Proċedura : 2015/2279(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0074/2016

Testi mressqa :

A8-0074/2016

Dibattiti :

PV 09/05/2016 - 15
CRE 09/05/2016 - 15

Votazzjonijiet :

PV 10/05/2016 - 6.8
CRE 10/05/2016 - 6.8
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0213

RAPPORT     
PDF 725kWORD 226k
4.4.2016
PE 572.940v01-00 A8-0074/2016

dwar il-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni muntanjużi tal-UE

(2015/2279(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

Rapporteur: Iliana Iotova

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni muntanjużi tal-UE

(2015/2279(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra t-Titolu III tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar, b'mod partikolari, l-agrikoltura,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Marittimu u tas-Sajd Ewropew u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn hawn 'il quddiem 'ir-Regolament dwar Dispożizzjonijiet Komuni')(1),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1301/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali u dwar dispożizzjonijiet speċifiċi li jikkonċernaw l-Investiment li għandu fil-mira t-tkabbir ekonomiku u l-impjiegi, u li jirrevoka r-Regolament (KE) Nru 1080/2006(2),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1304/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Soċjali Ewropew u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1081/2006(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(4),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007(6),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar azzjonijiet ta' informazzjoni u ta' promozzjoni rigward prodotti agrikoli implimentati fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008(7),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea(8),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti(9),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 2015/1017 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ġunju 2015 dwar il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi, iċ-Ċentru Ewropew ta' Konsulenza għall-Investimenti u l-Portal Ewropew ta' Proġetti ta' Investiment u li jemenda r-Regolamenti (UE) Nru 1291/2013 u (UE) Nru 1316/2013 – il-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-28 ta' April 2015 dwar 'Strateġija ġdida tal-UE għall-Foresti: għall-foresti u s-settur ibbażat fuq il-foresti'(11),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta' żoni li fihom ma tantx jgħixu nies(12),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati u r-reġjuni l-iktar imbiegħda wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib(13),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar strateġija makro-reġjonali għall-Alpi(14),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (COM(2015)0366) kif ukoll il-pjan ta' azzjoni li jakkumpanjaha,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-21 ta' Jannar 2015 bl-isem 'Strateġija makroreġjonali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Alpi'(15),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-17 ta' Frar 2011 dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-21 ta' Jannar 2010 dwar Strateġija Ewropea għar-reġjun tad-Danubju(17),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-13 ta' April 2011 dwar l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun tad-Danubju,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tad-Danubju (COM(2013)0181),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni bl-isem 'L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju' (COM(2010)0715) u l-pjan ta' azzjoni indikattiv li jakkumpanja l-istrateġija (SEC(2009)0712),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tas-16 ta' Ġunju 2011 dwar 'il-Komunikazzjoni mill-Kummissjoni – L-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju'(18),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tal-31 ta' Marzu 2011 dwar "Strateġija għar-Reġjun tad-Danubju"(19),

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni li jikkonċerna l-valur miżjud tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2013)0468) u l-konklużjonijet relevanti tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra s-Sitt Rapport dwar il-Koeżjoni Ekonomika, Soċjali u Territorjali (COM(2014)0473),

–  wara li kkunsidra l-Konvenzjoni Alpina, inklużi l-Protokolli tal-Konvenzjoni Alpina,

–  wara li kkunsidra l-istudju mfassal mill-Euromontana fit-28 ta' Frar 2013 bl-isem 'Lejn il-Muntanji għall-2020: L-ewwel pass – Nikkapitalizzaw fuq il-ħidma tal-Euromontana biex nispiraw l-ipprogrammar',

–  wara li kkunsidra l-istudju mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tiegħu (Dipartiment Tematiku B: Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni, Żvilupp Reġjonali) ta' Frar 2016 bl-isem 'Riċerka għall-Kumitat REGI – Il-Koeżjoni fir-reġjuni muntanjużi tal-UE',

–  wara li kkunsidra l-proġett Women-Alpnet fil-programm tal-Interreg L-Ispazju tal-Alpi 2001–2006: Netwerk ta' istituzzjonijiet lokali u ċentri ta' riżorsi għan-nisa: Il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tan-nisa għall-iżvilupp sostenibbli tal-Ispazju tal-Alpi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8–0074/2016),

A.  billi r-reġjuni muntanjużi jirrappreżentaw ammont sinifikanti ta' territorju tal-UE (madwar 30 %), u billi l-UE fl-intier tagħha tiddependi fuq is-servizzi tal-ekosistemi tagħhom;

B.  billi m'hemm l-ebda definizzjoni espliċita ta' reġjuni muntanjużi fil-politika reġjonali tal-UE, u billi d-definizzjoni użata fil-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) mhix xierqa għall-politika ta' koeżjoni u, kif inhi, ma tistax tintuża għal ġestjoni effikaċji ta' din il-politika;

C.  billi dawn ir-reġjuni huma strutturalment żvantaġġati minħabba l-kundizzjonijiet estremi u l-bgħid tagħhom, sal-punt li ħafna reġjuni muntanjużi qed jiffaċċjaw depopolazzjoni u tixjiħ tal-popolazzjoni, żewġ elementi li jistgħu jħarrbtu ċ-ċiklu naturali tal-ġenerazzjonijiet u jwasslu għal tnaqqis fl-istandards soċjali u l-kwalità tal-ħajja; billi dan spiss iwassal għal żieda fil-qgħad, esklużjoni soċjali u migrazzjoni urbana;

D.  billi r-reġjuni muntanjużi joffru għadd ta' opportunitajiet biex jintlaħqu l-miri tal-UE – dwar l-impjiegi, il-koeżjoni u l-protezzjoni tal-ambjent – permezz tal-użu sostenibbli tar-riżorsi naturali tagħhom;

E.  billi jeżistu differenzi konsiderevoli bejn ir-reġjuni muntanjużi u, għalhekk, huma meħtieġa l-koordinazzjoni tal-politiki u tas-setturi, kemm bejn reġjuni muntanjużi differenti (orizzontalment), kif ukoll f'reġjuni muntanjużi individwali (vertikalment);

F.  billi l-appoġġ għar-reġjuni muntanjużi minn strumenti differenti tal-UE, bħalma huma l-FAEŻR u l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE), għandu jkun kumplementari, bil-għan li jinħolqu sinerġiji li jagħmluha possibbli li jinkiseb żvilupp aħjar u iktar inklużiv;

G.  billi r-reġjuni muntanjużi għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ekonomiku, soċjali u sostenibbli tal-Istati Membri u jipprovdu diversi servizzi ekosistemiċi; billi l-ugwaljanza bejn is-sessi għandha impatt sinifikanti fuq il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali fl-Ewropa; billi l-kooperazzjoni transkonfinali fir-reġjuni muntanjużi tirrappreżenta mod sostenibbli biex jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku u soċjali ta' dawn ir-reġjuni;

H.  billi, minħabba l-ispeċifiċitajiet tagħhom, speċjalment l-abbundanza u l-varjetà tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u d-dipendenza tagħhom fuq l-effiċjenza tar-riżorsi u tal-enerġija, ir-reġjuni muntanjużi jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' teknoloġiji ġodda u l-innovazzjoni b'mod ġenerali;

I.  billi ż-żoni muntanjużi jagħtu kontribut pożittiv għall-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-preservazzjoni u l-protezzjoni tal-ekosistemi reġjonali u tal-bijodiversità; billi partijiet kbar ta' żoni muntanjużi huma protetti fin-netwerk ekoloġiku Natura 2000 u taħt tipi oħra ta' arranġamenti ta' konservazzjoni tan-natura, fatt li, minn naħa, jillimita l-attività ekonomika, iżda min-naħa l-oħra jgħin ukoll biex jissaħħu forom aktar sostenibbli ta' biedja u biex il-biedja tintrabat iktar mill-qrib ma' attivitajiet ekonomiċi oħra; billi l-attivitajiet agrikoli u l-ġestjoni tal-art fiż-żoni muntanjużi huma ferm importanti għall-istabilità idroġeoloġika ta' dawk iż-żoni;

J.  billi r-reġjuni muntanjużi jiffaċċjaw sfidi serji – fir-rigward tal-iżvilupp soċjali u ekonomiku, it-tibdil fil-klima, it-trasport u l-kwistjonijiet demografiċi – li jridu jiġu indirizzati permezz tal-istabbiliment ta' konnessjonijiet adegwati maż-żoni urbani u tal-pjanura, u billi jiġi garantit aċċess għas-servizzi diġitali;

K.  billi ż-żoni muntanjużi b'ekosistemi konservati, u s-servizzi tagħhom, jistgħu jipprovdu bażi għal bosta attivitajiet ekonomiċi, b'enfasi fuq il-biedja, il-forestrija, it-turiżmu u l-enerġija, filwaqt li jitqiesu l-wirt kulturali u naturali ta' dawn iż-żoni u d-diversifikazzjoni tal-irziezet; billi dawn jistgħu jiġu promossi permezz ta' azzjonijiet koordinati u/jew kooperazzjoni transkonfinali u billi ż-żoni muntanjużi jippreservaw kundizzjonijiet uniċi u l-għerf tradizzjonali u joffru potenzjal kbir għall-bidla lejn sistemi agrikoli ta' kwalità;

L.  billi l-glaċieri huma karatteristiċi tal-muntanji Ewropej u għandhom rwol vitali kemm fl-ekosistemi kif ukoll fis-sistemi tal-ilma tal-muntanji, billi l-irtirar tagħhom f'termini ta' massa u tul sa minn nofs is-seklu 19 laħaq livelli allarmanti, u billi ħafna glaċieri fl-Ewropa diġà sparixxew jew huma fil-periklu li jisparixxu sal-2050;

M.  billi l-ispejjeż żejda marbuta mal-kundizzjonijiet klimatiċi u topografiċi, id-distanza minn ċentri ekonomiċi u l-iżolament huma ta' piż kbir fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali taż-żoni muntanjużi; billi n-nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti, inkluża l-kopertura tal-broadband, u ta' investiment f'żoni muntanjużi jikkontribwixxi għat-twessigħ tad-distakk bejn dawn ir-reġjuni u reġjuni oħra; billi anke l-isforzi biex tinżamm il-produzzjoni ekonomika agrikola fiż-żoni muntanjużi tal-UE jeħtieġ li jissaħħu permezz ta' aċċessibilità u infrastruttura fiżiċi u diġitali, kif ukoll permezz ta' aċċess għal servizzi pubbliċi u servizzi ta' interess ġenerali, bħal pereżempju l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa, it-trasport u s-servizzi postali, għall-abitanti ta' dawn ir-reġjuni;

N.  billi hemm tipi differenti ta' reġjuni muntanjużi fl-Ewropa li huma konnessi minħabba l-fatt li jikkondividu sfidi fundamentali, bħal aċċessibilità batuta, ftit opportunitajiet ta' impjieg, popolazzjoni li qed tixjieħ, nuqqas ta' konnettività, l-impatt tat-tibdil fil-klima u l-intensifikazzjoni tal-attività produttiva umana; billi jridu jittieħdu passi attivi biex jiġu indirizzati dawn l-aspetti;

O.  billi, fil-kuntest tal-volatilità tas-swieq u tal-prezzijiet, iż-żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, iż-żieda fil-kompetizzjoni, it-tmiem tal-kwoti tal-ħalib u l-isfidi ambjentali, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-produzzjoni tal-ikel u r-rwol multifunzjonali tal-agrikoltura sabiex jinżamm il-valur miżjud fiż-żoni muntanjużi, jiġi xprunat l-impjieg sostenibbli u jitħalla aċċess għal sorsi oħra ta' dħul;

P.  billi r-reġjuni muntanjużi li huma parti mill-fruntieri esterni tal-UE jiffaċċjaw diffikultajiet addizzjonali u jintlaqtu aktar mix-xejriet negattivi komuni għar-reġjuni muntanjużi kollha;

Q.  billi fl-Ewropa hemm ringieli ta' muntanji li jestendu f'diversi Stati Membri u wkoll fi stati mhux membri bħall-muntanji tal-Karpazji, li, wara l-aħħar tkabbir tal-UE, saru l-fruntiera tal-Lvant tal-UE u llum huma żona ġeopolitika estremament importanti fejn jiltaqgħu interessi politiċi strateġiċi ta' importanza kbira fir-rigward tal-istabilità tal-Unjoni;

R.  billi ħafna reġjuni muntanjużi m'għandhomx infrastruttura bażika, servizzi pubbliċi u aċċess kontinwu għal servizzi ta' interess ġenerali, speċjalment fiż-żoni ta' attività staġjonali;

S.  billi l-agrikoltura tal-muntanji hija importanti għall-identità u l-kultura tar-reġjuni muntanjużi u tkompli tikkontribwixxi għall-impjiegi u għal setturi speċifiċi tal-ekonomija f'dawk ir-reġjuni, bħalma huma l-agrikoltura tal-muntanji, ir-riżorsi forestali u t-turiżmu, b'kont meħud tal-fatt li d-diversifikazzjoni ulterjuri tal-ekonomiji u l-impjiegi tagħhom hija kontinwa u li dawn għandhom rwol importanti fl-ekonomija ċirkolari;

T.  billi xi wħud mir-reġjuni ultraperiferiċi huma wkoll reġjuni muntanjużi ta' orġini vulkanika (vulkani attivi jew inattivi, iġbla ta' muntanji vulkaniċi jew ktajjen ta' vulkani, u gżejjer vulkaniċi) b'partijiet kemm taħt kif ukoll fuq l-ilma, u billi dawn jiffaċċjaw diffikultajiet ikkawżati mit-topoloġija tat-territorju tagħhom;

U.  billi n-nisa li jgħixu f'reġjuni muntanjużi, speċjalment f'reġjuni żvantaġġati, ta' spiss jiffaċċjaw problemi li jikkonċernaw l-aċċess tagħhom għal livelli ogħla ta' edukazzjoni u opportunitajiet ta' xogħol deċenti;

V.  billi trid tinstab risposta għad-diversi sfidi li jinħolqu mid-depopolazzjoni, l-impatt tat-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' disponibilità tal-art agrikola, l-abbandun tar-raba' u t-tkabbir assoċjat ta' arbuxelli u siġar, u l-ħtieġa li jiġu ppreservati l-mergħat tal-muntanji;

W.  billi t-trobbija tal-annimali (produzzjoni estensiva tal-laħam u tal-ħalib) għandha rwol sinifikanti fiż-żoni muntanjużi ta' ħafna pajjiżi tal-UE; billi l-kundizzjonijiet diffiċli tas-suq u l-iżvantaġġi serji tal-ispejjeż għandhom impatt qawwi fuq l-irziezet żgħar f'dawk ir-reġjuni;

X.  billi l-Artikolu 174(3) tat-TFUE espressament isemmi li għandha tingħata attenzjoni speċifika lir-reġjuni muntanjużi, fost affarijiet oħra; billi hemm għadd ta' politiki, programmi u strateġiji tal-UE li għandhom effett indirett fuq ir-reġjuni muntanjużi;

Approċċ koordinat u kunsiderazzjonijiet ġenerali

1.  Jistieden lill-Kummissjoni tibda l-proċess tal-ħolqien ta' definizzjoni operattiva għar-reġjuni muntanjużi funzjonali fil-kuntest tal-politika ta' koeżjoni, li tikkumplimenta d-definizzjoni ta' żoni muntanjużi kif użata fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali, bil-għan li titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki u l-miżuri kkonċernati; iqis li definizzjoni bħal din għandha tkun wiesgħa u inklużiva, b'kont meħud ta' fatturi differenti bħall-altitudni, l-aċċessibilità u ż-żerżieq tal-art; Jistieden lill-Kummissjoni tipprevedi definizzjoni komprensiva li tkopri wkoll ir-reġjuni vulkaniċi fil-gżejjer u fir-reġjuni ultraperiferiċi, kif ukoll żoni li, filwaqt li mhumiex muntanjużi, huma fil-biċċa l-kbira tagħhom integrati ma' żoni muntanjużi; jirrimarka, f'dan il-kuntest, l-idea riflessa fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP) li ż-żoni mhux muntanjużi jiddaħħlu fl-istrateġija bħala inizjattiva tajba;

2.  Iqis li l-politiki tal-UE għandu jkollhom approċċ speċifiku għar-reġjuni muntanjużi, peress li dawn għandhom żvantaġġi strutturali ċari; dawn ir-reġjuni jeħtieġu appoġġ addizzjonali biex jegħlbu l-isfidi tat-tibdil fil-klima, biex ikunu kapaċi jipprovdu impjiegi tul is-sena kollha, mhux biss impjieg staġjonali, żvilupp ekonomiku, prevenzjoni u ġestjoni tad-diżastri naturali u protezzjoni tal-ambjent, u biex jgħinu biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-enerġija rinnovabbli; iqis, għaldaqstant, li r-reġjuni muntanjużi għandhom jiġu integrati f'kull aspett tal-politiki tal-UE, inkluża l-politika ta' koeżjoni, billi tiddaħħal valutazzjoni tal-impatt territorjali;

3.  Jirrikonoxxi li l-UE m'għandhiex politika speċifika għar-reġjuni muntanjużi, u jirrimarka li dawk il-politiki, il-programmi u l-istrateġiji diġà eżistenti li effettivement għandhom effett indirett fuq tali żoni jipprovdu raġunijiet għal 'Aġenda għar-reġjuni muntanjużi tal-UE', li għandha tirrappreżenta l-bażi għal strateġija tal-UE mmirata lejn l-ilħiq tal-iżvilupp tar-reġjuni muntanjużi u taż-żoni li jiddependu fuqhom għat-terminu twil ta' żmien;

4.  Jitlob lill-Kummissjoni taħdem fuq 'Aġenda għar-Reġjuni Muntanjużi tal-UE', li għandha tkun qafas li jikkontribwixxi għall-politiki transnazzjonali, transkonfinali u interreġjonali; jemmen li din l-aġenda futura għandha tidentifika l-prijoritajiet għall-iżvilupp ta' dawn ir-reġjuni, sabiex il-politiki settorjali jkunu jistgħu jiġu aġġustati b'mod aħjar u sabiex jinħolqu opportunitajiet ta' finanzjament permezz tal-fondi tal-UE, u sabiex ikunu jistgħu jinkisbu politiki sostenibbli għall-inklużjoni għat-terminu twil;

5.  Jistieden lill-Kummissjoni, fil-kuntest ta' dan il-programm, tistabbilixxi programm speċifiku u fid-dettall biex jiġu protetti l-glaċieri Ewropew li huwa mistenni li jisparixxu sal-2050;

6.  Jitlob li jiżdiedu s-sinerġiji permess tal-koordinazzjoni tal-politiki, l-istrateġiji u l-programmi tal-UE li għandhom effett indirett fuq ir-reġjuni muntanjużi, bħal Orizzont 2020, COSME, LIFE, Natura 2000, l-Istrateġija tal-Broadband tal-UE, l-Istrateġija ta' Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-UE, il-Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-UE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-Fondi SIE u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS); jistieden lill-Kummissjoni tqis l-applikazzjoni speċifika u l-funzjonament ta' dawn il-programmi għar-reġjuni muntanjużi;

7.  Jenfasizza l-importanza li jinkisbu sinerġiji bejn il-politiki, l-istrumenti u s-setturi, ħaġa li teħtieġ li jiġi applikat approċċ integrat; jenfasizza l-esperjenza siewja ħafna miksuba fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina, li tirrikonċilja l-interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali;

8.  Jiġbed l-attenzjoni għall-iskarsezza ta' art li tista' tintuża fir-reġjuni muntanjużi, li hija kawża potenzjali ta' kunflitti li jirriżultaw minn interessi diverġenti jew li jikkoinċidu dwar il-klassifikazzjoni u l-użu tal-art; jistieden lill-Istati Membri, għalhekk, jiżviluppaw u japplikaw għodod ta' ppjanar tat-territorju li jiffaċilitaw il-koordinazzjoni u l-parteċipazzjoni pubblika fl-iżvilupp territorjali; iqis li l-Protokoll dwar ippjanar tat-territorju u żvilupp sostenibbli tal-Konvenzjoni Alpina huwa eżempju importanti fuqhiex wieħed għandu jikkapitalizza iktar;

9.  Jistieden lill-parks naturali li jappartjenu għall-Istati Membri li jikkondividu fruntiera ma' Stat ieħor wieħed jew iktar biex ifasslu approċċi konġunti għall-ġestjoni, l-iżvilupp u l-protezzjoni ta' dawk il-parks naturali;

10.  Jinnota li r-riformi reċenti tal-politika agrikola komuni (PAK) u tal-politika reġjonali jippermettu li l-ġestjoni tal-finanzjamenti Ewropej ta' koeżjoni ssir fil-livell reġjonali;

11.  Jitlob li l-awtoritajiet ta' ġestjoni jikkunsidraw li jżidu l-allokazzjonijiet tal-Fondi SIE fil-livell nazzjonali biex jappoġġjaw iż-żoni muntanjużi mhux żviluppati, bl-użu ta' approċċ ta' politika multisettorjali, meta jkun possibbli; jistieden lill-Istati Membri jinkoraġġixxu l-investiment fiż-żoni muntanjużi billi jiffavorixxu l-finanzjament tal-programmi operattivi għal tali żoni;

12.  Jenfasizza li d-dimensjoni territorjali tal-politika ta' koeżjoni għandha tingħata prijorità, permezz ta' inizjattivi mmirati għall-iżvilupp territorjali u appoġġ addizzjonali għall-kooperazzjoni territorjali fil-livell Ewropew;

13.  Jenfasizza li skont ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali l-Istati Membri u r-reġjuni għandhom il-possibilità li joħolqu sottoprogrammi tematiċi li jiffukaw fuq il-ħtiġijiet taż-żoni muntanjużi, li huma eliġibbli għal rati ta' appoġġ ogħla għall-finanzjament pubbliku; jinkoraġġihom jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet; jinnota li sal-lum l-ebda awtorità kompetenti ma għażlet li tagħmel hekk; iqis madankollu li dan ma jfissirx neċessarjament li ebda għajnuna speċifika ma nħasbet għal dawn ir-reġjuni;

14.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jagħmlu użu minn għodda bħalma huma l-istrumenti Investiment Territorjali Integrat (ITI) u Żvilupp Lokali Mmexxi mill-Komunità (CLLD) b'appoġġ għall-iżvilupp taż-żoni muntanjużi, bil-għan li jappoġġjaw il-potenzjal u l-objettivi ta' żvilupp speċifiċi tagħhom; jinkoraġġixxi l-appoġġ għall-gruppi ta' azzjoni lokali (GAL) għall-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità, sabiex jitrawwmu netwerks transnazzjonali u metodi kooperattivi ta' ħidma;

15.  Jenfasizza l-potenzjal u l-importanza tal-iżvilupp eżistenti u dak futur tal-istrateġiji makroreġjonali għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjuni muntanjużi tal-UE b'dimensjoni b'saħħitha ta' kooperazzjoni transkonfinali, meta applikabbli; jitlob li tiġi kkunsidrata l-esperjenza fl-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali oħra tal-UE;

16.  Jilqa' l-inizjattivi attwali mmirati lejn il-Muntanji Karpazji fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju u l-progress li sar fl-Istrateġija makroreġjonali tal-UE għall-Alpi; jinnota li din tal-aħħar hija eżempju tajjeb ta' approċċ integrat għall-iżvilupp territorjali, b'kunsiderazzjoni taż-żoni u r-reġjuni muntanjużi u reġjuni integrati magħhom;

17.  Jemmen li l-istrument tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea joffri opportunità eċċellenti biex jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki u l-għarfien fost ir-reġjuni muntanjużi, li ħafna drabi jkunu lokalizzati fil-fruntieri nazzjonali, u jitlob li jkun hemm dimensjoni speċifika għall-muntanji fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea tal-futur; jilqa' inizjattivi, bħall-'Politiki kontra t-tnaqqis fil-popolazzjoni fiż-żoni muntanjużi' (PADIMA), li huma mmirati lejn l-indirizzar tal-problemi speċifiċi li jiffaċċjaw ir-reġjuni muntanjużi; Jenfasizza l-importanza tal-programmi INTERREG u ta' inizjattivi oħra ta' kooperazzjoni, bħar-Raggruppamenti Ewropej ta' Kooperazzjoni Territorjali (REKT) u Gruppi Ewropej b'Interess Ekonomiku (GEIE), fl-iżvilupp ta' żoni u meded ta' muntanji komuni b'mod konġunt u koordinat fir-reġjuni li fihom żoni muntanjużi transkonfinali;

18.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta komunikazzjoni li jkun fiha 'Aġenda għar-reġjuni muntanjużi tal-UE' u, sussegwentement, white paper dwar l-iżvilupp tar-reġjuni muntanjużi, ibbażati fuq l-aħjar prattiki u bl-involviment tal-awtoritajiet lokali, reġjonali u nazzjonali, u atturi rilevanti oħra, inklużi sħab ekonomiċi u soċjali u rappreżentanti tas-soċjetà ċivili;

19.  Jinsisti li l-Kummissjoni u l-partijiet interessati l-oħra jagħmlu valutazzjoni bir-reqqa u regolari tal-kundizzjoni tar-reġjuni muntanjużi fl-UE, u janalizzaw id-data, bħalma huma r-riżultati tal-implimentazzjoni tal-programmi operattivi tal-politika ta' koeżjoni u l-indikaturi dwar il-bidliet fil-kwalità tal-ħajja u d-demografija, bil-għan li l-fondi u l-implimentazzjoni tal-politika tal-UE jiġu ffokati b'mod korrett;

20.  Jenfasizza l-ħtieġa li wieħed ikun jista' joqgħod fuq data statistika diżaggregata u affidabbli li fuqha jkunu jistgħu jiġu bbażati inizjattivi ta' politika;

21.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni ma' stati Ewropej mhux membri, u ma' gvernijiet reġjonali u lokali, dwar l-implimentazzjoni ta' politika għar-reġjuni muntanjużi;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tħeġġeġ l-użu ta' strumenti finanzjarji fir-reġjuni muntanjużi sabiex jinkisbu riżultati konkreti;

23.  Jilqa' d-dibattitu li għaddej bħalissa dwar is-simplifikazzjoni tal-politika ta' koeżjoni; jittama li qafas eħfef, u d-disponibilità ta' strumenti li jkunu iktar faċli li l-partijiet interessati u l-benefiċjarji jużawhom, jikkontribwixxu għall-iżvilupp tar-reġjuni muntanjużi tal-UE; jitlob li tingħata attenzjoni speċjali għas-simplifikazzjoni u għall-isforzi biex jiġu ffaċilitati l-investimenti fir-reġjuni muntanjużi;

24.  Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi Sena Ewropea tal-Gżejjer u l-Muntanji;

Impjiegi u tkabbir ekonomiku fir-reġjuni muntanjużi

25.  Jinnota li l-intrapriżi żgħar u ta' daqs medju (SMEs) fir-reġjuni muntanjużi jħabbtu wiċċhom ma' diffikultajiet serji minħabba n-nuqqas ta' aċċessibilità, infrastruttura, konnettività u riżorsi umani; Jistieden lill-Kummissjoni tagħti attenzjoni partikolari lill-iżvilupp tal-SMEs fir-reġjuni muntanjużi, b'mod partikolari fiż-żoni milquta minn diżastri naturali u aggravati mill-klima, u konsegwentement iħeġġeġ lill-Istati Membri biex jagħtu prijorità lill-investiment fl-infrastruttura u s-servizzi fiż-żoni muntanjużi; jitlob li jkun hemm sinerġiji bejn il-Fondi SIE u l-programmi u l-inizjattivi ssussidjati l-oħra tal-UE biex jissawwar approċċ ta' politika olisitiku u effikaċi sabiex jiġi massimizzat l-appoġġ għall-SMEs u l-intraprenditorija; jenfasizza li għandhom jiġu żviluppati strateġiji integrati bbażati fuq il-post dwar ir-reġjuni muntanjużi bil-għan li jiġu identifikati opportunitajiet speċifiċi ta' żvilupp u dawn għandhom jinkludu miżuri biex tiżdied il-konnettività tal-SMEs lokali u r-relazzjonijiet u l-koordinazzjoni intra u intersettorjali;

26.  Jenfasizza l-importanza li tiġi żviluppata produzzjoni agrikola multipli b'rabta mal-iżvilupp tat-turiżmu u l-attivitajiet għall-protezzjoni tal-ambjent u li l-katini alimentari fiż-żoni muntanjużi jiġu strutturati, jew f'assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, li żżid is-saħħa tan-negozjar tal-bdiewa, jew permezz tal-ħolqien ta' swieq lokali u ktajjen ta' provvista qosra; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi garantit l-aċċess għal swieq kbar, u li jiddaħħlu miżuri ta' kwalità, promozzjoni u protezzjoni tal-prodotti, li b'hekk itejbu l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli, u li dawn jiddaħħlu fil-prodotti ta' turiżmu ġenerali ta' żona ġeografika partikolari; barra minn hekk, peress li ż-żoni muntanjużi għandhom potenzjal qawwi għall-produzzjoni ta' prodotti tal-ikel ta' kwalità għolja, jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jibdew id-dibattitu dwar l-introduzzjoni ta' tikkettar speċjali għall-prodotti tal-ikel tal-muntanji fil-livell tal-UE;

27.  Jirrikonoxxi, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa għal appoġġ mill-FAEŻR għall-produzzjoni agrikola fiż-żoni muntanjużi u għal sforzi biex jinħoloq valur miżjud permezz tas-sinerġiji ma' fondi u inizjattivi oħra tal-UE, kif ukoll ma' strumenti finanzjarji privati, sabiex jinħoloq impatt pożittiv fir-reġjuni muntanjużi;

28.  Jilqa' l-progress li sar fl-Istrateġija tal-UE għall-Foresti; jappoġġja l-iżvilupp sostenibbli tal-foresti fil-livell tal-Unjoni, speċjalment fir-rigward tal-kontribut tal-foresti għall-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità u għall-ilħiq tal-miri tal-enerġija rinnovabbli; jinnota li d-dimensjoni ekonomika tal-forestrija tista' tiġi enfasizzata fl-istrateġija;

29.  Iqis li l-foresti jistgħu joffru impjiegi u żvilupp ekonomiku għar-reġjuni muntanjużi u li r-riżorsi forestali, għalhekk, għandhom jiġu garantiti tul iż-żmien billi dawn jiġu sfruttati b'mod sostenibbli; Jenfasizza li l-foresti huma ta' importanza vitali għall-ekosistema u li fil-muntanji huma jaqdu rwol importanti fil-prevenzjoni ta' valangi, uqigħ tal-art u għargħar; Jitlob li l-SMEs jiġu appoġġjati, partikolarment dawk stabbiliti fiż-żoni muntanjużi, li huma involuti fis-settur tal-forestrija u li josservaw bis-sħiħ il-prinċipju ta' sostenibilità ambjentali; jenfasizza r-rwol ekonomiku u soċjali partikolari tal-forestrija fiż-żoni muntanjużi u l-importanza tal-investiment għal użu effiċjenti tar-riżorsi tal-forestrija f'dawk ir-reġjuni; ifakkar fir-rwol sinifikanti li jaqdu l-foresti fil-forniment ta' materjal primarju u sekondarju li jintuża fl-industrija farmaċewtika, kożmetika u dik tal-ikel, u b'hekk jikkontribwixxu għall-ħolqien tal-impjiegi; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-politika ta' koeżjoni tiffoka aktar fuq il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

30.  Jitlob li jkun hemm aktar inċentivi biex jiġu preservati l-intrapriżi żgħar tal-ipproċessar u l-irziezet żgħar u ta' daqs medju fiż-żoni muntanjużi, li huma sors importanti ta' impjiegi u jipproduċu prodotti b'karatteristiċi speċifiċi ta' kwalità, iżda li bħala medja jkollhom spejjeż ogħla u inqas qligħ mit-tkabbir intensiv ta' uċuh tar-raba' jew bhejjem tal-irziezet; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi proġetti pilota bil-għan li jiġu rkuprati l-attivitajiet ekonomiċi tradizzjonali, inklużi l-biedja u l-artiġjanat, fiż-żoni muntanjużi li huma suġġetti għad-depopolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu proċeduri amministrattivi simplifikati għall-applikazzjoni għall-fondi u l-amministrazzjoni tagħhom sabiex il-komunitajiet żgħar jingħataw aċċess aħjar għall-finanzjament sabiex jitrawmu l-iżvilupp fit-tul, l-aċċessibiltà tas-swieq u l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi fiż-żoni muntanjużi;

31.  Jistieden lill-benefiċjarji tal-Fondi SIE fir-reġjuni muntanjużi jivvalutaw il-potenzjal u l-ħtieġa li jiġu stabbiliti parks industrijali u teknoloġiċi lokali sostenibbli, u wara studji xierqa ta' fattibilità u analiżi tal-ispejjeż u l-benefiċċji, li jikkunsidraw li jibnu tali parks bl-użu ta' mezzi tal-UE u nazzjonali;

32.  Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, meta applikabbli, biex jissaħħaħ il-potenzjal offrut mir-reġjuni muntanjużi;

33.  Jenfasizza r-rwol importanti li l-intrapriżi soċjali, u mudelli alternattivi ta' negozju bħall-kooperattivi u l-assoċjazzjonijiet mutwi, jista' jkollhom fl-iżvilupp inklużiv u sostenibbli tar-reġjuni muntanjużi, inkluż biex tingħeleb l-esklużjoni ta' gruppi marġinalizzati u jingħelbu l-inugwaljanzi bejn in-nisa u l-irġiel;

34.  Jappoġġja l-użu tal-Fondi SIE għal setturi ekonomiċi li ma jniġġsux u li huma orjentati lejn il-futur, bħat-turiżmu sostenibbli, il-wirt kulturali, il-forestrija sostenibbli, l-iżvilupp tal-internet b'veloċità għolja, l-artiġjanat, u l-enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-importanza li jiġu żviluppati mudelli ta' turiżmu ġodda u innovattivi u li jiġu promossi l-mudelli eżistenti li rnexxew;

Id-dimensjoni soċjoekonomika tar-reġjuni muntanjużi

35.  Jinnota li l-appoġġ tal-bidla lejn ekonomija baxxa fil-karbonju, reżistenti għat-tibdil fil-klima, li tagħmel użu effiċjenti mir-riżorsi u li tkun ambjentalment sostenibbli jista' jiġi enfasizzat fil-politika ta' koeżjoni;

36.  Iqis li ż-żieda fil-kwalifiki tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-ekonomija ekoloġika għandhom jagħmlu parti mill-prijoritajiet ta' investiment tal-Fondi SIE u jenfasizza li l-politiki tal-UE għandhom jappoġġjaw taħriġ f'oqsma bħalma huma l-agrikoltura tal-muntanji, it-turiżmu sostenibbli, il-forestrija sostenibbli u t-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli;

37.  Jilqa' inizjattivi li jattiraw liż-żgħażagħ lejn is-settur agrikolu, u jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa programmi simili għaż-żoni muntanjużi; iħeġġeġ li jittieħdu miżuri biex l-intraprendituri żgħażagħ jitħeġġu jiftħu f'oqsma relatati mal-wirt kulturali u mhux limitati għall-attività staġjonali biss; jenfasizza r-rwol tal-istituti xjentifiċi u istituzzjonijiet edukattivi oħra li jittrattaw l-agrikoltura tal-muntanji; jinkoraġġixxi l-parteċipazzjoni minn bdiewa żgħażagħ fi skemi ta' skambju u pjattaformi tat-tagħlim online;

38.  Jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni għan-nisa u l-bniet u taż-żieda fl-inklużjoni tan-nisa f'oqsma bħax-xjenza, it-teknoloġija, l-inġinerija, il-matematika u l-intraprenditorija, inkluż fis-setturi tal-ekonomija ekoloġika; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex il-bdiewa nisa jiġu appoġġjati u inkoraġġuti u lin-nisa li jkunu attivi bħala persuni li jaħdmu għal rashom fil-kummerċjalizzazzjoni diretta, it-turiżmu, is-snajja' u l-proġetti; Jenfasizza l-importanza tal-preżenza attiva u r-rwol tan-nisa fiż-żoni muntanjużi, b'mod partikolari fit-trawwim tal-proċessi ta' innovazzjoni u kooperazzjoni u sabiex jinżamm il-funzjonament tajjeb ta' dawn iż-żoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, għalhekk, jużaw ir-riżorsi u l-proċeduri eżistenti għall-inizjattivi ta' mikrofinanzjament u ta' mikrokreditu għan-nisa, u għal opportunitajiet ta' karriera għan-nisa, taħt il-Fond Soċjali Ewropew u proġetti transnazzjonali;

39.  Jenfasizza li l-importanza taż-żoni muntanjużi u ta' miżuri effikaċi fl-UE ġiet integrata fl-aktar riforma reċenti tal-PAK; jemmen li l-PAK għandu jkollha l-għan li tikkumpensa għall-iżvantaġġi ekonomiċi u naturali li jiffaċċjaw il-bdiewa iżda għandha wkoll tagħtihom il-mezzi biex jikkapitalizzaw fuq l-assi tagħhom;

40.  Jenfasizza l-importanza tal-għajnuna tal-ewwel pilastru tal-PAK fiż-żamma tal-produzzjoni agrikola u tal-introjtu għall-bdiewa fiż-żoni muntanjużi; ifakkar li l-Istati Membri għandhom il-possibilità li jistabbilixxu għajnuniet speċifiċi u ħlasijiet akkoppjati biex jassistu fil-kisba ta' dawn l-objettivi; ifakkar li f'bosta Stati Membri, xi għajnuna diżakkoppjata taħt l-ewwel pilastru hija ferm inqas ġeneruża minn f'żoni primarji ta' kultivazzjoni, minħabba nuqqas ta' konverġenza interna, u dan ikompli jillimita l-kompetittività tal-irziezet;

41.  Iqis li l-miżuri taħt it-tieni pilastru tal-PAK għandhom jiżguraw is-sostenibilità, il-kompetittività u d-diversifikazzjoni tal-industriji ta' produzzjoni agrikola u tal-ipproċessar agrikolu fiż-żoni muntanjużi; iqis ukoll li tali miżuri jistgħu jikkontribwixxu għal 'rinaxximent rurali' billi jappoġġjaw l-introduzzjoni ta' proġetti ta' żvilupp tal-biedja multifunzjonali li jiġġeneraw valur miżjud u innovazzjoni u billi jiffavorixxu investimenti agrikoli (f'bini, tagħmir speċifiku, modernizzazzjoni, eċċ.) u l-preservazzjoni ta' razez indiġeni;

42.  Iqis li approċċ settorjali għas-settur tal-prodotti tal-ħalib għandu jkollu l-għan li jiżgura l-produzzjoni sostenibbli tal-ħalib fiż-żoni muntanjużi, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jipprovdu, partikolarment permezz tat-tieni pilastru tal-PAK, miżuri kompensatorji ta' akkumpanjament għar-reġjuni żvantaġġati li jipproduċu l-ħalib, bil-għan li jżommu u jsaħħu l-biedja u l-funzjonament effettiv tal-irziezet, b'mod partikolari l-irziezet żgħar, f'dawk ir-reġjuni;

43.  Jenfasizza l-potenzjal tal-edukazzjoni doppja fir-reġjuni muntanjużi; jenfasizza r-riżultati inkoraġġanti miksuba minn xi Stati Membri; jilqa' l-proġetti eżistenti ta' edukazzjoni doppja fl-Unjoni kollha;

44.  Iqis li infrastrutturi fiżiċi u diġitali xierqa joħolqu opportunitajiet għal attivitajiet ekonomiċi, edukattivi, soċjali u kulturali u jnaqqsu l-effetti tal-periferiċità u l-iżolament; Jistieden lill-Kummissjoni toħroġ b'rakkomandazzjonijiet speċifiċi biex jingħeleb in-nuqqas ta' ħaddiema tas-sengħa fl-industrija tat-turiżmu, li speċifikament jindirizzaw l-isfidi tal-impjiegi u remunerazzjoni mhux attraenti biżżejjed, kif ukoll biex jistimulaw il-possibilitajiet ta' żvilupp fil-karriera professjonali; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw investimenti permezz tal-Fondi SIE fl-infrastruttura fiż-żoni muntanjużi bil-għan li jagħmluhom aktar attraenti għall-attivitajiet ekonomiċi;

45.  Jappoġġja soluzzjonijiet innovattivi, inklużi dawk ibbażati fuq l-IT, għal aċċess għal edukazzjoni ta' kwalità, kif ukoll għall-edukazzjoni formali u informali u opportunitajiet ta' tagħlim tul il-ħajja, fiż-żoni muntanjużi remoti, pereżempju permezz ta' kooperazzjoni fost ir-reġjuni muntanjużi, il-bliet u l-universitajiet; jenfasizza l-ħtieġa għal edukazzjoni terzjarja ta' kwalità għolja, u jiġbed l-attenzjoni lejn il-potenzjal ta' sistemi ta' tagħlim mill-bogħod li joffru aċċess għal tagħlim minn żoni remoti; jenfasizza l-fatt, bil-għan li jingħelbu x-xejriet demografiċi negattivi f'dawn ir-reġjuni, li kemm l-aċċess ugwali għall-edukazzjoni u l-faċilitajiet ta' kura tat-tfal, kif ukoll aktar taħriġ u kwalifikazzjoni mill-ġdid għall-persuni akbar fl-età biex tiġi ffaċilitata l-integrazzjoni attiva fis-suq tax-xogħol, huma kwistjonijiet importanti li għandhom jiġu indirizzati;

46.  Jitlob li jiġu żviluppati u jitjiebu l-faċilitajiet u s-servizzi tal-kura tas-saħħa fir-reġjuni muntanjużi, fost l-oħrjan permezz ta' inizjattivi ta' kooperazzjoni transkonfinali, inkluż l-iżvilupp ta' stabbilimenti transkonfinali ta' kura tas-saħħa, fejn meħtieġ; huwa favur l-iżvilupp tal-volontarjat għall-forniment ta' servizzi pubbliċi, b'kont meħud tal-aħjar prattiki f'ċerti Stati Membri;

47.  Ifakkar li l-prinċipju tal-aċċess universali għas-servizzi pubbliċi għandu jkun garantit fit-territorji kollha tal-UE filwaqt li jenfasizza li l-Istati Membri u r-reġjuni jinkoraġġixxu soluzzjonijiet alternattivi u innovattivi għaż-żoni muntanjużi, inklużi soluzzjonijiet imfassla apposta u adattati għall-bżonnijiet lokali u reġjonali, jekk ikun hemm bżonn;

48.  Jenfasizza l-importanza tal-Inizjattiva favur l-Impjieg taż-Żgħażagħ u ta' implimentazzjoni iktar effikaċi tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ bħala opportunità tajba biex jitwaqqaf it-tluq taż-żgħażagħ mir-reġjuni muntanjużi b'reazzjoni għall-kriżi demografika u l-problema ta' popolazzjoni li qed tixjieħ; jitlob li jkun hemm inizjattivi favur l-impjieg taż-żgħażagħ li jkunu orjentati b'mod speċifiku biex jissodisfaw il-ħtiġijiet tar-reġjuni muntanjużi sottożviluppati;

49.  Jenfasizza l-fatt li fir-reġjuni muntanjużi għad hemm inugwaljanzi bejn is-sessi, partikolarment fil-każ ta' komunitajiet marġinalizzati u gruppi vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni tadotta azzjonijiet ta' integrazzjoni tal-perspettiva tal-ġeneri fil-livelli orizzontali u vertikali għall-oqsma ta' politika kollha u, speċjalment, biex tiffinanzja l-politika ta' konnettività f'dawn ir-reġjuni; jitlob li ssir analiżi komparattiva tal-partikolaritajiet tal-kundizzjoni tan-nisa fir-reġjuni muntanjużi, b'mod partikolari fiż-żoni muntanjużi żvantaġġati;

50.  Jinkoraġġixxi u jitlob li jingħata appoġġ, anke permezz tal-użu tal-Fondi SIE, għal inizjattivi biex jitjiebu l-inklużjoni fil-komunitajiet muntanjużi kif ukoll il-koeżjoni soċjali u kulturali tagħhom, u biex jingħelbu l-iżolament fiżiku u n-nuqqas ta' diversità kulturali, b'mod partikolari permezz tal-aċċess għall-arti u l-ħajja kulturali u l-parteċipazzjoni diretta fihom;

51.  Jenfasizza l-importanza ta' inizjattivi territorjali integrati, bil-ħsieb li jiġu integrati l-migranti, b'konnessjoni ma' proċessi relatati mat-tiġdid u l-irkupru demografiċi u soċjoekonomiċi fiż-żoni muntanjużi, inklużi dawk li qed iġarrbu depopolazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni tiffaċilita u tippromwovi t-tixrid ta' tali inizjattivi;

Il-protezzjoni ambjentali u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima fir-reġjuni muntanjużi

52.  Ifakkar fir-rikkezza, fl-ammont u fil-varjetà, tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli fiż-żoni muntanjużi; jemmen li dawn iż-żoni għandhom ikunu fuq quddiem biex jintlaħqu l-miri tal-UE għall-enerġija rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni tiffoka fuq politiki li jinkoraġġixxu u jiffaċilitaw l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fir-reġjuni muntanjużi;

53.  Jenfasizza l-ħtieġa li fil-livell Ewropew jiġu protetti l-ispeċijiet emblematiċi li jinsabu fiż-żoni għoljin tal-muntanji u li huma kapaċi jgħixu fuq meded ta' muntanji transkonfinali, bħall-kamoxxi, il-mogħoż tal-barr, it-tajr kbir tal-priża, l-orsijiet, l-ilpup u l-linċijiet; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu pjan għall-protezzjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid ta' speċijiet emblematiċi fiż-żoni għoljin tal-muntanji; jikkundanna l-qtil indiskriminat u fuq skala kbira ta' dawn l-ispeċijiet f'xi Stati Membri, li jsir mill-Istat meta tinxtered marda fost ċerti gruppi ta' annimali selvaġġi, jew minn bdiewa fir-rigward ta' ċerti speċi li jopponu l-preżenza jew l-introduzzjoni mill-ġdid tagħhom;

54.  Jenfasizza wkoll il-potenzjal tar-reġjuni muntanjużi vulkaniċi u tal-vulkani, speċjalment fir-rigward tal-kontribut tal-volkanoloġija, biex jintlaħqu l-miri tal-enerġija rinovabbli, u l-kontribut ta' dawn iż-żoni għall-prevenzjoni u l-ġestjoni tad-diżastri naturali, bħall-iżbroffi vulkaniċi;

55.  Jistieden lill-Istati Membri u lill-Kummissjoni jidentifikaw il-postijiet ta' rikreazzjoni fil-muntanji għoljin kollha fejn projbizzjoni li jidħlu karozzi jkollha impatt pożittiv fuq il-ġlieda lokali kontra t-tidwib tal-glaċieri;

56.  Jinsisti li l-ilħiq tal-miri tal-UE għall-enerġija rinnovabbli u l-isfruttar tal-enerġija rinnovabbli jridu jikkunsidraw il-bilanċ tal-protezzjoni tan-natura u tal-ambjent, anke fiż-żoni muntanjużi; ifakkar li, f'xi każijiet, l-idroenerġija u l-estrazzjoni tal-bijomassa jistgħu jaffettwaw l-ekosistemi, u li l-impjanti tal-enerġija mir-riħ u mix-xemx jistgħu jagħmlu ħsara lill-pajsaġġ, filwaqt li jkunu sors ta' żvilupp lokali;

57.  Jinnota li r-reġjuni muntanjużi, inklużi dawk vulkaniċi u l-ekosistemi tagħhom, huma partikolarment vulnerabbli għat-tibdil fil-klima u r-riskji idroġeoloġiċi, b'konsegwenzi partikolarment importanti f'tali reġjuni, anke bħala riżultat ta' għadd dejjem jikber ta' perikli naturali, li jista' jkollhom impatt ambjentali fuq l-inħawi tal-madwar ukoll u riperkussjonijiet negattivi fuq l-iżvilupp ekonomiku u t-turiżmu; jemmen, f'dan ir-rigward, li l-protezzjoni tal-ambjent, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima u t-teħid ta' miżuri xierqa ta' aġġustament għat-tibdil fil-klima għandhom ikunu fil-qalba ta' 'Aġenda għar-reġjuni muntanjużi tal-UE' futura, li għandha tinkludi pjan ta' azzjoni dwar it-tibdil fil-klima; jenfasizza wkoll il-ħtieġa li jiġi żviluppat netwerk ta' analiżi u skambju ta' prattika tajba f'dawn l-oqsma;

58.  Jenfasizza l-importanza li jiġi preservat u protett il-ħabitat uniku tar-reġjuni muntanjużi u li dan jiġi żviluppat b'mod sostenibbli, inkluż billi jiġu restawrati l-bijodiversità u l-ħamrija, jiġu promossi l-wirt naturali u s-servizzi tal-ekosistemi, u tiġi provduta infrastruttura ekoloġika, u b'hekk jiġu wkoll offruti opportunitajiet ta' impjieg f'dawk is-setturi; ifakkar fl-importanza ewlenija tal-biedja u tal-ġestjoni sostenibbli tal-art u tal-foresti fiż-żoni muntanjużi bil-għan li tkun ippreservata l-bijodiversità u jitħares kontra l-impatti fuq l-ambjent u fuq il-pajsaġġ;

59.  Jenfasizza li r-reġjuni muntanjużi huma sors importanti ta' riżorsi tal-ilma li għandhom jiġu protetti u ġestiti b'mod sostenibbli; jinnota d-dipendenza ta' ċerti żoni urbani fuq is-servizzi tal-ekosistema mir-reġjuni muntanjużi, u li dawn ir-reġjuni ħafna drabi ma jirċevux ritorn ġust; jistieden lill-awtoritajiet lokali jikkunsidraw sħubijiet fil-forma ta' proġetti ta' kooperazzjoni li jiġbru u jipproteġu l-provvisti tal-ilma tal-komunitajiet urbani fil-viċinanzi taż-żoni muntanjużi; jappoġġja l-finanzjament tal-miżuri ta' ħżin tal-ilma sabiex ikun żgurat li ż-żoni agrikoli jissaqqew b'mod sostenibbli u effiċjenti u li jkun hemm livell minimu ta' fluss ta' xmajjar;

60.  Jappoġġja l-iżvilupp tat-turiżmu sostenibbli bħala opportunità pożittiva biex jiġu provduti impjiegi u jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli ta' dawn iż-żoni; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żviluppat l-internet bil-broadband bħala bażi għat-turiżmu sostenibbli;

61.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni sinerġistika attiva bejn l-agrikoltura u attivitajiet ekonomiċi oħra f'siti tan-Natura 2000 u f'żoni oħra protetti (parks nazzjonali, parks naturali, eċċ) li jinsabu fir-reġjuni muntanjużi;

Aċċessibilità u konnettività fir-reġjuni muntanjużi

62.  Iqis li l-internet u, b'mod speċifiku, it-teknoloġiji ta' aċċess tal-ġenerazzjoni li jmiss (next-generation access – NGA) għandhom rwol kruċjali biex jingħelbu d-diffikultajiet li jħabbtu wiċċhom magħhom ir-reġjuni muntanjużi; ifakkar li l-internet huwa marbut ma' servizzi ta' interess ġenerali (SIĠ) u li n-nuqqas ta' aċċess għal servizzi bħal dawn jista' jwassal għad-depopolazzjoni;

63.  Jistieden lill-Istati Membri joħolqu inċentivi għal żvilupp aktar attiv ta' sħubijiet pubbliċi-privati fir-reġjuni muntanjużi, fit-trasport, u fl-infrastruttura tal-komunikazzjoni u tal-enerġija, peress li n-nuqqas ta' ekonomiji ta' skala jirrendu l-forniment ta' dawn is-servizzi kummerċjalment inattraenti; jenfasizza li huwa biss permezz ta' trasport aħjar u infrastruttura oħra ta' kwalità suffiċjenti li jista' jinħoloq tkabbir ekonomiku u impjiegi ġodda fiż-żoni muntanjużi;

64.  Jinnota li t-turiżmu huwa influwenzat ħafna mill-preżenza ta' infrastruttura u aċċess għas-servizzi ta' interess ġenerali; jitlob lill-Kummissjoni tikkunsidra possibilitajiet għall-ħolqien ta' infrastruttura b'appoġġ għat-turiżmu fir-reġjuni muntanjużi;

65.  Jinnota li t-teknoloġiji ġodda tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni joffru firxa wiesgħa ta' opportunitajiet għall-impjieg, l-inklużjoni soċjali u l-emanċipazzjoni fl-ekonomija diġitali emerġenti; iqis, għalhekk, li appoġġ speċifiku mill-Fondi ESI huwa meħtieġ għall-promozzjoni ta' tali opportunitajiet; Jistieden lill-Istati Membri jippromovu t-teleworking, il-kummerċ elettroniku u l-użu ta' mezzi ta' kummerċjalizzazzjoni diġitali f'dawn l-oqsma sabiex titjieb il-ġestjoni tal-ispejjeż tal-kumpaniji; iqis li aċċess aktar faċli għat-teknoloġiji ġodda ta' informazzjoni jista' jwassal għall-iżvilupp ta' programmi ta' edukazzjoni mill-bogħod fiż-żoni b'nuqqas ta' għalliema, kif ukoll servizzi eletttroniċi tas-saħħa, u dan jista' jgħin biex tiġi evitata d-depopolazzjoni fiż-żoni muntanjużi; jitlob li jiġu proposti u kondiviżi eżempji ta' prattika tajba, u b'hekk jingħata kontribut għad-diversifikazzjoni ekonomika tar-reġjuni muntanjużi;

66.  Jilqa' l-iskema ta' kupuni satellitari tal-UE, li permezz tagħha l-konnessjonijiet bis-satellita jipprovdu alternattiva siewja għaż-żoni b'infrastruttura insuffiċjenti jew fejn hemm nuqqas ta' interess mill-investituri;

67.  Jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra, meta tkun qed tiżviluppa politiki għall-aċċess bil-broadband, in-nuqqas ta' infrastruttura u interess min-naħa tal-investituri minħabba d-densità baxxa tal-popolazzjoni u l-bgħid tar-reġjuni muntanjużi; Jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa politiki speċifiċi biex tingħeleb il-qasma diġitali f'dawn ir-reġjuni, anke permezz tal-investimenti pubbliċi neċessarji;

68.  Ifakkar li l-iżvilupp soċjali u ekonomiku tar- reġjuni muntanjużi, li f'xi Stati Membri huma wkoll reġjuni mbiegħda, jiddependi mill-konnessjonijiet ta' trasport bejniethom u r-reġjuni l-oħra fi Stat Membru partikolari jew f'reġjuni transkonfinali; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, biex jiffaċilitaw l-implimentazzjoni ta' proġetti għall-konnettività fit-trasport fir-reġjuni muntanjużi mat-toroq u r-rotot tat-trasport prinċipali nazzjonali u trans-Ewropej, b'mod speċjali l-infrastruttura tat-trasport TEN-T, bl-użu tal-fondi u l-istrumenti finanzjarji differenti tal-UE, inklużi l-investimenti tal-BEI;

69.  Jistieden lir-reġjuni muntanjużi tal-Ewropa biex permezz tal-FEŻR jinvestu fl-iżvilupp ta' netwerks ferrovjarji u tat-tramm iktar effiċjenti u interkonnessi aħjar;

°

°  °

70.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Kumitat tar-Reġjuni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

Ir-reġjuni muntanjużi fl-UE rarament ikunu fil-qalba tal-politika ta' koeżjoni. Id-dimensjoni territorjali hija s-suġġett ta' dibattitu, madankollu l-muntanji nfushom ta' spiss jitwarrbu u l-għoti ta' attenzjoni lill-muntanji u l-isfidi assoċjati magħhom jaqa' fuq l-Istati Membri nfushom. Madankollu, il-fondi tal-UE spiss jiffokaw fuq il-kisba ta' riżultati speċifiċi. Id-diffikultà ta' investiment fil-muntanji kkawżata minn nuqqas ta' infrastruttura u l-ispejjeż addizzjonali minħabba l-bgħid, twassal għal nuqqas ta' attenzjoni lejn ir-reġjuni muntanjużi.

Dan ir-rapport jiffoka fuq kif il-muntanji tal-UE jistgħu jikkontribwixxu għall-miri tagħha, bħall-Ewropa 2020. Ir-riżorsi u l-assi naturali għonja taż-żoni muntanjużi jistgħu jipprovdu impjiegi biex tittejjeb is-sitwazzjoni tal-impjieg fl-UE, speċjalment l-impjiegi ekoloġiċi li jikkontribwixxu għall-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima. Il-varjetà għanja u l-abbundanza tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli jistgħu jikkontribwixxu għall-miri tal-UE għall-enerġija rinnovabbli. Fl-istess ħin, il-faqar u l-esklużjoni soċjali fir-reġjuni muntanjużi inqas żviluppati tal-UE jistgħu jitnaqqsu bl-għajnuna tal-fondi tal-UE. L-iżvilupp ta' ħafna mill-assi tar-reġjuni muntanjużi jista' jwassal ukoll għal iktar koeżjoni soċjali, ekonomika u territorjali billi jipprovdi żvilupp ekonomiku sostenibbli għall-muntanji. Bħala ċentri ta' tkabbir ekoloġiku, il-muntanji infushom jistgħu jkunu forza mexxejja fit-tkabbir sostenibbli fl-UE.

Definizzjoni ta' reġjuni muntanjużi

Teżisti definizzjoni ta' muntanji fil-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali(20). Din id-definizzjoni hija speċjalizzata għall-agrikoltura peress li tqis staġun iqsar ta' tkabbir u l-inabilità li jintużaw magni minħabba ż-żerżieq tal-art.

Għal approċċ olistiku Ewropew fir-rigward tal-muntanji jeħtieġ ukoll li jkun hemm definizzjoni ta' politika reġjonali. Dan ir-rapport iqajjem il-punt li teħtieġ li titqies il-konnessjoni kruċjali tar-reġjuni muntanjużi maż-żoni ta' madwarhom u dawk urbani. L-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi tipprovdi eżempju tajjeb tal-inklużjoni ta' dawn iż-żoni fi strateġija għal reġjun muntanjuż – din tinkludi iktar minn 70 miljun persuna(21), li ħafna minnhom ma jgħixux fil-muntanji. Dan l-approċċ għall-iżvilupp sostenibbli tal-muntanji għandu jiġi trasferit għall-politika ta' koeżjoni.

Sejħa għal 'Aġenda għar-reġjuni muntanjużi tal-UE'

Minbarra l-istabbiliment ta' definizzjoni, hemm bżonn proposta konkreta għal politika muntanjużi. Din il-kwistjoni titqajjem fir-rapport fil-forma ta' sejħa għal Aġenda għar-reġjuni muntanjużi tal-UE.

Ir-raġunijiet għal din l-aġenda huma d-diversi politiki li huma relatati mar-reġjuni muntanjużi b'mod indirett – Orizzont 2020, COSME, LIFE, Natura 2000, l-Istrateġija tal-Broadband tal-UE, l-Istrateġija ta' Adattament għat-Tibdil fil-Klima tal-UE, il-Programm ta' Azzjoni Ambjentali tal-UE, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (Fondi SIE) u l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (FEIS). Dawn il-politiki huma relatati mar-reġjuni muntanjużi u għandhom effett fuqhom, iżda m'hemm ebda approċċ ta' politika ċar u waħdieni fir-rigward tal-muntanji. Għalhekk, aġenda tirrappreżenta qafas li jipprovdi enfasi addizzjonali fil-politika ta' koeżjoni. Din isservi wkoll l-iskop siewi li tistabbilixxi l-pedamenti għal enfasi territorjali għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss. Eventwalment, din l-aġenda tista' wkoll isservi bħala l-qalba ta' strateġija aktar komprensiva għall-iżvilupp tar-reġjuni muntanjużi.

Koordinazzjoni tal-politiki tal-UE għar-reġjuni muntanjużi

Approċċ koordinat huwa kruċjali, fi kwalunkwe forma li jista' jkollu, biex ikun żgurat li l-għoti ta' fondi mill-UE jkollu orjentazzjoni strateġika xierqa lejn il-ksib ta' tkabbir sostenibbli u inklużiv. Dan ir-rapport jitlob kemm li tinħoloq aġenda għar-reġjuni muntanjużi tal-UE kif ukoll li d-dimensjoni tal-muntanji tiġi kkunsidrata fil-programmi u l-politiki futuri tal-UE, speċjalment fil-FSIE. Il-perjodu ta' programmazzjoni attwali tal-politika ta' koeżjoni għadu fil-bidu nett tiegħu, iżda l-ewwel passi favur ir-reġjuni muntanjużi fil-politika ta' koeżjoni jridu jittieħdu issa. Din hija r-raġuni għaliex ir-rapport jitlob żieda fl-allokazzjonijiet tal-Fondi SIE għar-reġjuni muntanjużi sottożviluppati, li tista' tiġi kkunsidrata fil-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss. It-terminu 'sottożviluppat' qed jiddaħħal minħabba l-eżistenza ta' muntanji żviluppati sew u muntanji żviluppati inqas fl-istess Stat Membru, billi dawk sottożviluppati huma dawk li jeħtieġu l-appoġġ tal-fondi tal-UE biex jegħlbu l-isfidi speċifiċi tagħhom u jiksbu tkabbir ekonomiku sostenibbli u, sussegwentement, il-koeżjoni. Ir-rapport jitlob ukoll li jkun hemm dimensjoni tal-muntanji iktar speċifika fil-kuntest tal-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea, ħaġa li tagħti spinta tajba lill-politika dwar il-muntanji fl-UE billi tespandi l-pjattaforma għall-aħjar prattiki f'dawn ir-reġjuni.

Il-pilastri tat-tkabbir sostenibbli

Ir-rapport jiddeskrivi l-aspetti li aġenda u politika speċifika dwar il-muntanji jistgħu jikkunsidraw. Hu jiffoka fuq it-tliet tipi ta' tkabbir li l-UE timmira li tikseb – tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv. Dawn it-tipi ta' tkabbir huma interkonnessi fir-reġjuni muntanjużi, peress li lkoll jeħtieġu kunsiderazzjoni għall-preservazzjoni tal-ambjent u approċċ biex jingħelbu l-isfidi komuni li jeżistu fir-reġjuni muntanjużi, speċjalment fir-rigward tal-konnettività u l-aċċessibilità. Din hija r-raġuni għaliex ir-rapport jitlob li jiġi appoġġjat l-użu ta' sorsi ta' enerġija rinovabbli fil-muntanji, iżda unikament b'kunsiderazzjoni tal-impatt ekoloġiku li dan jista' jkollu. Ir-rapport jitlob ukoll appoġġ biex tingħeleb il-qasma diġitali, li jkun pass sinifikanti 'l quddiem lejn l-għajnuna biex titwaqqaf id-depopolazzjoni ta' xi reġjuni muntanjużi. Iż-żoni muntanjużi huma diġà post mixtieq għall-għajxien(22) u, b'aktar appoġġ mill-UE fil-konnettività u l-aċċessibilità, dawn isiru postijiet aktar attraenti biex tgħix fihom u biex jiġu stabbiliti intrapriżi ta' daqs żgħir u medju.

24.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar il-politika ta' koeżjoni fir-reġjuni muntanjużi tal-UE

(2015/2279(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Michel Dantin

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

–  wara li kkunsidra t-Titolu III tat-Tielet Parti tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea dwar, b'mod partikolari l-agrikoltura(23),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1307/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi regoli għal pagamenti diretti lill-bdiewa taħt skemi ta' appoġġ fil-qafas tal-politika agrikola komuni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 637/2008 u r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2009(24) (25),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005(26) (27),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1308/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi organizzazzjoni komuni tas-swieq fi prodotti agrikoli u li jħassar ir-Regolamenti tal-Kunsill (KEE) Nru 922/72, (KEE) Nru 234/79, (KE) Nru 1037/2001 u (KE) Nru 1234/2007(28) (29),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1144/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2014 dwar it-twassil ta' informazzjoni u tal-miżuri ta' promozzjoni dwar il-prodotti agrikoli fis-suq intern u f'pajjiżi terzi u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 3/2008(30) (31),

–  wara li kkunsidra r-Riżoluzzjoni tiegħu tat-22 ta' Settembru 2010 dwar l-istrateġija Ewropea għall-iżvilupp ekonomiku u soċjali tar-reġjuni muntanjużi, tal-gżejjer u ta' żoni li fihom ma tantx jgħixu nies(32) (33),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar iż-żamma tal-produzzjoni tal-ħalib f'żoni muntanjużi, żoni żvantaġġati u r-reġjuni ultraperiferiċi wara li tiskadi l-kwota tal-ħalib(34) (35),

A.  billi l-ispejjeż żejda marbuta mal-kundizzjonijiet klimatiċi u topografiċi, id-distanza minn ċentri ekonomiċi u l-iżolament huma ta' piż kbir fuq l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u kulturali taż-żoni muntanjużi; billi n-nuqqas ta' infrastruttura suffiċjenti, inkluża l-kopertura tal-broadband, u ta' investiment f'żoni muntanjużi jikkontribwixxi għat-twessigħ tad-distakk bejn dawn ir-reġjuni u reġjuni oħra; billi anke l-isforzi biex tinżamm il-produzzjoni ekonomika agrikola f'żoni muntanjużi tal-UE jeħtieġ li jissaħħu permezz ta' aċċessibbiltà fiżika u diġitali u infrastruttura, kif ukoll permezz ta' aċċess għal servizzi pubbliċi u servizzi ta' interess ġenerali, bħal pereżempju l-edukazzjoni, is-servizzi soċjali, il-kura tas-saħħa, it-trasport u s-servizzi postali, għall-abitanti ta' dawn ir-reġjuni;

B.  billi, fil-kuntest tal-volatilità tas-swieq u tal-prezzijiet, żieda fl-ispejjeż tal-produzzjoni, żieda fil-kompetizzjoni, it-tmiem tal-kwoti tal-ħalib u l-isfidi ambjentali, huwa essenzjali li tiġi żgurata l-produzzjoni tal-ikel u r-rwol multifunzjonali tal-agrikoltura sabiex jinżamm il-valur miżjud fiż-żoni muntanjużi, jiġi xprunat l-impjieg sostenibbli u jiġi permess aċċess għal sorsi oħra ta' dħul;

C.  billi trid tinstab risposta għad-diversi sfidi li jinħolqu mid-depopolazzjoni, l-impatt tat-tibdil fil-klima, in-nuqqas ta' disponibilità tal-art agrikola, l-abbandun tar-raba' u t-tkabbir assoċjat ta' arbuxelli u siġar, u l-ħtieġa li jiġu ppreservati l-mergħat tal-muntanji;

D.  billi l-pajsaġġ taż-żoni muntanjużi jagħti kontribut pożittiv lill-iżvilupp sostenibbli, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, il-preservazzjoni u l-protezzjoni ta' ekosistemi reġjonali u tal-bijodiversità (partijiet kbar minn żoni muntanjużi huma protetti fi ħdan in-netwerk ekoloġiku Natura 2000 u taħt tipi oħra ta' arranġamenti dwar il-konservazzjoni tan-natura); billi l-attivitajiet agrikoli u l-ġestjoni tal-art f'żoni muntanjużi huma ferm importanti għall-istabilità idroġeoloġika ta' dawk iż-żoni;

E.  billi ż-żoni muntanjużi jippreservaw kundizzjonijiet uniċi u għarfien tradizzjonali u joffru potenzjal kbir għall-preservazzjoni ta' sistemi agrikoli ta' kwalità; billi gruppi u organizzazzjonijiet ta' produtturi f'żoni muntanjużi għandhom il-potenzjal li jsaħħu l-poter tan-negozjar tal-produtturi minn dawn ir-reġjuni, filwaqt li fl-istess ħin jiġu miġġielda prattiki kummerċjali inġusti li jaffettwawhom;

F.  billi l-iżvilupp ekonomiku u soċjali sostenibbli ta' żoni muntanjużi jista' jitkattar kemm minn azzjonijiet koordinati u/jew kooperazzjoni transkonfinali bejn is-setturi tal-agrikoltura, il-forestrija, l-artiġjanat u t-turiżmu u fil-qasam tal-preservazzjoni tal-wirt kulturali u naturali, u permezz tad-diversifikazzjoni tal-farms;

G.  billi t-trobbija tal-annimali (produzzjoni estensiva tal-laħam u tal-ħalib) għandha rwol sinifikanti f'żoni muntanjużi ta' ħafna pajjiżi tal-UE; billi kundizzjonijiet tas-suq diffiċli u żvantaġġi serji ta' spejjeż għandhom impatt qawwi fuq il-farms żgħar f'dawk ir-reġjuni;

Governanza u sinerġija tal-fondi ta' koeżjoni

1.  Jiddispjaċih għall-fatt li minkejja l-miżuri settorjali tal-UE u l-istrumenti ta' appoġġ, għadu ma jeżistix approċċ żviluppat tal-UE għar-reġjuni muntanjużi; jinsab konvint dwar il-bżonn ta' strateġija tal-UE għaż-żoni muntanjużi tal-Ewropa bl-għan li titjieb il-koordinazzjoni tal-politiki u l-miżuri kkonċernati; jipproponi, f'dan ir-rigward, li għandhom isiru sforzi sabiex tiġi adottata definizzjoni komuni u operattiva tar-reġjuni muntanjużi fi ħdan il-politika ta' koeżjoni, b'koerenza mad-definizzjoni ta' żoni muntanjużi użata fil-kuntest tal-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR), sabiex tkopri żoni fejn il-produzzjoni agrikola hija karatterizzata minn fatturi speċifiċi bħal pereżempju limitazzjonijiet konsiderevoli fl-użu tal-art minħabba l-pendil u l-altitudni, il-produttività tal-ħamrija, il-kondizzjonijiet klimatiċi ferm diffiċli u l-użu ta' apparat speċjali li jiswa ħafna flus;

2.  Jinnota li r-riformi reċenti tal-politika agrikola komuni (PAK) u tal-politika reġjonali jippermettu t-territorjalizzazzjoni tal-ġestjoni tal-finanzjamenti Ewropej ta' koeżjoni;

3.  Iqis li l-FAEŻR għandu jifforma parti integrali mill-iżvilupp tal-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u multifunzjonali ta' reġjuni b'żoni muntanjużi; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lir-reġjuni biex isaħħu s-sinerġiji bejn il-fondi u l-miżuri differenti favur iż-żoni muntanjużi fit-tħejjija, l-eżaminar u l-adottar ta' programmi operazzjonali meta jiġi rivedut il-qafas finanzjarju pluriennali 2014-2020 jew jiġu modifikati programmi operazzjonali; jitlob biex ikun hemm użu ikbar ta' inizjattivi tal-UE bħalma huma l-iżvilupp lokali mmexxi mill-komunità (CLLD) u l-gruppi ta' azzjoni lokali (GAL) sabiex irawmu netwerks transnazzjonali u metodi ta' ħidma kooperattivi;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea u lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji bejn l-awtoritajiet lokali u reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-protagonisti ekonomiċi fil-livell taż-żoni muntanjużi, sabiex jiġu definiti pjanijiet ta' azzjoni komuni għall-iżvilupp, il-ġestjoni u l-protezzjoni ta' dawn iż-żoni; jilqa' u jappoġġa b'rabta ma' dan l-inizjattiva ta' strateġija makroreġjonali għar-reġjun tal-Alpi; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri biex iqisu l-lezzjonijiet mill-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali oħra tal-UE, qabel ma jfittxu approċċ simili fiż-żoni muntanjużi rispettivi tagħhom;

Investimenti, kompetittività u diversifikazzjoni ekonomika

5.  Jenfasizza li l-importanza taż-żoni muntanjużi u miżuri effettivi fl-UE ġew integrati fl-aktar riforma reċenti tal-PAK; jemmen li l-PAK għandu jkollha l-għan li tikkumpensa żvantaġġi ekonomiċi u naturali li jiffaċċjaw il-bdiewa iżda għandha wkoll tagħtihom il-mezzi biex jikkapitalizzaw fuq l-assi tagħhom;

6.  Jenfasizza l-importanza tal-għajnuna tal-ewwel pilastru tal-PAK fiż-żamma tal-produzzjoni agrikola u ta' dħul għall-bdiewa fiż-żoni muntanjużi; ifakkar li l-Istati Membri għandhom il-possibilità li jistabbilixxu għajnuniet speċifiċi u ħlasijiet akkoppjati biex jassistu fil-kisba ta' dawn l-objettivi; ifakkar li f'bosta Stati Membri, xi għajnuna diżakkoppjata taħt l-ewwel pilastru hija ferm inqas ġeneruża minn f'żoni primarji ta' kultivazzjoni, minħabba nuqqas ta' konverġenza interna, u dan ikompli jillimita l-kompetittività tal-farms;

7.  Iqis li miżuri taħt it-tieni pilastru tal-PAK għandhom jiżguraw is-sostenibilità, il-kompetittività u d-diversifikazzjoni tal-industriji ta' produzzjoni agrikola u ta' ipproċessar agrikolu f'żoni muntanjużi; iqis ukoll li tali miżuri jistgħu jikkontribwixxu għal "rinaxximent rurali" billi jappoġġaw l-introduzzjoni ta' proġetti ta' żvilupp tal-biedja multifunzjonali li jiġġeneraw valur miżjud u innovazzjoni u billi jiffavorixxu investimenti agrikoli (f'bini, tagħmir speċifiku, modernizzazzjoni, eċċ) u l-preservazzjoni ta' razez indiġeni;

8.  Jenfasizza li l-Istati Membri u r-reġjuni skont ir-Regolament dwar l-Iżvilupp Rurali għandhom il-possibilità li joħolqu sottoprogrammi tematiċi li jiffukaw fuq il-ħtiġijiet taż-żoni muntanjużi, li huma eliġibbli għal rati ta' appoġġ ogħla għal finanzjament pubbliku; jinkoraġġihom jagħmlu użu minn dawn l-opportunitajiet; jinnota li sal-lum l-ebda awtorità kompetenti ma għażlet li tagħmel hekk; iqis madankollu li dan ma jfissirx neċessarjament li ebda għajnuna speċifika ma ġiet maħsuba għal dawn ir-reġjuni;

9.  Jirrimarka li għandha tingħata attenzjoni partikolari lil bdiewa fuq skala żgħira u/jew farms immexxija mill-familji; jinnota li l-ispejjeż amministrattivi huma ta' ostaklu kruċjali għal komunitajiet żgħar f'żoni muntanjużi, u b'hekk jheddu l-implimentazzjoni b'suċċess tal-programmi; itenni l-importanza tas-simplifikazzjoni amministrattiva u tal-flessibilità tal-PAK f'konformità mar-riforma tal-2013; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu proċeduri amministrattivi simplifikati għall-applikazzjoni u l-amministrazzjoni tal-użu tal-fondi ħalli komunitajiet żgħar jingħataw aċċess aħjar għall-finanzjament biex jitrawmu l-iżvilupp fit-tul, l-aċċessibiltà tas-swieq u l-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet ta' produtturi f'żoni muntanjużi;

Infrastrutturi, edukazzjoni u taħriġ u r-rwol tan-nisa

10.  Iqis li infrastrutturi fiżiċi xierqa u tal-ICT joħolqu opportunitajiet għal attivitajiet ekonomiċi, edukattivi, soċjali u kulturali u jnaqqsu l-effetti ta' periferiċità u iżolament; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jallokaw investimenti permezz tal-fondi ta' koeżjoni u ta' investiment fl-infrastrutturi f'żoni muntanjużi bl-għan li jagħmluhom aktar attraenti għal attivitajiet ekonomiċi;

11.  Ifakkar li huma essenzjali miżuri bl-għan li jappoġġaw it-tiġdid ġenerazzjonali, il-ħolqien ta' impjiegi stabbli u ta' kwalità u l-istabbiliment ta' bdiewa żgħażagħ, b'mod partikolari billi jiffaċilitaw aċċess, permezz tal-koeżjoni soċjali u l-finanzjament tat-tieni pilastru, għal taħriġ multidixxiplinari li jippermetti lill-bdiewa żgħażagħ iwettqu attivitajiet varji simultanjament u/jew suċċessivament matul is-sena u jiżviluppaw kombinazzjonijiet ta' dħul; jenfasizza r-rwol ta' istituti xjentifiċi u istituzzjonijiet edukattivi oħra li jittrattaw l-agrikoltura tal-muntanji, u jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali u reġjonali sabiex isaħħu r-rwol tagħhom u jżidu l-appoġġ finanzjarju għal offerti edukattivi diversifikati, bħal taħriġ agrikolu vokazzjonali speċifiku adattat għall-karatteristiċi taż-żoni muntanjużi, li jista' jagħti spinta lill-kompetittività u l-konnettività, u jmexxi 'l quddiem l-innovazzjoni u l-użu sostenibbli tar-riżorsi f'dawn ir-reġjuni; iħeġġeġ, f'dan ir-rigward, il-parteċipazzjoni ta' bdiewa żgħażagħ fi skemi ta' skambju u pjattaformi tat-tagħlim online;

12.  Jenfasizza l-importanza tal-preżenza attiva u r-rwol tan-nisa f'żoni muntanjużi, b'mod partikolari fit-trawwim tal-proċessi ta' innovazzjoni u kooperazzjoni u sabiex jippreservaw il-funzjonament tajjeb ta' dawn iż-żoni; iqis li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-appoġġ u l-motivazzjoni lill-bdiewa nisa u lin-nisa li jinvolvu ruħhom bħala persuni li jaħdmu għal rashom fil-kummerċjalizzazzjoni diretta, it-turiżmu, il-kummerċ u l-proġetti ta' artiġjanat;

Ambjent, tibdil fil-klima u ħarsien tal-bijodiversità

13.  Jemmen li l-agrikoltura tal-muntanji għandha rwol importanti fit-taffija tat-tibdil fil-klima, billi l-karbonju jiġi assorbit permezz ta' mergħat u foresti; ifakkar fl-importanza ewlenija tal-biedja, il-ġestjoni sostenibbli tal-art u tal-foresti fiż-żoni muntanjużi bl-għan li tkun ippreservata l-bijodiversità u l-ħarsien kontra l-impatti ambjentali u tal-pajsaġġ, inklużi l-impatti fuq l-ħabitats tal-annimali selvaġġi b'tali mod li l-predaturi qed jikkawżaw ħsara serja lill-bhejjem; ifakkar fl-importanza tal-ilma f'żoni muntanjużi u r-riskji naturali li jista' jkollhom effett indirett fuq pjanuri u żoni urbani; jappoġġa, f'dan ir-rigward, il-finanzjament taħt it-tieni pilastru għal miżuri ta' ħżin tal-ilma sabiex jiġi żgurat li ż-żoni agrikoli jiġu msoqqija b'mod sostenibbli u effiċjenti u li jkun hemm livell minimu ta' fluss ta' xmajjar; jenfasizza l-ħtieġa ta' kooperazzjoni sinerġistika attiva bejn l-agrikoltura u attivitajiet ekonomiċi oħra f'siti tan-Natura 2000 u f'żoni oħra protetti (parks nazzjonali, parks naturali, eċċ) li jinsabu f'reġjuni muntanjużi;

L-istrutturar tal-katina tal-ikel, il-produzzjoni u l-promozzjoni ta' prodotti ta' kwalità, u attivitajiet oħra ta' produzzjoni

14.  Jenfasizza l-importanza tat-twaqqif u l-appoġġ ta' gruppi u organizzazzjonijiet ta' produtturi sabiex tissaħħaħ is-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa fi ħdan il-katina alimentari; iqis li b'dan il-mod, ktajjen tal-provvista qosra u swieq lokali u reġjonali jistgħu jiġu ppreservati u żviluppati sabiex jipproteġu farms żgħar, filwaqt li fl-istess ħin jiġi żgurat aċċess għal swieq kbar; jemmen li tali approċċi jistgħu jimmiraw b'mod partikolari lejn enfasi fuq il-kwalità u l-oriġini u l-promozzjoni u l-protezzjoni ta' dawn il-prodotti (“prodotti tal-muntanji”, denominazzjonijiet ta' oriġini protetti (DPO), indikazzjonijiet ġeografiċi protetti (IĠP) u speċjalità tradizzjonali garantita (STG)) f'żoni muntanjużi; jenfasizza li tali prodotti tal-ikel ta' kwalità għolja huma mitluba minn ammont dejjem ikbar ta' konsumaturi u jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' turiżmu sostenibbli u l-preservazzjoni tal-valur u l-wirt kulturali f'żoni muntanjużi;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi u ssaħħaħ il-valur ta' prodotti agrikoli u agroalimentari minn żoni muntanjużi billi ssaħħaħ l-inizjattivi ta' promozzjoni u informazzjoni li jikkonċernaw “prodotti tal-muntanji” u, b'mod aktar ġenerali, tat-tikketti tad-DPO, il-IĠP u l-STG;

16.  Jenfasizza l-importanza tal-iżvilupp ta' sistemi ta' produzzjoni integrati u territorjalizzati, biedja u servizzi fil-farms, bħalma huma l-ipproċessar in situ, il-bejgħ dirett u l-kummerċjalizzazzjoni fil-farms jew fil-mergħat, soġġorn fil-farms, biedja soċjali u produzzjoni tal-enerġija rinnovabbli; huwa tal-fehma li l-promozzjoni ta' attivitajiet relatati orjentati lejn l-agrituriżmu toħloq valur miżjud akbar u ssaħħaħ il-potenzjal turistiku ta' dawn il-postijiet, billi tiżviluppa u tinkludi l-kwalità kemm agrikola kif ukoll mhux agrikola u prodotti tradizzjonali ta' żona ġeografika partikolari; huwa tal-fehma li t-turiżmu sostenibbli matul is-sena kollha jista' joħloq l-impjiegi u kontenut diversifikat f'dawk iż-żoni filwaqt li jgħin biex tiġi indirizzata l-problema tad-depopolazzjoni u n-nuqqas ta' tiġdid ġenerazzjonali f'dawn ir-reġjuni;

17.  Jisħaq b'mod partikolari fuq ir-rwol ekonomiku, soċjali u ekoloġiku tal-foresti fiż-żoni muntanjużi u l-importanza tal-investiment lejn użu effiċjenti ta' riżorsi tal-forestrija f'dawk ir-reġjuni; josserva li l-ġestjoni sostenibbli tal-foresti hija importanti ferm sabiex il-foresti tal-muntanji jinżammu b'saħħithom u stabbli; ifakkar li l-foresti għandhom rwol sinifikanti fil-provvista ta' materja prima u ta' materjal sekondarju użati għall-industriji farmaċewtiċi, kosmetiċi u alimentari, u b'hekk jgħinu biex jinħolqu l-impjiegi, tingħata spinta lid-diversifikazzjoni ekonomika tas-settur tal-forestrija u n-negozji forestali u tingħata għajnuna biex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni fiż-żoni muntanjużi; jitlob, f'dan il-kuntest, li l-politika ta' koeżjoni tiffoka aktar fuq ġestjoni sostenibbli tal-foresti;

18.  Iqis li approċċ settorjali għas-settur tal-prodotti tal-ħalib għandu jkollu l-għan li jiżgura l-produzzjoni sostenibbli tal-ħalib f'żoni muntanjużi, u jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali jipprovdu, partikolarment permezz tat-tieni pilastru tal-PAK, miżuri kompensatorji ta' akkumpanjament għar-reġjuni żvantaġġjati li jipproduċu l-ħalib, bl-għan li jżommu u jsaħħu l-biedja u l-funzjonament effettiv ta' farms, b'mod partikolari farms żgħar, f'dawk ir-reġjuni.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

23.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

42

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, José Bové, Daniel Buda, Nicola Caputo, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Franc Bogovič, Rosa D’Amato, Jean-Paul Denanot, Stefan Eck, Fredrick Federley, Maria Heubuch, Ivan Jakovčić, Karin Kadenbach, Sofia Ribeiro, Hannu Takkula

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

17.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

31

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Andrea Cozzolino, Rosa D’Amato, Krzysztof Hetman, Ivan Jakovčić, Marc Joulaud, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Louis-Joseph Manscour, Jens Nilsson, Andrey Novakov, Younous Omarjee, Mirosław Piotrowski, Stanislav Polčák, Terry Reintke, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Maria Spyraki, Ramón Luis Valcárcel Siso, Lambert van Nistelrooij, Derek Vaughan, Kerstin Westphal, Joachim Zeller

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Viorica Dăncilă, Elena Gentile, Iliana Iotova, Bronis Ropė, Remo Sernagiotto, Hannu Takkula

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Sergio Gutiérrez Prieto, Gesine Meissner, Georgi Pirinski

(1)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 320.

(2)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 289.

(3)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 470.

(4)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(5)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(6)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(7)

ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56.

(8)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 259.

(9)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 303.

(10)

ĠU L 169, 01.07.2015, p. 1.

(11)

Testi adottati, P8_TA(2015)0109.

(12)

Testi adottati, P7_TA(2010)0341.

(13)

Testi adottati, P7_TA(2013)0577.

(14)

Testi adottati, P7_TA(2013)0229.

(15)

ĠU C 19, 21.1.2015, p. 32.

(16)

ĠU C 188 E, 28.6.2012, p. 30.

(17)

ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 14.

(18)

ĠU C 248, 25.8.2011, p. 81.

(19)

ĠU C 166, 7.6.2011, p. 23.

(20)

Regolament (UE) Nru 1305/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar appoġġ għall-iżvilupp rurali mill-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali (FAEŻR) u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1698/2005

(21)

http://ec.europa.eu/regional_policy/sources/cooperate/alpine/eusalp_map.pdf

(22)

Studju EPSON fuq GEOSPECS: 'Perspettivi Ewropej dwar tipi speċifiċi ta' territorji' http://www.espon.eu/export/sites/default/Documents/Projects/AppliedResearch/GEOSPECS/FR/GEOSPECS_Final_Report_v8___revised_version.pdf

(23)

Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż bħala premessa fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni jekk tiġi adottata mill-kumitat responsabbli.

(24)

Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż bħala premessa fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni f'każ ta' adozzjoni mill-kumitat responsabbli.

(25)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 608.

(26)

Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż bħala premessa fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni f'każ ta' adozzjoni mill-kumitat responsabbli.

(27)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 487.

(28)

Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż bħala premessa fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni f'każ ta' adozzjoni mill-kumitat responsabbli.

(29)

ĠU L 347, 20.12.2013, p. 671.

(30)

Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż bħala premessa fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni jekk tiġi adottata mill-kumitat responsabbli.

(31)

ĠU L 317, 4.11.2014, p. 56.

(32)

Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż bħala premessa fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni jekk tiġi adottata mill-kumitat responsabbli.

(33)

Testi adottati, P7_TA(2010)0341.

(34)

Dan is-suġġeriment għandu jiġi inkluż bħala premessa fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni jekk tiġi adottata mill-kumitat responsabbli.

(35)

Testi adottati, P7_TA(2013)0577.

Avviż legali - Politika tal-privatezza