Proċedura : 2015/2159(DEC)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0111/2016

Testi mressqa :

A8-0111/2016

Dibattiti :

PV 27/04/2016 - 17
CRE 27/04/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 28/04/2016 - 4.18
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0154

RAPPORT     
PDF 596kWORD 96k
11.4.2016
PE 571.516v02-00 A8-0000/2016

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2015/2159(DEC))

Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit

Rapporteur: Anders Primdahl Vistisen

EMENDI
 1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW


1. PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2015/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014(1),

–  wara li kkunsidra l-kontijiet annwali konsolidati tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014 (COM(2015)0377 – C8-0204/2015)(2),

–  wara li kkunsidra r-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri dwar l-implimentazzjoni tal-baġit għas-sena finanzjarja 2014, flimkien mat-tweġibiet tal-istituzzjonijiet(3),

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni(4) dwar l-affidabbiltà tal-kontijiet u l-legalità u r-regolarità tat-tranżazzjonijiet ta' bażi, ipprovduta mill-Qorti tal-Awdituri għas-sena finanzjarja 2014 skont l-Artikolu 287 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314(10) u l-Artikoli 317, 318 u 319 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002(5), u b'mod partikolari l-Artikoli 55, 99, 164, 165 u 166 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0111/2016),

1.  Jagħti l-kwittanza lis-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għall-implimentazzjoni tal-baġit tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew għas-sena finanzjarja 2014;

2.  Jippreżenta l-kummenti tiegħu fir-riżoluzzjoni t'hawn taħt;

3.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din id-deċiżjoni, kif ukoll ir-riżoluzzjoni li hi parti integrali minnha, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Qorti tal-Awdituri, kif ukoll lill-Ombudsman Ewropew, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, u biex jiżgura li jiġu ppubblikati f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea (serje L).

2. MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VI – Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew

(2015/2159(DEC))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tiegħu dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2014, Taqsima VI - Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Ombudsman Ewropew tat-18 ta' Novembru 2015 li tagħlaq l-inkjesta dwar l-ilment 1770/2013/JF kontra l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 94 u l-Anness V tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit (A8-0111/2016),

1.  Jilqa' l-fatt li, abbażi tal-ħidma ta' awditjar tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonkludiet li l-pagamenti kollha kemm huma għas-sena li ntemmet fil-31 ta' Diċembru 2014 għan-nefqa amministrattiva u ta' tip ieħor tal-istituzzjonijiet u tal-korpi kienu ħielsa minn żbalji materjali;

2.  Jinnota bi tħassib li fir-rapport annwali 2014 tagħha, il-Qorti tal-Awdituri osservat dgħufijiet fil-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (KESE) f'erba' każijiet mill-15-il proċedura ta' akkwist li eżaminat;

3.   Jilqa' l-fatt li, b'reazzjoni għall-osservazzjonijiet magħmula mill-Qorti tal-Awdituri, il-KESE waqqaf servizz ta' appoġġ speċifiku għall-akkwist pubbliku biex jgħin lid-direttorati, apparti d-Direttorat għal-Loġistika, li diġà għandu dan is-servizz; jistenna li dan is-servizz ikun qed jopera bis-sħiħ fl-2016;

4.  Jieħu nota li fl-2014 il-baġit tal-KESE kien jammonta għal EUR 128 559 380 (EUR 130 104 400 fl-2013), ammont li jikkorrispondi għal tnaqqis b'1,19 % mill-baġit annwali tal-2013, b'rata ta' utilizzazzjoni ta' 95,6 %; jinnota ż-żieda fir-rata ta' utilizzazzjoni fl-2014 iżda jiddispjaċih li għadha ma laħqitx is-96,8 % tal-2012;

5.  Jisħaq fuq il-fatt li l-baġit tal-KESE huwa wieħed purament amministrattiv, li minnu ammont kbir jintuża għan-nefqa fuq persuni li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjoni filwaqt li l-bqija tintuża għall-bini, l-għamara, it-tagħmir u spejjeż operattivi mixxellanji;

6.  Jieħu nota tal-osservazzjonijiet ta' segwitu mehmuża mar-rapport ta' attività annwali tal-KESE fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tal-Parlament tad-29 ta' April 2015 għas-sena finanzjarja 2013(6);

7.  Jinnota li l-KESE pproduċa anqas rapporti u opinjonijiet fl-2014 u organizza anqas laqgħat ta' ħidma leġiżlattiva; jinsab, madankollu, sorpriż biż-żieda fl-għadd ta' opinjonijiet ġuridiċi maħruġa mill-unità legali f'dak il-perjodu; jitlob li jkun infurmat dwar ir-raġunijiet għal din l-espansjoni;

8.  Jinnota b'sodisfazzjon li fil-5 ta' Frar 2014 ġie ffirmat ftehim ta' kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Parlament, b'żewġ annessi dwar il-kooperazzjoni amministrattiva u l-impatt baġitarju, flimkien ma' ftehim parallel bejn il-Parlament u l-Kumitat tar-Reġjuni, bil-għan li tiġi żviluppata kooperazzjoni politika u amministrattiva;

9.   Jilqa' r-reazzjoni tal-KESE għat-talba tal-Parlament fir-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu msemmija hawn fuq għas-sena finanzjarja 2013 biex jagħmel valutazzjoni individwali tal-impatt li l-ftehim qed ikollu f'termini kemm ta' riżorsi umani kif ukoll ta' nefqa, sinerġiji, valur miżjud, u kwalità sostantiva;

10.  Iqis li għad hemm lok għal titjib fi ħdan il-ftehim, b'mod partikolari fl-isfera politika; jemmen li t-tliet istituzzjonijiet huma kapaċi jiżviluppaw sinerġiji ulterjuri li se jtejbu l-produttività fil-livelli kollha fl-oqsma ta' kooperazzjoni u jappella biex jiġu stabbiliti dispożizzjonijiet dettaljati speċifiċi dwar il-funzjonament tas-servizzi komuni għat-tliet istituzzjonijiet; jitlob li l-Membri tal-KESE jiġu mistħarrġa dwar is-sodisfazzjon tagħhom fir-rigward tas-servizzi pprovduti lilhom mis-Servizz ta' Riċerka tal-Parlament Ewropew; jitlob li jkompli jiġi infurmat dwar is-segwitu għall-ftehim;

11.  Jitlob li r-rieżami ta' nofs it-terminu tal-ftehim ikun jinkludi analiżi dettaljata għal kull istituzzjoni tal-iffrankar u/jew taż-żieda fin-nefqa baġitarja li jirriżultaw mill-ftehim ta' kooperazzjoni;

12.  Jinnota bi tħassib li t-total tar-rimborż tal-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-allowances imħallsa lill-benefiċjarji tal-KESE kien jammonta għal EUR 17 375 864; iħeġġeġ lill-istituzzjoni tiżviluppa strateġija sistematika biex tnaqqas dawn l-ispejjeż b'mod sostanzjali;

13.  Jieħu nota li fl-2014 il-KESE kellu bilanċ pożittiv ta' EUR 1 560 000 skont il-ftehim; jinnota bi tħassib li 36 uffiċjal mill-KESE u 24 uffiċjal mill-Kumitat tar-Reġjuni, kollha kemm huma mis-servizzi ta' traduzzjoni u li fil-parti l-kbira tagħhom kienu viċin ħafna tal-età tal-irtirar, ġew trasferiti skont dan il-ftehim, bir-riżultat li l-KESE u l-Kumitat tar-Reġjuni se jiksbu ffrankar sinifikanti fil-kapitoli dwar il-persunal (salarji u pensjonijiet) filwaqt li l-ispejjeż tal-Parlament se jiżdiedu b'mod konsiderevoli kemm fi żmien qasir (salarji) u kemm fit-tul (pensjonijiet);

14.  Jiddispjaċih għaż-żieda tal-ispejjeż tal-missjoni tal-persunal minn EUR 338 366 fl-2013 għal EUR 387 481 fl-2014 (żieda ta' 14,5 %);

15.  Iħeġġeġ l-inklużjoni ta' ħarsa ġenerali lejn il-persunal b'kariga maniġerjali mqassma skont in-nazzjonalità, is-sess u l-kariga fir-rapport ta' attività annwali;

16.  Jinnota t-titjib ċkejken fl-2014 fl-għadd ta' wieħed miż-żewġ sessi b'karigi maniġerjali (40 %; 39 % fl-2013); jiddispjaċih, madankollu, għad-diskrepanza li għadha tippersisti u li ma tinstabx fil-kategoriji l-oħra; jisħaq fuq l-importanza li jiġu stabbiliti għanijiet fuq terminu medju li bis-saħħa tagħhom ikun jista' jintlaħaq il-bilanċ meħtieġ, u jħeġġeġ it-tkomplija ta' ħidma attiva lejn dan il-għan;

17.  Jilqa' t-tnedija ta' kors speċifiku min-naħa tal-KESE dwar it-tema "Etika u Integrità" maħsub biex itejjeb l-għarfien u s-sensibbiltà dwar id-drittijiet u l-obbligi tal-membri tal-persunal; iqis, madankollu, li dan il-kors m'għandux ikun obbligatorju biss għall-membri tal-persunal il-ġodda iżda għall-persunal kollu tal-KESE;

18.  Jiddispjaċih li l-KESE għadu ma implimentax il-miżuri kollha mitluba mill-Parlament fil-paragrafu 24 tar-riżoluzzjoni ta' kwittanza tiegħu msemmija hawn fuq għall-2013; iqis li meta ma bagħatx informazzjoni dwar żewġ sentenzi tal-Qorti kontra l-KESE lill-Bureau tal-Parlament, lill-Membri tal-KESE u lill-persunal tiegħu stess u minflok għażel li jinkludi tali informazzjoni f'pubblikazzjonijiet oħra ta' natura ġenerali, il-KESE ma ġabx ruħu kif suppost; jittama li ommissjonijiet ta' dan it-tip se jiġu solvuti permezz tal-iżvilupp tar-regoli l-ġodda dwar l-informaturi u li konsegwentement, f'dan il-każ speċifiku, jistgħu jiġi regolarizzati retroattivament;

19.  Jittama wkoll li bl-infurzar tar-regoli l-ġodda dwar l-informaturi, il-KESE se jieħu, minnufih u b'mod effiċjenti, il-miżuri meħtieġa biex jiżgura r-rikonoxximent, ir-rispett u l-kunsiderazzjoni tal-informaturi f'każijiet rikonoxxuti bħala tali mill-Qorti Ġenerali u li jkunu seħħu qabel l-adozzjoni tar-regoli; jappella wkoll biex jittieħdu l-miżuri meħtieġa ħalli jintemmu darba għal dejjem l-attakki li qed isiru kontrihom permezz ta' diversi pubblikazzjonijiet tal-KESE;

20.  Jiddeplora l-fatt li fid-deċiżjoni msemmija hawn fuq li tagħlaq l-inkjesta 1770/2013/JF kontra l-KESE, l-Ombudsman tiddikjara li l-KESE aċċetta biss parti mill-proposta magħmula biex tissewwa l-amministrazzjoni ħażina min-naħa tal-KESE; jiddeplora l-fatt li l-KESE ma rrikonoxxiex l-amministrazzjoni ħażina u ma rrikonoxxa l-ebda żball fid-deċiżjoni tiegħu li jassenja mill-ġdid lill-persuna li ressqet l-ilment; jiddeplora l-fatt li l-KESE ma qabilx li jirrikonoxxi dawn l-iżbalji bi prinċipju, għalkemm fil-prattika aċċetta wħud mir-rakkomandazzjonijiet tal-Ombudsman li jagħti lill-persuna li ressqet l-ilment kumpens għall-inġustizzji li saru;

21.  Jieħu nota tal-informazzjoni pprovduta fis-segwitu għar-riżoluzzjoni ta' kwittanza msemmija hawn fuq għall-2013 dwar l-użu tal-għodod tal-vidjokonferenzi; jitlob li jibqa' jiġi aġġornat dwar il-progress miksub f'din il-kwistjoni; jemmen li l-użu tal-vidjokonferenzi u teknoloġiji simili se jippermetti lill-organizzazzjoni tnaqqas l-ispejjeż tal-ivvjaġġar u tal-laqgħat b'mod sinifikanti;

22.   Jieħu inkunsiderazzjoni l-fatt li n-numru ta' laqgħat li jużaw l-għodda tal-vidjokonferenzi rdoppja meta mqabbel mas-sena ta' qabel; jieħu nota, abbażi tal-informazzjoni pprovduta mill-KESE, li l-għodda tal-vidjokonferenzi ntużat f'dawk il-laqgħat fejn m'hemmx bżonn ta' interpretazzjoni; iħeġġeġ lill-KESE juża t-taħriġ fil-lingwi b'mod effikaċi sabiex jiżgura li jkollu bżonn anqas interpretazzjoni u li, b'hekk, il-ħidma tal-istituzzjoni tkun aktar effiċjenti;

23.   Jinkoraġġixxi lill-KESE jsaħħaħ il-politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni tiegħu kif ukoll il-preżenza tiegħu fil-midja soċjali;

24.  Jinnota l-isforzi tal-KESE biex jgħolli l-profil tiegħu permezz ta' politika ta' informazzjoni u komunikazzjoni effikaċi; jaqbel miegħu li jiffoka fuq l-ixprunar tal-kooperazzjoni istituzzjonali sabiex itejjeb il-komunikazzjoni u l-viżibbiltà kif ukoll fuq it-tisħiħ tal-preżenza tal-membri tal-istituzzjonijiet fil-livell nazzjonali, u jinkoraġġixxi lill-KESE jkompli jaħdem f'din id-direzzjoni; jilqa', f'dan ir-rigward, kwalunkwe sforz ulterjuri min-naħa tal-KESE sabiex itejjeb il-fluss ta' informazzjoni u, b'hekk, it-trasparenza;

25.  Jinnota b'sodisfazzjon ix-xejra 'l isfel fir-rata tas-servizzi tal-interpretazzjoni mitluba iżda mhux użati minn 5,1 % fl-2013 għal 4,3 % fl-2014; jistenna li t-termini nnegozjati skont il-ftehim jiżguraw tnaqqis ulterjuri fl-ispejjeż ta' interpretazzjoni;

26.  Jinsab sorpriż bit-tnaqqis ta' 1 % fit-traduzzjoni esternalizzata apparagun tas-sena li għaddiet; jistenna li din it-tendenza tinbidel bħala konsegwenza tal-ftehim li jipprevedi aktar esternalizzazzjoni tat-traduzzjoni wara t-trasferiment tal-persunal tat-traduzzjoni lejn il-Parlament;

27.  Jirrikonoxxi r-riżultati miksuba mill-Kumitat Interistituzzjonali tat-Traduzzjoni u l-Interpretazzjoni fl-istabbiliment ta' metodoloġija armonizzata li tippermetti l-ipparagunar dirett tal-ispejjeż tat-traduzzjoni tal-istituzzjonijiet kollha; jilqa' l-fatt li l-KESE qed jipprovdi data skont din il-metodoloġija;

28.  Jiddispjaċih li fl-2014 kellu jiġi pospost avveniment ewlieni; itenni t-talbiet tiegħu lill-KESE biex jippjana aħjar l-organizzazzjoni tal-avvenimenti interni;

29.  Jilqa' l-inklużjoni tar-riżultati u l-konsegwenzi tal-każijiet magħluqa tal-Uffiċċju Ewropew Kontra l-Frodi fl-2014 fir-rapport ta' attività annwali;

30.  Jappoġġa d-deċiżjoni tal-KESE li jehmeż il-politika immobiljari tiegħu mar-rapport ta' attività annwali;

31.  Jieħu nota tal-kooperazzjoni bejn il-KESE u l-Kumitat għall-Kontroll tal-Baġit tal-Parlament, b'mod partikolari fir-rigward tal-eżerċizzju ta' kwittanza.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

4.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

1

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Inés Ayala Sender, Dennis de Jong, Martina Dlabajová, Ingeborg Gräßle, Verónica Lope Fontagné, Monica Macovei, Dan Nica, Gilles Pargneaux, Georgi Pirinski, Petri Sarvamaa, Claudia Schmidt, Bart Staes, Marco Valli, Derek Vaughan, Anders Primdahl Vistisen, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Marian-Jean Marinescu, Miroslav Poche

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Birgit Collin-Langen, Bodil Valero

(1)

ĠU L 51, 20.2.2014.

(2)

ĠU C 377, 13.11.2015, p. 1.

(3)

ĠU C 373, 10.11.2015, p. 1.

(4)

ĠU C 377, 13.11.2015, p. 146.

(5)

ĠU L 298, 26.10.2012, p. 1.

(6)

Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tad-29 ta' April 2015 li tinkludi l-kummenti li jagħmlu parti integrali mid-deċiżjoni dwar il-kwittanza għall-implimentazzjoni tal-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2013, Taqsima VI — Il-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew (ĠU L 255, 30.9.2015, p. 128).

Avviż legali - Politika tal-privatezza