RAPPORT dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd
29.3.2016 - (COM(2015)0669 – C8-0406/2015 – 2015/0308(COD)) - ***I
Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Alain Cadec
(Proċedura simplifikata – l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta’ Proċedura)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda r-Regolament (KE) Nru 768/2005 li jistabbilixxi Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd
(COM(2015)0669 – C8-0406/2015 – 2015/0308(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2015)0669),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 43(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0406/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 u l-Artikolu 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Sajd (A8-0068/2016),
1. Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;
2. Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-parlamenti nazzjonali.
MEMORANDUM TA' SPJEGAZZJONI
L-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta huma responsabbli minn għadd kbir ta' kompiti f'oqsma bħas-sikurezza, is-sigurtà, is-salvataġġ fuq il-baħar, il-kontroll tal-fruntieri, il-kontroll tad-dwana, il-protezzjoni ambjentali u l-applikazzjoni ġenerali tal-liġi. Illum hemm 316-il awtorità nazzjonali fil-livell tal-Unjoni Ewropea. Dawn il-bosta awtoritajiet jikkollaboraw permezz ta' 70 struttura differenti. Bħala riżultat, fis-sistema kurrenti hemm dewmien u nuqqasijiet, b'mod partikolari n-nuqqas ta' informazzjoni dwar il-ħiliet, il-kompetenzi u l-kapaċitajiet tal-awtoritajiet l-oħra, in-numru limitat ta' assi operattivi, in-nuqqas ta' interoperabilità bejn is-sistemi u l-assi, u l-limiti fl-ippjanar u l-operazzjonijiet konġunti.
B'din il-proposta, il-prevenzjoni, l-operazzjonijiet ta' sorveljanza, prevenzjoni u kontroll marittimu se jkunu kkoordinati fil-livell Ewropew biex jittejjeb l-għarfien marittimu u biex jingħata appoġġ koerenti u effikaċi f'termini ta' kosteffikaċja.
Fil-kuntest ta' dan l-objettiv, il-Kummissjoni tissuġġerixxi ż-żieda ta' artikolu dwar il-kooperazzjoni tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta fil-mandat tal-Aġenzija Komunitarja għall-Kontroll tas-Sajd. Test identiku ġie introdott fil-mandati tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima, (Proposta għal Regolament (2015/0313 (COD)) u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta (Artikolu 52 tal-proposta għal Regolament (2015/0310 (COD)). Dan l-aġġustament tal-mandati tat-tliet aġenziji huwa l-istrument legali neċessarju biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji u l-kooperazzjoni mal-awtoritajiet nazzjonali li jwettqu funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta.
Kontenut tal-proposta
L-għan ta' din il-proposta huwa li tippermetti lit-tliet aġenziji Ewropej jittrattaw inter alia d-diżastri fil-baħar biex jikkoordinaw l-attivitajiet offshore tagħhom u jaqsmu informazzjoni rilevanti fir-rigward tal-azzjonijiet tagħhom. L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd, l-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta għandhom ikunu jistgħu jikkooperaw billi jaqsmu l-kapaċità tagħhom għal azzjoni permezz tal-qsim ta' informazzjoni u ta' monitoraġġ għas-servizz tas-sikurezza u s-sigurtà marittima.
L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd għandha tikkontribwixxi fil-kontroll tat-tranżazzjonijiet li jirrigwardaw is-sajd imma attwalment ma tistax taġixxi f'oqsma marittimi oħra. L-għan ta' din il-proposta huwa li tissaħħaħ il-kapaċità ta' rispons għal riskji u theddid marittimu tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari billi tittejjeb il-kooperazzjoni bejn l-aġenziji Ewropej iżda wkoll l-atturi ċivili u militari kollha. Il-kooperazzjoni se tippermetti li tiġi evitata d-duplikazzjoni tal-isforzi billi jiġi żgurat li l-partijiet interessati, inklużi l-aġenziji Ewropej, jaġixxu b'mod koerenti u qawwi sabiex jiġu żviluppati sinerġiji.
Il-proposta tifformalizza b'mod ċar il-ħidmiet li se taffaċċja l-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd:
• skambju ta' informazzjoni u twaqqif ta' skambju ta' sistemi tal-iskambju ta' informazzjoni bejn l-aġenziji;
• provvista ta' monitoraġġ regolari u teknoloġija tal-komunikazzjoni;
• issaħħaħ il-kapaċità fil-livell Ewropew u nazzjonali biex issir sensibilizzazzjoni rigward kwistjonijiet ta' sikurezza u sigurtà marittima, servizzi ta' salvataġġ fuq il-baħar, is-sajd u l-kontroll tal-fruntieri;
• kondiviżjoni ta' kapaċitajiet, b'mod partikolari l-kapaċità tal-assi, bejn is-setturi u l-fruntieri li tippermetti l-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' operazzjonijiet multidimensjonali.
Huwa importanti li wieħed jinnota li din il-proposta tirrifletti l-proġett pilota tal-Parlament Ewropew dwar il-koordinazzjoni tal-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta Ewropej adottata fil-baġit tal-Unjoni Ewropea għas-sena 2016. Dan il-proġett pilota se jagħmilha possibbli li jiġu ttestjati azzjonijiet konkreti ta' operazzjonijiet konġunti tat-tliet aġenziji msemmija hawn fuq.
Pożizzjoni tar-rapporteur
B'din il-proposta, it-tliet aġenziji ser jappoġġaw lill-awtoritajiet nazzjonali u se jkunu jistgħu jaġixxu b'mod konġunt u effiċjenti biex, inter alia, jassumu l-operazzjonijiet ta' kontroll, sigurtà u sorveljanza u billi jingħatalhom it-tagħrif, tagħmir u taħriġ u billi tiġi żgurata l-koordinazzjoni meħtieġa ta' operazzjonijiet multidimensjonali. Din il-kooperazzjoni hija ta' importanza primarja fil-kuntest attwali ta' migrazzjoni. Il-flussi migratorji kbar jesiġu li l-Unjoni Ewropea tipprovdi iktar solidarjetà materjali u umana.
Ir-Rapporteur jilqa' din il-proposta li għandha l-għan li tallinja s-setgħat tal-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd ma' dawk tal-Aġenzija Ewropea għas-Sigurtà Marittima u l-Aġenzija Ewropea għall-Gwardja tal-Fruntiera u tal-Kosta, f'dak li jirrigwarda l-kooperazzjoni tal-funzjonijiet tal-gwardja tal-kosta.
Ir-rapporteur iqis li għalkemm il-mezzi ta' azzjoni huma nazzjonali, il-koordinazzjoni tal-funzjonijiet tal-gwardji tal-kosta trid tkun waħda Ewropea. Ir-raġunijiet kollha msemmijin hawn fuq wasslu sabiex huwa jipproponi l-adozzjoni tal-proposta tal-Kummissjoni bi proċedura simplifikata f'konformità mal-Artikolu 50 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
|
Titolu |
L-Aġenzija Ewropea għall-Kontroll tas-Sajd |
||||
|
Referenzi |
COM(2015)0669 – C8-0406/2015 – 2015/0308(COD) |
||||
|
Data meta ġiet ippreżentata lill-PE |
15.12.2015 |
|
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
PECH 21.1.2016 |
|
|
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
BUDG 21.1.2016 |
LIBE 21.1.2016 |
|
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
BUDG 3.2.2016 |
LIBE 11.4.2016 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Alain Cadec 14.1.2016 |
|
|
|
|
|
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
14.1.2016 |
||||
|
Eżami fil-kumitat |
17.2.2016 |
|
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
22.3.2016 |
|
|
|
|
|
Data tat-tressiq |
29.3.2016 |
||||