Proċedura : 2016/2025(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0078/2016

Testi mressqa :

A8-0078/2016

Dibattiti :

Votazzjonijiet :

PV 13/04/2016 - 11.2
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0112

RAPPORT     
PDF 722kWORD 137k
6.4.2016
PE 578.667v01-00 A8-0078/2016

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(COM(2016)0078 – C8-0095/2016 – 2016/2025(BUD))

Kumitat għall-Baġits

Rapporteur: Andrey Novakov

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (EGF/2016/000 TA 2016 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

(COM(2016)0078 – C8-0095/2016 – 2016/2025(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0078 – C8-0095/2016),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020) u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1927/2006(1) (ir-Regolament dwar il-FEG),

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(2), u b'mod partikolari l-Artikolu 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(3) (il-FII tat-2 ta' Diċembru 2013), u b'mod partikolari l-punt 13 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba (applikazzjoni EGF/2015/000 TA 2014 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)(4),

–  wara li kkunsidra l-proċedura ta' trilogu prevista fil-punt 13 tal-FII tat-2 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0078/2016),

A.  billi l-Unjoni stabbiliet strumenti leġiżlattivi u baġitarji biex tagħti appoġġ addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu l-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji jew tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali u tassistihom fir-reintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol;

B.  billi l-għajnuna tal-Unjoni lill-ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja għandha tkun dinamika u tkun disponibbli kemm jista' jkun malajr u bl-aktar mod effiċjenti possibbli, bi qbil mad-Dikjarazzjoni Konġunta tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni, adottata waqt il-laqgħa ta' konċiljazzjoni tas-17 ta' Lulju 2008, u b'kunsiderazzjoni xierqa għall-FII tat-2 ta' Diċembru 2013 fir-rigward tal-adozzjoni ta' deċiżjonijiet biex jiġi mobilizzat il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (il-FEG);

C.  billi l-adozzjoni tar-Regolament dwar il-FEG tirrifletti l-ftehim li ntlaħaq bejn il-Parlament u l-Kunsill biex jiġi introdott mill-ġdid il-kriterju tal-mobilizzazzjoni b'rabta mal-kriżi, biex il-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni tiżdied għal 60 % tal-ispejjeż totali stmati tal-miżuri proposti, biex tiżdied l-effiċjenza għat-trattament tal-applikazzjonijiet għall-FEG fil-Kummissjoni u mill-Parlament u mill-Kunsill billi jitqassar iż-żmien għall-valutazzjoni u għall-approvazzjoni, biex jiġu estiżi l-azzjonijiet u l-benefiċjarji eleġibbli għall-persuni li jaħdmu għal rashom u għaż-żgħażagħ, u biex jiġu ffinanzjati l-inċentivi għat-twaqqif ta' impriżi proprji;

D.  billi l-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG huwa ta' EUR 150 miljun (fi prezzijiet tal-2011) u billi l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG jiddikjara li 0,5 % ta' dan l-ammont (jiġifieri EUR 828 060 fl-2016) jista' jsir disponibbli għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni, sabiex jiffinanzja l-preparazzjoni, il-monitoraġġ, il-ġbir tat-tagħrif u l-ħolqien ta' bażi ta' għarfien, l-appoġġ amministrattiv u tekniku, attivitajiet ta' tagħrif u komunikazzjoni, kif ukoll l-attivitajiet ta' awditjar, kontroll u valutazzjoni meħtieġa biex jiġi implimentat ir-Regolament dwar il-FEG;

E.  billi l-Parlament Ewropew enfasizza b'mod ripetut il-ħtieġa ta' titjib tal-valur miżjud, tal-effiċjenza u l-impjegabbiltà tal-benefiċjarji tal-FEG bħala strument ta' appoġġ min-naħa tal-Unjoni lill-ħaddiema li ngħataw is-sensja;

F.  billi l-ammont propost ta' EUR 380 000 jikkorrispondi għal madwar 0,23 % tal-baġit annwali massimu disponibbli għall-FEG fl-2016;

1.  Jirrikonoxxi l-miżuri proposti mill-Kummissjoni bħala Għajnuna Teknika biex tiffinanzja n-nefqa msemmija fl-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Ifakkar fl-importanza tan-networking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG u jappoġġa, għalhekk, il-finanzjament tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt tal-FEG u s-seminars ta' networking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG; jistenna li dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jikkontribwixxi wkoll għal rappurtar aħjar u aktar dettaljat dwar ir-rata ta' suċċess tal-miżuri appoġġati mill-FEG fl-Istati Membri, b'mod partikolari dwar l-ilħuq u r-rata ta' impjieg mill-ġdid tal-benefiċjarji; jappoġġa wkoll l-inizjattivi kollha li jinkludu l-parteċipazzjoni u l-konsultazzjoni msaħħa tal-awtoritajiet lokali involuti fil-ġestjoni ta' kuljum tal-miżuri appoġġati mill-FEG;

3.  Jilqa' l-ħidma kontinwa fuq il-proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG li jużaw il-funzjonalitajiet tas-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014), li tippermetti s-semplifikazzjoni u l-ipproċessar aktar mgħaġġel tal-applikazzjonijiet kif ukoll rappurtar aħjar; jinnota li l-Kummissjoni beħsiebha, bħala prijorità għall-2016, tħejji u tirfina l-modulu għar-rapporti finali li jagħlqu l-implimentazzjoni ta' kull każ tal-FEG; jinnota, madankollu, li l-ispejjeż mill-baġit tal-FEG għall-proċess tal-SFC2014 għadhom relattivament għoljin;

4.  Jilqa' favorevolment l-integrazzjoni tar-rappurtar fis-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014); iqis li dan se jtaffi l-piż amministrattiv għall-Istati Membri u jiffaċilita l-użu ta' rapporti għal finijiet ta' valutazzjoni;

5.  Jinnota li l-proċedura biex il-FEG jiġi integrat fl-SFC2014 ilha għaddejja snin twal u li l-ispejjeż rilevanti għall-FEG kienu relattivament għoljin; jinnota li dan il-livell ta' spiża jrid jinżamm għal sena oħra, imbagħad l-ispiża għall-manutenzjoni se tonqos;

6.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni ma ppreżentatx il-progress tal-integrazzjoni fl-SFC2014 mill-bidu tal-2011 sal-2014 kif kien mitlub fir-riżoluzzjoni tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar il-proposta dwar l-Għajnuna Teknika fl-2015; ifakkar lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress kif mitlub hawn fuq, inklużi l-aħħar żviluppi;

7.  Huwa tal-fehma li l-SFC2014 tista' tintuża wkoll biex tippermetti lill-Kummissjoni tiġbor data dettaljata dwar l-impatt tal-finanzjament mill-FEG, partikolarment fil-każ ta' rati tal-impjieg mill-ġdid tal-ħaddiema li ngħataw is-sensja u li jkunu bbenefikaw mill-finanzjament tal-FEG; jinsisti li ssir valutazzjoni aħjar tat-tip u l-kwalità tal-impjiegi misjuba u dwar ix-xejra fuq perjodu medju u twil fir-rigward tar-rata ta' reintegrazzjoni milħuqa permezz ta' interventi tal-FEG;

8.  Jilqa' l-fatt li l-Kummissjoni beħsiebha tinvesti EUR 70 000 mill-baġit disponibbli fl-ambitu tal-Għajnuna Teknika b'mod partikolari biex ittejjeb il-monitoraġġ u l-valutazzjoni tal-impatt tal-appoġġ tal-FEG għal parteċipanti individwali; jirrakkomanda li:

-  il-baġit għall-monitoraġġ u l-valutazzjoni għandu jintuża biex jiġi vvalutat l-impatt aktar fit-tul fuq il-benefiċjarji tal-FEG, l-effikaċja u l-effiċjenza fl-għoti ta' appoġġ fuq il-post kif ukoll biex titwettaq analiżi aktar fil-fond dwar il-mutamenti ekonomiċi li jikkawżaw it-tkeċċija ta' benefiċjarji tal-FEG;

-  il-koordinatur tal-FEG u l-Istat Membru jipprovdu data affidabbli u kompluta dwar l-eżiti tal-impjiegi tal-benefiċjarji tnax-il xahar wara l-implimentazzjoni tal-miżuri; il-Kummissjoni għandha taggrega dik id-data, inklużi r-rati tal-impjieg mill-ġdid tal-benefiċjarji, u tqegħedhom għad-dispożizzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill;

-  għandha tiġi reġistrata u kkomunikata biċ-ċar informazzjoni aktar dettaljata dwar il-miżuri li kellhom aċċess għalihom parteċipanti individwali sabiex, pereżempju, ikun hemm valutazzjoni aktar ċara tal-kostijiet u l-benefiċċji tal-miżuri differenti, speċjalment fid-dawl ta' spejjeż amministrattivi ogħla (azzjonijiet skont l-Artikolu 7(4) tar-Regolament tal-FEG);

-  l-approvazzjoni tar-rapporti finali tal-applikazzjoni u l-għeluq finali tal-applikazzjoni jsiru flimkien mal-għoti ta' informazzjoni sħiħa dwar l-eżiti tal-benefiċjarji (f'livell aggregat).

9.  Jissottolinja l-ħtieġa li jkomplu jissaħħu l-kuntatti bejn dawk kollha involuti fl-applikazzjonijiet tal-FEG, inklużi, b'mod partikolari, is-sħab soċjali u l-partijiet ikkonċernati fil-livell reġjonali u lokali, sabiex jinħoloq l-akbar għadd ta' sinerġiji possibbli; jisħaq fuq il-fatt li l-interazzjoni bejn il-Persuna ta' Kuntatt Nazzjonali u s-sħab responsabbli mill-ġestjoni tal-każijiet fil-livell reġjonali jew lokali għandha tissaħħaħ u li l-arranġamenti ta' komunikazzjoni u ta' appoġġ kif ukoll il-flussi ta' informazzjoni (id-diviżjonijiet interni, il-kompiti u r-responsabbiltajiet) għandhom ikunu espliċiti u maqbula mis-sħab kollha kkonċernati;

10.  Itenni t-talba tiegħu lill-Kummissjoni biex tistieden lill-Parlament, fi ħdan termini raġonevoli, għal laqgħat u seminars tal-grupp ta' esperti skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(5);

11.  Jitlob lill-Kummissjoni tipprovdi ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni li tissottokuntratta, lil kuntrattur estern, il-valutazzjoni intermedja kif meħtieġa mill-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG; jitlob li l-Kummissjoni tiddeċiedi dwar kif għandha tipproċedi abbażi ta' analiżi tal-kostijiet u l-benefiċċji, b'enfasi ċara fuq l-oġġettività, ir-riżultati, il-valur miżjud, l-impjegabbiltà u l-effiċjenza;

12.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi fil-valutazzjoni intermedja tal-FEG l-aspetti kollha ta' kosteffiċjenza tal-proġetti kollha tal-FEG, data dwar il-benefiċċju ta' appoġġ dirett, kif ukoll xi suġġerimenti għat-titjib tal-parteċipazzjoni tal-Istati Membri fil-FEG u s-sinerġiji ma' miżuri koperti mill-FSE jew minn programmi nazzjonali; jinnota li dan l-eżerċizzju għandu jiġi kkombinat mal-isforz biex tiġi stabbilita bażi ta' data kompluta dwar l-eżiti tal-interventi kollha tal-FEG; jappella biex ikun hemm dibattitu dwar l-eżitu tal-valutazzjoni intermedja, bil-għan li jiġi vvalutat jekk il-FEG huwiex l-aktar għodda effiċjenti għall-isfidi li jġibu magħhom is-sensji;

13.  Jitlob lill-Kummissjoni tinkludi analiżi kwalitattiva u kwantitattiva tal-appoġġ mill-FEG lil żgħażagħ sal-età ta' 25 sena li huma barra mill-edukazzjoni, impjieg jew taħriġ (NEETs) u testendi din il-miżura lil hinn minn Diċembru 2017, b'mod permanenti u sostenibbli bil-proposta ta' regolament ġdid dwar il-FEG, speċjalment fid-dawl tal-implimentazzjoni tal-Garanzija għaż-Żgħażagħ u l-kriżi attwali fl-impjieg fost iż-żgħażagħ;

14.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti fir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji interessati, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali, kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament dwar il-FEG;

15.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha involuti jagħmlu l-isforzi meħtieġa biex ikomplu jtejbu l-arranġamenti proċedurali u baġitarji sabiex jiżdied l-impatt tal-FEG; jinnota, f'dan ir-rigward, li l-Parlament bħalissa qed iħejji rapport fuq inizjattiva proprja bbażat fuq il-valutazzjoni tal-Kummissjoni li jagħmel bilanċ tal-funzjonament tar-Regolament il-ġdid dwar il-FEG u l-każijiet eżaminati;

16.  Japprezza t-titjib implimentat fil-proċedura min-naħa tal-Kummissjoni, wara t-talba tal-Parlament biex jitħaffef il-pass fir-rilaxx tal-għotjiet; jinnota l-pressjoni ta' ħin li jġib miegħu l-kalendarju l-ġdid u l-impatt potenzjali fuq l-effikaċja tal-eżami tal-każijiet; jistieden lill-Istati Membri jagħmlu użu aħjar mill-għajnuna tal-Kummissjoni qabel is-sottomissjoni ta' applikazzjonijiet formali;

17.  Jitlob lill-Istati Membri u lill-istituzzjonijiet kollha involuti jiddefendu l-użu usa' tad-deroga għal-limiti tal-eleġibbiltà, anke għall-benefiċċju tal-SMEs, l-estensjoni tal-perjodi ta' referenza kif ukoll il-possibbiltà li jiġu inklużi ħaddiema mogħtija s-sensja li joffru servizzi relatati lill-ħaddiema mogħtija s-sensja tal-kumpanija ta' riferiment, u b'hekk jingħata kontribut għal użu aktar effiċjenti u prezzjuż tal-FEG;

18.  Jitlob lill-Istati Membri jenfasizzaw aktar biċ-ċar l-addizzjonalità tal-finanzjament tal-FEG u r-rabta tiegħu ma' fondi oħrajn u jqisu l-aktar modi xierqa għall-FEG biex jiżdied il-valur, tiġi żgurata sinerġija ma' sorsi oħra ta' finanzjament u jiġi evitat l-ispostament u trikkib;

19.  Japprova d-deċiżjoni annessa ma' din ir-riżoluzzjoni;

20.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma din id-deċiżjoni flimkien mal-President tal-Kunsill u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f' Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

21.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni, flimkien mal-anness tagħha, lill-Kunsill u lill-Kummissjoni.

ANNESS: DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni

(EGF/2016/000 TA 2016 - Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni)

IL-PARLAMENT EWROPEW U L-KUNSILL TAL-UNJONI EWROPEA, Wara li kkunsidraw it-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

Wara li kkunsidraw ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-

17 ta’ Diċembru 2013 dwar il-Fond Ewropew ta’ Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (2014-2020)

u li jħassar ir-Regolament (KE) 1927/20061, u b’mod partikolari l-Artikolu 11(2) tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta’ Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f’materji ta’ baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba2, u b’mod partikolari l-Punt 13 tiegħu,

Wara li kkunsidraw il-proposta mill-Kummissjoni Ewropea, Billi:

(1) Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għandu l-għan li jsostni lill- ħaddiema li jkunu ngħataw is-sensja u lil persuni li jaħdmu għal rashom li l-attivitajiet tagħhom ikunu waqfu b'riżultat ta' bidliet strutturali kbar fix-xejriet tal-kummerċ dinji minħabba l-globalizzazzjoni, b'riżultat ta' kontinwazzjoni tal-kriżi finanzjarja u ekonomika globali, jew b'riżultat ta' kriżi finanzjarja u ekonomika globali ġdida, u biex jgħinhom fir- riintegrazzjoni tagħhom fis-suq tax-xogħol.

(2) Il-FEG ma għandux jaqbeż l-ammont massimu annwali ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-

2011), kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/20133.

1 ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

2 ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

3 Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi

l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020 (ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884).

(3) Ir-Regolament (UE) Nru 1309/2013 jistipula li kull sena jista' jintuża massimu ta' 0,5 % tal-

ammont massimu annwali tal-FEG għall-għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

(4) Għaldaqstant, l-FEG għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 380 000 għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni,

ADOTTAW DIN ID-DEĊIŻJONI:

Artikolu 1

Għall-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni għandu jiġi mobilizzat biex jipprovdi l-ammont ta' EUR 380 000 f'approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament.

Artikolu 2

Din id-Deċiżjoni għandha tidħol fis-seħħ fit-tielet jum wara dak tal-pubblikazzjoni tagħha f'Il-

Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea.

Magħmul fi [...],

Għall-Parlament Ewropew  Għall-Kunsill

Il-President  Il-President

 

NOTA SPJEGATTIVA

I.  Kuntest

Il-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni nħoloq biex jipprovdi għajnuna addizzjonali lill-ħaddiema li jkunu qed ibatu mill-konsegwenzi ta' bidliet strutturali kbar fl-andament kummerċjali dinji.

Skont id-dispożizzjonijiet tal-Artikolu 12 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020(6) u tal-Artikolu 15 tar-Regolament (KE) Nru 1309/2013(7), il-Fond ma jistax jaqbeż ammont annwali massimu ta' EUR 150 miljun (prezzijiet tal-2011). L-ammonti xierqa jiddaħħlu bħala provvediment fil-baġit ġenerali tal-Unjoni.

Fir-rigward tal-proċedura, skont il-punt 13 tal-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba(8), sabiex jiġi attivat il-Fond, il-Kummissjoni, f'każ ta' valutazzjoni pożittiva ta' applikazzjoni għandha tippreżenta lill-awtorità baġitarja proposta għal mobilizzazzjoni tal-Fond u, fl-istess waqt, talba korrispondenti għal trasferiment. F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandu jinbeda trilogu.

II.  Il-proposta tal-Kummissjoni

Fit-22 ta' Frar 2016 il-Kummissjoni adottat proposta ġdida għal deċiżjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-FEG.

Din tikkonċerna l-mobilizzazzjoni ta' EUR 380 000 mill-Fond, li jkopru l-għajnuna teknika għall-Kummissjoni. L-għan tal-għajnuna teknika huwa dak li jiġu ffinanzjati l-monitoraġġ u l-informazzjoni, li tinħoloq bażi / interfaċċa ta ' għarfien u li jingħataw pariri lill-Istati Membri dwar l-użu, is-segwitu u l-evalwazzjoni tal-FEG. Skont l-Artikolu 11(1) tar-Regolament dwar il-FEG, 0,5 % tal-ammont annwali massimu tal-FEG (jiġifieri EUR 828 060 fi prezzijiet tal-2016) jista' jkun disponibbli kull sena għal għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni.

Skont il-proposta tal-Kummissjoni, fl-2015 l-ammont rikjest hu maħsub biex ikopri l-attivitajiet li ġejjin:

1.  Monitoraġġ u ġbir ta' data: Il-Kummissjoni se tiġbor id-data dwar l-applikazzjonijiet li jkunu waslulha, dwar dawk imħallsa u dawk ta' stralċ, u dwar il-miżuri proposti u implimentati. Din id-data se tkun disponibbli fuq is-sit elettroniku u se tkun kompilata f'format xieraq għar-Rapport Biennali tal-2017. Abbażi tal-ħidma tal-aħħar snin, l-ispejjeż għal din l-attività se jkunu ta' EUR 20 000.

2.  Informazzjoni: Is-sit elettroniku dwar il-FEG(9), li ħolqot il-Kummissjoni fil-qasam tagħha tal-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni, u li qed tieħu ħsiebu skont kif mitlub mill-Artikolu 12(2) tar-Regolament dwar il-FEG, se jiġi aġġornat u mkabbar b’mod regolari, u kull element ġdid se jkun tradott ukoll fil-lingwi kollha tal-UE. Se tiżdied is-sensibbilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibilità tiegħu se tiġi promossa. Il-FEG se jiġi kopert f'diversi pubblikazzjonijiet u attivitajiet awdjoviżivi tal-Kummissjoni kif previst fl-Artikolu 11(4) tar-Regolament dwar il-FEG. Huwa stmat li dawn il-partiti kollha se jiswew EUR 20 000 fl-2016.

3.  Il-ħolqien ta' bażi tal-għarfien / interfaċċa tal-applikazzjoni: Il-Kummissjoni qed tkompli bil-ħidma tagħha biex tistabbilixxi proċeduri standardizzati għall-applikazzjonijiet u l-ġestjoni tal-FEG, bl-użu tal-funzjonalitajiet tal-SFC 20143, liema ħidma qiegħda tiġi integrata fihom. Dan jippermetti li l-applikazzjonijiet skont ir-Regolament dwar il-FEG ikunu ssemplifikati, li l-ipproċessar tagħhom isir b'mod aktar mgħaġġel u li r-rapporti jkunu jistgħu jiġu estratti aktar faċilment għal diversi ħtiġijiet. It-tħejjija u l-irfinar tal-modulu għal rapporti finali li jagħlqu l-implimentazzjoni tal-kull każ tal-FEG se jkunu l-prijorità tas-sena, bl-objettiv li jittaffa l-piż amministrattiv għall-Istati Membri u li l-każijiet tal-FEG jiġu integrati skont ir-Regolament attwali fl-SFC mill-bidu sal-aħħar. L-ispiża ta' dawn il-partiti hi stmata li se tiswa EUR 100 000, li hi l-kontribuzzjoni tal-FEG għall-iżvilupp tal-SFC u għaż-żamma regolari tagħha. Huwa mistenni li se jkun hemm bżonn li dan il-livell ta' kontribuzzjonijiet jinżamm għal sena oħra, sabiex il-moduli kollha tal-FEG fl-SFC ikunu jistgħu jinbnew, u li wara dan l-ispiża tonqos, minħabba li l-enfasi prinċipali se tkun fuq il-manutenzjoni.

4.  Appoġġ amministrattiv u tekniku: Il-Grupp ta' Esperti tal-Persuni ta' Kuntatt tal-FEG, b’membru wieħed minn kull Stat Membru, se jkollu żewġ laqgħat (fi tmiem l-2016/l-ewwel semestru tal-2017), li flimkien huma stmati li se jiswew EUR 70 000.

5.  Barra minn hekk, sabiex jiġi promoss in-networking fost l-Istati Membri, il-Kummissjoni se torganizza żewġ seminars bil-parteċipazzjoni ta' korpi ta' implimentazzjoni u sħab soċjali tal-FEG. Sa fejn ikun possibbli, dawn se jkunu skedati li jsiru bejn wieħed u ieħor fl-istess dati tal-laqgħat tal-Grupp ta' Esperti u se jiffukaw fuq kwistjonijiet li jinbtu mill-implimentazzjoni prattika tar-Regolament tal-FEG fil-livell ta' bażi. L-ispiża għal dawn is-seminars hija stmata li se tkun EUR 120 000.

6.  Evalwazzjoni: L-akkwist pubbliku għall-evalwazzjoni intermedja se jitlesta fl-2015, bil-ħsieb li l-evalwazzjoni tiġi konkluża sat-30 ta' Ġunju 2017, (kif meħtieġ mill-Artikolu 20(1)(a) tar-Regolament dwar il-FEG). Għall-2016 ġie allokat baġit ta' EUR 50 000 għall-finalizzazzjoni, it-traduzzjoni u l-pubblikazzjoni tar-rapport qabel dan jiġi ppreżentat f'nofs l-2017. L-ebda nefqa ta’ evalwazzjoni mhi se tkun ibbaġitjata fl-2017.

III.  Proċedura

Sabiex tattiva l-mobilizzazzjoni tal-Fond, il-Kummissjoni ppreżentat lill-Awtorità Baġitarja talba għal trasferiment ta' ammont globali ta' EUR 380 000 mir-riżerva tal-FEG (04 04 01) għal-linja baġitarja tal-FEG (04 04 04).

Sal-lum, din hija t-tielet proposta ta' trasferiment għall-mobilizzazzjoni tal-Fond trażmessa lill-Awtorità Baġitarja matul l-2016.

F'każ ta' nuqqas ta' qbil, għandha tinbeda proċedura ta' trilogu, kif previst fl-Artikolu 15(4) tar-Regolament dwar il-FEG.

Skont ftehim intern, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali għandu jiġi assoċjat fil-proċess, sabiex joffri appoġġ kostruttiv u jagħti kontribut għall-valutazzjoni tal-applikazzjonijiet mill-Fond.

ANNESS: ITTRA TAL-KUMITAT GĦALL-IMPJIEGI U L-AFFARIJIET SOĊJALI

CO/jb

D(2016)12395

Onor. Jean Arthuis

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett: Opinjoni dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond Ewropew ta' Aġġustament għall-Globalizzazzjoni (FEG) għall-każ EGF/2016/000 TA 2016 – Għajnuna teknika fuq l-inizjattiva tal-Kummissjoni (COM(2016) 78 final)

Onor. President,

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (EMPL) u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG fi ħdan l-istess Kumitat studja l-mobilizzazzjoni tal-FEG għall-każ FEG/2016/000 TA 2016 u adotta l-opinjoni li ġejja.

Il-Kumitat EMPL u l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG huma mħassba dwar il-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. F'dan ir-rigward, il-Kumitat EMPL qed jagħmel xi rimarki u jirrakkomanda lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jivvaluta bir-reqqa l-proposta għall-mobilizzazzjoni tal-Fond fir-rigward ta' din it-talba. Id-deliberazzjonijiet tal-Kumitat EMPL huma msejsa fuq il-kunsiderazzjonijiet li ġejjin:

A)  billi l-ammont ta' EUR 380 000 propost li jkun mobilizzat mill-Kummissjoni għal għajnuna teknika fl-2016 huwa inqas mill-massimu ta' 0,5 % tal-ammont massimu annwali tal-FEG (EUR 150 miljun fi prezzijiet tal-2011) kif stabbilit fl-Artikolu 12 tar-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020;

B)  billi l-applikazzjoni fiha l-istess punti li għandhom jiġu ffinanzjati bħal fis-sena preċedenti;

C)  billi l-integrazzjoni tal-FEG fis-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014) qed tkompli fl-2016;

D)  billi l-għajnuna teknika mogħtija mill-Kummissjoni lill-Istati Membri tappoġġa u ssaħħaħ l-użu tal-FEG billi tipprovdi informazzjoni dwar l-applikazzjonijiet u twassal l-aħjar prattika fost l-Istati Membri;

E)  billi t-talba tal-Kummissjoni tinkludi, minbarra t-EUR 300 000 diġà maqbula fl-2015, l-ammont ta' EUR 50 000 bħala riżerva li tiffinanzja l-valutazzjoni intermedja tal-effikaċja u s-sostenibbiltà tar-riżultati miksuba permezz tal-FEG;

F)  billi l-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi proċedura ta' akkwist pubbliku għall-valutazzjoni intermedja;

G)  billi l-Artikolu 20 ta' dan ir-Regolament jipprevedi l-għajnuna ta' esperti esterni fil-każ tal-valutazzjoni ex post,

H)  billi l-Grupp ta' Ħidma dwar il-FEG stieden lill-Kummissjoni tagħti spjegazzjoni għall-proċedura magħżula u dettalji dwar l-għoti tal-kuntratt;

Għalhekk, il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Baġits, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu dwar il-mobilizzazzjoni tal-fond għall-għajnuna teknika tal-Kummissjoni:

1.  Jirrikonoxxi l-miżuri proposti mill-Kummissjoni bħala Għajnuna Teknika biex tiffinanzja n-nefqa msemmija fl-Artikolu 11(1) u (4) kif ukoll fl-Artikolu 12(2), (3) u (4) tar-Regolament dwar il-FEG;

2.  Jilqa' favorevolment l-integrazzjoni tar-rappurtar fis-sistema ta' skambju elettroniku tad-data (SFC2014); iqis li dan għandu jtaffi l-piż amministrattiv għall-Istati Membri u jiffaċilita l-użu ta' rapporti għal finijiet ta' valutazzjoni;

3.  Jinnota li l-proċedura biex il-FEG jiġi integrat fl-SFC2014 ilha għaddejja snin twal u li l-ispejjeż rilevanti mill-baġit tal-FEG kienu relattivament għoljin; jinnota li dan il-livell ta' spejjeż irid jinżamm għal sena oħra, imbagħad l-ispiża għall-manutenzjoni se tonqos;

4.  Jesprimi d-dispjaċir tiegħu li l-Kummissjoni ma ppreżentatx il-progress tal-integrazzjoni fl-SFC2014 mill-bidu tagħha fl-2011 sal-2014 kif kien mitlub fir-riżoluzzjoni tal-24 ta' Ġunju 2015 dwar il-proposta dwar l-Għajnuna Teknika fl-2015; ifakkar lill-Kummissjoni tippreżenta l-progress kif mitlub hawn fuq, inklużi l-aħħar żviluppi;

5.  Ifakkar fl-importanza tan-networking u tal-iskambju ta' informazzjoni dwar il-FEG u jappoġġa, għalhekk, il-finanzjament tal-Grupp ta' Esperti ta' Persuni ta' Kuntatt tal-FEG u s-seminars ta' networking dwar l-implimentazzjoni tal-FEG; jistenna li dan l-iskambju ta' informazzjoni għandu jikkontribwixxi wkoll għal rappurtar aħjar u aktar dettaljat dwar ir-rata ta' suċċess tal-applikazzjonijiet fl-Istati Membri, b'mod partikolari dwar l-ilħuq u r-rata ta' impjieg mill-ġdid tal-benefiċjarji;

6.  Jistieden lill-Kummissjoni tistieden lill-Parlament kemm għal-laqgħat tal-grupp ta' esperti u kemm għas-seminars skont id-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Ftehim Qafas dwar ir-relazzjonijiet bejn il-Parlament Ewropew u l-Kummissjoni Ewropea(10); jilqa' l-fatt li s-sħab soċjali huma wkoll mistiedna jipparteċipaw;

7.  Jesprimi t-tħassib tiegħu li l-Kummissjoni ddeċidiet li tniedi proċedura ta' akkwist pubbliku għall-valutazzjoni intermedja, peress li l-Artikolu 20 tar-Regolament jipprevedi l-għajnuna ta' esperti esterni fil-każ tal-valutazzjoni ex post biss; jistieden lill-Kummissjoni tagħti spjegazzjoni għall-proċedura magħżula u dettalji dwar l-għoti tal-kuntratt;

8.  Jenfasizza l-importanza li tiżdied is-sensibilizzazzjoni ġenerali dwar il-FEG u l-viżibbiltà tiegħu; ifakkar lill-Istati Membri applikanti dwar ir-rwol tagħhom li jippubbliċizzaw l-azzjonijiet iffinanzjati mill-FEG lill-benefiċjarji interessati, l-awtoritajiet, is-sħab soċjali, il-midja u l-pubbliku ġenerali, kif stipulat fl-Artikolu 12 tar-Regolament.

Dejjem tiegħek,

Thomas Händel

President tal-Kumitat EMPL

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

16

4

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Lefteris Christoforou, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Jens Geier, Iris Hoffmann, Bernd Kölmel, Ernest Maragall, Clare Moody, Younous Omarjee, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Auke Zijlstra

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Anneli Jäätteenmäki, Pavel Poc, Alfred Sant

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Jonás Fernández, Arne Gericke, Edouard Martin, Emilian Pavel

(1)

   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 855.

(2)

   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(3)

   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(4)

  Testi adottati, P8_TA(2015)0237.

(5)

ĠU L 304, 20.11.2010, p. 47.

(6)

   ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.

(7)

   ĠU L 347, 30.12.2013, p. 855.

(8)

   ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.

(9)

  http://ec.europa.eu/egf

(10)

Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea L 304/47 20.11.2010

Avviż legali - Politika tal-privatezza