RAPPORT dwar is-segwitu tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET 2020)

11.5.2016 - (2015/2281(INI))

Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni
Rapporteur: Zdzisław Krasnodębski

Proċedura : 2015/2281(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0176/2016
Testi mressqa :
A8-0176/2016
Testi adottati :

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar is-segwitu tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020)

(2015/2281(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 2 tat-Trattat dwar l-Unjoni Ewropea (TUE),

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 165 u 166 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea, u b'mod partikolari l-Artikolu 14 tagħha,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-12 ta' Mejju 2009 dwar qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ ("ET2020")[1],

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-Kunsill u l-Kummissjoni tal-2012 dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas Strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) – "L-Edukazzjoni u t-Taħriġ f'Ewropa intelliġenti, sostenibbli u inklussiva" (2012/C 70/05)[2],

–   wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tas-26 ta' Awwissu 2015 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Abbozz tar-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ (ET2020) - Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u fit-taħriġ" (COM(2015)0408)[3],

–  wara li kkunsidra r-Rapport Konġunt tal-2015 tal-Kunsill u tal-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Qafas strateġiku għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ (ET2020) - "Prijoritajiet ġodda għall-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ" (2015/C 417/04)[4],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-28 u tad-29 ta' Novembru 2012 dwar punt ta' riferiment għall-mobbiltà għat-tagħlim[5],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Novembru 2010 dwar l-edukazzjoni għall-iżvilupp sostenibbli[6],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-17 ta' Frar 2014 dwar "l-Investiment fl-edukazzjoni u t-taħriġ - reazzjoni għar-Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar u l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir tal-2013" (2013/C 64/06)[7],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-edukazzjoni effettiva tal-għalliema[8],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tal-20 ta' Mejju 2014 dwar l-assigurazzjoni tal-kwalità li tappoġġa l-edukazzjoni u t-taħriġ[9],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar l-intraprenditorija fl-edukazzjoni u t-taħriġ[10],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar ir-rwol tal-edukazzjoni bikrija tat-tfal u l-edukazzjoni primarja fit-trawwim tal-kreattività, l-innovazzjoni u l-kompetenza diġitali (2015/C 172/05)[11],

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill dwar it-tnaqqis tat-tluq bikri mill-iskejjel u l-promozzjoni tas-suċċess fl-iskola (2015/C 417/05)[12],

–  wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "Reviżjoni tal-Edukazzjoni: Ninvestu fil-ħiliet għal eżiti soċjoekonomiċi aħjar" (COM(2012)0669)[13],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Kunsill tal-20 ta' Diċembru 2012 dwar il-validazzjoni tat-tagħlim mhux formali u informali (2012/C 398/01)[14],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni 2006/962/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006 dwar il-kompetenzi ewlenin għat-tagħlim ta' matul il-ħajja[15],

–  wara li kkunsidra d-dikjarazzjoni tal-laqgħa informali tal-Ministri tal-Edukazzjoni tal-Unjoni Ewropea tas-17 ta' Marzu 2015 dwar il-promozzjoni tal-edukazzjoni fiċ-ċittadinanza u fil-valuri komuni tal-libertà, tat-tolleranza u tan-nondiskriminazzjoni (id-"Dikjarazzjoni ta' Pariġi")[16],

–  wara li kkunsidra l-"Konklużjonijiet ta' Riga", adottati fit-22 ta' Ġunju 2015 mill-Ministri responsabbli mill-edukazzjoni u t-taħriġ vokazzjonali[17],

–  wara li kkunsidra l-Green Paper tal-Kummissjoni tat-3 ta' Lulju 2008 bit-titolu "Migrazzjoni u mobilità: l-isfidi għas-sistemi ta' edukazzjoni tal-UE (COM(2008)0423)[18],

–  wara li kkunsidra r-rapport mfassal fi Frar 2010 għall-Kummissjoni mill-Grupp ta' Esperti dwar Ħiliet ġodda għal impjiegi ġodda bl-isem ta' "New Skills for New Jobs: Action Now" (Ħiliet Ġodda għal Impjiegi Ġodda: Azzjoni Issa)[19],

–  wara li kkunsidra r-rakkomandazzjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Diċembru 2006, dwar il-mobbiltà transnazzjonali fi ħdan il-Komunità għal finijiet ta' edukazzjoni u taħriġ: Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobbiltà[20],

–  wara li kkunsidra r-rapport tas-Sitt Forum bejn l-Universitajiet u l-Impriżi ta' Marzu 2015[21],

–  wara li kkunsidra l-previżjoni ta' ħiliet tas-CEDEFOP għall-2012, "Future skills supply and demand in Europe" (Offerta u domanda ta' ħiliet futuri fl-Ewropa)[22],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-8 ta' Settembru 2015 dwar il-promozzjoni tal-intraprenditorija fost iż-żgħażagħ permezz tal-edukazzjoni u t-taħriġ[23] u tat-28 ta' April 2015 dwar is-segwitu għall-implimentazzjoni tal-Proċess ta' Bolonja[24],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-edukazzjoni għal tfal f'sitwazzjonijiet ta' emerġenza u kriżijiet imtawla[25],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-12 ta' April 2016 dwar il-programm Erasmus+ u strumenti oħra sabiex titrawwem il-mobilità fl-ETV - approċċ ta' tagħlim tul il-ħajja[26],

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kultura u l-Edukazzjoni (A8-0176/2016),

A.  billi r-riferimenti kollha għall-"edukazzjoni u taħriġ" għandhom jitqiesu li jħaddnu l-forom formali, mhux formali u informali, minħabba n-natura komplementari tagħhom fit-tranżizzjoni lejn soċjetà ta' tagħlim u r-rwol tagħhom fl-indirizzar tal-gruppi fil-mira speċifiċi, u b'hekk jiffaċilitaw l-inklużjoni tal-persuni b'inqas opportunitajiet edukattivi;

B.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ ma għandhomx jiġu mmirati biss lejn il-bżonnijiet tas-suq tax-xogħol, iżda għandhom jikkostitwixxu valur fihom infushom, peress li l-edukazzjoni għandha rwol daqstant importanti fl-iżvilupp ta' virtujiet etiċi u ċiviċi i tal-valuri umanistiċi intiżi b'mod wiesa', kif minqux fit-Trattati, u biex jissaħħu l-prinċipji demokratiċi li fuqhom hi msejsa l-Ewropa;

C.  billi l-edukazzjoni għandha tikkontribwixxi għall-iżvilupp personali, għar-rispett reċiproku u għat-tkabbir taż-żgħażagħ, biex isiru ċittadini proattivi, responsabbli u konxji, b'kompetenzi ċiviċi, soċjali, interkulturali trasversali, kif ukoll professjonisti kwalifikati;

D.  billi l-edukazzjoni għandha titqies bħala dritt fundamentali tal-bniedem u beni pubbliku li għandu jkun aċċessibbli għal kulħadd;

E.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol importanti x'jiżvolġu fil-ġlieda kontra l-faqar u l-esklużjoni soċjali, u billi t-twessigħ tal-aċċess għat-tagħlim tul il-ħajja jista' jiftaħ possibilitajiet ġodda għall-persuni bi ftit kwalifiki, għal min hu qiegħed, għall-persuni bi bżonnijiet speċjali, għall-anzjani u għall-migranti;

F.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ inklużivi u ta' kwalità għolja huma essenzjali għall-iżvilupp kulturali, ekonomiku u soċjali tal-Ewropa;

G.  billi l-edukazzjoni u t-taħriġ fl-Ewropa għandhom jikkontribwixxu għal strateġiji u inizjattivi tal-UE, fosthom l-istrateġija Ewropa 2020, l-inizjattiva tas-Suq Uniku Diġitali, l-Aġenda Ewropea dwar is-Sigurtà u l-Pjan ta' Investiment għall-Ewropa;

H.  billi mhux l-Istati Membri kollha jħabbtu wiċċhom mal-istess tip u livell ta' sfidi, u dan ifisser li kwalunkwe rakkomandazzjoni proposta fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għandha tkun flessibbli u tqis il-fatturi ekonomiċi, soċjali, demografiċi, kulturali u ta' tip ieħor f'livell nazzjonali u reġjonali, filwaqt li jimmiraw ukoll li jtejbu s-sitwazzjoni globali tal-UE fl-intier tagħha;

I.  billi l-kooperazzjoni ET2020, filwaqt li tirrispetta l-kompetenza tal-Istati Membri, għandha tikkomplementa azzjonijiet nazzjonali u tappoġġa l-Istati Membri fl-isforzi tagħhom biex jiżviluppaw sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ;

J.   billi l-iżvilupp ekonomiku u l-koeżjoni soċjali għandhom jitqiegħdu fuq livell ugwali permezz ta' taħlita ta' politiki mmirata li tikseb distribuzzjoni aktar ġusta ta' għarfien fost il-popolazzjoni biex jiġi indirizzat id-distakk ikbar fl-introjtu li jidher li hu effett sekondarju tat-tkabbir teknoloġiku bbażat fuq il-ħiliet;

K.  billi investiment effikaċi f'edukazzjoni u taħriġ ta' kwalità huwa sors ta' tkabbir sostenibbli;

L.   billi l-livelli baxxi eżistenti ta' għarfien u ħiliet bażiċi huma inkwetanti u jeħtieġ li l-edukazzjoni primarja u sekondarja tipprovdi l-bażi meħtieġa għal tagħlim ulterjuri u l-integrazzjoni fis-suq tax-xogħol;

M.  billi x-xejriet li jindikaw nuqqas ta' ħiliet bażiċi fost l-adulti joħolqu l-ħtieġa li jissaħħaħ it-tagħlim għall-adulti, li hija għodda għat-titjib fil-ħiliet u għat-taħriġ mill-ġdid fil-ħiliet;

N.   billi fl-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2014 il-Kummissjoni hi tal-fehma li f'termini ta' nefqa, l-Istati Membri jeħtieġu li jsibu modi kif jipproteġu jew jippromwovu investiment fit-tul fl-edukazzjoni, ir-riċerka, l-innovazzjoni, l-enerġija u l-azzjoni klimatika u li huwa essenzjali li jsir investiment fil-modernizzazzjoni tas-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ, inkluż it-tagħlim tul il-ħajja;

O.   billi l-baġits pubbliċi għadhom taħt pressjoni qawwija, u diversi Stati Membri qaċċtu l-ispejjeż tagħhom fl-edukazzjoni u t-taħriġ u issa huwa neċessarju li l-investimenti ulterjuri f'dan il-qasam isiru aktar effiċjenti bħala fattur deċiżiv għall-produttività, il-kompetittività u t-tkabbir;

P.  billi, minkejja li tjiebu r-riżultati marbuta mal-ksib tal-objettivi ET2020 fil-qasam tal-edukazzjoni għolja, fiż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja jeżisti tħassib dwar l-effiċjenza tal-investimenti fl-edukazzjoni min-naħa tal-Istati Membri, l-attenzjoni prijoritarja għall-indikaturi kwantitattivi, il-kundizzjonijiet tat-tagħlim u l-kwalità tat-tagħlim, deklin tal-libertà akkademika u xettiċiżmu fil-konfront ta' ċerti aspetti tal-proċess ta' Bolonja u tal-implimentazzjoni tiegħu f'ċerti pajjiżi;

Q.   billi l-Monitor ET2020 juri li l-isfida ewlenija li qegħdin inħabbtu wiċċna magħha llum hija l-faqar tal-edukazzjoni u l-inklużjoni skarsa ta' dawk li jkunu ġejjin minn ambjenti soċjoekonomiċi żvantaġġati, u dan jeħtieġ attenzjoni soċjali akbar biex jinkisbu l-objettivi ET 2020, jitjieb il-livell ta' inklużjoni u l-kwalità tas-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ;

Il-Qafas Strateġiku ET 2020

1.   Jilqa' b'sodisfazzjon l-eżerċizju ta' valutazzjoni ET2020 u jissottolinja l-bżonn li jitqiesu l-konklużjonijiet tiegħu u li jiġu implimentati fil-pront, bil-għan li jiżdied il-valur miżjud u tkun ottimizzata l-effikaċja tal-qafas, tissaħħaħ l-importanza tal-karatteristiċi ta' kull pajjiżi individwali u t-tagħlim reċiproku;

2.   Jiddispjaċih bil-problemi kbar f'termini ta' kwalità, aċċessibilità u diskriminazzjoni soċjoekonomika li għadhom ma ġewx solvuti fl-edukazzjoni u taħriġ u jemmen li hija neċessarja azzjoni politika aktar ambizzjuża, koordinata u effikaċi fil-livell Ewropew u nazzjonali;

3.   Itenni l-importanza tad-Dikjarazzjoni dwar il-promozzjoni tal-edukazzjoni fiċ-ċittadinanza u fil-valuri komuni tal-libertà, tat-tolleranza u tan-nondiskriminazzjoni, adottata f'Pariġi f'Marzu 2015;

4.   Jilqa' favorevolment il-fatt li tnaqqas għal sitta n-numru tal-oqsma politiċi ET2020 li jelenkaw temi speċifiċi li minn fosthom l-Istati Membri jistgħu jagħżlu skont l-esiġenzi u l-kundizzjonijiet tagħhom, iżda josserva li jeħtieġ li jissaħħu l-effikaċja u l-aspett operattiv tal-ET2020 u jiġi adottat programm ta' ħidma;

5.   Jilqa' l-proposta għall-estensjoni taċ-ċiklu ta' ħidma minn tliet snin għal ħamsa, sabiex jiġu implimentati aħjar l-għanijiet strateġiċi fit-tul u jkun hemm ħidma fuq kwistjonijiet bħalma huma n-nuqqas ta' progress tal-istudenti f'ċerti oqsma ta' studju, ir-rati baxxi ta' parteċipazzjoni fit-tagħlim tal-adulti, it-tluq bikri mill-iskola, l-inklużjoni soċjali, l-involviment ċiviku, id-differenzi bejn is-sessi u r-rati tal-impjegabilità tal-gradwati;

6.   Jilqa' pożittivament il-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Gruppi ta' Ħidma ET2020, u jistieden lill-Kummissjoni ttejjeb ir-rappreżentanza tal-partijiet interessati differenti f'dawn il-gruppi, partikolarment bl-inklużjoni ta' aktar esperti fl-edukazzjoni, ħaddiema żgħażagħ, rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, għalliema u membri tal-fakultajiet li l-esperjenza fil-prattika tagħhom hija essenzjali biex jinkisbu l-għanijiet ta' ET2020; jenfasizza l-bżonn ta' divulgazzjoni aħjar tal-konklużjonijiet tal-gruppi, fil-livell lokali, reġjonali, nazzjonali u f'dak tal-UE;

7.   Jilqa' t-tisħiħ tar-rwol ta' tmexxija tal-entitajiet informali fi ħdan l-ET2020, kif ukoll il-ħolqien ta' ċirkwiti ta' feedback li jlaqqgħu lill-Grupp ta' Livell Għoli, id-Direttur Ġenerali għar-raggruppamenti u l-Gruppi ta' Ħidma; jirrikonoxxi r-rwol li jiżvolġu l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-involviment mal-partijiet interessati lokali, reġjonali u nazzjonali u ċ-ċittadini dwar kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni u t-taħriġ, u jitlob li dawn jirċievu appoġġ finanzjarju tagħhom fl-ambitu ta' Erasmus+ (KA3) u tal-Fond Soċjali Ewropew;

8.   Jitlob il-ħolqien ta' korp ta' koordinament informali li għandu jinkludi d-Direttur Ġenerali tad-DĠ Edukazzjoni u Kultura tal-Kummissjoni (DĠ EAC), id-Diretturi responsabbli mill-edukazzjoni f'DĠ oħrajn, ir-rappreżentanti tas-soċjetà ċivili, tas-sħab soċjali u tal-Kumitat tal-Parlament għall-Kultura u l-Edukazzjoni, u li jorganizza laqgħat ta' livell għoli biex jiġu żgurati l-koordinament tal-ħidma, il-koerenza tal-politiki u s-segwitu mogħti lir-rakkomandazzjonijiet maħruġa mill-korpi formali u informali tal-ET2020; jemmen li tali koordinament huwa neċessarju minħabba t-tħassib għan-nuqqas ta' djalogu veru bejn il-Kummissjoni u l-organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili u t-tqassim tal-kompetenzi ET 2020 fost bosta DĠ tal-Kummissjoni u l-Kummissarji; jitlob li l-konklużjonijiet ta' din il-ħidma jkunu kkomunikati b'mod xieraq, kemm fil-livell Ewropew kif ukoll dak nazzjonali;

9.   Itenni li, minkejja li huwa importanti l-ksib tal-ħiliet f'termini ta' impjegabilità, jixraq li jkunu difiżi l-valur, il-kwalità u l-użu prattiku tal-għarfien u r-rigorożità akkademika; jenfasizza li, fid-dawl tas-sitwazzjoni soċjoekonomika differenti u d-drawwiet edukattivi differenti tal-Istati Membri, jeħtieġ li jkunu evitati approċċi preskrittivi uniformi; jissottolinja li l-Aġenda għall-Ħiliet għall-Ewropa li jmiss, hija u tikkonċentra bir-raġun fuq l-isfidi ekonomiċi u tal-impjiegi, għandha wkoll taffronta l-importanza tal-għarfien tas-suġġetti, tar-riżultati akkademiċi, tal-ħsieb kritiku u tal-kreattività; jistieden, fl-istess ħin, lill-Istati Membri jappoġġaw inizjattivi li fihom l-istudenti jkunu jistgħu juru ħiliethom quddiem il-pubbliku u l-impjegaturi potenzjali;

10.  Jirrimarka dwar ir-riskji marbutin mar-radikalizzazzjoni li qed tikber, il-vjolenza, il-bullying u l-problemi tal-mġiba li jkunu diġà bdew fil-livell primarju; jistieden lill-Kummissjoni twettaq riċerka fil-livell tal-UE u tippreżenta ħarsa ġenerali tas-sitwazzjoni fl-Istati Membri kollha, u tindika r-reazzjoni tagħhom għal dawn ix-xejriet u jekk Istati Membri inkludewx u kif inkludew l-edukazzjoni etika, personali u soċjali fil-kurrikuli tagħhom bħala strument li s'issa rnexxa f'ħafna skejjel, inkluż l-appoġġ għall-għalliema fir-rigward tal-ħiliet orizzontali; iħeġġeġ lill-Istati Membri jaqsmu l-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

11.   Jindika l-valur ta' approċċ ibbażat fuq il-komunità għall-edukazzjoni formali, mhux formali u informali u ta' rabtiet b'saħħithom bejn l-ambjenti ta' tagħlim u l-familji;

12.   Jappella għal parteċipazzjoni akbar tal-atturi rilevanti kollha fil-ħidma tal-ET2020;

13.  Huwa tal-fehma li l-istudenti nfushom għandhom jiġu mħeġġa jipparteċipaw b'mod attiv fil-governanza tal-istrutturi tat-tagħlim tagħhom, f'kull età u f'kull tip ta' tagħlim;

14.   Jinkoraġġixxi lill-Istati membri jsaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni għolja u l-edukazzjoni u taħriġ vokazzjonali (ETV), l-istituti ta' riċerka u s-settur ekonomiku, u jiggarantixxu l-involviment tas-sħab soċjali u tas-soċjetà ċivili; josserva li din is-sħubija se ssaħħaħ l-impatt tal-ET2020 u r-rilevanza tas-sistemi ta' tagħlim biex jiżdiedu l-kapaċitajiet ta' innovazzjoni tal-Ewropa;

15.   Jenfasizza li l-istrateġiji ta' komunikazzjoni skola-ġenituri u l-programmi għall-iżvilupp tal-karattru u programmi oħra ta' żvilupp personali, implimentati f'kuntesti ta' tagħlim f'kooperazzjoni mal-familji u ma' sħab soċjali rilevanti oħrajn, jistgħu jikkontribwixxu biex tissaħħaħ il-konverġenza soċjali, tkun promossa ċ-ċittadinanza attiva u l-valuri Ewropej minquxa fit-Trattati kif ukoll tkun evitata r-radikalizzazzjoni; jissottolinja li ambjent domestiku favorevoli huwa kruċjali fit-tiswir tal-profiċjenza fil-ħiliet bażiċi tat-tfal u jindika l-valur tal-korsijiet għall-ġenituri li jistgħu jkunu effikaċi fil-ġlieda kontra l-faqar fl-edukazzjoni;

16.  Jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki fi ħdan il-qafas tal-ET2020;

17.   Jenfasizza li l-kooperazzjoni permezz tal-ET2020 fundamentalment tikkomplementa miżuri nazzjonali, bħalma huma t-tagħlim reċiproku, il-ġbir ta' data, il-gruppi ta' ħidma u l-ikambji tal-aħjar prattiki nazzjonali, li se jissaħħu permezz ta' titjib fit-trasparenza u fil-koordinament tagħhom u fit-tixrid tar-riżultati tagħhom;

18.   Jissottolinja l-importanza tal-parteċipazzjoni ta' assoċjazzjonijiet esterni u NGOs fi ħdan l-iskejjel biex jagħtu lit-tfal aktar ħiliet u kompetenzi soċjali, bħall-arti jew l-attivitajiet manwali, u b'hekk jgħinu l-integrazzjoni, il-fehim aħjar tal-ambjent, is-solidarjetà fit-tagħlim u fil-ħajja u jiffaċilitaw il-kompetenzi ta' tagħlim tal-klassijiet sħaħ;

19.   Jinsab imħasseb li l-kwalità tat-tagħlim u tat-taħriġ tal-għalliema f'ċerti Stati Membri tal-UE qiegħda taqa' lura f'termini ta' firxa u kumplessità, fir-rigward tal-kompetenzi neċessarji biex dak li jkun jgħallem illum il-ġurnata, eż. meta jkollu x'jaqsam ma diversità dejjem akbar ta' studenti, l-użu ta' pedagoġiji innovattivi u l-għodda tal-ICT;

20.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jadattaw il-programmi inizjali tagħhom ta' taħriġ u ta' żvilupp permanenti tal-għalliema f'attività, jisfruttaw bl-aħjar mod l-attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri u jippromwovu l-kooperazzjoni u s-sħubijiet bejn l-istituti ta' taħriġ tal-għalliema u l-iskejjel;

21.  Jilqa' favorevolment il-prijorità l-ġdida tal-ET2020 li tipprevedi t-titjib tas-sostenn għall-għalliema u li jissaħħaħ l-istatus tagħhom, li huwa essenzjali sabiex ikunu jistgħu jiksbu r-rispett meħtieġ, u b'hekk il-professjoni tagħhom issir aktar attraenti; huwa tal-fehma li, biex dan l-objettiv jinkiseb ikunu jinħtieġu preparazzjoni u taħriġ aħjar tal-għalliema u titjib tal-kundizzjonijiet ta' xogħol tagħhom, inkluż iż-żieda fis-salarji f'ċerti Stati Membri, billi l-għalliema ġeneralment jaqalgħu inqas mill-paga medja li jaqalgħu l-gradwati;

22.  Josserva bi tħassib li fi wħud mill-Istati Membri, speċjalment fil-pajjiżi f'diffikultà, il-preparazzjoni tal-għalliema u l-kwalità tal-edukazzjoni marru għall-agħar minħabba n-nuqqas ta' persunal u tat-tqaċċit fl-edukazzjoni;

23.  Jirrimarka li l-għoti ta' edukazzjoni u taħriġ miftuħin u innovattivi huwa qasam prijoritarju fl-ET2020; jisħaq fuq l-importanza li jiġu żviluppati u promossi l-innovazzjoni u l-flessibilità fil-metodi ta' tagħlim u t-trasferiment tal-għarfien, li fihom l-individwi huma parteċipanti attivi;

24.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal li joffru d-diġitalizzazzjoni, l-ICTs u t-teknoloġiji l-ġodda, inkluż l-użu ta' pjattaformi open data u ta' korsijiet online miftuħin (MOOCs), biex jitjiebu l-kwalità u l-aċċessibilità tat-tagħlim; jistieden lill-UE u lill-Istati Membri jagħmlu l-isforzi neċessarji biex itejbu l-kompetenzi diġitali u tal-ICTs, anke permezz tal-organizzazzjoni ta' taħriġ speċifiku għall-użu ta' dawn l-istrumenti maħsuba għall-għalliema u għall-istudenti fil-livell ta' skejjel u universitajiet; jinkoraġġixxi l-iskambju tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni transkonfinali msaħħa f'dan il-qasam;

25.   Ifaħħar l-attenzjoni mogħtija mill-Kummissjoni lill-importanza tal-ħiliet diġitali; jissottolinja li għat-tħejjija taż-żgħażagħ għas-seklu XXI dawn il-ħiliet huma essenzjali;

26.  Jissottolinja li għandha tingħata attenzjoni akbar lit-titjib tar-riżultati tat-tagħlim relattivament għar-riżorsi disponibbli fi ħdan il-qafas tal-ET2020, b'mod partikolari fir-rigward tat-tagħlim għall-adulti;

27.  Jinkoraġġixxi lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jirrevedu r-regoli eżistenti fil-qasam tal-evalwazzjoni tal-programmi ta' edukazzjoni u taħriġ finanzjati mill-istrumenti finanzjarji Ewropej, b'enfasi aktar b'saħħitha fuq il-valutazzjoni tal-impatt ibbażata fuq il-kwalità u r-riżultati tagħhom meta mqabbla mal-prijoritajiet ET2020 li jkunu ġew rispettati;

28.   Jistieden lill-Istati Membri jappoġġaw, permezz ta' boroż ta' studju u ta' self, dawk il-perkorsi edukattivi u ta' studju li l-istruttura tagħhom tgħinhom biex jonqos id-distakk bejn l-edukazzjoni u l-ħtiġijiet prattiċi;

29.  Jenfasizza l-ħtieġa li l-isforzi jiġu kkonċentrati b'mod aħjar fil-qasam tal-edukazzjoni u taħriġ permezz tat-tagħqid u tas-semplifikazzjoni ta' programmi u inizjattivi eżistenti;

30.   Jistieden lill-Kummissjoni, meta jkun xieraq, tittratta l-gruppi minoritarji b'mod separat u diskret sabiex tirreaġixxi aħjar għall-problemi rispettivi li jħabbat wiċċu magħhom kull grupp;

31.   Jemmen bis-sħiħ li l-investiment fl-edukazzjoni u l-kura bikrija tat-tfal (ECEC), imfassla b'mod xieraq għal-livell ta' sensittività u ta' maturità ta' kull pubbliku destinatarju, iġib riżultati aħjar mill-investiment fi kwalunkwe fażi oħra tal-edukazzjoni; jirrimarka li ntwera bil-provi li l-investiment fis-snin bikrin tal-edukazzjoni jnaqqas l-ispejjeż aktar tard;

32.  Jemmen ukoll li s-suċċess tal-edukazzjoni fil-livelli kollha jiddependi minn għalliema mħarrġa sew, u mit-taħriġ professjonali tagħhom li jkun javvanza kontinwament, u għaldaqstant ikun jeħtieġ investiment suffiċjenti fit-taħriġ tal-għalliema;

Kwalità tal-edukazzjoni u tat-taħriġ

33.   Jitlob li tingħata attenzjoni akbar lill-kwalità tal-edukazzjoni li tibda mill-kindergarten u tibqa' għaddejja tul il-ħajja;

34.   Jagħmel appell għall-iżvilupp ta' prattiki tajba fil-valutazzjoni tal-progress kwalitattiv u tal-investimenti fl-użu ta' data ta' kwalità mal-partijiet interessati f'livell lokali, reġjonali u nazzjonali, minkejja l-importanza tal-indikaturi u tal-parametri ta' riferiment użati fil-qafas ET2020;

35.  Jenfasizza l-importanza tat-tagħlim tal-ħiliet bażiċi ġenerali bħall-ICTs, il-matematika, il-ħsieb kritiku, il-lingwi barranin, il-mobilità, eċċ., li jippermettu liż-żgħażagħ jadattaw faċilment għall-ambjent soċjali u ekonomiku li qed jinbidel;

36.  Josserva n-numru bla preċedent tal-istudenti involuti fl-edukazzjoni formali; jesprimi tħassib dwar il-fatt li l-livell ta' qgħad fost iż-żgħażagħ fl-UE għadu għoli u r-rata ta' impjieg tal-gradwati naqset;

37.  Jenfasizza li l-miri tal-punti ta' riferiment dwar l-edukazzjoni u t-taħriġ stabbiliti fl-istrateġija Ewropa 2020, inkluż, b'mod partikolari, it-tnaqqis fir-rata ta' tluq bikri mill-iskola għal inqas minn 10 % u l-kisba ta' ċifra ta' 40 % tal-ġenerazzjoni żagħżugħa b'lawrja terzjarja, m'għandhomx jintlaħqu għad-detriment tal-kwalità fl-edukazzjoni, iżda pjuttost għandhom jiġu sodisfatti billi tittieħed inkunsiderazzjoni l-ewwel mira ET 2020 ta' "ħiliet u kompetenzi rilevanti u ta' kwalità għolja"; jinnota li mod wieħed kif dan jista' jinkiseb huwa permezz tal-iżvilupp ta' proġetti ta' edukazzjoni doppja;

38.  Jiġbed l-attenzjoni għall-fatt li t-testijiet standardizzati u l-approċċi kwantitattivi għall-rendikont edukattiv l-aktar l-aktar ikejlu firxa limitata ta' kompetenzi tradizzjonali, u jista' jkollhom il-konsegwenza li l-iskejjel ikollhom jadattaw is-sillabi tat-tagħlim għall-materjal tat-test, u b'hekk jittraskuraw il-valuri intrinsiċi tal-edukazzjoni; jindika li l-edukazzjoni u t-taħriġ għandhom rwol importanti fl-iżvilupp ta' kwalitajiet etiċi u ċivili u sens ta' umanità, filwaqt li x-xogħol tal-għalliema u l-kisbiet tal-istudenti f'dan il-qasam huma injorati mir-riżultati tat-testijiet; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' flessibilità, innovazzjoni u kreattività f'xenarji edukattivi li jistgħu jagħtu spinta lill-kwalità u l-kisbiet edukattivi;

39.   Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati ħiliet bażiċi biex tinkiseb edukazzjoni ta' kwalità;

40.   Jenfasizza l-importanza li tingħata edukazzjoni bikrija ta' kwalità għolja u tal-modernizzazzjoni f'waqtha tagħha; jenfasizza r-rwol kruċjali ta' approċċ ċentrat fuq l-individwu fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ li jkun ta' benefiċċju għall-iżvilupp tal-kreattività u l-ħsieb kritiku, filwaqt li ssir enfasi fuq l-interessi personali, il-bżonnijiet u l-kapaċitajiet tal-istudenti;

41.  Jistieden lill-Istati Membri jidderieġu l-investimenti fl-edukazzjoni inklużiva, li twieġeb għall-isfidi tas-soċjetà sabiex jiġu żgurati aċċess indaqs u opportunitajiet għal kulħadd; jenfasizza li l-edukazzjoni u t-taħriġ ta' kwalità, inklużi l-opportunitajiet u programmi ta' tagħlim tul il-ħajja li jindirizzaw kull forma ta' diskriminazzjoni, inugwaljanzi ekonomiċi u soċjali u l-kawżi tal-esklużjoni huma essenzjali biex jittejbu l-koeżjoni soċjali u l-ħajja ta' żgħażagħ li jbatu minn żvantaġġi mil-lat soċjali u ekonomiku, kif ukoll il-persuni minn gruppi minoritarji, u jenfasizza l-ħtieġa ta' sforzi kontinwi biex titnaqqas ir-rata tagħhom ta' tluq bikri mill-iskola;

42.  Jitlob inklużjoni akbar fl-edukazzjoni u t-taħriġ sabiex tieħu ħsieb il-persuni b'diżabilità jew bi bżonnijiet speċjali, u fl-istess ħin iħeġġeġ li t-taħriġ tal-għalliema jiġi mtejjeb sabiex l-għalliema jingħataw il-ħiliet biex ikunu kapaċi jinkludu, jintegraw u jassistu lill-istudenti b'diżabilitajiet;

43.  Jenfasizza li l-effetti indiretti tal-proċess ta' Bolonja u l-mobilità tal-istudenti għandhom jiġu eżaminati u vvalutati; jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jagħmlu sforz akbar biex jilħqu l-objettivi u jiżguraw l-implimentazzjoni tar-riformi miftiehma fil-qafas tal-proċess ta' Bolonja u l-programmi ta' mobilità, u biex jimpenjaw ruħhom biex jaħdmu flimkien b'mod aktar effettiv biex jikkoreġu n-nuqqasijiet tagħhom bil-għan li jirriflettu aħjar il-ħtiġijiet tal-istudenti u tal-komunità akkademika kollha kemm hi, u jistimulaw u jappoġġaw titjib fil-kwalità tal-edukazzjoni ogħla;

44.  Jiffavorixxi involviment usa' tal-komunità universitarja fiċ-ċiklu ta' ħidma tal-ET2020;

45.   Jinnota li l-proċess ta' Bolonja kien il-forza li wasslet għal kisbiet sinifikanti u hu tal-fehma li l-istituti edukattivi għandhom japplikaw il-flessibilità meta jużaw moduli u tas-Sistema Ewropea għall-Akkumulazzjoni u t-Trasferiment ta' Krediti (ECTS);

46.  Jilqa' l-isforzi biex tiżdied ir-reġistrazzjoni għal dixxiplini STEM (Xjenza, Teknoloġija, Inġinerija u Matematika), imma mhux askapitu tal-istudji umanistiċi li huma indispensabbli biex isir użu tajjeb tal-opportunitajiet ippreżentati mid-dixxiplini STEM;

47.  Jenfasizza li l-kisba ta' riżultati finanzjarji ma għandhiex tkun prerekwiżit għall-attivitajiet akkademiċi kollha u f'dan ir-rigward jitlob li jsiru sforzi biex jiġi żgurat li l-istudji umanistiċi ma jirriskjawx li jiġu kkanċellati mix-xenarju tar-riċerka;

48.  Jiffavorixxi approċċ aktar olistiku li jenfasizza l-importanza ta' varjetà ta' dixxiplini fl-edukazzjoni u r-riċerka;

49.  Jappoġġa bidla lejn approċċ fejn il-programmi ta' mobilità jiġu maħsuba f'termini ta' riżultati kwalitattivi li jirrispondu għall-prijoritajiet u jservu objettivi ta' tagħlim u taħriġ stabbilti; jitlob implimentazzjoni xierqa tal-proposti tal-Karta Ewropea ta' Kwalità favur il-Mobilità u użu aħjar tal-għodod kollha disponibbli biex jippreparaw lill-istudenti għat-tip l-aktar xieraq ta' mobilità li jkollhom bżonn; iħeġġeġ lill-Istati Membri jisfruttaw bis-sħiħ il-potenzjal ta' internazzjonalizzazzjoni f'pajjiżhom biex l-istudenti li jippreferu li ma jipparteċipawx f'mobilità barra jingħataw dimensjoni internazzjonali matul l-istudji tagħhom;

50.  Jafferma mill-ġdid il-ħtieġa li tiġi żgurata aċċessibilità ta' opportunitajiet ta' mobilità fit-taħriġ vokazzjonali, għal żgħażagħ żvantaġġati u persuni vittmi ta' forom differenti ta' diskriminazzjoni; jenfasizza r-rwol importanti tal-programmi ta' mobilità bħal Erasmus+ fl-istimolu tal-iżvilupp tal-ħiliet u l-kompetenzi trasversali fost iż-żgħażagħ; jenfasizza l-ħtieġa li l-Aġenda Ewropea Mġedda għat-tagħlim tal-adulti tissaħħaħ;

51.  Jenfasizza l-importanza ta' qafas globali ta' rikonoxximent ta' kwalifiki u diplomi bħala essenzjali biex tiġi żgurata mobilità edukattiva u mobilità tax-xogħol fuq skala transkonfinali;

52.  Jitlob li jkun hemm aktar sforzi fil-validazzjoni ta' tagħlim formali u informali, inklużi s-servizzi volontarji, u għall-iżvilupp ta' strumenti ta' rikonoxximent tal-għarfien u l-kompetenzi miksuba b'mod diġitali;

53.  Jinnota li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex jiġu ssimplifikati u rrazzjonalizzati l-istrumenti eżistenti tal-UE dwar il-ħiliet u l-kwalifiki li huma diretti lejn il-pubbliku inġenerali, biex b'hekk dan ikun jista' jintlaħaq iżjed, f'konformità mar-riżultati tal-istħarriġ tal-Kummissjoni li sar fl-2014 bit-titolu "European Area of Skills and Qualification" ("Żona Ewropea ta' Ħiliet u l-Kwalifiki");

Migrazzjoni u edukazzjoni

54.  Jenfasizza li l-isfidi għas-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ li jġibu magħhom il-migrazzjoni intra-Ewropea u extra-Ewropea u l-kriżi attwali tar-rifuġjati u l-kriżi umanitarja għandhom jiġu indirizzati fil-livell Ewropew, nazzjonali u reġjonali;

55.  Jenfasizza li n-nuqqas li l-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil jingħataw edukazzjoni u taħriġ se jinfluwenza b'mod negattiv l-impjegabilità futura tagħhom, l-iżvilupp tagħhom ta' għarfien tal-valuri kulturali u soċjali tal-pajjiż ospitanti tagħhom, u, finalment, l-integrazzjoni u l-kontribut tagħhom lis-soċjetà;

56.  Jitlob li jkun hemm kooperazzjoni aħjar bejn l-awtoritajiet tal-UE u dawk nazzjonali sabiex jinstab l-aħjar approċċ biex ir-rifuġjati u l-migranti jiġu integrati rapidament, bis-sħiħ u b'mod sostenibbli fis-sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ;

57.  Jilqa' d-deċiżjoni tal-integrazzjoni tal-edukazzjoni tal-migranti fix-xogħol tal-Gruppi ta' Ħidma tal-ET2020 u biex jiġu organizzati attivitajiet ta' tagħlim rispettivi bejn il-pari fil-ħajja inizjali tagħhom;

58.   Jenfasizza l-ħtieġa li l-ministeri tal-edukazzjoni tal-Istati Membri u d-DĠ EAC tal-Kummissjoni jikkooperaw sabiex jiġi żgurat aċċess ugwali għal edukazzjoni ta' kwalità għolja, b'mod partikolari billi jilħqu l-aktar persuni żvantaġġati u persuni bi sfondi differenti, inklużi l-migranti li jkunu għadhom kif jaslu, u billi jintegrawhom f'ambjent pożittiv għat-tagħlim;

59.  Jitlob miżuri Ewropej biex jiġu integrati tfal migranti, rifuġjati jew li jfittxu asil ġewwa u barra l-Ewropa f'sistemi ta' edukazzjoni u taħriġ u biex jiġu megħjuna jadattaw għall-kurrikuli u l-istandards tat-tagħlim tal-Istat Membru ospitanti billi jappoġġaw metodi innovattivi ta' tagħlim u jipprovdu lit-tfal b'assistenza fil-lingwa, u jekk meħtieġ, assistenza soċjali, kif ukoll jgħinuhom isiru midħla tal-kultura u l-valuri tal-pajjiż ospitanti filwaqt li jippreżervaw il-wirt kulturali tagħhom stess;

60.  Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jikkunsidraw il-possibilitajiet li jintegraw l-għalliema u l-akkademiċi migranti fis-sistemi edukattivi Ewropej u li jużaw il-ħiliet u l-esperjenzi tal-lingwa u t-tagħlim tagħhom bi skop pożittiv;

61.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri u l-awtoritajiet edukattivi joffru pariri u appoġġ lit-tfal migranti, rifuġjati u li jfittxu asil li jippruvaw jiksbu aċċess għas-servizzi tal-edukazzjoni permezz tal-għoti ta' informazzjoni ċara u punti ta' kuntatt viżibbli;

62.  Jesprimi t-tħassib tiegħu għall-fatt li nofs il-ħarrieġa tal-għalliema fil-pajjiżi tal-OECD jħossu li s-sistemi ta' taħriġ tal-għalliema ma jħejjuhomx biżżejjed biex jimmaniġġjaw id-diversità tagħhom b'mod effettiv, u jħeġġeġ lill-Istati Membri kkonċernati jiggarantixxu appoġġ professjonali kontinwu għall-għalliema f'dan il-qasam, billi jingħataw il-kompetenzi pedagoġiċi meħtieġa dwar temi ta' migrazzjoni u akkulturazzjoni u jippermettulhom jużaw id-diversità bħala riżorsa għanja għat-tagħlim fil-klassijiet; huwa favur użu aħjar tal-potenzjal ta' attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari fost l-Istati Membri;

63.  Jappoġġa l-idea li jinħolqu uffiċċji ta' assistenza u linji gwida għall-għalliema li joffrulhom appoġġ f'waqtu fil-ġestjoni ta' tipi varji ta' diversità b'mod pożittiv u li jippromwovu d-djalogu interkulturali fil-klassi, kif ukoll gwida meta kkonfrontati bi studenti fir-riskju li jiġu radikalizzati;

64.  Jitlob il-ħolqien ta' sinerġiji differenzjati bejn il-Gruppi ta' Ħidma ET2020 u n-netwerks bħall-Grupp ta' Ħidma dwar l-Edukazzjoni tan-Netwerk ta' Sensibilizzazzjoni dwar ir-Radikalizzazzjoni (RAN);

65.  Jitlob it-twaqqif ta' Grupp ta' Esperti rilevanti kif previst fil-Pjan ta' Ħidma tal-Unjoni Ewropea għaż-Żgħażagħ għall-2016-2018;

66.  Jenfasizza l-bżonn ta' aktar programmi ta' tagħlim ibbażati fuq il-lingwa;

67.  Jistieden lill-Istati Membri jagħmlu sforzi sabiex jiżviluppaw malajr u jimplimentaw mekkaniżmi biex itejbu l-fehim u l-identifikazzjoni tal-kwalifiki tal-migranti, ir-rifuġjati u l-persuni li jfittxu asil, billi ħafna li jidħlu fl-UE jiġu mingħajr ebda prova tal-kwalifiki formali tagħhom;

68.  Jistieden lill-Istati Membri jeżaminaw kif forom eżistenti ta' rikonoxximent tal-kwalifiki professjonali jistgħu jiġu żviluppati, inklużi verifiki xierqa tal-isfond edukattiv;

69.  Jemmen li t-tagħlim mhux formali u informali għandu l-potenzjal li jkun għodda effettiva biex tirnexxi l-integrazzjoni tar-rifuġjati fis-suq tax-xogħol u s-soċjetà;

70.  Jenfasizza r-rwol importanti tat-tagħlim mhux formali u informali, kif ukoll tal-parteċipazzjoni f'attivitajiet sportivi u ta' volontarjat, fl-istimolazzjoni tal-iżvilupp tal-kompetenzi ċiviċi, soċjali u interkulturali; jenfasizza l-fatt li xi pajjiżi għamlu progress sinifikanti fl-iżvilupp ta' oqfsa ġuridiċi rilevanti, filwaqt li oħrajn għandhom diffikultajiet biex joħolqu strateġiji komprensivi ta' validazzjoni; jenfasizza, għaldaqstant, il-ħtieġa li jiġu żviluppati strateġiji komprensivi biex il-validazzjoni ssir possibbli;

71.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw miżuri għal migranti, rifuġjati u studenti li qed ifittxu asil li jinkitbu f'istituzzjonijiet ta' livell universitarju, mingħajr preġudizzju għar-regoli nazzjonali u l-kompetenzi dwar l-aċċess għall-edukazzjoni u t-taħriġ; jilqa' l-inizjattivi adottati f'dan ir-rigward minn numru ta' universitajiet Ewropej, u jħeġġeġ l-iskambju tal-aħjar prassi f'dan il-qasam;

72.  Jitlob il-ħolqien ta' "kurituri ta' edukazzjoni" li jagħmluha possibbli għall-istudenti li huma rifuġjati jew li ġejjin minn żoni ta' kunflitt jinkitbu f'universitajiet Ewropej, inkluż għat-tagħlim mill-bogħod;

73.   Jistieden lill-Istati Membri jiffaċilitaw ir-reġistrazzjoni tal-istudenti migranti fil-livelli kollha tal-edukazzjoni;

74.  Iqis li l-programm Science4Refugees għandu jiġi evalwat u, jekk ikun meħtieġ, żviluppat ulterjorment; jiffavorixxi appoġġ fil-livell tal-UE u nazzjonali għal istituzzjonijiet mingħajr skop ta' lukru li jipprovdu assistenza lill-akkademiċi migranti, rifuġjati u li qed ifittxu asil fix-xjenza u f'oqsma professjonali oħra;

75.  Jinnota li l-"eżodu tal-imħuħ" joħloq riskji għal dawk l-Istati Membri, speċjalment fl-Ewropa Ċentrali/tal-Lvant u tan-Nofsinhar, fejn numru dejjem akbar ta' żgħażagħ gradwati qed ikollhom jemigraw; jesprimi tħassib dwar il-fatt li Gruppi ta' Ħidma tal-ET2020 mhux qed jirnexxilhom jindirizzaw b'mod adegwat il-kunċett ta' mobilità żbilanċjata, u jisħaq fuq il-bżonn li tiġi indirizzata l-problema fil-livell nazzjonali u tal-UE;

76.  Jenfasizza r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni u t-taħriġ fl-għoti tas-setgħa lin-nisa fl-oqsma kollha tal-ħajja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu indirizzati d-differenzi bejn is-sessi u li jiġu rikonoxxuti l-bżonnijiet partikolari tan-nisa żgħażagħ billi l-perspettiva tas-sessi tiġi inkluża fl-ET2020; jenfasizza li, peress li l-ugwaljanza bejn l-irġiel u n-nisa hija waħda mill-valuri li fuqha ġiet ibbażata l-UE, hemm il-ħtieġa li l-istituzzjonijiet edukattivi kollha japprovaw u jimplimentaw dan il-prinċipju fost l-istudenti tagħhom, bl-għan li jrawmu t-tolleranza, in-nondiskriminazzjoni, iċ-ċittadinanza attiva, il-koeżjoni soċjali u djalogu interkulturali;

77.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill u lill-Kummissjoni, kif ukoll lill-gvernijiet u lill-parlamenti tal-Istati Membri.

NOTA SPJEGATTIVA

L-eżerċizzju ta' evalwazzjoni tar-rendikont tal-Qafas ET2020 twettaq mill-Kummissjoni b'kooperazzjoni mal-Istati Membri fl-2014. Il-Kummissjoni u l-Kunsill inkludew numru ta' rakkomandazzjonijiet magħmula mill-partijiet interessati, bil-għan li jiżdied il-valur miżjud u tiġi ottimizzata l-effikaċja tal-qafas. Ta' min wieħed jenfasizza li r-Rapport Konġunt ippubblikat mill-Kummissjoni u mill-Kunsill f'Novembru 2015 jindirizza l-problema tan-natura kumplessa tal-ET2020, li mhux dejjem kienet aċċettata minn uħud mill-parteċipanti jew minn partijiet mill-komunità fuq skala ikbar. Ir-rwol tal-entitajiet ta' governanza informali ssaħħaħ ġew stabbiliti ċirkwiti ta' feedback bejn il-Gruppi ta' Ħidma u d-Direttorati Ġenerali jew il-Gruppi ta' Livell Għoli. Uħud mill-Istati Membri xorta għandhom itejbu l-mod li bih jinteraġixxu mal-istrutturi formali u informali billi jiżguraw li jintbagħtu l-aħjar nies għal-laqgħat u li kemm jista' jkun isir użu minimu ta' sostituti.

Bi qbil mar-rakkomandazzjonijiet tal-partijiet interessati f'Diċembru 2015, il-Kummissjoni ddefiniet il-mandati tal-ġenerazzjoni l-ġdida ta' Gruppi ta' Ħidma billi tat deskrizzjoni ġenerali tal-istruttura ta' ħidma u tar-riżultati li kellhom jinkisbu. Hu essenzjali li l-Gruppi ta' Ħidma jinkludu diversi partijiet interessati b'għarfien espert rilevanti għall-ispeċifitajiet ta' kull entità u għalhekk l-informazzjoni dwar is-sejħa pubblika għal applikazzjoni għas-sħubija għandha tixxerred fost l-assoċjazzjonijiet tal-partijiet interessati fil-livell Ewropew. Hu daqstant importanti li l-esperti individwali u indipendenti jiġu involuti b'mod aktar mifrux fil-ħidma tal-Gruppi ta' Ħidma u ta' entitajiet oħra tal-ET2020. Hemm bżonn ta' djalogu mill-qrib bejn il-Kummissjoni, l-Istati Membri u l-partijiet interessati edukattivi u dan għandu jseħħ permezz ta' konsultazzjoni regolari u laqgħat ta' koordinament sabiex jiġi żgurat is-segwitu reali tar-rakkomandazzjonijiet żviluppati mil-laqgħat tas-soċjetà ċivili dwar l-edukazzjoni. Matul ċiklu ta' ħidma ġdid, ir-riżultati tanġibbli tal-inizjattivi Ewropej u nazzjonali fit-taħriġ u fl-edukazzjoni għandhom jiġu kkomunikati aħjar u distribwiti biex jippermettu li messaġġi ewlenin jilħqu pubbliku aktar mifrux u biex ikopru l-iskambju tal-għarfien.

L-edukazzjoni u t-taħriġ huma importanti biex jgħinu lin-nies jakkwistaw l-għarfien u l-ħiliet professjonali li jeħtieġu biex isiru impjegati kompetittivi u innovattivi. Barra minn hekk, jistgħu jwettqu rwol importanti biex irawmu bnedmin u ċittadini responsabbli b'moħħ miftuħ, b'sens ta' empatija, u b'għatx għat-tagħlim, li jkollhom sens ta' identità qawwi, għarfien profond tal-kultura u tal-patrimonju tagħhom, u li jirrikonoxxu u jonoraw il-valuri kondiviżi Ewropej. Għandna nilqgħu l-fatt li d-Dikjarazzjoni ta' Pariġi tal-Ministri tal-Edukazzjoni tas-17 ta' Marzu 2015 kienet riflessa fir-Rapport Konġunt u li l-kalibrazzjoni mill-ġdid tal-ET 2020 seħħet billi l-għanijiet ta' impjegabilità u l-promozzjoni tal-koeżjoni soċjali, l-ugwaljanza, in-nondiskriminazzjoni u l-kompetenzi ċiviċi kollha tpoġġew fuq l-istess livell.

Tul dawn l-aħħar għaxar snin, in-numru ta' nies li jkomplu l-edukazzjoni formali żied ħafna, iżda fl-istess ħin, l-Ewropa għadha ppersegwitata minn livelli mingħajr preċedent ta' qgħad fost iż-żgħażagħ, li qiegħed jaffettwa wkoll lill-gradwati. Bejn l-2011 u l-2014, ir-rata medja tal-qgħad fit-28 Stat tal-UE żdiedet l-aktar fost iż-żgħażagħ (f'età ta' 25-29) li kienu lestew l-edukazzjoni terzjarja tagħhom (+ 12,9 %). L-isforzi mwettqa biex jiġu kkultivati l-ekonomiji tal-għarfien u biex tiġi promossa l-inklużjoni soċjali ġew riflessi fl-intestatura doppja tal-istrateġija Ewropa 2020: parti waħda tistabbilixxi limitu minimu għal-livell milħuq tal-edukazzjoni; l-oħra hi kkonċernata bl-espansjoni tal-livelli ogħla tal-edukazzjoni. L-esperti jindikaw li implikazzjoni waħda tal-parteċipazzjoni tal-massa fl-edukazzjoni terzjarja qed tkabbar l-inugwaljanza fi ħdan is-sistemi edukattivi. Hekk kif is-sistema tespandi, id-differenza bejn l-istabbilimenti edukattivi tan-naħa ta' fuq u tan-naħa t'isfel fi kwalunkwe pajjiż qed tikber b'effetti ta' ħsara għall-kwalità tal-edukazzjoni, il-prospetti ta' impjegabilità tal-gradwati u l-koeżjoni soċjali. L-ilħuq ta' parametri ta' riferiment fil-livelli milħuqa fl-edukazzjoni, għalhekk, għandu jiġi akkumpanjat b'enfasi qawwija fuq it-titjib tal-kwalità tal-edukazzjoni fil-livelli kollha. Dawk li jfasslu l-politika għandhom ukoll jevitaw l-attrazzjoni ta' akkademizzazzjoni artifiċjali ta' professjonisti speċifiċ u l-isfurzar ta' rati ta' edukazzjoni terzjarja, li hu kontroproduċenti u jirrappreżenta użu ħażin ta' fondi pubbliċi.

Jilqa' l-fatt li l-appoġġ għall-edukaturi ġie identifikat bħala wieħed mill-oqsma ta' prijorità l-ġodda tal-ET2020, peress li l-kwalità tal-preparazzjoni tal-għalliema u ta' programmi ta' żvillup professjonali kontinwu għadhom lura meta mqabbel mal-firxa dejjem akbar u l-kumplessità ta' kompetenzi li llum il-ġurnata huma meħtieġa għat-tagħlim. Għandha tingħata attenzjoni speċjali lill-bżonnijiet tat-tipi diversi ta' studenti, bħal dawk minn minoranzi etniċi u reliġjużi, tfal minn familji b'introjtu baxx jew tfal li ġejjin minn oriġini migranti u li llum huma fiċ-ċentru ta' interess ġdid fid-dawl tal-mobilità intra-Ewropea mħaffa u l-kriżi kontinwa tar-rifuġjati.

Il-problemi tal-Ewropa bħat-tkabbir tad-distakk fl-introjtu, is-segregazzjoni kulturali, u r-radikalizzazzjoni politika u reliġjuża dejjem akbar kemm fuq il-lemin kif ukoll fuq ix-xellug, l-erożjoni tal-valuri u sens dejjem akbar ta' diżorjentament assjoloġiku ma jistgħux jiġu indirizzati b'mod sinifikanti mingħajr it-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-iskejjel u l-familji u mingħajr ma jiġi rikonoxxut li huma l-ġenituri li huma primarjament responsabbli għall-edukazzjoni ta' wliedhom. Ambjent ta' appoġġ fid-dar jista' jgħin mhux biss biex jiġi miġġieled il-faqar fl-edukazzjoni, iżda wkoll biex ipatti għall-attirazzjoni tal-estremiżmu vjolenti fost iż-żgħażagħ. Huwa importanti għall-ġenituri bħala edukaturi li jservu ta' mudelli għat-tfal tagħhom, biex jiżviluppaw valuri morali u ċiviċi, biex tinħoloq atmosfera miftuħa fid-dar, fejn it-tfal jingħataw responsabiltajiet u jkunu jistgħu jipparteċipaw b'mod sinifikanti fid-deċiżjonijiet li jolqtu ħajjithom stess. Ir-rwol tal-ġenituri għandu jkun enfasizzat fid-dibattitu attwali dwar l-edukazzjoni u dawn għandhom jirċievu appoġġ adegwat għall-bini tal-ħiliet meħtieġa biex jiksbu kapaċitajiet pożittivi bħala ġenituri. Għalhekk huwa estremament importanti li l-assoċjazzjonijiet tal-ġenituri jiġu involvuti fil-ħidma tal-ET2020 u li jisaħħaħ l-iskambju tal-prattiki t-tajba ta' kooperazzjoni bejn l-iskola u l-familji.

Rapporti ppubblikati mill-komunità akkademika qajmu tħassib dwar il-fatt li akkademiċi, li darba kienu jikkunsidraw il-proċess ta' Bolonja bħala xi ħaġa pożittiva, issa għandhom impressjoni aktar negattiva dwaru. Id-deterjorament tal-kundizzjonijiet marbuta mal-burokratizzazzjoni, tnaqqis fil-kwalità tat-tagħlim ikkawżati minn frammentazzjoni ta' programmi universitarji u enfasi eċċessiva fuq il-"kompetenza" fil-qasam dejjaq tal-għarfien aktar minn immersjoni f'firxa wiesgħa ta' studji akkademiċi, u sfortunatament tnaqqis fil-libertà akkademika qed jiġu rrappurtati madwar iż-Żona Ewropea ta' Edukazzjoni Għolja (EHEA). Fl-istess ħin, dawk li jħaddmu jilmentaw dwar il-ħiliet ta' persuni gradwati u huma kritiċi ta' struttura ta' lawrja ġdida billi jindikaw li t-tul ta' Lawrja ta' Baċellerat mhuwiex adegwat biex jissodisfa l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol. Ma għandhomx jiġu ttraskurati l-problemi sinifikanti kkawżati mill-prattiki edukattivi madwar l-Ewropa, fi kwalunkwe evalwazzjoni tal-eżiti pożittivi tal-Proċess ta' Bolonja, iżda għandhom jiġu indirizzati b'urġenza minn dawk li jfasslu l-politika. Għandu jkun hemm enfasi partikolari dwar is-soluzzjoni għall-kwistjoni tat-traduzzjoni riġida ta' sigħat fil-ġimgħa f'punti tal-ECTS, in-nuqqas ta' rikonoxximent tal-Lawrja ta' Baċellerat bħala kwalifika personali, il-piż li jiġu applikati ammonti estremament għoljin ta' regolamenti.

Il-programm ta' Erasmus għall-mobilità hu kisba kbira fil-kooperazzjoni Ewropea fl-edukazzjoni, li ppermetta lil 272 000 student u 57 500 membrutal-persunal, sabiex fl-2013-2014 biss ibbenefikaw mill-għarfien u l-esperjenza tal-istituzzjonijiet barranin, biex jesploraw kulturi ġodda ġodda u biex jiżviluppaw il-ħiliet trasversali tagħhom, kif ukoll l-kapaċitajiet lingwistiċi. Fl-istess ħin, ir-riċerka dwar il-fatturi determinanti tal-mobilità internazzjonali tal-istudenti turi li l-mobilità tal-istudenti tal-Erasmus hi motivata aktar minn raġunijiet ta' konsum, kif muri mill-attrazzjoni sinifikanti għal pajjiżi bi klima aktar sħuna, li tixħet dubji dwar jekk l-għanijiet akkademiċi wara l-ħolqien tal-programm humiex qegħdin jinkisbu. L-esperti jenfasizzaw li t-trasferimenti bejn universitajiet medjokri ma jwasslux għal eċċellenza akkademika u barra minn hekk jistgħu jkunu ta' ħsara għall-kwalità tal-edukazzjoni u t-taħriġ, u anke għall-perċezzjonijiet tal-mobilità, u għalhekk qed tintalab bidla kwalitattiva fil-politiki ta' mobilità li għandha tħeġġeġ it-tip ta' mobilità li għandha rabta mill-qrib għall-għanijiet ta' tagħlim.

Mobilità intra-Ewropea mħaffa u l-kriżi kontinwa tar-rifuġjati ħolqu sfidi sinifikanti għas-sistemi edukattivi u ta' taħriġ nazzjonali. Il-klassijiet illum huma aktar varji minn qatt qabel, inklużi studenti li għandhom bżonn assistenza addizzjonali biex jadattaw għall-kurrikula ġodda, ir-rekwiżiti akkademiċi, il-metodi ta' tagħlim, u spiss ukoll lingwa ġdida u normi kulturali ġodda. L-għalliema għandhom bżonn appoġġ addizzjonali, fil-livell ta' taħriġ inizjali tal-għalliema u anke matul il-karrieri tagħhom, permezz ta' korsijiet ta' żvilupp professjonali kontinwu, li jippermettilhom li jgħallmu lit-tfal ta' oriġini migranti b'mod effettiv sabiex tkun iffaċilitata l-integrazzjoni tagħhom fis-soċjetà ospitanti u fl-istess ħin jitħeġġu l-preservazzjoni u l-iżvilupp tal-wirt kulturali tagħhom. Jeżistu diskrepanzi profondi f'termini ta' faqar fl-edukazzjoni bejn studenti nativi u dawk barranin (prestazzjoni baxxa f'ħiliet ta' qari: 30,7 % kontra 16,2 %; matematika: 36,3 % kontra 20,5 %; xjenza: 29,9 % kontra 15,1 %) u l-korrelazzjoni bejn il-prestazzjoni baxxa u l-istatus soċjoekonomiku tal-ġenituri migranti jindikaw li hija meħtieġa firxa wiesgħa ta' azzjonijiet ta' politika, inkluża l-assistenza lingwistika u l-gwida tal-ġenituri. Għandu jiġi enfasizzat li s-suċċess tal-Istati Membri biex jitnaqqsu d-differenzi fil-kisbiet bejn l-immigranti tal-ewwel u t-tieni ġenerazzjoni jvarjaw b'mod sinifikanti, li juri li f'ċeri pajjiżi l-integrazzjoni ta' studenti bi sfond ta' migrazzjoni hi relattivament ta' suċċess, iżda f'pajjiżi oħrajn qed jsir ftit progress bejn l-ewwel u t-tieni ġenerazzjoni. L-użu tal-qafas ET 2020 biex jiġu skambjati eżempji ta' prattika tajba bejn il-pajjiżi li għandhom esperjenza storika fit-trattament tad-diversità u dawk li għalihom il-flussi migratorji huma esperjenza ġdida li twassal għal valur miżjud ta' kooperazzjoni Ewropea għall-edukazzjoni. Il-potenzjal tal-pajjiżi li jwettqu konsultazzjoni bejn il-pari - strument ġdid tal-kooperazzjoni ET2020 - ma għandux jiġi traskurat.

Għalhekk, hemm bżonn ta' miżuri urġenti fil-livelli nazzjonali u Ewropew, anki fi ħdan il-qafas tal-ET2020, fil-qasam tal-edukazzjoni u t-taħriġ għall-adulti li jfittxu asil u li waslu reċentement fl-Ewropa. L-edukazzjoni hi ċ-ċavetta għall-integrazzjoni u l-impjegabilità u l-falliment tas-sistemi nazzjonali biex jilqgħu din l-isfida jista' jiġġenera sens aktar profond ta' diviżjonijiet soċjali u segregazzjoni kulturali, u b'hekk tkun intensifikata t-tendenza għall-ħolqien ta' soċjetajiet paralleli. Hu importanti wkoll li jiġi evitat l-eżodu ta' mħuħ jew it-telf ta' mħuħ ta' migranti b'ħiliet kbar kemm għalihom stess kif ukoll għall-pajjiżi ospitanti.

Deċiżjoni tal-Kummissjoni biex tiġi żgura kopertura orizzontali tal-migrazzjoni fil-mandati tal-Gruppi ta' Ħidma kollha u biex jitwettqu attivitajiet ta' tagħlim bejn il-pari li jidentifikaw prattiki tajbin għall-integrazzjoni effettiva tal-migranti fi stadju bikri matul il-ħajja tal-Gruppi ta' Ħidma tkun miżura ta' min ifaħħarha.

  • [1]  ĠU C 119, 28.5.2009, p. 2.
  • [2]  ĠU C 70, 8.3.2012, p. 9.
  • [3]  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1462876140944&uri=CELEX:52015DC0408
  • [4]  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 25.
  • [5]  ĠU C 372, 20.12.2011, p. 31.
  • [6]  ĠU C 327, 4.12.2010, p. 11.
  • [7]  ĠU C 64, 5.3.2013, p. 5.
  • [8]  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 22.
  • [9]  ĠU C 183, 14.6.2014, p. 30.
  • [10]  ĠU C 17, 20.1.2015, p. 2.
  • [11]  ĠU C 172, 27.5.2015, p. 17.
  • [12]  ĠU C 417, 15.12.2015, p. 36.
  • [13]  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?qid=1389778594543&uri=CELEX:52012DC0669
  • [14]  ĠU C 398, 22.12.2012, p. 1.
  • [15]  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 10.
  • [16]  http://ec.europa.eu/education/news/2015/documents/citizenship-education-declaration_en.pdf
  • [17]  http://ec.europa.eu/education/policy/vocational-policy/doc/2015-riga-conclusions_en.pdf
  • [18]  http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/PDF/?uri=CELEX:52008DC0423&from=de
  • [19]  http://eacea.ec.europa.eu/education/eurydice/documents/thematic_reports/125en.pdf
  • [20]  ĠU L 394, 30.12.2006, p. 5.
  • [21]  http://ec.europa.eu/education/tools/docs/university-business-forum-brussels_en.pdf
  • [22]  http://www.cedefop.europa.eu/files/3052_en.pdf
  • [23]  Testi adottati, P8_TA(2015)0292.
  • [24]  Testi adottati, P8_TA(2015)0107.
  • [25]  Testi adottati, P8_TA(2015)0418.
  • [26]  Testi adottati, P8_TA(2016)0107.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

22

3

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Isabella Adinolfi, Dominique Bilde, Andrea Bocskor, Nikolaos Chountis, Silvia Costa, Jill Evans, María Teresa Giménez Barbat, Giorgos Grammatikakis, Petra Kammerevert, Andrew Lewer, Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Michaela Šojdrová, Yana Toom, Helga Trüpel, Sabine Verheyen, Julie Ward, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver, Krystyna Łybacka

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Therese Comodini Cachia, Mary Honeyball, Ilhan Kyuchyuk, Martina Michels, Jadwiga Wiśniewska

VOTAZZJONI FINALI B'SEJĦA TAL-ISMIJIET FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

22

+

ALDE

Maria Teresa Giménez Barbat, Ilhan Kyuchyuk, Yana Toom

ECR

Jadwiga Wiśniewska

ENF

Dominique Bilde

PPE

Andrea Bocskor, Therese Comodini Cachia , Svetoslav Hristov Malinov, Stefano Maullu, Michaela Šojdrová, Sabine Verheyen, Bogdan Brunon Wenta, Bogdan Andrzej Zdrojewski, Milan Zver

S&D

Silvia Costa, Giorgos Grammatikakis, Mary Honeyball, Petra Kammerevert, Krystyna Łybacka, Luigi Morgano, Momchil Nekov, Julie Ward

3

-

EFDD

Isabella Adinolfi

Verts/ALE

Jill Evans, Helga Trüpel

3

0

ECR

Andrew Lewer

GUE/NGL

Nikolaos Chountis, Martina Michels

Tifsira tas-simboli użati:

+  :  favur

-  :  kontra

0  :  astensjoni