RAPPORT dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Strument ġdid biex jipprovdi appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni

11.4.2016 - (07068/2016 – C8-0122/2016 – 2016/2037(BUD))

Kumitat għall-Baġits
Rapporteur: José Manuel Fernandes


Proċedura : 2016/2037(BUD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0130/2016
Testi mressqa :
A8-0130/2016
Dibattiti :
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016 tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, Strument ġdid biex jipprovdi appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni

(07068/2016 – C8-0122/2016 – 2016/2037(BUD))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 314 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 106a tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) Nru 966/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar ir-regoli finanzjarji applikabbli għall-baġit ġenerali tal-Unjoni u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002[1] u b'mod partikolari l-Artikolu 41 tiegħu,

–  wara li kkunsidra l-baġit ġenerali tal-Unjoni Ewropea għas-sena finanzjarja 2016, adottat b'mod definittiv fil-25 ta' Novembru 2015[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 1311/2013 tat-2 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi l-qafas finanzjarju pluriennali għas-snin 2014-2020[3],

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Interistituzzjonali tat-2 ta' Diċembru 2013 bejn il-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni dwar dixxiplina baġitarja, dwar kooperazzjoni f'materji ta' baġit u dwar ġestjoni finanzjarja tajba[4],

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2007/436/KE, Euratom tas-7 ta' Ġunju 2007 dwar is-sistema tar-riżorsi proprji tal-Komunitajiet Ewropej[5],

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (UE) 2016/369 tal-15 ta' Marzu 2016 dwar l-għoti ta' appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni[6],

–  wara li kkunsidra l-abbozz tal-baġit emendatorju Nru 1/2016, adottat mill-Kummissjoni fid-9 ta' Marzu 2016 (COM(2016)0152),

–  wara li kkunsidra l-pożizzjoni dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016, adottata mill-Kunsill fis-16 ta' Marzu 2016 u li ntbagħtet lill-Parlament Ewropew fis-17 ta' Marzu 2016 (07068/2016 – C8-0122/2016),

–  wara li kkunsidra l-ittra tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 88 u 91 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Baġits (A8-0130/2016),

A.  billi l-influss tal-massa ta' rifuġjati u migranti lejn l-Ewropa ħoloq sitwazzjoni eċċezzjonali li fiha għadd kbir ta' persuni jeħtieġu assistenza umanitarja urġenti fi ħdan l-Unjoni; billi din is-sitwazzjoni ta' emerġenza sfruttat iżżejjed il-kapaċità ta' reazzjoni tal-Istati Membri l-aktar milquta; billi l-ebda strument xieraq ma kien disponibbli fil-livell tal-Unjoni biex jindirizza l-ħtiġijiet umanitarji ta' nies milquta minn diżastri fi ħdan l-Unjoni;

B.  billi, fit-2 ta' Marzu 2016, il-Kummissjoni ppreżentat proposta għal Regolament tal-Kunsill intiż li jagħmel tajjeb għan-nuqqas fl-istrumenti disponibbli sabiex jindirizza l-ħtiġijiet umanitarji fi ħdan it-territorju tal-Unjoni; billi dan ir-Regolament huwa bbażat fuq l-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, li ma jipprevedix rwol għall-Parlament Ewropew; billi r-Regolament (UE) Nru 2016/369 ġie adottat mill-Kunsill fil-15 ta' Marzu 2016;

C.  billi l-Kummissjoni sussegwentement ipproponiet abbozz ta' baġit emendatorju intiż li joħloq l-istruttura baġitarja għal dak l-istrument u li jagħmel disponibbli EUR 100 miljun f'approprjazzjonijiet ta' impenn u EUR 80,2 miljun f'approprjazzjonijiet ta' pagament għall-ħtiġijiet immedjati ta' finanzjament minn riallokazzjoni fi ħdan l-intestatura 3 tal-Qafas Finanzjarju Pluriennali (QFP);

D.  billi l-Kummissjoni tistma li dan l-istrument il-ġdid se jeħtieġ EUR 300 miljun fl-2016 (segwiti minn EUR 200 miljun fl-2017 u EUR 200 miljun fl-2018) iżda li aktarx se jirriżultaw aktar ħtiġijiet jekk il-flussi tal-migranti u tar-rifuġjati jibqgħu fil-livell attwali tagħhom;

E.  billi l-Kummissjoni tipproponi wkoll li ssaħħaħ il-livelli ta' persunal taċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu fl-Europol u tipprovdi l-approprjazzjonijiet ta' impenn u ta' pagament li jikkorrispondu għal ammont ta' EUR 2,0 miljun li għandhom jiġu riallokati mill-Fond għas-Sigurtà Interna;

1.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-proposta tal-Kummissjoni li tippermetti li l-Baġit tal-Unjoni jipprovdi appoġġ ta' emerġenza fit-territorju tal-Unjoni sabiex jiġu indirizzati l-konsegwenzi umanitarji tal-kriżi attwali tar-rifuġjati; jiġbed l-attenzjoni lejn is-sitwazzjoni li qiegħda tmur għall-agħar fir-rigward tal-migranti u l-persuni li jfittxu asil, b'mod partikolari minħabba r-reazzjoni mhux koordinata min-naħa tal-pajjiżi Ewropej, li trendi tali appoġġ ta' emerġenza dejjem aktar neċessarju u urġenti; jenfasizza l-ħtieġa li tintwera solidarjetà mal-Istati Membri li qed iħabbtu wiċċhom ma' sitwazzjoni ta' emerġenza bħal din fit-territorju tagħhom;

2.   Jieħu nota tas-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni bħala kwistjoni ta' urġenza; jinnota li, wara t-twaqqif ta' żewġ Fondi Fiduċjarji u ta' Faċilità għar-Rifuġjati fit-Turkija, ġie stabbilit mekkaniżmu ad hoc ġdid mingħajr strateġija globali sabiex jindirizza l-kriżi tar-rifuġjati u mingħajr ma jiżgura rispett sħiħ lejn il-prerogattivi tal-Parlament bħala koleġiżlatur; jiġbed l-attenzjoni lejn il-problema li l-istrument il-ġdid mhuwiex ibbażat fuq proposta tal-Kummissjoni għal regolament skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja; jisħaq li l-Parlament dejjem aġixxa b'mod kostruttiv u malajr favur l-inizjattivi kollha b'rabta mal-kriżi tar-rifuġjati, u għadu qed jagħmel dan bl-adozzjoni rapida ta' dan il-baġit emendatorju;

3.   Iqis li għandu jiġi previst qafas ġuridiku u baġitarju aktar sostenibbli sabiex jippermetti li fil-ġejjieni, meta ċ-ċirkostanzi jirrikjedu, tiġi mobilizzata l-għajnuna umanitarja fi ħdan l-Unjoni; jirrimarka li tali finanzjament ta' emerġenza, li jservi biex jirrispondi għal kriżijiet u sitwazzjonijiet mhux previsti, għandu, min-natura tiegħu stess, ikun kopert minn strumenti speċjali u jinqata' barra mil-limiti massimi tal-QFP;

4.  Jilqa' b'sodisfazzjon l-impenn tal-Kummissjoni li ma tirriallokax approprjazzjonijiet mil-linja baġitarja tal-għajnuna umanitarja esterna; jirrimarka li l-Kummissjoni tipproponi li tiffinanzja l-ewwel pagament fl-ambitu ta' dan l-istrument il-ġdid billi tirrialloka l-approprjazzjonijiet mill-approprjazzjonijiet tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li diġà kienu jservu biex jiżguraw il-kondiviżjoni tal-piżijiet bejn l-Istati Membri fit-trattament tar-rifuġjati; jemmen li l-ammont kollu ma jistax jiġi kopert permezz ta' riallokazzjonijiet mingħajr ma jaffettwa t-twettiq tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni, li aktarx jisfa taħt pressjoni din is-sena u jista' jeħtieġ aktar tisħiħ jekk l-iskema ta' rilokazzjoni trid tilħaq veloċità massima; iqis, għaldaqstant, dawn il-EUR 100 miljun bħala antiċipazzjoni ta' approprjazzjonijiet li jkunu jridu jiġu kumpensati fi stadju aktar tard; jirrimarka li m'għad hemm l-ebda marġni taħt l-intestatura 3 u li l-Istrument ta' Flessibbiltà diġà ntuża fl-intier tiegħu għall-2016; jappoġġa, għaldaqstant, il-mobilizzazzjoni tal-Marġni ta' Kontinġenza għall-ammont li jifdal għal din is-sena hekk kif meħtieġ u jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta f'dan ir-rigward; jantiċipa li reviżjoni 'l fuq tal-limitu massimu tal-QFP għall-intestatura 3 se tkun inevitabbli biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet kollha marbuta mal-kriżi tar-rifuġjati u l-migrazzjoni;

5.  Japprova ż-żidiet proposti fil-persunal għaċ-Ċentru Ewropew għall-Ġlieda Kontra t-Terroriżmu tal-Europol minħabba s-sitwazzjoni ta' sigurtà attwali fl-Unjoni Ewropea; jirrimarka li dawn iż-żidiet mhumiex inklużi f'dawk diġà miftiehma fil-qafas tar-reviżjoni reċenti dwar il-qafas ġuridiku tal-Europol;

6.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni teskludi l-aġenziji kollha li jittrattaw f'sens usa' l-migrazzjoni u s-sigurtà mill-objettiv ta' tnaqqis tal-persunal ta' 5 %, peress li dawn kollha għandhom nuqqas tal-persunal minħabba ż-żieda enormi fil-volum tax-xogħol u l-kompiti matul dawn l-aħħar sentejn; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura bilanċ bejn l-aġenziji tal-ĠAI li jirrispettaw ix-xogħol u l-kompiti tagħhom;

7.  Jafferma r-rieda tiegħu li jadotta l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016 kif ippreżentat mill-Kummissjoni, minħabba l-urġenza tas-sitwazzjoni;

8.  Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill dwar l-abbozz ta' baġit emendatorju Nru 1/2016;

9.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiddikjara li l-baġit emendatorju Nru 1/2016 ġie adottat b'mod definittiv u biex jiżgura li jiġi ppubblikat f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;

10.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-Qorti tal-Awdituri u lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS: ITTRA MILL-KUMITAT GĦAL-LIBERTAJIET ĊIVILI, IL-ĠUSTIZZJA U L-INTERN

IPOL-COM-LIBE D (2016)14174

Onor. Jean ARTHUIS

President tal-Kumitat għall-Baġits

ASP 09G205

Suġġett:   L-ewwel abbozz ta' baġit emendatorju Nru 7/2016

Onor. President,

Il-Kumitat LIBE jilqa' l-proposta tal-Kummissjoni li tinħoloq linja fil-baġit tal-Unjoni għall-finanzjament eħfef u mmirat aħjar tal-appoġġ ta' emerġenza fl-Unjoni Ewropea billi titwessa' l-firxa ta' strumenti finanzjarji diġà disponibbli sal-ġurnata tal-lum biex jiġu indirizzati s-sitwazzjonijiet ta' emerġenza fl-Unjoni.

Madankollu, il-Kumitat LIBE mhux konvint mis-soluzzjoni proposta mill-Kummissjoni Ewropea li l-mekkaniżmu l-ġdid ta' emerġenza għall-għajnuna umanitarja jiġi stabbilit fuq il-bażi ġuridika tal-Artikolu 122(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE) bħala kwistjoni ta' urġenza. Meta jinħoloq fond ġdid sabiex jipprovdi għajnuna umanitarja fl-Unjoni, jidher li huwa kompletament inadatt li jiġi eskluż wieħed miż-żewġ leġiżlaturi mill-proċess leġiżlattiv.

Il-Kumitat LIBE jiddispjaċih li l-urġenza tinħoloq minħabba n-nuqqas ta' viżjoni u strateġija koerenti biex tinstab soluzzjoni għall-kriżi tal-migrazzjoni fil-livell Ewropew u jinsisti li l-UE m'għandhiex għalfejn ikollha tirrikorri regolarment għal proċeduri baġitarji, bħall-istrument ta' flessibbiltà għall-finanzjament tal-politika dwar il-migrazzjoni tal-Unjoni. Madankollu, il-Kumitat LIBE jilqa' l-fatt li l-istrument il-ġdid se jagħmilha possibbli li l-Unjoni taġixxi fi spirtu ta' solidarjetà u tindirizza l-ħtiġijiet bażiċi tal-persuni milquta minn diżastri fl-Unjoni. Is-sitwazzjoni tal-migranti u l-persuni li jfittxu asil tabilħaqq kulma jmur aktar ddeterjorat, b'mod partikolari fil-Greċja fejn is-sitwazzjoni ekonomika hija diffiċli ħafna, u teħtieġ inizjattiva komuni fil-livell Ewropew. Il-Kumitat LIBE jistenna li l-istrument il-ġdid se jimminimizza l-impatt ekonomiku fuq l-Istati Membri affettwati li qed jiffaċċjaw jew se jiffaċċjaw sitwazzjoni ta' emerġenza relatata mal-kriżi tal-migrazzjoni, speċjalment il-pajjiżi ġirien tal-Greċja.

Filwaqt li jisħaq li l-Parlament dejjem aġixxa b'mod kostruttiv u rapidu biex jappoġġa l-inizjattivi kollha fir-rigward tal-kriżi tar-rifuġjati, il-Kumitat LIBE jitlob li jinżamm kompletament infurmat permezz tal-proċeduri baġitarji applikabbli dwar l-effiċjenza u l-valur miżjud ta' dan l-istrument ġdid meta mqabbel ma' dawk diġà eżistenti u dwar il-miżuri xierqa meħuda mill-KE biex tiżgura li l-azzjonijiet ffinanzjati minn dan l-istrument ġdid ta' fond se jiġi implimentat korrettament sabiex jiġu protetti l-interessi finanzjarji tal-UE kontra l-frodi, il-korruzzjoni u kwalunkwe attività illegali oħra.

Barra minn hekk, il-Kumitat LIBE jilqa' l-informazzjoni kwantifikabbli b'dan l-abbozz ta' baġit emendatorju (ABE) rigward il-baġit medju għall-għajnuna umanitarja għal kull rifuġjat/migrant megħjun. Din l-informazzjoni hija meħtieġa sabiex jinftiehem aħjar l-ambitu tal-għajnuna umanitarja li hi possibbli b'dan l-ABE u għall-qadi tad-dmirijiet leġittimi tagħna ta' kontroll finanzjarju. Meta wieħed iqis li madwar 55 000 rifuġjat huma maqbuda fil-Greċja fil-mument li qed tinkiteb din l-ittra, dan l-ABE jikkorrispondi għal medja ta' EUR 1 818 għal kull rifuġjat. Napprezzaw ħafna spjegazzjoni ulterjuri mill-Kummissjoni dwar fuq hiex eżattament se jintefqu l-flus.

Il-Kumitat LIBE jitlob ukoll li jiġi infurmat bis-sħiħ dwar il-proċeduri ta' monitoraġġ li l-Kummissjoni biħsiebha tuża u dwar min iwettaq il-valutazzjoni tal-impatt għal dan l-istrument ta' finanzjament il-ġdid. Il-Kummissarju Christos Stylianides qal li l-assistenza ta' emerġenza se tiġi pprovduta biss permezz tas-sħab umanitarji tal-Kummissjoni fil-post. Għal raġunijiet ta' trasparenza, il-Kumitat LIBE jitlob lista sħiħa ta' dawn is-sħab u informazzjoni dettaljata dwar l-attivitajiet tagħhom.

Aħna ninnotaw b'dispjaċir, li dan l-ABE mhux se jfisser fondi ġodda. Ninsabu mħassba li EUR 100 miljun se jiġu trasferiti mill- Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni għal dan il-fond ta' emerġenza il-ġdid. Dan jikkorrispondi għal madwar 10 % tal-EUR 1 biljun iddedikati għar-rilokazzjoni ta' 160 000 migrant matul il-perjodu 2015–2017. Għalkemm ir-rata attwali ta' rilokazzjoni hija tabilħaqq ħafna aktar baxx minn dik mistenni, l-Unjoni għandha żżomm il-kapaċità tagħha biex tissodisfa l-obbligi ġuridiċi tagħha f'kull ħin, partikolarment fir-rigward ta' kwistjonijiet ta' politika daqshekk importanti bħal dik tar-rilokazzjoni. Il-Kumitat LIBE huwa tal-fehma li dan l-użu tal-fondi – iddedikat għar-rilokazzjoni – għal skop ieħor għandu jkun eċċezzjoni ta' darba.

Għalhekk, il-Kumitat LIBE jemmen li dan l-istrument speċjali, minħabba n-natura tiegħu stess, għandu jitqies barra mil-limiti massimi tal-qafas finanzjarju pluriennali. Ninnotaw li l-Kummissjoni pproponiet li tiffinanzja biss l-ewwel pagament minn dan l-istrument il-ġdid permezz ta' tqassim mill-ġdid ta' approprjazzjonijiet mill-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni. Għandu jitfakkar l- Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni nnifsu diġà huwa kważi eżawrit u li, konsegwentement, dan it-trasferiment huwa inkwetanti. Dawn il-EUR 100 miljun bħala antiċipazzjoni ta' approprjazzjonijiet, fl-opinjoni tagħna, se jeħtieġu li jiġu kkumpensati lura fi stadju aktar tard. Il-Kumitat LIBE jinnota li l-marġni li fadal taħt l-Intestatura 3 u l-istrument ta' flessibbiltà diġà ntużaw għall-2016. Għalhekk, nappoġġaw ir-rikostituzzjoni tal-baġit tal-Fond għall-Asil, il-Migrazzjoni u l-Integrazzjoni permezz tal-mobilizzazzjoni tal-marġni ta' kontinġenza u jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta proposta għal dan. Nitolbu wkoll li r-reviżjoni ta' nofs it-terminu tal-QFP li jmiss tikkorrispondi għar-realtà baġitarji tal-kriżi migratorja u tar-rifuġjati attwali, li fil-parti l-kbira tagħha ma kinitx antiċipata fl-2013 meta l-QFP ġie nnegozjat.

Il-Kumitat LIBE jilqa' r-reklutaġġ ta' 25 post addizzjonali fit-tabella tal-persunal, 5 aġenti kuntrattwali u 5 esperti nazzjonali ssekondati f'Europol, wara l-attakki ta' Pariġi fit-13 ta' Novembru mil-linja baġitarja għall-finanzjament ta' azzjonijiet li jtejbu s-sigurtà interna tal-UE. Dan jikkorrispondi għall-attivitajiet immedjati u futuri kontra t-terroriżmu tal-Aġenzija wara l-attakki ta' Pariġi u Brussell. Iż-żieda fit-talba ta' skambju ta' informazzjoni bejn l-Istati Membri permezz tal-Europol sabiex l-awtoritajiet nazzjonali jkunu jistgħu jiġġieldu t-theddida tat-terroriżmu preżenti ħafna fl-Ewropa se żżid b'mod effiċjenti l-volum tax-xogħol tal-Aġenzija. Madankollu, huwa inkwetanti wkoll li l-fondi globali disponibbli għal dawn l-objettivi ma ġewx miżjuda.

Fl-aħħar nett, il-Kumitat LIBE jenfasizza li l-ħtiġijiet finanzjarji tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil biex dan jirreaġixxi għall-kriżi tar-rifuġjati huma ta' importanza kbira ħafna u jfakkar li l-ħtiġijiet addizzjonali ta' dan l-Uffiċċju ma ġewx ikkunsidrati biżżejjed, s'issa. Il-Kumitat LIBE, għalhekk, jitlob li jissaħħu b'mod ekwivalenti r-riżorsi umani tal-Uffiċċju Ewropew ta' Appoġġ fil-qasam tal-Asil fl-ABE li jmiss.

Il-Kumitat LIBE jħeġġeġ ukoll lill-Kummissjoni teskludi l-aġenziji kollha li jittrattaw f'sens usa' kwistjonijiet ta' migrazzjoni u sigurtà mill-mira ta' tnaqqis fin-numru tal-persunal ta' 5 %, peress li dawn kollha għandhom nuqqas ta' persunal minħabba ż-żieda enormi fil-volum tax-xogħol u l-kompiti matul dawn l-aħħar sentejn.

Claude MORAES

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

11.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

32

5

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Nedzhmi Ali, Jonathan Arnott, Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Ingeborg Gräßle, Monika Hohlmeier, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Clare Moody, Siegfried Mureşan, Victor Negrescu, Younous Omarjee, Pina Picierno, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Indrek Tarand, Daniele Viotti, Auke Zijlstra, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Xabier Benito Ziluaga, Mercedes Bresso, Sven Giegold, Anneli Jäätteenmäki, Giovanni La Via, Michał Marusik, Andrej Plenković, Marco Valli, Tomáš Zdechovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Susanne Melior, Josep-Maria Terricabras

  • [1]  ĠU L 298, 26.10.2002, p. 1.
  • [2]  ĠU L 48, 24.2.2016, p. 1.
  • [3]  ĠU L 347, 20.12.2013, p. 884.
  • [4]  ĠU C 373, 20.12.2013, p. 1.
  • [5]  ĠU L 163, 23.6.2007, p. 17.
  • [6]  ĠU L 70, 16.3.2016, p. 1.