RAPPORT dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

23.3.2016 - (2015/2095(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteurs: Roberta Metsola, Kashetu Kyenge


Proċedura : 2015/2095(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0066/2016
Testi mressqa :
A8-0066/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 u l-protokoll addizzjonali tagħha, u b'mod partikolari d-dritt ta' non-refoulement,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Ewropea għall-Protezzjoni tad-Drittijiet tal-Bniedem u tal-Libertajiet Fundamentali,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tal-1948,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tat-Tfal tal-1989 u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tas-27 ta' Novembru 2014 dwar il-25 Anniversarju tal-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Drittijiet tat-Tfal,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982, il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974 u l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi tal-1979, kif emendata,

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Internazzjonali dwar il-Ħarsien tad-Drittijiet tal-Ħaddiema Migranti Kollha u tal-Membri tal-Familji tagħhom tal-1990,

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Pjan ta' Azzjoni dwar Minorenni mhux Akkumpanjati (2010-2014) (COM(2010)0213) u r-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tat-12 ta' Settembru 2013 dwar is-sitwazzjoni ta' minorenni mhux akkumpanjati fl-UE[1],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-29 ta' April 2015 dwar l-aħħar traġedji fil-Mediterran u l-politiki tal-UE dwar il-migrazzjoni u l-asil[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2015 dwar il-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Ewropa[3],

–  wara li kkunsidra d-dibattiti li saru fi ħdan il-Kumitat tal-Parlament Ewropew għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern fl-14 ta' April 2015 fil-preżenza tal-Kummissarju Avramopoulos; fis-6 ta' Mejju dwar is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabilità, inklużi l-obbligi ta' tiftix u salvataġġ; fis-26 ta' Mejju dwar l-istrateġija dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi; fl-4 ta' Ġunju dwar l-iżvilupp ta' rotot sikuri u legali għal dawk li jfittxu l-asil u r-rifuġjati fl-UE u dwar l-implimentazzjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil; fil-25 ta' Ġunju dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu kriminali, it-traffikar u l-isfruttament tax-xogħol ta' migranti irregolari, l-iżvilupp ta' possibilitajiet ta' migrazzjoni ekonomika legali adegwati, u l-ġestjoni tal-fruntieri u l-politika dwar il-viżi; fit-2 ta' Lulju dwar kif jintefqu l-fondi tal-Affarijiet Interni fil-kuntest tal-migrazzjoni u l-iżvilupp; fis-6 ta' Lulju, dwar l-ewwel pakkett ta' proposti tal-Kummissjoni b'segwitu għall-Aġenda dwar il-Migrazzjoni u dwar is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabilità, inklużi l-obbligi ta' tiftix u salvataġġ u l-iżvilupp ta' rotot sikuri u legali għal dawk li jfittxu l-asil u r-rifuġjati lejn l-UE; fis-16 ta' Lulju fil-preżenza ta' esperti dwar il-fondi tal-UE għall-politiki dwar il-migrazzjoni, dwar politiki, prattiki u data dwar minorenni mhux akkumpanjati fl-Istati Membri tal-UE u n-Norveġja, dwar il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni, u dwar l-esplorazzjoni ta' possibilitajiet ġodda għal-leġiżlazzjoni għall-migrazzjoni ekonomika; fit-22 ta' Settembru dwar it-tieni pakkett ta' proposti tal-Kummissjoni skont l-Aġenda dwar il-Migrazzjoni; fit-23 ta' Settembru mal-parlamenti nazzjonali dwar l-approċċ ta' hotspots u dwar l-indirizzar tal-migrazzjoni fil-livell nazzjonali u lokali; fid-19 ta' Ottubru dwar l-indirizzar tal-kuntrabandu, it-traffikar u l-isfruttament tax-xogħol ta' migranti irregolari; fl-10 ta' Novembru dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Ġestjoni tal-kriżi tar-rifuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta' Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0510); fid-19 ta' Novembru dwar il-finanzjament intern u estern tal-UE għall-politika tal-migrazzjoni u tal-asil tagħha; fl-10 ta' Diċembru dwar il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni; fil-21 ta' Diċembru dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u l-politika tal-viżi, dwar l-implimentazzjoni effikaċi tas-SEKA u dwar l-iżvilupp ta' possibilitajiet ta' migrazzjoni ekonomika legali adegwati,

–  wara li kkunsidra d-dibattiti li saru fil-laqgħa konġunta tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-Kumitat għall-Iżvilupp tieghu fl-1 ta' April 2015 dwar ir-rabta bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni, u fil-laqgħa konġunta tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u s-Sottokumitat għad-Drittijiet tal-Bniedem fil-15 ta' Settembru dwar ir-rispett tad-drittijiet tal-bniedem fil-kuntest tal-flussi migratorji fil-Mediterran,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu dwar il-missjonijiet mid-delegazzjonijiet tiegħu f'Lampedusa dwar operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ f'Settembru 2015 u fit-Tuneżija dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni, l-asil u l-kontroll tal-fruntieri f'Ottubru 2015, u wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits u l-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern tiegħu dwar il-missjoni tad-delegazzjoni konġunta tagħhom fi Sqallija dwar kif għandhom jiġu indirizzati l-pressjonijiet migratorji fir-reġjun, inkluż b'mod partikolari minn perspettiva baġitarja f'Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni ta' Għaxar Punti tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni, ippreżentat fil-Kunsill Konġunt Affarijiet Barranin/Affarijiet Interni li ltaqa' fil-Lussemburgu fl-20 ta' April 2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0240),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (PESK) 2015/778 dwar operazzjoni militari tal-Unjoni Ewropea fil-Mediterran Ċentrali tan-Nofsinhar,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni sabiex tibda t-tieni fażi tal-Operazzjoni EUNAVFOR MED, li ngħatat l-isem ġdid "Operation Sophia", meħuda mill-Ambaxxaturi tal-UE fi ħdan il-Kumitat Politiku u ta' Sigurtà[4], u wara li kkunsidra l-operazzjonijiet immexxija min-NATO fil-Baħar Eġew,

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni 2240 (2015) tal-Kunsill tas-Sigurtà tan-NU tad-9 ta' Ottubru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan ta' Azzjoni tal-UE kontra t-traffikar tal-migranti (2015-2020)" (COM(2015)0285),

–  wara li kkunsidra d-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni dwar l-Implimentazzjoni tar-Regolament Eurodac rigward l-obbligu li jittieħdu marki tas-swaba' (SWD(2015)0150),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Iskema Ewropea ta' Risistemazzjoni (C(2015)3560 final) u l-Konklużjonijiet tar-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri mlaqqgħin fi ħdan il-Kunsill dwar risistemazzjoni permezz ta' skemi multilaterali u nazzjonali ta' 20 000 persuna fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, ippreżentata fil-laqgħa tal-Kunsill Ġustizzja u l-Affarijiet Interni tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra nota ta' spjega tal-Kummissjoni dwar l-approċċ "Hotspot", u r-rapporti dwar is-sitwazzjoni attwali fil-Greċja u l-Italja tal-10 ta' Frar 2016, kif ukoll ir-rapport ta' Progress dwar il-Greċja tal-4 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 tal-14 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 tat-22 ta' Settembru 2015 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi mekkaniżmu ta' rilokazzjoni f'każ ta' kriżi u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali ddepożitata f'wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (COM(2015)0450),

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jistabbilixxi lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu għall-finijiet tad-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali, u li jemenda d-Direttiva 2013/32/UE (COM(2015)0452),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu 'Pjan ta' Azzjoni tal-UE dwar ir-Ritorn' (COM(2015)0453),

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni li tistabbilixxi "Manwal dwar ir-Ritorn" li għandu jintuża mill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri waqt li jwettqu kompiti relatati mar-ritorn (C(2015)6250) u l-Anness tagħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar ir-regoli dwar l-Akkwist Pubbliku b'rabta mal-kriżi attwali tal-asil (COM(2015)0454),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "L-indirizzar tal-Kriżi tar-Rifuġjati fl-Ewropa: Ir-Rwol tal-Azzjoni Esterna tal-UE" (JOIN(2015)40),

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni dwar l-istabbiliment ta' Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-Unjoni Ewropea għall-istabilità u li jindirizza l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni irregolari u l-persuni spostati fl-Afrika (C(2015)7293),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Ġestjoni tal-Kriżi tar-Rifuġjati: miżuri operazzjonali, baġitarji u legali skont l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0490) u l-Annessi tagħha,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni intitolata "Ġestjoni tal-Kriżi tar-Rifuġjati: Sitwazzjoni Attwali tal-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet ta' Prijorità taħt l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni" (COM(2015)0510) u l-Annessi tagħha;

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bl-isem "Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta u l-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni tal-Ewropa" (COM(2015)0673) u l-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u l-Kosta u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 2007/2004, ir-Regolament (KE) Nru 863/2007 u d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/267/KE (COM(2015)0671), il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill fuq dokument tal-ivvjaġġar Ewropew għar-ritorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qegħdin fil-pajjiż illegalment (COM(2015)0668), il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament Nru 562/2006 (KE) dwar it-tisħiħ tal-kontrolli fil-fruntieri esterni abbażi ta' bażijiet tad-dejta rilevanti (COM(2015)0670), il-proposta tal-Kummissjoni għal Deċiżjoni tal-Kunsill li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Iżvezja f'konformità mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u mal-Artikolu 9 tad-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 li jistabbilixxu miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u tal-Greċja (COM(2015)0677), u r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni għal skema volontarja ta' ammissjoni umanitarja mat-Turkija (COM(2015)9490),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar is-Sitwazzjoni Attwali rigward l-Implimentazzjoni tal-Azzjonijiet Prijoritarji fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni (COM(2016)0085),

–  wara li kkunsidra r-Rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni indirizzata lir-Repubblika Ellenika dwar il-miżuri urġenti li jridu jittieħdu mill-Greċja fil-perspettiva tat-tkomplija tat-trasferimenti skont ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 (C(2016)871),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Deċiżjoni ta' Implimentazzjoni tal-Kunsill dwar sospensjoni temporanja tar-rilokazzjoni ta' 30 % tal-applikanti allokati lill-Awstrija skont id-Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601 li tistabbilixxi miżuri proviżorji fil-qasam tal-protezzjoni internazzjonali għall-benefiċċju tal-Italja u l-Greċja (COM(2016)0080),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill Ewropew u lill-Kunsill bit-titolu "Lura lejn Schengen - Pjan ta' Direzzjoni" (COM(2016)0120),

–  wara li kkunsidra r-Rapport mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill, li hu t-tieni rapport dwar il-progress min-naħa tat-Turkija fit-twettiq tar-rekwiżiti tal-pjan ta' direzzjoni tagħha għal-liberalizzazzjoni tal-viżi (COM(2016)0140),

–  wara li kkunsidra l-proposta għal Regolament tal-Kunsill dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni (COM(2016)0069), id-Dokument ta' Ħidma tal-Persunal tal-Kummissjoni li jakkumpanjaha (SWD(2016)0097) u l-baġit emendatorju għall-2016 li joħloq il-linja baġitarja għal dan l-istrument,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill Ewropew fil-laqgħa speċjali tiegħu tat-23 ta' April 2015, fil-laqgħa tiegħu tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015, fil-laqgħa informali tal-Kapijiet ta' Stat jew ta' Gvern dwar il-migrazzjoni tat-23 ta' Settembru 2015, fil-laqgħa tiegħu tal-15 ta' Ottubru 2015, u fil-laqgħa tiegħu tas-17 u t-18 ta' Diċembru 2015 u fil-laqgħa tiegħu tat-18 u d-19 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Konklużjonijiet adottati mill-Kunsill dwar pajjiżi ta' oriġini bla periklu fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Lulju 2015, dwar il-migrazzjoni fil-laqgħa tiegħu tal-20 ta' Lulju 2015, dwar il-futur tal-politika tar-ritorn fil-laqgħa tiegħu tat-8 ta' Ottubru 2015, dwar il-migrazzjoni fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Ottubru 2015, dwar miżuri biex tiġi indirizzata l-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni fil-laqgħa tiegħu fid-9 ta' Novembru 2015, u dwar l-apolidija fil-laqgħa tiegħu tal-4 ta' Diċembru 2015, u dwar il-kuntrabandu tal-migranti fil-laqgħa tiegħu tal-10 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Presidenza adottati fl-14 ta' Settembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet adottati mir-Rappreżentanti tal-Gvernijiet tal-Istati Membri imlaqqa' fi ħdan il-Kunsill dwar ir-risistemazzjoni permezz ta' skemi multilaterali u nazzjonali ta' 20 000 persuna fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali fil-laqgħa tagħhom tal-20 ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni Konġunt bejn l-UE u t-Turkija tal-15 ta' Ottubru 2015, u r-rapporti ta' implimentazzjoni tiegħu tal-10 ta' Frar u l-4 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern tas-7 ta' Marzu 2016,

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar ir-Rotta tal-Mediterran tal-Lvant/Balkani tal-Punent, adottata fit-8 ta' Ottubru 2015, u l-istqarrija tal-mexxejja dwar il-flussi ta' rifuġjati tul ir-rotta tal-Balkani tal-Punent adottata fil-laqgħa tal-25 ta' Ottubru 2015 u r-rapport ta' progress tagħha tal-10 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni u d-Dikjarazzjoni Politika adottati matul is-summit bejn l-Unjoni Ewropea u l-Afrika dwar il-Migrazzjoni, li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), b'mod partikolari r-Rapport Annwali tiegħu dwar is-Sitwazzjoni tal-Asil fl-Unjoni Ewropea 2014 u x-Xejriet tal-Asil ta' kull xahar,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u rapporti tal-Frontex, u b'mod partikolari l-Analiżi Annwali tar-Riskji 2015 tagħha u r-Rapporti ta' kull tliet xhur tan-Netwerk tal-Analiżi tar-Riskji tagħha,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Europol, u b'mod partikolari t-Tim Operattiv Konġunt MARE, u l-istabbiliment reċenti taċ-Ċentru Ewropew kontra l-Faċilitazzjoni ta' Dħul Klandestin ta' Migranti (European Migrant Smuggling Centre - EMSC) mill-Europol,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Eurojust, u b'mod partikolari r-rapporti tagħha dwar it-traffikar tal-bnedmin,

–  wara li kkunsidra x-xogħol, ir-rapporti annwali u l-istudji tal-Aġenzija għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), u b'mod partikolari l-istudji tagħha dwar forom severi ta' sfruttament tal-ħaddiema u dwar il-kriminalizzazzjoni ta' migranti f'sitwazzjoni irregolari u ta' persuni li jinvolvu rwieħhom magħhom,

–  wara li kkunsidra l-istudji tad-Dipartiment Tematiku C dwar l-implimentazzjoni tal-Artikolu 80 tat-TFUE, dwar approċċi ġodda, toroq alternattivi u mezzi ta' aċċess għal proċeduri tal-asil għal persuni li jfittxu l-protezzjoni internazzjonali, dwar l-esplorazzjoni ta' possibilitajiet ġodda għal leġiżlazzjoni dwar il-migrazzjoni tal-ħaddiema lejn l-UE, dwar it-titjib tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil u Alternattivi għal Dublin, dwar il-kooperazzjoni tal-UE ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni u dwar l-Akkoljenza ta' Rifuġjati Nisa u Nisa li Jfittxu Asil fl-UE, u wara li kkunsidra l-istudju tad-Dipartiment Tematiku D dwar il-fondi tal-UE għall-Politiki tal-Migrazzjoni: Analiżi tal-Effiċjenza u l-aħjar prattika għall-futur, u l-istudju tad-Dipartiment Tematiku EXPO dwar il-Migranti fil-Mediterran: protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem,

–  wara li kkunsidra l-istudji min-Netwerk Ewropew dwar il-Migrazzjoni (EMN), u b'mod partikolari l-istudju tiegħu dwar il-politiki, il-prattiki u d-data dwar il-minorenni mhux akkumpanjati,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Kummissarju Għoli għar-Rifuġjati tan-NU,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti,

–  wara li kkunsidra l-ħidma, r-rapporti u r-riżoluzzjonijiet tal-Kunsill tal-Ewropa,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni,

–  wara li kkunsidra l-ħidma u r-rapporti tal-Uffiċċju tan-NU kontra d-Droga u l-Kriminalità,

–  wara li kkunsidra l-Opinjoni tal-Kumitat Ewropew tar-Reġjuni – Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, adottata fil-115-il sessjoni plenarja tiegħu tat-3 u l-4 ta' Diċembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-Opinjonijiet tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar l-Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni u dwar il-pjan ta' azzjoni tal-UE kontra l-kuntrabandu tal-migranti,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014 dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni[5],

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar l-Artikolu 80 –Solidarjetà u tqassim ġust tar-responsabilità, inkluż l-obbligi ta' tiftix u salvataġġ,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar il-ġlieda kontra l-kuntrabandu kriminali, it-traffikar u l-isfruttament tax-xogħol ta' migranti irregolari,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar il-ġestjoni tal-fruntieri u l-politika tal-viżi, inklużi r-rwoli tal-Frontex u ta' aġenziji relevanti oħra,

–  wara li kkunsidra l-iżvilupp ta' rotot sikuri u legali lejn l-UE għall-persuni li jfittxu asil u għar-rifuġjati, inkluża l-politika ta' risistemazzjoni tal-Unjoni u l-politiki ta' integrazzjoni korrispondenti;

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar l-iżvilupp ta' possibilitajiet ta' migrazzjoni ekonomika legali adegwati,

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar il-finanzjament intern u estern tal-UE għall-politika tal-migrazzjoni u tal-asil tagħha;

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma dwar l-implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA), inkluż ir-rwol tal-EASO,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, tal-Kumitat għall-Iżvilupp, tal-Kumitat għall-Baġits, tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu, tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi u tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet (A8-0066/2016),

A.  billi fir-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Diċembru 2014, il-Parlament ta istruzzjonijiet lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern biex jivvaluta d-diversi politiki involuti, jiżviluppa ġabra ta' rakkomandazzjonijiet u jirrapporta lill-Plenarja fil-forma ta' rapport ta' inizjattiva strateġika;

B.  billi skont data tal-Frontex[6], fl-2015 1,83 miljun persuna ġew skoperti waqt li kienu qed jippruvaw jaqsmu l-fruntieri esterni tal-UE b'mod irregolari, u b'hekk stabbilixxew rekord mingħajr preċedent meta mqabbel mal-282 500 migrant li waslu fl-Unjoni matul is-sena 2014; u billi, skont data tal-IOM/UNICEF, madwar 20 % tal-migranti kollha li jaslu bil-baħar huma tfal[7];

C.  billi skont data tal-EASO[8], fl-2015, saru aktar minn 1,4 miljun applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali fl-UE[9], u l-għadd ta' applikazzjonijiet żdied b'mod kostanti minn April, filwaqt li l-ammont ta' applikazzjonijiet ripetuti fl-istess ħin kien qed jonqos; u billi madwar 6 % tal-applikanti jiddikjaraw li huma minorenni mhux akkumpanjati; billi fi Frar 2016, 22 % ta' dawk li waslu bil-baħar fil-Greċja kienu nisa, waqt li 40 % kienu tfal[10];

D.  billi għall-finijiet tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal, tifel/tifla tfisser kull persuna taħt l-età ta' tmintax-il sena;

E.  billi fl-2015, 'il fuq minn 3 771 persuna ġew irrapportati mejta jew nieqsa fil-Baħar Mediterran, skont l-Organizzazzjoni Internazzjonali għall-Migrazzjoni[11]; u billi fit-8 ta' Marzu 2016, 444 persuna ġew irrappurtati li għerqu fil-Mediterran; billi fl-ewwel disa' ġimgħat tal-2016 mietu 77 tifel u tifla, jiġifieri medja ta' aktar minn wieħed jew waħda kuljum; billi skont data reċenti tal-Europol mill-anqas 10,000 tifel u tifla mhux akkumpanjati għebu wara li waslu fl-Ewropa;

F.  billi t-3 ta' Ottubru għandu jiġi rikonoxxut bħala Jum ta' Tifkira għal dawk l-irġiel, nisa u tfal kollha li jitilfu ħajjithom f'tentattiv biex jaħarbu minn pajjiżhom bħala riżultat ta' persekuzzjoni, kunflitt u gwerra, kif ukoll dawk in-nisa u l-irġiel kollha li jissograw ħajjithom kuljum biex isalvawhom;

G.  billi xi partijiet tad-dinja huma milquta mill-gwerra u mill-vjolenza u jġarrbu t-taħlita tal-effetti ta' faqar estrem, degradazzjoni ambjentali u nuqqas ta' opportunitajiet għaż-żgħażagħ, li tista' tkebbes aktar vjolenza u nuqqas ta' sigurtà u twassal għal aktar ċaqliq tal-popolazzjoni;

L-Artikolu 80 tat-TFUE – Is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabilità, inklużi l-obbligi ta' tiftix u salvataġġ

H.  billi l-Artikolu 80 tat-TFUE jistabbilixxi l-prinċipju tas-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabilità fil-qalba tas-sistema tal-Unjoni kollha kemm hi, għaldaqstant jipprovdi bażi ġuridika għall-implimentazzjoni ta' dawn il-prinċipji fil-politiki tal-Unjoni dwar l-asil, il-migrazzjoni u l-kontroll tal-fruntieri;

I.  billi s-solidarjetà tista' tieħu l-forom ta' solidarjetà interna u esterna; u billi r-rilokazzjoni, ir-rikonoxximent reċiproku ta' deċiżjonijiet dwar l-asil, il-miżuri ta' appoġġ operattiv, interpretazzjoni proattiva tar-Regolament ta' Dublin attwali u d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja huma kollha għodod ta' solidarjetà interna, filwaqt li r-risistemazzjoni, l-ammissjoni umanitarja u t-tiftix u s-salvataġġ fuq il-baħar jippromwovu s-solidarjetà esterna, u l-mekkaniżmu ta' protezzjoni ċivili jista' jolqot it-tnejn li huma;

J.  billi, fit-3 ta' Marzu 2016, 338 biss mid-39 600 persuna jfittxu asil li qed jistennew riassenjazzjoni minn faċilitajiet ta' akkoljenza Taljani għal Stati Membri oħra ġew rilokati, filwaqt li fil-każ tal-Greċja saru biss 322 mis-66 400 rilokazzjoni proġettata;

L-indirizzar tal-kuntrabandu kriminali, it-traffikar u l-isfruttament tax-xogħol tal-migranti irregolari

K.  billi l-kuntrabandu u t-traffikar tal-migranti u l-isfruttament tal-ħaddiema migranti huma fenomeni ġuridiċi distinti u jiġu indirizzati b'oqfsa ġuridiċi distinti fil-livell tal-Unjoni u dak internazzjonali, jeħtieġu reazzjonijiet immirati kif jixraq, waqt li fil-prattika sikwit huma sovraposti; u billi n-netwerks ta' kuntrabandu kriminali u t-traffikar jistgħu jibdlu l-modus operandi tagħhom malajr ħafna, u għaldaqstant jeħtieġu reazzjonijiet adatti rapidament abbażi tal-aktar data reċenti u preċiża; billi l-isforzi kontra l-kuntrabandu kriminali tal-migranti m'għandhomx jolqtu lill-persuni li jipprovdu għajnuna umanitarja lill-migranti irregolari;

L.  billi l-ġlieda kontra l-kuntrabandu, it-traffikar u l-isfruttament tax-xogħol tal-migranti teħtieġ kemm reazzjonijiet fil-perjodu qasir, medju u fit-tul, fosthom miżuri biex jiġu sfrattati n-netwerks kriminali u biex il-kriminali jiġu mressqa quddiem il-ġustizzja, il-ġbir u l-analiżi tad-data, miżuri ta' protezzjoni għall-vittmi u miżuri ta' ritorn għall-migranti residenti b'mod irregolari, kif ukoll kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi u strateġiji aktar fit-tul sabiex tkun indirizzata d-domanda għal persuni traffikati u kuntrabandati u l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni li jġiegħlu l-persuni jispiċċaw taħt idejn il-kuntrabandisti kriminali;

Il-ġestjoni tal-fruntieri u l-politika tal-viżi, inkluż ir-rwol tal-Aġenzija tal-Fruntieri u ta' Aġenziji rilevanti oħra

M.  billi attwalment għaddejja l-proċedura leġiżlattiva ordinarja fuq diversi proposti tal-Kummissjoni fil-qasam tal-politika tal-fruntieri u tal-viżi, b'mod partikolari dwar il-proposta għal Regolament dwar il-Kodiċi tal-Unjoni dwar il-Viżi (riformulazzjoni) (2014/0094 COD), il-proposta għal regolament li jistabbilixxi viża itineranti (2014/0095 COD) u l-proposta għal regolament dwar format uniformi għall-viża: sigurtà (2015/0134 COD); u billi reċentament saru proposti ġodda f'dan il-qasam mill-Kummissjoni u se jiġu trattati skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja;

N.  billi t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni trid timxi id f'id mal-ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni, bi standards komuni ta' livell għoli, skambju effettiv ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri, u r-rispett sħiħ għad-drittijiet fundamentali ta' kulħadd;

O.  billi l-Parlament Ewropew talab lill-Aġenzija tal-Fruntieri tal-Unjoni ssaħħaħ il-kapaċità tagħha biex tittratta ksur possibbli tad-drittijiet fundamentali, fosthom fi ħdan il-qafas ta' arranġamenti ta' ħidma konklużi mal-awtoritajiet kompetenti ta' pajjiżi terzi, u billi l-proposta tal-Kummissjoni għal Aġenzija tal-Fruntieri tal-Unjoni ġdida tinkludi mekkaniżmu għall-ilmenti;

P.  billi l-Kodiċi dwar il-Viżi attwali jippermetti li l-Istati Membri jiddevjaw mill-kriterji normali ta' ammissibilità fil-każ ta' applikazzjoni għal viża "għal raġunijiet umanitarji" (l-Artikoli 19 u 25);

L-iżvilupp ta' rotot sikuri u legali lejn l-UE għall-persuni li jfittxu asil u għar-rifuġjati, inkluża l-politika ta' risistemazzjoni tal-Unjoni u l-politiki ta' integrazzjoni korrispondenti

Q.  billi 86 % tal-popolazzjoni dinjija ta' rifuġjati huma ospitati minn pajjiżi mhux industrijalizzati; u billi n-netwerks kriminali u l-kuntrabandisti jisfruttaw id-disprament tan-nies li jkunu qed jippruvaw jidħlu fl-UE waqt li jkunu qed jaħarbu l-persekuzzjoni jew il-gwerra;

R.  billi r-rotot sikuri u legali biex ir-rifuġjati jaċċedu l-Unjoni huma limitati, u ħafna għadhom jissograw li jużaw rotot perikolużi; u billi l-ħolqien ta' rotot sikuri u legali biex dawk li qed ifittxu l-asil u r-rifuġjati jidħlu fl-Unjoni, żvilupp fuq leġiżlazzjoni u prattiki eżistenti, jippermetti lill-Unjoni u l-Istati Membri jkollhom stampa ġenerali aħjar tal-ħtiġijiet ta' protezzjoni u tal-influss lejn l-UE u jimmina l-mudell kummerċjali tal-kuntrabandisti;

L-istrateġija dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, b'mod partikolari dwar il-programmi ta' protezzjoni reġjonali, ir-risistemazzjoni, ir-ritorn u l-indirizzar tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni

S.  billi l-kooperazzjoni bejn l-UE u pajjiżi terzi tiġi żviluppata permezz ta' strumenti politiċi bħalma huma d-djalogi reġjonali, id-djalogi bilaterali, l-aġendi komuni għall-migrazzjoni u l-mobilità u s-sħubijiet tal-mobilità, permezz ta' strumenti legali bħal klawżoli tal-migrazzjoni fil-"ftehimiet globali", ftehimiet ta' riammissjoni, ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viżi u ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viża, u permezz ta' strumenti operattivi bħall-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali (RPP), Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni (RDPP), l-arranġamenti ta' ħidma tal-Frontex u l-kooperazzjoni tal-EASO ma' pajjiżi terzi;

T.  billi l-Istati Membri individwali għadhom qed jiżviluppaw azzjoni esterna qawwija dwar il-migrazzjoni fuq livell bilaterali;

U.  billi l-Unjoni intensifikat il-kooperazzjoni esterna tagħha ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil biex tirreaġixxi b'mod adegwat għall-kriżi tar-rifuġjati attwali, u nediet inizjattivi ġodda ta' kooperazzjoni bħalma huma l-Pjan ta' Azzjoni bejn l-UE u t-Turkija, l-impenji meħuda dwar ir-Rotot tal-Balkani tal-Punent u l-Pjan ta' Azzjoni adottat waqt is-Summit tal-Belt Valletta;

L-iżvilupp ta' possibilitajiet legali adegwati għall-migrazzjoni ekonomika

V.  billi huwa mistenni li l-popolazzjoni fl-età tax-xogħol tal-Unjoni se tonqos b'7,5 miljuni sal-2020; billi t-tbassir dwar l-iżvilupp tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol fl-Unjoni jindika nuqqasijiet emerġenti u futuri f'oqsma speċifiċi; u billi ċittadini ta' pajjiżi terzi jħabbtu wiċċhom ma' ħafna diffikultajiet biex jiksbu rikonoxximent tal-kwalifiki barranin tagħhom, u għaldaqstant għandhom it-tendenza li jkunu kwalifikati żżejjed għal xogħolhom;

W.  billi l-approċċ attwali tal-Unjoni lejn il-migrazzjoni tal-ħaddiema huwa frammentat, b'għadd kbir ta' direttivi li jiffokaw fuq kategoriji speċifiċi ta' ħaddiema u ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li, taħt ċerti kundizzjonijiet, jitħallew jaħdmu; u billi dan l-approċċ jista' jservi biss biex jaqdi ħtiġijiet speċifiċi u għal żmien qasir;

Analiżi ta' kif il-fondi tal-Affarijiet Interni qed jintefqu fil-kuntest tal-migrazzjoni u tal-iżvilupp, inklużi l-fondi ta' emerġenza

X.  billi jeżistu diversi strumenti finanzjarji tal-UE għall-finanzjament tal-azzjonijiet tal-Istati Membri u ta' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni, l-asil u l-ġestjoni tal-fruntieri; billi b'mod partikolari l-fondi għall-Istati Membri huma allokati prinċipalment permezz tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), iżda billi diversi programmi u fondi oħra jistgħu jintużaw għal attivitajiet relatati mal-migrazzjoni; u billi l-finanzjament lil pajjiżi terzi, filwaqt li jiġi allokat prinċipalment permezz tal-Istrument ta' Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, huwa amministrat minn diversi Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna;

Y.  billi l-frammentazzjoni eżistenti tal-linji baġitarji u tar-responsabilitajiet taf tagħmilha diffiċli li tingħata ħarsa ġenerali komprensiva ta' kif jintużaw il-fondi, u anki biex jiġi kkwantifikat b'mod preċiż l-ammont ta' infiq tal-Unjoni fuq il-migrazzjoni;

Implimentazzjoni effettiva tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil, inkluż ir-rwol tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil

Z.  billi s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA) tinkludi ġabra ta' regoli komuni għall-politika komuni tal-asil, status tal-asil uniformi u proċeduri tal-asil komuni validi fl-Unjoni kollha; billi, madankollu, ħafna twissijiet, inklużi d-deċiżjonijiet ta' ksur adottati mill-Kummissjoni, juru li f'bosta Stati Membri s-SEKA ma ġietx applikata għalkollox; billi l-implimentazzjoni hija essenzjali sabiex jiġu armonizzati l-liġijiet nazzjonali u tkun promossa s-solidarjetà fost l-Istati Membri, u billi l-Istati Membri jistgħu jfittxu assistenza ta' appoġġ mill-EASO sabiex jissodisfaw l-istandards meħtieġa mis-SEKA; billi l-armonizazzjoni tal-kundizzjonijiet ta' akkoljenza u tal-proċeduri ta' asil tista' tevita l-istress fuq pajjiżi li joffru kundizzjonijiet aħjar u huma kruċjali għat-tqassim tar-responsabilità;

AA.  billi l-mekkaniżmi attwali tas-sistema ta' Dublin naqsu milli jkunu oġġettivi, milli jistabbilixxu kriterji ġusti għall-allokazzjoni tar-responsabilità għall-applikazzjonijiet għal protezzjoni internazzjonali u milli jagħtu aċċess rapidu għall-protezzjoni; billi s-sistema mhux qiegħda tiġi applikata fil-prattika, u ġew adottati derogi espliċiti permezz ta' żewġ deċiżjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rilokazzjoni temporanja; u billi l-Kummissjoni ħabbret proposta għal reviżjoni xierqa tar-Regolament Dublin III sa Marzu 2016;

Dwar is-solidarjetà

1.  Jirrimarka li s-solidarjetà għandha tkun il-prinċipju li fuqu tkun ibbażata l-azzjoni tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni; jinnota li l-prinċipju ta' solidarjetà, kif stabbilit fl-Artikolu 80 tat-TFUE, ikopri l-asil, l-immigrazzjoni u l-politiki tal-kontroll tal-fruntieri; huwa tal-fehma li l-Artikolu 80 jipprovdi bażi ġuridika "b'mod konġunt" mal-Artikoli 77-79 tat-TFUE għall-implimentazzjoni tal-prinċipju ta' solidarjetà f'dawk l-oqsma;

Dwar it-tiftix u s-salvataġġ

2.  Jibda mill-premessa li s-salvataġġ tal-ħajjiet jeħtieġ ikun l-ewwel prijorità u li finanzjament xieraq, fil-livell tal-Unjoni u tal-Istati Membri, għal operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ huwa essenzjali; jinnota li kien hemm żieda fl-għadd ta' wasliet irregolari bil-baħar u żieda allarmanti fl-għadd ta' mwiet fuq il-baħar, u li għad hemm il-ħtieġa ta' reazzjoni aħjar min-naħa tal-Ewropa;

3.  Ifakkar li s-salvataġġ tal-ħajjiet huwa att ta' solidarjetà ma' dawk f'riskju, iżda li huwa wkoll obbligu legali taħt id-dritt internazzjonali, peress li l-Artikolu 98 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar, irratifikata mill-Istati Membri kollha u mill-Unjoni nnifisha, jitlob li tingħata għajnuna lil kwalunkwe persuna li tkun tinsab f'diffikultà fil-baħar;

4.  Huwa tal-fehma li min-naħa tal-Unjoni, rispons permanenti, robust u effettiv fl-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar huwa kruċjali għall-prevenzjoni ta' aktar imwiet ta' migranti li jkunu qed jippruvaw jaqsmu l-baħar Mediterran;

5.  Jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-kapaċitajiet ta' tiftix u salvataġġ għandhom jissaħħu, u li l-gvernijiet tal-Istati Membri jridu jużaw aktar riżorsi, f'termini ta' assistenza u mezzi finanzjarji, fil-kuntest ta' operazzjoni umanitarja fl-Unjoni kollha, dedikata għas-sejbien, is-salvataġġ u l-assistenza tal-migranti fil-periklu u li dawn jinġiebu lejn l-eqreb post ta' sikurezza;

6.  Jirrimarka li l-kaptani ta' bastimenti privati jew ta' organizzazzjonijiet mhux governattivi (NGOs) li ġenwinament jgħinu lil persuni f'diffikultà fuq il-baħar ma għandhomx jissograw li jiġu kkastigati talli jipprovdu tali assistenza; jemmen li bastimenti merkantili m'għandhomx jipprovdu alternattiva minflok mal-Istati Membri u l-Unjoni jissodisfaw l-obbligi tagħhom f'termini ta' tiftix u salvataġġ;

Dwar l-indirizzar tat-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu kriminali

7.  Jitlob li ssir distinzjoni ċara bejn dawk il-persuni li jiddaħħlu fl-Unjoni bil-kuntrabandu u dawk li huma ttraffikati lejn l-Unjoni minħabba li, filwaqt li reazzjoni ta' politika trid tiġi integrata sew, jeħtieġ li tkun ukoll immirata tajjeb; jiddikjara li, f'termini ġenerali, il-kuntrabandu kriminali ta' migranti jinvolvi l-faċilitazzjoni tad-dħul irregolari ta' persuna fi Stat Membru, filwaqt li t-traffikar tal-bnedmin jinvolvi r-reklutaġġ, it-trasport jew l-ilqugħ ta' persuna bl-użu ta' mezzi vjolenti, qarrieqa jew abbużivi, għall-fini ta' sfruttament;

8.  Jemmen li kwalunkwe approċċ olistiku lejn il-migrazzjoni jeħtieġ neċessarjament jinkludi miżuri mmirati biex jisfrattaw l-attivitajiet tan-netwerks kriminali involuti fit-traffikar u l-kuntrabandu tal-persuni;

9.  Jilqa' r-rwol pożittiv tal-bastimenti militari fis-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar u biex jisfrattaw in-netwerks kriminali sal-lum; jappoġġja l-għanijiet ta' operazzjonijiet tal-forzi navali bħall-Operazzjoni Sophia, u jisħaq fuq il-ħtieġa li tkun imħarsa l-ħajja, filwaqt li jenfasizza li l-aspetti kollha tal-operazzjoni għandhom jiżguraw li jiġu protetti l-ħajjiet tal-migranti;

10.  Jissottolinja li l-operazzjonijiet militari m'għandhomx ikunu l-aspett predominanti ta' kwalunkwe approċċ olistiku għall-migrazzjoni u jtenni li l-Operazzjoni Sophia ma għandhiex tieħu mit-tagħmir ġa impjegat fil-Mediterran fis-salvataġġ tal-ħajjiet fuq il-baħar;

Dwar ir-rwol tal-aġenziji tal-Unjoni fil-ġlieda kontra l-kuntrabandu kriminali

11.  Jirrimarka li, peress li l-kriminali jistgħu jibdlu l-modus operandi tagħhom malajr ħafna, u fil-fatt hekk jagħmlu, ir-reazzjonijiet tal-politika jridu jadattaw ruħhom għall-aktar data reċenti u preċiża; jinnota, bħala pass pożittiv 'il quddiem, li l-Kummissjoni adottat Pjan ta' Azzjoni tal-Unjoni kontra t-Traffikar tal-Migranti fis-27 ta' Mejju 2015 ("il-Pjan ta' Azzjoni dwar il-Kuntrabandu"), li skontu l-Kummissjoni tipprevedi t-twaqqif ta' Grupp ta' Kuntatt tal-Aġenziji tal-Unjoni dwar il-kuntrabandu tal-migranti, sabiex jiġu msaħħa l-kooperazzjoni operattiva tagħhom u l-iskambju ta' informazzjoni bejniethom;

12.  Jenfasizza li għandu jsir użu sħiħ mill-istrumenti eżistenti, bħall-analiżijiet tar-riskji tal-aġenziji; josserva li l-aġenziji tal-Unjoni għandhom jikkooperaw bis-sħiħ, iżda jeħtieġ ukoll li dawn iżidu l-kooperazzjoni mal-Istati Membri; jinnota li koordinazzjoni aħjar tal-isforzi għandha tippermetti l-ġbir ta' data fil-livell nazzjonali u l-komunikazzjoni ta' din id-data lill-Aġenziji;

Dwar ir-rilokazzjoni

13.  Ifakkar li l-proċess ta' rilokazzjoni - jiġifieri t-trasferiment ta' applikant għal protezzjoni internazzjonali jew benefiċjarju ta' protezzjoni internazzjonali minn Stat Membru għal ieħor - huwa eżempju prattiku ta' solidarjetà fi ħdan l-Unjoni; ifakkar ukoll li l-Parlament ilu mill-2009 'l hawn jitlob li jkun hemm mekkaniżmu vinkolanti għad-distribuzzjoni ta' dawk li jfittxu l-asil fost l-Istati Membri kollha;

14.  Jinnota li, matul l-aħħar sena, il-Kunsill adotta żewġ deċiżjonijiet dwar miżuri ta' rilokazzjoni temporanja fl-Unjoni ("Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni")[12], u li dawn jinvolvu t-trasferiment ta' applikanti għal protezzjoni internazzjonali mill-Greċja u mill-Italja lejn Stati Membri oħra; josserva li, minkejja li d-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni ma jtemmux ir-regoli attwali ta' Dublin dwar l-allokazzjoni ta' responsabilità, dawn jikkostitwixxu "deroga temporanja" mir-regoli ta' Dublin;

15.  Huwa tal-fehma li t-twaqqif ta' miżuri ta' rilokazzjoni urġenti huwa pass fid-direzzjoni t-tajba, u jistieden lill-Istati Membri jissodisfaw l-obbligi tagħhom fir-rigward ta' dawn il-miżuri mill-aktar fis possibbli;

16.  Ifakkar li, għall-finijiet tad-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni, ir-rilokazzjoni se tkopri biss dawk in-nazzjonalitajiet li għalihom il-proporzjon ta' deċiżjonijiet pożittivi rigward l-għoti ta' protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni kienet ta' 75 % jew aktar għat-tliet xhur preċedenti, abbażi tad-data tal-Eurostat; jinnota li d-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni se jolqtu għadd relattivament żgħir ta' nies, u se jħallu barra l-għadd kbir ta' applikanti li joriġinaw minn pajjiżi terzi oħra li ma jistgħux jiġu rilokati skont dawk id-deċiżjonijiet;

17.  Jinsab imħasseb li, skont id-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni attwali, l-Istati Membri tal-ewwel wasla xorta għad iridu jittrattaw it-talbiet aktar kumplikati għal protezzjoni internazzjonali (u l-appelli), iridu jorganizzaw perjodi itwal ta' akkoljenza u se jkollhom jikkoordinaw ir-ritorn ta' dawk li fl-aħħar mill-aħħar ma jkunux intitolati għal protezzjoni internazzjonali; itenni li kwalunkwe sistema ġdida għall-ġestjoni tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil għandha tkun ibbażata fuq solidarjetà u tqassim ġust tar-responsabilità;

18.  Huwa tal-fehma li, minbarra l-kriterji li jinsabu fid-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni, jiġifieri l-PDG tal-Istat Membru, il-popolazzjoni tal-Istat Membru, ir-rata tal-qgħad fl-Istat Membru, u l-għadd imgħoddi ta' persuni li fittxew asil fl-Istat Membru, għandhom jiġu kkunsidrati żewġ kriterji oħra, jiġifieri d-daqs tat-territorju tal-Istat Membru u d-densità tal-popolazzjoni tal-Istat Membru;

19.  Jemmen li l-preferenzi tal-applikant, sa fejn jista' jkun possibbli fil-prattika, għandhom jitqiesu fit-twettiq tar-rilokazzjoni; jirrikonoxxi li dan huwa mod wieħed kif jiġu skoraġġuti movimenti sekondarji u kif l-applikanti nfushom jiġu mħeġġa jaċċettaw id-deċiżjonijiet ta' rilokazzjoni, iżda li dan m'għandux iwaqqaf il-proċess ta' rilokazzjoni;

Dwar ir-risistemazzjoni

20.  Huwa tal-fehma li r-risistemazzjoni hija waħda mill-alternattivi ppreferuti għall-għoti ta' aċċess sikur u legali għall-Unjoni lir-rifuġjati u lil dawk li jkunu jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, meta r-rifuġjati la jkunu jistgħu jirritornaw fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom u lanqas jirċievu protezzjoni effettiva jew jiġu integrati fil-pajjiż ospitanti;

21.  Josserva, barra minn hekk, li r-risistemazzjoni taħt l-awspiċji tal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Rifuġjati (UNHCR) hija programm umanitarju stabbilit sewwa, u hija għodda utli għall-ġestjoni ta' wasliet ordnati ta' persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali fit-territorji tal-Istati Membri;

22.  Jirrimarka li, minħabba l-flussi bla preċedent ta' migranti li waslu u li qed ikomplu jaslu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni, u ż-żieda kostanti fl-għadd ta' persuni li jitolbu protezzjoni internazzjonali, l-Unjoni teħtieġ approċċ leġiżlattiv vinkolanti u obbligatorju għar-risistemazzjoni, kif stabbilit fl-aġenda tal-Kummissjoni dwar il-migrazzjoni; jirrakkomanda li, sabiex ikollu impatt, approċċ tali jeħtieġ jipprevedi r-risistemazzjoni ta' għadd sinifikanti ta' rifuġjati, fir-rigward tal-għadd totali ta' rifuġjati li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni, u li jqis il-ħtiġijiet globali ta' risistemazzjoni ppubblikati kull sena mill-UNHCR;

23.  Jissottolinja li hu meħtieġ programm ta' risistemazzjoni permanenti madwar l-Unjoni kollha, bil-parteċipazzjoni obbligatorja tal-Istati Membri, li jipprovdi risistemazzjoni għal għadd sinifikanti ta' rifuġjati, meta jitqies l-għadd totali tar-rifuġjati li jfittxu protezzjoni fl-Unjoni;

Dwar l-ammissjoni umanitarja

24.  Jirrimarka li l-ammissjoni umanitarja tista' tintuża biex tikkumplimenta r-risistemazzjoni sabiex tagħti protezzjoni urġenti, ħafna drabi fuq bażi temporanja, lill-aktar vulnerabbli, fejn meħtieġ, pereżempju lil minorenni mhux akkumpanjati jew rifuġjati b'xi diżabilità jew dawk li jeħtieġu evakwazzjoni medika urġenti;

25.  Jenfasizza li, sa fejn ir-risistemazzjoni tibqa' mhux disponibbli għal ċittadini ta' pajjiżi terzi, l-Istati Membri kollha għandhom jiġu mħeġġa jistabbilixxu u jimplimentaw programmi ta' ammissjoni umanitarja;

Dwar il-viżi umanitarji

26.  Jirrimarka li l-viżi umanitarji jipprovdu lil persuni fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali bil-mezzi biex jaċċedu għal pajjiż terz sabiex japplikaw għall-asil; jistieden lill-Istati Membri biex jużaw kwalunkwe possibilità eżistenti li jipprovdu viżi umanitarji, b'mod partikolari lil persuni vulnerabbli, fl-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari tal-Unjoni fil-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;

27.  Iqis li persuni li qed ifittxu protezzjoni internazzjonali għandhom ikunu jistgħu japplikaw għal viża umanitarja Ewropea direttament fi kwalunkwe konsulat jew ambaxxata tal-Istati Membri, ġaladarba ssir valutazzjoni u tingħata, tali viża umanitarja tippermetti lid-detentur tagħha li jidħol fit-territorju tal-Istat Membru li joħroġ il-viża għall-iskop uniku li jressaq fiha applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali; jemmen, għalhekk, li huwa neċessarju li l-Kodiċi tal-Unjoni dwar il-Viżi jiġi emendat billi jiddaħħlu fih dispożizzjonijiet aktar speċifiċi dwar viżi umanitarji;

Dwar is-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil (SEKA)

28.  Jirrimarka li huma meħtieġa passi ulterjuri biex jiġi żgurat li s-SEKA ssir verament sistema uniformi;

29.  Ifakkar li valutazzjoni komprensiva (fil-forma ta' rapporti ta' evalwazzjoni tal-Kummissjoni) tal-implimentazzjoni ta' dan il-pakkett, flimkien ma' segwitu rapidu fil-każ ta' implimentazzjoni mhux sodisfaċenti f'ċerti Stati Membri, hi assolutament meħtieġa sabiex titjieb l-armonizzazzjoni;

30.  Jinnota, pereżempju, li applikazzjonijiet inammissibbli, applikazzjonijiet sussegwenti, proċeduri aċċelerati u proċeduri fil-fruntieri huma kollha każijiet speċifiċi fejn ir-riformulazzjoni tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil ipprovat issib bilanċ delikat bejn l-effiċjenza tas-sistema u d-drittijiet tal-applikanti, b'mod partikolari dawk ta' persuni vulnerabbli, jenfasizza li dan il-bilanċ jista' jintlaħaq biss jekk il-leġiżlazzjoni tiġi implimentata bis-sħiħ u kif jixraq;

31.  Jenfasizza l-importanza ta' kontroll ġudizzjarju ta' kull forma ta' detenzjoni skont il-liġijiet dwar l-immigrazzjoni u l-asil; ifakkar li kemm id-dritt internazzjonali kif ukoll il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE jeżiġu li l-Istati Membri jeżaminaw alternattivi għad-detenzjoni; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod korrett il-Proċeduri tal-Asil u d-Direttivi dwar il-Kundizzjonijiet ta' Akkoljenza f'rabta mal-aċċess għaċ-ċentri ta' detenzjoni;

32.  Ifakkar fl-importanza li jitnaqqas l-għadd ta' persuni apolidi, u jinkoraġġixxi l-Istati Membri jintroduċu proċeduri għad-determinazzjoni tal-apolidija u jaqsmu bejniethom il-prattiki tajbin dwar il-ġbir ta' data affidabbli dwar persuni apolidi kif ukoll dwar il-proċeduri għad-determinazzjoni tal-apolidija;

Dwar ir-reviżjoni tar-Regolament Dublin III

33.  Josserva li l-operazzjoni tar-Regolament Dublin III[13] qajmet ħafna mistoqsijiet marbuta mal-ġustizzja u s-solidarjetà fl-allokazzjoni tal-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għal protezzjoni internazzjonali; jinnota li s-sistema attwali ma tqisx biżżejjed il-pressjoni migratorja partikolari li jiffaċċjaw l-Istati Membri li jinsabu fil-fruntieri esterni tal-Unjoni; jemmen li l-Istati Membri jeħtieġ li jaċċettaw id-diffikultajiet attwali bil-loġika ta' Dublin u li l-Unjoni għandha tiżviluppa alternattivi għas-solidarjetà kemm fost l-Istati Membri kif ukoll mal-migranti kkonċernati;

34.  Jenfasizza li l-pressjoni fuq is-sistema, kif stabbilita mir-Regolament ta' Dublin, minħabba n-numru dejjem jikber ta' migranti li jaslu fl-Unjoni wriet li, kif qed tkun implimentata, is-sistema fil-biċċa l-kbira ma rnexxilhiex tilħaq iż-żewġ għanijiet primarji tagħha li tistabbilixxi kriterji oġġettivi u ġusti għall-allokazzjoni ta' responsabilità u li toffri aċċess rapidu għal protezzjoni internazzjonali; itenni r-riservi tiegħu dwar il-kriterju fejn attwalment huwa l-Istat Membru tal-ewwel dħul li huwa determinat li jkun responsabbli għall-eżami ta' talba għal protezzjoni internazzjonali, u jqis li dan il-kriterju għandu jiġi rivedut;

35.  Jirrimarka wkoll li, fl-istess ħin, l-inċidenza ta' movimenti sekondarji madwar l-Unjoni għadha għolja; iqis li huwa ovvju li, sa mill-ħolqien tagħha, is-sistema ta' Dublin ma kinitx imfassla biex tqassam ir-responsabilità fost l-Istati Membri, iżda li l-iskop prinċipali tagħha kien li tassenja rapidament responsabilità għall-ipproċessar ta' applikazzjoni għall-asil lil Stat Membru wieħed;

36.  Jirrakkomanda li l-kriterji li fuqhom huma bbażati d-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni għandhom jinbnew direttament fir-regoli standard tal-Unjoni għall-allokazzjoni tar-responsabilità għall-ipproċessar ta' talbiet għal protezzjoni internazzjonali; jenfasizza li, fir-rieżami tar-Regolament ta' Dublin, il-kunċett ta' "applikanti li jkunu fi bżonn ċar ta' protezzjoni internazzjonali" jeħtieġ li jiġi rieżaminat, billi dawk il-migranti u r-rifuġjati li ma jaqgħux f'dik il-kategorija xorta jridu jiġu trattati mill-Istat Membru tal-ewwel wasla;

37.  Hu tal-fehma li l-Unjoni Ewropea għandha tappoġġja l-Istati Membri li jirċievu l-aktar talbiet għall-asil b'appoġġ finanzjarju u tekniku proporzjonat u xieraq; iqis li r-raġuni fundamentali għall-użu ta' miżuri ta' solidarjetà u tat-tqassim tar-responsabilità hija li tittejjeb il-kwalità u t-tħaddim tas-SEKA;

38.  Jirrimarka li alternattiva għal tiġdid maġġuri tas-sistema ta' Dublin tista' tkun li jiġi stabbilit ġbir ċentrali ta' applikazzjonijiet fil-livell tal-Unjoni, hekk li kull min ifittex l-asil ikun meqjus bħala xi ħadd li qed ifittex l-asil fl-Unjoni bħala entità waħda u mhux fi Stat Membru individwali, u li tiġi stabbilita sistema ċentrali għall-allokazzjoni ta' responsabilità għal kwalunkwe persuna li tfittex l-asil fl-Unjoni; jissuġġerixxi li sistema bħal din tista' tipprovdi ċerti limiti għal kull Stat Membru skont in-numru ta' wasliet, u dan jista' jgħin biex jiġu skoraġġiti l-movimenti sekondarji, hekk kif l-Istati Membri kollha jkunu involuti bis-sħiħ fis-sistema ċentralizzata u ma jibqax ikollhom responsabilità individwali għall-allokazzjoni ta' applikanti lejn Stati Membri oħra; jemmen li tali sistema tkun tista' tiffunzjona abbażi ta' għadd ta' "hotspots" tal-Unjoni minn fejn għandha ssir id-distribuzzjoni tal-Unjoni; jissottolinja li kwalunkwe sistema ġdida għall-allokazzjoni ta' responsabilità għandha tinkorpora l-kunċetti ewlenin tal-unità tal-familja u tal-aħjar interessi tat-tfal;

Dwar ir-rikonoxximent reċiproku

39.  Jinnota li fil-preżent, l-Istati Membri ma jirrikonoxxux deċiżjonijiet ta' Stati Membri oħra dwar l-asil għajr meta dawn ikunu negattivi; itenni li r-rikonoxximent reċiproku min-naħa tal-Istati Membri ta' deċiżjonijiet pożittivi dwar l-asil ikunu pass loġiku favur l-implimentazzjoni xierqa tal-Artikolu 78(2)(a) tat-TFUE, li jitlob "status uniformi ta' asil validu fl-Unjoni kollha";

Dwar id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja

40.  Jirrimarka li, fil-każ ta' influss bil-massa, il-Kummissjoni, waqt li taġixxi fuq inizjattiva proprja jew wara li tagħmel eżami ta' talba minn Stat Membru, tista' tipproponi li tattiva d-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE dwar il-Protezzjoni Temporanja (id-"Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja")[14]; josserva li l-attivazzjoni nfisha tirrikjedi deċiżjoni tal-Kunsill adottata b'maġġoranza kwalifikata; jinnota li d-Direttiva għandha tiġi attivata meta jkun hemm riskju li s-sistema ta' asil tal-Unjoni ma tkunx tista' tkampa mal-influss bil-massa jew l-influss bil-massa imminenti ta' persuni spostati; jenfasizza, madankollu, li, mill-adozzjoni tagħha fl-2001, id-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja qatt ma ġiet attivata;

41.  Jinnota li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tipprevedi wkoll il-possibilità ta' evakwazzjoni ta' persuni spostati minn pajjiżi terzi, u li tali evakwazzjoni tagħti lok għall-użu ta' kurituri umanitarji, f'kooperazzjoni mal-UNHCR, b'obbligu fuq l-Istati Membri, fejn meħtieġ, biex jipprovdu kull faċilità għall-ksib ta' viżi;

42.  Jemmen li s-sistemi tal-asil ta' uħud mill-Istati Membri l-aktar esposti diġà huma mgħobbija żżejjed u li d-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja, skont il-loġika tagħha stess, missha ġiet attivata; jitlob, f'kull każ, li tiġi stabbilita definizzjoni ċara ta' "influss bil-massa" meta din id-direttiva tiġi riveduta; jifhem li tali reviżjoni tad-Direttiva dwar il-Protezzjoni Temporanja tista' tifforma parti mir-rieżami tas-sistema ta' Dublin;

Dwar l-integrazzjoni

43.  Jinnota li l-parteċipazzjoni tal-atturi kollha involuti fis-soċjetà huwa kruċjali, u għalhekk jissuġġerixxi li, filwaqt li jiġu rispettati l-kompetenzi tal-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam ma' miżuri ta' integrazzjoni, l-iskambju tal-aħjar prattika f'dan il-qasam għandha tiġi msaħħa; jissottolinja li l-miżuri ta' integrazzjoni għaċ-ċittadini kollha ta' pajjiżi terzi residenti legalment għandhom jippromwovu l-inklużjoni, minflok l-iżolament; jinnota li l-awtoritajiet lokali u reġjonali, inklużi l-bliet, għandhom rwol ewlieni fil-proċessi ta' integrazzjoni;

44.  Jenfasizza li l-Istati Membri ospitanti jeħtieġ li joffru appoġġ u opportunitajiet lir-rifuġjati biex jintegraw u jibnu ħajja fis-soċjetà l-ġdida tagħhom; jinnota li dan għandu neċessarjament jinkludi l-akkomodazzjoni, korsijiet tal-litteriżmu u tal-lingwa, djalogu interkulturali, edukazzjoni u taħriġ professjonali, kif ukoll aċċess effettiv għall-istrutturi demokratiċi fis-soċjetà – kif previst fid-Direttiva dwar il-Kwalifiki[15]; jinnota li, bħaċ-ċittadini tal-Unjoni, ir-rifuġjati għandhom kemm drittijiet kif ukoll obbligi fl-Istati Membri ospitanti; jenfasizza li l-integrazzjoni hija proċess f'żewġ direzzjonijiet u li r-rispett lejn il-valuri li fuqhom hija mibnija l-UE għandu jkun parti integrali mill-proċess ta' integrazzjoni, bħar-rispett tad-drittijiet fundamentali tar-rifuġjati;

45.  Ifakkar li, skont l-Artikolu 15 tad-Direttiva dwar il-Kundizzjonijiet tal-Akkoljenza, l-Istati Membri għandhom jiddeċiedu l-kundizzjonijiet għall-għoti ta' aċċess lill-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali għas-swieq tax-xogħol tagħhom, sakemm tali aċċess ikun effettiv u konformi mal-iskeda ta' żmien stabbilita fil-Paragrafu 1 ta' dak l-Artikolu; jifhem li skont l-Artikolu 15(2), għal raġunijiet ta' politika tas-suq tax-xogħol l-Istati Membri jistgħu jagħtu prijorità liċ-ċittadini tal-Unjoni u liċ-ċittadini tal-Istati partijiet għall-Ftehim dwar iż-Żona Ekonomika Ewropea, u liċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi residenti legalment;

46.  Huwa tal-fehma li, meta dawk il-persuni li jingħataw protezzjoni internazzjonali fl-Unjoni jkollhom offerta ta' impjieg fi Stat Membru ieħor li ma jkunx dak li fih ingħataw protezzjoni internazzjonali, huma għandu jkollhom il-possibilità li jaċċettaw din l-offerta;

47.  Jafferma mill-ġdid li rikonoxximent aħjar tal-kwalifiki barranin hu mezz prattiku biex jiġi żgurat li ċittadini ta' pajjiżi terzi li diġà jinsabu fl-Unjoni jkunu jistgħu jintegraw aħjar, u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti adatti f'dan ir-rigward;

48.  Iħeġġeġ programmi ta' integrazzjoni privati u komunitarji għal dawk il-persuni li ġew aċċettati għal risistemazzjoni, b'kooperazzjoni mal-Istati Membri, u permezz ta' żviluppi fuq l-aħjar prattiki tal-Istati Membri u l-awtoritajiet lokali;

Dwar l-unità tal-familja

49.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jfittxu li jżommu l-familji flimkien, u dan se jgħin il-prospetti ta' integrazzjoni fit-tul peress li l-attenzjoni tkun iffukata fuq l-istabbiliment ta' ħajja ġdida u mhux fuq it-tħassib dwar membri tal-familja li jkunu għadhom f'sitwazzjonijiet mhux sikuri;

50.  Jissottolinja li l-Istati Membri għandhom jegħlbu l-ostakli legali u prattiċi biex jaslu għal deċiżjonijiet aktar rapidi dwar ir-riunifikazzjoni tal-familji;

51.  Jirrakkomanda li, sakemm ir-Regolament ta' Dublin jiġi mibdul b'mod radikali, huwa importanti li l-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-klawsoli diskrezzjonarji biex jirrispettaw il-prinċipju tal-unità tal-familja;

Dwar it-tfal

52.  Jenfasizza l-pożizzjoni vulnerabbli tat-tfal li jaslu fl-Unjoni u jtenni d-dritt ta' kull tifel u tifla li jiġu trattati l-ewwel u qabel kollox bħala tfal; jistieden lill-Istati Membri biex japplikaw b'mod sħiħ id-dispożizzjonijiet speċifiċi tas-SEKA dwar minorenni mhux akkumpanjati, inkluż l-aċċess għal assistenza legali, tutela, aċċess għall-kura tas-saħħa, l-akkomodazzjoni u l-edukazzjoni, id-dritt li dak li jkun jitkellem b'lingwa li jifhem u li jkun intervistat minn uffiċjali mħarrġa kif jixraq; itenni li l-Istati Membri ma għandhomx jiddettjenu t-tfal għar-raġuni li jkunu migranti;

53.  Ifakkar li l-appoġġ, l-informazzjoni u l-protezzjoni għandhom jiġu estiżi għal tfal mhux akkumpanjati jew separati, f'konformità mal-aħjar interessi tagħhom, u li l-applikazzjonijiet għal riunifikazzjoni tal-familji ppreżentati minn tfal mhux akkumpanjati jew separati għandhom ikunu mħaffa;

54.  Jinnota li tutela effettiva u sistema ta' protezzjoni sensittiva għat-tfal huma essenzjali għall-prevenzjoni tal-abbuż, in-negliġenza u l-isfruttament ta' tfal imċaħħda mill-indukrar tal-ġenituri; jenfasizza l-importanza li jiġu definiti linji gwida tal-UE għal sistema ta' tutela bl-għan li jipprovdu appoġġ u protezzjoni xierqa u li jiżguraw li t-tfal barranin u nazzjonali jiġu trattati bl-istess mod;

55.   Jemmen li d-determinazzjoni tal-età għandha ssir bl-inqas mod invażiv possibbli, għandha tkun multidixxiplinarja u sikura u għandha tirrispetta l-integrità fiżika u d-dinjità umana tat-tfal, b'attenzjoni partikolari għall-bniet, u għandha ssir minn prattikanti u esperti indipendenti u kwalifikati;

56.  Jistieden lill-Istati Membri jiġbru data diżaggregata dwar is-sitwazzjoni tat-tfal rifuġjati u migranti sabiex titjieb il-kapaċità tas-sistemi li jintegraw lit-tfal ta' rifuġjati u migranti;

Dwar ir-ritorni

57.  Jifhem li r-ritorn sikur ta' dawk in-nies li, wara valutazzjoni individwali tal-applikazzjoni tagħhom għall-asil, jitqies li ma jkunux eleġibbli għall-protezzjoni fl-Unjoni, jeħtieġ li jsir bħala parti mill-implementazzjoni xierqa tas-SEKA;

58.  Jirrikonoxxi li, fid-dawl tal-fatt li fl-2014, 36 % taċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li kienu ordnati jitilqu mill-Unjoni fil-fatt ġew ritornati, jeħtieġ li tittejjeb l-effikaċja tas-sistema ta' ritorn tal-Unjoni;

59.  Iqis li sabiex tiżdied l-effiċjenza tar-riammissjonijiet, u sabiex tiġi żgurata l-koerenza tar-ritorni fil-livell Ewropew, se jkun meħtieġ li jiġu adottati ftehimiet ta' riammissjoni Ewropej ġodda li jieħdu preferenza fuq ftehimiet bilaterali bejn l-Istati Membri u pajjiżi terzi;

60.  Jemmen li r-ritorn tal-migranti għandu jitwettaq biss b'mod sikur, b'konformità sħiħa mad-drittijiet fundamentali u proċedurali tal-migranti konċernati, u meta l-pajjiż fejn ikunu qed jiġu ritornati jkun sikur għalihom; itenni, f'dan ir-rigward, li għandha tingħata prijorità lir-ritorn volontarju minflok ir-ritorn furzat;

61.  Jissuġġerixxi li kull tentattiv mill-Istati Membri biex jagħmlu "push back" tal-migranti li ma jkunux ġew mogħtija l-opportunità li jippreżentaw talbiet għall-asil imur kontra d-dritt tal-Unjoni u d-dritt internazzjonali, u li l-Kummissjoni għandha tieħu azzjoni xierqa kontra kwalunkwe Stat Membru li jipprova jwettaq tali "push backs";

Dwar lista ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri

62.  Jirrikonoxxi l-proposta reċenti tal-Kummissjoni għal lista tal-Unjoni ta' pajjiżi ta' oriġini bla periklu, li temenda d-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil[16]; josserva li jekk tali lista tal-Unjoni ssir obbligatorja għall-Istati Membri din tista', fil-prinċipju, tkun għodda importanti għall-iffaċilitar tal-proċess tal-asil, inkluż ir-ritorn;

63.  Jiddispjaċih dwar is-sitwazzjoni attwali fejn l-Istati Membri japplikaw listi differenti, li fihom pajjiżi sikuri differenti, u dan ixekkel l-applikazzjoni uniformi u jinċentiva l-movimenti sekondarji;

64.  Jissottolinja, fi kwalunkwe każ, li l-ebda lista ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri m'għandha tippreġudika l-prinċipju li kull persuna għandu jsirilha eżami individwali xieraq tal-applikazzjoni tiegħu jew tagħha għall-protezzjoni internazzjonali;

Dwar il-proċeduri ta' ksur

65.  Jinnota li f'Settembru 2015, il-Kummissjoni kienet obbligata tadotta 40 deċiżjoni ta' ksur relatati mal-implimentazzjoni tas-SEKA kontra 19-il Stat Membru, u dan apparti 34 każ ieħor li diġà kienu pendenti; itenni li l-Parlament għandu jinżamm għalkollox infurmat dwar il-proċedimenti mibdija mill-Kummissjoni kontra l-Istati Membri li ma implimentawx, jew ma implimentawx kif suppost, il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni f'dan il-qasam;

66.  Jenfasizza mill-ġdid kemm hu essenzjali li, ladarba l-leġiżlazzjoni tal-Unjoni tkun ġiet miftiehma u adottata, l-Istati Membri jżommu kelmthom u jimplimentaw dik il-leġiżlazzjoni;

67.  Jinnota wkoll li huwa impossibbli li jiġu evalwati kif jixraq il-vantaġġi u l-iżvantaġġi ta' ċerti elementi tas-SEKA minħabba l-fatt li ħafna Stati Membri għadhom ma implimentawx il-leġiżlazzjoni għalkollox;

Dwar l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-Qasam tal-Asil (EASO)

68.  Jirrakkomanda li l-EASO jiġi żviluppat, fuq medda ta' żmien twila, f'koordinatur prinċipali tas-SEKA bil-ħsieb li tkun iggarantita l-applikazzjoni komuni tar-regoli ta' dik is-sistema; itenni li, hekk kif is-SEKA ssir ġenwinament Ewropea, l-EASO jeħtieġ jiżviluppa minn ġabra ta' esperti mill-Istati Membri għal aġenzija stabbilita tal-Unjoni li tipprovdi appoġġ operazzjonali lill-Istati Membri u fil-fruntieri esterni; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li din jeħtieġ li tingħata l-finanzjament u r-riżorsi umani meħtieġa fuq medda qasira, medja u twila ta' żmien;

69.  Josserva li l-baġit tal-EASO għall-2015 għar-rilokazzjoni, ir-risistemazzjoni u d-dimensjoni esterna kien ta' EUR 30 000 biss; itenni li dan il-baġit tant żgħir ma jistax jittieħed bis-serjetà fid-dawl tal-avvenimenti attwali fil-Mediterran u fid-dawl tad-diversi referenzi magħmula lill-EASO fid-Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni; ifakkar li żidiet sinifikanti fil-baġit tal-EASO, fir-riżorsi umani tiegħu u fl-ammonti li dan jalloka fir-rigward tar-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni, se jkunu meħtieġa fuq medda qasira, medja u twila ta' żmien;

Dwar il-Frontex u l-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta ġdida proposta

70.  Jinnota r-rwol reċenti tal-Frontex fl-għoti ta' assistenza lil kwalunkwe bastiment jew persuna f'diffikultà fil-baħar, u jirrikonoxxi l-kontribut tagħha, permezz tal-operazzjonijiet konġunti Triton u Poseidon, għas-salvataġġ ta' ħafna ħajjiet fil-Mediterran;

71.  Jifhem li din il-Gwardja Ewropea tal-Fruntiera u tal-Kosta li ġiet proposta reċentement hija maħsuba biex tissostitwixxi l-Frontex u tiżgura sistema integrata Ewropea għall-ġestjoni tal-fruntieri fil-fruntieri esterni bl-għan li l-migrazzjoni tiġi ġestita b'mod effettiv u tiżgura livell għoli ta' sigurtà interna fi ħdan l-Unjoni, filwaqt li jkun issalvagwardjat il-moviment ħieles tal-persuni fi ħdanha; f'konformità mat-Trattati u l-Protokolli tagħhom, jinnota li l-Istati Membri li huma parti mill-Ftehimiet ta' Schengen iżda għadhom mhumiex parti miż-Żona Schengen mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni jistgħu jipparteċipaw fi u/jew jibbenefikaw mill-azzjonijiet kollha skont il-proposta l-ġdida;

72.  Jistenna bil-ħerqa n-negozjati dwar il-proposta fi ħdan u bejn il-koleġiżlaturi fil-kuntest tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, skont l-Artikolu 294 tat-TFUE;

Dwar Schengen u l-ġestjoni u s-sigurtà tal-fruntieri esterni

73.  Ifakkar li minn meta ġiet stabbilita ż-Żona Schengen, l-Unjoni hija żona mingħajr fruntieri interni, li l-Istati Membri ta' Schengen żviluppaw politika komuni pass wara pass lejn il-fruntieri esterni ta' Schengen, u li l-loġika inerenti ta' sistema bħal din minn dejjem kienet li l-abolizzjoni tal-kontrolli fil-fruntieri interni għandha timxi id f'id ma' miżuri kompensatorji għat-tisħiħ tal-fruntieri esterni taż-Żona Schengen u l-qsim tal-informazzjoni permezz tas-Sistema ta' Informazzjoni ta' Schengen ("SIS");

74.  Jirrikonoxxi li l-integrità taż-Żona Schengen u t-tneħħija tal-kontrolli fil-fruntieri interni jiddependu fuq ġestjoni effettiva tal-fruntieri esterni, bi standards komuni għoljin applikati mill-Istati Membri kollha fil-fruntieri esterni u skambju effettiv ta' informazzjoni bejniethom;

75.  Jaċċetta li l-Unjoni jeħtieġ li ssaħħaħ il-protezzjoni tal-fruntieri esterni tagħha u tkompli tiżviluppa s-SEKA, u li jinħtieġu miżuri biex tissaħħaħ il-kapaċità taż-Żona Schengen li tindirizza l-isfidi l-ġodda li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Ewropa u tħares il-prinċipji fundamentali tas-sigurtà u l-moviment liberu tal-persuni;

76.  Jindika li l-aċċess għat-territorju taż-Żona Schengen b'mod ġenerali huwa kkontrollat fil-fruntiera esterna skont il-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen u li, barra minn hekk, iċ-ċittadini ta' bosta pajjiżi terzi jeħtieġu viża biex jidħlu fiż-Żona Schengen;

77.  Itenni t-talba tal-UNHCR li r-rispett tad-drittijiet fundamentali u l-obbligi internazzjonali jistgħu jiġu żgurati biss jekk il-proċeduri u l-pjanijiet operattivi jirriflettu dawk l-obbligi fi gwida prattika u ċara lill-persunal tal-fruntiera, inklużi dawk tal-fruntieri tal-art, tal-baħar u tal-ajru; jiġbed l-attenzjoni dwar il-ħtieġa li jkompli jiġi msaħħaħ il-Mekkaniżmu tal-Unjoni għall-Protezzjoni Ċivili biex jirreaġixxi għal okkażjonijiet li jkollhom impatti b'firxa wiesgħa li jolqtu għadd sinifikanti ta' Stati Membri.

78.  Jenfasizza għal darb'oħra li rigward leġiżlazzjoni speċifika fil-qasam tal-asil u l-migrazzjoni, biex il-leġiżlazzjoni dwar il-fruntieri interni u esterni tkun effettiva, huwa essenzjali li l-miżuri miftiehma fil-livell tal-Unjoni jiġu implimentati kif jixraq mill-Istati Membri; jissottolinja li implimentazzjoni aħjar ta' miżuri mill-Istati Membri fil-fruntieri esterni, wara żieda fil-pressjoni, hija essenzjali u għandha tgħin xi ftit biex ittaffi l-biża' taċ-ċittadini rigward is-sigurtà ;

79.  Jieħu nota li fil-15 ta' Diċembru 2015, il-Kummissjoni ressqet proposta għal reviżjoni mmirata tal-Kodiċi tal-Fruntieri ta' Schengen, u pproponiet li jiġu introdotti kontrolli sistematiċi taċ-ċittadini tal-Unjoni kollha (mhux biss fuq ċittadini ta' pajjiżi terzi) mal-bażijiet ta' data rilevanti fil-fruntieri esterni taż-Żona Schengen;

80.   Iqis li ż-Żona Schengen hija waħda mill-akbar kisbiet tal-integrazzjoni Ewropea; jinnota li l-kunflitt fis-Sirja u kunflitti oħra f'partijiet oħra tar-reġjun qanqlu l-wasla ta' għadd rekord ta' rifuġjati u migranti fl-Unjoni, li min-naħa tagħha wriet nuqqasijiet f'partijiet tal-fruntieri esterni tal-Unjoni; jinsab imħasseb dwar il-fatt li, bħala reazzjoni, xi Stati Membri ħassew il-ħtieġa li jagħlqu l-fruntieri interni tagħhom jew jintroduċu kontrolli temporanji fil-fruntieri, u għaldaqstant qed jheddu l-funzjonament tajjeb taż-Żona Schengen;

Dwar il-hotspots

81.  Ifakkar li skont l-"approċċ ta' hotspots" stabbilit mill-Kummissjoni fl-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tagħha, l-Aġenzija tal-Fruntieri, l-EASO, l-Europol u l-Eurojust għandhom jagħtu assistenza operazzjonali lill-Istati Membri skont il-mandati rispettivi tagħhom;

82.  Jirrimarka, f'dan ir-rigward, li l-aġenziji tal-Unjoni jeħtieġu r-riżorsi meħtieġa biex ikunu jistgħu jwettqu l-kompiti assenjati lilhom; jinsisti li l-aġenziji tal-Unjoni u l-Istati Membri jżommu lill-Parlament infurmat għalkollox dwar il-ħidma mwettqa fil-hotspots;

83.  Jinnota li ż-żewġ Deċiżjonijiet ta' Rilokazzjoni jipprevedu appoġġ operazzjonali fil-hotspots li għandu jingħata lill-Italja u lill-Greċja għall-iskrinjar tal-migranti malli jaslu, ir-reġistrazzjoni tal-applikazzjoni tagħhom għall-protezzjoni internazzjonali, l-għoti ta' informazzjoni lill-applikanti dwar ir-rilokazzjoni, l-organizzazzjoni ta' operazzjonijiet ta' ritorn għal dawk li ma jkunux applikaw għall-protezzjoni internazzjonali u li ma jkunux intitolati b'xi mod ieħor li jibqgħu jew dawk li jkunu applikaw mingħajr suċċess, u l-faċilitazzjoni tal-passi kollha involuti fil-proċedura ta' rilokazzjoni nfisha;

84.  Jitlob li l-hotspots jiġu stabbiliti malajr kemm jista' jkun sabiex jagħtu għajnuna operazzjonali konkreta lil dawk l-Istati Membri; jitlob li jiġu allokati riżorsi tekniċi u finanzjarji u appoġġ lill-Istati Membri tal-ewwel wasla, bħall-Italja u l-Greċja, li jippermettu reġistrazzjoni rapida u effettiva u tressiq quddiem l-awtoritajiet kompetenti tal-migranti kollha li jaslu fl-Unjoni b'rispett sħiħ tad-drittijiet fundamentali tagħhom; iqis li appoġġ rapidu u effettiv mill-Unjoni lill-Istati Membri u l-aċċettazzjoni ta' tali appoġġ huwa importanti għall-fiduċja reċiproka;

85.  Jirrikonoxxi li wieħed mill-iskopijiet prinċipali tal-hotspots hu li jippermetti lill-Unjoni tagħti protezzjoni u assistenza umanitarja b'mod rapidu lil dawk li jkunu jeħtiġuhom; jenfasizza li jeħtieġ li tingħata attenzjoni kbira biex ikun żgurat li l-kategorizzazzjoni tal-migranti fil-hotspots titwettaq b'rispett sħiħ lejn id-drittijiet tal-migranti kollha; jirrikonoxxi, madankollu, li l-identifikazzjoni xierqa tal-applikanti għall-protezzjoni internazzjonali fil-punt tal-ewwel wasla fl-Unjoni għandha tgħin biex ikun faċilitat il-funzjonament ġenerali ta' SEKA riformata;

Dwar il-liġi kriminali relatata mal-migrazzjoni

86.  Jinnota li fil-Pjan ta' Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Migranti tagħha, il-Kummissjoni tiddikjara li qed tikkunsidra reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2004/81/KE dwar il-permess ta' residenza maħruġ lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li huma vittmi tat-traffikar fi bnedmin jew li kienu s-suġġett ta' azzjoni għall-faċilitazzjoni ta' immigrazzjoni illegali, li jikkooperaw mal-awtoritajiet kompetenti;

87.  Jemmen li din ir-reviżjoni hija meħtieġa u għandha tqis l-introduzzjoni ta' sistema li tippermetti lill-vittmi tat-traffikar u l-kuntrabandu kriminali li jersqu minn jeddhom u jkunu ta' għajnuna fil-prosekuzzjoni effettiva ta' traffikant jew kuntrabandist kriminali mingħajr il-biża' li jitressqu proċedimenti kontrihom;

88.  Jinnota li l-Kummissjoni qed tikkunsidra reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2002/90/KE li tiddefinixxi l-iffaċilitar ta' dħul, tranżitu u residenza mhux awtorizzati; hu tal-fehma li kwalunkwe persuna li tipprovdi forom differenti ta' assistenza umanitarja lil dawk fil-bżonn m'għandhiex tkun kriminalizzata, u li l-liġi tal-Unjoni għandha tirrifletti dan il-prinċipju;

89.  Jenfasizza li pass ieħor kruċjali biex jiġu meqruda n-netwerks tal-kuntrabandu kriminali u tat-traffikar huwa li tingħata prijorità lill-investigazzjonijiet finanzjarji, peress li t-traċċar u l-konfiska tal-profitti ta' dawk in-netwerks kriminali hija essenzjali biex dawn jiddgħajfu u eventwalment jiġu meqruda; jitlob, f'dan ir-rigward, lill-Istati Membri biex jittrasponu malajr u b'mod effettiv ir-raba' Direttiva kontra l-Ħasil tal-Flus;

90.  Ifakkar li, biex ikun żgurat li l-investigazzjonijiet kriminali jitwettqu b'mod effikaċi, it-taħriġ tal-prattikanti professjonali hu essenzjali, ħalli dawk li jkunu involuti jifhmu għalkollox il-fenomenu li qed jippruvaw jittrattaw u jkunu jafu kif jgħarfuh fi stadju bikri;

Dwar il-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi

91.  Jirrimarka li l-pilastru tal-Approċċ Globali għall-Migrazzjoni u l-Mobilità (GAMM) dwar l-asil u l-protezzjoni internazzjonali għandu jiġi żviluppat aktar, b'involviment akbar tal-pajjiżi terzi; jinnota li l-azzjonijiet attwali f'dan il-qasam, taħt il-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali (RPP) jew il-Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni (RDPP), jiffokaw fuq il-bini tal-kapaċità għall-ġlieda kontra n-netwerks tal-kuntrabandu kriminali u tat-traffikar tal-bnedmin fi ħdan pajjiżi terzi ta' oriġini u ta' tranżitu; jinnota, fl-istess ħin, li l-komponent ta' risistemazzjoni ta' dawn il-programmi għadu dgħajjef; jemmen li l-isforzi għall-bini tal-kapaċità u l-attivitajiet ta' risistemazzjoni għandhom jiġu intensifikati u mwettqa flimkien ma' pajjiżi terzi li jospitaw popolazzjonijiet kbar ta' rifuġjati;

92.  Jirrikonoxxi li l-istrument bażiku li jistipula l-objettivi tal-politiki esterni tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni, l-asil u l-fruntieri huwa l-GAMM; jinnota li jeżistu diversi strumenti taħt dik il-kategorija, inklużi djalogi reġjonali, djalogi bilaterali, sħubijiet tal-mobilità, aġendi komuni għall-migrazzjoni u l-mobilità, ftehimiet ta' riammissjoni, ftehimiet ta' faċilitazzjoni tal-viżi, ftehimiet ta' eżenzjoni mill-viżi, Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali u Programmi Reġjonali għall-Iżvilupp u l-Protezzjoni;

93.  Jifhem li d-dimensjoni esterna għandha tiffoka fuq kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi sabiex jiġu trattati u indirizzati l-kawżi fundamentali tal-flussi irregolari lejn l-Ewropa; jifhem li s-sħubijiet u l-kooperazzjoni ma' pajjiżi ewlenin ta' oriġini, ta' tranżitu u ta' destinazzjoni għandhom ikomplu jkunu ta' prijorità, pereżempju permezz tal-proċessi ta' Khartoum u ta' Rabat, id-djalogu Afrika-UE dwar il-migrazzjoni u l-mobilità, il-Proċess ta' Budapest u l-Proċess ta' Praga;

94.  Jindika li l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha għandhom ikunu selettivi fl-appoġġ li jagħtu lill-aġenziji tal-infurzar tal-liġi ta' pajjiżi terzi billi jqisu l-imġiba ta' dawk l-aġenziji fir-rigward tal-ksur tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti;

95.  Jirrakkomanda li l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi tinvolvi l-valutazzjoni tas-sistemi tal-asil ta' dawk il-pajjiżi, l-appoġġ tagħhom lir-rifuġjati, u l-ħila u r-rieda tagħhom li jiġġieldu t-traffikar tal-bnedmin u l-kuntrabandu kriminali lejn u f'dawk il-pajjiżi;

96.  Jistieden lill-Unjoni tgħin lill-pajjiżi terzi jibnu s-sistemi tal-asil u l-istrateġiji tal-integrazzjoni tagħhom sabiex jippermettu lil ċittadini ta' pajjiżi terzi li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali jfittxu protezzjoni hemmhekk; jemmen li l-Unjoni jeħtieġ tadotta approċċ favorevoli għal kulħadd għall-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi, jiġifieri, approċċ li huwa ta' benefiċċju għall-Unjoni, għall-pajjiż terz konċernat u għar-rifuġjati u l-migranti f'dak il-pajjiż terz;

97.  Ifakkar li l-Unjoni intensifikat il-kooperazzjoni esterna tagħha ma' pajjiżi terzi fil-qasam tal-migrazzjoni u l-asil biex ikun hemm reazzjoni adegwata għall-kriżi tar-rifuġjati attwali, u nediet inizjattivi ġodda ta' kooperazzjoni, bħall-Pjan ta' Azzjoni UE-Turkija; jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-ħtieġa li l-partijiet kollha jwettqu l-impenji derivati mill-Pjan ta' Azzjoni Konġunt, inkluż l-indirizzar tal-kawżi fundamentali li qed iwasslu għall-influss massiv ta' Sirjani, l-intensifikazzjoni tal-kooperazzjoni għall-appoġġ ta' Sirjani taħt protezzjoni temporanja u l-komunitajiet ospitanti tagħhom fit-Turkija, u għat-Turkija biex twettaq l-impenji tagħha li tipprevjeni l-flussi migratorji irregolari mit-territorju tagħha lejn l-Unjoni;

Dwar kampanji ta' sensibilizzazzjoni

98.  Jindika li ħafna persuni kuntrabandati jkollhom xi livell ta' għarfien dwar ir-riskji li jkunu se jħabbtu wiċċhom magħhom fuq vjaġġ potenzjalment perikoluż lejn l-Ewropa, iżda xorta waħda jagħżlu li jagħmlu l-vjaġġ, peress li jivvalutaw li r-riskji tal-vjaġġ ikunu iżgħar minn dawk li jkunu se jħabbtu wiċċhom magħhom jekk ma jemigrawx;

99.  Jilqa' l-fatt li l-Pjan ta' Azzjoni kontra t-Traffikar tal-Migranti jorbot it-tnedija ta' kampanji ġodda ta' sensibilizzazzjoni mal-valutazzjoni ta' kampanji eżistenti; jirrakkomanda li kwalunkwe kampanja ta' dan it-tip għandha tinkludi informazzjoni dwar il-kriterji li għandhom jintużaw biex jiġi determinat l-istatus ta' protezzjoni fl-Unjoni, peress li tali informazzjoni tista' tikkonvinċi lil xi migranti, li jissograw li jagħmlu vjaġġ perikoluż minkejja li jekk ma jingħatawx protezzjoni jerġgħu jintbagħtu lura, biex ma jagħmlux il-vjaġġ;

Dwar l-indirizzar tal-kawżi fundamentali

100.  Jafferma mill-ġdid li l-Unjoni jeħtieġ li tadotta strateġija fit-tul biex tgħin biex jingħelbu l-"push factors" f'pajjiżi terzi (il-kunflitt, il-persekuzzjoni, it-tindif etniku, il-vjolenza ġeneralizzata u fatturi oħra bħall-faqar estrem, it-tibdil fil-klima jew id-diżastri naturali), li jġiegħlu lil persuni jirrikorru għand netwerks tal-kuntrabandu kriminali, peress li jqisuhom bħala l-uniku ċans tagħhom li jaslu fl-Unjoni;

101.  Ifakkar li r-Rapporteur Speċjali tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Bniedem tal-Migranti talab ukoll lill-UE biex tiftaħ possibilitajiet ta' migrazzjoni regolari biex il-migranti jkunu jistgħu jużaw mezzi formali ta' dħul u ħruġ minflok ma jkollhom jirrikorru għand netwerks tal-kuntrabandu kriminali;

102.  Jenfasizza li ż-żieda reċenti fil-wasliet ta' rifuġjati fl-Unjoni wriet li, waħedhom, il-miżuri preventivi m'humiex biżżejjed biex jiġġestixxu l-fenomeni migratorji attwali;

103.  Jifhem li fuq medda twila ta' żmien jeħtieġ li tingħata spinta akbar biex jissolvew il-kwistjonijiet ġeopolitiċi li jolqtu l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, peress li l-gwerra, il-faqar, il-korruzzjoni, il-ġuħ u n-nuqqas ta' opportunitajiet ifissru li n-nies se jibqgħu jħossuhom imġiegħla jaħarbu lejn l-Ewropa sakemm l-Ewropa ma tqisx kif se tgħin lil dawk il-pajjiżi jinbnew mill-ġdid; jindika li dan ifisser li l-Kummissjoni u l-Istati Membri jeħtieġu jagħtu finanzjament biex jgħinu l-bini tal-kapaċità f'pajjiżi terzi, bħal pereżempju billi jiffaċilitaw l-investiment u l-edukazzjoni, isaħħu u jinfurzaw is-sistemi tal-asil, jgħinu biex titjieb il-ġestjoni tal-fruntieri u jsaħħu s-sistemi legali u ġudizzjarji hemmhekk;

Dwar il-finanzjament għal pajjiżi terzi

104.  Jinnota li l-istrument ta' finanzjament ewlieni għall-finanzjament lil pajjiżi terzi huwa l-Istrument ta' Finanzjament tal-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI), li jinkludi l-uniku finanzjament tematiku globali għall-migrazzjoni tal-Unjoni taħt il-Programm Beni u Sfidi Pubbliċi Globali ġestit mid-Direttorat Ġenerali (DĠ) għall-Kooperazzjoni Internazzjonali u l-Iżvilupp (DEVCO); jinnota wkoll li, bħal fil-każ ta' fondi allokati direttament lill-Istati Membri, Direttorati Ġenerali oħra tal-Kummissjoni, u korpi oħra tal-Unjoni, huma involuti fil-ġestjoni tal-istrument ta' finanzjament tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp, b'tali mod li, l-għajnuna tal-Unjoni għall-pajjiżi tal-viċinat hija pprovduta mid-DĠ Viċinat u Negozjati għat-Tkabbir permezz tal-Istrument għall-Assistenza ta' Qabel l-Adeżjoni; l-għajnuna umanitarja hija pprovduta mid-DĠ għall-Għajnuna Umanitarja u l-Protezzjoni Ċivili (ECHO); u s-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) jamministra l-Istrument li Jikkontribwixxi għall-Istabilità u l-Paċi; ifakkar li, peress li ż-żewġ fondi ġestiti mid-DĠ għall-Affarijiet Interni u l-Migrazzjoni (HOME), jiġifieri l-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF), jipprevedu wkoll dimensjoni esterna, dan jipprovdi parti interessata ġdida fix-xena tal-finanzjament estern;

105.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-Afrika u l-EUR 1,8 biljun imwiegħda lill-Fond, li żied element addizzjonali ta' finanzjament lil pajjiżi terzi; jistieden lill-Istati Membri biex ikomplu jikkontribwixxu għall-Fond;

106.  Jirrakkomanda li, b'konformità mal-GAMM, l-erba' pilastri tematiċi li jindirizzaw (i) il-migrazzjoni legali u l-mobilità, (ii) il-migrazzjoni irregolari u t-traffikar tal-bnedmin, (iii) il-protezzjoni internazzjonali, u (iv) l-impatt tal-migrazzjoni fuq l-iżvilupp, għandhom jingħataw l-istess livell ta' importanza fil-politika esterna u l-finanzjament tal-UE;

Dwar it-trasparenza fil-finanzjament

107.  Jinnota li l-politika tal-migrazzjoni tal-Unjoni tiġi implimentata permezz ta' strumenti ta' politika differenti, li kull wieħed għandu l-objettivi proprji, li mhumiex neċessarjament marbuta ma' xulxin, u li mhemmx biżżejjed koordinazzjoni tal-finanzjament bejn id-diversi partijiet involuti; jinnota li l-frammentazzjoni tal-linji baġitarji u tar-responsabilitajiet toħloq struttura ta' ġestjoni li tista' tagħmilha diffiċli li tkun ipprovduta ħarsa ġenerali komprensiva dwar kif il-fondi differenti disponibbli jiġu allokati u, fl-aħħar mill-aħħar, użati; jirrimarka, barra minn hekk, li din il-frammentazzjoni tagħmilha diffiċli li tiġi kkwantifikata n-nefqa komprensiva tal-Unjoni fuq il-politika tal-migrazzjoni;

108.  Huwa tal-fehma li jeħtieġ tiġi provduta ħarsa ġenerali komprensiva tal-finanzjament tal-Unjoni relatat mal-migrazzjoni, kemm fi ħdan kif ukoll barra l-Unjoni, peress li n-nuqqas ta' ħarsa ġenerali ta' dan it-tip hi ostaklu ċar għat-trasparenza u t-tfassil tajjeb tal-politiki; jinnota, f'dan ir-rigward, li possibilità tista' tkun sit tal-internet li jinkludi bażi ta' data tal-proġetti kollha relatati mal-politika tal-migrazzjoni finanzjati mill-Unjoni; jenfasizza li l-ħtieġa għat-trasparenza testendi wkoll għal-linji baġitarji, sabiex jiġi żgurat finanzjament adegwat għall-objettivi kollha tal-politika tal-Unjoni dwar il-migrazzjoni;

109.  Ifakkar li l-impatt pożittiv tal-fondi ta' migrazzjoni tal-UE jiddependi fuq proċessi fil-livell nazzjonali u tal-Unjoni biex jiġu żgurati t-trasparenza, il-monitoraġġ effettiv u r-responsabilità, jemmen li għandu jitqies kif il-monitoraġġ u l-evalwazzjoni jistgħu ikunu magħmula proċessi kontinwi u mhux biss proċessi ex-post, u li r-rwol tal-Qorti tal-Awdituri għandu jissaħħaħ f'dak ir-rigward; jinnota li indikaturi kwalitattivi u kwantitattivi komparabbli għandhom jiġu stabbiliti sabiex ikejlu l-impatt tal-fondi tal-UE u jgħinu biex jiġi vvalutat jekk dawk il-fondi jkunux laħqu l-objettivi tagħhom;

Dwar finanzjament addizzjonali għall-migrazzjoni

110.  Jilqa' favorevolment il-finanzjament addizzjonali disponibbli fil-baġit tal-Unjoni għall-2016 biex jibda l-indirizzar tal-fenomeni migratorji attwali; jirrimarka li l-biċċa l-kbira ta' dak il-finanzjament ġdid jirrappreżenta finanzjament taħt il-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP) 2014-2020, li tressaq 'il quddiem, bir-riżultat li l-Unjoni qed tonfoq illum dak li kien intenzjonat biex jintefaq għada;

111.  Jaqbel li, filwaqt li l-proposti baġitarji reċenti u l-finanzjament addizzjonali previst fil-baġit tal-Unjoni għall-2016, inkluż l-użu tal-istrument ta' flessibilità, għandhom jintlaqgħu b'sodisfazzjon, il-finanzjament fit-terminu medju u aktar fit-tul għadhom kawża ta' tħassib; jinsab imħasseb dwar il-fatt li ż-żieda fl-ammonti proposti għal-linji baġitarji taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għall-2016 ma kenitx akkumpanjata minn reviżjoni proposta tar-riżorsi globali disponibbli taħt dan il-fond għall-perjodu ta' finanzjament 2014-2020; jifhem li, imħolli kif inhu, ir-riżultat se jkun li l-finanzjament taħt il-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni se jkun ġie eżawrit ferm qabel l-2020;

112.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu vantaġġ sħiħ mill-possibilitajiet li joffru fondi li ma jkunux direttament relatati mal-politika tal-migrazzjoni, li madankollu jistgħu jintużaw biex jiffinanzjaw azzjonijiet f'dan il-qasam (pereżempju azzjonijiet għall-integrazzjoni), bħal dawk disponibbli taħt il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond għal Għajnuna Ewropea għall-Persuni l-Aktar fil-Bżonn, l-Orizzont 2020, il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u l-Programm tad-Drittijiet u ċ-Ċittadinanza;

113.  Jirrakkomanda li, taħt ir-rieżami tal-QFP skedat għall-aħħar tal-2016, jiġu allokati riżorsi addizzjonali sostanzjali taħt l-Intestatura 3 (Ċittadinanza, Libertà, Sigurtà u Ġustizzja) tal-baġit tal-Unjoni, b'tali mod li finanzjament adegwat ikun disponibbli fuq il-bażi tax-xejriet migratorji u l-ħtiġijiet finanzjarji relatati għall-politiki dwar l-asil, il-migrazzjoni u l-integrazzjoni tal-Unjoni u tal-Istati Membri;

Dwar l-involviment tas-soċjetà ċivili

114.  Jindika li l-iżgurar ta' finanzjament operazzjonali hu sfida ewlenija għall-NGOs, peress li l-parti l-kbira tal-finanzjament hija marbuta ma' proġetti; jafferma li l-inizjattivi tal-voluntiera u tas-soċjetà ċivili dedikati għall-għoti ta' assistenza lill-migranti għandhom jiġu promossi, u fejn ikun xieraq, finanzjati mill-Kummissjoni u l-Istati Membri; jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jfittxu, fejn xieraq u possibbli, li jiffinanzjaw proġetti ġestiti minn organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili li qed jaħdmu fl-oqsma tal-migrazzjoni, l-integrazzjoni u l-asil;

115.  Itenni li l-involviment tas-soċjetà ċivili fl-iżvilupp tal-azzjonijiet tal-Unjoni u tal-programmi nazzjonali jeħtieġ jiġi żgurat, b'konformità mal-prinċipju tas-sħubija kif stipulat fil-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni; jipproponi li fil-livell tal-Unjoni titqies konsultazzjoni regolari bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet rilevanti tas-soċjetà ċivili li jaħdmu fuq kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, l-asil u l-integrazzjoni;

Dwar ix-xejriet demografiċi

116.  Jinnota li, qabel iż-żieda fil-flussi migratorji lejn l-Unjoni fl-2015, skont studju tal-OECD u tal-Kummissjoni tal-2014, il-popolazzjoni fl-età tax-xogħol (15-64) fl-UE se tonqos b'7,5 miljuni bejn l-2013 u l-2020, u li jekk il-migrazzjoni netta kellha tiġi eskluża mit-tbassir tagħhom, dan it-tnaqqis ikun saħansitra akbar, għaliex kieku jammonta għal tnaqqis ta' 11,7 miljuni tal-popolazzjoni fl-età tax-xogħol;

117.  Jirrimarka, madankollu, li, sa minn Novembru 2015, ir-rata tal-qgħad fost iż-żgħażagħ fl-Istati Membri kollha kienet ta' 20 %;

118.  Jinnota wkoll li, skont l-aħħar previżjonijiet tal-Eurostat, il-proporzjon ta' nies li għandhom 65 sena jew iktar, meta jitqabbel ma' dawk li għandhom bejn 15 u 64 sena, se jiżdied minn 27,5 % fil-bidu tal-2013 għal kważi 50 % sal-2050; jinnota li dan ifisser bidla mill-proporzjon attwali ta' erba' persuni fl-età tax-xogħol għal kull persuna ta' 65 sena jew aktar għal proporzjon ta' żewġ persuni biss fl-età tax-xogħol għal kull persuna ta' 65 sena jew aktar;

Dwar il-migrazzjoni legali għax-xogħol

119.  Jiddikjara li l-bażi legali għall-ġestjoni tal-migrazzjoni legali fil-livell tal-Unjoni hi stabbilita fl-Artikolu 79 tat-TFUE;

120.  Jifhem li l-Artikolu 79(5) speċifikament jirriżerva d-dritt lill-Istati Membri li jiddeterminaw il-volumi ta' ammissjoni ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi li jiġu minn pajjiżi terzi lejn it-territorju tagħhom sabiex ifittxu impjieg;

121.  Jindika li l-istrateġija Ewropa 2020 identifikat il-ħtieġa għal politika komprensiva tal-migrazzjoni tal-ħaddiema, u għal integrazzjoni aħjar tal-migranti, sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-Unjoni għal tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv;

122.  Jinnota li l-qafas leġiżlattiv eżistenti tal-UE li jirregola l-aċċess ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi biex jaħdmu fl-Unjoni hu pjuttost frammentat, peress li jiffoka fuq kategoriji speċifiċi ta' ħaddiema aktar milli fuq ir-regolamentazzjoni, b'mod ġenerali, tal-ħaddiema migranti kollha;

123.  Huwa tal-fehma li, fuq medda ta' żmien twila, l-Unjoni jeħtieġ li tistabbilixxi aktar regoli ġenerali li jirregolaw id-dħul u r-residenza għal dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jkunu qed ifittxu impjieg fl-Unjoni biex jimlew il-lakuni identifikati fis-suq tax-xogħol tal-Unjoni;

Dwar il-ħtieġa ta' data aħjar

124.  Jitlob li jkun hemm viżjoni komprensiva tas-suq tax-xogħol fl-Unjoni bħala prekundizzjoni meħtieġa għall-iżvilupp tal-politiki tas-suq tax-xogħol; jindika li huwa neċessarju li jiġu żviluppati għodod għall-identifikazzjoni u t-tbassir tal-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol preżenti u ġejjiena fl-Unjoni b'mod aħjar; jissuġġerixxi, f'dan ir-rigward, li l-għodod eżistenti – bħal dawk żviluppati miċ-Ċentru Ewropew għall-Iżvilupp ta' Taħriġ Vokazzjonali (CEDEFOP) jew l-OECD – jistgħu jittejbu, u saħansitra jingħaqdu, ma' statistiki internazzjonali dwar il-provvista potenzjali ta' ħaddiema minn pajjiżi terzi sabiex jipprovdu stampa aktar preċiża tas-sitwazzjoni;

125.  Jemmen li data aqwa u għodod imtejba biex janalizzaw tali data jgħinu lil dawk li jfasslu l-politika jistabbilixxu l-politiki tal-migrazzjoni tal-ħaddiema fil-ġejjieni, u li l-Unjoni u l-Istati Membri għandhom jidentifikaw il-lakuni fis-swieq tax-xogħol tagħhom li jistgħu jgħinuhom jimlew impjiegi li altrimenti jibqgħu battala;

Dwar l-isfruttament tal-ħaddiema

126.  Jinnota li l-isfruttament tal-ħaddiema jista' jseħħ bħala konsegwenza tat-traffikar, tal-kuntrabandu, jew anke fl-assenza tagħhom, bir-riżultat li teżisti impunità għal dawk li jisfruttaw il-migranti irregolari f'dawk l-Istati Membri fejn l-isfruttament per se mhux kriminalizzat;

127.  Jiddeplora l-fatt li għal min iħaddem, ir-riskju żgħir li jinqabad u/jew jiġi mħarrek bħala impjegatur li jisfrutta x-xogħol ta' migranti irregolari ġie identifikat bħala fattur importanti fl-isfruttament tal-ħaddiema, b'mod partikolari fis-setturi li huma l-aktar esposti għar-riskju (l-agrikoltura, il-kostruzzjoni, il-lukandi u r-ristoranti, il-ħaddiema domestiċi u s-servizzi tal-kura); jirrakkomanda li biex tiġi indirizzata l-impunità jeħtieġ, l-ewwel nett, li jiġi żgurat li l-każijiet kollha ta' sfruttament gravi tal-ħaddiema jkunu kriminalizzati u sanzjonati adegwatament skont id-dritt nazzjonali u, it-tieni nett, li jiżdiedu l-ispezzjonijiet tal-ħaddiema fis-setturi f'riskju;

128.  Jieħu nota tal-fatt li, fil-preżent, ħafna Stati Membri jikkriminalizzaw l-isfruttament tal-ħaddiema biss meta dan iseħħ bħala forma ta' traffikar, li jħalli lakuna kbira fil-każijiet kollha fejn dawk li sfruttaw il-ħaddiema ma kinux involuti fit-traffikar, jew fejn l-involviment tagħhom ma jistax jiġi ppruvat;

129.  Itenni li l-proċeduri speċjali biex jiżguraw il-faċilitazzjoni tal-ilmenti previsti mid-Direttiva 2009/52/KE li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini ta' pajjiżi terzi b'residenza illegali (id-"Direttiva dwar Sanzjonijiet Kontra Min Iħaddem") għandhom ikunu implimentati għalkollox u applikati b'mod korrett fil-prattika; jemmen li hi meħtieġa aktar protezzjoni għal dawk il-vittmi tat-traffikar, u dawk kuntrabandati fl-Unjoni, li jikkooperaw u jiffaċilitaw il-prosekuzzjoni tat-traffikanti u/jew kuntrabandisti kriminali; jissuġġerixxi li, barra minn hekk, għandu jingħata appoġġ lit-twaqqif ta' Koalizzjoni Ewropea tan-Negozju kontra t-Traffikar tal-Bnedmin (kif issuġġerit fl-Istrateġija kontra t-Traffikar tal-Bnedmin tal-2014) bl-għan li jiġu żviluppati katini tal-provvista li ma jinvolvux it-traffikar tal-bnedmin;

130.  Jemmen li, fl-aħħar mill-aħħar, kull sforz biex jinqered l-isfruttament tal-ħaddiema jeħtieġ jieħu l-approċċ duwali li jinvolvi l-prosekuzzjoni effettiva ta' dawk li jħaddmu li jkunu abbużivi u l-ħarsien tal-vittmi ta' tali sfruttament;

Dwar ir-reviżjoni tal-Karta Blu

131.  Ifakkar li skont l-Aġenda dwar il-Migrazzjoni, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tirrevedi d-Direttiva dwar il-kundizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għoljin (id-"Direttiva dwar il-Karta Blu"), b'attenzjoni partikolari fuq il-kwistjonijiet tal-kamp ta' applikazzjoni (li possibilment ikopri l-intraprendituri li huma lesti jinvestu fl-Ewropa) u t-titjib tar-regoli dwar il-mobilità fi ħdan l-UE;

132.  Itenni li r-Rapport ta' Implimentazzjoni tal-Kummissjoni dwar id-Direttiva dwar il-Karta Blu attwali jissottolinja n-nuqqasijiet tagħha, fosthom il-livell limitat ħafna ta' armonizzazzjoni kkawżat mid-diskrezzjoni wiesgħa fl-implimentazzjoni li tagħti lill-Istati Membri, b'mod partikolari d-dritt tal-Istati Membri li jżommu skemi nazzjonali paralleli;

133.  Jemmen, barra minn hekk, li jidher ċar li d-direttiva għandha tiffoka mhux biss fuq persuni bi kwalifiki għoljin, iżda wkoll fuq impjiegi mmirati li jirrikjedu kwalifiki għoljin fejn jeżisti nuqqas ta' ħaddiema ppruvat; jemmen, barra minn hekk, li r-reviżjoni tal-Karta Blu għandha tkun ambizzjuża u mmirata, u għandha tfittex li tneħħi l-inkonsistenzi tad-direttiva eżistenti, b'mod partikolari fir-rigward ta' skemi nazzjonali paralleli; jirrakkomanda li għandu jiġi kkunsidrat li ssir reviżjoni tal-kamp ta' applikazzjoni biex jinkludi dawk iċ-ċittadini ta' pajjiżi terzi li jistgħu jgħinu biex jiġu indirizzati l-lakuni identifikati fis-swieq tax-xogħol tal-UE;

134.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, lill-parlamenti u lill-gvernijiet tal-Istati Membri, u lill-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil (EASO), lill-Aġenzija Ewropea għall-Ġestjoni ta' Kooperazzjoni Operazzjonali fil-Fruntieri Esterni tal-Istati Membri tal-Unjoni Ewropea (Frontex), lill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol), lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għall-Kooperazzjoni fil-Ġustizzja Kriminali (Eurojust), lill-Aġenzija tal-Unjoni Ewropea għad-Drittijiet Fundamentali (FRA), lill-Aġenzija tal-UE għal Sistemi tal-IT Fuq Skala Kbira (eu-LISA), lill-Kunsill tal-Ewropa, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew.

16.11.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Demetris Papadakis

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Barranin jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jesprimi preokkupazzjoni rigward il-ġrajjiet reċenti fil-fruntieri tal-UE, li huma frott din il-kriżi migratorja bla preċedenti u li kixfet l-inadegwatezzi tas-sistema attwali ta' akkoljenza għar-rifuġjati u għall-migranti, u jiġbed l-attenzjoni fuq l-importanza li jkun hemm aktar armonizzazzjoni tal-politiki fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-asil fil-livell tal-UE u internazzjonali;

2.  Jenfasizza l-bżonn ta' approċċ olistiku tal-UE fil-konfront tal-migrazzjoni li jassigura koerenza bejn il-politiki interni u esterni tagħha, jinkludi r-rotot migratorji kollha u jissejjes fuq is-solidarjetà, ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem, l-osservanza tad-dritt internazzjonali u tal-valuri li fuqhom hi mibnija l-UE;

3.  Iqis li tali strateġija komprensiva tal-UE għandha tkun element fundamentali tal-istrateġija globali għall-UE fir-rigward tal-politika estera u ta' sigurtà bil-għan li tagħti kontribut b'mod attiv għall-istabilizzazzjoni tal-pajjiżi ġirien tal-UE u tipprevjeni kriżijiet umanitarji oħra simili fil-futur;

4.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jwaqqfu l-bini ta' ħitan mal-fruntieri esterni tal-UE u jieqfu jimpedixxu lir-rifuġjati u lill-migranti milli jilħqu t-territorju tal-UE;

5.  Jesprimi preokkupazzjoni għat-tendenza dejjem ikbar għat-tkeċċijiet illegali immedjati u jirrifjuta dawn il-prattiki billi jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jesprimi preokkupazzjoni profonda dwar id-destin taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi u tal-apolidi riammessi fuq il-bażi tal-ftehimiet ta' riammissjoni tal-UE, inklużi l-każijiet ta' detenzjoni għal żmien indefinit, limbu ġuridiku jew refoulement lejn il-pajjiżi ta' oriġini;

6.  Jisħaq fuq il-fatt li l-instabilità persistenti u l-kunflitti fil-pajjiżi ġirien tal-UE għandhom riperkussjonijiet gravi fuq in-numru ta' migranti, rifuġjati u persuni spustati; jemmen li risposta fit-tul, reali u effikaċi għall-kriżi umanitarja fil-Mediterran se tingħata biss jekk jiġu affrontati l-kawżi primarji, speċjalment l-instabilità, il-gwerer, it-terroriżmu, in-nuqqas ta' sigurtà u l-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, kif ukoll il-faqar, l-inugwaljanza, il-persekuzzjoni, il-korruzzjoni, it-tibdil fil-klima u d-diżastri naturali; jisħaq fuq il-bżonn urġenti li l-UE tagħti bidu għal sforzi diplomatiċi maqbula, flimkien mas-sħab internazzjonali u mal-potenzi u mal-organizzazzjonijiet reġjonali ewlenin, bħall-Unjoni Afrikana u l-Lega tal-Istati Għarab, ħalli tvinċi l-isfidi li jħabbtu wiċċhom magħhom l-istati fraġli u tikkonċentra ruħha fuq il-prevenzjoni tal-kunflitti;

7.  Huwa konvint li l-kriżi migratorja u tar-rifuġjati attwali hija marbuta mal-kunflitt fis-Sirja u fi nħawi oħra tal-Lvant Nofsani kif ukoll mal-instabilità fir-reġjun, f'sens usa', tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq, li l-UE trid tagħmel l-isforzi kollha biex twaqqaf; jappella għall-implimentazzjoni korretta tal-istrateġija tal-UE biex tikkuntrasta lil Da'esh; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jsostnu b'mod proattiv l-isforz, immexxi min-Nazzjonijiet Uniti, għar-riżoluzzjoni tal-kunflitt Sirjan u jintensifikaw sostanzjalment l-isforzi diplomatiċi tagħhom għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti ta' bħalissa fil-viċinat tagħhom kif ukoll fil-Lvant Nofsani, f'kooperazzjoni mal-atturi kollha tar-reġjun, bl-għajnuna u bħala sostenn għan-Nazzjonijiet Uniti;

8.  Jilqa' pożittivament l-adozzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni tas-Summit tal-Belt Valletta li għandu jservi ta' pjattaforma għal strateġija UE-Afrika bi prospettivi fit-tul, immexxija mill-prinċipji ta' solidarjetà, sħubija u responsabbiltà kondiviża bħala risposta għall-isfidi ta' natura umana, soċjali u politika tal-flussi migratorji bejn l-Afrika u l-UE; jappella għall-implimentazzjoni u għall-monitoraġġ kompleti tar-riżultati li nkisbu waqt is-Summit tal-Belt Valletta; jisħaq fuq l-importanza tal-impenn tal-UE fil-konfront tal-Afrika permezz tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp biex jiġu affrontati l-kawżi primarji tal-migrazzjoni irregolari u tal-ispustamenti furzati; jirrikonoxxi li għandhom isiru aktar sforzi għall-promozzjoni tal-migrazzjoni legali tal-possibilitajiet ta' mobilità;

9.  Jenfasizza li l-Balkani tal-Punent, inkwantu rotta ta' tranżitu għar-rifuġjati u għall-migranti lejn l-Istati Membri tal-UE, kienu sottoposti għal pressjoni serja u dejjem ikbar b'konsegwenzi umanitarji gravi, u għaldaqstant għandhom bżonn appoġġ; jilqa' pożittivament il-proposta li tinsab fil-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Ottubru 2015 (12880/15) biex jiġi estiż il-kamp ta' applikazzjoni tal-Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE stabbilit b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana (il-"Fond Madad") għall-Balkani tal-Punent; isostni d-Dikjarazzjoni tal-Konferenza ta' Livell Għoli dwar ir-rotta Mediterran tal-Lvant - Balkani tal-Punent tat-8 ta' Ottubru 2015 f'Lussemburgu u jappella biex tiġi implimentata u tingħata segwitu malajr;

10  Jindika li, skont l-istimi tal-UNHCR, l-istati ġirien tas-Sirja laqgħu madwar erba' miljun rifuġjat Sirjan; ifakkar li t-Turkija, il-Libanu u l-Ġordan huma suġġetti għal flussi kbar ta' rifuġjati u jenfasizza l-bżonn ta' sostenn effikaċi min-naħa tal-UE kif ukoll kooperazzjoni stretta ma' tali pajjiżi sabiex tiġi affrontata l-kriżi umanitarja u jinħolqu l-aħjar kundizzjonijiet għar-rifuġjati; jindika li l-involviment attiv tal-Istati tal-Golf kieku jħalli impatt pożittiv b'turija ta' solidarjetà; jisħaq, parallelament, fuq l-importanza li jingħata sostenn lill-pajjiżi l-aktar esposti bħall-Greċja, l-Italja u Malta bis-saħħa ta' mekkaniżmi ġodda jew imsaħħa biex jinstab tarf il-kriżijiet umanitarji ta' dan il-kobor;11.  Iqis li l-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni, partikolarment l-Eks-Repubblika Jugoslava tal-Maċedonja u s-Serbja, għandhom jingħataw sostenn sħiħ mill-UE fil-ġestjoni tal-flussi migratorji u tar-rifuġjati; iwissi, madankollu, bl-impatt negattiv possibbli ta' azzjonijiethom fl-ambitu tal-progress lejn l-integrazzjoni fl-UE u jfakkar lill-gvernijiet ta' dawn il-pajjiżi bl-obbligi internazzjonali tagħhom fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem;

12.  Jitlob li l-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna jingħataw l-istrumenti u l-mandat neċessarji biex jattwaw l-interventi politiċi u diplomatiċi indispensabbli fir-reġjun fil-qafas tal-politka estera u ta' sigurtà komuni, f'koordinament mal-Istati Membri;

13.  Jappoġġa li tinħoloq kooperazzjoni usa' u intensifikata bejn l-UE u l-pajjiżi terzi tal-oriġini u tat-tranżitu, fir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-migranti, permezz ta' ftehimiet bilaterali, sħubijiet għall-mobilità u l-ftehimiet ta' kooperazzjoni teknika, li minnhom il-mekkaniżmi ta' monitoraġġ li jinvolvu lill-organizzazzjonijiet tas-soċjetajiet ċivili lokali jridu jkunu assigurati, bil-għan li:

  –  jiġi żviluppat approċċ bi prospettivi fit-tul għall-kriżi migratorja fil-Mediterran, b'adattament għad-diversi kawżi ta' dawn il-flussi migratorji u b'differenzjazzjoni bejniethom,

  –  jiġu miġġielda n-netwerks ta' dħul klandestin u traffikar,

  –  jiġi garantit il-konsolidament tal-kapaċitajiet fl-oqsma tas-sistema tal-asil u tal-kontroll tal-fruntieri,

  –  tingħata protezzjoni lil dawk fil-bżonn, f'kooperazzjoni mal-UNHCR u mal-NGOs speċjalizzati,

  –  jissaħħaħ l-approċċ globali għall-migrazzjoni u l-mobilità,

  –  jinfetħu kurituri umanitarji,

  –  jinħolqu oqfsa għall-migrazzjoni sikura u legali u jittaffew ir-restrizzjonijiet fis-seħħ rigward ir-riunifikazzjoni tal-familja,

  –  jinħarġu viżi għal raġunijiet umanitarji,

  –  tiġi attwata politika ta' rimpatriju umana u effikaċi għall-migranti irregolari;

14.  Jappella għal sħubijiet għall-mobilità u ftehimiet ta' migrazzjoni ċirkolari biex ikunu aġevolati l-ispustamenti taċ-ċittadini tal-pajjiżi terzi fost il-pajjiżi tagħhom u l-UE u biex ikun sostnut l-iżvilupp soċjoekonomiku taż-żewġ partijiet;

15.  Jistieden lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli tieħu azzjonijiet konkreti fi ħdan in-Nazzjonijiet Uniti biex il-Kunsill tas-Sigurtà jagħti lill-Unjoni Ewropea mandat biex tikkumbatti l-gruppi involuti fid-dħul klandestin ta' persuni fil-portijiet fejn jinsabu l-infrastrutturi tagħhom;

16.  Josserva l-proposta tal-Kummissjoni dwar il-pajjiżi terzi "sikuri" u "insikuri"; jistieden lill-pajjiżi strateġiċi tal-oriġini u tat-tranżitu tal-migrazzjoni irregolari lejn l-UE jimplimentaw bis-sħiħ u b'mod effikaċi l-ftehimiet bilaterali ta' riammissjoni fis-seħħ mill-aktar fis possibbli; jissottolinja li l-konklużjoni jew l-applikazzjoni tal-ftehimiet ta' riammissjoni għandhom jiggarantixxu li dawn tal-aħħar jirrispettaw l-obbligi rilevanti fil-qasam tad-dritt internazzjonali u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem min-naħa ta' dawn il-pajjiżi terzi; jenfasizza barra minn hekk il-bżonn li titjieb il-kooperazzjoni transfruntiera mal-Istati Membri ġirien f'dan ir-rigward, anki permezz ta' kooperazzjoni operattiva u teknika msaħħa ma' EASO u FRONTEX;

17.   Jemmen li, fl-istess ħin, l-UE għandha tistabbilixxi programm vinkolanti ta' risistemazzjoni tar-rifuġjati, f'kooperazzjoni stretta mal-UNHCR, li jipprevedi kwoti u sistema ta' rilokalizzazzjoni permanenti, obbligatorja, iżda flessibbli, b'attivazzjoni awtomatika fl-UE kollha, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u fid-dawl tas-sitwazzjoni u tal-kundizzjoni ta' akkoljenza tal-Istati Membri tad-dħul kif ukoll il-bżonnijiet u, kemm jista' jkun, il-preferenzi tar-rifuġjati;

18.  Jilqa' favorevolment it-tqawwija tar-riżorsi għall-operazzjonijiet Triton u Poseidon; josserva t-tnedija tal-operazzjoni EUNAVFOR Med/Sophia kontra l-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin u t-traffikanti fil-Mediterran, u jsostni t-tisħiħ tal-ġestjoni tal-fruntieri esterni tal-Unjoni; jirrikonoxxi t-tranżizzjoni għat-tieni fażi tal-operazzjoni b'konformità mad-dritt internazzjonali u jissottolinja l-bżonn ta' kooperazzjoni mal-pajjiżi terzi bil-għan li jiġu affrontati b'mod effikaċi n-netwerks kriminali organizzati tal-persuni li jiffaċilitaw id-dħul klandestin tal-migranti; jinsisti, madankollu, fuq il-bżonn ta' mekkaniżmi ta' tiftix u salvataġġ usa', kontinwi, koordinati u effikaċi fil-Mediterran, bil-għan li jkunu salvati l-ħajjiet tal-bnedmin, partikolarment permezz tal-ħolqien ta' servizz tal-gwardja tal-kosta Ewropea, u ta' politika tal-UE fil-qasam tal-asil, tal-protezzjoni sussidjarja u tal-protezzjoni temporanja li tirrispetta bis-sħiħ l-obbligi vinkolanti fl-ambitu tal-Konvenzjoni ta' Ġinevra, tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tat-Tfal u tal-Konvenzjoni dwar id-Drittijiet tal-Bniedem u tirrispetta l-prinċipju ta' non-refoulement;

19.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li l-migranti u r-rifuġjati, u partikolarment it-tfal mhux akkumpanjati, huma vulnerabbli ħafna u b'konsegwenza ta' dan jinsabu fil-periklu li jisfaw vittmi tat-traffikanti; jenfasizza l-bżonn li tkun assigurata assistenza speċjali għar-rifuġjati u għall-migranti nisa u tfal li huma vittmi tat-traffikanti u li jingħataw assistenza medika u psikoloġika kif ukoll protezzjoni adegwata tal-minuri; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jinkludu perspettiva tat-tfal u tal-ġeneru fil-politiki tagħhom relatati mal-immigrazzjoni, mal-integrazzjoni u mal-asil u jinsisti fuq il-bżonn ta' approċċ tal-UE fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-ġestjoni tal-fruntieri li jirrispetta l-prinċipju fundamentali tal-aħjar interessi tal-minuri;

20.  Iqis li l-kooperazzjoni u l-għajnuna għall-iżvilupp, f'konformità mal-prinċipji tal-koerenza tal-politiki għall-iżvilupp, jiżvolġu rwol kruċjali fl-affrontar tal-kawżi primarji tal-migrazzjoni; jistieden lill-Istati Membri jirriformaw f'dan is-sens l-għajnuna għall-iżvilupp tagħhom, skont l-impenn taż-0,7 tal-ING, bil-għan li jintlaħqu l-għanijiet ta' żvilupp sostenibbli; jilqa' b'sodisfazzjon il-fatt li wieħed mill-objettivi tas-Summit tal-Belt Valletta huwa li l-assistenza għall-iżvilupp u għall-kooperazzjoni fl-Afrika tkun immirata aħjar; jisħaq fuq il-fatt li l-UE trid tkompli s-sostenn tagħha, fit-terminu twil u fuq livell prattiku, favur l-isforzi internazzjonali għat-tnaqqis tal-faqar u għall-qerda tal-faqar, kif ukoll il-konsolidament tal-paċi, il-promozzjoni tad-demokrazija u tal-governanza, id-drittijiet tal-bniedem u l-libertajiet fundamentali, l-ugwaljanza tal-ġeneru, l-impjiegi u l-edukazzjoni, l-istabilità reġjonali, politika u ekonomika u s-sigurtà u l-prosperità;

21.  Jemmen li l-kriżi migratorja u tar-rifuġjati fil-Mediterran tista' tissolva biss b'rieda politika kostanti, kooperazzjoni u koordinament internazzjonali bejn l-istituzzjonijiet tal-UE u l-Istati Membri, u jqis li l-UE tista' tieħu l-inizjattiva li tikkonvoka Konferenza Internazzjonali taħt l-awspiċji tan-Nazzjonijiet Uniti biex taffronta l-kriżi attwali fil-livell umanitarju;

22.  Iqis li l-Programmi ta' Protezzjoni Reġjonali, li jimmiraw li jqawwu l-kapaċità tal-pajjiżi mhux membri tal-UE fir-reġjuni tal-oriġini jew tat-tranżitu ta' għadd kbir ta' rifuġjati, jistgħu jissaħħu notevolment billi jingħata bidu għal djalogi politiċi bejn l-UE u l-pajjiżi terzi, b'tali mod jingħatalhom aktar piż u tiżdied il-portata tal-involviment tagħhom;

23.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri tal-UE jadottaw il-provvedimenti leġiżlattivi u amministrattivi neċessarji biex jippermettu l-ħruġ ta' viżi ta' emerġenza u jiġi aġevolat l-għoti ta' kenn temporanju lid-difensuri tad-drittijiet tal-bniedem f'riskju fir-reġjun tal-Mediterran; iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-każijiet marbuta mat-talbiet għal asil politiku, sabiex jimpedixxu kwalunkwe rimpatrju li potenzjalment jinvolvi ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

24.  Jilqa' pożittivament il-ħolqien tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza għall-istabilità u l-ġlieda kontra l-kawżi primarji tal-migrazzjoni irregolari fl-Afrika, li jimmira li jrawwem l-istabilità u jikkontribwixxi għall-ġestjoni aħjar tal-migrazzjoni fil-pajjiżi u fir-reġjuni Afrikani l-aktar milquta mill-migrazzjoni; jisħaq, madankollu, fuq il-bżonn ta' garanziji fir-rigward tal-għajn minn fejn jiġu l-flus u tal-azzjonijiet li għalihom se jintużaw; jistieden lill-Istati Membri juru impenn b'saħħtu billi jikkontribwixxu anki b'ammont ekwivalenti ta' EUR 1,8 miljun li ġie antiċipat; jissottolinja l-bżonn ta' mobilizzazzjoni ta' aktar finanzjamenti bil-għan li jiġi żblokkat il-potenzjal mhux sfruttat tal-kontinent Afrikan li se jikkontribwixxu, bis-saħħa tal-kummerċ u tal-investimenti, għall-iżvilupp sostenibbli u għat-tnaqqis tal-faqar;

25.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li r-riżorsi baġitarji addizzjonali tal-UE, speċjalment l-għajnuna umanitarja, se jkunu meħtieġa biex jinstab tarf il-kriżi migratorja u tar-rifuġjati fil-Mediterran; jappella għall-ħolqien ta' ċentri ta' informazzjoni dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi terzi u josserva l-fatt li l-uffiċjali Ewropej ta' kollegament għall-immigrazzjoni ntbagħtu malajr fid-delegazzjonijiet tal-UE tal-pajjiżi terzi strateġiċi bil-għan li jiġbru l-informazzjoni dwar il-flussi migratorji, jikkoordinaw mal-uffiċjali nazzjonali ta' kollegament u jikkooperaw direttament mal-awtoritajiet lokali, b'hekk jippermettu l-attivazzjoni tas-sistemi ta' twissija bikrija fil-livell tal-UE biex titħalla reazzjoni fil-pront għall-kriżijiet migratorji l-ġodda;

26.  Jinkoraġġixxi lill-Viċi President/Rappreżentant Għoli u lis-SEAE jkomplu jsostnu l-proċess ta' ratifika tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti Kontra l-Kriminalità Organizzata Transnazzjonali, tal-Protokoll tagħha għall-Prevenzjoni, Soppressjoni u Punizzjoni tat-Traffikar ta' Persuni, speċjalment ta' Nisa u Tfal, tal-Protokoll għall-Ġlieda kontra d-Dħul Klandestin ta' Migranti mill-Art, mill-Ajru u mill-Baħar u tal-Protokoll tagħha kontra l-Iffabbrikar Illeċitu u t-Traffikar tal-Armi tan-Nar, il-Partijiet u l-Komponenti u l-Munizzjon tagħhom;

27.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-kriminalizzazzjoni dejjem ikbar tal-kwistjoni migratorja attwali a skapitu tad-drittijiet tal-bniedem tal-persuni kkonċernati, kif ukoll it-trattament ħażin u d-detenzjoni arbitrarja tar-rifuġjati fil-pajjiżi terzi; jistieden lill-UE taffronta din il-kwistjoni, anki matul id-djalogi tagħha dwar id-drittijiet tal-bniedem kif ukoll fis-sottokumitati għall-ġustizzja, il-libertà u s-sigurtà, u tiżviluppa kapaċitajiet ta' protezzjoni fil-pajjiżi terzi tat-tranżitu;

28.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jipparteċipaw attivament fid-dibattitu dwar it-terminu "rifuġjat minħabba l-klima", inkluża l-eventwali definizzjoni ġuridika fid-dritt internazzjonali jew fi kwalunkwe ftehim internazzjonali ġuridikament vinkolanti;

29.  Jirrikonoxxi lill-apolidija bħala problema sinifikanti fl-ambitu tad-drittijiet tal-bniedem; jitlob lill-Kummissjoni u lis-SEAE jiġġieldu kontra l-apolidija fl-azzjonijiet esterni kollha tal-UE, partikolarment billi jaffrontaw fil-legiżlazzjonijiet nazzjonali d-diskriminazzjoni bbażata fuq il-ġeneru, ir-reliġjon jew l-istatus ta' minoranza, jippromwovu d-dritt tal-minuri għal ċittadinanza u jsostnu l-kampanja tal-Aġenzija għar-Rifuġjati tan-Nazzjonijiet Uniti (UNHCR) intiża li ttemm l-apolidija sal-2024;

30.  Jitlob li l-Kummissjoni tikkonsulta lill-Parlament Ewropew qabel il-konklużjoni ta' ftehim bejn FRONTEX u pajjiż terz; jinsisti li dawn il-ftehimiet jipprevedu garanziji adegwati biex ikun assigurat ir-rispett sħiħ tal-istandards fil-qasam tad-drittijiet tal-bniedem, anki b'riferiment għall-operazzjonijiet ta' rimpatriju, pattuljament konġunt, tiftix u salvataġġ jew interċettazzjoni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

6

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Lars Adaktusson, Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, James Carver, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Arnaud Danjean, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Knut Fleckenstein, Eugen Freund, Sandra Kalniete, Manolis Kefalogiannis, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Eduard Kukan, Ilhan Kyuchyuk, Barbara Lochbihler, Sabine Lösing, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Tamás Meszerics, Francisco José Millán Mon, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Vincent Peillon, Tonino Picula, Kati Piri, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Jozo Radoš, Sofia Sakorafa, Jacek Saryusz-Wolski, Alyn Smith, Jaromír Štětina, Charles Tannock, László Tőkés, Johannes Cornelis van Baalen

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Ignazio Corrao, Luis de Grandes Pascual, Angel Dzhambazki, Tanja Fajon, Mariya Gabriel, Liisa Jaakonsaari, Javi López, Norica Nicolai, Urmas Paet, Miroslav Poche, Soraya Post, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Igor Šoltes, Renate Sommer, Traian Ungureanu, Marie-Christine Vergiat

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Ivan Štefanec, Patricija Šulin

12.11.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Beatriz Becerra Basterrechea

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li, sabiex jinstabu soluzzjonijiet sostenibbli u fit-tul, is-sitwazzjoni attwali tal-migrazzjoni tista' tiġi indirizzata biss fil-kuntest ta' approċċ olistiku fil-livell Ewropew, li għandu jagħmel parti minn ħarsa ġenerali komprensiva lejn il-migrazzjoni fil-qafas tal-Aġenda 2030; jisħaq, għalhekk, fuq il-ħtieġa li l-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni fil-qasam tal-ġestjoni tal-flussi migratorji; jilqa' l-inizjattiva li titnieda Aġenda Ewropea ġdida dwar il-migrazzjoni, li trid tkun ibbażata fuq id-drittijiet, imfassla mill-Parlament Ewropew, mill-Kummissjoni u mill-Kunsill Ewropew, bl-involviment dirett tal-partijiet interessati rilevanti fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, b'konsultazzjoni mas-soċjetà ċivili, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-migranti, u tkun mirfuda mis-solidarjetà u r-responsabbiltà bejn l-Istati Membri; jenfasizza li din l-aġenda trid tinkludi s-sostituzzjoni tar-Regolament ta' Dublin b'sistema ta' asil Ewropea ċentralizzata li tieħu inkunsiderazzjoni l-preferenzi ta' dawk li jfittxu asil u r-rifuġjati, filwaqt li tagħmilha possibbli li tinħoloq żona ta' sigurtà, libertà u ġustizzja, li jiġu armonizzati l-proċeduri tal-asil u li jiġi żgurat kontroll effikaċi tal-fruntiera esterna komuni; jissottolinja l-ħtieġa ta' sistema vinkolanti u permanenti ta' rilokazzjoni għal dawk li jfittxu asil u li jibbenefikaw minn protezzjoni internazzjonali;

2.  Jikkundanna l-fatt li l-Kummissjoni kellha tistenna kriżi umanitarja mingħajr preċedent, li kienet segwita minn reazzjoni qawwija ta' protesta u solidarjetà mis-soċjetà ċivili, biex tfassal mill-ġdid il-politiki ta' migrazzjoni falluti tagħha permezz ta' approċċ olistiku li jinkludi l-iżvilupp, il-kooperazzjoni u r-rispett għall-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp;

3.  Jinsisti li għandhom jitjiebu minnufih il-kundizzjonijiet tal-għajxien terribbli għall-miljuni ta' nies li qed jgħixu f'kampijiet tar-rifuġjati, b'mod partikolari fit-Turkija, il-Ġordan u l-Libanu; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jtejbu l-mekkaniżmi ta' appoġġ u għajnuna umanitarja tagħhom għall-pajjiżi ġirien fiż-żoni ta' kunflitt, li qed jospitaw l-akbar għadd ta' rifuġjati; jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li żżid l-appoġġ finanzjarju tagħha għal dawn il-pajjiżi u jistieden lill-Istati Membri jżommu l-wegħdiet tagħhom; ifakkar li l-kawżi profondi tal-migrazzjoni jridu jiġu indirizzati b'mod effikaċi, billi jiġu affrontati l-inugwaljanzi globali, il-ksur tad-drittijiet tal-bniedem, il-faqar, il-qgħad, il-fraġilità tal-istat u t-tibdil fil-klima, u jenfasizza, f'dan ir-rigward, li huwa essenzjali li ssir ħidma favur soluzzjoni paċifika tal-kunflitti armati; jieħu nota tas-summit dwar il-migrazzjoni li sar fil-Belt Valletta fil-11 u t-12 ta' Novembru 2015, li offra opportunità għal approċċ integrat biex jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-migrazzjoni forzata;

4.  Jemmen li l-politika Ewropea dwar il-migrazzjoni għandha tiddistingwi bejn "rifuġjati" u "migranti ekonomiċi"; jenfasizza li għandhom jittieħdu approċċi differenti lejn dawn iż-żewġ kategoriji ta' migranti;

5.  Jenfasizza li l-irġiel, in-nisa u t-tfal milqutin mill-kriżi attwali qed jaħarbu l-persekuzzjoni reliġjuża jew politika, il-gwerra, id-dittatorjat, l-oppressjoni, it-tortura, id-dekapitazzjoni, eċċ., u li d-drittijiet tagħhom bħala bnedmin mhumiex negozjabbli; jinnota li fil-biċċa l-kbira huma koperti mill-Konvenzjoni ta' Ġinevra tal-1951 dwar ir-rifuġjati, li ġiet irratifikata mit-28 Stat Membru kollha; jistieden lill-UE timponi sanzjonijiet kontra l-pajjiżi li jiksru dawn id-drittijiet u b'hekk jiksru waħda mill-kundizzjonijiet fundamentali għas-sħubija tagħhom fl-UE;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill iressqu stedina lill-Istati Uniti, bħala parti mill-kooperazzjoni trans-Atlantika tagħna fil-qasam tal-politika tal-iżvilupp, sabiex jaħdmu magħna bil-għan li l-fluss migratorju jbatti permezz tat-tisħiħ tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp fl-Afrika u fil-Lvant Nofsani u permezz tal-għoti ta' għajnuna effikaċi lil miljuni ta' nies li qed jgħixu fil-kampijiet tar-rifuġjati;

7.  Jinsisti li r-rabta kumplessa bejn l-iżvilupp u l-migrazzjoni trid tkun integrata aħjar sabiex il-politiki tal-UE li jfittxu li jimmaniġġjaw il-migrazzjoni fl-UE jsiru kompatibbli ma' dawk li jfittxu li jnaqqsu l-faqar fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw u sabiex jittaffew xi wħud mill-kawżi tal-migrazzjoni forzata, pereżempju billi l-impatt, f'termini ta' żvilupp, tat-trasferimenti ta' flus mill-ħaddiema migranti lejn pajjiżhom jiġi massimizzat permezz tat-tnaqqis tal-ispejjeż relatati ma' tali trasferimenti; jenfasizza l-ħtieġa li ssir ħidma effikaċi ma' pajjiżi terzi biex jiġu identifikati l-kawżi li jwasslu għal dawn il-flussi migratorji, aktar milli tingħata attenzjoni esklużiva fuq il-konsegwenzi tagħhom; ifakkar li l-emigrazzjoni tiżdied bl-iżvilupp ekonomiku ta' pajjiż sakemm dan jilħaq status ta' pajjiż bi dħul medju superjuri (madwar USD 7 000-8 000 per capita), u mbagħad terġa' tibda tonqos meta jintlaħaq dan il-punt; jenfasizza, għalhekk, li sabiex tinstab soluzzjoni sostenibbli u fit-tul, il-kooperazzjoni u l-ġestjoni tal-flussi migratorji jridu jissaħħu; jirrikonoxxi li l-iżvilupp ekonomiku sostenibbli u l-bini ta' stat ibbażat fuq istituzzjonijiet demokratiċi, b'saħħithom u trasparenti jikkontribwixxu bil-qawwi fl-indirizzar tal-kawżi profondi tal-migrazzjoni forzata; jistieden lill-UE u lill-partijiet interessati internazzjonali kollha jtejbu l-kooperazzjoni għall-iżvilupp u l-istrumenti intiżi għal djalogu politiku kontinwu; 

8.  Jinsab imħasseb dwar tentattivi biex l-approprjazzjonijiet marbutin mal-għajnuna għall-iżvilupp jiġu żvijati biex jindirizzaw kwistjonijiet ta' migrazzjoni li mhumiex relatati mal-iżvilupp; jopponi l-fatt li nfiq ta' appoġġ għar-rifuġjati fil-pajjiżi donaturi jista' jingħadd diġà bħala għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp; jopponi l-pjanijiet biex l-għajnuna għall-iżvilupp tintuża u tintrabat ma' aktar kontrolli fil-fruntieri jew kontrolli tal-ftehimiet ta' riammissjoni min-naħa ta' pajjiżi terzi; iħeġġeġ lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jżidu l-fondi u l-mezzi disponibbli biex jirreaġixxu għal kriżijiet umanitarji; jappella għal pjan aktar fit-tul li jkun jinkludi miżuri mmirati lejn it-tisħiħ tar-rwol tal-aġenziji tan-NU; jilqa' t-twaqqif ta' Fond Fiduċjarju Reġjonali tal-UE b'reazzjoni għall-kriżi Sirjana u ta' Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika, strument effikaċi għall-ġlieda kontra d-destabilizzazzjoni, l-ispostament forzat u l-migrazzjoni irregolari; jitlob lill-Kummissjoni ttejjeb it-trasparenza tal-Fond Fiduċjarju ta' Emerġenza tal-UE għall-Afrika; iħeġġeġ lill-Istati Membri jikkontribwixxu għall-Fond Fiduċjarju u jissottolinja li l-monitoraġġ u l-evalwazzjoni tal-proġetti u l-programmi ffinanzjati se jkunu essenzjali sabiex jiġi żgurat li l-Fond jaqdi l-iskop tiegħu, jiġifieri li jgħin lil dawk fil-bżonn u mhux li jiffinanzja lill-gvernijiet li huma responsabbli mill-ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

9.   Iħeġġeġ lill-UE, lill-Unjoni Afrikana u lin-Nazzjonijiet Uniti jsaħħu l-kooperazzjoni internazzjonali dwar il-migrazzjoni bil-ħsieb li joħolqu kanali ta' migrazzjoni legali, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jimmassimizzaw il-kontribut pożittiv tal-migrazzjoni u l-mobbiltà tal-bniedem fl-iżvilupp globali, kif rikonoxxut għall-ewwel darba fl-aġenda għall-iżvilupp ta' wara l-2015 u l-Għanijiet ta' Żvilupp Sostenibbli proposti u l-miri ta' migrazzjoni tagħhom; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaġevolaw l-integrazzjoni tal-immigranti, li l-parteċipazzjoni attiva tagħhom fis-soċjetà tgħin biex tippromwovi l-iżvilupp soċjali u ekonomiku u d-diversità kulturali tal-Unjoni; jinkoraġġixxi lill-awtoritajiet tal-UE u tal-Istati Membri jtejbu r-rikonoxximent tal-kwalifiki akkademiċi u professjonali tal-migranti bil-għan li dawn jiġu integrati aħjar u aktar malajr fis-suq tax-xogħol;

10.  Ifakkar li d-dritt ta' persuna li tħalli kwalunkwe pajjiż, inkluż pajjiżha stess, huwa minqux fl-Artikolu 13 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU; jenfasizza li, filwaqt li din il-libertà u dan id-dritt fundamentali għandu jgawdi minnhom kulħadd, iċ-ċittadini tal-pajjiżi li jinsabu fit-Tramuntana tad-dinja u l-aktar ċittadini għonja tal-pajjiżi li jinsabu fin-Nofsinhar tad-dinja huma l-uniċi li jistgħu jeżerċitaw tabilħaqq dan id-dritt; jisħaq fuq il-ħtieġa li l-prinċipju ta' "non-refoulement" jiġi implimentat aħjar u b'mod sħiħ, prinċipju li, b'mod partikolari għal dawk li jfittxu asil, huwa l-korollarju tad-dritt għall-migrazzjoni u huwa minqux fl-Artikolu 33 tal-Konvenzjoni tal-1951 dwar ir-Rifuġjati, jinsab fil-Protokoll tal-1967 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u huwa affermat mill-ġdid fl-Artikolu 3 tal-Konvenzjoni tal-1984 kontra t-Tortura u Trattamenti jew Pieni Oħra Krudili, Inumani jew Degradanti;

11.  Jisħaq fuq il-ħtieġa li d-dritt internazzjonali li persuna tfittex asil, kif minqux fl-Artikolu 14 tad-Dikjarazzjoni Universali tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU, jiġi mħares, promoss u ssodisfat, inkluża l-ħtieġa li l-prinċipju ta' "non-refoulement" jiġi rispettat aħjar u b'mod sħiħ; jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti u msaħħa ċentri ta' informazzjoni dwar il-migrazzjoni fil-pajjiżi ta' emigrazzjoni u ta' tranżitu, fuq l-istess passi taċ-Ċentru ta' Informazzjoni u ta' Ġestjoni tal-Migrazzjoni (CIGEM) fil-Mali; jenfasizza li n-nuqqas ta' rotot legali ma jħalli l-ebda għażla għal bosta rġiel, nisa u tfal għajr li jirrikorru għat-traffikanti, bi spiża enormi u sogru għal ħajjithom; jistieden lill-UE timplimenta l-leġiżlazzjoni eżistenti u toħloq modi aktar sikuri u legali għad-dħul u s-soġġorn fl-UE;

12.  Jopponi l-proposti ta' xi Stati Membri li jitwaqqfu ċentri ta' asil f'pajjiżi terzi u li t-Turkija u l-pajjiżi tal-Afrika ta' Fuq jiġu involuti fl-operazzjonijiet Ewropej ta' tiftix u salvataġġ bil-għan li r-rifuġjati jiġu interċettati u jittieħdu lura l-Afrika u t-Turkija; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan ir-rigward, tforni lill-Parlament b'evalwazzjoni dwar kemm dawn il-proposti huma konformi mad-dritt internazzjonali fil-qasam tal-asil u dwar l-ostakli prattiċi u legali għall-implimentazzjoni tagħhom; jappella biex il-Proċess ta' Khartoum jiġi sostitwit bi proċess imsejjes fuq ir-rispett sħiħ tad-drittijiet tal-bniedem u ffukat fuq it-titjib tal-kundizzjonijiet tal-għajxien sabiex jiġu indirizzati l-kawżi profondi tal-migrazzjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jiffukaw is-Summit tal-Belt Valletta f'Novembru fuq il-kawżi profondi tal-migrazzjoni, bħalma huma l-faqar, l-inugwaljanza, l-inġustizzja, it-tibdil fil-klima, il-korruzzjoni, il-governanza ħażina u l-kunflitti armati;

13.  Iqis ta' importanza ewlenija l-kwistjonijiet u l-problemi li jiffaċċjaw in-nisa, il-bniet u gruppi ta' nies vulnerabbli bħall-anzjani, it-tfal, il-persuni b'diżabbiltà, il-minoranzi u oħrajn fil-proċess ta' migrazzjoni fi ħdan l-UE u l-impatt tagħhom fuq l-emanċipazzjoni u d-drittijiet tal-bniedem ta' dawn il-persuni; iqis li l-kwistjonijiet u l-problemi li jiffaċċjaw il-migranti LGBTI fil-proċess ta' migrazzjoni u fi ħdan l-UE huma wkoll ta' importanza ewlenija; jappella biex f'kull politika relatata mal-migranti tiġi inkluża espliċitament dimensjoni LGBTI; jisħaq fuq il-ħtieġa essenzjali li fil-politiki ta' migrazzjoni jkun hemm dimensjoni inklużiva li tieħu kont tal-karatteristiċi speċifiċi ta' kull grupp vulnerabbli, u jappella biex din tiġi inkluża fil-politiki kollha mmirati lejn il-migranti; jinnota li l-leġiżazzjoni tal-UE dwar l-asil tinkludi l-mutilazzjoni ġenitali fost il-kriterji li għandhom jitqiesu fl-ipproċessar tal-applikazzjonijiet għall-asil; jinsisti fuq il-bżonn li d-drittijiet tal-bniedem u d-drittijiet individwali tal-aktar vulnerabbli fost il-migranti jiġu rrispettati;

14.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jiżguraw li l-migranti jkollhom aċċess għal drittijiet u servizzi li jiggarantixxu l-ekwità tagħhom u jimpedixxu t-tkabbir tar-razziżmu u l-ksenofobija fl-UE;

15.  Ifakkar fil-ħtieġa li l-interessi fundamentali tat-tfal u l-minorenni mhux akkumpanjati jiġu ggarantiti, pereżempju fir-rigward tal-asil, skont il-Konvenzjoni tal-1989 dwar id-Drittijiet tat-Tfal u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; jisħaq fuq il-ħtieġa li s-sistemi ta' protezzjoni tat-tfal jissaħħu biex it-tfal ikunu mħarsa mill-abbuż u l-isfruttament f'kull ħin, inkluż permezz tal-forniment ta' servizzi essenzjali bħall-kura medika, l-appoġġ psikoloġiku, edukazzjoni ta' kwalità u miżuri speċifiċi għall-integrazzjoni progressiva tagħhom fl-Istati Membri; jappella biex tingħata attenzjoni speċjali għall-ħtiġijiet tal-familji separati u ta' dawk li ħallew warajhom, u biex id-Direttiva tal-Kunsill 2003/86/KE tiġi riveduta bil-għan li taġevola r-riunifikazzjoni tal-familji;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-UE jirrispettaw bis-sħiħ il-prinċipju tal-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp fil-politiki ta' migrazzjoni tagħhom, u b'mod partikolari fl-implimentazzjoni tal-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni, filwaqt li jżommu f'moħħhom, f'dan ir-rigward, ir-rabta bejn il-politiki interni u esterni u, għaldaqstant, ir-relazzjoni bejn il-politiki fil-qasam tal-migrazzjoni u tal-iżvilupp, minn naħa waħda, u l-politiki attwali fil-qasam tal-impjieg u tal-protezzjoni soċjali fl-Istati Membri min-naħa l-oħra; jissottolinja, għalhekk, il-ħtieġa li d-dimensjoni tal-iżvilupp tiġi inkorporata b'mod aktar sistematiku fil-politiki ta' migrazzjoni; ifakkar li xi politiki tal-UE u l-isforzi limitati biex jiġu miġġielda l-flussi kapitali illegali minn pajjiżi li qed jiżviluppaw jikkontribwixxu indirettament għall-instabbiltà u għall-flussi migratorji; jitlob, għalhekk, li l-Kummissjoni tippreżenta Pjan ta' Azzjoni dwar il-koerenza tal-politiki; jenfasizza l-importanza li jiġu żgurati l-koerenza tal-politiki u l-koordinament bejn l-azzjoni esterna tal-UE u l-politiki fil-qasam tas-sigurtà, id-difiża, il-kummerċ, l-għajnuna umanitarja, il-migrazzjoni u l-kooperazzjoni għall-iżvilupp; iqis li r-responsabbiltajiet Ewropej fil-kunflitti għandhom jiġu assunti bis-sħiħ permezz ta' impenn akbar lejn iż-żamma tal-paċi u soluzzjonijiet dewwiema għar-rifuġjati (ir-risistemazzjoni, l-integrazzjoni lokali, il-mobbiltà u r-ritorn meta dan ikun possibbli); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħmlu ħilithom aktar biex iħaddnu politiki interni u esterni li jinvolvu l-migrazzjoni, sabiex jaġevolaw il-mobbiltà tal-individwi fi sforz biex jitjieb il-benesseri tagħhom u dak tal-familji tagħhom;

17.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar l-għadd dejjem jikber ta' rifuġjati tal-klima, li huwa kkaġunat min-nixfa, il-ġuħ u d-deterjorament tal-istandards tal-għajxien u tas-saħħa; iqis li l-popolazzjonijiet fil-pajjiżi l-anqas żviluppati huma aktar vulnerabbli għall-effetti tat-tibdil fil-klima, li jista' jkollu konsegwenzi fuq iż-żieda tal-inugwaljanzi u tal-instabbiltà soċjali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkoordina l-politiki tagħha fil-qasam tal-iżvilupp ma' dawk fil-qasam ekonomiku, bil-għan li jintemm l-isfruttament tar-riżorsi umani u naturali fil-pajjiżi terzi, li jimmina l-iskop ta' kwalunkwe tip ta' għajnuna għall-iżvilupp; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jirregolaw b'mod strett l-attivitajiet tal-kumpaniji transnazzjonali ta' oriġini Ewropea li joperaw f'pajjiżi terzi;

19.  Jappoġġa bil-qawwa t-tixrid u l-implimentazzjoni effikaċi u komprensivi tal-Prinċipji Gwida tan-NU dwar in-Negozju u d-Drittijiet tal-Bniedem fl-UE u 'l barra minnha, u jenfasizza l-ħtieġa li jittieħdu l-miżuri politiċi u leġiżlattivi kollha meħtieġa biex jiġu indirizzati l-lakuni fl-implimentazzjoni effikaċi tal-Prinċipji Gwida tan-NU, inkluż rigward l-aċċess għall-ġustizzja; ifakkar li l-għan tal-Prinċipji Gwida tan-NU mhuwiex li joħolqu obbligu legali internazzjonali ġdid, iżda li jistabbilixxu standard globali komuni għall-prevenzjoni u l-indirizzar tal-impatt avvers tal-attività kummerċjali fuq id-drittijiet tal-bniedem;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-politiki dwar l-aċċess għal mediċini essenzjali jiġu inkorporati fil-Koerenza tal-Politiki għall-Iżvilupp; isostni li għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-kwistjonijiet ta' regolamentazzjoni tal-kummerċ u tal-proprjetà intellettwali, minħabba l-importanza tagħhom għall-forniment ta' mediċini effikaċi fil-pajjiżi li qed jiżviluppaw;

21.  Jesprimi d-diżappunt tiegħu li, minħabba l-aġġudikament ta' kuntratti ta' akkwist pubbliku u s-servizz tad-dejn, fost l-oħrajn, 61 % tal-għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp tmur lura lejn il-pajjiżi donaturi; jappella, għalhekk, għal żieda fl-għajnuna reali li għandha impatt pożittiv fuq il-ħtiġijiet tal-persuni;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tirrevedi s-sistemi ta' evalwazzjoni u ta' monitoraġġ orjentat lejn ir-riżultati ta' Europe Aid, liema sistemi huma essenzjali għall-ippjanar, it-tfassil u l-implimentazzjoni tal-politiki u tal-interventi tal-UE u għat-tisħiħ tat-trasparenza u tar-responsabbiltà demokratika; ifakkar li l-emanċipazzjoni u l-iżvilupp ta' tibdil strutturali sostenibbli għandhom ikunu punti ċentrali fil-politiki tagħna;

23.  Jiddeplora l-fatt li f'xi Stati Membri bħall-Italja twettqu sensiela ta' frodi u irregolaritajiet amministrattivi gravi, ta' spiss bl-involviment tal-kriminalità organizzata, fil-ġestjoni ta' xi ċentri ta' akkoljenza ta' persuni li jfittxu asil, li rriżultaw kemm fl-użu ħażin tal-fondi Ewropej kif ukoll f'peġġorament ulterjuri tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

10.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Beatriz Becerra Basterrechea, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Charles Goerens, Enrique Guerrero Salom, Heidi Hautala, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Davor Ivo Stier, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta, Rainer Wieland, Anna Záborská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Louis-Joseph Manscour, Joachim Zeller

4.9.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Gérard Deprez

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-adozzjoni mill-Kummissjoni ta' aġenda tal-UE ambizzjuża għall-migrazzjoni; jiddispjaċih li l-Kunsill Ewropew, minbarra d-dikjarazzjonijiet tiegħu, ma għandux l-istess livell ta’ ambizzjoni u qed jonqos milli jappoġġja lill-Kummissjoni;

2.  Jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni mmirata lejn l-implimentazzjoni ta' mekkaniżmu ta' relokalizzazzjoni ta' 40,000 ruħ matul is-snin 2016 u 2017, bi spiża totali ta' EUR 240,000 000; jappoġġja l-isforzi li saru minn ċerti Stati Membri li aċċettaw l-għadd propost mill-Kummissjoni u f’xi każijiet saħansitra iktar, filwaqt li jiddeplora l-fatt li minħabba n-nuqqas ta’ rieda ta’ xi Stati Membri ċ-ċifra ta’ 40 000 persuni għadha ma ntlaħqitx;

3.  Jilqa' wkoll ir-rakkomandazzjoni tal-Kummissjoni dwar programm ta' risistemazzjoni u jilqa' l-EUR 50,000,000 addizzjonali għas-snin 2015 u 2016 previsti għal dan; jenfasizza li l-ammont imwarrab għandu jikkorrispondi għal ħtiġijiet reali skont il-flussi migratorji futuri u għalhekk għandu jiġi adattat kif xieraq;

4.  Jilqa' b'mod favorevoli ż-żieda tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) ta' ammont ta' EUR 57 000 000 f'DAB 5 għall-2015 u ta' iktar minn EUR169 000 000 (EUR 171 900 000 bir-riprogrammazzjoni) fl-abbozz ta' baġit 2016; jiddispjaċih jgħid, madankollu, li jekk f'dawn il-fondi l-ammonti disponibbli għar-rinfurzar u l-iżvilupp ta' sistema ta' asil komuni jiżdiedu għal iktar minn EUR 174 000 000 (EUR 161 694 285 bir-riprogrammazzjoni), l-ammonti disponibbli għall-għajnuna għall-migrazzjoni legali, għall-integrazzjoni u t-titjib ta' strateġiji ta' ritorn ġusti u effettivi jonqsu għal kważi EUR 5 000 000 (+ EUR 9 985 847 bir-riprogrammazzjoni);

5.  Jistieden lill-Kummissjoni biex tipprovdi valutazzjoni kemm jista’ jkun preċiża tal-approprjazzjonijiet meħtieġa għall-Fondi AMIF matul il-perjodu sal-2020 u, abbażi ta’ dan, li tippreżenta proposta għal żieda fl-approprjazzjonijiet tal-intestatura 3 u, jekk ikun meħtieġ, allokazzjoni aġġustata fost id-diversi programmi ta’ implimentazzjoni fil-kuntest tar-reviżjoni tal-qafas finanzjarju pluriennali, li għandu jsir sa tmiem l-2016; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li dan il-finanzjament ikollu valur miżjud Ewropew ġenwin aktar milli sempliċement jappoġġa programmi nazzjonali eżistenti;

6.  Jagħmel ċara l-intenzjoni tiegħu li jimmodifika n-nomenklatura baġitarja ta’ AMIF fi sforz biex isir aktar trasparenti u tkun aktar faċli biex tiġi monitorjata l-allokazzjoni tal-approprjazzjonijiet annwali bejn id-diversi programmi u strumenti ta’ implimentazzjoni; jixtieq li fil-futur dawn il-fondi jkunu jistgħu jibbenefikaw minn marġni usa' ta' flessibbiltà;

7.  Jilqa' ż-żieda ta' EUR 41,245,000 fl-abbozz ta' baġit 2016 għall-aġenzija Frontex; jitlob data affidabbli dwar il-kosti ta' Triton u Poseidon; jiddispjaċih li, ħdax-il sena wara l-istabbiliment tagħha f’Varsavja, il-Ftehim tal-Kwartieri Ġenerali bejn il-Frontex u l-Gvern Pollakk għadu ma ġiex iffirmat, u b’hekk il-persunal tal-Aġenzija qed jinżamm milli jaħdem taħt l-aqwa kondizzjonijiet; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi iktar informazzjoni dwar il-proposta għal emenda tal-mandat ta' Frontex fl-organizzazzjoni tar-ritorni;

8.  Jirrikonoxxi li l-Kunsill ma naqqasx il-linji ewlenin tal-AMIF u l-Fond għas-Sigurtà Interna (ISF) fl-intestatura 3, li jenfasizza li ż-żieda tkun meħtieġa; jikkritika, madankollu, it-tnaqqis fil-linja tal-migrazzjoni u l-asil konformità taħt l-Istrument ta’ Kooperazzjoni għall-Iżvilupp (DCI) (- EUR 200 000 f’approprjazzjonijiet ta’ impenn, -EUR 5 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament), u fit-tnaqqis tal-linji tat-tnaqqis tal-faqar għaż-żewġ pajjiżi tal-Mediterran (-EUR 50 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament) u s-Sħubija tal-Lvant (-EUR 12 miljun f’approprjazzjonijiet ta’ pagament) u b’mod aktar ġenerali għall-Istrument għall-Assistenza ta’ Qabel l-Adeżjoni (IPA); jemmen li t-tnaqqis propost huwa kontroproduċenti f’dak li għandu x’jaqsam mal-istrateġija tal-ġestjoni ġenerali għall-futur tal-flussi migratorji;

9.  Jenfasizza l-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil se jiġi mitlub li jkollu rwol dejjem jikber fil-ġestjoni tal-asil fil-futur; jiddikjara li ż-żieda tal-persunal tiegħu b'4 persuni biss fil-fatt mhuwiex suffiċjenti, u li l-finanzjament, li ma jinkludix id-dħul assenjat, allokat lilu fl-abbozz ta' baġit fl-2016 tnaqqas fi żmien meta l-ħtiġijiet reali jiddettaw li dan għandu jiżdied;

10.  Jirrikonoxxi r-rwol tal-Europol fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u b’mod aktar speċifiku l-attivitajiet tiegħu fil-ġlieda kontra n-netwerks kriminali, li teħtieġ persunal addizzjonali f’mill-inqas tliet punti kritiċi li għadhom kif ġew stabbiliti; jindika li ż-żieda ta’ tlieta min-nies biss fl-organigramma tiegħu mhijiex biżżejjed biex jaqdu dawn il-kompiti diffiċli ħafna, u li l-fondi allokati lilu fl-abbozz tal-baġit 2016 ma jiżgurawx biżżejjed riżorsi biex iwettqu dawn il-kompiti b’mod adegwat;

11.  Jitlob li l-aġenziji tal-ĠAI ma jiġux sottomessi għal tnaqqis jew għal riallokazzjoni awtomatika tal-persunal tagħhom; jitlob li ssir l-implimentazzjoni ta' strateġija reali fuq terminu medju u twil għal dawn l-aġenziji;

12.  Jilqa' ż-żieda prevista fl-abbozz ta' baġit 2016 għall-Asil u l-Immigrazzjoni; jenfasizza li l-flus li ma ntefqux jistgħu jiġu trasferiti għal linji baġitarji oħra biex jiġu indirizzati sfidi u żviluppi mhux previsti bħal dawk deskritti fl-Aġenda Ewropea għall-migrazzjoni;

13.  Iqis li huwa essenzjali li jsir monitoraġġ mill-qrib dwar l-użu li jsir mill-finanzjament kollu relatat mal-immigrazzjoni, b’mod partikolari fir-rigward ta’ kuntratti u proċeduri ta’ sottokuntrattar, fid-dawl ta’ numru ta’ każijiet ta’ frodi u ta’ amministrazzjoni ħażina li seħħew fl-Istati Membri.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT

Data tal-adozzjoni

3.9.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

4

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Carlos Iturgaiz, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Liadh Ní Riada, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Isabelle Thomas, Inese Vaidere, Daniele Viotti, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anneli Jäätteenmäki, Andrey Novakov, Nils Torvalds, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Anthea McIntyre, Tatjana Ždanoka

18.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-Unjoni Ewropea għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Elisabeth Morin-Chartier

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Kummissjoni biex toħloq aġenda ambizzjuża għall-migrazzjoni u jħeġġeġ lill-Kunsill Ewropew jadotta livell għoli ta' ambizzjoni u attenzjoni għad-dettal u biex jaġixxi b'vuċi waħda sabiex jipprovdi reazzjonijiet f'waqthom u b'saħħithom għall-kriżi fil-migrazzjoni; jistieden lill-Kunsill ikun proattiv fl-appoġġ tiegħu għall-ħidma tal-Kummissjoni permezz ta' atti konkreti u ta' azzjoni rapida u billi jieħu miżuri prattiċi mfassla biex jintlaħqu l-għanijiet komuni, fuq il-bażi tal-prinċipji tas-solidarjetà u tad-distribuzzjoni ġusta tar-responsabbiltajiet fost l-Istati Membri kollha; jiddispjaċih dwar l-aġir ta' mblukkar minn xi Stati Membri lejn l-adozzjoni ta' soluzzjoni politika effettiva u sostenibbli li tirrispetta l-valuri fundamentali li fuqhom hi mibnija l-Unjoni Ewropea, inklużi r-rispett għall-istat tad-dritt, id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tan-nondiskriminazzjoni, is-solidarjetà u r-responsabbiltà kondiviża;

2.  Jinnota li l-mewġa attwali ta' refuġjati tirrappreżenta sfida Ewropea f'kuntest globali, u bħala tali jeħtieġ li tiġi ttrattata fil-Kunsill Ewropew ukoll;

3.  Jenfasizza, b'mod partikolari, li d-dimensjoni soċjali tal-influss tar-refuġjati titlob politika Ewropea komuni tal-asil, dibattitu dwar il-ftehimiet Ewropej dwar il-kwoti, u r-reġistrazzjoni fuq il-post ta' gruppi tar-refuġjati partikolarment vulnerabbli fi stati li huma diġà mgħobbija żżejjed u li huma ġirien tar-reġjuni fi kriżi kkonċernati;

4.  Jenfasizza li l-unika soluzzjoni fattibbli biex jiġi mmaniġġjat l-influss ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi u persuni mingħajr stat huwa li jiġi stabbilit mekkaniżmu ta' rilokazzjoni permanenti għall-Istati Membri kollha mill-aktar fis possibbli; jirrimarka li, fuq terminu medju, il-kwistjoni mqajma mill-kriżi attwali tar-refuġjati hi dwar ir-rieda tal-Ewropa li tintegrahom fis-soċjetà tagħha peress li r-refuġjati mhumiex qed ifittxu li jibqgħu b'mod permanenti; jenfasizza li l-edukazzjoni u l-impjiegi huma fundamentali biex tirnexxi l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti; jitlob, għaldaqstant, lill-Kummissjoni, b'koordinazzjoni mill-qrib ħafna mal-Istati Membri, biex immedjatament tadotta miżuri u tagħżel li tistabbilixxi pjan li jkun immirat lejn u jippromovi l-inklużjoni soċjali tar-refuġjati u l-integrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol tal-UE li għadu qed isofri mill-impatt tal-kriżi ekonomika, filwaqt li tikkunsidra d-differenzi bejn il-migranti ekonomiċi u r-refuġjati;

5.  Jenfasizza li l-integrazzjoni ġenwina hija proċess bilaterali li jitlob impenn reċiproku tar-refuġjati u tal-Ewropa u ċ-ċittadini tagħha; jenfasizza li huwa essenzjali li tiġi żgurata sistema effikaċi u żvelta ta' rikonoxximent tal-istatus ta' refuġjat u ta' allokazzjoni lejn il-pajjiżi ta' destinazzjoni sabiex jinbeda mill-aktar fis possibbli l-proċess tal-inklużjoni soċjali u tal-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi konverġenza akbar tal-protezzjoni soċjali kif ukoll ta' standard għat-twettiq rapidu tal-permessi tax-xogħol għal dawk bi status ta' refuġjat rikonoxxut, fl-Istati Membri kollha;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiskambjaw prattika tajba dwar kif jintegraw ir-refuġjati fis-soċjetà u fis-suq tax-xogħol Ewropej; jistieden lill-Kummissjoni tuża l-esperjenzi tal-Istati Membri u tfassal sett ta' rakkomandazzjonijiet dwar kif dan il-proċess jista' jiġi kkompletat b'mod effettiv;

7.  Ifakkar il-Prinċipji Bażiċi Komuni tal-UE għall-Politika ta' Integrazzjoni tal-Immigranti (CBPs)[17] bħala l-approċċ bażiku għall-integrazzjoni;

8.  Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari għall-ħtiġijiet ta' dawk li jistħoqqilhom il-ħarsien internazzjonali u tal-gruppi vulnerabbli bħal minorenni mhux akkumpanjati, in-nisa, iż-żgħażagħ, it-tfal u l-anzjani, u fejn ikun possibbli, tippromwovi azzjonijiet rilevanti fil-pajjiżi terzi waqt il-fażi ta' qabel it-tluq; jappella biex tingħata kunsiderazzjoni speċjali lill-pożizzjoni sikwit vulnerabbli tan-nisa fil-proċess ta' inklużjoni soċjali u ta' integrazzjoni fis-suq tax-xogħol; jinsab imħasseb dwar is-sejbiet reċenti li jikkonċernaw għadd kbir ta' tfal refuġjati mhux akkumpanjati li jinsabu nieqsa, u jitlob lill-awtoritajiet jinvestigaw fejn jinsabu;

9.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni ttejjeb id-djalogu man-negozji u mal-ħaddiema dwar il-migrazzjoni u l-ħiliet, bl-għan li jiġu identifikati n-nuqqasijiet tas-suq tax-xogħol f'setturi industrijali speċifiċi, inkluża l-intraprenditorija, u biex jinfetħu kanali legali mmaniġġati sew ta' migrazzjoni u opportunitajiet ta' xogħol għar-refuġjati; hu tal-fehma li dan id-djalogu għandu jkun ibbażat fuq rappreżentanza bbilanċjata tal-interessi bl-għan li jkun hemm integrazzjoni bbażata fuq id-drittijiet tal-migranti u r-refuġjati fis-suq tax-xogħol;

10.  Jemmen li, meta jitfasslu l-politiki ta' integrazzjoni fl-UE, għandhom jitqiesu d-data relatata mas-suq tax-xogħol, partikolarment fir-rigward tal-qgħad u tal-opportunitajiet ta' impjieg, u d-data dwar is-sitwazzjoni soċjali fil-mekkaniżmu permanenti ta' rilokazzjoni tar-refuġjati sabiex jiġi żgurat li dan il-proċess ma jiddeterjorax is-sitwazzjoni soċjali u ekonomika fir-reġjuni ospitanti, speċjalment f'dawk ir-reġjuni li huma milquta l-aktar mill-kriżi ekonomika u fl-Istati Membri bl-iżjed dejn u li għadhom fil-proċess ta' konsolidazzjoni fiskali; u biex tiġi żgurata l-inklużjoni soċjali u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol tar-refuġjati, filwaqt li jiġi kkunsidrat li l-insigurtà ta' dawn it-territorji u tal-popolazzjonijiet tagħhom hu fattur separat sew mill-emerġenza attwali tar-refuġjati, minħabba l-opportunitajiet ta' impjieg attwali fir-reġjuni kkonċernati;

11.  Jissuġġerixxi sistema li permezz tagħha dawk li qed ifittxu l-asil jistgħu, safejn dan ikun possibbli fil-prattika, japplikaw għall-asil fi Stat Membru fejn diġà għandhom rabtiet familjari, rabtiet mal-komunità jew prospetti ta' impjieg aħjar li jtejbu b'mod sinifikanti l-prospetti ta' integrazzjoni tagħhom;

12.  Jenfasizza li jeħtieġ ukoll li jiġi żviluppat approċċ komprensiv għall-migrazzjoni li jinkludi l-problema demografika kbira li bħalissa qed tħabbat wiċċha magħha l-Ewropa u l-ekonomija tagħha; jirrimarka, fl-istess ħin, li l-integrazzjoni tar-refuġjati u l-migranti fuq terminu medju u twil ta' żmien tirrappreżenta wkoll opportunità fir-rigward tal-iżvilupp demografiku u t-tisħiħ tal-bażi tal-ħiliet fl-Ewropa; jistieden lill-Istati Membri jikkompilaw inventarju diġitali tal-profili tax-xogħol tar-refuġjati sabiex jikkoordinaw ir-rilokazzjoni tar-refuġjati mas-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol nazzjonali u reġjonali;

13.  Jirrimarka li l-Kummissjoni indikat li fondi Ewropej, inkluż il-Fond Soċjali Ewropew (FSE), jistgħu jintużaw favur l-integrazzjoni tar-refuġjati; jistieden lill-awtoritajiet ta' ġestjoni ta' dawn il-fondi biex jużawhom bl-iktar mod effikaċi possibbli biex jindirizzaw l-integrazzjoni ta' refuġjati mingħajr ma jagħmlu ħsara lil għanijiet u benefiċjarji oħra, speċjalment il-gruppi l-aktar vulnerabbli, u jiżguraw li l-benefiċjarji kollha jibbenefikaw minn dawn il-fondi; jinnota li l-Kummissjoni indikat ukoll id-disponibbiltà tagħha biex tgħin lill-awtoritajiet ta' ġestjoni jadattaw il-programmi operattivi FSE tagħhom sabiex jintegraw il-migranti u r-refuġjati b'mod effettiv mingħajr ma jdgħajfu l-għanijiet ta' impjieg tal-FSE; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-fondi disponibbli sabiex jingħata taħriġ dwar il-ġestjoni tad-diversità u tal-ugwaljanza fuq il-post tax-xogħol u biex jiġu appoġġati l-awtoritajiet lokali u reġjonali fir-rigward ta' miżuri ta' integrazzjoni;

14.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali previst fl-2016, tiżgura li l-baġit tal-UE – u speċjalment il-Fond Soċjali Ewropew – jiffoka aktar fuq l-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol tar-refuġjati bi status legali; jistieden lill-Kummissjoni tesplora l-użu tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni (AMIF) fil-miżuri għall-integrazzjoni soċjali u fis-suq tax-xogħol ta' persuni li mhumiex ċittadini tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu sħiħ mill-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS), flimkien ma' fondi oħra tal-UE, sabiex jipprovdu l-investiment meħtieġ biex jintegraw l-influss ta' refuġjati fiż-żmien medju; jistieden lill-Kummissjoni biex, fir-reviżjoni tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali, iżżid l-allokazzjoni għall-politiki soċjali biex issaħħaħ il-politika ta' koeżjoni sabiex tkun kapaċi tiffaċċja l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol u l-inklużjoni soċjali tar-rifuġjati;

15.  Jistieden lill-Istati Membri jagħtu lis-servizzi pubbliċi tal-impjiegi tagħhom biżżejjed riżorsi biex jiżguraw li r-refuġjati li jkunu eliġibbli biex jaħdmu jiġu integrati kompletament fis-suq tax-xogħol; jenfasizza li n-Netwerk Ewropew tas-Servizzi Pubbliċi tal-Impjiegi jista' jkollu rwol importanti fl-integrazzjoni tal-migranti fis-suq tax-xogħol Ewropew;

16.  Ifakkar ukoll l-importanza tal-appoġġ lill-SMEs sabiex jimpjegaw ħaddiema migranti fejn meħtieġ;

17.  Jenfasizza li l-aċċess għas-suq tax-xogħol huwa fundamentali għall-integrazzjoni tar-refuġjati u sabiex titħares id-dinjità tagħhom; jilqa' l-isforzi li saru minn xi Stati Membri biex jitnaqqas iż-żmien li jgħaddi qabel ma r-refuġjati jkunu jistgħu jidħlu fis-suq tax-xogħol fil-kuntest tat-traspożizzjoni tad-Direttiva 2013/33/UE[18];

18.  Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw bir-reqqa s-sistemi edukattivi tagħhom sabiex jidentifikaw modi kif jistgħu jintegraw lit-tfal tar-refuġjati mill-aktar fis possibbli fil-proċess edukattiv;

19.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni, f'kooperazzjoni mal-Istati Membri, biex tniedi sistema uniformi li tkun konformi mas-sistemi Ewropej eżistenti bil-għan li tippermetti u taċċellera r-rikonixximent uffiċjali u l-ekwivalenza tad-diplomi u r-rikonoxximent formali u informali tal-ħiliet, flimkien mal-istandardizzazzjoni tar-rikonoxximenti u l-ekwivalenza fost l-Istati Membri fil-livell Ewropew, biex b'hekk tippermetti lir-refuġjati u lill-migranti jkunu inklużi kompletament fis-soċjetà u biex jaħdmu fil-livell tal-ħiliet tagħhom minflok taħt dak il-livell, kif spiss huwa l-każ;

20.  Hu tal-fehma li t-taħriġ għandu jkun disponibbli u faċilment aċċessibbli għar-refuġjati u l-migranti u li r-refuġjati u l-migranti, bħala kwistjoni ta' urġenza, iridu jirċievu taħriġ lingwistiku u jieħdu korsijiet ta' integrazzjoni li jkunu parti integrali tal-programm ta' rilokazzjoni, hekk kif il-persuni spustjati jaslu fit-territorju tal-Istat ta' rilokazzjoni, minbarra s-servizzi mediċi u psikoloġiċi ta' appoġġ disponibbli għal dawk li qed ifittxu l-asil u r-refuġjati;

21.  Ifakkar li huwa importanti li l-ħiliet miksuba waqt li jkunu qed jaħdmu fl-UE jiġu vvalidati wkoll sabiex jingħata valur miżjud lill-individwu f'każ li jħalli l-UE biex jaħdem f'pajjiż ieħor;

22.  Jinnota li l-integrazzjoni bla xkiel tar-refuġjati u tal-migranti fil-komunitajiet ospitanti teħtieġ approċċ ibbażat fuq id-drittijiet kif ukoll il-mobilizzazzjoni tal-forzi kollha istituzzjonali tas-soċjetà ċivili, billi s-sħab soċjali jista' jkollhom rwol fit-tgawdija tal-benefiċċji ta' integrazzjoni aktar mgħaġġla tal-migranti u tar-refuġjati fis-suq tax-xogħol lokali; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jikkunsidraw sew il-partijiet interessati relevanti kollha meta jfasslu stateġiji ta' integrazzjoni;

23.  Jistieden lill-Istati Membri jħejju s-soċjetajiet lokali biex jilqgħu lir-refuġjati u l-familji tagħhom permezz ta' kampanji ta' informazzjoni mħejjija tajjeb;

24.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu u jappoġġaw inizjattivi tas-soċjetà ċivili organizzati bil-għan li jipprovdu assistenza lill-migranti u r-refuġjati pereżempju permezz ta' punti ta' kuntatt tan-Netwerk Ewropew għall-migranti u tal-Union Migrant Net, li huma biss żewġ eżempji ta' kooperazzjoni transfruntiera fost il-punti ta' kuntatt li jipprovdu informazzjoni u assistenza għall-integrazzjoni lill-migranti;

25.  Jirrimarka lill-Kummissjoni dwar il-periklu tax-xogħol mhux iddikjarat tal-migranti għas-saħħa u s-sikurezza tagħhom u li jċaħħadhom minn drittijiet tal-impjieg u tas-sigurtà soċjali tagħhom; iħeġġeġ lill-Kummissjoni timpedixxi l-isfruttament tax-xogħol gravi; jinnota li, skont id-Direttiva tas-Sanzjonijiet kontra min Iħaddem[19] u tad-Direttiva dwar il-Ħaddiema Staġjonali[20], min iħaddem jista' jiffaċċja sanzjonijiet meta jisfrutta ħaddiema migranti; jistieden lill-Kummissjoni, madankollu, biex tfassal sistema aktar orjentata lejn l-integrazzjoni li tiġbor fiha l-aspetti kollha ta' dawn il-problemi, kif ukoll bil-għan li tipprovdi protezzjoni adegwata lir-refuġjati sabiex telimina l-abbuż tal-ħaddiema migranti;

26.  Ifakkar li, sabiex tiġi evitata sistema fuq żewġ livelli fuq il-post tax-xogħol, huwa importanti li l-ħaddiema migranti jkunu jistgħu jeżerċitaw bis-sħiħ id-drittijiet tax-xogħol tagħhom, inkluż dak ta' sħubija fit-trade unions;

27.  Ifakkar fir-riskji kemm għall-ħaddiem kif ukoll għal min iħaddem li tirrapreżenta l-firma ta' kuntratt tax-xogħol għal persuna li titlob l-asil jekk din it-talba għall-asil tiġi rifjutata; iqis li dan jista' jikkomprometti wkoll l-objettivi tal-Kummissjoni fir-rigward tal-politika tar-ritorn lejn il-pajjiż tal-oriġini;

28.  Jirrimarka li l-maġġoranza ta' dawk li qed ifittxu asil li l-applikazzjonijiet tagħhom ikunu ġew irrifjutati f'xi Stati Membri jibqgħu fl-UE mingħajr ebda status legali, li jfisser li hemm għadd dejjem jikber ta' migranti illegali mingħajr id-dritt li jaħdmu u mingħajr l-aċċess għall-edukazzjoni għat-tfal tagħhom; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jiġu kkontrollati u mmonitorjati l-migranti illegali peress li huma f'riskju ta' faqar u ta' esklużjoni soċjali, li jagħmilhom suxxettibbli għal kull tip ta' influwenzi esterni, inkluż ir-radikaliżmu;

29.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jwettqu kampanji ta' informazzjoni fil-pajjiżi tal-oriġini tal-migranti sabiex tingħatalhom informazzjoni xierqa u adegwata dwar il-proċedura legali għad-dħul fl-UE, flimkien mad-drittijiet u l-obbligi tagħhom fl-Istati Membri sabiex jiġi żgurat li dawk li jagħmlu l-vjaġġ ikunu jistgħu jressqu talba legalment valida għall-asil;

30.  Jenfasizza li l-UE għandha toffri modi legali, għal persuni li jixtiequ jiġu l-Ewropa, biex jidħlu u joqogħdu fl-UE, u toffrilhom ukoll modi biex ikunu jistgħu jbiddlu l-istatus tal-migrazzjoni waqt li jkunu fl-UE, kif ukoll għandha tiżviluppa politika ta' migrazzjoni ċirkolari ġenwina; jappella biex jinħoloq "kuritur" għall-pajjiżi kandidati għall-adeżjoni mal-UE fir-rigward tal-immigrazzjoni għax-xogħol, li jista' jagħti liċ-ċittadini ta' dawn il-pajjiżi aċċess faċilitat għas-suq tax-xogħol Ewropew;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni, meta tirrevedi d-Direttiva dwar il-Karta Blu[21], biex tadotta approċċ ambizzjuż sabiex issaħħaħ l-importanza tal-Karta Blu tal-UE li hija applikabbli għall-ħaddiema bi kwalifiki għoljin minn pajjiżi terzi, u li tgħin biex jiġu indirizzati l-isfidi demografiċi fl-UE billi timla n-nuqqasijiet fis-swieq tax-xogħol tal-UE; jenfasizza l-fatt li l-migranti bi kwalifiki għolja jistgħu jkunu ta' valur fl-integrazzjoni u l-assimilazzjoni ta' persuni oħra li mhumiex ċittadini tal-UE fis-soċjetajiet Ewropej, u jenfasizza l-ħtieġa ta' valutazzjoni komprensiva dwar il-migrazzjoni li tinkludi l-valutazzjoni ta' pjanijiet ta' azzjoni għall-ġlieda kontra n-nuqqasijiet eżistenti fis-swieq tax-xogħol Ewropej biex naslu għal sitwazzjoni vantaġġjuża għal kulħadd;

32.  Jirrakkomanda żieda sostanzjali fl-għajnuna lil dawk il-pajjiżi tan-Nofsinhar li rċevew għadd kbir ta' refuġjati u migranti, u kooperazzjoni mill-qrib fuq il-post mal-Kummissarju Għoli tan-Nazzjonijiet Uniti għar-Refuġjati u l-NGOs;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

17.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

9

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Elena Gentile, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Jan Keller, Ádám Kósa, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Kostadinka Kuneva, Jean Lambert, Jérôme Lavrilleux, Patrick Le Hyaric, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Thomas Mann, Dominique Martin, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Marek Plura, Terry Reintke, Sofia Ribeiro, Maria João Rodrigues, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Ulrike Trebesius, Marita Ulvskog, Renate Weber, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Amjad Bashir, Tania González Peñas, Miapetra Kumpula-Natri, António Marinho e Pinto, Tamás Meszerics, Neoklis Sylikiotis, Ivo Vajgl

19.10.2015

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Merja Kyllönen

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi l-fruntieri marittimi tal-Unjoni fil-Mediterran huma fruntieri esterni tal-Unjoni Ewropea u, b'differenza mill-fruntieri tal-art, ma jistgħux jingħalqu, u billi l-problema tal-influss ta' refuġjati għandha tiġi indirizzata b'mod urġenti sabiex dawn ma jsirux vittmi tat-traffikanti u l-mafji;

1.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li l-għadd ta' persuni li jpoġġu ħajjithom f'periklu f'tentattivi perikolużi biex jaqsmu l-baħar Mediterran lejn l-UE qed jiżdied b'mod drammatiku; jisħaq li l-Mediterran huwa l-akbar rotta marittima fid-dinja, b'netwerk sfiq ta' traffiku merkantili; jenfasizza li l-kriżi ta' refuġjati attwali qed tagħmel ħafna pressjoni fuq is-settur marittimu kummerċjali, u dan qed ikollu jġorr iżjed responsabilitajiet, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mas-sikurezza tal-ekwipaġġ u r-rispett għas-sikurezza b'mod ġenerali; huwa tal-fehma li dan għandu jiġi kkunsidrat fil-miżuri komprensivi li biħsiebha tadotta l-UE bil-għan li tindirizza l-problemi multidimensjonali li qed jirriżultaw minn din il-kriżi, u konsegwentement dawn il-miżuri għandhom inaqqsu l-impatt negattiv fuq is-settur tat-trasport;

2.  Ifakkar li skont il-Konvenzjoni tan-NU dwar ir-Refuġjati, il-Konvenzjoni UNCLOS, il-Konvenzjoni SOLAS[22] u l-Konvenzjoni SAR[23], kull stat parti ta' dawk il-konvenzonijiet jeħtieġlu jirrikjedi lill-kaptan ta' vapur li jtajjar il-bandiera tiegħu jagħti l-għajnuna lil kwalunkwe persuna misjuba fil-baħar fil-periklu li titlef ħajjitha, irrispettivament min-nazzjonalità jew l-istatus ta' din il-persuna jew taċ-ċirkostanzi li fiha tinstab il-persuna, jipprovdi għall-ħtiġijiet mediċi bażiċi u ħtiġijiet oħrajn tagħha u jbegħidha minn kwalunkwe periklu, u jistiednu jipparteċipa b'mod attiv fl-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ fuq il-baħar, dment li dan ikun jista' jagħmel hekk mingħajr ma jpoġġi f'periklu serju il-vapur, l-ekwipaġġ jew il-passiġġieri tiegħu; jisħaq li s-salvataġġ ta' persuna fil-periklu fil-baħar mhuwiex biss obbligu internazzjonali iżda wkoll dmir etiku;

3.  Jappella lill-awtoritajiet portwarji u marittimi kollha tal-Istati Membri u lill-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima (EMSA), b'mod speċjali lill-kaptani tal-vapuri li jbaħħru fil-Mediterran, biex juru l-akbar viġilanza kontra kwalunkwe dgħajsa li tkun qed iġġorr migranti u refuġjati li jinsabu fil-periklu; jirrakkomanda, f'dan il-kuntest, li dawn japplikaw b'mod strett il-linji gwida ppubblikati mill-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u l-Aġenzija tan-NU għar-Refuġjati (UNHCR) dwar it-trattament tal-persuni salvati mill-baħar;

[24]4.  Josserva li bejn l-1 ta' Jannar u l-31 ta' Mejju 2015, total ta' 47 265 migrant ġew salvati mill-baħar fil-Mediterran, 13 475 minnhon minn vapuri merkantili[25]6; jinnota li, tul dan il-perjodu ta' ħames xhur, 302 vapur merkantili ntalbu jieħdu rotta alternattiva bil-għan li jassistu f'operazzjonijiet ta' salvataġġ u li, minħabba n-natura urġenti tas-sitwazzjoni, 104 minn dawn il-vapuri ntalbu finalment biex isalvaw u jiżbarkaw il-migranti;

5.  Jesprimi d-dispjaċir lejn il-fatt li, s'issa, fl-2015 biss aktar minn 3 000 ruħ tilfu ħajjithom waqt vjaġġi fatali fuq il-baħar, kif irrappurtat mill-UNHCR[26]7;

6.  Jitlob lill-Kunsill japprova b'mod urġenti l-proposta mressqa mill-Kummissjoni fid-9 ta' Settembru u adottata mill-Parlament waqt is-seduta tiegħu tas-17 ta' Settembru, intiża għar-rilokazzjoni ta' 120 000 persuna fil-bżonn ta' protezzjoni internazzjonali, u jitolbu wkoll jevalwa kontinwament il-ħtiġijiet addizzjonali possibbli b'rabta mal-protezzjoni għar-refuġjati.

7.  Jenfasizza li għalkemm l-Istati Membri huma primarjament responsabbli, il-vapuri merkantili jinsabu fuq quddiem fl-operazzjonijiet ta' salvataġġ, kemm f'termini ta' volum kif ukoll ta' attività; josserva li l-vapuri merkanitli mhumiex mgħammra, u l-persunal tagħhom m'għandux it-taħriġ meħtieġ ħalli jkun mħejji biżżejjed biex jipparteċipa sistematikament fl-operazzjonijiet ta' salvataġġ fuq skala kbira;

8.  Ifakkar li l-assistenza offruta mill-vapuri kummerċjali u l-ekwipaġġi tagħhom għal operazzjonijiet ta' salvataġġ m'għandhiex tieħu post l-assistenza lill-migranti fil-baħar li jeħtieġ tibqa' tingħata mill-awtoritajiet kompetenti tal-UE u l-Istati Membri, li jeħtiġilhom jallokaw ir-riżorsi umani u finanzjarji meħtieġa; jirrikonoxxi u jfaħħar il-kontributi sinifikanti u ġenerużi li saru minn organizzazzjonijiet umanitarji fis-salvataġġ ta' dgħajjes u fl-iskjerament ta' bastimenti fil-Mediterran, speċjalment dawk li jappartjenu għall-Médecins Sans Frontières u l-Migrant Offshore Aid Station (MOAS);

9.  Jinnota li l-konsegwenzi ekonomiċi u ġudizzjarji possibbli għall-vapuri tas-salvataġġ u s-sidien tagħhom jiskoraġġixxu lil xi bastimenti milli jipprovdu assistenza. jistieden lill-Istati Membri ma jippenalizzawx lil dawk li volontarjament jgħinu lill-migranti għal raġunijiet umanitarji, inklużi t-trasportaturi u s-sidien tal-vapuri; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi reviżjoni tad-Direttiva tal-Kunsill 2001/51/KE;

10.  Jinsab imħasseb li, peress li l-bastimenti u l-ekwipaġġ tagħhom ma jistgħux ikunu ppreparati biżżejjed biex iwettqu operazzjonijiet ta' riċerka u salvataġġ bħal dawn, li mhumiex l-attivitajiet normali tagħhom, is-sitwazzjoni fil-Mediterran – fejn diġà qed nassistu għal traġedja umana – jaf tirriżulta f'inċidenti u mewt, kemm għall-migranti kif ukoll għall-ekwipaġġi tal-vapuri, u tinvolvi wkoll riskji f'dak li jikkonċerna s-sigurtà marittima u l-ambjent;

11.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-migrazzjoni" (COM (2015)0240) u jappella lill-Istati Membri kollha biex jaċċettaw ir-responsabilitajiet tagħhom, jieħdu miżuri adegwati u immedjati, kemm fil-livell tal-Istati Membri kif ukoll tal-UE, biex ma jkunx hemm iżjed miżerja umana fil-Mediterran, u jiżguraw li l-obbligi internazzjonali u etiċi jiġu ssodisfati skont il-prinċipji ta' solidarjetà u responsabilità kondiviża; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jsibu soluzzjoni effikaċi u sostenibbli għan-nuqqasijiet attwali fis-sistema tal-migrazzjoni tal-UE, jindirizzaw il-kawżi reali tal-kriżi tal-immigrazzjoni attwali, u jipprevjenu it-tluq ulterjuri ta' vapuri tat-traffikanti u aktar telf ta' ħajjiet fil-Mediterran; huwa tal-fehma li l-miżuri fil-livell tal-UE għandhom ikunu komprensivi u jwasslu għal migrazzjoni kkontrollata, ġestibbli, legali u mingħajr riskji;

12.  Jinsab serjament imħasseb dwar il-kriżi kontinwa tal-migrazzjoni fil-Mediterran, b'mod partikolari dwar l-aspetti umanitarji, iżda wkoll dwar l-impatt tagħha fuq it-trasport marittimu, inklużi l-bastimenti tal-passiġġieri, il-bastimenti tal-kruċieri u l-bastimenti tal-kontejners, is-sikurezza tal-vapuri u tal-ekwipaġġ tagħhom, u s-sigurtà marittima b'mod ġenerali;

13.  Jemmen li l-ġlieda kontra t-traffikar tal-migranti m'għandhiex tfixkel il-libertà tan-navigazzjoni;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, sakemm jittieħdu l-miżuri meħtieġa fuq perjodu ta' żmien medju u twil, ikomplu jżidu l-finanzjament biex ikun hemm biżżejjed operazzjonijiet ta' riċerka u salvataġġ fil-Mediterran u jespandu l-kamp ta' applikazzjoni tal-operazzjonijiet attwali, b'mod konġunt mal-awtoritajiet kompetenti, bil-għan li jiġu ggarantiti s-sigurtà u d-drittijiet fundamentali kemm tal-migranti u l-persuni intitolati għal protezzjoni internazzjonali li jixtiequ jidħlu fl-Ewropa kif ukoll tal-ekwipaġġi marittimi li jaħdmu fl-ilmijiet Mediterranji;

15.  Jitlob li jsiru kontrolli stretti fuq dak li jsir tassew mill-finanzjament maħsub għall-operazzjonijiet ta' salvataġġ u għall-faċilitajiet ta' akkoljenza, bil-għan li jiġi ggarantit li dan jintuża korrettement għal dawn l-iskopijiet speċifiċi u jiġi evitat milli jintuża b'mod irregolari;

16.  Iħeġġeġ lill-awtoritajiet kompetenti tal-UE u tal-Istati Membri jiskjeraw bis-sħiħ is-sistemi eżistenti ta' monitoraġġ tat-traffiku tal-bastimenti u ta' informazzjoni fil-Mediterran, biex jiġbru informazzjoni aġġornata dwar il-bastimenti li jkunu għaddejjin mal-kosti tal-UE, u jiżviluppaw ulterjorment il-kollaborazzjoni bejn l-awtoritajiet marittimi differenti, inklużi l-awtoritajiet għas-sikurezza tat-trasport, l-awtoritajiet navali u l-gwardji tal-kosta, jekk ikun meħtieġ permezz ta' kooperazzjoni mtejba skont l-Artikolu 20 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 329(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, sabiex jikkoordinaw aħjar u jibdew iħaddmu funzjonijiet effikaċi ta' sikurezza marittima li jikkontribwixxu għall-isfrattar tan-netwerks tat-traffikanti u l-konfiska tad-dgħajjes ta' dawn in-netwerks u sabiex dawn jibqa' jkollhom stampa ġenerali tas-sitwazzjoni f'ħin reali bil-għan li jagħtu sostenn lil dawn l-operazzjonijiet ta' salvataġġ; jenfasizza l-involviment tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, fil-kapaċità sħiħa tagħha bħala fornitur ta' servizzi marittimi integrati għal operazzjonijiet ta' riċerka u salvataġġ fil-Mediterran, rwol li għandu jissaħħaħ;

17.  Jisħaq li jeħtieġ li l-Istati Membri u l-awtoritajiet involuti jiżguraw żbark mingħajr xkiel tar-refuġjati u l-migranti salvati fil-port tal-baħar iddeżinjat mill-bastimenti li jkunu parti minn operazzjoni ta' salvataġġ;

18.  Jisħaq li l-ekwipaġġ ta' vapuri tal-passiġġieri, ta' kruċieri u ta' vapuri tal-kontejners involuti f'operazzjoni ta' salvataġġ ma jistgħu, fl-ebda każ, jikkomplikaw jew ifixklu l-ħidma tal-uffiċjali responsabbli għall-kontroll tal-migranti fl-Istati Membri ġirien, li huma kkoordinati mill-Frontex, irrispettivament mid-deċiżjoni tagħhom skont id-dritt tal-Istat Membru u tal-UE;

19.  Jisħaq fuq il-fatt li jeħtieġ li l-kapaċitajiet u l-kompetenzi tal-Frontex jissaħħu malajr;

20.  Jistieden lill-partijiet kollha involuti fis-sitwazzjoni fil-Mediterran biex ifittxu soluzzjonijiet għall-kriżi tar-refuġjati, inklużi sforzi biex itejbu s-sikurezza u d-drittijiet fundamentali tar-refuġjati fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom; iħeġġeġ lill-UE u l-Istati Membri tagħha joffru assistenza u riżorsi lill-aktar Stati Membri esposti, isibu soluzzjonijiet għall-kawżi ewlenin tal-migrazzjoni fuq skala kbira, isaħħu l-kooperazzjoni ma' pajjiżi terzi Mediterranji bħat-Turkija, il-Libja, il-Libanu u l-Ġordan fir-rigward tal-iskambju ta' informazzjoni, l-istabbiliment ta' operazzjonijiet komuni ta' riċerka u salvataġġ, il-kontroll tal-fruntieri, is-sorveljanza u l-promozzjoni ta' ftehimiet dwar il-kontroll tal-migrazzjoni, u biex jiġġieldu t-traffikanti tal-bnedmin, il-kapijiet tal-kriminalità organizzata u n-netwerks kriminali tat-traffikanti permezz ta' pieni kriminali ħorox;

21.  Jistieden lill-Kummissjoni toħloq grupp ta' ħidma mal-awtoritajiet kompetenti fl-Istati Membri, l-organizzazzjonijiet umanitarji fil-post, l-aġenziji tal-UE u tan-NU bil-għan li jinħolqu b'urġenza mezzi ta' trasport għar-refuġjati u jiġu stabbiliti rotot legali u mingħajr perikli, kemm fil-baħar kif ukoll fuq l-art, li jippermettu t-trasport tal-persuni li jfittxu asil u r-refuġjati miż-żona ta' kunflitt għall-kampi ta' refuġjati u l-pajjiżi ta' destinazzjoni tagħhom f'kundizzjonijiet deċenti li ma jpoġġuhomx f'periklu; huwa tal-fehma li jeħtieġ li jinfetħu kanali ta' immigrazzjoni legali u rregolati, u li r-responsabilità għalihom tinqasam bejn it-28 Stat Membru;

22.  Josserva li l-introduzzjoni mill-ġdid temporanja tal-kontrolli mal-fruntieri minn bosta Stati Membri qed tpoġġi f'riskju s-sistema regolari ta' Schengen ta' fruntieri interni miftuħin tal-UE u tal-moviment liberu tal-persuni, tiddeterjora l-kundizzjonijiet għar-refuġjati mal-fruntieri u toħloq problemi għall-funzjonament tas-sistema tat-trasport tal-UE, inkluż it-trasport tal-passiġġieri; jistieden lill-Kummissjoni toħroġ bi strumenti ta' reazzjoni rapida u soluzzjonijiet bil-għan li s-sistema ta' trasport tibqa' tiffunzjona mingħajr xkiel u l-persuni jibqgħu jgawdu mid-dritt ta' moviment liberu, inklużi d-drittijiet tal-passiġġiera;

23.  Jisħaq fuq l-importanza li jinħolqu infrastruttura u sistema bil-għan li jkun hemm indikazzjoni minn qabel ta' liema żona tal-fruntieri esterni tal-UE se tkun soġġetta għal flussi migratorji ferm akbar, u li l-UE tħejji ruħha għalihom;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

13.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

9

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Lucy Anderson, Marie-Christine Arnautu, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Bogusław Liberadzki, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Christine Revault D’Allonnes Bonnefoy, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Claudia Tapardel, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Evžen Tošenovský

17.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Andrea Cozzolino

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jemmen li t-tweġiba għal din l-isfida migratorja għandha tkun politika Ewropea komuni tal-migrazzjoni u tal-asil b'approċċ olistiku u integrat li jindirizza kwistjonijiet ewlenin, bħall-protezzjoni internazzjonali tar-rifuġjati, il-ġlieda kontra n-netwerks tat-traffikar tal-bnedmin u r-regolazzjoni tal-migrazzjoni; jenfasizza, barra minn hekk, li jeħtieġ li tkun stabbilita sistema xierqa ta' kooperazzjoni f'diversi livelli bejn l-UE, l-Istati Membri u l-awtoritajiet reġjonali u lokali, inkluż koordinazzjoni mal-partijiet interessati kollha u l-involviment tagħhom, u li tiffoka fuq il-kooperazzjoni transkonfinali bejn l-Istati Membri u l-pajjiżi terzi, speċjalment dawk ta' oriġini u ta' tranżitu;

2.  Huwa tal-fehma li politika Ewropea komuni dwar il-migrazzjoni u l-asil għandha tiddistingwi bejn ir-rifuġjati u l-migranti ekonomiċi; jiġbed l-attenzjoni għas-sitwazzjoni prekarja tal-migranti b'mod ġenerali u tar-rifuġjati li jaħarbu mill-gwerra u l-persekuzzjoni, li teħtieġ rispons dinjituż u uman li jirrifjuta tendenzi ksenofobiċi u, meta sseħħ, manipulazzjoni tal-kwistjoni ta' kriżi migratorja; jenfasizza li l-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) jistipula li l-politiki tal-Unjoni għandhom ikunu regolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabilità, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri; jenfasizza l-ħtieġa ta' rispons fil-livell Ewropew u sforz konġunt mill-Istati Membri kollha; ifakkar li l-Istati Membri għandhom jerfgħu ir-responsabilità tagħhom, kif stipulat fl-Artikolu 80 tat-TFUE;

3.  Jenfasizza li l-migrazzjoni tikkostitwixxi fenomenu urġenti, globali u profondament uman, li jista' jkun ukoll opportunità għall-UE biex ittejjeb l-iżvilupp ekonomiku u soċjali fil-kuntest tal-kriżi ekonomika u l-isfidi demografiċi li qed tħabbat wiċċha magħhom l-Unjoni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex, b'kollaborazzjoni mal-awtoritajiet reġjonali u lokali, ikunu effiċjenti fl-amministrazzjoni tagħhom ta' kwistjonijiet relatati mal-migrazzjoni, inkluż l-involviment tal-partijiet interessati kollha, bħas-soċjetà ċivili, u li jqiegħdu fil-prattika u jippromwovu ġabra ta' miżuri sostenibbli, effettivi u mmirati li jiffaċilitaw l-insedjament u l-integrazzjoni tal-migranti, speċjalment fir-rigward tal-edukazzjoni, it-taħriġ, l-aċċess għas-suq tax-xogħol, is-servizzi soċjali u l-akkomodazzjoni;

4.  Ifakkar li l-migranti għandhom it-tendenza li jaslu u spiss – minkejja l-isforzi tal-awtoritajiet biex jippromwovu t-tqassim indaqs tagħhom – għandhom it-tendenza li jissetiljaw f'żoni urbani; jenfasizza li l-insedjament tal-migranti mgħandux ikun limitat għal żoni urbani biss u jitlob għal distribuzzjoni ġusta ta' migranti fi ħdan u fost l-Istati Membri; jirrikonoxxi r-rwol importanti tal-bliet fuq medda ta' żmien qasira, medja u twila fir-rigward tal-akkoljenza, l-akkomodazzjoni u l-integrazzjoni tal-migranti, u jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex jagħmlu l-ġlieda kontra l-faqar urban waħda mill-prijoritajiet tagħhom;

5.  Jilqa' l-konklużjonijiet tal-Presidenza Lussemburgiża tal-Kunsill tal-UE tas-27 ta' Novembru 2015 fl-okkazjoni tal-Laqgħa Ministerjali Informali dwar il-Koeżjoni Territorjali u l-Politika Urbana li jqisu li jipprovdu lill-ibliet u l-muniċipalitajiet bl-appoġġ xieraq biex ikunu jistgħu jiffaċċjaw is-sitwazzjoni tar-rifuġjati, b'mod partikolari billi jimmobilizzaw il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) li huma dedikati għall-iżvilupp urban sostenibbli u billi jsibu post għall-kwistjoni tal-migrazzjoni u r-rifuġjati fl-Aġenda Urbana tal-UE;

6.  Ifakkar li għall-perjodu ta' programmazzjoni 2014–2020, flimkien mal-Fond Soċjali Ewropew (FSE), il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (FEŻR) jikkontribwixxi wkoll għall-objettiv tematiku tal-promozzjoni tal-inklużjoni soċjali u l-ġlieda kontra l-faqar u d-diskriminazzjoni, filwaqt li jimplimenta miżuri għall-integrazzjoni tal-migranti – bħal investimenti fl-infrastruttura soċjali, tas-saħħa, tal-edukazzjoni, tad-djar (inkluż l-ilma) u l-infrastruttura għall-indukrar tat-tfal –, għal żoni urbani deprivati u n-negozji start-up – bħal ikkowċjar, tagħlim tal-lingwa u taħriġ –, u miżuri kontra d-diskriminazzjoni; jitlob li jkun hemm koordinazzjoni akbar tal-użu tal-fondi kollha tal-UE allokati għall-politiki ta' integrazzjoni;

7.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkunu flessibbli fl-użu tal-programmi eżistenti biex jindirizzaw l-isfidi addizzjonali attwali għall-politika ta' koeżjoni; jinnota n-nuqqas ta' flessibilità tal-Kummissjoni meta teżamina l-proposti ta' kull Stat Membru fi ħdan il-programmi operattivi attwali u japprezza r-rieda tagħha li tevalwa u tapprova malajr emendi għal dawn il-programmi, u b'hekk tgħin lill-Istati Membri jadattaw għaċ-ċirkostanzi l-ġodda permezz ta' investimenti meħtieġa għal kull Stat Membru; iħeġġeġ għalhekk lill-Istati Membri sabiex jieħdu vantaġġ mill-finanzjament disponibbli permezz tal-Fondi SIE u sabiex jinkludu miżuri adatti rigward l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni fost il-proposti għar-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP, li għandha ssir sa tmiem l-2016, filwaqt li jfakkar ir-rwol primarju tal-politika ta' koeżjoni bħala għodda ta' investiment għall-promozzjoni tal-impjiegi u tat-tkabbir madwar l-Ewropa u għat-tnaqqis tad-disparitajiet reġjonali bejn il-livelli ta' żvilupp ta' diversi reġjuni;

8.  Hu tal-fehma li l-Fondi SIE, b'sinerġija mal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, huma għodda utli biex jiġi indirizzat id-daqs tal-isfidi migratorji f'oqsma bħall-akkomodazzjoni, ir-rilokazzjoni, it-taħriġ lingwistiku u fil-ħiliet vokazzjonali, it-triq lejn l-integrazzjoni u kwistjonijiet relatati mal-faqar u l-esklużjoni soċjali; jistieden għalhekk lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jibnu l-kapaċitajiet tal-amministrazzjoni u l-istituzzjonijiet tagħhom; jenfasizza li, fi ħdan il-qafas ġenerali tal-politika ta' koeżjoni, l-allokazzjoni mill-ġdid preċiża ta' ammonti minn Fondi SIE għal kwistjonijiet ta' migrazzjoni għandha tkun f'idejn l-Istati Membri u r-reġjuni skont il-ħtiġijiet partikolari tagħhom;

9.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa approċċ għall-migrazzjoni li jkun simili għal dak tal-istrateġija makroreġjonali; jenfasizza li approċċ integrat u komprensiv bħal dan għandu jkun ibbażat fuq l-Interreg (Inizjattiva Komunitarja dwar iż-Żoni tal-Fruntiera) u jinkludi miri speċifiċi, u għandu wkoll jagħmel użu minn strumenti bħall-Investiment Territorjali Integrat (ITI) u l-Iżvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD); ifakkar li l-objettiv tal-kooperazzjoni territorjali fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni jippermetti lill-atturi diversi jsibu soluzzjonijiet komuni, inkluż ma' pajjiżi terzi; f'dan il-qafas, ifakkar dwar l-importanza tat-tisħiħ tal-kapaċitajiet tas-soċjetà ċivili, inklużi l-voluntiera, u l-kooperazzjoni bejn is-soċjetà ċivili u atturi lokali, kif ukoll l-appoġġ u l-iżvilupp tal-intraprenditorija bħala mezz ta' tkabbir ekonomiku, inklużjoni soċjali u impjiegi;

10.  Jistieden lill-Kummissjoni, fi ħdan ir-regoli tal-Patt ta' Stabbiltà u Tkabbir attwali, fil-każ tal-applikazzjoni tal-Artikolu 23(11) meta tanalizza ċ-ċirkustanzi soċjali u ekonomiċi tal-Istati Membri kkonċernati fuq il-bażi deskritta fl-Anness III tar-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni 1303/2013, biex tieħu in kunsiderazzjoni n-nefqa pubblika eċċezzjonali addizzjonali mġarrba mill-Istati Membri, minħabba l-influss bla preċedent ta' rifuġjati;

11.  Iqis li l-kooperazzjoni transkonfinali hija essenzjali biex jiġu indirizzati l-flussi migratorji; ifakkar fil-kontribut importanti ta' programmi ta' kooperazzjoni territorjali Ewropej u l-esperjenza miksuba fl-implimentazzjoni tagħhom, li jipprovdi wkoll bażi tajba għal kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet ta' Stati Membri differenti u partijiet terzi; jenfasizza, barra minn hekk, li l-UE u l-Istati Membri tagħha għandhom ukoll jimxu lil hinn minn emerġenza jew rispons għal kriżi, u jsegwu politiki barranin u ta' żvilupp li jindirizzaw il-kwistjonijiet strutturali persistenti li jwasslu għal flussi kbar ta' migranti;

12.  Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ttrattata b'mod effettiv il-problema tan-netwerks kriminali ta' kuntrabandisti u traffikanti; jemmen li jridu jsiru sforzi biex tiġi promossa politika effiċjenti tal-fruntieri tal-UE u jinħoloq dħul sikur u legali għar-rifuġjati li jippermetti li jiġu salvati l-ħajjiet u jiggarantixxi s-sigurtà u s-sikurezza, u, filwaqt li jirrikonoxxi dan bħala element tal-politika dwar il-migrazzjoni, iħeġġeġ politiki u miżuri għar-ritorn ta' migranti irregolari, li l-proċess kollu tagħhom għandu jitwettaq f'kooperazzjoni mal-pajjiżi ta' oriġini u ta' tranżitu;

13.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-intrapriżi ta' ekonomija soċjali jaqdu fir-rigward tal-inklużjoni u fl-ilqugħ tal-immigranti kemm soċjalment kif ukoll ekonomikament; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf pjattaforma għall-kooperazzjoni u d-djalogu dwar kwistjonijiet ta' migrazzjoni sabiex jinġabru eżempji ta' prattika tajba minn reġjuni u bliet dwar kif għandha tiġi trattata l-kriżi migratorja attwali, u jiġi żgurat it-tixrid ta' dawn il-prattiki.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

28

7

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Steeve Briois, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Tamás Deutsch, Bill Etheridge, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Iskra Mihaylova, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Matthijs van Miltenburg, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Viorica Dăncilă, Ivana Maletić, Bronis Ropė, Davor Škrlec, Hannu Takkula, Damiano Zoffoli, Marco Zullo

22.10.2015

OPINJONI tal-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Rapporteur: Mary Honeyball

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għad-Drittijiet tan-Nisa u l-Ugwaljanza bejn is-Sessi jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar il-migrazzjoni tat-12 ta' Ottubru 2015, b'mod partikolari l-impenn espress fihom lejn id-drittijiet tal-bniedem tan-nisa u l-bniet;

A.  billi l-kriżi attwali hija l-ewwel u qabel kollox kriżi umanitarja u r-rispons tal-UE għandu jkun ibbażat fuq is-solidarjetà u t-tqassim ġust tar-responsabilità;

B.  billi jeħtieġ li jkun hemm mekkaniżmu ta' risistemazzjoni kkoordinat u mifrux fl-UE kollha biex ir-refuġjati jiġu risistemati fl-Istati Membri kollha;

C.  billi fl-Istati Membri kollha jeżisti livell għoli ta' inugwaljanza bejn is-sessi fit-trattament tan-nisa u l-bniet li jfittxu asil, u billi approċċ olistiku tal-UE fir-rigward tal-asil u l-immigrazzjoni jrid jiżgura li jkun hemm proċeduri, linji gwida u servizzi ta' appoġġ fil-proċess ta' asil li jkunu konsistenti u sensittivi għad-differenza bejn is-sessi;

D.  billi l-migranti nisa u bniet, mogħnija bid-dokumenti jew mingħajrhom, u n-nisa li jfittxu asil huma partikolarment vulnerabbli għall-forom kollha ta' vjolenza, inkluża l-vjolenza sesswali, fl-istadji kollha tal-vjaġġ tagħhom;

E.  billi t-tfal li jfittxu asil aktar jivvjaġġaw ma' nisa milli ma' rġiel, u jħabbtu wiċċhom ukoll ma' sfidi mhux tas-soltu li jagħmluhom partikolarment vulnerabbli f'sitwazzjonijiet ta' kunflitt, tul il-vjaġġ tagħhom lejn l-Ewropa u meta jintlaqgħu mill-Istati Membri;

F.  billi, f'dak li għandu x'jaqsam mal-protezzjoni, in-nisa li jfittxu asil ikollhom tħassib u inkwiet speċifiċi li huma differenti minn dawk tal-irġiel u, permezz tal-introduzzjoni ta' perspettiva dwar il-ġeneri fil-proċeduri ta' asil, dawn id-differenzi jkunu jistgħu jiġu kkunsidrati;

G.  billi n-nisa kif ukoll il-persuni LGBTI huma soġġetti għal forom speċifiċi ta' persekuzzjoni bbażata fuq il-ġeneru, li spiss għadha mhijiex rikonoxxuta fil-proċeduri ta' asil;

H.  billi l-vittmi ta' vjolenza fiżika, psikoloġika u sesswali huma diġà vulnerabbli, u d-detenzjoni taf tkompli tgħakkishom;

I.  billi l-arranġamenti ta' assistenza għandhom jinkludu wkoll servizzi ta' kura speċjali għan-nisa tqal u għan-nisa bi problemi gravi tas-saħħa; billi, f'xi pajjiżi, anki jekk il-kura ta' qabel it-twelid tkun disponibbli, il-migranti nisa mhux dejjem ikollhom aċċess għaliha;

J.  billi gruppi kriminali organizzati qed jieħdu vantaġġ mis-sitwazzjoni volatili li attwalment jinsabu fiha l-Mediterran u r-reġjun tal-Lvant Nofsani u l-Afrika ta' Fuq (MENA) u mill-vulnerabilità tan-nisa u l-bniet huma u jfittxu s-sikurezza, bl-iskop li jisfruttawhom permezz tal-kuntrabandu, il-vjolenza sesswali u t-traffikar għall-isfruttament tax-xogħol, il-prostituzzjoni u l-isfruttament sesswali;

K.  billi l-proċess ta' integrazzjoni u d-drittijiet tal-migranti nisa jiġu mdgħajfa meta l-istatus ġuridiku tagħhom ikun dipendenti mill-konjuġi tagħhom;

1.  Jemmen li jeħtieġ li jsiru bidliet radikali u fit-tul fl-approċċ tal-Ewropa lejn il-migrazzjoni; jemmen li kwalunkwe strateġija sostenibbli u fit-tul għandha tkopri l-aspetti kollha tal-migrazzjoni u l-asil, inklużi l-politika diplomatika u barranija, l-ekonomija kriminali globali, l-għoti ta' għajnuna umanitarja u assistenza aħjar lil dawk li diġà jinsabu fl-Ewropa; jemmen ukoll li l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha tiġi integrata fl-oqsma kollha;

2.  Jistieden lill-UE tieħu responsabilità akbar biex tinstab soluzzjoni għall-emerġenza umanitarja li qed tolqot ukoll lill-migranti nisa u bniet, u dan permezz ta' approċċ olistiku li jinkludi mekkaniżmu vinkolanti għar-rilokazzjoni tar-refuġjati fost l-Istati Membri, filwaqt li tingħata attenzjoni partikolari lill-ħtiġijiet tan-nisa tqal, nisa b'diżabilità, vittmi ta' vjolenza, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, l-ommijiet waħedhom, in-nisa anzjani u l-bniet;

3.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmu kkoordinat effikaċi għall-akkoljenza, l-ipproċessar, ir-rilokazzjoni u r-risistemazzjoni tar-refuġjati, filwaqt li jqisu l-kwistjonijiet sensittivi għad-differenza bejn is-sessi; jitlob lill-aġenziji tal-UE u lill-Istati Membri jiżguraw li l-membri tal-persunal impjegati mis-settur pubbliku u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili jingħataw taħriġ dwar approċċ ibbażat fuq il-ġeneru biex jaħdmu mar-refuġjati li jkunu deħlin;

4.  Jenfasizza li rispons ikkoordinat min-naħa tal-UE għall-kriżi tar-refuġjati għandu jinkludi miżuri speċifiċi biex jiġu indirizzati l-vulnerabilità u l-ħtiġijiet tat-tfal u b'mod partikolari l-bniet, inkluż id-dritt tagħhom għall-edukazzjoni;

5.  Jenfasizza u jirrikonoxxi, irrispettivament mill-istatus ġuridiku, l-importanza li jiġi żviluppat approċċ olistiku għall-migrazzjoni mill-perspettiva tal-ugwaljanza bejn is-sessi; iqis li d-deċiżjonijiet dwar jekk in-nisa għandhomx jiġu detenuti għandhom iqisu jekk in-nisa jkunux għaddew minn trawma jew forom ta' vjolenza sessista, inkluża l-mutilazzjoni ġenitali femminili, u li l-ħtiġijiet tan-nisa tqal jiġu akkomodati b'mod aktar xieraq f'faċilitajiet maħluqa apposta fejn tiġi żgurata l-privatezza tal-individwi u b'persunal kwalifikat imħarreġ biex jittratta sitwazzjonijiet bħal dawn; jisħaq li l-bniet u s-subien qatt m'għandhom jiġu detenuti minħabba l-istatus tagħhom ta' migranti;

6.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li l-proċeduri ta' asil (inkluż fil-fruntieri) jikkonformaw mal-linji gwida tal-UNHCR dwar il-persekuzzjoni relatata mas-sess fil-kuntest tal-Konvenzjoni tar-Refuġjati tal-1951 filwaqt li jitlob interpretazzjoni sensittiva għad-differenza bejn is-sessi tal-Konvenzjoni u d-determinazzjoni tar-raġunijiet għat-talbiet ta' asil jew refuġju;

7.  Jisħaq li l-persunal tal-UNHCR u tal-Istati Membri involut fil-ġestjoni tal-emerġenza umanitarja għandu jingħata taħriġ xieraq fil-għoti ta' appoġġ psikoloġiku lill-migranti nisa u bniet li jkunu ġarrbu vjolenza psikoloġika jew fiżika matul il-vjaġġ tagħhom;

8.  Jesprimi t-tħassib kbir tiegħu dwar il-livelli attwali ta' kuntrabandu ta' persuni, li qed iħarrxu l-kriżi attwali u jġiegħlu lill-persuni vulnerabbli, inklużi n-nisa, il-bniet u t-tfal, jivvjaġġaw f'kundizzjonijiet inumani u ta' theddida għal ħajjithom; jinnota li fil-prattika d-distinzjoni bejn il-kuntrabandu u t-traffikar tista' ma tibqax ċara meta n-nies jisfaw vittmi ta' vjolenza u sfruttament; jitlob, għaldaqstant, lill-Istati Membri jsaħħu l-kooperazzjoni tal-pulizija u dik ġudizzjarja tagħhom kontra l-organizzazzjonijiet kriminali li jmexxu t-traffikar u l-kuntrabandu;

9.  Jopponi l-użu tad-detenzjoni tan-nisa tqal, it-tfal u l-ommijiet li qed ireddgħu; jappella għall-waqfien tad-detenzjoni kollha tat-tfal fl-UE, u jitlob li l-ġenituri jkunu jistgħu jgħixu ma' wliedhom f'faċilitajiet xierqa mfassla apposta waqt li jistennew id-deċiżjoni rigward l-asil tagħhom; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat li ma jsirx ksur tad-drittijiet tal-bniedem;

10.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jirrikorru għad-detenzjoni bil-qies u mhux b'mod sistematiku, jużaw proċessi ta' monitoraġġ b'saħħithom, u jippermettu aċċess għall-NGOs u entitajiet kompetenti oħra billi jħalluhom iżuru u jispezzjonaw il-kundizzjonijiet ta' akkoljenza u jiċċekkjaw l-istandards minimi, inklużi dawk marbuta mad-drittijiet tan-nisa fil-postijiet ta' detenzjoni;

11.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu organizzati ċentri ta' akkoljenza fl-Istati Membri b'tali mod li jieħdu ħsieb l-interessi tal-familji u jaħsbu għall-ħtiġijiet speċjali tal-ommijiet bit-tfal kif ukoll tan-nisa li qed ireddgħu u n-nisa tqal;

12.  Jisħaq li għandhom jittieħdu miżuri biex tiġi ffaċilitata l-protezzjoni tal-migranti nisa u tan-nisa li jfittxu asil, fosthom permezz tal-għoti ta' kenn u faċilitajiet sanitarji separati għall-irġiel u n-nisa li ma jiġux minn xulxin;

13.  Jenfasizza li l-proċeduri, il-linji gwida u s-servizzi ta' appoġġ sensittivi għad-differenza bejn is-sessi għandhom jiġu inkorporati fi proċessi ta' asil u refuġju, inkluż l-intervistar separat tal-irġiel u n-nisa refuġjati u li jfittxu asil, l-għażla li l-intervista ssir minn persuna tal-istess sess, u riferimenti għal servizzi ta' konsulenza psikosoċjali u konsulenza għat-trawma;

14.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-migranti u r-refuġjati nisa jkollhom aċċess għal avukati nisa f'kull ħin sabiex jesprimu t-tħassib tagħhom f'ambjent sikur u kunfidenzjali; jemmen li dan għandu jinkludi, iżda mhux biss, tħassib dwar is-saħħa, tħassib dwar ir-riproduzzjoni, tħassib rigward il-maternità, u rigward il-fastidju sesswali u l-vjolenza sesswali, u dan għandu japplika wkoll għal kwalunkwe kwistjoni jew informazzjoni oħra;

15.  Jisħaq li l-politiki u l-miżuri kollha tal-migrazzjoni u l-asil fl-UE għandhom iqisu s-sess u l-oriġini fit-tfassil, l-implimentazzjoni u l-valutazzjoni tagħhom;

16.  Jisħaq fuq l-importanza li jinħolqu rotot sikuri u legali lejn l-UE; jemmen li dan se jgħin biex jiġi żgurat li l-migranti u r-refuġjati nisa u n-nisa li jfittxu asil m'għandhomx għalfejn jirrikorru għal netwerks ta' kuntrabandu, u jiżgura wkoll li jkollhom aċċess sħiħ għad-drittijiet fundamentali bażiċi tagħhom;

17.  Jissottolinja li l-operazzjonijiet ta' tiftix u salvataġġ għandhom jiżdiedu u jinżammu sabiex jitnaqqas il-għadd ta' mwiet fuq il-baħar;

18.  Jitlob li jissaħħaħ id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja fl-UE kollha u li dan jiġi implimentat aħjar permezz ta' proċeduri aktar mħaffa u inqas għalja;

19.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri speċifiċi biex jiffaċilitaw il-parteċipazzjoni tar-refuġjati u l-migranti nisa fis-suq tax-xogħol, inklużi t-taħriġ, l-impjieg indipendenti, il-korsijiet tal-lingwa, it-tagħlim tul il-ħajja u l-volontarjat; jemmen li l-edukazzjoni, il-ħiliet u t-taħriġ tal-migranti u r-refuġjati nisa u tan-nisa li jfittxu asil għandhom jiġu rikonoxxuti u jingħataw valur u li għandhom jiġu stabbiliti proċeduri trasparenti għar-rikonoxximent tal-kwalifiki miksuba barra mill-pajjiż;

20.  Jissottolinja b'mod partikolari l-importanza li jiġi żgurat aċċess għall-edukazzjoni għall-migranti bniet, speċjalment meta dawn ma jkunux akkumpanjati;

21.  Iqis li l-indipendenza ekonomika hija essenzjali għall-ugwaljanza u l-integrazzjoni; jistieden, għaldaqstant, lill-Istati Membri jiffaċilitaw l-aċċess għax-xogħol għall-migranti nisa;

22.  Ifakkar li l-Artikolu 12 tal-Konvenzjoni dwar l-Eliminazzjoni ta' Kull Forma ta' Diskriminazzjoni kontra n-Nisa (CEDAW) jirrikjedi li l-istati parti jiggarantixxu aċċess għal servizzi xierqa b'rabta mas-saħħa tan-nisa, li għandhom jinkludu – iżda ma jkunux limitati għal – kura ta' qabel it-twelid u ta' wara t-twelid u l-iġjene mestrwali;

23.  Jitlob li n-nisa, b'mod partikolari n-nisa tqal, il-bniet mingħajr dokumenti u t-tfal mhux akkumpanjati, jiġu pproċessati b'mod xieraq u bħala kwistjoni ta' prijorità, u jiġu identifikati immedjatament sabiex l-awtoritajiet ikunu jistgħu jżommu ruħhom informati dwarhom;

24.  Jisħaq li l-pajjiżi ospitanti għandhom jiggarantixxu l-aċċess sħiħ għad-dritt għal edukazzjoni pubblika ta' kwalità mingħajr ħlas, għas-servizzi tal-kura tas-saħħa, speċjalment dawk relatati mas-saħħa u d-drittijiet sesswali u riproduttivi, għal impjieg, u għal akkomodazzjoni li tissodisfa l-ħtiġijiet u l-kapaċitajiet tar-refuġjati nisa u bniet;

25.  Jilqa' l-elementi addizzjonali introdotti fid-Direttiva dwar il-kondizzjonijiet ta' akkoljenza fil-forma riformulata tagħha[27], speċjalment l-inklużjoni tal-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin u l-mutilazzjoni ġenitali femminili bħala kategoriji separata ta' persuni vulnerabbli; jesprimi t-tħassib serju tiegħu dwar il-fatt li 12-il Stat Membru biss applikaw l-istatus ta' persuna vulnerabbli lill-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin; jistieden lill-bqija tal-Istati Membri jimplimentaw id-dispożizzjonijiet tad-Direttiva riformulata, u jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ lil dawk l-Istati Membri jimplimentaw il-miżuri relevanti;

26.  Jemmen li l-vittmi u dawk f'riskju ta' żwieġ tat-tfal, żwieġ bikri u żwieġ furzat, anke fil-pajjiżi li jaslu fihom, għandhom jirċievu l-istatus ta' persuna vulnerabbli;

27.  Jitlob li tingħata aktar attenzjoni lill-ħtiġijiet ta' refuġjati u migranti li jivvjaġġaw mat-tfal, kemm ma' tagħhom stess jew ma' tfal li sfaw iltiema, billi jiġi żgurat l-għoti ta' aċċess sikur għall-ikel, l-ilma, il-kenn, il-faċilitajiet għat-tibdil, il-mediċina adegwata, is-sanità u ħtiġijiet oħra fl-istadji kollha tal-ivvjaġġar u wara l-wasla tagħhom; jistieden lill-Istati Membri jagħtu status ġuridiku indipendenti lill-migranti nisa u lin-nisa li jfittxu asil li daħlu fl-UE fil-kuntest tar-riunifikazzjoni tal-familja, sabiex jipprevjenu l-isfruttament, inaqqsu l-vulnerabilità, u jiksbu ugwaljanza akbar;

28.  Jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw bis-sħiħ kemm id-Direttiva 2011/36/UE dwar il-prevenzjoni u l-ġlieda kontra t-traffikar tal-bnedmin u l-protezzjoni tal-vittmi tiegħu kif ukoll id-Direttiva 2012/29/UE li tistabbilixxi standards minimi fir-rigward tad-drittijiet, l-appoġġ u l-protezzjoni tal-vittmi tal-kriminalità;

29.  Jitlob lill-Istati Membri jiggarantixxu protezzjoni internazzjonali lin-nisa li huma vittmi ta' persekuzzjoni, u jsegwu l-linji gwida tal-Kummissjoni dwar l-applikazzjoni tad-Direttiva 2003/86/KE dwar id-dritt għar-riunifikazzjoni tal-familja;

30.  Jiddispjaċih li, fost l-għanijiet tagħha, l-Aġenda Ewropea tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni ma tinkludix it-tnaqqis tar-restrizzjonijiet fuq ir-riunifikazzjoni tal-familja; jinnota l-importanza li dawk li diġà huma preżenti fl-UE jitħallew jerġgħu jingħaqdu ma' qrabathom, inklużi t-tfal mhux akkumpanjati;

31.  Jisħaq li, minkejja t-tibdil fil-flussi tar-refuġjati u l-migranti li jistgħu jitfgħu pressjoni fuq il-faċilitajiet ta' akkoljenza, il-ħtiġijiet tal-persuni vulnerabbli, inklużi n-nisa u l-bniet u b'mod partikolari l-bniet mhux akkumpanjati, għandhom jingħataw prijorità f'kull ħin, u jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-mod li bih qed tiġi implimentata fil-prattika s-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil;

32.  Jagħmel enfasi partikolari fuq il-gruppi fi ħdan il-flussi migratorji li diġà huma vulnerabbli, u fost il-fatturi jissottolinja l-età, is-sess, id-diżabilità, l-identità tal-ġeneru u t-twemmin; jesprimi tħassib li l-ħtiġijiet speċifiċi tan-nies għall-protezzjoni mhumiex qed jiġu ssodisfati;

33.  Jikkundanna bil-qawwa l-użu tal-vjolenza sesswali fuq in-nisa bħala arma tal-gwerra; iqis li għandha tingħata attenzjoni speċjali lil migranti nisa u bniet abbużati fil-kunflitti, billi jiġi żgurat aċċess għall-għajnuna medika u psikoloġika;

34.  Jirrakkomanda li l-organizzazzjonijiet leġittimi u relevanti kollha, bħall-UNHCR, il-FRONTEX, l-EASO u l-IOM, kif ukoll l-NGOs u l-Istati Membri, għandhom jiżguraw l-ogħla standards possibbli għar-reklutaġġ ta' persunal femminili għall-faċilitajiet kollha, u li t-taħriġ ibbażat fuq il-ġeneru għandu jkun mandatarju għall-persunal kollu bil-ħsieb li jkun hemm l-integrazzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi tal-operazzjonijiet u l-programmi kollha li jiffukaw fuq il-movimenti tar-refuġjati jew fuq il-proċessi ta' asil;

35.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri kollha jiffirmaw u jirratifikaw il-Konvenzjoni tal-Kunsill tal-Ewropa dwar il-Prevenzjoni u l-Ġlieda Kontra l-Vjolenza fuq in-Nisa u l-Vjolenza Domestika (il-Konvenzjoni ta' Istanbul) bil-għan li jiżguraw il-protezzjoni tal-migranti nisa u bniet mill-vjolenza, u japplikaw l-Artikolu 59 ta' dik il-Konvenzjoni, li jiddikjara b'mod ċar li l-partijiet għandhom jieħdu l-miżuri meħtieġa biex jissospendu l-proċedimenti ta' espulsjoni u/jew jagħtu permess ta' residenza awtonomu fl-eventwalità ta' xoljiment taż-żwieġ, fil-każ ta' migranti nisa li l-istatus ta' residenza tagħhom ikun dipendenti mill-konjuġi tagħhom;

36.  Jappella għal kooperazzjoni usa' mal-pajjiżi tal-oriġini tal-migranti u mal-NGOs li jaħdmu f'dawk il-pajjiżi sabiex jittejbu l-kundizzjonijiet għan-nisa, li huma l-vittmi ewlenin fil-kunflitti;

37.  Jiġbed l-attenzjoni għall-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tat-13 ta' Mejju 2015 bit-titolu "Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni"[28]; jinnota l-intenzjoni tal-Kummissjoni li ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet tal-Pajjiż ta' Oriġini Sikur tad-Direttiva dwar il-Proċeduri tal-Asil; jemmen bis-sħiħ li kwalunkwe deċiżjoni biex jiġu armonizzati d-dispożizzjonijiet tal-Pajjiż ta' Oriġini Sikur, inkluża l-possibilità li tiġi stabbilita lista komuni tal-UE ta' pajjiżi ta' oriġini sikuri, għandu jkollha integrata fiha l-ugwaljanza bejn is-sessi; jinnota, madankollu, li ebda pajjiż ta' oriġini jew pajjiż terz ma jista' jitqies verament sikur meta l-vjolenza sessista ssir fil-pajjiżi kollha; jemmen li talbiet ibbażati fuq il-biża' minn vjolenza sessista jew diskriminazzjoni sessista m'għandhom qatt ikunu soġġetti għal proċeduri ta' asil aċċelerati;

38.  Jirrikonoxxi li l-organizzazzjonijiet tan-nisa u r-refuġjati nisa għandhom jipparteċipaw fit-teħid tad-deċiżjonijiet dwar it-trattament tagħhom, inklużi l-prijoritajiet fid-distribuzzjoni tal-għajnuna, kif ukoll f'inizjattivi għall-bini tal-paċi fil-pajjiżi ta' oriġini tagħhom;

39.  Jisħaq li għandhom jiġu pprovduti arranġamenti għall-indukrar tat-tfal waqt li jkunu qed isiru l-appuntamenti u l-intervisti fil-proċedura ta' asil, bil-għan li tiġi żgurata opportunità ġusta li jagħmlu talba għal asil; jinnota li n-nuqqas ta' dispożizzjoni ta' servizzi ta' indukrar tat-tfal għal dawk li jfittxu asil u r-refuġjati jikkostitwixxi xkiel maġġuri għall-aċċess f'dak li jikkonċerna l-integrazzjoni tal-forniment tas-servizzi, u li dan għandu impatt sproporzjonat fuq in-nisa minħabba li r-responsabilità għall-indukrar tat-tfal taqa' għalkollox fuq spallejhom; jissottolinja li s-servizzi bażiċi għandhom iqisu l-ħtiġijiet tal-familji fl-indukrar tat-tfal;

40.  Jemmen li l-migranti nisa mingħajr dokumenti u d-dipendenti tagħhom huma partikolarment vulnerabbli li jsiru vittmi ta' vjolenza, sfruttament u diskriminazzjoni intersezzjonali bbażata fuq ir-razza u s-sess; jinnota li l-istatus ġuridiku tal-migranti nisa mingħajr dokumenti jaf jillimita l-aċċess tagħhom għal servizzi xierqa, bħalma huma l-postijiet ta' kenn għan-nisa;

41.  Jesprimi t-tħassib profond tiegħu dwar il-prevalenza ta' stereotipi negattivi dwar il-migranti u r-refuġjati nisa u n-nisa li jfittxu asil; iħeġġeġ lill-Istati Membri jirduppjaw l-isforzi tagħhom biex lil kull migrant u refuġjat u lil kull min ifittex asil jipproteġuh mill-estremiżmu u l-vjolenza tal-lemin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

20

5

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Maria Arena, Catherine Bearder, Malin Björk, Vilija Blinkevičiūtė, Anna Maria Corazza Bildt, Viorica Dăncilă, Iratxe García Pérez, Anna Hedh, Mary Honeyball, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Elisabeth Köstinger, Agnieszka Kozłowska-Rajewicz, Vicky Maeijer, Barbara Matera, Angelika Mlinar, Maria Noichl, Marijana Petir, Jordi Sebastià, Michaela Šojdrová, Ernest Urtasun, Ángela Vallina, Jadwiga Wiśniewska, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Stefan Eck, Arne Gericke, Constance Le Grip, Evelyn Regner, Monika Vana

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Jane Collins

26.10.2015

OPINJONI tal-Kumitat għall-Petizzjonijiet

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar is-sitwazzjoni fil-Mediterran u l-ħtieġa ta' approċċ olistiku tal-UE għall-migrazzjoni

(2015/2095(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Marlene Mizzi

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Petizzjonijiet jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jilqa' l-impenn tal-Kummissjoni li tieħu miżuri ta' rispons għall-kriżi bla preċedent fil-Mediterran u li ttejjeb il-ġestjoni tal-migrazzjoni fl-aspetti kollha tagħha billi ssaħħaħ il-politika tal-migrazzjoni tagħha u tadotta Aġenda strateġika Ewropea dwar il-Migrazzjoni; jinnota wkoll, f’dan ir-rigward, ir-reazzjonijiet pubbliċi qawwija ta’ protesta fir-rigward tan-nuqqasijiet tal-politiki tal-migrazzjoni; huwa tal-fehma li, jekk ikollha riżorsi biżżejjed u tkun implimentata għalkollox u minnufih, l-Aġenda Ewropea dwar il-Migrazzjoni tkun l-ewwel pass importanti biex jiġu salvati l-ħajjiet, biex jittejjeb l-aċċess għall-protezzjoni internazzjonali, biex noqorbu lejn qsim ġust tar-responsabbiltajiet u s-solidarjetà u biex jitranġaw id-distorsjonijiet fis-sistema eżistenti; jistieden lill-Kummissjoni biex b’mod attiv tinvolvi lill-Parlament u tqis ir-rakkomandazzjonijiet tiegħu u biex tikkonsulta l-partijiet ikkonċernati rilevanti kollha fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet, inklużi korpi internazzjonali, bħall-UNHCR, u l-organizzazzjonijiet tal-migranti u tar-rifuġjati meta tkun qed tiżviluppa l-politiki tal-migrazzjoni ġejjiena tagħha;

2.  Jirrimarka li għadd kbir ta' petizzjonijiet imressqa minn ċittadini tal-UE jirreferu għal firxa wiesgħa ta’ kwistjonijiet relatati mal-kriżi fil-Mediterran u t-telf traġiku ta' ħajjiet fuq il-baħar, u jitolbu lill-Unjoni Ewropea taġixxi b’mod rapidu u determinat sabiex ittejjeb is-sitwazzjoni u twaqqaf il-prattiki illegali kollha li jiksru d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jenfasizza li t-tħassib ġenerali tal-petizzjonanti hu relatat: man-nuqqasijiet fl-implimentazzjoni tal-acquis Ewropew dwar l-asil u l-migrazzjoni u n-nuqqas ta’ effikaċja tar-Regolament Dublin III eżistenti; man-nuqqas ta’ politika komprensiva tal-UE dwar il-migrazzjoni u n-nuqqas ta' applikazzjoni tal-prinċipju ta’ solidarjetà, li jirriżulta f’piżijiet sproporzjonati fuq l-Istati Membri ospitanti; ma' ksur tad-drittijiet fundamentali li jirriżulta f’respinġimenti ("push-backs") fuq il-baħar, rifjut ta’ dħul fil-fruntieri u deportazzjonijiet illegali fuq il-post; u mal-ħtieġa ta' żieda fl-isforzi fil-livell Ewropew biex jiġu miġġielda l-ksenofobija u l-intolleranza u biex jiġu mħarsa d-drittijiet tal-migranti, ta' dawk li jfittxu l-asil u tar-rifuġjati u biex tiġi appoġġata l-integrazzjoni tagħhom fl-UE;

3.  Jenfasizza li, fid-dawl tal-iskala tat-traġedji reċenti u ż-żieda allarmanti fil-wasliet irregolari u l-imwiet fuq il-baħar (aktar minn 100 000 persuna waslu fl-ewwel sitt xhur tal-2015, skont id-data tan-NU), l-UE u l-Istati Membri ma jistgħux jibqgħu sempliċiment osservaturi iżda jeħtieġ jieħdu f'idejhom id-dibattitu u jmexxuh b'sodezza politika, b’azzjonijiet konkreti u miżuri speċifiċi biex jappoġġaw għalkollox l-Aġenda tal-Kummissjoni dwar il-Migrazzjoni;

4.  Jitlob ir-rikonoxximent reċiproku tad-deċiżjonijiet dwar l-asil bejn l-Istati Membri mhux biss f'każijiet fejn id-deċiżjoni tkun negattiva iżda wkoll f'każijiet fejn l-asil jingħatasabiex jiġu implimentati tajjeb id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 78(2)(a) tat-TFUE, li jitlob li jkun hemm status uniformi għall-asil, li jkun validu fl-Unjoni kollha;

5.  Jenfasizza li l-azzjoni meħuda mill-UE, inklużi l-korpi u l-aġenziji differenti kollha, jeħtieġ li jiġu mmonitorjati u evalwati regolarment fid-dawl taċ-ċirkustanzi eżistenti u, jekk ikun meħtieġ, jiġu aġġustati jew imtejba biex jiżguraw traspożizzjoni sħiħa tas-Sistema Ewropea Komuni tal-Asil mill-Istati Membri, governanza mtejba tas-sistema tal-asil u orjentament lejn forma aktar prattika u tanġibbli ta’ solidarjetà, allokazzjoni ekwa tar-responsabbiltajiet u rispett tad-drittijiet fundamentali;

6.  Iħeġġeġ lill-UE tkompli ssaħħaħ l-Operazzjoni Triton biex tiġi sal-istess livell tal-operazzjoni Mare Nostrum; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi għajnuna finanzjarja kontinwa u monitoraġġ trasparenti għall-FRONTEX u għall-infiq operattiv u l-attivitajiet tagħha;

7.  Jenfasizza li l-monitoraġġ, il-ġbir u l-analizzar tal-informazzjoni dwar il-flussi migratorji u x-xejriet tal-vjaġġi bil-baħar bejn l-UE u l-istati Afrikani jeħtieġ li jittejbu u jiġu koordinati minn mekkaniżmu ċentralizzat tal-UE tal-ġestjoni tad-data dwar il-migrazzjoni, li jkun jipprovdi rapporti ta' valutazzjoni regolari u jsaħħaħ il-konsistenza, l-ippjanar u l-ġestjoni tal-kriżijiet, u b'hekk jgħin l-attivazzjoni ta' sistemi ta' twissija bikrija fil-livell tal-UE għal reazzjoni fil-pront fil-każ ta' kriżijiet tal-migrazzjoni ġejjiena;

8.  Jistieden lill-UE u l-Istati Membri jadottaw, bħala kwistjoni ta' urġenza, politika Ewropea tal-migrazzjoni u l-asil li tkun komprensiva u msejsa fuq ir-rispett tad-drittijiet u d-dinjità tal-bniedem, l-istandards internazzjonali u l-valuri li fuqhom hija msejsa l-UE u d-drittijiet minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi implimentat b'mod konkret l-Artikolu 80 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jistipula li l-politiki tal-Unjoni għandhom ikunu rregolati mill-prinċipju tas-solidarjetà u l-qsim ġust tar-responsabbiltà, inklużi l-implikazzjonijiet finanzjarji tagħha, bejn l-Istati Membri; jenfasizza l-fatt li l-politiki Ewropej u nazzjonali dwar il-migrazzjoni jeħtieġ li jkunu f’konformità sħiħa mal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti tal-1951 dwar l-Istatus tar-Rifuġjati u l-protokoll addizzjonali tagħha u jridu jirrispettaw il-prinċipju ta’ non-refoulement;

9.  Iwissi kontra x-xejra li qed tiżdied li jitwettqu deportazzjonijiet illegali fuq il-post, bħal fil-każ taċ-ċnut fil-fruntiera mal-Marokk fit-territorji Spanjoli ta' Ceuta u Melilla, u jirrifjuta b'mod frontali dawn il-prattiki li jikkunsidrahom li jmorru kontra d-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt; jiġbed l-attenzjoni wkoll għall-każijiet ta' deportazzjonijiet involontarji lejn pajjiżi mhux tal-UE li ma jkunux il-pajjiżi ta' oriġini, li jħallu lil persuni mhux dokumentati mingħajr il-possibbiltà li joħorġu minn dawn il-pajjiżi terzi;

10.  Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar il-fatt li għadd kbir ta' tfal, inklużi minorenni mhux akkumpanjati, li huma partikolarment vulnerabbli, qed jivvjaġġaw minn naħa għall-oħra tal-Mediterran; jistieden lill-UE u l-Istati Membri jippromwovu l-prinċipju tal-aqwa interessi tat-tfal, inkluża l-ħtieġa li jiżguraw trattament xieraq u aċċess għal proċeduri ta' asil li jirrispettaw lit-tfal, jiġu evitati t-trasferimenti ta' minorenni mhux akkumpanjati għajr jekk dan ikun fl-aqwa interessi tagħhom, u li jiġu kkunsidrati l-possibiltajiet ta' riunifikazzjoni tal-familji u s-sikurezza u s-sigurtà tat-tfal;

11.  Jinnota l-miżuri importanti inklużi fl-aġenda tal-Kummissjoni, u b’mod partikolari dawk maħsuba biex jiġu salvati l-ħajjiet, biex tiġi indirizzata l-urġenza tas-sitwazzjoni, biex jiġu miġġielda n-netwerks ta’ trasport klandestin u jiġu indirizzati b'mod determinat il-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni, iżda jenfasizza li, sadanittant, l-aġenda tal-Kummissjoni mhix se twaqqaf il-flussi ta’ migranti li għaddejjin bħalissa u li huwa għalhekk meħtieġ bħala kwistjoni ta’ urġenza mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni permanenti tal-UE kollha bil-parteċipazzjoni mandatarja tal-Istati Membri kollha għal għadd suffiċjenti ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali; huwa tal-fehma li l-mekkaniżmu ta’ rilokazzjoni vinkolanti jeħtieġ li jiġi attivat malajr u awtomatikament abbażi ta’ kriterji li huma ġusti, ċari, oġġettivi, li jistgħu jitkejlu u li huma identifikabbli għall-Istati Membri filwaqt li jqisu wkoll, safejn ikun possibbli, il-preferenzi tar-rifuġjati;

12.  Jilqa’ l-proposta leġiżlattiva tal-Kummissjoni dwar mekkaniżmu permanenti ta’ rilokazzjoni f'każ ta' kriżi bbażat fuq l-Artikolu 78(2) tat-TFUE, u l-fatt li, matul il-laqgħat tal-Kunsill Ġustizzja u Affarijiet Interni f'Settembru, il-ministri tal-Istati Membri rnexxielhom jaslu għal ftehim dwar ir-rilokazzjoni ta’ emerġenza mill-Italja u l-Greċja ta’ 40 000 persuna li b'mod ċar jeħtieġu protezzjoni internazzjonali, u dwar ir-rilokazzjoni addizzjonali ta’ 120 000 persuna; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jikkunsidraw id-dispożizzjonijiet stabbiliti fid-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE għall-għoti ta' protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta’ influss bil-massa ta’ persuni spostati, u b’mod partikolari l-premessa 20 tagħha, iżda jfakkar li, peress li din id-Direttiva qatt ma ġiet attivata, il-Kummissjoni jeħtieġ tressaq reviżjoni tad-dispożizzjonijiet tagħha għall-implimentazzjoni aħjar ta’ mekkaniżmu ta’ solidarjetà tal-UE u tintroduċi għodda ta’ rispons immedjat, sikur u legali għall-kriżijiet urġenti tar-rifuġjati; jitlob ukoll, f’dan il-kuntest, għal definizzjoni ċara ta’ x’jikkostitwixxi 'influss bil-massa' ta' rifuġjati;

13.  Jenfasizza l-fatt li wieħed mill-akbar żbilanċi tal-politika tal-migrazzjoni tal-UE jirrigwarda l-pajjiżi li jinsabu mal-fruntieri marittimi u tal-art esterni tal-UE li qed iħabbtu wiċċhom ma' influss akbar ta’ persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali u l-pajjiżi li jinsabu mal-fruntieri interni tal-UE, bħall-Ġermanja u l-Isvezja, li fl-2014 irċevew 43 % tal-applikazzjonijiet għall-asil kollha fl-UE; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni biex jiżguraw reviżjoni sinifikanti tar-Regolament Dublin III sabiex tittaffa l-pressjoni f’daqqa u sproporzjonata tal-migrazzjoni fuq għadd dejjem jikber ta’ Stati Membri, u b’mod partikolari fuq il-pajjiżi ta' mal-fruntieri esterni tal-UE, li fuq bażi ta’ kuljum huma esposti direttament għall-flussi ta’ migranti, mingħajr ma tiġi kompromessa s-sigurtà tal-fruntieri esterni tal-Unjoni;

14.  Huwa tal-fehma li l-migrazzjoni regolari mhix piż soċjoekonomiku iżda opportunità li tista’ tagħti kontribut b'mod pożittiv lis-soċjetà u li l-iżvilupp ta' rotot legali lejn l-UE jista’ jgħin il-ġlieda determinata kontra l-gruppi kriminali ta’ kuntrabandisti u jnaqqas l-għadd ta’ ħajjiet mitlufa fuq il-baħar; jenfasizza, għalhekk, il-fatt li aċċess sikur u legali lejn l-UE għandu jkun disponibbli għall-persuni li jeħtieġu protezzjoni internazzjonali; jenfasizza l-ħtieġa ta' programm obbligatorju ta’ risistemazzjoni, li jipprovdi risistemazzjoni għal għadd sinifikanti ta’ rifuġjati u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jisfruttaw il-possibbiltajiet li toffri l-leġiżlazzjoni eżistenti, biex jiżviluppaw għodod oħra, mekkaniżmi strutturati, u proċeduri trasparent u aċċessibbli għad-dħul fl-UE, bħalma huma viżi umanitarji fl-ambaxxati u l-uffiċċji konsulari tal-UE fil-pajjiżi ta’ oriġini u l-pajjiżi ta’ tranżitu;

15.  Jistieden lill-UE, lill-Istati Membri u lill-pajjiżi kandidati jipprovdu qafas internazzjonali għad-djalogu u dibattitu komprensiv dwar il-migrazzjoni mal-pajjiżi terzi ta' oriġini u ta' tranżitu biex jiġu żgurati solidarjetà u kooperazzjoni aktar mill-qrib mal-UE u jiġu indirizzati l-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni; jilqa’ b'sodisfazzjon, f’dan ir-rigward, is-Summit tal-Belt Valletta, li għandu jsir f’Novembru 2015, b’kooperazzjoni mill-qrib mas-sħab Afrikani, li se jservi bħala bażi għall-adozzjoni ta’ ftehimiet ta' qafas ġejjiena għall-indirizzar determinat tal-kawżi fundamentali tal-migrazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jkomplu jrawmu r-riżoluzzjoni tal-kunflitti fil-pajjiżi ta’ oriġini, isaħħu l-kapaċità tal-pajjiżi ta’ tranżitu u jiżguraw li l-fondi jiġu allokati lill-proġetti t-tajba, li se jwassal biex jintemm l-isfruttament tar-riżorsi umani u naturali u jittejbu s-saħħa, l-edukazzjoni, l-industrija u l-infrastruttura biex jinħolqu l-impjiegi u tittejjeb il-possibbiltà ta’ futur dinjituż fil-pajjiżi ta' oriġini tal-migranti;

16.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-implimentazzjoni tad-Direttiva dwar ir-Ritorn timxi id f’id mar-rispett lejn il-proċeduri, l-istandards u d-drittijiet fundamentali tal-bniedem li jippermettu lill-Ewropa tiżgura trattament uman u dinjituż lill-persuni rimpatrijati, f’konformità mal-prinċipju ta’ non-refoulement; iħeġġeġ lill-UE u lill-Istati Membri jagħtu attenzjoni partikolari lill-każijiet ta’ asil relatati ma' persekuzzjoni politika possibbli, sabiex ma jkunx hemm rimpatrijazzjonijiet li potenzjalment jinvolvu ksur tad-drittijiet tal-bniedem fil-pajjiż ta’ oriġini jew f’pajjiż terz;

17.  Jistieden lill-UE tkompli ssaħħaħ il-ftehimiet ta' qafas tagħha li diġà huma stabbiliti, bħalma huma l-Politika Ewropea tal-Viċinat, il-Proċess ta' Kartum u l-Proċess ta' Rabat; jenfasizza l-ħtieġa li tingħata importanza xierqa lis-sitwazzjonijiet imtawla tar-rifuġjati li, jekk jibqgħu ma jiġux ġestiti, jistgħu jirriżultaw fi flussi kontinwi u li jiżdiedu ta' qsim irregolari u ta' periklu għall-ħajja fil-baħar Mediterran;

18.  Jiddeplora l-fatt li, f'xi Stati Membri, twettqu sensiela ta' frodi u irregolaritajiet amministrattivi serji, ta' spiss bl-involviment tal-kriminalità organizzata, fil-ġestjoni ta' ċerti ċentri ta' akkoljenza tal-persuni li jfittxu asil, li rriżultaw kemm fl-użu ħażin tal-fondi Ewropej kif ukoll fil-peġġorament ulterjuri tal-kundizzjonijiet tal-għajxien u tal-protezzjoni tad-drittijiet tal-bniedem tal-migranti;

19.  Jitlob lill-UE u lill-Istati Membri kollha ma jkomplux jibnu ħitan, biex iwaqqgħu l-ħitan eżistenti u biex jwaqqfu kull kooperazzjoni li jkollha l-għan li tippermetti l-bini ta’ ħitan f’pajjiżi terzi bil-ħsieb li l-migranti jiġu mwaqqfa milli jaslu fl-UE jew territorji oħra;

20.  Jistieden lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi nazzjonali ta' appoġġ għall-integrazzjoni, jallokaw riżorsi u appoġġ adegwati, u jtejbu l-applikazzjoni tal-Prinċipji Bażiċi Komuni għall-Politika ta' Integrazzjoni tal-Immigranti fl-UE; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ ir-rwol tan-netwerk ta' Punti ta' Kuntatt Nazzjonali dwar l-Integrazzjoni u tal-Forum Ewropew dwar l-Integrazzjoni bħala pjattaformi għad-djalogu biex jiġu żgurati integrazzjoni aqwa u skambji aħjar ta' prattiki promettenti fost l-Istati Membri;

21.  Jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jimplimentaw miżuri effettivi biex jiġu indirizzati b'mod determinat il-ksenofobija u d-delitti ta’ mibgħeda li qed jiżdiedu, miżuri li għandhom ikunu bbażati fuq l-edukazzjoni u l-prevenzjoni, kif ukoll fuq is-sanzjonar ta’ kull xorta ta’ vjolenza u diskriminazzjoni, inkluż id-diskors ta’ mibegħda.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.10.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

23

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Tim Aker, Marina Albiol Guzmán, Margrete Auken, Beatriz Becerra Basterrechea, Heinz K. Becker, Soledad Cabezón Ruiz, Alberto Cirio, Andrea Cozzolino, Pál Csáky, Miriam Dalli, Rosa Estaràs Ferragut, Eleonora Evi, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Sylvie Goddyn, Takis Hadjigeorgiou, Daniel Hannan, Peter Jahr, Rikke Karlsson, Jude Kirton-Darling, Svetoslav Hristov Malinov, Notis Marias, Edouard Martin, Roberta Metsola, Marlene Mizzi, Julia Pitera, Gabriele Preuß, Laurenţiu Rebega, Sofia Sakorafa, Eleni Theocharous, Yana Toom, Bodil Valero, Jarosław Wałęsa, Cecilia Wikström, Tatjana Ždanoka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Laura Agea, Mara Bizzotto, Enrique Calvet Chambon, Elisabetta Gardini, Michela Giuffrida, Marian Harkin, Anja Hazekamp, György Hölvényi, Kostadinka Kuneva, Miltiadis Kyrkos, Jérôme Lavrilleux, Gabriel Mato, József Nagy, Javier Nart, Demetris Papadakis, Julia Reda, Michèle Rivasi, Sven Schulze, Josep-Maria Terricabras, László Tőkés, Elena Valenciano, Ángela Vallina, Axel Voss, Rainer Wieland, Janusz Wojciechowski, Boris Zala

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Emilian Pavel, Vladimir Urutchev, Julie Ward

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

11

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Gerard Batten, Heinz K. Becker, Michał Boni, Caterina Chinnici, Ignazio Corrao, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Cornelia Ernst, Tanja Fajon, Laura Ferrara, Lorenzo Fontana, Mariya Gabriel, Ana Gomes, Nathalie Griesbeck, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Iliana Iotova, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Timothy Kirkhope, Barbara Kudrycka, Kashetu Kyenge, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Roberta Metsola, Louis Michel, Claude Moraes, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Helga Stevens, Bodil Valero, Udo Voigt, Beatrix von Storch, Josef Weidenholzer, Cecilia Wikström, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marina Albiol Guzmán, Kostas Chrysogonos, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Gérard Deprez, Anna Hedh, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Miltiadis Kyrkos, Gilles Lebreton, Andrejs Mamikins, Petri Sarvamaa, Elly Schlein, Barbara Spinelli, Geoffrey Van Orden, Axel Voss

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Margrete Auken

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

44

+

ALDE

Gérard Deprez, Nathalie Griesbeck, Louis Michel, Cecilia Wikström, Sophia in 't Veld

EFDD

Ignazio Corrao, Laura Ferrara

GUE/NGL

Marina Albiol Guzmán, Kostas Chrysogonos, Cornelia Ernst, Barbara Spinelli

EPP

Heinz K. Becker, Michał Boni, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Rachida Dati, Agustín Díaz de Mera García Consuegra, Frank Engel, Mariya Gabriel, Monika Hohlmeier, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Barbara Kudrycka, Roberta Metsola, Petri Sarvamaa, Csaba Sógor, Axel Voss

S&D

Caterina Chinnici, Tanja Fajon, Ana Gomes, Anna Hedh, Iliana Iotova, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Kashetu Kyenge, Miltiadis Kyrkos, Marju Lauristin, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Elly Schlein, Birgit Sippel, Josef Weidenholzer

GREENS/EFA

Jan Philipp Albrecht, Margrete Auken, Bodil Valero

11

-

ECR

Jussi Halla-aho, Timothy Kirkhope, Geoffrey Van Orden, Beatrix von Storch, Branislav Škripek, Helga Stevens

EFDD

Gerard Batten, Kristina Winberg

EFDD

Lorenzo Fontana, Gilles Lebreton

NI

Udo Voigt

1

0

EPP

Tomáš Zdechovský

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

  • [1]  ĠU C 93, 9.3.2016, p. 165.
  • [2]  Testi adottati, P8_TA(2015)0176.
  • [3]  Testi adottati, P8_TA(2015)0317.
  • [4]  http://www.consilium.europa.eu/mt/press/press-releases/2015/09/28-eunavfor/.
  • [5]  Testi adottati, P8_TA(2014)0105.
  • [6]  Aħbarijiet tal-Frontex, http://frontex.europa.eu/news/number-of-migrants-arriving-in-greece-dropped-by-half-in-november-cITv3V.
  • [7]  IOM and UNICEF, Data Brief: Migration of Children to Europe, http://www.iom.int/sites/default/files/press_release/file/IOM-UNICEF-Data-Brief-Refugee-and-Migrant-Crisis-in-Europe-30.11.15.pdf.
  • [8]  il-Bullettin tal-EASO, Novembru-Diċembru 2015, https://easo.europa.eu/wp-content/uploads/EASO-Newsletter-NOV-DEC_-20151.pdf.
  • [9]  L-UE + hija magħmula mit-28 Stat Membru flimkien man-Norveġja u l-Iżvizzera.
  • [10]  UNHCR - Greece data snapshot - 7 Mar 2016.
  • [11]  IOM, Missing Migrants Project, http://missingmigrants.iom.int/.
  • [12]  Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1523 u Deċiżjoni tal-Kunsill (UE) 2015/1601.
  • [13]  Ir-Regolament (UE) Nru 604/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li jistabbilixxi l-kriterji u l-mekkaniżmi biex ikun iddeterminat liema hu l-Istat Membru responsabbli biex jeżamina applikazzjoni għall-protezzjoni internazzjonali iddepożitata għand wieħed mill-Istati Membri minn ċittadin ta' pajjiż terz jew persuna apolida (tfassil mill-ġdid) (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 31).
  • [14]  Id-Direttiva tal-Kunsill 2001/55/KE tal-20 ta' Lulju 2001 dwar l-istandards minimi sabiex tingħata protezzjoni temporanja fl-eventwalità ta' influss bil-massa ta' persuni spostati u dwar il-miżuri li jippromwovu bilanċ fl-isforzi bejn l-Istati Membri meta jirċievu dawn il-persuni u li jġorru l-konsegwenzi ta' dawn (ĠU L 212, 7.8.2001, p. 12).
  • [15]  Id-Direttiva 2011/95/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Diċembru 2011 dwar standards għall-kwalifika ta' ċittadini nazzjonali ta' pajjiżi terzi jew persuni mingħajr stat bħala benefiċjarji ta' protezzjoni internazzjonali, għal stat uniformi għar-rifuġjati jew għal persuni eliġibbli għal protezzjoni sussidjarja, u għall-kontenut tal-protezzjoni mogħtija (ĠU L 337, 20.12.2011, p. 9).
  • [16]  Id-Direttiva 2013/32/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 dwar proċeduri komuni għall-għoti u l-irtirar tal-protezzjoni internazzjonali (ĠU L 180, 29.6.2013, p. 60).
  • [17]  Konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2004.
  • [18]  Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali,ĠU 180, 29.6.2013, p. 96.
  • [19]  Id-Direttiva 2009/52/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Ġunju 2009 li tipprevedi standards minimi għal sanzjonijiet u miżuri kontra min iħaddem lil ċittadini minn pajjiżi terzi b'residenza illegali, ĠU L 168, 30.6.2009, p. 24.
  • [20]  Id-Direttiva 2014/36/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar il-kondizzjonijiet għad-dħul u s-soġġorn ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-fini ta' impjieg bħala ħaddiema staġonali, ĠU L 94, 28.3.2014, p. 375.
  • [21]  Id-Direttiva tal-Kunsill 2009/50/KE tal-25 ta' Mejju 2009 dwar il-kondizzjonijiet ta' dħul u residenza ta' ċittadini ta' pajjiżi terzi għall-finijiet ta' impjieg bi kwalifiki għoljin ĠU L 155, 18.6.2009, p. 17.
  • [22] 3 Il-Konvenzjoni Internazzjonali għas-Salvagwardja tal-Ħajja Umana fuq il-Baħar tal-1974, Regolament 33 ("Sitwazzjonijiet ta’ kriżi:
    Obbligi u proċeduri").
    2 Il-Konvenzjoni tan-NU dwar id-Dritt tal-Baħar tal-1982, Artikolu 98 ("Dover li tingħata għajnuna").
    1 Il-Konvenzjoni tan-NU dwar l-Istatus ta’ Refuġjat tal-1951.
  • [23] 4 Konvenzjoni Internazzjonali dwar it-Tfittxija u s-Salvataġġ Marittimi tal-1979, kif emendata.
  • [24] 5 Riżoluzzjoni MSC.167(78) tal-Organizzazzjoni Marittima Internazzjonali u “Rescue at Sea: A guide to principles and practice as applied to migrants and refugees” (“Salvataġġ fuq il-baħar: Gwida dwar il-prinċipji u l-prattika applikabbli għall-migranti u r-refuġjati”).
  • [25] 6 Skont l-istatistika tal-Assoċjazzjonijiet tas-Sidien tal-Bastimenti tal-Komunità Ewropea (ECSA).
  • [26] 7 http://data.unhcr.org/mediterranean/regional.php
  • [27]  Id-Direttiva 2013/33/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Ġunju 2013 li tistabbilixxi l-istandards dwar l-akkoljenza ta' applikanti għall-protezzjoni internazzjonali, ĠU L 180, 29.6.2013, p. 96.
  • [28]  COM(2015)0240