RAPPORT dwar Strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin

13.7.2016 - (2015/2324(INI))

Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali
Rapporteur: Mercedes Bresso


Proċedura : 2015/2324(INI)
Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
Ċiklu relatat mad-dokument :  
A8-0226/2016

MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

dwar Strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin

(2015/2324(INI))

Il-Parlament Ewropew,

–  wara li kkunsidra l-Artikoli 192, 265(5) u 174 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun ta-Alpi (COM(2015)0366) u l-pjan ta' azzjoni li jakkumpanjaha u d-dokument analitiku ta' sostenn,

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1303/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi dispożizzjonijiet komuni dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni, il-Fond Agrikolu Ewropew għall-Iżvilupp Rurali u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jistabbilixxi d-dispożizzjonijiet ġenerali dwar il-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali, il-Fond Soċjali Ewropew, il-Fond ta' Koeżjoni u l-Fond Ewropew għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd u li jħassar ir-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 1083/2006 (minn issa 'l quddiem "ir-Regolament dwar id-Dispożizzjonijiet Komuni" jew is-CPR)[1],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013 dwar dispożizzjonijiet speċifiċi għall-appoġġ mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali għall-għan ta' kooperazzjoni territorjali Ewropea[2],

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1302/2013 tas-17 ta' Diċembru 2013 li jemenda r-Regolament (KE) Nru 1082/2006 dwar raggruppament Ewropew ta' kooperazzjoni territorjali (REKT) fir-rigward tal-kjarifika, is-simplifikazzjoni u t-titjib għat-twaqqif u l-funzjonament ta' tali raggruppamenti[3],

–  wara li kkunsidra l-Pjan ta' Azzjoni tat-28 ta' Lulju 2015 li jakkumpanja l-komunikazzjoni dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (SWD(2015)0147),

–  wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013 dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi,

–  wara li kkunsidra r-rapport tat-28 ta' Lulju 2015 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (SWD(2015)0147) u l-konklużjonijet relevanti tal-Kunsill tad-19 u l-20 ta' Diċembru 2013,

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew tat-8 ta' Ottubru 2015 dwar il-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar Strateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (COM(2015)0366),

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar strateġija makroreġjonali tal-Alpi għall-Unjoni Ewropea (CDR 2994/2014),

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-3 ta' Lulju 2012 dwar l-evoluzzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE: Prassi attwali u prospettivi futuri, b'mod partikolari fil-Mediterran[4],

–  wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tat-23 ta' Mejju 2013 dwar l-evoluzzjoni ta' strateġija makroreġjonali għall-Alpi[5],

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-20 ta' Mejju 2014 mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni dwar il-governanza tal-istrateġiji makroreġjonali (COM(2014)0284),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' ħidma tal-persunal tal-Kummissjoni tas-26 ta' Jannar 2011 bit-titolu "Regional policy contributing to sustainable growth in Europe 2020" (Il-politika reġjonali li tikkontribwixxi għat-tkabbir sostenibbli fl-Ewropa 2020) (COM(2011)0017),

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2014/52/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-16 ta' April 2014 li temenda d-Direttiva 2011/92/UE dwar il-valutazzjoni tal-effetti ta' ċerti proġetti pubbliċi u privati fuq l-ambjent,

–  wara li kkunsidra d-Direttiva 2001/42/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-27 ta' Ġunju 2001 dwar l-evalwazzjoni tal-effetti ta' ċerti pjanijiet u programmi fuq l-ambjent,

–  wara li kkunsira d-Deċiżjoni tal-Kunsill 2005/370/KE tas-17 ta' Frar 2005 dwar il-konklużjoni, f'isem il-Komunità Ewropea, tal-Konvenzjoni dwar l-aċċess għall-informazzjoni, il-parteċipazzjoni pubblika fit-teħid ta' deċiżjonijiet u l-aċċess għall-ġustizzja fi kwistjonijiet ambjentali (Konvenzjoni ta' Aarhus),

–  wara li kkunsidra l-konferenza ta' varar dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi li saret fi Brdo (is-Slovenja) fil-25 u s-26 ta' Jannar 2016,

–  wara li kkunsidra l-konferenza għall-partijiet interessati dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi li saret f'Innsbruck fis-17 ta' Settembru 2014,

–  wara li kkunsidra l-konferenza għall-partijiet interessati dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi li saret f'Milan fl-1 u t-2 ta' Diċembru 2014,

–  wara li kkunsidra d-deċiżjoni tal-Kunsill tas-26 ta' Frar 1996 (96/191/KE) dwar il-konklużjoni tal-Konvenzjoni fuq il-protezzjoni tal-Alpi (Konvenzjoni Alpina),

–  wara li kkunsidra r-rapport ta' sinteżi tal-Kummissjoni dwar il-konsultazzjoni pubblika dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi,

–  wara li kkunsidra l-espressjoni tal-fehmiet tal-partijiet interessati li jinsabu fir-"Riżoluzzjoni Politika lejn Strateġija Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi", adottata fi Grenoble fit-18 ta' Ottubru 2013,

–  wara li kkunsidra l-istudju bit-titolu "Rwol Ġdid tal-Makroreġjuni fil-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea", ippubblikat f'Jannar 2015 mid-Direttorat Ġenerali għall-Politiki Interni tal-Parlament Ewropew (Dipartiment B): Politiki Strutturali u ta' Koeżjoni),

–  wara li kkunsidra l-White Paper tal-Kummissjoni tal-1 ta' April 2009 bit-titolu 'L-adattament għat-tibdil fil-klima: Lejn Qafas Ewropew għall-azzjoni' (COM(2009)0147),

–  wara li kkunsidra t-Tabella ta' Valutazzjoni tal-Unjoni tal-Innovazzjoni għall-2015,

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew u lill-Kumitat tar-Reġjuni bit-titolu "L-Infrastruttura Ekoloġika (IE) – Insaħħu l-Kapital Naturali tal-Ewropa (COM(2013) 0249),

–  wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1299/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tas-17 ta' Diċembru 2013, dwar il-Kooperazzjoni Territorjali Ewropea (ETC),

–  wara li kkunsidra d-dokument ta' gwida tal-Kummissjoni tal-2014 bit-titlu "Enabling synergies between European Structural and Investment Funds, Horizon 2020 and other research, innovation and competitiveness-related Union programmes" ("Niffaċilitaw sinerġiji bejn il-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej, Orizzont 2020 u programmi oħrajn tal-Unjoni għar-riċerka, l-innovazzjoni u relatati mal-kompetittività"),

–  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni tas-26 ta' Novembru 2014 lill-Parlament Ewropew, lill-Kunsill, lill-Bank Ċentrali Ewropew, lill-Kumitat Ekonomiku u Soċjali Ewropew, lill-Kumitat tar-Reġjuni u lill-Bank Ewropew tal-Investiment bit-titolu "Pjan ta' Investiment għall-Ewropa (COM(2014) 0903).

–  wara li kkunsidra l-Konferenza f'Innsbruck fis-17 ta' Settembru 2014 bl-isem 'Lejn strateġija Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi",

–  wara li kkunsidra l-opinjoni tal-Kumitat tar-Reġjuni tat-3 ta' Diċembru 2014 dwar strateġija makroreġjonali tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Alpi,

–  wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

–  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali u l-opinjonijiet tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali, il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel, il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu u l-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (A8-0226/2016),

A.  billi, biex jiġi promoss żvilupp armonjuż ġenerali, huwa meħtieġ li tissaħħaħ il-koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali madwar l-UE;

B.  billi l-istrateġiji makroreġjonali huma l-għodda fundamentali attwali biex jingħata kontribut għall-objettiv ta' koeżjoni ekonomika, soċjali u territorjali; billi dawn l-istrateġiji huma appoġġjati taħt il-prinċipju ta' "Tliet Le", jiġifieri l-ebda leġiżlazzjoni ġdida, l-ebda finanzjament ġdid u l-ebda istituzzjoni ġdida;

C.  billi l-istrateġija makroreġjonali għall-Alpi tista' tiffaċilita r-rinversament tat-tendenza ta' tnaqqis ekonomiku permezz tal-investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-appoġġ għan-negozju, billi tqis il-karatteristiċi u l-assi uniċi tar-reġjun;

D.  billi l-għan ta' strateġiji makroreġjonali għandu jkun li jintlaħqu aħjar l-għanijiet komuni ta' reġjuni differenti permezz ta' approċċ ikkoordinat u volontarju, mingħajr il-ħolqien ta' regolamentazzjoni addizzjonali;

E.  billi t-tibdil fil-klima qed iseħħ b'rata aktar mgħaġġla fiż-żona Alpina mill-medja dinjija u qiegħed iwassal dejjem aktar għal diżastri naturali bħal valangi u għargħar;

F.  billi l-istrateġija makroreġjonali għandha l-għan li tidentifika r-riżorsi u tisfrutta l-potenzjal kondiviż tar-reġjuni għall-iżvilupp;

G.  billi l-istrateġiji makroreġjonali jirrappreżentaw mudell ta' governanza fuq diversi livelli li fih l-involviment tal-partijiet interessati li jirrappreżentaw il-livelli lokali, reġjonali u nazzjonali huwa kruċjali għas-suċċess tal-istrateġiji; billi kooperazzjoni reċiproka bejn id-diversi makroreġjuni għandha tiġi mħeġġa biex ittejjeb il-koerenza tal-politiki tagħhom skont l-għanijiet Ewropej;

H.  billi strateġiji makroreġjonali jistgħu jikkontribwixxu għall-iżvilupp ta' strateġiji transfruntiera u proġetti internazzjonali għall-ħolqien ta' netwerks ta' kooperazzjoni li jibbenefikaw lir-reġjun kollu kemm hu;

I.  billi l-identitajiet reġjonali u l-wirt kulturali, b'mod partikolari l-kulturi u d-drawwiet popolari, tar-reġjun tal-Alpi jistħoqqilhom protezzjoni speċjali;

J.  billi l-approċċ b'saħħtu minn isfel għal fuq adottat mir-reġjuni taż-żona tal-Alpi wassal għall-iżvilupp tal-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (EUSALP), li għandha l-għan li tindirizza b'mod effettiv l-isfidi li huma komuni għar-reġjun kollu tal-Alpi;

K.  billi r-reġjun Alpin għandu rwol importanti fl-iżvilupp ekonomiku tal-Istati Membri u jipprovdi għadd ta' servizzi tal-ekosistema f'żoni urbani u periurbani kontigwi;

L.  billi l-istrateġija makro għar-reġjun tal-Alpi ser taffettwa l80 miljun ruħ li jgħixu fi 48 reġjun f'seba' pajjiżi, li ħamsa minnhom huma Stati Membri tal-UE (l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, u s-Slovenja) u tnejn mhumiex membri tal-UE (il-Liechtenstein u l-Iżvizzera);

M.  billi l-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi għandha tirrikonċilja s-sostenibbiltà ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku, f'żona ta' ambjent naturali li hija wkoll destinazzjoni ewlenija għat-turisti;

N.  billi d-depopolazzjoni hija l-problema ewlenija ta' xi nħawi Alpini u l-parti l-kbira tal-abitanti tar-reġjun tal-Alpi ma jistgħux jirnexxilhom jgħixu biss mit-turiżmu Alpin, u għalhekk jeħtieġ li jkomplu jiġu żviluppati aktar l-agrikoltura, il-forestrija u industriji u s-servizzi oħra li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent;

O.  billi jeżistu differenzi konsiderevoli bejn ir-reġjuni inklużi fl-istrateġija, u għalhekk, il-koordinazzjoni ta' politiki u setturi hija meħtieġa bejn reġjuni differenti (orizzontalment) kif ukoll fi ħdan ir-reġjuni individwali (vertikalment);

P.  billi r-reġjun Alpin għandu karatteristiċi ġeografiċi u naturali uniċi, u jikkostitwixxi makroreġjun interkonness u reġjun ta' tranżitu li għandu potenzjal sostanzjali għall-iżvilupp; billi, madankollu, huma meħtieġa soluzzjonijiet speċifiċi għal sfidi li jirriżultaw minn kwistjonijiet marbuta mal-ambjent, id-demografija, it-trasport, it-turiżmu u oħrajn marbuta mal-enerġija, l-istaġjonalità u l-multiattività, u ppjanar territorjali kkoordinat jista' jipproduċi riżultati aħjar u valur miżjud għall-koeżjoni territorjali f'żoni Alpini u peri-Alpini;

Q.  billi r-reġjun Alpin huwa t-'torri tal-ilma' tal-Ewropa u l-Alpi jipprovdu biżżejjed ilma biex jipprovdu sa 90 % tal-bżonnijiet taż-żoni muntanjużi fis-sajf; billi titqies l-importanza tar-riżorsi akwatiċi fil-produzzjoni idrawlika, l-irrigazzjoni tal-artijiet agrikoli, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, iż-żamma tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ u l-provvista tal-ilma għax-xorb; billi l-preservazzjoni tal-kwalità tal-ilmijiet u l-flussi tax-xmajjar fl-Alpi u s-sejba ta' bilanċ xieraq bejn l-interessi tal-popolazzjonijiet lokali u l-ħtiġijiet ambjentali huma essenzjali;

R.  billi r-reġjun Alpin jaqsmuh ħafna fruntieri, u l-indirizzar ta' dawn il-fruntieri huwa prerekwiżit għall-kooperazzjoni f'din iż-żona, għall-moviment liberu ta' persuni, ta' servizzi, ta' merkanzija u ta' kapital u b'hekk għall-interazzjonijiet ekonomiċi, soċjali u ambjentali; billi l-istrateġija għar-reġjun tal-Alpi tipprovdi wkoll opportunità biex tissaħħaħ il-kooperazzjoni transfruntiera, jinħolqu konnessjonijiet u netwerks li jgħaqqdu lin-nies u l-attivitajiet ekonomiċi, u b'hekk jiġu żmantellati l-fruntieri u l-ostakli li dawn joħolqu;

S.  billi fil-komunikazzjoni tagħha dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi, il-Kummissjoni tirreferi kemm għall-ħtieġa li jitnaqqas l-impatt tat-trasport fl-Alpi, sabiex jiġi ppreservat il-wirt ambjentali tal-Alpi, u għall-importanza tal-implimentazzjoni ta' strateġija biex jiġi pprovdut ambjent ta' għajxien aktar b'saħħtu u ippreservat aħjar għan-nies lokali;

T.  billi l-moviment liberu tal-persuni huwa dritt fundamentali u prerekwiżit — partikolarment f'żoni tal-fruntieri — biex jintlaħqu l-għanijiet ta' koeżjoni ekonomika, soċjali, territorjali u ambjentali, kompetittività b'saħħitha u sostenibbli u aċċess ekwu għall-impjieg;

U.  billi t-territorju EUSALP jinkludi ż-żoni muntanjużi fil-qalba tiegħu u ż-żoni peri-Alpini, inklużi ż-żoni metropolitani, li huma marbuta ma' xulxin permezz ta' interazzjonijiet mill-qrib u relazzjonijiet funzjonali, li kollha jinfluwenzaw l-iżvilupp ekonomiku, soċjali u ambjentali;

V.  billi dan ir-reġjun b'ekosistemi ppreservati u s-servizzi tiegħu jistgħu jipprovdu bażi għal bosta attivitajiet ekonomiċi, b'enfasi fuq il-biedja, il-forestrija, it-turiżmu, l-enerġija, filwaqt li jitqiesu l-wirt kulturali u naturali tar-reġjun;

W.  billi l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tal-Alpi, bħala l-ewwel strateġija makroreġjonali relatata ma' żona tal-muntanji, tista' sservi ta' mudell u ispirazzjoni għal żoni oħra tal-muntanji fl-Ewropa;

X.  billi strateġiji makroreġjonali tal-UE preċedenti wrew is-suċċess ta' arranġament ta' kooperazzjoni ta' dan it-tip u pprovdew esperjenza utli għat-tfassil ta' strateġiji makroreġjonali ġodda;

Kunsiderazzjonijiet ġenerali u governanza

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni mill-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi u l-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjaha; jemmen li dan huwa pass 'il quddiem għall-iżvilupp tar-reġjun f'konformità mal-objettiv ta' tkabbir intelliġenti, sostenibbli u inklużiv tal-Ewropa 2020; jinnota li l-Istrateġija u l-Pjan ta' Azzjoni jista' jkollhom rwol sinifikanti fl-isforzi biex tiġi miġġielda d-depopolazzjoni tar-reġjun, speċjalment it-tluq taż-żgħażagħ;

2.  Jenfasizza l-esperjenza siewja ħafna miksuba fl-implimentazzjoni tal-Konvenzjoni Alpina, li tibbilanċja l-interessi ekonomiċi, soċjali u ambjentali; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jirrispettaw il-ftehimiet milħuqa u jżommu livell għoli ta' impenn għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-Alpi;

3.  Jilqa' l-fatt li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej (FSIE) joffru riżorsi potenzjalment sinifikati u firxa wiesgħa ta' għodod u għażliet għall-Istrateġija; jappella għal sinerġiji akbar biex jippromwovu l-koordinazzjoni u l-komplementarjetajiet bejn il-FSIE u fondi u strumenti oħra rilevanti għall-pilastri tal-Istrateġija, b'mod partikolari Orizzont 2020, il-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa, il-programm LIFE, il-programm COSME għall-SMEs, il-Programm Interreg għall-Ispazju tal-Alpi u l-Fond Ewropew għal Investimenti Strateġiċi (FEIS), li għalihom il-Kummissjoni għandha tinvestiga l-valur miżjud possibbli ta' sejħiet speċifiċi ffokati fuq l-isfidi partikolari tar-reġjun Alpin;

4.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-entitajiet nazzjonali, reġjonali u lokali li huma responsabbli għat-tħejjija, il-ġestjoni u l-implimentazzjoni tal-programmi tal-FSIE biex jisħqu fuq l-importanza ta' proġetti u azzjonijiet makroreġjonali; jistenna koattività miżjuda permezz tal-koordinazzjoni ta' politiki, programmi u strateġiji tal-UE li għandhom rwol fl-Alpi, u jistieden lill-Kummissjoni tanalizza mill-qrib l-applikazzjoni prattika tal-programmi inkwistjoni sabiex tevita d-dupplikazzjoni u timmassimizza l-komplementarità u l-valur miżjud; jistieden lill-Kummissjoni, barra minn hekk, tiżgura li tiffaċilita l-aċċess għad-dokumenti rilevanti, kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għall-istituzzjonijiet tal-Istati Membri, bl-għan li jkun hemm trasparenza sħiħa rigward il-proċedura li għandha tiġi segwita;

5.  Itenni l-importanza tal-prinċipju tat-"Tliet Le", peress li l-makroreġjuni huma oqfsa li jibnu fuq il-valur miżjud tal-inizjattivi ta' kooperazzjoni u s-sinerġiji bejn id-diversi strumenti ta' finanzjament tal-UE;

6.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u r-reġjuni parteċipanti jallinjaw il-politiki nazzjonali u reġjonali tagħhom u l-arranġamenti ta' finanzjament tagħhom, kull fejn ikun possibbli, mal-azzjonijiet u l-objettivi tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi (EUSALP), u jadattaw il-programmi operattivi adottati sabiex jiġi żgurat li proġetti futuri fil-qafas tal-istrateġija tal-EUSALP jiġu implimentati fil-pront u li l-awtoritajiet ta' ġestjoni jikkunsidraw il-prijoritajiet tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi waqt l-implimentazzjoni tal-programmi operazzjonali (eż. permezz ta' sejħiet apposta, punti bonus jew allokazzjoni tal-baġit); jitlob li jittejjeb l-approċċ makroreġjonali, qabel ir-riforma ta' wara l-2020 tal-politika ta' koeżjoni, u jenfasizza l-importanza ta' proġetti u miżuri makroreġjonali integrati;

7.  Jistieden lill-BEI biex, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jeżamina l-possibilità li titwaqqaf pjattaforma ta' investiment għar-reġjun tal-Alpi li tippermetti l-mobilizzar ta' fondi minn sorsi pubbliċi u privati; isejjaħ għall-ħolqien ta' pipeline ta' proġetti għar-reġjun li jattira l-investituri; f'dan il-kuntest, iħeġġeġ lill-Kummissjoni, lill-BEI u lill-pajjiżi parteċipanti jisfruttaw bis-sħiħ il-possibbiltajiet disponibbli taħt il-FEIS sabiex jiffinanzjaw proġetti fir-reġjun bl-għan li jiksbu żvilupp sostenibbli u tkabbir ekonomiku u biex jiġu stimulati l-impjiegi fil-livell makroreġjonali;

8.  Jenfasizza l-ħtieġa ta' kampanji ta' informazzjoni xierqa dwar l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tal-Alpi, u jħeġġeġ lill-Istati Membri jiżguraw li l-istrateġija tibbenefika minn livell suffiċjenti ta' viżibbiltà u li dawn l-objettivi u riżultati jiġu kkomunikati b'mod adegwat fil-livelli kollha, inkluż fil-livell transfruntier u f'dak internazzjonali; jitlob li jiġu promossi l-koordinazzjoni u l-iskambju tal-aħjar prattiki fl-implimentazzjoni tal-istrateġiji makroreġjonali tal-UE, speċjalment fil-qasam tal-ġestjoni tal-wirt naturali u kulturali bl-għan li jinħolqu opportunitajiet turistiċi sostenibbli;

9.  Jitlob għat-twaqqif fil-livell makroreġjonali ta' struttura ta' implimentazzjoni ta' sostenn għall-korpi ta' tmexxija tal-EUSALP, b'kooperazzjoni u ftehim mal-Kummissjoni, l-Istati Membri u r-reġjuni; barra minn hekk jilqa' r-rappreżentanza tal-Parlament fil-korpi tat-tmexxija tagħha, u jemmen li l-Parlament għandu jiġi involut fil-monitoraġġ tal-implimentazzjoni tal-istrateġija;

10.  Isejjaħ għal rwol attiv għall-Kummissjoni fil-fażi ta' implimentazzjoni tal-EUSALP; jemmen li għandha tkun involuta, flimkien mal-Istati Membri u r-reġjuni, fuq bażi ta' ġestjoni kondiviża u f'konformità mal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-proporzjonalità, fl-istadji kollha tal-ippjanar u l-implimentazzjoni ta' proġetti li jaqgħu taħt din l-istrateġija, mhux l-anqas sabiex tiġi żgurata l-parteċipazzjoni effettiva tal-partijiet ikkonċernati lokali u reġjonali mill-awtoritajiet pubbliċi, l-imsieħba ekonomiċi u soċjali u l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw lis-soċjetà ċivili fir-rigward tal-makroreġjun u l-koordinazzjoni xierqa ma' strateġiji oħra appoġġjati mill-UE u arranġamenti ta' finanzjament;

11.  Jitlob li l-implimentazzjoni tal-EUSALP tiġi vvalutata mill-Kummissjoni, bi kriterji objettivi u indikaturi li jistgħu jitkejlu;

12.  Jappoġġja l-ippjanar strateġiku fost kemm iż-żoni urbani u kemm dawk rurali tar-reġjun tal-Alpi, bl-għan li jkun promoss in-netwerking u jkun hemm miri komuni f'qafas politiku koerenti, ikkoordinat u integrat (pereżempju. b'referenza għall-enerġiji rinnovabbli, il-benesseri, il-loġistika, u l-innovazzjoni tan-negozju u dik soċjali); iħeġġeġ il-ġbir flimkien tal-aħjar prattiki dwar, pereżempju, it-turiżmu sostenibbli fost ir-reġjuni, kif ukoll ma' strateġiji makroreġjonali oħra eżistenti;

13.  Jinsisti li għall-proċeduri ta' teħid ta' deċiżjonijiet, l-awtoritajiet lokali u reġjonali, fi sħubija mas-soċjetà ċivili lokali u reġjonali, għandu jkollhom rwol ewlieni fi ħdan il-korpi ta' ġestjoni u fil-korpi operazzjonali, tekniċi u ta' implimentazzjoni tal-Istrateġija, fir-rispett sħiħ tal-prinċipji tas-sussidjarjetà u l-governanza f'diversi livelli;

14.  Iqis li l-investimenti għandhom jiġu direzzjonati lejn aċċess ugwali u effettiv għall-kura tas-saħħa u lejn unitajiet tal-ewwel għajnuna u assistenza ta' emerġenza għall-popolazzjoni kollha tar-reġjun, speċjalment fiż-żoni rurali, sabiex tiġi pprevenuta d-depopolazzjoni;

15.  Jistieden lill-Kummissjoni tippreżenta, kull sentejn, rapport dwar l-implimentazzjoni tal-EUSALP lill-Parlament u lill-Kunsill, fuq il-bażi ta' kriterji oġġettivi u indikaturi li jistgħu jitkejlu, bl-għan li jiġi vvalutat il-funzjonament u l-valur miżjud tagħha f'termini ta' tkabbir u impjiegi, tnaqqis tad-disparitajiet u żvilupp sostenibbli;

16.  Jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jkomplu bl-isforzi tagħhom biex jiddiversifikaw is-sorsi tal-provvista tal-enerġija, filwaqt li jqisu l-ambjent; jenfasizza l-ħtieġa ta' sostenibilità, kompetittività u modernizzazzjoni fir-rigward tal-infrastruttura tal-idroenerġija eżistenti, li ġiet żviluppata fi stadju bikri ħafna, filwaqt li jitqies l-impatt li l-infrastrutturi tal-idroenerġija jista' jkollhom fuq l-ambjent u fuq il-kundizzjonijiet ġeoloġiċi, kif ukoll il-promozzjoni ta' infrastrutturi żgħar (mini, mikro u piko); jenfasizza li l-ġestjoni integrata u l-protezzjoni tar-riżorsi tal-ilma hija wieħed mill-elementi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli tal-Alpi u li, għalhekk, il-popolazzjoni lokali għandha tkun tista' timpenja ruħha favur l-idroenerġija u tuża l-valur miżjud li din tiġġenera; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jikkontribwixxu għal netwerks li jiffunzjonaw tajjeb fil-makroreġjun, biex tiġi żgurata s-sigurtà tal-provvista u jiġu stabbiliti strutturi għall-iskambju tal-aħjar prattiki dwar il-kooperazzjoni transfruntiera;

17.  Jenfasizza l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali sabiex jiġi segwit mudell ta' tkabbir li jista' jiżgura t-tkabbir sostenibbli, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali għal kulħadd, partikolarment fiż-żoni tal-fruntieri; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-importanza li jiġu stabbiliti prijoritajiet u jittieħdu miżuri kontra kull forma ta' diskriminazzjoni;

18.  Ifakkar li l-prinċipju tal-aċċess universali għas-servizzi pubbliċi għandu jkun garantit fit-territorji kollha tal-UE, b'mod partikolari fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u l-mobilità, u b'attenzjoni partikolari għall-bżonnijiet tal-persuni b'diżabilità; jenfasizza l-ħtieġa li l-pajjiżi parteċipanti jħeġġu soluzzjonijiet alternattivi u innovattivi għar-reġjun tal-Alpi fl-għoti ta' servizzi pubbliċi, inklużi soluzzjonijiet imfassla apposta adattati għall-bżonnijiet lokali u reġjonali; f'dan il-kuntest, jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jħejju inċentivi għall-iżvilupp ta' sħubijiet pubbliċi-privati; ifakkar, madankollu, fil-prinċipji ta' affordabilità u aċċessibilità ta' servizzi pubbliċi ta' kwalità għal kulħadd;

19.  Jinsab imħasseb dwar id-degradazzjoni tal-ekosistemi u r-riskju ta' diżastri naturali f'ċerti partijiet tar-reġjun tal-Alpi; jisħaq fuq il-ħtieġa li jiġu applikati strateġiji ta' ġestjoni sħiħa tar-riskju tad-diżastri naturali u ta' adattament għat-tibdil fil-klima; jenfasizza l-ħtieġa li jiġu żviluppati u implimentati pjanijiet ta' kontinġenza komuni b'rispons għal tniġġis transfruntier; jappella għat-twaqqif ta' timijiet ta' reazzjoni rapida għal żoni turistiċi milquta minn diżastri naturali bħal valangi tat-tajn, żerżiq tal-art minn ġnub l-għoljiet u għargħar; f'dan il-kuntest, jinnota l-ħtieġa li jiġi promoss aħjar il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili;

L-Impjiegi, it-tkabbir ekonomiku u l-innovazzjoni

20.  Jistieden lill-BEI, f'kooperazzjoni mal-Kummissjoni, jeżamina l-possibilità li titwaqqaf pjattaforma ta' investiment għar-reġjun tal-Alpi li tippermetti l-mobilizzar ta' fondi minn sorsi pubbliċi u privati; isejjaħ għall-ħolqien ta' pipeline ta' proġetti għar-reġjun li jattira l-investituri;

21.  Jirrikonoxxi li r-reġjun tal-Alpi għandu wirt ambjentali li jeħtieġ li jiġi ppreservat, bir-riżerva vasta tagħhom ta' pajsaġġi naturali, kif ukoll il-varjetà straordinarja ta' ekosistemi, li jvarjaw minn reġjuni muntanjużi għal pjanuri u anki għall-kosta tal-Mediterran, biex b'hekk jippermettu żona ekonomika u bijosfera bbażati fuq il-koeżistenza bejn in-natura u l-bniedem; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa ta' kooperazzjoni sinerġistika attiva bejn il-biedja u attivitajiet ekonomiċi oħra f'żoni protetti (is-siti Natura 2000, parks nazzjonali, eċċ), sabiex jiġu żviluppati prodotti tat-turiżmu, kif ukoll l-importanza li jiġu ppreservati u protetti l-ħabitats uniċi tar-reġjuni muntanjużi;

22.  Jenfasizza l-opportunitajiet li nfetħu mill-istrateġija għall-iżvilupp tas-suq tax-xogħol tiegħu, li għandu/jesperjenza livelli kbar differenti ta' vjaġġar transfruntier; iqis li ż-żieda tal-kwalifiki tal-forza tax-xogħol u l-ħolqien ta' impjiegi ġodda fl-ekonomija ekoloġika għandhom jagħmlu parti mill-prijoritajiet ta' investiment tal-Istrateġija għar-reġjun tal-Alpi; jenfasizza, madankollu, li l-SMEs, li spiss huma negozji tal-familja, bħalma huma l-intrapriżi tal-biedja żgħar u intrapriżi żgħar tal-ipproċessar, fl-agrikoltura, it-turiżmu, il-kummerċ, is-snajja' u l-manifattura, jiffurmaw il-qalba tal-attività ekonomika b'mod integrat u sostenibbli tar-reġjun tal-Alpi, u b'hekk jikkostitwixxu s-sinsla tal-ambjent tal-ħajja, dak kulturali u dak naturali fl-Alpi u sors importanti ta' impjiegi; jenfasizza l-ħtieġa ta' aktar diversifikazzjoni tal-attivitajiet ekonomiċi u tal-opportunitajiet ta' impjieg fir-reġjun tal-Alpi;

23.  Jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lill-investiment fl-infrastrutturi diġitali u l-importanza li jiġi żgurat aċċess rapidu u effiċjenti għal internet b'veloċità għolja, u, b'hekk, għal servizzi diġitali u onlajn, bħall-kummerċ elettroniku u l-użu ta' kanali tas-suq diġitali u t-teleworking, kif ukoll opportunitajiet oħra għall-persuni li jgħixu f'żoni remoti minn ċentri urbani kbar, filwaqt li fejn ikun possibbli jiġu promossi alternattivi għall-ivvjaġġar fiżiku;

24.  Iqis li l-innovazzjoni u l-użu ta' teknoloġiji ġodda f'oqsma ewlenin tal-ekonomija, immexxija minn strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti u ffinanzjati minn sorsi eżistenti ta' finanzjament tal-UE (eż. il-FEŻR, il-FSE, COSME, Orizzont 2020 u Erasmus +), jistgħu jgħinu biex jiġu ġġenerati impjiegi ta' kwalità f'setturi strateġiċi, bħax-xjenzi tal-ħajja, l-enerġija, il-bijoekonomija, il-prodotti ekoloġiċi, materjali ġodda jew servizzi elettroniċi; ifakkar fl-importanza li jiġi żgurat appoġġ qawwi għall-SMEs, li jistgħu jgħinu biex ireġġgħu lura t-tendenza ta' depopolazzjoni attwali osservata f'ċerti oqsma u territorji tar-reġjun tal-Alpi;

25.  Jistieden lill-awtoritajiet kompetenti tal-Istati Membri u r-reġjuni tal-Alpi jingħaqdu flimkien mal-Kummissjoni biex jistudjaw il-fattibilità tat-twettiq, għall-perjodu ta' programmazzjoni li jmiss, ta' programm konġunt (ibbażat fuq l-Artikolu 185 tat-TFUE) biex titrawwem l-integrazzjoni tal-attivitajiet ta' riċerka u innovazzjoni fiż-żona Alpina, fil-kuntest ta' ktajjen tal-valur Ewropej stretti inkorporati fi strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti;

26.  Iħeġġeġ ir-raggruppament u l-kooperazzjoni bejn l-intrapriżi pubbliċi u privati, l-unversitajiet, l-istituti tar-riċerka u partijiet ikkonċernati rilevanti oħra bl-għan li tiġi promossa l-innovazzjoni u jkun possibbli li wieħed jibbenefika mis-sinerġiji bejn iż-żoni tal-Alpi u dawk peri-Alpini; iqis li l-azzjonijiet maħsuba għandhom ikunu bbażati fuq l-Istrateġiji ta' Riċerka u Innovazzjoni nazzjonali u reġjonali għall-Ispeċjalizzazzjoni Reġjonali Intelliġenti bil-għan li jiġi żgurat investiment aktar effiċjenti u effettiv;

27.  Jagħraf kemm huwa importanti għas-suċċess tal-istrateġija tal-EUSALP li jiġu żviluppati proġetti għall-assoċjazzjonijiet, l-istituzzjonijiet, il-mikrointrapriżi u l-SMEs li jaħdmu fis-setturi kulturali u kreattivi, minħabba l-influwenza li għandhom fuq l-investimenti, it-tkabbir, l-innovazzjoni u l-impjiegi u wkoll minħabba li dawn għandhom rwol ċentrali fil-preservazzjoni u l-promozzjoni tad-diversità kulturali u lingwistika;

28.  Jenfasizza li strateġija makroreġjonali għall-Alpi għandha mhux biss tipprovdi opportunitajiet biex jitħarsu, jiġu sostnuti u, fejn meħtieġ, adattati l-forom ta' attività ekonomika, bħall-agrikoltura, il-forestrija u attivitajiet ekonomiċi bbażati fuq l-artiġjanat, kif ukoll li jitrawmu l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda f'dan il-qasam, pereżempju permezz tal-istrument InnovFin tal-UE; jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li l-SMEs jingħataw aċċess aktar faċli għal sorsi ta' sostenn u finanzjament, filwaqt li wieħed iżomm f'moħħu r-rwol tagħhom fil-ħolqien tal-impjiegi;

29.  Jisħaq li l-kooperazzjoni bejn ir-reġjuni, fuq kollox il-kooperazzjoni transfruntiera, hija essenzjali għall-iżvilupp ulterjuri tat-turiżmu fir-reġjun usa'; iħeġġeġ il-formulazzjoni ta' strateġiji tat-turiżmu bbażati fuq il-wirt naturali u kulturali eżistenti, is-sostenibbiltà u l-innovazzjoni; jenfasizza d-dimensjoni soċjali, kulturali u ekonomika tad-diversi tradizzjonijiet u drawwiet Alpini, li għandhom jiġu inkoraġġuti u sostnuti fid-diversità tagħhom;

30.  Jinnota li l-ġestjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid tat-tjur tal-priża u tal-karnivori fir-reġjuni Alpini qed jitwettqu fuq il-livelli nazzjonali u lokali, filwaqt li dawn l-ispeċijiet ma jagħrfux il-fruntieri amministrattivi, u li l-migrazzjoni hija fin-natura tagħha fenomenu transfruntier; madankollu, sabiex jiġu evitati konflitti marbuta ma' din l-introduzzjoni mill-ġdid, jistieden lill-Istati Membri jtejbu l-koordinazzjoni bejn id-diversi awtoritajiet filwaqt li jsir skambju ta' informazzjoni, u li l-aħjar prattiki jeħtieġ li jissaħħu sabiex jittejbu l-ġestjoni u l-ħarsien tal-bhejjem tal-farms u tal-mergħat, bħala parti mill-istrateġija tal-Alpi, fir-rigward tal-Pjattaforma tal-Konvenzjoni Alpina dwar il-Karnivori Kbar, Annimali Ungulati Slavaġ u s-Soċjetà ;

31.  Jappoġġja d-diversifikazzjoni tal-provvista tat-turiżmu permezz tal-iżvilupp ta' opportunitajiet ġodda ta' turiżmu adattati għall-bżonnijiet reġjonali u l-isfruttar tar-riżorsi reġjonali, bħal pereżempju theme parks u rotot turistiċi, it-turiżmu marbut mal-ikel u l-inbid, it-turiżmu kulturali, tas-saħħa u edukattiv u t-turiżmu u sportiv, sabiex jittawwal l-istaġun turistiku, filwaqt li titnaqqas il-pressjoni fuq l-infrastruttura u tintlaħaq rata ta' okkupazzjoni matul is-sena kollha fiċ-ċiklu turistiku, kif ukoll turiżmu agrikolu mmirat biex jattira lill-viżitaturi lejn attivitajiet rurali u marbuta mal-organiżmi slavaġ f'lukandi barra mill-postijiet tas-soltu, u t-tisħiħ tal-kompetittività u s-sostenibbiltà tad-destinazzjonijiet turistiċi; jappoġġja l-promozzjoni ta' attivitajiet turistiċi ġodda li jkunu aktar adatti għat-tibdil fil-klima u l-ħarsien ambjentali;

32.  Jappoġġja miżuri li jgħinu biex tittaffa l-pressjoni fuq l-infrastruttura tat-trasport permezz tat-tqassim tal-vaganzi tal-iskejjel u l-perjodi ta' vaganza, id-disinn ta' pedaġġ tat-toroq intelliġenti, u l-provvista ta' inċentivi minn fornituri tat-turiżmu matul l-eqqel ħinijiet ta' vvjaġġar u meta l-aktar li jkun hemm traffiku;

33.  Ifakkar fl-importanza ekonomika li jiġi promoss l-iżvilupp ta' attivitajiet turistiċi li jirrispettaw l-ambjent u li jkunu sostenibbli fir-reġjun tal-Alpi kollu, inkluż fil-bliet ta' mal-lagi u fil-bliet termali; iħeġġeġ ukoll lill-Istati Membri jużaw ir-rota flimkien ma' vjaġġar bil-ferrovija jew servizzi ta' trasport intermodali; jindika, fuq il-bażi tal-aħjar prattika, pjattaformi tat-turiżmu maħluqa bħala proġetti ffinanzjati parzjalment mill-UE;

34.  Jinnota li l-istess persuna hija ħafna drabi meħtieġa li twettaq attivitajiet differenti matul iċ-ċiklu tas-sena, xi kultant fuq bażi transfruntiera; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet reġjonali u lokali jħeġġu l-kooperazzjoni bejn il-korpi li jipprovdu taħriġ professjonali inizjali u kontinwu waqt is-servizz; jenfasizza l-benefiċċji li jista' jġib miegħu programm Erasmus+ dedikat għall-apprendistati transfruntiera;

Il-mobbiltà u l-konnettività

35.  Jisħaq fuq l-importanza li tittejjeb il-konnettività tat-trasport u tal-enerġija fost il-pajjiżi parteċipanti, inkluż it-trasport lokali, reġjonali u transfruntier u l-konnessjonijiet intermodali maż-żoni interni (inklużi l-konurbazzjonijiet kbar), sabiex jissaħħaħ l-iżvilupp tar-reġjun, tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tal-abitanti tiegħu u jiġu attirati residenti ġodda, filwaqt li fl-istess ħin jiġi valutat jekk in-netwerks eżistenti jistgħux jiġu rinnovati jew estiżi bl-għan ġenerali ta' implimentazzjoni aħjar tan-netwerks tat-TEN-T; jenfasizza l-importanza tal-bini ta' infrastruttura 'intelliġenti'; jemmen li l-infrastrutturi mibnija ġodda għandhom isiru "kurituri teknoloġiċi" li fihom għandha tinbena l-infrastruttura kollha separata, jiġifieri kejbils tal-elettriku, linji tat-telefon, linji tal-broadband u ultra-wideband, pipelines tal-gass, netwerks tal-fibra ottika, pajpijiet tal-ilma, eċċ;

36.  Jitlob li jkun hemm approċċ olistiku għat-tfassil u l-implimentazzjoni futuri tat-trasport Alpin u l-politika ambjentali; f'dan il-kuntest, jenfasizza l-ħtieġa li tingħata prijorità lit-trasferimenti modali bl-għan li tinkiseb bidla mit-trasport bit-triq għat-trasport bil-ferrovija, b'mod partikolari għall-merkanzija, u jitlob lill-Kummissjoni tappoġġja din it-tranżizzjoni; f'dan il-kuntest ukoll, jitlob li d-dħul iġġenerat mit-trasport bit-triq jintuża biex jagħti spinta lill-implimentazzjoni u l-iżvilupp effiċjenti u li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent lit-trasport ferrovjarju ta' passiġġieri u ta' merkanzija u biex jitnaqqas l-istorbju u t-tniġġis ambjentali, u jinnota proġetti potenzjali f'oqsma bħall-ġestjoni tat-traffiku, l-innovazzjoni teknoloġika, l-interoperabbiltà, eċċ; barra minn hekk jitlob għal estensjoni tal-infrastruttura eżistenti, inklużi sistemi interoperabbli u intermodali ta' kwalità, fir-reġjun Alpin; jenfasizza l-importanza li tiġi żgurata l-aċċessibbiltà u l-konnettività għall-abitanti kollha tar-reġjun;

37.  Jenfasizza l-importanza li jiġu konnessi r-rotot tat-trasport ma' partijiet oħra tal-Ewropa u r-relevanza tal-interkonnessjonijiet mal-kurituri tan-Netwerk trans-Ewropew tat-trasport (TEN-T), filwaqt li jsir l-aħjar użu tal-infrastruttura eżistenti; jinnota li ż-żoni muntanjużi għadhom ostaklu għat-tqarrib bejn iċ-ċittadini tal-UE u li l-UE wegħdet li żżid il-finanzjament għal infrastruttura tat-trasport transfruntier; jistieden, għaldaqstant, lill-pajjiżi parteċipanti jiffokaw l-isforzi tagħhom fuq l-implimentazzjoni u l-ippjanar ta' proġetti kumplementari li huma sostenibbli u inklużivi, filwaqt li joħolqu konnessjonijiet u jiżviluppaw in-netwerk TEN-T attwali;

38.  Jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' konnessjonijiet effiċjenti u li ma jniġġsux fi ħdan żoni muntanjużi u bejn żoni muntanjużi u peri-muntanjużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw konnessjonijiet b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju, nodfa u aħjar, b'mod partikolari għan-netwerks ferrovjarji, b'mod partikolari fil-livell reġjonali u lokali, sabiex tittejjeb il-koeżjoni u l-kwalità tal-ħajja f'dawn iż-żoni; jinkoraġġixxi u jippromwovi l-issetiljar fir-reġjun tal-Alpi;

39.  Jistieden lill-pajjiżi li jipparteċipaw fl-istrateġija makroreġjonali jqisu l-kondizzjonijiet speċifiċi tal-ħaddiema transfruntiera u jiżviluppaw ftehimiet transfruntiera tal-ħaddiema għall-makroreġjun Alpin;

40.  Jappoġġja l-iżvilupp ta' forom innovattivi ta' trasport lokali fuq talba, inkluż informazzjoni dwar it-trasport intelliġenti, il-ġestjoni tat-traffiku u t-telematika u l-multimodalità, ukoll minħabba l-potenzjal ta' skambju interreġjonali ta' attivitajiet f'dan il-qasam;

41.  Jisħaq fuq in-nuqqas ta' konnessjonijiet diġitali effettivi fi ħdan iż-żoni muntanjużi; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiffaċilitaw konnessjonijiet aħjar fil-livell reġjonali u lokali sabiex itejbu l-kwalità tal-ħajja u jippromwovu l-iżvilupp ta' attivitaiet ġodda u l-ħolqien ta' opportunitajiet ta' impjieg f'dawn l-oqsma, u jħeġġu r-risistemazzjoni;

42.  Jenfasizza l-importanza ta' investiment pubbliku fiż-żoni muntanjużi sabiex jiġi indirizzat b'mod determinat il-falliment tas-suq biex tiġi pprovduta konnettività diġitali f'dawn l-oqsma: jenfasizza l-importanza ta' kopertura kompluta u universali bl-internet broadband, inkluż fir-reġjuni muntanjużi, sabiex tiġi żgurata l-vijabbiltà fit-tul taż-żoni abitati remoti u tar-reġjuni ekonomiċi; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi soluzzjonijiet konkreti għal din il-kwistjoni;

L-ambjent, il-bijodiversità, it-tibdil fil-klima u l-enerġija

43.  Jisħaq fuq l-importanza tal-protezzjoni u t-titjib tal-bijodiversità fir-reġjun tal-Alpi; jitlob li jsiru sforzi konġunti biex jiġu introdotti miżuri innovattivi għall-preservazzjoni u ż-żamma tiegħu, waqt li jitlob eżami dettaljat tar-rwol tal-predaturi kbar u l-introduzzjoni possibbli ta' miżuri ta' aġġustament, u wkoll f'konformità sħiħa mal-acquis tal-Unjoni dwar il-protezzjoni tal-ambjent u l-bijodiversità, il-ħamrija u l-ilma; jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat li jittieħdu l-miżuri kollha possibbli biex tiġi evitata d-dupplikazzjoni ta' inizjattivi leġiżlattivi li diġà jeżistu ;

44.  Jinnota li l-makroreġjun Alpin joffri opportunitajiet kbar f'termini ta' soluzzjonijiet innovattivi li jistgħu jittrasformawh f'laboratorju tal-ittestjar uniku għall-ekonomija ċirkolari; se jippreżenta, fil-proċedura baġitarja tal-2017, proġett pilota biex jiġi esplorat il-potenzjal ta' dan il-qasam għall-iżvilupp ta' strateġiji speċifiċi relatati mal-ekonomija ċirkolari, pereżempju fl-oqsma tal-produzzjoni, il-konsum u l-immaniġġjar tal-iskart;

45.  Jenfasizza l-importanza tal-promozzjoni tal-awtoġenerazzjoni tal-enerġija, it-titjib tal-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u l-appoġġ għall-iżvilupp sorsi rinnovabbli tal-enerġija l-aktar effiċjenti fir-reġjun, mill-enerġija ġġenerata mill-ilma għal dik solari, mir-riħ u dik ġeotermali, u wkoll li jiġi promoss l-iżvilupp ta' forom ta' enerġija rinnovabbli speċifiċi għall-Alpi; jinnota l-impatt fuq il-kwalità tal-arja mill-użu ta' tipi differenti ta' kombustjoni fis-settur tat-tisħin; jappoġġja l-użu sostenibbli tal-injam tal-foresti mingħajr ma titnaqqas iż-żona eżistenti tal-foresti, li huwa importanti għall-bilanċ fi ħdan l-ekosistemi tal-muntanji u għall-protezzjoni kontra l-valangi, iż-żerżiq minn ġnub l-għoljiet u l-għargħar;

46.  Jenfasizza l-ħtieġa urġenti li jiġu żviluppati strateġiji ġodda sabiex jiġġieldu lit-tniġġis tal-arja, li qed iqajjem tħassib dwar is-saħħa pubblika, kif ukoll it-tibdil fil-klima, partikolarment fiż-żoni l-aktar industrijalizzati u popolati tal-makroreġjun, filwaqt li jiġu identifikati wkoll sorsi eżistenti ta' tniġġis u jiġu sorveljati mill-qrib l-emissjonijiet tat-tniġġis; jistieden, għalhekk, lill-Istati Membri jintroduċu politiki tat-trasport sostenibbli f'konformità mal-miri COP21 ta' Pariġi, u jagħtu appoġġ għall-preservazzjoni u l-manutenzjoni tas-servizzi tal-ekosistema madwar il-makroreġjun kollu tal-Alpi;

47.  Jenfasizza l-importanza ta' infrastruttura tat-trasport tal-enerġija, u jappoġġja s-sistemi intelliġenti ta' distribuzzjoni, ħżin u trażmissjoni tal-enerġija, kif ukoll l-investiment fl-infrastruttura tal-enerġija, kemm għall-produzzjoni kif ukoll għat-trasport tal-elettriku u l-gass, skont in-Netwerk TEN-E u fl-implimentazzjoni ta' proġetti konkreti msemmija fil-lista ta' proġetti ta' interess għall-Komunità tal-Enerġija (PECIs); jenfasizza l-importanza li jiġu sfruttati sorsi ta' enerġija lokali, b'mod partikolari dawk rinnovabbli, sabiex titnaqqas id-dipendenza mill-importazzjonijiet; jitlob li jkun hemm promozzjoni ta' produzzjoni tal-enerġija deċentralizzata/awtoġenerata, u titjib tal-effiċjenza tal-enerġija fis-setturi kollha;

48.  Iħeġġeġ lill-pajjiżi parteċipanti jingħaqdu flimkien biex jimplimentaw l-ippjanar spazjali u l-ġestjoni territorjali integrata, li jinvolvu diversi partijiet ikkonċernati (l-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali, il-komunità tar-riċerka, NGOs, eċċ.) mir-reġjun;

49.  Isejjaħ għal tisħiħ ulterjuri tal-kollobarazzjoni u l-ħidma li saret fil-qafas tas-Servizz ta' Sorveljanza tal-Glaċieri tad-dinja, b'ħarsa lejn id-deċiżjonijiet tal-konferenza COP21 f'Pariġi u l-istrateġija li għandha tiġi segwita wara;

50.  Jinsab imħasseb dwar it-tibdil fil-klima u ż-żieda fit-temperaturi hija theddida serja għas-sopravivenza tal-ispeċijiet li jgħixu fil-għoli, filwaqt li t-tidwib tal-glaċieri huwa kawża ulterjuri ta' tħassib peress li dan għandu impatt kbir fuq ir-riżervi tal-ilma ta' taħt l-art; jitlob li jsir pjan transnazzjonali wiesa' kontra t-tidwib tal-glaċieri u sabiex jiġi indirizzat it-tibdil fil-klima madwar l-Alpi;

51.  Isejjaħ lill-pajjiżi parteċipanti biex ikomplu bl-isforzi tagħhom sabiex jiddiversifikaw is-sorsi tal-provvista tel-enerġija u jiżviluppaw is-sorsi rinnovabbli disponibbli, bħall-enerġija mix-xemx u mir-riħ, fi ħdan it-taħlita tal-produzzjoni tal-enerġija; jenfasizza s-sostenibilità u l-kompetittività tal-impjanti idroelettriċi; jistieden lill-pajjiżi parteċipanti jikkontribwixxu għat-twaqqif ta' netwerks tal-infrastruttura tal-elettriku li jiffunzjonaw tajjeb fil-makroreġjun;

52.  Jenfasizza li d-diversifikazzjoni tas-sorsi għall-provvista tal-enerġija mhux biss ser ittejjeb is-sigurtà tal-enerġija tal-makroreġjun, iżda ser iġġib ukoll aktar kompetizzjoni, b'benefiċċji importanti għall-iżvilupp ekonomiku tar-reġjun;

53.  Jagħti struzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi din ir-riżoluzzjoni lill-Kunsill, lill-Kummissjoni, u lill-gvernijiet u lil parlamenti nazzjonali u reġjonali tal-pajjiżi parteċipanti tal-EUSALP (Franza, l-Italja, l-Iżvizzera, il-Liechtenstein, l-Awstrija, il-Ġermanja u s-Slovenja).

NOTA SPJEGATTIVA

Wara inizjattiva li tqajmet mir-Reġjuni tal-Alpi, sa mill-aħħar tal-2011, f'Diċembru tal-2013 il-Kunsill Ewropew stieden lill-Kummissjoni biex tippreżenta strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi (EUSALP). Il-Kummissjoni wieġbet għat-talba billi ppreżentat il-Pjan ta' Azzjoni tal-Istrateġija fl-Lulju tal-2015.

Dan jirrigwarda r-raba' strateġija makroreġjonali tal-UE u jista' jibbenifika mill-esperjenza miksuba mill-istrateġija tal-UE għar-reġjun tal-Baħar Baltiku, għall-istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-reġjun tad-Danubju u dik għaż-żona Adrijatika u Jonika.

L-istrateġiji makroreġjonali s'issa oriġinaw minn inizjattivi intergovernattivi, f'żoni tal-kontinent tagħna li għal żmien twil kienu maqsumin minn gwerer u mill-purtiera tal-ħadid, bl-objettiv li terġa' titqajjem mill-ġdid il-kooperazzjoni istutuzzjonali u ekonomika bejn dawk it-territorji.

Dawn madankollu saru possibbli bis-saħħa tal-inklużjoni fit-Trattat ta' Lisbona tal-objettiv tal-koeżjoni territorjali u huwa għalhekk li llum għandhom jiġu integrati b'aktar reqqa fil-metodu komunitarju, billi jiġi vvalorizzat il-potenzjal straordinarju ta' pprogrammar territorjali strateġiku minn isfel għal fuq "meta mqabbel mal-eżerċizzji tradizzjonali minn fuq għal isfel maħduma mill-Kummissjoni permezz ta' strumenti bħal Espon.

Għalhekk huwa meħtieġ involviment akbar mill-Kummissjoni Ewropa, kemm fil-fażi ta' bidu ta' strateġija makroreġjonali, kif ukoll fil-fażi ta' tfassil u pprogrammar, u speċjalment fil-fażi ta' implimentazzjoni u ta' koordinazzjoni mal-istrateġiji l-oħra u mal-politika l-aktar ġenerali ta' koeżjoni territorjali tal-Unjoni. B'hekk ikun meħtieġ ukoll involviment formali mill-Parlament Ewropew, fir-rwol tiegħu ta' koleġiżlatur, fil-fażi ta' tnedija u approvazzjoni ta' strateġija, kif ukoll fil-monitoraġġ tar-riżultati li jinkisbu.

Fil-fatt wieħed ma jistax jimmaġina li strateġiji ta' żvilupp tal-Unjoni ta' importanza kbira, li b'mod inevitabbli jinvolvu l-futur tagħha u l-użu tar-riżorsi materjali u proġettwali tagħha u li progressivament qegħdin jiġu estiżi fuq parti kbira tal-kontinent (minbarra l-Baltiku, id-Danubju, l-Adrijatiku, l-Alpi, qegħdin jiġu mnedija inizjattivi oħrajn mill-Atlantiku għall-Mediterran, kif ukoll għal reġjuni tal-muntanji li jinsabu fl-Ewropa) ma jkunux jinvolvu direttament lill-partijiet li huma demokratikament responsabbli mill-inizjattiva leġiżlattiva u governattiva tal-Unjoni, kif ukoll lil min għandu l-mandat demokratiku mingħand tal-votanti.

Għalhekk hija meħtieġa definizzjoni differenti tal-proċeduri biex wieħed jasal għat-tnedija, għall-approvazzjoni u għall-implimentazzjoni suċċessiva u l-koordinazzjoni mal-politiki l-oħra tal-Unjoni, tal-istrateġiji futuri makroreġjonali, permezz ta' att leġiżlattiv li jiddefinixxi wkoll il-kuntest li fihom ser jiċċaqalqu fil-futur, anke dawk li diġà ġew approvati.

Qafas leġiżlattiv bħal dan irid ikun ifformulat aħjar, skont il-prinċipji ta' sussidjarjetà u ta' proporzjonalità, is-sistema tal-governanza tal-istrateġiji eżistenti u dawk futuri. Għandu jiġi limitat ir-rwol tal-awtoritajiet nazzjonali u komunitarji għal impetu u koordinazzjoni inizjali, kif ukoll għall-kompiti ta' kontroll u appoġġ, waqt li min-naħa l-oħra l-governanza tal-proġetti u r-realizzazzjoni tagħhom titħalla f'idejn l-istituzzjonijiet reġjonali u lokali li jridu jkunu l-vera protagonisti mill-qiegħ nett tal-politiki territorjali u ta' żvilupp.

L-istrateġija tal-EUSALP isseħħ f'kuntest ikkaratterizzat minn forom differenti ta' kooperazzjoni eżistenti fir-reġjun, bħall-Ispazju tal-Alpi u l-Konvenzjoni tal-Alpi, minbarra l-ħafna programmi transfruntiera INTERREG. L-EUSALP tkopri 48 reġjun u 7 pajjiżi, irrappreżentati minn 5 Stati Membri tal-UE (l-Italja, Franza, is-Slovenja, l-Awstrija, il-Ġermanja). Iż-żewġ pajjiżi l-oħra huma l-Iżvizzera u l-Liechtenstein. Ir-reġjun, li fih jgħixu aktar minn 80 miljun ruħ, għandu attrazzjoni umana, naturali, ekonomika u kulturali b'saħħitha. L-istorja ta' din iż-żona hija kkaratterizzata kemm mid-diviżjonijiet u gwerer marbuta mal-konfini tal-Alpi kif ukoll mit-twelid u tkabbir ta' realtà statali bejn l-istess konfini tal-Alpi. Il-pjanura u ż-żona tal-muntanji tal-Alpi huma parti minn sistema naturali u umana li mhumiex iżolati minn xulxin, u li l-interdipendenza tagħha mmarkat l-istorja kollha tar-reġjun. L-iżvilupp ekonomiku taż-żoni tal-pjanura kien possibbli bis-saħħa tar-riżorsi tal-ilma u dawk ġeoloġiċi tal-artijiet għoljin, filwaqt li l-iżvilupp dejjem jikber tal-industrija turistika f'ħafna żoni tal-Alpi kien possibbli bis-saħħa tal-baċiri demografiċi kbar tal-pjanuri. Madankollu, id-diffikultajiet ta' konnessjoni u ta' loġistika produttiva ta' spiss immarkaw l-iżvilupp taż-żoni tal-muntanji. Iżda llum iż-żona tal-makroreġjun tal-Alpi hija wkoll esposta bil-qawwa għall-konsegwenzi tat-tibdil fil-klima. L-awtoritajiet pubbliċi, skont il-prinċipju tas-sussidjarjetà, iridu għalhekk iwieġbu għall-isfidi ekonomiċi u ekoloġiċi tal-makroreġjun tal-Alpi.

Il-Kummissjoni Juncker iddeċidiet li tersaq lejn it-tnedija mill-ġdid tal-investimenti permezz tal-pjan ta' investimenti u l-Fond Ewropew li jirriżulta għall-investimenti strateġiċi. Għall-pajjiżi tar-reġjun dan jirrappreżenta opportunità biex jitqajmu mill-ġdid u jiġu kompluti l-investimenti komuni. L-EUSALP toffri opportunità biex tressaq l-investimenti strateġiċi għall-benefiċċju tar-reġjun kollu. Il-potenzjal tar-reġjun tal-Alpi huwa kbir u jista' jiġi żviluppat bil-kapaċità tat-tfassil konġunta minn naħa tal-pajjiżi u r-reġjuni taż-żona tal-Alpi, bil-parteċipazzjoni fundamentali tal-istituzzjonijiet lokali u l-parteċipanti pubbliċi u privati kollha taż-żona. Il-Kummissjoni, flimkien mal-BEI u parteċipanti oħra internazzjonali, għandha twettaq rwol partikolari biex tipprovdi linji gwida u appoġġ għall-implimentazzjoni tal-istrateġija.

F'kuntest bħal dan, l-Istrateġija tal-EUSALP toffri għall-pajjiżi tar-reġjun opportunità għal investiment fi proġetti komuni ta' impatt Ewropew, u mhux biss dawk interreġjonali. B'hekk jiġu żviluppati wkoll forom ġodda ta' governanza fuq diversi livelli, bil-punt tat-tluq ikunu r-reġjuni bil-kontribuzzjoni tal-istituzzjonijiet Ewropej.

Il-Parlament, peress li huwa koleġiżlatur fir-rigward tal-politika ta' koeżjoni, jassumi rwol importanti fil-fażi ta' ħolqien u twettiq tal-istrateġija.

Minħabba li fiż-żona tal-EUSALP hemm żoni tal-muntanji li ma tantx jagħmlux użu mir-riżorsi (żoni interni) u miż-żoni tal-pjanura b'konċentrazzjoni għolja produttiva, huwa meħtieġ it-twettiq ta' strateġiji ekonomiċi integrati. Strateġiji bħal dawn huma konsistenti mal-objettivi tal-ipprogrammar tal-fondi SIE 2014-2020 u b'mod partikolari mal-prinċipji tal-innovazzjoni u tal-istrateġija ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti.

L-Istrateġija tal-EUSALP ma tirkibx fuq il-kooperazzjoni eżistenti interreġjonali u transfruntiera, iżda tipprovdilha valur miżjud. Dan jirrigwarda l-indirizzar tal-objettivi komuni għaż-żona kollha, b'konsistenza mal-objettivi Ewropej ewlenin ta' Ewropa 2020 dwar l-iżvilupp sostenibbli, l-ambjent u l-enerġija. Biex jiġu indirizzati objettivi bħal dawn huma meħtieġa l-ħolqien u t-twettiq ta' proġetti b'dimensjoni makroreġjonali.

F'dan il-kuntest, l-awtoritajiet reġjonali huma l-partijiet istituzzjonali li jistgħu jikkonċepixxu proġettazzjoni minn isfel għal fuq, b'konformità mat-talbiet tat-territorji, iżda bil-koordinazzjoni Ewropea meħtieġa bejn ir-reġjuni, flimkien mal-istituzzjonijiet Ewropej.

Prijoritajiet u proposti

Wara ħafna xhur ta' diskussjonijiet mal-partijiet ikkonċernati tal-Istrateġija fil-livell tal-UE, nazzjonali, reġjonali u lokali fil-pajjiżi involuti, ġew identifikati l-prijoritajiet ta' żvilupp, l-ideat u l-proposti li ġejjin:

Pilastru I (It-titjib tal-kompetittività, il-perspettiva u l-koeżjoni tar-reġjun tal-Alpi)

L-iżvilupp tal-kapaċità ta' innovazzjoni tal-SMEs taż-żona tal-Alpi, permezz tal-użu tal-istrateġiji għal tkabbir intelliġenti tal-pajjiżi u tar-reġjuni interessati, li bejniethom għandhom jiġu armonizzati.

L-iżvilupp ta' approċċ ibbażat fuq il-post għal żvilupp taż-żoni tal-Alpi.

L-iżvilupp ta' kollaborazzjoni bejn is-settur pubbliku u dak privat tal-makroreġjun, b'mod partikolari fis-setturi strateġiċi tal-istrateġija.

Turiżmu sostenibbli u kompetittiv (offerta turistika diversifikata, ġestjoni tat-turiżmu sostenibbli u responsabbli).

Diversifikazzjoni tal-offerta u tal-prodotti turistiċi bl-iskop li tingħeleb l-istaġjonalità - itinerarji tematiċi transnazzjonali, valorizzazzjoni tal-wirt nazzjonali u kulturali permezz tat-turiżmu, il-kostruzzjoni ta' infrastrutturi turistiċi ġodda (pereżempju l-parks b'tema), il-branding tal-prodotti u tas-servizzi tat-turiżmu fil-makroreġjun, il-promozzjoni tar-reġjun fuq swieq globali, il-promozzjoni mmirata għal gruppi speċifiċi ta' riċevituri (pereżempju l-anzjani, jew għall-kungressi u turiżmu tal-impriżi), l-ippożizzjonar tar-reġjun bħala destinazzjoni fuq diversi staġuni.

Kwalità u innovazzjoni akbar fit-turiżmu - TIK, struzzjoni, trasferimenti teknoloġiċi, il-ħolqien ta' netwerks bejn il-partijiet kummerċjali, raggruppament, skambju ta' eżempji ta' prattiki tajbin, konnessjonijiet bejn is-setturi tal-agrikoltura lokali, tat-turiżmu u tal-provvista tal-ikel, promozzjoni/marketing innovattivi.

Irkupru u protezzjoni tas-sistema straordinarja tal-lag li tippenetra fil-widien tal-Alpi u dawk prealpini kemm fit-tramuntana kif ukoll fin-nofsinhar tal-muntanji.

Integrazzjoni tal-infrastrutturi sportivi kbar eżistenti fil-makroreġjun, sabiex jiġi ffaċilitat l-użu komuni tagħhom anke bbażat fuq avvenimenti sportivi kbar.

Aċċessibbiltà aħjar tal-prodotti u tas-servizzi turistiċi - it-titjib tal-għarfien u s-servizzi speċifiċi, it-taħriġ tal-persunal, il-promozzjoni u d-disponibbiltà tal-informazzjoni, il-kooperazzjoni li għandha l-għan tiffaċilita ċ-ċaqliq tat-turisti, l-armonizzazzjoni tal-istatisika nazzjonali biex tiffaċilita l-kejl tal-effetti tal-ippjanar settorjali u futura u tad-definizzjoni tal-politiki.

Użu aktar effiċjenti tal-fondi tal-UE - jiġi ffaċilitat l-aċċess għall-finanzjamenti għall-istart-up u l-SME l-ġodda innovattivi u sostenibbli b'konċentrazzjoni fuq ir-riċerka u fuq l-istrateġija ta' tkabbir intelliġenti.

Netwerk ta' raggruppament u impriżi tat-turiżmu sostenibbli.

Taħriġ professjonali u tal-kapaċità intraprenditorjali fis-settur tat-turiżmu - l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni u d-diversifikazzjoni tal-offerti u tal-prodotti turistiċi.

L-iżgurar tal-integrazzjoni (embedding) tal-proġetti tal-EUSALP fil-programmi operazzjonali reġjonali u nazzjonali ffinanzjati mill-FEŻR u l-valorizzazzjoni tal-integrazzjoni tal-ipprogrammar reġjonali tal-Fondi SIE mal-programmi b'aċċess dirett, b'mod partikolari H 2020, pereżempju billi jiġu attivati strumenti simili għal "seal of excellence" fuq skala makroreġjonali.

Żvilupp ta' netwerks ta' riċerka pubblika u privata makroreġjonali għall-iżvilupp ta' proġetti tal-istrateġija tal-EUSALP.

Appoġġ ta' proġetti ta' skambju universitarju makroreġjonali, anke b'fondi ta' appoġġ għal programmi Ewropej eżistenti bħall-ERASMUS.

Pilastru II - L-iżgurar tal-aċċessibbiltà u l-konnessjonijiet għall-abitanti kollha tar-reġjun tal-Alpi (trasport transfruntier, konnessjonijiet intermodali mal-intern tal-pajjiż).

Realizzazzjoni tal-kurituri bejn l-Italja u Franza u bejn l-Italja u l-Awstrija u użu sħiħ u konnessjoni ma' dak ta' bejn l-Italja u l-Iżvizzera li issa tlestiet, biex jingħaqdu aħjar il-parti ta' fuq u t'isfel tal-Ewropa. –

Titjib sistematiku tal-infrastruttra ta' trasport permezz tar-ristrutturar jew il-kostruzzjoni ta' infrastrutturi ġodda ta' konnessjoni maċ-ċentri l-kbar, il-kompetittività fis-suq tas-servizzi ta' trasport b'konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE.

Żvilupp ta' sistemi innovattivi bl-għan li jiġi appoġġjat it-trasport pubbliku jew dak kollettiv u ż-żieda tal-attrazzjoni tat-trasport pubbliku fil-moduli kollha ta' trasport.

Implimentazzjoni ta' sħubiji bejn il-pubbliku u l-privat fl-operazzjonijiet ta' trasport.

Ippjanar fuq żmien twil tal-programmi dwar is-sigurtà tat-trasport, b'mod partikolari dak tat-trasport bit-triq.

Żvilupp ta' sistemi innovattivi u kkoordinati għall-ġestjoni tal-punt ta' qsim tal-fruntiera.

Studji tal-fattibbiltà dwar sistemi ta' noll integrat tal-punt ta' qsim u tat-trasport fiż-żona.

Titjib tal-konnessjonijiet mal-intern tal-pajjiż tal-portijiet marittimi tan-Netwerk TEN-T u tassazzjoni tal-iżvilupp tal-intermodalità fir-reġjun tal-Alpi.

Żvilupp ta' sistemi innovattivi relatati għal-loġistika. B'mod partikolari ddedikati għall-iżvilupp tal-kummerċ tranfskonfinali.

Tnaqqis tal-iżolament fiż-żoni interni u remoti, billi jitjieb l-aċċess tagħhom għas-servizzi tal-enerġija u t-trasport.

Żvilupp ta' infrastrutturi tal-enerġija tan-netwerk.

Tlestija, razjonalizzazzjoni u armonizzazzjoni tan-netwerks tal-ICT, b'mod partikolari fis-segmenti transfruntiera.

Raggruppament ta' attivitajiet/servizzi intermodali u loġistiċi fir-reġjun kollu

titjib tal-aċċessibbiltà taż-żoni tal-muntanji b'sistemi innovattivi anke bbażati fuq l-istrateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti tal-pajjiżi u tar-reġjuni taż-żona;

koordinazzjoni ta' proġetti infrastrutturali kbar ta' interkonnessjoni li diġà jinsabu jew huma previsti fir-reġjun.

Pilastru III - Tiġi żgurata s-sostenibbiltà fl-Alpi: il-ħarsien tal-wirt tal-Alpi u l-promozzjoni ta' użu sostenibbli tar-riżorsi naturali u kulturali (ambjent, ħabitat terrestri transnazzjonali u bijodiversità)

Tnaqqis tar-riskji minħabba t-tibdil fil-klima b'investimenti fis-settur tal-ilma (pereżempju. kostruzzjoni ta' baċiri).

Appoġġ tal-agrikoltura tal-Alpi, skont żvilupp ekwilibrat u sostenibbli.

Protezzjoni u rkupru tal-bijodiversità u tal-ekosistemi, billi tiġi żgurata sistema xierqa ta' monitoraġġ, informazzjoni u ġestjoni tan-netwerk Natura 2000 u tiġi żgurata wkoll il-ġestjoni sostenibbli tan-natura.

Promozzjoni u kisba ta' żvilupp sostenibbli tal-ekonomiji tal-Alpi u tal-użu sostenibbli tar-riżorsi tal-Alpi.

Għarfien akbar tal-ambjent tal-Alpi - li jħeġġeġ riċerki konġunti dwar il-qagħda tal-bijodiversità tal-Alpi.

Ħolqien u titjib ta' żoni protetti makroreġjonali - il-ħolqien tal-kapaċità biex jiġi implimentat l-aċċess għall-ekosistemi u l-immappjar taż-żoni importanti għall-konservazzjoni tal-ispeċi u tat-tipi ta' ħabitat fil-postijiet prijoritarji, bl-objettiv li jiġi konness l-għadd kbir ta' żoni protetti tal-makroreġjun permezz tal-kurituri ekoloġiċi.

Skambju tal-aħjar prattiki bejn l-awtoritajiet ta' ġestjoni taż-żoni tal-Alpi protetti.

Żvilupp u implimentazzjoni ta' pjan ta' emerġenza komuni.

Armonizzazzjoni u applikazzjoni tal-liġijiet nazzjonali dwar il-ħabitat u l-bijodiversità terresti - armonizzazzjoni tal-leġiżlazzjoni dwar l-ippjanar urban, ħarsien tan-natura, tal-ambjent u tal-wirt kulturali mal-Konvenzjoni Ewropea dwar il-pajżaġġ.

OPINJONI tal-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali (2.5.2016)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar l-Istrateġija tal-UE għar-reġjun Alpin
(2015/2324(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Jérôme Lavrilleux

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istrateġija tal-Unjoni Ewropea għar-Reġjun tal-Alpi (COM(2015)0366) u l-Pjan ta' Azzjoni li jakkumpanjaha;

B.  billi r-reġjun Alpin huwa wieħed mill-aktar reġjuni dinamiċi, innovattivi, produttivi u kompetittivi fl-Ewropa, ikkaratterizzat minn distretti industrijali rilevanti u ħafna ċentri ta' eċċellenza, u għandu karatteristiċi ġeografiċi, naturali u ekonomiċi uniċi, inklużi prodotti lokali kif ukoll elementi ta' interess storiku, pajsaġġ u kultura;

C.  billi l-idea ta' strateġija makroreġjonali żviluppat mill-ħtieġa għal kooperazzjoni u koordinazzjoni aħjar f'ċerti żoni transfruntiera, sabiex l-isfidi komuni jiġu indirizzati b'mod aktar effiċjenti u effettiv milli kieku jkunu kapaċi jagħmlu b'mod individwali atturi waħidhom, kif ukoll mill-ambizzjoni li titrawwem is-soluzzjoni tal-problemi fi ħdan grupp relattivament żgħir ta' pajjiżi u reġjuni, bil-ħsieb li tiġi ffaċilitata, fil-prattika, koeżjoni akbar fost iċ-ċittadini fl-Unjoni Ewropea;

D.  billi hemm differenzi sinifikanti bejn id-diversi tipi ta' żoni karatteristiċi tar-reġjun Alpin, bħal pereżempju ż-żoni muntanjużi, il-promontorju Alpin, iż-żoni rurali u ż-żoni urbani tiegħu;

E.  billi hemm ħtieġa għal reazzjonijiet speċifiċi sabiex jiġu affrontati d-diversi sfidi li qed jiffaċċja r-reġjun Alpin, bħal pereżempju: il-globalizzazzjoni; it-tendenzi demografiċi negattivi, fosthom ir-rati baxxi ta' twelid u t-tixjiħ tal-popolazzjoni; id-densitajiet baxxi tal-popolazzjoni; l-"esodu ta' mħuħ"; ix-xejriet migratorji ġodda; il-kriżi ekonomika, u d-disparitajiet ekonomiċi u demografiċi; it-tibdil fil-klima; il-perikli naturali fuq skala kbira; l-isfida tal-enerġija; l-istaġjonalità fl-impjiegi u fid-dħul, u l-ħtieġa li wieħed ikollu impjiegi multipli; it-tnaqqis tal-iskart; u l-ħtieġa li jiġi żgurat użu sostenibbli tar-riżorsi;

F.  billi l-bidliet demografiċi – ikkaratterizzati b'mod partikolari mit-tixjiħ tal-popolazzjoni, ir-rati baxxi tal-fertilità u l-emigrazzjoni, kif ukoll id-densitajiet baxxi tal-popolazzjoni f'żoni muntanjużi – huma sfidi maġġuri għar-reġjun Alpin u jaffettwaw l-iżviluppi fis-suq tax-xogħol, l-investimenti u l-forniment tas-servizzi pubbliċi;

G.  billi l-koeżjoni interġenerazzjonali stabbilita b'mod progressiv, ir-rabtiet tal-familji estiżi u n-negozji tal-familja huma ta' importanza soċjali kbira fir-reġjun Alpin;

H.  billi d-densità baxxa tal-popolazzjoni hija, fost oħrajn, marbuta mal-iskarsezza ta' servizzi bażiċi għall-popolazzjoni; billi ż-żoni muntanjużi huma żvantaġġati f'dak li jikkonċerna l-forniment ta' servizzi soċjali u kura medika;

I.  billi l-iżvilupp futur tar-reġjun Alpin huwa assoċjat maż-żoni rurali, l-iżvilupp rurali, "il-futur tal-villaġġ" u l-agrikoltura;

J.  billi d-dritt fundamentali tal-moviment liberu tal-persuni huwa prerekwiżit, b'mod partikolari fir-reġjuni tal-fruntieri, sabiex jintlaħqu l-miri tal-koeżjoni ekonomika, soċjali, territorjali u ambjentali, bl-għan li jinkisbu żvilupp u kompetittività b'saħħithom u sostenibbli u li jkun possibbli aċċess ugwali għall-impjiegi;

K.  billi l-popolazzjonijiet ta' żoni f'għoljiet żgħar huma fost l-ifqar fir-reġjun muntanjuż, u huma f'riskju għoli ta' qgħad, u dan iwassal għal depopolazzjoni, minħabba r-rilokazzjoni u l-konċentrazzjoni tal-produzzjoni industrijali tradizzjonali f'żoni urbani;

L.  billi l-istrateġija għar-reġjun Alpin għandha tieħu ispirazzjoni mill-istrateġiji makroreġjonali li rnexxew u li diġà huma fis-seħħ għar-reġjun tal-Baħar Baltiku, ir-reġjun tad-Danubju u r-reġjun tal-Baħar Adrijatiku u Joniku;

M.  billi ż-żoni muntanjużi, speċjalment ir-reġjuni l-aktar imbiegħda, ta' spiss ibatu minn livell edukattiv milħuq aktar baxx, nuqqas ta' ħaddiema kwalifikati, densità aktar baxxa tas-servizzi pubbliċi u nuqqas ta' disponibilità tal-broadband; billi żoni aktar aċċessibbli jistgħu ġeneralment iserrħu fuq ekonomija aktar vitali u jattiraw aktar investimenti;

N.  billi l-istrateġija tar-Reġjun Alpin għandha tagħti prijorità lil żoni fejn tipprovdi valur miżjud reali u aktar konverġenza reġjonali;

O.  billi r-riżorsi finanzjarji għandhom ikunu ffukati fuq il-ħtiġijiet speċifiċi taż-żoni muntanjużi;

1.  Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni u l-pjan ta' azzjoni li jakkumpanjaha għar-reġjun Alpin, iżda jenfasizza l-ħtieġa li tkompli tissaħħaħ id-dimensjoni soċjali sabiex jiġi segwit il-mudell ta' tkabbir li jista' jiżgura t-tkabbir sostenibbli, l-inklużjoni soċjali u l-protezzjoni soċjali għal kulħadd, partikolarment fiż-żoni tal-fruntieri; jisħaq fuq l-importanza li jitħeġġeġ l-istabbiliment ta' infrastrutturi soċjali u li jiġu promossi investimenti soċjali;

2.  Jenfasizza l-importanza li jiżdied il-potenzjal ekonomiku tas-setturi strateġiċi tal-agrikoltura, il-forestrija, it-turiżmu sostenibbli u li jkun tajjeb għall-ġenerazzjonijiet, l-enerġija sostenibbli, il-bijoekonomija, il-prodotti organiċi, is-saħħa u t-teknoloġiji l-aktar avvanzati, li jingħata appoġġ qawwi lil SMEs, inklużi negozji tal-familja f'din il-kategorija, u li tiġi promossa l-intraprenditorija soċjali, b'kollaborazzjoni ma' ċentri ta' riċerka biex jiġu ffurmati netwerks u konnessjonijiet interreġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li tiġi promossa l-produzzjoni lokali u li jitrawmu investimenti ġodda, bħal pereżempju permezz tal-faċilitazzjoni tal-aċċess għall-kreditu għal imprendituri żgħażagħ u għal ħolqien ta' impjiegi sostenibbli li jirrispettaw l-Aġenda tax-Xogħol Deċenti tal-ILO, li se jirrispettaw in-negozjar kollettiv u l-ftehimiet kollettivi fejn dawn jeżistu;

3.  Jenfasizza l-importanza ta' forom transfruntiera u forom oħra ta' identità reġjonali;

4.  Jenfasizza l-ħtieġa li servizzi pubbliċi ta' kwalità jkunu aċċessibbli u affordabbli għal kulħadd, partikolarment fl-oqsma tal-edukazzjoni, il-kura tas-saħħa, is-servizzi soċjali u l-mobilità; jissottolinja l-ħtieġa li jiġu żviluppati infrastrutturi u teknoloġiji li jiżguraw id-disponibilità ta' servizzi sostenibbli li jkunu mfassla apposta għal persuni li jgħixu fir-reġjun Alpin; jistieden lill-Istati Membri kkonċernati jikkunsidraw aħjar il-ħtiġijiet tal-persuni li jgħixu fl-aktar żoni periferali;

5.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu stabbiliti strumenti effettivi, fosthom spezzjonijiet u kontrolli adegwati, biex jiġu garantiti kundizzjonijiet deċenti ta' xogħol u għajxien għall-ħaddiema staġjonali fir-reġjun Alpin, u biex jiġi żgurat li ma jkun hemm l-ebda użu ħażin tal-impjieg staġjonali; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi żgurat ir-rispett tad-drittijiet tax-xogħol, l-istandards tax-xogħol u l-kundizzjonijiet tax-xogħol ta' kwalità għolja b'mod ġenerali;

6.  Jenfasizza l-ħtieġa li tissaħħaħ l-adattabilità tal-forza tax-xogħol permezz tat-taħriġ mill-ġdid, it-tagħlim tul il-ħajja u l-multilingwiżmu u li jiġu approvati pjanijiet biex itejbu l-kundizzjonijiet tax-xogħol tajbin, is-sigurtà soċjali, l-ugwaljanza bejn is-sessi u l-aċċessibilità għall-persuni b'diżabilità;

7.  Jenfasizza l-ħtieġa li jinħoloq ambjent li jkun favur l-innovazzjoni u r-riċerka bi strateġiji ta' speċjalizzazzjoni intelliġenti, u t-tisħiħ tar-rabtiet bejn l-assi addizzjonali tar-reġjun Alpin u l-interessi tiegħu, u jenfasizza l-ħtieġa ta' raggruppamenti reġjonali biex jiġi żgurat in-netwerking sostenibbli tar-riċerka, ix-xjenza u l-ekonomija; jenfasizza li livell għoli ta' servizzi soċjali, ħaddiema b'livell għoli ta' ħiliet kif ukoll ta' edukazzjoni, kumpaniji innovattivi u karatteristiċi ġeografiċi uniċi huma vantaġġi kompetittivi għar-reġjun Alpin;

8.  Ifakkar li t-taħriġ b'ħiliet multipli, u korsijiet ta' taħriġ li jissodisfaw il-ħtiġijiet ta' suq tax-xogħol sostenibbli u s-setturi tiegħu strateġiċi u orjentati lejn il-futur, għandhom jitħeġġu flimkien ma' ċentri ta' taħriġ speċifiku u ċentru tal-impjiegi reġjonali multilingwi b'mod partikolari; jemmen li t-taħriġ tal-apprendistat għandu jkun iffukat, u pprovdut, skont il-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol;

9.  Jissottolinja li t-turiżmu sostenibbli, il-produzzjoni lokali u s-sistemi effiċjenti tat-trasport pubbliku jistgħu jgħinu jindirizzaw id-depopolazzjoni u jiżguraw l-impjiegi fir-reġjun;

10.  Jirrimarka li ċ-ċentri ta' taħriġ jikkompetu bejniethom u għandhom għalhekk jirċievu biss assistenza speċjali, jekk dan ikun jista' jiġi ppruvat li huwa assolutament essenzjali għal raġunijiet kwalitattivi u ekonomiċi;

11.  Jitlob li l-konnettività tat-trasport fir-reġjun u mal-bqija tal-Ewropa ssir aktar trasparenti u effiċjenti, u li jitħeġġu s-sistemi ta' trasport intermodali għall-iżvilupp tar-reġjun u għall-benessri tar-residenti tiegħu; jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġati politiki transnazzjonali koordinati u approċċi ġodda fir-responsabilitajiet kondiviżi u l-kooperazzjoni ugwali bejn it-territorji, bħal pereżempju r-rabtiet vertikali bejn il-bliet il-kbar u ż-żoni rurali, muntanjużi u turistiċi;

12.  Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat aċċess għall-konnessjonijiet tal-internet b'veloċità għolja u, għalhekk servizzi diġitali u online, u għat-teleworking u opportunitajiet oħra għal persuni li jgħixu f'żoni remoti miċ-ċentri urbani l-kbar, sabiex jingħatalhom aċċess għall-postijiet tax-xogħol vakanti ppubblikati fuq l-internet, inklużi dawk ippubblikati fuq il-portal tal-internet EURES, kif ukoll ħafna servizzi oħra online li jagħmlu l-ħajja ta' kuljum aktar faċli, irawmu l-ħolqien tal-impjiegi, iżidu l-produttività tax-xogħol u l-qligħ, jgħinu fil-ġlieda kontra l-firda diġitali u jippromwovu l-inklużjoni soċjali u ekonomika ta' kulħadd; jenfasizza l-ħtieġa għal rabta aħjar bejn skejjel, universitajiet u ċentri ta' riċerka, u programmi ta' tagħlim elettroniku, sabiex jiġu promossi l-innovazzjoni u l-iżvilupp ta' raggruppamenti reġjonali bbażati fuq l-għarfien espert reġjonali u l-kumpaniji reġjonali, kif ukoll l-iżvilupp komprensiv ta' "rħula u reġjuni diġitali" li jipprovdu ambjenti sostenibbli, abitabbli u li jkunu tajbin għall-familja;

13.  Jenfasizza d-dimensjoni soċjali tal-istrateġija komuni għar-reġjun Alpin u jitlob għal kooperazzjoni innovattiva, pereżempju għall-promozzjoni tal-iżvilupp demografiku permezz ta' miżuri li jipprovdu faċilitajiet tal-kura obstetrika siguri u komprensivi fiż-żoni rurali Alpini;

14.  Ifakkar li l-prinċipju tal-aċċess universali għas-servizzi pubbliċi għandu jkun garantit fit-territorji kollha tal-UE, u f'dan ir-rigward, jenfasizza l-ħtieġa li l-Istati Membri u r-reġjuni jinkoraġġixxu soluzzjonijiet alternattivi u innovattivi għaż-żoni muntanjużi, inklużi, jekk ikunu neċessarji, soluzzjonijiet imfassla apposta adattati għall-ħtiġijiet lokali u reġjonali;

15.  Jenfasizza l-ħtieġa li jiġu promossi mudelli ta' produzzjoni bbażati fuq l-approċċ tal-ekonomija ċirkolari, li jiġu appoġġati l-effiċjenza tal-enerġija u l-ħolqien ta' "infrastrutturi ekoloġiċi" għall-konservazzjoni tal-bijodiversità u r-riżorsi naturali u li jiġu pprovduti opportunitajiet ġodda għat-turiżmu u l-ħolqien ta' impjiegi ta' kwalità;

16.  Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tieħu azzjonijiet għall-integrazzjoni ta' kwistjonijiet ta' ugwaljanza bejn is-sessi fil-livell orizzontali u dak vertikali f'kull qasam ta' politika, u biex tiffinanzja azzjonijiet ta' integrazzjoni li jimmiraw speċifikament lin-nisa li jgħixu f'reġjuni muntanjużi sabiex jitneħħa kwalunkwe żbilanċ partikolari;

17.  Jenfasizza d-dimensjoni soċjali, kulturali u ekonomika tad-diversi tradizzjonijiet u drawwiet Alpini, li għandhom jiġu inkoraġġuti u sostnuti fid-diversità tagħhom, anke fuq bażi transfruntiera;

18.  Jitlob li r-reġjuni, il-muniċipalitajiet u l-individwi jkunu direttament involuti fl-inizjattivi kollha tal-istrateġija tal-UE għar-reġjun Alpin peress li dan huwa essenzjali għas-suċċess tagħhom.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

43

4

5

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Laura Agea, Guillaume Balas, Brando Benifei, Mara Bizzotto, Vilija Blinkevičiūtė, Enrique Calvet Chambon, David Casa, Ole Christensen, Jane Collins, Martina Dlabajová, Lampros Fountoulis, Arne Gericke, Marian Harkin, Czesław Hoc, Danuta Jazłowiecka, Agnes Jongerius, Rina Ronja Kari, Jan Keller, Ádám Kósa, Kostadinka Kuneva, Jérôme Lavrilleux, Jeroen Lenaers, Verónica Lope Fontagné, Javi López, Morten Løkkegaard, Dominique Martin, Anthea McIntyre, Joëlle Mélin, Elisabeth Morin-Chartier, Emilian Pavel, João Pimenta Lopes, Georgi Pirinski, Sofia Ribeiro, Claude Rolin, Anne Sander, Sven Schulze, Siôn Simon, Jutta Steinruck, Romana Tomc, Yana Toom, Ulrike Trebesius, Renate Weber, Tatjana Ždanoka, Jana Žitňanská

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Daniela Aiuto, Georges Bach, Rosa Estaràs Ferragut, Tania González Peñas, Krzysztof Hetman, Paloma López Bermejo, Evelyn Regner, Flavio Zanonato

OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (19.4.2016)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin
(2015/2324(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Renata Briano

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi, skont l-Artikoli 11, 191 u 193 tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea (TFUE), l-Unjoni Ewropea għandha s-setgħa li tieħu azzjoni fl-oqsma kollha tal-politika ambjentali, bħal pereżempju t-tniġġis tal-arja u tal-ilma, l-immaniġġjar tal-iskart u t-tibdil fil-klima;

B.  billi l-Artikolu 1(1) tad-Direttiva 2002/49/KE[1] jagħmilha ċara li għandu jiġi żviluppat approċċ komuni fl-Unjoni Ewropea "biex jevita, jipprevjeni jew inaqqas fuq bażi prioritizzata l-effetti ta' ħsara, inkluż id-dwejjaq, minħabba l-espożizzjoni lejn ħsejjes ambjentali";

C.  billi l-Konvenzjoni Alpina ġiet ffirmata mill-Pajjiżi Alpini (l-Awstrija, Franza, il-Ġermanja, l-Italja, il-Liechtenstein, Monaco, is-Slovenja u l-Iżvizzera) u mill-UE għall-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-Alpi;

D.  billi l-politika ambjentali għandha natura trasversali u billi l-għażliet ippreferuti tas-setturi varji tal-istrateġija Alpina għandhom jirrikonċiljaw is-sostenibilità ambjentali u l-iżvilupp ekonomiku; billi l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-politiki ta' preservazzjoni tal-bijodiversità jinkludu l-bżonn li tiġi żgurata r-reżiljenza tal-ekosistemi b'biżżejjed konnettività tal-ħabitats sabiex tkun tista' ssir il-migrazzjoni tal-ispeċijiet;

E.  billi li r-reġjun Alpin huwa t-tieni l-akbar baċin tal-bijodiversità fl-Ewropa, u huwa waħda miż-żoni ewlenin ta' ġbir tal-ilma fl-Ewropa, fejn l-ilma mhuwiex importanti biss għall-idroelettriċità iżda wkoll għat-tisqija tal-art agrikola, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-preservazzjoni tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ, u l-provvista tal-ilma tax-xorb;

F.  billi l-agrikoltura u t-turiżmu fir-reġjun Alpin għandhom impatt kbir fuq il-konservazzjoni tal-ambjent, fuq il-pajsaġġi tradizzjonali u fuq il-bijodiversità;

G.  billi l-wirt storiku u kulturali jirrappreżenta wieħed mill-beni prinċipali tal-inħawi;

H.  billi l-Parlament adotta riżoluzzjoni fit-23 ta' Mejju 2013 dwar strateġija makroreġjonali għall-Alpi[2];

1.  Jenfasizza li l-Alpi huma ambjent naturali, li fih kważi 14-il miljun ruħ li jikkondividu kultura jgħixu u jaħdmu, kif ukoll huma destinazzjoni turistika importanti li kull sena tattira madwar 120 miljun viżitatur;

2.  Jinnota s-suċċess ta' xi mudelli ta' agrikoltura fir-reġjun Alpin li jikkombinaw il-produzzjoni tal-ikel, il-forestrija, il-protezzjoni tal-pajsaġġi għat-turiżmu u l-għoti ta' servizzi tal-ekosistema bħall-protezzjoni mill-valangi; jemmen li dawn il-mudelli, li jaqdu diversi għanijiet u għandhom impatti baxxi fuq l-ambjent, għandhom jiġu estiżi fejn ikun xieraq;

3.  Jirrikonoxxi li r-reġjun Alpin, bir-riżervi kbar ħafna ta' pajsaġġi naturali tiegħu, huwa żona soċjoekonomika b'potenzjal ta' turiżmu; Jinnota l-varjetà straordinarja ta' ekosistemi, li jvarjaw minn dawk muntanjużi għall-pjanuri u anki l-kosta tal-Mediterran, u li jinkludu ekosistemi tal-ilma sensittivi ħafna bħal-lagi, ix-xmajjar u n-nixxigħat; jirrimarka li r-reġjun huwa estremament rikk fil-bijodiversità, kif ukoll f'riżorsi naturali bħalma huma l-ilma u l-injam, u għandu jiġi ppreservat;

4.  Jilqa' l-fatt li r-reġjuni huma involuti ħafna fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun Alpin;

5.  Jemmen li għandha tingħata attenzjoni partikolari biex in-nies jibqgħu jgħixu fl-inħawi ftit li xejn popolati tar-reġjun;

6.  Jinnota li fir-reġjun Alpin, l-ambjenti urbanizzati li fil-biċċa l-kbira tagħhom inħolqu mill-bniedem jeżistu flimkien ma' nħawi rurali muntanjużi b'popolazzjonijiet żgħar; huwa tal-fehma li l-istrateġija għandha tinkludi miżuri koeżivi li japplikaw fiż-żona kollha imma li jieħdu kont dovut tad-differenzi strutturali li jinsabu fiha, u jiffukaw primarjament fuq ir-reġjuni tal-muntanji Alpin minħabba li għandhom potenzjal kbir għal tkabbir ekonomiku sostenibbli; jirrimarka li d-depopolazzjoni rurali hija fattur wara l-instabilità idroġeoloġika f'ċerti żoni, li jista' jkollha impatt fuq ir-reġjun kollu (għargħar, uqigħ l-art); jenfasizza r-rwol essenzjali tas-servizzi soċjali fit-tkabbir sostenibbli u fil-ġlieda kontra d-depopolazzjoni taż-żoni muntanjużi, u jiġbed l-attenzjoni għall-ħtieġa li jiġi promoss aħjar il-Mekkaniżmu tal-UE għall-Protezzjoni Ċivili;

7.  Jirrimarka li l-biedja fl-inħawi muntanjużi hija importanti ħafna biex tinżamm l-istabilità ġeoloġika tal-Alpi; jinnota, madankollu, li l-agrikoltura fil-muntanji hija esposta għal diżastri naturali relatati mal-klima, bħall-għargħar, valangi tas-silġ u tat-tajn; jappella, għaldaqstant, għall-promozzjoni ta' miżuri ta' prevenzjoni tar-riskju (pereżempju skemi ta' protezzjoni mill-għargħar);

8.  Jinsab imħasseb dwar il-fatt li t-tibdil fil-klima jippreżenta riskji serji għall-instabilità idroġeoloġika u l-bijodiversità; jenfasizza li ż-żieda fit-temperaturi hija theddida serja għas-sopravivenza tal-popolazzjonijiet tal-ispeċijiet li jgħixu fl-għoli, filwaqt li tħassib ulterjuri huwa meta l-glaċieri jdubu peress li dan għandu impatt kbir fuq ir-riżervi tal-ilma ta' taħt l-art; jiġbed l-attenzjoni, għalhekk, għall-ħtieġa ta' politika ta' adattament għat-tibdil fil-klima makroreġjonali u għall-protezzjoni u l-ġestjoni sostenibbli tax-xmajjar, il-lagi u n-nixxigħat Alpini;

9.  Iqis li hu essenzjali li jkunu segwiti politiki dwar it-tibdil fil-klima bbażati fuq mudelli ta' produzzjoni u ta' konsum li huma konformi mal-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u ta' ċikli qosra fil-provvista tal-ikel, u biex titqiegħed enfasi akbar fuq l-użu razzjonali u l-użu mill-ġdid tal-materjali lokali u r-riżorsi naturali, inklużi l-ilma mormi u l-iskart tal-biedja, u dwar il-kondiviżjoni ta' servizzi inkoraġġita mill-akkwist pubbliku ekoloġiku u t-trawwim ta' rabtiet mill-qrib bejn il-produtturi u l-konsumaturi fil-livell lokali; ifakkar li l-ġestjoni tar-riskji marbuta mat-tibdil fil-klima għandha tindirizza l-fatturi ta' vulnerabilità strutturali u organizzazzjonali tas-soċjetajiet Alpini; jenfasizza l-bżonn li jiżdied l-iskambju tal-aħjar prattika u l-kooperazzjoni transkonfinali fil-qasam tal-ġestjoni tar-riskji klimatiċi, b'kont meħud tas-sensitivitajiet territorjali kollha;

10.  Iqis li jeħtieġ li r-reġjuni involuti fl-istrateġija jużaw il-fondi tal-Unjoni f'konformità mal-politika ta' koeżjoni u jippromwovu l-investimenti relatati mal-ambjent li fost l-għanijiet tagħhom għandhom il-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima u l-adattament għalih, u li tiġi miġġielda l-instabilità idroġeoloġika, kif ukoll il-forestrija sostenibbli, it-turiżmu, l-agrikoltura (inkluża l-biedja organika) u t-trobbija tal-bhejjem, li lkoll għandhom irwol importanti fil-ġestjoni tal-art;

11.  Jenfasizza li mhux qed isir biżżejjed biex jintlaħqu l-għanijiet tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 2000/60/KE; jistieden lill-Kummissjoni biex, fl-implimentazzjoni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma 2000/60/KE, tosserva d-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali u tal-fawna u l-flora selvaġġa, sabiex jiġi żgurat immaniġġjar aktar sostenibbli tal-ilma; jenfasizza li, fit-twettiq ta' dan, il-kooperazzjoni għandha tingħata preferenza fuq ir-regolamentazzjoni;

12.  Iqis li l-isfida tal-"white spots" li fadal fil-kopertura tal-mowbajl fir-reġjun tista' tinbidel f'opportunità kemm għall-ekoturiżmu kif ukoll għar-riċerka medika;

13.  Ifakkar li l-ġestjoni integrata tar-riżorsi tal-ilma hija wieħed mill-elementi ewlenin għall-iżvilupp sostenibbli fl-Alpi; ifakkar li r-riskji naturali, inklużi r-riskji marbuta mal-ilma, jistgħu jħallu effetti sekondarji fuq il-pjanuri u fuq iż-żoni mibnija; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jissaħħu l-iskambji tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni transkonfinali b'rabta mal-Pjattaforma dwar il-Ġestjoni tal-Ilma tal-Konvezjoni Alpina bejn il-korpi nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-ilma u tal-baċini tax-xmajjar sabiex ikunu jistgħu jiffaċċjaw l-isfidi kondiviżi kkawżati mit-tibdil fil-klima;

14.  Jikkunsidra li l-investimenti għandhom jiġu ddedikati għal aċċess ugwali u effettiv għall-kura tas-saħħa għall-popolazzjoni kollha tar-reġjun;

15.  Iqis li, minħabba l-importanza ekonomika li t-turiżmu għandu għar-reġjun Alpin kollu, jeħtieġ li l-iżvilupp tal-ekoturiżmu jibqa' jiġi appoġġjat; jiġbed l-attenzjoni, abbażi tal-aħjar prattiki, bħall-pjattaforma tat-turiżmu "Alpine Pearls" maħluqa bħala parti mill-proġett "Alps Mobility" ffinanzjat mill-UE, għall-kisbiet li saru sal-lum u li għandna nibnu fuqhom;

16.  Iqis li jeħtieġ li jiġu previsti politiki ta' effiċjenza u ffrankar tal-enerġija kif ukoll politiki biex jippromwovu sorsi tal-enerġija alternattiva rinnovabbli u sostenibbli permezz ta' mmaniġġjar xieraq tar-riżorsi tal-ilma, tal-foresta u tal-pajsaġġ; iqis li huwa importanti li l-mudell tal-produzzjoni u l-provvista deċentralizzati u lokali tal-enerġija jiġi estiż permezz, inter alia, tal-integrazzjoni tal-grilja u l-ħżin; jappella, għalhekk, għal aktar inizjattivi ta' riċerka f'dan il-qasam, li jkunu maħsuba għall-ħtiġijiet speċifiċi tar-reġjuni muntanjużi; jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi, l-intrapriżi u l-awtoritajiet pubbliċi jiġu inkoraġġuti jinvestu f'enerġija rinnovabbli bħala mezz biex iżidu s-sigurtà tal-enerġija u jipprevjenu l-faqar tal-enerġija; jenfasizza l-importanza tal-enerġija idroelettrika għall-provvista tal-enerġija fir-reġjuni muntanjużi u jistieden lill-amministrazzjonijiet lokali jippromwovu l-użu tal-idroenerġija, kif ukoll ta' sorsi oħra rinnovabbli, għall-ħtiġijiet tal-popolazzjoni;

17.  Iqis li huwa ta' dispjaċir li l-art agrikola qed issir dejjem aktar skarsa minħabba użi mhux agrikoli, bħalma huma l-bini tat-toroq u l-allokazzjoni tal-art għall-bini; jappella biex jitwaqqfu skemi ta' appoġġ u rekwiżiti prattiċi biex jiżguraw id-disponibilità fuq żmien fit-tul tal-art għall-użu agrikolu u forestali; jenfasizza li l-kwistjoni tal-konsum tal-art hija kritika ħafna fiż-żoni aktar urbanizzati; iħeġġeġ, għalhekk, li l-użu tal-art u l-urbanizzazzjoni li jużaw riżorsi naturali ta' valur jitwettqu b'mod sostenibbli;

18.  Jitlob approċċ olistiku għad-disinn u l-implimentazzjoni futuri tal-politika Alpina tat-trasport u ambjentali sabiex il-kisba tal-għan komuni ma tkunx ipperikolata minn effetti ta' arbitraġġ u ta' trasferiment;

19.  Jiddispjaċih għall-aċċessibilità mhux adegwata taż-żoni ekonomiċi, li tipperikola l-biedja effikaċi fir-reġjuni muntanjużi Alpini u, għalhekk, il-kompetittività ta' dawn ir-reġjuni; iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri joħolqu sistema ta' infrastruttura xierqa, li għandha tinkludi l-iżvilupp ta' mogħdijiet xierqa fil-farms u fil-foresti u mogħdijiet Alpini xierqa, kif ukoll l-aċċess għal netwerk ta' data mobbli b'veloċità għolja għar-reġjuni Alpini;

20.  Jiġbed l-attenzjoni għall-importanza ta' turiżmu sostenibbli li jkun xprunat mill-ħarsien tal-bijodiversità u mir-rispett tal-ekosistemi, kif muri mill-eżempju tajjeb tal-parks;

21.  Jenfasizza l-importanza taż-żoni protetti sabiex jistimulaw inizjattivi ta' ħarsien ambjentali, kif imsemmi fil-Konvenzjoni Alpina; iqis li jeħtieġ li tiġi żviluppata politika li tidentifika l-parks bħala postijiet fejn jiġu promossi attivitajiet ta' ħarsien ambjentali; jemmen li ż-żoni protetti huma nħawi partikolarment sensittivi għan-nies u l-ambjent; huwa konvint li dawn jistgħu jieħdu dimensjoni transkonfinali fir-rigward tal-iżvilupp u l-implimentazzjoni tal-aħjar prattiki li jgħaqqdu l-protezzjoni tal-ħabitat mal-ekonomija sostenibbli (biedja organika u ta' kwalità, il-promozzjoni ta' prodotti lokali, l-ekoturiżmu u l-mobilità, il-ġestjoni tal-organiżmi selvaġġi, eċċ.) u jistgħu jiġu esportati lejn il-partijiet kollha tar-reġjun Alpin u lil hinn;

22.  Jinnota li, fir-rigward tat-trasport, jeħtieġ li jinstabu modi li jippermettu aċċess xieraq fiż-żoni l-aktar marġinali, li sikwit qed ikunu dejjem aktar abbandunati, fi ħdan qafas ta' mobilità sostenibbli;

23.  Iqis li jeħtieġ li tiġi żviluppata infrastruttura għal modi ġodda ta' trasport sostenibbli, li jiġu implimentati politiki għall-kondiviżjoni ta' prodotti u servizzi, u li tiġi promossa l-konnettività fiż-żoni anqas żviluppati, kif ukoll li jiġi promoss l-iżvilupp tat-telexogħol;

24.  Jinnota li l-ġestjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid tat-tjur tal-priża u tal-karnivori fir-reġjun Alpin qed jitwettqu fuq livelli nazzjonali u lokali, filwaqt li dawn l-ispeċijiet ma jagħrfux il-fruntieri amministrattivi, u li l-migrazzjoni hija fin-natura tagħha fenomenu transkonfinali fir-reġjun Alpin; jemmen li huwa essenzjali, bħala parti mill-Istrateġija Alpina u b'konnessjoni mal-Konvenzjoni Alpina dwar il-Karnivori Kbar, l-Annimali Ungulati Selvaġġi u l-Pjattaforma tas-Soċjetà tal-Konvenzjoni Alpina, li jiġi intensifikat l-iskambju tal-aħjar prattiki f'dan il-qasam;

25.  Jemmen li l-komunitajiet lokali, l-awtoritajiet reġjonali u s-soċjetà ċivili, inklużi l-atturi ekonomiċi bħal, pereżempju, il-partijiet ikkonċernati lokali fl-agrikoltura u l-forestrija, għandhom ikunu involuti fit-teħid tad-deċiżjonijiet, fi proċess miftuħ, trasparenti u infurmat;

26.  Jenfasizza l-importanza li l-Istrateġija Alpina tkun allinjata ma' inizjattivi ta' kooperazzjoni bħalma hija l-Konvenzjoni Alpina u l-Protokolli sussegwenti għaliha, kif ukoll li jiġu kkunsidrati l-kooperazzjoni u n-netwerking transnazzjonali eżistenti f'dan il-qasam, sabiex jintlaħqu politiki u għanijiet komuni;

27.  Jirrimarka li l-agrikoltura u l-forestrija attivi huma essenzjali għall-konservazzjoni tal-bijodiversità fir-reġjun Alpin, filwaqt li fl-istess ħin jagħtu kontribut sinifikanti lil setturi oħrajn, bħat-turiżmu;

28.  Jitlob approċċi mmirati ta' finanzjament mill-Istati Membri u mill-Unjoni Ewropea fir-rigward tal-politiki makroreġjonali bħala parti mill-istrateġija Alpina;

29.  Iqis meħtieġ li jissaħħaħ ir-rwol tal-awtoritajiet lokali u reġjonali fl-implimentazzjoni tal-politiki tal-UE u li l-prinċipju tal-governanza fuq diversi livelli jitqiegħed fil-qalba tal-ippjanar u l-implimentazzjoni tal-istrateġija Alpina;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni tintroduċi limiti tal-emissjoni tal-ħsejjes fit-trasport tal-merkanzija Alpin u skemi ta' inċentivi aktar b'saħħithom biex jinkoraġġixxu l-investiment f'miżuri għat-tnaqqis tal-ħsejjes fuq ir-rotot ewlenin tat-trasport;

31.  Jappella għall-introduzjoni tal-prinċipju tal-prezz reali u tal-prinċipju tal-internalizzazzjoni tal-ispejjeż esterni fir-rigward tal-miżuri regolatorji eżistenti u tal-ġejjieni dwar il-ħlasijiet ta' taxxi, imposti u użu tal-infrastruttura, filwaqt li titqies l-istrateġija komprensiva għar-reġjun Alpin u l-ħtieġa li jiġu evitati l-effetti konsegwenti ta' trasferiment u ta' arbitraġġ;

32.  Jappella għal strateġija Alpina makroreġjonali, li tippermetti l-użu sostenibbli tal-art u tan-natura u, għaldaqstant tippermetti żona ekonomika u bijosfera bbażati fuq il-koeżistenza tan-natura u l-bniedem, sabiex jiġi evitat li jkun hemm eżodu ulterjuri tal-popolazzjoni, li jħalli impatt negattiv fuq il-protezzjoni tan-natura u tal-pajsaġġ.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

19.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

64

1

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marco Affronte, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Cristian-Silviu Buşoi, Nessa Childers, Alberto Cirio, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Miriam Dalli, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Karl-Heinz Florenz, Francesc Gambús, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, Anneli Jäätteenmäki, Jean-François Jalkh, Benedek Jávor, Karin Kadenbach, Kateřina Konečná, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Susanne Melior, Miroslav Mikolášik, Massimo Paolucci, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Tibor Szanyi, Estefanía Torres Martínez, Dame Glenis Willmott, Damiano Zoffoli

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Paul Brannen, Mark Demesmaeker, Jacqueline Foster, Elena Gentile, Martin Häusling, Krzysztof Hetman, Merja Kyllönen, Mairead McGuinness, Gesine Meissner, Ulrike Müller, James Nicholson, Christel Schaldemose, Jasenko Selimovic, Bart Staes, Keith Taylor, Tom Vandenkendelaere, Carlos Zorrinho

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Angel Dzhambazki, Bronis Ropė, Marco Valli

  • [1]  Id-Direttiva 2002/49/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta’ Ġunju 2002 li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali – Dikjarazzjoni mill-Kummissjoni fil-Kumitat ta' Konċiljazzjoni dwar id-Direttiva li tirrigwardja l-istudju u l-amministrazzjoni tal-ħsejjes ambjentali, ĠU L 189, 18.7.2002, p. 12.
  • [2]  ĠU C 55, 12.2.2016, p. 117.

OPINJONI tal-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu (25.5.2016)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin
(2015/2324(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Daniela Aiuto

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għat-Trasport u t-Turiżmu jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

A.  billi r-reġjun Alpin, kif definit fil-Konvenzjoni Alpina, bħal żoni muntanjużi Ewropej oħrajn, jirrappreżenta sfida ewlenija għat-trasport Ewropew peress li għandu densità baxxa tal-popolazzjoni, tipi speċifiċi ħafna ta' konnessjonijiet u aċċesibilità għas-servizzi, u ekonomiji lokali distinti;

B.  billi l-ġeomorfoloġija speċifika tal-makroreġjun ma għandhiex titqies bħala ostakolu għall-konnettività, iżda aktar minn hekk għandha tfisser opportunità għal servizzi ta' trasport intermodali bbażati fuq il-mudelli reġjonali tal-aħjar prattika u flimkien mal-protezzjoni u l-promozzjoni tal-wirt naturali u kulturali u tal-bijodiversità u l-mitigazzjoni tat-tibdil fil-klima;

C.  billi r-riżorsi finanzjarji għandhom prinċipalment jiġu indirizzati lejn u investiti fl-iżvilupp tal-konnessjonijiet tat-trasport pubbliku fir-reġjuni Alpini, abbażi tal-indikaturi adatti għall-kundizzjonijiet speċifiċi taż-żoni muntanjużi, permezz tat-titjib tal-konnessjonijiet ferrovjarji eżistenti, speċjalment it-trasport transkonfinali, bil-promozzjoni ta' ċentri ta' bliet żgħar, permezz tat-tisħiħ tal-aċċesibilità għax-xogħol u għal faċilitajiet turistiċi sostenibbli, u l-iżgurar ta' servizzi tas-saħħa, edukattivi u ta' indukrar tat-tfal, l-iffaċilitar tal-ħolqien ta' impjiegi lokali ta' kwalità u l-ħarsien tal-ambjent u tar-riżorsi naturali, inklużi riżorsi tal-ilma;

D.  billi r-reġjun Alpin qiegħed jintlaqat ħażin minn eżodu rurali u minn popolazzjoni li qed tixjieħ; billi servizz ta' trasport effiċjenti, il-konnettività tal-internet b'veloċità għolja u turiżmu sostenibbli għas-sena kollha jjistgħu jgħinu biex ir-reġjun Alpin isir aktar attraenti għaż-żgħażagħ u biex ikun iffaċilitat l-aċċess għall-impjiegi;

E.  billi, ħamsa minn disa' kurituri ewlenin tat-TEN-T, li huma kruċjali għall-iżvilupp Ewropew u reġjonali u biex jinkisbu l-għanijiet stipulati fil-White Paper tat-Trasport, jestendu għall-Alpi, u billi t-twettiq tagħhom jirrikjedi sforzi finanzjarji konġunti u koordinati min-naħa tal-Istati Membri sal-2030;

F.  billi, sabiex jingħata effett lill-prinċipji stipulati fil-Konvenzjoni Qafas u lill-inizjattivi li għandhom jiġu implimentati f'livell prattiku, ġew adottati numru ta' protokolli u memoranda ta' qbil li jistipulaw miżuri speċifiċi fuq firxa ta' suġġetti, inkluż it-trasport, it-turiżmu, il-konservazzjoni tal-ħamrija, l-ippjanar spazjali, l-iżvilupp sostenibbli, il-konservazzjoni tan-natura u l-ħarsien tal-pajsaġġ, bil-għan li ssir ħidma fuq proġetti konġunti relatati man-networks tat-trasport trans-Ewropej, u billi l-Istati Membri, b'konsegwenza, daħlu fi ftehimiet bilaterali bil-għan li jimplimentaw il-finanzjament tal-Faċilità Nikkollegaw l-Ewropa (CEF) flimkien mal-finanzjament skont il-baġits nazzjonali tagħhom;

G.  billi l-istrateġija makroreġjonali tal-Kummissjoni għandha l-għan li tipprovdi strumenti li jsaħħu l-kapaċità reġjonali, b'mod partikolari bl-ixprunar tal-konnettività, l-intermodalità u l-interoperabilità ta' trasport sostenibbli fit-trasport tal-passiġġieri u tal-merkanzija, sabiex tinkiseb il-bidla mit-triq għall-ferrovija; billi bosta reġjuni li qed jipparteċipaw f'makroreġjuni tal-viċinat oħra (l-Adrijatiku, id-Danubju) għandhom jagħmlu użu minn żoni sovrapposti biex itejbu l-konnettivita, l-aċċessibilità u l-intermodalità;

H.  billi, fil-komunikazzjoni dwar strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin, il-Kummissjoni tindika, kemm il-bżonn li jitnaqqas l-impatt tat-trasport fl-Alpi sabiex jiġi ppreservat il-wirt ambjentali Alpin, kif wkoll l-importanza li tiġi implimentat strateġija li twassal għal kundizzjonijiet ambjentali aħjar għall-popolazzjoni; billi għal għexieren ta' snin, il-bilanċ li għandu jintlaħaq bejn l-infrastruttura tat-trasport u l-konservazzjoni reġjonali kien identifikat bħala sfida ewlenija; billi, madankollu, kull investiment produttiv għandu jkun ibbażat fuq valutazzjoni taċ-ċiklu tal-ħajja, flimkien mal-valutazzjoni tal-impatt ambjentali meħtieġa biex jiġu evitati r-riskji ta' diżastru naturali ewlenin f'żona vulnerabbli bħar-reġjun Alpin;

1.  Jieħu nota tad-delimitazzjoni territorjali skont il-Konvenzjoni Alpina u tal-protokolls relatati dwar it-trasport u t-turiżmu, kif ukoll tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni li hu mmirat biex itejjeb is-sostenibilità tal-konnettività tat-trasport, kemm fir-reġjun kif ukoll lejh, u l-promozzjoni tal-intermodalità u l-interoperabilità u tal-kwalità tat-trasport intermodali u ta' sistemi ta' mobilità, bi qbil mal-mudelli tal-aħjar prattika;

2.  Jilqa' l-ftuħ tal-Mina ta' Bażi ta' Gotthard fl-1 ta' Ġunju 2016; jistieden lill-Kummissoni u lill-Istati Membri Alpini rispettivi jevalwaw it-tibdil fil-flussi tat-traffiku u tas-sehem tat-trasport tal-merkanzija, bħal pereżempju tul ir-rotta ta' Brenner, minħabba l-mini l-ġodda, qabel ma jsir ippjanar ta' mini ta' bażi oħrajn; jitlob numru suffiċjenti ta' terminals ferrovjarji u tat-triq, fejn xieraq, tul il-kurituri sabiex jiġi promoss l-għan li t-traffiku tal-merkanzija jgħaddi mit-triq għall-ferroviji;

3.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jsaħħu l-governanza f'diversi livelli fl-ippjanar tat-trasport, u jimplimentaw politika għar-reġjun muntanjuż Alpin li tiżviluppa infrastruttura sostenibbli, inklużiva u mhux invażiva għar-reġjun, bil-preservazzjoni ta' dan l-aħħar, u l-promozzjoni ta' żvilupp ibbilanċjat ta' reġjuni u żoni ekonomikament aktar dgħajfa f'termini ta' turiżmu, koeżjoni soċjali, ta' avvanz ekonomiku u impjiegi; jenfasizza li, fl-ippjanar tal-politika tal-infrastruttura tat-trasport, għandha tingħata prijorità lill-evalwazzjoni u l-imminimizzar tal-impatti negattivi, inter alia, fuq l-ambjent; jappella li jingħata appoġġ bil-għan li jitħeġġeġ tibdil gradwali mit-trasport bit-triq għal dak ferrovjarju u għal trasport immexxi minn sorsi alternattivi ta' enerġija sabiex jitnaqqsu l-emissjonijiet li jniġġsu;

4.  Jistieden lill-Kummissoni tiffoka wkoll fuq l-ottimizzazzjoni tal-kapaċità tan-netwerk tal-infrastruttura eżistenti, bil-għan ġenerali li sseħħ implimentazzjoni aħjar tan-netwerk TEN-T; jenfasizza li proġetti infrastrutturali li jwasslu għal riskju evitabbli jew sproporzjonat għall-ambjent, għar-riżorsi naturali jew għas-saħħa pubblika ma għandhomx jiġu ffinanzjati;

5.  Jenfasizza li l-konnettività u l-aċċesibilità tar-reġjun bi nhar u bil-lejl u fi tmiem il-ġimgħa għandha titjieb u tiġi promossa billi jkun żgurat ir-rispett għall-ambjent, il-ħarsien tar-riżorsi tal-ilma u tal-art u l-parteċipazzjoni tal-popolazzjonijiet lokali, bl-inklużjoni totali tal-atturi politiċi u ta' dawk li jieħdu d-deċiżjonjiet f'kull livell, partikolarment fil-livelli reġjonali u lokali, kif ukoll tal-organizzazzjonijiet ċivili (NGOs), u wkoll bil-promozzjoni ta' konsultazzjonijiet pubbliċi;

6.  Iqis li l-iżvilupp tal-infrastruttura fiż-żoni muntanjużi jippermetti l-iżvilupp tal-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju u jkabbar l-attrazzjoni għalihom, u għandu jiffaċilita l-istabbiliment ta' industriji speċifiċi f'tali żoni li jkunu jistgħu jibbenefikaw mill-pożizzjoni ġeografika tagħhom minħabba l-ambjent (temperatura, arja nadifa), li jwassal għall-ħolqien ta' impjiegi ġodda u jikkontribwixxi għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun; iħeġġeġ lill-Istati Membri jsewwu u jtejbu mogħdijiet qodma u mhux użati għall-użu mit-turisti, billi dawn jiġu aġġornati u jerġgħu jibdew jintużaw, dan sabiex ikun evitat li jiġu abbandunati u li jitħallew bla manutenzjoni u possibilment f'destabbilizzazzjoni idroekoloġika;

7.  Jappella lill-Istati Membri li jifformaw parti mir-reġjun Alpin jikkooperaw ħalli jiżguraw li l-miżati ta' tranżitu jkunu kemm jista' jkun uniformi u konformi mal-istandards Ewropej, speċjalment għal dawk il-pajjiżi li minħabba l-pożizzjoni ġeografiku tagħhom huma sfurzati jgħaddu minn fuq pajjiżi oħrajn;

8.  Hu tal-fehma li l-aċċessibilità għat-teknoloġiji tal-informazzjoni u tal-komunikazzjoni għandha tiżdied billi jiġu pprovduti servizzi b'mod aktar rapidu u effikaċi u billi jiġu mħeġġa u promossi, fejn possibbli, alternattivi għall-ivvjaġar fiżiku, bħat-teleworking, sabiex jitnaqqsu n-numru ta' vjaġġi u l-effetti negattivi esterni tagħhom, bħall-emissjonijiet li jniġġsu, u biex jiġi ffaċilitat bilanċ aħjar bejn il-ħajja tax-xogħol u l-ħajja tad-dar;

9.  Jappella lill-pajjiżi kkonċernati jidentifikaw proġetti infrastrutturali strateġiċi li għandhom jgħinu biex tissaħħaħ il-koeżjoni u biex titnaqqas il-konġestjoni fit-toroq bl-użu ta' servizzi tat-trasport intermodali adegwati għazżoni turisitiċi, u t-tkabbir tal-ekonomiji lokali, biex b'hekk jitħeġġeġ il-ħolqien tal-impjiegi; jissottolinja r-rwol tal-ajruporti u tal-portijiet reġjonali fir-reġjuni peri-Alpini/Mediterranji għall-aċċessibilità u għall-konnettività tar-reġjun Alpin; iqis li hu importanti li dawn jingħaqdu man-networks stradali u ferrovjarji;

10.  Jappella lill-Istati Membri jinvestu fi programmi lokali għall-ħolqien tal-impjiegi u tal-infrastruttura turistika; jappella li jiġi adottat approċċ strateġiku sabiex it-turiżmu ma jibqax attività staġonali u biex jiġi ffaċilitat l-aċċess sostenibbli permezz tat-trasport pubbliku lejn destinazzjonijiet turistiċi bħal ċentri tal-iskijjar, biex jiġi inkoraġġit l-użu taċ-ċikliżmu flimkien mal-ivvjaġġar bil-ferrovija; jissottolinja l-importanza li jiġu appoġġjati n-networking u l-pubblikazzjoni ta' eżempji tal-aħjar prattika bħala eżempji ta' inizjattivi għal turiżmu sostenibbli, bħal pereżempju strutturi mfassla għall-enerġija passiva, għall-effikaċja fl-użu tar-riżorsi u li jużaw sorsi tal-enerġija sostenibbli;

11.  Jindika li t-tibdil fil-klima hu partikolarment sinifikanti għal reġjuni bħall-Alpi, li għandhom morfoloġija u ħabitats naturali partikolarment vulnerabbli; jenfasizza li l-protokolli tat-trasport u t-turiżmu fil-Konvenzjoni Alpina ġew ratifikati mill-UE u mill-Istati Membri Alpini; jappella lill-Istati Membri jimmonitorjaw mill-qrib il-limiti ta' tniġġis tal-arja u jdaħħlu politiki ta' trasport sostenibbli skont il-miri COP 21 ta' Pariġi; iqis li għandhom jitwettqu sforzi biex l-SMEs jitħeġġu jinvestu fl-innovazzjoni u fl-iżvilupp bi qbil mal-miri COP 21;

12.  Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura aċċess faċli u konvenjenti għal dokumenti kemm għaċ-ċittadini Ewropej kif ukoll għall-istituzzjonijiet, sabiex tkun żgurata t-trasparenza rigward l-użu ta' fondi pubbliċi, u jemmen li, f'każijiet fejn qed jintalab aċċess għal raġunijiet prevalenti, inkluż, fost l-oħrajn, dawk relatati mas-saħħa pubblika u l-ambjent, dawn għandhom jingħataw prijorità fuq kull kunsiderazzjoni relatata mal-miri għall-kompetizzjoni jew kummerċjali; jinnota li se jkun meħtieġ li l-Istati Membri jinvestu f'fondi tal-UE allokati għall-implimentazzjoni tal-istrateġija Alpina, b'mod trasparenti, b'kunsiderazzjoni tal-ostakoli li joħorġu mill-istudji tal-impatt ambjentali, u b'kooperazzjoni u kollaborazzjoni, sabiex jitjiebu l-iskambji tal-aħjar prattika; iqis li l-implimentazzjoni effikaċi, il-kisba tal-għanijiet u l-użu ekonomiku tar-riżorsi għandhom jiġu rieżaminati b'mod annwali mill-Parlament u mill-Qorti Ewropea tal-Awdituri;

13.  Iqis li d-dħul kollu min-nollijiet u min-nollijiet speċjali mir-reġjuni Alpini għal proġetti ta' trasport fir-reġjuni Alpini għandu jiġi allokat – l-ewwel nett għall-iżvilupp tal-kurituri Alpini tat-TEN-T, it-tieni nett għal rotot ta' aċċess reġjonali, u t-tielet nett għal rotot lokali;

14.  Jappella lill-Istati Membri u lir-reġjuni jiżguraw li ż-żoni anqas aċċessibbli jkunu jistgħu jintlaħqu wkoll u li tkun tista' tingħata assistenza, u li jkun hemm unitajiet għall-kura tas-saħħa u tal-ewwel għajnuna meta s-sitwazzjoni tat-trasport tkun anqas favorevoli, b'kunsiderazzjoni tad-distanza li tisseparahom minn sptarijiet ewlenin.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

24.5.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

40

2

3

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Marie-Christine Arnautu, Georges Bach, Izaskun Bilbao Barandica, Deirdre Clune, Michael Cramer, Luis de Grandes Pascual, Andor Deli, Isabella De Monte, Ismail Ertug, Jacqueline Foster, Tania González Peñas, Dieter-Lebrecht Koch, Merja Kyllönen, Miltiadis Kyrkos, Peter Lundgren, Marian-Jean Marinescu, Georg Mayer, Cláudia Monteiro de Aguiar, Renaud Muselier, Jens Nilsson, Markus Pieper, Salvatore Domenico Pogliese, Gabriele Preuß, Dominique Riquet, Massimiliano Salini, David-Maria Sassoli, Claudia Schmidt, Jill Seymour, Claudia Țapardel, Keith Taylor, Pavel Telička, István Ujhelyi, Wim van de Camp, Janusz Zemke, Roberts Zīle, Kosma Złotowski, Elżbieta Katarzyna Łukacijewska

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Knut Fleckenstein, Maria Grapini, Karoline Graswander-Hainz, Werner Kuhn, Curzio Maltese, Jozo Radoš, Ulrike Rodust, Davor Škrlec, Evžen Tošenovský

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Beatrix von Storch

OPINJONI tal-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali (26.4.2016)

għall-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali

dwar strateġija tal-UE għar-reġjun Alpin
(2015/2324(INI))

Rapporteur għal opinjoni: Ulrike Müller

SUĠĠERIMENTI

Il-Kumitat għall-Agrikoltura u l-Iżvilupp Rurali jistieden lill-Kumitat għall-Iżvilupp Reġjonali, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:

1.  Jenfasizza l-importanza tar-reġjun tal-Alpi bħala ambjent naturali u spazju fejn in-nies jgħixu, jaħdmu u jirrikreaw ruħhom, minħabba l-kontribut vitali tal-agrikoltura u l-forestrija, it-turiżmu sostenibbli tul is-sena kollha u s-snajja'; Jisħaq fuq il-fatt li dawn is-setturi huma ta' valur kruċjali għall-iżvilupp sostenibbli tar-reġjun u l-immaniġġar sostenibbli tar-riżorsi naturali, peress li dawn jiżguraw provvista ta' ikel ta' kwalità għolja, isostnu lill-popolazzjoni f'żoni mbiegħda, isostnu l-pajsaġġ kulturali, u jippreservaw l-ekosistemi permezz tal-bijodiversità, il-protezzjoni tal-ħamrija u tal-ilma; jilqa' l-istrateġija Alpina tal-UE bħala qafas integrattiv u mod biex jitjieb u jitrawwem l-iżvilupp ekonomiku, ambjentali, infrastrutturali u soċjodemografiku sostenibbli fir-reġjun tal-Alpi; Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jqisu t-tagħlim miksub mill-implimentazzjoni ta' strateġiji makroreġjonali oħra tal-UE;

2.  Jenfasizza l-ħtieġa għal inizjattivi li jtejbu l-mobilità, l-infrastruttura diġitali, il-provvista tal-enerġija, il-migrazzjoni soċjali u l-prospetti demografiċi u biex jissaħħu l-kooperazzjoni u li jrawmu l-kooperazzjoni u l-koordinazzjoni bejn l-awtoritajiet f'livelli differenti sabiex jiġu indirizzati sfidi komuni f'ċerti żoni transfruntieri b'mod aktar effiċjenti u effettiv milli dak li jista' jintlaħaq minn miżuri individwali; jenfasizza li l-istrateġija għandha tindirizza wkoll l-isfidi imposti mill-globalizzazzjoni u d-deindustrijalizzazzjoni; jenfasizza l-ħtieġa li jitjieb l-aċċess għas-servizzi pubbliċi u l-infrastruttura sabiex tiżdied l-aċċessibilità u l-attrazzjoni ta' dawn ir-reġjuni kif ukoll biex jitnaqqas it-tnaqqis tal-azjendi agrikoli żgħar u tal-familji, li huma pilastru importanti ekonomiku u soċjali għar-reġjun; iqis li huwa neċessarju li t-tradizzjonijiet speċifiċi fl-oqsma tal-użu tal-art, l-artiġjanat u t-turiżmu jiġu ppreservati meta tiġi implimentata l-istrateġija;

3.  Jenfasizza li r-rwol ekonomiku, soċjali u ambjentali tal-biedja fiż-żoni muntanjużi jrid jiġi appoġġjat permezz ta' politiki mmirati li jikkumpensaw għall-iżvantaġġi li jiltaqgħu magħhom il-bdiewa tal-muntanji u jeħtieġ li jiġi rikonoxxut il-kontribut li dawn jagħtu lis-sostenibilità ambjentali u soċjali tal-partijiet l-kbar tal-Ewropa; jenfasizza li għandha tingħata attenzjoni partikolari lill-irziezet għar li fil-parti l-kbira tagħhom jiġu ġestiti mill-familji u lir-rwol tan-nisa fl-agrikoltura Alpina, li jwasslu għat-tkabbir u għalhekk għandhom jingħataw aktar appoġġ u rikonoxximent; itenni li l-iżvilupp sostenibbli taż-żoni muntanjużi huwa element essenzjali għall-benessri tal-popolazzjonijiet rurali, il-koeżjoni interġenerazzjonali tagħhom u l-prospetti tal-irziezet ġestiti mill-familji;

4.  Itenni li l-iżvilupp futur tar-reġjun Alpin huwa assoċjat maż-żoni rurali, l-iżvilupp rurali, 'il-futur tal-villaġġ' u l-agrikoltura b'mod partikolari;

5.  Jinsab imħasseb dwar id-degradazzjoni tal-ekosistemi u r-riskju ta' diżastri naturali f'ċerti partijiet taż-żoni tal-Alpi u, f'dan ir-rigward, iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jiżguraw li l-art u l-foresti jiġu ġestiti b'mod sostenibbli li jkun adattat għall-kundizzjonijiet lokali, b'attenzjoni partikolari lejn is-saħħa tal-ħamrija, u biex jinkoraġġixxu żvilupp bħal dan sabiex jiġu ppreservati d-diversità kulturali u ambjentali tar-reġjun u jiġu żgurati l-prospetti ekonomiċi billi jiġu salvagwardjati r-riżorsi naturali fuq medda twila ta' żmien; Jenfasizza l-importanza li jiġu implimentati l-prinċipji tal-ekonomija ċirkolari u ta' kooperazzjoni sinerġetika bejn l-biedja u attivitajiet ekonomiċi oħra dwar żoni protetti min-netwerk Natura 2000 u ż-żoni l-oħra protetti kollha;

6.  Jiddispjaċih dwar l-abbandun u t-telqa dejjem jiżdiedu tal-art tal-bideja, ħaġa li għandha impatt negattiv mhux biss fuq il-pajsaġġ, il-produttività agrikola u b'mod partikolari l-prattiki tradizzjonali fir-rigward tal-bhejjem u l-biedja fuq skala żgħira iżda wkoll fuq il-ġestjoni tal-ilma u l-bilanċ idroġeoloġiku, il-bijodiversità u l-ġenerazzjoni tal-enerġija sostenibbli;

7.  Jinnota li r-reġjun Alpin huwa t-'torri tal-ilma' tal-Ewropa u l-Alpi jipprovdu biżżejjed ilma biex jipprovdu sa 90 % tal-bżonnijiet taż-żoni muntanjużi fis-sajf; jinnota wkoll li l-Alpi jikkostitwixxu ir-riżerva prinċipali tal-bijomassa tal-Ewropa; jenfasizza li l-ilma huwa importanti għall-idroelettriċità, l-irrigazzjoni tal-art agrikola, il-ġestjoni sostenibbli tal-foresti, il-preservazzjoni tal-bijodiversità u tal-pajsaġġ u għall-provvista tal-ilma għax-xorb, ħaġa li se tkun iktar kruċjali fis-snin li ġejjin fid-dawl tat-tibdil fil-klima; jenfasizza, għalhekk, il-ħtieġa li jissaħħu l-iskambji tal-aħjar prattiki u l-kooperazzjoni transfruntiera b'rabta mal-Pjattaforma dwar il-Ġestjoni tal-Ilma tal-Konvezjoni Alpina bejn il-korpi nazzjonali responsabbli għall-ġestjoni tal-ilma u tal-baċiri tax-xmajjar;

8.  Jinnota li r-reġjun Alpin fi stadju bikri ħafna seta’ jibbenefika mill-passaġġi tal-ilma tiegħu billi pproduċa l-enerġija idroelettrika; huwa tal-fehma li għandu jkun possibbli li jiġu ssussidjati l-iskambji ta' prattika tajba u l-modernizzazzjoni ta' strutturi bl-użu tal-fondi tal-UE, bil-għan ta’ reazzjoni għad-domanda dejjem tikber għall-enerġija u l-influss tat-turisti;

9.  Jiddispjaċih dwar l-eżistenza tat-tendenza attwali li qed tiżdied lejn l-esproprjazzjoni indiretta tal-artijiet tal-proprjetarji fil-qafas tal-implimentazzjoni tad-Direttiva 92/43/KEE dwar il-konservazzjoni tal-ħabitat naturali tal-fawna u l-flora selvaġġa; jitlob lill-Kummissjoni tagħmel l-isforzi tagħha biex tipproteġi d-drittijiet tal-proprjetà bħala element fundamentali tal-iżvilupp tar-reġjun tal-Alpi;

10.  Jirrimarka li r-ritorn ta’ predaturi kbar qed ipoġġi l-agrikoltura u l-ragħa tal-annimali tradizzjonali f'riskju f'għadd kbir ta' widien tal-Alpi peress li n-nagħaġ, il-mogħoż u l-baqar qed jiġu attakkati dejjem aktar minn predaturi selvaġġi; jenfasizza li l-ġestjoni u l-introduzzjoni mill-ġdid tal-għasafar tal-priża u tal-karnivori għandhom jiġu kkoordinati aħjar fost l-awtoritajiet differenti filwaqt li għandu jitrawwem l-iskambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki sabiex tissaħħaħ il-protezzjoni u l-ġestjoni transfruntieri ta' dawn l-ispeċijiet bħala parti mill-Istrateġija Alpina u b'konnessjoni mal-Karnivori Kbar, l-Annimali Ungulati Selvaġġi u l-Pjattaforma tas-Soċjetà tal-Konvenzjoni Alpina;

11.  Jinsisti li l-Istrateġija għandha tikkontribwixxi biex jitlaħqu l-miri stabbiliti fil-COP21 u anke tispjega kif ir-reġjun għandu jaffronta l-isfidi tat-tibdil fil-klima, partikolarment meta wieħed iqis il-vulnerabilità u l-esponiment tiegħu għad-diżastri naturali (eż. flussi tat-tajn, nirien);

12.  Jiġbed l-attenzjoni lejn il-fatt li l-użu minn fuq għal isfel tar-riżorsi rinnovabbli huwa prinċipju li, jekk jiġi regolat u infurzat bil-liġi, se jirriżulta f’interferenza kbira mad-drittijiet tal-proprjetà u jista' jxekkel l-innovazzjoni, speċjalment għall-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju;

13.  Jenfasizza li l-użu tal-forom ta' trobbija tal-annimali tradizzjonali fiż-żoni muntanjużi għandu jibqa' prattikabbli, sabiex l-istrutturi agrikoli u l-insedjmanet f'dawk iż-żoni jiġu preservati; jitlob li jkun hemm armonizzazzjoni, simplifikazzjoni u tnaqqis fil-proċeduri ta' kontroll u r-rekwiżiti ta' kundizzjonalità, b'mod partikolari għall-azjendi agrikoli żgħar u għall-bdiewa fiż-żoni muntanjużi;

14.  Iqis importanti li jiġu stabbiliti programmi reġjonali li jippromwovu strutturi deċentralizzati, makroreġjonali għall-ipproċessar u l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikoli u tal-forestrija (eż. kooperattivi u organizzazzjonijiet tal-produtturi), sabiex tissaħħaħ il-pożizzjoni tagħhom fil-ktajjen tal-valur tal-injam u l-ikel u jitjiebu l-impjiegi, il-provvista tal-ikel u l-innovazzjoni fir-reġjuni; jiġbed l-attenzjoni lejn il-vantaġġi tal-iżgurar ta' varjetà wiesgħa ta' opportunitajiet tas-suq;

15.  Jitlob li jissaħħaħ il-valur tal-prodotti agrikoli, billi jitħeġġu inizjattivi li jżidu l-użu u t-tixrid tat-tikketta ‘prodotti tal-muntanji’ fuq il-bażi ta' arranġamenti prattiċi, jiġu promossi l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti tal-prodotti mir-Reġjun tal-Alpi u jiġu żviluppati prodotti ġodda ta' kwalità għolja sabiex tiġi sodisfatta d-domanda tal-konsumaturi u sabiex dawn jingħataw informazzjoni dwar il-bażi tradizzjonali ta' dawn il-prodotti u dwar il-kwalità u l-karatteristiċi distintivi tagħhom; iqis li jinħtieġu salvagwardji aktar effettivi kontra l-produtturi li jimitaw jew jiffalsifikaw il-prodotti billi jgħidu li joriġinaw mir-reġjun tal-Alpi u favur l-indikazzjonijiet ġeografiċi protetti; jistieden, barra minn hekk, lill-Kummissjoni ddaħħal programmi operazzjonali speċjali għall-prodotti tal-muntanji ta' kwalità għolja, bil-ħsieb li titjieb il-promozzjoni u l-kummerċjalizzazzjoni ta' dawk il-prodotti;

16.  Jenfasizza l-importanza tal-produzzjoni tal-ħalib fil-partijiet muntanjużi tar-reġjun tal-Alpi, u b'mod partikolari tal-prodotti tal-ħalib ta' kwalità għolja li jiġu minn dak il-ħalib; jirrimarka li, f'ħafna każi, l-industrija tal-prodotti tal-ħalib ma tistax tikkompeti ma' postijiet aktar favorevoli; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jdaħħlu miżuri speċifiċi ta' kumpens għall-produtturi skont il-PAK, sabiex jiġi żgurat li t-trobbija tal-bhejjem u l-produzzjoni tal-ħalib fiż-żoni muntanjużi tkun finanzjarjament sostenibbli, b'mod partikolari għall-azjendi agrikoli ta’ daqs żgħir u medju ġestiti mill-familji, kif ukoll l-appoġġ għall-proċessuri tal-ħalib tal-Alpi li jittrasformawh fi prodotti ta' kwalità għolja;

17.  Jenfasizza li huwa importanti li tissaħħaħ il-kompetittività tal-impriżi agrikoli muntanjużi billi, fost affarijiet oħra, tiġi promossa l-formazzjoni ta' organizzazzjonijiet tal-produtturi kif ukoll jiġu stimolati l-attivitajiet tal-produtturi lokali billi jitniedu proċeduri ta’ akkwist pubbliku; jenfasizza li n-netwerking u l-formazzjoni ta' assoċjazzjonijiet bejn il-bdiewa tal-muntanji jistgħu jżidu s-setgħa tan-negozjar tagħhom fir-rigward tad-distributuri u jgħinu sabiex jitnaqqsu b'mod ġenerali n-dgħjufijiet strutturali tal-biedja tal-muntanji; jemmen, barra minn hekk, li l-ktajjen qosra tal-provvista fiż-żoni muntanjużi u fis-swieq lokali huma ta' importanza prinċipali għall-preservazzjoni tal-produzzjoni agrikola fl-azjendi agrikoli fuq skala żgħira li jinsabu f'dawn l-oqsma;

18.  Jemmen li l-kummerċjalizzazzjoni tal-prodotti agrikola tista’ titjieb jekk dawn jiddaħħlu fil-lista ta’ prodotti turistiċi ġenerali ta' żona ġeografika partikulari;

19.  Iqis li huwa partikolarment importanti li l-bdiewa żgħażagħ jingħataw prospetti fit-tul sabiex tiġi indirizzata d-depopolazzjoni rurali fir-reġjun tal-Alpi; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu inizjattivi transnazzjonali li jappoġġjaw l-intraprenditorija, l-industriji emerġenti u s-suq tax-xogħol fl-agrikoltura u l-forestrija; jenfasizza l-importanza li l-biedja tiġi integrata b'mod aktar effettiv fl-ekonomija lokali, b'mod partikolari fit-turiżmu, fl-artiġjanat u fis-settur tal-intrapriżi ta’ daqs żgħir u medju, sabiex jiżdied l-introjtu tal-azjendi agrikoli u l-impjiegi agrikoli jsiru aktar attraenti għaż-żgħażagħ;

20.  Jenfasizza l-importanza tal-agrituriżmu bħala sors ta' introjtu għall-bdiewa fuq skala żgħira (eż. btajjel fi rziezet); jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jistabbilixxu programmi li jappoġġjaw l-investiment u l-intraprenditorija; iqis li huwa importanti li dawk l-azjendi agrikoli jiġu appoġġjati permezz ta’ kampanji turistiċi speċifiċi;

21.  Jenfasizza li l-karatteristiċi klimatiċi u topografiċi partikolari tar-reġjuni Alpini jirrendu aktar diffiċli l-intensifikazzjoni tal-biedja u l-forestrija; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jippromwovu r-riċerka u l-iżvilupp fil-qasam tal-isfruttament tal-bwar, it-trobbija tal-bhejjem u l-forestrija permezz tal-bini ta' kapaċitajiet, sabiex titjieb l-effiċjenza fil-produzzjoni, biex jiġu ppreservati forom tradizzjonali ta' ġestjoni agrikola u r-razez tal-bhejjem kif ukoll tiġi appoġġjata t-trasformazzjoni tal-foresti f'foresti mħallta reżistenti għat-tibdil fil-klima;

22.  Jistieden lill-Kummissjoni tespandi l-edukazzjoni u l-istrutturi ta' konsulenza għall-ħaddiema tal-agrikoltura u l-foresterija (eż. taħriġ għall-konsulenti tal-biedja tal-muntanji), tipprovdi netwerk ta' taħriġ makroreġjonali u tintensifika l-kooperazzjoni u n-netwerking bejn l-atturi edukattivi, ekonomiċi u xjentifiċi (eż. skemi ta' taħriġ u programmi ta' skambju bejn il-fergħat) bil-għan li jiġi promoss it-tkabbir sostenibbli fil-kuntest ta’ programmi u proġetti ta' riċerka konġunti, transfruntieri u internazzjonali; jinnota li ż-żoni muntanjużi dejjem kienu għajn ewlenija ta’ innovazzjoni, partikolarment biex jingħelbu l-iżvantaġġi naturali; jinnota li fl-Alpi l-istess persuna ħafna drabi hija meħtieġa twettaq attivitajiet differenti matul sena, xi kultant bejn il-fruntieri; jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jħeġġu l-kooperazzjoni bejn l-operaturi tat-taħriġ professjonali (inizjali u kontinwu); huwa tal-fehma li jridu jiġu provduti taħriġ u informazzjoni dwar l-innovazzjoni fil-biedja u l-forestrija sabiex titrawwem il-kompetittività tal-azjendi agrikoli żgħar u dawk ġestiti mill-familji;

23.  Jinnota r-rwol importanti tal-agrikoltura u tar-riżorsi rurali fil-provvediment tal-indukrar soċjali u edukattiv tal-persuni vulnerabbli b'mod partikolari; jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi attivitajiet agrikoli soċjali peress li, għall-bdiewa fiż-żoni muntanjużi b'mod partikulari, dawn jirrappreżentaw mod ġdid kif jiġu provduti servizzi alternattivi;

24.  Jiġbed l-attenzjoni lejn l-importanza tal-aċċess għal konnessjoni tal-internet b'veloċità kbira u għal servizzi diġitali u, apparti l-iżvilupp purament infrastrutturali, jitlob li jkun hemm żvilupp komprensiv ta' 'villaġġi u reġjuni diġitali' li jipprovdi ambjenti sostenibbli, abitabbli u favorevoli għall-familji;

25.  Jinnota li meta l-intrapriżi ta' daqs żgħir u medju fiż-żoni muntanjużi japplikaw għal finanzjament mill-FAEŻR dawn ikollhom problemi amministrattivi; jistieden lill-Kummissjoni tallinja l-programmi korrispondenti ta' appoġġ, sabiex tiggarantixxi aċċess aħjar għar-riżorsi finanzjarji u l-implimentazzjoni b'suċċess tagħhom, u dan għandu joffri sostenn akbar lill-muniċipalitajiet żgħar;

26.  Jitlob li l-qafas regolatorju attwali u prospettiv għall-azjendi agrikoli fir-reġjun tal-Alpi kollu, b'mod partikolari taħt il-PAK, jiġi armonizzati u simplifikat rispettivament; jinnota l-ħtieġa għal appoġġ speċifiku addizzjonali abbażi ta' fatturi bħalma huma l-valutazzjoni u l-pendili tal-ħamrija sabiex tagħmilha possibbli li jrendi l-biedja sostenibbli fl-għoljiet weqfin possibbli;

27.  Jilqa' l-istabbiliment ta' mudell ta' governanza makroreġjonali għar-reġjun tal-Alpi sabiex titrawwem il-kooperazzjoni transfruntiera fl-agrikoltura u l-forestrija; iqis li huwa importanti, f'dan ir-rigward, li għandu jkun hemm skambji mtejba tal- informazzjoni u l-esperjenzi, fuq bażi transnazzjonali, bejn l-assoċjazzjonijiet u l-organizzazzjonijiet tal-produtturi fl-oqsma tat-trobbija tal-bhejjem u tal-kultivazzjoni tal-uċuħ tar-raba u tal-forestrija billi jiġu organizzati konferenzi regolari;

28.  Jenfasizza li l-iżvilupp ta' inizjattivi ġodda jeħtieġ soluzzjonijiet reġjonali u approċċi parteċipatorji, inkluża l-armonizzazzjoni ta' inizjattivi ġodda u eżistenti, sabiex jinkiseb l-akbar benefiċċju għall-biedja tal-muntanji fl-Alpi u jitnaqqsu l-ostakoli amministrattivi; jitlob l-involviment dirett tar-reġjuni, l-awtoritajiet lokali u l-individwi fil-miżuri kollha fl-ambitu ta' strateġija tal-UE għar-reġjun tal-Alpi, b'attenzjoni partikolari għall-partijiet ikkonċernati fl-agrikoltura u l-forestrija, ħaġa li għandha tkun strumentali għat-twettiq tal-pjan ta' azzjoni tal-Kummissjoni fil-livell reġjonali; jirrimarka li għandhom jitqiesu l-Konvenzjoni Alpina, il-politika ta' koeżjoni tal-UE u l-inizjattivi eżistenti tal-UE;

29.  Iqis importanti li l-Istrateġija Aplina tal-UE titwettaq b'riżorsi finanzjarji eżistenti, bħall-Fondi Strutturali u ta' Investiment 2014–2020, u li ma jiddaħħal ebda finanzjament ġdid; jenfasizza li dawn iridu jintużaw b'mod effiċjenti sabiex titwettaq l-istrateġija b’koordinazzjoni akbar;

30.  Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jappoġġjaw il-programmi bħall-INTERREG u l-LEADER fil-politika tal-iżvilupp rurali għall-azjendi żgħar agrikoli u tal-forestrija sabiex ikun hemm skambju ta' informazzjoni u l-aħjar prattiki u jiġu żviluppati s-sinerġiji bejn dawn id-diversi programmi u jkun hemm enfasi fuq għadd ta’ prijoritajiet limitati u definiti b'mod ċar; jenfasizza, f'dan il-kuntest, l-importanza tal-biedja multifunzjonali fuq skala żgħira fir-reġjun tal-Alpi;

31.  Jinnota li ż-żoni muntanjużi għadhom ostakolu biex iċ-ċittadini Ewropej jitqarrbu lejn xulxin u li l-UE ntrabtet li żżid il-finanzjament għall-infrastruttura tat-trasport transfruntier.

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI

Data tal-adozzjoni

26.4.2016

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

36

5

0

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

John Stuart Agnew, Clara Eugenia Aguilera García, Eric Andrieu, Richard Ashworth, José Bové, Paul Brannen, Daniel Buda, Nicola Caputo, Matt Carthy, Viorica Dăncilă, Michel Dantin, Paolo De Castro, Albert Deß, Herbert Dorfmann, Norbert Erdős, Edouard Ferrand, Luke Ming Flanagan, Martin Häusling, Anja Hazekamp, Jan Huitema, Peter Jahr, Jarosław Kalinowski, Zbigniew Kuźmiuk, Philippe Loiseau, Mairead McGuinness, Ulrike Müller, James Nicholson, Maria Noichl, Marijana Petir, Laurenţiu Rebega, Bronis Ropė, Jordi Sebastià, Jasenko Selimovic, Maria Lidia Senra Rodríguez, Czesław Adam Siekierski, Marc Tarabella, Janusz Wojciechowski, Marco Zullo

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Pilar Ayuso, Franc Bogovič, Jean-Paul Denanot, Jens Gieseke, Ivan Jakovčić, Anthea McIntyre, Sofia Ribeiro, Ramón Luis Valcárcel Siso

RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALI FIL-KUMITAT RESPONSABBLI

Data tal-adozzjoni

16.6.2016  

 

 

 

Riżultat tal-votazzjoni finali

+:

–:

0:

25

2

6

Membri preżenti għall-votazzjoni finali

Pascal Arimont, Franc Bogovič, Victor Boştinaru, Mercedes Bresso, Constanze Krehl, Sławomir Kłosowski, Andrew Lewer, Martina Michels, Iskra Mihaylova, Jens Nilsson, Younous Omarjee, Konstantinos Papadakis, Stanislav Polčák, Liliana Rodrigues, Fernando Ruas, Monika Smolková, Ruža Tomašić, Ramón Luis Valcárcel Siso, Ángela Vallina, Monika Vana, Matthijs van Miltenburg, Kerstin Westphal

Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

Andor Deli, Tunne Kelam, Tonino Picula, Claude Rolin, Bronis Ropė, Claudia Schmidt, Remo Sernagiotto, Damiano Zoffoli

Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

Dominique Martin, Vladimir Urutchev, Marco Valli