RAPPORT dwar kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea
26.4.2016 - (2015/2276(INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin
Rapporteur: Bogdan Andrzej Zdrojewski
Rapporteur għall-opinjoni (*):
Marian-Jean Marinescu, Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Titolu V tat-Trattat dwar l-Unjoni Europea (TUE),
– wara li kkunsidra t-Titoli XVII u XIX tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),
– wara li kkunsidra t-talba ta' Franza tas-17 ta' Novembru 2015 għall-għajnuna u l-assistenza taħt l-Artikolu 42(7) tat-TUE,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Novembru 2015 dwar it-tisħiħ tar-rispons tal-ġustizzja kriminali fil-konfront tar-radikalizzazzjoni li twassal għat-terroriżmu u għall-estremiżmu vjolenti,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-18 ta' Diċembru 2013 u tal-25 u s-26 ta' Ġunju 2015,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-25 ta' Novembru 2013 u tat-18 ta' Novembru 2014 dwar il-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni,
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 u l-21 ta' Frar 2014 dwar il-politika dwar l-ispazju,
– wara li kkunsidra r-rapport ta' progress tas-7 ta' Lulju 2014 mill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà (VP/RGħ) u l-Kap tal-Aġenzija Ewropea għad-Difiża dwar l-implimentazzjoni tal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Diċembru 2013,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kummissjoni tat-8 ta' Mejju 2015 dwar l-implimentazzjoni tal-komunikazzjoni tagħha dwar id-difiża,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tal-11 ta' Diċembru 2013 tal-VP/RGħ u l-Kummissjoni bit-titolu "L-approċċ komprensiv tal-UE rigward il-konflitti u l-kriżijiet esterni" (JOIN(2013)0030), u l-konklużjonijiet relatati tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2014,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni ta' Jens Stoltenberg, is-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana (NATO), fil-Parlament Ewropew fit-30 ta' Marzu 2015 dwar kooperazzjoni aktar stretta bejn l-UE u n-NATO,
– wara li kkunsidra d-dikjarazzjonijiet ta' Bob Work, il-Viċi Segretarju għad-Difiża tal-Istati Uniti, fit-28 ta' Jannar 2015 u fl-10 ta' Settembru 2015 dwar it-tielet Strateġija Offset tal-Istati Uniti u l-implikazzjonijiet tagħha għas-sħab u l-alleati,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni konġunta tat-18 ta' Novembru 2015 tal-VP/RGħ u tal-Kummissjoni bit-titolu "Ir-rieżami tal-Politika Ewropea tal-Viċinat" (JOIN(2015)0050),
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 377/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-3 ta' April 2014 li jistabbilixxi l-Programm Copernicus u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 911/2010[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 1285/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar l-implimentazzjoni u l-esplojtazzjoni tas-sistemi Ewropej tar-radjunavigazzjoni bis-satellita,
– wara li kkunsidra d-Deċiżjoni Nru 541/2014/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li tistabbilixxi Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju[2];
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0151/2016),
A. billi l-ambjent ta' sigurtà qed isir dejjem aktar perikoluż u ta' sfida, kemm fl-Unjoni kif ukoll barra minnha, ikkaratterizzat minn attakki terroristiċi u qtil tal-massa li jaffettwaw lill-Istati Membri kollha u li għalihom l-Istati Membri jeħtiġilhom iwieġbu billi jadottaw strateġija konġunta u rispons ikkoordinat; billi dawk l-isfidi ta' sigurtà jqajmu l-ħtieġa ta' tisħiħ tas-sigurtà tal-UE permezz tal-iżvilupp kontinwu u l-appoġġ tal-UE għall-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni sabiex issir strument ta' politika aktar effikaċi u garanzija reali għas-sigurtà taċ-ċittadini tal-UE u għall-promozzjoni u l-ħarsien ta' normi, interessi u valuri Ewropej kif stabbiliti fl-Artikolu 21 tat-TUE;
B. billi jeħtieġ li l-UE tqawwi r-rwol tagħha bħala fornitur tas-sigurtà internament u esternament, u tiżgura l-istabbiltà fil-viċinat tagħha u fid-dinja; billi jeħtieġ li l-Unjoni tikkontribwixxi għall-ġlieda kontra l-isfidi għas-sigurtà, b'mod partikolari dawk li jirriżultaw mit-terroriżmu sew internament kif ukoll esternament, inkluż permezz ta' appoġġ għal pajjiżi terzi fil-ġlieda kontra t-terroriżmu u l-kawżi ewlenin tiegħu; billi l-Istati Membri u l-Unjoni jeħtiġilhom jaħdmu flimkien b'mod effikaċi u koerenti fuq sistema ta' ġestjoni tal-fruntieri sabiex il-fruntieri esterni jkunu siguri;
C. billi jeħtieġ li l-Unjoni ttejjeb il-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni tagħha mal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana u mal-Istati Uniti, li t-tnejn jibqgħu garanturi għas-sigurtà u l-istabbiltà tal-Ewropa, flimkien man-Nazzjonijiet Uniti, l-Organizzazzjoni għas-Sigurtà u l-Kooperazzjoni fl-Ewropa, l-Unjoni Afrikana, u l-ġirien u s-sħab reġjonali oħrajn;
D. billi jeħtieġ li l-Unjoni tindirizza l-kawżi sottostanti tal-isfidi għas-sigurtà tagħna, ta' taqlib u ta' kunflitt armat fil-viċinat tagħna, tal-migrazzjoni, tad-degradazzjoni tal-għajxien tal-persuni minn atturi statali u mhux statali, u l-erożjoni tal-Istati u l-ordnijiet reġjonali, inkluż bħala riżultat tat-tibdil fil-klima u l-faqar, permezz ta' approċċ għall-ġestjoni ta' kriżijiet ġewwa u barra l-Unjoni li jkun komprensiv u msejjes fuq il-valuri;
E. billi l-kapaċitajiet bis-satellita jistgħu jintużaw biex jiġi vvalutat u identifikat aħjar il-fluss ta' immigranti illegali u r-rotot li jużaw, u, fil-każ ta' dawk li ġejjin mill-Afrika ta' Fuq, jiġu identifikati ż-żoni minn fejn qed jimbarkaw sabiex ikunu jistgħu jiġu indirizzati b'mod aktar rapidu u jiġu salvati aktar ħajjiet;
F. billi l-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015, li ffoka fuq id-difiża, appella għal trawwim ta' kooperazzjoni Ewropea akbar u aktar sistematika fil-qasam tad-difiża bil-għan li jiġu pprovduti l-kapaċitajiet ewlenin, inkluż permezz tal-użu koerenti u effiċjenti ta' fondi tal-UE;
G. billi l-politika dwar l-ispazju hija element essenzjali tal-awtonomija strateġika li l-UE jeħtiġilha tiżviluppa sabiex tħares il-kapaċitajiet teknoloġiċi u industrijali sensittivi u l-kapaċitajiet biex jitwettqu valutazzjonijiet indipendenti;
H. billi l-kapaċitajiet spazjali għas-Sigurtà u d-Difiża Ewropea huma importanti u, f'xi każijiet, saħansitra vitali, għal numru kbir ta' sitwazzjonijiet, li jvarjaw minn użu ta' kuljum fi żmien ta' paċi għall-ġestjoni ta' kriżijiet u sfidi ta' sigurtà aktar akuti, inkluża gwerra fuq skala sħiħa; billi l-iżvilupp ta' tali kapaċitajiet huwa impenn fuq medda twila ta' żmien; billi l-iżvilupp ta' kapaċitajiet futuri jrid jiġi pprogrammat meta l-kapaċitajiet attwali jkunu qed jiġu skjerati;
I. billi l-proliferazzjoni tat-teknoloġiji spazjali u d-dipendenza dejjem tikber tas-soċjetajiet fuq is-satelliti jżidu l-kompetizzjoni fuq l-assi spazjali (rotot, frekwenzi) u tagħmel mis-satelliti infrastruttura kritika; billi l-iżvilupp ta' teknoloġiji kontra s-satelliti (ASAT) minn għadd ta' atturi, inklużi l-kapaċitajiet ta' armi orbitali, juru li l-ispazju qed jimtela bl-armamenti;
J. billi, fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, l-Unjoni tista' taġixxi permezz ta', fost oħrajn, istituzzjonijiet bħall-Aġenzija Ewropea għad-Difiża u ċ-Ċentru Satellitari tal-UE;
K. billi l-assi spazjali Ewropej ġew żviluppati matul dawn l-aħħar ħames deċennji bis-saħħa tal-isforzi kkoordinati tal-aġenziji spazjali nazzjonali u, aktar tard, tal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA); billi t-Trattat dwar l-ispazju extratmosferiku, il-qafas legali bażiku tal-liġi internazzjonali dwar l-ispazju, daħal fis-seħħ f'Ottubru 1967;
L. billi l-iżvilupp u s-sosteniment tal-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża fl-Ewropa jeħtieġu kooperazzjoni effikaċi u sinerġija bejn l-Istati Membri u mal-istituzzjonijiet Ewropej u dawk internazzjonali;
M. billi l-kapċitajiet spazjali tal-UE għandhom ikunu kompatibbli mal-kapaċitajiet tan-NATO u tal-Istati Uniti, sabiex ikunu jistgħu jintużaw b'mod sħiħ bħala netwerk f'każ ta' kriżi;
N. billi r-riċerka u l-iżvilupp tat-teknoloġija fil-qasam tal-ispazju huwa settur b'rendiment għoli li jipproduċi wkoll prodotti sekondarji ta' software u hardware ta' kwalità għolja għal użu kummerċjali varjat;
1. Iqis li l-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju jaqdu rwol ewlieni, fost l-oħrajn, fil-kuntest tas-sigurtà u d-difiża Ewropea; hu konvint li l-kapaċitajiet u s-servizzi attwali u futuri fil-qasam tal-ispazju se jagħtu lill-Istati Membri u lill-Unjoni kapaċità operazzjonali mtejba ta' użu doppju għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni u ta' politiki oħra tal-UE f'oqsma bħalma huma l-azzjoni esterna, il-ġestjoni tal-fruntieri, is-sigurtà marittima, l-agrikoltura, l-ambjent, l-azzjoni klimatika, is-sigurtà tal-enerġija, il-ġestjoni tad-diżastri, l-għajnuna umanitarja u t-trasport;
2. Iqis li hemm bżonn ta' aktar implimentazzjoni tal-PSDK; jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiżdiedu l-effikaċja, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK; jafferma mill-ġdid l-importanza u l-valur miżjud tal-Politika dwar l-Ispazju għall-PSDK; iqis li l-ispazju għandu jkun inkluż fil-politiki futuri tal-Unjoni (eż. is-sigurtà interna, it-trasport, l-ispazju, l-enerġija, ir-riċerka) u li għandhom jissaħħu u jiġu sfruttati aktar is-sinerġiji mal-ispazju; jenfasizza li l-użu tal-kapċitajiet spazjali fil-gwerra kontra t-terroriżmu u organizzazzjonijiet terroristiċi, permezz tal-kapaċità ta' lokalizzazzjoni u ta' monitoraġġ tal-kampijiet ta' taħriġ tagħhom, huwa vitali;
3. Jemmen li l-gvernijiet nazzjonali u l-Unjoni għandhom itejbu l-kapaċitajiet ta' komunikazzjoni satellitari fil-qasam tal-ispazju tagħhom, l-għarfien tas-sitwazzjoni tal-ispazju, in-navigazzjoni preċiża u l-kapaċitajiet għall-osservazzjoni tad-dinja, u jiżguraw in-nondipendenza Ewropea rigward it-teknoloġiji spazjali kruċjali u l-aċċess għall-ispazju; iqis li l-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali, b'mod partikolari, se jkompli jaqdi rwol vitali f'affarijiet militari u ċivili; jissottolinja l-impenn favur in-nonmilitarizzazzjoni tal-ispazju; jirrikonoxxi li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, jeħtieġ investiment finanzjarju suffiċjenti; f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiggarantixxu l-awtonomija tal-UE fir-rigward tal-istrutturi spazjali, filwaqt li jipprovdu r-riżorsi meħtieġa għal dan il-għan; iqis li dan l-għan huwa ta' importanza vitali għal attivitajiet ċivili (fil-pajjiżi tal-Punent huwa stmat li bejn 6 u 7 % tal-PDG huwa dipendenti fuq it-teknoloġija ta' pożizzjonar u navigazzjoni permezz tas-satellita) u għas-sigurtà u d-difiża; jemmen li l-kooperazzjoni għandha tinbeda fuq bażi intergovernattiva u permezz tal-ESA;
4. Jissottolinja d-dimensjoni tas-sigurtà tal-programm Copernicus, b'mod partikolari l-applikazzjonijiet li għandhom il-għan li jipprevjenu u jirrispondu għall-kriżi, l-għajnuna umanitarja u l-kooperazzjoni, il-prevenzjoni tal-kunflitti li tinvolvi monitoraġġ tal-konformità ma' trattati internazzjonali, u s-sorveljanza marittima; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-objettiv tal-prevenzjoni tal-kunflitti tal-kapċitajiet spazjali;
5. Jenfasizza li l-politika dwar l-ispazju tal-UE tippromwovi l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, skont l-Artikolu 189 tat-TFUE, li jinkludi l-politika ta' sigurtà u ta' difiża; ifakkar li ż-żewġ programmi ewlenin tal-UE – Galileo u Copernicus – huma programmi ċivili taħt kontroll ċivili u li n-natura Ewropea ta' Galileo u Copernicus għamlet dawn il-programmi possibbli u żgurat is-suċċess tagħhom; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni jiżguraw li l-programmi Ewropej fil-qasam tal-ispazju jiżviluppaw kapaċitajiet u servizzi ċivili spazjali li jkunu rilevanti għall-kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża Ewropej, partikolarment permezz tal-allokazzjoni ta' fondi adegwati għar-riċerka; jemmen li l-kapaċità ta' użu doppju tal-kapċitajiet spazjali huwa importanti sabiex isir l-aktar użu effikaċi mir-riżorsi;
6. Jenfasizza li l-programmi spazjali għandhom benefiċċji ta' sigurtà u ta' difiża li huma marbuta b'mod teknoloġiku mal-benefiċċji ċivili u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kapaċità ta' użu doppju ta' Galileo u Copernicus; jemmen li din il-kapaċità għandha tiġi żviluppata bis-sħiħ fil-ġenerazzjonijiet li jmiss, inkluż pereżempju fit-titjib tal-preċiżjoni, l-awtentikazzjoni, il-kriptaġġ, il-kontinwità u l-integrità (Galileo); jenfasizza li d-data ta' osservazzjoni tad-dinja u s-sistemi ta' pożizzjonament b'riżoluzzjoni għolja huma utli għall-applikazzjonijiet fl-oqsma ċivili u tas-sigurtà, pereżempju fl-oqsma tal-ġestjoni tad-diżastri, l-azzjonijiet umanitarji, l-għajnuna għar-rifuġjati, is-sorveljanza marittima, it-tisħin globali, is-sigurtà tal-enerġija u s-sigurtà globali tal-ikel, kif ukoll għad-detezzjoni tad-diżastri naturali globali u r-rispons għalihom, speċjalment nixfiet, terremoti, għargħar u nirien fil-foresti; jinnota l-ħtieġa għal interazzjoni aħjar bejn id-drones u s-satelliti; jitlob li fir-rieżami ta' nofs it-terminu jiġu disposti biżżejjed riżorsi għall-iżvilupp fil-ġejjieni tas-sistemi satelittari kollha;
7. Iqis li hu meħtieġ approċċ olistiku, integrat u fit-tul għall-qasam tal-ispazju fil-livell tal-UE; jemmen li s-settur tal-ispazju għandu jissemma fl-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija u ta' Sigurtà l-ġdida, filwaqt li jitqies l-iżvilupp attwali tal-programmi tal-UE ta' użu doppju relatati mal-ispazju u l-ħtieġa li jiġu żviluppati ulterjorment il-programmi ċivili tal-UE fil-qasam tal-ispazju li jistgħu jintużaw kemm għad-difiża, kif ukoll għas-sigurtà ċivili;
8. Jilqa' l-inizjattiva multilaterali sponsorjata mill-UE lejn Kodiċi ta' Kondotta għall-Attivitajiet fl-Ispazju bħala mod ta' kif jiġu introdotti standards ta' mġiba fl-ispazju hekk kif tipprova tikseb aktar sikurezza, sigurtà u sostenibbiltà fl-ispazju billi tenfasizza li l-attivitajiet fil-qasam tal-ispazju għandhom jinvolvu livell għoli ta' kura, diliġenza dovuta, u trasparenza xierqa, bil-għan li tinbena l-fiduċja fis-settur tal-ispazju;
9. Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi fi żmien qasir il-ħtiġijiet tal-UE rigward il-kontribut potenzjali tal-politika dwar l-ispazju lill-PSDK għall-aspetti ewlenin kollha: l-illanċjar, il-pożizzjonament, l-użu ta' immaġni, il-komunikazzjoni, it-temp fl-ispazju, id-debris fl-ispazju, iċ-ċibersigurtà, l-imblukkar (jamming), l-ispoofing u theddid intenzjonali ieħor, u s-sigurtà tas-segment terrestri; iqis li l-karatteristiċi futuri fil-qasam tal-ispazju tas-sistemi Ewropej attwali għandhom jiġu stabbiliti skont ir-rekwiżiti tal-PSDK u għandhom ikopru l-aspetti relatati kollha msemmija hawn fuq;
10. Jappella biex ir-rekwiżiti meħtieġa għal sistemi futuri, privati u pubbliċi, li jikkontribwixxu għall-applikazzjonijiet safety-of-life (sikurezza tal-ħajja) (eż. pożizzjonar, ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM)) jiġu definiti fir-rigward tal-protezzjoni kontra attakki tas-sigurtà possibbli (imblukkar, spoofing, attakki ċibernetiċi, it-temp fl-ispazju u d-debris); iqis li dawn ir-rekwiżiti ta' sikurezza għandhom ikunu ċertifikabbli u taħt is-sorveljanza ta' entità Ewropea (bħall-EASA);
11. Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea għandu jsegwi żewġ objettivi strateġiċi ewlenin: is-sigurtà fuq il-pjaneta permezz ta' sistemi spazjali fl-orbita mfassla biex jimmonitorjaw il-wiċċ tad-dinja jew biex jipprovdu pożizzjonar, informazzjoni dwar in-navigazzjoni u t-timing jew komunikazzjonijiet bis-satellita u s-sikurezza fl-ispazju extratmosferiku, kif ukoll is-sigurtà spazjali, jiġifieri s-sikurezza fl-orbita u fl-ispazju permezz ta' sistemi terrestri u orbitali ta' għarfien sitwazzjonali;
12. Jidentifika l-perikli ta' gwerra ċibernetika u theddidiet ibridi għall-programmi Ewropej tal-ispazju, filwaqt li jitqies li l-ispoofing jew l-imblukkar jistgħu jiddisturbaw il-missjonijiet militari jew ikollhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-ħajja ta' kuljum fid-dinja; jemmen li ċ-ċibersigurtà teħtieġ approċċ konġunt mill-UE, l-Istati Membri, u n-negozji u l-ispeċjalisti tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi programmi tal-ispazju fl-attivitajiet tagħha ta' ċibersigurtà;
13. Iqis li l-koordinazzjoni tas-sistemi spazjali implimentati b'mod frammentat mid-diversi Stati Membri għal diversi ħtiġijiet nazzjonali għandha tissaħħaħ sabiex ikun jista' jiġi antiċipat minnufih it-tfixkil ta' applikazzjonijiet differenti (eż. għall-ATM);
14. Jenfasizza li l-kooperazzjoni bejn il-Kummissjoni, is-Servizz Ewropew għall-Azzjoni Esterna, l-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, l-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, l-Aġenzija Spazjali Ewropea u l-Istati Membri hija kruċjali għat-titjib tal-kapaċitajiet u s-servizzi Ewropej fil-qasam tal-ispazju; huwa tal-fehma li l-Unjoni, b'mod partikolari l-VP/RGħ, għandha tikkoordina, tiffaċilita u tappoġġa tali kooperazzjoni fil-qasam tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża permezz ta' ċentru ta' koordinazzjoni operazzjonali speċifiku; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-Aġenzija Spazjali Ewropea għandha taqdi rwol importanti fid-definizzjoni u fl-implimentazzjoni ta' politika Ewropea waħdanija dwar l-ispazju li tinkludi l-politika ta' sigurtà u difiża;
15. Jistieden lill-Kummissjoni Ewropea tippreżenta r-riżultati tal-qafas Ewropew ta' kooperazzjoni għar-riċerka dwar is-sigurtà u d-difiża tal-ispazju u jitlob għal rakkomandazzjonijiet dwar kif jista' jiġi żviluppat ulterjorment; jistieden lill-Kummissjoni tikkjarifika kif riċerka ċivili-militari taħt Orizzont 2020 serviet fis-settur tal-kapċitajiet spazjali għall-implimentazzjoni tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża komuni;
16. Jilqa' l-Qafas għall-Appoġġ tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tinforma lill-Parlament dwar l-implimentazzjoni tal-qafas u l-impatt tiegħu fuq is-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kummissjoni twaqqaf pjan direzzjonali ta' implimentazzjoni dwar id-definizzjoni tal-arkitettura prevista;
17. Jenfasizza l-importanza strateġika li jiġu stimolati l-innovazzjoni u r-riċerka tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża; jirrikonoxxi l-potenzjal sinifikanti tat-teknoloġiji spazjali kritiċi bħas-Sistema Ewropea ta' Relay ta' Data, li tippermetti osservazzjoni tad-dinja f'ħin reali u persistenti, il-varar ta' mega kostellazzjonijiet ta' nanosats u, fl-aħħar nett, il-bini ta' kapaċità reattiva fil-qasam tal-ispazju; jissottolinja l-ħtieġa ta' teknoloġiji innovattivi ta' big data biex jintuża l-potenzjal sħiħ ta' data spazjali għas-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora dawn it-teknoloġiji fl-Istrateġija Spazjali tagħha għall-Ewropa;
18. Jitlob għall-iżvilupp ta' diversi inizjattivi diplomatiċi tal-UE f'kwistjonijiet tal-ispazju, kemm bilaterali kif ukoll f'kuntest multilaterali, sabiex jikkontribwixxu għall-iżvilupp tal-istituzzjonalizzazzjoni tal-ispazju u għaż-żieda fit-trasparenza u fil-miżuri għall-bini ta' fiduċja; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi intensifikata l-ħidma dwar il-promozzjoni ta' kodiċi ta' kondotta internazzjonali għall-attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku; iħeġġeġ lis-SEAE jikkunsidra l-komponent spazjali f'negozjati f'oqsma oħra;
19. Iħeġġeġ lill-Istati Membri jwettqu u jiffinalizzaw programmi u inizjattivi konġunti, bħalma huma l-programmi tas-sistema multinazzjonali tal-immaġini mill-ispazju għas-sorveljanza, għat-tkixxif u għall-osservazzjoni, tal-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM) u tas-sorveljanza u insegwiment fl-ispazju (SST), u biex jiġbru flimkien u jikkondividu fil-qasam tad-difiża u s-sigurtà, u jiddikjara l-appoġġ tiegħu għal tali programmi u inizjattivi konġunti;
20. Jilqa' b'sodisfazzjon il-proġett tal-EDA u l-ESA dwar il-komunikazzjoni governattiva bis-satellita (GOVSATCOM), li huwa wieħed mill-programmi ewlenin tal-EDA identifikati mill-Kunsill Ewropew f'Diċembru 2013; jappella, f'dan ir-rigward, lill-atturi involuti biex iwaqqfu programm permanenti u biex jużaw il-valur miżjud Ewropew tal-EDA għall-komunikazzjoni satellitari militari ukoll; jilqa' t-tlestija b'suċċess tal-proġett DESIRE I u t-tnedija tal-proġett ta' dimostrazzjoni DESIRE II għall-operazzjoni futura ta' sistemi ta' inġenji tal-ajru ppilotati mill-bogħod (RPAS) fi spazju tal-ajru mhux segregat mill-EDA u l-ESA;
21. iqis li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti fir-rigward tal-kapaċitajiet u s-servizzi futuri fil-qasam tal-ispazju għal skopijiet ta' sigurtà u ta' difiża tkun ta' benefiċċju għat-tnejn; iqis li l-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti hija aktar effiċjenti u kompatibbli meta ż-żewġ partijiet ikunu fuq l-istess livell ta' kapaċità u t-teknoloġija; jistieden kwalunkwe diskrepanza teknoloġika potenzjali tiġi identifikata u indirizzata mill-Kummissjoni; jinnota l-ħidma mwettqa favur it-tielet Strateġija Offset tal-Istati Uniti; iħeġġeġ lill-Unjoni tqis dan l-iżvilupp meta tkun qed tħejji l-Istrateġija Globali tal-UE dwar il-Politika Barranija tagħha u tinkludi l-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża fl-ambitu ta' din l-istrateġija; jemmen li r-relazzjonijiet bilaterali diġà eżistenti bejn l-Istati Membri u l-Istati Uniti jistgħu jintużaw fejn xieraq; jistieden lill-VP/RGħ tiddiskuti mal-ministri tad-difiża dwar l-approċċ strateġiku li għandu jittieħed, u tinforma lill-Parlament hekk kif dan id-dibattitu jkun qed jevolvi;
22. Jemmen li l-UE għandha tkompli tiffaċilita l-istabbiliment ta' Kodiċi ta' Kondotta internazzjonali għall-attivitajiet fl-ispazju extratmosferiku, bil-għan li tiġi protetta l-infrastruttura spazjali filwaqt li jiġi evitat li l-ispazju jimtela bl-armamenti; iqis li l-iżvilupp tal-programm għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA) hija vitali għal dan; jitlob lill-Unjoni taħdem għal dan il-għan f'kooperazzjoni mal-Kumitat tan-NU dwar l-użi paċifiċi tal-ispazju extratmosferiku u ma' imsieħba oħra rilevanti;
23. Ifakkar fil-ħtieġa ta' kooperazzjoni aktar b'saħħitha bejn l-UE u n-NATO fil-qasam tas-sigurtà u d-difiża; jesprimi l-konvinzjoni tiegħu li l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO għandha tkopri l-bini ta' reżiljenza miż-żewġ korpi, id f'id mal-ġirien tal-UE, kif ukoll l-investiment fid-difiża; iqis li l-kooperazzjoni dwar il-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju toffri prospetti għal kompatibbiltà u sinerġija aħjar bejn iż-żewġ oqfsa; hu konvint li dan għandu jsaħħaħ ukoll ir-rwol tan-NATO fil-politika ta' sigurtà u ta' difiża u fid-difiża kollettiva;
24. Jindika, madankollu, li l-UE għandha tkompli tipprova tiżgura sal-aktar grad possibbli l-awtonomija tal-ispazju u dik militari; jindika li, fit-tul, l-UE jrid ikollha l-istrumenti proprji tagħha li jistabbilixxu Unjoni ta' Difiża;
25. Iqis li l-protezzjoni ta' kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża kontra attakki ċibernetiċi, theddid fiżiku, debris jew interferenzi oħra ta' ħsara tista' toffri prospetti għal kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO li tirriżulta fl-infrastruttura teknoloġika meħtieġa biex tiżgura r-riżorsi, minħabba li, fil-każ kuntrarju, ikun hemm ċans li l-investimenti fl-infrastrutturi spazjali Ewropea, li jiswew biljuni ta' flus tal-kontribwenti, jinħlew; jirrikonoxxi l-użu tas-satelliti kummerċjali għat-telekomunikazzjonijiet u l-użu dejjem jikber tagħhom għal skopijiet militari jpoġġuhom f'riskju ta' attakk; jistieden lir-RGħ/VP iżżomm lill-Parlament infurmat dwar kif qed tevolvi l-kooperazzjoni bejn l-UE u n-NATO f'dan il-qasam;
26. Iqis li l-programmi ċivili tal-UE fil-qasam tal-ispazju jipprovdu firxa ta' kapaċitajiet u servizzi li huma ta' użu potenzjali f'bosta setturi, inklużi l-istadji li jmiss tal-evoluzzjoni tas-sistemi Copernicus u Galileo; jinnota l-ħtieġa li jitqies mill-ewwel kwalunkwe tħassib relatat mad-difiża u s-sigurtà; iqis li l-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali / it-temp fl-ispazju, il-komunikazzjoni bis-satellita, l-intelligence elettroniku u t-twissija bikrija huma oqsma li jistgħu jibbenefikaw minn aktar kooperazzjoni bejn is-setturi pubbliċi u privati, u investiment kontinwu ta' appoġġ ulterjuri fil-livell tal-UE permezz ta', u bl-appoġġ ta', aġenziji fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u tad-difiża;
27. Jinnota l-importanza tas-servizz pubbliku regolat ta' Galileo (PRS) għan-navigazzjoni u għall-iggwidar tas-sistemi militari; jistieden lir-Rappreżentant Għoli u lill-Istati Membri tal-UE biex iżidu l-isforzi tagħhom rigward ir-reviżjoni possibbli tat-Trattat tal-1967 dwar l-ispazju extratmosferiku jew biex jagħtu bidu għal qafas regolatorju ġdid li jqis il-progress teknoloġiku li sar mis-sittinijiet s'issa u li jkollu l-għan li jipprevjeni tellieqa tal-armi fl-ispazju;
28. Jinnota li t-trasparenza u s-sensibilizzazzjoni pubblika effikaċi tal-Ewropej għall-applikazzjonijiet tal-programmi tal-ispazju tal-UE li għandhom impatt dirett fuq l-utenti, bħalma huma Galileo u Copernicus, huma kruċjali għas-suċċess tal-programmi; jaħseb li dawn il-programmi jistgħu jintużaw biex tiżdied l-effikaċja fit-tfassil ta' strateġiji u fl-operazzjonijiet, fil-qafas tal-PSDK; jinkoraġġixxi l-identifikazzjoni u l-iżvilupp tal-bżonnijiet ta' kapaċitajiet li jtejbu s-sigurtà u d-difiża għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' sistemi Galileo u Copernicus;
29. Jindika l-eżistenza tas-Servizz Pubbliku Regolat (PRS) tal-Galileo, li huwa limitat għal utenti awtorizzati mill-gvern u huwa adatt għal applikazzjonijiet sensittivi fejn iridu jiġu żgurati r-robustezza u l-affidabbiltà sħiħa; iqis li l-kapaċità tal-PRS għandha tiġi żviluppata ulterjorment fil-ġenerazzjonijiet li jmiss b'rispons għat-theddid li jevolvi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċeduri operattivi jkunu effiċjenti kemm jista' jkun, b'mod partikolari f'każ ta' kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jibqgħu jiġu żviluppati u promossi applikazzjonijiet ibbażati fuq il-kapaċitajiet ta' Galileo, inklużi dawk meħtieġa għall-PSDK, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji soċjoekonomiċi; ifakkar, barra minn hekk, il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura ta' Galileo, inkluż is-segment terrestri, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f'din id-direzzjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;
30. Jissottolinja l-livell għoli ta' sigurtà għas-sistemi GNSS tal-UE; jenfasizza l-eżekuzzjoni b'suċċess tal-kompiti assenjati lill-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, b'mod partikolari permezz tal-Bord ta' Akkreditament ta' Sigurtà u taċ-Ċentri ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsir użu mill-għarfien espert u l-infrastruttura tas-sigurtà tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, anke għal Copernicus; jitlob li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fir-rieżami ta' nofs it-terminu ta' Galileo u ta' Copernicus;
31. Jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa operattiva ta' data ta' osservazzjoni tad-dinja b'riżoluzzjoni għolja ħafna fil-programm Copernicus u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif din il-ħtieġa tista' tiġi ssodisfata, b'kont meħud tar-rekwiżiti tal-PSDK; jenfasizza żviluppi bħall-osservazzjoni kważi f'ħin reali u l-video-streaming mill-ispazju, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinvestiga kif tista' tieħu vantaġġ minn dawn, anke għal skopijiet ta' sigurtà u ta' difiża; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura ta' Copernicus, inkluż is-segment terrestri, u s-sigurtà tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f'din id-direzzjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri; jirrimarka, barra minn hekk, dwar l-importanza li jitqies kif l-industrija tista' tiġi involuta fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta' Copernicus;
32. Jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jittejjeb il-proċess ta' tixrid ta' informazzjoni mis-satelliti għall-utenti, inkluż billi tinbena l-infrastruttura teknoloġika meħtieġa; jinnota l-fatt imsemmi fil-komunikazzjoni tal-Kummissjoni li 60 % tat-tagħmir elettroniku abbord is-satelliti Ewropej huma attwalment importati mill-Istati Uniti; jitlob inizjattiva dwar kif tista' tiġi mħarsa data sensittiva jew personali f'dan il-kuntest;
33. Jilqa' x-xogħol li qed isir sabiex l-UE tiġi pprovduta b'aċċess awtonomu għall-komunikazzjonijiet governattivi bis-satellita (GOVSATCOM) u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel progress rigward dan il-fajl; ifakkar li l-ewwel pass fil-proċess kien l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ċivili u militari mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, rispettivament, u jqis li l-inizjattiva għandha tinvolvi l-ġbir flimkien tad-domanda u għandha titfassal b'mod li jissodisfa l-ħtiġijiet identifikati bl-aħjar mod; jistieden lill-Kummissjoni, abbażi tal-ħtiġijiet u tar-rekwiżiti tal-benefiċjarji, twettaq evalwazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji għal soluzzjonijiet differenti:
– il-forniment ta' servizzi minn operaturi kummerċjali,
– sistema li tiddependi fuq il-kapaċitajiet attwali bil-possibbiltà li jiġu integrati l-kapaċitajiet futuri; jew
– il-ħolqien ta' kapaċitajiet ġodda permezz ta' sistema dedikata;
jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tas-sjieda u r-responsabbiltà; jinnota li, tkun xi tkun id-deċiżjoni finali, kwalunkwe inizjattiva ġdida għandha tkun fl-interess pubbliku u ta' benefiċċju għall-industrija Ewropea (manifatturi, operaturi, lanċaturi u oqsma oħra tal-industrija); iqis li l-GOVSATCOM għandha titqies ukoll bħala opportunità biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-innovazzjoni billi jittieħed vantaġġ mill-iżvilupp ta' teknoloġiji b'użu doppju, fil-kuntest estremament kompetittiv u dinamiku tas-suq tas-SATCOM; jissottolinja l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq fornituri ta' tagħmir u servizzi minn barra l-UE;
34. Jinnota l-iżvilupp tas-sorveljanza u l-insegwiment fl-ispazju (SST) bħala inizjattiva tajba fil-kooperazzjoni dwar l-ispazju u pass lejn is-sigurtà fl-ispazju; jitlob li l-iżvilupp ulterjuri tal-kapaċitajiet SST ikunu prijorità għall-Unjoni għall-protezzjoni tal-ekonomija, tas-soċjetà u tas-sikurezza taċ-ċittadini u fil-qasam tal-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea; iqis li l-SST għandu jsir programm tal-UE b'baġit għalih filwaqt li jiġi żgurat li l-fondi għal proġetti li għadhom għaddejjin ma jkunux b'hekk imnaqqsa; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha tiżviluppa kapaċità aktar olistika għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA), b'kapaċitajiet ta' previżjoni akbar, li jinvolvu s-sorveljanza tal-ispazju u l-analiżi u l-valutazzjoni ta' theddid u perikli potenzjali għall-attivitajiet spazjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tibni fuq l-SST, billi tiżviluppa kunċett ta' SSA usa' li jindirizza wkoll theddid intenzjonali lis-sistemi spazjali u, b'kooperazzoni mal-ESA, tieħu kont tat-temp fl-ispazju u ta' oġġetti qrib id-dinja u l-ħtieġa għal riċerka dwar sistemi teknoloġiċi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tad-debris fl-ispazju; jemmen li koordinazzjoni olistika tal-attivitajiet spazjali għandha tinkiseb mingħajr ma tixxekkel il-libertà li jintuża l-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li s-settur privat jitħalla jaqdi rwol importanti fl-iżvilupp ulterjuri u ż-żamma tal-parti mhux sensittiva tas-sistema SST, li għaliha l-istruttura ta' governanza b'żewġ livelli ta' Galileo tista' sservi ta' eżempju;
35. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki u kapaċitajiet ta' riċerka sabiex jiġu pprovduti applikazzjonijiet futuri u tiġi żviluppata industrija Ewropea kompetittiva, li kapaċi jkollha suċċess kummerċjali msejjes fuq ambjent ekonomiku f'saħħtu; jinnota l-importanza dejjem akbar ta' entitajiet privati fis-suq tal-ispazju; jissottolinja l-ħtieġa għal, u l-benefiċċji ta', l-involviment tal-SMEs fil-proċessi ta' riċerka, żvilupp u produzzjoni relatati mat-teknoloġiji spazjali, b'mod partikolari dawk li huma rilevanti biex tiġi żgurata s-sigurtà; jibqa' kawt rigward ir-riskji relatati ma' inizjattivi privati mhux regolati b'implikazzjoni għas-sigurtà u d-difiża; jenfasizza li l-bilanċ bejn ir-riskji u l-benefiċċji jista' jvarja minn settur għal ieħor ta' attivitajiet spazjali, u għalhekk jeħtieġ li jiġi vvalutat fuq bażi ta' każ b'każ, b'mod partikolari fid-dawl tal-karatteristiċi speċifiċi tagħha f'termini ta' sovranità u awtonomija strateġika; jistieden lill-Kummissjoni u lill-VP/RGħ jipprovdu l-mezzi meħtieġa biex jillimitaw dawn ir-riskji;
36. Jenfasizza li fejn l-ispazju hu konċernat, u minħabba l-importanza strateġika tiegħu, il-fokus tal-isforzi fl-investiment għandhom ikunu fuq l-investiment fis-settur pubbliku; huwa tal-fehma li l-ispejjeż għoljin għall-iżvilupp ta' programmi u ta' infrastruttura fil-qasam tal-ispazju ifissru li l-uniku mod biex tiġi żgurata l-vijabbiltà ta' dawn il-proġetti huwa permezz ta' sforzi deċiżivi tas-settur pubbliku biex jidderieġu inizjattivi privati;
37. Jindika, fir-rigward tal-finanzjament futur tal-programmi tal-ispazju Ewropej, li wieħed jiddetermina meta jista' jkun possibbli li jintużaw forom ta' sħubija pubblika-privata.
38. Jindika li l-oqfsa regolatorji u l-politiki korretti jridu jiġu stabbiliti sabiex l-industrija tingħata aktar impetu u inċentivi biex tikseb żvilupp teknoloġiku u twettaq riċerka dwar il-kapċitajiet spazjali; jitlob li jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ għal riċerka relatata mal-ispazju fl-oqsma msemmija hawn fuq; jinnota r-rwol importanti li Orizzont 2020 jista' jaqdi biex l-UE tkun tista' tnaqqas id-dipendenza tagħha f'termini ta' teknoloġiji spazjali kritiċi; ifakkar, f'dak ir-rigward, li l-parti dwar l-ispazju ta' Orizzont 2020 taqa' taħt il-prijorità "Tmexxija industrijali", u b'mod partikolari fi ħdan l-objettiv speċifiku ta' "Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali"; huwa tal-fehma, għalhekk, li Orizzont 2020 għandu jintuża biex jappoġġa l-bażi tat-teknoloġija spazjali u l-kapaċitajiet industrijali tal-Ewropa fil-qasam tal-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni tiddisponi b'mod suffiċjenti għal teknoloġiji spazjali kritiċi għas-sigurtà u d-difiża matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu ta' Orizzont 2020;
39. Jemmen li l-UE tista' taqdi rwol biex il-kapaċitajiet u s-servizzi fil-qasam tal-ispazju Ewropej isiru aktar b'saħħithom, reżiljenti u flessibbli; huwa konvint li kapaċità ta' reazzjoni rapida biex jinbidlu jew jiġu rristorati assi bil-ħsara jew li ddeterjoraw fl-ispazju waqt kriżi għandha tiġi żviluppata b'mod effikaċi permezz ta' sħubijiet bejn diversi Stati, inkluż fil-livell Ewropew; ifaħħar tax-xogħol tal-ESA fl-iżvilupp ta' programm għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA) biex jidentifika u jbassar id-debris fl-ispazju jew kolliżjoni bejn satelliti; jissottolinja l-ħtieġa urġenti li, minħabba n-numru dejjem akbar ta' satelliti u debris fl-ispazju, jitnaqqas ir-riskju ta' kolliżjoni; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Kunsill biex ikomplu l-iffinanzjar ta' din il-kapaċità wara l-2016; jilqa', għalhekk, l-inizjattiva tal-Kummissjoni dwar sistema Ewropea ta' sorveljanza spazjali u ta' traċċar (SST), li tiggarantixxi l-awtonomija tal-UE fl-ispazju; jistaqsi jekk humiex fis-seħħ strutturi ta' governanza xierqa għall-ġestjoni tal-PRS u ta' infrastruttura spazjali ewlenija oħra fil-każ ta' attakk armat jew ta' kriżi kbira ta' sigurtà oħra;
40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u l-aġenziji Ewropej fl-oqsma tal-ispazju, tas-sigurtà u d-difiża jingħaqdu flimkien biex jiżviluppaw White Paper dwar ir-rekwiżiti ta' taħriġ vis-à-vis l-użu ta' kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża; huwa tal-fehma li għandhom jiġu mobilizzati r-riżorsi tal-UE għal korsijiet pilota f'dawk l-oqsma li għalihom l-Istati Membri u l-aġenziji kompetenti Ewropej identifikaw bżonn imminenti;
41. Jemmen li appoġġ finanzjarju u politiku ulterjuri għall-iżvilupp u għall-użu ta' lanċaturi tal-UE u tal-Programm għad-Dimostratur Riutilizzabbli f'Orbita fl-Ewropa (PRIDE) huwa ta' importanza strateġika, minħabba li d-dimostratur huwa aktar kosteffikaċi u jipprovdi l-indipendenza fl-aċċess għall-ispazju, kif ukoll pjan għall-ġestjoni ta' kriżi fl-ispazju;
42. Jesprimi t-tħassib tiegħu dwar iż-żieda fl-ispiża tal-programmi Copernicus u Galileo ferm aktar mill-ammont inizjali tal-allokazzjonijiet baġitarji; jesprimi l-appoġġ tiegħu għal aktar żvilupp tal-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam tal-ispazju, filwaqt li jappella għal ġestjoni xierqa tar-riżorsi finanzjarji;
43. Jistieden lil dawk l-Istati Membri li ma rratifikawx it-Trattat dwar l-ispazju extratmosferiku li jagħmlu dan, minħabba l-importanza tiegħu fil-ħarsien tal-liġi fl-ispazju;
44. Jilqa' l-proċess u l-pjanijiet għall-iżvilupp tal-lanċaturi Ewropej il-ġodda, Ariane 6 u VEGA, u jikkunsidra l-iżvilupp ta' dawn il-lanċaturi bħala kruċjali għall-vijabbiltà fit-tul u għall-indipendenza tal-programmi Ewropej fil-qasam tal-ispazju li jservu għall-finijiet ta' difiża u sigurtà; huwa tal-fehma soda li ż-żamma tal-pożizzjoni predominanti tal-lanċaturi Ewropej għandha tkun għan strateġiku Ewropew fi żmien meta qed joħorġu kompetituri ġodda li huma appoġġati minn mudelli ta' finanzjament kompetittivi ħafna; iqis li, sabiex jintlaħaq dan il-għan, irid isir tibdil xieraq fl-istruttura, fil-leġiżlazzjoni u fil-finanzjament sabiex jitrawwem l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi u kompetittivi fil-livell Ewropew; jirrakkomanda, fost affarijiet oħra, l-innovazzjoni u l-użu mill-ġdid ta' komponenti, peress li dan jirrappreżenta pass sinifikanti 'l quddiem f'termini kemm ta' effiċjenza u sostenibbiltà; jemmen li l-UE għandha tagħti attenzjoni speċjali lill-impatt ta' ċerti proġetti li jikkonċernaw l-indipendenza tal-UE, bħalma huma l-kooperazzjoni mar-Russja f'oqsma sensittivi bħall-illanċjar ta' satelliti permezz ta' rokits Soyuz;
45. Jinnota l-importanza strateġika tal-aċċess indipendenti għall-ispazju u l-ħtieġa għall-azzjoni tal-UE ddedikata, anke fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, peress li din il-kapaċità se tippermetti lill-Ewropa tikseb aċċess għall-ispazju f'każ ta' kriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kollaborazzjoni mal-ESA u l-Istati Membri:
– tikkoordina, taqsam u tiżviluppa proġetti spazjali ppjanati u swieq Ewropej, sabiex l-industrija Ewropea tkun tista' tantiċipa d-domanda (biex b'hekk tingħata spinta lill-impjiegi u l-industrija bbażata fl-Ewropa) u tiġġenera wkoll id-domanda tagħha f'termini ta' utilizzazzjoni xprunata min-negozju;
– tappoġġa l-infrastruttura tal-illanċjar; u
– tippromwovi r-R&Ż, inkluż permezz tal-istrument ta' sħubijiet pubbliċi-privati, b'mod partikolari f'teknoloġiji innovattivi;
iqis li dawn l-isforzi huma meħtieġa biex l-Ewropa tkun tista' tikkompeti fis-suq globali tal-illanċjar; iqis, barra minn hekk, li l-UE trid tiżgura li jkollha bażi tat-teknoloġija spazjali soda u l-kapaċitajiet industrijali meħtieġa li jippermettulha tfassal, tiżviluppa, tillanċja, topera u tisfrutta sistemi spazjali, li jvarjaw minn awtonomija teknoloġika u ċibersigurtà għal kunsiderazzjonijiet min-naħa tal-provvista;
46. Iqis li l-Unjoni għandha tinkoraġġixxi l-atturi kollha tat-teknoloġija u tal-katini ta' provvista tal-għarfien biex idawru l-attenzjoni tagħhom lejn kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża, u għandha tippromwovi l-iżvilupp ta' applikazzjonijiet innovattivi u ta' ideat kummerċjali ġodda f'dan il-qasam, b'enfasi partikolari fuq kumpaniji żgħar u ta' daqs medju u fuq l-iżvilupp tal-intraprenditorija f'dan is-settur; jinnota li hemm bżonn ta' investiment finanzjarju kontinwu biex jiġu sostnuti r-riċerka u l-iżvilupp teknoloġiku; jemmen bis-sħiħ li s-settur pubbliku għandu jipprovdi inċentivi għall-ħolqien ta' inkubaturi speċjalizzati u ta' fondi maħsubin biex jipprovdu finanzjament għal negozji ġodda innovattivi, sabiex jiġi żgurat li l-ispejjeż għoljin ta' riċerka spazjali ma jfixklux l-iżvilupp ta' proġetti innovattivi; jitlob li jkun hemm pjan għall-użu ta' teknoloġiji spazjali b'użu doppju fil-qasam tal-ispazju, bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' industrija tad-difiża Ewropea u għal aktar kompetizzjoni;
47. Jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu appoġġati l-isforzi diretti lejn it-tisħiħ tal-kooperazzjoni Ewropea fis-settur ħalli jingħeleb il-livell għoli ta' frammentazzjoni, speċjalment fir-rigward tad-domanda istituzzjonali; huwa konvint li l-industrija spazjali Ewropea tista' tkun kompetittiva fuq livell internazzjonali biss jekk tkun aktar kosteffikaċi, trasparenti u konsolidata; jenfasizza li l-politika industrijali spazjali Ewropea għandha tiġi żviluppata ulterjorment b'koordinazzjoni mal-Aġenzija Spazjali Ewropea (ESA) biex tiġi żgurata l-komplementarjetà;
48. Ifakkar li sabiex tinżamm u tissaħħaħ is-sigurtà, id-difiża u l-istabbiltà tal-Ewropa huwa importanti li tiġi evitata l-esportazzjoni ta' teknoloġija spazjali sensittiva lejn pajjiżi li jipperikolaw is-sigurtà u l-istabbiltà reġjonali jew globali, titwettaq politika barranija aggressiva, direttament jew indirettament jiġi appoġġat it-terroriżmu jew joħonqu n-nies tagħhom internament; iħeġġeġ lir-Rappreżentant Għoli, lill-Istati Membri tal-UE u lill-Kummissjoni jiżguraw li t-tmien kriterji tal-Pożizzjoni Komuni 944 u r-regoli tar-Regolament dwar l-Użu Doppju qed jiġu rispettati b'mod sħiħ f'dak li jirrigwarda l-esportazzjoni ta' teknoloġija sensittiva relatata mal-ispazju;
49. Jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni aħjar tal-kapċitajiet spazjali tal-UE, billi jiġu żviluppati l-arkitetturi tas-sistema u l-proċeduri meħtieġa sabiex jiġi żgurat livell proporzjonat ta' sigurtà, inkluża s-sigurtà tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tippromwovi mudell ta' governanza għal kull sistema li tipprovdi servizzi relatati mas-sigurtà u d-difiża; iqis li, sabiex jiġi pprovdut servizz integrat lill-utenti aħħarin, il-kapċitajiet spazjali tal-UE ddedikati għas-sigurtà u d-difiża għandhom jiġu ġestiti minn ċentru ta' servizz ta' koordinazzjoni operazzjonali (Ċentru ta' Kmand u Kontroll kif imsejjaħ fil-Programm ta' Ħidma 2014-2015 ta' Orizzont 2020); iqis li, għal raġunijiet ta' kosteffikaċja, dan għandu, jekk ikun possibbli, jiġi inkorporat f'wieħed mill-korpi eżistenti tal-UE, bħall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE jew l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea, filwaqt li jittieħed kont tal-kapaċitajiet diġà offruti minn dawk l-aġenziji;
50. Iqis li l-ħolqien ta' qafas legali fit-tul li jippermetti investimenti sostnuti fil-livell tal-UE jista' jrawwem kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża Ewropea akbar u aktar sistematiċi fil-qasam tad-difiża bil-għan li jkun hemm kooperazzjoni li twassal għal kapaċitajiet ewlenin; jinnota, għalhekk, il-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew ta' Ġunju 2015; iħeġġeġ lill-Kunsill, lill-VP/RGħ u lill-Kummissjoni sabiex jiżviluppaw il-qafas meħtieġ għal finanzjament fil-livell tal-UE;
51. Jinnota li l-industrija spazjali Ewropea hija kkonċentrata ħafna, bi grad għoli ta' integrazzjoni vertikali fejn erba' kumpaniji huma responsabbli għal aktar minn 70 % tal-esportazzjonijiet totali tal-UE u 90 % tal-impjiegi tal-manifattura Ewropea fil-qasam tal-ispazju huma f'sitt pajjiżi; jenfasizza li l-potenzjal ta' pajjiżi b'rekord tajjeb ta' applikazzjonijiet għal brevetti ta' teknoloġija għolja iżda li m'għandhomx tradizzjoni ta' attivitajiet spazjali m'għandux jiġi injorat, u jistieden għal politiki li jinkoraġġixxu l-parteċipazzjoni ta' dawn il-pajjiżi fil-qasam tal-ispazju Ewropew, b'mod partikolari bl-użu tal-għodod tal-programm "Orizzont 2020";
52. Jemmen li r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tat-teknoloġija u tas-servizzi spazjali għandhom jissaħħu f'qafas konsistenti ta' politika tal-UE;
53. Hu tal-fehma li White Paper dwar is-sigurtà u d-difiża fil-livell tal-UE tkun il-mezz xieraq ta' kif jiġi strutturat l-involviment futur tal-UE fil-kapaċitajiet ta' sigurtà u ta' difiża fil-qasam tal-ispazju; jistieden lir-RGħ/VP biex tniedi dibattitu dwar id-definizzjoni tal-livell ta' ambizzjoni tal-UE fl-oqsma koinċidenti tal-kapċitajiet spazjali u tas-sigurtà u d-difiża; hu tal-fehma li dan ikun jista' jippermetti wkoll żvilupp koerenti fl-oqsma ta' kapaċità kollha fir-rigward taż-żamma tal-paċi, tal-prevenzjoni tal-konflitti u tat-tisħiħ tas-sigurtà internazzjonali, skont il-prinċipji tal-Karta tan-Nazzjonijiet Uniti; jistieden lill-Kummissjoni tfassal Pjan ta' Azzjoni Ewropew għad-Difiża futur dwar il-pjanijiet tagħha tal-attivitajiet spazjali f'appoġġ għas-sigurtà u d-difiża; jirrikonoxxi, fl-istess ħin, il-benefiċċji ta' kooperazzjoni internazzjonali b'rabta mal-qasam tas-sigurtà mal-imsieħba affidabbli tal-UE fil-qasam tal-ispazju;
54. Ifakkar li d-debris fl-ispazju jikkostitwixxi problema li qed tikber għas-sigurtà spazjali, u jistieden lill-UE tappoġġa r-riċerka u l-iżvilupp ta' teknoloġiji attivi għat-tneħħija ta' debris (ADR); iħeġġeġ lill-UE tinvesti fit-twaqqif ta' ftehim internazzjonali li jipprovdi definizzjoni legali ta' debris fl-ispazju, li jistabbilixxi regoli u regolamenti dwar it-tneħħija tiegħu, u biex jiġu ċċarati kwistjonijiet ta' responsabbiltà; jenfasizza l-ħtieġa għal titjib tal-mekkaniżmu ta' għarfien tas-sitwazzjoni spazjali globali, u jappella biex is-sistema SSA Ewropea tkun marbuta ma' sħab bħall-Istati Uniti, u għal aktar miżuri ta' bini ta' fiduċja u ta' skambju ta' informazzjoni ma' kontropartijiet oħra;
55. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, lill-Viċi President tal-Kummissjoni/Rappreżentant Għoli tal-Unjoni għall-Affarijiet Barranin u l-Politika ta' Sigurtà, lis-Segretarju Ġenerali tan-Nazzjonijiet Uniti, lis-Segretarju Ġenerali tal-Organizzazzjoni tat-Trattat tal-Atlantiku tat-Tramuntana, id-Direttur Ġenerali tal-Aġenzija Spazjali Ewropea, u lill-parlamenti nazzjonali.
OPINJONI TAL-MINORANZA
dwar il-kapċitajiet spazjali għas-sigurtà u d-difiża Ewropea (2015/2276 (INI))
Kumitat għall-Affarijiet Barranin, Rapporteur: Bogdan Andrzej Zdrojewski
Opinjoni tal-Minoranza mressqa mill-MPE tal-Grupp GUE/NGL Sabine Lösing u Javier Couso Permuy
Ir-rapport jappella għat-tisħiħ tal-politika ta' sigurtà u ta' difiża tal-UE minflok ma tingħata prijorità lill-kapaċitajiet ċivili għar-riżoluzzjoni tal-kunflitti. Barra minn hekk, iqis il-kapċitajiet spazjali bħala strument adatt għall-ġestjoni tal-fruntieri interni u s-sigurtà tal-enerġija, u biex itejjeb l-iżvilupp ta' kumpless militari-industrijali Ewropew. Iħeġġeġ ulterjorment il-militarizzazzjoni tal-ispazju kif ukoll tal-UE.
Aħna noġġezzjonaw għar-rapport peress li:
jappella biex tiġi żgurata n-nonindipendenza tal-UE fl-ispazju u t-tisħiħ tal-kooperazzjoni bejn l-UE u l-Istati Uniti u n-NATO fuq il-kapaċitajiet u servizzi fil-qasam tal-ispazju futuri tal-PSDK
jappoġġa investiment kontinwu għal aġenziji fl-oqsma tal-ispazju, is-sigurtà u d-difiża;
jitlob għall-użu ta' teknoloġiji spazjali b'użu doppju fil-qasam tal-ispazju, bil-għan li jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' industrija militari Ewropea;
jitlob li jintużaw fondi pubbliċi biex jipprovdu finanzjament għal negozji ġodda innovattivi biex jiġi żgurat li l-ispejjeż għoljin ta' riċerka spazjali ma jtellfux proġetti;
jitlob li jiġu mobilizzati riżorsi tal-UE għal "korsijiet pilota" sabiex jiżdiedu l-kapaċitajiet tal-UE fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża;
Aħna nesiġu:
- l-użu strett tal-ispazju għal skopijiet ċivili;
- Trattat dwar l-Ispazju li jipprojbixxi kull użu militari tal-ispazju;
- approċċi strettament ċivili u paċifiċi għas-soluzzjonijiet tal-kunflitti;
- li ma jsir l-ebda finanzjament (għar-riċerka) militari mill-baġit tal-UE
- separazzjoni tal-UE minn man-NATO u x-xoljiment tan-NATO.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-INDUSTRIJA, IR-RIĊERKA U L-ENERĠIJA(*) (11.4.2016)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Barranin
dwar Kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea
(2015/2276(INI))
Rapporteur (*): Marian-Jean Marinescu
(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Barranin, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jenfasizza li l-politika dwar l-ispazju tal-UE tippromwovi l-progress xjentifiku u tekniku, il-kompetittività industrijali u l-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE, skont l-Artikolu 189 tat-TFUE; ifakkar li ż-żewġ programmi ewlenin tal-UE – il-Galileo u l-Copernicus – huma programmi ċivili taħt kontroll ċivili u li d-dimensjoni Ewropea tal-Galileo u l-Copernicus għamlet dawn il-programmi possibbli u żgurat is-suċċess tagħhom;
2. Iqis li tinħtieġ implimentazzjoni ulterjuri tal-Politika ta' Sigurtà u ta' Difiża Komuni (PSDK); jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li jiżdiedu l-effikaċja, il-viżibbiltà u l-impatt tal-PSDK; jafferma mill-ġdid l-importanza u l-valur miżjud tal-politika dwar l-ispazju relatata mal-PSDK, peress li l-kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju saru parti essenzjali mill-politiki ta' sigurtà u ta' difiża tal-Istati Membri u, għaldaqstant, mis-sovranità tagħhom; iqis li l-ispazju għandu jkun inkluż fil-politiki tal-Unjoni futuri (eż. is-sigurtà interna, it-trasport, l-enerġija, ir-riċerka) u li għandhom jissaħħu u jiġu sfruttati aktar is-sinerġiji fil-qasam tal-ispazju;
3. Jitlob lill-Kummissjoni tiddefinixxi f'qasir żmien il-ħtiġijiet tal-UE rigward il-kontribut potenzjali tal-politika dwar l-ispazju lill-PSDK għall-aspetti ewlenin kollha: l-illanċjar, il-pożizzjonament, l-użu ta' immaġni, il-komunikazzjoni, it-temp fl-ispazju, id-debris fl-ispazju, iċ-ċibersigurtà, l-imblukkar (jamming), l-ispoofing u theddid intenzjonali ieħor, u s-sigurtà ttas-segment terrestri; iqis li l-karatteristiċi futuri fil-qasam tal-ispazju tas-sistemi Ewropej attwali għandhom jiġu stabbiliti skont ir-rekwiżiti tal-PSDK u għandhom ikopru l-aspetti relatati kollha msemmija hawn fuq;
4. Jappella biex ir-rekwiżiti meħtieġa għal sistemi futuri, kemm jekk privati u kemm jekk pubbliċi, li jikkontribwixxu għall-applikazzjonijiet ta' safety-of-life (sikurezza tal-ħajja) (eż. pożizzjonar, ġestjoni tat-traffiku tal-ajru (ATM)) jiġu definiti fir-rigward tal-protezzjoni kontra attakki tas-sigurtà possibbli (imblukkar, spoofing, attakki ċibernetiċi, it-temp fl-ispazju u debris); iqis li dawn ir-rekwiżiti ta' sikurezza għandhom ikunu ċertifikabbli u taħt is-sorveljanza ta' entità Ewropea (bħall-EASA);
5. Jissottolinja, f'dan ir-rigward, li l-iżvilupp ta' kapaċitajiet Ewropej fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea għandu jsegwi żewġ objettivi strateġiċi ewlenin: is-sigurtà fuq il-pjaneta permezz ta' sistemi spazjali fl-orbita mfassla biex jimmonitorjaw il-wiċċ tad-dinja jew biex jipprovdu pożizzjonar, informazzjoni dwar in-navigazzjoni u t-timing jew komunikazzjonijiet bis-satellita u sigurtà fl-ispazju barra l-atmosfera kif ukoll sikurezza spazjali, jiġifieri s-sigurtà fl-orbita u fl-ispazju permezz ta' sistemi ta' għarfien sitwazzjonali bbażati fl-art u fl-orbita;
6. Jenfasizza li l-programmi spazjali għandhom benefiċċji ta' sigurtà u ta' difiża li huma marbuta b'mod teknoloġiku mal-benefiċċji ċivili u jenfasizza, f'dan ir-rigward, il-kapaċità ta' użu doppju tal-Galileo u l-Copernicus; jemmen li din il-kapaċità għandha tiġi żviluppata bis-sħiħ fil-ġenerazzjonijiet li jmiss, inkluż pereżempju bit-titjib tal-preċiżjoni, l-awtentikazzjoni, il-kriptaġġ, il-kontinwità u l-integrità (Galileo); jenfasizza li d-data ta' osservazzjoni tad-dinja u s-sistemi ta' pożizzjonament b'riżoluzzjoni għolja huma utli għall-applikazzjonijiet fl-oqsma ċivili u tas-sigurtà, pereżempju fl-oqsma tal-ġestjoni tad-diżastri, l-azzjonijiet umanitarji, l-għajnuna għar-rifuġjati, is-sorveljanza marittima, it-tisħin globali, is-sigurtà tal-enerġija u s-sigurtà globali tal-ikel, kif ukoll għad-detezzjoni tad-diżastri naturali globali u r-rispons għalihom, speċjalment nixfiet, terremoti, għargħar u nirien fil-foresti; jinnota l-ħtieġa għal interazzjoni aħjar bejn id-drones u s-satelliti; jitlob li fir-rieżami ta' nofs it-terminu jiġu disposti biżżejjed riżorsi għall-iżvilupp fil-ġejjieni tas-sistemi satelittari kollha;
7. Jirrimarka dwar l-eżistenza tas-Servizz Pubbliku Regolat (PRS) tal-Galileo, li huwa limitat għal utenti awtorizzati mill-gvern u huwa adatt għal applikazzjonijiet sensittivi fejn iridu jiġu żgurati r-robustezza u l-affidabbiltà sħiħa; iqis li l-kapaċità tal-PRS għandha tiġi żviluppata aktar fil-ġenerazzjonijiet li jmiss b'rispons għat-theddid li jevolvi; jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-proċeduri operattivi jkunu effiċjenti kemm jista' jkun, b'mod partikolari f'każ ta' kriżi; jenfasizza l-ħtieġa li jibqgħu jiġu żviluppati u promossi applikazzjonijiet ibbażati fuq il-kapaċitajiet tal-Galileo, inklużi dawk meħtieġa għall-PSDK, sabiex jiġu massimizzati l-benefiċċji soċjoekonomiċi; ifakkar, barra minn hekk, il-ħtieġa li tissaħħaħ is-sigurtà tal-infrastruttura tal-Galileo, inkluż is-segment terrestri, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f'din id-direzzjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri;
8. Jissottolinja l-livell għoli ta' sigurtà għas-sistemi GNSS tal-UE; jenfasizza l-eżekuzzjoni b'suċċess tal-kompiti assenjati lill-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, b'mod partikolari permezz tal-Bord ta' Akkreditament ta' Sigurtà u taċ-Ċentri ta' Monitoraġġ tas-Sigurtà Galileo; jitlob, f'dan ir-rigward, li jsir użu mill-għarfien espert u l-infrastruttura tas-sigurtà tal-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, anke għall-Copernicus; jitlob li din il-kwistjoni tiġi indirizzata fir-rieżami ta' nofs it-terminu tal-Galileo u l-Copernicus;
9. Jinnota, b'mod partikolari, il-ħtieġa operattiva ta' data ta' osservazzjoni tad-dinja b'riżoluzzjoni għolja ħafna fil-programm Copernicus u jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta kif din il-ħtieġa tista' tiġi ssodisfata, b'kont meħud tar-rekwiżiti tal-PSDK; jenfasizza żviluppi bħall-osservazzjoni kważi f'ħin reali u l-video-streaming mill-ispazju, u jirrakkomanda lill-Kummissjoni tinvestiga kif tista' tieħu vantaġġ minn dawn, anke għal skopijiet ta' sigurtà u ta' difiża; ifakkar, barra minn hekk, fil-ħtieġa li jissaħħu s-sigurtà tal-infrastruttura tal-Copernicus, inkluż is-segment terrestri, u s-sigurtà tad-data, u jistieden lill-Kummissjoni tieħu l-passi meħtieġa f'din id-direzzjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri; jirrimarka, barra minn hekk, dwar l-importanza li jitqies kif l-industrija tista' tiġi involuta fil-ġestjoni tal-operazzjonijiet ta' Copernicus;
10. Jilqa' x-xogħol li qed isir sabiex l-UE tiġi pprovduta b'aċċess awtonomu għall-komunikazzjonijiet governattivi bis-satellita (GOVSATCOM) u jistieden lill-Kummissjoni tkompli tagħmel progress rigward dan il-file; ifakkar li l-ewwel pass fil-proċess kien l-identifikazzjoni tal-ħtiġijiet ċivili u militari mill-Kummissjoni u mill-Aġenzija Ewropea għad-Difiża, rispettivament, u jqis li l-inizjattiva għandha tinvolvi l-pooling tad-domanda u għandha tkun imfassla b'mod li jissodisfa l-ħtiġijiet identifikati bl-aħjar mod; jistieden lill-Kummissjoni, abbażi tal-ħtiġijiet u tar-rekwiżiti tal-benefiċjarji, twettaq evalwazzjoni tal-kostijiet u tal-benefiċċji għal soluzzjonijiet differenti:
il-forniment ta' servizzi minn operaturi kummerċjali,
sistema li tiddependi fuq il-kapaċitajiet attwali bil-possibbiltà li jiġu integrati l-kapaċitajiet futuri; jew
il-ħolqien ta' kapaċitajiet ġodda permezz ta' sistema dedikata;
jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tindirizza l-kwistjoni tas-sjieda u r-responsabbiltà; jinnota li, tkun xi tkun id-deċiżjoni finali, kwalunkwe inizjattiva ġdida għandha tkun fl-interess pubbliku u ta' benefiċċju għall-industrija Ewropea (manifatturi, operaturi, lanċaturi u oqsma oħra tal-industrija); iqis li l-GOVSATCOM għandha titqies ukoll bħala opportunità biex tingħata spinta lill-kompetittività u lill-innovazzjoni billi jittieħed vantaġġ mill-iżvilupp ta' teknoloġiji b'użu doppju, fil-kuntest estremament kompetittiv u dinamiku tas-suq tas-SATCOM; jissottolinja l-ħtieġa li titnaqqas id-dipendenza fuq fornituri ta' tagħmir u servizzi minn barra l-UE;
11. Jinnota l-iżvilupp tas-Sorveljanza u l-Insegwiment fl-Ispazju (SST) bħala inizjattiva tajba fil-kooperazzjoni spazjali u pass lejn is-sigurtà fl-ispazju; jitlob li l-iżvilupp ulterjuri fil-kapaċitajiet SST tagħha jkun prijorità tal-Unjoni għall-protezzjoni tal-ekonomija, is-sikurezza tas-soċjetà u taċ-ċittadini u fejn jirrigwarda l-kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju għas-sigurtà u d-difiża Ewropea; iqis li l-SST għandu jsir programm tal-UE b'baġit għalih filwaqt li jiġi żgurat li l-fondi għal proġetti li għadhom għaddejjin ma jkunux b'hekk imnaqqsa; jemmen, barra minn hekk, li l-UE għandha tiżviluppa kapaċità aktar olistika għall-għarfien tas-sitwazzjoni spazjali (SSA), b'kapaċitajiet ta' previżjoni akbar, li jinvolvu s-sorveljanza tal-ispazju u l-analiżi u l-valutazzjoni ta' theddid u perikli potenzjali għall-attivitajiet spazjali; jistieden għalhekk lill-Kummissjoni tibni fuq l-SST, billi tiżviluppa kunċett ta' SSA usa' li jindirizza wkoll theddid intenzjonali lis-sistemi spazjali u, b'kooperazzoni mal-ESA, tieħu kont tat-temp fl-ispazju u tal-oġġetti qrib id-Dinja u l-ħtieġa għal riċerka dwar sistemi teknoloġiċi għall-prevenzjoni u l-eliminazzjoni tad-debris fl-ispazju; jemmen li koordinazzjoni olistika tal-attivitajiet spazjali għandha tinkiseb mingħajr ma tixxekkel il-libertà li jintuża l-ispazju; jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiltà li s-settur privat jitħalla jiżvolġi rwol importanti fl-iżvilupp ulterjuri u ż-żamma tal-parti mhux sensittiva tas-sistema SST, li għaliha l-istruttura ta' governanza b'żewġ livelli tal-Galileo tista' sservi ta' eżempju;
12. Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati politiki u kapaċitajiet ta' riċerka sabiex jiġu pprovduti applikazzjonijiet futuri u tiġi żviluppata industrija Ewropea kompetittiva, li kapaċi jkollha suċċess kummerċjali u bbażata fuq ambjent ekonomiku f'saħħtu;
13. Jinnota l-importanza strateġika tal-aċċess indipendenti għall-ispazju u l-ħtieġa għall-azzjoni tal-UE ddedikata, anke fir-rigward tas-sigurtà u d-difiża, peress li din il-kapaċità se tippermetti lill-Ewropa tikseb aċċess għall-ispazju f'każ ta' kriżi; jistieden lill-Kummissjoni biex, b'kollaborazzjoni mal-ESA u l-Istati Membri:
tikkoordina, taqsam u tiżviluppa proġetti spazjali ppjanati u swieq Ewropej, sabiex l-industrija Ewropea tkun tista' tantiċipa d-domanda (biex b'hekk tingħata spinta lill-impjiegi u l-industrija bbażati fl-Ewropa) u tiġġenera wkoll id-domanda tagħha f'termini ta' utilizzazzjoni xprunata min-negozju;
tappoġġja l-infrastruttura tal-illanċjar; u
tippromwovi R&Ż, inkluż permezz tal-istrument ta' sħubijiet pubbliċi-privati, b'mod partikolari f'teknoloġiji innovattivi;
iqis li dawn l-isforzi huma meħtieġa biex l-Ewropa tkun tista' tikkompeti fis-suq globali tal-illanċjar; iqis, barra minn hekk, li l-UE trid tiżgura li jkollha bażi tat-teknoloġija spazjali soda u l-kapaċitajiet industrijali meħtieġa li jippermettulha tfassal, tiżviluppa, tillanċja, topera u tisfrutta sistemi spazjali, li jvarjaw minn awtonomija teknoloġika u ċibersigurtà għal kunsiderazzjonijiet min-naħa tal-provvista;
14. Jirrimarka li l-oqfsa regolatorji u l-politiki korretti jridu jiġu stabbiliti sabiex l-industrija tingħata aktar impetu u inċentivi biex tikseb żvilupp teknoloġiku u twettaq riċerka dwar il-kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju; jitlob li jiġi żgurat il-finanzjament meħtieġ għal riċerka relatata mal-ispazju fl-oqsma msemmija hawn fuq; jinnota r-rwol importanti li Orizzont 2020 jista' jiżvolġi biex l-UE tkun tista' tnaqqas id-dipendenza tagħha f'termini ta' teknoloġiji spazjali kritiċi; ifakkar, f'dak ir-rigward, li l-parti dwar l-ispazju ta' Orizzont 2020 taqa' fil-prijorità "Tmexxija industrijali", u b'mod partikolari fi ħdan l-objettiv speċifiku ta' "Tmexxija fit-teknoloġiji abilitanti u industrijali"; huwa tal-fehma, għalhekk, li Orizzont 2020 għandu jintuża biex jappoġġja l-bażi tat-teknoloġija spazjali u l-kapaċitajiet industrijali fil-qasam tal-ispazju tal-Ewropa; jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi b'mod suffiċjenti għal teknoloġiji spazjali kritiċi għas-sigurtà u d-difiża matul ir-rieżami ta' nofs it-terminu ta' Orizzont 2020;
15. Jirrimarka, fir-rigward tal-finanzjament futur tal-programmi spazjali Ewropej, li ta' min wieħed jiddetermina meta jista' jkun possibbli li jintużaw forom ta' sħubija pubblika-privata.
16. Jenfasizza l-importanza strateġika li jiġu stimolati l-innovazzjoni u r-riċerka spazjali għas-sigurtà u d-difiża; jirrikonoxxi l-potenzjal sinifikanti tat-teknoloġiji spazjali kritiċi bħas-Sistema Ewropea ta' Relay ta' Data, li tippermetti osservazzjoni tad-dinja f'ħin reali u persistenti, il-varar ta' mega kostellazzjonijiet ta' nanosats u, fl-aħħar nett, il-bini ta' kapaċità reattiva fil-qasam tal-ispazju; jissottolinja l-ħtieġa ta' teknoloġiji innovattivi ta' big data biex jintuża l-potenzjal sħiħ ta' data spazjali għas-sigurtà u d-difiża; jistieden lill-Kummissjoni tinkorpora dawn it-teknoloġiji fl-Istrateġija Spazjali tagħha għall-Ewropa;
17. Jidentifika l-perikli ta' gwerra ċibernetika u theddidiet ibridi għall-programmi spazjali Ewropej, filwaqt li jitqies li l-ispoofing jew l-imblukkar jistgħu jiddisturbaw il-missjonijiet militari jew ikollhom implikazzjonijiet sinifikanti għall-ħajja ta' kuljum fid-dinja; jemmen li ċ-ċibersigurtà teħtieġ approċċ konġunt mill-UE, l-Istati Membri, u n-negozji u l-ispeċjalisti tal-internet; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tinkludi programmi spazjali fl-attivitajiet tagħha ta' ċibersigurtà;
18. Jenfasizza l-ħtieġa għall-koordinazzjoni aħjar tal-kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju tal-UE, billi jiġu żviluppati l-arkitetturi tas-sistema u l-proċeduri meħtieġa sabiex jiġi żgurat livell proporzjonat ta' sigurtà, inkluża s-sigurtà tad-data; jistieden lill-Kummissjoni tfassal u tippromwovi mudell ta' governanza għal kull sistema li jipprovdi servizzi relatati mas-sigurtà u d-difiża; iqis li, sabiex jiġi pprovdut servizz integrat lill-utenti aħħarin, il-kapaċitajiet fil-qasam tal-ispazju tal-UE ddedikati għas-sigurtà u d-difiża għandhom jiġu ġestiti minn ċentru ta' servizz ta' koordinazzjoni operazzjonali (Ċentru ta' Kmand u Kontroll kif inhuwa msejjaħ fil-Programm ta' Ħidma 2014-2015 ta' Orizzont 2020); iqis li, għal raġunijiet ta' kosteffiċjenza, dan għandu, jekk ikun possibbli, jiġi inkorporat f'wieħed mill-korpi eżistenti tal-UE, bħall-Aġenzija tal-GNSS Ewropea, iċ-Ċentru Satellitari tal-UE jew l-Aġenzija tad-Difiża Ewropea, filwaqt li jittieħed kont tal-kapaċitajiet diġà offruti minn dawk l-aġenziji;
19. Iqis li l-koordinazzjoni tas-sistemi spazjali implimentati b'mod frammentat mid-diversi Stati Membri għal diversi ħtiġijiet nazzjonali għandha tissaħħaħ sabiex ikun jista' jiġi antiċipat minnufih it-tfixkil ta' applikazzjonijiet differenti (eż. għall-ATM);
20. Jirrikonoxxi, fl-istess ħin, il-benefiċċji ta' kooperazzjoni internazzjonali relatata mas-sigurtà fil-qasam tal-ispazju mas-sħab affidabbli tal-UE
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
7.4.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
41 11 5 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, David Borrelli, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Edward Czesak, Philippe De Backer, Peter Eriksson, Fredrick Federley, Theresa Griffin, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Kaja Kallas, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jeppe Kofod, Janusz Lewandowski, Paloma López Bermejo, Ernest Maragall, Edouard Martin, Csaba Molnár, Nadine Morano, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Carolina Punset, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Antonio Tajani, Dario Tamburrano, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Martina Werner, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Amjad Bashir, Michał Boni, Eugen Freund, Françoise Grossetête, Benedek Jávor, Jude Kirton-Darling, Werner Langen, Marian-Jean Marinescu, Marisa Matias, Sorin Moisă, Clare Moody, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, Maria Spyraki, Anneleen Van Bossuyt |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Momchil Nekov, Jana Žitňanská |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
19.4.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
42 15 10 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Michèle Alliot-Marie, Francisco Assis, Petras Auštrevičius, Amjad Bashir, Goffredo Maria Bettini, Elmar Brok, Klaus Buchner, James Carver, Fabio Massimo Castaldo, Lorenzo Cesa, Aymeric Chauprade, Javier Couso Permuy, Andi Cristea, Mark Demesmaeker, Georgios Epitideios, Anna Elżbieta Fotyga, Eugen Freund, Iveta Grigule, Richard Howitt, Sandra Kalniete, Tunne Kelam, Afzal Khan, Janusz Korwin-Mikke, Andrey Kovatchev, Ilhan Kyuchyuk, Barbara Lochbihler, Ulrike Lunacek, Andrejs Mamikins, Ramona Nicole Mănescu, Javier Nart, Pier Antonio Panzeri, Demetris Papadakis, Ioan Mircea Paşcu, Alojz Peterle, Tonino Picula, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda, Sofia Sakorafa, Charles Tannock, László Tőkés, Geoffrey Van Orden, Boris Zala |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Luis de Grandes Pascual, Marielle de Sarnez, Andrzej Grzyb, András Gyürk, Takis Hadjigeorgiou, Marek Jurek, Javi López, Antonio López-Istúriz White, Norbert Neuser, Norica Nicolai, Soraya Post, Marietje Schaake, Jean-Luc Schaffhauser, Helmut Scholz, Traian Ungureanu, Bodil Valero, Paavo Väyrynen, Janusz Zemke |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Doru-Claudian Frunzulică, Monika Hohlmeier, Zdzisław Krasnodębski, Marian-Jean Marinescu, Indrek Tarand, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Ivan Štefanec |
||||