RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (Tfassil mill-ġdid)
31.3.2016 - (10579/1/2015 – C8-0416/2015 – 2013/0015(COD)) - ***II
Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu
Rapporteur: Izaskun Bilbao Barandica
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tad-direttiva tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (Tfassil mill-ġdid)
(10579/1/2015 – C8-0416/2015 – 2013/0015(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (10579/1/2015 – C8-0416/2015),
– wara li kkunsidra l-opinjonijiet motivati ppreżentati mill-Parlament Litwan u l-Parlament Svediż, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità fejn huwa ddikjarat li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jikkonformax mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013[1],
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tas-7 ta' Ottubru 2013[2],
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[3] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0030),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-Artikolu 76 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (A8-0071/2016),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jieħu nota tad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni;
3. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
4. Jissuġġerixxi li l-att jiġi kkwotat bħala "id-direttiva Bilbao Barandica-Matīss dwar l-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (tfassil mill-ġdid)"[4];
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
6. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri kollha ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att, flimkien mad-dikjarazzjoni tal-Kummissjoni, f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
7. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA
Stqarrija tal-Kummissjoni dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni
Il-Kummissjoni tfakkar li l-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni rrikonoxxew fid-Dikjarazzjoni Politika Konġunta tagħhom tas-27 ta' Ottubru 2011 dwar id-dokumenti ta' spjegazzjoni, li l-informazzjoni li l-Istati Membri jagħtu lill-Kummissjoni rigward it-traspożizzjoni tad-direttivi fil-liġi nazzjonali "għandha tkun ċara u preċiża" sabiex tiffaċilita l-kisba tal-inkarigu tal-Kummissjoni li tissorvelja l-applikazzjoni tal-liġi tal-Unjoni. Fil-każ preżenti, id-dokumenti ta' spjegazzjoni setgħu kienu utli għal dan il-għan. Il-Kummissjoni jiddispjaċiha li t-test finali ma jinkludix dispożizzjonijiet dwar dan.
NOTA SPJEGATTIVA
F'dawn l-aħħar għaxar snin, is-suq ferrovjarju tal-UE kien xhud ta' tibdiliet profondi li ddaħħlu gradwalment permezz ta' tliet 'pakketti ferrovjarji' leġiżlattivi maħsuba sabiex jiftħu s-swieq nazzjonali u jagħmlu l-ferroviji aktar kompetittivi u interoperabbli fil-livell tal-UE, filwaqt li jinżammu livelli għoljin ta' sikurezza.
Madankollu, minkejja l-iżvilupp konsiderevoli tal-'acquis tal-UE' li jistabbilixxi suq intern għas-servizzi tat-trasport ferrovjarju, is-sehem modali ferrovjarju fit-trasport intra-UE għadu wieħed modest. Fil-preżent, is-sehem totali tat-trasport ferrovjarju fis-suq tal-UE jinsab staġnat għal 6 fil-mija u, skont l-Ewrobarometru, 54 fil-mija tal-utenti m'humiex sodisfatti bis-servizzi ferrovjarji.
Din hija r-raġuni għaliex, f'Jannar 2013, il-Kummissjoni ddeċidiet li tressaq ir-Raba' Pakkett Ferrovjarju, bl-għan li jitjiebu l-kwalità u l-effiċjenza tas-servizzi ferrovjarji billi jitneħħew l-ostakoli li fadal fis-suq għall-ħolqien ta' żona ferrovjarja unika Ewropea.
Id-Direttiva dwar l-Interoperabilità hija komponent mir-raba' pakkett ferrovjarju, li tiffoka fuq it-tneħħija tal-ostakoli amministrattivi u tekniċi li għad fadal, b'mod partikolari billi:
• tistabbilixxu approċċ komuni fir-rigward tar-regoli dwar is-sikurezza u l-interoperabilità biex jiżdiedu l-ekonomiji ta' skala għall-intrapriżi ferrovjarji attivi fl-UE kollha;
• tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u taċċelera proċeduri amministrattivi armonizzati; u
• u billi tevita d-diskriminazzjoni moħbija.
Wara l-adozzjoni mill-plenarja tal-pożizzjoni tal-Parlament fl-ewwel qari fis-26 ta' Frar 2014, in-negozjati informali bdew mal-Presidenza Taljana u komplew mal-Presidenza Latvjana. Wara disa' ċikli ta' trilogi mal-Presidenza Latvjana, it-timijiet tan-negozjar tal-Parlament u tal-Kunsill laħqu ftehim dwar il-fajl fis-17 ta' Ġunju 2015.
It-test tal-ftehim tressaq quddiem il-Kumitat TRAN u ġie approvat b'maġġoranza kbira fl- 10 ta' Ottubru 2015. Abbażi tal-approvazzjoni tal-Kumitat, fl-ittra tiegħu lill-President tal-Kumitat tar-Rappreżentanti Permanenti, il-President tal-Kumitat intrabat li jirrakkomanda lill-plenarja biex tapprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari mingħajr emendi. Wara l-verifika ġuridika-lingwistika, il-Kunsill adotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari li tikkonferma l-ftehim fl-10 ta' Diċembru 2015.
Billi l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari hija konformi mal-ftehim milħuq fit-trilogi, ir-Rapporteur jirrakkomanda li din tiġi aċċettata mingħajr iktar emendi.
Ir-riżultat tan-negozjati
Is-sistema stabbilita mid-direttiva l-ġdida se tressaq l-Ewropa eqreb lejn żona ferrovjarja unika Ewropea. Din se tnaqqas l-ispejjeż amministrattivi u se tħaffef il-proċeduri, filwaqt li jinżamm il-livell għoli attwali ta' sikurezza. Fl-istess ħin din ser tgħin biex tiġi evitata kwalunkwe diskriminazzjoni moħbija, b'mod partikolari kontra kumpaniji ġodda li jixtiequ jidħlu f'suq ferrovjarju. Għalhekk, huwa mistenni li din se tgħin biex jiżdiedu l-ekonomiji ta' skala għall-intraprizi u l-manifatturi ferrovjarji fl-UE kollha, filwaqt li ttejjeb il-kompetittività tal-intrapriżi fl-UE.
B'mod partikolari, il-ftehim:
• se jevita li l-intrapriżi jkollhom jagħmlu ħafna applikazzjonijiet. L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea se tawtorizza l-vetturi intiżi għall-operazzjonijiet transfruntiera filwaqt li għal dawk l-operazzjonijiet li jinvolvu biss it-trasport nazzjonali l-applikant se jkun jista' jagħżel jekk tkunx l-Aġenzija jew l-awtorità nazzjonali li tipproċessa l-applikazzjoni tiegħu; Fil-preżent, meta manifattur tal-vetturi ferrovjarji jkun jixtieq iqiegħed vettura ġdida fis-suq f'diversi pajjiżi tal-UE, dan irid jissottometti applikazzjonijiet separati lill-awtoritajiet nazzjonali tal-Istati Membri fejn il-vettura se topera. Ir-regoli l-ġodda se teliminaw il-ħtieġa ta' applikazzjonijiet multipli;
• se joħloq 'punt uniku ta' kuntatt' li se jaġixxi ta' punt uniku ta' dħul għall-applikazzjonijiet kollha. Din is-sistema ta' informazzjoni u ta' komunikazzjoni se tagħmel il-proċeduri aktar faċli u trasparenti. Din se tippermetti kemm lill-Aġenzija kif ukoll lill-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza jsegwu l-istadji differenti tal-applikazzjoni matul il-proċedura. Se tiżgura wkoll il-konsistenza f'każ ta' applikazzjonijiet differenti għal awtorizzazzjonijiet simili;
• se jdaħħal limiti ta' żmien ċari għall-istadji differenti fil-proċeduri;
• se jiżgura li l-proġetti tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju jkunu interoperabbli. Sabiex tikseb dan, l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea se tevalwa s-soluzzjonijiet tekniċi previsti qabel kull sejħa għal offerti li tinħareġ dwar tagħmir maġenb il-binarji tas-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju;
• se jnaqqas b'mod sinifikanti l-għadd ta' regoli nazzjonali f'oqsma fejn qed jiġi introdott regolament armonizzat fil-livell tal-UE.
L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea se twettaq il-kompiti tagħha ta' awtorizzazzjoni fi żmien tliet snin wara d-dħul fis-seħħ ta' din id-direttiva. L-Istati Membri se jkollhom sena addizzjonali biex ikomplu bis-sistema attwali jekk iqisu li dan ikun meħtieġ. F'dak il-każ, huma se jkollhom jinfurmaw lill-Aġenzija u lill-Kummissjoni bid-deċiżjoni tagħhom u jipprovdu ġustifikazzjoni.
L-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali tas-sikurezza ser jikkonkludu wkoll ftehimiet ta' kooperazzjoni. Il-punt uniku ta' kuntatt u l-ftehimiet ta' kooperazzjoni se jiggarantixxu distribuzzjoni ċara tal-kompiti bejn l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea u l-awtoritajiet nazzjonali. Dawn se jiżguraw ukoll il-konsistenza f'każ ta' applikazzjonijiet differenti għal awtorizzazzjonijiet simili; Is-sistema ta' punt uniku ta' kuntatt għandha tkun stabbilita fi żmien tliet snin mid-dħul fis-seħħ tar-Regolament li jistabbilixxi l-Aġenzija Ferrovjarja Ewropea.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
L-interoperabilità tas-sistema ferrovjarja fl-Unjoni Ewropea (Tfassil mill-ġdid) |
||||
Referenzi |
10579/1/2015 – C8-0416/2015 – 2013/0015(COD) |
||||
Data tal-1 qari tal-PE - Numru P |
26.2.2014 T7-0149/2014 |
||||
Proposta tal-Kummissjoni |
COM(2013)0030 - C7-0027/2013 |
||||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari |
4.2.2016 |
||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
TRAN 4.2.2016 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Izaskun Bilbao Barandica 16.7.2014 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
16.2.2016 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
15.3.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
39 2 2 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Lucy Anderson, Inés Ayala Sender, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Karima Delli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Dieter-Lebrecht Koch, Stelios Kouloglou, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Gesine Meissner, Cláudia Monteiro de Aguiar, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Tomasz Piotr Poręba, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Keith Taylor, Pavel Telička, Peter van Dalen, Wim van de Camp, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Francisco Assis, Rosa D’Amato, Karoline Graswander-Hainz, Werner Kuhn, Franck Proust |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Mylène Troszczynski |
||||
Data tat-tressiq |
31.3.2016 |
||||
- [1] ĠU C 327, 12.11.2013, p. 122.
- [2] ĠU C 356, 5.12.2013, p. 92.
- [3] Testi adottati tas-26.2.2014, P7_TA(2014)0149.
- [4] Izaskun Bilbao Barandica u Anrijs Matīss wettqu n-negozjati dwar l-att għall-Parlament u l-Kunsill rispettivament.