RAPPORT dwar Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ
15.7.2016 - (2016/2058(INI))
Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
Rapporteur: Adam Gierek
MOZZJONI GĦAL RIŻOLUZZJONI TAL-PARLAMENT EWROPEW
dwar Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ
Il-Parlament Ewropew,
– wara li kkunsidra t-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea, b'mod partikolari l-Artikolu 194 tiegħu,
– wara li kkunsidra l-Ftehim ta' Pariġi li ntlaħaq f'Diċembru 2015 fil-21 Konferenza tal-Partijiet (COP 21) għall-UNFCCC,
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-15 ta' Diċembru 2011 bit-titolu "Pjan Direzzjonali għall-Enerġija 2050" (COM(2011)0885),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ" (COM(2016)0051),
– wara li kkunsidra l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni tal-25 ta' Frar 2015 bit-titolu "Qafas Strateġiku għal Unjoni tal-Enerġija Reżiljenti b'Politika dwar it-Tibdil fil-Klima li tħares 'il quddiem" (COM(2015)0080),
– wara li kkunsidra l-konklużjonijiet tal-Kunsill tat-23 u l-24 ta' Ottubru 2014 dwar il-qafas għall-politika dwar il-klima u l-enerġija sal-2030,
– wara li kkunsidra t-Tielet Pakkett dwar l-Enerġija,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2012/27/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-25 ta' Ottubru 2012 dwar l-effiċjenza fl-enerġija, li temenda d-Direttivi 2009/125/KE u 2010/30/UE u li tħassar id-Direttivi 2004/8/KE u 2006/32/KE,
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2010/31/UE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tad-19 ta' Mejju 2010 dwar ir-rendiment tal-bini fl-użu tal-enerġija (tfassil mill-ġdid),
– wara li kkunsidra d-Direttiva 2009/28/KE tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tat-23 ta' April 2009 dwar il-promozzjoni tal-użu tal-enerġija minn sorsi rinnovabbli u li temenda u sussegwentement tħassar id-Direttivi 2001/77/KE u 2003/30/KE,
– wara li kkunsidra l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni bit-titolu "Pjan direzzjonali għal ekonomija kompetittiva b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju fl-2050", COM(2011)0112),
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-5 ta' Frar 2014 dwar qafas għall-politika tal-klima u tal-enerġija fl-2030[1],
– wara li kkunsidra r-Regolament (UE) Nru 1291/2013 tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill tal-11 ta' Diċembru 2013 li jistabbilixxi Orizzont 2020 – il-Programm Qafas għar-Riċerka u l-Innovazzjoni (2014-2020) u li jħassar id-Deċiżjoni Nru 1982/2006/KE[2],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tad-9 ta' Lulju 2015 dwar l-effiċjenza fl-użu tar-riżorsi: lejn ekonomija ċirkolari[3],
– wara li kkunsidra r-riżoluzzjoni tiegħu tal-15 ta' Diċembru 2015 bit-titolu "Lejn Unjoni Ewropea tal-Enerġija"[4],
– wara li kkunsidra l-Artikolu 52 tar-Regoli ta' Proċedura tiegħu,
– wara li kkunsidra r-rapport tal-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija u l-opinjoni tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (A8–0232/2016),
A. billi kważi 50 % tad-domanda finali għall-enerġija tal-UE hija użata għat-tisħin u t-tkessiħ, li minnha 80 % tintuża fil-bini; billi s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu jirrifletti l-Ftehim ta' Pariġi tal-2015 dwar it-Tibdil fil-Klima (COP 21); billi settur tat-tisħin u t-tkessiħ kompatibbli mal-għanijiet tal-enerġija u l-klima tal-UE jeħtieġ li jkun ibbażat 100 % fuq is-sorsi rinnovabbli sal-2050, li jista' jinkiseb biss billi nnaqqsu l-konsum tagħna tal-enerġija u nużaw bis-sħiħ il-prinċipju "l-effiċjenza fl-enerġija: l-ewwel karburant";
B. billi kull żieda ta' 1 % fi ffrankar tal-enerġija tnaqqas l-importazzjonijiet tal-gass bi 2.6 %[5];
C. billi għandu jsir sforz akbar kemm biex titnaqqas id-domanda għat-tisħin tal-bini kif ukoll biex id-domanda li jifdal ma sserraħx fuq il-ħruq tal-fjuwils fossili impurtati f'bojlers individwali iżda jsiru għażliet ta' tisħin u tkessiħ sostenibbli skont l-objettivi tal-UE 2050;
D. billi l-binjiet jirrappreżentaw sehem kbir ħafna mit-total tal-konsum finali tal-enerġija, u billi livell ogħla ta' effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-bini u programmi ta' rispons għad-domanda jistgħu jaqdu rwol kruċjali biex jibbilanċjaw id-domanda għall-enerġija u biex jissodisfaw l-ogħla domanda, u jwasslu sabiex titnaqqas il-kapaċità żejda u jitnaqqsu l-ispejjeż tal-ġenerazzjoni, dawk operazzjonali u tat-trasport;
E. billi s-sehem tas-sorsi tal-enerġiji rinnovabbli qed jiżdied bil-mod (u kien jammonta għal 18 % tal-provvista tal-enerġija primarja fl-2012), iżda għad hemm potenzjal kbir ħafna fil-livelli kollha, u billi s-sehem tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, u tal-enerġija tas-sħana rkuprata fit-tisħin u t-tkessiħ fl-Istati Membri għandu jiżdied;
F. billi s-suq tal-UE tat-tisħin u t-tkessiħ huwa fframmentat minħabba n-natura lokali tiegħu, u t-teknoloġiji u l-atturi ekonomiċi differenti involuti; billi d-dimensjonijiet lokali u reġjonali huma essenzjali biex jiġu stabbiliti l-aħjar politiki għat-tisħin u t-tkessiħ, fl-ippjanar u fl-implimentazzjoni ta' infrastruttura għat-tisħin u t-tkessiħ u fil-konsultazzjoni mal-konsumaturi biex jitneħħew l-ostakoli u sabiex it-tisħin u t-tkessiħ isiru iktar effiċjenti u sostenibbli;
G. billi l-bijomassa tirrappreżenta 89 % tat-total tal-konsum tat-tisħin rinnovabbli tal-UE u 15 % tat-total tal-konsum tat-tisħin tal-UE u għandha potenzjal kbir biex tkompli tagħti aktar soluzzjonijiet sinifikanti u kosteffikaċi għal-domanda tat-tisħin li qed tikber;
H. billi t-tisħin u t-tkessiħ huwa eżempju eċċellenti tal-bżonn ta' approċċ olistiku u bbażati fuq sistemi integrati għal soluzzjonijiet tal-enerġija, li jinkludu approċċi orizzontali għad-disinn tas-sistema tal-enerġija u għal-ekonomija usa';
I. billi s-sehem ta' 75 % tal-enerġija primarja mill-fjuwils fossili fit-tisħin u t-tkessiħ għadu għoli ferm u jirrapreżenta ostaklu ewlieni għad-dekarbonizzazzjoni, u b'hekk jaċċellera t-tibdil fil-klima u jikkawża ħsara sinifikanti lill-ambjent; billi s-settur tat-tisħin u t-tkessiħ għandu jikkontribwixxi bis-sħiħ għall-objettivi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija, u s-sussidji għall-użu tal-fjuwils fossili f'dan is-settur għandhom jitneħħew gradwalment, b'konformità mal-konklużjonijiet tal-Kunsill Ewropew tat-22/05/2013, skont il-kundizzjonijiet lokali;
J. billi huwa stmat li l-ammont ta' sħana prodotta mill-proċessi industrijali u proċessi kummerċjali oħra, li mbagħad tiġi moħlija fl-atmosfera jew fl-ilma (minflok li tintuża b'xi mod produttiv) huwa biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet tat-tisħin kollha tal-UE f'binjiet residenzjali u terzjarji;
K. billi s-settur tal-binji jemetti madwar 13 % tal-emissjonijiet kollha tas-CO2 fl-UE;
L. billi l-użu ta' sistemi progressivi u effiċjenti ta' tisħin jew ta' tkessiħ fil-binjiet għandu jimxi id f'id ma' proċess komplut ta' iżolazzjoni termali b'mod omoġenju, u b'hekk inaqqas id-domanda għall-enerġija u l-ispejjeż għall-konsumaturi u jagħti kontribut biex jittaffa l-faqar enerġetiku kif ukoll biex jinħolqu impjiegi kwalifikati fil-livell lokali;
M. billi l-miżuri għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u integrata għat-tisħin u t-tkessiħ fl-Unjoni tal-Enerġija, jekk ikunu implimentati b'mod korrett, joffru opportunitajiet sinifikanti għan-negozji u l-konsumaturi fl-UE, f'termini tat-tnaqqis tal-ispejjeż tal-enerġija globali għall-industrija, jagħtu spinta lill-kompetittività u permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jiffrankaw;
N. billi l-oqfsa regolatorji tal-UE jservu biex jenfasizzaw l-objettivi wesgħin, iżda huwa essenzjali li jkun hemm progress reali fit-trasformazzjoni tat-tisħin u t-tkessiħ bħala parti minn riforma usa' tas-sistema tal-enerġija;
O. billi l-għan tal-ottimizzazzjoni tar-rwol tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, partikolarment tal-elettriku, fil-grilja tal-enerġija globali permezz ta' integrazzjoni aħjar mal-applikazzjonijiet tat-tisħin u t-tkessiħ u t-trasport, jikkontribwixxi għad-dekarbonizzazzjoni tas-sistema tal-enerġija, inaqqas id-dipendenza fuq l-importazzjoni tal-enerġija, inaqqas il-kontijiet tal-enerġija għall-familji u jsaħħaħ il-kompetittività tal-industrija tal-UE;
P. billi l-aktar mod effettiv sabiex jintlaħqu dawn l-għanijiet konġunti huwa li jingħataw is-setgħa u l-appoġġ lill-awtoritajiet lokali u reġjonali, flimkien mal-partijiet interessati rilevanti kollha, biex ikun applikat approċċ ibbażat fuq sistemi kompletament integrati għall-ippjanar urban, l-iżvilupp tal-infrastruttura, il-bini u r-rinnovazzjoni tal-istokk tal-binjiet u l-iżvilupp industrijali ġdid, sabiex jiġi massimizzat il-potenzjal tal-kollegamenti, tal-effiċjenzi u ta' benefiċċji reċiproċi oħra;
Q. billi l-effiċjenza fl-enerġija tal-binjiet tiddependi wkoll fuq l-użu ta' sistemi tal-enerġija adegwati; billi l-prinċipji ta' "l-ewwel l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija" u ta' "l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija bħala l-ewwel fjuwil" għandhom jiġu rispettati fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;
R. billi objettivi ambizzjużi għal rinnovazzjoni profonda tal-istokk tal-binjiet eżistenti joħolqu miljuni ta' impjiegi Ewropej, speċjalment fl-SMEs, iżidu l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija u jkollhom rwol vitali sabiex jiżguraw li l-konsum tal-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ ikun minimizzat;
S. billi l-arkitettura, l-ippjanar urban, id-densità tad-domanda tal-flussi ta' sħana u d-diversità taż-żoni klimatiċi Ewropej u t-tipi ta' binjiet għandhom jitqiesu fl-ippjanar ta' binjiet pubbliċi u residenzjali effiċjenti fl-użu tal-enerġija u b'emissjonijiet baxxi;
T. jindika l-potenzjal enormi mhux sfruttat fl-użu tas-sħana residwa u tas-sistemi ta' tisħin distrettwali, peress li s-sħana żejda disponibbli fl-Ewropa hija ogħla mid-domanda totali għal sħana fil-binjiet Ewropej kollha, u l-fatt li 50 % tat-total tad-domanda għat-tisħin tal-UE jista' jiġi pprovdut permezz tat-tisħin distrettwali;
U. billi proporzjon sinifikanti tal-popolazzjoni Ewropea tgħix f'żoni, speċjalment fil-bliet, fejn l-istandards tal-kwalità tal-arja ma jiġux irrispettati;
V. billi t-tisħin u t-tkessiħ huma mistennija li jibqgħu l-akbar għejun tad-domanda għall-enerġija fl-Ewropa, u billi l-gass naturali u l-LPG huma użati ħafna biex tintlaħaq din id-domanda u l-użu tagħhom jista' jkun ottimizzat permezz tal-ħżin tal-enerġija b'effiċjenza għolja; billi d-dipendenza kontinwa fuq il-fjuwil fossili tmur kontra l-obbligi tal-UE dwar il-klima u l-enerġija u l-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni;
W. billi bħalissa hemm differenzi kbar fl-ispiża annwali fuq l-enerġija għal skopijiet ta' tisħin bejn id-diversi żoni klimatiċi fl-Ewropa, b'medja ta' 60 sa 90 kWh/m2 fil-pajjiżi Ewropej tan-Nofsinhar u 175 sa 235 kWh/m2 fl-Ewropa Ċentrali u tat-Tramuntana;
X. billi l-użu ta' soluzzjonijiet ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti għandu potenzjal sinifikanti biex jistimula l-iżvilupp tas-setturi industrijali u tas-servizzi Ewropej, partikolarment fis-settur tal-enerġija rinnovabbli, u l-ħolqien ta' valur miżjud ogħla fir-reġjuni remoti u rurali;
Y. billi l-enerġija saret assi soċjali, li l-aċċess għaliha irid ikun garantit; billi, madankollu, mhux iċ-ċittadini kollha jista' jkollhom aċċess għall-enerġija, minħabba li hemm iktar minn 25 miljun persuna fl-Ewropa li għandhom diffikultajiet serji biex jagħmlu dan;
Z. billi l-politiki dwar l-effiċjenza fl-enerġija għandhom jiffokaw fuq l-aktar modi kosteffettivi biex itejbu r-rendiment tal-bini billi jnaqqsu d-domanda għat-tisħin u/jew jikkollegaw il-binjiet ma' alternattivi b'effiċjenza għolja;
AA. billi l-livell baxx ta' għarfien fost il-konsumaturi dwar in-nuqqas ta' effikaċja tas-sistemi ta' tisħin huwa wieħed mill-fatturi li għandhom l-akbar impatt fuq il-kontijiet tal-enerġija;
AB. billi d-djar li jkollhom iżolazzjoni termali tajba huma ta' benefiċċju kemm għall-ambjent kif ukoll għall-utent, li jgawdi minn kontijiet irħas tal-enerġija;
AC. billi 72 % tad-domanda għat-tisħin u għat-tkessiħ minn djar għal familja b'persuna waħda qed tiġi kkunsmata f'żoni urbani jew intermedji;
AD. billi soluzzjonijiet ibbażati fuq in-natura, bħall-veġetazzjoni tat-triq iddisinjata sew, soqfa u ħitan ekoloġiċi li jipprovdu iżolazzjoni u dell għall-bini, inaqqsu d-domanda għall-enerġija billi jillimitaw il-ħtieġa għat-tisħin u għat-tkessiħ.
AE. billi 85 % tal-enerġija kkunsmata fil-bini hija użata għat-tisħin ta' spazju u għall-produzzjoni ta' ilma sħun u 45 % tat-tisħin u tat-tkessiħ fl-UE jintuża fis-settur residenzjali;
AF. billi l-industrija, f'kooperazzjoni mal-awtoritajiet lokali, għandha rwol importanti x'taqdi f'użu aħjar tat-tisħin u t-tkessiħ residwi;
AG. billi, bħala medja, l-Ewropej jonfqu 6 % tan-nefqa fuq il-konsum tagħhom fuq it-tisħin u t-tkessiħ u 11 % ma jistgħux jaffordjaw li jżommu d-djar tagħhom sħan biżżejjed fix-xitwa;
AH. billi s-settur tat-tkessiħ għad irid jiġi analizzat b'mod aktar bir-reqqa, kif ukoll jiġi kkunsidrat aktar, fl-istrateġija tal-Kummissjoni u fil-politiki tal-Istati Membri;
AI. Iqis li huwa importanti li jiġu promossi studji dwar l-iffrankar tal-enerġija f'binjiet storiċi sabiex jiġi ottimizzat ir-rendiment tal-enerġija, fejn ikun possibbli, filwaqt li jiġi żgurat li l-wirt kulturali jkun imħares u salvagwardjat;
1. Jilqa' l-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni “Strateġija tal-UE dwar it-Tisħin u t-Tkessiħ” bħala pass importanti biex jingħata approċċ olistiku li jittrasforma t-tisħin u t-tkessiħ fl-Unjoni Ewropea, u li jidentifika oqsma prijoritarji ta' azzjoni; japprova bis-sħiħ l-ambizzjoni tal-Kummissjoni li tirrikonoxxi u tisfrutta s-sinerġiji bejn is-setturi tal-elettriku u tat-tisħin, bil-għan li tikseb settur effiċjenti li jżid is-sigurtà tal-enerġija u jiffaċilita l-kisba kosteffettiva tal-miri tal-klima u tal-enerġija tal-UE; jistieden lill-Kummissjoni tikkunsidra s-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ bħala parti mit-tfassil tas-suq Ewropew tal-enerġija;
2. Jirrimarka l-ħtieġa li jittieħdu flimkien miżuri speċifiċi għat-tisħin u t-tkessiħ meta tiġi riveduta d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija (2012/27/UE), id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli (2009/28/KE) u d-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija (2010/31/UE);
3. Iqis li l-Istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ għandha tikkunsidra dawn iż-żewġ neċessitajiet b'mod indaqs, billi tqis li l-Ewropa għandha żoni klimatiċi differenti u li l-ħtiġijiet f'termini ta' użu tal-enerġija jvarjaw skont il-każ;
4. Jenfasizza li l-istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ għandha tagħti prijorità lil soluzzjonijiet sostenibbli u kosteffiċjenti li jippermettu lill-Istati Membri jilħqu l-miri tal-politika dwar il-klima u l-enerġija tal-UE; jinnota li s-setturi tat-tisħin u t-tkessiħ tal-Istati Membri jvarjaw ħafna minħabba d-differenzi fit-taħlitiet tal-enerġija tagħhom, fil-kundizzjonijiet tal-klima, fl-effiċjenza tal-istokk tal-bini u l-intensità tal-industrija, u jenfasizza, għalhekk, li għandha tiġi żgurata l-flessibbiltà fl-għażla ta' strateġija ta' soluzzjonijiet adegwati;
5. Jappella biex jiġu żviluppati fil-livell nazzjonali strateġiji sostenibbli għat-tisħin u t-tkessiħ li jagħtu attenzjoni speċjali lis-sħana u l-enerġija kkombinati, lill-koġenerazzjoni, lit-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, ibbażati preferibbilment fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli, kif dikjarat fl-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija;
6. Jinnota li effiċjenza għolja fl-enerġija, iżolazzjoni termali ta' prestazzjoni għolja u l-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli u ta' sħana rkuprata huma prijoritajiet fundamentali għal-istrateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ; iqis, għalhekk, li l-prinċipju "l-effiċjenza enerġetika tiġi l-ewwel" għandu jkun irrispettat, billi l-effiċjenza fl-enerġija tirrappreżenta waħda mill-ogħla rati ta' redditu finanzjarju kif ukoll waħda mill-aktar rapidi disponibbli u hija parti essenzjali tal-istrateġija biex tinkiseb tranżizzjoni b'suċċess lejn settur tat-tisħin u tat-tkessiħ sikur, reżiljenti u intelliġenti;
7. Jinnota li sistema ta' enerġija aktar deċentralizzata u flessibbli, b'sorsi ta' enerġija u ta' sħana mqiegħda eqreb lejn il-punt tal-konsum, tista' tiffaċilita l-ġenerazzjoni deċentralizzata tal-enerġija u b'hekk tagħti s-setgħa lill-konsumaturi u l-komunitajiet biex ikunu aktar involuti fis-suq tal-enerġija u jikkontrollaw l-użu tagħhom tal-enerġija, kif ukoll tippermettilhom isiru parteċipanti attivi fir-rispons għad-domanda; huwa tal-fehma li aktar ma tkun qasira l-katina li permezz tagħha l-enerġija primarja tiġi konvertita f'forom oħrajn biex tiġġenera sħana li tista' tintuża, aktar tkun effiċjenti l-enerġija tas-sistema tal-enerġija ġenerali; jirrikonoxxi, barra minn hekk, li tali approċċ inaqqas it-telf mit-trażmissjoni u d-distribuzzjoni, ittejjeb ir-reżiljenza tal-infrastruttura tal-enerġija, u simultanjament jipprovdi opportunitajiet ta' negozju lokali għall-SMEs;
8. Jenfasizza l-komplementarjetajiet bejn il-leġislazzjoni dwar l-ekodisinn u dik dwar it-tikkettar tal-enerġija, fuq naħa waħda, u d-Direttivi dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini, min-naħa l-oħra, sabiex jitnaqqas il-konsum tat-tisħin u tat-tkessiħ; iqis li l-apparat domestiku (magni tal-ħasil tal-ħwejjeġ, dishwashers, eċċ) għandhom ikunu l-aktar effiċjenti possibbli u jiġu ddisinjati b'tali mod li jkunu jistgħu jużaw il-provvista tal-ilma sħun fil-post fejn huma installati; jemmen, għalhekk, li l-politiki ta' rekwiżiti dwar l-ekodisinn u dwar it-tikketti tal-enerġija għandhom jiġu riveduti u mtejba regolarment, sabiex jinkiseb iffrankar addizzjonali tal-enerġija u titjieb il-kompetittività, permezz ta' prodotti aktar innovattivi u spejjeż tal-enerġija mnaqqsa;
9. Ifakkar li t-tisħin u t-tkessiħ jikkostitwixxu l-akbar sehem tad-domanda għall-enerġija tal-UE; jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-prinċipju tan-newtralità teknoloġika bejn is-sorsi rinnovabbli attwalment disponibbli u l-inċentivi bbażati fuq is-suq u fuq l-istat fit-tranżizzjoni lejn provvista tal-enerġija sikura u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;
10. Jenfasizza l-ħtieġa ta' qafas favorevoli għall-kerrejja u dawk li jgħixu f'bini b'ħafna abitazzjonijiet, biex huma jkunu jistgħu jibbenefikaw ukoll mill-awtoġenerazzjoni u l-konsum ta' tisħin u tkessiħ rinnovabbli u minn miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, u b'hekk jiġu indirizzati l-isfidi ta' inċentivi maqsuma u regoli tal-kera li xi drabi jistgħu jkunu restrittivi;
11. Jenfasizza r-rwol fundamentali tat-teknoloġiji tal-enerġija rinnovabbli, inkluż l-użu ta' bijomassa sostenibbli, ta' enerġija aerotermali, ġeotermali u solari, u taċ-ċelloli fotovoltajċi f'kombinazzjoni ma' batteriji elettriċi, biex isaħħnu l-ilma u jipprovdu tisħin u tkessiħ fil-bini, konġuntament ma' faċilitajiet ta' ħżin termali li jistgħu jintużaw biex jikkumpensaw fuq bażi ta' kuljum jew fuq livell staġjonali; jistieden lill-Istati Membri jipprovdu inċentivi għall-promozzjoni u l-użu ta' dawn it-teknoloġiji; jistieden lill-Istati Membri jimplimentaw b'mod sħiħ id-direttivi attwali dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija u dwar ir-Rendiment tal-Bini, inklużi r-rekwiżiti tal-nZEB (Nearly Zero Energy Buildings - Binjiet b'Konsum tal-Enerġija Kważi Żero) u l-istrateġiji ta' rinnovazzjoni fit-tul, b'kont meħud tal-ħtieġa li jiġi mmobilizzat biżżejjed investiment għall-modernizzazzjoni tal-istokkijiet tal-bini tagħhom; jitlob lill-Kummissjoni tippreżenta viżjoni għall-UE kollha tal-istokk ta' nZEB sal-2050;
12. Iqis li l-kwistjonijiet dwar is-sigurtà tal-enerġija fl-UE fil-parti l-kbira jikkonċernaw is-sigurtà tal-provvista tat-tisħin; iqis, għalhekk, li d-diversifikazzjoni tas-sorsi tal-enerġija hija ta' importanza kbira u jistieden lill-Kummissjoni tesplora modi biex tkompli tappoġġja u taċċellera aktar l-użu ta' teknoloġiji tat-tisħin rinnovabbli;
13. Iqis li l-użu ta' riżorsi ta' mmappjar għal finijiet ta' tisħin, soluzzjonijiet arkitettoniċi xierqa, l-aħjar prattiki għall-ġestjoni tal-faċilitajiet u prinċipji tad-disinn urban, inklużi soluzzjonijiet tan-netwerk fil-livell urban bħat-tisħin u t-tkessiħ urban, fl-ippjanar ta' żoni residenzjali u kummerċjali sħaħ għandu jkun il-bażi għal kostruzzjoni effiċjenti fl-enerġija u b'emissjonijiet baxxi fid-diversi żoni klimatiċi fl-Ewropa; jenfasizza li bini mibni b'materjal b'iżolazzjoni tajba għandu livell għoli ta' kapaċità ta' ħażna termali, li jirriżulta f'iffrankar sinifikanti għat-tisħin u għat-tkessiħ;
14. Jenfasizza li d-domanda għall-enerġija fis-settur tal-bini hija responsabbli għal madwar 40 % tal-konsum tal-enerġija fl-UE u terz tal-użu tal-gass naturali, u tista' titnaqqas b'sa tliet kwarti jekk ir-rinnovazzjoni tal-bini titħaffef; jenfasizza li 85 % ta' dan il-konsum tal-enerġija jintuża għat-tisħin u l-ilma sħun domestiku, u li għaldaqstant, il-modernizzazzjoni ta' sistemi tat-tisħin qodma u ineffiċjenti, użu akbar tal-elettriku minn sorsi rinnovabbli, użu aħjar ta' "sħana residwa" permezz ta' sistemi tat-tisħin distrettwali effiċjenti ħafna, u rinnovazzjoni fil-fond tal-bini permezz ta' iżolazzjoni termali mtejba, għadhom ferm importanti għal approċċ iktar sigur u sostenibbli għall-provvista tas-sħana; jirrakkomanda li jitkomplew jiżdiedu l-standards tal-effiċjenza tal-enerġija għall-bini, bil-kunsiderazzjoni u l-inkoraġġiment tal-innovazzjoni teknika, partikolarment biex tkun żgurata l-omoġeneità tal-iżolazzjoni; jirrakkomanda wkoll li jitkomkla l-appoġġ għall-kostruzzjoni ta' nZEB;
15. Jinkoraġġixxi lill-Istati Membri jiżviluppaw strateġiji fit-tul tat-tisħin u t-tkessiħ ibbażati fuq approċċ integrat, immappjar armonizzat u l-valutazzjoni magħmula skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Użu tal-Enerġija; jenfasizza li l-istrateġija għandha tidentifika l-oqsma ta' prijorità għal intervent u tippermetti l-ottimizzazzjoni tal-ippjanar urban tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni tassisti lill-Istati Membri f'dan l-eżerċizzju billi telabora gwida ġenerali għal strateġiji nazzjonali dwar it-tisħin u t-tkessiħ;
16. Jiġbed l-attenzjoni lejn l-effett ekonomiku ta' rinnovazzjoni u tal-iżolazzjoni tal-bini, li sikwit jirriżulta fi spejjeż tat-tisħin u t-tkessiħ sa 50 % anqas, u jistieden lill-Kummissjoni tipprovdi kofinanzjament adegwat għal inizjattivi mmirati lejn ir-rinnovazzjoni tad-djar u l-blokki ta' appartamenti pubbliċi b'livelli baxxi ta' effiċjenza tal-enerġija;
17. Jilqa' l-intenzjoni tal-Kummissjoni li tiżviluppa ġabra ta' miżuri sabiex tiffaċilita r-rinovazzjoni f'binjiet b'ħafna appartamenti; iqis li għandhom ikunu żviluppati għodod armonizzati u komprensivi anki fl-ippjanar tal-enerġija tal-ibliet li jippermettu l-identifikazzjoni tal-potenzjal lokali tat-tisħin u t-tkessiħ, rinnovazzjoni mtejba u integrata tal-bini, u l-iżvilupp ta' infrastruttura għat-tisħin u t-tkessiħ;
18. Itenni l-importanza li jiġu żviluppati skemi tal-UE li jipprovdu inċentivi għal modifiki retroattivi effiċjenti fl-użu tal-enerġija tal-binjiet, djar pubbliċi u djar soċjali, u għall-kostruzzjoni ta' bini ekoloġiku ġdid, li jmorru lil hinn mir-rekwiżiti legali minimi;
19. Jenfasizza l-karattru lokali u l-potenzjal tat-tisħin u t-tkessiħ; jistieden lill-awtoritajiet lokali u reġjonali jiffaċilitaw aktar termomodernizzazzjoni permezz tar-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi, kummerċjali u residenzjali eżistenti b'livell baxx ta' prestazzjoni tal-enerġija; jenfasizza l-importanza ta' movimenti bħall-Patt tas-Sindki, li jippermettu l-kondiviżjoni tal-għarfien u l-aħjar prattiki;
20. Jenfasizza l-ħtieġa li jsir immappjar tal-potenzjal lokali tat-tisħin u t-tkessiħ madwar l-Ewropa, sabiex il-bliet ikunu jistgħu jidentifikaw aħjar ir-riżorsi lokalment disponibbli, li jippermettulhom jikkontribwixxu biex tiżdied l-indipendenza fl-enerġija tal-UE, tingħata spinta lit-tkabbir u l-kompetittività permezz tal-ħolqien ta' impjiegi lokali li ma jistgħux jiġu esternalizzati, u tiġi pprovduta enerġija nadifa u bi prezz affordabbli għall-konsumaturi;
21. Jitlob lill-awtoritajiet lokali jivvalutaw il-potenzjal ta' tisħin u tkessiħ eżistenti kif ukoll il-ħtiġijiet tat-tisħin u t-tkessiħ fil-ġejjieni, filwaqt li jqisu l-potenzjal ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli disponibbli lokalment, l-enerġija termali mill-koġenerazzjoni u l-volumi tat-tisħin distrettwali;
22. Jemmen li għandha titwaqqaf sistema ta' finanzjament attraenti għall-unitajiet domestiċi li jinsabu barra minn żoni b'sistemi ċentralizzati ta' tisħin u tkessiħ, biex jiġu promossi teknoloġiji ġodda għat-tisħin tad-djar bl-użu ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
23. Jistieden lill-awtoritajiet lokali jindirizzaw il-problemi speċifiċi tal-bini f'inħawi rurali, li għandu t-tendenza jkun aktar antik, anqas effiċjenti fl-użu tal-enerġija, anqas ta' benefiċċju għas-saħħa, u li għandu t-tendenza li jipprovdi anqas kumdità termali;
24. Iqis li aktar ma tkun qasira l-katina li permezz tagħha l-enerġija primarja tiġi konvertita f'forom oħra biex tiġi ġġenerata sħana li tista' tintuża, aktar ikun hemm effiċjenza fl-enerġija, u, filwaqt li jqis il-medda wiesgħa ta' kundizzjonijiet klimatiċi u oħrajn tal-Unjoni, jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi strumenti teknoloġikament newtrali li jippermettu lil kull komunità tiżviluppa soluzzjonijiet kosteffiċjenti biex tnaqqas l-intensità tal-karbonju tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;
25. Jinnota li waqt li l-oqfsa regolatorji tal-UE jservu biex jenfasizzaw objettivi wesgħin, huwa l-progress reali li huwa essenzjali sabiex jirrivoluzzjonizza t-tisħin u t-tkessiħ bħala parti minn riforma usa' tas-sistema tal-enerġija;
26. Jenfasizza li l-għodod u l-kapaċitajiet politiċi tal-UE għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed biex jixprunaw it-trasformazzjoni tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, biex jimmassimizzaw l-użu tal-potenzjalitajiet jew biex jimplimentaw soluzzjonijiet għat-tnaqqis tad-domanda u għad-dekarbonizzazzjoni fid-daqs u bil-pass meħtieġa;
27. Jenfasizza l-importanza ta' netwerks ta' enerġija distrettwali li joffru alternattiva għal sistemi ta' tisħin individwali li jniġġsu aktar, minħabba li dan huwa mezz partikolarment effiċjenti u kosteffettiv biex jipprovdi tisħin u tkessiħ sostenibbli, l-integrazzjoni ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u s-sħana u l-kesħa rkuprati, u l-ħżin tal-elettriku żejjed f'ħinijiet ta' konsum baxx, biex b'hekk tingħata l-flessibbiltà lill-grilja; jenfasizza l-ħtieġa li jiġi integrat sehem akbar tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli, filwaqt li jitqies li aktar minn 20 % tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali huwa diġà ġġenerat mill-enerġija rinnovabbli, f'konformità mal-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, li jeħtieġ valutazzjonijiet komprensivi tal-potenzjal ta' tisħin u tkessiħ distrettwali effiċjenti; jappella għall-modernizzazzjoni u l-estensjoni tas-sistemi ta' tisħin distrettwali eżistenti sabiex jaqilbu għal sorsi alternattivi tal-enerġija rinnovabbli u b'effiċjenza għolja; iħeġġeġ lill-Istati Membri jistabbilixxu mekkaniżmi finanzjarji u fiskali biex iħeġġu l-iżvilupp u l-użu ta' tisħin u tkessiħ distrettwali, u biex jindirizzaw l-ostakoli regolatorji;
28. Jistieden lill-Kummissjoni tivvaluta serjament il-valutazzjonijiet komprensivi tal-Istati Membri tal-potenzjal għall-koġenerazzjoni u t-tisħin distrettwali skont l-Artikolu 14 tad-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, sabiex dawn il-pjanijiet jirriflettu l-potenzjal ekonomiku reali ta' dawn is-soluzzjonijiet u jipprovdu bażi soda għal politiki konformi mal-objettivi tal-UE;
29. Jenfasizza li fl-agglomerazzjonijiet urbani b'densità għolja huwa imperattiv li l-użu ta' sistemi individwali jew sistemi ta' tisħin/tkessiħ distrettwali ineffiċjenti u mhux sostenibbli jiġu gradwalment sostitwit minn sistemi ta' tisħin/tkessiħ distrettwali effiċjenti jew jiġu mmodernizzati bl-aktar teknoloġiji ta' tisħin/tkessiħ avvanzati, u ssir qalba għal sistemi ta' koġenerazzjoni lokali b'effiċjenza għolja u għal alternattivi rinovabbli;
30. Jistieden lill-Kummissjoni tipproponi, fl-inizjattivi tagħha dwar id-Direttiva dwar l-Enerġija Rinnovabbli u d-disinn tas-suq, miżuri li jikkontribwixxu għal sistema tal-enerġija aktar effiċjenti u flessibbli billi tintegra aħjar is-sistemi tal-elettriku, tat-tisħin u tat-tkessiħ;
31. Jistieden lill-Kummissjoni tistabbilixxi qafas Ewropew komuni li jippromwovi u jipprovdi ċertezza legali fir-rigward tal-awtoġenerazzjoni, b'mod partikolari billi jħeġġeġ u jappoġġja kooperattivi tal-viċinat li jużaw sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
32. Jappella għall-iżvilupp ta' indikatur tad-domanda għall-enerġija għat-tisħin u t-tkessiħ għall-binjiet fil-livell nazzjonali;
33. Jitlob approċċ strateġiku biex jitnaqqsu l-emissjonijiet tas-CO2 tad-domandi industrijali għat-tisħin u t-tkessiħ, permezz tat-titjib tal-effiċjenza tal-proċessi, is-sostituzzjoni tal-fjuwils fossili b'sorsi sostenibbli u l-integrazzjoni tal-industriji fl-ambjent ta' enerġija termali tal-madwar;
34. Jenfasizza l-potenzjal enormi li jitlaqqgħu flimkien il-flussi tal-enerġija u tar-riżorsi biex jiġi ffrankat l-użu tal-enerġija primarja, speċjalment fl-ambjenti industrijali, fejn, skont is-sistema ta' kaskata, is-sħana jew il-kesħa żejda minn proċess wieħed jistgħu jintużaw mill-ġdid fi proċess ieħor li jkun jirrikjedi temperaturi anqas estremi, u, fejn possibbli, għat-tisħin u t-tkessiħ tal-binjiet permezz ta' sistemi ta' tisħin distrettwali;
35. Jinnota li l-impjanti tat-tisħin antikwati b'effiċjenza baxxa fl-enerġija għandhom b'mod urġenti jiġu sostitwiti bl-aqwa alternattivi disponibbli li huma kompatibbli bis-sħiħ mal-objettivi tal-klima u l-enerġija tal-UE, bħal impjanti ta' koġenerazzjoni li jirrispettaw aktar l-ambjent billi jużaw fjuwils sostenibbli skont il-kriterji ta' sostenibilità għall-bijomassa;
36. Jinnota li t-tisħin u t-tkessiħ huma settur lokali ħafna, billi d-disponibbiltà u l-infrastruttura, kif ukoll id-domanda għas-sħana, jiddependu essenzjalment fuq iċ-ċirkustanzi lokali;
37. Jaqbel mal-Kummissjoni li, kif mistqarr fl-istrateġija dwar it-tisħin u t-tkessiħ, il-potenzjal ekonomiku tal-koġenerazzjoni mhuwiex sfruttat, u jistieden lill-Kummissjoni u l-Istati Membri jkomplu jippromwovu koġenerazzjoni u t-tisħin distrettwali b'effiċjenza għolja, f'konformità mal-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar l-Istat tal-Unjoni tal-Enerġija (2015(0572));
38. Huwa tal-fehma li jinħtieġ approċċ fil-livell tas-sistemi fir-rigward tat-tkessiħ, inkluż għall-ambjent mibni u attivitajiet oħrajn, bħar-refriġerazzjoni għat-trasport;
39. Jesprimi l-fehma li, fiż-żona ta' klima moderata tal-Ewropa, is-sistemi li jalternaw billi jsaħħnu u jkessħu bl-użu ta' pompi tas-sħana effiċjenti jista' jkun importanti ħafna f'ċerti kundizzjonijiet, minħabba l-flessibilità tagħhom; jenfasizza li sistemi ta' tisħin ibridi, li jipprovdu s-sħana minn żewġ sorsi tal-enerġija jew aktar, jistgħu jiffaċilitaw rwol dejjem akbar tat-tisħin bl-użu ta' enerġija rinnovabbli, b'mod partikolari għal binjiet eżistenti fejn jistgħu jiġu introdotti bi ħtiġijiet limitati għal tiġdid; jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jipprovdu, fir-rigward tal-pompi tas-sħana, metodi ta' kalkolu allinjati b'mod adegwat, u jippromwovu l-kondiviżjoni tal-aħjar prattiki għall-mekkaniżmi ta' appoġġ, bil-għan li jkun ta' sostenn għal soluzzjonijiet effiċjenti, sostenibbli u b'livelli baxxi ta' emissjonijiet ta' karbonju għal ħtiġijiet termali diversi;
40. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni tissorvelja mill-qrib il-konformità mal-leġiżlazzjoni tal-UE dwar gassjiet fluworurati b'effett ta' serra bil-għan li jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' dawn il-gassijiet fl-atmosfera; jitlob lill-Kummissjoni tiżgura li l-użu ta' refriġeranti alternattivi jkun sikur, kosteffiċjenti u b'konformità mal-objettivi l-oħra tal-UE li jirrigwardaw l-ambjent, it-tibdil fil-klima u l-effiċjenza fl-enerġija;
41. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jesploraw il-possibbiltà li jużaw is-sħana minn ilmijiet ġeotermali, minn enerġija rkuprata direttament minn proċessi industrijali u minn sorsi oħra tas-sħana b'temperatura aktar baxxa, bħas-sħana li tinsab fil-minjieri f'fond il-baħar għat-tisħin (u t-tkessiħ), li tista', bis-saħħa ta' pompi kbar ħafna tas-sħana, issaħħan bliet sħaħ permezz tan-netwerks eżistenti u ġodda tat-tisħin distrettwali, u mhux biss binjiet individwali, jekk infrastruttura xierqa tat-tisħin distrettwali tkun disponibbli jew tiġi żviluppata;
42. Jenfasizza r-rwol tat-teknoloġiji li kapaċi jnaqqsu kemm id-domanda għall-enerġija termali kif ukoll l-emissjonijiet tal-gassijiet b'effett ta' serra, bħall-użu ta' enerġija ġeotermali b'entalpija baxxa, sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali bbażati fuq sorsi tal-enerġija rinnovabbli, impjanti fuq skala żgħira ta' triġenerazzjoni jew koġenerazzjoni tal-elettriku li jaħarqu gass naturali u/jew bijometan, jew kombinazzjonijiet tagħhom;
43. Jesprimi l-fehma li l-faċilitajiet tal-ħżin tas-sħana li jużaw reżistenza elettrika matul is-sigħat tad-domanda kwieti (jiġifieri billi jaħżnu l-enerġija fil-forma ta' sħana), biex b'hekk itejbu l-kwalità tal-provvista tal-elettriku billi jiffaċilitaw l-integrazzjoni ta' sorsi rinnovabbli varjabbli, jistgħu jaqdu rwol importanti ħafna fit-tisħin u jgħinu jibbilanċjaw il-grilja u jnaqqsu l-produzzjoni, l-importazzjonijiet u l-prezzijiet tal-enerġija;
44. Huwa tal-fehma li s-sħana u l-kesħa residwa miksuba permezz tal-proċessi industrijali u tal-koġenerazzjoni fil-produzzjoni tal-enerġija elettrika f'impjanti tal-enerġija konvenzjonali, minn bini residenzjali iżolati sewwa li jużaw metodi ta' rkupru, u mill-mikroġenerazzjoni, għandu jkollhom rwol ħafna akbar fit-tisħin u t-tkessiħ milli kellhom fl-imgħoddi; jenfasizza li l-isfruttament tas-sħana u l-kesħa residwa industrijali għandu jiġi rikonoxxut u mħeġġeġ permezz tar-riċerka, billi din tirrappreżenta opportunità kbira għall-investiment u l-innovazzjoni; jenfasizza li l-industriji u l-bini residenzjali u tas-servizzi fil-qrib għandhom jitħeġġew jikkooperaw u jikkondividu l-produzzjoni u l-ħtiġijiet tal-enerġija tagħhom;
45. Jenfasizza li l-finanzjament pubbliku jew is-sjieda pubblika ta' infrastruttura tat-tisħin distrettwali m'għandhomx jikkontribwixxu għal lock-in għali tal-infrastruttura b'livell għoli ta' karbonju; jistieden lill-awtoritajiet nazzjonali, reġjonali u lokali jwettqu skrutinju tal-appoġġ finanzjarju pubbliku għall-infrastruttura ta' tisħin distrettwali fid-dawl tal-objettiv tal-UE ta' tnaqqis ta' 80-95 % tal-emissjonijiet ta' gassijiet b'effettt ta' serra sal-2050 meta mqabbla mal-livelli tal-1990 u transizzjoni ordnata tal-ekonomija tal-enerġija.
46. Huwa tal-fehma li l-integrazzjoni tal-produzzjoni, tal-konsum u tal-użu mill-ġdid tal-kesħa residwa toħloq benefiċċji ambjentali u ekonomiċi u tnaqqas id-domanda tal-enerġija primarja għall-kesħa.
47. Jenfasizza li l-"iskart għall-enerġija" se jibqa' jkollu rwol sinifikanti fit-tisħin peress li l-alternattiva spiss hija r-rimi f'miżbla u l-użu tal-fjuwils fossili, filwaqt li jfakkar li hemm ħtieġa għal iżjed riċiklaġġ;
48. Jistieden lill-Istati Membri jużaw il-mezzi legali u ekonomiċi biex jaċċelleraw it-tneħħija gradwali tal-fran skaduti li jaħdmu bil-fjuwils solidi li joperaw b'effiċjenza fl-enerġija ta' anqas minn 80 % u jissostitwuhom, fejn possibbli, b'sistemi effiċjenti u sostenibbli tat-tisħin fil-livell lokali (bħalma huma s-sistemi ta' tisħin distrettwali) jew fil-livell mikro (bħalma huma l-enerġija ġeotermali u s-sistemi solari);
49. Jirrimarka li l-introduzzjoni ta' sistemi ta' tisħin intelliġenti tista' tgħin lill-konsumaturi jifhmu aħjar il-konsum tal-enerġija tagħhom u jgħinu fit-tiġdid tas-sistemi ta' tisħin ineffiċjenti, u jippromwovu l-iffrankar tal-enerġija;
50. Ifakkar lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri li 75 % tal-istokk tal-binjiet Ewropew eżistenti huwa binjiet ineffiċjenti fl-enerġija, u li l-estimi juru li 90 % ta' dawn il-binjiet se jkunu għadhom jintużaw sal-2050; jenfasizza għalhekk il-ħtieġa urġenti li dawn il-binjiet ikunu fil-mira ta' rinnovazzjoni profonda;
51. Jistieden lill-Kummissjoni tfassal pjan, bħala parti mill-programm "skart għall-enerġija", biex tippromwovi u tisfrutta l-kontribut potenzjali tal-użu sostenibbli tal-iskart organiku għat-tisħin u t-tkessiħ konness ma' sistemi ta' tisħin u tkessiħ distrettwali;
52. Jenfasizza li l-bijogass jirrappreżenta sors sostenibbli għal sistemi ta' tisħin u tkessiħ, u li, għal din ir-raġuni jeħtieġ li tiġi stabbilita mira ċara fir-rigward tar-riċiklaġġ organiku sabiex jiġu inċentivati investimenti fil-ġbir u t-trattament tal-bijoskart;
53. Jistieden lill-Istati Membri jneħħu gradwalment l-użu ta' fran skaduti għal skopijiet ta' tisħin li jiġġeneraw emissjonijiet li jibqgħu fil-baxx u jitfgħu fl-atmosfera gassijiet pirolitiċi naturali minn kombustjoni mhix kompluta, NOx, ġmied, materja partikolata u rmied li jtir imxerrdin permezz tal-konvezzjoni – fit-tisħin tal-agglomerazzjonijiet, u jippromwovu, bis-saħħa ta' inċentivi, l-użu ta' alternattivi sostenibbli – inklużi dawk rinnovabbli;
54. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri biex ineħħu gradwalment il-fran u l-bojlers li mhumiex effiċjenti fl-użu tal-enerġija u li jużaw żejt għat-tisħin u faħam li attwalment jintużaw f'aktar minn nofs l-istokk tal-binjiet fil-kampanja; huwa tal-fehma li l-provvista tal-enerġija għandha tiġi minn sorsi rinnovabbli u b'livelli aktar baxxi ta' karbonju;
55. Jenfasizza li t-tisħin distrettwali bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli jipprevjeni l-firxa ta' sistemi ta' tisħin individwali li jniġġsu aktar, li jżidu t-tniġġis tal-arja f'żoni residwi u li huma ferm aktar diffiċli li jiġu kkontrollati minn sistemi mifruxa ta' tisħin distrettwali; jenfasizza, madanakollu, li l-infrastruttura u l-kundizzjonijiet klimatiċi jvarjaw fl-Unjoni u li dawn is-sistemi sikwit jeħtieġ li jiġu modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom; jitlob għalhekk li ssir analiżi tal-ħtieġa li tiġi appoġġjata l-infrastruttura tat-tisħin distrettwali u ta' prattiki ta' tassazzjoni fir-rigward tas-sorsi tal-enerġija rinnovabbli u tat-tisħin distrettwali;
56. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom, bħala kwistjoni ta' urġenza, jieħdu passi lejn it-tneħħija gradwali tal-fran b'temperatura baxxa użati għall-kombustjoni ta' fjuwils solidi u skart organiku, li, waqt il-proċess ta' kombustjoni, jitfgħu fl-atmosfera varjetà ta' sustanzi dannużi; huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom, meta jkun possibbli, jinkoraġġixxu t-tneħħija gradwali ta' fireplaces qodma u ineffiċjenti li jaħarqu l-injam fi bliet b'densità ta' bini għolja, u jiffaċilitaw is-sostituzzjoni tagħhom b'alternattivi moderni, effiċjenti u li ma jagħmlux ħsara lill-ambjent u lis-saħħa, flimkien ma' inizjattivi biex titqajjem kuxjenza dwar ir-riskji potenzjali għas-saħħa u l-aħjar prattiki rigward in-nar bl-injam;
57. Jistieden lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri jagħlqu l-lakuna regolatorja li tirriżulta mid-Direttiva dwar l-Ekodisinn u d-Direttiva dwar l-Impjanti tal-Kombustjoni Medji li twassal għal rilokazzjoni tal-emissjonijiet ta' installazzjonijiet ta' anqas minn 1 MW li jaqgħu barra mill-ambitu tad-Direttivi;
58. Huwa tal-fehma li l-ħtieġa li qed tikber għat-tkessiħ teħtieġ kunsiderazzjoni ulterjuri ta' din il-kwistjoni, inkluż approċċ integrat għall-katina sħiħa tat-tkessiħ – mid-domanda għal tkessiħ industrijali minn temperaturi għoljin għal tkessiħ fl-unitajiet domestiċi u l-ħtiġijiet tat-tkessiħ fl-industrija tal-ikel;
59. Jinnota li d-disponibbiltà ta' data ta' kwalità hija prekundizzjoni biex il-konsumaturi u l-awtoritajiet ikunu jistgħu jagħmlu għażliet razzjonali dwar l-effiċjenza fl-enerġija u s-soluzzjonijiet ta' tisħin; jenfasizza l-importanza li l-possibbiltajiet li toffri d-diġitalizzazzjoni jiġu estiżi għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ; jistieden lill-Kummissjoni tiżviluppa definizzjoni u metodoloġija ta' kalkolu, għat-tkessiħ rinnovabbli;
60. Iqis li l-iskambjaturi tas-sħana li jkun effiċjenti fl-użu tal-ilma jista' jkollhom rwol fundamentali fit-tkessiħ fil-proċessi industrijali, billi jittrasferixxu s-sħana għal korpi ta' ilma naturali lokalizzati viċin is-siti fejn jinħażnu l-prodotti, li t-temperatura tagħhom ma taqbiżx is-6 ºC matul is-sena kollha (tkessiħ bla ħlas);
61. Huwa tal-fehma li ċ-ċelloli fissi tal-fjuwil ta' potenza għolja jistgħu, fil-futur qrib, ikunu alternattiva li tirrispetta l-ambjent għall-faħam bħala fjuwil solidu;
62. Iqis li l-gass miksub mill-elettriku għandu potenzjal qawwi għall-futur bħala mod ta' ħżin u trażmissjoni ta' enerġija rinnovabbli u biex din l-enerġija tintuża għal skopijiet ta' ġenerazzjoni tas-sħana ċentrali u lokali; josserva li l-użu tal-gass miksub mill-elettriku huwa mod effiċjenti ta' kif tintuża l-enerġija rinnovabbli għall-ġenerazzjoni tas-sħana, b'mod partikulari fil-konurbazzjonijiet, bis-saħħa tal-possibbiltà li tintuża l-infrastruttura eżistenti; jistieden, għalhekk, lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri, jippromwovu proġetti ta' riċerka u proġetti pilota dwar il-gass bl-elettriku;
63. Jemmen li l-istrateġija tal-Unjoni Ewropea dwar it-tisħin u t-tkessiħ innovattivi teħtieġ riċerka intensiva li tipprovdi bażi għall-ħolqien ta' industriji li jagħmlu tagħmir li jirrispetta l-ambjent li jservi dan l-iskop;
64. Jenfasizza l-benefiċċji tar-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġika għall-industrija Ewropea, li jsaħħu l-vantaġġ kompetittiv u l-vijabbiltà kummerċjali tagħha, kif ukoll jikkontribwixxu lejn l-għanijiet tal-enerġija u tal-klima tal-UE; jenfasizza, f'dan il-kuntest, il-ħtieġa ta' aktar riċerka, żvilupp u innovazzjoni fil-qasam tal-effiċjenza fl-enerġija u fit-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ b'enerġija rinnovabbli (RHC), bl-għan li jitnaqqsu l-ispejjeż, titjieb il-prestazzjoni u jiżdied l-użu u l-integrazzjoni fis-sistema tal-enerġija; jistieden lill-Kummissjoni taħdem flimkien mal-partijiet interessati tas-settur biex il-pjanijiet direzzjonali għat-teknoloġiji RHC jinżammu aġġornati u sabiex ikun hemm koordinazzjoni, traċċar u identifikazzjoni tan-nuqqasijiet fl-iżvilupp tat-Teknoloġiji RHC;
65. Huwa tal-fehma li, fid-dawl tal-ħtieġa urġenti li jinkisbu riżultati rapidi u effettivi fil-proċess ta' termomodernizzazzjoni tas-settur termali tal-UE, l-UE għandha tiffoka fuq ir-riċerka biex iżżid l-użu tal-aħjar teknoloġiji disponibbli fil-mument;
66. Huwa tal-fehma li r-riċerka taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 għandha tkopri l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet sostenibbli tat-tisħin u t-tkessiħ, teknoloġiji ta' valorizzazzjoni tas-sħana u l-kesħa żejda, materjali ġodda b'konduttività termali massima (skambjaturi tas-sħana), konduttività minima – jiġifieri reżistenza termali massima (iżolazzjoni termali), u rati massimi ta' akkumulazzjoni tas-sħana (ħażniet ta' sħana);
67. Huwa tal-fehma li għandu jsir progress taħt il-Programm Qafas Orizzont 2020 dwar is-sistemi u l-materjali għat-tisħin u t-tkessiħ sostenibbli u effiċjenti, bħas-soluzzjonijiet ta' ġenerazzjoni rinnovabbli u ħażna fuq skala żgħira, is-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, il-koġenerazzjoni u l-materjali iżolanti, kif ukoll materjali innovattivi bħall-ħġieġ tat-twieqi strutturali li jħalli li jidħlu minn barra livelli għoljin ta' radjazzjoni short-wave (dawl tax-xemx) u jħalli li toħroġ biss minimu ta' radjazzjoni long-wave termali, li inkella taħrab 'il barra;
68. Jenfasizza l-importanza ta' riċerka xjentifika estensiva dwar l-iżvilupp ta' soluzzjonijiet teknoloġiċi innovattivi ddisinjati biex joħolqu tagħmir u sistemi sħaħ ta' tisħin u ta' tkessiħ li jkunu effiċjenti fl-enerġija u bbażati fuq l-enerġija rinnovabbli;
69. Jitlob li jsir rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti li jiffoka fuq is-salvagwardja tan-newtralità tat-teknoloġija u l-kosteffiċjenza sabiex jiġi żgurat li ma tippromwovix jew ma tiskreditax teknoloġija askapitu ta' oħra – l-enerġija rinnovabbli prodotta fuq il-post, bħal permezz tal-pannelli solari residenzjali, jew qrib bini pereżempju, għandha titqies meta tiġi kkalkolata l-prestazzjoni enerġetika tal-bini, irrispettivament mis-sors;
70. Jenfasizza l-importanza li ssir għaqda bejn it-teknoloġiji l-aktar avvanzati u l-ġestjoni tal-enerġija intelliġenti, pereżempju permezz tal-awtomatizzazzjoni domestika u sistemi ta' kontroll intelliġenti tat-tisħin, speċjalment f'dinja konnessa fejn l-apparat jista' faċilment jadatta għall-kundizzjonijiet tat-temp u s-sinjali tal-prezzijiet tal-elettriku u jikkontribwixxu għall-istabbiltà tal-grilja billi jassorbu parti mid-domanda; jistieden lill-Kummissjoni tintegra b'mod aħjar it-teknoloġiji intelliġenti fl-inizjattivi rilevanti tal-Unjoni tal-Enerġija sabiex tiżgura l-interkonnettività tat-tagħmir intelliġenti, id-djar konnessi u l-bini intelliġenti ma' grilji intelliġenti; huwa tal-fehma li dawn is-soluzzjonijiet għandhom jiġu promossi meta jkun qed jiġi rinnovat l-istokk tal-binjiet eżistenti peress li jgħinu lill-konsumaturi jifhmu aħjar it-tendenzi ta' konsum tagħhom, u b'konsegwenza jaġġustaw l-operat tas-sistema ta' tisħin tagħhom;
71. Jenfasizza li s-settur tal-bini għandu potenzjal kbir fit-tnaqqis tad-domanda għall-enerġija u fl-emissjonijiet tas-CO2; jenfasizza li jinħtieġu sforzi ulterjuri biex tiżdied ir-rata ta' rinnovazzjoni tal-bini; jinnota li inċentivi finanzjarji attraenti, id-disponibbiltà ta' esperti b'livell għoli ta' kompetenza f'bosta livelli, u l-iskambju u l-promozzjoni tal-aħjar prattiki huma meħtieġa biex dan jinkiseb;
72. Jistieden lill-Kummissjoni tidentifika u tneħħi l-ostakli li fadal għall-miżuri ta' effiċjenza fl-enerġija, b'mod partikolari r-rinnovazzjonijiet mill-unitajiet domestiċi, u tiżviluppa suq ġenwin fl-effiċjenza fl-użu tal-enerġija sabiex trawwem it-trasferiment tal-aħjar prattiki u tiżgura d-disponibbiltà tal-prodotti u s-soluzzjonijiet madwar l-UE bl-għan li jinbena suq uniku reali fil-prodotti u s-servizzi tal-effiċjenza fl-enerġija; jenfasizza l-ħolqien tal-impjiegi u l-potenzjal ta' tkabbir ekonomiku mhux biss tal-introduzzjoni inizjali ta' tali prodotti u servizzi iżda wkoll tal-manutenzjoni kontinwa u t-tħaddim ta' kuljum ta' sistema tal-enerġija integrata li tinkludi t-tisħin u t-tkessiħ;
73. Jemmen li l-industrija teħtieġ sinjali ċari minn dawk li jfasslu l-politika sabiex tagħmel l-investimenti meħtieġa fil-kisba tal-objettivi tal-enerġija tal-UE; jenfasizza l-ħtieġa ta' miri vinkolanti ambizzjużi u qafas regolatorju li jippromwovi l-innovazzjoni mingħajr ma jinħolqu piżijiet amministrattivi mhux meħtieġa, sabiex jiġu promossi bl-aħjar mod soluzzjonijiet tat-tisħin u t-tkessiħ li jkunu kosteffiċjenti u ambjentalment sostenibbli;
74. Jemmen li l-investiment fl-effiċjenza fl-Enerġija fil-bini għandu jimxi id f'id mal-investiment fit-teknoloġiji tat-tisħin u t-tkessiħ b'enerġija rinnovabbli (RHC); iqis is-sinerġiji li jeżistu bejn l-effiċjenza fl-enerġija fil-bini u t-teknoloġiji RHC jippreżentaw opportunità sinifikanti fil-mixja lejn ekonomija b'livell baxx ta' karbonju; jilqa' l-isforzi fil-livell nazzjonali biex jiżdied l-għadd ta' nZEBs;
75. Jirrakkomanda li jitfasslu sistemi individwali ta' tiġdid termali għal siti b'wirt arkitettoniku, b'enfasi doppja fuq l-investimenti fil-qafas tal-bini flimkien mal-ottimizzazzjoni tal-kontroll tal-bini u s-sistemi ta' awtomazzjoni u l-provvista ta' tisħin u tkessiħ effiċjenti, filwaqt li tingħata attenzjoni sabiex l-istil arkitettoniku uniku tal-binjiet ikkonċernati ma jiġix ipperikolat;
76. Jinnota li d-disinn arkitettoniku ta' bini intelliġenti għandu jieħu approċċ olistiku biex jiżgura kumdità termali (tkessiħ) permezz tal-forma u l-massa tal-binjiet, l-adattament tal-ispazji u l-aġġustament ta' parametri bħall-ammont ta' dawl tax-xemx u l-intensità tal-ventilazzjoni u l-irkupru, filwaqt li fl-istess ħin ikun hemm spejjeż operattivi baxxi;
77. Jenfasizza l-importanza ta' awditjar standardizzat tal-enerġija termali, u tal-kosteffikaċja tar-rimedjar tal-problemi bl-iżolazzjoni industrijali biex tiġi ffrankata l-enerġija u jitnaqqsu l-emissjonijiet. jirrimarka li l-ispejjeż tal-enerġija industrijali jistgħu jkomplu jitnaqqsu permezz ta' investimenti f'teknoloġiji sostenibbli eżistenti u ppruvati.
78. Jenfasizza li l-Fondi Strutturali u ta' Investiment Ewropej huma għodda importanti għall-immodernizzar tas-sistema tal-enerġija; huwa tal-fehma li r-restrizzjonijiet li kien hemm fis-seħħ s'issa fuq il-finanzjament tal-FEŻR għall-prijorità tat-tranżizzjoni lejn livell baxx tal-karbonju ma kinux effettivi; iqis li, għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020, il-perċentwal tal-baġit allokat għal din il-prijorità għandu jiżdied;
79. Jenfasizza l-importanza li jiġi żgurat l-aċċess għall-finanzi, kemm għal żmien qasir kif ukoll fit-tul, għal investimenti fi proġetti ta' kull daqs relatati mal-immodernizzar tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, inkluż għat-tisħin u t-tkessiħ distrettwali, l-aġġornar tal-infrastruttura rilevanti tal-grilja, il-modernizzazzjoni tas-sistemi ta' tisħin, inkluża l-qalba għal sorsi rinnovabbli, u żieda fir-rata tar-rinnovazzjoni tal-bini; jistieden, f'dan ir-rigward, lill-Kummissjoni tiżviluppa mekkaniżmu finanzjarju fit-tul robust u innovattiv; jenfasizza r-rwol li l-Fond Ewropew għall-Investimenti Strateġiċi (EFSI) u fondi Ewropej oħra applikabbli, bħal dawk disponibbli mill-Bank Ewropew tal-Investiment (BEI) jew permezz tas-sistema tal-UE għall-iskambju ta' kwoti tal-emissjonijiet (ETS), jista' jkollu f'termini ta' għajnuna finanzjarja u teknika, jiżgura li l-proġetti jkunu attraenti għall-investituri billi joffru kundizzjonijiet regolatorji stabbli, partikolarment billi tiġi minimizzata l-burokrazija u jiġi mħaddan proċess espedjenti ta' applikazzjoni u approvazzjoni; jistieden lill-Kummissjoni ssaħħaħ id-dispożizzjonijiet attwali dwar it-tisħin u t-tkessiħ għall-perjodu ta' programmazzjoni ta' wara l-2020 għal fondi Ewropej kollha applikabbli, u telimina l-ostakli li jxekklu lill-awtoritajiet lokali milli jallokaw riżorsi utli lir-rinnovazzjoni tal-binjiet pubbliċi; jappoġġja l-inizjattiva "finanzjament intelliġenti għall-binjiet intelliġenti", li tippromwovi użu akbar tal-effiċjenza fl-enerġija flimkien ma' sorsi ta' enerġija rinnovabbli fis-settur tal-bini; jemmen li l-modernizzazzjoni u l-iżolazzjoni termali tal-binjiet għandhom jieħdu prijorità fuq miżuri oħra f'termini ta' aċċess għall-finanzjament minħabba l-potenzjal enormi tagħhom għall-ħolqien tal-impjiegi;
80. Itenni l-ħtieġa li l-Fondi Strutturali jintużaw għal firxa usa' ta' titjib tal-bini u tas-sistema tal-bini, speċjalment fil-forma ta' self preferenzjali lil sidien tal-binjiet privati li jiffaċilita rieda ħafna aktar b'saħħitha għal tiġdid ferm meħtieġ fuq binjiet eżistenti, speċjalment fil-partijiet anqas żviluppati tal-UE;
81. Jenfasizza li biex jiġi stimulat titjib fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, il-Kummissjoni għandha tuża bis-sħiħ "il-kondizzjonalitajiet ex ante" previsti bl-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1303/2013, u tiżgura li l-leġiżlazzjoni eżistenti tal-UE b'miżuri rilevanti dwar it-tisħin u t-tkessiħ tiġi trasposta u implimentata b'mod adegwat;
82. Iqis li l-Linji Gwida dwar l-Għajnuna mill-Istat għal teknoloġiji effiċjenti – li huma indispensabbli għat-triq tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ lejn id-dekarbonizzazzjoni, speċjalment billi huma soluzzjonijiet ibbażati fuq il-komunità – għandhom iqisu l-ħtieġa ta' appoġġ pubbliku xieraq;
83. Huwa tal-fehma li inizjattivi bħalma huma l-faċilità ELENA (Assistenza Ewropea għall-Enerġija Lokali), il-Bliet u l-Komunitajiet Intelliġenti, u l-Patt il-ġdid integrat tas-Sindki dwar il-Klima u l-Enerġija jistgħu jappoġġjaw lill-operaturi lokali u reġjonali fir-rinnovazzjoni tas-sistemi tal-enerġija fil-binjiet;
84. Jistieden lill-Kummissjoni tiżgura li l-baġit tal-UE jintuża b'konformità mal-għanijiet ta' dekarbonizzazzjoni u ta' effiċjenza fl-enerġija;
85. Jistieden lill-Istati Membri jieħdu miżuri maħsuba sabiex jinċentivizzaw titjib fl-effiċjenza fl-enerġija u l-użu usa' ta' sorsi tal-enerġija rinnovabbli (RES) f'unitajiet domestiċi b'introjtu baxx u vulnerabbli; jistieden lill-Kummissjoni talloka sehem akbar tal-fondi tal-UE għall-effiċjenza fl-enerġija u għal programmi RES f'unitajiet domestiċi vulnerabbli u foqra fl-enerġija, u tipprovdi gwida lill-Istati Membri dwar miżuri speċifiċi dwar il-faqar enerġetiku;
86. Iqis li ċ-ċittadini għandhom jingħataw informazzjoni aħjar dwar il-konsum tal-enerġija tad-djar rispettivi tagħhom, u dwar l-iffrankar tal-enerġija possibbli u l-benefiċċji tal-aġġornamenti bbażata fuq sorsi ta' enerġija rinnovabbli tas-sistemi tat-tisħin tagħhom, inkluża l-possibbiltà li jipproduċu u jikkunsmaw l-enerġija rinnovabbli tagħhom stess għat-tisħin u t-tkessiħ;
87. Huwa tal-fehma li l-Istati Membri għandhom jiżguraw – permezz ta', fost l-oħrajn, kampanji ta' informazzjoni, one-stop shops, skemi ta' xiri kollettiv (għajnuna sabiex il-konsumaturi jingħaqdu flimkien biex jixtru bi prezzijiet imraħħsa) u l-aggregazzjoni ta' proġetti individwali (li bosta proġetti żgħar jinġiebu flimkien fi cluster akbar biex ikunu jistgħu jsibu investimenti b'rati aħjar) – li l-konsumaturi jkunu konxji bis-sħiħ tal-benefiċċji ekonomiċi u teknoloġiċi tas-sistemi aktar sostenibbli tat-tisħin u tat-tkessiħ, u ta' titjib fl-effiċjenza fl-enerġija, u għandhom aċċess għalihom, sabiex ikunu jistgħu jagħmlu l-aħjar għażliet possibbli skont iċ-ċirkustanzi individwali tagħhom, u li jibbenefikaw mit-titjib ekonomiku, ta' saħħa u tal-kwalità tal-ħajja disponibbli; jinnota li l-unitajiet domestiċi f'postijiet remoti u iżolati jistgħu jirrikjedu attenzjoni partikolari u soluzzjonijiet uniċi; jenfasizza l-potenzjal tal-"prosumaturi" sabiex jiġu stabbiliti sistemi li jipprovdu tisħin u tkessiħ b'enerġija rinnovabbli; jenfasizza l-importanza tal-edukazzjoni kontinwa, tat-taħriġ, iċ-ċertifikazzjoni u s-superviżjoni ta' installaturi u l-periti, billi dawn huma l-ewwel punt ta' kuntatt għall-konsumaturi fid-djar;
. Iqis li t-taħriġ kontinwu tal-esperti li jivvalutaw il-kundizzjoni termali tal-bini u l-effiċjenza tal-mod kif jissaħnu (jitkessħu) huwa essenzjali; jemmen li qed jinħass il-bżonn ta' gruppi ta' servizz li jkunu jinsabu f'postijiet ottimali u jkunu aċċessibbli għall-utenti aħħarin;
89. Jenfasizza l-importanza li l-konsumaturi jingħataw il-libertà li jagħżlu minn għadd ta' teknoloġiji tat-tisħin b'effiċjenza għolja u li jużaw enerġija minn sorsi rinnovabbli li jissodisfaw bl-aħjar mod il-ħtiġijiet ta' tisħin personali tagħhom;
90. Jenfasizza li għalhekk jeħtieġ li l-konsumaturi, permezz ta' informazzjoni u inċentivi, ikunu jistgħu jħaffu l-modernizzazzjoni tas-sistemi qodma u ineffiċjenti tat-tisħin tagħhom sabiex jiksbu żidiet kbar fl-effiċjenza tal-enerġija, li diġà jistgħu jinkisbu permezz tal-użu tat-teknoloġiji eżistenti, inklużi sistemi tat-tisħin rinnovabbli; jiġbed l-attenzjoni għan-nuqqas ta' għarfien fost il-konsumaturi dwar il-prestazzjoni sikwit baxxa tas-sistemi tat-tisħin tagħhom; jistieden lill-Kummissjoni tressaq proposti li jgħinu biex tiżdied il-kuxjenza dwar sistemi eżistenti ta' tisħin u ta' tkessiħ, u li jżidu r-rata ta' modernizzazzjoni tagħhom, fil-kuntest tar-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija; u tikkunsidra li tintroduċi sistema ta' tikkettar tal-enerġija għal sistemi tat-tisħin installati;
91. Jenfasizza r-rwol attiv li l-konsumaturi jista' jkollhom fit-triq lejn sistema Ewropea sostenibbli ta' tisħin u tkessiħ; huwa tal-fehma li riżultat effiċjenti tar-regolament il-ġdid dwar it-"tikkettar enerġetiku", fejn l-iskali tat-tikketti l-ġodda jħarsu 'l quddiem u jenfasizzaw id-differenzi f'termini ta' effiċjenza fl-enerġija tal-prodotti differenti li għandhom jiġu enfasizzati, jista' jagħmilha aktar faċli għall-konsumaturi biex jindirizzaw l-għażliet tagħhom f'termini ta' ffrankar tal-enerġija, u biex inaqqsu l-kontijiet tagħhom;
92. Iħeġġeġ lill-Kummissjoni u lill-Istati Membri ifasslu strateġiji speċifiċi sabiex jindirizzaw il-problema dejjem tikber tal-faqar enerġetiku sabiex jgħinu lill-konsumaturi kollha, speċjalment dawk l-aktar vulnerabbli, itejbu l-kundizzjonijiet tagħhom fir-rigward tal-abitazzjoni u s-sistemi tat-tisħin u t-tkessiħ, fuq bażi individwali jew kollettiva, irrispettivament jekk dawn ikunux is-sidien tad-dar jew l-inkwilini;
93. Jenfasizza l-ħtieġa li jinkiseb livell għoli ta' indipendenza enerġetika permezz tal-użu prijoritarju tar-riżorsi lokali;
94. Jappella sabiex is-sħana residwa minn intrapriżi industrijali eżistenti tintuża għat-tisħin domestiku;
95. Huwa tal-fehma li s-soluzzjoni għall-ġlieda kontra l-faqar enerġetiku hija li jitnaqqsu l-ispejjeż tat-tisħin ġenerali għall-unitajiet domestiċi individwali billi jiġi żgurat li jkun hemm żieda sinifikanti fl-effiċjenza tal-enerġija fit-tliet stadji ewlenin tal-użu tal-enerġija: waqt il-konverżjoni minn enerġija primarja għal enerġija utli, matul it-trasport ulterjuri ta' dik l-enerġija u, b'mod partikolari, waqt l-użu mill-utent aħħari; jistieden lill-Istati Membri jagħtu prijorità reali lill-miżuri dwar l-effiċjenza fl-enerġija u l-qalba lejn tisħin u tkessiħ minn sorsi tal-enerġija rinnovabbli;
96. Iqis li huwa importanti li jiġi żgurat li sehem tal-finanzjament tal-effiċjenza fl-enerġija jiġi ddedikat għat-titjib ta' unitajiet domestiċi b'faqar enerġetiku jew għal dawk li jgħixu fiż-żoni l-iktar żvantaġġati, billi, pereżempju, jiġu megħjuna jinvestu f'tagħmir tat-tisħin u t-tkessiħ iktar effiċjenti fl-enerġija;
97. Jemmen li skont id-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, l-Istati Membri għandhom jistabbilixxu pjanijiet ta' rinnovazzjoni tal-bini bil-ħsieb li jagħmlu l-binjiet effiċjenti fl-enerġija, mhux l-anqas billi joffru inċentivi għar-rinnovazzjoni tal-binijiet li jkunu proprjetà ta' individwi privati, u li tali pjanijiet għandhom jinkludu wkoll miżuri speċifiċi għall-gruppi l-aktar vulnerabbli biex jiġu mgħejuna jiġġieldu l-faqar enerġetiku;
98. Jistieden lill-Kummissjoni biex, meta tkun qed timplimenta d-Direttiva dwar l-Effiċjenza fl-Enerġija, tiżviluppa taħriġ għall-professjonisti fl-oqsma tal-ippjanar u l-awditjar tal-effiċjenza fl-enerġija, u tgħin lil individwi privati, u b'mod partikolari lill-gruppi l-aktar vulnerabbli, iwettqu attivitajiet ta' dan it-tip;
99. Jissottolinja li filwaqt li proporzjon kbir tal-binjiet Ewropej illum jaħlu l-enerġija minħabba l-kwalità ħażina tal-iżolament tagħhom u s-sistemi ta' tisħin qodma u ineffiċjenti tagħhom, il-faqar enerġetiku jaffettwa kważi 11 % tal-popolazzjoni tal-UE;
100. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali, fid-dawl tal-possibbiltà ta' kriżijiet futuri fil-provvista tal-gass, biex jintegraw bis-sħiħ il-produzzjoni tal-bijogass mill-ipproċessar tad-demel fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari.
101. Jagħti istruzzjonijiet lill-President tiegħu sabiex jgħaddi lill-Kummissjoni r-rakkomandazzjonijiet u l-proposti inklużi f'dan l-abbozz.
- [1] Testi adottati, P7_TA(2014)0094.
- [2] ĠU L 347, 20.12.2013, p. 104.
- [3] Testi adottati, P8_TA(2015)0266.
- [4] Testi adottati, P8_TA(2015)0444.
- [5] "L-Effiċjenza Enerġetika u l-kontribut tas-sigurtà tal-enerġija u l-Qafas 2030 għall-politika dwar il-klima u l-enerġija", Komunikazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea (2014) (COM/2014/0520 finali), li tinsab fuq http://eur-lex.europa.eu/legal-content/MT/TXT/?uri=celex%3A52014DC0520
NOTA SPJEGATTIVA
Il-kwistjoni tat-tisħin u t-tkessiħ hija aktar pertinenti f'xi Stati Membri milli f'oħrajn. Dan ifisser ukoll li hemm differenzi fl-ordni ta' prijorità li dawk il-pajjiżi għandhom fir-rigward tal-azzjoni li għandha tittieħed. Jeħtieġ li titpoġġa enfasi wkoll fuq il-fatt li l-akbar opportunitajiet għal gwadann fl-effiċjenza li jrid isir fil-pajjiżi l-ġodda li ssieħbu fl-UE wara l-2004 huma fit-tiġdid termali tal-bini. Dan hu l-aktar mod sempliċi biex jiġi żgurat li l-enerġija tintuża b'mod aktar effiċjenti u li jinkiseb tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tas-CO2.
Hemm bżonn ta' żieda sostanzjali fil-fondi għal xogħol ta' tiġdid termali f'binjiet residenzjali sħaħ, speċjalment dawk mibnija bl-użu ta' metodi ta' kostruzzjoni bis-sistema large-panel. Tal-anqas 25 % tal-Fond Ewropew għall-Effiċjenza fl-Enerġija u għall-Enerġija Rinnovabbli għandu jkun iddedikat għal dan l-għan. Dan l-objettiv għandu jingħata prijorità għolja, partikolarment għaliex ġeneralment is-sidien tal-binjiet ikkonċernati ma jistgħux ilaħħqu mal-ispejjeż involuti u l-appoġġ mill-Istat mhuwiex biżżejjed.
L-impjanti tal-enerġija termali skaduti fl-oqsma tad-djar jeħtieġ li jiġu sostitwiti, mill-aktar fis possibbli, b'impjanti ta' koġenerazzjoni/impjanti li jipproduċu kemm is-sħana u kemm l-elettriku li jkunu żgħar u b'effiċjenza għolja.
Fil-pajjiżi Mediterranji tal-Ewropa it-tkessiħ huwa kwistjoni ta' tħassib dejjem jikber, u huwa marbut mat-tisħin progressiv tal-klima. Soluzzjonijiet ta' arkitettura xierqa, iżolament u pompi tas-sħana riversibbli – li jippumpjaw is-sħana minn kamra f'temp sħun u jippumpjawha 'l ġewwa meta jkun meħtieġ it-tisħin – jista' jkollhom rwol sinifikanti biex tissolva din il-problema.
Ir-radjazzjoni tax-xemx hija sors importanti tas-sħana li għadu ma ġiex utilizzat biżżejjed. Din tista' tiġi sfruttata bl-użu ta' pannelli li jsaħħnu l-ilma jew jiġġeneraw l-elettriku.
Il-Pompi tas-sħana riversibbli huma partikolarment effiċjenti fl-enerġija u għandhom potenzjal kbir f'termini ta' tisħin u tkessiħ. B'dan il-ħsieb, jeħtieġ li jkun hemm riċerka intensiva dwar tali pompi sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi ġodda.
OPINJONI tal-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel (22.6.2016)
għall-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija
dwar strateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ
(2016/2058(INI))
Rapporteur għal opinjoni: Christofer Fjellner
SUĠĠERIMENTI
Il-Kumitat għall-Ambjent, is-Saħħa Pubblika u s-Sikurezza tal-Ikel jistieden lill-Kumitat għall-Industrija, ir-Riċerka u l-Enerġija, bħala l-kumitat responsabbli, biex jinkorpora s-suġġerimenti li ġejjin fil-mozzjoni għal riżoluzzjoni tiegħu:
1. Jilqa' l-komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar strateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ (COM(2016)0051) bħala parti integrali mill-istrateġija tal-Unjoni tal-Enerġija; jinnota l-importanza kbira tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ biex sal-2020, l-2030 u l-2050 jintlaħqu l-objettivi tal-UE rigward l-enerġija u l-klima u biex jintlaħqu l-objettivi tat-titjib tas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija;
2. Jenfasizza l-fatt li l-għodod u l-kapaċitajiet politiċi tal-UE għadhom mhumiex żviluppati biżżejjed biex jixprunaw it-trasformazzjoni tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ, biex jimmassimizzaw l-użu tal-potenzjali u biex jimplimentaw soluzzjonijiet għat-tnaqqis tad-domanda u għad-dekarbonizzazzjoni fid-daqs u bil-pass meħtieġa;
3. Jinnota li huwa stmat li l-ammont ta' sħana prodotta mill-proċessi industrijali u li qed tispiċċa fl-atmosfera jew fl-ilma, minflok ma tintuża b'xi mod produttiv, huwa biżżejjed biex ikopri l-ħtiġijiet kollha ta' tisħin fl-Unjoni f'bini residenzjali u terzjarju;
4. Jinnota li l-miżuri għall-iżvilupp ta' strateġija komprensiva u integrata għat-tisħin u t-tkessiħ fl-Unjoni tal-Enerġija joffru opportunitajiet sinifikanti kemm għan-negozji kif ukoll għall-konsumaturi tal-UE jekk dawn jiġu implimentati korrettament, f'termini ta' tnaqqis fil-kostijiet globali tal-enerġija għall-industrija, ta' tisħiħ tal-kompetittività u ta' ffrankar għall-konsumaturi;
5. Ifakkar li t-tisħin u t-tkessiħ jikkostitwixxu l-akbar sehem tad-domanda għall-enerġija tal-UE; jenfasizza l-importanza tar-rispett tal-prinċipju ta' newtralità teknoloġika bejn is-sorsi rinnovabbli attwalment disponibbli u l-inċentivi bbażati fuq is-suq u fuq l-istat fit-tranżizzjoni lejn provvista tal-enerġija sikura u b'livell baxx ta' emissjonijiet tal-karbonju għas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;
6. Jenfasizza li l-bini u l-grids intelliġenti u effiċjenza enerġetika akbar fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ se jkunu importanti sabiex jinkiseb iffrankar ta' enerġija, u jissottolinja l-ħtieġa tal-promozzjoni tal-mobilizzazzjoni ta' fondi privati u pubbliċi fis-suq tal-effiċjenza enerġetika u jilqa' r-rieżami li jmiss tad-Direttiva dwar ir-Rendiment tal-Bini fl-Użu tal-Enerġija;
7. Ifakkar li żewġ terzi tal-bini tal-UE nbnew meta r-rekwiżiti tal-effiċjenza enerġetika kienu limitati jew ineżistenti u li kważi nofs il-bini għandu bojlers individwali installati qabel l-1992; jinnota li bini privat u pubbliku jammonta għal 40 % tal-użu finali tal-enerġija u 36 % tal-emissjonijiet ta' CO2 u li 85 % tal-konsum tal-enerġija tal-bini jintuża għat-tisħin tal-ispazju u tal-ilma; jenfasizza l-ħtieġa li l-effiċjenza enerġetika tiżdied permezz tar-rinnovament u r-restawr ta' bini u installazzjonijiet tat-tisħin u t-tkessiħ sabiex jinkiseb iffrankar tal-enerġija ta' mill-inqas 20 % sal-2020, filwaqt li jirrikonoxxi li l-effiċjenza enerġetika tal-istokkijiet tal-bini tal-Istati Membri tvarja ħafna;
8. Jikkunsidra li hemm potenzjal kbir mhux sfruttat biex tiżdied l-effiċjenza enerġetika fis-settur tat-tisħin residenzjali; jistieden lill-Istati Membri jadottaw miżuri li jżidu l-effiċjenza enerġetika tas-sistemi tat-tisħin, peress li dan huwa mod kosteffikaċi biex jitnaqqsu l-emissjonijiet ta' CO2 f'bini residenzjali;
9. Ifakkar li, minkejja li sar xi progress fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ fil-bidla għall-enerġija rinnovabbli, 75 % tal-provvista tal-enerġija primarja għadha tiġi mill-fjuwils fossili; jinnota li l-bini – u n-nies li jgħixu fih – huma l-ewwel konsumaturi tat-tisħin u t-tkessiħ; jenfasizza li l-ewwel prijorità hija li jitnaqqsu l-kontijiet tal-enerġija permezz tar-rinnovament; jinsisti li l-ħtieġa li jkun fadal għat-tisħin u t-tkessiħ għandha tiġi direttament jew indirettament minn sorsi ta' enerġija rinnovabbli;
10. Jissottolinja r-rwol fundamentali ta' pjan ta' ristrutturar għas-setturi tal-bini sabiex jissaħħu l-ekonomija ekoloġika u l-potenzjal tal-impjiegi lokali ekoloġiċi fil-qasam tal-iffrankar tal-enerġija, tal-effiċjenzja enerġetika u tal-enerġija rinnovabbli fis-settur tal-bini privat u pubbliku;
11. Jenfasizza li r-riċerka u l-innovazzjoni teknoloġiċi fis-settur tat-tisħin u t-tkessiħ isaħħu l-vantaġġ kompetittiv u l-vijabbiltà kummerċjali tan-negozji Ewropew, u jikkontribwixxu għall-għanijiet ewlenin tal-politika tal-enerġija tal-UE, inklużi l-iżgurar tas-sigurtà tal-provvista u l-iżvilupp sostenibbli tal-produzzjoni, it-trasport u l-konsum tal-enerġija;
12. Ifakkar li l-investiment fl-iffrankar tal-enerġija u fl-effiċjenza enerġetika joffri l-ikbar redditu finanzjarju u l-aktar wieħed mgħaġġel fis-settur tal-enerġija;
13. Jitlob approċċ kosteffikaċi ffukat fuq il-kisba ta' ffrankar tal-enerġija fil-livell tas-sistema;
14. Jenfasizza r-rwol attiv li l-konsumaturi jista' jkollhom fit-triq lejn sistema Ewropea sostenibbli ta' tisħin u tkessiħ; jissottolinja l-fatt li eżitu effikaċi tar-regolament il-ġdid dwar it-tikkettar enerġetiku, fejn il-kategoriji fuq it-tikketti l-ġodda jkunu lunġimiranti u jenfasizzaw id-differenzi f'termini ta' effiċjenza enerġetika bejn il-prodotti differenti, jista' jgħin lill-konsumaturi jagħmlu għażliet aktar infurmati f'termini ta' ffrankar tal-enerġija u jnaqqsu l-kontijiet tagħhom; jenfasizza li strumenti speċifiċi – bħall-arloġġi intelliġenti u l-awtomazzjoni domestika – jistgħu jtejbu l-imġiba tal-konsumaturi fir-rigward tal-konsum;
15. Jinnota li l-oqfsa regolatorji tal-UE jservu biex jissottolinjaw objettivi wesgħin, iżda huwa essenzjali progress reali fir-rivoluzzjonar tat-tisħin u t-tkessiħ bħala parti minn riforma usa' tas-sistema tal-enerġija;
16. Jinnota li l-aktar mod effikaċi biex jintlaħqu l-objettivi konġunti huwa li l-awtoritajiet lokali u reġjonali jingħataw is-setgħa u jiġu appoġġjati, flimkien mal-partijiet ikkonċernati kollha, biex japplikaw approċċ sħiħ ibbażat fuq sistemi integrati għall-ippjanar urban, l-iżvilupp tal-infrastruttura, il-bini u r-rinnovament tal-istokk tad-djar u l-iżvilupp industrijali ġdid sabiex jiġu mmassimizzati l-"cross-overs", l-effiċjenzi u benefiċċji reċiproċi oħrajn potenzjali;
17. Jistieden lill-Kummissjoni tutilizza bis-sħiħ is-settur tat-tisħin u t-tkessiħ biex tikseb gwadanji kosteffiċjenti fl-effiċjenza enerġetika fil-livell tas-sistema permezz tal-promozzjoni tal-użu ta' sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tal-konnessjoni tal-produzzjoni tas-sħana u l-enerġija, il-proċessi industrijali (bħall-irkupru ta' gassijiet residwi), il-ġestjoni tal-iskart u l-ġestjoni tad-domanda, kif ukoll teżamina kif jistgħu jiġu incentivati l-irkupru ta' sħana u kesħa residwi industrijali u l-produzzjoni sostenibbli ta' bijogass; jissottolinja li l-koġenerazzjoni u t-triġenerazzjoni fis-setturi msemmija hawn fuq għandhom jiġu sfruttati aktar; jenfasizza li l-produzzjoni tas-sħana u tal-enerġija marbuta mal-ġestjoni tal-iskart għandha tkun konsistenti mal-ġerarkija tal-iskart kif definita fl-ekonomija ċirkolari, biex b'hekk jiġi evitat li l-inċinerazzjoni tar-riżorsi li jistgħu jiġu rriċiklati jew użati mill-ġdid ma ssirx in-norma;
18. Jenfasizza l-importanza ta' użu aktar mifrux, sinerġiku u integrat tal-fondi strutturali u reġjonali Ewropew disponibbli kollha u tal-FEIS, li għandhom ikunu aċċessibbli għall-atturi kollha, inklużi l-SMEs u l-mikrointrapriżi; jitlob lill-Istati Membri jżidu l-għarfien tal-utenti u tal-konsumaturi dwar soluzzjonijiet tekniċi ġodda biex jiffrankaw l-enerġija, u jitlob lill-Kummissjoni tippromwovi l-iskambju tal-aħjar prattiki bejn l-Istati Membri;
19. Jissottolinja l-importanza li jiġi evitat li tibqa' tintuża infrastruttura ta' tisħin li tiswa ħafna flus marbuta ma' prodozzjoni tal-enerġija li tuża sorsi b'livell għoli ta' emissjonijiet tal-karbonju; jenfasizza l-importanza li tiġi vvalutata l-ħtieġa ta' appoġġ finanzjarju pubbliku għall-infrastruttura tat-tisħin distrettwali fil-kuntest tal-objettiv tal-UE biex, sal-2050, l-emissjonijiet tal-gassijiet serra jitnaqqsu bi 80 % sa 95 % meta mqabbla mal-livelli tas-snin disgħin u ta' tranżizzjoni organizzata tal-ekonomija tal-enerġija;
20. Jemmen li l-konsumaturi jridu jkunu fil-qofol ta' din l-istrateġija, bl-użu ta' teknoloġiji moderni u soluzzjonijiet innovattivi biex issir tranżizzjoni lejn sistema tat-tisħin u t-tkessiħ intelliġenti, effiċjenti u sostenibbli li tista' twassal għal iffrankar baġitarju u tal-enerġija għall-kumpaniji u għaċ-ċittadini, ittejjeb il-kwalità tal-arja, iżżid il-benessri għall-individwi u tipprovdi benefiċċji għan-negozji u s-soċjetà kollha kemm hi;
21. Jenfasizza l-ħtieġa li jkun hemm aktar investiment fir-riċerka u fl-iżvilupp sabiex jiġu żviluppati soluzzjonijiet innovattivi u teknoloġiċi; jenfasizza, fl-istess waqt, li permezz ta' użu usa' tat-teknoloġiji attwalment disponibbli jkun possibbli li l-effiċjenza tas-sistemi tat-tisħin u tkessiħ tiżdied b'20 %;
22. Jissottolinja li filwaqt li proporzjon kbir tal-bini Ewropew illum jaħli l-enerġija minħabba l-kwalità ħażina tal-iżolament tiegħu u s-sistemi ta' tisħin qodma u ineffiċjenti tiegħu, il-faqar enerġetiku jaffettwa kważi 11 % tal-popolazzjoni tal-UE;
23. Jinnota li żieda sinifikanti fl-effiċjenza enerġetika tal-bini tista' tkun għodda ewlenija biex jiġi ttrattat il-faqar enerġetiku;
24. Jinnota l-kundizzjonijiet differenti tal-Unjoni, jikkunsidra li aktar ma tkun qasira l-katina li permezz tagħha l-enerġija primarja tiġi konvertita f'forom oħra biex tiġi ġġenerata sħana li tista' tintuża, aktar tkun għolja l-effiċjenza enerġetika, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi strumenti teknoloġikament newtrali li jippermettu lil kull komunità tiżviluppa soluzzjonijiet kosteffiċjenti biex titnaqqas l-intensità ta' karbonju tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ;
25. Jitlob li jitfasslu pjanijiet bil-ħsieb li s-sussidji għall-fjuwils fossili jiġu eliminati gradwalment u li jiġu allokati riżorsi finanzjarji għal proġetti dwar l-effiċjenza enerġetika li jservu biex jintlaħqu l-għanijiet tal-UE għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-enerġija sal-2050;
26. Ifakkar li wħud mill-industriji jew l-impjanti tal-enerġija jiġġeneraw sħana jew kesħa bħala prodott sekondarju li jista' jerġa' jintuża fl-impjanti jew jinbiegħ biex jissaħħan il-bini li jinsab fil-qrib; jinnota li l-integrazzjoni tal-produzzjoni, tal-konsum u tal-użu mill-ġdid ta' kesħa residwa toħloq benefiċċji ambjentali u ekonomiċi u tnaqqas id-domanda tal-enerġija primarja għat-tkessiħ; jenfasizza l-importanza tal-użu tas-sħana u l-kesħa residwi, u jistieden lill-Kummissjoni tippromwovi dan l-użu;
27. Jinnota li 72 % tad-domanda għat-tisħin u t-tkessiħ ta' djar għal familja waħda huma kkonsmati f'żoni rurali u intermedji; jinnota li l-familji f'postijiet rurali, remoti u iżolati għalhekk jistgħu jeħtieġu attenzjoni partikolari u soluzzjonijiet imfassla apposta;
28. Jenfasizza li livell għoli ta' elettrifikazzjoni tas-settur tat-tisħin u t-tkessiħ jista' jkollu rwol ewlieni fid-dekarbonizzazzjoni, kemm f'termini ta' tnaqqis ta' gassijiet serra kif ukoll ta' titjib fil-kwalità tal-arja urbana;
29. Jissottolinja d-disponibbiltà mifruxa ta' bijomassa solida, bijogass u enerġija ġeotermali u l-potenzjal tat-tisħin distrettwali u tal-koġenerazzjoni tas-sħana u l-enerġija bħala mezz kosteffiċjenti biex is-settur tal-enerġija jiġi dekarbonizzat filwaqt li jingħata kontribut ukoll għall-objettivi rigward is-sigurtà tal-provvista; jenfasizza li kriżi Ewropea fil-qasam tal-gass tikkostitwixxi kriżi fil-qasam tat-tisħin; jilqa' l-kriterji ta' sostenibbiltà għall-bijomassa, li jridu jkunu bbilanċjati sew sabiex jippromovu l-użu ambjentalment sostenibbli u kompetittiv tagħha; jistieden lill-Kummissjoni tipproponi mingħajr dewmien politika ta' sostenibbiltà tal-bijomassa;
30. Jenfasizza li t-tisħin distrettwali bbażat fuq l-enerġija rinnovabbli jipprevjeni l-firxa ta' sistemi ta' tisħin individwali li jniġġsu aktar, li jżidu t-tniġġis tal-arja f'żoni residwi u li huma ferm aktar diffiċli li jiġu kkontrollati minn sistemi mifruxa ta' tisħin distrettwali; jenfasizza, madanakollu, li l-infrastruttura u l-kundizzjonijiet klimatiċi jvarjaw fl-Unjoni u li dawn is-sistemi spiss jeħtieġ li jiġu modernizzati sabiex tiżdied l-effiċjenza tagħhom; jitlob għalhekk li ssir analiżi tal-ħtieġa li tiġi appoġġjata infrastruttura ta' tisħin distrettwali u ta' prattiki ta' tassazzjoni fir-rigward tas-sorsi ta' enerġija rinnovabbli u tat-tisħin distrettwali;
31. Jenfasizza l-ħtieġa li tiġi żviluppata politika tal-enerġija speċifika għal dawk iż-żoni li mhumiex konnessi mal-grid tal-gass naturali;
32. Jissottolinja l-importanza li jiżdied l-użu tat-teknoloġiji ta' tisħin u tkessiħ b'enerġija rinnovabbli, flimkien ma' żieda qawwija fl-effiċjenza enerġetika;
33. Jissottolinja, filwaqt li jenfasizza l-ħtieġa li tiġi ssalvagwardjata n-newtralità tat-teknoloġija skont iċ-ċirkostanzi soċjoekonomiċi u ġeografiċi differenti fl-Istati Membri, il-potenzjal enormi ta' djar innovattivi li jkunu newtrali fir-rigward tal-enerġija bħala mezz kosteffiċjenti għad-dekarbonizzazzjoni tas-settur tal-kostruzzjoni u tad-djar ordinarji;
34. Jenfasizza li l-"iskart għall-enerġija" se jibqa' jkollu rwol sinifikanti fit-tisħin peress li l-alternattiva spiss hija r-rimi f'miżbla u l-użu tal-fjuwils fossili, filwaqt li jfakkar li hemm ħtieġa għal iżjed riċiklaġġ;
35. Jitlob li jsir rieżami tal-leġiżlazzjoni eżistenti li jiffoka fuq is-salvagwardja tan-newtralità tat-teknoloġija u l-kosteffiċjenza sabiex jiġi żgurat li ma tippromwovix jew ma tiskreditax teknoloġija askapitu ta' oħra – l-enerġija rinnovabbli prodotta fuq il-post, bħal permezz tal-pannelli solari residenzjali, jew qrib bini pereżempju, għandha titqies meta tiġi kkalkolata l-prestazzjoni enerġetika tal-bini, irrispettivament mis-sors;
36. Jilqa' l-istrateġija tal-UE dwar it-tisħin u t-tkessiħ, li tikkonkludi li "l-konsumaturi jridu jkunu ċentrali għal din l-istrateġija" u għandha l-intenzjoni li tippermettilhom jużaw varjetà ta' "teknoloġiji moderni u soluzzjonijiet innovattivi biex jimxu lejn sistema tat-tisħin u tat-tkessiħ intelliġenti, effiċjenti u sostenibbli li tista' tagħti lok għal iffrankar tal-enerġija u dak baġitarju għall-kumpaniji u għaċ-ċittadini";
37. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali jindirizzaw il-problemi speċifiċi tal-bini rurali li ħafna drabi jkun eqdem, inqas effiċjenti fl-enerġija, inqas ta' benefiċċju għas-saħħa u jipprovdi kumdità termali aktar baxxa;
38. Ifakkar fil-kontribut tal-enerġiji rinnovabbli għas-sigurtà tal-provvista tal-enerġija fl-Ewropa, u jissottolinja r-reattività għolja ta' produzzjoni idrawlika għad-domandi massimi u r-riskji ta' blackout;
39. Jistieden lill-Kummissjoni, lill-Istati Membri u lill-awtoritajiet lokali, fid-dawl tal-possibbiltà ta' kriżijiet futuri fil-provvista tal-gass, biex jintegraw bis-sħiħ il-produzzjoni tal-bijogass mill-ipproċessar tad-demel fl-implimentazzjoni tal-ekonomija ċirkolari.
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT LI JINTALAB JAGĦTI OPINJONI
Data tal-adozzjoni |
21.6.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
45 11 10 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Margrete Auken, Pilar Ayuso, Zoltán Balczó, Ivo Belet, Simona Bonafè, Biljana Borzan, Lynn Boylan, Cristian-Silviu Buşoi, Soledad Cabezón Ruiz, Nessa Childers, Birgit Collin-Langen, Mireille D’Ornano, Angélique Delahaye, Jørn Dohrmann, Ian Duncan, Eleonora Evi, Karl-Heinz Florenz, Elisabetta Gardini, Gerben-Jan Gerbrandy, Jens Gieseke, Julie Girling, Sylvie Goddyn, Matthias Groote, Françoise Grossetête, Andrzej Grzyb, György Hölvényi, Anneli Jäätteenmäki, Benedek Jávor, Rikke Karlsson, Giovanni La Via, Peter Liese, Norbert Lins, Valentinas Mazuronis, Susanne Melior, Massimo Paolucci, Gilles Pargneaux, Piernicola Pedicini, Bolesław G. Piecha, Pavel Poc, Frédérique Ries, Michèle Rivasi, Daciana Octavia Sârbu, Annie Schreijer-Pierik, Davor Škrlec, Renate Sommer, Dubravka Šuica, Claudiu Ciprian Tănăsescu, Nils Torvalds, Jadwiga Wiśniewska, Damiano Zoffoli |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Renata Briano, Nicola Caputo, Mark Demesmaeker, Herbert Dorfmann, Christofer Fjellner, Eleonora Forenza, Elena Gentile, Iris Hoffmann, Anne-Marie Mineur, Ulrike Müller, Marijana Petir, Gabriele Preuß, Jasenko Selimovic, Bart Staes |
||||
Sostituti (skont l-Artikolu 200(2)) preżenti għall-votazzjoni finali |
Rosa D’Amato, Edouard Ferrand |
||||
RIŻULTAT TAL-VOTAZZJONI FINALIFIL-KUMITAT RESPONSABBLI
Data tal-adozzjoni |
12.7.2016 |
|
|
|
|
Riżultat tal-votazzjoni finali |
+: –: 0: |
47 1 8 |
|||
Membri preżenti għall-votazzjoni finali |
Zigmantas Balčytis, Nicolas Bay, Bendt Bendtsen, José Blanco López, David Borrelli, Reinhard Bütikofer, Jerzy Buzek, Edward Czesak, Jakop Dalunde, Pilar del Castillo Vera, Christian Ehler, Fredrick Federley, Ashley Fox, Adam Gierek, Theresa Griffin, András Gyürk, Roger Helmer, Hans-Olaf Henkel, Eva Kaili, Kaja Kallas, Krišjānis Kariņš, Seán Kelly, Jaromír Kohlíček, Janusz Lewandowski, Ernest Maragall, Edouard Martin, Angelika Mlinar, Nadine Morano, Dan Nica, Morten Helveg Petersen, Miroslav Poche, Carolina Punset, Michel Reimon, Herbert Reul, Paul Rübig, Algirdas Saudargas, Jean-Luc Schaffhauser, Neoklis Sylikiotis, Dario Tamburrano, Evžen Tošenovský, Claude Turmes, Vladimir Urutchev, Adina-Ioana Vălean, Kathleen Van Brempt, Henna Virkkunen, Martina Werner, Lieve Wierinck, Anna Záborská, Flavio Zanonato, Carlos Zorrinho |
||||
Sostituti preżenti għall-votazzjoni finali |
Amjad Bashir, Constanze Krehl, Bernd Lange, Olle Ludvigsson, Clare Moody, Massimiliano Salini |
||||