RAPPORT dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) tal-Ftehim dwar Kooperazzjoni Strateġika bejn ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil u l-Europol
30.3.2016 - (13980/2015 – C8-0010/2016 – 2016/0801(CNS)) - *
Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Claude Moraes
(Simplified procedure – Rule 50(1) of the Rules of Procedure)
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' deċiżjoni ta' implimentazzjoni tal-Kunsill li tapprova l-konklużjoni mill-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol) tal-Ftehim dwar Kooperazzjoni Strateġika bejn ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil u l-Europol
(13980/2015 – C8-0010/2016 – 2016/0801(CNS))
(Proċedura leġiżlattiva speċjali – konsultazzjoni)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-abbozz tal-Kunsill (13980/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 39(1) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, kif emendat mit-Trattat ta' Amsterdam, u l-Artikolu 9 tal-Protokoll Nru 36 dwar id-dispożizzjonijiet tranżitorji, skont liema artikoli ġie kkonsultat mill-Kunsill (C8-0010/2016),
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/371/ĠAI tas-6 ta' April 2009 li tistabbilixxi l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija (Europol)[1], u b'mod partikolari l-Artikolu 23(2) tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/934/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tadotta r-regoli implimentattivi li jirregolaw ir-relazzjonijiet tal-Europol mal-imsieħba, inkluż l-iskambju ta' data personali u informazzjoni kklassifikata[2], u b'mod partikolari l-Artikoli 5 u 6 tagħha,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2009/935/ĠAI tat-30 ta' Novembru 2009 li tiddetermina l-lista ta' Stati terzi u organizzazzjonijiet li magħhom il-Europol għandu jikkonkludi ftehimiet[3],
– wara li kkunsidra l-Artikoli 59 u 50(1) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern (A8-0070/2016),
1. Japprova l-abbozz tal-Kunsill;
2. Jistieden lill-Kunsill biex jinfurmah jekk ikollu l-ħsieb li jitbiegħed mit-test approvat mill-Parlament;
3. Jitlob lill-Kunsill biex jerġa' jikkonsultah jekk ikollu l-ħsieb li jemenda t-test approvat mill-Parlament b'mod sustanzjali;
4. Jistieden lill-Kummissjoni biex tivvaluta, wara d-dħul fis-seħħ tar-Regolament il-ġdid dwar il-Europol (2013/0091(COD)), id-dispożizzjonijiet li jinsabu fil-ftehim ta' kooperazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni biex tinforma lill-Parlament u lill-Kunsill dwar l-eżitu ta' din il-valutazzjoni u, jekk xieraq, tressaq rakkomandazzjoni għal awtorizzazzjoni biex jingħata bidu għal negozjar mill-ġdid internazzjonali tal-ftehim;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Europol.
NOTA SPJEGATTIVA
Skont l-Artikolu 23(2) tad-Deċiżjoni tal-Kunsill dwar l-Europol attwali (Deċiżjoni 2009/371/ĠAI), huwa kompitu tal-Kunsill li japprova l-konklużjoni ta' ftehimiet ta' kooperazzjoni internazzjonali ma' Stati terzi jew organizzazzjonijiet internazzjonali, wara li jkun ikkonsulta lill-Parlament Ewropew. Tali ftehimiet jistgħu jikkonċernaw l-iskambju ta' informazzjoni operazzjonali, strateġika, teknika jew klassifikata. Ftehim ta' kooperazzjoni operazzjonali jinkludi wkoll l-iskambju ta' data personali.
Din il-proposta tikkonċerna l-approvazzjoni proposta ta' ftehim ta' kooperazzjoni strateġika bejn il-Europol u l-Brażil. Tali ftehim strateġiku jeskludi l-iskambju ta' data personali u, għaldaqstant, il-kwistjoni tal-protezzjoni tad-data mhijiex rilevanti f'dan il-każ. L-informazzjoni skambjata tista' tinkludi għarfien speċjalizzat, rapporti tas-sitwazzjoni ġenerali, riżultati ta' analiżi strateġika, informazzjoni dwar proċeduri ta' investigazzjoni kriminali, informazzjoni dwar metodi ta' prevenzjoni tal-kriminalità, attivitajiet ta' taħriġ, u l-għoti ta' pariri u appoġġ f'investigazzjonijiet kriminali individwali.
Jidher li hemm ħtiġijiet operazzjonali ċari li l-Europol jikkoopera mal-Brażil. Skont il-Europol, il-Brażil qed isir dejjem aktar rilevanti fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata, bħalma huma l-iffaċilitar tal-immigrazzjoni illegali u t-traffikar tal-bnedmin, reati relatati mad-droga u frodi tal-karti ta' kreditu, kif ukoll attivitajiet oħra relatati maċ-ċiberkriminalità. Barra minn hekk, il-Logħob Olimpiku tal-2016 huwa mistenni, kif inhu l-każ fi kwalunkwe avveniment sportiv maġġuri ieħor, li jwassal għal żieda fl-attivitajiet kriminali. Fl-aħħar nett, il-Brażil huwa ta' interess partikolari wkoll fil-qasam tal-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-irkupru tal-assi.
Ir-rapporteur jappoġġa l-konklużjoni ta' dan il-ftehim ta' kooperazzjoni strateġika mal-Brażil, peress li dan jgħin u jsaħħaħ il-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni internazzjonali fl-infurzar tal-liġi.
Ir-rapport isegwi t-test eżatt li ġie adottat fil-plenarja tal-15 ta' Diċembru 2015 rigward il-Ftehim ta' Kooperazzjoni Strateġika bejn il-Europol u l-Emirati Għarab Magħquda.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Ftehim dwar Kooperazzjoni Strateġika bejn ir-Repubblika Federattiva tal-Brażil u l-Europol |
||||
Referenzi |
13980/2015 – C8-0010/2016 – 2016/0801(CNS) |
||||
Data meta ġie kkonsultat il-PE |
18.1.2016 |
|
|
|
|
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
LIBE 21.1.2016 |
|
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFET 21.1.2016 |
|
|
|
|
Opinjoni(jiet) mhux mogħtija Data tad-deċiżjoni |
AFET 1.2.2016 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Claude Moraes 16.2.2016 |
|
|
|
|
Proċedura simplifikata - data tad-deċiżjoni |
2.2.2016 |
||||
Data tal-adozzjoni |
16.3.2016 |
|
|
|
|
Data tat-tressiq |
30.3.2016 |
||||