RAPPORT dwar il-ħatra proposta ta' Janusz Wojciechowski bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
17.3.2016 - (C8-0414/2015 – 2015/0817(NLE))
Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Igor Šoltes
PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-ħatra proposta ta' Janusz Wojciechowski bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri
(C8-0414/2015 – 2015/0817(NLE))
(Konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 286(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikolu ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0414/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 121 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0061/2016),
A. billi l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu evalwa l-kwalifiki tal-kandidat propost, b'mod partikolari fir-rigward tal-kundizzjonijiet stipulati fl-Artikolu 286(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
B. billi waqt il-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Marzu 2016, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit sema' lill-kandidat propost mill-Kunsill għall-kariga ta' Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
1. Jagħti opinjoni negattiva dwar il-proposta tal-Kunsill għall-ħatra ta' Janusz Wojciechowski bħala Membru tal-Qorti tal-Awdituri;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi din id-deċiżjoni lill-Kunsill u, għal skopijiet ta' informazzjoni, lill-Qorti tal-Awdituri kif ukoll lill-istituzzjonijiet l-oħra tal-Unjoni Ewropea u lill-istituzzjonijiet tal-verifika tal-Istati Membri.
ANNESS 1: CURRICULUM VITÆ TA' JANUSZ WOJCIECHOWSKI
Professjoni:
prattika legali, ex imħallef, attwalment avukat
Edukazzjoni:
studji legali avvanzati: lawrja ta' Master fil-Liġi, iggradwa mill-Università ta' Łódz, Dipartiment tal-Liġi u l-Amministrazzjoni (1977)
Karriera professjonali:
- Membru tal-Parlament Ewropew mill-2004
- Deputat Speaker tas-Sejm, il-Parlament Pollakk (2001-2004)
- President ta' Najwyższa Izba Kontroli (Uffiċċju Suprem tal-Awditjar) (1995-2001)
- Membru tas-Sejm, il-Parlament Pollakk (1993-1995)
- Imħallef fil-Qorti Distrettwali ta' Rawa Mazowiecka, imħallef fil-Qorti Provinċjali ta' Skierniewice, imħallef fil-Qorti tal-Appell f'Varsavja (1980-1993)
- Trainee bħala prosekutur pubbliku (1977-1980)
Karigi fil-parlament nazzjonali:
- Membru tas-Sejm, il-Parlament Pollakk (1993-1995) 2001-2004)
- Deputat Speaker tas-Sejm, il-Parlament Pollakk (2001-2004)
- President tal-Kumitat għat-Tibdil fil-Kodifikazzjoni (2001-2004)
Karigi fil-gvern nazzjonali:
- Sotto-Segretarju tal-Istat fl-Uffiċċju tal-Kabinett b'responsabilità għall-Affarijiet Leġiżlattivi (1994-1995)
Karigi f'korpi tal-awditjar estern:
President ta' Najwyższa Izba Kontroli (Uffiċċju Suprem tal-Awditjar) (1995-2001)
Karigi fil-ġudikatura:
- imħallef fi qrati distrettwali, provinċjali u qrati tal-appell (1980-93)
- imħallef sekondat mal-Qorti Superjuri (1990-91)
- membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikatura (1990-93)
- imħallef fit-Tribunal tal-Istat (1991-93)
Karigi fl-Istituzzjonijiet tal-UE:
- Membru tal-Parlament Ewropew mill-2004
- Viċi President tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (mill-2004)
- Membru tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (2004-2009)
- Delegazzjoni għall-Kumitati ta' Kooperazzjoni Parlamentari UE-Każakistan, UE-Kirġiżistan u UE-Użbekistan, u għar-relazzjonijiet mat-Taġikistan, it-Turkmenistan u l-Mongolja
- Osservatur fil-PE (2003-2004)
Karigi f'organizzazzjonijiet internazzjonali oħra:
- Membru tal-Bord ta' Tmexxija ta' EUROSAI — Organizzazzjoni Internazzjonali tal-Istituzzjonijiet Supremi tal-Awditjar (1995-1999)
ANNESS 2: TWEĠIBIET TA' JANUSZ WOJCIECHOWSKI GĦALL-KWESTJONARJU
Esperjenza professjonali
1. Jekk jogħġbok elenka l-esperjenza professjonali tiegħek fil-finanzi pubbliċi, sew jekk hija fil-pjanifikazzjoni baġitarja, fl-implimentazzjoni jew fil-ġestjoni tal-baġit, jew fil-kontroll jew l-awditjar tal-baġit.
Mill-1995 sal-2001 kont President tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar (NIK), l-entità statali kostituzzjonali ta' awditjar li tikkontrolla l-baġit tal-Istat u oqsma oħra ta' attività Statali, wara li ġejt elett mill-Parlament Pollakk għal mandat ta' sitt snin. Matul il-kariga tiegħi ppreżentajt sitt eżerċizzji ta' awditjar tal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Istat lill-Parlament Pollakk u weġibt il-mistoqsijiet tal-membri.
Bħala President tal-NIK kont responsabbli wkoll għat-tfassil u l-ġestjoni tal-baġit tal-NIK innifsu.
Ili naħdem fuq kwitsjonijiet relatati mal-baġit tal-UE mill-2004, kemm bħala Membru tal-Parlament Ewropew u, b'mod partikolari, bħala Viċi President tal-Kumitat għall-Agrikultura u l-Iżvilupp Rurali.
2. X'inhuma l-aktar riżultati sinifikanti li ksibt tul il-ħajja professjonali tiegħek?
Kelli suċċess kbir fir-rwol tiegħi bħala mħallef. Fl-1990, wara li waqa' r-reġim totalitarju fil-Polonja, ġejt nominat mill-imħallfin Pollakki biex inkun membru tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ġudikaturi li kien għadu kif ġie ffurmat, entità responsabbli għall-kontroll tal-indipendenza ġudizzjarja u l-indipendenza tal-qrati. F'dik l-istess sena ntlabt inservi bħala mħallef fil-Qorti tal-Appell u niġġudika l-kawżi fil-Qorti Superjuri. Bħala mħallef ippubblikajt numru ta' kitbiet akkademiċi, fosthom, kummentarju dwar il-Kodiċi Kriminali (1997).
Bħala President tal-NIK, kelli f'idejja s-superviżjoni tal-attivitajiet investigattivi sistematiċi tiegħu rigward ir-riskju ta' korruzzjoni. Fis-sena 2000, taħt id-direzzjoni tiegħi, l-NIK ippubblika l-"Analiżi tar-Riskju ta' Korruzzjoni fid-Dawl tal-Investigazzjonijiet mill-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar" tiegħu, fuq linji wiesgħa, li ddeskriviet il-mekkaniżmi li jiġġeneraw il-korruzzjoni u l-oqsma li huma l-aktar fir-riskju ta' korruzzjoni fil-Polonja. L-analiżi kien fiha wkoll rakkomandazzjonijiet għal ammistrazzjoni Statali bil-ħsieb ta' tnaqqis fir-riskju ta' korruzzjoni. Ħafna minn dawn ir-rakkomandazzjonijiet ġew segwiti. Il-ħidma tal-NIK fit-tnaqqis tar-riskju ta' korruzzjoni għadha għaddejja, u bis-saħħa tagħha r-riskju ta' korruzzjoni qed jonqos b'mod sistematiku u l-klassifikazzjoni tal-Polonja fl-indiċi ta' kontra l-korruzzjoni ta' Transparency International qed titjieb.
Meta kont responsabbli jien, l-NIK kien ta' suċċess tassew kbir fil-kxif ta' każijiet ta' korruzzjoni fl-immaniġġjar ta' assi pubbliċi, li wħud minnhom kienu jinvolvu privatizzazzjoni.
L-akbar suċċess tiegħi bħala Membru tal-Parlament Nazzjonali Pollakk kien il-kxif ta' ftehimiet korrotti ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku u l-inklużjoni fid-dritt Pollakk ta' dispożizzjoni li dgħajfet is-solidarjetà bejn dawk li jxaħħmu u dawk li jixxaħħmu billi ddikjarat li jekk dak li jxaħħam jirrapporta ftehim korrott lill-awtoritajiet qabel ma jinkixef, dan ma jinżammx responsabbli. Il-liġi għamlet il-prosekuzzjoni tar-reati ta' korruzzjoni ħafna iżjed effettiva.
Daħħalt ukoll fil-proċedura kriminali Pollakka l-kunċett tax-xhud anonimu, biex b'hekk sar possibbli li jinħbew id-dettalji tax-xhieda li jagħtu evidenza f'kawżi li jinvolvu kriminalità organizzata, sabiex dawn ix-xhieda ma jiffaċċjawx ritaljazzjoni minn organizzazzjonijiet kriminali. Dan kien pass importanti fil-protezzjoni tax-xhieda.
Fassalt ukoll Att Parlamentari li jistabbilixxi l-Uffiċċju tal-Prosekutur Ġenerali tal-Istat, l-awtorità responsabbli għall-protezzjoni legali tal-assi tal-Istat. L-att ġie adottat u l-Uffiċċju għadu jeżisti sal-lum.
Jiena nemmen li l-ħidma tiegħi dwar il-protezzjoni tal-annimali kienet l-akbar suċċess tiegħi bħala Membru tal-Parlament Ewropew. Attwalment jiena President tal-Intergrupp għall-Benesseri u l-Konservazzjoni tal-Annimali, li jaqdi rwol attiv ħafna fil-Parlament Ewropew u jagħti bidu għal miżuri biex jittejbu l-benesseri u l-protezzjoni tal-annimali fl-UE. Fl-2009 kont rapporteur għar-Regolament tal-Parlament u tal-Kunsill dwar il-protezzjoni tal-annimali fil-mument tal-qtil. Fir-Regolament irnexxielna nintroduċu bosta dispożizzjonijiet għal standards ogħla tal-benesseri tal-annimali fil-mument tal-qtil.
Aktar minn hekk, ikkontribwejt b'mod attiv u b'suċċess għall-ħidma biex ġiet stabbilita projbizzjoni fuq importazzjonijiet ta' prodotti mill-klieb, il-qtates u l-foki, minħabba l-metodi krudili użati biex jinqatlu dawn l-annimali f'pajjiżi terzi.
3. X'esperjenza professjonali għandek ta' organizzazzjonijiet jew istituzzjonijiet internazzjonali, multikulturali u multilingwi bbażati barra pajjiżek?
Jiena ksibt ħafna mill-esperjenza tiegħi f'ħidma f'ambjent internazzjonali billi ili Membru tal-Parlament Ewropew attiv mill-2004. Ili Viċi President tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali tal-Parlament Ewropew mill-2004.
Qabel dan, bħala President tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar mill-1995 sal-2001, ipparteċipajt attivament fil-ħidma tal-organizzazzjonijiet internazzjonali tal-korpi supremi tal-awditjar EUROSAI u INTOSAI. Kont membru tal-Bord ta' Tmexxija ta' EUROSAI u ħadt sehem attiv fil-kungressi, il-konferenzi u s-seminars tiegħu.
4. Ingħatajt kwittanza għad-dmirijiet amministrattivi li kont twettaq preċedentement, jekk tapplika proċedura ta' dan it-tip?
Matul il-mandat tiegħi bħala President tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar, il-Parlament Pollakk evalwa r-rapporti ta' attività tiegħi u l-eżekuzzjoni tiegħi tal-baġit għal kull waħda mis-sitt snin. Dawn l-evalwazzjonijiet kollha kienu pożittivi.
5. Liema mill-pożizzjonjiet professjonali preċedenti tiegħek kienu r-riżultat ta' ħatra politika?
L-unika pożizzjoni li kelli bħala riżultat ta' ħatra politika kienet dik ta' Sotto-Segretarju tal-Istat fl-Uffiċċju tal-Kunsill tal-Ministri fl-1994-1995. Jien kont responsabbli għal-leġiżlazzjoni u ġejt nominat għall-pożizzjoni mill-Prim Ministru. Assumejt il-kariġi pubbliċi l-oħra kollha tiegħi wara elezzjonijiet pubbliċi (il-parlament nazzjonali, il-Parlament Ewropew) jew elezzjonijiet parlamentari (President tal-NIK).
6. X'inhuma l-aktar tliet deċiżjonijiet importanti li kont involut fihom fil-ħajja professjonali tiegħek?
Niftakar żmien meta, bħala mħallef fid-disgħinijiet, opponejt sentenza tal-mewt. Bħala l-uniku wieħed li oppona s-sentenza f'panel ta' ħames imħallfin, kont f'minoranza ta' wieħed kontra erbgħa.
Madankollu, il-Qorti Superjuri laqgħet l-oppożizzjoni tiegħi, madankollu, u l-piena tal-mewt ma ġietx eżegwita. Il-piena tal-mewt kienet għadha teżisti fil-Polonja dak iż-żmien – ġiet abolita biss fl-1997 – u jien ikkontribwejt għall-abolizzjoni tagħha permezz tal-oppożizzjoni tiegħi bħala mħallef, u mbagħad bħala Membru tal-Parlament.
L-aktar deċiżjoni diffiċli li ħadt tul iż-żmien li ħdimt fl-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar Pollakk kienet li nippreżenta evalwazzjoni negattiva tal-eżekuzzjoni tal-baġit tal-Istat fl-2001, li kienet l-ewwel darba li nħarġet evalwazzjoni negattiva. Ma kellix eżitazzjoni biex nissottometti l-evalwazzjoni, avolja kont naf li b'hekk kont qed nimblokka l-possibilità li nerġa' niġi elett, u b'din l-azzjoni temmejt il-mandat tiegħi ta' sitt snin. Barra minn hekk, l-evalwazzjoni negattiva ddanneġġjat ir-reputazzjoni tal-maġġoranza tal-gvern.
Matul iż-żmien tiegħi bħala President tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar ħadt ukoll deċiżjoni partikolarment importanti dwar il-kontroll tas-salarji tal-uffiċjali tal-gvern u l-managers ta' kumpaniji proprjetà tal-Istat. Ir-rapport kritiku tiegħi dwar il-mod mhux regolat li bih dawn is-salarji ġew iffissati fforma l-bażi ta' Att Parlamentari li llimita l-valur ta' dawn is-salarji. L-Att Parlamentari għadu fis-seħħ sal-lum.
Wieħed mill-awditi li sar mill-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar meta kont fil-kontroll jien żamm lill-Gvern milli jikkonkludi kuntratt bi spiża estremament għolja rigward l-armi, li ffranka lill-baġit tal-Istat mijiet ta' miljuni ta' euro.
Indipendenza
7. It-Trattat jipprevedi li l-Membri tal-Qorti tal-Awdituri jridu jkunu "kompletament indipendenti" fil-qadi ta' dmirijiethom. Kieku inti kif twettaq dan l-obbligu fil-qadi tad-dmirijiet prospettivi tiegħek?
La bħala mħallef u lanqas bħala President tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar qatt ma qdejt dmirijieti b'mod li l-indipendenza tiegħi ġiet dubitata – għall-kuntrarju, kont meqjus bħala mħallef kompletament indipendenti u President tal-NIK kompletament indipendenti – u lanqas l-indipendenza tiegħi fil-ħidma tiegħi fil-Qorti tal-Awdituri mhi se tiġi kompromessa b'ebda mod. Naf li r-rwol jirrikjedi oġġettività totali u konformità sħiħa ma' valutazzjoni xierqa tar-riżultati tal-awditi.
8. Inti jew qrabatek intimi (ġenituri, aħwa, sieħeb/sieħba legali u tfal) għandek jew għandhom xi parteċipazzjoni tan-negozju jew parteċipazzjoni finanzjarja, jew xi impenji oħra, li jistgħu jidħlu f'kunflitt mad-dmirijiet prospettivi tiegħek?
Jien m'iniex involut f'attivitajiet ta' negozju, u lanqas mhu ebda wieħed mill-membri tal-familja tiegħi. Il-ġenituri tiegħi mejtin, marti u t-tliet ħuti nisa huma rtirati, ħija ż-żgħir huwa bidwi u Membru tal-Parlament Nazzjonali Pollakk. Wieħed mit-tfal tiegħi għandu kumpanija tal-IT tiegħu stess u l-ieħor huwa avukat, u l-ebda wieħed minnhom mhu involut f'ebda attività ekonomika jew finanzjarja li jista' jkollha kunflitt ta' interess mad-dmirijiet prospettivi tiegħi fil-Qorti tal-Awdituri.
9. Lest tiddivulga l-interessi finanzjarji tiegħek kollha u impenji oħra li jista' jkollok lill-President tal-Qorti, u li tagħmilhom pubbliċi?
Jiena lest li niddivulga l-assi tiegħi mhux biss lill-President tal-Qorti iżda wkoll li nagħmilhom pubbliċi. Bħala Membru tal-Parlament Ewropew nagħmel dikjarazzjoni pubblika tal-interessi finanzjarji kull sena fil-Polonja, li tiġi pubblikata fuq l-internet. Is-sitwazzjoni finanzjarja tiegħi hija kompletament trasparenti.
10. Inti involut f'xi proċedimenti legali attwali? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.
Ma jien involut fl-ebda proċediment legali. Fis-snin li għaddew saru żewġ kawżi ċivili kontrija relatati ma' dikjarazzjonijiet ta' kritika li għamilt, waħda ta' ġestjoni ħażina u ħela ta' fondi tal-UE minn ministru Pollakk, u l-oħra rigward ġestjoni ħażina mill-bord ta' kumpanija Pollakka tal-Istat li tirċievi għajnuna mill-Istat. Iż-żewġ kawżi rbaħthom. Il-qorti kkonkludiet li l-kritika tiegħi kienet sostanzjata.
11. Għandek xi rwol attiv jew eżekuttiv fil-politika, u, jekk iva, f'liema livell? Okkupajt xi pożizzjoni politika f'dawn l-aħħar 18-il xahar? Jekk iva, jekk jogħġbok agħtina dettalji.
Bħalissa ma għandi l-ebda pożizzjoni eżekuttiva fil-politika u ma kelli ebda waħda tul l-aħħar 18-il xahar. Fl-2015, kont aġent plenipotenzjarju reġjonali tal-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja fir-reġjun ta' Łódź għal ftit xhur, mingħajr ma ġejt maħtur formalment għal dan il-post. Ma għadnix inkopri dawn id-dmirijiet.
Bħala Membru tal-Parlament Ewropew jien membru tal-Kunsill tal-Politika tal-Partit tal-Liġi u l-Ġustizzja, li huwa l-korp eżekuttiv tal-partit u li jinkludi lill-membri kollha tal-partit li huma membri parlamentari.
12. Tirriżenja minn kull kariga uffiċjali li kont elett għaliha jew titlaq kull funzjoni attiva b'responsabilitajiet f'partit politiku jekk tinħatar Membru tal-Qorti?
Jekk ninħatar Membru tal-Qorti tal-Awdituri, nirriżenja mis-sħubija tiegħi fil-Kunsill tal-Politika tal-Liġi u l-Ġustizzja. Nissospendi kompletament l-attività politika kollha għat-tul tal-mandat tiegħi fil-Qorti. Dan huwa preċiżament dak li għamilt meta kont President tal-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar (NIK); issospendejt l-attivitajiet politiċi kollha tiegħi.
13. Kieku kif tittratta irregolarità maġġuri jew saħansitra każ ta' frodi u/jew korruzzjoni li jinvolvi persuni fl-Istat Membru tal-oriġini tiegħek?
Kieku nippreżenta l-evidenzi b'mod preċiż u nislet kwalunkwe konklużjoni minn tali evidenzi, inkluż li ngħaddi l-każ lill-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi. Ma hemm l-ebda ċans li jsiru konċessjonijiet, la fir-rigward tal-pajjiż u lanqas tal-individwu kkonċernat. Bħala President tal-NIK ippreżentajt rapporti kritiċi li rriżultaw f'riżenji ta' ministri, inklużi ministri mill-ambjent politiku tiegħi stess. Fl-1996, ippubblikajt rapport kritiku dwar l-attivitajiet tal-Ministru tal-Kooperazzjoni Ekonomika Barranija, li kien membru tal-partit li kont nifforma parti minnu qabel ma ġejt elett għall-NIK. Dawn l-investigazzjonijiet żvelaw amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-ministru, li sussegwentement tkeċċa. Il-każ mar f'idejn l-awtoritajiet ta' infurzar tal-liġi u ma kellix problemi biex nippreżenta l-evidenzi veritieri tal-awdituu l-konklużjonijiet li rriżultaw.
Nixtieq inżid ukoll li, bħala President tal-NIK, ippreżentajt evidenzi kritiċi li fihom ġew ippreżentati b'mod onest irregolaritajiet rigward l-użu min-naħa tal-Polonja ta' fondi ta' qabel l-adeżjoni PHARE.
Qadi ta' dmirijiet
14. X'għandhom ikunu l-karatteristiċi ewlenin ta' kultura ta' amministrazzjoni finanzjarja soda fi kwalunkwe servizz pubbliku? Il-QEA b'liema mod tista' tgħin fl-infurzar ta' din il-kultura?
Amministrazzjoni soda tal-finanzi pubbliċi tfisser, fuq kollox, amministrazzjoni li la tippermetti ħela u lanqas korruzzjoni. Abbażi tal-esperjenza tiegħi fl-NIK, li tista' tkun ukoll relevanti għall-Qorti, naħseb li huwa partikolarment importanti li jiġi eliminat l-ispazju li għandhom l-uffiċjali li jieħdu azzjoni arbitrarja, li ma jkunux permessi kunflitti ta' interess u tiġi żgurata trasparenza (ftuħ) fl-użu ta' fondi pubbliċi u sistema effettiva ta' kontrolli. Fil-qosor, amministrazzjoni finanzjarja soda hija amministrazzjoni li ma tippermetti ebda arbitrarjetà jew kunflitti ta' interess u li timmassimizza t-trasparenza u l-effikaċja tal-kontrolli.
Il-Qorti tista' tgħin biex titjieb il-ġestjoni ta' fondi pubbliċi billi tesponi mġiba ħażina u toħroġ b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi għall-eliminazzjoni tal-arbitrarjetà fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, bl-eliminazzjoni tal-kunflitti ta' interess, trasparenza akbar u kontrolli aħjar.
15. Skont it-Trattat, il-Qorti għandha l-obbligu li tassisti lill-Parlament huwa u jeżerċita s-setgħat tiegħu ta' kontroll fuq l-implimentazzjoni tal-baġit. Kieku inti kif tkompli ttejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-Parlament Ewropew (b'mod partikolari, il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tiegħu) biex issaħħaħ sew is-sorveljanza pubblika fuq l-infiq ġenerali kif ukoll il-kosteffettività ta' dak l-infiq?
Il-Qorti taqdi d-dmir tagħha li ssaħħaħ is-setgħat ta' kontroll tal-Parlament Ewropew tajjeb ħafna, billi tipprovdi lill-Parliament informazzjoni affidabbli dwar l-infiq tal-baġit tal-UE. Jiena nemmen li kooperazzjoni msaħħa hija possibbli billi jitwessa' l-ambitu tal-ħidma analitika tal-Qorti.
Jien nara l-iskop primarju ta' twessigħ tar-rwol tal-Qorti fil-kontinwazzjoni tal-prattika, li bdiet fl-2014, ta' tfassil ta' eżerċizzji ta' analiżi panoramika. Żewġ eżerċizzji bħal dawn fl-2014, wieħed rigward il-mekkaniżmi ta' responsabilità u l-ieħor dwar ir-riskji għall-amministrazzjoni finanzjarja tal-baġit tal-UE, huma riċerka ta' valur kbir li tinkludi rakkomandazzjonijiet importanti għall-Parlament. Fil-Qorti se naħdem favur aktar eżerċizzji ta' analiżi panoramika fuq dawn il-linji.
Barra minn hekk, għandu jingħata sinifikat ikbar lill-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti. Kemm il-Qorti u kemm il-Parlament għandhom iżommu responsabbli b'riġidità akbar lil dawk l-istituzzjonijiet li huma suġġetti għal skrutinju billi jimplimentaw ir-rakkomandazzjonijiet tal-Qorti.
16. X'valur miżjud taħseb li jġib miegħu l-awditjar tal-prestazzjonijiet, u s-sejbiet kif għandhom jiġu inkorporati fil-proċeduri tal-amministrazzjoni?
Jien naħseb li l-valur miżjud importanti fl-awditjar tal-prestazzjoni jinsab f'titjib fid-distribuzzjoni tal-fondi tal-UE u l-allokazzjoni tagħhom b'mod aktar ġust fost il-benefiċjarji. Benefiċċju ieħor huwa li jżid is-sensibilizzazzjoni taċ-ċittadini tal-UE dwar kif jintefqu l-flus, peress li għarfien akbar iżid il-fiduċja fl-UE u fl-istituzzjonijiet tagħha. B'kollox ma' kollox, il-valur miżjud partikolari tal-prestazzjoni jinsab fit-tisħiħ tas-sorveljanza demokratika tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet tal-UE u l-implimentazzjoni tal-baġit tal-UE.
17. Kif tista' tittejjeb il-kooperazzjoni bejn il-Qorti tal-Awdituri, l-istituzzjonijiet ta' awditjar nazzjonali u l-Parlament Ewropew (il-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit) rigward l-awditjar tal-baġit tal-UE?
Il-kooperazzjoni bejn il-Qorti u l-korpi ta' awditjar nazzjonali hija tajba. Jien partikolarment sodisfatt bil-kooperazzjoni tajba ħafna, biex ma ngħidx eżemplari, bejn il-Qorti u l-Uffiċċju Suprem tal-Awditjar Pollakk. Bħala President tal-NIK fid-disgħinijiet, meta l-Polonja kienet pajjiż kandidat tal-UE, tajt bidu għal kooperazzjoni bejn l-NIK u l-Qorti, u ħdimt flimkien mal-Presidenti tal-Qorti, is-Sur Middelhoek, is-Sur Friedmann u s-Sur Nilsson. Is-sisien li bnejt b'dik il-kooperazzjoni issa qed iħallu l-frott: fir-rapport tagħha tal-2014, il-Qorti semmiet l-NIK Pollakk bħala eżempju eċċezzjonali ta' kooperazzjoni sostantiva tajba.
Jien nara li hemm possibilità ta' titjib prinċipalment biex isiru sforzi ulterjuri biex il-metodoloġiji ta' awditjar jiġu allinjati, fejn il-Qorti tista' teżerċita l-esperjenza tagħha, iżda li hi stess tista' tfittex prattika tajba, bħall-mudelli effettivi tal-NIK Pollakk bis-senjalazzjoni ta' riskji ta' korruzzjoni. Naturalment, il-Qorti mhijiex korp investigattiv, iżda tista' u għandha tissottolinja riskji sistemiċi u mekkaniżmi li jagħtu lok għall-korruzzjoni.
Naħseb li l-kooperazzjoni tista' wkoll titjieb permezz ta' skambju usa' ta' informazzjoni dwar evidenza li tirriżulta mill-awditi. Il-Qorti tista' tagħmel użu usa' mir-riżultati tal-awditi li jsiru minn korpi nazzjonali ta' awditjar, li jistgħu jevitaw duplikazzjoni żejda.
Jistgħu jsiru wkoll sforzi biex jitwettqu eżerċizzji konġunti jew paralleli mill-Qorti u l-korpi supremi tal-awditjar tal-Istati Membri, għaliex hawn jeżistu opportunitajiet ta' kooperazzjoni li mhux qed jiġu sfruttati.
18. Kieku inti kif tiżviluppa aktar ir-rappurtar tal-QEA biex il-Parlament Ewropew jingħata kull informazzjoni meħtieġa dwar l-akkuratezza tad-data mogħtija mill-Istati Membri lill-Kummisjsoni Ewropea?
Ir-rappurtar min-naħa tal-Qorti ta' informazzjoni dwar id-data mgħoddija mill-Istati Membri jista' jiġi żviluppat primarjament fuq il-bażi ta' awditi konġunti mill-Qorti u l-korpi supremi tal-awditjar tal-Istati Membri li pproponejt bi tweġiba għall-Mistoqsija Nru 17, fejn jittieħed kont tal-problema tal-affidabilità tad-data mgħoddija mill-Istati Membri. Ikun possibbli, pereżempju, li jiġi eżaminat b'mod konġunt jekk il-Kummissjoni kinitx qed tirċievi informazzjoni affidabbli dwar l-użu ta' fondi għall-gruppi ta' produtturi agrikoli.
Din, madankollu, hija kwistjoni tal-kompetenza tal-korpi supremi tal-awditjar. L-istituzzjoni Pollakka tal-awditjar, l-NIK, għandha setgħat statutorji biex twettaq awditi konġunti mal-Qorti Ewropea tal-Awdituri skont it-termini stipulati fi ftehim reċiproku.
Mistoqsijiet oħra
19. Tirtira l-kandidatura tiegħek jekk l-opinjoni tal-Parlament dwar il-ħatra tiegħek bħala Membru tal-Qorti ma tkunx favorevoli?
Iva. Jekk l-opinjoni tal-Parlament ma tkunx favorevoli, nitlob lill-Gvern Pollakk jikkunsidra li jirtira l-kandidatura tiegħi.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
15.3.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
9 12 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Zigmantas Balčytis, Ryszard Czarnecki, Tamás Deutsch, Martina Dlabajová, Jens Geier, Ingeborg Gräßle, Bogusław Liberadzki, Monica Macovei, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Igor Šoltes, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský, Joachim Zeller |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Richard Ashworth, Karin Kadenbach, Andrey Novakov, Julia Pitera, Miroslav Poche |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Xabier Benito Ziluaga |
||||