RAPPORT  dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Rosario Crocetta

    15.7.2016 - (2016/2015(IMM))

    Kumitat għall-Affarijiet Legali
    Rapporteur: Heidi Hautala

    Proċedura : 2016/2015(IMM)
    Ċiklu ta' ħajja waqt sessjoni
    Ċiklu relatat mad-dokument :  
    A8-0230/2016
    Testi mressqa :
    A8-0230/2016
    Dibattiti :
    Testi adottati :

    PROPOSTA GĦAL DEĊIŻJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW

    dwar it-talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Rosario Crocetta

    (2016/2015(IMM))

    Il-Parlament Ewropew,

    –  wara li kkunsidra t-talba ta' Rosario Crocetta tas-7 ta' Jannar 2016, imħabbra fis-seduta plenarja fil-21 ta' Jannar 2016, fid-dawl tal-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tiegħu fil-qafas tal-proċediment kriminali pendenti quddiem it-Tielet Awla Kriminali tal-Qorti ta' Palermo, l-Italja (Nru 20445/2012 RGNR),

    –  wara li sema' lil Rosario Crocetta, skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –  wara li kkunsidra l-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea kif ukoll l-Artikolu 6(2) tal-Att dwar l-elezzjoni tal-Membri tal-Parlament Ewropew b'suffraġju universali dirett, tal-20 ta' Settembru 1976,

    –  wara li kkunsidra s-sentenzi mogħtija mill-Qorti tal-Ġustizzja tal-Unjoni Ewropea fit-12 ta' Mejju 1964, fl-10 ta' Lulju 1986, fil-15 u l-21 ta' Ottubru 2008, fid-19 ta' Marzu 2010, fis-6 ta' Settembru 2011 u fis-17 ta' Jannar 2013[1],

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 595 tal-Kodiċi Kriminali Taljan,

    –  wara li kkunsidra l-Artikolu 5(2), l-Artikolu 7 u l-Artikolu 9 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,

    –  wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Affarijiet Legali (A8-0230/2016),

    A.  billi eks Membru tal-Parlament Ewropew, Rosario Crocetta, talab il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'rabta ma' proċedimenti kriminali pendenti quddiem it-Tielet Awla Kriminali tal-Qorti ta' Palermo; billi, skont l-avviż notifikat mill-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku, is-Sur Crocetta allegatament għamel dikjarazzjonijiet diffamatorji, u dan l-aġir huwa punibbli abbażi tal-Artikolu 595 tal-Kodiċi kriminali Taljan;

    B.  billi, skont l-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom; Immunità bħal din għandha tiġi kkunsidrata, sa fejn hija intiża sabiex tipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-Membri tal-Parlament Ewropew, bħala immunità assoluta li ma tippermettix li jitressqu proċeduri legali kontrihom minħabba opinjoni espressa jew vot mitfugħ fil-qadi ta' dmirijiethom bħala Membri Parlamentari[2];

    C.  billi l-Qorti tal-Ġustizzja sostniet li, sabiex wieħed igawdi mill-immunità, opinjoni għandha tkun espressa minn Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari; billi din ir-rabta għandha tkun diretta u ovvja[3];

    D.  billi Rosario Crocetta kien Membru tal-Parlament Ewropew meta għamel id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni;

    E.  billi r-rekord parlamentari tas-Sur Crocetta juri li dejjem kien attiv ħafna fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-impatt tagħha fuq l-Unjoni u l-Istati Membri tagħha; billi huwa ffoka wkoll fuq l-influwenza ta' korruzzjoni sistematika fuq il-politika u l-ekonomija, speċjalment fir-rigward tal-akkwist pubbliku fil-qasam tal-politika ambjentali;

    F.  billi l-fatti tal-każ, kif jidhru fid-dokumenti pprovduti lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali u fis-seduta quddiem dan tal-aħħar, jindikaw li d-dikjarazzjonijiet tas-Sur Crocetta għandhom rabta diretta u ovvja mad-dmirijiet parlamentari tiegħu;

    G.  billi Rosario Crocetta jista' għalhekk jitqies li kien qed jaġixxi fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew;

    1.  Jiddeċiedi li jħares l-immunità u l-privileġġi ta' Rosario Crocetta;

    2.  Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu biex jgħaddi minnufih din id-deċiżjoni u r-rapport tal-kumitat responsabbli tiegħu lill-awtoritajiet kompetenti tar-Repubblika Taljana u lil Rosario Crocetta.

    • [1]  Sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tat-12 ta' Mejju 1964, Wagner vs Fohrmann u Krier, 101/63, ECLI:EU:C:1964:28; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-10 ta' Lulju 1986, Wybot vs Faure et., 149/85, ECLI:EU:C:1986:310; sentenza tal-Qorti Ġenerali tal-15 ta' Ottubru 2008, Mote vs il-Parlament, T-345/05, ECLI:EU:T:2008:440; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tal-21 ta' Ottubru 2008, Marra vs De Gregorio u Clemente, C-200/07 u C-201/07, ECLI:EU:C:2008:579; sentenza tal-Qorti Ġenerali tad-19 ta' Marzu 2010, Gollnisch vs il-Parlament, T-42/05, ECLI:EU:T:2010:102; sentenza tal-Qorti tal-Ġustizzja tas-6 ta' Settembru 2011, Patriciello, C-163/10, ECLI: EU:C:2011:543; sentenza tal-Qorti Ġenerali tas-17 ta' Jannar 2013, Gollnisch vs il-Parlament, T-346/11 u T-347/11, ECLI:EU:T:2013:23.
    • [2]  Kawżi Magħquda C-200/07 u C-201/07 Marra, iċċitati iktar 'il fuq, punti 27.
    • [3]  Kawża C-163/10, Patriciello, iċċitata iktar 'il fuq, punti 33 u 35.

    NOTA SPJEGATTIVA

    1.   Sfond

    Matul is-sessjoni plenarja tal-21 ta' Jannar 2016, il-President ħabbar, skont l-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, li kien irċieva talba mingħand Rosario Crocetta, ex Membru tal-Parlament Ewropew, dwar il-ħarsien tal-immunità parlamentari tiegħu b'rabta ma' proċedimenti kriminali pendenti quddiem il-Qorti ta' Palermo (l-Italja). B'konformità mal-Artikolu 9(1) tar-Regoli ta' Proċedura, il-President irrefera lura din it-talba lill-Kumitat għall-Affarijiet Legali.

    Fit-2 ta' Ottubru 2012, waqt dibattitu politiku f'Pio La Torre f'Palermo, Rosario Crocetta għamel d-dikjarazzjonijiet li ġejjin:

    "Il-Ħadd, matul il-laqgħa li se jkolli, se niżvela l-ismijiet u l-kunjomijiet ta' dawk involuti fil-ftehim bejn Musumeci u Miccichè, biex nerġa nibda d-diskussjoni dwar l-erba' impjanti li jittrasformu l-iskart għal enerġija (WTE), immexxija mill-mafja".

    - "Naf fiċ-ċert li Musumeci u Miccichè laħqu ftehim biex jerġgħu jibdew bil-bini tal-erba' impjanti WTE, fil-kuntest ta' akkwisti pubbliċi qarrieqa: huwa kuntratt li – u dan ġie provat – huwa kkontrollat mill-mafja. Se niżvela d-dettalji waqt il-laqgħa tiegħi, il-Ħadd fit-Teatro Politeama ta' Palermo."

    "Żewġ politiċi kienu qed jitkellmu f'din ir-reġistrazzjoni – wieħed huwa viżibbli u l-ieħor mhuwiex – wieħed huwa mill-PDL; u huwa jgħid li Saverio Romano u Firrarello, li din il-persuna mid-dehra ltaqgħat magħhom, iggarantixxu - huwa żid - l-appoġġ ta' PDL għall-kandidatura ta' Miccichè jekk huwa jagħti l-approvazzjoni tiegħu, u li Miccichè se jagħti l-approvazzjoni tiegħu", fost l-oħrajn.

    Fis-7 ta' Ottubru 2012, matul laqgħa elettorali fuq il-palk tat-teatru Politeama f'Palermo, is-Sur Crocetta għamel id-dikjarazzjoni li ġejja:

    - "jien mhux ħiereġ għall-elezzjonijiet biex inservi ta' pulizija fuq ħaddieħor. Minflok, aħna wettaqna ħidma enormi ta' kontroll fuq il-listi tal-kandidati tagħna: Ma għandniex kandidati li jinsabu taħt inkjesta, li ġew ikkundanati, u lanqas ma għandna nies li dwarhom jeżisti xi dubju dwar il-curriculum tagħhom. Minflok, lil Musumeci ngħidlu: li missu għamel bħalna għaliex għandhom biżżejjed nies fil-listi tagħhom li ħaqqhom jiġu arrestati".

    Fuq talba ta' dawn il-partijiet leżi, l-Uffiċċju tal-Prosekutur Pubbliku fil-Qorti ta' Palermo ħareġ imputazzjoni fir-rigward tas-Sur Crocetta għar-reat ta' diffamazzjoni punibbli bis-saħħa tal-Artikolu 595 tal-Kodiċi Kriminali Taljan.

    Fil-15 ta' Jannar 2016, is-Sur Crocetta ressaq talba għall-ħarsien tal-immunità tiegħu, skont l-Artikoli 8 tal-Protokoll Nru 7 u l-Artikoli 7 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew.

    Fil-15 ta' Marzu 2016, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali sema' lis-Sur Crocetta skont l-Artikolu 9(5) tar-Regoli ta' Proċedura. Fl-istess ħin, huwa ppreżenta dokumenti addizzjonali b'mod konformi mal-Artikolu 9(5), l-ewwel subparagrafu.

    2.   Il-liġi u l-proċedura dwar l-immunità tal-Membri tal-Parlament Ewropew

    L-Artikoli 8 u 9 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea jgħidu dan li ġej:

    Artikolu 8

    Membri tal-Parlament Ewropew m'għandhom ikunu suġġetti għal ebda forma ta' investigazzjoni, detenzjoni jew proċeduri legali, fir-rigward ta' opinjonijiet espressi jew voti mogħtija minnhom fil-qadi ta' dmirijiethom.

    Artikolu 9

    Waqt is-sessjonijiet tal-Parlament Ewropew, il-membri tiegħu, għandhom igawdu:

    (a) fit-territorju tal-Istat tagħhom stess, l-immunitajiet mogħtija lil membri tal-parlament tagħhom;

    (b) fit-territorju ta' kull Stat Membru ieħor, l-immunità minn kull tip ta' detenzjoni u minn proċeduri legali.

    L-immunità bl-istess mod tkun tgħodd għall-Membri waqt li jkunu qed jivvjaġġaw lejn u mill-post fejn jiltaqa' l-Parlament Ewropew.

    L-immunità ma tistax tintalab meta Membru jinqabad fil-fatt ta' reat u ma tipprekludix lill-Parlament Ewropew milli jeżerċita d-dritt tiegħu li jirrinunzja għall-immunità ta' xi wieħed mill-Membri tiegħu.

    L-Artikoli 5, 7 u 9 tar-Regoli ta' Proċedura tal-Parlament Ewropew jgħidu dan li ġej:

    Artikolu 5 – Privileġġi u immunitajiet

    1. Il-Membri għandhom igawdu l-privileġġi u l-immunitajiet skont il-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

    2. L-immunità parlamentari mhix privileġġ personali ta' Membru imma garanzija tal-indipendenza tal-Parlament kollu kemm hu u tal-Membri tiegħu. (...)

    Artikolu 7 – Ħarsien tal-privileġġi u l-immunità

    1. Fil-każijiet fejn il-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru jew ex-Membru jkun allegat li ġew miksura mill-awtoritajiet ta' Stat Membru, tista' ssir talba għal deċiżjoni tal-Parlament dwar jekk fil-fatt kienx hemm ksur ta' dawk il-privileġġi u immunitajiet skont it-termini tal-Artikolu 9(1).

    2. B'mod partikolari, tali talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet tista' ssir jekk jitqies li ċ-ċirkostanzi jikkostitwixxu restrizzjoni amministrattiva jew ta' xort'oħra fuq il-moviment liberu ta' Membri li jivvjaġġaw lejn jew mill-post tal-laqgħa tal-Parlament jew fuq l-opinjoni espressa jew vot mixħut fit-twettiq ta' dmirijiethom, jew li jkunu jinkwadraw ruħhom fl-ambitu tal-Artikolu 9 tal-Protokoll dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea.

    3. Talba għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet ta' Membru ma titqiesx ammissibbli jekk talba għal tneħħija jew ħarsien tal-immunità ta' dak il-Membru tkun ġa ġiet riċevuta f'dak li għandu x'jaqsam mal-istess proċedimenti legali, kemm jekk ittieħdet deċiżjoni kemm jekk le f'dak iż-żmien.

    Artikolu 9 - Proċeduri dwar l-immunità

    1. Kull talba indirizzata lill-President minn awtorità kompetenti ta' Stat Membru għat-tneħħija tal-immunità ta' xi Membru, jew minn Membru jew xi ħadd li kien Membru sabiex jitħarsu l-privileġġi u l-immunitajiet, għandha titħabbar fil-Parlament u tkun riferuta lill-kumitat responsabbli.(...)

    2. Il-kumitat għandu jikkunsidra mingħajr dewmien, imma billi titqies il-komplessità relattiva tagħhom, it-talbiet għat-tneħħija tal-immunità jew it-talbiet għall-ħarsien tal-privileġġi u tal-immunitajiet.

    3. Il-kumitat għandu jagħmel proposta għal deċiżjoni motivata li tirrakkomanda l-adozzjoni jew iċ-ċaħda tat-talba għat-tneħħija tal-immunità jew għall-ħarsien tal-privileġġi u l-immunitajiet.

    4. Il-kumitat jista' jitlob lill-awtorità kkonċernata għal informazzjoni jew spjegazzjoni li l-kumitat iqis li hija meħtieġa sabiex ikun jista' jifforma opinjoni dwar għandhiex l-immunità tiġi mneħħija jew imħarsa.

    5. Il-Membru kkonċernat għandu jingħata l-opportunità li jinstema', jista' jippreżenta dokumenti jew evidenza bil-miktub li jħoss li huma meħtieġa. Huwa jista' jkun rappreżentat minn Membru ieħor.

    Il-Membru ma għandux ikun preżenti matul id-dibattiti dwar it-talba għat-tneħħija jew il-ħarsien tal-immunità tiegħu, ħlief għas-smigħ innifsu.

    Il-President tal-Kumitat għandu jistieden lill-Membru għas-smigħ, billi jindika d-data u l-ħin. Il-Membru jista' jirrinunzja d-dritt tiegħu li jipparteċipa fis-smigħ.

    Jekk il-Membru ma jipparteċipax fis-smigħ wara dik l-istedina, jitqies li rrinunzja dak il-jedd li jkun mismugħ, sakemm ma jitlobx li jkun eżonerat mis-smigħ f'dik id-data u ħin kif proposti, u jagħti r-raġunijiet. Il-President tal-Kumitat għandu jagħti deċiżjoni dwar jekk tali talba li dak li jkun ikun skużat tintlaqax fid-dawl tar-raġunijiet mogħtija, u ma jkun permess l-ebda appell fuq dan il-punt.

    Jekk il-President tal-Kumitat jilqa' t-talba għal eżoneru, allura jistieden lill-Membru jinstema' f'data u ħin ġodda. Jekk il-Membru jonqos li jimxi mat-tieni stedina li jinstema', il-proċedura tissokta mingħajr ma jinstema' l-Membru. Ebda talba oħra għal eżoneru, jew għas-smigħ, ma tintlaqa' minn dan l-istadju 'l quddiem.

    6. Jekk it-talba tfittex li tneħħi l-immunità għal iktar minn raġuni waħda, kull waħda minn dawn ir-raġunijiet tista' tkun suġġetta għal deċiżjoni separata. Ir-rapport tal-kumitat jista', bħala eċċezzjoni, jipproponi li t-tneħħija tal-immunità tapplika biss għal proċeduri ta' prosekuzzjoni u li, sakemm tingħata sentenza definittiva, il-Membru għandu jkun immuni minn kull forma ta' detenzjoni jew limitazzjoni tal-libertà jew minn kull miżura li ma tħallihx iwettaq id-dmirijiet marbuta mal-mandat tiegħu.

    7. Il-kumitat jista' jagħti parir motivat dwar il-kompetenza tal-awtorità inkwistjoni u dwar l-ammissibiltà tat-talba, iżda fl-ebda ċirkustanza m'għandu jippronunzja ruħu dwar il-ħtija jew l-innoċenza tal-Membru, u lanqas dwar jekk l-opinjonijiet u l-atti attribwiti lilu jiġġustifikawx jew le l-prosekuzzjoni tiegħu, anke jekk, waqt li jkun qed jikkunsidra t-talba, jikseb tagħrif dettaljat tal-fatti tal-każ.(...)

    3.   Ġustifikazzjoni għad-deċiżjoni proposta

    L-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 dwar il-Privileġġi u l-Immunitajiet tal-Unjoni Ewropea ġie invokat minn Rosario Crocetta fit-talba tiegħu. Fil-fatt, iċ-ċirkustanzi ta' dan il-każ jissodisfaw ir-rekwiżiti għall-applikazzjoni ta' din id-dispożizzjoni.

    Il-Qorti tal-Ġustizzja ddeċidiet li l-kamp ta' applikazzjoni tal-immunità assoluta prevista fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7 għandu jiġi determinat biss skont il-leġiżlazzjoni tal-Unjoni Ewropea[1]. Kif iċċarat, fid-dawl tal-għan tiegħu li jipproteġi l-espressjoni libera u l-indipendenza tal-membri parlamentari Ewropej, u tal-kliem tiegħu, li jirreferi espressament, minbarra għall-opinjonijiet, għall-voti mitfugħa mill-Membri, huwa essenzjalment intiż sabiex japplika għad-dikjarazzjonijiet magħmula minn dawn tal-aħħar fil-konfini stess tal-Parlament Ewropew[2].

    Madankollu, il-Qorti tal-Ġustizzja għarfet ukoll li dikjarazzjoni magħmula minn Membru barra mill-konfini tal-Parlament Ewropew tista' tikkostitwixxi opinjoni espressa fil-qadi tad-dmirijiet tiegħu kif imsemmi fl-Artikolu 8 tal-Protokoll Nru 7, billi kkunsidrat li ma huwiex il-post fejn issir dikjarazzjoni li huwa importanti, iżda n-natura u l-kontenut tad-dikjarazzjoni[3].

    Il-kunċett ta' opinjoni fis-sens tal-Artikolu 8 għandu jinftiehem f'sens wiesa' bħala li jkopri l-proposti jew id-dikjarazzjonijiet li, minħabba l-kontenut tagħhom, jikkorrispondu għal dikjarazzjonijiet li jikkostitwixxu evalwazzjonijiet suġġettivi[4]. Huwa ċar li, sabiex wieħed igawdi mill-immunità, opinjoni għandha tkun espressa minn Membru tal-Parlament Ewropew fil-qadi ta' dmirijietu, u dan jimplika r-rekwiżit ta' rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari[5]. Il-Qorti tal-Ġustizzja kkonstatat li r-rabta bejn l-opinjoni espressa u d-dmirijiet parlamentari għandha tkun diretta u ovvja. Tali rabta tista' tiġi vverifikata meta l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet jippreżenta rabta diretta ma' interess ġenerali li jolqot liċ-ċittadini[6].

    F'dan l-isfond, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali iqis li l-fatti tal-każ, kif jidhru fid-dokumenti li kienu pprovduti lilu u fis-seduta tas-smigħ tas-Sur Crocetta, juru li d-dikjarazzjonijiet inkwistjoni għandhom konnessjoni diretta u ovvja mal-attivitajiet parlamentari tiegħu.

    Ma hemmx dubju li, meta kien Membru tal-Parlament Ewropew u partikolarment fl-epoka ta' dawn id-dikjarazzjonijiet, is-Sur Crocetta kien involut ħafna, fil-livell politiku, fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata u l-influwenza tagħha fuq il-politika u l-ekonomija, speċjalment fir-rigward tal-akkwist pubbliku fil-qasam tal-politika ambjentali. Fil-fatt, kien l-Ewwel Viċi President tal-Kumitat Speċjali tal-Parlament Ewropew dwar il-Kriminalità Organizzata, il-Korruzzjoni u l-Ħasil tal-Flus u Membru tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel. Matul is-servizz Parlamentari tiegħu, huwa dejjem kien wissa kontra r-ramifikazzjonijiet moħbija iżda perikolużi tal-kriminalità organizzata, kif jidher mill-kontribut tiegħu għall-ħidma parlamentari tiegħu, b'mod partikolari l-mistoqsijiet tiegħu għal tweġiba orali jew bil-miktub[7].

    Barra minn hekk, meta għamel id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, huwa qajjem kwistjoni relatata mal-interess ġenerali taċ-ċittadini Ewropej – jiġifieri l-allegata influwenza tal-kriminalità organizzata fuq proċedura speċifika ta' akkwist pubbliku li għandha konsegwenzi finanzjarji u ambjentali kif ukoll fuq politiċi magħrufin sew – u dan jista' jitqies bħala wieħed mid-dmirijiet ta' Membru tal-Parlament Ewropew. Wara li kkunsidra ċ-ċirkostanzi tal-każ u l-kontenut tad-dikjarazzjonijiet, l-allegazzjonijiet tas-Sur Crocetta jistgħu, għalhekk, jippreżentaw rabta diretta u ovvja mal-attivitajiet tiegħu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

    Fid-dawl ta' dak li ntqal, Rosario Crocetta, meta għamel id-dikjarazzjonijiet inkwistjoni, jista' jitqies li kien qed jaġixxi fil-qadi ta' dmirijietu bħala Membru tal-Parlament Ewropew.

    4.  Konklużjoni

    Skont l-Artikolu 9(3) tar-Regoli ta' Proċedura, wara li kkunsidra r-raġunijiet favur u kontra l-ħarsien tal-immunità tas-Sur Crocetta, il-Kumitat għall-Affarijiet Legali jirrakkomanda li l-Parlament Ewropew għandu jħares l-immunitajiet u l-privileġġi ta' Rosario Crocetta.

    • [1]  Kawżi Maqgħuda C-200/07 u C-201/07 Marra, iċċitati iktar 'il fuq, punt 26.
    • [2]  Kawża C-163/10, Patriciello, iċċitata iktar 'il fuq, punt 29.
    • [3]  Kawżi Maqgħuda T-346/11 u T-347/11 Gollnisch, iċċitati iktar 'il fuq, punt 37; Kawża C-163/10, Patriciello, iċċitata iktar 'il fuq, punt 30.
    • [4]  Kawża C-163/10, Patriciello, iċċitata iktar' il fuq, mid-dispożittiv u fil-punt 32.
    • [5]  Ibid., punt 33.
    • [6]  Ibid., punt 36.
    • [7]  Ara l-Mistoqsija għal tweġiba bil-miktub lill-Kummissjoni dwar il-Protezzjoni taċ-ċittadini u l-ambjent f'Niscemi (Sqallija) minn MUOS (Mobile User Objective System) tat-3 ta' Awwissu 2012, E-007557/2012; Mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kummissjoni dwar il-Korruzzjoni fl-Istati Membri tal-UE tas-16 ta' Mejju 2012, O-000117/2012; Shadow Rapporteur tar-Rapport dwar il-kriminalità organizzata fl-Unjoni Ewropea, tal-25 ta' Ottubru 2011, 2010/2309(INI), P7_TA(2011)0459; Parteċipazzjoni fid-dibattitu "Innaqqsu d-distakk bejn il-liġi kontra l-korruzzjoni u r-realtà" tal-14 ta' Settembru 2011, O-000148/2011; Mozzjoni għal riżoluzzjoni dwar l-isforzi tal-UE biex tiġġieled kontra l-korruzzjoni, tas-7 ta' Settembru 2011, B7–0481/2011; Mistoqsija għal tweġiba orali lill-Kunsill dwar l-implimentazzjoni tal-pakkett kontra l-korruzzjoni tal-UE tat-12 ta' Lulju 2011, O-000178/2011 u O-000179/2011; Dikjarazzjoni bil-miktub dwar Parlament nadif tal-5 ta' Lulju 2010, P7_DCL(2010)0059.

    RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI

    Data tal-adozzjoni

    11.7.2016

     

     

     

    Riżultat tal-votazzjoni finali

    +:

    –:

    0:

    17

    0

    1

    Membri preżenti għall-votazzjoni finali

    Jean-Marie Cavada, Kostas Chrysogonos, Therese Comodini Cachia, Mary Honeyball, Dietmar Köster, Gilles Lebreton, António Marinho e Pinto, Emil Radev, Julia Reda, Evelyn Regner, Pavel Svoboda, Tadeusz Zwiefka

    Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali

    Sergio Gaetano Cofferati, Heidi Hautala, Sylvia-Yvonne Kaufmann, Constance Le Grip, Stefano Maullu, Victor Negrescu

    Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali

    Maria Noichl