Proċedura : 2015/2322(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument : A8-0214/2016

Testi mressqa :

A8-0214/2016

Dibattiti :

PV 12/09/2016 - 18
CRE 12/09/2016 - 18

Votazzjonijiet :

PV 13/09/2016 - 4.14
Spjegazzjoni tal-votazzjoni

Testi adottati :

P8_TA(2016)0333

RAPPORT     
PDF 738kWORD 195k
21.6.2016
PE 575.127v02-00 A8-0214/2016

Lejn Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija

(2015/2322(INI))

Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija

Rapporteur: Werner Langen

EMENDI
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
 NOTA SPJEGATTIVA
 RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

Lejn Disinn Ġdid tas-Suq tal-Enerġija

(2015/2322(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), u b'mod partikolari l-Artikoli 114 u 194 tiegħu,

  wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi ta' Diċembru 2015 magħmul fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima,

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-5 ta' Novembru 2013 bit-titolu "Delivering the internal electricity market and making the most of public intervention" (Inwasslu s-suq intern tal-elettriku u niġbdu l-akbar profitt mill-intervent pubbliku) (C(2013)7243) u d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni bit-titolu "Generation Adequacy in the internal electricity market – guidance on public interventions" (Adegwatezza tal-Ġenerazzjoni fis-suq intern tal-elettriku – gwida dwar interventi pubbliċi) (SWD(2013)0438),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tad-9 ta' April 2014 bit-titolu "Linji Gwida dwar l-għajnuna mill-Istat għall-protezzjoni ambjentali u l-enerġija 2014-2020"(1),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-16 ta' Diċembru 2014 bit-titolu "Programm ta' Ħidma tal-Kummissjoni għall-2015 – Bidu ġdid" (COM(2014)0910),

  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Inwasslu Patt Ġdid għall-konsumaturi tal-enerġija" (COM(2015)0339),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Pakkett dwar l-Unjoni tal-Enerġija – Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar il-Bidla fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020” (COM(2015)0082),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Lulju 2015 bit-titolu "Tnedija tal-proċess ta' konsultazzjoni pubblika dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija" (COM(2015)0340),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23/24 ta' Ottubru 2014 dwar il-Qafas ta' Politika tal-Klima u l-Enerġija fil-perjodu ta' bejn l-2020 u l-2030, 

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 ta' Marzu 2015 dwar l-Unjoni tal-Enerġija,

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tas-26 ta' Novembru 2015 dwar l-Unjoni tal-Enerġija,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) Nru 713/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 li jistabbilixxi Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija(2),

  wara li kkunsidra r-Regolament (KE) 714/2009 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar kondizzjonijiet għall-aċċess għan-netwerks għall-bdil bejn il-fruntieri fl-elettriku u li jħassar ir-Regolament (KE) Nru 1228/2003(3),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 347/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' April 2013 dwar linji gwida għall-infrastruttura tal-enerġija trans-Ewropea u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1364/2006/KE u li jemenda r-Regolamenti (KE) Nru 713/2009, (KE) Nru 714/2009 u (KE) Nru 715/2009(4),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/29/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Mejju 2005 dwar prattiki kummerċjali żleali fin-negozju mal-konsumatur fis-suq intern li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 84/450/KEE, id-Direttivi 97/7/KE, 98/27/KE u 2002/65/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, u r-Regolament (KE) Nru 2006/2004 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill (Direttiva dwar il-Prattiċi Kummerċjali Żleali),(5)

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 256/2014 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 2014 dwar in-notifika lill-Kummissjoni ta' proġetti ta' investiment fl-infrastruttura tal-enerġija fl-Unjoni Ewropea, li jissostitwixxi r-Regolament tal-Kunsill (UE, Euratom) Nru 617/2010 u jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 736/96(6),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2005/89/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-18 ta' Jannar 2006 dwar miżuri għas-salvagwardja tas-sigurtà fil-provvista tal-elettriku u tal-investiment fl-infrastruttura(7),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2011/83/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2011 dwar drittijiet tal-konsumatur, li temenda d-Direttiva tal-Kunsill 93/13/KEE u d-Direttiva 1999/44/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill u li tħassar id-Direttiva tal-Kunsill 85/577/KEE u d-Direttiva 97/7/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill(8),

–  wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-19 ta' Ġunju 2008 dwar Karta Ewropea dwar id-Drittijiet tal-Konsumaturi tal-Enerġija"(9),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Marzu 2013 dwar il-pjan direzzjonali għall-Enerġija 2050, futur bl-enerġija(10),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-4 ta' Frar 2014 dwar il-konsegwenzi lokali u reġjonali tal-iżvilupp ta' grids intelliġenti(11),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-14 ta' Ottubru 2015 bit-titolu "Lejn ftehim internazzjonali ġdid dwar il-klima f'Pariġi"(12),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE(13),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/72/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-13 ta' Lulju 2009 dwar ir-regoli komuni għas-suq intern fil-qasam tal-elettriku u li temenda d-Direttiva 2003/54/KE(14),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-10 ta' Settembru 2013 bit-titolu "Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti"(15);

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"(16),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 dwar il-ksib tal-mira ta' 10 % għall-interkonnessjoni elettrika – Inlestu l-grilja elettrika tal-Ewropa għall-2020(17),

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija (A8-0214/2016),

A.  billi l-pjanijiet tal-Kummissjoni f'dak li jirrigwarda s-suq tal-elettriku għandhom iwasslu għal trasformazzjoni reali tas-suq, jikkontribwixxu għall-effiċjenza, is-sigurtà tal-provvista, l-iżvilupp ta' sorsi rinnovabbli u l-interkonnetturi, u jiżguraw it-tlestija tas-suq intern tal-enerġija Ewropew;

B.  billi l-integrazzjoni tas-swieq tal-enerġija, flimkien mal-integrazzjoni tal-atturi kollha fis-suq, inklużi l-prosumaturi, se tikkontribwixxi għall-kisba tal-għan tat-Trattat ta' enerġija sikura, bi prezzijiet raġonevoli, effiċjenti u sostenibbli;

C.  billi, sabiex jintlaħqu l-miri tal-klima u l-enerġija, is-sistema tal-enerġija tal-ġejjieni se tirrekjedi aktar flessibilità, li jeħtieġ investiment fl-erba' soluzzjonijiet tal-flessibilità – produzzjoni flessibbli, l-iżvilupp ta' netwerks, il-flessibilità tad-domanda u l-ħżin;

D.  billi iktar minn nofs l-elettriku kollu fl-UE huwa ġġenerat mingħajr ma jipproduċi gassijiet b'effett ta' serra;

E.  billi l-integrazzjoni tas-swieq tal-elettriku għandha tkun konformi mal-Artikolu 194 tat-TFUE, li jgħid li l-politika Ewropea tal-enerġija għandha tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija u s-sigurtà tal-provvista tal-enerġija, u tippromwovi l-iffrankar fl-effiċjenza enerġetika, l-iżvilupp ta' enerġija rinnovabbli u l-interkonnessjoni tan-netwerks tal-enerġija; billi d-definizzjoni tat-taħlita tal-enerġija tal-Istati Membri u l-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom tibqa' kompetenza nazzjonali;

F.  billi l-esperjenzi pożittivi ta' kooperazzjoni multilaterali jservu bħala mudelli għal responsabilità akbar tas-suq reġjonali (p.e. l-inizjattivi reġjonali ta' koordinazzjoni tas-sigurtà (RSCIs) bħal Coreso u t-Transmission System Operator Security Cooperation (TSC) (kooperazzjoni fis-sikurezza tal-operaturi tas-sistemi ta' trażmissjoni), il-Forum tal-Enerġija Pentalaterali, il-High Level Group for South-West Europe on interconnections (Grupp ta' Livell Għoli għal-Lbiċ tal-Ewropa dwar l-interkonnessjonijiet, tal-Pjan ta’ Interkonnessjoni tas-Suq tal-Enerġija tal-Baltiku (BEMIP), is-swieq Nordiċi ta' riżerva u tal-ibbilanċjar multinazzjonali, u l-akkoppjament tas-swieq fl-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; billi t-tfassil tagħhom jinkludi regoli li jiżguraw li tiġi allokata kapaċità biżżejjed bil-quddiem biex jingħataw sinjali ta' investiment fir-rigward ta' impjanti li jniġġsu inqas;

G.  billi għadd ta' Stati Membri qed jantiċipaw kapaċità inadegwata tal-ġenerazzjoni, li se joħloq theddida ta' qtugħ fl-enerġija fil-futur qrib sakemm ma jiġux installati mekkaniżmi ta' sostenn meħtieġa,

H.  billi s-swieq ta' kapaċità nazzjonali jagħmluha iktar diffiċli biex is-swieq tal-elettriku jiġu integrati u jmorru kontra l-objettivi tal-politika komuni dwar l-enerġija, u għandhom jintużaw biss bħala l-aħħar rimedju, ladarba l-għażliet l-oħra kollha jkunu ġew ikkunsidrati, inkluża interkonnettività akbar ma' pajjiżi ġirien, miżuri ta' reazzjoni min-naħa tad-domanda u forom oħra ta' integrazzjoni tas-swieq reġjonali;

I.  billi l-Ewropa ħadet l-impenn li tikseb b'suċċess it-tranżizzjoni tal-enerġija u b'mod speċjali li tiffaċilita l-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli tal-enerġija, li jimplika ħtiġijiet ġodda għal flessibilità u l-implimentazzjoni ta' skemi tas-suq iddedikati għas-sigurtà tal-provvista;

J.  billi l-objettiv tas-sigurtà tal-enerġija ddefinit mit-Trattati se jkun essenzjali għall-konsolidazzjoni tal-Unjoni tal-Enerġija, u billi strumenti adattati biex jiżgurawha għandhom għalhekk jiġu ppreżervati;

K.  billi biex l-investiment pubbliku ikun kemm jista' jkun effiċjenti billi jittieħdu l-miżuri meħtieġa biex jinkiseb suq enerġetiku sikur, sostenibbli u kompetittiv, huwa kruċjali li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi jiġi kkombinat ma' sorsi speċifiċi oħra ta' finanzjament tal-enerġija, bħall-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa;

L.  billi kooperazzjoni aktar qawwija fil-livell reġjonali hija indispensabbli, u għandha sservi ta' katalist għal integrazzjoni tas-suq aktar profonda fil-livell Ewropew;

M.  billi t-taxxi tal-enerġija, l-ispejjeż tat-tassazzjoni għolja, ir-regolazzjoni tal-prezzijiet indiskriminata, il-konċentrazzjoni għolja tas-suq, il-piż amministrattiv, is-sussidji, nuqqas ta' kooperazzjoni transfruntiera u l-interkonnetturi f'ċerti reġjuni, u l-ġestjoni tad-domanda mhux sfruttata biżżejjed qed ifixklu l-funzjonament tas-suq intern fl-elettriku u b'hekk iwasslu sabiex l-integrazzjoni sħiħa tas-suq ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli tieħu iktar fit-tul;

N.  billi l-operaturi kollha tas-suq għandhom jikkontribwixxu għall-ibbilanċjar tas-sistema, sabiex jiżguraw l-ogħla livell ta' sigurtà fil-provvista tal-elettriku bi spejjeż raġonevoli għas-soċjetà u l-ekonomija;

O.  billi żieda fuq terminu medju fil-livell ta' interkonnessjoni bejn ċerti Stati Membri – sa 15 % soġġett għal analiżi tal-benefiċċji fil-konfront tal-ispejjeż – li jindirizza l-ostakli eżistenti b'mod immirat, tista' ttejjeb is-sigurtà tal-provvista u ttemm il-gżejjer tal-enerġija; jenfasizza li, minbarra l-mira kwantitattiva, aċċess miftuħ u d-disponibbiltà tal-interkonnetturi huma wkoll imperattivi biex jingħelbu l-ostakli li fadal għall-funzjonament tas-suq Ewropew tal-elettriku;

P.  billi s-sehem li qed jikber ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli varjabbli fit-taħlita tal-elettriku jeħtieġ riżerva stabbli minn sorsi tal-enerġija flessibbli u sostenibbli, u teknoloġiji flessibbli bħal ħżin u ġestjoni tad-domanda;

Q.  billi l-ħżin tal-enerġija huwa għodda ewlenija biex jinkisbu aktar flessibilità u effiċjenza għas-swieq tal-enerġija, iżda billi għad ma hemm ebda mekkaniżmu regolatorju stabbilit li jagħmilha possibbli li tiġi sfruttata sistema effiċjenti ta' ħżin;

R.  billi l-Aġenzija Internazzjonali tal-Enerġija (AIE) riċentement ressqet rakkomandazzjonijiet sinifikanti fl-istudju tagħha "Re-Powering Markets" (Nagħtu Enerġija mill-ġdid lis-Swieq"(18);

S.  billi suq Ewropew tal-enerġija, jekk iddisinjat tajjeb u implimentat b'mod xieraq, għandu l-potenzjal li jagħti spinta sostanzjali lis-sigurtà u lill-indipendenza tal-enerġija Ewropea, b'mod partikolari fil-konfront ta' fornituri ewlenin li l-Unjoni hija dipendenti fuqhom;

T.  billi sabiex jinħoloq suq tal-enerġija ġenwin hija urġenti l-ħtieġa li jitneħħew il-gżejjer tal-enerġija li għadhom jeżistu fl-UE;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni msemmija hawn fuq tal-15 ta' Lulju 2015 dwar disinn ġdid tas-suq tal-enerġija, u jappoġġja l-fehma li s-suq tal-elettriku ttrasformat, flimkien mal-implimentazzjoni tal-leġiżlazzjoni eżistenti, għandu jsaħħaħ il-kooperazzjoni reġjonali għad-dimensjonijiet kollha tal-provvista u domanda tal-enerġija, u għandu jiffoka fuq swieq aħjar, aktar deċentralizzati u aktar flessibbli, sabiex tiġi żgurata sistema regolata tajjeb u bbażata fuq is-suq, li tkun kapaċi tilħaq l-għanijiet kollha tal-enerġija u l-klima tal-UE stabbiliti għall-2030;

2.  Iqis li l-elementi innovattivi li nneċessitaw disinn ġdid tas-suq tal-enerġija huma:

–  żieda fil-preżenza ta' sorsi rinnovabbli b'remunerazzjoni mmotivata mis-suq;

–  integrazzjoni aktar b'saħħitha ta' swieq nazzjonali permezz tal-iżvilupp ta' interkonnessjonijiet

–  l-iżvilupp ta' grilji intelliġenti u teknoloġiji ta' ġenerazzjoni deċentralizzata ġdida, li se tippermetti lill-konsumaturi jkollhom rwol aktar attiv kemm bħala konsumaturi u bħala produtturi, u se jsaħħaħ il-ġestjoni min-naħa tad-domanda;

3.  Jilqa' l-fatt li l-istrateġija l-ġdida għall-Unjoni tal-Enerġija hija mfassla b'tali mod li l-UE tkun minn ta' quddiem nett fl-enerġiji rinnovabbli, u jinnota li l-ilħuq ta' dan l-objettiv se jkun jeħtieġ bidla fundamentali fis-sistema tal-elettriku tal-Ewropa;

4.  Jilqa' l-fatt li l-istrateġija l-ġdida tal-Unjoni tal-Enerġija ġġib magħha benefiċċji ġodda għall-konsumaturi tal-enerġija, toffrilhom firxa ferm usa' ta' għażliet ta' parteċipazzjoni fis-swieq tal-enerġija u tiżgura protezzjoni aħjar tal-konsumaturi;

5.  Jitlob li l-qafas regolatorju eżistenti għas-swieq Ewropej jiġi aġġustat b'mod li jippermetti sehem ikbar tal-enerġiji rinnovabbli u li jingħalqu l-lakuni regolatorji transfruntieri eżistenti; jenfasizza li disinn ġdid tas-suq tal-elettriku bħala parti minn sistema tal-enerġija dejjem aktar deċentralizzata għandu jkun ibbażat fuq prinċipji tas-suq, li jistimulaw l-investiment, jiżguraw li l-SMEs ikollhom aċċess għas-suq tal-enerġija u jilliberaw provvista tal-elettriku sostenibbli u effiċjenti permezz ta' sistema tal-enerġija stabbli, integrata u intelliġenti; iqis li dan il-qafas għandu jippromwovi u jippremja soluzzjonijiet flessibbli ta' ħżin, teknoloġija ta' ġestjoni fuq in-naħa tad-domanda, ġenerazzjoni flessibbli, iktar interkonnessjonijiet u integrazzjoni akbar tas-suq, li se jgħinu biex jippromwovu sehem akbar ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u jintegrawhom fis-suq; jenfasizza li s-sigurtà tal-provvista u d-dekarbonizzazzjoni se jeħtieġu kombinazzjoni ta' swieq likwidi fuq terminu qasir (ġurnata bil-quddiem u l-istess ġurnata) u sinjali tal-prezz fuq terminu twil;

6.  Iqis l-implimentazzjoni sħiħa tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija fl-Istati Membri kollha bħala wieħed mill-passi l-aktar importanti lejn suq Ewropew tal-enerġija; iħeġġeġ lill-Kummissjoni, għalhekk, tiżgura l-implimentazzjoni tal-qafas regolatorju attwali;

7.  Jitlob li d-disinn il-ġdid tas-suq tal-elettriku jħaddan approċċ olistiku orjentat lejn il-futur billi jirrikonoxxi l-importanza li qed tiżdied tal-hekk imsejħa prosumaturi fil-produzzjoni deċentralizzata tal-elettriku permezz tas-sorsi rinnovabbli; jistieden lill-Kummissjoni, f'dan il-kuntest, tiggwida proċess parteċipattiv immirat lejn il-kisba ta' fehim prattiku komuni tad-definizzjoni ta' prosumaturi fil-livell tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tinkludi kapitolu ġdid dwar il-prosumaturi fid-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli riveduta biex tindirizza l-ostakli prinċipali u tagħti spinta lill-investiment fl-awtoġenerazzjoni u l-awtokonsum ta' sorsi rinnovabbli;

8.  Jemmen li l-aħjar mod biex nimxu lejn suq tal-elettriku integrat madwar l-UE huwa huwa li jiġi ddeterminat b'mod strateġiku l-livell meħtieġ ta' integrazzjoni li għandu jintlaħaq, sabiex terġa' tinkiseb il-fiduċja fost l-atturi tas-suq u, speċjalment, tiġi żgurata implimentazzjoni xierqa tal-leġiżlazzjoni eżistenti;

9.  Jistieden lill-Istati Membri biex ikunu iktar proattivi fit-tfassil ta' suq intern Ewropew tal-elettriku flessibbli u deċentralizzat, biex tissaħħaħ il-koordinazzjoni bejn l-istrateġiji ta' tranżizzjoni nazzjonali u biex jiġi evitat l-imminar tal-għanijiet tal-Artikoli 114 u 194 tat-TFUE permezz ta' swieq tal-kapaċità u mekkaniżmi stabbiliti b'mod permanenti;

10.  Jemmen li suq intern Ewropew tal-elettriku msaħħaħ huwa possibbli, fuq il-bażi ta' indikazzjonijiet ta' prezzijiet aktar b'saħħithom fis-suq bl-ingrossa permezz ta' prezzijiet li effettivament jirriflettu l-iskarsezza u l-eċċess fil-provvisti, inklużi ż-żidiet f'daqqa fil-prezzijiet, li, flimkien ma' miżuri oħra, ikollhom rwol ta' sinjali ta' investiment għal servizzi ġodda tal-kapaċità u l-flessibilità; ifakkar li t-tranżizzjoni għal ipprezzar li jirrifletti l-iskarsezza jimplika mobilizzazzjoni mtejba tal-ġestjoni tad-domanda u l-ħżin, flimkien ma' monitoraġġ u kontroll tas-suq effettivi li jindirizzaw ir-riskju ta' abbuż ta' poter mis-suq, b'mod partikolari biex jiġu protetti l-konsumaturi; jemmen li l-involviment tal-konsumatur huwa wieħed mill-aktar objettivi importanti fil-kisba tal-effiċjenza enerġetika, u li jekk il-prezzijiet li jirriflettu l-iskarsezza reali tal-provvista fil-fatt iwasslux għal investiment adegwat fil-kapaċità ta' produzzjoni tal-elettriku għandu jiġi evalwat fuq bażi regolari;

11.  Jenfasizza li s-suq intern tal-elettriku tal-UE huwa influwenzat ukoll mill-importazzjonijiet minn pajjiżi terzi b'sistemi legali u regolatorji fundamentalment differenti, inkluż fir-rigward tar-rekwiżiti ta' sikurezza u sigurtà nukleari, u ta' tibdil ambjentali u fil-klima. jistieden lill-Kummissjoni tqis dan kif xieraq meta taħdem fuq disinn ġdid tas-suq tal-enerġija, sabiex tiżgura kundizzjonijiet ugwali bejn il-produtturi tal-enerġija fil-pajjiżi tal-UE u mhux tal-UE u tipprovdi lill-konsumaturi Ewropej b'enerġija sikura, sostenibbli u bi prezzijiet raġonevoli;

12.  Iqis li investimenti fil-qasam tal-enerġija jeħtieġu qafas fit-tul, stabbli u prevedibbli, u li l-isfida li trid tiffaċċja l-UE se tkun li tnissel fiduċja fir-riżultat tar-regoli l-ġodda;

13.   Jitlob li jkun hemm perjodi ta' tranżizzjoni xierqa, b'analiżi dettaljata tal-benefiċċji fil-konfront tal-ispejjeż, għall-proposti kollha li qed jiġu diskussi;

14.  Jenfasizza l-importanza ta' analiżi komuni dwar l-adegwatezza tas-sistema fil-livell reġjonali, iffaċilitata mill-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) u n-Netwerk Ewropew tal-Operaturi tas-Sistema tat-Trażmissjoni (ENTSO-E), u jitlob li l-operaturi tas-sistema ta' trażmissjoni (TSOs) tas-swieq tal-viċin ifasslu metodoloġija komuni, approvata mill-Kummissjoni, għal dak il-għan; jenfasizza l-potenzjal enormi ta' kooperazzjoni reġjonali msaħħa;

15.  Jisħaq fuq l-importanza ta' ppjanar ikkoordinat fit-tul għall-iżvilupp effiċjenti tal-infrastruttura tat-trażmissjoni u s-swieq tal-elettriku fl-Ewropa; jenfasizza f'dan ir-rigward il-ħtieġa ta' kooperazzjoni reġjonali aħjar u jinnota s-suċċess tal-approċċi tas-suq reġjonali eżistenti bħan-Nord Pool;

16.  Jenfasizza d-dritt tal-Istati Membri li jiddeterminaw il-kundizzjonijiet li jirregolaw l-użu tar-riżorsi tal-enerġija tagħhom fit-taħlita tagħhom tal-enerġija nazzjonali suġġetti għad-dispożizzjonijiet tat-Trattat li jistipulaw li l-politika Ewropea tal-enerġija għandha tiżgura l-funzjonament tas-suq tal-enerġija, tiżgura s-sigurtà tal-provvista ta' enerġija, tippromwovi l-effiċjenza u l-iffrankar tal-enerġija u l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija rinnovabbli u tippromwovi l-interkonnessjoni ta' netwerks tal-enerġija; jenfasizza li l-kooperazzjoni reġjonali tippermetti ffrankar tal-ispejjeż u benefiċċji għas-sistema tal-enerġija Ewropea u għandha tkun ibbażata fuq metodoloġija tas-sistema reġjonali standard trasparenti għall-valutazzjoni tal-ħtiġijiet fit-tul tagħhom, u biex jintlaħaq qbil dwar l-azzjoni li trid tittieħed f'każ ta' kriżi tal-elettriku, b'mod partikolari meta tali kriżi jkollha effetti transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni, għalhekk, tipproponi qafas rivedut għal dan il-għan; jistieden ukoll lill-Kummissjoni tirrifletti dan fil-proposta leġiżlattiva tagħha;

17.  Ifakkar li dawk l-Istati Membri li jagħżlu li jużaw l-enerġija nukleari għandhom jagħmlu dan f'konformità mal-istandards tas-sikurezza tal-UE, ir-regolamenti interni tal-enerġija tas-suq intern u r-regoli dwar l-għajnuna mill-Istat;

18.  Jinnota li l-iffrankar mill-effiċjenza tal-enerġija u r-reazzjoni min-naħa tad-domanda, il-kapaċità ta' ħżin tal-enerġija u l-espansjoni tan-netwerk, b'mod partikolari permezz ta' grilji intelliġenti, l-użu effiċjenti tal-interkonnessjonijiet u l-espansjoni u l-iżvilupp ulterjuri ta' netwerks nazzjonali, huma indispensabbli bl-għan li jitlesta s-suq intern tal-elettriku b'sehem dejjem akbar tal-enerġiji rinnovabbli, u jfakkar fil-prinċipju "l-effiċjenza l-ewwel", fejn l-ewwel nett jeħtieġ li tigi kkunsidrata n-naħa tad-domanda tal-investiment qabel l-investiment fin-netwerk u l-forniment; iqis li huwa deplorevoli l-fatt li għad hemm lakuni kbar fl-interkonnessjoni ġewwa wħud mill-Istati Membri u bejniethom, li jwassal għal konġestjonijiet fin-netwerk u jxekkel b'mod sinifikanti s-sigurtà operazzjonali u l-kummerċ transfruntier tal-enerġija; jiddispjaċih dwar il-prattika ta' limitazzjoni tal-kapaċitajiet ta' trażmissjoni sabiex tiġi bbilanċjata l-produzzjoni nazzjonali u bħala mezz kif jiġu ttrattati konġestjonijiet interni; jitlob li l-objettivi ta' interkonnessjoni tal-elettriku jkunu differenzjati skont ir-reġjun, u dan jirrifletti l-flussi reali tas-suq, ikunu soġġetti għal analiżi rilevanti tal-benefiċċju fil-konfront tal-ispejjeż u li jkunu bbażati fuq il-pjan tan-netwerk tal-ENTSO-E ta' għaxar snin, sakemm jiġu sodisfatti l-objettivi minimi stabbiliti tal-UE; iqis li, għal dan l-għan, huwa importanti ħafna wkoll li jittieħdu miżuri biex jikkumbattu l-flussi taċ-ċikli mhux koordinati, speċjalment fir-reġjun tal-Ewropa Ċentrali u tal-Lvant; jenfasizza li, ladarba mibnija, id-disponibiltà tal-kapaċità transfruntiera hija ugwalment importanti, meta jitqies il-livell dejjem jonqos tal-kapaċità mill-Istati Membri;

19.  Jinnota li għandhom jiġu żviluppati approċċi ġodda bil-ħsieb li jegħlbu l-konġestjonijiet u jiksbu grilja intelliġenti ta' distribuzzjoni li tippermetti l-integrazzjoni u provvista bla xkiel ta' servizzi minn ġeneraturi deċentralizzati, prosumaturi u konsumaturi;

20.  Itenni l-appoġġ tiegħu għall-miri ta' interoperabilità reġjonali tal-UE; jirrikonoxxi, madankollu, li użu subottimali tal-infrastruttura eżistenti jhedded il-vitalità ta' tali miri; jenfasizza li użu ottimali tal-infrastruttura eżistenti huwa kruċjali għal suq Ewropew tal-enerġija, u għaldaqstant jistieden lill-Kummissjoni tindirizza din il-kwistjoni fi kwalunkwe proposta li jmiss għal leġiżlazzjoni;

21.  Jitlob implimentazzjoni u infurzar ottimizzati tal-qafas leġiżlattiv għas-suq intern tal-elettriku u jistieden lill-Kummissjoni u lill-ACER jindirizzaw ulterjorment kwistjonijiet fis-swieq tal-operaturi meta prattiki attwali ma jkunux konsistenti mar-Regolament (KE) Nru 714/2009; jistieden lill-ACER iżżid is-sorveljanza regolatorja ta' trażżin tal-kapaċità eżistenti tal-interkonnettur;

22.  Jinnota li titjib immirat u ambizzjuż tan-netwerk strutturali u t-tneħħija ta' konġestjonijiet tan-netwerk strutturali huma prekundizzjonijiet importanti għall-ikkompletar tas-suq intern tal-enerġija, u b'hekk tissaħħaħ il-kompetizzjoni; huwa tal-fehma li konfigurazzjoni taż-żoni tal-prezzijiet għandha tiġi diskussa bil-parteċipazzjoni tal-partijiet interessati rilevanti kollha u filwaqt li jitqiesu l-kompetenzi tal-ACER kif ukoll ir-rieżami taż-żona tal-offerti tal-ENTSO-E; jenfasizza li d-diviżjoni ta' żoni tal-offerti bħala l-aħħar alternattiva jista' jkun approċċ raġonevoli tal-ekonomija tas-suq bil-ħsieb li jiġu riflessi n-nuqqasijiet tal-elettriku reali f'ċerti reġjuni; huwa tal-fehma li fin-netwerks tal-elettriku strettament integrati l-allokazzjoni ta' żoni tal-prezzijiet għandha tiġi deċiża flimkien mal-pajjiżi ġirien kollha kkonċernati, sabiex issir prevenzjoni tal-użu ineffiċjenti tan-netwerks u t-tnaqqis fil-kapaċitajiet transfruntiera, li huwa inkompatibbli mas-suq intern;

23.  Jifhem li minħabba l-prezz baxx tal-enerġija fis-swieq tal-operaturi u l-impatt tiegħu fuq l-investiment u l-ħtieġa li jiġu żviluppati mekkaniżmi biex il-kapaċità tal-produzzjoni tiġi adattata għall-flessibilità meħtieġa biex twieġeb għan-naħa tad-domanda, bosta Stati Membri, fin-nuqqas ta' approċċ Ewropew u minħabba komponenti speċifiċi tas-suq tal-konsum tagħhom, kellhom jiżviluppaw mekkaniżmi ta' kapaċità;

24.  Huwa xettiku dwar mekkaniżmi u swieq ta' kapaċità purament nazzjonali u mhux ibbażati fuq is-suq, li huma inkompatibbli mal-prinċipji ta' suq tal-enerġija intern u li jwasslu għal tgħawwiġ fis-suq, sussidji indiretti għal teknoloġiji maturi u spejjeż kbar għall-konsumaturi finali; jenfasizza, għalhekk, li kull mekkaniżmu ta' kapaċità fl-UE għandu jitfassal mill-perspettiva tal-kooperazzjoni transfruntiera wara t-tlestija ta' studji approfondit dwar in-neċessità tiegħu, u għandu jkun konformi mar-regoli tal-UE dwar il-kompetizzjoni u l-għajnuna mill-Istat; jemmen li integrazzjoni aħjar tal-produzzjoni nazzjonali tal-enerġija fis-sistema tal-enerġija tal-UE u r-rinfurzar tal-interkonnessjonijiet jistgħu jnaqqsu l-bżonn ta' mekkaniżmi ta' kapaċità u l-ispiża tagħhom;

25.  jitlob li mekkaniżmi ta' kapaċità transfruntiera jiġu awtorizzati biss meta l-kriterji li ġejjin, inter alia, huma sodisfatti:

a.  il-ħtieġa tagħhom tkun ikkonfermata permezz ta' analiżi dettaljata tal-adegwatezza reġjonali tal-produzzjoni u s-sitwazzjoni tal-provvista, inklużi l-interkonnessjonijiet, il-ħżin, ir-rispons għad-domanda u r-riżorsi ta' ġenerazzjoni transfruntiera, fuq il-bażi ta' metodoloġija standardizzata u trasparenti madwar l-UE li tidentifika riskju ċar ta' forniment bla waqfien;

b.  ma jkun hemm ebda miżura alternattiva possibbli li tiswa inqas u li tkun inqas invażiva fis-suq, bħall-integrazzjoni sħiħa tas-suq reġjonali mingħajr restrizzjoni ta' skambji transfruntiera, flimkien ma' riżervi strateġiċi/tan-netwerk immirati;

c.  id-disinn tagħhom huwa bbażat fuq is-suq u huwa tali li dawn ma jkunux diskriminatorji fir-rigward tal-użu ta' teknoloġiji għall-ħżin tal-elettriku, ir-rispons tad-domanda aggregata, sorsi stabbli ta' enerġija rinnovabbli u parteċipazzjoni minn impriżi fi Stati Membri oħra, sabiex ma jkun hemm l-ebda sussidju trasversali transfruntier jew diskriminazzjoni kontra l-industrija jew klijenti oħra, u jiġi żgurat li tiġi remunerata biss il-kapaċità strettament meħtieġa għas-sigurtà tal-provvista;

d.   it-tfassil tagħhom jinkludi regoli li jiżguraw li tiġi allokata kapaċità biżżejjed bil-quddiem biex jingħataw sinjali ta' investiment adegwat fir-rigward ta' impjanti li jniġġsu inqas;

e.   sostenibilità u regoli dwar il-kwalità tal-arja jiġu inkorporati sabiex jiġu eliminati t-teknoloġiji li l-aktar iniġġsu (tista' tingħata kunsiderazzjoni għal standard ta' emissjonijiet f'dan ir-rigward);

26.  Jenfasizza li, minbarra d-disinn il-ġdid tas-suq tal-enerġija, ir-reviżjonijiet li jmiss tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-Direttiva dwar l-Effiċjenza Enerġetika huma kruċjali biex jiġu sfruttati l-opportunitajiet offruti mill-ħżin tal-enerġija;

27.  Jemmen li l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet tal-ħżin tal-elettriku ġodda u eżistenti se jkun element indispensabbli tat-tranżizzjoni tal-enerġija, u li regoli ġodda tad-disinn tas-suq għandhom jgħinu biex jiġi stabbilit qafas ta' appoġġ għat-teknoloġiji varji involuti;

28.  Iqis li l-ħżin tal-enerġija għandu bosta benefiċċji, b'mod partikolari billi jippermetti rispons min-naħa tad-domanda, jassisti fl-ibbilanċjar tal-grilja u jipprovdi mezz biex tinħażen ġenerazzjoni żejda tal-enerġija rinnovabbli; jitlob ir-reviżjoni tal-qafas regolatorju eżistenti biex tiġi promossa l-introduzzjoni ta' sistemi tal-ħżin tal-enerġija u għażliet oħra ta' flessibilità, li jippermettu sehem akbar ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli (RES) intermittenti - kemm jekk ċentralizzati jew iddistribwiti - bi spejjeż marġinali aktar baxxi biex jiddaħħlu fis-sistema tal-enerġija; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi stabbilita kaategorija tal-assi separata għas-sistemi tal-ħżin tal-elettriku jew l-enerġija fil-qafas regolatorju eżistenti minħabba n-natura doppja - ġenerazzjoni u domanda - tas-sistemi tal-ħżin tal-enerġija;

29.  Għaldaqstant jitlob li disinn ġdid tas-suq jindirizza ostakli tekniċi u prattiki diskriminatorji fil-kodiċijiet tan-netwerk għall-ħżin tal-enerġija u biex it-tariffi u t-taxxi jiġu applikati b'mod ġust, bl-evitar ta' spejjeż doppji għall-kariku u l-iskariku tal-enerġija u b'riżultat ta' suq li jippremja sorsi flessibbli b'reazzjoni rapida; jissuġġerixxi li jekk u meta l-għażliet tal-ħżin isiru aktar abbundanti u bi prezzijiet raġonevoli, il-bażi loġika għas-swieq tal-kapaċità tisparixxi malajr;

30.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġi promoss l-użu ta' sistemi tal-ħżin tal-enerġija u li jinħolqu kundizzjonijiet ugwali li bihom il-ħżin tal-enerġija jkun jista' jikkompeti ma' għażliet oħra tal-flessibilità, fuq il-bażi ta' disinn teknoloġikament newtrali tas-suq tal-enerġija;

31.  Jitlob għalhekk disinn teknoloġikament newtrali tas-suq tal-enerġija biex jingħataw soluzzjonijiet varji għall-ħżin tal-enerġija bbażati fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli, bħal batteriji tal-joni tal-litju, pompi tas-sħana jew ċelluli tal-fjuwil bl-idroġenu, il-possibiltà li tiġi komplementata l-kapaċità tal-ġenerazzjoni RES; jitlob ukoll għall-istabbiliment ta' mekkaniżmi ddefiniti b'mod ċar sabiex jittieħed vantaġġ mill-produzzjoni eċċessiva u mit-tnaqqis;

32.  Jistieden lill-Kummissjoni tiċċara l-pożizzjoni tal-ħżin f'passi differenti tal-katina tal-elettriku, u tippermetti lill-operaturi tat-trażmissjoni u tad-distribuzzjoni jinvestu, jużaw u jisfruttaw servizzi tal-ħżin tal-enerġija għall-finijiet tal-ibbilanċjar tal-grilja u servizzi anċillari oħra.

33.  Jinnota ż-żieda fil-firxa tal-enerġija u servizzi anċillari li l-ħżin tal-enerġija jista' jipprovdi fil-futur; jitlob, għalhekk, definizzjoni tal-ħżin tal-elettriku li tkopri n-natura doppja tiegħu (użu u rilaxx tal-elettriku), għat-tneħħija tal-ostakli regolatorji għall-ħżin tal-elettriku;

34.  Jitlob li ssir reviżjoni tal-qafas regolatorju attwali, sabiex jiġi promoss l-użu tas-sistemi tal-ħżin tal-enerġija u għażliet ta' flessibilità oħrajn, bil-għan li sehem akbar ta' sorsi tal-enerġija intermittenti rinnovabbli jiġi applikat fis-sistema tal-enerġija bi spejjeż marġinali baxxi fuq bażi ċentralizzata jew deċentralizzata;

35.  Jitlob li tiġi inkluża definizzjoni tal-ħżin tal-enerġija fis-sistema tal-elettriku fil-qafas regolatorju eżistenti;

36.  Jitlob li tiġi stabbilita kategorija separata għas-sistemi tal-ħżin tal-elettriku fil-qafas reġolatorju attwali, flimkien mal-ġenerazzjoni, it-tħaddim tal-grilja u l-konsum;

37.  Jenfasizza li l-interkonnessjonijiet tal-gass u l-koordinament tal-miżuri ta' emerġenza nazzjonali jirrappreżentaw metodi li bihom l-Istati Membri jistgħu jikkooperaw f'każ ta' interruzzjonijiet serji fil-provvista tal-gass;

38.  Jinnota li kompetizzjoni transfruntiera tista' ġġib magħha benefiċċji għall-konsumaturi permezz tal-preżenza ta' bosta fornituri tal-enerġija f'suq deċentralizzat, li jwassal għall-ħolqien ta' kumpaniji ġodda tas-servizzi tal-enerġija innovattivi;

39.  Jitlob aktar żvilupp tas-suq ta' enerġija biss (energy-only market), fejn l-ispejjeż u l-benefiċċji jiġu kondiviżi b'mod ġust mill-utenti u l-produtturi tal-enerġija, fuq il-bażi ta' applikazzjoni konsistenti tal-leġiżlazzjoni eżistenti, it-titjib immirat tal-infrastruttura tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, kooperazzjoni reġjonali akbar, interkonnessjoni aħjar, effiċjenza enerġetika, skemi ta' rispons għad-domanda u l-ħżin, li jistgħu jibagħtu l-aħjar sinjali fit-tul biex is-sistema tal-elettriku tinżamm b'mod sikur u jiġu żviluppati sorsi ta' enerġija rinnovabbli, filwaqt li jittieħdu inkunsiderazzjoni l-karatteristiċi partikolari tas-swieq tal-elettriku ta' reġjuni li huma iżolati mis-sistema nazzjonali tal-elettriku, u b'hekk issir promozzjoni tad-diversifikazzjoni tal-enerġija u titħeġġeġ kompetizzjoni akbar sabiex tiżdied is-sigurtà tal-provvista;

40.  Jenfasizza li l-effiċjenza enerġetika hija prinċipju ewlieni tal-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija, peress li dan huwa mod effettiv biex jitnaqqsu l-emissjonijiet, jiġi ġġenerat it-tfaddil għall-konsumaturi u titnaqqas id-dipendenza tal-UE fuq l-importazzjonijiet tal-fjuwils fossili;

41.  Jirrikonoxxi li l-flessibilità u l-kapaċità tal-enerġija huma attwalment essenzjali u għandhom jiġu evalwati kif xieraq bħala parti minn disinn tas-suq b'validità għall-futur, meta jitqies li huma elementi komplementarji;

42.  Jenfasizza li suq tal-elettriku Ewropew għandu jkun immexxi mill-eżiġenzi tas-suq stess; jenfasizza, f'dan ir-rigward, li l-iffissar tal-prezzijiet dinamiku għandu funzjoni ta' sinjal u ta' gwida u huwa bla dubju fattur importanti fl-effiċjenza, u għalhekk biex jiġi żgurat suq tal-elettriku li jiffunzjona sew;

43.  Jinnota li l-prezzijiet tal-elettriku li jvarjaw bil-ħin jistgħu jwasslu għal flessibilità min-naħa tad-domanda, li jista' jgħin biex jiġu bbilanċjati l-provvista u d-domanda u jillivella l-patterns ta' produzzjoni rinnovabbli varjabbli; jenfasizza l-importanza, f'dan ir-rigward, ta' prezzijiet tal-elettriku li jirriflettu l-ispejjeż attwali tal-elettriku;

44.  Jinnota li l-aspettattiva ta' żidiet drastiċi fi prezzijiet futuri tista' toffri inċentivi għall-produtturi u l-investituri biex jinvestu f'soluzzjonijiet flessibbli bħall-ħżin tal-enerġija, l-effiċjenza enerġetika, il-ġestjoni tan-naħa tad-domanda, il-kapaċità tal-produzzjoni tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u l-impjanti tal-enerġija li jaħdmu bil-gass moderni u b'effiċjenza kbira, u impjanti bi ħżin mill-ippumpjar; iħeġġeġ li jkun hemm restrizzjonijiet fir-rigward tal-interventi fis-suq tal-operaturi, anki fl-eventwalità ta' żidiet drastiċi fil-prezzijiet; jitlob li kwalunkwe pjan ta' tneħħija gradwali ta' prezzijiet regolati għall-konsumaturi, li huma taħt l-ispiża tal-produzzjoni, iqisu l-bżonnijiet tal-konsumaturi vulnerabbli f'riskju ta' faqar tal-enerġija;

45.  Jenfasizza li l-integrazzjoni sħiħa tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-suq tal-elettriku hija essenzjali; jitlob li jsiru sforzi għall-inkoraġġiment u l-massimizzazzjoni tal-parteċipazzjoni tagħhom fis-servizzi tal-ibbilanċajr, u jqis li it-tqassir tal-ħinijiet tal-għeluq, l-allinjament tal-intervalli tan-negozju mal-perjodu ta' saldu żbilanċjat u l-permess tas-sottomissjoni ta' offerti aggregati minn ġeneraturi lokalizzati fi Stati Membri differenti jikkontribwixxu b'mod sinifikanti biex jinkiseb dan il-għan;

46.  Jitlob it-tkomplija tal-integrazzjoni tas-suq intern u tas-servizzi tal-ibbilanċjar u ta' riżerva, bit-tisħiħ tal-likwidità u l-kummerċ transfruntier fl-iskedi ta' żmien kollha tas-suq; iħeġġeġ biex jitħaffu l-għanijiet ambizzjużi tal-Mudell fil-Mira rigward is-swieq tal-istess jum u tal-ibbilanċjar, inizjalment bl-armonizzazzjoni tal-ħinijiet tal-għeluq u l-ibbilanċjar tal-prodotti tal-enerġija;

47.   Jistieden lill-Kummissjoni tissottometti proposti li jippermettu strumenti li jtaffu r-riskju tad-dħul fuq 20 sa 30 sena, sabiex l-investimenti f'ġenerazzjoni ġdida b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju jkunu fil-fatt immexxija mis-suq, bħal koinvestimenti b'kondiviżjoni kuntrattwali tar-riskji bejn konsumaturi kbar u produtturi tal-elettriku jew suq għal kuntratti fit-tul ibbażati fuq l-ipprezzar tal-ispiża medja;

48.  Jitlob li l-provvista tal-elettriku u s-servizzi tas-sistema jiġu allokati fuq bażi ta' suq ħieles; isostni li proċedura miftuħa bħal din, kemm jekk hija organizzata fuq bażi nazzjonali jew transfruntiera, għandha tkun teknoloġikament newtrali u tippermetti wkoll il-parteċipazzjoni tal-operaturi tal-ħżin tal-enerġija;

49.  Jappoġġja ż-żieda fis-sehem ta' sorsi rinnovabbli fl-UE; Jenfasizza l-importanza ta' skemi stabbli u effettivi fil-konfront tal-ispejjeż ta' sostenn għall-enerġija rinnovabbli għall-investiment fit-tul li jibqgħu reattivi u adattabbli fl-immedjat u li jkunu mfassla skont il-bżonnijiet u ċ-ċirkustanzi nazzjonali, u li jippermettu t-tneħħija gradwali tas-sussidji għal teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli maturi; jilqa' l-fatt li għadd ta' teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli rapidament qed isiru kompetittivi fl-ispejjeż magħmula fil-konfront ta' forom konvenzjonali ta' ġenerazzjoni; jinnota li għandha tingħata attenzjoni biex jiġi żgurat li l-iskemi ta' appoġġ ikunu mfassla sew u li kwalunkwe impatt fuq l-industriji intensivi fl-użu tal-enerġija fir-riskju ta' rilaxx tal-emissjonijiet tal-karbonju jinżammu għal minimu;

50.  Jenfasizza l-importanza tat-teknoloġiji diġitali sabiex jintbagħtu sinjali tal-prezzijiet li jippermettu li r-rispons għad-domanda jaħdem bħala sors għall-flessibilità; jitlob għalhekk strateġija ambizzjuża fir-rigward tad-diġitalizzazzjoni fis-settur tal-enerġija, mill-użu ta' grilji intelliġenti u arloġġi intelliġenti sal-iżvilupp ta' applikazzjonijiet għall-mobiles, pjattaformi online u hubs tad-data;

51.  Jinnota li taħt il-qafas tal-2020 l-Istati Membri għandhom jissodisfaw objettivi speċifiċi kwantitattivi għas-sehem tal-enerġija rinnovabbli fil-konsum finali tal-enerġija, indipendentement mis-sitwazzjoni tas-suq, u għalhekk jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-enerġiji rinnovabbli, permezz ta' politiki li jiffokaw fuq il-kompetizzjoni u l-effiċjenza fil-konfront tal-ispejjeż, filwaqt li jiġi rikonoxxut li jeżistu bosta teknoloġiji differenti ta' enerġija rinnovabbli li jinsabu fi stadji differenti ta' maturità u li għandhom karatteristiċi differenti u għalhekk ma jistgħux jiġu ttrattati b'approċċ ta' universalità; ifakkar fir-rwol importanti tal-Iskema għall-Iskambju ta' Kwoti tal-Emissjonijiet (ETS) tal-UE f'dan ir-rigward, u jqis il-promozzjoni tal-investiment bħala aktar kompatibbli mas-suq minn tariffi fissi feed-in u trattament preferenzjali ġenerali;

52.  Jinsisti li, biż-żieda fil-maturità teknika u l-użu fuq skala wiesgħa tal-enerġija rinnovabbli, ir-regoli ta' promozzjoni għandhom ikunu mmirati lejn is-sitwazzjoni fis-suq, bħal primjums feed-in, sabiex l-ispejjeż għall-konsumaturi tal-enerġija jinżammu f'limiti raġonevoli;

53.  Iwissi kontra t-taħlita tal-objettivi tal-politika dwar il-provvista mal-objettivi tal-politika tal-klima; jitlob li l-ETS tissaħħaħ b'mod konsistenti, kif ukoll li s-suq jiġi mfassal mill-ġdid biex ikun aktar flessibbli, sabiex, fil-futur, il-prezzijiet tas-CO2 u l-prezzijiet tal-fjuwil ikunu jistgħu jappoġġaw aktar l-iżvilupp tal-enerġiji rinnovabbli;

54.  Ifakkar li, mill-2016, il-linji gwida tal-Istat tal-2014 jirrikjedu ġeneraturi RES kbar ħafna biex jassumu responsabiltajiet ta' bbilanċjar, li huma definiti bħala obbligu fuq il-produtturi biex jikkumpensaw għal devjazzjonijiet fuq żmien qasir mill-impenji tagħhom ta' konsenja preċedenti f'każijiet fejn jeżisti suq likwidu tal-istess ġurnata; jenfasizza li f'każ ta' tluq mill-iskeda mħabbra mill-operatur, għandu jintalab prezz ta' kumpens xieraq tal-enerġija; ifakkar fid-dispożizzjonijiet eżistenti tad-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli, li jagħtu prijorità ta' aċċess u rilaxx għal sorsi ta' enerġija rinnovabbli; jissuġġerixxi li dawn id-dispożizzjonijiet għandhom jiġu evalwati u riveduti ladarba jiġi implimentat is-suq tal-elettriku rridisinnjat, li jiżgura kundizzjonijiet aktar ugwali u li jqis aktar il-karatteristiċi tal-ġenerazzjoni tal-enerġija rinnovabbli;

55.  Jitlob, f'konformità mal-prinċipju ta' sussidjarjetà, azzjoni koordinata mill-Istati Membri, li jibdew fil-livell reġjonali, b'rabta mal-espansjoni ulterjuri tal-enerġiji rinnovabbli, biex tingħata spinta lill-effiċjenza ekonomika tas-suq tal-enerġija bl-għan li jintlaħqu l-għanijiet komuni Ewropej u tissaħħaħ l-istabilità tal-grilja; iqis li Stat Membru m'għandux jieħu deċiżjoni unilaterali li jkollha impatt sostanzjali fuq l-istati ġirien mingħajr diskussjoni usa' u kooperazzjoni fil-livell reġjonali jew tal-UE; ifakkar li s-sorsi tal-enerġija rinnovabbli ħafna drabi jkollhom komponent lokali b'saħħtu; jitlob lill-Kummissjoni taħdem lejn qafas Ewropew aktar konverġenti għall-promozzjoni tal-enerġiji rinovabbli;

56.  Jirrakkomanda li l-Istati Membri jqisu l-qafas regolatorju li jinkoraġġixxi lill-utenti finali jduru għall-awtoproduzzjoni u l-ħżin tal-enerġija lokali;

57.  Huwa konvint li, flimkien mas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli, is-sorsi tal-enerġija sikuri u sostenibbli kollha, li jservu l-objettiv ta' dekarbonizzazzjoni gradwali f'konformità mal-ftehim globali riċenti tal-COP 21, għandhom ikomplu bir-rwol tagħhom fil-produzzjoni tal-enerġija;

58.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza ta' koordinament fil-livell tal-UE fid-definizzjoni tar-reġimi għall-għoti tal-użu tal-enerġija idroelettrika u għall-ftuħ tas-settur għall-kompetizzjoni, bil-għan li jiġu evitati distorsjonijiet fis-swieq u jiġi promoss l-użu effiċjenti tar-riżorsi;

59.  Jinnota li r-riorganizzazzjoni tas-suq tal-elettriku twieġeb għall-aspettattivi tal-konsumaturi billi jingħataw benefiċċji reali ġejjin mill-użu ta' teknoloġiji ġodda, b'mod partikolari fir-rigward tal-enerġija rinnovabbli b'emissjonijiet ta' dijossidu tal-karbonju baxx, li jirriżultaw f'interdipendenza fost l-Istati Membri f'dak li għandu x'jaqsam mas-sigurtà tal-enerġija;

60.  Jissottolinja li fin-nuqqas ta' sistema tal-grilja elettrika kompletament interkonnessa b'possibiltajiet adegwati ta' ħżin, il-ġenerazzjoni konvenzjonali tat-tagħbija bażika tibqa' essenzjali għaż-żamma tas-sigurtà tal-provvista;

61.  Jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lir-responsabiltà lokali u reġjonali li għandhom l-operaturi tan-netwerk ta' distribuzzjoni għall-Unjoni tal-Enerġija, minħabba li x-xenarju tal-enerġija qed isir dejjem aktar deċentralizzat, 90 % tal-enerġiji rinnovabbli huma konnessi mal-grilja tad-distribuzzjoni u d-DSOs huma inkorporati lokalment; ifakkar fl-importanza għall-Istati Membri kollha li jimplimentaw ir-rekwiżiti tat-Tielet Pakkett tal-Enerġija fir-rigward tas-separazzjoni tas-sistemi tat-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, b'mod speċjali fid-dawl tar-rwol akbar tad-DSOs fl-aċċess għad-data u l-ġestjoni tad-data; jenfasizza li għandha tingħata aktar attenzjoni lill-interfaċċja TSO-DSO: iqis li l-implimentazzjoni ta' mudelli tan-negozju xierqa, infrastrutturi ddedikati u sostenn armonizzat jistgħu jwasslu għal bidu effettiv tar-rispons min-naħa tad-domanda f'kull Stat Membru u bejn il-fruntieri;

62.  Iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu l-mekkaniżmi legali u amministrattivi neċessarji sabiex jippromwovu l-involviment tal-komunitajiet lokali fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, billi jagħmluhom parteċipanti fil-proġetti ta' ġenerazzjoni tal-elettriku rinnovabbli fuq skala żgħira;

63.  Jenfasizza li fil-biċċa l-kbira tal-każijiet l-enerġiji rinnovabbli jiddaħħlu fis-sistema fil-livell tas-sistemi ta' distribuzzjoni, u għalhekk jistieden lid-DSOs jassumu rwol akbar bħala faċilitaturi u biex ikunu involuti aktar mill-qrib fit-tfassil tal-qafas regolatorju Ewropew u fil-korpi rilevanti meta wieħed jiġi biex ifassal linji gwida dwar kwistjonijiet li jikkonċernawhom, bħall-ġesjoni min-naħa tad-domanda, il-flessibbiltà u l-ħżin, u għal kooperazzjoni aktar mill-qrib bejn id-DSOs u t-TSOs fil-livell Ewropew;

64.  Jitlob miżuri li jinċentivaw l-investiment meħtieġ f'teknoloġiji ta' grilji intelliġenti u fis-sistemi ta' distribuzzjoni, bl-għan li jiġu integrati aħjar kwantitajiet dejjem akbar ta' sorsi rinnovabbli u li wieħed ikun ippreparat aħjar għad-diġitalizzazzjoni; iqis, f'dan ir-rigward, li d-DSOs iridu jingħataw rwol akbar fil-ġbir u l-qsim tad-data, u li l-protezzjoni tad-data għandha tkun iggarantita fiċ-ċirkostanzi kollha, b'kont meħud tal-esperjenza miksuba f'pajjiżi b'introduzzjoni sħiħa ta' arloġġi tad-dawl intelliġenti;

65.  Jenfasizza l-importanza tal-approċċ reġjonali fil-bini tal-infrastruttura tal-elettriku nieqsa li hija kruċjali għas-sigurtà ta' provvista tal-elettriku sostenibbli, bil-ħsieb li jiġi eliminat il-punt ta' konġestjoni fin-netwerk (tal-enerġija) u t-tlestija tas-suq intern tal-enerġija.

66.  Iqis id-DSOs bħala faċilitaturi newtrali tas-suq li jirċievu data minn sorsi varji, li mbagħad jistgħu jagħmlu disponibbli b'mod mhux diskriminatorju lil partijiet terzi awtorizzati bil-kunsens tal-konsumatur, biex b'hekk ikun żgurat li l-konsumaturi jibqgħu fil-kontroll tad-data tagħhom; iqis li d-DSOs jagħtu spinta lill-iżvilupp tas-suq u għandhom rwol dejjem aktar importanti bħala ġesturi attivi tas-sistema, faċilitaturi teknoloġiċi, ġesturi ta' data u innovaturi; iqis li huma meħtieġa regoli ċari biex jiġi żgurat li d-DSOs jaġixxu bħala faċilitaturi tas-suq newtrali; jinnota li d-DSOs, fost parteċipanti l-oħra tas-suq, jistgħu jappoġġaw ukoll lill-awtoritajiet lokali billi jipprovdulhom data li tippermetti t-tranżizzjoni tal-enerġija fi ħdan it-territorju tagħhom;

67.  Jenfasizza l-ħtieġa li jitħaffef il-proċess ta' ħruġ ta' liċenzji għall-proġetti fis-settur tal-infrastruttura tal-enerġija fil-livelli kollha tat-teħid ta' deċiżjonijiet;

68.  Huwa tal-fehma li jagħmel sens li tissaħħaħ il-kooperazzjoni fi ħdan ir-reġjuni u bejniethom, taħt il-koordinament tal-ACER u bil-kooperazzjoni tal-ENTSO-E, b'mod partikolari fir-rigward tal-evalwazzjoni tal-impatti transfruntiera, mingħajr ma l-Istati Membri jirrinunzjaw għar-responsabilità tagħhom fis-sigurtà tal-provvista; jenfasizza li l-kooperazzjoni u l-interkonnetturi transfruntiera huma kruċjali biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista;

69.  Jilqa' l-ħidma tal-ACER u jitlob li l-Aġenzija tingħata riżorsi finanzjarji u riżorsi umani suffiċjenti biex twettaq il-kompiti u r-responsabilitajiet attwali u futuri tagħha u biex tkun tista' tippjana b'mod strateġiku fi żmien medju li wieħed jista' jorbot fuqu;

70.  Jinnota l-importanza ta' monitoraġġ tas-suq effettiv, imparzjali u kontinwu tas-swieq tal-enerġija Ewropej bħala għodda ewlenija biex jiġi żgurat suq intern tal-enerġija reali kkaratterizzat minn kompetizzjoni ħielsa, sinjali tal-prezzijiet xierqa u sigurtà tal-provvista; jissottolinja l-importanza tal-ACER f'dan ir-rigward, u jistenna bil-ħerqa l-pożizzjoni tal-Kummissjoni dwar setgħat ġodda u msaħħa għall-ACER dwar kwistjonijiet transfruntiera;

71.  Jitlob li l-ACER tappoġġa u tikkoordina l-isforzi lejn kooperazzjoni reġjonali akbar rigward is-sigurtà u l-adegwatezza tas-sistema; huwa tal-fehma li t-trasferiment ta' kompetenzi għal kwistjonijiet tas-sigurtà tal-provvista lil korpi sopranazzjonali għandu jseħħ biss jekk jippermetti gwadann ċar għas-sistema tal-elettriku kollha u jkun akkumpanjat minn responsabilità suffiċjenti;

72.  Jitlob li l-ACER tingħata setgħa ta' teħid ta' deċiżjonijiet fir-rigward tal-koordinazzjoni ta' kooperazzjoni reġjonali akbar rigward kwistjonijiet transfruntiera u interreġjonali, b'mod partikolari fil-kuntest tal-RSCIs, bl-għan li tiġi ottimizzata l-ġestjoni tar-riżorsi tal-enerġija; jitlob li tali koordinazzjoni takkomoda l-ispeċifiċitajiet nazzjonali, li tkun ibbażata fuq l-ispejjeż u tapplika kriterji tas-suq, u jitlob l-iżvilupp ta' għodod adegwati biex jimmonitorjaw is-suq tal-enerġija b'mod effettiv bil-ħsieb li tissawwar l-Unjoni tal-Enerġija mingħajr il-ħtieġa tal-ħolqien ta' awtorità ġdida enormi;

73.  Jinnota li l-proposti tal-Kummissjoni dwar id-disinn ta' suq tal-enerġija ġdid huma limitati għas-settur tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tanalizza l-opportunità li tirrieżamina d-disinn tas-suq tal-gass naturali sabiex jiġu indirizzati l-isfidi fis-settur tal-gass (p.e. it-tibdil fid-domanda tal-UE għall-gass, attivitajiet imblukkati, sistemi ta' pprezzar, aktar integrazzjoni tas-suq u r-rwoli rispettivi tal-ACER u n-Netwerk Ewropew għall-Operaturi tas-Sistema ta' Trażmissjoni tal-Gass (ENTSO-G);

74.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-Riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri.

(1)

ĠU C 200, 28.6.2014, p. 1.

(2)

ĠU L 211, 14.8.2009, p. 1.

(3)

ĠU L 211, 14.8.2009, p. 15.

(4)

ĠU L 115, 25.4.2013, p. 39.

(5)

ĠU L 149, 11.6.2005, p. 22.

(6)

ĠU L 84, 20.3.2014, p. 61.

(7)

ĠU L 33, 4.4.2006, p. 22.

(8)

ĠU L 304, 22.11.2011, p. 64.

(9)

ĠU C 286 E, 27.11.2009, p. 24.

(10)

ĠU C 36, 29.1.2016, p. 62.

(11)

Testi adottati, P7_TA(2014)0065

(12)

Testi adottati, P8_TA(2015)0359

(13)

ĠU L 140, 5.6.2009, p. 16.

(14)

ĠU L 211, 14.8.2009, p. 55.

(15)

ĠU C 93, 9.3.2016, p. 8.

(16)

Testi adottati, P8_TA(2015)0444.

(17)

Testi adottati, P8_TA(2015)0445.

(18)

http://www.iea.org/publications/freepublications/publication/REPOWERINGMARKETS.pdf


NOTA SPJEGATTIVA

Fil-15 ta' Lulju 2015, il-Kummissjoni Ewropea ppubblikat għadd ta' dokumenti dwar is-suq intern Ewropew, fosthom il-komunikazzjoni konsultattiva dwar id-disinn tas-suq tal-elettriku Ewropew.

F'din il-komunikazzjoni jissemmew tliet objettivi politiċi għas-suq tal-elettriku futur.

1. Il-ħolqien ta' suq tal-elettriku għall-UE kollha b'sinjali ċari tal-prezzijiet għal investimenti ġodda.

2. Provvediment għal dimensjoni Ewropea għas-sigurtà tal-provvista tal-elettriku.

3. Tisħiħ tal-kooperazzjoni reġjonali fil-politika tal-enerġija, b'mod partikolari fir-rigward ta' investimenti f'impjanti ġodda tal-produzzjoni tal-enerġija, interkonnetturi u regoli ta' ffinanzjar, kif ukoll fir-rigward tal-integrazzjoni ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli fis-Suq Uniku Ewropew.

Il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni mmarkat il-bidu ta' konsultazzjoni pubblika dwar id-disinn tas-suq il-ġdid, biex jiġi żgurat li l-objettivi tal-politika tal-enerġija tas-sigurtà tal-provvista, l-impatt ambjentali l-valur għall-ispejjeż magħmula jintlaħqu. dan jiffaċilita t-teknoloġiji u l-investimenti ġodda, b'mod partikolari dawk f'sorsi tal-enerġija rinnovabbli u faċilitajiet li jiġġeneraw elettriku b'livell baxx ta' karbonju.

L-isfidi relatati mal-qasam tal-enerġija għall-Ewropa jinkludu dipendenza dejjem tiżdied fuq l-importazzjoni taż-żejt u l-gass f'dawn l-aħħar snin, in-nuqqas ta' diversifikazzjoni, prezzijiet tal-enerġija għoljin ikkaratterizzati minn livelli għolja ta' tariffi, żieda ġenerali fid-domanda dinjija għall-enerġija, riskji tas-sigurtà għall-pajjiżi produtturi u ta' tranżitu, il-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima, nuqqas ta' progress fl-effiċjenza enerġetika, iż-żieda fis-sehem tal-enerġija rinnovabbli, l-integrazzjoni u s-sistema ta' netwerk tas-swieq tal-enerġija u t-tgħawwiġ fis-suq ikkawżat minn differenzi fl-iskemi ta' appoġġ.

Integrazzjoni u koordinazzjoni aħjar tas-swieq tal-enerġija jfisser li hemm diversi opportunitajiet biex jintlaħaq l-objettiv komuni Ewropew ta' provvista tal-enerġija sikura, aċċessibbli mil-lat finanzjarju u sostenibbli mil-lat ambjentali.

Is-swieq tal-enerġija, u b'mod partikolari s-swieq tal-elettriku, attwalment għadhom ikkontrollati mill-istat fuq il-bażi tar-responsabilità nazzjonali għat-taħlita tal-enerġija. Il-miżuri għall-implimentazzjoni tat-taħlita tal-enerġija nazzjonali huma differenti ħafna u jvarjaw minn żieda fl-enerġija nukleari għas-sussidjar ta' enerġija rinnovabbli, kif ukoll l-istabbiliment, f'ċerti Stati Membri, tal-hekk imsejħa "mekkaniżmi tal-kapaċità" biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista.

Prezzijiet tal-enerġija prevedibbli u s-sigurtà tal-provvista huma indispensabbli partikolarment għall-istandard tal-għajxien tal-unitajiet domestiċi, iżda wkoll għas-sigurtà tal-impjiegi ta' kumpaniji b'użu intensiv tal-enerġija.

Il-miżuri kollha proposti mill-Kummissjoni Ewropea jeħtieġ li jiġu skrutinizzati f'termini tal-istrumenti, il-bażi ġuridika, l-implimentazzjoni u l-opportunitajiet għal Ewropizzazzjoni tal-provvista tal-elettriku.

L-għan tal-konsultazzjoni m'għandux ikun li jiġu annullati d-drittijiet tal-Istati Membri skont l-Artikolu 194 tat-TFUE għat-taħlita nazzjonali tal-enerġija, għall-istruttura ġenerali tal-provvista tal-enerġija u għall-użu tas-sorsi tal-enerġija rispettivi.

Wieħed għandu jassumi li, fi żmien qasir, il-kundizzjonijiet u r-rekwiżiti nazzjonali ta' integrazzjoni rapida tas-suq u tal-ħolqien ta' suq intern uniku Ewropew tal-elettriku se jkunu ta' xkiel għall-oqsma kollha ta' politika Ewropea komuni tal-enerġija.

Wieħed jista' jsemmi pereżempju l-valutazzjoni differenti tal-użu tal-enerġija nukleari, is-sussidju ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli bi prijorità feed-in u r-remunerazzjoni fissa fuq perjodu twil, l-interkonnetturi neqsin bejn ir-reġjuni u l-Istati Membri individwali, il-fatt li l-elettriku jista' jinħażen biss b'mod limitat, u l-kwistjoni dwar f'liema livell jistgħu jiġu kkontrollati u regolati l-aħjar is-swieq tal-elettriku biex tiġi garantita s-sigurtà tal-provvista.

Il-Kummissjoni pproponiet pakkett ta' miżuri dwar dan, li huma analizzati fir-rapport. Il-kwistjonijiet li ġejjin jeħtieġ li jiġu diskussi:

1. Il-prezzijiet f'każ ta' skarsezza jistgħu jkunu parti importanti mid-disinn tas-suq futur, għalkemm hemm dubji dwar jekk l-iffissar liberu tal-prezzijiet fis-suq tal-elettriku jistax jipprovdi biżżejjed sigurtà tal-provvista, peress li l-investimenti meħtieġa għall-kapaċitajiet ta' produzzjoni jistgħu jiġu mrażżna sa ma jkun hemm ċarezza dwar l-ipprezzar reali fis-suq tal-elettriku.

2. Il-pjan tal-Kummissjoni li twessa' l-oqsma koperti mis-swieq tar-riservi terzjarji attwali wisq probabbli jsib reżistenza. Qabel ma jittieħdu miżuri bħal dawn, hemm bżonn li ssir analiżi komprensiva tas-suq, f'każijiet fejn possibilment f'xi Stati Membri, ir-reġjuni kompensatorji huma żgħar wisq biex jippermettu provvista suffiċjenti ta' elettriku ta' riżerva. Huwa minnu li sorsi tal-enerġija rinnovabbli intensivi fil-kapital jeħtieġu qafas ta' investiment stabbli.

Fl-istess waqt hemm bżonn ċertament li jiġu eżaminati mill-ġdid is-sistemi ta' ffinanzjar eżistenti. Is-sistema Ġermaniża ta' prijorità feed-in u prezzijiet iggarantiti għal 20 sena, pereżempju, mhijiex addattata biex takkomoda direttament is-sinjali tal-prezz tas-suq. Sistema ta' ffinanzjar li tappoġġa l-ispejjeż tal-bidu tal-kumpaniji tkun ta' għajnuna akbar għall-produzzjoni effettiva fil-konfront tal-ispejjeż, li huma ffissati indipendentement mill-prezz tas-suq u għaldaqstant jagħmulha aktar diffiċli li jkun hemm kompetizzjoni ma' sorsi tal-enerġija oħrajn.

3. Il-proposta tal-Kummissjoni li twessa' b'mod sinifikanti r-regolamentazzjoni Ewropea wkoll hija kkritikata.

Is-sistema attwali ta' sorveljanza regolatorja, organizzata fil-biċċa l-kbira fuq linji nazzjonali, la hija ineffiċjenti u lanqas ma tipprekludi il-ħolqien intenzjonat ta' suq tal-elettriku Ewropew. Anke jekk l-Aġenzija Ewropea ACER għandha bżonn riżorsi umani u finanzjarji adegwati biex twettaq il-kompiti tagħha, it-trasferiment tal-ispettorat tal-enerġija jinvolvi l-ħolqien ta' awtorità ġdida ta' dimensjoni enormi. Għal din ir-raġuni l-ACER sa issa kellha biss ir-responsabilità li tikkoordina u tagħti pariri lill-awtoritajiet regolatorji nazzjonali. Fil-ġejjieni tista' tingħata kompiti oħra.

4. L-għan ta' dimensjoni Ewropea għas-sigurtà tal-provvista huwa meqjus b'mod pożittiv. Kompitu Ewropew bħal dan jista' jinkiseb biss permezz ta' kapaċitajiet ta' interkonnessjoni suffiċjenti bejn l-Istati Membri. Ir-rieżami ta' mekkaniżmi ta' kapaċità nazzjonali eżistenti li introduċiet il-Kummissjoni huwa żvilupp li ntlaqa' tajjeb.

Ir-rapporteur huwa tal-fehma li l-promozzjoni ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli għandha tingħata prijorità kbira, iżda li l-problemi relatati ta' sigurtà sostenibbli tal-provvista tal-enerġija bi prezzijiet raġonevoli ma għandhomx jiġu injorati.

5. Il-kisba tal-miri tal-UE dwar il-klima titlob taħlita ta' miżuri fejn l-impatt ta' teknoloġiji b'emissjonijiet baxxi bi prijorità kif ukoll is-sorsi rinnovabbli jkollhom jiġu kkalkolati fil-konfront ta' teknoloġiji b'emissjonijiet għoljin. Għaldaqstant ikun żbaljat li l-ġenerazzjoni mill-fjuwils fossili tiġi eskluza fuq perjodu ta' żmien qasir u bħala prinċipju, peress li l-ġenerazzjoni tal-elettriku minn fjuwils fossili bl-inqas emissjonijiet possibbli għandha żżomm rwol importanti fuq perjodu medju biex tissupplementa l-ġenerazzjoni minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli.

6. Ir-rapporteur jemmen li l-proposta tal-Kummissjoni għal politika tal-enerġija kkaratterizzata b'mod ugwali kemm minn strutturi ċentralizzati u deċentralizzati fil-prinċipju hija waħda tajba. Madankollu, id-disinn tas-suq kif inhu intiż għandu jkun imfassal b'mod li l-proċessi ta' trasformazzjoni jkunu jistgħu jseħħu mingħajr ma jgħawġu s-suq u jwasslu għal investimenti żbaljati. Proċessi bħal dawn m'għandhomx ikunu antiċipati jew imġiegħla mill-politika; huma għandhom jistabbilixxu ruħhom fis-suq.

Il-fatt li xi Stati Membri diġà introduċew mekkaniżmi ta' kapaċità biex jiggarantixxu s-sigurtà tal-provvista u biex ikunu jistgħu jiżguraw provvista bażika adegwata, fid-dawl tal-ħtieġa tal-flessibilità bħala sehem dejjem mis-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, ma għandux jiġi injorat. L-implimentazzjoni ta' dawn il-mekkaniżmi ta' kapaċità għandha tkun preċeduta minn analiżi dettaljata tas-sitwazzjoni ta' ġenerazzjoni u ta' provvista fil-livell reġjonali, filwaqt li l-kontribut ta' pajjiżi ġirien jiġi kkunsidrat; għandha tkun disponibbli għall-użu transfruntier; u għandha biss tiġi żgurata kapaċità suffiċjenti għas-sigurtà tal-provvista.

7. Ir-rapporteur b'mod ġenerali jappoġġa l-pjan tal-Kummissjoni li tagħti sinjali tal-prezzijiet u d-disinn l-aktar liberu possibbli tagħhom bħala funzjoni ta' gwida ċentrali fis-suq. Dan japplika wkoll għall-prezzijiet f'każijiet ta' skarsezza li jinfluwenzaw deċiżjonijiet fit-tul tal-investituri u d-deċiżjonijiet fuq żmien qasir u għaldaqstant l-imġiba tas-suq flessibbli tal-konsumaturi. Għalhekk, il-prezzijiet regolati għall-utenti finali ma għandhomx jitkomplew madwar l-Ewropa kollha.

Illum il-ġurnata, il-prezz bl-ingrossa huwa l-fattur ewlieni li jinfluwenza d-deċiżjonijiet dwar l-investiment fl-impjanti tal-enerġija. Is-suppożizzjoni tal-Kummissjoni li l-investituri privati jibnu impjanti tal-enerġija biss fl-istennija ta' ammont ftit iżgħar ta' prezzijiet massimi fis-sena hija waħda riskjuża, speċjalment għax m'hemmx garanzija ta' prevedibilità.

Is-suq tal-elettriku jserraħ fuq il-previżjonijiet għall-ġenerazzjoni u l-użu, anki jekk ikunu mistennija żidiet drastiċi fil-prezzijiet f'perjodi ta' skarsezza estrema, ħielsa minn intervent tal-istat. Dawn l-istimi jiġu adattati għall-prestazzjoni reali u jipprovdu inċentivi għall-atturi tas-suq għal negozjar attiv fis-suq tal-elettriku.

Madankollu, il-prezzijiet f'każ ta' skarsezza għandhom ikunu akkumpanjati minn ambjent sikur għal investimenti fit-tul intensivi fil-kapital. Dan ma japplikax biss għal impjanti tal-enerġija, grilji u ħżin konvenzjonali, iżda wkoll għal sorsi tal-enerġija rinnovabbli. Wara l-liberalizzazzjoni tas-suq tal-elettriku, l-investiment fil-ġenerazzjoni konvenzjonali fl-Ewropa sar mingħajr ftehimiet fit-tul. Il-fiduċja inerenti li kien hemm f'dan kollu ġiet imminata mill-interferenza regolatorja, minkejja li kien ir-rwol tas-settur pubbliku li jiżgura s-sigurtà u l-istabilità tar-regoli tas-suq.

8. Ir-rapporteur jirrakkomanda li l-Kummissjoni tittestja l-proġetti pilota tagħna b'approċċ ta' strutturi tas-suq innovattivi transfruntiera, sabiex tistabbilixxi swieq reġjonali usa'. Dawn jistgħu iktar tard jiġu estiżi għal Stati Membri oħra.

Il-Forum tal-Enerġija Pentalaterali(1) jista' jservi ta' eżempju pożittiv ta' kooperazzjoni transfruntiera. Hawnhekk l-Aġenzija għall-Kooperazzjoni tar-Regolaturi tal-Enerġija (ACER) taqdi rwol kruċjali, iżda għandu jkollha biżżejjed riżorsi biex taqdi l-kompiti tagħha ta' koordinazzjoni. Tibdil fundamentali ieħor fil-kompetenzi jista' jikkomprometti s-sigurtà tas-sistema, peress li s-sistema attwali ta' regolaturi attwali tal-enerġija indipendenti tiffunzjona tajjeb.

L-Aġenzija ACER madankollu tista' tikseb ukoll setgħat deċiżjonali limitati, pereżempju fi kwistjonijiet transfruntiera, f'każ li l-awtoritajiet ta' regolamentazzjoni nazzjonali ma jkunux laħqu ftehim minn qabel dwar id-definizzjoni tal-metodu ta' sistema armonizzata ta' ekwivalenza, jew fil-kooperazzjoni u l-appoġġ ta' proċeduri ta' awtorizzazzjoni nazzjonali għal proġetti tal-enerġija ta' interess komuni.

9. Il-proposta biex jiġu armonizzati t-tariffi tal-grilja ta' distribuzzjoni u biex tiġi introdotta s-separazzjoni għall-grilji ta' distribuzzjoni b'anqas minn 100 000 utent hija, min-naħa l-oħra, superfluwa u kontroproduċenti.

(1)

"Gemeinsamer Versorgungssicherheitsbericht" (Rapport dwar is-Sigurtà tal-Provvista Komuni") tal-5.3.2015 mill-Ġermanja, Franza, l-Awstrija, l-Isvizzera, il-Belġju, in-Netherlands u l-Lussemburgu.


RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

14.6.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

44

13

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Zigmantas Balčytis, Bendt Bendtsen, Xabier Benito Ziluaga, José Blanco López, Jerzy Buzek, Edward Czesak, Christian Ehler, Fredrick Federley, Adam Gierek, András Gyürk, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Kaja Kallas, Barbara Kappel, Krišjānis Kariņš, Jeppe Kofod, Zdzisław Krasnodębski, Miapetra Kumpula-Natri, Ernest Maragall, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Dan Nica, Angelika Niebler, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Carolina Punset, Michel Reimon, Herbert Reul, Algirdas Saudargas, Sergei Stanishev, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Patrizia Toia, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Lieve Wierinck, Flavio Zanonato

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Simona Bonafè, Rosa D’Amato, Cornelia Ernst, João Ferreira, Françoise Grossetête, Carlos Iturgaiz, Benedek Jávor, Werner Langen, Svetoslav Hristov Malinov, Vladimír Maňka, Luděk Niedermayer, Markus Pieper, Anneleen Van Bossuyt

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Reimer Böge, Lara Comi, Jakop Dalunde, Eleonora Evi, Arne Lietz, Axel Voss

Avviż legali - Politika tal-privatezza