RAKKOMANDAZZJONI GĦAT-TIENI QARI dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012
27.4.2016 - (14956/2/2015 – C8-0000/2016 – 2013/0119(COD)) - ***II
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Mady Delvaux
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar il-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari bil-ħsieb tal-adozzjoni tar-regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tar-rekwiżiti għall-preżentazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012
(14956/2/2015 – C8-0000/2016 – 2013/0119(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: it-tieni qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari (14956/2/2015 – C8–0129/2016),
– wara li kkunsidra l-opinjoni motivata preżentata mis-Senat Rumen, fil-qafas tal-Protokoll Nru 2 dwar l-applikazzjoni tal-prinċipji ta' sussidjarjetà u proporzjonalità li tiddikjara li l-abbozz ta' att leġiżlattiv ma jimxix mal-prinċipju ta' sussidjarjetà,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tal-11 ta' Lulju 2013[1],
– wara li kkunsidra l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari[2] dwar il-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament u lill-Kunsill (COM(2013)0228),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali dwar il-bażi ġuridika proposta,
– wara li kkunsidra l-Artikoli 76 u 39 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni għat-tieni qari tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8–0156/2016),
1. Japprova l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari;
2. Jinnota li l-att qed jiġi adottat b'konformità mal-pożizzjoni tal-Kunsill;
3. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jiffirma l-att, flimkien mal-President tal-Kunsill, skont l-Artikolu 297(1) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea;
4. Jagħti istruzzjonijiet lis-Segretarju Ġenerali tiegħu biex jiffirma l-att, wara li jkun ġie vverifikat li l-proċeduri ntemmu kif imiss, u biex, bi qbil mas-Segretarju Ġenerali tal-Kunsill, jipproċedi għall-pubblikazzjoni tal-att f'Il-Ġurnal Uffiċjali tal-Unjoni Ewropea;
5. Jagħti istruzzjonijiet lill-Presidenti tiegħu biex jgħaddu l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
NOTA SPJEGATTIVA
L-objettiv ta' din il-leġiżlazzjoni huwa li jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni formali ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea. Hija ma tikkonċernax ir-rikonoxximent tal-kontenut tad-dokumenti pubbliċi, u dan b'mod partikolari biex tiġi ppreservata s-sovranità tal-Istati Membri fir-rigward tad-dritt tal-familja.
Il-mobilità taċ-ċittadini tal-Unjoni hija fatt: madwar tnax-il miljun minnhom jistudjaw, jaħdmu jew jgħixu fi Stat Membru li mhumiex ċittadini tiegħu. Illum, jekk iċ-ċittadini u n-negozji tal-Unjoni jeżerċitaw id-dritt tagħhom għall-moviment liberu jew il-libertajiet tas-suq intern, dawn jistgħu jiltaqgħu ma' komplikazzjonijiet amministrattivi meta jippreżentaw dokumenti pubbliċi lill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor, pereżempju fir-rigward tal-mobilità transfruntiera.
Wara negozjati interistituzzjonali, il-koleġiżlaturi u l-Kummissjoni qablu dwar test ta' kompromess.
Ir-Regolament ikopri d-dokumenti tal-istat ċivili, kif ukoll ċerti dokumenti oħra ta' spiss mitluba miċ-ċittadini, pereżempju rigward ir-residenza, in-nazzjonalità u r-rekords kriminali.
Għal dawn id-dokumenti pubbliċi, ir-regolament jipprevedi l-eżenzjoni tal-legalizzazzjoni u tal-postilla, li huma żewġ formalitajiet amministrattivi tradizzjonalment previsti għad-dokumenti pubbliċi transfruntiera. Huma wkoll previsti miżuri ta' aċċettazzjoni ffaċilitata fil-qasam ta' kopji ċċertifikati u traduzzjonijiet iċċertifikati. Dawn is-simplifikazzjonijiet għaċ-ċittadin huma kkumpensati mill-kapaċità tal-amministrazzjoni li tirċievi d-dokument li titlob direttament u b'mezzi elettroniċi lill-awtorità emittenti li tikkonferma l-awtentiċità tad-dokument.
Fl-aħħar nett, il-qofol tar-regolament huwa l-ħolqien ta' formoli standard multilingwi għall-biċċa l-kbira tad-dokumenti pubbliċi kkonċernati. Dawn il-formoli standard multilingwi jinħarġu mill-awtoritajiet nazzjonali meta dokument pubbliku għandu jiġi ppreżentat fi Stat Membru ieħor, u jiġu annessi mad-dokument nazzjonali. Dan l-anness jinkludi traduzzjonijiet preliminari tad-dokument pubbliku inkwistjoni u għalhekk jeżenta liċ-ċittadin milli jkollu jipprovdi traduzzjoni tad-dokument amministrattiv. Għalhekk dan jiffaċilita ħafna l-formalitajiet taċ-ċittadin Ewropew mobbli.
In-negozjati mal-Kunsill wasslu wkoll għal xi diżappunti għall-Parlament: il-Parlament xtaq b'mod partikolari jinkludi d-diplomi u ċ-ċertifikati ta' taħriġ fil-parti operattiva tar-regolament, iċ-ċertifikati dwar id-diżabilità, kif ukoll ċerti dokumenti rilevanti għan-negozji. Sussegwentement, il-formoli standard multilingwi ma jistgħux jiċċirkolaw b'mod awtonomu, iżda għandhom ikunu annessi mad-dokumenti nazzjonali inkwistjoni, li jikkostitwixxi kumplikazzjoni li tista' tiġi evitata. Dan madankollu m'għandux inessi l-avvanzi kbar li saru. Ir-regolament fih klawsoli ta' reviżjoni li jikkunsidraw it-twessigħ tal-ambitu tas-simplifikazzjonijet amministrattivi fil-futur, ladarba l-amministrazzjonijiet nazzjonali jkunu draw jużaw dan il-metodu ġdid ta' kif jaħdmu.
Ir-rapporteur, għalhekk, qed tipproponi li dan it-test jiġi approvat, li huwa t-test innegozjat mal-Kunsill kif rivedut mill-ġuristi-lingwisti bil-lingwi uffiċjali kollha.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI
Is-Sur Pavel Svoboda
President
Kumitat għall-Affarijiet Legali
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-bażi legali għall-proposta għal Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea u li jemenda r-Regolament (UE) Nru 1024/2012 (COM(2013)0228 – C7-0111/2013 – 2013/0119(COD))
Sur President,
F'Novembru 2015, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda fuq inizjattiva tiegħu stess, skont l-Artikolu 39(5) tar-Regoli ta' Proċedura, biex jagħti opinjoni dwar l-adegwatezza tat-tibdil tal-bażi legali mitluba mill-Kunsill għall-proposta msemmija hawn fuq.
Il-bażijiet legali proposti mill-Kummissjoni kienu, minn naħa, l-Artikolu 21(2) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), li jirrelata mal-adozzjoni ta' dispożizzjoniejiet biex jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet taċ-ċittadini għall-moviment ħieles u residenza fi ħdan it-territorju tal-Istati Membri, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 114(1) TFUE, li jikkonċerna l-adozzjoni ta' miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet ipprovduti fil-leġiżlazzjoni jew amministrazzjonijiet nazzjonali li għandhom bħala għan l-istabbiliment u l-funzjonament tas-suq intern.
Il-pożizzjoni tal-Parlament kienet tappoġġa b'mod sħiħ il-proposta tal-Kummissjoni li d-dokumenti relatati man-negozji għandhom jiġu inklużi fid-dokumenti pubbliċi koperti mis-simplifikazzjonijiet previsti mill-proposta. Madankollu, it-test miftiehem biddel il-bażi legali billi neħħa l-Artikolu 114(1) TFUE mill-bażi legali doppja inizzjali, fuq talba tal-Kunsill, peress li l-parti l-kbira tal-Istati Membri ppreferew skop aktar restrittiv għar-regolament, li jkopri priċiplament dokumenti dwar l-istat ċivili.
L-għan ta' din l-opinjoni huwa li jiddetermina l-validità u l-adegwatezza tal-unika bażi legali ġdida.
I - L-isfond
Il-proposta li tissimplifika l-aċċettazzjoni ta' ċerti dokumenti pubbliċi fl-Unjoni Ewropea għandha l-għan li taqdi r-rwol importanti ħafna li l-formalitajiet isiru aktar faċli għaċ-ċittadini li jiċċaqilqu bejn il-fruntieri.
Għadd kbir ta' ċittadini tal-UE jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex pajjiżhom, u dan in-numru qed jiżdied b'mod kostanti. Aktar u aktar ċittadini għandhom rabtiet ma' stat ieħor, kemm jekk għal raġunijiet tal-familja jew professjonali jew sempliċement għall-vaganzi. Xi darba jew oħra, dawn il-persuni kollha potenzjalment jiġu f'kuntatt mal-awtoritajiet amministrattivi tal-pajjiż ta' residenza, ngħidu aħna t-turisti mas-sistema tas-saħħa, l-istudenti mal-korpi amministrattivi tal-universitajiet, il-ħaddiema mal-awtorità tat-taxxa u s-sigurtà soċjali, eċċ.
Fl-2011, il-Kummissjoni ppubblikat dokument ta' strateġija fejn fih huma elenkati l-għoxrin punt ta' kritika l-iktar importanti miċ-ċittadini u n-negozji fis-suq intern. Parti kbira minn dawn l-għoxrin punt ta' kritika huma assoċjati mal-formalitajiet tekniċi amministrattivi. Sadattant, huwa rikonoxxut ukoll li l-problemi fl-użu transkonfinali tal-liġi tal-familja, il-liġi tat-taxxa, il-liġi tas-sigurtà soċjali, eċċ. jiskoraġġixxu bosta ċittadini li jixtiequ jmorru fi Stat Membru ieħor.
Kull sena, mijiet ta' eluf ta' tali dokumenti pubbliċi għandhom ikunu legalizzati jew ċertifikati sabiex jiġu rikonoxxuti fi Stati Membri għajr dak li minnu oriġinaw. It-tnaqqis tal-formalità transkonfinali addizzjonali huwa b'hekk pass importanti ulterjuri biex jiġi ffaċilitat il-moviment liberu taċ-ċittadini.
Finalment, huwa importanti li jiġi nnutat li din il-proposta tar-regolament bl-ebda mod ma tarmonizza l-liġi sostantiva tal-Istati Membri fl-oqsma kkonċernati. Ma tipprovdix li Stat Membru jrid jirrikonoxxi l-kontenut ta' dokument minn Stat Membru ieħor. L-għan huwa purament biex jitnaqqsu l-formalitajiet transkonfinali addizzjonali billi jitneħħew il-formalitajiet tal-legalizzazzjoni u tal-apostille għal firxa ta' dokumenti pubbliċi.
II - Artikoli Rilevanti tat-Trattat
L-Artikolu 21 TFUE, fit-Tieni Parti bit-titolu "Non-Diskriminazzjoni u Ċittadinanza tal-Unjoni", huwa ppreżentat bħala l-unika bażi legali fit-test miftiehem mill-koleġiżlaturi fit-trilogi għar-Regolament (enfasi miżjuda):
Artikolu 21 TFUE
(ex Artikolu 18 TKE)
1. Kull ċittadin tal-Unjoni għandu d-dritt li jmur minn post għal ieħor u li joqgħod liberament fit-territorju tal-Istati Membri, salvi l-limitazzjonijiet u l-kondizzjonijiet stabbiliti fit-Trattati u d-dispożizzjonijiet meħuda sabiex dan jitwettaq.
2. Jekk ikun hemm il-ħtieġa ta' azzjoni mill-Unjoni sabiex dan il-għan jintlaħaq u t-Trattati ma pprovdewx il-poteri meħtieġa, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skond il-proċedura leġislattiva ordinarja, jistgħu jadottaw dispożizzjonijiet bl-għan li jiffaċilita l-eżerċizzju tad-drittijiet imsemmija fil-paragrafu 1.
[...]
L-Artikolu 114(1) TFUE, fil-Kapitolu 3, intitolat "Approssimazzjoni ta' liġijiet", ġie inkluż fil-proposta inizjali bħala t-tieni bażi legali, bil-għan li jkopri dokumenti pubbliċi użati min-negozji tal-UE f'ċirkostanzi transkonfinali. Din il-bażi legali kienet, madankollu, sussegwentement tneħħiet fuq talba tal-Kunsill bħala konsegwenza ta' restrizzjoni fil-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament:
Artikolu 114 TFUE
(ex Artikolu 95 TKE)
1. [...] Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġislattiva ordinarja u wara li jikkonsultaw mal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali, għandhom jadottaw il-miżuri għall-approssimazzjoni tad-dispożizzjonijiet stipulati bil-liġi, b'regolamenti jew b'azzjoni amministrattiva fi Stati Membri li għandhom bħala l-għan tagħhom l-istabbiliment u l-operazzjoni tas-suq intern.
[...]
III - Prinċipju ġenerali għall-għażla tal-bażi legali
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja "l-għażla tal-bażi ġuridika ta' miżura Komunitarja għandha tiġi bbażata fuq elementi oġġettivi li jistgħu jkunu suġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-att"[3]. Għalhekk, l-għażla ta' bażi legali żbaljata tista' tiġġustifika t-tħassir tal-att inkwistjoni.
F'dan il-każ, għandu għalhekk jiġi stabbilit jekk il-proposta:
1. għandhiex skop doppju jew komponent doppju, u wieħed minnhom huwa identifikabbli bħala l-iskop jew il-komponent prinċipali jew predominanti, filwaqt li l-ieħor huwa sempliċement inċidentali; jew
2. għandhiex simultanjament għadd ta' objettivi jew għandhiex bosta komponenti li huma indissoċjabbilment konnessi, mingħajr ma l-ebda wieħed minnhom ikun sekondarju jew indirett fil-konfront tal-ieħor.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel każ l-att jeħtieġ ikun ibbażat fuq bażi ġuridika unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-iskop jew mill-komponent prinċipali jew predominanti, u fit-tieni każ l-att se jkollu jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.[4]
IV - Għan u kontenut tal-proposta
Fil-premessa 1, it-test maqbul jistipula li r-Regolament għandu l-għan li jiżgura l-moviment liberu ta' dokumenti pubbliċi fl-Unjoni sabiex jiġi promoss il-moviment liberu taċ-ċittadini tal-Unjoni, u jistipula li, sabiex jintlaħaq l-objettiv tal-politika stabbilit fl-Artikolu 21 TFUE, "l-Unjoni għandha tadotta miżuri konkreti li jissimplifikaw rekwiżiti amministrattivi eżistenti relatati mal-preżentazzjoni fi Stat Membru ta' ċerti dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor".
Il-kompromess jistipula li r-regolament għandu jikkonċerna biss ċerti dokumenti pubbliċi, primarjament dawk li jikkonċernaw l-istat ċivili. Skont l-Artikolu 2(1) tat-test miftiehem, "Dan ir-regolament japplika għal dokumenti pubbliċi maħruġa mill-awtoritajiet ta' Stat Membru f'konformità mal-liġi nazzjonali tiegħu li għandhom jiġu ppreżentati lill-awtoritajiet ta' Stat Membru ieħor u li għandhom l-għan primarju li jistabbilixxu" twelid, mewt, żwieġ, divorzju, filjazzjoni, adozzjoni, eċċ. Il-proposta tal-Kummissjoni inkludiet ukoll fil-kamp ta' applikazzjoni tagħha "l-istatus legali u r-rappreżentanza ta' kumpanija jew impriża oħra", li ġiet sussegwentement imneħħija fuq talba tal-Kunsill, li llimitat prinċipalment il-kamp ta' applikazzjoni tar-regolament għal dokumenti dwar l-istat ċivili.
L-għan ewlieni tar-regolament huwa li jitneħħew il-formalitajiet tal-legalizzazzjoni u tal-apostille għad-dokumenti pubbliċi koperti minnu. Saru wkoll diversi simplifikazzjonijiet fir-rigward ta' kopji ċertifikati u traduzzjonijiet ċertifikati.
Sabiex ma jseħħux atti possibbli ta' frodi, ir-Regolament jipprevedi wkoll l-użu ta' Informazzjoni tas-Suq Intern (IMI) għall-finijiet ta' assistenza reċiproka. Din is-sistema, li hija diġà użata fil-qasam ekonomiku, tippermetti lill-awtorità ta' Stat Membru li aċċettaha, biex f'każ ta' dubju titlob għal assistenza mill-awtoritajiet tal-Istat Membru emittenti. L-awtorità li tkun ħarġet id-dokument, għandha tkun tista' tiċċertifika l-awtentiċità u l-validità tad-dokumenti lill-awtorità ta' aċċettazzjoni.
Fl-aħħar nett, wieħed mill-elementi ewlenin tal-proposta huwa l-ħolqien ta' formoli standard multilingwi tal-UE [ara l-Artikoli 6a, 6b, 6c, 6d, 6d1 u 6e tat-test maqbul]. Il-ħruġ tal-formoli standard multilingwi huwa intiż sempliċiment biex tiġi evitata l-problema tat-traduzzjoni, b'mod simili għal dak li diġà qed iseħħ bil-formoli elettroniċi għal finijiet tal-assigurazzjoni soċjali.
Il-formoli standard tal-UE jevitaw biss il-formalitajiet u l-ħtieġa għal traduzzjoni tas-soltu. Bl-ebda mod ma jwasslu għall-obbligu li jiġi rrikonoxxut il-kontenut tal-formoli (partikolarment fil-qasam tal-liġi tal-familja).
V - Analiżi u determinazzjoni tal-bażi ġuridika adegwata
L-abbozz tal-Kummissjoni stipula li r-regolament kellu japplika biss għal ċerti dokumenti pubbliċi elenkati, primarjament li jirrigwardaw l-istat ċivili. Madankollu, it-test propost oriġinarjament kien jipprevedi s-simplifikazzjoni ta' formalitajiet amministrattivi relatati ma' dokumenti pubbliċi li jirrigwardaw ukoll in-negozji. Bħala konsegwenza ta' dan, il-bażijiet legali oriġinali tar-regolament propost kienu jinkludu mhux biss l-Artikolu 21(2) TFUE, iżda wkoll l-Artikolu 114(1) TFUE bħala tieni bażi legali. Dan huwa għaliex l-Artikolu 114(1) TFUE jkun il-bażi legali adegwat biex ikopri l-użu transkonfinali ta' dokumenti pubbliċi minn negozji tal-UE fi ħdan is-suq intern.
Kif mitlub mill-Kunsill u aċċettat mill-Parlament Ewropew, it-test miftiehem ineħħi d-dokumenti pubbliċi li jirrigwardaw "l-istatus legali u r-rappreżentanza ta' kumpanija jew impriża oħra", mill-kamp ta' applikazzjoni tar-Regolament. Peress li n-negozji ma humiex iktar direttament ikkonċernati mir-regolament, dan jiġġustifika wkoll it-tneħħija tal-Artikolu 114(1) TFUE bħala tieni bażi legali, li jħalli r-regolament propost b'bażi legali waħda fl-Artikolu 21(2) TFUE.
Fid-dawl ta' dak li ntqal iktar 'il fuq, ir-regolament għandu jkun ibbażat esklużivament fuq l-Artikolu 21(2) TFUE li jagħti s-setgħa lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw dispożizzjonijiet bil-għan li jiffaċilitaw l-eżerċizzju tad-drittijiet fundamentali taċ-ċittadini tal-Unjoni li jiċċaqilqu u jgħixu liberament fit-territorju tal-Istati Membri kif stabbilit fl-Artikolu 21(1) TFUE.
L-ostakli amministrattivi għall-użu u l-aċċettazzjoni transkonfinali ta' dokumenti pubbliċi għandhom impatt dirett fuq il-moviment liberu taċ-ċittadini. Għalhekk, it-tneħħija ta' dawn l-ostakoli tiffaċilita l-eżerċizzju tal-moviment liberu taċ-ċittadini kif previst fl-Artikolu 21(2) TFUE.
Il-proposta tinkludi dispożizzjonijiet dwar għodod prattiċi (pereżempju s-Sistema tal-Informazzjoni tas-Suq Intern u formoli standard multilingwi) biex il-ħajja taċ-ċittadini bejn il-fruntieri nazzjonali ssir aktar faċli. Ir-Regolament propost għalhekk għandu jitqies bħala strument meħtieġ biex jiġi promoss il-moviment liberu taċ-ċittadini Ewropej fi ħdan l-Unjoni Ewropea.
Peress li l-mira u l-kontenut tar-Regolament propost ippreżentati iktar 'il fuq huma intiżi sabiex jitnaqqsu l-ispejjeż iffaċati minn individwi kif ukoll biex inaqqsu l-burokrazija inter alia billi jipprovdu għal formoli standard multilingwi, l-Artikolu 21(2) TFUE huwa l-bażi legali unika adegwata għar-regolament propost.
VI - Konklużjoni u rakkomandazzjoni
It-test miftiehem ineħħi l-Artikolu 114(1) TFUE mill-bażi legali doppja peress li jirrestinġi l-għan tar-regolament propost esklużivament għad-dokumenti pubbliċi rilevanti għall-individwi. Jeskludi dokumenti li huma speċifiċi għan-negozju mill-għan tagħha. Bħala konsegwenza, l-att leġiżlattiv inkwistjoni issa huwa bbażat biss, u b'mod adegwat, fuq l-Artikolu 21(2) TFUE.
Fil-laqgħa tiegħu tat-12 ta' Novembru 2015, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali, approva l-ftehim milħuq fit-trilogi mal-Kunsill, bil-bidla fil-bażi legali. Wara li jikkunsidra bis-sħiħ l-implikazzjonijiet tal-bażi legali fil-laqgħa tiegħu tat-28 ta' Jannar 2016, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għaldaqstant iddeċieda, b'23 vot favur, b'2 voti kontra u b'ebda astensjoni[5], li jirrakkomanda li l-plenarja għandha tapprova formalment it-test maqbul fit-tieni qari b'bażi legali unika tal-Artikolu 21(2) TFUE.
Dejjem tiegħek,
Pavel Svoboda
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
Il-promozzjoni tal-moviment liberu taċ-ċittadini u n-negozji permezz tas-simplifikazzjoni tal-aċċettazzjoni ta’ ċerti dokumenti pubbliċi fl-UE |
||||
Referenzi |
14956/2/2015 – C8-0129/2016 – 2013/0119(COD) |
||||
Data tal-1 qari tal-PE - Numru P |
4.2.2014 T7-0054/2014 |
||||
Proposta tal-Kummissjoni |
COM(2013)0228 - C7-0111/2013 |
||||
Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja ta’ meta l-Parlament irċieva l-pożizzjoni tal-Kunsill fl-ewwel qari |
11.4.2016 |
||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
JURI 11.4.2016 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Mady Delvaux 3.9.2014 |
|
|
|
|
Bażi legali kkontestata Data tal-opinjoni tal-JURI |
JURI 28.1.2016 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
24.9.2014 |
24.3.2015 |
14.7.2015 |
21.4.2016 |
|
Data tal-adozzjoni |
21.4.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
18 2 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, Emil Radev, József Szájer, Axel Voss |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Angel Dzhambazki, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Cecilia Wikström |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josef Weidenholzer |
||||
Data tat-tressiq |
27.4.2016 |
||||
- [1] ĠU C 327, 12.11.2013, p. 52.
- [2] Testi adottati, 4.2.2014, P7_TA(2014)0054.
- [3] Kawża C-45/86, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati) [1987] Ġabra 1439, punt 5; Kawża C-440/05
Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill [2007] Ġabra I-9097; Kawża C-411/06 Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill [2009] Ġabra I-7585. - [4] Ara l-Kawża C-411/06, iċċitata aktar 'il fuq, il-punti 46-47.
- [5] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Pavel Svoboda (President), Jean-Marie Cavada (Viċi President), Mady Delvaux (Viċi President), Lidia Joanna Geringer de Oedenberg (Viċi President), Axel Voss (Viċi President u rapporteur), Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Daniel Buda, Kostas Chrysogonos, Sergio Gaetano Cofferati, Therese Comodini Cachia, Pascal Durand, Angel Dzhambazki, Laura Ferrara, Evelyne Gebhardt, Jytte Guteland, Heidi Hautala, Sajjad Karim, Dietmar Köster, Constance Le Grip, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Jiří Maštálka, Angelika Niebler, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Virginie Rozière, Tadeusz Zwiefka.