RAPPORT dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija

26.5.2016 - (COM(2016)0067 – C8-0032/2016 – 2016/0039(COD)) - ***I

Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali
Rapporteur: Marielle de Sarnez


Proċedura : 2016/0039(COD)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0187/2016
Testi mressqa :
A8-0187/2016
Testi adottati :

ABBOZZ TA' RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVA TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lit-Tuneżija

(COM(2016)0067 – C8-0032/2016 – 2016/0039(COD))

(Proċedura leġiżlattiva ordinarja: l-ewwel qari)

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-proposta tal-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill (COM(2016)0067),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(2) u l-Artikolu 212 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, skont liema artikoli l-Kummissjoni ppreżentat il-proposta lill-Parlament (C8-0032/2016),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 294(3) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 59 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (A8-0187/2016),

1.  Jadotta l-pożizzjoni tiegħu fl-ewwel qari, billi jinkorpora l-proposta tal-Kummissjoni;

2.  Japprova d-dikjarazzjoni konġunta tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill mehmuża ma' din ir-riżoluzzjoni.

3.  Jitlob lill-Kummissjoni biex terġa' tirreferi l-kwistjoni lill-Parlament jekk ikollha l-ħsieb li temenda l-proposta b'mod sustanzjali jew li tibdilha b'test ġdid;

4.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi l-pożizzjoni tal-Parlament lill-Kunsill u lill-Kummissjoni kif ukoll lill-parlamenti nazzjonali.

ANNESS GĦAR-RIŻOLUZZJONI LEĠIŻLATTIVADIKJARAZZJONI KONĠUNTA TAL-PARLAMENT EWROPEW U TAL-KUNSILL

Din id-Deċiżjoni qed tiġi adottata bla ħsara għad-Dikjarazzjoni Konġunta adottata flimkien mad-Deċiżjoni 778/2013/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tipprovdi assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lill-Ġeorġja, li għandha tibqa' titqies bħala l-bażi għad-deċiżjonijiet kollha tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li jipprovdu assistenza makrofinanzjarja lil pajjiżi u territorji terzi.

NOTA SPJEGATTIVA

It-Tuneżija rnexxielha tikkonsolida t-tranżizzjoni demokratika tagħha. Illum il-ġurnata, għandha Kostituzzjoni li tipproteġi d-drittijiet u l-libertajiet, b'sistema ġudizzjarja kkonsolidata u midja emanċipata. Hi mmexxija minn gvern ta' koalizzjoni estensiva, li tela' permezz ta' elezzjonijiet liberi u trasparenti, u li hu mirfud b'soċjetà ċivili intraprendenti u moderna, li ġiet ġustament ippremjata bil-Premju Nobel għall-Paċi li ngħata lill-Kwartett għad-Djalogu Nazzjonali Tuneżin.

Però bħalissa t-Tuneżija għaddejja minn diffikultajiet kbar ħafna. Bosta drabi spiċċat fil-mira ta' attentati u attakki terroristiċi li laqtu fil-fond lil setturi ekonomiċi kruċjali tal-pajjiż, bħal dak tat-turiżmu. It-tkabbir, li kellu jkun ta' 3 % fl-2015, ġie rivedut biex naqas għal 0,5 % għall-2016, u r-rata tal-qgħad hi ta' 15 % bħala medja, 20 % għan-nisa u 28,6 % għaż-żgħażagħ gradwati mill-edukazzjoni għolja. Barra minn hekk, il-kuntest reġjonali hu estremament instabbli f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà u l-politika, b'mod partikolari minħabba l-fruntiera li tikkondividi mal-Libja.

Minkejja dawn l-isfidi kollha, it-Tuneżija għadha qed tagħmel progress sinifikanti ħafna, billi tikkonsolida t-tranżizzjoni demokratika fil-pajjiż, twettaq ir-riformi meħtieġa għall-modernizzazzjoni tal-istrutturi ekonomiċi tagħha, u ssaħħaħ ir-relazzjonijiet tagħha ma' sħabha, b'mod speċjali l-Unjoni Ewropea, li bħalissa qed tinnegozja ftehim ta' kummerċ ħieles magħha.

Huwa importanti ħafna li t-Tuneżija tirnexxi, u li żżomm imrażżna lil dawk kollha li jixtiequ jiddestabilizzawha. U hu għalhekk li l-Ewropa għandha turi li hi solidali u determinata li takkumpanja u ssostni lit-Tuneżija fl-iżvilupp tagħha permezz ta' azzjonijiet konkreti ħafna li jkunu ta' benefiċċju dirett għall-popolazzjoni tal-pajjiż.

F'dan ir-rigward, l-Assistenza Makrofinanzjarja hi strument finanzjarju Ewropew li jista' jiġi mobilizzat biex isostni stat terz li jkun qiegħed jaffaċċja sitwazzjoni ta' kriżi. Bis-saħħa tar-riformi li saru fil-pajjiż, it-Tuneżija tissodisfa kompletament il-kundizzjonijiet politiċi indispensabbli għall-għoti ta' Assistenza Makrofinanzjarja, b'mod partikolari f'dak li għandu x'jaqsam mar-rispett lejn id-demokrazija, id-drittijiet tal-bniedem u l-istat tad-dritt.

Nhar il-15 ta' Mejju 2014, it-Tuneżija ngħatat programm inizjali ta' EUR 300 miljun, biex isostnu l-isforzi ta' riforma tagħha, intenzjonati biex itejbu l-ġestjoni tal-finanzi pubbliċi u l-funzjonament tas-sistema fiskali, biex isaħħu lin-netwerk tas-sigurtà soċjali, biex jirriformaw lis-settur finanzjarju u fl-aħħar nett biex itejbu l-qafas regolatorju għall-kummerċ u l-investiment. Żewġ porzjonijiet minn dan il-programm diġà tħallsu fl-2015, u t-tielet porzjon se jingħata matul l-2016.

F'Awwissu 2015, bi tweġiba għat-talba mill-gvern Tuneżin, il-Kummissjoni Ewropea pprevediet it-tieni programm ta' assistenza makrofinanzjarja għat-Tuneżija, b'total ta' EUR 500 miljun, li se jingħata fil-forma ta' self fuq żmien medju fuq is-swieq finanzjarji b'kundizzjonijiet vantaġġużi. Dan il-programm ta' assistenza se jkun ta' sostenn għar-riformi li twettaq it-Tuneżija biex ittejjeb is-sitwazzjoni baġitarja tagħha, iġġib il-bilanċ tal-pagamenti tagħha f'ekwilibriju u toħloq ambjent iktar favorevoli għall-investiment.

Ir-Rapporteur tappoġġa għalhekk il-proposta tal-Kummissjoni Ewropea u tixtieq li dan il-programm ta' assistenza ulterjuri jkun jista' jidħol fis-seħħ malajr kemm jista' jkun sabiex jgħin lit-Tuneżija f'mument kruċjali.

ANNESS: ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-AFFARIJIET BARRANIN

Ref.: D (2016) 17045

Is-Sur Bernd Lange

President tal-Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali (INTA)

Suġġett:  Assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija - COM(2016)0067 finali, 2016/0039(COD)

Għażiż Sur Lange,

Skont kif ġie approvat mill-koordinaturi tal-Kumitat għall-Affarijiet Barranin (AFET) u sabiex din il-proposta tkun tista' tiġi pproċessata malajr, għandi l-unur fil-kapaċità tiegħi bħala President tal-Kumitat AFET li nwassal, permezz ta' din l-ittra, l-opinjoni tal-kumitat tagħna fir-rigward tal-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar l-għoti ta' assistenza makrofinanzjarja ulterjuri lir-Repubblika tat-Tuneżija.

Il-Kumitat AFET jappoġġa kompletament din il-proposta biex jingħata ammont massimu ta' EUR 500 miljun bħala assistenza makrofinanzjarja lir-Repubblika tat-Tuneżija. Madankollu, kif diġà ġie indikat fl-ewwel operazzjoni MFA-I, il-possibilità li tingħata assistenza lit-Tuneżija fil-forma ta' għotjiet lanqas biss ġiet ikkunsidrata.

Kif ġie indikat fil-proposta, is-sitwazzjoni ekonomika tat-Tuneżija mhix ottimali, u l-pajjiż qed jaffaċċja sfidi fil-qasam tas-sigurtà oltre dawk soċjoekonomiċi, f'kuntest ta' konsolidament tat-tranżizzjoni demokratika tiegħu. Id-diffikultajiet soċjoekonomiċi u baġitarji persistenti relatati mal-instabilità jibqgħu sfida sostanzjali mhux biss għat-Tuneżija iżda għar-reġjun kollu u għas-sieħba ewlenija tagħha, l-Unjoni Ewropea.

Hu preokkupanti ħafna li d-dejn estern tat-Tuneżija żdied minn 48 % tal-PDG fl-2011 għal madwar 56,2 % tal-PDG fl-2014 u hu mistenni li jilħaq il-quċċata ta' 72 % tal-PDG fl-2018. Minkejja dan, l-assistenza makrofinanzjarja għandha titqiegħed għad-dispożizzjoni għal perjodu ta' sentejn u nofs, b'segwitu għad-dħul fis-seħħ tal-memorandum ta' qbil (cf. Artikolu 1(4)). Għaldaqstant, id-dejn estern se jkun fl-ogħla livell tiegħu matul dak il-perjodu. Bħala riżultat ta' dan, diġà missu ġie previst mekkaniżmu kumpensatorju biex jiġu affaċjati l-isfidi tal-ġejjieni.

L-ispejjeż tal-operazzjonijiet ta' self (sew għoti u sew teħid) skont din id-Deċiżjoni tal-Kunsill u tal-Parlament ma għandhomx jitħallsu mit-Tuneżija, jew tal-inqas għandhom jinqasmu bejn l-UE u t-Tuneżija (cf. Artikolu 4).

./..

Peress li t-Tuneżija ngħatat l-istatus ta' "Sħubija Privileġġata" mill-UE u b'segwitu għat-twaqqif tal-Kumitat Parlamentari Konġunt bejn l-UE u t-Tuneżija fit-18 ta' Frar ta' din is-sena, nixtieq ukoll nirrakkomanda li l-memorandum ta' qbil jinnegozjawh il-Kummissjoni Ewropea u l-awtoritajiet Tuneżini (cf. Artikolu 3) u li jiddiskutuh il-membri ta' dan il-Kumitat Parlamentari Konġunt, li jinkludi kemm Membri tal-Parlament Ewropew u kemm dawk tal-Assemblea tar-Rappreżentanti tal-Poplu tat-Tuneżija. Il-monitoraġġ imsemmi fl-Artikolu 2, kif ukoll ir-rapport dwar l-implimentazzjoni tad-deċiżjoni, imsemmi fl-Artikolu 8, għandhom jiġu diskussi wkoll fil-Kumitat Parlamentari Konġunt UE-Tuneżija.

Il-kumitat jemmen li l-UE u l-istituzzjonijiet finanzjarji internazzjonali għandhom juru appoġġ qawwi għall-istabbilizzazzjoni ta' dan is-sieħeb importanti tal-viċinat tan-Nofsinhar, speċjalment fid-dawl tal-progress li kiseb fil-konsolidament tal-proċess demokratiku u tas-sitwazzjoni reġjonali.

Madankollu, nixtieq nissottolinja li l-iskadenzi għall-adozzjoni tal-pożizzjoni tal-Parlament huma inġustifikabilment stretti, minn mindu ġiet irriferuta l-proposta fit-2 ta' Marzu 2016 li għadda. Dan xekkel lill-kumitat tagħna fl-adozzjoni ta' opinjoni dwar din il-kwistjoni importanti ħafna. Ġibduli l-attenzjoni għall-fatt li, meta kien qed jippjana, id-DĠ ECFIN saħansitra ppreveda li l-Parlament ikun diġà adotta d-deċiżjoni fl-ewwel qari fis-27/28 ta' April. Tali suġġeriment pjuttost qisu jxejjen l-importanza tal-mod kif il-Parlament jista' jittratta l-eżerċitar demokratiku tas-setgħat leġiżlattivi tiegħu.

Nistenna li s-sitwazzjoni nazzjonali u l-ispeċifiċitajiet tas-sħab tal-UE jiġu kkunsidrati b'mod xieraq u jiġu rispettati meta jkunu qed isiru negozjati dwar kwistjonijiet importanti bħal dik tal-"assistenza makrofinanzjarja". Peress li f'Ġunju hemm ir-Ramadan u mbagħad wara jiġi s-sajf, in-negozjati dwar il-memorandum ta' qbil se jkollhom jiġu sospiżi sal-ħarifa. Għalhekk, l-insistenza tal-Kummissjoni Ewropea biex il-Parlament jadotta l-pożizzjoni tiegħu malajr m'għandha l-ebda bażi.

Ninsab fiduċjuż li l-Kumitat INTA se jqis kif dovut din il-pożizzjoni meta jadotta l-pożizzjoni tiegħu, kif ukoll matul in-negozjati mal-Kunsill.

Dejjem tiegħek,

Elmar Brok

CC:  Is-Sur Pier Antonio Panzeri, President tad-Delegazzjoni għar-relazzjonijiet mal-pajjiżi tal-Magreb

  Is-Sinjura Marielle de Sarnez, rapporteur

ANNESS: ITTRA MILL-KUMITAT GĦALL-BAĠITS

D(2016)20958

  Is-Sur Bernd Lange

President

  Kumitat għall-Kummerċ Internazzjonali

Parlament Ewropew

ASP 12G205

Brussell

Suġġett:   Proposta għal deċiżjoni dwar il-proviżjoni ta' aktar assistenza makrofinanzjarja lit-Tuneżija

Sur President,

Il-Kumitat INTA bħalissa qed iħejji r-rapport tiegħu dwar il-proposta għal deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill dwar il-proviżjoni ta' aktar assistenza makrofinanzjarja lit-Tuneżija (2016/0039 (COD)).

Il-koordinaturi ddeċidew li jippreżentaw il-pożizzjoni tal-Kumitat għall-Baġits b'ittra minflok iħejju opinjoni formali.

Il-Kumitat għall-Baġits jirrikonoxxi li l-konsegwenzi ekonomiċi tat-transizzjoni politika, l-instabbiltà reġjonali, it-theddid għas-sigurtà u l-inkwiet soċjali qed jaffettwaw il-bilanċ tal-pagamenti u l-pożizzjoni fiskali fit-Tuneżija, li diġà huma fraġli.

L-ewwel operazzjoni ta' assistenza makrofinanzjarja (MFA) ta' EUR 300 miljun tnediet fl-2014 biex tikkomplementa l-programm tal-Fond Monetarju Internazzjonali. Fuq talba tal-Gvern Tuneżin, din il-proposta l-ġdida (MFA-II) tikkomplementa l-programm suċċessur tal-FMI u tammonta għal EUR 500 miljun f'forma ta' self fuq perjodu ta' żmien medju (li jitqassam fi tliet porzjonijiet) biex tkopri l-bżonnijiet ta' finanzjament estern residwu tat-Tuneżija.

Il-Kumitat għall-Baġits jinnota l-fatt li l-Fond ta' Garanzija Estern għandu jiġi pprovdut b'ammont ta' EUR 45 miljun (9 % tas-self). L-approprjazzjonijiet se jkollhom jiddaħħlu fil-baġit tal-Unjoni b'intervall latenti ta' sentejn, jiġifieri fil-baġits tal-2018 u tal-2019, sakemm l-iżborżi tas-self iseħħu fl-2016 u fl-2017.

Il-Kumitat għall-Baġits jappoġġja l-operazzjoni proposta tal-MFA-II, bħala parti essenzjali tal-assistenza internazzjonali u Ewropea għat-Tuneżija u bħala turija ta' solidarjetà ma' dan il-pajjiż.

Il-Kumitat jinnota li saru għadd ta' bidliet żgħar fit-test standard tad-deċiżjonijiet tal-MFA sabiex tiġi pprovduta aktar flessibbiltà fl-applikazzjoni tal-kundizzjonalità. Għalhekk jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-kundizzjonijiet marbuta mal-operazzjonijiet tal-MFA huma debitament infurzati, filwaqt li tieħu kont tas-sitwazzjoni speċifika tal-pajjiżi benefiċjarji, jiġifieri l-livell ta' impenn tal-pajjiż u l-isfidi li qed tiffaċċja.

Il-Kumitat jenfasizza, madankollu, li s-self tal-MFA huwa biss wieħed mill-għodod disponibbli biex tiġi appoġġjata t-Tuneżija u l-għażla li jiġu pprovduti għotjiet tal-MFA għall-assistenza makrofinanzjarja setgħet tiġi kkunsidrata.

Huwa jfakkar li l-istrument ewlieni biex tappoġġja lit-Tuneżija huwa l-Istrument Ewropew ta' Viċinat (ENI), li permezz tiegħu ġew allokati medja ta' EUR 115-il miljun fis-sena lil dan il-pajjiż sa mill-bidu tal-perjodu tal-QFP 2014-2020, barra l-programmi reġjonali. Skont l-ENI, it-Tuneżija kienet l-ewwel benefiċjarju tal-programm ġeneriku li jippremja l-progress fir-riforma demokratika (il-prinċipju ta' "aktar għal aktar") b'ammont addizzjonali ta' EUR 71,8 miljun fl-2015.

It-Tuneżija tibbenefika wkoll minn finanzjament taħt l-Istrument li jikkontribwixxi għall-Istabbiltà u l-Paċi u l-Istrument Ewropew għad-Demokrazija u d-Drittijiet tal-Bniedem, u tipparteċipa fi programmi tal-UE bħall-Erasmus+.

Għalhekk, sabiex, fuq naħa, tilħaq l-isfidi tar-riformi demokratiċi u, fuq in-naħa l-oħra, l-istabbiltà u s-sigurtà, il-Kumitat jistieden lill-Kummissjoni tkompli ssaħħaħ l-appoġġ tal-UE għat-Tuneżija, u jinsab lest li jikkunsidra kull proposta baġitarja xierqa taħt l-istrumenti rilevanti għal dan il-għan.

Dejjem tiegħek,

Jean Arthuis

PROĊEDURA TAL-KUMITAT RESPONSABBLI

Titolu

Assistenza makrofinanzjarja lit-Tuneżija

Referenzi

COM(2016)0067 – C8-0032/2016 – 2016/0039(COD)

Data meta ġiet ippreżentata lill-PE

12.2.2016

 

 

 

Kumitat responsabbli

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

INTA

25.2.2016

 

 

 

Kumitati mitluba jagħtu opinjoni

       Data tat-tħabbir fis-seduta plenarja

AFET

25.2.2016

BUDG

25.2.2016

 

 

Opinjoni(jiet) mhux mogħtija

       Data tad-deċiżjoni

AFET

15.3.2016

BUDG

16.3.2016

 

 

Rapporteurs

       Data tal-ħatra

Marielle de Sarnez

15.3.2016

 

 

 

Eżami fil-kumitat

4.4.2016

20.4.2016

 

 

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

30

4

2

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Maria Arena, Tiziana Beghin, Daniel Caspary, Salvatore Cicu, Marielle de Sarnez, Santiago Fisas Ayxelà, Christofer Fjellner, Karoline Graswander-Hainz, Ska Keller, Jude Kirton-Darling, Alexander Graf Lambsdorff, Bernd Lange, David Martin, Emmanuel Maurel, Anne-Marie Mineur, Sorin Moisă, Alessia Maria Mosca, Artis Pabriks, Franck Proust, Godelieve Quisthoudt-Rowohl, Inmaculada Rodríguez-Piñero Fernández, Tokia Saïfi, Marietje Schaake, Helmut Scholz, Joachim Schuster, Joachim Starbatty, Adam Szejnfeld, Hannu Takkula, Iuliu Winkler, Jan Zahradil

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Reimer Böge, Edouard Ferrand, Sander Loones, Georg Mayer, Fernando Ruas, Lola Sánchez Caldentey, Judith Sargentini, Jarosław Wałęsa

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Bilde

Data tat-tressiq

26.5.2016