda, jekk l-għan komuni tagħna huwa li jiġi żgurat li l-awtorità baġitarja jkollha valutazzjoni tal-awditu tal-ogħla kwalità kif mitlub mill-istandards internazzjonali, jeħtieġ li jsir kull sforz. Barra minn hekk, spiss ikun il-każ li l-problema ma tkunx in-nuqqas ta' informazzjoni iżda n-nuqqas tal-awtoritajiet tal-awditjar nazzjonali jew tal-awdituri esterni li jużawha korrettament.

Waħda mis-sejbiet prinċipali tal-awditu tar-Rapport Annwali li ġiet diskussa b'mod wiesa' kemm fil-Parlament u fil-Kunsill hija l-istima tar-rata ta' żball irrapportata mill-Qorti. Wara li segwejt l-aħħar deliberazzjonijiet dwar il-kwittanza, jien nilqa' l-fatt li l-Qorti kull sena ssaħħaħ l-informazzjoni sottostanti dwar il-kawżi ewlenin tal-iżbalji. Ir-raġunijiet għar-rati ta' żball materjali (u mhux biss il-livell tagħhom) għandhom, fil-fehma tiegħi, ikunu fil-fokus tal-awtorità baġitarja.

Mistoqsijiet oħra

19.  Tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?

Ġejt magħżul mill-Gvern Latvjan permezz ta' proċess ta' għażla miftuħ li jikkonsisti f'diversi stadji. Il-Gvern Latvjan ta l-fiduċja tiegħu lill-kandidatura tiegħi u jien ninsab fiduċjuż li nista' niġġustifika l-aspettattivi għoljin.

Jekk il-Parlament Ewropew ikollu dubji serji dwar l-impenn u l-kapaċità tiegħi li nikkontribwixxi għall-proġett Ewropew billi nkun Membru tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri u jemmen li dawn ma jikkorrispondux mal-livell stabbilit mill-Parlament Ewropew, jien nirtira l-kandidatura tiegħi.

Nemmen li biex jiġi żgurat l-ogħla valur tal-baġit tal-UE, l-ewwel nett, iż-żewġ fergħat tal-awtorità baġitarja għandhom jaħdmu biex isaħħu l-fiduċja reċiproka u, t-tieni, huma għandhom jikkooperaw mill-qrib u b'mod miftuħ mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, il-Kummissjoni Ewropea u l-Istati Membri. Jekk kwalunkwe parti temmen li hemm nuqqasijiet fit-Trattat attwali f'termini tal-bilanċ istituzzjonali, dawn għandhom jiġu analizzati u, jekk jinstab li huwa meħtieġ, rettifikati hekk kif issir reviżjoni tat-Trattat.

Fl-esperjenza reċenti tiegħi ta' kollaborazzjoni mal-istituzzjonijiet tal-UE, jiena dejjem adottajt dan l-approċċ ġenwin ta' kooperazzjoni miftuħa u fiduċja reċiproka għall-għan komuni Ewropew. Jekk ninħatar, mingħajr dubju jiena nġib dan l-ispirtu fil-Qorti tal-Awdituri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

14

4

8

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Richard Ashworth, Karin Kadenbach, Andrey Novakov, Julia Pitera, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga

(1)

Analiżi panoramika "Lakuni, duplikazzjonijiet u sfidi: analiżi panoramika tal-arranġamenti tal-UE fir-rigward tal-obbligu ta' rendikont u tal-awditjar pubbliku", Parti III, 2014.

Avviż legali - Politika tal-privatezza