RAKKOMANDAZZJONI dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

25.4.2016 - (12773/2015 – C8-0354/2015 – 2015/0229(NLE)) - ***

Kumitat għas-Sajd
Rapporteur: Gabriel Mato

Proċedura : 2015/0229(NLE)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0147/2016
Testi mressqa :
A8-0147/2016
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

(12773/2015 – C8-0354/2015 – 2015/0229(NLE))

(Approvazzjoni)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-abbozz ta' deċiżjoni tal-Kunsill (12773/2015),

–  wara li kkunsidra l-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti mill-Ftehim ta' Sħubija dwar is-sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin (12776/2015),

–  wara li kkunsidra t-talba għal approvazzjoni preżentata mill-Kunsill skont l-Artikolu 43, l-Artikolu 218(6), it-tieni subparagrafu, punt (a) u l-Artikolu 218(7), tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (C8–0354/2015),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 99(1), l-ewwel u t-tielet paragrafi, l-Arikolu 99(2) u l-Artikolu 108(7) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kumitat għas-Sajd u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Iżvilupp u l-Kumitat għall-Baġits (A8–0147/2016),

1.  Jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-konklużjoni tal-Protokoll;

2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlament tal-Istati Membri u tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania.

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

L-isfond u l-karatteristiċi tal-protokoll il-ġdid

L-ewwel ftehim dwar is-sajd mal-Mauritania imur lura għall-1989, u minn dik is-sena 'l quddiem ġew iffirmati diversi ftehimiet suċċessivi li jippermettu lill-bastimenti Ewropej jistadu fl-ilmijiet ta' dan il-pajjiż. Fl-2006 daħal fis-seħħ il-Ftehim ta' Assoċjazzjoni li hemm bħalissa, li ġie mġedded fl-2012 għal perjodu ta' sentejn sa tmiem l-2014.

Wara perjodu twil ta' negozjati, fl-10 ta' Lulju 2015, l-Unjoni Ewropea u l-Mauritania inizjalaw protokoll ġdid li se jippermetti lill-bastimenti Ewropej jistadu fl-ibħra tal-Mauritania matul erba' snin. Il-protokoll, li ilu japplika fuq bażi proviżorja mis-16 ta' Novembru 2015, jipprovdi opportunitajiet tas-sajd: għall-bastimenti tas-sajd għall-krustaċji, ħlief l-awwista u l-granċ; għall-bastimenti tat-tkarkir mingħajr friża u għall-bastimenti tas-sajd bil-konz tal-qiegħ għall-merluzz l-iswed; għall-bastimenti tas-sajd għall-ispeċijiet demersali; għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bit-tartarun; għall-bastimenti tas-sajd għat-tonn bil-qasab u x-xlief u bastimenti tas-sajd bil-konz; għall-bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża għas-sajd pelaġiku u għall-bastimenti tas-sajd pelaġiku mhux mgħammra bi friża. Il-kategorija bl-ikbar piż hija dik tal-bastimenti tat-tkarkir mgħammra bi friża għas-sajd pelaġiku, li għalihom qed tiġi prevista kwota ta' 247,000 tunnellata, minn total ta' 281,500 tunnellata stabbilita għall-flotta kollha.

Il-kwota allokata lil din l-aħħar taqsima, li fil-protokoll preċedenti kienet ta' 300,000 tunnellata, għalhekk tnaqqset b'mod sinifikanti sabiex jitqies il-livell ta' użu min-naħa tal-flotta, ħaġa li kellha impatt dirett fuq il-kontribuzzjoni finanzjarja mħallsa mill-Unjoni Ewropea lil dak il-pajjiż. Minkejja t-tnaqqis fil-possibilitajiet ta' qbid, il-flotta hija mistennija li tagħmel użu aħjar mill-kwoti minħabba l-modifiki sinifikanti li ddaħħlu fl-ispeċifikazzjonijiet tekniċi imposti mill-Mauritania, kif ukoll l-obbligu li jiġu impjegati sajjieda mill-Mauritania abbord.

Il-Mauritania ntrabtet li tirrevedi l-kwoti allokati għall-flotta Ewropea fi ħdan il-qafas tal-Kumitat Konġunt stabbilit skont il-Ftehim, bil-għan li eventwalment jingħataw opportunitajiet oħra ta' qbid ta' speċijiet demersali lill-bastimenti tat-tkarkir mgħammar bi friża, sakemm ikun hemm stokk ta' ħut żejjed, u f'dak il-każ ikun possibbli li din il-kategorija ta' bastimenti, li fil-passat diġà kienu joperaw fl-istess ilmijiet, jirritornaw lejn il-Mauritania.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali li se titħallas mill-Unjoni Ewropea lil dak il-pajjiż biex jippermetti l-aċċess tal-bastimenti Ewropej għaż-żona esklużiva tas-sajd tiegħu hija ta' EUR 55 miljun fis-sena, f'paragun ma' EUR 67 miljun skont il-protokoll preċedenti. Ma' din is-somma tiżdied għajnuna finanzjarja ta' EUR 16.5 miljun għall-perjodu kollu li fih il-protokoll ikun fis-seħħ (EUR 4.125 miljun fis-sena, minflok 3 miljuni skont il-protokoll preċedenti) sabiex jiġi promoss l-iżvilupp sostenibbli tas-settur tas-sajd u l-ħarsien tal-ambjent taż-żoni marini u tal-kosta protetti. B'hekk, l-appoġġ settorjali żdied sabiex jitjieb l-appoġġ Ewropew għat-tnedija tal-istrateġija settorjali l-ġdida għall-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd f'dak il-pajjiż.

Il-ftehim il-ġdid isolvi ċerti nuqqasijiet li naqqsu s-siwi tal-protokoll preċedenti. Ir-restrizzjonijiet imposti fuq il-flotta wasslu għal livell baxx ta' użu tal-opportunitajiet ta' sajd, li, barra minn hekk, naqsu ħafna wara l-qerda tas-sajd għaċ-ċefalopodi, li kien sajd tradizzjonali tal-flotta Ewropea.

Iż-żoni tas-sajd għall-flotta tas-sajd għall-frott tal-baħar u għall-ħut pelaġiku żgħir ġew aġġustati biex titjieb il-koeżistenza mal-flotot tal-Mauritania u żdiedu l-opportunitajiet tas-sajd għall-flotot tat-tkarkir li jistadu għall-marlozz l-iswed u dawk tal-konz tal-qiegħ.

Ta' importanza partikolari hija l-bidla li saret fil-kalkolu tal-għadd ta' persunal mill-Mauritania li jeħtieġ jittella' abbord il-bastimenti Ewropej. Għalkemm il-perċentwal ta' 60 fil-mija qed jinżamm, dan se jiġi kkalkolat billi jiġu esklużi l-karigi relatati mas-sewqan tal-makkinarju, ħaġa li ssolvi l-problemi relatati mal-livell ta' kwalifiki tal-baħħara mill-Mauritania.

Il-protokoll il-ġdid jinkludi wkoll titjib għall-flotta tas-sajd għall-ispeċijiet migratorji ħafna, peress li din se tkun tista' tistad b'kundizzjonijiet simili għal dawk applikati minn pajjiżi terzi oħra, peress li l-miżuri ta' sorveljanza u aċċess ġew armonizzati ma' dawk stabbiliti għall-ftehimiet l-oħra dwar il-bastimenti tas-sajd għat-tonn.

Iddaħħal ukoll titjib sostanzjali biex tiġi ċċarata l-metodoloġija għall-applikazzjoni tar-regola li tobbliga lill-bastimenti Ewropej jagħtu 2 fil-mija mill-qabdiet tal-ħut pelaġiku lil persuni fil-bżonn.

Il-protokoll jinkorpora wkoll bidliet radikali, b'mod partikolari fl-Artikolu 1 tiegħu, sabiex titjieb il-fiduċja reċiproka u n-nondiskriminazzjoni tal-flotta Ewropea fil-konfront ta' flotot oħra barranin, ħaġa li għandha tiżgura l-applikazzjoni fuq il-bastimenti tal-flotot barranin tal-istess kundizzjonijiet ta' konservazzjoni imposti fuq il-bastimenti Komunitarji. Għall-finijiet ta' iktar trasparenza, il-Mauritania tintrabat li tippubblika l-ftehimiet privati u pubbliċi kollha ma' pajjiżi terzi, barra li tagħti aċċess preferenzjali lill-flotta Ewropea għall-istokk ta' ħut żejjed.

Il-pożizzjoni tar-rapporteur

Il-protokoll il-ġdid jirrappreżenta pass kbir 'il quddiem meta mqabbel ma' dak preċedenti u r-rapporteur jilqa' l-impenji ġodda min-naħa tal-Mauritania fil-qasam tat-trasparenza u l-aċċess preferezjali lill-flotta Ewropea, filwaqt li jqis l-esperjenza qarsa tas-snin tal-passat meta l-Mauritania fetħet is-sajd taċ-ċefalopodi tagħha għall-flotot barranin filwaqt li rrifjutat l-aċċess għall-flotta Ewropea.

Il-ftehim mal-Mauritania għandu jservi ta' eżempju għal ftehimiet futuri li l-Unjoni Ewropea tagħmel ma' pajjiżi terzi oħra, raġuni għaliex ir-rapporteur iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea ssegwi din l-istess triq ta' trasparenza fin-negozjati bilaterali kollha.

Iż-żieda għal 4 sena tat-tul tal-protokoll, l-aktar ftehim importanti li sar sal-ġurnata tal-lum mill-Unjoni Ewropea ma' pajjiż terz, se jiżgura iktar stabilità lill-flotta li tistad fl-ilmijiet tal-Mauritania.

L-għajbien tal-kategorija taċ-ċefalopodi fil-ftehim preċedenti kien bidla drastika ħafna għall-flotta Ewropea li wassal saħansitra għall-iskrappjar ta' xi bastimenti, u għalhekk ir-rapporteur jistieden lill-Kummissjoni ssegwi mill-qrib ħafna s-sitwazzjoni ta' dawn il-popolazzjonijiet, kif ukoll l-osservanza stretta tal-preferenza mogħtija lill-flotta Ewropea għall-aċċess għall-istokkijet tas-sajd żejjed f'dak il-pajjiż.

Barra minn hekk, huwa ta' importanza kbira biex tissaħħaħ il-kredibilità tal-protokoll il-ġdid fl-opinjoni tas-sajjieda Ewropej li jkun hemm garanzija totati li l-flotot mhux Komunitarji ser jiġu soġġetti għall-istess kondizzjonijiet tekniċi fil-qasam tal-konservazzjoni u l-ġestjoni tar-riżorsi, u li dan il-pajjiż se japplika wkoll dispożizzjonijiet finanzjarji ekwivalenti b'rabta mat-tariffi mħallsa mis-sidien tal-bastimenti u l-kontribuzzjoni finanzjarja pubblika.

Element ieħor pożittiv ħafna huwa l-bilanċ ikbar miksub fil-kontribuzzjoni finanzjarja fir-rigward tal-possibbiltajiet tas-sajd miftiehma. B'dan il-mod ir-relazzjoni bejn l-ispiża u l-benefiċċju tal-ftehim mal-Mauritania se titjieb sostanzjalment, ħaġa li għaliha jikkontribwixxu wkoll il-bidliet li ddaħħlu fil-miżuri tekniċi.

Barra minn hekk, it-tisħiħ tal-appoġġ għas-sajd lokali tal-Mauritania juri d-determinazzjoni tal-Unjoni Ewropea fl-impenn tagħha lejn l-iżvilupp tal-flotot tal-pajjiżi li magħhom iffirmat ftehimiet, u x-xewqa tagħha li tesporta l-mudell ta' sostenibilità ambjentali, ekonomika u soċjali li tirrakkomanda fil-politika tas-sajd tagħha.

Għalkemm ir-rapporteur jirrikonoxxi l-isforzi li saru min-negozjaturi, jiddispjaċih li l-Mauritania baqgħet toġġezzjona għall-ħatt fil-port ta' La Luz/Las Palmas, ħaġa li tobbliga lill-flotta Ewropea tagħmel il-ħatt kollu tagħha f'Nouadhibou, u dan jagħmel ħsara kbira lill-impjiegi fil-port komunitarju tal-ewwel. Ir-rapporteur iħeġġeġ lill-Kummissjoni Ewropea tindirizza din il-problema fil-laqgħat tal-Kumitat Konġunt, bil-ħsieb li tinstab soluzzjoni li tippermetti l-ħatt f'portijiet tal-Gran Canaria, filwaqt li toffri kundizzjonijiet aħjar għall-kontroll tal-qabdiet, sakemm il-portijiet Mauritani jkollhom infrastruttura aktar żviluppata.

Il-Kummissjoni għandha wkoll teżamina serjament kwalunkwe possibilità realistika ta' żieda fil-kwoti ta' qbid permessi għall-flotta Ewropea, b'kunsiderazzjoni tal-evoluzzjoni tal-popolazzjonijiet, u b'inklużjoni, meta jkun fattibbli, tal-kategorija taċ-ċefalopodi, għalkemm inizjalment is-sajd għal dawn l-ispeċijiet tkun limitata għal skopijiet esperimentali, kif ukoll żieda fil-possibilitajiet ta' qbid tal-krustaċji għall-flotta tal-bastimenti tat-tkarkir.

Ir-rapporteur jitlob ukoll lill-Kummissjoni sabiex tipprovdi appoġġ deċiżiv għall-inizjattivi meħuda bejn l-operaturi tal-Mauritania u dawk Ewropej, bħal proġett MACAPEL, li stabbilixxa sħubija bejn l-intrapriżi għall-iżvilupp u t-tisħiħ ta' struttura produttiva teknoloġikament avvanzata u sostenibbli għas-settur tas-sajd pelaġiku u attivitajiet relatati fil-Mauritania.

F'dan il-kuntest, ifakkar fir-riżoluzzjoni tal-Parlament Ewropew dwar ir-rwol tal-Politika ta' Koeżjoni fir-reġjuni ultraperiferiċi tal-Unjoni Ewropea fil-kuntest tal-Istrateġija UE 2020 (2011/2195(INI)) li tiġbed l-attenzjoni "għall-ħtieġa li jinstabu modi innovativi speċifiċi li jħeġġu integrazzjoni reġjonali reali permezz ta' programmi u proġetti komuni bejn ir-reġjuni ultraperiferiċi u l-pajjiżi terzi ġirien". 

Min-naħa l-oħra, ir-rapporteur jinnota li fl-aħħar rapport ta' inizjattiva tiegħu dwar l-aspetti esterni tal-PKS (2015/2091(INI)), il-Parlament Ewropew talab li n-nogozjar ta' ftehimiet bilaterali ma' pajjiżi terzi jibbenefika lir-reġjuni ultraperiferiċi. Il-prossimità ta' xi wħud minn dawn ir-reġjuni għall-ilmijiet tal-Mauritania tiġġustifika għalkollox trattament speċifiku għalihom fil-qafas tal-ftehim tas-sajd ma' dak il-pajjiż.

17.3.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Iżvilupp

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

(12773/2015 – C8-0354/2015 –2015/0229(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Ignazio Corrao

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Mauritania hu wieħed mill-pajjiżi l-anqas żviluppati u l-aktar foqra fid-dinja, ikklassifikat fil-161 post minn 187 fl-Indiċi tal-Iżvilupp tal-Bniedem tal-2014. 42 % tal-popolazzjoni qed tgħix taħt is-soll tal-faqar (USAID).

L-ekonomija għadha dgħajfa. Il-Mauritania ssofri minn defiċit strutturali ta' ikel minħabba li l-art agrikola hija suxxettibbli għal deżertifikazzjoni u l-mezzi ta' produzzjoni huma limitati, u b'hekk 0,5 % biss tal-art hi disponnibbli għall-agrikoltura. L-ekonomija hija, għaldaqstant, ibbażata fuq l-attività tal-estrazzjoni u l-industrija tas-sajd, fejn is-sajd jipprovdi madwar 5 %-10 % tal-PDG annwali. Il-pajjiż għandu fost l-aktar ibħra abbundanti fid-dinja f'termini ta' ħut; madankollu l-oppurtunità li l-ekonomija tiġi żviluppata permezz ta' din ir-riżorsa naturali mhijiex sfruttata biżżejjed, u huma tassew ftit il-qabdiet li jinħattu fil-portijiet tal-Mauritania jew li jiġu pproċessati lokalment.

Tletin fil-mija tal-popolazzjoni (42,9 % taż-żgħażagħ) għadhom qiegħda. Ir-rekwiżit tal-Protokoll dwar l-ingaġġ ta' sajjieda mill-Mauritania (60 % tal-ekwipaġġ tal-bastimenti tas-sajd għall-gambli u ta' bastimenti tat-tkarkir pelaġiku) għaldaqstant jintlaqa' b'mod pożittiv.

Fil-bidu tal-2015 madwar 20 %-30 % tal-popolazzjoni sofrew minn nuqqas kbir ta' sigurtà alimentari (Programm Dinji tal-Ikel tan-NU). Il-kriżi tal-ikel tas-Saħel tal-2012 ħalliet terz tal-popolazzjoni tal-Mauritania (madwar miljun ruħ) f'riskju ta' malnutrizzjoni gravi u akuta. Il-preżenza ta' aktar minn 66 000 rifuġjat Maljan fil-Mauritania kompliet taffettwa s-sitwazzjoni tas-sigurtà tal-ikel minħabba ż-żieda fil-pressjoni fuq l-istokkijiet u r-riżorsi tal-ikel lokali. F'dan ir-rigward, il-Protokoll jistipula l-obbligu li 2 % tal-qabdiet pelaġiċi jitqassmu lil nies fil-bżonn.

Il-Protokoll se jibqa' validu għal perjodu ta' erba' snin mill-2015 sal-2019. Huwa ftehim li jkopri għadd ta' speċijiet. Il-kontribuzzjoni finanzjarja tammonta għal: EUR 55 000 000/sena rigward l-aċċess u EUR 4 125 000/sena addizzjonali bħala appoġġ għall-promozzjoni ta' sajd sostenibbli.

******

Il-Kumitat għall-Iżvilupp jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, biex jirrakkomanda l-approvazzjoni tal-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

15.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

19

2

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Louis Aliot, Nicolas Bay, Ignazio Corrao, Doru-Claudian Frunzulică, Nathan Gill, Maria Heubuch, Teresa Jiménez-Becerril Barrio, Linda McAvan, Norbert Neuser, Maurice Ponga, Cristian Dan Preda, Lola Sánchez Caldentey, Elly Schlein, Pedro Silva Pereira, Eleni Theocharous, Paavo Väyrynen, Bogdan Brunon Wenta

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Louis-Joseph Manscour, Paul Rübig, Jan Zahradil, Joachim Zeller

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Michèle Rivasi, Estefanía Torres Martínez

16.3.2016

OPINJONI tal-Kumitat għall-Baġits

għall-Kumitat għas-Sajd

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni, f'isem l-Unjoni Ewropea, tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin

(12773/2015 – C8-0354/2015 – 2015/0229(NLE))

Rapporteur għal opinjoni: Eider Gardiazabal Rubial

ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA

Il-Protokoll għall-perjodu 2012-2014 skada fil-15 ta' Diċembru 2014. Għalhekk, twaqqfu l-attivitajiet tas-sajd tal-flotta Ewropea fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania sakemm ikun hemm il-firma u l-applikazzjoni provviżorja tal-Protokoll il-ġdid.

Abbażi tal-awtorizzazzjoni mill-Kunsill, il-Kummissjoni innegozjat, f'isem l-UE, it-tiġdid tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u l-Mauritania. Wara dawn in-negozjati, Protokoll ġdid ġie inizjalat fl-10 ta' Lulju 2015. Il-Protokoll ikopri perjodu ta' erba' snin li jibda mid-data tal-applikazzjoni provviżorja, jiġifieri mid-data tal-iffirmar tiegħu.

L-għan ewlieni tal-Protokoll huwa li joffri opportunitajiet tas-sajd għall-bastimenti tal-Unjoni Ewropea fl-ilmijiet tal-Mauritania filwaqt li jitqiesu l-valutazzjonijiet xjentifiċi disponibbli, b'mod partikolari dawk tal-Kumitat tas-Sajd għall-Atlantiku Ċentrali tal-Lvant (CECAF), skont il-pariri xjentifiċi u r-rakkomandazzjonijiet tal-Kummissjoni Internazzjonali għall-Konservazzjoni tat-Tonn tal-Atlantiku (ICCAT), u fil-limiti tal-kwantità żejda disponibbli.

L-objettiv huwa li tissaħħaħ ukoll il-kooperazzjoni bejn l-Unjoni Ewropea u l-Mauritania, b'hekk jiġi stabbilit qafas ta' sħubija għall-iżvilupp ta' politika tas-sajd sostenibbli u l-użu responsabbli tar-riżorsi tas-sajd fiż-żona tas-sajd tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania, fl-interess taż-żewġ partijiet. Mill-perjodu preċedenti żdied l-appoġġ settorjali sabiex ir-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania tkun tista' timplimenta l-politika settorjali nazzjonali l-ġdida tagħha bl-għan li tiżgura l-iżvilupp sostenibbli tal-attivitajiet tas-sajd.

Il-kontribuzzjoni finanzjarja annwali hija ta' EUR 59 125 000 fis-sena, abbażi ta':

•  qabdiet totali permissibbli ta' 261 500 tunnellata għall-kategoriji tas-sajd 1, 2, 3, 6 u 7 u tunnellaġġ ta' referenza ta' 20 000 tunnellata għall-kategoriji tas-sajd 4 u 5 tal-Protokoll, li jikkorrispondu mal-ammont marbut mal-aċċess ta' EUR 55 000 000 fis-sena, u

•  appoġġ għall-iżvilupp tal-politika settorjali tas-sajd tar-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania li jammonta għal EUR 4 125 000 fis-sena. Dan l-appoġġ jilħaq l-għanijiet tal-politika nazzjonali tas-sajd u b'mod partikolari, il-ħtiġijiet tal-Mauritania rigward l-appoġġ għall-kooperazzjoni xjentifika u teknika, għat-taħriġ, għall-monitoraġġ tal-ħut, għall-protezzjoni tal-ambjent u għall-iżvilupp tal-infrastruttura.

******

Il-Kumitat għall-Baġits jistieden lill-Kumitat għas-Sajd, bħala l-kumitat responsabbli, sabiex jirrakkomanda li l-Parlament jagħti l-approvazzjoni tiegħu għall-proposta ta' deċiżjoni tal-Kunsill dwar il-konklużjoni tal-Protokoll li jistabbilixxi l-opportunitajiet tas-sajd u l-kontribuzzjoni finanzjarja previsti fil-Ftehim ta' Sħubija dwar is-Sajd bejn il-Komunità Ewropea u r-Repubblika Iżlamika tal-Mauritania għal perjodu ta' erba' snin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

16.3.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

26

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Jean Arthuis, Reimer Böge, Lefteris Christoforou, Jean-Paul Denanot, Gérard Deprez, José Manuel Fernandes, Eider Gardiazabal Rubial, Jens Geier, Esteban González Pons, Monika Hohlmeier, Anneli Jäätteenmäki, Bernd Kölmel, Zbigniew Kuźmiuk, Vladimír Maňka, Ernest Maragall, Siegfried Mureşan, Jan Olbrycht, Urmas Paet, Paul Rübig, Petri Sarvamaa, Patricija Šulin, Eleftherios Synadinos, Paul Tang, Indrek Tarand, Inese Vaidere, Marco Valli, Daniele Viotti, Marco Zanni, Auke Zijlstra, Stanisław Żółtek

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Nils Torvalds

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

21

2

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Clara Eugenia Aguilera García, Renata Briano, Alain Cadec, Richard Corbett, Diane Dodds, Linnéa Engström, Ian Hudghton, Carlos Iturgaiz, Werner Kuhn, Gabriel Mato, Norica Nicolai, Ulrike Rodust, Remo Sernagiotto, Ricardo Serrão Santos, Isabelle Thomas, Ruža Tomašić, Peter van Dalen, Jarosław Wałęsa

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Izaskun Bilbao Barandica, Anja Hazekamp, Maria Lidia Senra Rodríguez

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Ferrara