RAPPORT dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014

7.4.2016 - (2015/2200(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit
Rapporteur: Marian-Jean Marinescu

Proċedura : 2015/2200(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0081/2016
Testi mressqa :
A8-0081/2016
Testi adottati :

1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2200(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta[1],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[2] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0056/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[3], u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi[4],

–  wara li kkunsidra Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2[5], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[6],

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[7],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0081/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2200(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Impriża Konġunta[8],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni[9] dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Impriża Konġunta fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05587/2016 – C8-0056/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[10], u b'mod partikolari l-Artikolu 209 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 73/2008 tal-20 ta' Diċembru 2007 li jistabbilixxi l-Impriża Konġunta għall-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi[11],

–  wara li kkunsidra Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2[12], u b'mod partikolari l-Artikolu 1(2) u 12 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej[13],

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 110/2014 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar il-Mudell tar-Regolament Finanzjarju għal korpi ta' sħubija pubblika-privata msemmija fl-Artikolu 209 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill[14],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0081/2016),

1.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi), lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2200(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (li qabel kienet tissejjaħ l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi) għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0081/2016),

A.  billi l-Impriża Konġunta għall-implimentazzjoni tal-Inizjattiva Teknoloġika Konġunta dwar il-Mediċini Innovattivi ("l-Impriża Konġunta IMI") twaqqfet f'Diċembru 2007 għal perjodu ta' 10 snin bil-għan li ttejjeb b'mod sinifikanti l-effiċjenza u l-effikaċja tal-proċess ta' żvilupp tal-mediċini, bil-mira fit-tul li s-settur farmaċewtiku jipproduċi mediċini innovattivi aktar effikaċi u sikuri,

B.  billi wara l-adozzjoni tar-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014[15] f'Mejju 2014, l-Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (minn hawn 'il quddiem "l-Impriża Konġunta IMI 2") issostitwiet l-Impriża Konġunta IMI f'Ġunju 2014 bil-għan li tiffinalizza attivitajiet ta' riċerka tas-Seba' Programm Kwadru (''FP7'') u estendiet iż-żmien operattiv tal-Impriża Konġunta sal-31 ta' Diċembru 2024,

C.  billi l-Unjoni, irrappreżentata mill-Kummissjoni, u l-Federazzjoni Ewropea tal-Industriji u l-Assoċjazzjonijiet Farmaċewtiċi (EFPIA) huma l-membri fundaturi tal-Impriża Konġunta,

D.  billi l-Impriża Konġunta bdiet taħdem b'mod awtonomu fis-16 ta' Novembru 2009,

E.  billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta IMI hija ta' EUR 1 000 000 000, li għandha titħallas mill-baġit tas-Seba' Programm Kwadru (FP7) u l-membri fundaturi għandhom jikkontribwixxu b'mod ugwali għall-ispejjeż operattivi, kull wieħed minnhom b'ammont li ma jisboqx l-4 % tal-kontribuzzjoni totali tal-Unjoni,

F.  billi l-kontribuzzjoni massima għall-perjodu ta' 10 snin mill-Unjoni lill-Impriża Konġunta IMI 2 hija ta' EUR 1 638 000 000, li għandha titħallas mill-baġit ta' Orizzont 2020, u l-Membri, għajr il-Kummissjoni, għandhom jikkontribwixxu 50 % tal-ispejjeż operattivi u għandhom jikkontribwixxu għall-ispejjeż operattivi permezz ta' kontribuzzjonijiet fi flus jew in natura, jew it-tnejn li huma, ugwali għall-kontribuzzjoni finanzjarja tal-Unjoni,

Kummenti ġenerali

1.  Jinnota li r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri (''il-Qorti'') huwa bbażat fuq wisq rimarki ġenerali, għad-detriment ta' rimarki vijabbli u speċifiċi; jappella għalhekk li jsir awditu b'enfasi akbar fuq il-prestazzjoni finanzjarja annwali, l-istatus ta' implimentazzjoni tal-proġetti pluriennali (inkluża preżentazzjoni ċara tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena rispettiva u għas-snin preċedenti) u r-riżultati u l-implimentazzjoni tiegħu;

2.  Jinnota li l-istituzzjonijiet u l-korpi kull sena jeħtiġilhom jipproduċu Rapport dwar il-Ġestjoni Baġitarja u Finanzjarja, u li l-informazzjoni pprovduta mill-Impriżi Konġunti f'dan ir-rapport kienet nieqsa mill-armonizzazzjoni u spiss ma kinitx kompluta; iqis f'dan ir-rigward li hemm bżonn ta' gwida min-naħa tal-Kummissjoni fir-rigward tan-natura u l-kontenut tar-rapport;

3.  Jieħu nota tal-fatt li l-programm ta' ħidma 2016 tal-Qorti jinkludi rapport speċjali dwar l-awditu tal-prestazzjoni ta' Impriżi Konġunti;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

4.  Jinnota li fl-opinjoni tal-Qorti, il-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta jippreżentaw b'mod ġust, fl-aspetti materjali kollha, il-pożizzjoni finanzjarja tagħha fil-31 ta' Diċembru 2014 u r-riżultati tal-operazzjonijiet u l-flussi tal-flus tagħha għas-sena li ntemmet dakinhar, skont id-dispożizzjonijiet tar-regoli finanzjarji tagħha u r-regoli kontabilistiċi adottati mill-uffiċjal tal-kontabbiltà tal-Kummissjoni;

5.  Jieħu nota tan-nuqqas ta' informazzjoni fir-rigward tal-awditi ex-post imwettqa mill-Impriża Konġunta IMI u l-Impriża Konġunta IMI 2; jistieden lill-Qorti biex fir-rapporti futuri tinkludi informazzjoni dwar l-għadd ta' awditi ex-post, l-ammonti totali koperti u s-sejbiet;

6.  Jieħu nota tal-opinjoni pożittiva tal-Qorti dwar il-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali tal-Impriża Konġunta għas-sena 2014, u jirrikonoxxi li l-Impriża Konġunta laħqet il-limitu ta' materjalità;

7.  Jinnota mir-Rapport ta' Attività Annwali li, sa tmiem l-2014, kienu ġew finalizzati erba' rieżamijiet u awditi ex-post ta' kumpaniji magħżula li huma tal-EFPIA, u li kienu għadhom għaddejjin żewġ rieżamijiet u awditi oħra; dawk l-impenji jkopru l-akbar kontributuri ta' kontribuzzjonijiet in natura għall-proġetti tal-Impriża Konġunta, u b'hekk jiżguraw il-kopertura estensiva tal-programm;

8.  Jinnota bi tħassib li l-prestazzjoni ta' kontrolli operattivi ex-ante fuq il-pagament ta' spejjeż tal-proġetti ma kinitx dokumentata biżżejjed; il-kontroll ex-ante mwettaq mill-Uffiċjali tal-Proġetti Xjentifiċi tal-Impriża Konġunta (SPO) ma identifikax b'mod ċar u ma kkummentax dwar l-istatus tal-proġett (għadu għaddej, għadu għaddej suġġett għal defiċjenzi, sospiż/ikkanċellat) u dwar ir-riżultati tanġibbli tiegħu (l-ebda riżerva, riżervi li jeħtieġu kjarifika, riżervi kbar); u l-pagament sar mingħajr elenkar uffiċjali tar-riżultati tanġibbli aċċettati mill-SPO u mingħajr ebda referenza għall-valutazzjoni ta' riżultati tanġibbli mill-SPO; jieħu nota tal-fatt li l-Impriża Konġunta stabbilixxiet pjan ta' azzjoni biex tindirizza l-osservazzjonijiet tal-awdituri u ssaħħaħ is-sistema ta' kontroll ex-ante;

9.  Jinnota li l-baġit annwali tal-Impriża Konġunta għall-2014 kien jinkludi approprjazzjonijiet ta' impenn li jammontaw għal EUR 223 000 000 u approprjazzjonijiet ta' pagament li jammontaw għal EUR 171 000 000; ir-rata kumplessiva ta' implimentazzjoni kienet ta' 92,4 % (99,5 % għall-2013) għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 73,9 % (97,5 % għall-2013) għall-approprjazzjonijiet ta' pagament;

10.  Jinnota li fil-każ ta' attivitajiet operattivi, ir-rata ta' implimentazzjoni kienet ta' 93 % għall-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' 74 % għall-approprjazzjonijiet ta' pagament; madankollu, l-approprjazzjonijiet ta' impenn kienu impenjati f'livell globali, li jfisser li ma ġie ffirmat l-ebda ftehim ta' għotja korrispondenti sa tmiem l-2014;

11.  Iqis li, fin-nuqqas ta' separazzjoni ċara bejn l-informazzjoni relatata mal-implimentazzjoni tal-FP7 u Orizzont 2020, dawn l-indikaturi ma jiżgurawx evalwazzjoni reali tal-prestazzjoni; jistieden lill-Qorti sabiex fir-rapporti futuri tagħha, l-informazzjoni rigward l-eżekuzzjoni tal-baġit taħt l-FP7 u dak ta' Orizzont 2020 tiġi stipulata b'mod separat;

12.  Jieħu nota tal-fatt li l-approprjazzjonijiet ta' impenn u l-approprjazzjonijiet ta' pagament għall-FP7 u Orizzont 2020 mhumiex ippreżentati separatament fir-Rapport ta' Attività Annwali; jieħu nota tal-fatt li, fil-kuntest tal-eżekuzzjoni tal-baġit operattiv, l-approprjazzjonijiet ta' impenn ippreżentati fir-Rapport ta' Attività Annwali tal-Impriża Konġunta u l-Kontijiet Annwali huma maqsuma skont l-FP7 u Orizzont 2020; jitlob lill-Impriża Konġunta biex fir-rapporti annwali li ġejjin tinkludi aktar informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tal-baġit (l-impenji u l-pagamenti) għall-programmi FP7 u Orizzont 2020;

13.  Jiddispjaċih dwar in-nuqqas ta' informazzjoni rigward il-kontribuzzjonijiet in natura u fi flus; jistieden lill-Qorti biex fir-rapporti futuri tagħha tinkludi dispożizzjonijiet speċifiċi dwar il-proċedura ta' evalwazzjoni u l-livell ta' kontribuzzjonijiet in natura u fi flus li huma stipulati separatament għall-FP7 u Orizzont 2020;

14.  Jinnota li l-programmi tal-Impriża Konġunta ffinanzjati taħt l-FP7 għadhom għaddejjin; jieħu nota tal-fatt li dawn l-approprjazzjonijiet jibqgħu disponibbli sal-2017 minħabba r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta li jippermettu lill-Impriża Konġunta terġa' ddaħħal l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament tagħha sa massimu ta' tliet snin wara li jkunu ġew ikkanċellati mill-baġit tal-Impriża Konġunta; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta twettaq bir-reqqa l-ippjanar baġitarju tagħha, filwaqt li tqis kif xieraq il-proċess parallel;

Sejħiet għal proposti

15.  Jilqa' l-fatt li s-sejħiet għal proposti taħt l-FP7 għall-perjodu 2008-2013 irriżultaw f'54 ftehim ta' għotja b'total ta' EUR 897 000 000, li jammontaw għal 93 % tal-kontribuzzjoni massima tal-UE għall-Impriża Konġunta għal attivitajiet ta' riċerka;

16.  Jinnota li l-parteċipazzjoni tal-SMEs qiegħda tiżdied kontinwament, minħabba l-promozzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fl-attivitajiet tagħha; sa tmiem l-2014 l-SMEs ammontaw għal 16 % (2013: 15 %) tal-benefiċjarji kollha; barra minn hekk, l-SMEs involuti fi proġetti tal-Impriża Konġunta rċevew 15,8 % tal-baġit totali; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tkompli b'din ix-xejra;

17.  Jindika li billi l-Impriża Konġunta IMI 2 ħadet f'idejha l-attività tal-Impriża Konġunta IMI f'Ġunju 2014, m'hemmx biżżejjed informazzjoni ċara dwar l-istatus ta' implimentazzjoni tal-proġetti tal-Impriża Konġunta IMI (livell tal-pagamenti jew il-pjanijiet għall-pagamenti għas-snin sussegwenti);

Kunflitti ta' interess

18.  Jinnota li l-politika dwar il-kunflitti ta' interess għad-Direttur Eżekuttiv u l-persunal tal-Impriża Konġunta hija disponibbli għall-pubbliku fuq is-sit web tagħha;

19.  Jilqa' l-fatt li d-dikjarazzjoni tal-interessi tal-Aġent Direttur Eżekuttiv ġiet ppubblikata fuq is-sit web tal-Impriża Konġunta; l-ismijiet u s-CVs tal-membri tal-Bord tat-Tmexxija tal-Impriża Konġunta, il-Kumitat Xjentifiku u l-Grupp tar-Rappreżentanti tal-Istati lkoll huma pubblikament disponibbli permezz tas-sit web; iħeġġeġ lill-Impriża Konġunta tippubblika kull CV fuq il-websajt;

Qafas ġuridiku

20.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li r-regoli finanzjarji tal-Impriża Konġunta IMI 2 ġew adottati fis-7 ta' Lulju 2014 abbażi tar-regolament finanzjarju mudell għall-korpi ta' sħubija pubblika-privata;

Sistemi ta' kontroll intern

21.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li s-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) iffinalizza awditu dwar il-monitoraġġ u r-rappurtar tal-prestazzjoni operattiva, u li l-Impriża Konġunta indirizzat ir-rakkomandazzjonijiet kollha;

22.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fil-bidu tal-2015 ġew ikkompletati żewġ awditi - wieħed dwar kontrolli ex-ante għan-nefqa operattiva u ieħor dwar il-valutazzjoni tar-riskju; l-Impriża Konġunta indirizzat ir-rakkomandazzjoni dwar il-kontrolli ex-ante permezz ta' pjan ta' azzjoni li ġie aċċettat mill-IAS;

23.  Jilqa' l-pubblikazzjoni ta' analiżi qasira dwar ir-riżultati tal-proġetti tal-Impriża Konġunta marbuta mal-impatti soċjoekonomiċi fi Frar 2016; jinnota li qed titħejja analiżi estiża tal-impatt soċjo-ekonomiku minn esperti esterni u li għandha tiġi ppubblikata mhux aktar tard minn Mejju 2016; jistieden lill-Impriża Konġunta tippreżenta dak ir-rapport lill-awtorità ta' kwittanza;

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

18

3

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Bodil Valero

  • [1]    ĠU C 422, 17.12.2015, p. 61.
  • [2]    ĠU C 422, 17.12.2015, p. 62.
  • [3]    ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
  • [4]    ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38.
  • [5]    ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54.
  • [6]    ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
  • [7]    ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.
  • [8]    ĠU C 422, 17.12.2015, p. 61.
  • [9]    ĠU C 422, 17.12.2015, p. 62.
  • [10]    ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.
  • [11]    ĠU L 30, 4.2.2008, p. 38.
  • [12]    ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54.
  • [13]    ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.
  • [14]    ĠU L 38, 7.2.2014, p. 2.
  • [15]    Ir-Regolament tal-Kunsill (UE) Nru 557/2014 tas-6 ta' Mejju 2014 li jistabbilixxi Impriża Konġunta tal-Inizjattiva tal-Mediċini Innovattivi 2 (ĠU L 169, 7.6.2014, p. 54).