Proċedura : 2015/2065(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0173/2016

Testi mressqa :

A8-0173/2016

Dibattiti :

PV 06/06/2016 - 17
CRE 06/06/2016 - 17

Votazzjonijiet :

PV 07/06/2016 - 5.13
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0250

RAPPORT     
PDF 632kWORD 203k
4.5.2016
PE 560.916v01-00 A8-0173/2016

dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

(2015/2065(INI))

Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

Rapporteur: Edward Czesak

Rapporteur għal opinjoni (*):

Mairead McGuinness, Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali

(*) Kumitati assoċjati – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (*)
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

(2015/2065(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat għar-Reġjuni tal-15 ta' Lulju 2014 bit-titolu "L-indirizzar ta' prattiki kummerċjali żleali (PKŻ) fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji" (COM(2014)0472),

–  wara li kkunsidra r-Rapport tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill dwar il-prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2016)0032),

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni tat-28 ta' Ottubru 2009 bit-titolu "Katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar" (COM(2009)0591),

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tal-31 ta' Jannar 2013 dwar "Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa" (COM(2013)0037),

–  wara li kkunsidra d-Dikjarazzjoni bil-Miktub 0088/2007 tiegħu "L-investigazzjoni u r-rimedju tal-abbuż ta' poter minn supermarkets kbar li joperaw fl-Unjoni Ewropea",

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-7 ta' Settembru 2010 dwar id-dħul ġust għall-bdiewa: katina tal-provvista alimentari fl-Ewropa li taħdem aħjar(1),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2012 dwar żbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel(2),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-12 ta' Novembru 2013 dwar il-Green Paper tal-Kummissjoni dwar "Prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista alimentari u mhux alimentari minn negozju għal negozju fl-Ewropa",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew dwar is-settur il-kbir tal-bejgħ bl-imnut – tendenzi u impatti fuq il-bdiewa u l-konsumaturi(3),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Jannar 2016 dwar ir-rapport annwali dwar il-Politika tal-Kompetizzjoni tal-UE(4), b'mod partikolari l-paragrafu 104 tagħha,

–  wara li kkunsidra d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-30 ta' Lulju 2010 li tistabbilixxi l-Forum ta' Livell Għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel(5),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Lulju 2011 dwar suq tal-konsumaturi aktar effiċjenti u aktar ġust(6),

–  wara li kkunsidra l-istudju "Monitoring the implementation of principles of good practice in vertical relationships in the food supply chain", li sar minn Areté srl għall-Kummissjoni (Jannar 2016),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-11 ta' Diċembru 2013 dwar il-Pjan ta' Azzjoni Ewropew għas-Settur tal-Konsumaturi għall-benefiċċju tal-atturi kollha(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2006/114/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-12 ta' Diċembru 2006 dwar reklamar qarrieqi u komparattiv(8),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/7/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' Frar 2011 dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali(9),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar prattiċi kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern(10),

–  wara li kkunsidra l-"Groceries Code Adjudicator Investigation into Tesco plc" tar-Renju Unit ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE dwar klawżoli inġusti f'kuntratti mal-konsumatur(11),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 261/2012 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-14 ta' Marzu 2012 li jemenda r-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1234/2007 fir-rigward tar-relazzjonijiet kuntrattwali fis-settur tal-ħalib u tal-prodotti tal-ħalib(12),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' progress dwar l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista ta' Lulju 2015,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-2012 minn Consumers International bit-titolu "The relationship between supermarkets and suppliers: what are the implications for consumers?",

–  wara li kkunsidra l-qafas universali għall-Valutazzjoni tas-Sostenibbiltà ta' sistemi tal-Ikel u l-Agrikoltura (SAFA) żviluppat mill-FAO,

–  wara li kkunsidra s-sitwazzjoni estremament kritika li qed jiffaċċjaw il-bdiewa u l-kooperattivi agrikoli, b'mod speċjali fis-setturi tal-prodotti tal-ħalib, il-laħam tal-majjal, iċ-ċanga, il-frott u l-ħaxix u ċ-ċereali,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0173/2016),

A.  billi l-prattiki kummerċjali inġusti (UTPs) huma problema serja, li sseħħ f'bosta setturi tal-ekonomija; billi r-rapport tal-Kummissjoni tad-29 ta' Jannar 2016 dwar il-prattiki kummerċjali żleali fil-katina ta' provvista alimentari bejn in-negozji (COM(2016)0032) jikkonferma li dawk il-prattiki jistgħu jseħħu f'kull stadju tal-katina tal-provvista tal-ikel; billi l-problema hija partikolarment evidenti fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'effetti negattivi fuq l-iktar ħolqa dgħajfa tal-katina; billi l-problema hija kkonfermata mill-entitajiet kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel u minn ħafna awtoritajiet nazzjonali tal-kompetizzjoni; billi l-Kummissjoni, il-Parlament u l-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew ripetutament ġibdu l-attenzjoni dwar il-problema tal-UTPs;

B.  billi huwa diffiċli li "inġustizzja" fil-katina tal-provvista tal-ikel tiġi tradotta fi ksur tad-dritt tal-kompetizzjoni attwali, peress li l-għodod eżistenti huma effikaċi biss fuq xi forom ta' mġiba antikompetittiva;

C.  filwaqt li jitqiesu d-daqs u l-importanza strateġika tal-katina tal-provvista tal-ikel għall-Unjoni Ewropea; billi s-settur jimpjega 'l fuq minn 47 miljun ruħ fl-UE u jirrappreżenta madwar 7 % tal-valur miżjud gross fil-livell tal-UE, u billi l-valur totali tas-suq tal-UE għal prodotti marbuta mal-kummerċ tal-ikel bl-imnut huwa stmat li huwa ta' EUR 1.05 biljun; billi s-settur tas-servizzi bl-imnut jirrappreżenta 4.3 % tal-PDG tal-UE u 17 % tal-SMEs tal-UE(13); billi 99.1 % tal-kumpaniji fis-settur tal-ikel u tax-xorb huma SMEs u mikrointrapriżi;

D.  billi s-suq uniku ġab benefiċċji kbar għall-operaturi fil-katina tal-provvista tal-ikel, u l-kummerċ tal-ikel għandu dimensjoni transfruntiera dejjem aktar sinifikanti u huwa ta' importanza partikolari għall-funzjonament tas-suq intern; billi l-kummerċ transfruntier bejn l-Istati Membri tal-UE jirrappreżenta 20 % tal-produzzjoni totali ta' ikel u xorb tal-UE; billi 70 % tal-esportazzjonijiet tal-ikel tal-Istati Membri kollha huma lejn Stati Membri oħra;

E.  billi f'dawn l-aħħar snin saru bidliet strutturali sinifikanti fil-katina tal-provvista tal-ikel minn negozju għal negozju (B2B), li jinvolvu livell għoli ta' konċentrazzjoni u integrazzjoni vertikali u transfruntiera ta' entitajiet li joperaw fis-settur tal-produzzjoni, u b'mod speċjali fis-setturi tal-ipproċessar u l-bejgħ bl-imnut, kif ukoll iktar 'il fuq fis-settur tal-produzzjoni;

F.  billi l-entitajiet involuti fil-katina tal-provvista tal-prodotti tal-ikel irrappurtaw UTPs li prinċipalment jikkonsistu minn:

– dewmien fil-pagamenti;

– aċċess ristrett għas-suq;

– bidliet unilaterali jew retroattivi fit-termini kuntrattwali;

– nuqqas li jipprovdu jew informazzjoni dettaljata biżżejjed jew informazzjoni fformulata b'mod mhux ambigwu dwar termini kuntrattwali;

– rifjut li jikkonkludu kuntratt bil-miktub;

– kanċellazzjoni ħabta u sabta u mhux ġustifikata ta' kuntratt;

– trasferiment inġust tar-riskju kummerċjali;

– talba ta' pagament għal oġġetti jew servizzi li ma huma ta' ebda valur għal parti kontraenti waħda;

– imposti għal servizzi fittizji;

– trasferiment tal-ispejjeż tat-trasport u tal-ħażna fuq il-fornituri;

– involviment sfurzat fi promozzjonijiet, impożizzjoni ta' ħlas biex il-prodotti jitqiegħdu f'pożizzjonijiet prominenti fil-ħwienet u tariffi addizzjonali oħra;

– trasferiment lill-fornituri tal-ispejjeż tal-promozzjoni ta' oġġetti f'żoni ta' bejgħ;

– impożizzjoni ta' ritorn inkundizzjonat ta' merkanzija mhux mibjugħa;

– pressjoni biex jitnaqqsu l-prezzijiet;

– is-sħab kummerċjali ma jitħallewx jagħmlu akkwisti minn Stati Membri oħra (limitazzjonijiet fuq il-provvista territorjali);

G.  billi, peress li huwa impossibbli li proċess ta' produzzjoni agrikola jitwaqqaf ladarba jkun beda, u peress li l-prodotti derivati minnhom jitħassru malajr, il-bdiewa huma partikolarment suxxettibbli għall-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel;

H.  billi xi drabi l-produtturi jaħdmu bit-telf wara negozjati ma' atturi oħra fil-katina tal-provvista tal-ikel li jqegħduhom fi żvantaġġ, pereżempju permezz ta' tnaqqis fil-prezzijiet u skontijiet fis-supermarkets;

I.  billi l-UTPs iseħħu fejn hemm inugwaljanzi fir-relazzjonijiet kummerċjali bejn sħab fil-katina tal-provvista tal-ikel, li jirriżultaw minn disparitajiet fis-setgħa ta' negozjar fir-relazzjonijiet kummerċjali, li huma r-riżultat tal-konċentrazzjoni li qed tikber tas-setgħa tas-suq bejn għadd żgħir ta' gruppi multinazzjonali, u billi dawn id-disparitajiet għandhom it-tendenza li jagħmlu ħsara lill-produtturi żgħar u medji;

J.  billi l-UTPs jista' jkollhom konsegwenzi dannużi għall-entitajiet individwali fil-katina tal-provvista tal-ikel, b'mod partikolari fil-każ tal-bdiewa u l-SMEs, li mbagħad jista' jkollhom impatt fuq l-ekonomija kollha tal-UE, kif ukoll fuq il-konsumaturi finali billi jillimitaw l-għażla ta' prodotti u l-aċċess tagħhom għal oġġetti ġodda u innovattivi; billi l-UTPs jista' jkollhom impatt fuq in-negozjati dwar il-prezzijiet bejn l-intrapriżi, jistgħu jiskoraġġixxu l-kummerċ transfruntier fl-UE u jxekklu l-funzjonament xieraq tas-suq intern; billi, b'mod partikolari, il-prattiki inġusti jistgħu jwasslu biex l-intrapriżi jnaqqsu l-investiment u l-innovazzjoni, anke fl-oqsma tal-ħarsien tal-ambjent, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benesseri tal-annimali, minħabba tnaqqis fl-introjtu u nuqqas ta' ċertezza, u dan jista' jwassalhom biex jabbandunaw attivitajiet ta' produzzjoni, ipproċessar jew kummerċ;

K.  billi l-UTPs huma ostaklu għall-iżvilupp u l-funzjonament bla xkiel tas-suq intern, u jistgħu jfixklu serjament il-funzjonament xieraq tas-suq;

L.  billi l-UTPs jistgħu jirriżultaw fi spejjeż eċċessivi, jew fi dħul inqas milli mistenni għal negozji b'setgħa ta' negozjar aktar dgħajfa, kif ukoll fi produzzjoni żejda u ħela ta' ikel;

M.  billi l-konsumaturi potenzjalment jiffaċċjaw tnaqqis fid-diversità tal-prodotti, fil-wirt kulturali u fil-ħwienet li jbigħu bl-imnut b'riżultat tal-UTPs;

N.  billi l-SMEs u l-mikrointrapriżi, li jikkostitwixxu aktar minn 90 % tal-ekonomija Ewropea, huma partikolarment vulnerabbli għall-UTPs, u huma affettwati aktar mill-intrapriżi kbar bl-impatt tal-UTPs, u dan jagħmilha aktar diffiċli għalihom li jissopravivu fis-suq, li jagħmlu investimenti ġodda fi prodotti u f'teknoloġija u li jwettqu innovazzjonijiet, u jagħmilha aktar diffiċli għall-SMEs li jespandu l-attivitajiet tagħhom, anke bejn il-fruntieri fi ħdan is-suq uniku; billi l-SMEs huma skoraġġiti milli jinvolvu ruħhom f'relazzjonijiet kummerċjali minħabba r-riskju li jiġu imposti fuqhom UTPs;

O.  billi l-UTPs ma jseħħux biss fil-katina tal-provvista tal-ikel, imma jseħħu daqstant spiss fil-katini tal-provvista mhux tal-ikel bħal dawk tal-industrija tal-ilbies u l-industrija tal-karozzi;

P.  billi ħafna Stati Membri introduċew diversi modi biex jiġġieldu l-UTPs, f'xi każijiet permezz ta' skemi volontarji u awtoregolatorji u f'oħrajn permezz ta' regolamenti nazzjonali rilevanti; billi dan wassal għal livell għoli ta' diverġenza u diversifikazzjoni bejn il-pajjiżi f'termini tal-livell, in-natura u l-forma tal-protezzjoni ġuridika; billi xi pajjiżi ma ħadu l-ebda azzjoni f'dan il-qasam;

Q.  billi xi Stati Membri li inizjalment kienu ħadu passi rigward il-UTPs permezz ta' approċċi volontarji, sussegwentement iddeċidew li jindirizzaw dawn il-prattiki permezz ta' leġiżlazzjoni;

R.  billi l-UTPs huma koperti parzjalment biss mid-dritt tal-kompetizzjoni;

S.  billi d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni għandu jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn għażla wiesgħa ta' prodotti ta' kwalità bi prezzijiet kompetittivi, filwaqt li jiżgura li l-kumpaniji jkollhom inċentiv biex jinvestu u jinnovaw billi jingħataw possibbiltà xierqa li jippromwovu l-vantaġġi tal-prodotti tagħhom mingħajr ma jiġu esklużi bla bżonn mis-suq minħabba UTPs;

T.  billi d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni għandu jippermetti lill-konsumatur finali jixtri oġġetti bi prezz kompetittiv, iżda għandu jiżgura wkoll kompetizzjoni ħielsa u ġusta bejn il-kumpaniji, b'mod partikolari biex jiġu mħeġġa jinnovaw;

U.  billi l-"fattur tal-biża'" jeżisti fir-relazzjonijiet kummerċjali, fejn il-parti aktar dgħajfa ma tkunx tista' tagħmel użu effettiv mid-drittijiet tagħha u ma tkunx trid tressaq ilment dwar il-UTPs imposti mill-parti aktar b'saħħitha, minħabba l-biża' li tikkomprometti r-relazzjoni kummerċjali tagħhom;

V.  billi l-prestazzjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel taffettwa l-ħajja ta' kuljum taċ-ċittadini tal-UE, minħabba li kważi 14 % tan-nefqa domestika tagħhom tintefaq fuq l-ikel;

W.  billi ħafna atturi joperaw fil-katina tal-provvista tal-ikel, inklużi l-manifatturi, il-bejjiegħa bl-imnut, l-intermedjarji u l-produtturi, u l-UTPs jistgħu jseħħu f'livelli differenti tal-katina;

X.  billi l-"fattur tal-biża'" jfisser li fornituri żgħar ma jkunux jistgħu jużaw b'mod effikaċi d-dritt tagħhom, jekk jinħoloq, li jmorru l-qorti, u li mekkaniżmi oħra, irħas u aċċessibbli, bħall-medjazzjoni minn awtorità indipendenti, jaqdu aħjar l-interessi tagħhom;

Y.  billi l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (SCI) għandha limitazzjonijiet kbar – pereżempju m'hemmx penali għan-nonkonformità u m'hemmx il-possibbiltà li jitressqu lmenti kunfidenzjali – li jfisser li ma tistax tintuża bħala għodda effikaċi biex jiġu miġġielda l-UTPs;

1.  Jilqa' l-passi meħuda sal-lum mill-Kummissjoni biex tiġġieled il-UTPs bil-ħsieb li jiġi żgurat suq aktar bilanċjat u li tingħeleb is-sitwazzjoni frammentata attwali li tirriżulta mill-approċċi nazzjonali differenti biex jiġu indirizzati l-UTPs fl-UE, iżda jirrimarka li dawn il-passi mhumiex biżżejjed biex jiġu miġġielda l-UTPs; jilqa' r-rapport tal-Kummissjoni msemmi hawn fuq tad-29 ta' Jannar 2016, kif ukoll l-istudju li jakkumpanjah tant mistenni dwar il-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-prinċipji ta' prattika tajba f'relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista tal-ikel, iżda jinnota l-konklużjonijiet tiegħu, li ma jwittux it-triq għal qafas fil-livell tal-UE biex jiġu indirizzati l-prattiki kummerċjali inġusti fil-livell tal-UE;

2.  Jilqa' l-azzjoni li ħa l-Forum ta' Livell Għoli dwar it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista tal-ikel u l-istabbiliment tal-pjattaforma ta' esperti dwar prattiki B2B, li fasslet lista, deskrizzjoni u valutazzjoni ta' prattiki kummerċjali li jistgħu jitqiesu bħala inġusti għall-aħħar;

3.  Jirrikonoxxi l-istabbiliment u l-iżvilupp tal-SCI, li għandha rwol importanti fil-promozzjoni ta' bidla kulturali u fit-titjib tal-etika kummerċjali, u li rriżultat fl-adozzjoni ta' sett ta' prinċipji ta' prattika tajba għal relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista tal-ikel u qafas volontarju għall-implimentazzjoni ta' dawk il-prinċipji li fit-tieni sena biss tal-operat tiegħu diġà jinkludi aktar minn elf kumpanija parteċipanti minn madwar l-UE kollha, bil-maġġoranza jkunu SMEs; jilqa' l-progress li sar sal-lum, u jemmen li l-isforzi biex jiġu promossi prattiki kummerċjali ġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel għandu jkollhom impatt reali iżda attwalment ma jistgħux jitqiesu suffiċjenti biex tiġi indirizzata l-problema tal-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel; jenfasizza, madankollu, li l-effikaċja tal-SCI, kif rikonoxxuta kemm mir-rapport reċenti tal-Kummissjoni kif ukoll mill-evalwazzjoni esterna, hija mxekkla minn firxa wiesgħa ta' nuqqasijiet, bħal dgħufijiet fil-governanza, limitazzjonijiet fit-trasparenza, l-ebda miżura ta' infurzar jew penali, nuqqas ta' deterrenti effikaċi kontra l-UTPs, u l-fatt li ma jistgħux isiru lmenti anonimi individwali minn vittmi potenzjali ta' UTPs jew investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja minn korp indipendenti, li konsegwentement iwassal għal sottorappreżentanza tal-SMEs u l-bdiewa, b'mod partikolari, li jistgħu jqisu l-SCI inadegwata għall-iskop tagħha; jirrakkomanda l-istabbiliment ta' inizjattivi tal-katina tal-provvista simili f'setturi oħra rilevanti mhux tal-ikel;

4.  Jiddispjaċih, madankollu, li wħud mill-possibbiltajiet ta' soluzzjoni ta' tilwim mill-SCI għadhom ma ntużawx fil-prattika, u dan ifisser li l-valutazzjoni tal-effikaċja tagħhom hija bbażata fuq ġudizzji teoretiċi; huwa mħasseb li ma ġie eżaminat l-ebda każ konkret biex jiġi vvalutat ir-rwol tal-SCI fl-indirizzar tal-UTPs, u li ma saritx analiżi aktar dettaljata fir-rigward tal-ġbir ta' data dwar l-ilmenti riċevuti u solvuti; jemmen li n-nuqqas li ssir tali valutazzjoni fil-fond jikkomprometti l-ġudizzju globali tal-inizjattiva; huwa diżappuntat bid-dikjarazzjoni, kif rikonoxxuta mill-istudju Areté msemmi hawn fuq li jevalwa l-effikaċja tal-SCI, li "l-kisbiet attwali tal-SCI jistgħu jidhru modesti ħafna jekk imqabbla mal-portata u l-gravità attwali jew perċepiti tal-kwisjtoni tal-UTPs";

5.  Jinnota l-istabbiliment ta' pjattaformi nazzjonali ta' SCIs ta' organizzazzjonijiet u negozji fil-katina tal-provvista tal-ikel biex jinkoraġġixxu d-djalogu bejn il-partijiet, jippromwovu l-introduzzjoni u l-iskambju ta' prattiki kummerċjali ġusti u jippruvaw iġibu fi tmiemhom il-UTPs, iżda jiddubita kemm huma verament effikaċi; madankollu, jirrimarka li xi pjattaformi nazzjonali ma żammewx ma' dawn l-objettivi u li, bħal fil-każ tal-Finlandja, il-bdiewa abbandunaw il-pjattaforma; jipproponi li l-Istati Membri jiġu mħeġġa u jingħataw inċentivi biex jieħdu azzjoni ulterjuri, bl-użu ta' strumenti sostenibbli, rigward kwalunkwe lment jew nuqqas ta' konformità rrapportati minn dawn il-pjattaformi nazzjonali;

6.  Huwa tal-fehma li l-prinċipji ta' prattika tajba u l-lista ta' eżempji ta' prattiki ġusti u inġusti f'relazzjonijiet vertikali fil-katina tal-provvista tal-ikel għandhom jitwessgħu u jiġu infurzati b'mod effikaċi;

7.  Jilqa' l-istudju li għaddej bħalissa tal-Kummissjoni dwar l-għażla u l-innovazzjoni fis-settur tal-bejgħ bl-imnut; jemmen li dan l-eżerċizzju jkun strumentali biex jiċċara l-evoluzzjoni u l-fatturi li taw spinta lejn l-għażla u l-innovazzjoni fil-livell tas-suq ġenerali;

8.  Jilqa' l-iżvilupp ta' mekkaniżmi alternattivi u informali għas-soluzzjoni tat-tilwim u għar-rimedju, b'mod partikolari permezz ta' medjazzjoni u arranġamenti bonarji;

9.  Jinnota li fejn jeżistu l-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel, dawn huma kuntrarji għall-prinċipji bażiċi tal-liġi;

10.  Jikkundanna prattiki li jisfruttaw żbilanċi fis-setgħa tan-negozjar bejn l-operaturi ekonomiċi u li jkollhom effett negattiv fuq il-libertà kuntrattwali;

11.  Jinnota li l-UTPs, meta imposti minn partijiet f'pożizzjoni ta' negozjar aktar b'saħħitha, għandhom impatt negattiv fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel, fosthom fuq l-impjiegi, għad-detriment tal-għażla tal-konsumatur u tal-kwalità, il-varjetà u n-natura innovattiva tal-prodotti disponibbli; jenfasizza li l-UTPs jistgħu jxekklu l-kompetittività u l-investiment kummerċjali, u jġiegħlu lill-kumpaniji jiffrankaw l-ispejjeż askapitu tas-salarji, tal-kundizzjonijiet tax-xogħol jew tal-kwalità tal-materja prima;

12.  Jafferma mill-ġdid li l-kompetizzjoni libera u ġusta, relazzjonijiet bilanċjati bejn l-atturi kollha, il-libertà kuntrattwali u l-infurzar b'saħħtu u effikaċi tal-leġiżlazzjoni rilevanti – li permezz tagħhom jistgħu jiġu protetti l-atturi ekonomiċi kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel, irrispettivament mill-pożizzjoni ġeografika – huma ta' importanza essenzjali biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tal-katina tal-provvista tal-ikel u biex tiġi ggarantita s-sigurtà tal-ikel;

13.  Jinnota l-ħtieġa li tinbena fiduċja reċiproka bejn is-sħab fil-katina tal-provvista, abbażi tal-prinċipji tal-libertà kuntrattwali u relazzjoni ta' benefiċċju reċiproku; jenfasizza r-responsabbiltà soċjali korporattiva tal-parti kontraenti l-aktar b'saħħitha biex tillimita l-vantaġġ tagħha matul in-negozjati u biex taħdem mal-parti l-iżjed dgħajfa lejn soluzzjoni li tkun pożittiva għaż-żewġ partijiet;

14.  Jilqa' r-rikonoxximent tal-Kummissjoni, fil-Green Paper tagħha tal-31 ta' Jannar 2013, li m'hemmx libertà kuntrattwali vera meta hemm inugwaljanza ċara bejn il-partijiet;

15.  Jirrikonoxxi li l-UTPs jirriżultaw primarjament minn żbilanċi fl-introjtu u l-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel, u jenfasizza li dawn iridu jiġu indirizzati b'mod urġenti sabex tittejjeb is-sitwazzjoni għall-bdiewa fis-settur tal-ikel; jinnota li l-bejgħ bi prezz iktar baxx mill-kost tal-produzzjoni, u l-abbuż gravi tal-użu ta' prodotti tal-ikel agrikoli bażiċi bħalma huma l-ħalib, il-frott u l-ħaxix bħala "loss leaders" mill-bejjiegħa bl-imnut kbar, jheddu s-sostenibbiltà fit-tul tal-produzzjoni tal-UE ta' tali oġġetti; jilqa' l-isforzi, bħalma hi l-Inizjattiva Tierwohl fil-Ġermanja, li għandhom l-għan li jgħinu lill-bdiewa jikkompetu abbażi tal-merti tal-prodotti tagħhom;

16.  Jirrimarka li l-UTPs għandhom konsegwenzi negattivi serji għall-bdiewa, bħalma huma profitti aktar baxxi, spejjeż aktar għolja milli jkunu ġew stmati, produzzjoni żejda tal-ikel u ħela tal-ikel, u diffikultajiet ta' ppjanar finanzjarju; jenfasizza li tali konsegwenzi negattivi fl-aħħar mill-aħħar inaqqsu l-għażla tal-konsumatur;

17.  Għandu dubji dwar l-appoġġ mingħajr riżervi espress fir-rapport tal-Kummissjoni għall-SCI, minħabba l-limitazzjonijiet tagħha; itenni li l-bdiewa qed joqogħdu lura milli jipparteċipaw minħabba n-nuqqas ta' fiduċja, ir-restrizzjonijiet fuq l-ilmenti anonimi, in-nuqqas ta' setgħa statutorja, l-inabbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet sinifikanti, in-nuqqas ta' mekkaniżmi adegwati biex jiġu miġġielda l-UTPs dokumentati sew u t-tħassib dwar l-iżbilanċi fin-natura tal-mekkaniżmi ta' infurzar li ma ġewx ikkunsidrati b'mod adegwat; jiddispjaċih li l-Kummissjoni qed toqgħod lura milli tiżgura anonimità u sanzjonijiet xierqa;

18.  Jemmen li l-SCI u sistemi volontarji oħra nazzjonali u tal-UE (kodiċijiet ta' prattika tajba, mekkaniżmi volontarji ta' soluzzjoni tat-tilwim) għandhom jiġu żviluppati u promossi aktar flimkien ma' mekkaniżmi ta' infurzar effikaċi u robusti fil-livell tal-Istati Membri, filwaqt li jkun żgurat li l-ilmenti jistgħu jitressqu b'mod anonimu u li jiġu stabbiliti penali dissważivi, flimkien ma' koordinazzjoni fil-livell tal-UE; jinkoraġġixxi lill-produtturi u lill-kummerċjanti, inklużi l-organizzazzjonijiet tal-bdiewa, jinvolvu ruħhom f'inizjattivi bħal dawn; huwa tal-fehma li dawn l-inizjattivi għandhom ikunu disponibbli għall-fornituri kollha li mhumiex preokkupati dwar l-anonimità tagħhom, u li jistgħu jevolvu b'mod utli bħala pjattaformi għall-edukazzjoni u l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki; jinnota li l-Kummissjoni tiddikjara, fir-rapport riċenti tagħha, li jeħtieġ li l-SCI tittejjeb, b'mod partikolari biex tqis l-ilmenti kunfidenzjali u fir-rigward tal-għoti ta' setgħat investigattivi u ta' sanzjonar lil korpi indipendenti;

19.  Jitlob lill-Kummissjoni tieħu passi biex tiżgura mekkaniżmi effikaċi ta' infurzar, bħalma huma l-iżvilupp u l-koordinazzjoni ta' netwerk ta' awtoritajiet nazzjonali rikonoxxuti b'mod reċiproku fil-livell tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-"Groceries Code Adjudicator" tar-Renju Unit bħala mudell possibbli li għandu jiġi segwit fil-livell tal-UE, li jista' joħloq deterrent reali kontra l-UTPs u jgħin biex jiġi eliminat il-"fattur tal-biża'";

20.  Jilqa' l-pass reċenti meħud mill-SCI li jippermetti lill-SMEs u lill-mikrointrapriżi jingħaqdu taħt proċedura simplifikata; jinnota li n-numru ta' SMEs reġistrati żdied; jirrimarka, madankollu, li jeħtieġ li l-SCI tissaħħaħ aktar permezz ta' għadd ta' azzjonijiet, identifikati mill-Kummissjoni fir-rapport tagħha tad-29 ta' Jannar 2016, li fir-rigward tagħhom il-progress għandu jkun immonitorjat mill-Kummissjoni bil-ħsieb li

- jiżdiedu l-isforzi biex jiġi reklamat u jittejjeb l-għarfien tal-SCI, speċjalment fost l-SMEs;

- tiġi żgurata l-imparzjalità tal-istruttura ta' governanza, eż. billi jinħatar president indipendenti li ma jkunx affiljat ma' gruppi speċifiċi ta' partijiet ikkonċernati;

- l-allegati vittmi tal-UTPs jitħallew jilmentaw b'mod kunfidenzjali;

- jissaħħu l-proċeduri interni biex jiġi verifikat li l-operaturi individwali jikkonformaw mal-impenji proċedurali tagħhom u biex jiġu mmonitorjati l-okkorrenza u l-eżitu ta' tilwim bilaterali b'mod kunfidenzjali;

21.  Jinnota l-osservazzjoni tal-Kummissjoni li r-rappreżentanti tal-bdiewa ddeċidew li ma jingħaqdux mal-SCI għaliex, fil-fehma tagħhom, ma tiżgurax kunfidenzjalità suffiċjenti għall-ilmentaturi u hija nieqsa mis-setgħat statutorji għal investigazzjonijiet indipendenti u sanzjonijiet sinifikanti, kif ukoll minn mekkaniżmi biex jiġu miġġielda l-UTPs dokumentati sew, kif ukoll għaliex il-preokkupazzjonijiet tagħhom dwar l-iżbilanċi fin-natura tal-mekkaniżmi tal-infurzar ma tqisux b'mod xieraq; jemmen li l-parteċipazzjoni tal-bdiewa hija kruċjali, u li tnaqqis fil-parteċipazzjoni ma tirriflettix nuqqas ta' għarfien, iżda pjuttost nuqqas ta' fiduċja fil-proċeduri u l-governanza kurrenti tal-SCI; għalhekk, jipproponi li t-titjib fil-funzjonament tal-SCI, inter alia, permezz ta' governanza indipendenti, kunfidenzjalità u anonimità, u infurzar u deterrenti effikaċi, jista', bħala l-ewwel pass, iżid l-interess u l-appoġġ tal-bdiewa, u, għaldaqstant, il-parteċipazzjoni tagħhom;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw u jinkoraġġixxu lill-produtturi jissieħbu ma' organizzazzjonijiet tal-produtturi (POs) u ma' assoċjazzjonijiet ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi (APOs) sabiex iżidu s-saħħa tan-negozjar u l-pożizzjoni tagħhom fil-katina tal-provvista tal-ikel;

23.  Jirrikonoxxi, madankollu, li miżuri volontarji u skemi awtoregolatorji jistgħu joffru mezz kosteffikaċi biex tiġi żgurata l-imġiba ġusta fis-suq, tinstab soluzzjoni għat-tilwim u jintemmu l-UTPs, jekk ikunu akkumpanjati minn mekkaniżmi ta' infurzar indipendenti u effikaċi; jissottolinja, madankollu, li sal-lum tali skemi wrew riżultati limitati minħabba nuqqas ta' infurzar xieraq, sottorappreżentanza tal-bdiewa, strutturi ta' governanza imparzjali, kunflitti ta' interess bejn il-partijiet ikkonċernati, mekkaniżmi għas-soluzzjoni tat-tilwim li ma jirnexxilhomx jirriflettu l-"fattur tal-biża'" tal-fornituri u l-fatt li ma japplikawx għall-katina tal-provvista kollha; jistieden lill-Kummissjoni tkompli tappoġġja l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;

24.  Jinnota li diġà hemm fis-seħħ leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu miġġielda l-prattiki kummerċjali inġusti min-negozju għall-konsumatur (id-Direttiva 2005/29/KE), iżda jirrimarka li m'hemm l-ebda leġiżlazzjoni tal-UE biex jiġu miġġielda l-prattiki inġusti bejn operaturi differenti fil-katina agroalimentari;

25.  Jirrimarka li kwalunkwe analiżi serja tal-UTPs trid tibda mill-paradigma ekonomika ġdida li żviluppat f'dawn l-aħħar snin: il-bejgħ bl-imnut fuq skala kbira li fih l-aċċess għall-ħwienet sar soġġett għal kompetizzjoni ħarxa taħt il-kontroll tas-supermarkets; jirrimarka li xi awtoritajiet tal-kompetizzjoni identifikaw prattiki speċifiċi li jinvolvu t-trasferiment ta' riskju eċċessiv għall-fornituri, u dan jista' jagħmilhom anqas kompetittivi; jirrimarka li dawk l-awtoritajiet ikkonkludew ukoll li l-marki proprji jintroduċu element ta' kompetizzjoni orizzontali vis-à-vis l-marki industrijali li ma ngħatax biżżejjed kunsiderazzjoni;

26.  Jenfasizza li l-azzjoni biex jiġu miġġielda l-UTPs tgħin biex jiġi żgurat il-funzjonament xieraq tas-suq intern u biex jiġi żviluppat il-kummerċ transfruntier fl-UE u ma' pajjiżi terzi; jirrimarka li n-natura frammentata tas-swieq, u disparitajiet bejn il-liġijiet nazzjonali dwar il-UTPs, jesponu lill-operaturi tal-katina tal-provvista għal firxa ta' kundizzjonijiet tas-suq differenti u tista' twassal għall-prattika magħrufa bħala "għażla opportunistika tal-ġurisdizzjoni (forum shopping)", li, konsegwentement, tista' twassal għal inċertezza regolatorja;

27.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw b'mod sħiħ u konsistenti d-dritt tal-kompetizzjoni, ir-regoli dwar il-kompetizzjoni inġusta u r-regoli antitrust, u, b'mod partikolari, jimponu penali ħorox għall-abbuż ta' pożizzjoni dominanti fil-katina tal-provvista tal-ikel;

28.  Iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-agrikoltura u jwassal għall-benesseri tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, li għandhom rwol importanti fil-katina tal-provvista; jemmen li d-dritt tal-kompetizzjoni tal-UE jrid joħloq il-kundizzjonijiet għal suq iktar effiċjenti li jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta' prodotti ta' kwalità bi prezzijiet kompetittivi, filwaqt li jiżgura li l-produtturi primarji jkollhom inċentiv biex jinvestu u jinnovaw mingħajr ma jiġu mġiegħla joħorġu mis-suq minn UTPs;

29.  Jirrimarka li filwaqt li prodotti privati ttikkettati ta' marka proprja jistgħu jġibu valur miżjud, għażla u prodotti "fair trade" lill-konsumaturi, jirrappreżentaw ukoll kwistjoni strateġika fuq perjodu medju u twil ta' żmien, billi jintroduċu dimensjoni orizzontali għall-kompetizzjoni fir-rigward tal-marki industrijali li qabel qatt ma kienu fattur u li jistgħu jagħtu pożizzjoni inġusta u antikompetittiva lill-bejjiegħa bl-imnut, li jsiru kemm il-klijent kif ukoll il-kompetitur; jiġbed l-attenzjoni dwar l-eżistenza ta' "soll ta' riskju" li lil hinn minnu l-penetrazzjoni fis-suq ta' marki proprji f'ċerta kategorija ta' prodott tista' tbiddel l-effetti pożittivi kurrenti ta' marki proprji f'effetti negattivi, u tipprovdi diżinċentiv fir-rigward tal-isforzi innovattivi ta' ħafna kumpaniji; jinsisti, għalhekk, li l-kwistjoni tal-marki proprji privati teħtieġ attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, b'mod partikolari fir-rigward tal-ħtieġa li jiġu vvalutati l-konsegwenzi potenzjali fit-tul għall-katina tal-provvista u l-pożizzjoni tal-bdiewa fi ħdanha, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu li d-drawwiet tal-konsumatur fl-Istati Membri jvarjaw;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jinfurzaw bis-sħiħ u b'mod konsistenti d-Direttiva 2011/7/UE dwar il-ġlieda kontra l-ħlas tard fi transazzjonijiet kummerċjali, sabiex il-kredituri jitħallsu fi żmien 60 jum min-negozji, jew inkella jiffaċċjaw ħlasijiet ta' mgħax u l-ħlas tal-ispejjeż tal-irkupru raġonevoli tal-kreditur;

31.  Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposta, jew proposti, għal qafas fil-livell tal-UE li jistabbilixxi prinċipji ġenerali u jieħu kont xieraq taċ-ċirkostanzi nazzjonali u l-aħjar prattiki biex jiġu trattati l-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel kollha sabiex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fl-Istati Membri kollha li jippermettu li s-swieq joperaw kif suppost u li jinżammu relazzjonijiet ġusti u trasparenti bejn il-produtturi, il-fornituri u d-distributuri tal-ikel;

32.  Jemmen bis-sħiħ li d-definizzjoni ta' UTPs deskritta mill-Kummissjoni u l-partijiet ikkonċernati rilevanti fid-dokument "Vertical relationships in the Food Supply Chain: Principles of Good Practice", bid-data tad-29 ta' Novembru 2011(14), għandha titqies, flimkien ma' lista miftuħa ta' UTPs, meta titressaq proposta għal qafas fil-livell tal-UE;

33.  Barra minn hekk, jissuġġerixxi li l-anonimità u l-kunfidenzjalità jiġu inkorporati fi kwalunkwe inizjattiva leġiżlattiva futura f'dan il-qasam;

34.  Iqis li l-Istati Membri, meta ma jkunx diġà l-każ, għandhom jistabbilixxu jew jirrikonoxxu aġenziji pubbliċi jew korpi dedikati bħal awtorità, fil-livell nazzjonali b'responsabbiltà għall-infurzar ta' azzjoni biex jiġu miġġielda prattiki inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel; huwa tal-fehma li aġenziji pubbliċi ta' dan it-tip jistgħu jiffaċilitaw l-infurzar, pereżempju billi jingħataw is-setgħa li jiftħu u jwettqu investigazzjonijiet fuq inizjattiva proprja u abbażi ta' informazzjoni informali jew ta' lmenti trattati fuq bażi kunfidenzjali (u b'hekk jingħeleb il-"fattur tal-biża'"), u jistgħu jaġixxu bħala medjatur bejn il-partijiet involuti; jenfasizza l-ħtieġa ta' rikonoxximent reċiproku u kooperazzjoni effikaċi fil-livell tal-UE bejn l-awtoritajiet nazzjonali sabiex tiġi żgurata l-kondiviżjoni ta' informazzjoni rilevanti, b'mod partikolari dwar l-aħjar prattika, u l-għarfien espert rigward forom ġodda ta' UTPs, b'rispett sħiħ għall-prinċipju ta' sussidjarjetà;

35.  Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lil partijiet ikkonċernati rilevanti oħra biex, b'segwitu għar-rapport tal-Kummissjoni, jiffaċilitaw l-inkorporazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa (inklużi l-POs u l-APOs) fl-ambitu tal-korpi nazzjonali tal-infurzar li jirregolaw il-katina tal-provvista tal-ikel, primarjament billi jiżguraw l-anonimità tal-ilmenti u reġim effikaċi ta' sanzjonijiet;

36.  Jistieden lill-Istati Membri mingħajr awtorità tal-infurzar kompetenti biex iqisu l-istabbiliment ta' tali awtorità u jipprovduha bis-setgħa li tissorvelja u tinforza l-miżuri meħtieġa biex jiġu indirizzati l-UTPs;

37.  Jenfasizza li l-awtoritajiet tal-infurzar għandu jkollhom firxa ta' miżuri ta' infurzar u sanzjonijiet differenti għad-dispożizzjoni tagħhom, sabiex jippermettu, skont il-gravità taċ-ċirkustanza speċifika, flessibilità ta' reazzjoni; jemmen li tali miżuri u sanzjonijiet għandu jkollhom effett ta' deterrent bl-għan li tinbidel l-imġiba;

38.  Ifakkar li l-Istati Membri kollha diġà għandhom oqfsa regolatorji li jindirizzaw il-UTPs; jinnota l-azzjoni regolatorja reċenti meħuda minn xi Stati Membri, li permezz tagħha introduċew dispożizzjonijiet li jissupplimentaw id-dritt nazzjonali tal-kompetizzjoni, wessgħu l-kamp ta' applikazzjoni tad-direttivi dwar il-UTPs billi estendew id-dispożizzjonijiet tagħhom biex ikopru r-relazzjonijiet B2B, u waqqfu aġenziji ta' infurzar indipendenti; jinnota, madankollu, li l-approċċi differenti meħuda f'dan ir-rigward mill-Istati Membri kkonċernati rriżultaw f'livelli u tipi differenti ta' protezzjoni mill-UTPs;

39.  Jinnota li, bl-adozzjoni ta' miżuri kontra l-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel, irid jittieħed kont dovut tal-karatteristiċi speċifiċi ta' kull suq u r-rekwiżiti ġuridiċi li japplikaw għalih, tas-sitwazzjonijiet u l-approċċi differenti fl-Istati Membri individwali, il-livell ta' konsolidazzjoni jew frammentazzjoni tas-swieq individwali, u fatturi sinifikanti oħra, filwaqt li wieħed jikkapitalizza fuq il-miżuri li diġà ttieħdu f'xi Stati Membri li qed juru li huma effikaċi; huwa tal-fehma li kwalunkwe sforz regolatorju propost f'dan il-qasam għandu jiżgura li jkun hemm diskrezzjoni relattivament wiesgħa biex il-miżuri li għandhom jittieħdu jitfasslu għall-karatteristiċi speċifiċi ta' kull suq, sabiex tiġi evitata l-adozzjoni ta' approċċ "wieħed tajjeb għal kulħadd", u għandu jkun ibbażat fuq il-prinċipju ġenerali ta' titjib fl-infurzar billi jiġu involuti l-korpi pubbliċi rilevanti flimkien mal-kunċett tal-infurzar privat, u b'hekk jingħata kontribut ukoll għat-titjib tal-livell baxx u frammentat tal-kooperazzjoni li teżisti fi ħdan korpi differenti tal-infurzar nazzjonali u għall-indirizzar tal-isfidi transfruntieri rigward il-UTPs;

40.  Jirrimarka li l-kooperazzjoni eżistenti frammentata u ta' livell baxx f'korpi differenti tal-infurzar nazzjonali mhijiex biżżejjed biex jiġu indirizzati l-isfidi transfruntieri rigward il-UTPs;

41.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-effikaċja u l-impatt ta' miżuri regolatorji u mhux regolatorji, b'kont dovut meħud tal-implikazzjonijiet kollha possibbli għad-diversi partijiet ikkonċernati u għall-benesseri tal-konsumatur, kif ukoll tat-taħlita ta' politiki indikata minn dawk li wieġbu dwar l-istudju Areté msemmi hawn fuq, li hija taħlita ta' inizjattivi volontarji u infurzar pubbliku (33 % tat-tweġibiet kollha) u leġiżlazzjoni speċifika fil-livell tal-UE (32 %);

42.  Huwa konvint li s-sensibilizzazzjoni tal-konsumatur dwar il-prodotti agrikoli hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-problemi li jirriżultaw mill-iżbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel, inklużi l-UTPs; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-ġestjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel isaħħu t-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel kollha kemm hi u jżidu l-informazzjoni għall-konsumaturi permezz ta' iżjed tikkettar xieraq tal-prodotti u skemi ta' ċertifikazzjoni sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet kompletament infurmati dwar il-prodotti disponibbli u jaġixxu kif xieraq;

43.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tippromwovi inizjattivi li permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jiġu mgħarrfa dwar ir-riskji tad-dumping tal-prezzijiet għall-produtturi primarji, u jappoġġja espressament il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għal dan il-għan fl-iskejjel u fl-istabbilimenti tat-taħriġ;

44.  Jinnota li, mill-2009 'l hawn, adotta ħames riżoluzzjonijiet dwar il-problemi fil-katina tal-bejgħ bl-imnut tal-UE, inklużi tlieta speċifikament fuq l-iżbilanċi u l-abbużi fil-katina tal-provvista tal-ikel; jinnota wkoll li matul l-istess perjodu l-Kummissjoni ħarġet tliet komunikazzjonijiet u Green Paper, u kkummissjonat żewġ rapporti finali dwar suġġetti simili; jiddikjara, għalhekk, li jekk se ssir saħansitra aktar analiżi dwar l-istat tal-katina tal-provvista tal-ikel dan sempliċement se jipposponi l-ħtieġa urġenti ta' azzjoni maħsuba biex il-bdiewa jiġu megħjuna jiġġieldu l-prattiki kummerċjali inġusti;

45.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel jikkunsidraw kuntratti standard, kif ukoll kuntratti ta' ġenerazzjoni ġdida, li permezz tagħhom ir-riskji u l-benefiċċji jiġu kondiviżi;

46.  Jirrikonoxxi li r-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) u l-organizzazzjoni komuni tas-suq unika ġdida introduċew għadd ta' miżuri mmirati lejn l-indirizzar tad-diskrepanza fis-setgħa tan-negozjar fost il-bdiewa, il-kummerċ bl-imnut, il-kummerċ bl-ingrossa u l-SMEs fil-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' appoġġ, b'mod partikolari, lill-istabbiliment u l-espansjoni tal-POs; jenfasizza l-importanza ta' din il-kooperazzjoni min-naħa tal-provvista;

47.  Jinnota li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jipprevedi l-istabbiliment ta' POs, huwa appoġġjat minn inċentivi finanzjarji taħt it-tieni pilastru tal-PAK; jirrimarka li l-qafas ġuridiku jestendi l-ambitu għan-negozjar kollettiv (f'xi setturi) u l-kuntratti ta' konsenja (fis-setturi kollha) għall-POs, l-assoċjazzjonijiet ta' POs (APOs) u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, u jintroduċi wkoll eżenzjonijiet temporanji minn ċerti regoli tal-kompetizzjoni f'perjodi ta' żbilanċ serju ħafna fis-suq, soġġetti għal salvagwardji;

48.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi bil-qawwa dan l-approċċ sabiex tiżdied is-setgħa ta' negozjar tal-produttur primarju u biex il-produtturi jiġu inkoraġġiti jingħaqdu ma' POs u APOs; jissottolinja, b'mod partikolari, il-vulnerabbiltà tal-bdiewa żgħar u ta' dawk li joperaw bħala familja, li għandhom il-potenzjal li joħolqu u jappoġġjaw l-impjiegi f'reġjuni iżolati, remoti u muntanjużi;

49.  Huwa tal-fehma li t-tisħiħ u l-istabbiliment tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jimxu id f'id mat-tisħiħ tas-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa fil-katina tal-ikel, partikolarment billi jingħatalhom id-dritt li l-kuntratti tagħhom jiġu nnegozjati b'mod kollettiv;

50.  Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza u għoti ta' informazzjoni fil-katina tal-provvista u għat-tisħiħ tal-korpi u l-għodod ta' informazzjoni tas-suq bħalma huma l-Istrument Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel u l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, bil-għan li l-bdiewa u l-POs jingħataw data tas-suq preċiża u f'waqtha;

51.  Huwa tal-fehma li l-prezzijiet fil-katina kollha tal-provvista tal-ikel għandhom jirriflettu aħjar il-valur miżjud mill-produtturi primarji; jappella, għalhekk, biex il-proċess ta' formazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut ikun trasparenti kemm jista' jkun;

52.  Jirrimarka li l-bdiewa f'għadd ta' Stati Membri kisbu pożizzjoni b'saħħitha fil-katina tal-provvista tal-ikel permezz tat-twaqqif ta' kooperattivi li jiżguraw li l-valur miżjud fl-istadju tal-ipproċessar jingħadda lura lill-bdiewa, u jikkunsidra li huwa kruċjali li dawn il-kooperattivi ma jiġux mgħobbija bi spejjeż żejda bħala riżultat ta' burokrazija obbligatorja u għalja;

53.  Iħeġġeġ lill-produtturi u lill-proċessuri jaħdmu flimkien biex jinvestu fl-innovazzjoni u jżidu l-valur miżjud tal-prodotti tagħhom;

54.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, f'Diċembru 2013, il-Parlament adotta rapport fuq inizjattiva proprja li jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibbiità ta' infurzar indipendenti bl-għan li jiġi indirizzat il-"fattur tal-biża'" fost il-produtturi primarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra dan fir-rapport tagħha;

55.  Huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet professjonali jistgħu jaġixxu bħala pjattaforma għall-produtturi primarji, u b'hekk jippermettulhom iressqu lmenti lil awtorità kompetenti dwar allegazzjonijiet ta' UTPs mingħajr biża';

56.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

(1)

Testi adottati, P7_TA(2010)0302.

(2)

Testi adottati, P7_TA(2012)0012.

(3)

ĠU C 255, 14.10.2005, p. 44.

(4)

Testi adottati, P8_TA(2016)0004.

(5)

ĠU C 210, 3.8.2010, p. 4.

(6)

Testi adottati, P7_TA(2011)0307.

(7)

Testi adottati, P7_TA(2013)0580.

(8)

ĠU L 376, 27.12.2006, p. 21.

(9)

ĠU L 48, 23.2.2011, p. 1.

(10)

ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(11)

ĠU L 95, 21.4.1993, p. 29.

(12)

ĠU L 94, 30.3.2012, p. 38.

(13)

Eurostat, 2010.

(14)

https://ec.europa.eu/digital-single-market/sites/digital-agenda/files/discussions/Vertical%20relationships%20in%20the%20Food%20Supply%20Chain%20-%20Principles%20of%20Good%20Practice.pdf.


NOTA SPJEGATTIVA

F'Lulju 2014, il-Kummissjoni ppubblikat komunikazzjoni li ħeġġet lill-Istati Membri jfittxu modi li jagħtu lill-produtturi żgħar tal-ikel u lill-bejjiegħa bl-imnut aktar protezzjoni minn prattiki kummerċjali inġusti (UTPs), li ħafna drabi jseħħu f'relazzjonijiet kummerċjali fejn waħda mill-partijiet tkun f'pożizzjoni aktar b'saħħitha mill-oħra.

Il-UTPs, f'termini ġenerali, jistgħu jiġu definiti bħala prattiki li jitbiegħdu ferm minn imġiba kummerċjali tajba, imorru kontra l-bona fede u n-negozjar ġust u jiġu imposti unilateralment minn sieħeb kummerċjali wieħed fuq l-ieħor. F'dan ir-rapport, ir-rapporteur jagħti eżempji ta' prattiki inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel li l-parteċipanti rrappurtawlu li huma komuni f'dan is-settur.

Il-UTPs jirriżultaw fejn hemm żbilanċi f'riżorsi finanzjarji, u b'hekk setgħa ta' negozjar, bejn partijiet kummerċjali f'relazzjonijiet kummerċjali kemm f'katini tal-provvista alimentari u mhux alimentari, u jista' jkollhom effett detrimentali fuq l-ekonomija tal-UE kollha kemm hi għax jistgħu jwasslu sabiex il-kumpaniji, partikolarment l-SMEs, jitilfu l-kapaċità tagħhom li jinvestu u jagħmlu innovazzjonijiet u jiddeċiedu li ma jfittxux li jwessgħu n-negozji tagħhom fis-suq uniku. Jeħtieġ li tinġibed l-attenzjoni wkoll għall- "fattur tal-biża'", li jista' jirriżulta f'sitwazzjoni fejn is-sħab kummerċjali iktar dgħajfa ma jiħdux azzjoni legali meta din il-possibbiltà hija miftuħa għalihom u jaċċettaw sempliċement il-UTPs, ikunu kemm ikunu ta' ħsara, għaliex jibżgħu li s-sħab iktar b'saħħithom itemmu r-relazzjonijiet kummerċjali tagħhom. Għalkemm dawn l-iżbilanċi fis-setgħa ta' negozjar huma parti integrali mill-mod kif jaħdem is-suq u huma kompletament leġittimi, kwalunkwe abbuż minn pożizzjoni aktar b'saħħitha jista' jgħawweġ ir-relazzjonijiet bejn l-intrapriżi u spiss jirriżulta f'UTPs.

Il-kwistjoni tal-UTPs fir-relazzjonijiet B2B ħadet iktar prominenza matul dawn l-aħħar snin, u għalkemm huwa diffiċli li wieħed ikejjel il-kobor tal-problema, hemm evidenza sostanzjali u statistika bbażata fuq is-suq li tissuġġerixxi li l-UTPs huma relattivament komuni, b'mod partikolari f'ċerti partijiet tal-katina tal-provvista. Fi stħarriġ li sar f'Marzu 2011, 96 % ta' dawk li wieġbu fil-katina tal-provvista tal-ikel qalu li kienu ġew esposti għal tal-anqas forma waħda ta' UTP(1).

Għadd kbir ta' Stati Membri rrikonoxxew il-ħsara li l-UTPs jistgħu jikkawżaw u ħadu azzjoni regolatorja biex jiġġilduhom; oħrajn qed jippjanaw li jagħmlu dan. Madankollu, ir-regoli f'dan il-qasam ivarjaw ħafna minn Stat Membru għal ieħor, kif tvarja l-iskala tal-problema. B'mod parallel għal dan, l-operaturi tas-suq fittxew ukoll li jindirizzaw il-problema billi jfasslu prinċipji ta' prattika tajba f'relazzjonijiet vertikali u oqfsa awtoregolatorji għall-implimentazzjoni tagħhom, li l-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista hija eżempju wieħed minnhom.

Madankollu, il-fatt li l-UTPs huma problema mifruxa u li dejjem qed tikber iqajjem il-kwistjoni dwar kemm l-iskemi awtoregolatorji huma effikaċi biex jerġa' jinkiseb il-bilanċ tas-suq. Skemi volontarji li jħeġġu lin-negozji biex ma jużawx UTPs huma maħsuba biex itaffu l-problema, iżda dawn qatt ma huma se jkunu biżżejjed biex isolvuha.

Ir-rapporteur għalhekk jemmen li jeħtieġ li tittieħed azzjoni iebsa u konsistenti biex jiġu meqruda l-UTPs fil-katina tal-provvista tal-ikel tal-UE darba għal dejjem. Il-kobor tal-problema jitlob l-adozzjoni ta' regoli tal-UE li jiżguraw li s-swieq joperaw kif suppost u li jkun hemm relazzjonijiet ġusti u trasparenti bejn il-partijiet kollha involuti fil-katina tal-provvista tal-ikel. Il-UTPs għandhom ikunu definiti b'mod ċar u għandhom jiġu stabbiliti pieni ċari għal kull min jinvolvi ruħu fihom. Barra minn hekk, l-aġenziji nazzjonali għandhom jingħataw r-responsabbiltà li jinfurzaw ir-regoli u għandhom jingħataw is-setgħa li jibdew investigazzjonijiet u jittrattaw ilmenti fuq bażi anonima.

L-għan ta' dan ir-rapport huwa li jiġbed l-attenzjoni għall-kwistjoni tal-UTPs u li, filwaqt li jirrikonoxxi l-azzjoni li diġà ttieħdet fil-livell nazzjonali u tal-UE fil-forma kemm ta' liġijiet nazzjonali kif ukoll ta' skemi awtoregolatorji, ifittex toroq li jwasslu iktar 'il bogħod u biex tintemm il-problema ta' prattiki kummerċjali inġusti fis-suq intern.

(1)

Stħarriġ ikkummissjonat mis-CIAA (il-Konfederazzjoni tal-Industriji tal-Ikel u tax-Xorb tal-UE) u l-AIM (l-Assoċjazzjoni Ewropea tad-Ditti).


OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (*) (17.11.2015)

għall-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur

prattiki kummerċjali inġusti fil-katina tal-provvista tal-ikel

(2015/2065(INI))

Rapporteur għal opinjoni(*): Mairead McGuinness

(*) Kumitat assoċjat – Artikolu 54 tar-Regoli ta' Proċedura

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għas-Suq Intern u l-Ħarsien tal-Konsumatur, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Iqis li huwa essenzjali li jiġi żgurat li d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni jqis il-karatteristiċi speċifiċi tal-agrikoltura u jservi l-benessri tal-produtturi kif ukoll tal-konsumaturi, li għandhom rwol importanti fil-katina ta' provvista; jemmen li d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni għandu joħloq il-kundizzjonijiet għal suq iktar effiċjenti li jippermetti lill-konsumaturi jibbenefikaw minn firxa wiesgħa ta' prodotti ta' kwalità bi prezzijiet kompetittivi, filwaqt li jiżgura li l-produtturi primarji jkollhom inċentiv biex jinvestu u jinnovaw mingħajr ma jiġu mġiegħla joħorġu mis-suq minn prattiki kummerċjali inġusti (PKI);

2.  Jistieden lill-Kummissjoni tapplika d-dritt Ewropew tal-kompetizzjoni b'mod rigoruż f'każijiet fejn il-PKI jistgħu jiġu penalizzati; huwa tal-fehma, madankollu, li d-dispożizzjonijiet statutorji u r-regoli eżistenti mhumiex applikabbli fil-biċċa l-kbira tal-każijiet li jinvolvu PKI; iqis, barra minn hekk, li l-leġiżlazzjoni tal-antitrust waħedha mhijiex biżżejjed sabiex jiġu solvuti l-PKI, peress li r-rekwiżiti tekniċi għal "pożizzjoni dominanti" rari li jkunu ssodisfati, anki jekk il-bejjiegħa bl-imnut jistgħu, fil-prattika, ikollhom pożizzjoni dominanti f'sitwazzjoni speċifika tas-suq;

3.  Jinnota li l-PKI fil-katina tal-provvista tal-ikel jieħdu għadd ta' forom, inklużi:

–  tibdiliet unilaterali jew retroattivi fil-kuntratti;

–  ħlasijiet fissi li l-kumpaniji jimponu fuq il-fornituri bħala rekwiżit għall-inklużjoni f'lista tal-fornituri ("ħallas biex tibqa'"),

–  ħlasijiet magħmula sa 120 ġurnata tard, ferm aktar mil-limitu ta' 60 ġurnata ("inħallsek aktar tard"),

–  skonti arbitrarji li l-impriżi l-kbar jagħtu lilhom infushom talli jħallsu kmieni jew fil-ħin,

–  skontar retrospettiv fuq flus pendenti dovuti lil fornitur,

–  bejjiegħa bl-imnut li jġiegħlu lill-fornituri jużaw ċerti produtturi tal-imballaġġ terzi li jagħmlu ħlasijiet lis-supermarkets għan-negozju li jirċievu;

4.  Jirrikonoxxi li l-PKI jirriżultaw primarjament mill-iżbilanċi tad-dħul u tal-poter fil-katina tal-provvista tal-ikel u li jridu jiġu indirizzati b'mod urġenti bil-għan li tittejjeb is-sitwazzjoni għall-bdiewa fis-settur tal-ikel; jinnota li l-bejgħ bi prezz iktar baxx mill-kost tal-produzzjoni u l-abbuż gravi tal-użu ta' prodotti tal-ikel agrikoli bażiċi bħalma huma l-ħalib, il-frott u l-ħaxix bħala "loss leaders" mill-bejjiegħa bl-imnut kbar jheddu s-sostenibbiltà fit-tul tal-produzzjoni Ewropea ta' tali oġġetti; jirrikonoxxi li hemm konċentrazzjoni tas-suq partikolarment qawwija fil-kummerċ tal-ikel f'għadd ta' Stati Membri; jilqa' l-isforzi, bħalma hi l-Inizjattiva Tierwohl fil-Ġermanja, li għandhom il-għan li jgħinu lill-bdiewa jikkompetu fuq il-bażi tal-merti tal-prodotti tagħhom;

5.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-PKI għandhom konsegwenzi negattivi serji għall-bdiewa, bħalma huma profitti aktar baxxi, spejjeż aktar għolja milli jkunu ġew stmati, produzzjoni żejda tal-ikel u ħela tal-ikel, u diffikultajiet ta' ppjanar finanzjarju; jenfasizza li dawn il-prattiki għandhom ukoll effetti ta' ħsara fuq il-funzjonament tas-suq uniku u jistgħu joħonqu l-investiment u jwasslu għal inqas innovazzjoni tal-prodotti u tnaqqis fil-kwalità u l-varjetà tal-prodotti; jenfasizza li tali konsegwenzi negattivi fl-aħħar mill-aħħar inaqqsu l-għażla tal-konsumatur;

6.  Jinnota li mill-2009 'l hawn il-Parlament adotta ħames riżoluzzjonijiet dwar il-problemi fil-katina tal-bejgħ bl-imnut tal-UE, inklużi tlieta speċifikament fuq l-iżbilanċi u l-abbużi fi ħdan il-katina tal-provvista tal-ikel; jinnota wkoll li matul l-istess perjodu l-Kummissjoni ħarġet tliet komunikazzjonijiet u Green Paper u kkummissjonat żewġ rapporti finali dwar suġġetti simili; jiddikjara, għalhekk, li jekk se ssir saħansitra aktar analiżi dwar l-istat tal-katina tal-provvista tal-ikel dan sempliċement se jipposponi l-ħtieġa urġenti ta' azzjoni maħsuba biex il-bdiewa jiġu megħjuna jiġġieldu l-prattiki kummerċjali inġusti;

7.  Jemmen li fehim komuni tal-PKI jkun ta' benefiċċju, u għalhekk iħeġġeġ lill-Kummissjoni tfassal lista miftuħa tal-PKI li huma pprojbiti fil-livell tal-UE; jenfasizza l-assenza ta' regoli tal-UE għall-ġlieda kontra l-PKI bejn l-operaturi fil-katina tal-ikel;

8.  Iħeġġeġ lill-partijiet kollha fil-katina tal-provvista tal-ikel jikkunsidraw kuntratti standard u wkoll kuntratti ta' ġenerazzjoni ġdida li permezz tagħhom ir-riskji u l-benefiċċji jiġu kondiviżi;

9.  Jinnota li, filwaqt li l-prodotti privati mmarkati bil-marka proprja jistgħu jġibu valur miżjud, għażla u prodotti ta' "kummerċ ġust" lill-konsumaturi, jistgħu jagħtu lill-bejjiegħa bl-imnut pożizzjoni inġusta u antikompetittiva li biha huma jsiru kemm il-klijent kif ukoll il-kompetitur; jinsisti li l-kwistjoni tal-marki proprji privati teħtieġ attenzjoni partikolari mill-Kummissjoni u mill-awtoritajiet tal-kompetizzjoni, u jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati l-konsegwenzi fit-tul potenzjali għall-katina tal-provvista tal-ikel u l-pożizzjoni tal-bdiewa fi ħdanha;

10.  Jirrikonoxxi li r-riforma tal-politika agrikola komuni (PAK) u l-organizzazzjoni tas-suq komuni uniku ġdida introduċew għadd ta' miżuri mmirati lejn l-indirizzar tad-diskrepanza fis-setgħa tan-negozjar fost il-bdiewa, il-kummerċ bl-imnut, il-kummerċ bl-ingrossa u l-SMEs fil-katina tal-provvista tal-ikel permezz ta' appoġġ, b'mod partikolari, lill-istabbiliment u l-espansjoni tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (OP); jenfasizza l-importanza ta' din il-kooperazzjoni min-naħa tal-provvista;

11.  Jinnota li r-Regolament (UE) Nru 1308/2013, li jiddisponi għall-istabbiliment ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi, huwa appoġġjat minn inċentivi finanzjarji taħt it-tieni pilastru tal-PAK; jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-qafas ġuridiku jestendi l-ambitu għan-negozjar kollettiv (f'ċerti setturi) u l-kuntratti ta' konsenja (fis-setturi kollha) għall-organizzazzjonijiet tal-produtturi, l-assoċjazzjonijiet tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi (AOP) u l-organizzazzjonijiet interprofessjonali, u jintroduċi wkoll eżenzjonijiet temporanji minn ċerti regoli tal-kompetizzjoni f'perijodi ta' żbilanċ serju ħafna fis-suq, soġġetti għal salvagwardji;

12.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tippromwovi bil-qawwa dan l-approċċ sabiex tqawwi s-setgħa ta' negozjar tal-produttur primarju u tinkoraġġixxi lill-produtturi jingħaqdu ma' OP u AOP; jenfasizza, b'mod partikolari, il-vulnerabbiltà tal-bdiewa żgħar u ta' dawk li joperaw bħala familja, li għandhom il-potenzjal li joħolqu u jappoġġjaw l-impjiegi f'reġjuni iżolati, remoti u muntanjużi;

13.  Huwa tal-fehma li t-tisħiħ u l-istabbiliment tal-organizzazzjonijiet tal-produtturi għandhom jimxu id f'id mat-tisħiħ tas-setgħa ta' negozjar tal-bdiewa fil-katina tal-ikel, partikolarment billi jingħatalhom id-dritt li l-kuntratti tagħhom jiġu nnegozjati b'mod kollettiv;

14.  Jitlob li jkun hemm aktar trasparenza u għoti ta' informazzjoni fi ħdan il-katina tal-provvista u għat-tisħiħ tal-korpi u l-għodod ta' informazzjoni tas-suq bħalma huma l-Istrument Ewropew għall-Monitoraġġ tal-Prezzijiet tal-Ikel u l-Osservatorju tas-Suq tal-Ħalib, bil-għan li l-bdiewa u l-OP jigħataw data tas-suq preċiża u f'waqtha;

15.  Huwa tal-fehma li l-prezzijiet tul il-katina kollha tal-provvista tal-ikel għandhom jirriflettu aħjar il-valur miżjud mill-produtturi primarji; jappella, għalhekk, biex il-proċess ta' formazzjoni tal-prezzijiet tal-bejgħ bl-imnut ikun trasparenti kemm jista' jkun;

16.  Jirrimarka li l-bdiewa f'għadd ta' Stati Membri kisbu pożizzjoni b'saħħitha fil-katina tal-provvista tal-ikel permezz tat-twaqqif ta' kooperattivi li jiżguraw li l-valur miżjud fl-istadju tal-ipproċessar jingħadda lura lill-bdiewa, u jikkunsidra li huwa kruċjali li dawn il-kooperattivi ma jiġux mgħobbija bi spejjeż żejda bħala riżultat ta' burokrazija obbligatorja u għalja;

17.  Iħeġġeġ lill-produtturi u lill-proċessuri jaħdmu flimkien biex jinvestu fl-innovazzjoni u jżidu l-valur miżjud tal-prodotti tagħhom;

18.  Jinsab konvint li s-sensibilizzazzjoni tal-konsumaturi dwar il-prodotti agrikoli hija fundamentali biex jiġu indirizzati l-problemi li jirriżultaw mill-iżbilanċi fil-katina tal-provvista tal-ikel, inklużi l-PKI; jistieden lill-partijiet ikkonċernati kollha involuti fil-ġestjoni tal-katina tal-provvista tal-ikel isaħħu t-trasparenza fil-katina tal-provvista tal-ikel kollha kemm hi u jżidu l-informazzjoni għall-konsumaturi permezz ta' aktar skemi ta' tikkettar xieraq u ta' ċertifikazzjoni tal-prodotti sabiex il-konsumaturi jkunu jistgħu jagħmlu għażliet kompletament infurmati dwar il-prodotti disponibbli u jaġixxu skont din l-informazzjoni;

19.  Jistieden lill-Kummissjoni, b'kooperazzjoni mill-qrib mal-Istati Membri, tippromwovi inizjattivi li permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jiġu mwissija dwar ir-riskji tad-dumping tal-prezzijiet għall-produtturi primarji, u jappoġġja espressament il-kampanji ta' sensibilizzazzjoni għal dan il-għan fl-iskejjel u fl-istabbilimenti tat-taħriġ;

20.  Jirrikonoxxi li, filwaqt li inizjattivi purament volontarja huma tassew importanti u utli biex jiġu identifikati kwistjonijiet ta' tħassib, m'humiex adegwati biex jeliminaw il-"fattur tal-biża'" fil-katina tal-provvista, peress li għandhom żvantaġġi maġġuri bħalma huma l-ambitu wiesa' għan-nonparteċipazzjoni, il-kunflitti ta' interessi, il-mekkaniżmi ta' soluzzjoni tat-tilwim li jonqsu milli jirriflettu l-"fattur tal-biża'" tal-fornitur, in-nuqqas ta' penali ġenwini għan-nuqqas ta' konformità, u ftit jew xejn parteċipazzjoni mill-awtoritajiet kompetenti;

21.  Ifakkar lill-Kummissjoni li, f'Diċembru 2013, il-Parlament adotta rapport fuq inizjattiva proprja li jistieden lill-Kummissjoni teżamina l-possibilità ta' infurzar indipendenti bil-għan li jiġi indirizzat il-"fattur tal-biża'" fost il-produtturi primarji; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tikkunsidra dan fir-rapport tagħha;

22.  Huwa tal-fehma li l-organizzazzjonijiet professjonali jistgħu jaġixxu bħala pjattaforma għall-produtturi primarji, u b'hekk jippermettulhom iressqu ilmenti lil awtorità kompetenti dwar allegazzjonijiet ta' PKI mingħajr biża’;

23.  Jitlob li l-proċeduri fi ħdan il-korpi tal-infurzar jippermettu lill-produtturi primarji jilmentaw b'mod kunfidenzjali, filwaqt li jippermettu wkoll lill-entitajiet tal-infurzar iwettqu investigazzjonijiet fuq l-inizjattiva tagħhom stess; jinsisti li tali korpi tal-infurzar għandhom ikunu jistgħu jimponu firxa xierqa ta' sanzjonijiet għall-ksur tar-regolamenti dwar il-PKI;

24.  Jesprimi d-dubju tiegħu fuq l-appoġġ kostanti tal-Kummissjoni għall-Inizjattiva tal-Katina tal-Provvista (IKP), minħabba l-limitazzjonijiet tagħha; itenni li l-bdiewa qed joqogħdu lura milli jipparteċipaw minħabba nuqqas ta' fiduċja, restrizzjonijiet fuq l-ilmenti anonimi, nuqqas ta' setgħa statutorja, l-inabbiltà li jiġu applikati sanzjonijiet sinifikanti, in-nuqqas ta' mekkaniżmi adegwati biex jiġu miġġielda l-PKI dokumentati sew u t-tħassib dwar l-iżbilanċi fin-natura tal-mekkaniżmi ta' infurzar, li ma ġewx ikkunsidrati b'mod adegwat; jiddispjaċih li l-Kummissjoni ssibha bi tqila tinnegozja dwar il-kwistjonijiet tal-anonimità u tas-sanzjonijiet;

25.  Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta l-IKP f'termini ta' effikaċja, b'kont meħud tat-tħassib iċċitat mill-komunità tal-biedja; iħeġġeġ lill-Kummissjoni tevita li tivvaluta l-inizjattiva volontarja purament fuq il-bażi tal-għadd ta' parteċipanti rreġistrati;

26.  Jistieden lill-partijiet ikkonċernati relevanti jiffaċilitaw l-inkorporazzjoni tal-organizzazzjonijiet tal-bdiewa (inklużi l-OP u l-AOP) fi ħdan l-ambitu tal-korpi nazzjonali tal-infurzar li jirregolaw il-katina tal-provvista tal-ikel, primarjament billi jiżguraw l-anonimità tal-ilmenti u reġim effettiv ta' sanzjonijiet;

27.  Ifakkar fir-rikonoxximent min-naħa tal-Kummissjoni li l-"forum shopping" jippreżenta theddida għall-funzjonament tas-suq uniku u huwa ta' detriment għall-interessi tal-produtturi primarji; jemmen li interpretazzjoni komuni tar-regoli ta' prattika tajba adottata fl-2011 hija fattur vitali biex tingħeleb din il-problema, flimkien mal-applikazzjoni uniformi ta' dawk ir-regoli u kooperazzjoni akbar bejn l-awtoritajiet tal-infurzar tal-Istati Membri;

28.  Jinnota li għadd ta' Stati Membri introduċew kodiċijiet volontarji u miżuri leġiżlattivi mmirati lejn it-titjib tal-funzjonament tal-katina ta' provvista; jinnota l-eżistenza tal-Groceries Code Adjudicator (Ġudikant tal-Kodiċijiet tal-Prodotti tal-Merċa) fir-Renju Unit, il-każ tal-Portugall, l-Kummissarju tal-Katina tal-Provvista Alimentari fi Franza, il-liġi Spanjola u l-inizjattiva attwali li tinvolvi konsultazzjoni bejn il-partijiet fil-Belġju; jisħaq fuq l-importanza tal-kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet nazzjonali u l-iskambju tal-aħjar prattika fil-livell tal-UE; jistieden lill-Istati Membri jinfurzaw il-miżuri meħuda fil-leġiżlazzjoni nazzjonali tagħhom;

29.  Huwa tal-fehma li regolaturi nazzjonali indipendenti għas-settur tal-ikel jistgħu jkunu miżura effettiva għall-ġlieda kontra prattiki kummerċjali inġusti, peress li dawn joħolqu trasparenza akbar tul il-katina tal-valur u jippermettu li jsiru kontrolli ex-ante bil-għan li jipproteġu kontra l-abbużi ta' pożizzjoni dominanti fis-suq; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tikkunsidra wkoll il-possibilità li jiġi stabbilit regolatur Ewropew li jkun jista' jassumi rwol ta' koordinament;

30.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tivvaluta dawn l-isforzi nazzjonali bħala mudelli potenzjali għall-adattament, filwaqt li tqis il-problemi speċifiċi għas-settur li wieħed jiltaqa' magħhom u l-kundizzjonijiet tas-suq nazzjonali u l-ispeċifiċitajiet nazzjonali;

31.  Jemmen li leġiżlazzjoni qafas fil-livell tal-UE hija meħtieġa bil-għan li jiġu indirizzati b'mod determinat il-PKI u jiġi żgurat li l-bdiewa u l-konsumaturi Ewropej jkollhom l-opportunità li jibbenefikaw minn kundizzjonijiet ġusti tax-xiri u tal-bejgħ;

32.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tressaq proposta għal leġiżlazzjoni qafas tal-UE meta jkun il-waqt, bil-ħsieb li jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwivalenti ta' kompetizzjoni fi ħdan is-suq uniku;

33.  Isostni li tali leġiżlazzjoni, li tagħti lill-produtturi primarji ċ-ċertezza ġuridika meħtieġa biex jindirizzaw il-proeokkupazzjonijiet tagħhom, flimkien ma' miżuri li jżidu s-setgħa tan-negozjar tal-bdiewa, hija meħtieġa biex tikkumplementa l-IKP u tipproteġi lil dawk il-partijiet ikkonċernati li diġà huma impenjati bis-sħiħ magħha, filwaqt li tiżgura li l-PKI jinqerdu għalkollox mill-katina tal-provvista tal-ikel;

34.  Jitlob leġiżlazzjoni qafas li tipproteġi lill-fornituri tal-ikel kollha, ikunu fejn ikunu lokalizzati, inkluż f'pajjiżi terzi;

35.  Jirrimarka li din il-leġiżlazzjoni qafas Ewropea m'għandhiex tbaxxi l-livell ta' protezzjoni fil-pajjiżi li adottaw leġiżlazzjoni nazzjonali biex jikkumbattu l-PKI ta' bejn in-negozji.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

12.11.2015

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

39

0

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Diane Dodds, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Beata Gosiewska, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Esther Herranz García, Jan Huitema, Jarosław Kalinowski, Elisabeth Köstinger, Zbigniew Kuźmiuk, Mairead McGuinness, Giulia Moi, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Heubuch, Momchil Nekov, Sofia Ribeiro, Annie Schreijer-Pierik, Alyn Smith, Estefanía Torres Martínez

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniel Dalton, Nils Torvalds


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

21.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

34

0

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Dita Charanzová, Carlos Coelho, Sergio Gaetano Cofferati, Lara Comi, Anna Maria Corazza Bildt, Daniel Dalton, Nicola Danti, Dennis de Jong, Vicky Ford, Ildikó Gáll-Pelcz, Evelyne Gebhardt, Antanas Guoga, Sergio Gutiérrez Prieto, Robert Jarosław Iwaszkiewicz, Liisa Jaakonsaari, Philippe Juvin, Antonio López-Istúriz White, Marlene Mizzi, Robert Rochefort, Virginie Rozière, Christel Schaldemose, Andreas Schwab, Olga Sehnalová, Igor Šoltes, Ivan Štefanec, Mylène Troszczynski, Anneleen Van Bossuyt, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Lucy Anderson, Birgit Collin-Langen, Edward Czesak, João Pimenta Lopes, Julia Reda, Dariusz Rosati, Lambert van Nistelrooij, Sabine Verheyen, Kerstin Westphal

Avviż legali - Politika tal-privatezza