Proċedura : 2015/2234(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0143/2016

Testi mressqa :

A8-0143/2016

Dibattiti :

PV 07/06/2016 - 14
CRE 07/06/2016 - 14

Votazzjonijiet :

PV 08/06/2016 - 12.11
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0263

RAPPORT     
PDF 533kWORD 102k
21.4.2016
PE 567.752v02-00 A8-0143/2016

li fih mozzjoni għal riżoluzzjoni mhux leġiżlattiva dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni, tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra

(05431/2015 – C8-0061/2015 – 2013/0441(NLE) – 2015/2234(INI))

Kumitat għall-Affarijiet Barranin

Rapporteur: Elmar Brok

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI MHUX LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra

(05431/2015 – C8-0061/2015 – 2013/0441(NLE)2015/2234(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (05431/2015),

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Istati Membri tagħha, minn naħa, u r-Repubblika tal-Filippini, min-naħa l-oħra (15616/2010),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikoli 207 u 209 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, flimkien mal-Artikolu 218(6)(a) tiegħu (C8-0061/2015),

–  wara li kkunsidra r-relazzjonijiet diplomatiċi bejn il-Filippini u l-UE (dak iż-żmien il-Komunità Ekonomika Ewropea (KEE)), stabbiliti fit-12 ta' Mejju 1964 mal-ħatra tal-Ambaxxatur tal-Filippini għall-KEE,

–  wara li kkunsidra l-Ftehim Qafas bejn il-KE u l-Filippini għall-Kooperazzjoni għall-Iżvilupp, li daħal fis-seħħ fl-1 ta' Ġunju 1985,

–  wara li kkunsidra l-Programm Indikattiv Pluriennali tal-Unjoni Ewropea għall-Filippini 2014-2020,

–  wara li kkunsidra r-Regolament tal-Kunsill (KEE) Nru 440/80 tat-30 ta' Mejju 1980 li għandu x'jaqsam mal-konklużjoni tal-Ftehim tal-Kooperazzjoni bejn il-Komunità Ekonomika Ewropea u l-Indoneżja, il-Malasja, il-Filippini, Singapor u t-Tajlandja – pajjiżi membri fl-Assoċjazzjoni tan-Nazzjonijiet tax-Xlokk tal-Asja(1),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni Konġunta tat-18 ta' Mejju 2015 lill-Parlament u lill-Kunsill bit-titolu "L-UE u l-ASEAN: sħubija b'għan strateġiku'',

–  wara li kkunsidra l-10 Summit tal-ASEM li sar f'Milan bejn is-16 u s-17 ta' Ottubru 2014,

–  wara li kkunsidra l-Laqgħa Interparlamentari bejn il-Parlament Ewropew u l-Parlament tal-Filippini ta' Frar 2013,

–   wara li kkunsidra t-23 laqgħa tal-Kumitat Konġunt ta' Kooperazzjoni (KKK) ASEAN-UE li saret f'Jakarta fl-4 ta' Frar 2016,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjonijiet reċenti tiegħu dwar il-Filippini, b'mod partikolari dik tal-14 ta' Ġunju 2012 dwar każijiet ta' impunità fil-Filippini(2), tal-21 ta' Jannar 2010 dwar il-Filippini (wara l-massakru ta' Maguindanao tat-23 ta' Novembru 2009)(3), u tat-12 ta' Marzu 2009 dwar il-Filippini (dwar l-ostilitajiet bejn il-forzi tal-gvern u l-Front għal-Liberazzjoni Nazzjonali Moro (MNLF))(4),

–  wara li kkunsidra l-istatus tal-Filippini bħala membru fundatur tal-ASEAN wara l-iffirmar tad-Dikjarazzjoni ta' Bangkok fit-8 ta' Awwissu 1967,

–   wara li kkunsidra s-27 Summit tal-ASEAN li sar f'Kuala Lumpur (il-Malasja) u mit-18 sat-22 ta' Novembru 2015,

–  wara li kkunsidra l-14-il Summit dwar is-Sigurtà tal-Asja (IISS id-Djalogu ta' Shangri-La) li sar f'Singapore bejn id-29 u l-31 ta' Mejju 2015,

–   wara li kkunsidra r-rapporti tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar id-dritt għall-ikel, Hilal Elver (id-29 ta' Diċembru 2015 - A/HRC/31/51/Add.1), tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar it-traffikar tal-bnedmin, Joy Ngosi Ezeilo (id-19 ta' April 2013 - A/HRC/23/48/Add.3), u tar-Rapporteur Speċjali tan-NU dwar l-eżekuzzjonijiet extraġudizzjarji, sommarji jew arbitrarji, Philip Alston (id-29 ta' April 2009 - A/HRC/11/2/Add.8),

–   wara li kkunsidra t-tieni Eżami Perjodiku Universali mill-Kunsill tad-Drittijiet tal-Bniedem tan-NU ta' Mejju 2012, li mit-88 rakkomandazzjoni tiegħu ġew aċċettati 66 mill-Filippini,

–   wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tal-Filippini dwar in-Nutrizzjoni għall-2011-2016, il-Programm għall-Aċċelerazzjoni tat-Tnaqqis tal-Ġuħ, il-Pjan ta' Riforma Komprensiva Agrarja tal-1988 u l-Kodiċi tas-Sajd tal-1998,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), it-tieni subparagrafu, tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (A8-0143/2016),

A.   billi f'termini ta' leġiżlazzjoni internazzjonali u nazzjonali dwar id-drittijiet tal-bniedem, il-Filippini huwa ta' eżempju għal pajjiżi oħra fir-reġjun, billi rratifika tmienja mid-disa' konvenzjonijiet ewlenin tad-drittijiet tal-bniedem, bl-eċċezzjoni tal-Konvenzjoni għall-Protezzjoni tal-Persuni Kollha mill-Għajbien Sfurzat (CPPED), kif ukoll irratifika l-Istatut ta' Ruma tal-Qorti Kriminali Internazzjonali fl-2011;

B.   billi f'Marzu 2014 il-Gvern tal-Filippini qabel dwar ftehim ta' paċi għall-gżira ta' Mindanao mal-Front Iżlamiku ta' Liberazzjoni Moro (MILF), li jinvolvi l-ħolqien ta' reġjun awtonomu (Bangsamoro) fin-nofsinhar Musulman tal-gżira, iżda ma jinkludix il-parteċipazzjoni ta' gruppi oħrajn tal-milizzji li jopponu l-proċess ta' paċi; billi, madankollu, il-Kungress tal-Filippini ma rnexxilux jadotta l-Liġi Bażika Bangsamoro (BBL) fi Frar 2016, u b'hekk ma temmx in-negozjati ta' paċi b'suċċess;

C.  billi l-Filippini rċieva taħriġ kontra l-irvellijiet, kontra t-terroriżmu u taħriġ tal-intelligence mill-armata tal-Istati Uniti fil-kuntest tal-ġlieda kontra l-grupp ta' milizzji li għandhom rabtiet potenzjali mal-gruppi terroristiċi reġjonali (tax-Xlokk tal-Asja) u internazzjonali bħal al-Qaeda u l-ISIS;

D.  billi f'April 2015 il-Filippini u l-Istati Uniti ffirmaw Ftehim ta' Kooperazzjoni Msaħħa fil-qasam tad-Difiża (EDCA);

E.  billi l-Ġappun u l-Filippini ffirmaw Memorandum dwar il-Kooperazzjoni u l-Iskambji fil-Qasam tad-Difiża f'Jannar 2015;

F.  billi r-relazzjonijiet Sino-Filippini esperjenzaw deterjorament gradwali mindu kien hemm allegazzjonijiet ta' korruzzjoni fl-2008 fir-rigward ta' assistenza Ċiniża, u prinċipalment b'segwitu għall-assertività dejjem tikber taċ-Ċina rigward il-pretensjonijiet territorjali tagħha fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

G.   billi l-Filippini beda proċediment ta' arbitraġġ quddiem it-Tribunal Internazzjonali tal-Arbitraġġ tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Dritt tal-Baħar (UNCLOS) f'Jannar 2013, li fih qiegħed jitlob kjarifika dwar id-drittijiet marittimi tiegħu skont l-UNCLOS u l-validità tal-pretensjoni taċ-Ċina rigward ''id-disa' linji ta' demarkazzjoni'' fuq parti kbira mill-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

H.  billi l-Filippini ħabbar li se jiftaħ faċilitajiet ġodda ta' bażi navali u tal-ajru b'aċċess estensiv fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar u se jagħmel dawn il-faċilitajiet disponibbli għall-bastimenti tal-Istati Uniti, tal-Ġappun u tal-Vjetnam;

I.   billi f'Diċembru 2014, l-UE tat l-istatus ta' SĠP+ lill-Filippini, bħala l-ewwel pajjiż tal-ASEAN li jgawdi minn tali preferenzi kummerċjali; billi dan jippermetti lill-Filippini jesporta 66 % tal-prodotti kollha tiegħu mingħajr tariffi fl-UE, inkluż frott ipproċessat, żejt tal-ġewż tal-Indi, żraben, ħut u tessuti;

J.  billi l-Filippini jikkonsisti f'eluf ta' gżejjer, struttura li toħloq sfida f'termini ta' konnettività interna, infrastruttura u kummerċ;

K.   billi l-UE hija investitur barrani kbir u sieħba kummerċjali tal-Filippini;

L.   billi l-UE hija r-raba' l-akbar sieħba kummerċjali tal-Filippini u r-raba' l-akbar suq tal-esportazzjoni, li jammonta għal 11,56 % tal-esportazzjonijiet kollha tal-Filippini;

M.   billi l-Filippini reċentement esprima l-interess tiegħu li jaderixxi mas-Sħubija Transpaċifika u jinsab attwalment f'konsultazzjoni mal-Istati Uniti dwar l-adeżjoni ma' dan il-ftehim;

N.  billi l-UE aktar minn irduppjat l-allokazzjoni finanzjarja tagħha fir-rigward tal-kooperazzjoni għall-iżvilupp mal-Filippini tul il-perjodu 2014-2020, u pprovdiet ukoll assistenza umanitarja u ta' emerġenza sinifikanti lill-vittmi ta' tempesti tropikali;

O.   billi l-Filippini huwa t-tielet l-aktar pajjiż li qed jiżviluppa li huwa vulnerabbli għat-tibdil fil-klima, ċirkostanza li se taffettwa ħażin l-agrikoltura tal-pajjiż u r-riżorsi tal-baħar;

P.   billi l-impatt devastanti tat-tifun Haiyan li fl-2013 qatel madwar 6 000 persuna, qed ikompli jkollu effetti negattivi fuq l-ekonomija, u aggrava b'mod speċjali s-sigurtà tal-ikel, filwaqt li miljun persuna oħra sfaw foqra, skont l-istimi tan-NU;

1.  Jilqa' l-konklużjoni tal-Ftehim Qafas ta' Sħubija u Kooperazzjoni mal-Filippini;

2.   Iqis li l-UE għandha tkompli tipprovdi appoġġ finanzjarju u assistenza għall-bini tal-kapaċità lill-Filippini għat-tnaqqis tal-faqar, l-inklużjoni soċjali, ir-rispett għad-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt, il-promozzjoni tal-paċi, ir-rikonċiljazzjoni, is-sigurtà u r-riforma ġudizzjarja, u tgħin lill-pajjiż fit-tħejjija għad-diżastri, is-sokkors u l-irkupru u l-implimentazzjoni ta' politiki effikaċi biex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima;

3.   Iħeġġeġ lill-Gvern tal-Filippini jkompli jrawwem aktar progress fl-eliminazzjoni tal-korruzzjoni u l-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem;

4.   Ifaħħar lill-Filippini talli ilu parti mill-koalizzjoni internazzjonali kontra t-terroriżmu sa mill-2001; jesprimi, madankollu, it-tħassib tiegħu dwar ir-rapporti kontinwi ta' ksur serju tad-drittijiet tal-bniedem mill-militari Filippini fit-twettiq ta' miżuri kontra l-irvellijiet, b'mod partikolari minn unitajiet paramilitari;

5.   Jirrimarka li l-grupp Abu Sayyaf huwa akkużat li wettaq l-agħar atti ta' terroriżmu kommessi fil-Filippini, inklużi l-bumbardamenti fatali bħal pereżempju l-attakk fuq vapur f'Manila fl-2004 li wasal għall-qtil ta' aktar minn 100 persuna;

6.  Jenfasizza li qed jiżdied it-tħassib dwar il-fatt li l-ISIS se jikseb l-appoġġ ta' gruppi affiljati fix-Xlokk tal-Asja, peress li qed ixerred propaganda bil-lingwi lokali u xi estremisti fir-reġjun diġà wiegħdu lealtà lejh;

7.   Japprezza l-impenji li saru mill-Gvern tal-Filippini, u jissottolinja l-importanza li jinkiseb proċess ta' paċi għal Mindanao li jkun inklużiv kemm jista' jkun; jinnota l-kontribut li sar għall-ftehimiet ta' Mindanao permezz tal-Grupp ta' Kuntatt Internazzjonali; jiddispjaċih ħafna dwar il-fatt li l-Ftehim ta' Paċi ta' Mindanao ma ġiex adottat mill-Kungress tal-Filippini; jappella sabiex jitkomplew in-negozjati għall-paċi u li l-Kungress jadotta l-BBL;

8.   Jikkundanna l-massakru tal-24 ta' Diċembru 2015 ta' bdiewa Kristjani minn ribelli separatisti f'Mindanao; jilqa' l-inizjattiva mill-NGO Filippina PeaceTech li t-tfal tal-iskola Kristjani u Musulmani jkunu f'kuntatt ma' xulxin permezz ta' Skype, fi sforz sabiex jiġi promoss il-kuntatt bejn iż-żewġ komunitajiet;

9.   Jistieden lill-Gvern tal-Filippini jibni l-kapaċità fil-qasam ta' ġbir sistematiku ta' data dwar it-traffikar tal-bnedmin, u jistieden lill-UE u lill-Istati Membri tagħha jappoġġaw lill-gvern, u notevolment il-Kunsill ta' Bejn l-Aġenziji kontra t-Traffikar (IACAT), fl-isforzi li qed isiru biex tissaħħaħ l-assistenza u l-appoġġ lill-vittmi, jidħlu fis-seħħ miżuri effiċjenti ta' infurzar tal-liġi, jitjiebu l-mezzi legali ta' migrazzjoni tal-ħaddiema, u jiġi żgurat trattament dinjituż għall-migranti Filippini f'pajjiżi terzi;

10.   Jitlob lill-UE u l-Istati Membri tagħha jimpenjaw ruħhom mal-Filippini sabiex ikun hemm skambju ta' intelligence, jikkooperaw u jipprovdu appoġġ għall-bini tal-kapaċità tal-gvern fil-ġlieda internazzjonali kontra t-terroriżmu u l-estremiżmu fir-rigward tad-drittijiet fundamentali u l-istat tad-dritt;

11.  Jinnota li l-Filippini huwa strateġikament importanti hekk kif jinsab qrib rotot internazzjonali marittimi u tal-ajru ewlenin fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar;

12.   Ifakkar fit-tħassib serju tiegħu dwar it-tensjoni fil-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar; iqis li huwa ta' dispjaċir li, għal kuntrarju tad-Dikjarazzjoni tal-Kondotta tal-2002, bosta partiti qed jippretendu bi dritt art f'ibħra kkontestati; jinsab partikolarment imħasseb dwar l-iskala massiva tal-attivitajiet attwali taċ-Ċina fiż-żona, inkluż bini ta' faċilitajiet militari, portijiet u mill-inqas passaġġ wieħed għat-tlugħ u nżul tal-ajruplani; iħeġġeġ lill-partijiet kollha fiż-żona kontestata biex joqogħdu lura minn azzjonijiet unilaterali u provokattivi u biex isolvu t-tilwim b'mod paċifiku abbażi tad-dritt internazzjonali, b'mod partikolari l-UNCLOS, u b'medjazzjoni u arbitraġġ internazzjonali imparzjali; iħeġġeġ lill-partijiet kollha jirrikonoxxu l-ġurisdizzjoni kemm tal-UNCLOS kif ukoll tat-tribunal tal-arbitraġġ, u jitlob li tiġi rispettata kwalunkwe deċiżjoni eventwali tal-UNCLOS; jappoġġa l-azzjonijiet kollha li jippermettu li l-Baħar taċ-Ċina tan-Nofsinhar isir "baħar ta' paċi u kooperazzjoni"; jappoġġa wkoll kull sforz sabiex ikun żgurat li l-partijiet jaqblu fuq kodiċi ta' kondotta għall-isfruttament paċifiku taż-żoni marittimi inkwistjoni, inkluż l-istabbiliment ta' rotot kummerċjali sikuri, u jħeġġeġ miżuri għall-bini ta' fiduċja; jemmen li l-UE għandha timpenja ruħha f'kooperazzjoni bilaterali u multilaterali sabiex tikkontribwixxi b'mod effikaċi għas-sigurtà fir-reġjun;

13.  Jilqa' b'sodisfazzjon il-ftehim ta' Mejju 2014 bejn il-Filippini u l-Indoneżja, li ċċara l-kwistjoni tas-sovrappożizzjoni tal-fruntieri marittimi fl-ibħra ta' Mindanao u Celebes;

14.   Jistieden lill-Filippini, bħala wieħed mill-pajjiżi li ngħata status ta' SĠP+ mill-UE, biex jiżgura l-implimentazzjoni effikaċi tal-konvenzjonijiet internazzjonali ewlenin kollha dwar id-drittijiet tal-bniedem u tax-xogħol, l-ambjent u l-governanza tajba, kif elenkati fl-Anness VIII tar-Regolament (UE) Nru 978/2012; jirrikonoxxi li l-Filippini saħħaħ il-leġiżlazzjoni tiegħu dwar id-drittijiet tal-bniedem; jistieden lill-Filippini jkompli jħeġġeġ aktar progress fil-promozzjoni tad-drittijiet tal-bniedem, inkluż il-pubblikazzjoni tal-Pjan ta' Azzjoni Nazzjonali għad-Drittijiet tal-Bniedem, kif ukoll l-eliminazzjoni tal-korruzzjoni; jesprimi tħassib partikolari fir-rigward fir-repressjoni kontra l-attivisti li qed jagħmlu kampanji b'mod paċifiku biex jipproteġu l-artijiet ta' missirijiethom mill-impatt tas-settur tal-minjieri u d-deforestazzjoni; ifakkar li skont il-SĠP+, il-benefiċjarji se jkollhom juru li huma qed jimplimentaw l-obbligi tagħhom rigward id-drittijiet tal-bniedem, l-istandards tax-xogħol, tal-ambjent u tal-governanza;

15.   Jieħu nota tal-valutazzjoni SĠP+ mill-Filippini, partikolarment fir-rigward tar-ratifika tas-seba' konvenzjonijiet kollha tan-NU dwar id-drittijiet tal-bniedem rilevanti għall-SĠP+ tal-UE; jenfasizza l-ħidma li għad jeħtieġ issir biex jiġu implimentati; jirrikonoxxi l-passi li ħa l-gvern u l-progress li nkiseb sa issa;

16.   Iħeġġeġ lill-Filippini jkompli jtejjeb l-klima ta' investiment, inklużi l-ambjent tal-IDB, billi jżid it-trasparenza u l-governanza tajba u l-implimentazzjoni tal-prinċipji gwida tan-NU dwar in-negozju u d-drittijiet tal-bniedem u l-iżvilupp ulterjuri tal-infrastruttura, fejn xieraq permezz ta' sħubijiet pubbliċi-privati; jesprimi tħassib dwar l-effetti li t-tibdil fil-klima ser ikollu fuq il-Filippini;

17.   Iħeġġeġ lill-Gvern jinvesti f'teknoloġiji ġodda u tal-internet sabiex jippromwovi skambji kulturali u kummerċjali bejn il-gżejjer li jiffurmaw il-Filippini;

18.   Jilqa' l-ftehim tat-22 ta' Diċembru 2015 li jinfetħu n-negozjati dwar Ftehim ta' Kummerċ Ħieles mal-Filippini; iqis li jkun xieraq li l-Kummissjoni u l-awtoritajiet Filippini jiżguraw standards għoljin dwar id-drittijiet tal-bniedem, ix-xogħol u l-ambjent; jenfasizza li tali Ftehim ta' Kummerċ Ħieles għandu jservi bħala element fundamentali lejn ftehim interreġjonali UE-ASEAN dwar il-kummerċ u l-investiment li jista' jerġa' jinbeda b'mod parallel;

19.   Jieħu nota tal-fatt li 800 000 Filippin qed jgħixu fl-UE u li l-baħrin Filippini li jaħdmu fuq bastimenti reġistrati fl-UE jibagħtu flus lejn il-Filippini fl-ammont ta' EUR 3 biljun fis-sena; iqis li l-UE għandha tiżviluppa aktar skambji interpersonali ta' studenti, akkademiċi u ta' riċerkaturi xjentifiċi, kif ukoll skambji kulturali;

20.   Jistieden lill-Istati Membri, huwa u jqis il-fatt li l-maġġoranza tal-ekwipaġġ fuq ħafna bastimenti li ma jtajrux bnadar Komunitarji huma Filippini, kif ukoll il-kundizzjonijiet tax-xogħol ħorox u diżumani li jkollhom iħabbtu wiċċhom magħhom dawn il-baħħara, biex ma jippermettux li dawn il-bastimenti jintlaqgħu fil-portijiet Ewropej meta l-kundizzjonijiet tax-xogħol abbord ikunu jiksru d-drittijiet tax-xogħol u l-prinċipji minquxa fil-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea; iħeġġeġ bl-istess mod biex il-bastimenti li ma jtajrux bnadar Komunitarji jiggarantixxu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tal-ekwipaġġ tagħhom skont il-leġiżlazzjoni internazzjonali u r-regoli stipulati mill-ILO u l-IMO;

21.   Jappella sabiex ikun hemm skambji regolari bejn is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna (SEAE) u l-Parlament, b'mod li dan tal-aħħar ikun jista' jsegwi l-implimentazzjoni tal-Ftehim Qafas u l-kisba tal-objettivi tiegħu;

22.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lis-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lill-gvernijiet u l-parlamenti tal-Istati Membri u lill-Gvern u l-Parlament tar-Repubblika tal-Filippini.

(1)

ĠU L 144, 10.6.1980, p. 1.

(2)

ĠU C 332 E, 15.11.2013, p. 99.

(3)

ĠU C 305 E, 11.11.2010, p. 11.

(4)

ĠU C 87 E, 1.4.2010, p. 181.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

57

3

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Ilhan Kyuchyuk, Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Vincent Peillon, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Sofia Sakorafa, Jean-Luc Schaffhauser, Charles Tannock, László Tőkés, Geoffrey Van Orden, Boris Zala

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Luis de Grandes Pascual, Marielle de Sarnez, Andrzej Grzyb, András Gyürk, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Norbert Neuser, Norica Nicolai, Soraya Post, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Paavo Väyrynen, Janusz Zemke

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Monika Hohlmeier, Zdzisław Krasnodębski, Marian-Jean Marinescu, Indrek Tarand, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Ivan Štefanec

Avviż legali - Politika tal-privatezza