Proċedura : 2015/2188(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0090/2016

Testi mressqa :

A8-0090/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.31
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0167

RAPPORT     
PDF 713kWORD 127k
7.4.2016
PE 569.745v01-00 A8-0090/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2188(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Derek Vaughan

 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2188(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità(1),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(2) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0086/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(3), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(4), u b'mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(5),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(6), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0090/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hija parti integrali minnha, lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2188(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Qorti tal-Awdituri dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-Awtorità(7),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(8) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tat-12 ta' Frar 2016 dwar il-kwittanza li għandha tingħata lill-Awtorità fir-rigward tal-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014 (05584/2016 – C8-0086/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(9), u b'mod partikolari l-Artikolu 208 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1093/2010 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-24 ta' Novembru 2010 li jistabbilixxi Awtorità Superviżorja Ewropea (Awtorità Bankarja Ewropea) u li jemenda d-Deċiżjoni Nru 716/2009/KE u jħassar id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni 2009/78/KE(10), u b'mod partikolari l-Artikolu 64 tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kummissjoni (KE, Euratom) Nru 2343/2002 tad-19 ta' Novembru 2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju strutturali għall-entitajiet imsemmijin fl-Artikolu 185 tar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 dwar ir-Regolament Finanzjarju li jgħodd għall-baġit ġenerali tal-Komunitajiet Ewropej(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(12), u b'mod partikolari l-Artikolu 108 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0090/2016),

1.  Jinnota li l-kontijiet annwali finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea huma kif annessi mar-rapport tal-Qorti tal-Awdituri;

2.  Japprova l-għeluq tal-kontijiet tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni lid-Direttur Eżekuttiv tal-Awtorità Bankarja Ewropea, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, u biex jiżgura li tiġi ppubblikata f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

3. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2188(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji (A8-0090/2016),

A.  billi, skont ir-rapporti finanzjarji tagħha, il-baġit finali tal-Awtorità Bankarja Ewropea ("l-Awtorità") għas-sena finanzjarja 2014 kien ta' EUR 33 599 863, li jfisser żieda ta' 29,39 % meta mqabbel ma' dak għall-2013, u dan minħabba l-fatt li l-Awtorità ġiet stabbilita reċentement; billi l-Awtorità hija ffinanzjata mill-kontribuzzjoni tal-Unjoni (40 %), u minn kontribuzzjonijiet mill-Istati Membri (60 %);

B.  billi l-Qorti tal-Awdituri ("il-Qorti"), fir-rapport tagħha dwar il-kontijiet annwali tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 ("ir-rapport tal-Qorti"), stqarret li kisbet assigurazzjonijiet raġonevoli li l-kontijiet annwali tal-Awtorità għas-sena finanzjarja 2014 huma affidabbli u li t-tranżazzjonijiet ta' bażi huma legali u regolari;

Segwitu għall-kwittanza 2013

1.  Jinnota mir-rapport tal-Qorti li fir-rigward ta' kumment wieħed li sar fir-rapport tal-Qorti tal-2012 u mmarkat li ''Għadu għaddej'' fir-rapport tal-Qorti tal-2013, ittieħdu azzjonijiet korrettivi u fil-maġġor parti tagħhom huma ffinalizzati, u l-kumment issa huwa mmarkat bħala ''Ikkompletat"; jinnota barra minn hekk li żewġ kummenti li saru fir-rapport tal-Qorti tal-2013 issa huma mmarkati bħala ''Mhux applikabbli'';

Ġestjoni baġitarja u finanzjarja

2.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-isforzi ta' monitoraġġ tal-baġit matul is-sena finanzjarja 2014 irriżultaw f'rata ta' implimentazzjoni baġitarja ta' 99,81 %, li tfisser żieda ta' 2,28 % meta mqabbla mal-2013, u li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet ta' pagament kienet ta' 83,94 %, li tfisser żieda ta' 8,60 %; jirrikonoxxi mill-Awtorità li ż-żieda fir-rati ta' eżekuzzjoni tal-baġit irriżultat minn titjib fl-ippjanar u l-monitoraġġ baġitarju;

Impenji u riporti

3.  Jinnota li l-Awtorità kompliet tnaqqas ir-rata globali ta' approprjazzjonijiet impenjati riportati minn 16,50 % fl-2013 għal 15,90 % fl-2014; jirrikonoxxi li l-approprjazzjonijiet impenjati riportati għat-Titolu II kienu jammontaw għal EUR 3 431 070, u fil-maġġor parti kienu relatati maċ-ċaqliq tal-Awtorità lejn il-bini l-ġdid tagħha f'Diċembru 2014;

4.  Jinnota b'sodisfazzjon li l-Awtorità ġabet il-kuntratti tal-IT tagħha aktar konformi mas-sena finanzjarja sabiex jitnaqqas il-livell ta' riporti marbutin mal-akkwist ippjanat ta' infrastruttura u servizzi tal-IT; jindika li r-rata perċentwali tar-riporti relatata ma' kuntratti tal-IT naqset b'9 % meta mqabbla mal-2013;

5.  Jikkonstata li r-rata ta' eżekuzzjoni tal-approprjazzjonijiet impenjati riportati mill-2013 kienet ta' 92 %; jindika li l-mira tal-Awtorità ta' 95 % ma ntlaħqitx biss minħabba tnaqqis fil-prezz tas-servizzi tagħha tal-infrastruttura tal-IT;

Trasferimenti

6.  Jinnota mill-kontijiet annwali tal-Awtorità li l-Bord Maniġerjali tagħha approva ħames trasferimenti baġitarji implimentati matul l-2014 li qabżu l-limitu msemmi fl-Artikolu 27 tar-Regolament ta' Delega tal-Kummissjoni (UE) Nru 1271/2013 tat-30 ta' Settembru 2013 dwar Regolament Finanzjarju ta' qafas għall-korpi msemmija fl-Artikolu 208 tar-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(13);

Proċeduri ta' akkwist u reklutaġġ

7.  Jinnota mill-kontijiet annwali tal-Awtorità li l-għadd ta' postijiet mimlija huwa 146; jilqa' l-enfasi tal-Awtorità li talloka r-riżorsi tagħha lill-oqsma kummerċjali ewlenin tagħha; jindika li għal kull erba' postijiet marbuta mal-implimentazzjoni diretta tal-mandat tal-Awtorità, hemm biss post amministrattiv wieħed;

8.  Jitlob lill-Awtorità tapplika strettament il-miżuri rigward id-diskrezzjoni u l-esklużjoni fl-akkwist pubbliku, b'verifiki xierqa dwar il-preċedenti mwettqa f'kull każ, u li tapplika l-kriterji tal-esklużjoni ħalli l-kumpaniji ma jitħallewx joperaw f'każ ta' kunflitti ta' interess, billi dan huwa essenzjali għall-ħarsien tal-interessi finanzjarji tal-Unjoni;

Prevenzjoni u ġestjoni tal-kunflitti ta' interess u t-trasparenza

9.  Jirrikonoxxi li d-dikjarazzjonijiet ta' intenzjoni u d-dikjarazzjonijiet tal-interessi tal-membri u l-osservaturi tal-Bord tas-Superviżuri tal-Awtorità, il-Bord Maniġerjali u l-maniġment tal-Awtorità ġew ippubblikati fuq is-sit web tagħha; jinnota li d-dikjarazzjonijiet tal-interessi għall-persunal jinġabru kull sena u huma evalwati minn uffiċjal tal-etika;

10.  Iħeġġeġ lill-Awtorità tissensibilizza aktar lill-membri tal-persunal tagħha dwar il-politiki li jittrattaw il-kunflitti ta' interess, flimkien ma' attivitajiet ta' sensibilizzazzjoni li għaddejjin, u li tinkludi l-integrità u t-trasparenza bħala punt obbligatorju li jrid jiġi diskuss matul il-proċeduri ta' reklutaġġ u ta' valutazzjoni tal-prestazzjoni;

11.  Jitlob li jsir titjib globali fil-prevenzjoni tal-korruzzjoni u fil-ġlieda kontriha permezz ta' approċċ olistiku, li jibda b'aċċess pubbliku mtejjeb għad-dokumenti u b'regoli aktar stretti dwar il-kunflitti ta' interess, bl-introduzzjoni jew bit-tisħiħ ta' reġistri ta' trasparenza u l-għoti ta' riżorsi suffiċjenti għal miżuri tal-infurzar tal-liġi, u anke permezz ta' titjib fil-kooperazzjoni bejn l-Istati Membri u ma' pajjiżi terzi rilevanti;

12.  Jinnota li l-istrateġija ta' kontra l-frodi tal-Awtorità ġiet adottata f'April 2015 u li se tiġi implimentata bejn l-2015 u l-2017;

13.  Jinnota li l-proċessi relatati mal-politika dwar l-indipendenza u l-proċessi tat-teħid ta' deċiżjonijiet ġew implimentati mill-Awtorità sabiex ikun żgurat li l-membri u l-osservaturi ġodda jipprovdu d-dikjarazzjonijiet meħtieġa; jinnota barra minn hekk li l-membri u l-osservaturi li rriżenjaw huma mfakkra dwar l-obbligi kontinwi tagħhom;

14.  Jitlob li l-Awtorità timplimenta l-Artikolu 16 tar-Regolamenti tal-Persunal billi kull sena tippubblika l-informazzjoni dwar l-uffiċjali anzjani li telqu mis-servizz, kif ukoll lista ta' kunflitti ta' interess;

Awditu intern

15.  Jinnota li fl-2014 is-Servizz tal-Awditjar Intern tal-Kummissjoni wettaq rieżami limitat tal-ġestjoni tal-proġetti tal-IT tal-Awtorità; jinnota barra minn hekk li minn erba' sejbiet identifikati, l-ebda waħda minnhom ma kienet meqjusa kritika; jirrikonoxxi li l-pjan ta' azzjoni miftiehem li jindirizza dawn is-sejbiet diġà ġie implimentat bis-sħiħ mill-Awtorità; jirrikonoxxi li matul l-2014, ma nħarġet jew ingħalqet l-ebda rakkomandazzjoni kritika u li fl-1 ta' Jannar 2015 ma kien hemm l-ebda rakkomandazzjoni kritika miftuħa;

Prestazzjoni

16.  Jieħu nota tal-fatt li l-Awtorità tikkoopera mill-qrib mal-Awtorità Ewropea tal-Assigurazzjoni u l-Pensjonijiet tax-Xogħol u mal-Awtorità Ewropea tat-Titoli u s-Swieq fil-funzjonijiet ta' appoġġ kollha sabiex l-ispejjeż amministrattivi jitnaqqsu kull fejn possibbli, jiġu sfruttati s-sinerġiji u jiġu kondiviżi l-aħjar prattiki; jistenna bil-ħerqa sforzi ulterjuri min-naħa tal-Awtorità għat-tisħiħ tal-kooperazzjoni ma' aġenziji deċentralizzati oħra;

17.  Jinnota li l-Awtorità tuża s-sistemi ta' kontabilità pprovduti mill-Kummissjoni, li ġew ivvalidati mill-uffiċjal tal-kontabilità abbażi tax-xogħol imwettaq minn kumpanija tal-kontabilità indipendenti li tkopri s-sistemi, iċ-ċirkwiti finanzjarji u rieżami ta' skemi tal-kontabilità; jinnota madankollu li matul l-2014 u bil-ħsieb li tiżdied l-effiċjenza ta' dawn is-sistemi, ġew implimentati l-bidliet għall-implimentazzjoni ta' pagamenti tal-massa għall-missjonijiet u ġie introdott u ttestjat b'suċċess it-twassil elettroniku tal-fatturi;

Kummenti oħra

18.  Ifakkar li l-Parlament kellu rwol ewlieni fl-isforzi biex titwaqqaf Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) ġdida u komprensiva wara l-kriżi finanzjarja, u fil-ħolqien, bħala parti mis-sistema SESF, tal-Awtorità fl-2011;

19.  Jissottolinja li r-rwol tal-Awtorità fil-promozzjoni ta' reġim superviżorju komuni fis-suq intern huwa essenzjali biex tiġi żgurata stabbiltà finanzjarja, suq finanzjarju integrat aħjar, aktar effiċjenti u sikur, kif ukoll livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni billi tippromwovi l-korrettezza u t-trasparenza fis-suq tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji;

20.  Jenfasizza li l-ħidma tal-Awtorità hija ta' natura purament teknika u li deċiżjonijiet politiċi ewlenin huma l-prerogattiva tal-leġiżlatur tal-Unjoni;

21.  Jindika li l-Awtorità, meta twettaq l-attivitajiet tagħha, jeħtiġilha tagħti attenzjoni partikolari sabiex iżżomm is-sikurezza u s-solidità tas-settur finanzjarju, tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u tikkonforma mal-prinċipji fundamentali tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji; jissottolinja li l-Awtorità, fuq dik il-bażi, trid tistinka ħalli tikseb riżultati mhux ambigwi, konsistenti, koerenti u ħielsa minn kumplessità superfluwa;

22.  Jindika li huwa ta' importanza partikolari li d-dispożizzjonijiet abbozzati mill-Awtorità jitfasslu b'mod li jippermettu li jiġu applikati ugwalment minn entitajiet iżgħar;

23.  Jenfasizza li, għall-kwistjonijiet kollha marbuta mar-riżorsi tal-Awtorità, irid ikun żgurat li l-mandat jista' jiġi sodisfatt konsistentement u li l-limiti prattiċi ta' superviżjoni indipendenti, affidabbli u effikaċi ma jiġux stabbiliti minn restrizzjonijiet baġitarji;

24.  Jieħu nota tal-konklużjoni tal-Qorti fir-rapport speċjali tagħha Nru 2014/05, li, b'mod ġenerali, l-Awtorità ma kellhiex biżżejjed riżorsi għad-dispożizzjoni tagħha matul il-fażi tal-bidu tagħha sabiex tkun tista' twettaq il-mandat; jirrikonoxxi li l-fażi tal-istabbiliment tas-SESF għadha ma tlestietx u għaldaqstant jinnota li l-kompiti diġà fdati lill-Awtorità, kif ukoll il-kompiti addizzjonali previsti fil-ħidma leġiżlattiva li għaddejja, jeħtieġu livell adegwat ta' persunal, kemm f'termini kwantitattivi kif ukoll ta' kwalifiki, kif ukoll ta' finanzjament li jippermetti superviżjoni sodisfaċenti; jenfasizza li, sabiex tinżamm il-kwalità tal-ħidma superviżjorja, spiss jiġri li espansjoni tal-kompiti trid tiġi abbinata ma' espansjoni tar-riżorsi; jenfasizza madankollu, li kwalunkwe żieda potenzjali fil-mezzi tal-Awtorità trid tiġi spjegata bir-reqqa u akkumpanjata minn miżuri ta' razzjonalizzazzjoni kull fejn hu possibbli;

25.  Jenfasizza li, filwaqt li tiżgura li l-kompiti kollha jitwettqu bis-sħiħ, l-Awtorità trid iżżomm bir-reqqa mal-kompiti assenjati lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni u m'għandhiex tfittex li de facto twessa' l-mandat tagħha lil hinn minn dak assenjat; jenfasizza li, meta twettaq il-ħidma tagħha u b'mod partikolari fl-abbozzar tal-istandards tekniċi u l-konsulenza teknika, l-Awtorità jeħtiġilha tinforma lill-Parlament fil-ħin, b'mod regolari u komprensiv dwar l-attivitajiet tagħha; jiddispjaċih li fil-passat dan mhux dejjem seħħ;

26.  Jenfasizza li, meta tabbozza leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, linji gwida, mistoqsijiet u tweġibiet jew miżuri simili, l-Awtorità dejjem trid tirrispetta l-mandat attribwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u ma tridx tipprova tistabbilixxi standards f'oqsma li fihom għad hemm proċessi leġiżlattivi pendenti;

27.  Jiddispjaċih ikollu jirrikonoxxi li l-Awtorità ma rnexxilhiex iżżomm lil-leġiżlatur tal-Unjoni infurmat b'mod suffiċjenti u komprensiv dwar id-dettalji kollha tal-ħidma li qed twettaq;

28.  Jiddispjaċih ikollu jirrikonoxxi li f'xi okkażjonijiet, id-dokumenti għaddew għand il-leġiżlatur tal-Unjoni biss wara li kienu ġew żvelati lill-pubbliku, u jqis li dan mhuwiex aċċettabbli;

29.  Jikkonkludi li l-arranġament ta' finanzjament imħallat tal-Awtorità, li jiddependi ħafna fuq il-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, hu inadegwat, inflessibbli, oneruż u ta' theddida potenzjali għall-indipendenza tagħha; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni biex fil-White Paper ippjanata għat-tieni trimestru tal-2016 u fi proposta leġiżlattiva li għandha tiġi ppreżentata sal-2017 tniedi arranġament finanzjarju differenti bbażat fuq linja baġitarja separata fil-baġit tal-Unjoni u fuq is-sostituzzjoni totali tal-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali b'tariffi mħallsa mill-parteċipanti tas-suq;

30.  Jistieden lill-Awtorità tissupplimenta l-komunikazzjoni mal-Parlament dwar abbozzi ta' pariri jew standards tekniċi relatati mal-kalibrazzjoni ta' formuli prudenzjali, b'deskrizzjoni sħiħa tad-data u l-metodoloġija użati f'tali kalibrazzjonijiet;

31.  Jilqa' ż-żieda fit-trasparenza b'rabta mal-laqgħat tal-Awtorità mal-partijiet ikkonċernati;

°

°  °

32.  Jirreferi, fir-rigward tal-kummenti l-oħrajn li jakkumpanjaw id-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza, li huma ta' natura orizzontali, għar-riżoluzzjoni tiegħu ta' [xx xxxx 2016](14) [dwar il-prestazzjoni, il-ġestjoni finanzjarja u l-kontroll tal-aġenziji].).

25.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

għall-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Awtorità Bankarja Ewropea għas-sena finanzjarja 2014

(2015/2188(DEC))

Rapporteur għal opinjoni: Markus Ferber

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Ifakkar li l-Parlament Ewropew kien mutur kruċjali fl-isforzi biex titwaqqaf Sistema Ewropea ta' Superviżjoni Finanzjarja (SESF) ġdida u komprensiva fis-sitwazzjoni li ħalliet warajha l-kriżi finanzjarja, u biex tinħoloq, bħala parti mis-SESF, l-Awtorità Bankarja Ewropea (EBA) fl-2011;

2.  Jissottolinja li r-rwol tal-EBA fil-promozzjoni ta' reġim superviżorju komuni fis-suq intern huwa essenzjali biex tiġi żgurata stabbiltà finanzjarja, suq finanzjarju integrat aħjar, aktar effiċjenti u sikur, kif ukoll livell għoli ta' protezzjoni tal-konsumatur fl-Unjoni billi tippromwovi l-korrettezza u t-trasparenza fis-suq tal-prodotti u s-servizzi finanzjarji;

3.  Jenfasizza li l-ħidma tal-EBA hija ta' natura purament teknika u li deċiżjonijiet politiċi fundamentali huma l-prerogattiva tal-leġiżlatur tal-Unjoni;

4.  Jirrimarka li l-EBA, meta twettaq l-attivitajiet tagħha, jeħtiġilha tagħti attenzjoni partikolari biex tiddefendi s-sikurezza u s-solidità tas-settur finanzjarju, tiżgura l-kompatibbiltà mad-dritt tal-Unjoni, filwaqt li tirrispetta l-prinċipju tal-proporzjonalità u tikkonforma mal-prinċipji fundamentali tas-suq intern għas-servizzi finanzjarji; jenfasizza li l-EBA, fuq dik il-bażi, trid tistinka biex tikseb riżultati mhux ambigwi, konsistenti, koerenti u mingħajr kumplessità superfluwa;

5.  Jirrimarka li huwa ta' importanza partikolari li d-dispożizzjonijiet abbozzati mill-EBA jitfasslu b'mod li jippermettu li jiġu applikati ugwalment minn entitajiet iżgħar;

6.  Jirrikonoxxi li, fil-fehma tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, it-tranżazzjonijiet tal-EBA li fuqhom huma bbażati l-kontijiet annwali għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 huma legali u regolari fl-aspetti materjali kollha;

7.  Jenfasizza li, għall-kwistjonijiet kollha marbuta mar-riżorsi tal-EBA, irid ikun żgurat li l-mandat jista' jiġi ssodisfat konsistentement u li l-limiti prattiċi ta' superviżjoni indipendenti, affidabbli u effettiva ma jiġux stabbiliti minn restrizzjonijiet baġitarji;

8.  Jieħu nota tal-konklużjoni tal-Qorti Ewropea tal-Awdituri, fir-Rapport Speċjali Nru 5/2014 tagħha, li, b'mod ġenerali, fil-fażi tal-bidu tagħha l-EBA ma kellhiex biżżejjed riżorsi għad-dispożizzjoni sabiex tkun tista' twettaq il-mandat tagħha; jirrikonoxxi li l-fażi tal-istabbiliment tas-SESF għadha ma tlestietx u għaldaqstant jinnota li l-kompiti diġà mogħtija lill-EBA, kif ukoll il-kompiti addizzjonali previsti fil-ħidma leġiżlattiva li għaddejja, jeħtieġu livell adegwat ta' persunal, kemm f'termini ta' numri kif ukoll ta' kwalifiki, u ta' finanzjament li jippermetti superviżjoni sodisfaċenti; jenfasizza li, sabiex titħares il-kwalità tal-ħidma superviżjorja, ta' spiss jiġri li espansjoni tal-kompiti trid tiġi kkorrisposta b'espansjoni tar-riżorsi; jenfasizza, madankollu, li kwalunkwe żieda potenzjali fil-mezzi tal-EBA trid tiġi spjegata fil-fond u akkumpanjata minn miżuri ta' razzjonalizzazzjoni kull fejn hu possibbli;

9.  Jenfasizza li, filwaqt li tiżgura li l-kompiti kollha jitwettqu bis-sħiħ, l-EBA trid iżżomm bir-reqqa mal-kompiti assenjati lilha mil-leġiżlatur tal-Unjoni u m'għandhiex tfittex li de facto twessa' l-mandat tagħha lil hinn minn dak assenjat; jenfasizza li, meta twettaq il-ħidma tagħha u b'mod partikolari fl-abbozzar ta' standards tekniċi u pariri tekniċi, l-EBA jeħtiġilha li b'mod puntwali, regolari u komprensiv tinforma lill-Parlament Ewropew dwar l-attivitajiet tagħha; jiddispjaċih li fil-passat dan mhux dejjem għamlitu;

10.  Jenfasizza li, meta tabbozza leġiżlazzjoni ta' implimentazzjoni, linji gwida, mistoqsijiet u tweġibiet jew miżuri simili, l-EBA dejjem trid tirrispetta l-mandat attribwit mil-leġiżlatur tal-Unjoni u ma tridx tipprova tistabbilixi standards f'oqsma li fihom proċessi leġiżlattivi jkunu għadhom pendenti;

11.  Jiddispjaċih jirrikonoxxi li l-EBA ma rnexxilhiex iżżomm lil-leġiżlatur tal-Unjoni informat b'mod suffiċjenti u komprensiv dwar id-dettalji kollha tal-ħidma li għaddejja tagħha;

12.  Jiddispjaċih li jkollu jirrikonoxxi li f'xi okkażjonijiet, id-dokumenti għaddew għand il-leġiżlatur tal-Unjoni biss wara li kienu ġew żvelati lill-pubbliku u jqis li dan huwa inaċċettabbli;

13.  Jikkonkludi li l-arranġament ta' finanzjament imħallat tal-EBA, li jiddependi ħafna fuq il-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali kompetenti, hu inadegwat, inflessibbli, ta' piż u ta' theddida potenzjali għall-indipendenza tagħha; jitlob għalhekk lill-Kummissjoni tniedi, fil-White Paper ippjanata għat-tieni kwart tal-2016 u fi proposta leġiżlattiva li għandha tiġi ppreżentata sal-2017, arranġament finanzjarju differenti bbażat fuq linja baġitarja separata fil-baġit tal-Unjoni u fuq is-sostituzzjoni totali tal-kontribuzzjonijiet mill-awtoritajiet nazzjonali b'tariffi mħallsa mill-parteċipanti tas-suq;

14.  Jistieden lill-EBA tissupplimenta l-komunikazzjoni mal-PE dwar abbozzi ta' pariri jew standards tekniċi relatati mal-ikkalibrar ta' formuli prudenzjali b'deskrizzjoni sħiħa tad-data u l-metodoloġija użati f'tali kalibrazzjonijiet;

15.  Jilqa' ż-żieda fit-trasparenza rigward il-laqgħat tal-EBA mal-partijiet ikkonċernati.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

22.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

3

9

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Gerolf Annemans, Burkhard Balz, Hugues Bayet, Udo Bullmann, Esther de Lange, Fabio De Masi, Markus Ferber, Jonás Fernández, Elisa Ferreira, Sven Giegold, Neena Gill, Sylvie Goulard, Roberto Gualtieri, Gunnar Hökmark, Danuta Maria Hübner, Cătălin Sorin Ivan, Petr Ježek, Othmar Karas, Georgios Kyrtsos, Alain Lamassoure, Philippe Lamberts, Werner Langen, Sander Loones, Olle Ludvigsson, Ivana Maletić, Fulvio Martusciello, Marisa Matias, Costas Mavrides, Bernard Monot, Stanisław Ożóg, Dimitrios Papadimoulis, Sirpa Pietikäinen, Dariusz Rosati, Pirkko Ruohonen-Lerner, Alfred Sant, Molly Scott Cato, Peter Simon, Theodor Dumitru Stolojan, Kay Swinburne, Paul Tang, Ernest Urtasun, Tom Vandenkendelaere, Miguel Viegas, Jakob von Weizsäcker, Pablo Zalba Bidegain, Marco Zanni

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Enrique Calvet Chambon, Richard Corbett, Isabella De Monte, Frank Engel, Ashley Fox, Ildikó Gáll-Pelcz, Sophia in ‘t Veld, Barbara Kappel, Emmanuel Maurel

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

15

4

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Bodil Valero

(1)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 111.

(2)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 111.

(3)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(4)

ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(5)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(6)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(7)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 111.

(8)

ĠU C 409, 9.12.2015, p. 111.

(9)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(10)

ĠU L 331, 15.12.2010, p. 12.

(11)

ĠU L 357, 31.12.2002, p. 72.

(12)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(13)

ĠU L 328, 7.12.2013, p. 42.

(14)

Testi adottati ta' dik id-data, P[8_TA(-PROV)(2016)0000].

Avviż legali - Politika tal-privatezza