RAPPORT  dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2014-2015

13.4.2016 - (2015/2287(INI))

Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern
Rapporteur: Laura Ferrara


Proċedura : 2015/2287(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0141/2016
Testi mressqa :
A8-0141/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2014-2015

(2015/2287(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 1, 10, 11 u 16 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE) u l-Artikoli 15 u 298 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 41 u 42 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-UE,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1049/2001 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-30 ta' Mejju 2001 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1367/2006 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-6 ta' Settembru 2006 dwar l-applikazzjoni għall-istituzzjonijiet u l-korpi tal-Komunità tad-dispożizzjonijiet tal-Konvenzjoni ta' Aarhus dwar l-Aċċess għall-Informazzjoni, il-Parteċipazzjoni tal-Pubbliku fit-Teħid tad-Deċiżjonijiet u l-Aċċess għall-Ġustizzja fi Kwistjonijiet Ambjentali;

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-15 ta' Diċembru 2011 dwar il-proposta għal regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, il-Kunsill u l-Kummissjoni (tfassil mill-ġdid)[2],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Marzu 2014 dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 104(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2011-2013[3],

–  wara li kkunsidra s-sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-17 ta' Ottubru 2013 fil-Kawża C-280/11 P Il-Kunsill tal-Unjoni Ewropea vs Access Info Europe,

–  wara li kkunsidra l-pakkett ta' "Regolamentazzjoni Aħjar" imressaq mill-Kummissjoni f'Mejju 2015,

–  wara li kkunsidra l-linji gwida politiċi tal-President Juncker għall-Kummissjoni,

–  wara li kkunsidra r-rapporti tal-Kummissjoni, tal-Kunsill u tal-Parlament dwar l-applikazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fl-2013 u fl-2014,

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni dwar l-Aċċess Pubbliku għad-Dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-Komunità Ewropea tal-2007,

–  wara li kkunsidra r-Rapport Annwali tal-Ombudsman għall-2014,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 u l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0141/2016),

A.  billi t-trasparenza sħiħa tinsab fil-qofol tal-fiduċja li ċ-ċittadni għandhom fl-istituzzjonijiet tal-UE, tikkontribwixxi għall-iżvilupp tal-fehim tad-drittijiet li joħorġu mis-sistema legali tal-Unjoni u għas-sensibilizzazzjoni u l-għarfien tal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-UE, inkluża l-implimentazzjoni korretta tal-proċeduri amministrattivi u leġiżlattivi;

B.  billi d-dritt għall-aċċess għad-dokumenti huwa dritt fundamentali mħares mill-Karta tad-Drittijiet Fundamentali u mit-Trattati u implimentat mir-Regolament Nru 1049/2001 sabiex, b'mod partikolari, jiġi żgurat li dan id-dritt ikun jista' jiġi eżerċitat bl-aktar mod faċli possibbli, u biex jiġu promossi prattiki amministrattivi tajbin dwar l-aċċess għad-dokumenti billi jiġi żgurat skrutinju demokratiku tal-attivitajiet tal-istituzzjonijiet u jiġi żgurat li jikkonformaw mar-regoli minquxa fit-Trattati;

Trasparenza u demokrazija

1.  Jinnota li ħafna mir-rakkomandazzjonijiet fir-riżoluzzjoni dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għas-snin 2011-2013 ma ngħatawx segwitu xieraq mit-tliet istituzzjonijiet; jiddispjaċih b'mod partikolari dwar il-fatt li l-istituzzjonijiet u l-korpi tal-UE ma ħatrux minn ħdan l-istrutturi ta' ġestjoni eżistenti tagħhom, Uffiċjal għat-Trasparenza li jkun responsabbli għall-konformità u għat-titjib tal-prattiki; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet biex jagħmlu dan fl-iqsar żmien possibbli;

2.  Jirrimarka li l-istituzzjonijiet tal-UE, fl-azzjonijiet u l-politiki tagħhom, għandhom ikunu bbażati fuq id-demokrazija rappreżentattiva, kif stabbilit fl-Artikolu 10.1 tat-TUE, u għandhom jiżguraw il-konformità mal-prinċipji ta' trasparenza sħiħa, ta' tqassim u tal-għoti ta' informazzjoni liċ-ċittadini b'mod preċiż u fi żmien xieraq; jenfasizza li l-Artikolu 10.3 tat-TUE jirrikonoxxi d-demokrazija parteċipattiva bħala wieħed mill-prinċipji demokratiċi ewlenin tal-UE, u b'hekk jenfasizza li d-deċiżjonijiet għandhom jittieħdu b'mod kemm jista' jkun qrib taċ-ċittadini; jenfasizza li meta l-parteċipazzjoni taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tissarraf f'konsultazzjonijiet pubbliċi, l-istituzzjonijiet iridu jqisu r-riżultat tagħhom;

3.  Jirrimarka li t-trasparenza u l-aċċess sħiħ għad-dokumenti miżmuma mill-istituzzjonijiet għandhom ikunu r-regola skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u li, kif diġà stabbilit mill-ġurisprudenza konsistenti tal-Qorti tal-Ġustizzja, l-eċċezzjonijiet għal din ir-regola għandhom ikunu interpretati b'mod korrett billi jitqies l-interess pubbliku prevalenti favur id-divulgazzjoni u l-rekwiżiti tad-demokrazija, fosthom l-involviment aktar mill-qrib taċ-ċittadini fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, il-leġittimità tal-governanza, l-effiċjenza u r-responsabilità lejn iċ-ċittadini;

4.  Iqis li l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea għadhom qed jonqsu milli jqisu bis-sħiħ u jikkonformaw mar-regoli u l-bidliet previsti mit-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, speċjalment fir-rigward tad-demokrazija parteċipattiva; jinnota u jilqa' s-sentenzi reċenti tal-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Digital Rights Ireland[4] u l-kawża Schrems[5], li fit-tnejn li huma l-Qorti bbażat ruħha fuq il-Karta meta ddikjarat l-invalidità tad-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data[6] u tad-Deċiżjoni dwar l-Isfera ta' Sikurezza[7], rispettivament; jenfasizza li l-aċċess pubbiku għad-dokumenti u l-ġestjoni tar-reġistri tad-dokumenti jeħtieġ li jkunu bbażati fuq standards li jikkonformaw adegwatament mal-Artikoli 41 u 42 tal-Karta;

5.  Jenfasizza li l-privatezza u l-protezzjoni tad-data għandhom jiġu osservati filwaqt li tiġi żgurata t-trasparenza;

6.  Ifakkar li kwalunkwe deċizjoni li ċċaħħad l-aċċess pubbliku għad-dokumenti għandha tkun ibbażata fuq eżenzjonijiet legali definiti b'mod ċar u strett, akkumpanjati minn ġustifikazzjoni motivata u speċifika, li tippermetti liċ-ċittadini jifhmu ċ-ċaħda għall-aċċess u jagħmlu użu effettiv mir-rimedji legali disponibbli;

7.  Jinnota li, biex tinħoloq sistema politika leġittima, responsabbli u demokratika li tikkonforma mal-istat tad-dritt, iċ-ċittadini għandu jkollhom id-dritt li jkunu jafu dwar, u li jiskrutinizzaw:

l-azzjonijiet tar-rappreżentanti tagħhom, ladarba dawn jiġu eletti jew maħtura biex jassumu kariga pubblika;

– il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet (fosthom kwalunkwe dokument iċċirkolat, individwi involuti, voti mitfugħa, eċċ.);

– il-mod kif jiġu allokati u kif jintefqu l-fondi pubbliċi u r-riżultati konsegwentement miksuba;

iqis, għaldaqstant, li jeħtieġ li jiġi ppubblikat reġistru elettroniku li fih jiġu rreġistrati l-elementi kollha msemmija hawn fuq;

8.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tinnomina Kummissarju biex ikun responsabbli għat-trasparenza u għall-aċċess pubbliku għad-dokumenti; jistieden lill-Viċi President tal-Kummissjoni biex jippreżenta, fl-istess waqt u fl-iqsar żmien possibbli, pjan ambizzjuż ta' azzjoni rigward it-trasparenza u l-aċċess pubbliku għal dokumenti, b'rikonoxximent tal-fatt li t-trasparenza hija l-pedament ta' regolamentazzjoni aħjar;

9.  Jiddispjaċih li l-aċċess għall-informazzjoni miżmuma mill-istituzzjonijiet tal-UE għadu diffiċli għaċ-ċittadini minħabba n-nuqqas ta' approċċ komuni fost l-istituzzjonijiet immirat biex jiffaċilita l-aċċess għad-dokumenti għaċ-ċittadini u bbażat fuq it-trasparenza sħiħa,l-komunikazzjoni u d-demokrazija diretta; iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-UE biex jiżviluppaw ulterjorment approċċ iżjed proattiv dwar it-trasparenza billi jiddivulgaw b'mod proattiv l-akbar għadd possibbli tad-dokumenti tagħhom, bl-aktar mod sempliċi, ta' użu faċli, u aċċessibbli, billi, meta dan jintalab, jittraduċu d-dokumenti tagħhom f'lingwi uffiċjali oħra tal-UE, u billi jistabbilixxu arranġamenti korretti, sempliċi u li ma jinvolvux spejjeż kbar, fosthom, permezz ta' mezzi diġitali u elettroniċi, li jissodisfaw il-ħtiġijiet tal-persuni b'diżabilità; iqis, b'mod partikolari, li l-aċċessibilità tal-informazzjoni għandha tittejjeb permezz ta' interfaċċi u sistemi ta' tiftix ta' użu faċli; jitlob l-iżvilupp ta' punt ta' aċċess komuni għall-portals tat-tliet istituzzjonijiet, li jinbena fuq il-proġett pilota għal pjattaforma online għall-pubblikazzjoni proattiva ta' dokumenti tal-istituzzjonijiet tal-UE, u għall-armonizzazzjoni tal-portals ta' tiftix bejn id-dipartimenti tal-istess istituzzjoni (inklużi d-Direttorati Ġenerali tal-Kummissjoni); jistieden ukoll lill-istituzzjonijiet ikomplu u jsaħħu l-ħidma ta' estensjoni tal-għarfien tal-leġiżlazzjoni u tal-politiki tal-UE; jemmen li, għal dak l-għan, l-Unjoni għandha tagħmel użu sħiħ mill-potenzjal li joffru teknoloġiji ġodda (netwerks soċjali, applikazzjonijiet għas-smartphone, eċċ.), sabiex ikun żgurat aċċess komprensiv u faċli għall-informazzjoni;

10.  Jiddispjaċih li d-dokumenti uffiċjali sikwit ikunu kklassifikati żżejjed; itenni l-pożizzjoni tiegħu li għandhom jiġu stabbiliti regoli ċari u uniformi għall-klassifikazzjoni u d-deklassifikazzjoni tad-dokumenti; jiddispjaċih li l-istituzzjonijiet jitolbu laqgħat bil-magħluq mingħajr ġustifikazzjoni xierqa; itenni l-istedina tiegħu lill-istituzzjonijiet biex jivvalutaw u jiġġustifikaw pubblikament talbiet għal laqgħat bil-magħluq skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001; iqis li t-talbiet għal laqgħat bil-magħluq fil-Parlament għandhom jiġu evalwati mill-Parlament individwalment; jemmen li awtorità ta' sorveljanza indipendenti għandha tissorvelja l-proċessi ta' klassifikazzjoni u ta' deklassifikazzjoni;

11.  Jistieden lill-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji tal-UE biex jadottaw proċeduri aktar rapidi, anqas ikkumplikati u aktar aċċessibbli għall-ġestjoni ta' lmenti kontra ċ-ċaħda tal-għoti ta' aċċess; iqis li approċċ aktar proattiv jgħin biex tiġi żgurata trasparenza effettiva kif ukoll biex jiġi evitat tilwim legali mhux meħtieġ li jista' jikkawża spejjeż u piżijiet mhux meħtieġa kemm għall-istituzzjonijiet kif ukoll għaċ-ċittadini;

12.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha, sakemm titwettaq ir-reviżjoni mixtieqa tiegħu, japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u l-ġurisprudenza sussegwenti, b'mod sħiħ u konformi mal-kliem u l-ispirtu tiegħu, u jqisu l-bidliet magħmula mit-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kunsill, inklużi l-korpi preparatorji tiegħu, jippubblika l-minuti tal-laqgħat tal-gruppi ta' ħidma tal-Kunsill u dokumenti oħra, fid-dawl tal-kawża Access Info Europe, l-Istati Membri intervenjenti u l-proposti tagħhom; jistieden lill-Parlament biex jagħmel disponibbli l-aġendi u n-noti ta' feedback tal-laqgħat tal-koordinaturi tal-Kumitati, il-Bureau u l-Konferenza tal-Presidenti, kif ukoll, fil-prinċipju, id-dokumenti kollha msemmija f'dawn l-aġendi, skont id-dispożizzjonijiet tar-Regolament 1049, billi jippubblikahom fuq is-sit web tal-Parlament;

13.  Iħeġġeġ lill-istituzzjonijiet kollha japplikaw id-dispożizzjonijiet imsaħħa dwar it-trasparenza inklużi fir-Regolament (KE) Nru 1367/2006 meta l-informazzjoni mitluba ikollha x'taqsam mal-ambjent, u josservaw l-obbligi tagħhom li jippubblikaw b'mod proattiv informazzjoni dwar l-ambjent;

14.  Jistieden lill-istituzzjonijiet kollha jevalwaw u, meta jkun meħtieġ, jirrieżaminaw l-arranġamenti interni tagħhom għar-rappurtar ta' għemil ħażin, u jitlob il-protezzjoni tal-informaturi; jistieden, b'mod partikolari, lill-Kummissjoni tirraporta lill-Parlament dwar l-esperjenzi tagħha rigward ir-regoli ġodda dwar l-iżvelar ta' informazzjoni protetta għall-persunal tal-UE adottati fl-2012 u rigward il-miżuri ta' implimentazzjoni tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposta biex tipproteġi lill-informaturi, mhux biss mil-lat morali iżda wkoll mil-lat finanzjarju, sabiex tipproteġi u tappoġġja lill-informaturi kif jixraq bħala parti mis-sistema demokratika;

Reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001

15.  Jirrimarka li, b'konsegwenza tad-dħul fis-seħħ tat-TUE u tat-TFUE, id-dritt tal-aċċess għad-dokumenti jkopri l-istituzzjonijiet, il-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE; iqis, għaldaqstant, li jeħtieġ isir aġġornament urġenti u jitwettaq tibdil sostanzjali lir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fid-dawl tad-dispożizzjonijiet tat-Trattati u tal-ġurisprudenza relevanti tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE u tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem; iqis, b'mod partikolari, li huwa fundamentali li jitwessa' l-kamp ta' applikazzjoni biex jinkludi l-istituzzjonijiet Ewropej kollha li bħalissa mhumiex koperti, bħall-Kunsill Ewropew, il-Bank Ċentrali Ewropew, il-Qorti tal-Ġustizzja u l-korpi u l-aġenziji kollha tal-UE;

16.  Iqis li huwa deplorevoli li r-reviżjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 għadha wieqfa fil-Kunsill, u jittama li jsir progress malajr kemm jista' jkun; jistieden lill-Kunsill jadotta pożizzjoni kostruttiva, filwaqt illi jqis il-pożizzjoni tal-Parlament Ewropew adottata fl-ewwel qari fil-15 ta' Diċembru 2011 bl-għan li jiġi adottat ir-Regolament (UE) Nru .../2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti tal-Parlament Ewropew, tal-Kunsill u tal-Kummissjoni li jiddefinixxi l-prinċipji ġenerali u l-limiti li jirregolaw id-dritt ta' aċċess għad-dokumenti tal-istituzzjonijiet, il-korpi, l-uffiċċji u l-aġenziji tal-Unjoni;

17.  Jirrakkomanda li tinħoloq, fost l-oħrajn abbażi tar-Regolament (KE) Nru 1367/2006 u r-Regolament (KE) Nru 1049/2001, ġabra waħda ta' prinċipji li jirregolaw l-aċċess għad-dokumenti li tippermetti aktar ċarezza għaċ-ċittadini;

18.  Jiddispjaċih li ftit sar progress fl-implimentazzjoni tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 fir-rigward tal-obbligu għall-istituzzjonijiet, l-aġenziji u korpi oħra li jżommu reġistri kompluti ta' dokumenti, kif stabbilit fl-Artikoli 11 u 12 tiegħu u, fl-aħħar mill-aħħar, fit-Trattat ta' Lisbona u fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali; jitlob approċċ komuni għall-istabbiliment ta' reġistri, u jistieden lil dawk l-istituzzjonijiet tal-UE jistabbilixxu reġistri ta' dokumenti jekk għadhom ma għamlux dan, u jimplimentaw miżuri biex jistandardizzaw il-klassifikazzjoni u l-preżentazzjoni tad-dokumenti tal-istituzzjonijiet; itenni, f'dan ir-rigward, barra minn punt ta' aċċess komuni għad-dokumenti tal-UE permezz tat-tliet portali tal-istituzzjonijiet, it-talba tiegħu biex il-proċeduri u l-kriterji komuni għar-reġistrazzjoni u l-assenjazzjoni ta' kodiċi interistituzzjonali għal kull dokument sabiex, eventwalment, ikun jista' jiġi stabbilit reġistru interistituzzjonali komuni, li jinkludi bażi ta' data konġunta dedikata dwar l-istat attwali tal-fajls leġislattivi;

19.  Ifakkar li, skont l-Artikoli 1(c) u 15(1) tar-Regolament Nru 1049/2001, l-istituzzjonijiet huma mitluba "li jippromwovu prattika amministrattiva tajba fl-aċċess għad-dokumenti" u "jiżviluppaw prattiċi amministrattivi tajbin sabiex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-aċċess garantit minn dan ir-Regolament"; jenfasizza li t-trasparenza hija marbuta mill-qrib mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif imsemmi fl-Artikolu 298 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jtenni t-talba tiegħu għall-adozzjoni ta' regolament dwar il-proċedura amministrattiva tal-amministrazzjoni proprja tal-UE[8];

20.  Jinnota li t-Trattat ta' Lisbona elimina r-referenza għall-protezzjoni tal-effiċjenza fil-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet leġiżlattivi;

Trasparenza tal-proċess leġiżlattiv

"Trilogi"

21.  Ifakkar li jitqies li proċess leġiżlattiv huwa tal-akbar importanza għaċ-ċittadini; jistieden lill-istituzzjonijiet jagħmlu disponibbli d-dokumenti li huma parti mill-proċeduri leġiżlattivi jew marbuta magħhom; iqis, b'mod partikolari, li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu aċċessibbli għall-pubbliku l-akbar għadd ta' dokumenti possibbli permezz tas-siti web tagħhom u għandhom jikkunsidraw l-użu ta' YourEurope bħala portal tal-UE uniku u aċċessibbli għall-pubbliku biex tiġi ffaċilitata l-konsultazzjoni;

22.  Jirrikonoxxi l-inkjesta tal-Ombudsman dwar "it-trilogi", li hija l-proċedura stabbilita li permezz tagħha tiġi adottata l-parti l-kbira tal-leġiżlazzjoni tal-UE; iħeġġeġ, lill-Ombudsman, fi ħdan il-mandat tagħha skont it-Trattati u skont l-Istatut tal-Ombudsman, tagħmel użu sħiħ mis-setgħat ta' investigazzjoni mogħtija lilha;

23.  Jirrimarka li l-użu tat-trilogi, għalkemm mhux formalment previst mit-Trattati, sar il-mod rikonoxxut biex jintlaħaq kunsens fost il-koleġiżlaturi u biex titħaffef il-proċedura leġiżlattiva stabbilita fit-Trattat; jinnota, għaldaqstant, li l-kumitati ta' konċiljazzjoni jintużaw biss fit-tielet qari bħala l-aħħar rimedju;

24.  Jiddeplora l-fatt li ċ-ċittadini m'għandhom ebda setgħa ta' skrutinju fuq in-negozjati tat-trilogi; jesprimi tħassib dwar l-abbużi li tista' ġġib din il-prattika leġiżlattiva, b'mod partikolari rigward l-introduzzjoni ta' elementi ġodda ta' leġiżlazzjoni waqt it-trilogi mingħajr proposta tal-Kummissjoni jew emenda Parlamentari li jservu ta' bażi, li permezz tagħhom il-proċedura leġiżlattiva ordinarja u l-iskrutinju pubbliku jkunu jistgħu jiġu evitati;

25.  Jiddeplora l-fatt li, minħabba l-iżvelar ta' dokumenti formali u informali tat-trilogi, il-gruppi ta' interess kompetenti u b'ħafna konnessjonijiet igawdu minn aċċess mhux ugwali għad-dokumenti, u għaldaqstant għall-proċess leġiżlattiv; jinnota li l-iżvelar ta' dokumenti jista' jitnaqqas ladarba d-dokumenti tat-trilogi jiġu ppubblikati b'mod proattiv fuq pjattaforma aċċessibbli b'mod faċli mingħajr dewmien;

26  Ifakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tirrikonoxxi r-riskju ta' pressjoni esterna u li din jaf tkun raġuni leġittima biex jiġi limitat l-aċċess għal dokumenti marbuta mal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, bil-kundizzjoni li r-realtà ta' tali pressjoni esterna tiġi stabbilita b'ċertezza, u li jitressqu provi suffiċjenti li juru li jeżisti riskju raġonevolment prevedibbli li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi affettwata b'mod sostanzjali minħabba dik il-pressjoni esterna[9]; jinsab imħasseb li l-prattika attwali tiffavorixxi aċċess usa' għall-fażijiet deċiżivi tal-proċess leġiżlattiv lil-lobbisti aktar milli lill-pubbliku ġenerali;

27.  Jirrimarka li, waqt li t-trilogi huma importanti u effikaċi, il-proċeduri li huma attwalment applikabbli għalihom jagħtu lok għal tħassib rigward it-trasparenza fil-proċedura leġiżlattiva; jistieden lill-istituzzjonijiet involuti jiżguraw trasparenza akbar tat-trilogi informali biex tissaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jiflu bir-reqqa l-informazzjoni relevanti li tkun iffurmat il-bażi ta' att leġiżlattiv, kif iddikjarat il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi magħquda Svezja u Turco vs Il-Kunsill, filwaqt li jkun żgurat spazju adegwat ta' ħsieb għall-koleġiżlaturi; jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE biex iżidu r-rapportar fil-kumitat parlamentari kompetenti dwar is-sitwazzjoni attwali tan-negozjati tat-trilogi; iqis li, meta dokumenti jkunu maħluqa fil-qafas tat-trilogi, bħal pereżempju aġendi, sommarji tar-riżultati, minuti u approċċi ġenerali fil-Kunsill, jekk ikunu disponibbli, dawn id-dokumenti jkunu relatati ma' proċeduri leġiżlattivi u ma jistgħux, bħala prinċipju, jiġu ttrattati b'mod differenti minn dokumenti leġiżlattivi oħra; huwa tal-fehma li lista ta' laqgħat tat-trilogi u d-dokumenti msemmija hawn fuq għandhom ikunu direttament aċċessibbli fis-sit web tal-Parlament; ifakkar li l-ftehim interistituzzjonali futur dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet jinkludi bażi ta' data dwar fajls leġiżlattivi u, jekk jiġi adottat, se jindirizza wkoll il-ġestjoni xierqa tat-trilogi;

Emendi plenarji

28.  Jiddeplora l-fatt li meta emendi plenarji ffirmati b'mod konġunt minn mill-inqas 40 Membru jiġu rreġistrati, jiġu ppubblikati biss l-ismijiet ta' xi wħud mill-kofirmatarji; iqis li għandhom jiġu ppubblikati l-ismijiet tal-kofirmatarji kollha;

Reġistru obbligatorju tal-lobbies

29.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta mingħajr dewmien ulterjuri, il-proposta tagħha għal ftehim interistituzzjonali biex jinħoloq reġistru interistituzzjonali obbligatorju tal-gruppi ta' interess u tal-awtoritajiet lokali u l-organizzazzjonijiet reġjonali li jaħdmu fi ħdan l-istituzzjonijiet, u jitlob li dan jingħata l-ogħla prijorità; jitlob li tali reġistru jżomm informazzjoni dettaljata dwar min jirrapreżenta lil liema grupp ta' interess, għal liema skop u b'liema riżorsi u finanzjament;

30.  Iħeġġeġ lill-Membri tal-Parlament Ewropew u lir-rappreżentanti tal-Kunsill isegwu l-prattika tal-Kummissjoni, stabbilita bid-Deċiżjoni tagħha tal-25 ta' Novembru 2014, biex jippubblikaw informazzjoni dwar il-laqgħat bejniethom jew il-persunal tagħhom fuq naħa, u mal-partijiet interessati u s-soċjetà ċivili fuq in-naħa l-oħra;

31.  Jistieden lill-Parlament biex, bħala l-ewwel pass f'din id-direzzjoni, jagħmel disponibbli għal dawk il-Membri tal-Parlament Ewropew li jixtiequ jirrapurtaw dwar il-kuntatti tagħhom mal-lobbisti, mudell għar-Rapporteurs li jista' jiġi mehmuż bħala anness mar-rapporti tagħhom, kif ukoll spazju għal informazzjoni ta' dan it-tip fuq il-paġni web tal-Parlament li jirreferu għal Membri tal-Parlament Ewropew individwali;

Atti delegati

32.  Ifakkar li, skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u sabiex jiġi garantit kontroll Parlamentari sħiħ, demokratiku u trasparenti, jeħtieġ li l-aċċess jingħata wkoll għad-dokumenti prodotti skont il-qafas tal-proċedura ta' delegazzjoni tas-setgħat (atti delegati) peress li dawn jirrappreżentaw parti sostanzjali tal-leġiżlazzjoni Ewropea u għal din ir-raġuni għandu jiġi garantit bis-sħiħ kontroll parlamentari u demokratiku adegwat u trasparenti; jiddeplora b'mod partikolari, f'dan il-kuntest, in-nuqqas ta' trasparenza tal-awtoritajiet superviżorji Ewropej (l-EBA, l-EIOPA u l-ESMA) minħabba nuqqas ta' involviment min-naħa tal-koleġiżlaturi; jinnota b'diżappunt li għadu ma ġiex stabbilit reġistru uniku li jiġbor il-leġiżlazzjoni kollha tat-tieni livell u jistieden lill-Kummissjoni tagħmel dan mingħajr dewmien;

Il-ftehimiet internazzjonali

33.  Jinnota li l-ftehimiet internazzjonali għandhom saħħa vinkolanti u impatt fuq il-leġiżlazzjoni tal-UE u jinnota l-ħtieġa li matul il-proċess kollu n-negozjati jkunu trasparenti, u dan jimplika li l-istituzzjonijiet għandhom jippubblikaw il-mandat ta' negozjar mogħti lin-negozjatur tal-UE mingħajr ma jimmina l-pożizzjoni ta' negozjar tal-UE; iqis li għandu jiġi segwit il-prinċipju li d-dokumenti relatati ma' ftehimiet internazzjonali għandhom ikunu pubbliċi, mingħajr preġudizzju għall-eċċezzjonijiet leġittimi u mingħajr ma jimmina l-fiduċja meħtieġa bejn il-partijiet ikkonċernati sabiex jinkisbu negozjati effikaċi; jiddispjaċih li l-Kummissjoni u l-Kunsill regolarment jikklassifikaw id-dokumenti kollha dwar in-negozjati, u b'hekk jillimitaw l-aċċess taċ-ċittadini għall-informazzjoni; isostni li l-pubbliku għandu jingħata aċċess għad-dokumenti ta' negozjar relevanti kollha, inklużi dawk diġà maqbulin, bl-eċċezzjoni ta' dawk li huma kkunsidrati sensittivi, b'ġustifikazzjoni ċara fuq bażi individwali, skont l-Artikolu 9 tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001;

34.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, skont l-Artikolu 218 tat-TFUE, il-Parlament għandu jkun infurmat bis-sħiħ u immedjatament fl-istadji kollha waqt li n-negozjati jkunu għaddejjin; jistieden lill-Kummissjoni tikkonsulta lill-Parlament qabel ma tabbozza l-mandat ta' negozjar; jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta, f'kull stadju, liema dokumenti u liema informazzjoni tista' ssir pubblika b'mod proattiv;

It-trasparenza tal-proċess amministrattiv

35.  Jirrimarka li t-trasparenza ssaħħaħ u tikkontribwixxi biex jiġi implimentat il-prinċipju ta' amministrazzjoni tajba kif previst mill-Artikolu 41 tal-Karta u mill-Artikolu 298 tat-TFUE; jistieden, għaldaqstant, lill-istituzzjonijiet tal-UE jiżguraw li l-proċeduri amministrattivi interni tagħhom jilħqu dan l-għan;

36.  Jistieden lill-istituzzjonijiet tal-UE jfasslu regoli komuni li jirregolaw il-kondotta tal-proċeduri amministrattivi u l-proċeduri ta' sottomissjoni, klassifikazzjoni, deklassifikazzjoni, reġistrazzjoni u divulgazzjoni ta' dokumenti amministrattivi; jittama li proposta leġiżlattiva għal dan l-iskop tkun tista' tiġi ppreżentata mingħajr dewmien;

Proċeduri ta' ksur

37.  Jiddeplora n-nuqqas ta' trasparenza rigward l-avviżi ta' tqegħid fil-mora u l-proċeduri ta' ksur kontra l-Istati Membri; jitlob, b'mod partikolari, biex id-dokumenti mibgħuta mill-Kummissjoni lill-Istati Membri b'rabta ma' tali proċeduri u r-risposti relatati jkunu aċċessibbli għall-pubbliku; jitlob, barra minn hekk, li l-informazzjoni dwar l-eżekuzzjoni tas-sentenzi tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea jiġu ppublikati b'mod proattiv;

Il-ġestjoni tal-Fondi Strutturali u kwistjonijiet oħra

38.  Jistieden lill-Istati Membri jiżguraw li jiġu garantiti l-aċċessibbiltà sħiħa u t-trasparenza effettiva tal-informazzjoni dwar in-negozjati tal-programmi operattivi nazzjonali u reġjonali;

39.  Iqis li t-trasparenza sħiħa u l-aċċessibilità tad-data huma fundamentali biex jiġi evitat u miġġieled kwalunkwe abbuż u frodi; f'dan il-kuntest, jistieden lill-Kummissjoni tagħmel obbligatorja l-pubblikazzjoni tad-data tal-benefiċjarji kollha tal-Fondi Strutturali inklużi s-sottokuntratturi; itenni li huwa kruċjali li fl-UE jkun hemm trasparenza sħiħa fin-nefqa pubblika biex tiġi żgurata r-responsabilità u tiġi miġġielda l-korruzzjoni;

40.  Jistieden lill-Kummissjoni timmonitorja li l-Istati Membri jikkonformaw mal-obbligi ta' informazzjoni u rapportar stabbiliti fir-Regolament (UE) Nru 1303/2013 u, jekk ikun hekk meħtieġ, timponi s-sanzjonijiet previsti f'każ ta' nuqqas ta' osservanza ta' dawn l-obbligi;

41.  Jirrimarka li, filwaqt li nkiseb progress fl-għoti ta' informazzjoni fis-sit web tal-Parlament rigward l-allowances differenti li huma intitolati għalihom il-Membri, u dwar ir-regoli li bihom huma rregolati, din il-politika għandha tiġi segwita filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki fil-parlamenti nazzjonali u l-azzjonijiet li diġà ttieħdu minn Membri individwali; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Membri kollha sabiex jimpenjaw ruħhom f'dan l-isforz billi jiddivulgaw b'mod proattiv informazzjoni dwar l-attivitajiet speċifiċi tagħhom u l-użu tan-nefqa, sabiex il-Parlament jibqa' fuq quddiem tal-isforzi biex tinkiseb trasparenza u attitudni miftuħa fl-UE, u bil-ħsieb li jkun hemm rendikont pubbliku tal-fondi pubbliċi;

42.  Iqis li f'bidla tal-politika ta' trasparenza tiegħu, il-BĊE issa jipprevedi l-pubblikazzjoni tal-minuti tal-laqgħat tal-Bord ta' Tmexxija tal-BĊE, iżda jinsab diżappuntat li l-BĊE għadu lura ħafna f'dan l-aspett, meta mqabbel ma' banek ċentrali dinjija oħra; jistenna l-implimentazzjoni ta' miżuri ulterjuri oħra li għandhom itejbu t-trasparenza tal-kanali ta' komunikazzjoni tiegħu;

43.  Jittama, għaldaqstant, li fil-ġejjieni d-dokumenti kollha rigward id-deċiżjonijiet meħuda fil-proċess tal-Analiżi tal-Kwalità tal-Assi jsiru pubbliċi sabiex jiġu garantiti kundizzjonijiet ekwi fl-UE; jittama li r-rekwiżiti ta' trasparenza jiġu applikati wkoll fil-Mekkaniżmu Uniku ta' Riżoluzzjoni li huwa maħsub li jidħol fis-seħħ fl-1 ta' Jannar 2016;

44.  Jistieden lill-Kumitat Interistituzzjonali stabbilit mill-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 biex jaħdem b'mod aktar attiv u jikkomunika lill-kumitati kompetenti dwar il-kwistjonijiet diskussi; jistiednu jiltaqa' b'mod aktar regolari, u biex jiftaħ diskussjonijiet u deliberazzjonijiet interni billi jistieden u jqis sottomissjonijiet mis-soċjetà ċivili, l-Ombudsman Ewropew u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; jistiednu jindirizza b'urġenza l-kwistjonijiet imsemmija f'din ir-riżoluzzjoni;

45. Iqis li huwa indispensabbli li l-aġenziji tal-UE japplikaw politika komuni dwar il-kunflitti ta' interess; jinnota li f'xi każijiet il-politika li ġiet applikata sa issa tipprevedi dispożizzjonijiet rigward il-pubblikazzjoni tas-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess tad-Direttur u tal-maniġment superjuri; josserva bi tħassib, madankollu, li l-obbligu li jiġu ppubblikati s-CVs u d-dikjarazzjonijiet ta' interess ma japplikax għall-esperti; jistieden lill-aġenziji jestendu tali obbligu għall-esperti;

Segwitu

46.  Jitlob lill-Kummissjoni u lis-Segretarju Ġenerali tal-Parlament Ewropew jinfurmaw lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tar-rakkomandazzjonijiet f'din ir-riżoluzzjoni;

47  Jistieden lill-Kummissjoni tarmonizza l-kriterji dwar il-pubblikazzjoni tal-benefiċjarji tal-Fondi Strutturali;

48.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Ombudsman, lill-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data u lill-Kunsill tal-Ewropa, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

18.2.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali

għall-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern

dwar l-aċċess pubbliku għad-dokumenti (l-Artikolu 116(7) tar-Regoli ta' Proċedura) għas-snin 2014-2015

(2015/2287(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Heidi Hautala

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jistieden lill-Kumitat għal-Libertajiet Ċivili, il-Ġustizzja u l-Intern, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li l-istituzzjonijiet, l-aġenziji u l-korpi l-oħra tal-Unjoni Ewropea għadhom qed jonqsu milli jqisu bis-sħiħ u jikkonformaw mar-regoli u l-bidliet previsti mit-Trattat ta' Lisbona u l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali meta japplikaw ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, speċjalment fir-rigward tad-demokrazija parteċipattiva; jinnota u jilqa' s-sentenzi li ngħataw dan l-aħħar mill-Awla Manja tal-Qorti tal-Ġustizzja fil-kawża Digital Rights Ireland[10] u l-kawża Schrems[11], li fit-tnejn li huma l-Qorti bbażat ruħha fuq il-Karta meta ddikjarat li d-Direttiva dwar iż-Żamma tad-Data[12] u d-Deċiżjoni dwar Port Salv[13] rispettivament mhumiex validi; jisħaq li l-aċċess pubbiku proprju għad-dokumenti u l-ġestjoni tar-reġistri tad-dokumenti jeħtieġ ikunu bbażati fuq standards li jikkonformaw adegwatament mal-Artikoli 41 u 42 tal-Karta;

2.  Jiġbed l-attenzjoni, b'rabta ma' dan, għall-fatt li t-Trattati fis-seħħ m'għadx fihom dispożizzjonijiet paragonabbli għal dawk fl-Artikolu 207(3) tat-Trattat KE li, minkejja l-fatt li jikkonċernaw biss l-aċċess għad-dokumenti tal-Kunsill, intużaw biex jiġġustifikaw l-applikazzjoni tal-eċċezzjoni li tħares "l-ispazju għall-ħsieb" fl-Artikolu 4(3) tar-Regolament għal kwistjonijiet leġiżlattivi; itenni l-fehma tiegħu, li hija l-istess fehma tal-Ombudsman Ewropew, li l-proċeduri attwali għat-trilogi qabel ma jintlaħaq ftehim possibbli fl-ewwel qari jonqsu milli jiżguraw livell sodisfaċenti ta' trasparenza leġiżlattiva u aċċess għad-dokumenti; jirrimarka li, filwaqt li t-trilogi huma importanti u effikaċi, il-proċeduri li huma attwalment applikabbli għalihom iqajmu tħassib f'dak li jikkonċerna t-trasparenza tal-proċedura leġiżlattiva, u li din it-trasparenza "tikkontribwixxi sabiex issaħħaħ id-demokrazija billi tippermetti liċ-ċittadini jikkontrollaw l-informazzjoni kollha li tkun ikkostitwixxiet il-bażi ta' att leġiżlattiv", kif iddikjarat mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fil-kawżi konġunti tal-Iżvezja u Turco vs Il-Kunsill; ifakkar, b'rabta ma' dan, li billi l-preżunzjoni bażika hija dik tal-iżvelar pubbliku tad-dokumenti leġiżlattivi, l-eċċezzjonijiet għall-iżvelar jistgħu jiġu applikati fuq bażi ta' każ b'każ wara ġustifikazzjoni dettaljata ta' interess pubbliku u riskju reali u sostanzjali li l-iżvelar jimmina serjament il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet tal-istituzzjonijiet;

3.  Ifakkar li l-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea tagħraf ir-riskju ta' pressjoni esterna u li din jaf tkun raġuni leġittima biex jiġi limitat l-aċċess għal dokumenti marbuta mal-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, bil-kundizzjoni li r-realtà ta' tali pressjoni esterna tiġi stabbilita b'ċertezza, u li jitressqu provi suffiċjenti li juru li jeżisti riskju raġonevolment prevedibbli li d-deċiżjoni li għandha tittieħed tiġi affettwata b'mod sostanzjali minħabba dik il-pressjoni esterna[14]; jinsab imħasseb li l-prattika attwali tiffavorixxi aċċess usa' għall-fażijiet deċiżivi tal-proċess leġiżlattiv lil-lobbisti aktar milli lill-pubbliku ġenerali;

4.  Iqis, għaldaqstant, li d-dokumenti maħluqa fil-qafas tat-trilogi, bħall-aġendi, it-taqsiriet dwar l-eżiti u l-minuti imfassla biex jiffaċilitaw in-negozjati, fil-prinċipju ma jistgħux jiġu ttrattati b'mod differenti minn dokumenti leġiżlattivi oħra; ifakkar li lill-korpi kompetenti tiegħu diġà tahom l-istruzzjonijiet biex jieħdu azzjoni f'dan ir-rigward, u stieden lil istituzzjonijiet oħra jagħmlu l-istess; iqis li lista ta' laqgħat tat-trilogu u d-dokumenti msemmija hawn fuq għandhom ikunu direttament aċċessibbli fir-reġistru ta' dokumenti tal-Parlament; ifakkar li l-ftehim interistituzzjonali futur dwar it-tfassil aħjar tal-liġijiet, jekk jiġi adottat, se jinkludi dispożizzjonijiet li jirrigwardaw bażi tad-data dwar il-fajls leġiżlattivi u l-ġestjoni xierqa tat-trilogi;

5.  Jissottolinja l-importanza li l-progress tan-negozjati jiġi ppubblikat wara kull trilogu u li jintgħażel mandat approvat mill-plenarja għat-tim tan-negozjati tal-Parlament, u dan bil-għan li tittejjeb it-trasparenza fir-rigward tal-ftehimiet fl-ewwel qari mwettqa b'mod komuni fit-trilogi u użata dejjem aktar ta' spiss;

6.  Jenfasizza li dokumenti mhux leġiżlattivi bħad-dokumenti amministrattivi wkoll huma koperti mill-prinċipju ta' "l-akbar aċċess għal dokumenti" stabbilit fl-Artikolu 1(a) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 u li d-dokumenti għandhom jiġu eżaminati fuq bażi ta' każ b'każ sabiex jiġi determinat jekk l-iżvelar tagħhom fil-fatt ikunx jikkostitwixxi xkiel għall-protezzjoni ta' wieħed mill-interessi mħarsa mill-eċċezzjonijiet għall-aċċess pubbliku u, fejn hija prevista din il-possibbiltà fir-regolament, jekk interess pubbliku qawwi jkunx jeħtieġ l-iżvelar tad-dokument anke jekk setgħet tiġi applikata eċċezzjoni prima facie;

7.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tistabbilixxi reġistru konġunt għal proċeduri leġiżlattivi sabiex tiffaċilita t-traċċabbiltà tal-proċess leġiżlattiv;

8.  Ifakkar li, skont l-Artikoli 1(c) u 15(1), l-istituzzjonijiet huma mitluba "jippromwovu prattika amministrattiva tajba fl-aċċess għad-dokumenti" u "jiżviluppaw prattiċi amministrattivi tajbin sabiex jiffaċiltaw l-eżerċizzju tad-dritt tal-aċċess garantit minn dan ir-Regolament"; jisħaq li t-trasparenza hija marbuta mill-qrib mad-dritt għal amministrazzjoni tajba, kif imsemmi fl-Artikolu 298 tat-TFUE u l-Artikolu 41 tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali, u jtenni l-appell tiegħu għall-adozzjoni ta' regolament dwar il-proċedura amministrattiva tal-amministrazzjoni proprja tal-UE[15];

9.  Iqis li l-istituzzjonijiet tal-UE għandhom jagħmlu mod li t-trasparenza sħiħa tkun prijorità f'dak li jikkonċerna l-aċċess għad-dokumenti; jisħaq, b'rabta ma' dan, li minbarra l-aċċess għad-dokumenti, id-dibattiti tal-Kunsill għandhom isiru pubbliċi sabiex iċ-ċittadini jifhmu kif u għalfejn ittieħdu d-deċiżjonijiet;

10.  Jilqa' l-idea li l-Kummissjoni tintalab tistabbilixxi reġistru ta' atti delegati, li huma parti importanti mil-leġiżlazzjoni tal-UE, u jirrimarka li skont ir-Regolament (KE) Nru 1049/2001, u sabiex tiġi żgurata sorveljanza sħiħa, demokratika u trasparenti mill-Parlament, għandu jingħata aċċess ukoll għad-dokumenti mfassla bħala parti mill-proċedura għad-delega tas-setgħat;

11.  Iħeġġeġ lill-Kunsill jagħmel rieżami tal-politika tiegħu dwar l-aċċess għad-dokumenti u jallinjaha mad-dispożizzjonijiet rilevanti tal-Karta tad-Drittijiet Fundamentali;

12.  Jirrimarka li, bil-għan li jiġu garantiti l-leġittimità u r-responsabbiltà ta' sistema politika demokratika b'rispett lejn l-istat tad-dritt, iċ-ċittadini jeħtieġ ikollhom id-dritt li jkunu jafu u jeżaminaw bir-reqqa l-azzjonijiet tar-rappreżentanti tagħhom, il-proċess tat-teħid ta' deċiżjonijiet, u l-mod kif jiġu allokati u jintefqu l-fondi pubbliċi f'konformità mal-prinċipju tat-traċċabbiltà tal-fondi u f'konformità mal-pożizzjoni meħuda mill-Parlament f'riżoluzzjonijiet preċedenti;

13.  Jirrimarka li, filwaqt li nkiseb progress fl-għoti ta' informazzjoni dwar il-website tal-Parlament rigward l-allowances differenti li huma intitolati għalihom il-Membri, u dwar ir-regoli li bihom huma rregolati, din il-politika għandha tiġi segwita filwaqt li jitqiesu l-aħjar prattiki fil-parlamenti nazzjonali u l-azzjonijiet li diġà ttieħdu minn Membri individwali; iħeġġeġ, għaldaqstant, lill-Membri kollha sabiex jimpenjaw ruħhom f'dan l-isforz billi jiżvelaw b'mod proattiv informazzjoni dwar l-attivitajiet speċifiċi tagħhom u l-użu tan-nefqa, sabiex il-Parlament jibqa' fuq quddiem fl-impenn favur trasparenza u attitudni miftuħa fl-UE, u bil-għan li jkun hemm responsabbiltà pubblika tal-fondi pubbliċi.

14.  Jiddispjaċih għall-fatt li l-aħħar laqgħa tal-Kumitat Interistituzzjonali stabbilit skont l-Artikolu 15(2) tar-Regolament (KE) Nru 1049/2001 saret fil-15 ta' Diċembru 2009. jistieden, għal darba oħra, lill-Kumitat Interistituzzjonali biex jaħdem b'mod aktar attiv u jirrapporta lill-kumitati kompetenti dwar il-kwistjonijiet diskussi; jistieden lill-Kumitat Interistituzzjonali jiltaqa' b'mod aktar regolari u jagħti bidu għal diskussjonijiet u deliberazzjonijiet interni billi jistieden u jikkunsidra l-proposti ppreżentati mis-soċjetà ċivili, l-Ombudsman Ewropew, u l-Kontrollur Ewropew għall-Protezzjoni tad-Data; jistieden lill-Kumitat Interistituzzjonali jindirizza l-kwistjonijiet imsemmija f'din ir-riżoluzzjoni bħala kwistjoni ta' urġenza.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

18.2.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

0

1

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Max Andersson, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Buda, Angel Dzhambazki, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Virginie Rozière, Rainer Wieland

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Edward Czesak, Eleonora Evi, Karin Kadenbach

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

7.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

45

1

4

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jan Philipp Albrecht, Malin Björk, Michał Boni, Caterina Chinnici, Rachida Dati, Laura Ferrara, Monika Flašíková Beňová, Sylvie Guillaume, Jussi Halla-aho, Monika Hohlmeier, Sophia in ‘t Veld, Eva Joly, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Barbara Kudrycka, Cecile Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Monica Macovei, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Judith Sargentini, Birgit Sippel, Branislav Škripek, Csaba Sógor, Traian Ungureanu, Traian Ungureanu, Kristina Winberg, Tomáš Zdechovský

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Hugues Bayet, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Miriam Dalli, Daniel Dalton, Gérard Deprez, Anna Hedh, Jean Lambert, Jeroen Lenaers, Andrejs Mamikins, Morten Helveg Petersen, Emil Radev, Barbara Spinelli, Jaromír Štětina, Elissavet Vozemberg-Vrionidi

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Petras Auštrevičius, Herbert Dorfmann, José Inácio Faria, Eugen Freund, David McAllister, Marita Ulvskog

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

45

+

ALDE

Petras Auštrevičius, Gérard Deprez, José Inácio Faria, Morten Helveg Petersen, Sophia in 't Veld

ECR

Monica Macovei

EFDD

Laura Agea, Laura Ferrara, Kristina Winberg

ENF

 

GUE/NGL

Malin Björk, Barbara Spinelli

NI

 

PPE

Michał Boni, Carlos Coelho, Anna Maria Corazza Bildt, Pál Csáky, Rachida Dati, Herbert Dorfmann, Monika Hohlmeier, Barbara Kudrycka, Jeroen Lenaers, David McAllister, Emil Radev, Csaba Sógor, Jaromír Štětina, Elissavet Vozemberg-Vrionidi, Tomáš Zdechovský

S&D

Hugues Bayet, Caterina Chinnici, Miriam Dalli, Monika Flašíková Beňová, Eugen Freund, Sylvie Guillaume, Anna Hedh, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Kashetu Kyenge, Juan Fernando López Aguilar, Andrejs Mamikins, Claude Moraes, Péter Niedermüller, Birgit Sippel, Marita Ulvskog

Verts/ALE

Jan Philipp Albrecht, Eva Joly, Jean Lambert, Judith Sargentini

1

-

PPE

Traian Ungureanu

4

0

ECR

Daniel Dalton, Jussi Halla-aho, Branislav Škripek

PPE

Kinga Gál

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjonijiet

  • [1]  ĠU L 145, 31.5.2001, p. 43.
  • [2]  Testi adottati, P7_TA(2011)0580.
  • [3]  Testi adottati, P7_TA(2014)0203.
  • [4]  Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12. Sentenza tal-Qorti (l-Awla Manja) tat-8 ta' April 2014.
  • [5]  Kawża C 362/14. Sentenza tal-Qorti (l-Awla Manja) tas-6 ta' Ottubru 2015.
  • [6]  Direttiva 2006/24/KE.
  • [7]  Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000.
  • [8]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17).
  • [9]  Kawża T-144/05, Pablo Munoz vs Il-Kummissjoni, para 86.
  • [10]  Kawżi Magħquda C-293/12 u C-594/12. Sentenza tal-Qorti (l-Awla Manja) tat-8 ta' April 2014.
  • [11]  Kawża C 362/14. Sentenza tal-Qorti (l-Awla Manja) tas-6 ta' Ottubru 2015.
  • [12]  Direttiva 2006/24/KE.
  • [13]  Deċiżjoni tal-Kummissjoni Nru 2000/520/KE tas-26 ta' Lulju 2000.
  • [14]  Kawża T-144/05, Pablo Munoz vs Il-Kummissjoni, para 86.
  • [15]  Riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' Jannar 2013 bir-rakkomandazzjonijiet lill-Kummissjoni dwar Liġi ta' Proċedura Amministrattiva tal-Unjoni Ewropea (ĠU C 440, 30.12.2015, p. 17).