RAPPORT dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, it-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha
2.5.2016 - (N8-0110/2015 – C8-0367/2015 – 2015/0906(COD)) - ***I
Kumitat għall-Affarijiet Legali
Rapporteur: Mady Delvaux
ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, it-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha
(N8-0110/2015 – C8-0367/2015 – 2015/0906(COD))
(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentata lill-Parlament u lill-Kunsill (N8-0110/2015),
– wara li kkunsidra t-tieni subparagrafu tal-Artikolu 19(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, l-Artikolu 256(1), l-ewwel u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea u l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat li jistabbilixxi l-Komunità Ewropea tal-Enerġija Atomika, skont liema artikoli l-abbozz ta' att ġie ppreżentat lill-Parlament (C8-0367/2015),
– wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) u (15) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea[1], u b'mod partikolari l-premessa 9 tiegħu.
– wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kummissjoni COM (2016)0081)[2],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (A8-0167/2016),
1. Jadotta l-pożizzjoni fl-ewwel qari li tidher hawn taħt;
2. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill, lill-Qorti tal-Ġustizzja u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.
Emenda 1 Abbozz ta' regolament Kunsiderazzjoni 1 | |||||||||||||||||||
| |||||||||||||||||||
Ġustifikazzjoni | |||||||||||||||||||
L-Artikolu 19(2) TUE ma jikkostitwixxix bażi legali xierqa għal dan ir-Regolament, peress li ma ssir l-ebda bidla fl-għadd ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali. Il-bażi legali xierqa tinsab fl-Artikoli 256(1), 257 u 281 TFUE flimkien mal-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom. | |||||||||||||||||||
Emenda 2 Abbozz ta' regolament Artikolu 1 – punt 1 | |||||||||||||||||||
| |||||||||||||||||||
Ġustifikazzjoni | |||||||||||||||||||
Ikun preferibbli li l-modifiki għall-Protokoll ikunu trattati fl-Artikolu 2, billi jħassru b'mod espress l-artikoli introdotti f'dak iż-żmien bid-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE. | |||||||||||||||||||
Emenda 3 Abbozz ta' regolament Artikolu 2 – punt 2 Protokoll (nru 3) dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea Artikolu 62c | |||||||||||||||||||
| |||||||||||||||||||
Ġustifikazzjoni | |||||||||||||||||||
Ma hemm l-ebda ħtieġa li l-Artikolu 62c jiġi sostitwit b'referenza ġenerika għall-qrati speċjalizzati u għal anness ineżistenti. It-titolu sħiħ dwar qrati speċjalizzati, li fih hemm dan l-Artikolu biss, jista' jitħassar. Ċertament jista' jerġa' jinħoloq fil-futur jekk u meta qorti speċjalizzata tiġi stabbilita, kif kien il-każ fl-2004. | |||||||||||||||||||
Emenda 4 Abbozz ta' regolament Artikolu 2 – punt 2 a (ġdid) Protokoll (nru 3) dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea Anness I | |||||||||||||||||||
| |||||||||||||||||||
Ġustifikazzjoni | |||||||||||||||||||
Ikun preferibbli li jitħassar l-Anness I espliċitament fl-Artikolu dwar modifiki għall-Protokoll. |
NOTA SPJEGATTIVA
Dan ir-Regolament huwa r-raba' wieħed li jirrigwarda r-riforma tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel regolament introduċa diversi bidliet għall-kompożizzjoni u l-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, u t-tieni preveda l-introduzzjoni ta' mħallfin ad interim fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
It-tielet parti tar-riforma kienet l-aktar waħda kontroversjali, peress li kienet tikkonċerna żieda fin-numru ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali. Kien inizjalment previst li jkun hemm żieda minn 28 imħallef għal 40. Fl-aħħar mill-aħħar, il-koleġiżlaturi qablu, taħt il-gwida tal-Kunsill, li jżidu l-għadd ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali għal 56, biex b'hekk kull Stat Membru jkun jista' jinnomina żewġ imħallfin. Din iż-żieda kienet suġġetta għall-kundizzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jitneħħa, u t-tilwim tas-servizz ċivili trasferit lura quddiem il-Qorti Ġenerali.
Ir-regolament preżenti huwa għalhekk kontinwazzjoni tat-tielet regolament li jirriforma l-Qorti tal-Ġustizzja. B'mod parallel mat-tieni pass fiż-żieda ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali, minn 40 sa 47, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li hu magħmul minn seba' mħallfin, irid jiġi abolit.
Il-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja hija għalhekk loġika u tikkorrispondi għal talba mill-koleġiżlaturi. Din il-proposta sempliċiment tipproponi t-tħassir tad-dispożizzjonijiet relatati mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, flimkien ma' għadd żgħir ta' emendi konsegwenzjali u dispożizzjonijiet tranżitorji. Dawn l-emendi konsegwenzjali jinkludu, naturalment, it-tħassir tat-tieni regolament dwar ir-riforma tal-Qorti tal-Ġustizzja. Għalhekk, ir-rapporteur qed tipproponi li l-Parlament Ewropew għandu japprova l-proposta.
Dan ir-rapport fih biss xi emendi tekniċi minuri, li r-rapporteur tqis li jikkontribwixxu għal leġiżlazzjoni aqwa. Id-dispożizzjonijiet emendatorji huma kjarifikati, u t-taqsima dwar il-qrati speċjalizzati hija kompletament imħassra, billi din mhijiex meħtieġa sakemm jasal iż-żmien meta qorti speċjalizzata terġa' tiġi stabbilita. Dawn l-emendi ma jaffettwawx, madankollu, is-sostanza tal-proposta.
Ir-rapporteur tixtieq tenfasizza li l-modalitajiet tat-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku huma koperti mill-proposta. Il-kawżi pendenti quddiem it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-31 ta' Awwissu 2016 se jkunu trasferiti hekk kif inhuma f'dik id-data. Fl-interess taċ-ċertezza tad-dritt, dawn il-kawżi se jkunu suġġetti għall-applikazzjoni tar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti Ġenerali. Ir-rapporteur tirrimarka li għandu jkun hemm bidliet għar-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti Ġenerali sabiex jirriflettu, fir-rigward tat-tilwim relatat mas-servizz pubbliku, ir-regoli speċifiċi attwalment fis-seħħ fir-Regoli ta' Proċedura tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, b'mod partikolari l-Artikoli 108 u 109.
Mhumiex biss ir-Regoli ta' Proċedura tal-Qorti Ġenerali li se jkollhom jiġu modifikati iżda wkoll l-organizzazzjoni interna tagħha. Ir-rapporteur taqbel mal-proposta li l-Kummissjoni għamlet fl-opinjoni tagħha[1], u tqis li numru ogħla ta' kawżi għandu jiġi allokat lill-kompożizzjonijiet akbar meta dan ikun iġġustifikat mill-importanza tagħhom ħalli jiġu żgurati l-koerenza u l-kwalità tal-ġurisprudenza. Għandu jkun hemm xi ftit riflessjoni dwar il-possibbiltà li r-regoli u l-prassi li jirregolaw l-allokazzjoni tal-kawżi jiġu adattati sabiex jinħolqu sinerġiji tematiċi.
Fl-aħħar nett, ir-rapporteur tixtieq tikkummenta fuq kontroversja ġuridika li tirrigwarda din il-bidla. Uħud iddikjaraw li, peress li l-Artikolu 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, jagħti lill-koleġislaturi l-kompetenza li jistabbilixxu qrati speċjalizzati, iżda ma jirreferix b'mod espliċitu għall-modifiki għal qrati speċjalizzati jew saħansitra għall-abolizzjoni tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jistgħux ixolju qrati speċjalizzati maħluqa minnhom stess. Ir-rapporteur tqis li, meta artikolu jippermetti l-ħolqien ta' organu istituzzjonali, jidher loġiku li jiġi dedott li dan l-artikolu jippermetti wkoll b'mod impliċitu l-abolizzjoni tiegħu meta meħtieġ minn ċirkustanzi li jinbidlu.
- [1] L-opinjoni tal-Kummissjoni dwar il-proposta ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, it-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha, COM(2016)0081, 22.2.2016, punt 10.
OPINJONI TAL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET LEGALI DWAR IL-BAŻI LEGALI
Is-Sur Pavel Svoboda
President
Kumitat għall-Affarijiet Legali
BRUSSELL
Suġġett: Opinjoni dwar il-bażi ġuridika tal-proposta ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-Unjoni Ewropea tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, f'każ ta' tilwim bejn l-Unjoni u l-aġenti tagħha, (COM(2016)0081 – C8-0367/2015 – 2015/0906(COD))
Sur President,
F'Marzu 2015, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali ddeċieda fuq inizjattiva proprja, skont l-Artikolu 39(5) tar-Regoli ta' Proċedura, biex jagħti opinjoni dwar ix-xerqien tat-tibdil tal-bażi ġuridika proposta fl-abbozz ta' rapport għall-proposta msemmija hawn fuq.
Il-bażijiet ġuridiċi proposti mill-Qorti tal-Ġustizzja huma, minn naħa, l-Artikolu 19(2) tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE), li jikkonċerna l-għadd ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali, u, min-naħa l-oħra, l-Artikolu 256(1), l-Artikolu 257 u t-tieni paragrafu tal-Artikolu 281 tat-TFUE, li jikkonċernaw, rispettivament, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali u tibdil possibbli tagħha, l-istabbiliment ta' qrati speċjalizzati permezz ta' leġiżlazzjoni sekondarja, u l-emendar tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz ta' leġiżlazzjoni sekondarja. Il-bażi ġuridika tinkludi wkoll l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom, li jittratta l-Qorti tal-Ġustizzja sa' fejn hija wkoll il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Komunità Euratom.
Ir-rapporteur għar-regolament iqis li l-Artikolu 19(2) m'għandux jintuża bħala bażi ġuridika għal din il-proposta peress li ma tibdilx in-numru ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali, u ppropona emenda f'dan is-sens.
L-għan ta' din l-opinjoni huwa li tiġi determinata l-validità u x-xerqien tal-emenda li tneħħi l-Artikolu 19(2) bħala bażi ġuridika.
I - L-isfond
Dan ir-Regolament huwa r-raba' wieħed relatat mar-riforma tal-Qorti tal-Ġustizzja. L-ewwel regolament għamel diversi bidliet fil-kompożizzjoni u l-proċedura tal-Qorti tal-Ġustizzja u tal-Qorti Ġenerali, u t-tieni ppreveda l-introduzzjoni ta' mħallfin ad interim fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku.
It-tielet parti tar-riforma kienet l-aktar waħda kontroversjali, peress li kienet tikkonċerna żieda fin-numru ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali. Kien inizjalment previst li jkun hemm żieda minn 28 imħallef għal 40. Fl-aħħar mill-aħħar, xprunati mill-Kunsill, il-koleġiżlaturi qablu li jżidu l-għadd ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali għal 56, biex b'hekk kull Stat Membru jkun jista' jinnomina żewġ imħallfin. Din iż-żieda kienet soġġetta għall-kundizzjoni li t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku jitneħħa, u li t-tilwim tas-servizz pubbliku jiġi trasferit lura lill-Qorti Ġenerali.
Ir-regolament attwali għaldaqstant huwa segwitu għat-tielet regolament li jirriforma l-Qorti tal-Ġustizzja. B'mod parallel mat-tieni pass fiż-żieda ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali, minn 40 għal 47, it-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, li huwa magħmul minn seba' mħallfin, irid jiġi abolit.
Il-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja sempliċement tipproponi t-tħassir tad-dispożizzjonijiet relatati mat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku, flimkien ma' għadd żgħir ta' emendi konsegwenzjali u dispożizzjonijiet tranżitorji. Dawn l-emendi konsegwenzjali jinkludu, naturalment, it-tħassir tat-tieni regolament dwar ir-riforma tal-Qorti tal-Ġustizzja.
Xi wħud iddikjaraw li, peress li l-Artikolu 257 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea jagħti lill-koleġiżlaturi l-kompetenza biex jistabbilixxu qrati speċjalizzati, iżda ma jirreferix b'mod espliċitu għat-tibdil fil-qrati speċjalizzati jew saħansitra għall-abolizzjoni tagħhom, il-Parlament Ewropew u l-Kunsill ma jistgħux ixolju qrati speċjalizzati maħluqa minnhom stess. Ir-rapporteur iqis li, meta artikolu jippermetti l-ħolqien ta' organu istituzzjonali, jidher loġiku li jiġi dedott li dan l-artikolu impliċitament jippermetti wkoll l-abolizzjoni tiegħu meta meħtieġ minn ċirkostanzi li jinbidlu.
II - L-Artikoli rilevanti tat-Trattat (enfasi miżjuda)
L-Artikolu 19(2) jgħid hekk:
L-Artikolu 19 tat-TUE
[...]
2. Il-Qorti tal-Ġustizzja għandha tkun komposta minn imħallef wieħed minn kull Stat Membru. Għandha tkun assistita minn avukati-ġenerali.
Il-Qorti Ġenerali għandha tinkludi mill-inqas imħallef wieħed minn kull Stat Membru.
L-imħallfin u l-avukati ġenerali tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-imħallfin tal-Qorti Ġenerali għandhom jintgħażlu minn fost persuni li ma jkun hemm l-ebda dubbju dwar l-indipendenza tagħhom u li jissodisfaw il-kondizzjonijiet stabbiliti fl-Artikoli 253 u 254 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea. Huma għandhom jinħatru bi ftehim komuni bejn il-gvernijiet tal-Istati Membri għal sitt snin. L-imħallfin u l-avukati ġenerali li l-mandat tagħhom ikun spiċċa jistgħu jinħatru mill-ġdid.
[...]
L-Artikolu 256(1) tat-TFUE jgħid hekk:
L-Artikolu 256 tat-TFUE
1. Il-Qorti Ġenerali hija kompetenti sabiex tieħu konjizzjoni fl-ewwel istanza tar-rikorsi msemmija fl-Artikoli 263, 265, 268, 270 u 272, bl-eċċezzjoni ta' dawk assenjati lil qorti speċjalizzata stabbilita taħt l-Artikolu 257 u ta' dawk li l-Istatut jirriserva għall-Qorti tal-Ġustizzja. L-Istatut jista' jipprovdi li l-Qorti Ġenerali tkun kompetenti għal kategoriji oħra ta' rikorsi.
Id-deċiżjonijiet mogħtija mill-Qorti Ġenerali skont dan il-paragrafu jistgħu ikunu suġġetti għall-appell quddiem il-Qorti tal-Ġustizzja limitatament għal punti ta' dritt, skont il-kondizzjonijiet u fil-limiti previsti fl-Istatut.
[...]
L-Artikolu 257 tat-TFUE jgħid hekk:
L-Artikolu 257 tat-TFUE
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jistabbilixxu qrati speċjalizzati annessi mal-Qorti Ġenerali, sabiex jieħdu konjizzjoni fil-Prim' Istanza ta' ċerti kategoriji ta' rikorsi f'oqsma speċifiċi. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu permezz ta' regolament jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja, jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni.
Ir-Regolament li jistabbilixxi qorti speċjalizzata jistabbilixxi r-regoli dwar il-kompożizzjoni ta' din il-qorti u safejn għandha tasal il-kompetenza tagħha.
[...]
L-Artikolu 281 tat-TFUE jgħid hekk:
L-Artikolu 281 tat-TFUE
[...]
Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill, li jaġixxu skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja, jistgħu jemendaw id-dispożizzjonijiet tal-Istatut, bl-eċċezzjoni tat-Titolu I u tal-Artikolu 64 tiegħu. Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill jaġixxu jew fuq talba tal-Qorti tal-Ġustizzja u wara konsultazzjoni mal-Kummissjoni, jew fuq proposta tal-Kummissjoni u wara konsultazzjoni mal-Qorti tal-Ġustizzja.
L-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom jgħid hekk:
L-Artikolu 106a tat-Trattat Euratom
1. L-Artikolu 7, l-Artikoli 13 sa 19, l-Artikolu 48(2) sa (5), u l-Artikoli 49 u 50 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea, u l-Artikolu 15, l-Artikoli 223 sa 236, l-Artikoli 237 sa 244, l-Artikolu 245 , l-Artikoli 246 sa 270, l-Artikoli 272, 273 u 274, l-Artikoli 277 sa 281, l-Artikoli 285 sa 304, l-Artikoli 310 sa 320, l-Artikoli 322 sa 325 u l-Artikoli 336, 342 u 344 tat-Trattat dwar il-Funzjonament ta' l-Unjoni Ewropea, kif ukoll il-Protokoll dwar id-dispożizzjonijiet transitorji japplikaw għal dan it-Trattat (traduzzjoni mhux uffiċjali).
[...]
III - Il-prinċipju ġenerali għall-għażla tal-bażi ġuridika
Skont ġurisprudenza stabbilita tal-Qorti tal-Ġustizzja l-għażla tal-bażi ġuridika għal miżura Komunitarja għandha tistrieħ fuq fatturi oġġettivi li jistgħu jkunu soġġetti għal stħarriġ ġudizzjarju, fosthom, b'mod partikolari, l-għan u l-kontenut tal-miżura[1]. Għaldaqstant, l-għażla ta' bażi ġuridika żbaljata tista' tiġġustifika t-tħassir tal-att inkwistjoni.
F'dan il-każ, għandu għaldaqstant jiġi stabbilit jekk il-proposta:
1. għandhiex skop multiplu jew bosta komponenti, li wieħed minnhom huwa identifikabbli bħala l-iskop jew il-komponent ewlieni jew predominanti, filwaqt li l-oħrajn huma sempliċement inċidentali; jew
2. għandhiex għadd ta' objettivi simultanjament jew bosta komponenti li huma konnessi b'mod inseparabbli, mingħajr ma l-ebda wieħed minnhom ikun sekondarju jew indirett fil-konfront tal-ieħor.
Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja, fl-ewwel każ l-att irid ikun ibbażat fuq bażi ġuridika unika, jiġifieri dik meħtieġa mill-iskop jew mill-komponent ewlieni jew predominanti, u fit-tieni każ l-att ikollu jkun ibbażat fuq id-diversi bażijiet ġuridiċi korrispondenti.[2]
F'dan il-każ, huwa ċar li l-Artikoli 256(1), 257 u 281 tat-TFUE u l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom għandhom jintużaw bħala bażi ġuridika konġunta, peress li jikkonċernaw aspetti differenti imma ugwalment importanti tal-istess problema, kif se jintwera hawn isfel.
IV - L-għan u l-kontenut tal-proposta
Il-proposta tħassar, fl-Artikolu 1:
• Id-Deċiżjoni tal-Kunsill 2004/752/KE, Euratom tat-2 ta' Novembru 2004 li tistabbilixxi t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea;
• Regolament (UE, Euratom) Nru 979/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Imħallfin ad interim tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea.
L-Artikolu 2 jintroduċi żewġ Artikoli ġodda dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja:
• L-Artikolu 50a l-ġdid jistabbilixxi, f'paragrafu 1, skont l-aħħar sentenza tal-Artikolu 256(1) tat-TFUE, il-kompetenza tal-Qorti Ġenerali fir-rigward tas-servizz pubbliku. Il-paragrafu 2 jintroduċi mill-ġdid l-istedina lill-qorti kompetenti għat-tilwim tas-servizz pubbliku, biex teżamina l-possibilitajiet ta' soluzzjoni bonarja għat-tilwim.
• L-Artikolu 62c l-ġdid jipprevedi, f'termini ġenerali, li d-disposizzjonijiet dwar il-kompetenza, il-kompożizzjoni, l-organizzazzjoni u l-proċedura ta' kwalunkwe qorti speċjalizzata għandhom jitniżżlu f'Anness għall-Istatut. L-abbozz ta' rapport jipproponi li dan l-Artikolu ma jiddaħħalx għaliex huwa inutli fin-nuqqas ta' kwalunkwe qorti speċjalizzata.
L-Artikoli 3, 4 u 5 fihom dispożizzjonijiet tranżitorji meħtieġa għat-trasferiment ta' kompetenza.
V - Analiżi u determinazzjoni tal-bażi ġuridika xierqa
Il-proposta tal-Qorti tal-Ġustizzja fiha ħames bażijiet ġuridiċi:
• L-Artikolu 19(2) tat-TUE mhuwiex bażi ġuridika xierqa, peress li jikkonċerna l-għadd ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali, li din il-proposta ma taffettwax.
• L-Artikolu 256(1) tat-TFUE jikkostitwixxi bażi ġuridika meħtieġa, peress li jippermetti li jiġi emendat l-istatut biex il-Qorti Ġenerali tingħata kompetenza f'kategoriji addizzjonali ta' każijiet. Dan huwa rilevanti peress li t-Trattati ma jagħtux kompetenza b'mod espliċitu lill-Qorti Ġenerali fir-rigward ta' tilwim tal-persunal li jinvolvi persunal mhux soġġett għar-Regolamenti tal-Persunal (jiġifieri persunal tal-Bank Ċentrali Ewropew u tal-Bank Ewropew tal-Investiment).
• L-Artikolu 257 tat-TFUE huwa bażi ġuridika meħtieġa li tippermetti l-istabbiliment ta' qrati speċjalizzati bħalma huwa t-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Huwa loġiku li l-leġiżlatur jista' wkoll jibdel jew jabolixxi qrati speċjalizzati meta ċ-ċirkostanzi hekk jeħtieġu: l-iskop kollu tal-Artikolu 257 tat-TFUE huwa li jippermetti biżżejjed flessibilità fl-arkitettura ġurisdizzjonali tal-Unjoni.
• L-Artikolu 281 tat-TFUE, it-tieni paragrafu, huwa bażi ġuridika meħtieġa peress li jippermetti li l-koleġiżlaturi jemendaw l-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja permezz tal-proċedura leġiżlattiva ordinarja, b'mod partikolari biex jagħmlu t-tibdil permess skont l-Artikoli 256(1) u 257.
• L-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom huwa wkoll bażi ġuridika meħtieġa, peress li jipprevedi li diversi dispożizzjonijiet istituzzjonali tat-TUE u t-TFUE, inklużi l-artikoli kollha msemmija hawn fuq, japplikaw ukoll għall-Komunità tal-Euratom. In-nuqqas ta' referenza għal dan l-artikolu donnu jissuġġerixxi li r-regoli ta' kompetenza tal-UE u tal-Euratom jistgħu jkunu differenti, li mhuwiex il-każ.
Għaldaqstant, il-bażijiet ġuridiċi konġunti xierqa huma l-Artikoli 256(1) tat-TFUE, li jikkonċerna l-firxa tal-kompetenza tal-Qorti Ġenerali, l-Artikolu 257 tat-TFUE, l-ewwel u t-tieni paragrafi, li jikkonċernaw il-qrati speċjalizzati u l-ħolqien, it-tibdil u l-abolizzjoni tagħhom, l-Artikolu 281 tat-TFUE, it-tieni paragrafu, li jikkonċerna l-emendar tal-istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja, u l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom, li jikkonċerna l-applikazzjoni tat-tibdil kollu msemmi hawn fuq għall-Komunità Euratom ukoll. L-Artikolu 19(2) tat-TUE m'għandux jintuża bħala bażi ġuridika peress li l-proposta attwali ma tikkonċernax in-numru ta' mħallfin fil-Qorti Ġenerali.
L-erba' bażijiet ġuridiċi għandhom jintużaw flimkien billi dawn jikkonċernaw aspetti differenti tat-tibdil. Jekk titħalla barra kwalunkwe waħda mill-bażijiet ġuridiċi mill-proposta, ir-Regolament li jirriżulta jitħalla mingħajr bażi suffiċjenti fit-Trattati.
VI - Konklużjoni u rakkomandazzjoni
Il-bażi ġuridika xierqa għall-proposta ta' hawn fuq hija kwadruppla: l-Artikolu 256(1) tat-TFUE, l-Artikolu 257 tat-TFUE, l-ewwel u t-tieni paragrafi, l-Artikolu 281 tat-TFUE, it-tieni paragrafu, u l-Artikolu 106a(1) tat-Trattat Euratom. L-Artikolu 19(2) tat-TUE mhuwiex bażi ġuridika xierqa għal din il-proposta.
Fil-laqgħa tiegħu tal-21 ta' April 2016, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali għaldaqstant iddeċieda, b'16-il vot favur, 3 kontra u astensjoni waħda[3], li jirrakkomanda li l-Kumitat għall-Affarijiet Legali u l-Plenarja għandhom għaldaqstant japprovaw l-emenda li tbiddel il-bażi ġuridika.
Dejjem tiegħek,
Pavel Svoboda
- [1] Kawża C-45/86, Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill (Preferenzi Tariffarji Ġeneralizzati) [1987] Ġabra 1439, punt 5; Kawża C-440/05,
Il-Kummissjoni vs Il-Kunsill [2007] Ġabra I-9097; Kawża C-411/06, Il-Kummissjoni vs Il-Parlament u l-Kunsill [2009] Ġabra I-7585. - [2] Ara l-Kawża C-411/06, li saret referenza għaliha aktar 'il fuq, il-punti 46-47.
- [3] Dawn li ġejjin kienu preżenti għall-votazzjoni finali: Lidia Joanna Geringer de Oedenberg (1. Viċi President), Jean-Marie Cavada (2. Viċi President), Axel Voss (3. Viċi President), Mady Delvaux (4. Viċi President), Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Angel Dzhambazki, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, Emil Radev, József Szájer, Cecilia Wikström, Josef Weidenholzer (f'isem Evelyn Regner skont l-Artikolu 200(2)).
OPINJONI tal-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali (21.4.2016)
għall-Kumitat għall-Affarijiet Legali
dwar l-abbozz ta' Regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar it-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-UE tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, it-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha
>(N8-0110/2015 – C8-0367/2015 – 2015/0906(COD))
Rapporteur għal opinjoni: Danuta Maria Hübner
ĠUSTIFIKAZZJONI QASIRA
Fit-28 ta' Marzu 2011, il-Qorti tal-Ġustizzja ppreżentat proposta dwar l-emendar tal-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-UE fuq il-bażi tal-Artikoli 254(1) u 281(2) tat-TFUE. Wara d-dħul fis-seħħ tat-Trattat ta' Lisbona, tali proposta għandha, għall-ewwel darba, tiġi adottata f'konformità mal-proċedura leġiżlattiva ordinarja.
Din il-proposta leġiżlattiva mressqa fiha proposti separati, indipendenti minn xulxin, dwar it-tliet qrati li jifformaw il-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea.
Fir-rigward tal-Qorti tal-Ġustizzja l-proposti jirrigwardaw l-iktar it-twaqqif tal-kariga ta' Viċi President tal-Qorti tal-Ġustizzja u l-emendar tar-regoli dwar il-kompożizzjoni tal-Awla Manja u l-mod kif din topera.
Parti oħra tal-proposta hija intiża biex tippermetti l-ħatra ta' Imħallfin ad interim fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku. Ġie propost, f'abbozz ta' regolament separat, li jiġi emendat l-Artikolu 62c tal-Istatut tal-Qorti sabiex tiġi prevista, b'mod ġenerali, il-possibbiltà li jiżdiedu Mħallfin ad interim mal-qrati speċjalizzati. Fid-dawl tal-proposti tal-Qorti ġew adottati żewġ regolamenti[1].
Sabiex tiġi indirizzata ż-żieda fix-xogħol (żieda ta' 65 % tal-kawżi mressqa quddiem il-Qorti Ġenerali bejn l-2000 u l-2010; fi tmiem l-2010, kien hemm 1 300 kawża pendenti, filwaqt li matul dik is-sena ġew solvuti 527 kawża), il-Qorti tal-Ġustizzja tqis li hija neċessarja, għall-finijiet ta' soluzzjoni strutturali, żieda fin-numru ta' mħallfin mill-inqas bi 12, biex b'hekk l-għadd ta' Mħallfin fil-Qorti Ġenerali jammonta għal 39.
Il-Kummissjoni u l-Parlament[2], fl-ewwel qari, aċċettaw din iż-żieda fin-numru ta' mħallfin. L-Istati Membri madankollu ma setgħux jaqblu dwar il-modalitajiet għall-ħatra ta' 12-il imħallef addizzjonali. Filwaqt li l-Istati Membri l-kbar rieduhom maħtura abbażi tal-mertu, l-Istati Membri ż-żgħar riedu sistema ta' rotazzjoni li tiggarantixxi li huma jkollhom żewġ imħallfin fil-Qorti.
F'Lulju 2014, il-Presidenza Taljana talbet lill-Qorti tal-Ġustizzja tifformula proposta għal riforma ġdida; proposta li l-President tal-Qorti tal-Ġustizzja ppreżenta fil-ħarifa tal-2014.
Il-verżjoni aġġornata tal-proposta tal-Qorti tipproponi li jiġi rduppjat in-numru ta' mħallfin tal-Qorti u li n-numru jitla' sa 56 fi tliet stadji. Fl-2015, għandhom jinħolqu tnax-il pożizzjoni ġdida għal imħallfin. Fl-2016, is-seba' mħallfin tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku se jingħaqdu mal-Qorti Ġenerali. Fl-aħħar nett, fl-2019, se jinħolqu disa' postijiet ġodda.
Huwa fuq il-bażi ta' din il-proposta ġdida li l-Parlament u l-Kunsill laħqu ftehim[3].
Il-premessa 9 tar-Regolament adottat tipprevedi li "F'Settembru 2016, [...] [i]s-seba' postijiet ta' Mħallfin fit-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea ("Tribunal għas-Servizz Pubbliku") għandhom jiġu trasferiti għall-Qorti Ġenerali [...]"
Il-proposta, li bħalissa qed tiġi kkunsidrata, għandha l-għan li timplimenta d-deċiżjoni li jiġu trasferiti seba' mħallfin tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku fil-Qorti Ġenerali meħuda fir-Regolament imsemmi hawn fuq, billi tiġi trasferita wkoll il-ġurisdizzjoni tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku għall-Qorti Ġenerali. Bħala tali, il-proposta ma tqajjem l-ebda kwistjoni partikolari u r-Rapporteur tissuġġerixxi li tiġi aċċettata mingħajr emendi.
******
Il-Kumitat għall-Affarijiet Kostituzzjonali jistieden lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali, bħala l-kumitat responsabbli, jipproponi li l-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari billi jinkorpora t-talba tal-Qorti tal-Ġustizzja mingħajr emendi.
PROĊEDURA TAL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Titolu |
It-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-UE tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, it-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha |
||||
Referenzi |
N8-0110/2015 – C8-0367/2015 – 2015/0906(COD) |
||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
JURI 26.11.2015 |
|
|
|
|
Opinjoni mogħtija minn Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFCO 26.11.2015 |
||||
Rapporteur għal opinjoni Data tal-ħatra |
Danuta Maria Hübner 3.12.2015 |
||||
Eżami fil-kumitat |
15.3.2016 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
20.4.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
19 3 1 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Mercedes Bresso, Fabio Massimo Castaldo, Kostas Chrysogonos, Richard Corbett, Esteban González Pons, Danuta Maria Hübner, Ramón Jáuregui Atondo, Constance Le Grip, Jo Leinen, Morten Messerschmidt, Maite Pagazaurtundúa Ruiz, Paulo Rangel, György Schöpflin, Pedro Silva Pereira, Barbara Spinelli, Claudia Tapardel, Josep-Maria Terricabras, Kazimierz Michał Ujazdowski |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Gerolf Annemans, David McAllister, Andrej Plenković, Cristian Dan Preda |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Axel Voss |
||||
- [1] Regolament (UE, Euratom) Nru 979/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-Imħallfin ad interim tat-Tribunal għas-Servizz Pubbliku tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 303, 31.10.2012, p. 83–84.
Regolament (UE, Euratom) Nru 741/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Awissu 2012 li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea u l-Anness I tiegħu, ĠU L 228, 23.8.2012, p. 1–3 - [2] Emendi adottati mill-Parlament Ewropew fit-12 ta' Diċembru 2013 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea billi jżid in-numru ta' Mħallfin fil-Qorti Ġenerali (02074/2011 – C7–0126/2012–2011/0901B (COD)) (1)
Riżoluzzjoni leġiżlattiva tal-Parlament Ewropew tal-15 ta' April 2014 dwar l-abbozz ta' regolament tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jemenda l-Protokoll dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea billi jżid in-numru ta' Mħallfin fil-Qorti Ġenerali (02074/2011 – C7-0126/2012 – 2011/0901B(COD)) (Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari) - [3] Regolament (UE, Euratom) 2015/2422 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Diċembru 2015 li jemenda l-Protokoll Nru 3 dwar l-Istatut tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea, ĠU L 341, 24.12.2015, p. 14–17
PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI
Titolu |
It-trasferiment lill-Qorti Ġenerali tal-UE tal-kompetenza sabiex tiddeċiedi, fl-ewwel istanza, it-tilwimiet bejn l-Unjoni u l-membri tal-persunal tagħha |
||||
Referenzi |
N8-0110/2015 – C8-0367/2015 – 2015/0906(COD) |
||||
Kumitat responsabbli Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
JURI 26.11.2015 |
|
|
|
|
Kumitati mitluba jagħtu opinjoni Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja |
AFCO 26.11.2015 |
|
|
|
|
Rapporteurs Data tal-ħatra |
Mady Delvaux 18.2.2016 |
|
|
|
|
Bażi legali kkontestata Data tal-opinjoni tal-JURI |
JURI 21.4.2016 |
|
|
|
|
Eżami fil-kumitat |
15.3.2016 |
|
|
|
|
Data tal-adozzjoni |
21.4.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
15 4 0 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Max Andersson, Joëlle Bergeron, Marie-Christine Boutonnet, Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mady Delvaux, Rosa Estaràs Ferragut, Enrico Gasbarra, Lidia Joanna Geringer de Oedenberg, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, Emil Radev, József Szájer, Axel Voss |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Angel Dzhambazki, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Cecilia Wikström |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Josef Weidenholzer |
||||
Data tat-tressiq |
2.5.2016 |
||||