Proċedura : 2015/2176(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0086/2016

Testi mressqa :

A8-0086/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.36
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0172

RAPPORT     
PDF 720kWORD 139k
7.4.2016
PE 569.750v02-00 A8-0086/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2176(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Derek Vaughan

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0074/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0086/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0074/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (KE) Nru 178/2002 tat-28 ta' Jannar 2002 li jistabilixxi l-prinċipji ġenerali u l-ħtiġijiet tal-liġi dwar l-ikel, li jistabilixxi l-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel u jistabbilixxi l-proċeduri fi kwistjonijiet ta' sigurtà tal-ikel(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 44 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0086/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2176(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8-0086/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ("l-Awtorità") il-baġit finali għas-sena finanzjarja 2014 kien ta' EUR 79 701 222, li jirrappreżenta żieda ta' 2,11 % meta mqabbel mal-2013; billi l-baġit kollu tal-Awtorità ġej mill-baġit tal-Unjoni;

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), iddikjarat li kisbet assigurazzjoni raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

1.  Jinnota li l-isforzi ta' monitoraġġ baġitarju matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni tal-baġit ta' 99,69 %, li tfisser żieda ta' 0,86 % meta mqabbla mal-2013; jinnota, barra minn hekk, li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 89,31 %, li tfisser tnaqqis ta' 1,48 % meta mqabbla mal-2013;

Proċeduri ta' akkwist u ta' reklutaġġ

2.  Jinnota li fi tmiem l-2014, 449 kariga mill-474 disponibbli kienu okkupati, li jinkludu uffiċjali, aġenti temporanji u aġenti kuntrattwali kif ukoll esperti nazzjonali ssekondati; jinnota li l-medja annwali tar-rata ta' okkupazzjoni tal-karigi fl-organigramma tal-2014 (aġenti temporanji u uffiċjali) hija ta' 95,1 %, filwaqt li dik għall-aġenti kuntrattwali hija ta' 92,4 %;

3.  Jitlob lill-Awtorità tapplika b'mod rigoruż il-miżuri rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni rigward l-akkwist pubbliku, b'verifiki ta' sfond xierqa mwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitt ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

4.  Ifakkar lill-Awtorità li l-ewwel objettiv tal-politika tagħha dwar l-indipendenza għandha tkun ir-reputazzjoni tagħha u għaldaqstant biex tiżgura li l-Awtorità hija ħielsa minn kunflitti ta' interess reali jew ipperċepit, b'mod partikolari fir-rigward tas-setturi ekonomiċi li de facto hija tirregola;

5.  Jinnota li l-Awtorità stabbiliet proġett biex ittejjeb l-effiċjenza u l-konformità tal-ipproċessar tat-tranżazzjonijiet permezz ta' strateġija ċentralizzata, l-introduzzjoni ta' proċessi u strutturi ta' ppjanar, monitoraġġ u rapportar, kif ukoll permezz ta' proċessi u strutturi ċentralizzati ta' finanzjament u ta' akkwist; jinnota b'sodisfazzjon li dan il-proġett ser jippermetti lill-Awtorità twettaq il-mandat tagħha b'mod aktar effiċjenti, tnaqqas iż-żmien meħtieġ biex tipproduċi riżultati u l-għadd ta' persuni involuti, li jirriżulta fi tnaqqis ekwivalenti għal 14-il membru tal-persunal full-time fl-2015;

6.  Jilqa' l-fatt li, fl-2014, l-Awtorità implimentat programm ta' ġestjoni tat-talenti biex tottimizza l-użu tar-riżorsi umani tagħha (persunal u esperti);

7.  Huwa partikolarment konxju tal-interess pubbliku fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Awtorità, li jsir skont ir-rwol u r-responsabbiltajiet ġuridiċi tagħha; jenfasizza l-fatt li regoli kredibbli dwar l-integrità huma essenzjali u, barra minn hekk, li l-komunikazzjoni u d-disponibbiltà għall-midja huma fundamentali; jinnota li l-Awtorità qed talloka 74 % tar-riżorsi umani tagħha għal attivitajiet xjentifiċi, evalwazzjoni u ġbir u komunikazzjoni ta' data; iħeġġeġ lill-Awtorità tagħmel progress ulterjuri f'dan is-sens;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

8.  Jirrikonoxxi li l-Awtorità nediet proġett biex tibdel il-mod li bih teżamina u tipproċessa d-dikjarazzjonijiet annwali ta' interess sabiex tiżgura koerenza aħjar u konformità ġenerali mar-regoli tagħha dwar id-dikjarazzjonijiet ta' interess; jinnota, barra minn hekk, li din is-sistema ġdida, li mistennija titlesta matul l-2016, tipprevedi eżami ċentralizzat tad-dikjarazzjonijiet annwali ta' interess u t-trasferiment ta' responsabbiltà mid-dipartimenti xjentifiċi tal-Awtorità għad-dipartiment legali u regolatorju tagħha; jistieden lill-Awtorità tinkludi fil-politika tagħha l-projbizzjoni ta' ħidma ma' kwalunkwe espert inkluż ma' esperti delegati ta' Stati Membri li ma jimlewx b'mod korrett u leali d-dikjarazzjoni ta' interess; jistieden lill-Awtorità tinkludi fil-politika tagħha obbligu għall-esperti li jinfurmaw lill-Awtorità dwar kwalunkwe bidla matul il-ħidma tagħhom mal-Awtorità;

9.  Jinnota bi tħassib li sabiex tkun tista' taħdem mal-akkademiċi ewlenin fl-industrija kif ukoll ikollha l-aktar politika effikaċi possibbli dwar il-kunflitti ta' interess, l-Awtorità tuża sistema biex tivvaluta l-interessi tal-esperti, li tieħu kont tar-rwol tal-esperti u l-mandat tal-grupp jew bord ta' ħidma xjentifiku li tiegħu l-espert ikun membru skont għadd ta' kriterji differenti; jinnota, barra minn hekk, li fl-2016, l-Awtorità se twettaq eżami tas-sistemi li għandha fis-seħħ sabiex tidentifika kunflitti ta' interess bħala parti minn ċiklu ta' rieżami regolari tal-politika tagħha dwar l-indipendenza; jitlob lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-eżiti tar-rieżami u l-aġġustamenti meħtieġa għall-proċeduri għall-għażla tal-esperti u għall-verifika tal-kredenzjali tagħhom;

10.  Jitlob lil dawk l-istituzzjonijiet u l-aġenziji tal-Unjoni li daħħlu kodiċijiet ta' kondotta, inkluż il-Parlament Ewropew, biex itejbu l-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom, bħalma huma l-verifiki tad-dikjarazzjonijiet tal-interessi finanzjarji;

11.  Itenni t-talba tiegħu biex l-Awtorità tapplika perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn; ma jaċċettax il-ġustifikazzjoni tal-Awtorità dwar ir-rifjut tagħha li timplimenta t-talbiet ripetuti tal-awtorità ta' kwittanza biex tistabbilixxi perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn għall-interessi materjali kollha relatati mal-kumpaniji li hija tirregola;

12.  Jilqa' l-fatt li, biex ittejjeb il-politika tagħha dwar l-indipendenza u l-kunflitti ta' interess fir-rigward tal-gruppi ta' esperti, fl-2014 l-Awtorità wettqet analiżi ex-post tar-regoli tagħha dwar id-dikjarazzjonijiet tal-interessi; jinnota li din l-analiżi wasslet għal rieżami u adozzjoni ta' verżjoni ġdida, aktar sempliċi u aktar sofistikata ta' dawn ir-regoli; jistieden lill-Awtorità twettaq analiżijiet tal-politiki tagħha fuq bażi regolari sabiex tiżgura l-iżvilup kostanti tal-indipendenza tagħha;

13.  Ifakkar lill-Awtorità dwar id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tiddikjara li l-Awtorità "għandha tirrevedi r-regoli tagħha dwar il-kunflitt ta' interess" biex tiżgura li l-esperti li jaħdmu għall-akkademja jiddikjaraw l-informazzjoni relevanti kollha lill-Awtorità; huwa tal-fehma li jekk dan jaffettwa madwar terz tal-esperti kif iddikjarat mill-Awtorità, allura l-Awtorità għandha tagħti attenzjoni speċjali għall-kwistjoni u taħdem fuq miżuri speċifiċi flimkien mal-istituzzjonijiet akkademiċi kkonċernati biex tissalvagwardja l-integrità taż-żewġ istituzzjonijiet;

14.  Jieħu nota li l-proġett pilota żviluppat fl-2015 kellu l-għan li jesplora l-aħjar mod kif tiġi implimentata r-rakkomandazzjoni tal-awtorità ta' kwittanza sabiex il-proċess ta' validazzjoni tad-dikjarazzjonijiet ta' interess jiġi ċċentralizzat; josserva li dan il-proġett pilota tlesta b'suċċess fl-istess sena u li ċentralizzazzjoni sħiħa mistennija li tiġi implimentata sa tmiem l-ewwel semestru tal-2016; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-implimentazzjoni b'suċċess ta' din iċ-ċentralizzazzjoni;

15.  Josserva li matul l-2014 l-Awtorità rċeviet għadd ta' kontributi dwar kwistjonijiet relatati mal-indipendenza minn partijiet interessati u organizzazzjonijiet mhux governattivi; jinnota, barra minn hekk, li dawn kkontribwew għar-rieżami tar-regoli ta' implimentazzjoni tal-politika dwar l-indipendenza;

16.  Jitlob li jkun hemm titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha, permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku aħjar għad-dokumenti u b'regoli aktar rigorużi dwar il-kunflitti ta' interess, bl-introduzzjoni jew bit-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għal miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

17.  Jinkoraġġixxi lill-Awtorità tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politiki dwar il-kunflitti ta' interess, flimkien ma' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin, u l-inklużjoni tal-integrità u t-trasparenza bħala punti li jridu jiġu diskussi b'mod obbligatorju matul il-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni;

18.  Jirrimarka li diversi regoli tal-Unjoni, inkluż fost oħrajn il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, jagħtu lill-individwi d-dritt ta' aċċess għal dokumenti pubbliċi; ifakkar lill-Awtorità li r-rigorożita xjentifika tkun żgurata bl-aħjar mod jekk ikun hemm it-trasparenza u r-responsabbiltà tar-riżultati; jenfasizza li l-Awtorità għandha għalhekk tara li d-data użata biex jintlaħqu konklużjonijiet xjentifiċi tkun pubblika f'format li jista' jinqara minn magna sabiex tippermetti l-iskrutinju xjentifiku u l-progress kostanti;

19.  Jirrikonoxxi l-isforzi tal-Awtorità biex ittejjeb it-trasparenza tal-ħidma tagħha kif ukoll id-data li ntużat għal dan l-għan; jirrikonoxxi l-limitazzjonijiet legali eżistenti li hija taffaċċja biex iżżid it-trasparenza tad-data; jenfasizza li l-għan tad-divulgazzjoni tad-data huwa li tagħmilha possibbli li tiġi riprodotta l-ħidma tal-Awtorità u għalhekk il-miżuri meħuda lejn proċess trasparenti fil-valutazzjoni tar-riskju huma meqjusa bħala l-ewwel pass pożittiv, madankollu għandha wkoll tiġi żgurata t-trasparenza tad-data; jilqa', f'dan ir-rigward, it-tnedija, f'Jannar 2013, tal-inizjattiva favur it-trasparenza; jilqa', f'dan il-kuntest, il-preżentazzjoni u l-aċċessibbiltà mtejba tal-informazzjoni u d-dokumenti fil-homepage tal-Awtorità u azzjoni oħra meħuda, bħal opinjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-impatt li għandhom fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni, favur "EFSA miftuħa"; jinkoraġġixxi lill-Awtorità tagħmel progress ulterjuri f'dan is-sens;

20.  Jieħu nota li l-persunal tal-Awtorità huwa marbut legalment li jikkonforma mar-Regolamenti tal-Persunal(13) rigward impjieg futur; jinnota, barra minn hekk, li l-valutazzjoni tal-impjieg futur tal-persunal ssir fuq bażi sistematika, u li jekk l-impjieg jitqies bħala kunflitt ta' interess potenzjali, l-ebda ħatra ma għandha ssir sakemm il-kunflitt potenzjali jkun ġie riżolt abbażi ta' kriterji ċari, trasparenti u verifikabbli; jirrimarka li fl-2013, mid-29 membru tal-persunal statutorju li ħallew l-impjieg tagħhom mal-Awtorità, tlieta marru fis-settur kimiku/farmaċewtiku b'firxa ta' restrizzjonijiet stabbiliti għal dawn l-individwi; jirrikonoxxi li l-Awtorità tqis li diġà hemm fis-seħħ qafas legali u ta' governanza ċar dwar bibien iduru (revolving doors);

21.  Jirrikonoxxi li l-Awtorità wettqet eżerċizzju intern biex tivvaluta l-impatt li titneħħa l-possibbiltà li esperti janonimizzaw ċerti interessi fid-dikjarazzjonijiet tal-interess tagħhom; jinnota, abbażi tal-informazzjoni fornuta mill-Awtorità, li l-prattika li interessi jiġu anonimizzati ftit li xejn intużat fil-passat; jinnota, barra minn hekk, li fl-aħħar tiġdid tal-membri tal-bord li sar fl-2015, l-ebda espert xjentifiku ma għażel li janonimizza l-interessi tiegħu; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità m'għadhiex taċċetta interessi anonimizzati u neħħiet din l-għażla għall-esperti meta jimlew id-dikjarazzjoni tal-interess tagħhom; jitlob lill-Awtorità tivverifika d-dikjarazzjonijiet sottomessi mill-esperti li nħatru qabel l-2015 u li għażlu l-possibbiltà li janonomizzaw l-interessi tagħhom;

22.  Jitlob li l-Awtorità timplementa l-Artikolu 16 tar-Regolament tal-Persunal billi tippubblika, fuq bażi annwali, l-informazzjoni dwar l-uffiċjali għolja li ħallew is-servizz, kif ukoll elenku ta' kunflitti ta' interess;

23.  Jistenna bil-ħerqa r-riżultati tar-rieżami sistemiku tal-Awtorità tal-politika tagħha dwar l-indipendenza u l-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet xjentifiċi fl-2016; jilqa' l-impenn tal-Awtorità li tikkunsidra l-pubblikazzjoni tar-remunerazzjonijiet tal-attivitajiet dikjarati tal-esperti;

24.  Jistieden lill-Awtorità tagħmel aktar użu estensiv mill-istatus il-ġdid għas-smigħ tal-esperti billi ssegwi l-eżempju tal-esperti mistiedna mill-Aġenzija Internazzjonali għar-Riċerka dwar il-Kanċer tal-Organizzazzjoni Dinjija tas-Saħħa; jistieden lill-Awtorità tirrapporta lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-użu ta' esperti fil-qasam tas-seduti tas-smigħ;

25.  Jenfasizza li l-esperti f'aġenziji regolatorji jeħtieġ li jitħallsu għall-ħidma tagħhom sabiex ikunu indipendenti mis-settur li jirregolaw; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi l-mezzi finanzjarji lill-Awtorità biex din tħallas lill-esperti esterni u tiżviluppa riċerka interna ħalli tiżgura l-indipendenza;

26.  Jitlob lill-korp responsabbli tal-Awtorità jimplimenta l-istrateġija kontra l-frodi mill-aktar fis possibbli;

Awditjar intern

27.  Jinnota li sitt rakkomandazzjonijiet maħruġa mis-Servizz ta' Awditjar Intern tal-Kummissjoni (IAS) u mmarkati bħala "Importanti ħafna" infetħu fil-bidu tal-2014; jirrikonoxxi li erbgħa mir-rakkomandazzjonijiet importanti ħafna ġew irrappurtati bħala implimentati mill-Awtorità u bħalissa qed jistennew li jingħataw segwitu mill-IAS; josserva li t-tnejn li għad baqa' ngħalqu mill-IAS wara l-introduzzjoni tar-Regolamenti l-ġodda tal-Persunal fis-sena finanzjarja 2014; jistenna bil-ħerqa r-rieżami li jmiss tal-IAS dwar l-istatus tar-rakkomandazzjonijiet implimentati;

28.  Jirrikonoxxi li l-Awtorità wettqet simulazzjoni biex tivvaluta l-impatt tal-applikazzjoni ta' perjodu ta' preklużjoni ta' sentejn għal ċerti interessi ta' esperti li jaħdmu fil-bordijiet tal-Awtorità; jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità għandha tintroduċi perjodi ta' preklużjoni ta' sentejn fir-rigward tal-interessi msemmija hawn fuq qabel it-tiġdid li jmiss tal-bord; jieħu nota li fir-rigward ta' perjodi ta' preklużjoni għall-finanzjament tar-riċerka, l-Awtorità diġà għandha fis-seħħ sistema li tillimita l-finanzjament tar-riċerka minn sorsi privati għal massimu ta' 25 % tal-baġit totali tar-riċerka taħt kontroll ta' espert tal-Awtorità;

Kontrolli interni

29.  Jirrikonoxxi li r-rieżami tal-Istandards ta' Kontroll Intern tal-Awtorità mwettaq fl-2014 ikkonkluda li s-sistema ta' kontroll intern tagħha hija konformi ma' dawn l-istandards; jinnota, madankollu, li jeżistu oqsma fejn jista' jsir titjib biex tissaħħaħ il-kwalità tas-sistema ta' kontroll intern, b'mod partikolari rigward l-evalwazzjoni u l-iżvilupp tal-persunal, l-istruttura operattiva u l-evalwazzjoni tal-attivitajiet; jistieden lill-Awtorità tipprovdi rapport lill-awtorità ta' kwittanza dwar l-azzjonijiet li għandhom jindirizzaw din il-kwistjoni u l-progress li sar f'dan ir-rigward;

30.  Jaċċerta li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern tal-Awtorità tqis li s-sistema ta' kontroll intern fis-seħħ tagħti assigurazzjoni raġonevoli dwar il-kisba tal-objettivi kummerċjali stabbiliti għall-proċessi awditjati, ħlief għall-monitoraġġ tad-drittijiet ta' aċċess għall-utent mogħti fis-sistema tal-kontabbiltà ABAC u l-ħatra formali tal-atturi finanzjarji; jistieden lill-Awtorità tinforma lill-awtorità ta' kwittanza dwar il-progress li sar f'dan ir-rigward;

31.  Jinnota li l-Kapaċità ta' Awditjar Intern segwiet l-azzjonijiet korrettivi kollha pendenti fl-oqsma tal-ġestjoni tad-data, tal-kontinwità kummerċjali u tas-sigurtà tal-IT; jinnota b'mod partikolari li l-azzjonijiet li jikkonċernaw il-ġestjoni tad-data u s-sigurtà tal-IT ġew implimentati bis-sħiħ; jieħu nota li, rigward il-kontinwità kummerċjali, il-maġġoranza tal-azzjonijiet ġew implimentati u l-azzjonijiet li għad baqa' huma ppjanati li jiġu implimentati sa tmiem l-2016;

Kummenti oħra

32.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li, b'segwitu għall-emendar tar-Regolamenti tal-Persunal fl-2004 permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 723/2004, dawn jinkludu dispożizzjonijiet biex ir-remunerazzjoni futura tal-uffiċjali rreklutati qabel l-1 ta' Mejju 2004 m'għandhiex tkun inqas minn dik skont ir-Regolamenti tal-Persunal preċedenti; josserva li l-awditu tal-Qorti żvela li ma kienx hemm konformità miegħu, fil-każ ta' tmienja mill-71 uffiċjal impjegati dak iż-żmien, li wassal għal pagament insuffiċjenti ta' EUR 87 000 għall-perjodu bejn l-2005 u l-2014; jinnota li l-Awtortià se tieħu l-azzjonijiet meħtieġa biex tirrimedja din il-kwistjoni fi żmien debitu;

33.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità żviluppat numru ta' miżuri għall-appoġġ kemm tal-għanijiet ta' ftuħ u trasparenza kif ukoll għad-djalogu mal-partijiet interessati, inklużi r-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili; jieħu nota li l-Awtorità nediet inizjattivi ġodda biex is-soċjetà tipparteċipa aktar fil-proċess tal-valutazzjoni tar-riskji tal-Awtorità, bħal laqgħat plenarji fi Brussell b'sessjoni ddedikata biex tinteraġixxi ma' osservaturi u partijiet interessati, konsultazzjonijiet pubbliċi ta' dokumenti preliminari għal dokumenti ta' gwida, konsultazzjonijiet pubbliċi dwar abbozzi ta' opinjonijiet segwiti minn laqgħat iddedikati mal-partijiet interessati u preżenza fil-midja soċjali;

34.  Jirrikonoxxi li parti kbira tad-diffikultajiet li l-Awtorità taffaċċja biex tiżgura l-indipendenza tagħha tirriżulta mill-fatt li l-Kummissjoni tirrifjuta b'mod konsistenti li tallokalha biżżejjed mezzi operattivi għall-ħidma tagħha biex tiddefendi s-sigurtà tal-ikel għaċ-ċittadini tal-Unjoni b'mod indipendenti mill-influwenza tal-industrija regolata;

35.  Jilqa' l-isforzi tal-Awtorità biex timplimenta azzjonijiet korrettivi wara l-kummenti preċedenti tal-Qorti, partikolarment it-titjib li sar fil-programm ta' ħidma annwali tagħha biex dan jinkludi aktar dettalji dwar l-akkwisti u l-għotjiet ippjanati;

°  °

36.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' [xx xxxx 2016](14) [dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji].

26.1.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel

għall-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2176(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Giovanni La Via

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jinnota li fl-2014 ammont ta' EUR 80 547 505 tqiegħed għad-dispożizzjoni tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel ('l-Awtorità') permezz tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea u li dan l-ammont jirrappreżenta 0,056 % tal-baġit kumplessiv tal-UE;

2.  Jinnota li l-livell ta' eżekuzzjoni jammonta għal 98,9 % li jirrappreżenta ammont ta' approprjazzjonijiet mhux użati ta' EUR 0,918 miljun; jinnota wkoll li din is-sottoeżekuzzjoni tikkorrispondi għad-dħul assenjat mhux użat (l-eżitu tal-Awtorità tal-2013), li reġa' ntuża fl-2015;

3.  Jieħu nota tal-fatt li sa tmiem l-2014 330 kariga minn 344 kienu mtlew; jilqa' ż-żieda fir-rata ta' okkupazzjoni meta mqabbla mal-2013;

4.  Jilqa' l-fatt li, fl-2014, l-Awtorità implimentat programm ta' ġestjoni tat-talenti biex tottimizza l-użu tar-riżorsi umani tagħha (persunal u esperti);

5.  Huwa partikolarment konxju tal-interess pubbliku fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet fl-Awtorità, li jsir skont ir-rwol u r-responsabbiltajiet ġuridiċi tagħha; jenfasizza l-fatt li regoli kredibbli dwar l-integrità huma essenzjali u, barra minn hekk, li l-komunikazzjoni u d-disponibbiltà għall-midja huma fundamentali; jinnota li l-Awtorità qed talloka 74 % tar-riżorsi umani tagħha għal attivitajiet xjentifiċi, evalwazzjoni u ġbir u komunikazzjoni ta' data; iħeġġeġ lill-Awtorità tagħmel progress ulterjuri f'dan is-sens;

6.  Jieħu nota tal-kumment li sar mill-Qorti tal-Awdituri, li jiffoka fuq żbalji fil-pagamenti tas-salarji, li wasslu għal sottopagament għall-perjodu mill-2005 sal-2014, u jistieden lill-Awtorità tieħu miżuri korrettivi kif meħtieġ mill-aktar fis possibbli;

7.  Jilqa' l-isforzi tal-Awtorità biex timplimenta azzjonijiet korrettivi wara l-kummenti preċedenti tal-Qorti tal-Awdituri, partikolarment it-titjib li sar fil-programm ta' ħidma annwali tagħha biex dan jinkludi aktar dettalji dwar l-akkwisti u l-għotjiet ippjanati; jirrikonoxxi l-ħidma mwettqa, sa mill-2012, biex titjieb l-effikaċja tas-sistema ta' kontroll intern tal-Awtorità permezz ta' awtovalutazzjoni rigoruża, proċess li għadu għaddej;

8.  Jilqa' wkoll l-isforzi tal-Awtorità biex timplimenta azzjonijiet korrettivi wara l-kummenti tal-Parlament fil-kuntest tal-proċedura ta' kwittanza 2013, fl-oqsma tal-kontroll finanzjarju, l-istandards tal-kontroll intern u l-awditjar intern; u, barra minn hekk, jieħu nota tal-isforzi tal-Awtorità biex ittejjeb is-sistema fis-seħħ għall-ġestjoni tal-interessi tal-esperti xjentifiċi tal-Awtorità;

9.  Ifakkar lill-Awtorità dwar id-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew li tiddikjara li l-Awtorità "għandha tirrevedi r-regoli tagħha dwar il-kunflitt ta' interess" biex tiżgura li l-esperti li jaħdmu għall-akkademja jiddikjaraw l-informazzjoni relevanti kollha lill-Awtorità;

10.  Jistenna b'ħerqa r-riżultati tar-rieżami sistemiku tal-Awtorità tal-politika tagħha dwar l-indipendenza u l-proċess xjentifiku tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

11.  Jirrimarka li l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tagħti lill-individwi d-dritt ta' aċċess għal dokumenti pubbliċi; ifakkar li r-riġorożità xjentifika tkun żgurata bl-aħjar mod jekk ikun hemm it-trasparenza u responsabbilità fir-rigward tar-riżultati;

12.  Jemmen li l-Awtorità għandha tibqa' tagħti attenzjoni speċjali lill-opinjoni pubblika, u timpenja ruħha, kemm jista' jkun, favur l-aċċess miftuħ u t-trasparenza; jinnota li l-miżuri meħuda favur it-trasparenza tal-proċess fil-valutazzjoni tar-riskju huma pass 'il quddiem pożittiv, iżda t-trasparenza tad-data għandha tiġi żgurata wkoll; jilqa', f'dan ir-rigward, il-varar, f'Jannar 2013, tal-inizjattiva favur it-trasparenza; jilqa', f'dan il-kuntest, il-preżentazzjoni u l-aċċessibbiltà mtejba tal-informazzjoni u d-dokumenti fil-homepage tal-Awtorità u azzjoni oħra meħuda, bħal opinjonijiet dwar il-valutazzjoni tar-riskju u l-impatt li għandhom fuq iċ-ċittadini tal-Unjoni, favur "EFSA miftuħa"; iħeġġeġ lill-Awtorità tagħmel progress ulterjuri f'dan is-sens;

13.  Jitlob lill-korp responsabbli tal-Awtorità jimplimenta l-istrateġija kontra l-frodi mill-aktar fis possibbli;

14.  Jilqa' l-fatt li l-Qorti tal-Awdituri ħabbret li t-tranżazzjonijiet li l-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014 huma bbażati fuqhom kienu legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

15.  Jirrakkomanda, abbażi tal-fatti disponibbli, li tingħata l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Ewropea dwar is-Sigurtà fl-Ikel għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

21.1.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

49

14

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Catherine Bearder, Ivo Belet, Simona Bonafè, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Seb Dance, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Stefan Eck, Bas Eickhout, Eleonora Evi, José Inácio Faria, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Jytte Guteland, György Hölvényi, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Marcus Pretzell, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Tibor Szanyi, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Estefanía Torres Martínez, Nils Torvalds, Glenis Willmott, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Herbert Dorfmann, Christofer Fjellner, Luke Ming Flanagan, Elena Gentile, Martin Häusling, Karol Karski, Andrey Kovatchev, Merja Kyllönen, Marijana Petir, Christel Schaldemose, Jasenko Selimovic, Bart Staes, Mihai Ţurcanu, Tom Vandenkendelaere, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

12

7

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Valero

(1)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 160.

(2)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 160.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(4)

ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1

(5)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(7)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 160.

(8)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 160.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1

(10)

ĠU L 31, 1.2.2002, p. 1

(11)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42

(13)

Regolament (UE, Euratom) Nru 1023/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-22 ta' Ottubru 2013 li jemenda r-Regolamenti tal-Persunal għall-Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea u l-Kondizzjonijiet tal-Impjieg ta' Aġenti Oħra tal-Unjoni Ewropea (ĠU L 287, 29.10.2013, p. 15).

(14)

Testi adottati ta' din id-data, P[8_TA(-PROV)(2016)0000].

Avviż legali - Politika tal-privatezza